EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0360

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 2017.
Bundesrepublik Deutschland vs Aziz Hasan.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Modalitajiet u termini previsti għall-formulazzjoni ta’ rikors għall-finijiet ta’ teħid lura – Ritorn illegali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fi Stat Membru li jkun wettaq trasferiment – Artikolu 24 – Proċedura ta’ teħid lura – Artikolu 27 – Rimedju ġudizzjarju – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Fatti sussegwenti għat-trasferiment.
Kawża C-360/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:653

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 2017 ( 1 )

Kawża C‑360/16

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

vs

Aziz Hasan

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali, il‑Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill‑eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Modalitajiet u termini applikabbli għat-trasferiment ta’ ċittadina ta’ pajjiż terz lejn l-Istat Membru tal-ewwel applikazzjoni għall-ażil – Bidu tad-dekorrenza tat-terminu għat-trasferiment tal-applikant għall-ażil”

I. Introduzzjoni

1.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tinterpreta d‑dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18, 23, 24, 27 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 ( 2 ) sabiex tiddetermina minn naħa, in-natura definittiva tad‑determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, u min-naħa l-oħra l‑portata tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq id-deċiżjonijiet ta’ trasferiment u fl-aħħar nett, fuq il-modalitajiet, il-proċeduri u t-termini applikabbli meta l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali, li kien diġà s-suġġett ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli mill‑eżami tal-applikazzjoni tiegħu, jirritorna illegalment fit-territorju tal-Istat Membru li fih saret l-ewwel talba, li fih hemm pendenti rikors kontra d-deċiżjoni tat-trasferiment.

2.

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III ma jirregolawx is‑sitwazzjoni, għalkemm frekwenti, tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali li kien s-suġġett ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu u jirritorna mill-ġdid fl-Istat Membru li fih saret l-ewwel talba. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk dwar l-elementi li ma kinux espressament previsti mil‑leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea.

3.

Minkejja li r-risposti għad-domandi kif magħmula mill-qorti tar‑rinviju ma jirriżultawx direttament mill-qari tar-Regolament Dublin III, madankollu dawn jistgħu joħorġu mill-istruttura ġenerali ta’ dan it‑test u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, anki jekk dan jinvolvi rikonċiljament tal-għanijiet differenti li jrid jilħaq il‑leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (iktar ’il quddiem is-“SEKA”), stabbilita abbażi tal-Artikolu 78 tat‑Trattat FUE ( 3 ).

4.

Il-loġika wara s-SEKA tista’ twassal sabiex tiġi kkonstatata l‑inadegwatezza tas-sistema implementata fuq livell Ewropew mar‑realtajiet prattiċi. Din is-sistema tista’, minn naħa, twassal għal żbilanċ bejn l-Istati Membri fit-teħid lura tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali. Min-naħa l-oħra, hija jista’ jkollha l-effett li ġġiegħel lill‑individwi kkonċernati jirresjedu fi Stat Membru wieħed, jiġifieri dak li jkun meqjus bħala responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali.

5.

Madankollu, is-sistema attwalment fis-seħħ ma tistax tippermetti lill-Istati Membri li jaħarbu mir-responsabbiltà imposta fuqhom testwalment fit-trattament effettiv ta’ dawn l-applikazzjonijiet, b’mod partikolari billi ma jwettqux il-kontrolli u ma jżommux fit-territorju tagħhom l-applikanti li huma responsabbli minnhom, u lanqas għall‑kuntrarju lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li jagħżlu l-Istat Membru li ser ikun responsabbli mit-trattament tal-applikazzjoni tagħhom, permezz ta’ movimenti sekondarji u l-preżentazzjoni ta’ diversi applikazzjonijiet għall-ażil fi Stati Membri differenti.

6.

Fil-bidu tal-analiżi tiegħi, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li t-trasferiment ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali ma għandux l-effett li jiddetermina, b’mod definittiv, l-Istat Membru responsabbli mill-applikazzjoni għall-ażil.

7.

Ser nispjega wkoll li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ applikant għall-ażil għandu jkun jirrigwarda ċirkustanzi li seħħew wara l-eżekuzzjoni ta’ din il-miżura.

8.

Fl-aħħar nett, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom jiena nikkunsidra li, f’każ ta’ ritorn illegali tal-applikant għall-ażil fit-territorju tal-Istat Membru li fih saret l-ewwel talba, dan tal-aħħar għandu jibda proċedura ġdida ta’ trasferiment, li tinkludi applikazzjoni ġdida għat‑teħid lura u li tissodisfa termini ġodda, li l-komputazzjoni tagħhom għandha tiġi stabbilita, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Dublin III.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.  Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Dublin III

9.

Il-premessi 4, 5, 19 u 21 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu:

“(4)

[…] s-SEKA għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)

Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall‑proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

[…]

(19)

Sabiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal‑individwi kkonċernati għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [ ( 4 )].

[…]

(21)

Nuqqasijiet fi, jew fallimenti ta’, sistemi tal-asil, spiss aggravati jew ikkontribbwiti għal pressjonijiet partikolari fuqhom, jistgħu ipoġġu f’perikolu it-tħaddim mingħajr problemi tas-sistema mpoġġija fis‑seħħ taħt dan ir-Regolament, li jista’ jwassal għal riskju ta’ ksur tad-drittijiet tal-applikanti kif stipulati fl-acquis tal-Unjoni dwar l‑asil u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, drittijiet internazzjonali tal-bniedem oħra u drittijiet tar-rifuġjati”.

10.

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jiddefinixxi t-termini segwenti:

“[…]

(c)

‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha deċiżjoni finali tkun għadha ma tteħditx;

(d)

‘eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser kull eżami ta’, jew deċiżjoni dwar, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2011/95/UE [ ( 5 )] u d-Direttiva 2013/32/UE [ ( 6 )] ħlief għal proċeduri li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli skont dan ir‑Regolament;

[…]”

11.

L-Artikolu 3 tar-Regolament Dublin III jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall‑protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil‑Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.   Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il‑bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis‑sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l‑applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.

