EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0645

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fil-25 ta’ Ottubru 2017.
Conseils et mise en relations (CMR) SARL vs Demeures terre et tradition SARL.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom – Direttiva 86/653/KEE – Dritt tal-aġent kummerċjali għal indennizz jew għall-kumpens għad-danni wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali – Artikolu 17 – Esklużjoni tad-dritt għal indennizz fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt waqt il-perijodu ta’ prova stabbilit fil-kuntratt.
Kawża C-645/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:806

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil-25 ta’ Ottubru 2017 ( 1 )

Kawża C-645/16

Conseils et mise en relations (CMR) SARL

vs

Demeures terre et tradition SARL

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 86/653/KEE – Artikolu 17 – Aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom – Dritt tal-aġent kummerċjali għall-indennizz jew għall‑kumpens għad-danni wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija – Prattika nazzjonali li teskludi d-dritt għal indennizz f’każ ta’ xoljiment tal-kuntratt mill-prinċipal waqt il-perijodu ta’ prova stabbilit fil‑kuntratt”

Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tad‑Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il‑koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom ( 2 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Conseils et mise en relations (CMR) SARL u Demeures terre et tradition SARLI (iktar ’il quddiem “DTT”) fir-rigward ta’ talba, magħmula minn CMR, għall-ħlas ta’ indennizz bħala kumpens għad-danni riżultanti mit-terminazzjoni tal‑kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali li jorbotha ma’ DTT.

3.

Din il-kawża tirrigwarda l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 86/653, u b’mod partikolari tal-Artikolu 17 tagħha, fis‑sitwazzjonijiet fejn il-partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali jkunu stabbilixxew perijodu ta’ prova li matulu l-kuntratt ġie mwaqqaf mill-prinċipal. Minbarra l-kwistjoni tal-legalità tal-istabbiliment ta’ perijodu ta’ prova li għandu l-effett li jipprekludi l-applikazzjoni tad dispożizzjonijiet tad-Direttiva 86/653, u b’mod partikolari tal‑Artikolu 17 tagħha, għall-kuntratti normalment irregolati minn din id‑direttiva, din il-kawża ser tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni l-iktar wiesgħa dwar liema aspetti tal‑kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali huma armonizzati skont din id‑direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

4.

It-tieni u t-tielet premessa tad-Direttiva 86/653 jistabbilixxu:

“Billi d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir‑rappreżentanza kummerċjali sostanzjalment jaffettwaw il‑kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u t-twettiq ta’ dik l-attività [fl-Unjoni Ewropea] u huma ta’ ħsara kemm għal protezzjoni disponibbli għal aġenti kummerċjali vis-à-vis il-prinċipali tagħhom u kemm għas-sigurtà ta’ operazzjonijiet kummerċjali; billi barraminnhekk dawk id-differenzi huma tali li jipprevienu sostanzjalment il-konklużjoni u l-operazzjoni ta’ kuntratti ta’ rappreżentanza kummerċjali meta l-prinċipal u l-aġenti kummerċjali jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti;

Billi l-kummerċ fil-merkanzija bejn Stati Membri għandu jitwettaq taħt il-kundizzjonijiet li huma simili għal dawk ta’ suq wieħed, u dan jeħtieġ l-approssimazzjoni tas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri sal-limitu meħtieġ għal funzjonament kif suppost tas-suq komuni; billi f’dan ir‑rigward ir-regoli li jikkonċernaw konflitti fil-liġijiet fil-fatt ma jneħħux, fil-materja ta’ rappreżentanza kummerċjali, l-inkonsistenzi msemmija fuq, lanqas ma kienu li kieku saru l-istess, u għalhekk l‑armonizzazzjoni proposta hija neċessarja minkejja l-eżistenza ta’ dawk ir-regoli”.

5.

L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Il-miżuri ta’ armonizzazzjoni stipulati minn din id-Direttiva għandhom japplikaw għal-liġijiet, għar-regolamenti u għad‑dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirregolaw ir‑relazzjonijiet bejn aġenti kummerċjali u l-prinċipali tagħhom.

2.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘aġent kummerċjali’ għandu jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-‘prinċipal’, jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn l-operazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isem dak il‑prinċipal”.

6.

L-Artikoli 13 sa 20 tad-Direttiva 86/653 jinsabu fil-Kapitolu IV tagħha intitolat “Il-konklużjoni u t-terminu [t-tmiem] tal-kuntratt ta’ l-aġenzija”. L‑Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jaqra kif ġej:

“Kuntratt ta’ aġenzija għal perjodu fiss li jibqa’ jkun effettiv maż-żewġ partijiet wara li dak il-perjodu jkun skada għandu jitqies li ġie mibdul f’kuntratt ta’ aġenzija għal perjodu indefinit”.

7.

Skont l-Artikolu 15(1) u (2) tad-Direttiva 86/653:

“1.   Meta kuntratt ta’ aġenzija jkun ġie konkluż għal perjodu indefinit kull waħda mill-partijiet tista titterminah permezz ta’ notifika.

2.   Il-perjodu tan-notifika għandu jkun xahar wieħed għall-ewwel sena tal-kuntratt, xahrejn għat-tieni sena mibdija, u tliet xhur għat-tielet sena mibdija u s-snin sussegwenti. Il-partijiet ma jistgħux jiftiehmu fuq perjodi iqsar ta’ notifika”.

8.

L-Artikolu 17(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-aġent kummerċjali jkun, wara t-terminu [t-tmiem] tal-kuntratt ta’ l-aġenzija, indennizzat skond il-paragrafu 2 jew ikkumpensat għad-danni skond il‑paragrafu 3.

