EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0483

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fis-16 ta’ Jannar 2018.
Zsolt Sziber vs ERSTE Bank Hungary Zrt.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 7(1) – Kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi rekwiżiti proċedurali speċifiċi sabiex tiġi kkontestata n-natura inġusta – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
Kawża C-483/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:9

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fis-16 ta’ Jannar 2018 ( 1 )

Kawża C‑483/16

Zsolt Sziber

vs

ERSTE Bank Hungary Zrt

(talba għal deċiżjoni preliminari mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti Għolja ta’ Budapest, l-Ungerija))

(Protezzjoni tal-konsumatur - Klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur - Ftehim ta’ kreditu ddenominati f’munita barranija - Leġiżlazzjoni nazzjonali li żżid rekwiżiti proċedurali f’każ ta’ kontestazzjoni dwar kemm ikunu ġusti klawżoli f’kuntratti mal-konsumaturi)

1. 

Din il-kawża hija għal darba oħra kawża magħmula fl-isfond tal-għadd kbir ta’ ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi ddenominati f’munita barranija li, fis-snin l-imgħoddija, kienu ġew konklużi f’xi Stati Membri, fosthom l-Ungerija.

2. 

Essenzjalment il-kawża tkompli fejn ħalliet is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 2014 fil-kawża Kásler u Káslerné Rábai (iktar ’il quddiem “Kásler”) ( 2 ). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ppromulgata mill-awtoritajiet Ungeriżi wara s-sentenza Kásler hijiex kompatibbli mad-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ( 3 ).

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

3.

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jgħid:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

B.   Id-dritt Ungeriż

1. Il-Liġi IV tal-1959 dwar il-Kodiċi Ċivili

4.

L-Artikolu 239/A(1) ta’ A Polgári Törvénykönyvről szóló 1959. évi IV. törvény (il-Liġi IV tal-1959 dwar il-Kodiċi Ċivili) — fis-seħħ sal-14 ta’ Marzu 2014 —kien jgħid dan li ġej:

“Il-partijiet jistgħu jibdew proċeduri biex jitolbu għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-kuntratt jew ta’ kull klawżola tal-kuntratt (invalidità parzjali) mingħajr ma fl-istess waqt ikollhom jitolbu applikazzjoni tal-konsegwenzi tal-invalidità.”

2. Il-Liġi V tal-2013 dwar il-Kodiċi Ċivili

5.

L-Artikolu 6:108 tal-A Polgári Törvénykönyvről szóló 2013. évi V. törvény (il-Liġi V tal-2013 dwar il-Kodiċi Ċivili) — fis-seħħ mill-15 ta’ Marzu 2014 — jgħid:

“1.   Ebda dritt ma jista’ jkun ibbażat fuq kuntratt invalidu, u lanqas ma tista’ titressaq talba għal eżekuzzjoni ta’ kuntratt. Jekk isir rikors f’dan is-sens minn waħda mill-partijiet, il-qorti għandha tiddetermina l-konsegwenzi legali l-oħra ta’ invalidità, skont id-dispożizzjonijiet dwar limitazzjoni u pussess negattiv.

2.   Il-partijiet jistgħu jibdew proċeduri ġudizzjarji għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-kuntratt mingħajr ma jkollhom jitolbu wkoll għall-applikazzjoni tal-konsegwenzi ta’ invalidità.

3.   Il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi legali ta’ invalidità u tista’ wkoll tmur lil hinn mit-talbiet tal-partijiet iżda ma tistax tapplika soluzzjoni li ż-żewġ partijiet jopponu.”

3. Il-Liġi DH1

6.

L-Artikolu 1(1) tal-A Kúriának a pénzügyi intézmények fogyasztói kölcsönszerződéseire vonatkozó jogegységi határozatával kapcsolatos egyes kérdések rendezéséről szóló 2014. évi XXXVIII. törvény (il-Liġi XXXVIII tal-2014 li tirregola materji speċifiċi relatati mad-deċiżjoni tal-Kúria għall-armonizzazzjoni tal-ġurisprudenza dwar ftehim ta’ self milħuqa bejn istituzzjonijiet ta’ kreditu u konsumaturi; iktar ’il quddiem il-“Liġi DH1”) jgħid:

“[Din il-liġi għandha tapplika] għal ftehim ta’ self ma’ konsumaturi milħuqa bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. Fl-applikazzjoni ta’ din il-liġi l-kunċett ta’ ‘ftehim ta’ self ma’ konsumaturi’ għandu jkopri kull kambju barrani bbażat (marbut ma’, jew iddenominat f’munita barranija u mħallas lura f’forints) jew kreditu abbażi ta’ forints jew ftehim ta’ self, jew kull ftehim ta’ leasing finanzjarju, milħuq bejn istituzzjoni finanzjarja u konsumatur, jekk ikun jinkorpora kundizzjonijiet kuntrattwali standard jew kull kundizzjoni kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment, li jkollha klawżola prevista mill-Artikolu 3(1) jew mill-Artikolu 4(1).”

7.

L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jgħid:

“1.   Fi ftehim ta’ kreditu milħuqa ma’ konsumaturi, kundizzjonijiet — bl-eċċezzjoni ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali li jkunu ġew innegozjati individwalment — li skonthom istituzzjoni ta’ kreditu tistipula li, għall-fini tal-ħlas lura tal-ammont ta’ finanzjament mogħti għax-xiri tas-suġġett tas-self jew għal leasing finanzjarju, għandha tapplika r-rata tax-xiri, u li, għall-fini tal-ħlas lura tad-dejn, għandha tapplika r-rata tal-bejgħ, jew rata tal-kambju differenti minn dik stabbilita meta s-self ikun tħallas, ikunu invalidi.

2.   Minflok il-kundizzjoni nulla msemmija fil-paragrafu 1 […] għandha tapplika r-rata tal-kambju uffiċjali stabbilita mill-[Bank Nazzjonali tal-Ungerija] għall-munita barranija kkonċernata b’rabta mal-ħruġ ta’ flus u l-ħlas lura tas-self (inkluż ir-radd lura ta’ ħlasijiet bin-nifs u l-ispejjeż, it-tariffi u l-kummissjonijiet kollha espressi fil-munita barranija).”

8.

L-Artikolu 4 tal-Liġi DH1 jgħid:

“1.   Fil-każ ta’ ftehim ta’ self milħuqa ma’ konsumaturi li jkunu jinkludu d-dritt li l-kuntratt ikun emendat unilateralment, il-kundizzjonijiet ta’ dak il-kuntratt — bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jkunu ġew innegozjati individwalment — li jkunu jippermettu ż-żieda unilaterali fir-rata ta’ imgħaxijiet jew iż-żieda unilaterali ta’ spejjeż u kummissjonijiet, għandhom jitqiesu li jkunu inġusti. […]

2.   Il-kundizzjonijiet kuntrattwali msemmija fil-paragrafu 1 ikunu invalidi jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx, fil-perijodu stipulat fl-Artikolu 8(1), bdiet proċeduri ċivili jew jekk il-qorti tkun waqfet l-eżami tal-każ, sakemm, fir-rigward tal-kundizzjonijiet kuntrattwali kkonċernati, ikun possibbli jitressqu l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 6(2) iżda dawk il-proċeduri ma jkunux inbdew jew, jekk ikunu nbdew, il-qorti ma tkunx qieset il-kundizzjoni kuntrattwali bħala invalida skont il-paragrafu 2a.

2a.   Il-kundizzjoni kuntrattwali msemmija fil-paragrafu 1 tkun invalida jekk il-qorti tkun qieset li tkun invalida skont il-liġi speċjali dwar il-bilanċ tal-kontijiet fi proċeduri mressqa fl-interess pubbliku mill-awtorità ta’ superviżjoni.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 2a, l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tagħmel bilanċ tal-kontijiet mal-konsumatur skont kif previst fil-liġi speċjali.”

4. Il-Liġi DH2

9.