3.   Kull Stat Membru għandu jżomm id-dritt, li jibgħat applikant lejn pajjiż terz sikur, soġġett għar-regoli u s-salvagwardji stabbiliti mid‑Direttiva 2013/32 […]”.

12.

L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“[…]

2.   L-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji stabiliti f’dan il-Kapitlu għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l‑applikant iddepożita għall-ewwel darba l-applikazzjoni għall‑protezzjoni internazzjonali tiegħu jew tagħha għand Stat Membru.

3.   Fid-dawl tal-applikazzjoni tal-kriterji msemmijin fl-Artikolu 8, 10 u 16, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kull evidenza disponibbli rigward il-preżenza, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ membri tal-familja, qraba jew relazzjonijiet familjari oħra tal-applikant, bil-kundizzjoni li tali evidenza tiġi ppreżentata qabel ma Stat Membru ieħor jaċċetta t-talba biex jassumi r-responsabbiltà għall-persuna kkonċernata jew biex jeħodha lura, skont l-Artikoli 22 u 25 rispettivament, u li l‑applikazzjonijiet preċedenti għall-protezzjoni internazzjonali tal‑applikant ikunu għadhom ma kienux is-suġġett ta’ deċiżjoni tal‑ewwel dwar is-sustanza”.

13.

L-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, intitolat “Obbligi tal-Istat Membru responsabbli”, jipprovdi:

“1.   L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

[…]

(b)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun taħt eżami u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr document ta’ residenza;

(c)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun irtira l‑applikazzjoni taħt eżami u jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza;

(d)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-applikazzjoni tiegħu kienet rifjutata u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza.

2.   Fil-każijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-paragrafu 1(a) u (b), l-Istat Membru responsabbli għandu jeżamina jew jikkompleta l-applikazzjoni għall‑protezzjoni internazzjonali magħmula mill-applikant.

F’każijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-paragrafu 1(c), meta l-Istat Membru responsabbli ma kienx kompla bl-eżami ta’ applikazzjoni minħabba l‑irtirar tagħha mill-applikant qabel ma ttieħdet deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar is-sustanza, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li l-applikant huwa intitolat jagħmel talba li l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha jitkompla jew li tiġi ddepożitata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, li ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala applikazzjoni sussegwenti kif previst fid-Direttiva 2013/32 […] F’dawn il-każijiet, l‑Istati Membri għandhom jiżguraw li jitlesta l-eżami tal-applikazzjoni.

Fil-każijiet li jaqgħu taħt l-ambitu tal-paragrafu 1(d), fejn l-applikazzjoni ġiet irrifjutata biss fl-ewwel istanza, l-Istat Membru responsabbli għandu jiżgura li l-persuna kkonċernata għandha jew kellha l-opportunità li tfittex rimedju effettiv, skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 […].”

14.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament Dublin III jaqra kif ġej:

“Applikazzjoni ddepożitata wara li sseħħ tkeċċija effettiva għandha titqies bħala applikazzjoni ġdida u twassal għal proċedura ġdida għad‑determinazzjoni tal-Istat Membur responsabbli”.

15.

L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-bidu tal‑proċedura”, jipprovdi:

“1.   Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru.

[…]

4.   Fejn applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għand l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru minn applikant li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għandha tintgħamel mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-applikant ikun preżenti. L-Istat Membru tal-aħħar għandu jkun infurmat mingħajr dewmien mill-Istat Membru li jkun irċieva l-applikazzjoni u mbagħad għandu, għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, ikun ikkunsidrat bħala l-Istat Membru fejn l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata.

[…]

5.   Applikant li jkun preżenti fi Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza jew li hemm iddepożita applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali wara li jirtira l-ewwel applikazzjoni tiegħu magħmula fi Stat Membru ieħor matul il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għandu jittieħed lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl‑Artikolu 23, 24, 25 u 29, mill-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet l-ewwel iddepożitata, bil-ħsieb li jtemm il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli.

[…]”

16.

L-Artikolu 22(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   L-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa, u għandu jagħti deċiżjoni fuq it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant fi żmien xahrejn mill-irċevuta tat-talba.

2.   Fil-proċedura biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali elementi ta’ prova u xhieda ċirkostanzjali għandhom ikunu użati”.

17.

L-Artikolu 23 ta’ dan it-test, intitolat “Preżentazzjoni ta’ talba biex jittieħed lura meta tiġi ddepożitata applikazzjoni ġdida fl-Istat Membru rikjedenti”, jipprovdi:

“1.   Meta Stat Membru fejn persuna kif imsemmi ja fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) iddepożitat applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membu ieħor huwa responsabbli skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), dan jista’ jitlob lill‑Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura dik il-persuna.

2.   Talba biex persuna tittieħed lura għandha ssir kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien xahrejn minn meta rċieva l-‘hit’ mill-Eurodac kif iddefinit mill-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 [ ( 7 )].

[…]

3.   Meta t-talba biex tittieħed lura persuna ma ssirx fil-perijodi stipulati fil-paragrafu 2, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall‑protezzjoni internazzjonali suċċessiva għandha tkun tal-Istat Membru li fih tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni l-ġdida.

[…]”

18.

L-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Preżentazzjoni ta’ talba għat-teħid lura meta ma tkunx ġiet iddepożitata ebda applikazzjoni ġdida fl-Istat Membru rikjedenti”, jaqra kif ġej:

“1.   Meta Stat Membru li fuq it-territorju tiegħu persuna msemmija fl‑Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), tkun preżenti mingħajr dokument ta’ residenza u li quddiemu ma tkunx ġiet iddepożitata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, iqis li Stat Membru ieħor huwa responsabbli skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), huwa jista’ jitlob lil dak l-Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura dik il‑persuna.