(a)

L-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz jekk u sal-limiti li:

ikun ressaq lill-klijenti prinċipali ġodda [klijenti ġodda lill-prinċipal] jew ikun żied b’mod sinfikanti l-volum tan-negozju ma’ klijenti eżistenti u l-prinċipal jibqa’ jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju ma’ dawn il-klijenti,

u

il-ħlas ta’ dan l-indennizz ikun indaqs fir-rigward taċ‑ċirkostanzi kollha u, b’mod partikolari, il‑kommissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali fuq in‑negozju mwettaq ma’ dawk il-klijenti. […]

(b)

L-ammont ta’ l-indennizz ma jistax jeċċedi figura ekwivalenti għal indennizz għal sena waħda ikkalkolata mir-remunerazzjoni annwali medja ta’ aġent kummerċjali tul il‑ħames snin preċedenti u jekk il-kuntratt imur lura anqas minn ħames snin, l-indennnizz għandu jiġi kkalkolat fuq il‑medja tal-perjodu inkwistjoni;

(ċ)

Il-għotja ta’ dan l-indennizz m’għandhiex iżżomm lill-aġent kummerċjali milli jfittex għad-danni.

3.   L-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz għad-danni li hu jsofri bħala riżultat tat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet tiegħu mal‑prinċipal.

Dawn id-danni għandhom jitqiesu li jseħħu b’mod partikolari meta sseħħ it-terminazzjoni f’ċirkostanzi:

li jċaħħdu lill-aġent kummerċjali mill-kommissjoni li twettiq tajjeb tal‑kuntratt ta’ l-aġenzija jkun akkwistalu waqt li jipprovdi lill‑prinċipal b’benefiċċji sostanzjali marbuta ma’ l-attivitajiet ta’ l‑aġent kummerċjali,

u/jew li ma jkunux għamluha faċli għall-aġent kummerċjali li jħallas bin-nifs l-infiq u l-ispejjeż li hu jkun sofra għat-twettiq tal-kuntratt ta’ l-aġenzija fuq il-parir tal-prinċipal.”

9.

L-Artikolu 18 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-indennizz jew il-kumpens imsemmija fl-Artikolu 17 m’għandhomx ikunu pagabbli:

(a)

meta l-prinċipal ikun ittermina l-kuntratt ta’ l-aġenzija minħabba nuqqas li jista jkun attribwit lill-aġent kummerċjali li kien jiġġustifika t-terminazzjoni immedjata tal-kuntratt ta’ l-aġenzija skond il-liġi nazzjonali;

(b)

meta l-aġent kummerċjali jkun ittermina l-kuntratt ta’ aġenzija, sakemm din it-terminazzjoni ma tkunx iġġustifikata b’ċirkostanzi li jistgħu jkunu attribwiti lill-prinċipal [jew] fuq bażi ta’ età, nuqqas ta’ saħħa jew mard ta’ l-aġent kummerċjali [li] b’konsegwenza [tagħhom] ma jkunx jista raġonevolment ikun meħtieġ li jkompli bl-attivitajiet tiegħu;

(ċ)

meta, bi ftehim mal-prinċipal, l-aġent kummerċjali jassenja d‑drittijiet u d-dmirijiet tiegħu skond il-kuntratt ta’ l-aġenzija lil persuna oħra”.

10.

Finalment, l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva jipprovdi li “Il‑partijiet ma jistgħux jidderogaw mill-Artikoli 17 u 18 għad‑detriment ta’ l-aġent kummerċjali qabel ma l-kuntratt ta’ l-aġenzija jiskadi”.

Id-dritt Franċiż

11.

Ir-Repubblika Franċiża ttrasponiet l-Artikolu 17 tad‑Direttiva 86/653 fid-dritt nazzjonali tagħha billi għażlet is-sistema pprovduta fil-paragrafu 3 tal-imsemmija dispożizzjoni.

12.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu L134-12 tal-code de commerce (kodiċi kummerċjali) jipprovdi:

“F’każ ta’ terminazzjoni tar-relazzjonijiet mal-prinċipal, l-aġent kummerċjali għandu dritt għal indennizz bħala kumpens għad-dannu subit.

L-aġent kummerċjali jitlef id-dritt għall-kumpens jekk ma jkunx innotifika lill-prinċipal, f’terminu ta’ sena li jibda’ mit-terminazzjoni tal‑kuntratt, li huwa għandu l-intenzjoni li jinvoka d-drittijiet tiegħu.

L-aventi kawża tal-aġent kummerċjali jibbenefikaw ukoll mid-dritt għall‑kumpens meta t-terminazzjoni tal-kuntratt tkun dovuta għall-mewt tal-aġent.”

Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

13.

Fit-2 ta’ Diċembru 2011, DTT, fil-kwalità tagħha ta’ prinċipal, ikkonkludiet flimkien ma’ CMR kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali dwar il-bejgħ ta’ djar individwali. Dan il-kuntratt kien jipprovdi perijodu ta’ prova ta’ tnax-il xahar, li warajh kellu jitqies bħala għal żmien indeterminat, bil‑fakultà ta’ kull waħda mill-partijiet li xxoljih matul dan il-perijodu ta’ prova, permezz ta’ notifika minn qabel ta’ ħmistax-il ġurnata fl-ewwel xahar u mbagħad ta’ xahar. Il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali kien stabbilixxa bħala mira t-twettiq ta’ 25 bejgħ fis-sena.

14.

B’ittra tat-12 ta’ Ġunju 2012, DTT innotifikat lil CMR bid‑deċiżjoni tagħha li tittermina l-kuntratt inkwistjoni, fi tmiem it‑terminu tan-notifika minn qabel kuntrattwali ta’ xahar. Din id-deċiżjoni kienet immotivata min-nuqqas ta’ osservanza tal-mira stabbilita mill‑imsemmi kuntratt, peress li CMR kienet wettqet biss bejgħ wieħed f’ħames xhur.

