EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0453

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fid-19 ta’ Ottubru 2016.
Proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra Halil Ibrahim Özçelik.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 8(1)(ċ) – Kunċett ta’ ‘mandat ta’ arrest’ – Kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni – Mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ minn servizz ta’ pulizija u vvalidat minn prosekutur għall-finijiet ta’ azzjonijiet.
Kawża C-453/16 PPU.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:783

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fid-19 ta’ Ottubru 2016 ( 1 )

Kawża C‑453/16 PPU

Openbaar Ministerie

vs

Halil Ibrahim Özçelik

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Mandat ta’ arrest Ewropew — Artikolu 8(1)(ċ) — Kunċett ta’ ‘mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja oħra’ qabel il-mandat ta’ arrest Ewropew”

1. 

F’dak li jirrigwarda s-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI ( 2 ), il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement enfasizzat ir-rekwiżit inevitabbli li kull mandat ta’ arrest Ewropew u kull proċedura ta’ konsenja Ewropea jkunu ppreċeduti minn mandat ta’ arrest nazzjonali jew deċiżjoni ġudizzjarja eżekuttiva simili, differenti minnu.

2. 

Tali rekwiżit, dedott mill-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa ssodisfatt meta l-mandat ta’ arrest nazzjonali ( 3 ) jkun inħareġ mill-pulizija tal-Istat emittenti u vvalidat mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ dak il-pajjiż? Fil-qosor, din hija d-domanda magħmula mir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), fil-kwalità tagħha ta’ awtorità eżekuttiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew ( 4 ), lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

3.

Skont l-Artikolu 6 TUE:

“1.   L-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem, il-“Karta”] […], li għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati.

Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta m’għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif definiti mit-Trattati.

Id-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji dikjarati fil-Karta għandhom jiġu interpretati skond id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Titolu VII tal-Karta li tirregola l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha u b’kont debitu meħud tal-ispjegazzjonijiet imsemmija fil-Karta, li jindikaw is-sorsi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

2.   L-Unjoni għandha taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. [iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”)]. Din l-adeżjoni m’għandhiex taffettwa l-kompetenzi tal-Unjoni kif definiti mit-Trattati.

3.   Id-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-[KEBD], u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.”

2. Il-Karta

4.

Skont l-Artikolu 47, taħt it-titolu “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi tal-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

[…]”

3. Id-Deċiżjoni Qafas

5.

Il-premessa 5 tipprovdi:

“L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji.[…]”

6.

Skont il-premessa 6:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.”

7.

Skont il-premessa 10:

“Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wiehed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.”

8.

Skont l-Artikolu 1, taħt it-titolu “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-priċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas].

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

9.

L-Artikolu 6, taħt it-titolu “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”, jipprovdi:

“1.   L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3.   Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

10.

Skont l-Artikolu 8(1) dwar il-kontenut u l-forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-formola li tinsab fl-Anness:

[…]

c)

l-indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2;

[…]”.

11.

F’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet ma’ strumenti legali oħra, l-Artikolu 31(1)(a) jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u Stati terzi, din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] għandha, mill-1 ta’ Jannar 2004, tissostitwixxi d-disposizzjonijiet korrispondenti tal-konvenzjonijiet li ġejjin applikabbli fil-qasam ta’ l-estradizzjoni f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri:

a)

il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957, il-protokoll addizzjonali tagħha tal-15 ta’ Ottubru 1975, it-tieni protokoll addizzjonali tagħha tas-17 ta’ Marzu 1978, u l-Konvenzjoni Ewropea dwar it-trażżin tat-terroriżmu tas-27 ta’ Jannar 1977 safejn hi kkonċernata l-estradizzjoni;

[…]”.

B – Il-leġiżlazzjoni Ungeriża

12.

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ministeru tal-Ġustizzja Ungeriż lill-qorti tar-rinviju, fl-14 ta’ Lulju 2016, kif ukoll dik ipprovduta mill-Gvern ta’ dan il-pajjiż, l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa korp indipendenti mis-setgħa eżekuttiva, li d-detentur tiegħu huwa maħtur mill-Parlament għal perijodu ta’ disa’ snin.

13.

L-Artikolu 28(3) u (4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Ungeriż ( 5 ) jattribwixxi lill-Uffiċċju tal-Prosekutur ir-rwol li jordna lill-awtoritajiet kompetenti (fosthom il-pulizija) jiftħu l-“investigazzjonijiet”, li huwa għandu jikkontrolla l-konformità tagħhom mal-liġi. Madankollu, huwa jista’ jwettaq dawn l-investigazzjonijiet hu stess ( 6 ). B’mod speċifiku, huwa għandu “jissorvelja l-legalità tal-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ infurzar ordnati fil-kuntest tal-proċedura kriminali li jinvolvu r-restrizzjoni jew iċ-ċaħda tal-libertà personali” ( 7 ).

14.

F’dan il-kuntest, waħda mis-setgħat tal-prosekutur hija li jikkonferma, jemenda jew jiċħad miżura ta’ “kustodja” adottata mill-pulizija. L-Artikolu 28(4)(c) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jippermettilu “jemenda jew jirrevoka d-deċiżjoni tal-awtorità ta’ investigazzjoni”.

15.

L-Artikolu 126 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprovdi għall-possibbiltà li persuna tista’ tkun suġġetta għal “kustodja”, jiġifieri, li tiġi temporanjament miċħuda mil-libertà tagħha, meta jkun hemm suspett raġonevoli li tkun wettqet ksur issanzjonat bi priġunerija u jkun hemm raġuni sabiex wieħed jemmen li se jiġi ordnat “arrest provviżorju” kontrih. Il-“kustodja” tista’ tiġi ordnata minn imħallef, mill-prosekutur jew mill-awtorità ta’ investigazzjoni, u t-tul tagħha ma jistax jaqbeż 72 siegħa, li meta jgħaddu l-persuna għandha tingħata l-libertà, sakemm l-imħallef ma jordnax l-“arrest provviżorju” tagħha.

16.