2.   B’deroga mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment [ ( 8 )], fejn Stat Membru li fuq it‑territorju tiegħu persuna tkun preżenti mingħajr dokument ta’ residenza jiddeċiedi li jfittex fis-sistema tal-Eurodac skont l-Artikolu 17 tar‑Regolament […] Nru 603/2013, it-talba biex tittieħed lura persuna kif imsemmija fl-Artikolu 18(1)(b) jew (c) ta’ dan ir-Regolament, jew persuna kif imsemmija fl-Artikolu 18(1)(d) tiegħu li l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali ma tkunx ġiet rifjutata permezz ta’ deċiżjoni finali, għandha ssir kemm jista’ jkun malajr u fi kwalunkwe każ fi żmien xahrejn minn meta rċieva il-‘hit’ mill-Eurodac, skont l‑Artikolu 17(5) tar-Regolament […] Nru 603/2013.

Jekk it-talba biex tittieħed lura persuna tkun ibbażata fuq evidenza differenti minn dik meħuda mis-sistema tal-Eurodac, din għandha tintbagħat lill-Istat Membru rikjest fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l‑Istat Membru rikjedenti sar jaf li Stat Membru ieħor jista’ jkun responsabbli minn dik il-persuna kkonċernata.

3.   Meta t-talba biex tittieħed lura persuna ma ssirx fil-perijodi stipulati fil-paragrafu 2, l-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu il-persuna kkonċernata tkun preżenti mingħajr dokumenti ta’ residenza għandu jagħti lil dik il-persuna l-opportunità li tiddepożita applikazzjoni ġdida.

4.   Fejn persuna kif imsemmija fl-Artikolu 18(1)(d) ta’ dan ir‑Regolament li l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet rifjutata permezz ta’ deċiżjoni finali fi Stat Membru wieħed tkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza, l‑Istat Membru tal-aħħar jista’ jew jitlob lill-ewwel Stat Membru biex jieħu lura l-persuna kkonċernata jew inkella jwettaq proċedura skont id‑Direttiva 2008/115 […].

Meta l-Istat Membru tal-aħħar jiddeċiedi li jitlob lill-ewwel Stat Membru biex jieħu lura l-persuna kkonċernata, ir-regoli stipulati fid-Direttiva 2008/115 […] ma għandhomx japplikaw.

[…]”

19.

L-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tweġiba għal talba biex jittieħed lura”, jipprovdi:

“1.   L-Istat Membru rikjest għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa u jagħti deċiżjoni dwar it-talba biex jieħu lura l-persuna kkonċernata kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ mhux aktar tard minn xahar mid-data meta kienet rċevuta t-talba. Meta t-talba tkun ibbażata fuq data miksuba mis-sistema Eurodac, dak il-limitu ta’ żmien għandu jitnaqqas għal ġimagħtejn.

2.   Nuqqas ta’ azzjoni fil-perijodu ta’ xahar jew fil-perijodu ta’ ġimgħatejn imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tfisser aċċettazzjoni tat‑talba, u għandha tinvolvi l-obbligu li jieħu lura l-persuna kkonċernata, inkluż l-obbligu li jipprovdi arranġamenti xierqa għall-wasla”.

20.

L-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament, intitolat “Rimedji”, jaqra kif ġej:

“1.   L-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) (c) jew (d) għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

[…]

3.   Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:

(a)

l-appell jew ir-reviżjoni tagħti lill-applikant id-dritt li jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew ir‑reviżjoni; jew

(b)

it-trasferiment huwa sospiż awtomatikament u tali sospensjoni tiskadi wara ċertu perijodu ta’ żmien raġonevoli, f’liema żmien qorti jew tribunal, wara skrutinju mill-qrib u rigoruż, tkun ħadet deċiżjoni dwar jekk għandux jingħata effett sospensiv lil appell jew reviżjoni; jew

(c)

il-persuna kkonċernata jkollha l-opportunità li titlob f’perijodu ta’ żmien raġonevoli lil qorti jew tribunal biex jissospendi l‑implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew reviżjoni tiegħu/tagħha L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm rimedju effettiv billi jissospendu t-trasferiment sakemm tittieħed deċiżjoni rigward l-ewwel talba għal sospensjoni. Kwalunkwe deċiżjoni dwar jekk l‑implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment għandhiex tiġi sospiża għandha tittieħed f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, filwaqt li tippermetti skrutinju mill-qrib u rigoruż tat-talba għal sospensjoni. Deċiżjoni li l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ma tiġix sospiża għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jaġixxu ex officio fis-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad‑deċiżjoni tat-trasferiment sakemm iseħħ l-eżitu tal-appell jew reviżjoni.

[…]”

21.

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III jipprovdi:

“Meta persuna tinżamm taħt detezjoni skont dan l-Artikolu, it‑trasferiment ta’ dik il-persuna mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli għandu jkun eżegwit mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u mhux aktar tard minn sitt ġimgħat mill-aċċettazzjoni impliċita jew espliċita tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew mill-mument meta l-appell jew reviżjoni ma jkollux jew ma jkollhiex aktar effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3)”.

22.

L-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, intitolat, “Modalitajiet u żmien limitu”, jipprovdi:

“1.   It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal‑Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l‑Artikolu 27(3).

[…]

2.   Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.

3.   Jekk persuna ġiet ittrasferita bi żball jew deċiżjoni ta’ trasferiment ġiet mibdula fl-appell jew fir-reviżjoni wara li twettaq it-trasferiment, l‑Istat Membru li wettaq it-trasferiment għandu jaċċetta dik il-persuna lura minnufih.

[…]”

2. Id-Direttiva 2013/32

23.

Il-premessi 13, 18, 25 u 36 ta’ din id-direttiva jaqraw kif ġej:

“(13)

L-approssimazzjoni tar-regoli dwar il-proċeduri għall-għoti u l‑irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandha tgħin biex tillimita l-movimenti sekondarji tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri, fejn dawn il-movimenti jkunu kkawżati mid-differenzi fl-oqsfa legali, u biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/95 […] fl-Istati Membri.

[…]

(18)

Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut.

[…]

(25)

Fl-interess ta’ rikonoxximent korrett dawk il-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni bħala rifuġjati fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra [ ( 9 )] jew bħala persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, kull applikant għandu jkollu aċċess effettiv għall‑proċeduri, l-opportunità li jikkopera u jikkomunika sewwa mal-awtoritajiet kompetenti sabiex jippreżenta l-fatti relevanti tal‑każ tiegħu u l-garanziji proċedurali suffiċjenti sabiex isegwi l‑każ tiegħu matul l-istadji kollha tal-proċedura. Barra minn hekk, il-proċedura li fiha tiġi eżaminata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha normalment tagħti lil applikant għall-inqas id-dritt li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru sa meta tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinant […].