L-Artikolu 37 tal-liġi A [Kúriának a] pénzügyi intézmények fogyasztói kölcsönszerződéseire vonatkozó jogegységi határozatával kapcsolatos egyes kérdések rendezéséről szóló 2014. évi XXXVIII. törvényben rögzített elszámolás szabályairól és egyes egyéb rendelkezésekről szóló 2014. évi XL. törvény (il-Liġi XL tal-2014 dwar id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-bilanċ tal-kontijiet imsemmi fil-Liġi XXXVIII tal-2014 dwar materji speċifiċi relatati mad-deċiżjoni [tal-Kúria] għall-armonizzazzjoni tal-ġurisprudenza dwar ftehim ta’ self milħuqa bejn istituzzjonijiet ta’ kreditu u konsumaturi, u dwar għadd ta’ dispożizzjonijiet oħra; “il-Liġi DH2”) jgħid:

“1.   B’rabta ma’ kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, il-partijiet jistgħu jagħmlu rikors lill-qorti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-kuntratt jew ta’ ċerti kundizzjonijiet kuntrattwali (‘invalidità parzjali’) — irrispettivament mir-raġunijiet għal tali invalidità — biss jekk huma jitolbu li jiġu ddeterminati l-konsegwenzi legali tal-invalidità (jiġifieri, dikjarazzjoni ta’ validità jew ta’ effettività tal-kuntratt saż-żmien tal-adozzjoni tas-sentenza). Jekk ma jkunx hemm talba bħal din — u wara li tkun ingħatat u ma tteħditx l-opportunità biex id-difetti jinstabilhom rimedju — ir-rikors ma jkunx ammissibbli u l-mertu tal-kawża jista’ ma jiġix eżaminat. Jekk il-partijiet jitolbu li jiġu ddeterminati l-konsegwenzi legali ta’ invalidità totali jew parzjali, huma għandhom jindikaw ukoll liema konsegwenza legali l-qorti għandha tapplika. Dwar l-applikazzjoni tal-konsegwenzi legali, il-partijiet għandhom iressqu talba espliċita, iddefinita kwantitattivament li tkun tinkludi wkoll il-bilanċ tal-kontijiet bejniethom.

2.   Meqjusa d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 b’rabta mal-kuntratti li għalihom tapplika din il-liġi, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli mingħajr ma l-partijiet jiġu ordnati jidhru jew l-eżami tal-każ għandu jitwaqqaf waqt li jkunu għaddejja proċeduri għal dikjarazzjoni ta’ invalidità totali jew parzjali tal-kuntratt skont l-Artikolu 239/A(1) tal-[Kodiċi Ċivili, 1959] jew tal-Artikolu 6:108(2) tal-[Kodiċi Ċivili, 2013], sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din il-liġi. Ir-rikors ma għandux jiġi ddikjarat inammissibbli mingħajr ordni biex il-partijiet jidhru u lanqas ma għandu jitwaqqaf l-eżami tal-każ, jekk il-parti kkonċernata, minbarra li tkun talbet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità totali jew parzjali tal-kuntratt, tkun ukoll talbet għal forma oħra ta’ ordni fl-istess proċeduri; f’dak il-każ it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha titqies bla bażi. L-istess għandu jseħħ fi proċeduri li jitkomplew wara li tkun intemmet sospensjoni.

3.   Jekk fil-proċeduri pendenti r-rikors ma jkunx iktar jista’ jiġi ddikjarat inammissibbli mingħajr ordni biex il-partijiet jidhru, l-eżami tal-każ għandu jieqaf jekk il-parti kkonċernata ma titlobx fir-rikors tagħha (jew, fejn ikun japplika, fil-kontrotalba tagħha), fi żmien 30 jum min-notifika tat-talba mibgħuta lilha mill-qorti li d-difetti jissewwew, id-determinazzjoni tal-konsegwenzi legali ta’ invalidità totali jew parzjali tal-kuntratt, u ma tindikax liema konsegwenza legali għandha tiġi applikata. L-eżami tal-każ ma għandux jitwaqqaf jekk il-parti kkonċernata, minbarra li tkun talbet dikjarazzjoni ta’ invalidità totali jew parzjali tal-kuntratt, tkun talbet ukoll għal forma oħra ta’ ordni fl-istess proċeduri; f’dak il-każ it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha titqies li tkun mingħajr bażi.”

10.

Skont l-Artikolu 37/A ta’ dik il-liġi, “meta tkun qiegħda tiddetermina l-konsegwenzi legali ta’ invalidità l-qorti, waqt li tapplika d-dispożizzjonijiet dwar il-bilanċ tal-kontijiet stabbiliti f’din il-liġi — billi tieħu bħala l-bażi l-informazzjoni fil-bilanċ tal-kontijiet awditjat skont l-Artikolu 38(6) — għandha tistipula l-obbligi tal-ħlas tal-partijiet”.

11.

Skont l-Artikolu 38(6) tal-Liġi DH2, il-bilanċ tal-kontijiet għandu jitqies li jkun awditjat jekk:

“(a)

fil-perijodu stabbilit f’din il-liġi, il-konsumatur ma jkunx issottometta lment lill-istituzzjoni ta’ kreditu dwar il-bilanċ tal-kontijiet jew ma jkunx issottometta lment li jkun jallega li l-istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx wettqet il-bilanċ tal-kontijiet;

(b)

fil-perijodu stabbilit f’din il-liġi l-konsumatur ma jkunx ressaq proċeduri quddiem il-Pénzügyi Békéltető Testület [il-Kumitat ta’ Arbitraġġ Finanzjarju Ungeriż];

(c)

fil-perijodu stabbilit f’din il-liġi la l-konsumatur u lanqas l-istituzzjoni ta’ kreditu ma jkunu bdew il-proċeduri mhux kontenzjużi msemmija fl-Artikolu 23(1) jew il-proċeduri kontenzjużi msemmija fl-Artikolu 23(2) ta’ din il-liġi;

(d)

id-deċiżjoni li tkun ġabet fi tmiemhom il-proċeduri mhux kontenzjużi msemmija fl-Artikolu 23(1) jew il-proċeduri kontenzjużi msemmija fl-Artikolu 23(2), imressqa mill-konsumatur jew mill-istituzzjoni ta’ kreditu, tkun saret finali.”

5. Il-Liġi DH3

12.

Skont l-Artikolu 3(1) ta’ Az egyes fogyasztói kölcsönszerződések devizanemének módosulásával és a kamatszabályokkal kapcsolatos kérdések rendezéséről szóló 2014. évi LXXVII. törvény (il-Liġi LXXVII tal-2014 li tirregola diversi materji relatati mal-kambjament tal-munita barranija li fih ftehim ta’ self ma’ konsumaturi jkunu ddenominati u mad-dispożizzjonijiet b’rabta ma’ imgħaxijiet; il-“Liġi DH3”), “ftehim ta’ self milħuqa ma’ konsumaturi għandhom ikunu emendati bit-tħaddim ta’ din il-liġi, skont id-dispożizzjonijiet tagħha”.

13.

L-Artikolu 10 ta’ din il-liġi jgħid:

“Dwar ftehim ta’ self ipotekat f’munita barranija u ftehim ta’ self ipotekat b’bażi ta’ munita barranija milħuqa ma’ konsumaturi, l-istituzzjoni ta’ kreditu li lilha d-dejn ikun dovut ikun jeħtiġilha, fil-perijodu stabbilit għat-twettiq tal-obbligu li tiftiehem dwar kontijiet skont [il-Liġi DH2], tikkonverti f’self iddenominat f’forints id-dejn fi ftehim ta’ self ipotekat f’munita barranija jew fi ftehim ta’ self ipotekat b’bażi ta’ munita barranija milħuq ma’ konsumatur, jew id-dejn kollu li jkun jirriżulta minn dak il-ftehim (li wkoll ikun jinkludi imgħaxijiet, tariffi, kummissjonijiet u spejjeż mitluba fil-munita barranija), li t-tnejn li huma għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-bilanċ tal-kontijiet skont [il-Liġi DH2]. Għall-finijiet ta’ dik il-konverżjoni tkun tapplika liema waħda miż-żewġ rati ta’ imgħaxijiet li ġejjin tkun l-iktar favorevoli għall-konsumatur fid-data ta’ referenza:

(a)

ir-rata tal-kambju medja għall-munita barranija kkonċernata stabbilita uffiċjalment mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija fil-perijodu mis-16 ta’ Ġunju 2014 sas-7 ta’ Novembru 2014, jew

(b)

ir-rata tal-kambju għall-munita barranija kkonċernata stabbilita uffiċjalment mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija fis-7 ta’ Novembru 2014.”

14.