Skont l-Artikoli 129 et seq tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, l-imħallfin għandhom kompetenza esklużiva li jordnaw “arrest provviżorju” (li jfisser “iċ-ċaħda ġudizzjarja tal-libertà tad-detenut, qabel ma tingħata d-deċiżjoni finali”) ( 8 ), li jista’ jinħareġ qabel jew wara l-att ta’ akkuża magħmul mill-prosekutur.

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17.

Fil-proċeduri kriminali miftuħin kontra Halil Ibrahim Özçelik, ta’ nazzjonalità Torka, il-qorti tad-distrett ta’ Veszprém (l-Ungerija), fil-21 ta’ Ġunju 2016, ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew, fejn talbet li jiġi kkonsenjat bħala l-awtur ta’ żewġ każijiet ta’ ksur imwettqa fl-Ungerija u ssanzjonati b’mod kriminali f’dak l-Istat Membru ( 9 ).

18.

H. I. Özçelik bħalissa jinsab miżmum fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Zwaag (il-Pajjiżi l-Baxxi), sakemm tingħata s-sentenza tar-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam).

19.

Fil-paragrafu 1(b) tal-formola mehmuża mal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-qorti tad-distrett ta’ Veszprém, jissemma bħala l-bażi tal-imsemmi mandat il-mandat ta’ arrest (nazzjonali) Nru 19060/93/2014.bü, maħruġ mid-Dipartiment tal-pulizija ta’ Ajka (l-Ungerija) u kkonfermat permezz ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-istess lokalità, tal-14 ta’ Ġunju 2016.

20.

Fit-8 ta’ Lulju 2016, ir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) talbet lill-awtoritajiet Ungeriżi xi kjarifiki dwar ir-rwol tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, b’mod partikolari, dwar l-indipendenza tiegħu mis-setgħa eżekuttiva, il-validazzjoni tal-ordnijiet maħruġa mill-pulizija u l-kriterji użati għal din il-għan, kif ukoll dwar l-effetti ta’ tali validazzjoni. Hija staqsiet ukoll jekk il-persuna li tkun irratifikat mandat ta’ arrest maħruġ mill-pulizija tistax tintervjeni sussegwentement fl-istess każ, bħala rappreżentant tal-Uffiċċju tal-Prosekutur.

21.

Fir-risposta tagħhom tal-14 ta’ Lulju 2016, l-awtoritajiet Ungeriżi enfasizzaw l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur mis-setgħa eżekuttiva; il-missjoni tiegħu li jiżgura li l-pulizija tirrispetta d-drittijiet tad-detenuti; is-setgħa tiegħu li jemenda jew iħassar deċiżjoni meħuda mill-pulizija, bħala l-awtorità responsabbli għall-investigazzjoni kriminali, inklużi l-mandati ta’ arrest, jekk iqis li dawn imorru kontra l-liġi jew is-suġġett tal-investigazzjoni; u l-possibbiltà li l-membru tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li jkun irratifika mandat ta’ arrest nazzjonali jintervjeni sussegwentement bħala rappreżentant ta’ dik l-awtorità fil-proċedura kriminali.

22.

B’kunsiderazzjoni ta’ din l-informazzjoni, ir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) għandha dubji dwar jekk mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ mill-pulizija u sussegwentement irratifikat minn membru tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ungeriż jistax jiġi kklassifikat bħala “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas. Minħabba f’hekk, hija għażlet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-espressjoni ‘deċiżjoni ġudizzjarja’ fis-sens tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni kwadru 2002/584/ĠAI tikkostitwixxi kunċett tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi?

2)

F’każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun [fl-affermattiv], liema hija t-tifsira li għandha tingħata lil dan il-kunċett?

3)

Il-validazzjoni, bħal dik fil-kawża preżenti, minn membru tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ preċedentement mill-pulizija, tikkostitwixxi tali ‘deċiżjoni ġudizzjarja’?”

23.

Skont l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju (esposta fit-taqsimiet sussegwenti tal-paragrafu 4.3 tad-digriet tar-rinviju):

Għalkemm l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas ma jirreferix b’mod espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mas-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett, ma huwiex ċar jekk dan huwiex kunċett li għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni kollha.

Il-verżjoni lingwistika Ġermaniża tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas titkellem dwar “justizielle Entscheidung”, filwaqt li l-verżjoni Ingliża tuża t-terminu “judicial decision”. Huma jużaw, għalhekk, kunċett iktar wiesa’ minn dak ta’ “rechterlijke beslissing”, li jista’ jindika li d-“deċiżjoni ġudizzjarja” tapplika wkoll għal deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur. Verżjoni lingwistika waħda jew iktar tal-istess dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistgħux, madankollu, ikunu l-unika bażi għall-interpretazzjoni tagħha.

Il-punti 52 sa 57 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi ( 10 ) jistgħu jinftiehmu fis-sens li “ma jippreżupponu ebda rekwiżit materjali li għandhom ikunu konformi miegħu l-kompetenzi u l-pożizzjoni tal-awtorità li tkun ħarġet il-mandat ta’ arrest u l-proċedura segwita minn din, iżda li huma espressjoni tal-premessa skont liema mill-indikazzjoni tal-mandat ta’ arrest nazzjonali jirriżulta li fil-ħruġ ta’ dan il-mandat ġew żgurati l-garanziji proċedurali u d-drittijiet fundamentali tal-persuna mfittxija”.

Peress li fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali ta’ diversi Stati Membri, li fosthom hemm il-Pajjiżi l-Baxxi, il-prosekutur jipparteċipa fil-ġustizzja kriminali u għandu s-setgħa li jordna d-detenzjoni ta’ persuni ssuspettati u, skont iċ-ċirkustanzi, jestendi l-miżura ta’ ċaħda tal-libertà, il-qari tal-punti 52 sa 57 tas-sentenza Bob-Dogi ( 11 )“jista’ jwassal għal interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘deċiżjoni ġudizzjarja’ skont liema tali deċiżjoni għandha tinftiehem bħala d-deċiżjoni adottata minn imħallef jew minn prosekutur”.