15.

B’att tal-20 ta’ Marzu 2013, CMR ressqet lil DTT quddiem it‑tribunal de commerce d’Orléans (qorti kummerċjali ta’ Orléans, Franza) għall-ħlas, b’mod partikolari, ta’ indennizz bħala kumpens għad-danni riżultanti mit-terminazzjoni tal‑kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali. B’sentenza tat-30 ta’ Jannar 2014, din il-qorti laqgħet parzjalment it-talbiet ta’ CMR.

16.

Fl-14 ta’ Frar 2014, DTT appellat minn din is-sentenza. B’sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, il-cour d’appel d’Orléans (qorti tal-appell ta’ Orléans, Franza), annullat parzjalment is-sentenza tat-tribunal de commerce d’Orléans (qorti kummerċjali ta’ Orléans). B’mod partikolari, din il-qorti kkunsidrat li l-indennizz bħala kumpens previst mill‑Artikolu L134-12 tal-code de commerce (kodiċi kummerċjali) ma kienx dovut f’każ ta’ ksur tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali matul il-perijodu ta’ prova.

17.

CMR appellat minn din is-sentenza quddiem il-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni). Kif indikat mill-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni) fir-rinviju tagħha, l-ewwel nett, is-sentenza tal-cour d’appel d’Orléans (qorti tal-appell ta’ Orléans) kienet applikat ġurisprudenza stabbilita tas-sede kummerċjali, finanzjarja u ekonomika tal-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni), li tipprovdi li d-dritt għall-indennizz huwa suġġett għal eċċezzjoni meta l-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali jinkiser matul il‑perijodu ta’ prova. It-tieni nett, il-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni) irrilevat li d-Direttiva 86/653 ma tagħmilx riferiment għal eventwali perijodu ta’ prova, b’tali mod li tali perijodu jista’ jkun stipulat mill-partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, mingħajr ma dan jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni. It‑tielet u l-aħħar nett, hija fakkret, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja, li d-Direttiva 86/653 hija intiża sabiex tipproteġi l-aġent kummerċjali fir-relazzjoni tiegħu mal-prinċipal u li l‑Artikolu 17(2) u (3) tagħha għandu jiġi interpretat f’sens li jikkontribwixxi għal din il-protezzjoni.

18.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d‑domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 17 tad-Direttiva [86/653] japplika meta t-terminazzjoni tal‑kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali sseħħ matul il-perijodu ta’ prova previst f’dan il-kuntratt?”

19.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn DTT, mill‑Gvern Franċiż u minn dak Ġermaniż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

Analiżi

20.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 17(2) u (3) tad‑Direttiva 86/653. B’mod iktar ġenerali, id-domanda tal-qorti tar‑rinviju hija intiża sabiex tivverifika l-kompatibbiltà mad‑Direttiva 86/653 tal-ġurisprudenza tagħha fil-qasam tal-kuntratti ta’ aġenzija kummerċjali, li tipprovdi li l-istatus ta’ aġent kummerċjali kif previst mid-Direttiva 86/653 jieħu effett biss wara l-perijodu ta’ prova.

Osservazzjonijiet preliminari

21.

Qabel xejn għandu jitfakkar li d-Direttiva 86/653 tapplika fil‑kuntest ta’ kawża bejn żewġ partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali li jirresjedu fi Franza u li ma tippreżenta ebda element barrani ( 3 ).

22.

F’dan ir-rigward, hemm lok li b’mod partikolari jiġi rrilevat, li huwa stabbilit li d-Direttiva 86/653 għandha l-għan li tarmonizza l-liġijiet tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il‑partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali ( 4 ), kif jirriżulta mill‑Artikolu 1(1) tagħha. Fil-fatt, il-loġika inizjali tad-Direttiva 86/653 kienet li jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall‑prinċipali li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fis-suq intern billi jagħmlu użu minn aġenti kummerċjali, għalhekk, sabiex jinvestu u jwettqu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom, il‑prinċipali jeħtieġ li jkunu jafu għal liema regoli ser ikunu suġġetti fir-rigward tal‑indennizzi bħala kumpens u tar-remunerazzjoni tal-aġenti kummerċjali li jużaw ( 5 ).

23.

Huwa f’dan l-ordni ta’ ideat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn-naħa, li l‑Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 86/653 għandhom importanza determinanti, għaliex dawn jiddefinixxu l‑livell ta’ protezzjoni li l‑leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra raġonevoli li jingħata lill-aġenti kummerċjali fil-kuntest tal-ħolqien tas-suq uniku u, min-naħa l-oħra, li s-sistema stabbilita għal dan l-għan minn din id-direttiva hija ta’ natura imperattiva ( 6 ).

Fuq il-funzjoni tas-sistema ta’ kumpens prevista fl-Artikolu 17 tad‑Direttiva 86/653

24.

Preliminarjament, għandha fl-ewwel lok, issir mistoqsija dwar il‑funzjoni tas-sistema ta’ kumpens prevista fl-Artikolu 17 tad‑Direttiva 86/653. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità, b’mod partikolari fis-sentenzi Honyvem Informazioni Commerciali ( 7 ) u Marchon Germany ( 8 ), li tagħmel ċerti preċiżazzjonijiet ( 9 ).

25.