L-Artikolu 15/A tal-istess liġi jgħid:

“1.   Fi proċeduri pendenti li kienu tressqu għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (jew ta’ invalidità parzjali) ta’ ftehim ta’ self milħuq ma’ konsumatur jew biex ikunu ddeterminati l-konsegwenzi legali ta’ invalidità, dawn id-dispożizzjonijiet relatati mal-konverżjoni f’forints għandhom japplikaw ukoll għall-ammont tad-dejn tal-konsumatur li jkun ġej minn ftehim ta’ self f’munita barranija jew minn ftehim ta’ self b’bażi ta’ munita barranija, ikkalkolat skont il-bilanċ tal-kontijiet skont [il-Liġi DH2].

2.   L-ammont imħallas lura mill-konsumatur sad-data tas-sentenza għandu jnaqqas l-ammont tad-dejn tal-konsumatur espress f’forints fid-data ta’ referenza għall-bilanċ tal-kontijiet.

3.   Meta ftehim ta’ self milħuq ma’ konsumatur jiġi ddikjarat validu d-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali speċifiċi tal-partijiet li jirriżultaw mill-bilanċ tal-kontijiet skont [il-Liġi DH2] għandhom ikunu stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.”

II. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

15.

Fis-7 ta’ Mejju 2008, Zsolt Sziber, ikkonkluda, flimkien ma’ Mónika Szeder, fil-kapaċitajiet tagħhom bħala konsumaturi, mal-ERSTE Bank Hungary Zrt. (iktar ’il quddiem l-“ERSTE Bank”) ftehim ta’ self iddenominat fi franki Svizzeri, iżda li l-ammont tiegħu kien tħallas u kellu jitħallas lura f’forints Ungeriżi, u ftehim ta’ ipoteka li kien anness mal-ftehim ta’ self. Il-ftehim ta’ self kien jipprevedi li kienet tapplika r-rata tal-kambju tal-bank fir-rigward ta’ bejgħ biex jiġi kkalkolat ir-radd lura ta’ ħlasijiet bin-nifs tas-self, waqt li l-ammont mogħti f’self kien ġie kkonvertit f’forints Ungeriżi abbażi tar-rata tal-kambju tal-bank fir-rigward ta’ xiri. Dan ta wkoll lill-istituzzjoni ta’ kreditu d-dritt li temenda l-ftehim unilateralment (billi tgħolli r-rata ta’ imgħaxijiet, kummissjonijiet u spejjeż).

16.

Minħabba li Z. Sziber qies li dak il-kuntratt kien illegali, huwa fetaħ kawża quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti Għolja ta’ Budapest, l-Ungerija). Fir-rikors tiegħu, li wara kien ġie emendat, Z. Sziber sostna primarjament li l-ftehim kien invalidu kollu kemm hu għal raġunijiet differenti: (i) minħabba li ma kienx jinkludi l-ammonti tad-diversi ħlasijiet bin-nifs, b’mod partikolari, l-ammonti rispettivi ta’ kapital u imgħax, biex b’hekk kien impossibbli jitwettaq l-obbligu skont il-kuntratt; (ii) minħabba li ammont f’munita barranija ma setax jitħallas f’kont ta’ kreditu f’forints; (iii) minħabba li r-rata tal-kambju applikabbli għal konverżjoni f’munita barranija ma kinitx stipulata b’mod ċar fil-kuntratt; (iv) minħabba li l-istituzzjoni ta’ kreditu ma kinitx wettqet evalwazzjoni tal-kreditu b’mod responsabbli b’rabta mal-eżami dwar kemm kien solvibbli d-debitur, fid-dawl, inter alia, tar-riskju marbut mar-rata tal-kambju; u (v) minħabba li l-konsumatur ma setax jevalwa kemm kien ir-riskju mir-rata tal-kambju abbażi tal-informazzjoni mhux ċara u mhux intelliġibbli mogħtija lilu.

17.

Sussidjarjament, Z. Sziber talab għal dikjarazzjoni li xi wħud biss mill-kundizzjonijiet tal-kuntratt ma kinux ġusti u, għalhekk, invalidi. B’mod partikolari, sostna li l-klawżola fil-punt VII.2 tal-ftehim kienet inġusta inkwantu l-konsumatur ma setax japprezza kompletament kemm kien kbir ir-riskju tal-kambju minħabba li ma kienx ingħata informazzjoni ċara u intelliġibbli. Il-klawżola fil-punt VIII.13 tal-ftehim kienet, fil-fehma tiegħu, inġusta minħabba li informazzjoni uffiċjali mill-bank kienet saret parti mill-kuntratt, u b’hekk il-bank kien ingħata d-dritt li jikkompleta l-kuntratt, u b’hekk inħoloq żbilanċ fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet. Z. Sziber issottometta wkoll li l-kundizzjonijiet inklużi fit-Taqsimiet II.1 (kalkolu tal-ħlasijiet bin-nifs skont l-informazzjoni uffiċjali tal-bank), III.2 (rata ta’ imgħaxijiet u l-grad ta’ varjazzjoni fir-rata ta’ imgħaxijiet) u III.3 (dritt li tiżdied ir-rata ta’ imgħaxijiet) tal-ftehim kienu inġusti u, għalhekk, invalidi.

18.

F’dan ir-rigward Z. Sziber issottometta li huwa ma setax jevalwa kemm kien ir-riskju marbut mar-rata tal-kambju. Minbarra dan, sostna li minħabba li l-kundizzjonijiet relatati (i) mal-kalkolu tal-ħlasijiet bin-nifs skont l-informazzjoni uffiċjali tal-istituzzjoni ta’ kreditu, (ii) mar-rata ta’ imgħaxijiet u mal-grad ta’ varjazzjoni fir-rata ta’ imgħaxijiet u (iii) mad-dritt li tiżdied ir-rata ta’ imgħaxijiet ma kinux ġusti, dan kien jagħmel lil dawk il-kundizzjonijiet nulli u mingħajr effett.

19.

Madankollu, matul il-proċeduri, xi wħud mil-liġijiet domestiċi applikabbli kienu ġew emendati u kienu ddaħħlu regoli addizzjonali. Tabilħaqq, għadd kbir ta’ kawżi — simili jew ekwivalenti għal dik miftuħa minn Z. Sziber — kienu nbdew quddiem qrati Ungeriżi. Fis-16 ta’ Ġunju 2014, billi qieset is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Kásler ( 4 ), il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) iddeċidiet li ċerti kundizzjonijiet kuntrattwali fi ftehim ta’ kreditu mal-konsumaturi ma kinux ġusti. Minkejja dan, il-Kúria (il-Qorti Suprema) ma ddikjaratx dawk il-ftehim nulli u mingħajr effett, billi ddeċidiet li ċerti kundizzjonijiet setgħu jiġu emendati. B’mod partikolari, hija ddeċidiet li r-rati ta’ xiri u bejgħ applikati f’kuntratti ta’ self f’kambju barrani bħala rati ta’ konverżjoni kellhom jiġu ssostitwiti mir-rata tal-kambju barranija uffiċjali tal-Bank Nazzjonali Ungeriż. Is-somom żejda mħallsa fl-imgħoddi mill-konsumatur kellhom jitħallsu lura mill-istituzzjoni ta’ kreditu ( 5 ).

20.

Peress li l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija kienet prattika komuni, il-leġiżlatura Ungeriża ddeċidiet li tikkodifika l-ġurisprudenza tal-Kúria (il-Qorti Suprema) u adottat regoli proċedurali speċifiċi biex tittratta l-konsegwenzi ta’ dik il-ġurisprudenza. B’mod partikolari, kienu adottati l-Liġijiet DH1, DH2 u DH3 msemmija fil-punti 6 sa 14 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni”).

21.

Fid-dawl tal-kuntest ġuridiku ġdid, il-qorti tar-rinviju kienet tal-fehma li, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tar-rata tal-kambju ta’ bejgħ tal-ERSTE Bank għall-konverżjoni tal-ħlasijiet bin-nifs perjodiċi u d-dritt ta’ dak il-bank li unilateralment jemenda l-kuntratt kienu invalidi. Konsegwentement, is-somom imħallsa minn Z. Sziber lill-ERSTE Bank b’applikazzjoni ta’ dawk il-kundizzjonijiet kienu tħallsu indebitament u kellhom jiġu rifużi. Barra dan, sa fejn Z. Sziber kellu xi talba addizzjonali, il-qorti tar-rinviju stidnitu jemenda r-rikors tiegħu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37 tal-Liġi DH2. Madankollu, Z. Sziber ma rreaġixxiex għal dik it-talba.