L-interpretazzjoni tal-kunċetti “deċiżjoni ġudizzjarja”, imsemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas, u ta’ “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ dik l-istess Deċiżjoni Qafas ma hijiex ċara, u għalhekk ir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) għandha dubju jekk tistax tibbaża ruħha fuqhom, fuq il-kunċett ta’ qorti tal-Artikolu 267 TFUE, jew fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 5 tal-KEDB.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.

Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Awwissu 2016, bit-talba li jiġi pproċessat permezz ta’ proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE). Il-qorti tar-rinviju ġġustifikat it-talba tagħha bil-fatt li H. I. Özçelik jinsab imċaħħad mil-libertà u ż-żamma tiegħu f’dik is-sitwazzjoni tiddependi mid-deċiżjoni dwar il-mertu tal-kawża.

25.

Fil-laqgħa amministrattiva tal-1 ta’ Settembru 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja qablet li tindirizza l-kwistjoni skont il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

26.

Il-Gvern Ungeriż u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw is-sottomissjonijiet bil-miktub.

27.

Inżammet seduta, fil-5 ta’ Ottubru 2016, li fiha l-partijiet interessati ntalbu, skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, il-Gvern Ungeriż, jirrispondu għad-domandi li kienu sarulhom.

28.

Ir-rappreżentanti tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Gvern tal-Ġermanja u tal-Gvern tal-Ungerija kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’din is-seduta.

IV – Analiżi

A – Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari

29.

Fil-punti 26 sa 31 tal-konklużjonijiet li nippreżenta fl-istess ħin fil-kawża Poltorak ( 12 ) nispjega r-raġunijiet li jwassluni sabiex niddefendi n-natura awtonoma tal-kunċetti ta’ “awtorità ġudizzjarja” u ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja”, użati fid-Deċiżjoni Qafas. Sabiex nevita li ntawwal dawn il-konklużjonijiet mingħajr bżonn billi nerġa’ nirrepetihom hawn, sempliċiment se nirreferi għalihom.

30.

Fil-punti 32 et seq ta’ dawn l-istess konklużjonijiet nipproponi interpretazzjoni taż-żewġ termini, skont il-kriterji ermenewtiċi abitwalment użati mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tenfasizza l-ewwel kunċett (awtorità ġudizzjarja), b’kunsiderazzjoni tar-“rabta mill-qrib bejn in-natura ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u l-kwalità ta’ awtorità ġudizzjarja li tirriżulta minnha” ( 13 ).

31.

Peress li d-dubji tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw l-awtonomija tal-kunċett ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja” imsemmi fid-Deċiżjoni Qafas u t-tifsira tiegħu, inqis li l-opinjoni tiegħi esprimejtha b’mod suffiċjenti fil-konklużjonijiet paralleli tal-kawża Poltorak.

B – Fuq it-tielet domanda preliminari

32.

B’differenza, madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Poltorak, f’dan il-każ id-domandi tal-qorti tar-rinviju ma jikkonċernawx l-awtorità kompetenti sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, iżda sabiex toħroġ il-mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ preċedentement.

33.

Id-dubji tal-qorti tal-Pajjiżi l-Baxxi ta’ eżekuzzjoni jqumu minħabba li l-awtorità Ungeriża li, f’dan il-każ, ħarġet il-mandat ta’ arrest nazzjonali kontra H. I. Özçelik kienet id-dipartiment tal-pulizija ta’ Ajka, li d-deċiżjoni tiegħu ġiet ikkonfermata jew ivvalidata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ dak il-pajjiż, fl-14 ta’ Ġunju 2016.

34.

Huwa importanti li jiġi enfasizzat, minn issa, li, kuntrarjament għall-mandat ta’ arrest nazzjonali, il-mandat ta’ arrest Ewropew kontra H. I. Özçelik inħareġ fil-21 ta’ Ġunju 2016 minn qorti Ungeriża (qorti tad-distrett ta’ Veszprém), li ħadd ma jiċħad jew jiddiskuti n-natura tagħha ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas. Fil-fehma tiegħi, dan jista’ jwassal għal implikazzjonijiet rilevanti għar-risposta għar-rinviju preliminari, li ser nirreferi għalihom iktar tard.

35.

Bħala premessa, ser nibda mill-fatt li billi vvalida jew ikkonferma l-mandat ta’ arrest nazzjonali, li sa issa kien inħareġ biss mill-pulizija, l-Uffiċċju tal-Prosekutur sar dak li realment jiddeċiedi (jew, jekk wieħed jixtieq, dak li ko-jiddeċiedi) dwar dak il-mandat. L-Uffiċċju tal-Prosekutur, fil-kuntest tas-setgħat tiegħu fil-proċedura kriminali, adotta d-deċiżjoni preċedenti tal-pulizija bħala tiegħu, u taha s-saħħa inerenti ta’ kwalunkwe deċiżjoni oħra li jadotta hu stess. Jista’ jiġi kkunsidrat, għalhekk, li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ungeriż, fil-kuntest tal-proċedura kriminali kontra H. I. Özçelik, huwa l-“awtur” reali tal-mandat ta’ arrest nazzjonali.

36.

L-aċċettazzjoni ta’ din l-idea tinvolvi, mill-inqas, żewġ konsegwenzi. L-ewwel waħda hija li f’dan ir-rinviju l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għalfejn tiddeċiedi dwar il-leġittimità, b’mod astratt, tal-Uffiċċji tal-Prosekutur tal-Istati Membri (jekk dawn ikunu semmewhom fil-lista tal-awtoritajiet ġudizzjarji li għandha tintbagħat lill-Kunsill skont l-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni Qafas) sabiex joħorġu mandati ta’ arrest Ewropej, fis-sens tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas. Ninsisti li, fil-kawża prinċipali, kienet qorti distrettwali, u mhux l-Uffiċċju tal-Prosekutur li indirizzat il-mandat ta’ arrest Ewropew lir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam).

37.