Fl-ewwel lok, hemm lok li ninnotaw xi karatteristiċi tal‑funzjonament tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali. Minkejja li x‑xogħol tal-aġent kummerċjali jikkonsisti essenzjalment fl-innegozjar tal-konklużjoni ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali u li jistabbilixxi rapporti kummerċjali ġodda għall-prinċipal, l-aġent kummerċjali għandu – bħala prinċipju – dritt għal kummissjoni biss meta tranżazzjoni preċiża tiġi konkluża grazzi għall-intervent tiegħu, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 86/653. Min-naħa l-oħra, ladarba tiġi stabbilita, relazzjoni ma’ klijent tista’ twassal għal diversi tranżazzjonijiet mingħajr l-intervent mill-ġdid tal-aġent. Għalhekk ix-xogħol preliminari jiġi kkumpensat mal-andament tiegħu. Huwa f’dan il-kuntest li għandha tiġi evalwata n-natura tas-sistema ta’ kumpens prevista fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653.

26.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dannu ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 86/653 jista’ jirriżulta mill-fatt li x-xoljiment tal-kuntratt seħħ fil-mument fejn l-aġent kummerċjali kiseb klijent ġdid. Fil-fatt, f’dan il-każ ipotetiku, il-kummissjonijiet imħallsa sal-mument tax-xoljiment ma jirriflettux l-ammont tal-valur miżjud iġġenerat għall-prinċipal ( 10 ). Għalhekk il-mekkaniżmu ta’ kumpens għad-danni ma huwiex intiż li jissanzjona x-xoljiment tal-kuntratt jew li jagħti pensjoni tal-manteniment lill-aġent minħabba t-terminazzjoni tal‑kuntratt, iżda sabiex jitħallas ix-xogħol preliminari tal-aġent kummerċjali. Id-dritt tal-aġent kummerċjali għal indennizz bħala kumpens għad-dannu subit, previst fl-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 86/653, jiddependi għalhekk mill-prestazzjoni tal-imsemmi aġent matul il-perijodu tal-kuntratt u mill-vantaġġi li l‑prinċipal ikompli jgawdi minn dan ix-xogħol ( 11 ). Għalhekk, il-kumpens għad-danni tal-aġent kummerċjali wara t-terminazzjoni tal-kuntratt jibqa’ parti mill-obbligu ta’ korrispettiv tal-provvista tal-prinċipal. Min-naħa l-oħra, huwa ovvju li ebda kumpens ma huwa ser jingħata lill-aġent fil‑każ fejn dan tal-aħħar ma jkunx ipprovda servizzi li joħolqu vantaġġ ekonomiku għall-prinċipal.

Fuq in-natura u l-effetti ġuridiċi tal-provvediment ta’ perijodu ta’ prova

27.

Fit-tieni lok, għandha ssir mistoqsija dwar in-natura u l-effetti ġuridiċi tal-provvediment ta’ perijodu ta’ prova b’mod ġenerali.

28.

Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi dwar in-natura ta’ perijodu ta’ prova fil-kuntest tal-kuntratti ta’ aġenzija kummerċjali, madankollu mill-ġurisprudenza tagħha fil-qasam tal-liġi tax-xogħol, u b’mod partikolari mis-sentenza Nisttahuz Poclava ( 12 ), jirriżulta li perijodu ta’ prova għandu l-għan li jippermetti li l-persuna li timpjega tivverifika l-kapaċità u l-abbiltajiet tal-ħaddiem li jeżerċita l-funzjonijiet li bihom huwa inkarigat dan tal-aħħar. B’kuntrast għall‑kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, il-kuntratt ta’ xogħol huwa kkaratterizzat mill-obbligu tal-ħaddiem li jipprovdi, mhux riżultat, iżda servizz. L-aġent kummerċjali jeżerċita l-professjoni tiegħu b’mod awtonomu, filwaqt li l-kuntratt ta’ xogħol jimplika rabta ta’ subordinazzjoni bejn min iħaddem u l-ħaddiem. Din hija r-raġuni li għaliha, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol, il-perijodu ta’ prova jippermetti barra minn hekk it-taħriġ u l-gwida tal-ħaddiem ġdid. Dan il‑bżonn ma jeżistix fir-relazzjoni bejn il-prinċipal u l-aġent kummerċjali.

29.

Dawn iż-żewġ tipi ta’ kuntratti huma madankollu komparabbli fir‑rigward tan-natura intuitu personae tagħhom. Il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali jistabbilixxi wkoll relazzjoni kuntrattwali permanenti ( 13 ) kkaratterizzata minn relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-kontraenti. Mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, il-fatt li jiffaċilita x-xoljiment tal-kuntratt, jekk ikun il-każ, sabiex parti ma tkunx marbuta ma kontraenti li ma jissodisfax l-aspettattivi tagħha, huwa saħansitra l-uniku għan tal-provvediment ta’ perijodu ta’ prova. Fl-aħħar nett, jidhirli li huwa importanti li jiġi enfasizzat li r-rabta kuntrattwali nnifisha, jiġifieri l-obbligu li jiġi pprovdut servizz u l-korrispettiv għalih, ma hijiex affettwata mill-imsemmi provvediment. Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali ma huwiex “definittivament konkluż” sakemm jispiċċa l-perijodu ta’ prova. Il-kuntratt huwa definittivament konkluż sa mill-iffirmar tiegħu.

Fuq il-legalità tal-provvediment ta’ perijodu ta’ prova fil-kuntratti ta’ aġenzija kummerċjali

30.

Fl-ewwel lok, għandha tiġi trattata fil-qosor il-kwistjoni dwar jekk perijodu ta’ prova jistax ikun stipulat – b’mod ġenerali – mill-partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali rregolat mid-Direttiva 86/653. Minkejja li l-qorti tar-rinviju ma fformulatx id-domanda preliminari tagħha f’dan is-sens, il-motivi tad-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, kif ukoll l-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ DTT, jiffokaw essenzjalment fuq dan l‑aspett.

31.