22.

Minħabba n-nuqqas ta’ Z. Sziber li jemenda r-rikors tiegħu, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti Għolja ta’ Budapest) qieset li ma setgħetx tiddeċiedi dwar aspetti fil-mertu tal-bqija tal-każ. Skont l-Artikolu 37 tal-Liġi DH2, l-eżami tal-każ jitwaqqaf. Madankollu, minħabba li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u dwar il-kompatibbiltà ta’ ċerti regoli nazzjonali ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, dik il-qorti ddeċidiet, b’digriet tad-29 ta’ Awwissu 2016, li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni segwenti, jiġifieri [l-Artikolu 169 TFUE]; l-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [(“il-Karta”)] […]; l-Artikolu 7(1) u (2) [tad-Direttiva 93/13], moqri fid-dawl tal-Artikolu 8 ta’ din l-istess direttiva, kif ukoll il-premessa 47 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, u l-applikazzjoni tagħha, li tipprevedi rekwiżiti supplimentari għad-detriment ta’ parti fil-kawża (rikorrent jew konvenut) li, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u s-26 ta’ Lulju 2014, ikkonkludiet kuntratt ta’ kreditu, bħala konsumatur, li jinkludi klawżola kuntrattwali inġusta li tippermetti ż-żieda unilaterali ta’ interessi, ta’ spejjeż jew ta’ tariffi, jew klawżola kuntrattwali inġusta dwar id-differenza fil-valuta bejn it-talba u l-offerta,

fid-dawl tal-fatt li dawn ir-rekwiżiti supplimentari jeżiġu b’mod partikolari, sabiex id-drittijiet marbuta mal-invalidità tal-imsemmija kuntratti konklużi mal-konsumaturi jkunu jistgħu jiġu validament invokati u, b’mod partikolari, sabiex il-qorti tkun tista’ teżamina l-mertu, il-preżentazzjoni ta’ nota ta’ kontenzjuż ċivil [b’mod partikolari, rikors, nota emendatorja tar-rikors jew eċċezzjoni ta’ invalidità invokata bħala difiża (kontra kundanna tal-konsumatur), modifika ta’ tali eċċezzjoni, kontrotalba, jew modifika ta’ tali talba] li għandha obbligatorjament ikollha ċertu kontenut,

filwaqt li l-partijiet fil-kawża għajr dawk li kkonkludew kuntratt ta’ kreditu bħala konsumaturi, kif ukoll il-partijiet fil-kawża li, matul l-istess perijodu, ikkonkludew bħala konsumaturi kuntratti ta’ kreditu li ma jaqgħux taħt l-imsemmi tip ta’ kuntratt, ma humiex marbuta li jippreżentaw nota b’dan il-kontenut partikolari?

(2)

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea elenkati fl-ewwel domanda għandhom jiġu interpretati fis-sens li – indipendentement minn jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondix fl-affermattiv jew fin-negattiv għall-ewwel domanda, li hija iktar ġenerali mit-tieni domanda – jipprekludu li parti fil-kawża li kkonkludiet kuntratt ta’ kreditu bħala konsumatur, kif imsemmi fl-ewwel domanda, hija marbuta bir-rekwiżiti supplimentari imperattivi [hawn taħt] [a) sa c)]:

(a)

in-nota [rikors, nota emendatorja tar-rikors jew eċċezzjoni ta’ invalidità invokata bħala difiża (kontra kundanna tal-konsumatur), modifika ta’ tali eċċezzjoni, kontrotalba, jew modifika ta’ tali talba] li għandha tiġi ppreżentata fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja kontenzjuża minn parti fil-kawża (rikorrent jew konvenut) li kkonkludiet kuntratt ta’ kreditu bħala konsumatur kif imsemmi fl-ewwel domanda, tista’ tiġi eżaminata u tkun ammissibbli fuq il-mertu biss jekk, f’din in-nota,

il-parti fil-kawża ma titlobx esklużivament li l-qorti tikkonstata l-invalidità parzjali jew totali tal-kuntratti ta’ kreditu msemmija fl-ewwel domanda, iżda titlob ukoll li l-qorti tapplika l-konsegwenza ġuridika tal-invalidità totali, filwaqt li l-partijiet fil-kawża għajr il-persuni li kkonkludew kuntratt ta’ kreditu bħala konsumaturi, kif ukoll partijiet fil-kawża li, matul l-istess perijodu, ikkonkludew bħala konsumaturi kuntratti ta’ kreditu li ma jaqgħux taħt l-imsemmi tip ta’ kuntratt, ma humiex marbuta jippreżentaw nota b’dan il-kontenut partikolari?

(b)

in-nota [rikors, nota emendatorja tar-rikors jew eċċezzjoni ta’ invalidità invokata bħala difiża (kontra kundanna tal-konsumatur), modifika ta’ tali eċċezzjoni, kontrotalba, jew modifika ta’ tali talba] li għandha tiġi ppreżentata fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja kontenzjuża minn parti fil-kawża (rikorrent jew konvenut) li kkonkludiet kuntratt ta’ kreditu bħala konsumatur kif imsemmi fl-ewwel domanda, tista’ tiġi eżaminata u tkun ammissibbli fuq il-mertu biss jekk, f’din in-nota,

il-parti fil-kawża ma titlobx li l-qorti, minbarra l-konstatazzjoni tal-invalidità totali ta’ kuntratti konklużi bħala konsumatur bħal dawk imsemmija fl-ewwel domanda, tapplika, fost il-konsegwenzi ġuridiċi tal-invalidità totali, dik tal-istabbiliment mill-ġdid tal-istatus quo ante il-konklużjoni tal-kuntratt,

filwaqt li l-partijiet fil-kawża għajr il-persuni li kkonkludew kuntratt ta’ kreditu bħala konsumaturi, kif ukoll partijiet fil-kawża li, matul l-istess perijodu, ikkonkludew bħala konsumaturi kuntratti ta’ kreditu li ma jaqgħux taħt l-imsemmi tip ta’ kuntratt, ma humiex marbuta jippreżentaw nota b’dan il-kontenut partikolari?

(c)

in-nota [rikors, nota emendatorja tar-rikors jew eċċezzjoni ta’ invalidità invokata bħala difiża (kontra kundanna tal-konsumatur), modifika ta’ tali eċċezzjoni, kontrotalba, jew modifika ta’ tali talba] li għandha tiġi ppreżentata fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja kontenzjuża minn parti fil-kawża (rikorrent jew konvenut) li kkonkludiet kuntratt ta’ kreditu bħala konsumatur kif imsemmi fl-ewwel domanda, tista’ tiġi eżaminata u tkun ammissibbli fuq il-mertu biss jekk tkun tinkludi,

bilanċ tal-kontijiet (iddefinit mir-regoli tad-dritt nazzjonali) estremament ikkumplikat minn perspettiva matematikali, li jrid isir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ir-regoli ta’ konverżjoni f’HUF,

tal-perijodu bejn il-bidu tar-relazzjoni kuntrattwali u d-data tal-preżentata tar-rikors, bilanċ li jkun jinkludi deskrizzjoni fid-dettall entrata b’entrata, aritmetikament verifikabbli, u juri l-arretrati mensili dovuti previsti mill-kuntratt, il-pagamenti mensili mħallsa mir-rikorrent, l-arretrati mensili stabbiliti mingħajr kunsiderazzjoni tal-klawżola invalida, kif ukoll id-differenza bejn dawn il-valuri, b’indikazzjoni fil-forma tal-ammont totali tas-somma li hija dovuta mill-parti fil-kawża li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ kreditu bħala konsumatur, kif imsemmi fl-ewwel domanda, lill-istabbiliment finanzjarju, jew possibbilment, l-eċċess li huwa ħallsu,

filwaqt li l-partijiet fil-kawża għajr il-persuni li kkonkludew kuntratt ta’ kreditu bħala konsumaturi, kif ukoll partijiet fil-kawża li, matul l-istess perijodu, ikkonkludew bħala konsumaturi kuntratti ta’ kreditu li ma jaqgħux taħt l-imsemmi tip ta’ kuntratt, ma humiex marbuta jippreżentaw nota b’dan il-kontenut?