It-tieni konsegwenza ta’ dik il-premessa hija li d-domandi huma limitati sabiex jiġi spjegat biss jekk il-mandati ta’ arrest nazzjonali maħruġa (iktar preċiżament, ikkonfermati jew irratifikati) mill-Uffiċċju tal-Prosekutur jaqgħux taħt xi waħda mill-kategoriji legali użati fl-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas, jiġifieri “sentenza li tista’ tiġi infurzata, […] mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja li tista’ tiġi nfurzata oħra li għandha l-istess effett […]”.

38.

Madankollu, abbażi ta’ din ir-rabta mill-qrib —li rreferejt għaliha preċedentement— bejn in-natura ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u l-kwalità ta’ awtorità ġudizzjarja li teħodha, ir-risposta għal dawn id-domandi ma tistax tingħata mingħajr xi kunsiderazzjonijiet preliminari dwar il-klassifikazzjoni eventwali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala awtorità ġudizzjarja fid-Deċiżjoni Qafas. Mill-konfigurazzjoni tiegħu, fid-dawl ta’ dan l-att normattiv, jistgħu jiġu dedotti xi karatteristiċi li, ladarba jitqabblu mal-istatus u l-funzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-proċedura kriminali Ungeriża, jippermettu li ssir konklużjoni dwar in-natura ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja” tal-mandat ta’ arrest nazzjonali approvat mill-prosekutur Ungeriż, kif ukoll dwar jekk dan il-mandat jistax jaqa’ taħt l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas.

39.

Il-proposta inizjali ta’ Deċiżjoni Qafas ( 14 ) fl-Artikolu 3 tagħha kienet tinkludi definizzjoni ta’ awtorità ġudizzjarja (li toħroġ jew tirċievi l-mandat ta’ arrest Ewropew) li, b’mod espliċitu, kienet tinkludi fiż-żewġ każijiet lill-Uffiċċju tal-Prosekutur flimkien mal-qrati ( 15 ).

40.

In-nota ta’ spjegazzjoni ta’ din il-proposta żiedet tgħid li t-terminu “awtorità ġudizzjarja” kien jikkorrispondi għal dak tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tal-1957 li, imbagħad, min-naħa tagħha rrikonoxxiet bħala tali lill-“awtoritajiet ġudizzjarji nfushom u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur, bl-esklużjoni tal-awtoritajiet tal-pulizija” ( 16 ).

41.

Id-Deċiżjoni Qafas, madankollu, ma sostnietx, il-linja mmarkata bl-Artikolu 3 tal-proposta u, fl-Artikoli 1 u 6 tat-test finalment adottat, ir-riferiment għall-Uffiċċju tal-Prosekutur għeb. Ma huwiex faċli li jiġi spjegat dan l-għajbien: kien hemm xewqa li jitneħħa l-Uffiċċju tal-Prosekutur jew ġie kkunsidrat li, anke mingħajr riferiment speċifiku, dan kien jifforma parti mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, għall-finijiet tal-mandat ta’ arrest Ewropew? ( 17 )

42.

L-inċertezza dwar din il-kwistjoni baqgħet sa issa ( 18 ) mingħajr ma — sakemm mhux qed niżbalja jien — ebda qorti tal-Istati Membri qatt ma ressqitha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, għad hemm ftit problemi ermenewtiċi mhux ħażin sabiex tinstab soluzzjoni għaliha.

43.

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, xi Stati Membri infurmaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, skont l-Artikolu 6(3) tagħha li fost l-“awtorit[ajiet] ġudizzjarj[i] kompetenti taħt il-liġi [tagħhom]” sabiex joħorġu jew jeżegwixxu l-mandati ta’ arrest Ewropej kien hemm l-Uffiċċji tal-Prosekutur rispettivi tagħhom. Dawn il-komunikazzjonijiet, madankollu, ma jippreġudikawx u lanqas ma jikkondizzjonaw, f’termini strettament ġuridiċi, il-konformità tal-miżuri meħuda minn kull Stat mal-kontenut tad-Deċiżjoni Qafas. Id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati jinnominaw jew jaħtru, minn fost l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom, lil dawk li jkunu kompetenti sabiex jirċievu jew joħorġu mandati ta’ arrest Ewropej, iżda ma tippermettilhomx jespandu l-kunċett ta’ awtorità ġudizzjarja, għall-korpi li ma jgawdux minn dan l-istatus.

44.

Issa, l-Ungerija ma tinsabx fost l-Istati Membri li attribwew lill-Uffiċċju tal-Prosekutur tagħhom il-kwalità ta’ awtorità ġudizzjarja adattata sabiex toħroġ jew tirċievi mandati ta’ arrest Ewropej. Skont in-notifika mibgħuta lill-Kunsill minn dan il-pajjiż, fis-26 ta’ April 2004, skont l-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni Qafas, “[…] sabiex tiġi eżerċitata prosekuzzjoni kriminali, l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun il-qorti kompetenti f’dik il-kwistjoni. Għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà, għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew il-qorti tal-infurzar” ( 19 ).

45.

Għalkemm wieħed jista’ jitħajjar jipprova jagħti risposta ġenerali issa għad-domanda dwar il-leġittimità tal-Uffiċċji tal-Prosekutur tal-Istati Membri sabiex joħorġu mandati ta’ arrest Ewropej, jien ma naħsibx li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa l-opportunità xierqa, peress li — kif diġà enfasizzajt — il-mandat ta’ arrest Ewropew intbagħat lir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) minn qorti Ungeriża, li aġixxiet skont in-notifika pprovduta mir-Repubblika tal-Ungerija lill-Kunsill skont l-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni Qafas, peress li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ dak il-pajjiż ma huwiex awtorizzat jagħmel dan.

46.