Il-qorti tar-rinviju kif ukoll DDT donnhom jippreżumu li s-sistema ta’ kumpens għad-danni prevista fl-Artikolu 17(2) u (3) tad‑Direttiva 86/653 ma tapplikax f’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt matul il-perijodu ta’ prova. B’mod iktar preċiż, huma jikkunsidraw li kuntratt li jipprovdi perijodu ta’ prova ma huwiex definittivament konkluż, raġuni li għaliha l-istatus ta’ aġent kummerċjali jkunu għadu mhux applikabbli. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-qorti tar-rinviju, aġent kummerċjali ma jistax, matul it-tul kollu ta’ perijodu ta’ prova eventwali, jinvoka d-drittijiet mogħtija lilu mid‑Direttiva 86/653.

32.

DTT tiddikjara wkoll li fl-assenza ta’ projbizzjoni ta’ provvediment ta’ perijodu ta’ prova fid-Direttiva 86/653, l-istatus ta’ aġent kummerċjali ma japplikax minħabba l-effetti ġuridiċi attribwiti lil dan il-perijodu ta’ prova mid-dritt nazzjonali. F’dan il-kuntest, DTT targumenta li la d-Direttiva 86/653 u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward ma jagħmlu riferiment għal eventwali perijodu ta’ prova u li għalhekk dan jista’ jkun stipulat mill-partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.

33.

Issa, hemm lok li jitfakkar li, għal dak li jirrigwarda d-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 288(3) TFUE, id-Direttiva 86/653 tipprovdi biss ir-riżultat li jrid jintlaħaq, filwaqt li tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-għażla dwar il-forma u l-mezzi. Kif jirriżulta mit-tieni u mit‑tielet premessa tagħha kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva hija intiża b’mod partikolari sabiex tipproteġi l-aġenti kummerċjali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-prinċipali tagħhom ( 14 ). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diversi drabi n-natura imperattiva tas-sistema ta’ kumpens prevista fl-Artikoli 17 sa 19 tad-Direttiva 86/653 ( 15 ), li għandha l-għan – flimkien mar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 14 sa 15 ta’ din id-direttiva ( 16 ) - li tikkompleta s‑sistema ta’ protezzjoni tal-aġenti kummerċjali stabbilita minn din id‑direttiva ( 17 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li r-regoli tal-kumpens stabbiliti fl-Artikoli 17 u 18 tal-imsemmija direttiva għandhom importanza determinanti, peress li dawn jiddefinixxu l-livell ta’ protezzjoni li l‑leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra raġonevoli li jingħata lill-aġenti kummerċjali fil-kuntest tal-ħolqien tas-suq uniku ( 18 ). Minn dan jirriżulta li d‑dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali għandhom jikkontribwixxu sabiex jintlaħaq l-għan imperattiv tad-Direttiva 86/653 li jikkonsisti f’garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni għall-aġent kummerċjali.

34.

Madankollu, id-Direttiva 86/653 ma ssemmi xejn dwar eventwali perijodu ta’ prova. Peress li d-dritt tal-Unjoni ma jagħmel ebda dikjarazzjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu, iktar favur li nqis – bħal DTT, bħal-Gvern Franċiż u bħal dak Ġermaniż u kif ukoll bħall-Kummissjoni – li l-provvediment tiegħu jaqa’, bħala prinċipju, taħt il-libertà kuntrattwali tal‑partijiet. Madankollu, fid-dawl tal-għan ta’ armonizzazzjoni tad‑Direttiva 86/653, l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar u l-effett utli tad‑drittijiet stabbiliti fiha ma għandhomx jinġiebu fix-xejn mill-effetti ġuridiċi mogħtija lil perijodu ta’ prova fid-dritt nazzjonali. Inkella, l‑applikabbiltà tar-regoli imperattivi tad-Direttiva 86/653 tkun tiddependi fuq id-dritt nazzjonali ( 19 ).

L-effetti ta’ perijodu ta’ prova fuq l-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653

35.

Barra minn hekk għandhom jiġu eżaminati l-effetti possibbli ta’ perijodu ta’ prova fuq id-dritt tal-aġent kummerċjali għal kumpens skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 u għandhom jiġu ddeterminati l-limiti li eventwalment ikunu applikabbli għalihom fid-dawl tar-regoli imperattivi tad-Direttiva.

36.

Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-portata tal-Artikolu 17 tad‑Direttiva 86/653 għandhom jiġu ddeterminati bit-teħid inkunsiderazzjoni tat-termini tiegħu, tal-kuntest tiegħu u tal-iskop tiegħu ( 20 ). F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 għandha ssir fid-dawl tal-għan li jrid jintlaħaq minn din tal-aħħar u tas-sistema li hija tistabbilixxi ( 21 ).

Il-formulazzjoni tad-Direttiva 86/653

37.

Sabiex nipproċedi bl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, hemm lok li jsir riferiment, qabel kollox, għall-formulazzjoni tagħha. Skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 86/653, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw lill-aġent kummerċjali, “wara t-terminu [t-tmiem] tal-kuntratt”, indennizz jew kumpens għad-dannu subit. It‑terminazzjoni tal-kuntratt hija għalhekk il-kundizzjoni li tagħmel disponibbli dan id-dritt għall-aġent kummerċjali. Din isseħħ meta l-partijiet itemmu l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, jiġifieri meta jtemmu l-obbligi sinallagmatiċi tagħhom.

38.

Tali effett jinħoloq meta parti tiddeċiedi li xxolji – taħt kundizzjonijiet inqas stretti, jekk ikun il-każ ( 22 ) – kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali matul il-perijodu ta’ prova. Kif diġà enfasizzajt, il‑provvediment ta’ perijodu ta’ prova għandu l-għan li jiffaċilita x‑xoljiment tal-kuntratt sabiex parti fil-kuntratt ma tkunx iktar marbuta ma’ kontraenti li ma jissodisfax l-aspettattivi tagħha. Bl-istess mod, ma hemmx lok li jitqies li l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali jibda biss wara l-perijodu ta’ prova.