[…]

(36)

Fejn sussegwentement applikant jagħmel applikazzjoni mingħajr ma jippreżenta provi jew argumenti ġodda, ikun sproporzjonat li l‑Istati Membri jkunu obbligati jwettqu proċedura sħiħa ġdida ta’ eżami. F’dawk il-każijiet, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jirrifjutaw applikazzjoni bħala inamissibbli taħt il-prinċipju ta’ res judicata”.

24.

L-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt li wieħed jibqa’ fl-Istat Membru matul l-eżami tal-applikazzjoni” jipprovdi:

“L-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru, għall-fini tal‑proċedura biss, sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet deċiżjoni fl-ewwel istanza skont il-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu III. Dak id-dritt li jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru m’għandux jikkostitwixxi intitolament għall-permess ta’ residenza”.

25.

L-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Proċedura ta’ eżami”, jindika:

“3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni.

Fejn applikazzjoni tkun suġġetta għall-proċedura stabbilita fir‑Regolament [Dublin III], il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur għandu jibda japplika mill-mument li l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tagħha jiġi determinat f’konformità ma’ dak ir-Regolament, l-applikant ikun fit‑territorju ta’ dak l-Istat Membru u l-awtorità responsabbli tkun ħadet responsabbiltà tiegħu.

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur stabbilit f’dan il-paragrafu għal perjodu li ma jaqbiżx disa’ xhur oħra, meta:

[…]

(c)

fejn id-dewmien ikun ċarament attribwit għan-nuqqas li l-applikant jikkonforma mal-obbligi tiegħu/tagħha taħt l-Artikolu 13.

[…]”

26.

L-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli”, jipprovdi:

“1.   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Dublin III], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95 […] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

[…]

(d)

l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95 […] ma’ jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant;

[…]”

27.

L-Artikolu 40 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjoni sussegwenti”, jipprovdi:

“1.   Fejn persuna li applikat għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru tagħmel sottomissjonijiet ulterjuri jew applikazzjoni sussegwenti fl-istess Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jeżamina dawn is-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-elementi tal-applikazzjoni sussegwenti fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni preċedenti jew fil‑kuntest tal-eżami tad-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi riveduta jew appellata safejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu kont ta’ u jikkunsidraw l-elementi kollha li fuqhom ikunu bażati s-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-applikazzjoni sussegwenti f’dan il-qafas.

2.   Għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 33(2)(d), applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari dwar jekk, ikunux instabu, jew ġew ippreżentati mill-l-applikant elementi jew sejbiet ġodda dwar l‑eżami jekk dan jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95 […].

[…]

5.   Fejn applikazzjoni sussegwenti ma tiġix eżaminata ulterjorment taħt dan l-Artikolu, għandha titqies bħala inammissibbli, taħt l-Artikolu 33(2)(d).

[…]”

28.

L-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

(a)

deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

[…]

(iv)

li ma jsirx eżami f’konformità mal-Artikolu 39;

[…]

3.   Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95 […], ta’ mill‑inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.

[…]

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikanti li jibqgħu fit-territorju tagħhom sakemm jiskadi ż-żmien li fih ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv jew, meta tali dritt ġie eżerċitat fil-limitu ta’ żmien, sa meta joħroġ ir-riżultat tar‑rimedju.

6.   Fil-każ li tittieħed deċiżjoni:

[…]

(b)

li tikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli taħt l‑Artikolu 33(2)(a), (b) jew (d);

[…]

qorti jew tribunal għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi jekk l-applikant jistax jibqa’ jew le fit-territorju tal-Istat Membru, jew fuq talba tal‑applikant jew billi jiddeċiedi ex officio, jekk tali deċiżjoni tirriżulta fit-terminazzjoni tad-dritt tal-applikant li jibqa’ fl-Istat Membru u fejn, f’każijiet bħal dawn, id-dritt ta’ rimanenza fl-Istat Membru sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju ma tkunx prevista fil-liġi nazzjonali.

[…]”

3.  Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 118/2014 ( 10 )

29.

L-Artikolu 1[2](4) ta’ dan ir-regolament, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1560/2003 ( 11 ), żied paragrafu ġdid mal-Artikolu 9, li huwa fformulat kif ġej:

“1a.   Fejn trasferiment ikun ittardjat wara talba mingħand l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-trasferiment, it-trasferiment u l-Istati Membri responsabbli għandhom ikomplu l-komunikazzjoni sabiex jippermettu li jiġi organizzat trasferiment ġdid malajr kemm jista’ jkun, skont l‑Artikolu 8 u mhux iktar tard minn ġimagħtejn mill-mument meta l‑awtoritajiet isiru jafu bit-twaqqif taċ-ċirkostanzi li kkawżaw id‑dewmien jew il-posponiment. F’każ bħal dan, għandha tintbagħat formola standard aġġornata għat-trasferiment tad-dejta qabel ma jitwettaq it-trasferiment kif stipulat fl-Anness VI”.

30.

L-Artikolu 1(5) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 118/2014 issostitwixxa l‑Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 bid-dispożizzjonijiet segwenti:

“2.   Stat Membru li, għal waħda mir-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament [Dublin III], ma jistax iwettaq it-trasferiment matul il‑limitu taż-żmien normali ta’ sitt xhur mid-data ta’ aċċettazzjoni tat‑talba biex jittieħed inkarigu ta’ persuna jew tittieħed lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali dwar appell jew rieżami fejn ikun hemm effett sospensiv, jinforma lill-Istat Membru responsabbli qabel it‑tmiem ta’ dak il-limitu. Inkella, ir-responsabbiltà għall-ipproċessar tal‑applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u l-obbligi l-oħra taħt ir-Regolament [Dublin III] jaqgħu fuq l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba, skont l-Artikolu 29(2) ta’ dak ir-Regolament.”