Għalhekk, nerġgħu niġu lura għall-punt tat-tluq, jiġifieri, id-deċiżjoni nazzjonali li tittieħed qabel il-mandat ta’ arrest Ewropew. Fl-istruttura tad-Deċiżjoni Qafas, din id-deċiżjoni nazzjonali ċertament għandha inqas rilevanza mill-mandat ta’ arrest Ewropew innifsu. Fir-realtà, din tidher biss fl-Artikolu 8, li jirregola l-“informazzjoni” li għandu jkun fih il-mandat ta’ arrest Ewropew, inkorporata fil-formola li tidher fl-Anness. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fis-sentenza tagħha tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi ( 20 ), l-obbligu li l-mandat ta’ arrest nazzjonali jippreċedi l-mandat ta’ arrest Ewropew, iżda d-Deċiżjoni Qafas tagħti preferenza lil dan tal-aħħar. Minkejja li huwa indispensabbli, il-mandat ta’ arrest nazzjonali huwa biss preċedenti għall-mandat ta’ arrest Ewropew.

47.

F’dak li jirrigwarda s-sistema applikabbli għall-proċedura kriminali fi kwalunkwe fażi tagħha (jiġifieri, kemm f’dik tal-investigazzjoni, tal-istruzzjoni kif ukoll dik tad-deċiżjoni fil-mertu), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “[…] [l‑]proċeduri kriminali jew tal-eżekuzzjoni tal-piena jew tal-ordni ta’ detenzjoni […] proċeduri kriminali fuq il-mertu […] jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas u tad-dritt tal-Unjoni” ( 21 ).

48.

Għalhekk, huwa loġiku li sabiex din is-sistema tiġi rrikonoxxuta għandu jsir riferiment għal-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru, dejjem sakemm id-dispożizzjonijiet legali rilevanti f’dan ir-rigward ikunu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, kif tirriproduċihom il-KEDB, inkluż id-dritt għal-libertà u għal rimedju effettiv stabbiliti fl-Artikoli 5 u 13 ta’ din il-Konvenzjoni u l-Artikoli 6 u 47 tal-Karta.

49.

L-intervent tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fl-investigazzjoni u, eventwalment, fl-istruzzjoni tal-proċeduri kriminali jaqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru. Id-dritt tal-Unjoni jadotta dan il-prinċipju u, fil-fatt, f’wieħed mill-oqsma l-oħra l-iktar prominenti tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali li jirreferi għalihom l-Artikolu 82(2) TFUE tad-Direttiva 2014/41/UE ( 22 ) ma kienx hemm eżitazzjoni sabiex l-Uffiċċju tal-Prosekutur jiġi inkluż b’mod espliċitu fost l-awtoritajiet li jistgħu joħorġu ordni ta’ investigazzjoni Ewropea ( 23 ).

50.

L-aċċettazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala awtorità li tista’ tadotta “deċiżjoni ġudizzjarja” sabiex tikseb miżura jew miżuri ta’ investigazzjoni speċifiċi li jiġu prattikati fi Stat ieħor (“l-Istat ta’ eżekuzzjoni”), sabiex tinkiseb evidenza turi, jekk ikun meħtieġ, il-perċezzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni dwar ir-rwol importanti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fi ħdan il-proċeduri kriminali. Ma għandux jintesa li d-deċiżjoni ta’ investigazzjoni Ewropea hija strument ieħor, approvat fil-kuntest tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, li jitqies b’mod komuni bħala l-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-Unjoni, mill-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999.

51.

Huwa veru li wieħed ma jistax iqabbel, sempliċiment, l-intervent tal-Uffiċċju tal-Prosekutur f’qasam (li jikkonċerna l-libertà, affettwata mid-detenzjoni tal-persuni) ma’ dak f’qasam ieħor (dak tal-kisba tal-provi). Li nixtieq ngħid huwa li l-aċċettazzjoni tiegħu bħala awtorità ġudizzjarja fid-Direttiva 2014/41/UE, għall-ordnijiet ta’ investigazzjoni, ma tippreġudikax neċessarjament l-estensjoni ta’ din il-kunsiderazzjoni għad-Deċiżjoni Qafas għal dak li jikkonċerna l-mandati ta’ arrest Ewropej. Din l-informazzjoni regolamentarja, madankollu, tirrappreżenta appoġġ serju għall-approċċ favur interpretazzjoni wiesgħa, tal-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” fil-modalitajiet tal-kooperazzjoni f’materji kriminali (inkluż il-mandat ta’ arrest Ewropew) imsemmija fl-Artikolu 82 TFUE, li jawtorizza l-kunsiderazzjoni bħala tali lill-Uffiċċju tal-Prosekutur.

52.

Permezz ta’ dan l-argument qiegħed nipprova nenfasizza karatteristika partikolari tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, jiġifieri, il-kapaċità tiegħu — meta jkun hekk ipprovdut f’kull Stat Membru fir-regoli kostituzzjonali jew legali tiegħu — sabiex jipparteċipa fl-Amministrazzjoni tal-ġustizzja, bħala strument tal-Istat li jibda proċeduri kriminali u, li fil-kuntest tagħhom, jista’ anki jadotta, mill-inqas temporanjament u għal perijodi ta’ żmien limitati, ordnijiet ta’ kustodja u detenzjoni jew deċiżjonijiet ekwivalenti, qabel ma d-detenuti jgħaddu quddiem l-imħallef li jkollu jiddeċiedi dwar il-libertà jew il-priġunerija tagħhom.

53.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan l-istess sens, enfasizzat ukoll ir-rwol tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-proċeduri kriminali, u waslet anki sabiex tikklassifikah (b’rabta ma’ xi wħud mid-deċiżjonijiet tiegħu fil-kuntest ta’ dawk il-proċeduri) bħala “awtorità kompetenti sabiex tamministra l-ġustizzja kriminali fis-sistema ġuridika nazzjonali kkonċernata” ( 24 ).

54.

Min-naħa tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem aċċettat li l-membri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur jistgħu jitqiesu bħala “[imħallef jew] awtorità [oħra] mogħtija s-setgħa bil-liġi sabiex teżerċita poteri ġudizzjarji”, li għandhom jintbagħtu quddiemu, skont l-Artikolu 5(3) tal-KEDB, il-persuni detenuti kollha jew dawk imċaħħda mil-libertà tagħhom fil-kundizzjonijiet ipprovduti fil-paragrafu 1(ċ) tal-istess artikolu.