39.

F’dan ir-rigward, il-formulazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 86/653, inkluż l-Artikolu 17 tagħha, jipprekludi li l‑perijodu ta’ prova jkun interpretat fid-dritt nazzjonali bħala perijodu li matulu l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tkun għadha ma bdietx u l-istatus tal‑aġent kummerċjali ma jkunx għalhekk applikabbli. Skont l‑Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 86/653 tapplika għad‑dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l‑aġenti kummerċjali u l-prinċipali tagħhom, bl-aġent kummerċjali jkun dak li, inkwantu intermedjarju, huwa responsabbli b’mod permanenti, fost l-oħrajn, mill-innegozjar tal-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra. Relazzjoni bejn aġent kummerċjali u prinċipal fis-sens tad‑Direttiva 86/653 teżisti għalhekk sa mill-mument li fih kuntratt li l‑għan tiegħu huwa l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija minn parti f’kuntratt f’isem il-parti l-oħra jiġi konkluż, irrispettivament mill‑kwistjoni dwar jekk din l-attività titwettaqx matul perijodu ta’ prova.

40.

Skont l-Artikolu 1 tagħha, il-protezzjoni mogħtija mid‑Direttiva 86/653 hija imperattiva sa mill-konklużjoni tal-kuntratt u ma tistax tkun eskluża b’xi arranġament kuntrattwali tal-partijiet, kif jindika l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, li jippreċiża li l-partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali ma jistgħux jidderogaw mid‑dispożizzjonijiet tal-Artikoli 17 u 18 tal-imsemmija direttiva għad-detriment tal-aġent kummerċjali. Għalhekk, id-dritt nazzjonali ma jistax jikklassifika dan il‑kuntratt bħala ħaġa oħra għajr kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali. Esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isseħħ.

41.

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi nnotat li n-natura “permanenti” tal-obbligu tal-aġent kummerċjali meħtieġa mill-Artikolu 1(2) tad‑Direttiva 86/653 ma hijiex ikkontestata mill-provvediment ta’ perijodu ta’ prova. Din il-kundizzjoni għandha l-għan li teskludi mill‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 86/653 ordni unika li ma tipprevedi ebda operazzjoni oħra fil-futur ( 23 ). Barra minn hekk, il‑possibbiltà li l-kuntratt jiġi tterminat ma tikkontestax in-natura permanenti tal-obbligu, peress li huwa suffiċjenti li l-aġent kummerċjali jkollu l-inklinazzjoni li jeżerċita missjoni permanenti, anki f’sitwazzjoni fejn din l-inklinazzjoni ma titwettaqx minħabba xoljiment tal-kuntratt mill‑prinċipal. Minn dan jirriżulta li l-perijodu ta’ prova ma huwiex intiż sabiex joħloq, fi żminijiet normali, sitwazzjoni temporanja biss. Għalhekk ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li perijodu qasir ta’ prova ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kumpens għad-dannu, previst fl‑Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653, għar-raġuni li r-relazzjoni ma hijiex “permanenti”. Skont il-funzjoni tal-imsemmi mekkaniżmu u l-għan tad‑Direttiva 86/653, is-sistema tapplika jekk it-terminazzjoni tal‑kuntratt tista’ twassal għal dannu ekonomiku għall-aġent kummerċjali.

42.

Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li xoljiment ta’ kuntratt matul il-perijodu ta’ prova jagħti lok – bħal fil-każ ta’ kuntratt għal żmien indeterminat – għal “terminu [t-tmiem]” fis-sens tal-Artikolu 17 tad‑Direttiva 86/653, ikkaratterizzata mill-iskadenza tal-obbligi kuntrattwali prinċipali.

L-istruttura ġenerali tad-Direttiva 86/653

43.

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653. Il-perijodu ta’ prova ma jirrigwardax l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt, iżda l-modalitajiet tat-terminazzjoni tiegħu. Dan jaqa’ għalhekk fl-istess kategorija ta’ regoli bħal dawk li jinsabu fl-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 86/653 li jirregolaw il-konklużjoni u t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali. Filwaqt li kuntratt għal żmien determinat jispiċċa fit-terminu tiegħu, kuntratt għal żmien indeterminat jista’ jkun xolt permezz ta’ notifika minn qabel. L-istess japplika għal kuntratt konkluż b’perijodu ta’ prova, bl-unika differenza li l-kundizzjonijiet ta’ xoljiment jistgħu, jekk ikun il‑każ ( 24 ), ikunu inqas stretti. Il-mekkaniżmu u l-effetti tax-xoljiment jibqgħu madankollu l-istess.

44.

Għall-każijiet ipotetiċi kollha ta’ terminazzjoni tal-kuntratt previsti fl‑Artikoli 14 u 15 tagħha, fl-Artikolu 17 id-Direttiva 86/653 tistabbilixxi, mingħajr distinzjoni, mekkaniżmu uniku ta’ kumpens wara t-terminazzjoni tal-kuntratt. Għalhekk mill-istruttura ġenerali tad-Direttiva 86/653 jirriżulta li din is-sistema hija applikabbli, irrispettivament mill-proċedura li wasslet għat-terminazzjoni tal-kuntratt.

45.