B.  Id-dritt Ġermaniż

31.

L-Artikolu 27a tal-Asylgesetz (liġi dwar l-ażil) fil-verżjoni tagħha tat-2 ta’ Settembru 2008 kif emendata ( 12 ), jipprovdi:

“Applikazzjoni għall-ażil hija inammissibbli jekk, skont id‑dispożizzjonijiet legali tad-dritt tal-Unjoni jew ta’ trattat internazzjonali, ir-responsabbiltà għall-proċedura tal-ażil taqa’ fuq Stat Membru ieħor.”

32.

L-Artikolu 34a ta’ din il-liġi jindika:

“(1)   Jekk iċ-ċittadin barrani għandu jitneħħa lejn Stat terz sigur (Artikolu 26a) jew lejn Stat responsabbli mill-proċedura tal-ażil (Artikolu 27a), l-uffiċċju federali għandu jordna t-tneħħija lejn dan l‑Istat, fil-mument li jiġi stabbilit li tista’ ssir l-imsemmija tneħħija. […]

(2)   L-applikazzjonijiet skont l-Artikolu 80(5) tal‑Verwaltungsgerichtsordnung [(kodiċi ta’ proċedura amministrattiva) ( 13 )], magħmula kontra l-ordni tat-tneħħija għandhom jiġi ppreżentati f’terminu ta’ ġimgħa min-notifika. Jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata f’dan it-terminu, ma’ tistax issir it-tneħħija qabel id-deċiżjoni ġudizzjarja. […]”

33.

L-Artikolu 77(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Fil-kawżi li jsiru skont din il-liġi, il-qorti għandha tibbaża fuq is‑sitwazzjoni fattwali u ta’ liġi li teżisti fil-mument tal-aħħar seduta; jekk qabel id-deċiżjoni ma jkunx hemm seduta, il-mument determinanti huwa dak ta’ meta tingħata d-deċiżjoni. […]”

34.

L-Artikolu 2(1) u (2) tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern tar-Repubblika Taljana, dwar it-teħid lura ta’ persuni f’sitwazzjoni illegali, tad-29 ta’ Marzu 1991, fil-verżjoni tiegħu ppubblikata fid-9 ta’ Lulju 1991, jipprovdi:

“(1)   Fuq talba ta’ parti kontraenti, il-parti kontraenti li mill-fruntiera esterna tagħha daħlet il-persuna li ma tissodisfax jew li ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dħul u residenza applikabbli fit-territorju tal-parti kontraenti rikjedenti, għandha tieħu lura mingħajr formalitajiet lil din il-persuna fit-territorju tagħha.

(2)   Fruntiera esterna fis-sens ta’ dan l-artikolu, tfisser l-ewwel fruntiera maqsuma li ma hijiex fruntiera interna tal-partijiet kontraenti għall‑Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985[, bejn il-Gvernijiet tal‑Istati tal-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal‑kontroll fuq il-fruntieri komuni, iffirmat f’Schengen (il-Lussemburgu) fl-14 ta’ Ġunju 1985 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995 ( 14 ).]”

III. Il-fatti u d-domandi preliminari

35.

Wara li nqabad fi Francfort-sur-le-Main (il-Ġermanja), Aziz Hasan ippreżenta, fid-29 ta’ Ottubru 2014, applikazzjoni għall-ażil fil‑Ġermanja. Tfittxija fis-sistema “Eurodac” uriet li huwa kien diġà talab il-protezzjoni internazzjonali fl-Italja, fl-4 ta’ Settembru 2014.

36.

Għalhekk fil-11 ta’ Novembru 2014, l-awtoritajiet Ġermaniżi talbu lill-awtoritajiet Taljani jieħdu lura lil A. Hasan abbażi tad‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III. L-awtoritajiet Taljani ma rrispondewx għal din it-talba ta’ teħid lura.

37.

Fit-30 ta’ Jannar 2015, l-awtoritajiet Ġermaniżi ċaħdu, bħala inammissibbli, l-applikazzjoni għall-ażil ta’ A. Hasan, abbażi tal-fatt li l‑Italja kienet responsabbli mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni, u ordnaw it-trasferiment tiegħu lejn dan l-Istat Membru.

38.

A. Hasan ikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il‑Verwaltungsgericht Trier (qorti amministrattiva ta’ Trèves, il‑Ġermanja), u kontestwalment ma’ dan ir-rikors għamel talba għas‑sospensjoni. It-talba għas-sospensjoni ġiet miċħuda, fit-12 ta’ Marzu 2015, u mbagħad ir-rikors innifsu, fit-30 ta’ Ġunju 2015.

39.

Fit-3 ta’ Awwissu 2015, l-awtoritajiet Ġermaniżi pproċedew bit‑trasferiment ta’ A. Hasan lejn l-Italja. Madankollu huwa rritorna illegalment ġewwa l-Ġermanja matul dan l-istess xahar ta’ Awwissu 2015.

40.

A. Hasan appella mis-sentenza tal-Verwaltungsgericht Trier (qorti amministrattiva ta’ Trier) quddiem l-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz (qorti amministrattiva superjuri tar-Rhénanie-Palatinat, il-Ġermanja) li laqgħet dan l-appell, fit-3 ta’ Novembru 2015, billi kkunsidrat b’mod partikolari li t-trasferiment ta’ A. Hasan lejn l-Italja kien seħħ wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III, u li b’hekk il-Ġermanja kienet saret responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata mill‑persuna kkonċernata.

41.

Għalhekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat rikors għal reviżjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Il‑Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali, il‑Ġermanja) ikkunsidrat li l-analiżi tal-qorti tal-appell hija żbaljata peress li komputazzjoni korretta tat-terminu previst fl-Artikolu 29(1) tar‑Regolament Dublin III timplika li t-trasferiment ta’ A. Hasan lejn l‑Italja seħħ qabel l-iskadenza tat-terminu previst.

42.

Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, ir-responsabbiltà inizjali tal‑Italja sabiex teżamina l-applikazzjoni għall-ażil ta’ A. Hasan ma tistax tkun stabbilita b’mod definittiv, peress li ma jistax ikun eskluż li din ir‑responsabbiltà għandha tiġi eskluża, b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, minħabba eventwali nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura għall-ażil u l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

43.