55.

Fil-fatt, f’serje ta’ sentenzi, li jibdew b’dik tal-4 ta’ Diċembru 1979 ( 25 ) u li fosthom insibu dik mogħtija mill-Awla Manja fid-29 ta’ Marzu 2010 ( 26 ), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem interpretat il-kliem “awtorità legali kompetenti” u “imħallef jew funzjonarju ieħor awtorizzat b’liġi biex jeżerċita setgħa ġudizzjarja” (it-tnejn inklużi fl-Artikolu 5 tal-KEDB, dwar id-dritt għal-libertà u s-sigurtà) f’termini li jippermettu li jaqgħu taħtu l-membri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, jekk dawn ikunu joffru l-garanziji inerenti għal dawn il-kunċetti (ser nerġa’ nirritorna lejn din il-kwistjoni tal-aħħar iktar tard).

56.

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda d-dritt nazzjonali, għandu jiġi osservat li, fir-Repubblika tal-Ungerija, il-prosekuturi jistgħu jordnaw id-detenzjoni (fil-forma ta’ “kustodja”) ta’ persuna, jekk ikunu preżenti ċ-ċirkustanzi pprovduti fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali tagħha li rreferejt għaliha iktar ’il fuq ( 27 ). Huma jistgħu wkoll jikkonfermaw jew jirrevokaw deċiżjoni simili li tkun ingħatat preċedentement mill-pulizija. Fiż-żewġ każijiet, fl-opinjoni tiegħi, huwa ċert li dawn iċ-ċaħdiet tal-libertà, deċiżi, irratifikati jew ikkonfermati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur huma illimitati mil-liġi ( 28 ) għal perijodu ta’ żmien qasir, peress li l-persuna fil-kustodja għandha titressaq quddiem imħallef, jew tiġi liberata, f’perijodu massimu ta’ 72 siegħa. Dan tal-aħħar huwa l-uniku awtorità kompetenti sabiex tipproċedi għal “arrest provviżorju” ta’ detenut, qabel ma dan jiġi suġġett għal sentenza.

57.

F’dawn il-kundizzjonijiet regolatorji, li jidhru li jirrispettaw l-Artikolu 5 tal-KEDB, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ungeriż jaġixxi bħala awtorità li, mogħnija b’indipendenza mis-setgħa eżekuttiva, tipparteċipa fl-Amministrazzjoni tal-ġustizzja billi tibda proċedura kriminali pubblika (jiġifieri, titlob l-applikazzjoni tal-ius puniendi tal-Istat) minn pożizzjoni differenti minn dik ta’ imħallef, u hija awtorizzata sabiex tieħu miżuri proviżorji ta’ tul ta’ żmien limitat ħafna, li jaffettwaw il-libertà tal-persuni, suġġetti għad-deċiżjoni sussegwenti u indispensabbli tal-imħallef.

58.

Skont l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas, it-tliet tipi ta’ deċiżjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu (jiġifieri, sentenza li tista’ tiġi nfurzata, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja li tista’ tiġi nfurzata oħra li għandha l-istess effett) huma inklużi fil-kunċett ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali” differenti mill-mandat ta’ arrest Ewropew sussegwenti ( 29 ). Speċifikament, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, qabel ma jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew, xi awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tkun adottat “deċiżjoni, bħall ħruġ ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, li fuqha jissawwar il-mandat ta’ arrest Ewropew” ( 30 ).

59.

Issa, nemmen li fil-fond, dan il-qari tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas, imur favur li l-mandati ta’ arrest nazzjonali maħruġa jew approvati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ikollhom in-natura ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens ta’ dak l-artikolu, li jsawwar il-ħruġ sussegwenti mill-imħallef, tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

60.

Fis-sentenza Bob-Dogi, minbarra l-element ermenewtiku litterali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, b’mod speċjali, il-fatt li, mingħajr il-mandati ta’ arrest nazzjonali preċedenti, “[il-]garanziji proċedurali u [d]-drittijiet fundamentali, li l-protezzjoni tagħhom għandha tiġi żgurata mill-qrati tal-Istat Membru emittenti” jistgħu jiġu mdgħajfa, peress li l-persuna kkonċernata tiġi mċaħħda mill-“ewwel livell ta’ protezzjoni” ta’ dawn id-drittijiet u garanziji, jiġifieri, dak purament intern ( 31 ).

61.

Jien ma naħsibx li dan it-tħassib huwa fondat f’dan il-każ, peress li l-Kodiċi ta’ proċedura kriminali Ungeriż fi kwalunkwe każ jiggarantixxi d-dritt tad-detenut li jitressaq quddiem imħallef fi żmien 72 siegħa, meta l-mandat ta’ arrest nazzjonali jkun inħareġ mill-awtorità tal-pulizija u l-Uffiċċju tal-Prosekutur ikun irratifikah. Ir-rekwiżiti proċedurali tal-Artikolu 5 tal-KEDB, b’mod konkret, l-istħarriġ minn imħallef tal-legalità tad-detenzjoni, huma rrispettati b’dan il-mod.

62.

Il-kunsiderazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala “awtorità ġudizzjarja”, li, għall-finijiet tad-Deċiżjoni Qafas, tista’ tordna jew tikkonferma, fil-kundizzjonijiet stretti diġà msemmija, ċaħda temporanja tal-libertà (jiġifieri, mandat ta’ arrest nazzjonali) ma tfissirx li dan jiġi mqabbel ma’ qorti intitolata sabiex tuża l-Artikolu 267 TFUE ( 32 ). Minbarra li mhux kulma hu “ġudizzjarju” għandu jkun, strettament, “ġurisdizzjonali”, il-korpi li jistgħu jew li għandhom jagħmlu domandi preliminari huma dawk li għandhom isolvu t-tilwim li jinqalgħu quddiemhom, u għalhekk jeħtieġu l-assistenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-Uffiċċju tal-Prosekutur ma huwiex wieħed minn dawn il-korpi, minkejja li xorta jista’ jingħata n-natura ta’ “awtorità ġudizzjarja” skont id-Deċiżjoni Qafas, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermettilu jadotta mandati ta’ arrest nazzjonali. Dawn tal-aħħar, għalhekk, jistgħu jiġu deskritti bħala mandati ta’ arrest jew deċiżjonijiet ġudizzjarji eżekuttivi li għandhom l-istess forza, għall-finijiet tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas.