(3)

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea elenkati fl-ewwel domanda għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimplikaw li l-ksur tagħhom, minħabba r-rekwiżit ta’ kundizzjonijiet supplimentari msemmija iktar ’il fuq (fl-ewwel u fit-tieni domanda), jikkostitwixxi fl-istess waqt ksur tal-Artikoli 20, 21 u 47 [tal-Karta], anki fid-dawl tal-fatt (parzjalment fl-ewwel u fit-tieni domandi wkoll) li, skont is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont (C‑448/98, EU:C:2000:663, punt 23) u tal-10 ta’ Mejju 2012, Duomo Gpa et (C‑357/10 sa C‑359/10, EU:C:2012:283, punt 28), kif ukoll skont id-digriet tat-3 ta’ Lulju 2014, Tudoran (C‑92/14, EU:C:2014:2051, punt 39), id-dritt tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi għandu jiġi applikat mill-qrati nazzjonali wkoll f’sitwazzjonijiet li ma għandhomx elementi transkonfinali, jiġifieri f’sitwazzjonijiet purament nazzjonali, jew għandu jitqies li jkun hemm sitwazzjoni transkonfinali bis-sempliċi fatt li l-kuntratti ta’ kreditu msemmija fl-ewwel domanda preliminari huma kuntratti ta’ kreditu ‘ibbażati fuq valuti barranin’?”

23.

Minħabba li l-qorti tar-rinviju ddikjarat li ma setgħetx tiddeċiedi l-kawża minħabba nuqqas tar-rikorrent li jieħu azzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet jekk il-kawża kinitx għadha pendenti quddiem dik il-qorti. Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ottubru 2016, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti Għolja ta’ Budapest) wieġbet fl-affermattiv u spjegat li r-riżultat tal-kawża (eżami fil-mertu tal-każ jew revoka għal raġunijiet proċedurali) kien jiddependi mir-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti għad-domandi preliminari.

24.

F’dawn il-proċeduri kienu ppreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-ERSTE Bank, mill-Gvern Ungeriż u mill-Kummissjoni. Huma għamlu wkoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2017.

III. Analiżi

A.   Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u ammissibbiltà

25.

Qabel ma nittratta l-mertu tal-kawża, jeħtieġ li nindirizza ċerti kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni u ammissibbiltà.

26.

L-ewwel nett, il-kliem tat-talba oriġinali jqanqal dubji dwar jekk il-kawża għadhiex pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, rekwiżit meħtieġ skont l-Artikolu 267 TFUE biex isiru domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 6 ). Madankollu, billi l-qorti tar-rinviju sussegwentement ikkjarifikat li l-kawża għadha pendenti, ma nqisx li dan iqajjem kwistjonijiet ulterjuri.

27.

Importanti iktar, madankollu, huwa li minkejja l-osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja u li kien hemm seduta għal sottomissjonijiet orali, għadu ma huwiex ċar liema dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni japplikaw għall-kawża prinċipali.

28.

Nibda biex ngħid li dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tat-Trattat dwar il-protezzjoni tal-konsumatur — attwalment l-Artikolu 169 TFUE — għandu jiġi nnotat li tali dispożizzjoni hija prinċipalment indirizzata lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni. Mingħajr ebda spjegazzjoni mill-qorti tar-rinviju dwar għalfejn u kif dik id-dispożizzjoni tista’ tkun applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik ta’ Z. Sziber, ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti interpretazzjoni utli tagħha. B’mod simili, fl-assenza ta’ iktar dettalji mill-qorti tar-rinviju dwar ir-rilevanza tal-Artikoli 20 (“L-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi”), 21 (“Non-diskriminazzjoni”), 38 (“Protezzjoni tal-konsumatur’) u 47 (“Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali’) tal-Karta għal din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-fehma tiegħi toqgħod lura milli tipprova tagħti deċiżjoni dwar dawn id-dispożizzjonijiet.

29.

Barra dan, id-Direttiva 2008/48/KE ( 7 ) ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali, minħabba li l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva jgħid li din ma għandhiex tapplika għal ftehim ta’ kreditu li jkunu ggarantiti b’ipoteka, li huwa l-każ tal-ftehim ma’ Z. Sziber.

30.

Fl-aħħar nett, ma huwiex faċli li jiġu identifikati t-talbiet ibbażati fuq id-Direttiva 93/13 — li d-dispożizzjonijiet tagħha ċertament kienu applikabbli qabel l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni — li, wara li dik il-leġiżlazzjoni kienet daħlet fis-seħħ (u Z. Sziber kien debitament irċieva l-bilanċ tal-kontijiet mingħand il-bank ( 8 )), il-qorti tar-rinviju xorta waħda jkun għad jonqosha tiddeċiedi dwarhom fil-kawża prinċipali. Il-fatt li Z. Sziber naqas milli jieħu azzjoni meta, wara l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju talbitu jemenda r-rikors tiegħu, iqanqal dubji wkoll dwar jekk kienx hemm xi talba pendenti abbażi tal-kundizzjonijiet kuntrattwali allegatament inġusti.

31.

Fundamentalment, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tapplika għal ftehim kollha ta’ self milħuqa minn istituzzjoni ta’ kreditu u konsumatur bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u s-26 ta’ Lulju 2014, iddenominati f’munita barranija (ftehim f’munita barranija jew ftehim dwar self mogħti f’munita barranija u jitħallas lura f’forints Ungeriżi) jew f’forints Ungeriżi, li jkunu jinkludu l-kundizzjonijiet iddikjarati jew preżunti inġusti. Dawk il-kundizzjonijiet jitħassru (u, fejn ikun xieraq, jiġu ssostitwiti minn kundizzjonijiet oħra) u l-ftehim iddenominati f’munita barranija jiġu kkonvertiti fi ftehim iddenominati f’forints Ungeriżi. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkun jeħtiġilhom jibagħtu lill-konsumaturi bilanċ tal-kontijiet biex jiġu ddeterminati l-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw. L-ammonti mħallsa żejda mill-konsumaturi jkollhom jitħallsu lura lilhom.

32.

F’dan il-kuntest, jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni diġà kellha l-effett, fil-każ ta’ Z. Sziber, li l-kundizzjonijiet kuntrattwali li huwa qies li ma kinux ġusti saru nulli u mingħajr effett. Dak li jifdal insostenn tat-talbiet tiegħu quddiem il-qorti tar-rinviju jidher li, meqjus kollox, huwa bbażat fuq dispożizzjonijiet nazzjonali li ma huma relatati ma’ ebda dispożizzjoni applikabbli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (inkluża, sa fejn nista’ nifhem, id-Direttiva 93/13): l-allegazzjonijiet dwar in-nuqqas tal-istituzzjoni ta’ kreditu li twettaq evalwazzjoni ta’ kreditu responsabbli b’relazzjoni mal-evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tad-debitur, l-impossibbiltà li jsiru d-diversi ħlasijiet bin-nifs għaliex l-ammonti tagħhom ma jkunux indikati u l-impossibbiltà li jitħallas ammont f’munita barranija f’kont ta’ kreditu f’forints.

33.

Għal dawn ir-raġunijiet jidhirli li t-talba hija inammissibbli minħabba li d-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali u legali ma hijiex iddettaljata biżżejjed biex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli skont l-Artikolu 267 TFUE.

34.

Minkejja dan, ser nindirizza, l-kwistjonijiet sostantivi mqajma mill-qorti tar-rinviju, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ma taqbilx miegħi dwar il-kwistjonijiet proċedurali diskussi iktar ’il fuq. Ser niffoka l-analiżi tiegħi fuq il-kompatibbiltà tal-Artikolu 37 tal-Liġi DH2 mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, fuq il-preżunzjoni li, minkejja l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, Z. Sziber għad għandu, fil-kawża prinċipali, talbiet validi bbażati fuq din id-direttiva.

B.   Fuq il-mertu

1. Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari

35.

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li jistgħu jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludix regoli nazzjonali li jdaħħlu rekwiżiti bħal dawk tal-Artikolu 37 tal-Liġi DH2 għal kawżi ppreżentati minn konsumaturi li f’perijodu speċifiku jkunu laħqu ftehim ta’ kreditu li jkun fih kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti.

36.