B’hekk, il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali) tistaqsi dwar jekk wara r-ritorn illegali ta’ A. Hasan fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-responsabbiltà sabiex teżamina l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil setgħetx kienet ittrasferita diġà lill‑Ġermanja fid-data tad-deċiżjoni tal-appell. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, dwar jekk proċedura għat-teħid lura tistax tinbeda wkoll f’dik id-data.

44.

Sabiex tingħata deċiżjoni dwar dawn il-punti, il-qorti nazzjonali tistaqsi dwar l-effetti tal-ewwel trasferiment ta’ A. Hasan, dwar id-data li għandha tkun ikkunsidrata għall-evalwazzjoni tal-fatti rilevanti fid-dawl tal-eżami tar-rikors tagħha u dwar il-possibbiltà li jsir trasferiment ġdid tal-persuna kkonċernata lejn l-Italja.

45.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

Fil-każ li fih ċittadin ta’ Stat terz, wara li jkun ippreżenta t-tieni applikazzjoni għall-ażil fi Stat Membru ieħor (fil-każ ineżami, il‑Ġermanja) ikun ġie ttrasferit, minħabba deċiżjoni ġudizzjarja li tiċħad it-talba tiegħu għal sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment fis-sens [tar-Regolament Dublin III], fl-Istat Membru responsabbli mill-ewwel applikazzjoni għall-ażil (fil-każ ineżami, l-Italja) u sussegwentement jiġi rritornat immedjatament u illegalment fit-tieni Stat Membru (fil-każ ineżami, il-Ġermanja):

(a)

skont il-prinċipji tar-Regolament Dublin III, l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ trasferiment għandu jkun ibbażat fuq is-sitwazzjoni fattwali eżistenti fil-mument tat‑trasferiment, minħabba li bit-trasferiment li sar fit-terminu stabbilit tkun iddeterminata definittivament ir-responsabbiltà u li, għaldaqstant, ma hemmx iktar lok li jiġu applikati d‑dispożizzjonijiet tar-Regolament III Dublin rilevanti għall‑finijiet tar-responsabbiltà, jew l-evoluzzjoni sussegwenti taċ-ċirkustanzi li huma rilevanti għall-finijiet tar‑responsabbiltà inġenerali – pereżempju l-iskadenza tat‑termini għat-teħid lura jew għat-trasferiment (mill-ġdid) – għandha tittieħed inkunsiderazzjoni?

(b)

ladarba tiġi ddeterminata r-responsabbiltà, skont id-deċiżjoni ta’ trasferiment, huwa possibbli li jsiru trasferimenti oħra fl‑Istat Membru responsabbli oriġinarjament, u dan l-Istat Membru huwa obbligat jospita ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz?

(2)

Meta r-responsabbiltà ma tkunx definittivament stabbilita mid‑deċiżjoni ta trasferiment: liema mid-dispożizzjonijiet elenkati hawn taħt għandha tiġi applikata f’dan il-każ għal persuna fis-sens tal-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) tar-Regolament Dublin III, minħabba l-proċedura ta’ kontestazzjoni, li għadha pendenti, kontra deċiżjoni ta’ trasferiment li diġà ġiet eżegwita:

(a)

l-Artikolu 23 tar-Regolament Dublin III (b’analoġija), bil‑konsegwenza li, fil-każ ta’ preżentazzjoni tardiva ta’ talba ġdida għal teħid lura, it-trasferiment tar-responsabbiltà konformement mal-Artikolu 23(2) u (3) jista’ jseħħ, jew

(b)

l-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III (b’analoġija), jew

(ċ)

l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija f’(a) u (b)?

(3)

Fil-każ li la l-Artikolu 23 u lanqas l-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III ma jkunu applikabbli (b’analoġija) għal tali persuna [domanda 2(c)]: trasferimenti oħra, abbażi tad-deċiżjoni ta’ trasferiment kkontestata, jistgħu jsiru fl-Istat Membru responsabbli oriġinarjament (fil-każ ineżami, l-Italja) sal-konklużjoni tal‑proċedura ta’ kontestazzjoni kontra l-imsemmija deċiżjoni, u dan l-aħħar Stat Membru huwa marbut jospita ċ-ċittadin ta’ Stat terz – irrispettivament minn jekk il-preżentazzjoni ta’ talbiet għal teħid lura oħra tosservax it-termini previsti fl-Artikolu 23(3) jew fl‑Artikolu 24(2) tar-Regolament Dublin III u irrispettivament mit‑termini ta’ trasferiment previsti fl-Artikolu 29(1) u (2) [ta’ dan ir-regolament]?

(4)

Fil-każ li l-Artikolu 23 ta[l-imsemmi regolament] ikun applikabbli (b’analoġija) għal tali persuna [domanda 2(a)]: it-talba ġdida għal teħid lura hija suġġetta għal terminu ġdid konformement mal‑Artikolu 23(2) tar-Regolament Dublin III (b’analoġija)? Fl‑affermattiv, dan it-terminu l-ġdid jibda jiddekorri mill-mument li fih l-awtorità responsabbli jkollha konoxxenza tar-ritorn, jew minn mument ieħor?

(5)

Fil-każ li l-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III ikun applikabbli (b’analoġija) għal tali persuna [domanda 2(b)]:

(a)

It-talba ġdida għal teħid lura hija suġġetta għal terminu ġdid konformement mal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Dublin III (b’analoġija)? Fl-affermattiv, dan it-terminu l-ġdid jibda jiddekorri mill-mument li fih l-awtorità responsabbli jkollha konoxxenza tar-ritorn, jew minn mument ieħor?