Barra minn hekk, il-perijodu ta’ prova ma huwiex inkluż fl‑eċċezzjonijiet għall-applikabbiltà tal-mekkaniżmu ta’ kumpens elenkati b’mod limitattiv fl-Artikolu 18 tad‑Direttiva 86/653. Skont din id-dispożizzjoni, il-kumpens previst fl‑Artikolu 17 ta’ din id-direttiva ma huwiex dovut fi tliet każijiet ipotetiċi, jiġifieri, l-ewwel nett, meta jkun hemm nuqqas attribwit lill-aġent kummerċjali li jiġġustifika t‑terminazzjoni immedjata tal-kuntratt skont id-dritt nazzjonali, it-tieni nett, meta l‑aġent jittermina l-kuntratt u, it-tielet nett, meta, skont ftehim mal-prinċipal, l-aġent kummerċjali jassenja d-drittijiet u d-dmirijiet tiegħu skont il-kuntratt tal-aġenzija lil persuna oħra. It-terminazzjoni tal-kuntratt matul perijodu ta’ prova ma taqa’ taħt ebda waħda minn dawn il-kategoriji. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tfakkar li l‑eċċezzjonijiet għar-regola tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653, elenkati fl-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, għandhom ikunu interpretati b’mod strett ( 25 ) u għalhekk ma jistgħux jiġu estiżi għal kategorija ġdida bħal dik tax‑xoljiment tal-kuntratt matul il-perijodu ta’ prova.

L-għan tad-Direttiva 86/653

46.

Fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 86/653, kif imfakkar fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mis-sistema ta’ kumpens inkwistjoni jirriżulta li din tal-aħħar teskludi kull interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva li tista’ tkun għad-detriment tal-aġent kummerċjali ( 26 ). Għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni mill-qorti tar‑rinviju tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 f’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali matul il-perijodu ta’ prova miftiehem, il-fatt li jiġi aċċettat il-provvediment ta’ tali perijodu ma jistax iwassal sabiex l-aġent kummerċjali jkun imċaħħad mid-drittijiet mogħtija lilu mill-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653. Minn dan jirriżulta li bħala prinċipju ma għandux jiġi eskluż kwalunkwe dritt tal-aġent kummerċjali għal kumpens abbażi tas-sistema stabbilita mill‑Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 meta t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali sseħħ matul il-perijodu ta’ prova li kien stipulat.

47.

In-natura imperattiva tal-mekkaniżmu li jipproteġi d-drittijiet tal‑aġent kummerċjali hija kkonfermata mill-Artikolu 19 tad‑Direttiva 86/653, li jipprojbixxi lill-partijiet milli jidderogaw mill‑Artikoli 17 u 18 ta’ din id-direttiva għad-detriment tal-aġent kummerċjali ( 27 ). Issa, il-fatt li l-kuntratt ikun suġġett għall-perijodu ta’ prova li matulu s-sistema stabbilita fl-Artikoli 17 u 18 tad‑Direttiva 86/653 ma tkunx applikabbli huwa ekwivalenti għal tali deroga.

48.

Barra minn hekk u kif irrilevaw ġustament il-Gvern Ġermaniż u l‑Kummissjoni, il-fatt li tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kumpens previst fl-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 86/653, permezz tas‑sempliċi provvediment ta’ perijodu ta’ prova jiftaħ il-bibien għal abbużi. Dan jirriskja li jinkoraġġixxi l-evitar tar-regoli dwar il‑protezzjoni tal-aġent kummerċjali mill-prinċipali billi jipprovdu perijodi ta’ prova twal li fit-tmiem tagħhom ebda kumpens għan-negozju miġjub mill-aġent kummerċjali lill-prinċipal tiegħu ma jkun dovut.

49.

Dan ir-riżultat ikun imur kontra d-dispożizzjonijiet imperattivi tad‑Direttiva 86/653 f’sens doppju, jiġifieri, ir-rifjut ta’ kull kumpens f’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali matul il-perijodu ta’ prova jwassal sabiex l-eċċezzjonijiet għat-tgawdija tad-drittijiet mogħtija – elenkati limitattivament fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 86/653 – ikunu estiżi u li, fl-istess ħin, jitbaxxa l-livell ta’ protezzjoni li trid tagħti din id-direttiva.

50.

Fl-aħħar nett, l-applikabbiltà tal-mekkaniżmu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 sa mill-bidu tal‑perijodu ta’ prova ma jwassalx sabiex ir-relazzjoni ta’ aġenzija kummerċjali ma tista’ qatt tkun xolta mingħajr il-ħlas ta’ kumpens u li għalhekk, l-interessi tal-prinċipal ma jkunx meħud inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti. Fil-fatt, l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 jipprovdi b’mod imperattiv u mingħajr eċċezzjoni preliminari kumpens finanzjarju, iżda biss “jekk u sal-limiti li” l-attività tal-aġent kummerċjali twassal għal żvilupp sostanzjali tar-relazzjonijiet kummerċjali tal‑prinċipal u toħloq effetti lil hinn mit-tul tal-kuntratt ta’ aġenzija. Barra minn hekk, il-ħlas ta’ dan il-kumpens għandu jkun xieraq, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha ( 28 ). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif ġie kkonstatat fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li s‑sistema ta’ kumpens għandha natura remuneratorja abbażi tal-prestazzjoni tal-aġent kummerċjali. Għalhekk, jekk skont dawn il‑kriterji, għandu jingħata kumpens, il-fatt li l-kuntratt ġie xolt matul il‑perijodu ta’ prova ma huwiex suffiċjenti sabiex jeskludi l-ħlas ta’ kumpens. Fl-aħħar nett, it-terminazzjoni tal-kuntratt matul il-perijodu ta’ prova jista’ jkollha l-istess effett ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt konkluż għal żmien indeterminat, jiġifieri dannu ekonomiku. Min-naħa l-oħra, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(2) u (3) tad‑Direttiva 86/653 ma jkunux sodisfatti, ebda kumpens ma għandu jingħata lill-aġent kummerċjali, kemm jekk ix-xoljiment tal-kuntratt iseħħ matul il-perijodu ta’ prova kif ukoll jekk wara. Dan jirriżulta wkoll mill-fatt li s-sistema ta’ kumpens ma hijiex intiża sabiex tissanzjona x‑xoljiment tal-kuntratt, iżda sabiex tikkumpensa l-aġent għas-servizzi diġà mogħtija li jkun għad ikollhom effett fuq it-tranżazzjonijiet futuri tal‑prinċipal.