Mill-bidu nett, wieħed għandu jiftakar li s-sistema ta’ protezzjoni introdotta bid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur ikun f’pożizzjoni dgħajfa fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur, fir-rigward kemm tas-setgħa tiegħu li jinnegozja, kif ukoll tal-livell ta’ għarfien tiegħu ( 9 ). Dwar dak li jirrigwarda dik il-pożizzjoni iktar dgħajfa, l-Artikolu 6(1) tad-direttiva jgħid li kundizzjonijiet inġusti ma jorbtux lill-konsumatur. Din id-dispożizzjoni għandha titqies bħala dispożizzjoni ekwivalenti għal regoli nazzjonali li jkollhom, fis-sistema ġuridika domestika, karattru mandatorju ( 10 ). L-għan tagħha huwa li tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet b’bilanċ effettiv li jistabbilixxi mill-ġdid ugwaljanza bejniethom ( 11 ).

37.

Minħabba n-natura u t-tifsira tal-interess pubbliku kkostitwiti bil-protezzjoni tal-konsumaturi, li huma f’pożizzjoni żvantaġġata fil-konfront tal-bejjiegħa u fornituri, id-Direttiva 93/13, kif jidher mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-premessa 24 tagħha, tobbliga lill-Istati Membri jipprovdu mezzi adegwati u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” ( 12 ). Madankollu, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-proċeduri nazzjonali għall-infurzar tad-drittijiet li jgawdu l-konsumaturi permezz tad-Direttiva 93/13, ir-regoli li jipprevedu li talbiet li kundizzjonijiet f’kuntratti tal-konsumaturi allegatament ikunu inġusti jkunu ammissibbli jappartjenu lill-ordni ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u li fil-prattika ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli (il-prinċipju ta’ effettività) ( 13 ).

38.

F’dan il-kuntest, jidher ċar li ma tistax tingħata risposta fl-astratt għad-domandi preliminari f’din il-kawża, iżda jeħtieġ isir eżami fil-fond u speċifiku għal każ tar-regoli domestiċi rilevanti.

39.

Dan, fil-prinċipju, huwa evalwazzjoni li l-qorti nazzjonali tkun fl-aħjar pożizzjoni li tagħmel. Tabilħaqq, jista’ jkun hemm aspetti rilevanti tar-regoli nazzjonali inkwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx mgħarrfa bihom. Minbarra dan, l-interazzjoni bejn ir-regoli speċifiċi msemmija u dispożizzjonijiet jew prinċipji ewlenin oħra tal-Istat Membru inkwistjoni wkoll jistgħu ma jkunux ċari għall-Qorti tal-Ġustizzja. Dan huwa partikolarment il-każ f’kawża bħal din, fejn — minkejja s-sottomissjonijiet magħmula mill-partijiet u s-seduta li kien hemm — għadhom jippersistu nuqqas ta’ ċarezza dwar ċerti aspetti fattwali tat-tilwima, kif ukoll dwar il-portata u t-tifsira tar-regoli domestiċi rilevanti.

40.

Minkejja dan il-fatt ser nieħu pożizzjoni dwar id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju dwar il-kompatibbiltà ta’ regoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-Direttiva 93/13, abbażi ta’ kif nifhem il-kuntest fattwali u legali rilevanti.

41.

Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni kruċjali f’dawn il-proċeduri hija din li ġejja: regoli nazzjonali, bħall-Artikolu 37 tal-Liġi DH2, jiżguraw li jkun hemm konformità mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività?

42.

Il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għal ċerti aspetti speċifiċi tar-regoli nazzjonali inkwistjoni. Kawża ppreżentata minn konsumatur li jitlob l-annullament tal-kundizzjonijiet allegatament inġusti, meta l-kawża tkun dwar il-kuntratti koperti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, tkun ammissibbli (jew tkun tista’ tkompli jekk tkun għadha pendenti) biss jekk ir-rikorrent: (i) jitlob lill-qorti tapplika l-konsegwenzi legali assoċjati mal-invalidità tal-kuntratt, (ii) jitlob lill-qorti tapplika, fost il-konsegwenzi legali assoċjati mal-invalidità, dik ta’ dikjarazzjoni ta’ validità jew effettività ta’ kuntratt saż-żmien tal-adozzjoni tas-sentenza u (iii) jissottometti talba espliċita ddefinita kwantitattivament li tkun tinkludi wkoll il-bilanċ tal-kontijiet bejniethom (hawn iktar ’il quddiem, kollettivament, ir-“rekwiżiti proċedurali inkwistjoni”).

43.

Il-qorti nazzjonali tenfasizza li dawk ir-rekwiżiti jistgħu ma jkunux issodisfatti f’kawża għal annullament ippreżentata minn konsumaturi li jaġixxu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli nazzjonali inkwistjoni u, barra dan, jistgħu jagħmluha iktar diffiċli għall-konsumaturi biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva 93/13.

44.

Jekk dan huwa minnu, l-ewwel kwistjoni li jeħtiġilha tkun indirizzata hija jekk huwiex issodisfatt il-prinċipju ta’ ekwivalenza.

a) Il-prinċipju ta’ ekwivalenza

45.

Għalhekk għandu jiġi aċċertat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hijiex, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ Z. Sziber, mhux inqas favorevoli minn dik li tirregola kawżi domestiċi simili. Fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni paragunabbli hija dik ta’ konsumatur li jkun daħal f’kuntratt ta’ self ma’ istituzzjoni ta’ kreditu u jitlob l-annullament totali jew parzjali ta’ dak il-kuntratt għal raġunijiet ibbażati fuq dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali differenti mill-Artikolu 37 tal-Liġi DH2 ( 14 ) (pereżempju, regoli ta’ karattru mandatorju stabbiliti fil-kodiċijiet ċivili jew kummerċjali).

46.

Fl-aħħar tip ta’ proċeduri — irregolati sa fejn nista’ nifhem mill-Artikolu 239/A tal-Kodiċi Ċivili l-antik (sal-14 ta’ Marzu 2014) u mill-Artikolu 6:108 tal-Kodiċi Ċivili l-ġdid (mill-15 ta’ Marzu 2014) — ir-rekwiżiti proċedurali inkwistjoni ma jkollhomx għaliex jiġu ssodisfatti biex il-kawża titqies ammissibbli (jew biex jitħallew jitkomplew proċeduri li jkunu għadhom għaddejja fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni l-ġdida). Għaldaqstant, jista’ jingħad mingħajr diffikultà li dawk ir-rekwiżiti jkunu jeżiġu mingħand ir-rikorrent sforz addizzjonali biex jispeċifika “xiex u għaliex” tat-talbiet tiegħu.

47.

Madankollu, dan ma jfissirx li l-prinċipju ta’ ekwivalenza ma huwiex issodisfatt. Tabilħaqq, ikun żball, fil-fehma tiegħi, li jiġu eżaminati r-rekwiżiti proċedurali inkwistjoni b’mod maqtugħ mill-kuntest rilevanti, kif jidher li qiegħda tagħmel il-qorti tar-rinviju.

48.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li, kull meta jkun jeħtieġ jiġi ddeterminat jekk regola proċedurali ta’ dritt nazzjonali tkunx inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw kawżi domestiċi simili, għandu jittieħed kont tal-funzjoni li tkun taqdi dik id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha kemm hi, kif ukoll tal-mod kif taħdem u ta’ kull karatteristika speċjali ta’ dik il-proċedura quddiem il-qrati nazzjonali differenti ( 15 ).

49.

Irrid nenfasizza li l-proċeduri ġudizzjarji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni huma, meqjusa kollha kemm huma, differenti minn dawk previsti f’sitwazzjonijiet paragunabbli. Il-leġiżlatura Ungeriża ma introduċietx biss rekwiżiti ġodda (u bla dubju iktar stretti) ta’ ammissibbiltà għall-konsumaturi li jixtiequ li jkollhom aċċess għall-proċeduri “ordinarji” quddiem il-qrati: dawk ir-rekwiżiti kienu introdotti bil-għan li jingħata aċċess għal proċeduri ġodda u differenti li, fl-oqsma rregolati minn dawk il-liġijiet, jieħdu post il-proċeduri ordinarji.

50.

Dan ifisser li l-evalwazzjoni tal-ekwivalenza tar-regoli nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha neċessarjament tqis l-għan u l-karatteristiċi essenzjali tal-proċeduri l-ġodda kif imqabbla mal-proċeduri domestiċi simili ( 16 ). L-approċċ korrett li għandu jittieħed, f’din il-kawża, huwa, għalhekk, li jiġi eżaminat jekk il-proċeduri l-ġodda (li r-rekwiżiti proċedurali inkwistjoni jikkostitwixxu aspett tagħhom) meqjusa kollha kemm huma ( 17 ) jagħtux lil konsumaturi protezzjoni tad-drittijiet li għandhom bid-Direttiva 93/13 li tkun effettiva, prattika u f’waqtha bħal dik mogħtija mir-regoli proċedurali ordinarji.