(b)

Jekk l-Istat Membru l-ieħor (fil-każ ineżami, il-Ġermanja) jawtorizza l-iskadenza ta’ terminu li għandu jiġi osservat skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Dublin III (b’analoġija): il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil ġdida konformement mal-Artikolu 24(3) [ta’ dan ir‑regolament] tistabbilixxi awtomatikament ir-responsabbiltà tal-Istat Membru l-ieħor (fil-każ ineżami, il-Ġermanja) jew dan tal-aħħar jista’, minkejja l-applikazzjoni għall-ażil ġdida, jippreżenta mill-ġdid talba għal teħid lura quddiem l-Istat Membru responsabbli oriġinarjament (fil-każ ineżami, l-Italja) mingħajr ma jkun marbut josserva terminu, jew jittrasferixxi l-persuna barranija lejn dan l-Istat Membru mingħajr ma jippreżenta talba għal teħid lura?

(c)

Jekk l-Istat Membru l-ieħor (fil-każ ineżami, il-Ġermanja) jawtorizza l-iskadenza ta’ terminu li għandu jiġi osservat skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Dublin III (b’analoġija): il-lis pendens ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru ieħor (fil-każ ineżami, il‑Ġermanja) qabel it-trasferiment għandu jiġi assimilat ma’ applikazzjoni għall-ażil ġdida konformement mal-Artikolu 24(3) tar-Regolament Dublin III?

(d)

Jekk l-Istat Membru l-ieħor (fil-każ ineżami, il-Ġermanja) jawtorizza l-iskadenza ta’ terminu li għandu jiġi osservat skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Dublin III (b’analoġija) u l-persuna barranija ma tkunx ippreżentat applikazzjoni għall-ażil ġdida, u l-lis pendens ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru ieħor (fil-każ ineżami, il-Ġermanja) qabel it-trasferiment ma għandux jiġi assimilat ma’ applikazzjoni għall-ażil ġdida konformement mal-Artikolu 24(3) tar-Regolament Dublin III: l-Istat Membru l-ieħor (fil-każ ineżami, il‑Ġermanja) jista’, minkejja l-applikazzjoni għall-ażil ġdida, jippreżenta mill-ġdid talba għal teħid lura quddiem l-Istat Membru responsabbli oriġinarjament (fil-każ ineżami, l‑Italja) mingħajr ma jkun marbut josserva terminu, jew jittrasferixxi l-persuna barranija lejn dan l-Istat Membru mingħajr ma jippreżenta talba għal teħid lura?”

IV. L-analiżi tiegħi

46.

B’sensiela ta’ ħames domandi ddettaljati, inkluż diversi domandi sussidjarji, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal‑Ġustizzja dwar tliet problemi distinti elaborati b’diversi ipoteżi.

47.

Dawn id-domandi jirrigwardaw, minn naħa waħda, in-natura definittiva tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mid‑deċiżjoni ta’ trasferiment, min-naħa l-oħra, il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq id-deċiżjoni ta’ trasferiment, u fl-aħħar nett, il‑modalitajiet, il-proċeduri u t-termini applikabbli għall-applikant għall‑protezzjoni internazzjonali, li kien diġà s-suġġett ta’ proċedura ta’ trasferiment, iżda li rritorna illegalment fit-territorju tal-Istat Membru inizjalment rikjest fejn kontestazzjoni tad-deċiżjoni inizjali ta’ trasferiment tkun għadha pendenti ( 15 ).

48.

Għalhekk, sabiex tingħata l-aħjar kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar id-domandi magħmula fil-kawża prinċipali u esposti b’mod partikolarment iddettaljat fid-deċiżjoni tar-rinviju, dawn għandhom jingħaqdu b’mod li tingħata deċiżjoni biss dwar dawn it-tliet diffikultajiet maġġuri, sabiex din il-qorti tkun tista’ ssolvi l-kwistjonijiet kollha mqajma fil-kawża prinċipali.

A.  Dwar in-natura definittiva tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli

49.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar in-natura definittiva tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil ( 16 ) minħabba d-deċiżjoni ta’ trasferiment.

50.

Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, b’mod partikolari abbażi tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri, tan-neċessità li jiġu trattati malajr l-applikazzjonijiet għall‑protezzjoni internazzjonali u tal-eżistenza oġġettiva tad‑determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, tikkunsidra li deċiżjoni ta’ trasferiment tippermetti li jiġi ddeterminat, b’mod definittiv, l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil u li lejh l-applikant jista’ jiġi ttrasferit sabiex l-applikazzjoni tiegħu għall‑protezzjoni internazzjonali tkun eżaminata. Jiena ma naqbilx ma din l-interpretazzjoni.

51.

L-osservazzjonijiet l-oħra sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja mir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Konfederazzjoni Svizzera u mill-Kummissjoni Ewropea, jaqblu, għall-kuntrarju, li għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni ta’ trasferiment ma tippermettix li jiġi ddeterminat, b’mod definittiv, l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil. Din l-interpretazzjoni għandha l-preferenza tiegħi u diversi indizji testwali u ġurisprudenzjali jippermettu l-konferma tagħha.

52.

Qabelxejn, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jipprovdi li l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għandu jkollhom rimedji effettivi sabiex jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta’ trasferiment li jittieħdu fil-konfront tagħhom. Din il-kapaċità li jikkontestaw it-trasferiment għandha tkun eżerċitata f’terminu raġonevoli u tista’ tkun ibbażata fuq raġunijiet li jikkontestaw id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

53.

F’dan il-kuntest, ninnota li t-trasferiment u d-determinazzjoni tal‑Istat Membru responsabbli jirrappreżentaw iż-żewġ uċuħ tal-istess medalja ( 17 ). It-trasferiment jista’ jiġi kkunsidrat biss jekk id‑determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli kellha l-effett li tindika Stat Membru differenti minn dak li fit-territorju tiegħu jinsab l-applikant, bħala responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu ( 18 ).

54.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, li l-motivi li jistgħu jkunu invokati għall-finijiet ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment jistgħu jikkonsistu fil-kontestazzjoni tal-applikazzjoni ta’ kriterji oġġettivi, previsti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III, li jippermettu li jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli mill‑applikazzjoni għall-ażil ( 19 ).

55.