Konklużjoni

51.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza):

Id-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, għandha tkun interpretata fis‑sens li l-Artikolu 17 tagħha japplika meta t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali jseħħ matul il-perijodu ta’ prova stipulat f’dak il-kuntratt.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177.

( 3 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Centrosteel (C-456/98, EU:C:2000:402, punt 13), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 86/653 “hija intiża għall-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, irrispettivament minn xi element transkonfinali tagħhom. Għalhekk il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jestendi lil hinn minn dak tal-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat”.

( 4 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali (C-465/04, EU:C:2006:199, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 5 ) Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Agro Foreign Trade & Agency (C‑507/15, EU:C:2016:809, punt 56).

( 6 ) Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C-184/12, EU:C:2013:663, punti 3940).

( 7 ) Sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006 (C-465/04, EU:C:2006:199).

( 8 ) Sentenza tas-7 ta’ April 2016 (C-315/14, EU:C:2016:211).

( 9 ) Minbarra l-funzjoni prevista fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653, il-Qorti tal‑Ġustizzja diġà kienet adita b’diversi kwistjonijiet oħra dwar l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu, jiġifieri, fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ din id-direttiva f’sitwazzjoni fejn waħda mill-partijiet hija stabbilita fi Stat terz, ara s-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar (C-381/98, EU:C:2000:605), u tas-16 ta’ Frar 2017, Agro Foreign Trade & Agency (C-507/15, EU:C:2017:129); fir-rigward tal-metodi ta’ kalkolu tal-indennizz u tal‑ammissibbiltà tal-għoti ta’ danni u interessi kumplimentarji, ara s-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 2009, Semen, (C-348/07, EU:C:2009:195), u tat-3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K., (C-338/14, EU:C:2015:795): jew anki fir-rigward tal-estinzjoni tad-dritt tal-aġent kummerċjali f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq imputabbli lilu jew in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ma’ klijenti terzi, ara s-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 2010, Volvo Car Germany (C-203/09, EU:C:2010:647) u tas-17 ta’ Mejju 2017, ERGO Poist’ov ňa, (C-48/16, EU:C:2017:377).

( 10 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Marchon Germany (C-315/14, EU:C:2015:585, punt 27) u r-rapport – evidentement mhux vinkolanti, iżda madankollu istruttiv – tal-Kummissjoni Ewropea tat-23 ta’ Lulju 1996 dwar l‑applikazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal‑liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (86/653/KEE) [KUM(96) 364 finali].

( 11 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Marchon Germany (C-315/14, EU:C:2016:211, punt 33), u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-Kawża Honyvem Informazioni Commerciali (C-465/04, EU:C:2005:641, punt 26).

( 12 ) Sentenza tal-5 ta’ Frar 2015 (C-117/14, EU:C:2015:60, punt 36).

( 13 ) Ara, ukoll, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653.

( 14 ) Sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali (C-465/04, EU:C:2006:199, punt 19).

( 15 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar (C-381/98, EU:C:2000:605, punt 21).

( 16 ) Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet kollha ċċitati iktar ’il fuq jinsabu fil-Kapitolu IV tad‑Direttiva 86/653, intitolat “Il-konklużjoni u t-terminu [t-tmiem] tal-kuntratt ta’ l-aġenzija”.

( 17 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Marchon Germany (C-315/14, EU:C:2015:585, punt 24).

( 18 ) Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C-184/12, EU:C:2013:663, punt 39).

( 19 ) Barra minn hekk, wieħed jista’ jistaqsi dwar il-bżonn li jiġi pprovdut perijodu ta’ prova fil-każ fejn dan tal-aħħar ma jtaffix il-kundizzjonijiet ta’ xoljiment tal-kuntratt – billi jirriduċi t-terminu ta’ notifika minn qabel – peress li fi kwalunkwe każ ix‑xoljiment ma għandux għax ikun immotivat.

( 20 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2015, Angerer (C-477/13, EU:C:2015:239, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K. (C-338/14, EU:C:2015:795, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Madankollu mhux inqas stretti meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet imperattivi tad‑Direttiva 86/653.

( 23 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering (C-3/04, EU:C:2006:176, punti 2526), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kollox ikkunsidrat in-numru ta’ operazzjonijiet konklużi mill-aġent bħala kriterju rilevanti fid‑determinazzjoni tan-natura permanenti tal-mandat. Fl-istess linja ta’ ideat, ara Rott-Pietrzyk, E., “Komentarz do Dyrektywy Rady nr 86/653 z 18 grudnia 1986 roku w sprawie harmonizacji praw państw członkowskich dotyczących niezależnych agentów handlowych”, Problemy Prawne Handlu Zagranicznego, Uniwersytet Śląski, t. 19/20, 2000, p. 245.

( 24 ) Madankollu mhux inqas stretti meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet imperattivi tad‑Direttiva 86/653.

( 25 ) Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, Volvo Car Germany (C-203/09, EU:C:2010:647, punt 42).

( 26 ) Sentenza tas-26 ta’ Marzu 2009, Semen (C-348/07, EU:C:2009:195, punt 21).

( 27 ) Ara, ukoll, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar (C-381/98, EU:C:2000:605, punt 22).

( 28 ) Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, Volvo Car Germany (C-203/09, EU:C:2010:647, punt 44).

Top