51.

Waqt li nżomm f’moħħi l-kuntest li fih ġew ippromulgati dawk id-dispożizzjonijiet, il-proċeduri l-ġodda jidhirli li jagħtu protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu mid-Direttiva 93/13 li fil-fatt hija iktar favorevoli minn dik mogħtija mir-regoli proċedurali ordinarji. Dan huwa minħabba li, kif ser jintwera, dawk ir-regoli l-ġodda jġibu flimkien il-proċeduri li konsumaturi u istituzzjonijiet ta’ kreditu normalment ikollhom isegwu meta jiġi emendat jew annullat self, billi jissimplifikaw, iħaffu u jnaqqsu l-ispiża tar-riżoluzzjoni tat-tilwim tagħhom. Tabilħaqq, li ftehim ta’ self jiġi sempliċement emendat jew annullat sikwit ma jkunx biżżejjed biex tkun riżolta tilwima bejn konsumatur u l-istituzzjoni ta’ kreditu (kif sewwa turi s-sentenza Kásler ( 18 )).

52.

Kif imsemmi, l-isfond ta’ din il-kawża jinsab fost għadd kbir ta’ ftehim ta’ kreditu tal-konsumaturi ddenominati f’munita barranija li, fil-passat, kienu ġew konklużi fl-Ungerija u sussegwentement taw lok għal għadd kbir ħafna ta’ kawżi quddiem qrati domestiċi. Dawk il-ftehim sikwit kienu jinkludu ċerti klawżoli inġusti. Il-leġiżlatura Ungeriża — abbażi tal-prinċipji żviluppati mill-Kúria (il-Qorti Suprema) fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Ġunju 2014 ( 19 ), li sussegwentement sawret il-konklużjonijiet xierqa mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Kásler ( 20 ) — riedet tirriżolvi dik is-sitwazzjoni darba għal dejjem permezz tal-adozzjoni tal-Liġijiet DH1, DH2 u DH3. L-istrument magħżul għal dak l-għan kien intiż biex konsumaturi f’dik is-sitwazzjoni speċifika jingħataw mod iktar sempliċi u malajr biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom quddiem il-qrati, filwaqt li jkunu rrispettati d-drittijiet ta’ difiża tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati.

53.

In-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli kuntrattwali (dawk eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Kásler) kienet, għalhekk, jew stabbilita mil-liġi jew kienet preżunta mil-liġi, u ftehim ta’ self iddenominati f’munita barranija kienu kkonvertiti fi ftehim iddenominati f’forints Ungeriżi. Iddaħħlu wkoll proċeduri speċifiċi biex jiġu ddeterminati l-konsegwenzi legali u finanzjarji li joħorġu min-nullità parzjali jew totali tal-kuntratti. Għal dan il-fini, il-leġiżlatura essenzjalment għaqqdet, fi proċedura waħda, il-proċeduri separati li konsumaturi u istituzzjonijiet ta’ kreditu normalment kien ikollhom isegwu: l-ewwel proċedura dwar kundizzjonijiet allegatament inġusti u l-effett li kien jirriżulta fuq l-invalidità parzjali jew totali tal-kuntratt; u t-tieni proċedura dwar il-konsegwenzi finanzjarji li kienu jirriżultaw mill-invalidità parzjali jew totali tal-kuntratt.

54.

Jidhirli li l-Gvern Ungeriż veru għandu raġun meta jissottometti li — meta ż-żewġ proċeduri msemmija iktar ’il fuq ġew magħquda fi proċedura waħda, li fiha l-evalwazzjoni ta’ ċerti aspetti tat-tilwima (li ċerti klawżoli jkunu inġusti) ma titħallhiex għall-qorti iżda tkun stabbilita b’liġi, u d-determinazzjoni tal-konsegwenzi legali tal-konstatazzjonijiet tal-qorti ssir iktar sempliċi (billi r-rikorrent ikun meħtieġ li jiċċara t-talbiet tiegħu) — il-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi kkonċernati għandhom permezz tad-Direttiva 93/13 tkun, fis-sitwazzjonijiet irregolati bil-liġijiet il-ġodda, possibbilment iktar effettiva mill-protezzjoni mogħtija mir-regoli ordinarji. B’mod iktar ġenerali, il-proċeduri l-ġodda jidhru li jsaħħu ċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, u jevitaw, fejn ikun possibbli, proċeduri ġudizzjarji kumplessi u twal li setgħu jiddominaw is-sistema ġudizzjarja domestika u jagħtu lok għal ġurisprudenza inkonsistenti.

55.

Biex il-proċeduri l-ġodda jilħqu l-għan (leġittimu) tagħhom, jidher li jkun meħtieġ li r-rikorrenti jintalbu jagħmlu sforz addizzjonali biex jiċċaraw xi jkunu qegħdin jitolbu minn qrati nazzjonali dwar il-possibbiltà ta’ nullità tal-kuntratt u l-konsegwenzi legali u finanzjarji li joħorġu minn tali proċess. Dan huwa a fortiori l-każ peress li dak l-isforz ta’ kjarifika għandu jsir wara li l-ftehim ta’ self ikun ġie emendat f’konformità mal-liġi. Ir-rekwiżiti l-ġodda, għalhekk, jidhirli li huma inerenti fis-sistema speċifika ta’ protezzjoni ġuridika introdotta bil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ( 21 ). Dik is-sistema hija, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawżi kkonċernati, aktarx li tkun iktar favorevoli għall-konsumaturi minn dik applikabbli f’kawżi domestiċi paragunabbli.

56.

Għal dawn ir-raġunijiet, jiena tal-fehma li r-regoli nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma konformi mal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

b) Il-prinċipju ta’ effettività

57.

Madankollu, fadal jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżiti proċedurali inkwistjoni humiex ukoll konformi mal-prinċipju ta’ effettività.

58.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati iktar ’il fuq, dan jidher tabilħaqq li huwa l-każ. Diġà spjegajt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tintroduċi proċeduri li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, hemm iktar probabbiltà li jippermettu riżoluzzjoni iktar sempliċi, iktar malajr u ta’ inqas spejjeż tat-tilwim bejn konsumaturi u istituzzjonijiet ta’ kreditu.

59.

F’kull każ, bilkemm nista’ nifhem kif l-ewwel żewġ rekwiżiti elenkati fil-punt 42 iktar ’il fuq jistgħu jitqiesu li jagħmluha impossibbli jew eċċessivament diffiċli għal konsumaturi milquta mil-liġijiet il-ġodda biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva 93/13. L-isforz meħtieġ mill-konsumatur biex, minn naħa, jitlob lill-qorti nazzjonali tapplika l-konsegwenzi legali assoċjati mal-invalidità (totali jew parzjali) tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, jitlob lil dik il-qorti tapplika, fost il-konsegwenzi legali assoċjati ma’ invalidità, dak ta’ dikjarazzjoni ta’ validità jew effettività tal-kuntratt sal-mument tal-adozzjoni tas-sentenza, jidher pjuttost modest. Jidhirli li dawk ir-rekwiżiti ma jagħmlu xejn iktar ħlief li jitolbu lil konsumaturi jifformulaw it-talbiet tagħhom lill-qorti b’mod iktar ċar u espliċitu.

60.

Wara kollox, jidhirli li — irrispettivament mill-kuntest legali applikabbli — konsumatur li jsib lilu nnifsu f’sitwazzjoni bħal dik ta’ Z. Sziber neċessarjament ikollu, f’xi mument tul il-proċedura, jindika lill-qorti nazzjonali x’jifhem dwar il-konsegwenzi legali u finanzjarji li joħorġu min-nullità parzjali jew totali tal-ftehim ta’ self.

61.

L-istess kunsiderazzjonijiet għandhom ikunu validi, mutatis mutandis, għat-tielet rekwiżit elenkat fil-punt 42 iktar ’il fuq. Skont dak ir-rekwiżit, konsumaturi jkollhom jissottomettu talba “espliċita” u “iddefinita kwantitattivament” ( 22 ). Fi kliem ieħor, huma għandhom jindikaw biss l-ammont li huma jqisu li jkun tħallas żejjed u jagħmlu hekk espliċitament.