63.

Il-fatt li l-membru partikolari ta’ dik l-istituzzjoni li tkun ħarġet il-mandat ta’ arrest nazzjonali (jew irratifikat dak maħruġ mill-pulizija) ikun l-istess wieħed li, iktar tard, jirrappreżentaha fil-proċeduri kriminali kontra d-detenut lanqas ma jipprekludi r-rikonoxximent tal-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala “awtorità ġudizzjarja” awtorizzata, fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafas sabiex tadotta mandati ta’ arrest nazzjonali. Ir-riżervi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1979 u tad-29 ta’ Marzu 2010, li semmejt preċedentement ( 33 ), huma spjegati fil-kuntest tal-Artikolu 5(1)(c) tal-KEDB ( 34 ), jiġifieri, fl-ipoteżi fejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur jikkostitwixxi alternattiva għall-imħallef sabiex jiddeċiedi dwar iż-żamma taċ-ċaħda tal-libertà tad-detenut. Dan, madankollu, ma huwiex il-każ hawnhekk, peress li, kif diġà ddiskutejt, skont il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Ungeriż, id-detenuti (b’ordni tal-pulizija, li sussegwentement tiġi rratifikata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur) jitressqu quddiem imħallef jew jiġu rrilaxxati. Ma hemm l-ebda oġġezzjoni sabiex, f’din is-sitwazzjoni, ir-rappreżentant tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ikompli l-azzjoni tiegħu fil-fażijiet sussegwenti tal-proċedura.

64.

Bħala argument finali rrid nerġa’ mmur lura għall-punt tat-tluq: l-imħallef Ungeriż li f’dan il-każ adotta l-mandat ta’ arrest Ewropew, ċertament, għamel dan wara li eżamina u evalwa skont il-ġudizzju tiegħu stess il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jinħareġ, li jinkludu l-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali preċedenti. Għalhekk, loġikament, kellu jevalwa ċ-ċirkustanzi li fihom inħareġ dan tal-aħħar, bl-intervent tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, li jfisser il-garanzija tal-istħarriġ tar-regolarità u tar-rilevanza tiegħu. Jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur irratifika d-detenzjoni mill-pulizija, il-qorti distrettwali ta’ Vezsprem, imbagħad min-naħa tagħha, tat il-kunsens tagħha għall-azzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, li, finalment, jiżgura li jingħataw il-garanziji meħtieġa għall-proċedura ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, b’mod partikolari, fl-ewwel livell ta’ protezzjoni meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi) ( 35 ).

V – Konklużjonijiet

65.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-termini li ġejjin:

“1)

L-espressjoni “deċiżjoni ġudizzjarja” msemmija fl-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill, Nru 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill, Nru 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, hija kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandha tiġi interpretata b’mod uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha.

2)

Mandat ta’ arrest nazzjonali, maħruġ minn awtorità tal-pulizija u sussegwentement irratifikat mill-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-kundizzjonijiet eżistenti f’dan il-każ, jista’ jiġi kklassifikat bħala “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(ċ) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, sabiex iservi bħala bażi għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew sussegwenti.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Id-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6, p. 1 u rettifika ĠU L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, li temenda d-Deċiżjonijiet kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU 2009, L 81, p. 24), (iktar ’il quddiem, “Deċiżjoni Qafas”).

( 3 ) Nota irrelevanti fil-verżjoni Maltija.

( 4 ) Nota irrelevanti fil-verżjoni Maltija.

( 5 ) Büntetőeljárásról szóló 1998 évi XIX. törvény (Liġi XIX tal-1998 li tistabbilixxi l-“Kodiċi ta’ proċedura kriminali”).

( 6 ) Skont l-Artikolu 28(3) tal-imsemmi Kodiċi, il-prosekutur jordna jew iwettaq investigazzjoni sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-prosekuzzjoni. Skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu, meta tkun l-awtorità investigattiva li fuq inizjattiva tagħha twettaq dan, jew tiżviluppa ċerti azzjonijiet fil-kuntest tal-investigazzjoni, il-prosekutur għandu jiżgura li l-Liġi tiġi rrispettata matul il-proċedura kollha u li l-persuni involuti fiha jkunu jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom.

( 7 ) L-Artikolu 28(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

( 8 ) L-Artikolu 129(1).

( 9 ) Skont l-informazzjoni li tinsab fil-formola mehmuża mal-mandat ta’ arrest Ewropew, H. I. Özçelik huwa akkużat bil-parteċipazzjoni f’reat ta’ falsifikazzjoni ta’ dokument pubbliku (speċifikament, l-inkorporazzjoni ta’ data, fatti u dikjarazzjonijiet foloz f’dokument notarili), issanzjonat fl-Artikolu 342(1)(c) tal-Kodiċi Kriminali Ungeriż.

( 10 ) Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2006, Bob-Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385.

( 11 ) Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2006, Bob-Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385.

( 12 ) Kawża Poltorak C‑452/16 PPU, pendenti quddiem din il-Qorti.

( 13 ) Punt 34 tal-konklużjonijiet tal-kawża Poltorak C‑452/16 PPU.

( 14 ) COM(2001) 522 finali.

( 15 ) “For the purposes of this Framework Decision, the following definitions shall apply: (a) ‘European arrest warrant’ means a request, issued by a judicial authority of a Member State, and addressed to any other Member State, for assistance in searching, arresting, detaining and obtaining the surrender of a person, who has been subject to a judgement or a judicial decision, as provided for in Article 2; (b) ‘issuing judicial authority’ means the judge or the public prosecutor of a Member State, who has issued a European arrest warrant; (c) ‘executing judicial authority’ means the judge or the public prosecutor of a Member State in whose territory the requested person sojourns, who decides upon the execution of a European arrest warrant […]”.