62.

Ma jidhirlix li din hija xi biċċa xogħol partikolarment eżiġenti għar-rikorrenti, partikolarment għaliex huma jkunu jistgħu jużaw, bħala referenza, il-ftehim iddettaljat dwar kontijiet li l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tibgħat lill-konsumaturi kollha milquta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Huwa raġonevoli li, jekk konsumatur jifhem li jkollu talbiet addizzjonali għal dawk riflessi fil-bilanċ tal-kontijiet li huwa jkun irċieva u aċċetta (jew li l-ftehim ikun ġie ddikjarat bħala finali minn qorti domestika), huwa jkun jeħtieġlu jipproduċi dak id-dokument, jispjega kif jaħsibha u jikkwantifika t-talbiet tiegħu.

63.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ma nara ebda element fil-proċess li jwassalni biex naħseb li r-rekwiżiti l-ġodda jistgħu, b’mod ġenerali, jagħmluha impossibbli jew eċċessivament diffiċli li konsumaturi jeżerċitaw id-drittijiet li ttihom id-Direttiva 93/13 fil-qasam kopert mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

64.

Huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li f’ċerti każijiet ir-rekwiżiti l-ġodda jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli għall-konsumaturi li jkunu jixtiequ jaġixxu quddiem il-qrati domestiċi kontra kundizzjonijiet allegatament inġusti inklużi fil-kuntratti li jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u li ma jsirux jew ma jkunux preżunti nulli minnhom. Dan jista, tabilħaqq, ikun il-każ ta’ Z. Sziber: skont ir-regoli l-ġodda n-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu tista’ twassal biex il-kawża tiegħu tiġi miċħuda, filwaqt li skont ir-regoli ordinarji l-kawża tkun setgħet titkompla. Madankollu, il-fatt li ċerti konsumaturi, minħabba li jibqgħu passivi jew inattivi, jistgħu jsibu l-proċeduri l-ġodda żvantaġġużi ma jfissirx li ma jkunx ġie osservat il-prinċipju ta’ effettività. Tabilħaqq, kif il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddikjarat, il-ħtieġa li jkun hemm konformità mal-prinċipju ta’ effettività ma tistax tiġġebbed tant li tagħmel tajjeb b’mod sħiħ għal inerzja totali min-naħa tal-konsumatur ikkonċernat ( 23 ).

65.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li regoli li jkunu raġonevolment iġġustifikati minn prinċipji bħaċ-ċertezza legali jew l-amministrazzjoni tajba tal-proċeduri ma jiksrux il-prinċipju ta’ effettività anki jekk il-ksur tagħhom jista’ jinvolvi ċ-ċħid tal-azzjoni li tkun tressqet totalment jew parzjalment ( 24 ). Bl-istess mod, hija kkonstatat li l-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun introduċiet xi mezzi addizzjonali għal aċċess għall-qrati domestiċi tagħha f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi ma jkunx neċessarjament ta’ ħsara għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ drittijiet ta’ individwi. Dan hu hekk, b’mod partikolari, meta r-restrizzjonijiet introdotti jkunu intiżi li ġenwinament isegwu għanijiet ta’ interessi ġenerali u ma jkunux sproporzjonati għal dak il-għan ( 25 ).

66.

Għalhekk, jiena tal-fehma li, f’din il-kawża, il-prinċipju ta’ effettività wkoll huwa ssodisfatt.

67.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda fis-sens li, skont interpretazzjoni tajba, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix regoli nazzjonali li jintroduċu rekwiżiti bħal dawk tal-Artikolu 37 tal-Liġi DH2 għal kawżi ppreżentati minn konsumaturi li f’perijodu speċifiku jkunu daħlu fi ftehim ta’ kreditu li kien fih kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti.

2. Fuq it-tielet domanda

68.

Permezz tat-tielet u l-aħħar domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 humiex ukoll applikabbli għal sitwazzjonijiet fejn ma jkunx hemm element transkonfinali. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, dan l-element transkonfinali jistax ikun qiegħed fil-fatt li l-ftehim ta’ kreditu kien iddenominat f’munita barranija.

69.

Id-domanda tidher li hija bbażata fuq il-fatt li nftehmet ħażin il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fid-digriet tar-rinviju.

70.

Huwa prinċipju stabbilit sewwa tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali ma japplikawx “f’sitwazzjonijiet purament interni” ( 26 ) Madankollu, din il-kawża ma hijiex dwar id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali iżda dwar leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tarmonizza mal-Istati Membri kollha qasam speċifiku tad-dritt. Għaldaqstant japplikaw ir-regoli li hemm fil-leġiżlazzjoni kkonċernata tal-Unjoni Ewropea irrispettivament min-natura purament interna tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-fatt li l-ftehim ta’ kreditu inkwistjoni kienu ddenominati f’munita barranija huwa, għalhekk, immaterjali dwar jekk jistgħux ikunu applikati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13.

71.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għat-tielet domanda fis-sens li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 huma applikabbli wkoll għal sitwazzjonijiet fejn ma jkunx hemm element transkonfinali.

IV. Konklużjoni

72.

Bħala konklużjoni nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiddikjara t-talba magħmula mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti Għolja ta’ Budapest, l-Ungerija) bħala inammissibbli.

73.

Sussidjarjament nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi għal deċiżjoni preliminari kif ġej:

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ma tipprekludix regoli nazzjonali li jintroduċu rekwiżiti proċedurali bħal dawk tal-Artikolu 37 tal-Liġi XL tal-2014 għal kawżi ppreżentati minn konsumaturi li f’perijodu speċifiku jkunu għamlu ftehim ta’ kreditu li jkun fihom kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti;

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 huma applikabbli wkoll għal sitwazzjonijiet fejn ma jkunx hemm element transkonfinali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) C-26/13, EU:C:2014:282. Dwar kawżi oħra li kienu jinvolvu ftehim ta’ kreditu mal-konsumaturi ddenominati f’munita barranija, ara s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2015, Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, u tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Gavrilescu, C‑627/15, EU:C:2017:690.

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill tal-5 ta’ April 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

( 4 ) Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282.

( 5 ) Deċiżjoni 2/2014. PJE, Magyar Közlöny, 2014, Nru 91.

( 6 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ April 1988, Pardini, 338/85, EU:C:1988:194, punti 1011. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Gavrilescu, C‑627/15, EU:C:2017:690, b’mod partikolari l-punti 36 sa 40.

( 7 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008 L 133, p. 66).

( 8 ) Skont l-Artikolu 21(3) tal-Liġi DH3, istituzzjonijiet ta’ kreditu kellhom jibagħtu lill-klijenti tagħhom bilanċ tal-kontijiet sal-1 ta’ Frar 2015.

( 9 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 39, u tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 44.

( 10 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 11 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 40, u tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 45.

( 12 ) Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 78.

( 13 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 14 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Levez, C‑326/96, EU:C:1998:220, punti 62 u 69.

( 15 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez, C‑326/96, EU:C:1998:577, punt 44. Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León, C‑413/12, EU:C:2013:800, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 16 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez, C‑326/96, EU:C:1998:577, punt 43.

( 17 ) Ara, dwar dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Margarit Panicello, C‑503/15, EU:C:2016:696, punt 135.

( 18 ) Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282.

( 19 ) Ara n-nota 5 iktar ’il fuq.

( 20 ) Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282.

( 21 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawżi magħquda Alassini, C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2009:720, punt 44.

( 22 ) Kif spjegat fis-seduta mill-Gvern Ungeriż u mill-ERSTE Bank, ir-regoli dettaljati dwar il-bilanċ tal-kontijiet previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni japplikaw biss għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u mhux għal konsumaturi.

( 23 ) Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary, C‑‑32/14, EU:C:2015:637, punti 62 u 63 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 24 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez, C‑326/96, EU:C:1998:577, punti 19 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 25 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punti 61 sa 66. F’dan ir-rigward wieħed għandu jiftakar li hemm rabtiet ovvji bejn il-prinċipju ta’ effettività u d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva: ara, inter alia, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawżi magħquda Alassini, C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2009:720, punt 42, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Liivimaa Lihaveis, C‑562/12, EU:C:2014:155, punt 47.

( 26 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Venturini, C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:529, punti 26 sa 28.

Top