( 16 ) Fil-kummenti tal-Artikolu 3 tal-proposta jista’ jinqara: “The procedure of the European arrest warrant is based on the principle of mutual recognition of court judgments. State-to-State relations are therefore substantially replaced by court-to-court relations between judicial authorities. The term ‘judicial authority’ corresponds, as in the 1957 Convention (cf. Explanatory Report, Article 1), to the judicial authorities as such and the prosecution services, but not to the authorities of police force.The issuing judicial authority will be the judicial authority which has authority to issue the European arrest warrant in the procedural system of the Member State (Article 4)”. Enfasi miżjuda.

( 17 ) Hemm argumenti b’saħħithom favur iż-żewġ pożizzjonijiet. Lista eċċellenti tagħhom tista’ tinstab fil-voti favur u kontra fformulati fis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2012, maħruġa mis-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) fil-kawża Assange vs The Swedish Prosecution Authority, [2012] UKSC 22. Għall-kuntrarju, ma għandi l-ebda dubju li s-silenzju dwar it-tneħħija espliċita tal-awtoritajiet tal-pulizija, prevista fil-proposta, għandu jiġi interpretat bħala konferma ta’ dan.

( 18 ) Il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni, fis-27 ta’ Frar 2014, b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew (proċedura 2013/2019 (INL) li fiha ġie kkritikat “in-nuqqas ta’ definizzjoni tat-terminu ‘awtorità ġudizzjarja’ fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u fi strumenti ta’ rikonoxximent reċiproku oħrajn li wasslet għal diverġenza fil-prattika bejn l-Istati Membri li wasslet għal inċertezza, ħsara lill-fiduċja reċiproka, u litigazzjoni”. Il-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi “proposti leġiżlattivi b’segwitu għar-rakkomandazzjonijiet dettaljati mogħtija fl-Anness ta’ ma’ dan ir-Regolament u li jipprovdu għal […] a) proċedura li biha miżura ta’ rikonoxximent reċiproku tista’, jekk ikun meħtieġ, tiġi vvalidata fl-Istat Membru emittenti minn imħallef, Qorti, maġistrat inkwirenti jew minn prosekutur pubbliku, sabiex jingħelbu l-interpretazzjonijiet diverġenti tat-terminu ‘awtorità ġudizzjarja’ […]”. Enfasi miżjuda.

( 19 ) Kunsill tal-Unjoni Ewropea, nota 8929/04.

( 20 ) Sentenza tal-1 ta’ Ġunju, Bob-Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385.

( 21 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, F (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358), punt 48.

( 22 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1). Skont l-Artikolu 36 tagħha, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-22 ta’ Mejju 2017.

( 23 ) L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (OIE) huwa, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/41, “[…]deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew validata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (‘l-Istat emittenti’) sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor (‘l-Istat ta’ eżekuzzjoni’) bil-ħsieb li jinkisbu provi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva”. L-Artikolu 2(c)(i), tal-istess liġi jipprovdi li, “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, […] awtorità emittenti tfisser […] imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat […].” Mingħajr enfasi fl-oriġinal.

( 24 ) Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, (C‑486/14, EU:C:2016:483), punt 39. F’dak il-każ, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Kołobrzeg (il-Polonja) kien ordna t-tmiem tal-proċeduri kriminali, u t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (qorti reġjonali superjuri ċivili u kriminali ta’ Hamburg, il-Ġermanja), kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 54 u 55 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni, iffirmat f’Schengen (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995, kif ukoll l-Artikoli 50 u 52(1) tal-Karta. Fl-istess sens, il-klassifikazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala “awtorità inkarigata sabiex tamministra l-ġustizzja penali fis-sistema ġuridika nazzjonali kkonċernata” dehret fis-sentenza tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge, (C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87), punt 28.

( 25 ) QEDB, Kawża 7710/76, Schiesser vs L-Iżvizzera (CE:ECHR:1979:1204JUD000771076).

( 26 ) QEDB, Kawża 3394/03, Medvedyev et vs Franza (CE:ECHR:2010:0329JUD000339403).

( 27 ) Ara l-punti 15 u 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Artikolu 126 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.

( 29 ) Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob‑Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385, punti 46, 49, 51, 52, 56 u 57.

( 30 ) Ibidem, punt 57.

( 31 ) Ibidem, punt 55.

( 32 ) Il-qorti tar-rinviju ssemmi, b’mod xieraq, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 1996, X (Kawżi C‑74/95 u C‑129/95, EU:C: 1996:491). Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 19 tal-imsemmija sentenza, irreferiet għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer (punti 6 sa 9) sabiex tiddeċiedi li “[…] ir-rwol tal-Procura della Repubblica fil-kawża prinċipali ma huwiex li ssolvi tilwima b’mod indipendenti għal kollox, iżda li skont il-każ, tinforma lill-qorti kompetenti b’din it-tilwima, bħala parti mill-proċedura ta’ eżerċizzju tal-azzjoni kriminali”.

( 33 ) Ara l-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tinterpreta din id-dispożizzjoni billi tistqarr li “L-awtorità ġudizzjarja għandha toffri l-garanziji neċessarji ta’ indipendenza mis-setgħa eżekuttiva u mill-partijiet, li jeskludi intervent sussegwenti tagħhom fi proċedura kriminali f’isem l-Uffiċċju tal-Prosekutur, u għandu jkollha s-setgħa sabiex tordna r-rilaxx, l-arrest u d-detenzjoni, wara li tisma’ lill-persuna kkonċernata u tistħarreġ il-legalità u l-ġustifikazzjoni ta’ dawn il-miżuri […]” (QEDB, sentenza tad-29 ta’ Marzu 2010, Medvedyev et vs Franza, CE:ECHR:2010:0329JUD000339403, punt 124).

( 35 ) Ara l-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Top