Il-fatt li d-deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ tiġi kkontestata, permezz ta’ azzjoni, u b’mod partikolari abbażi ta’ kontestazzjoni tad‑determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal‑applikazzjoni għall-ażil, jippreżumi, b’effett riflessiv, li d‑determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ma tistax tkun ikkunsidrata bħala definittiva ħlief jekk id-deċiżjoni ta’ trasferiment ma tkunx għadha suġġett ta’ kontestazzjoni, li barra minn hekk ma huwiex il-każ f’din il-kawża, peress li r-rikors kontra t-trasferiment ta’ A. Hasan għadu sal-lum pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

56.

Imbagħad, l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III jipprovdi li, jekk it-trasferiment ma jseħħx fis-sitt xhur, l-Istat Membru inizjalment ikkunsidrat bħala responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil jitlef ir-responsabbiltà tiegħu, u din tiġi ttrasferita lill-Istat Membru li jitlobha. Id-deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ għalhekk tiġi kkontestata wkoll permezz tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, li jkollha l-effett li d-determinazzjoni tal-Istat Membru ma tintużax, għaliex huwa previst li din ir-responsabbiltà tiġi attribwita lill-Istat Membru kontumaċi.

57.

Il-paragrafu 3 ta’ dan it-test jimplika, bl-istess mod, li d‑determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli tista’ tiskadi. Fil-fatt, f’każ ta’ trasferiment eżegwit bi żball jew annullament tad-deċiżjoni ta’ trasferiment wara l-eżekuzzjoni tagħha, l-Istat Membru li jkun ipproċeda għat-trasferiment għandu jieħu lura l-persuna kkonċernata u għalhekk isir responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni tagħha.

58.

Barra minn hekk, l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament jipprovdi t‑terminazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat Membru, għal raġunijiet differenti bħal ħruġ ta’ permess ta’ residenza, in-nuqqas (volontarju jew forzat ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija) tal-persuna kkonċernata mit-territorju tal-Istat Membru, jew fl-aħħar nett l-irtirar tal-applikazzjoni għall-ażil mill-persuna kkonċernata.

59.

Dawn l-elementi testwali u ġurisprudenzjali jippermettu li jiġi eskluż li d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli tista’ tkun definittivament stabbilita b’deċiżjoni ta’ trasferiment, kemm jekk tkun eżegwita jew le, anki jekk din tista’ tkun l-oġġett ta’ diversi kontestazzjonijiet, permezz ta’ azzjoni jew bil-mogħdija taż-żmien u n‑nuqqas ta’ azzjoni tal-awtoritajiet sabiex jipproċedu bit-trasferiment effettiv tal-persuna kkonċernata. Il-kontestazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment jkollha neċessarjament impatt fuq id-determinazzjoni tal‑Istat Membru responsabbli.

60.

Għalhekk id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ma tistax tkun ikkunsidrata bħala stabbilita definittivament bl-adozzjoni tad‑deċiżjoni ta’ trasferiment, u dan iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, din id-deċiżjoni tkun l-oġġett ta’ kontestazzjoni li għadha ma ġietx deċiża definittivament.

61.

Fl-aħħar nett, peress li, kif ser nipproponi fil-paragrafi segwenti, l‑elementi ulterjuri għad-deċiżjoni ta’ trasferiment għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni, jekk dawn jirrigwardaw ir-responsabbiltà inizjali li fuqha hija bbażata l-imsemmija deċiżjoni, allura d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ma jistax ikollha natura definittiva fil-mument tat-trasferiment.

62.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi propost lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi li d-deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ applikant għall-ażil ma tagħtix natura definittiva lid‑determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal‑applikazzjoni għall-ażil.

B.  Fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju

63.

Issa għandha tingħata risposta dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qrati nazzjonali fuq id-deċiżjonijiet ta’ trasferiment. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża jekk l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq id-deċiżjoni ta’ trasferiment għandux ikun ibbażat fuq is-sitwazzjoni fattwali eżistenti fil-mument tat-trasferiment, jew fuq l-iżvilupp ulterjuri taċ-ċirkustanzi ġeneralment rilevanti għall‑finijiet tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, bħal pereżempju, l-iskadenza tat-termini għat-teħid lura jew għal trasferiment ġdid.

64.

Kif esponejt fir-risposta għall-ewwel domanda, hemm lok li d‑deċiżjoni ta’ trasferiment tiġi kkunsidrata bħala t-tieni fażi tal‑proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli. Din id‑deċiżjoni tittieħed b’kunsiderazzjoni tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli magħmula abbażi tal-kriterji oġġettivi stabbiliti fil‑Kapitolu III tar-Regolament Dublin III u dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, li ma jistgħux ikunu kkunsidrati b’mod awtonomu, jistgħu jiġu kkontestati għal raġunijiet differenti u b’mezzi differenti.

65.

Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li d-deċiżjonijiet ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u għalhekk ta’ trasferiment jistgħu jaffettwaw b’mod sfavorevoli l-interessi tal‑applikanti għal protezzjoni internazzjonali ( 20 ), u għalhekk il-bżonn li jingħataw garanziji ġudizzjarji reali kontra dawn id-deċiżjonijiet.

66.

Sabiex nirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar‑rinviju, għandu jsir riferiment għall-premessa 19 tar-Regolament Dublin III, kif ukoll għall-Artikolu 27 tagħha, sabiex jiġi kkunsidrat li l‑applikanti għall-ażil ikunu neċessarjament imċaħħda mill-effettività tad-dritt tagħhom ta’ rimedju jekk iċ-ċirkustanzi ta’ wara t-trasferiment kellhom jiġu esklużi mill-istħarriġ ġudizzjarju li jirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni tat-trasferiment, fuq kollox f’sitwazzjoni, bħal dik fil‑kawża prinċipali, fejn it-trasferiment kien eżegwit iżda huwa l-oġġett ta’ kontestazzjoni peress li l-persuna kkonċernata rritornat fit-territorju tal-Istat Membru li ttrasferiha.

67.

Fil-fatt, mill-premessa 19 ta’ dan ir-regolament jirriżulta, li sabiex tkun iggarantita l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, għandhom ikunu stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it‑trasferimenti, skont l-Artikolu 47 tal-Karta. Skont din il-premessa, dan id-dritt għal rimedju effettiv għandu jirrigwarda f’daqqa kemm l-eżami tal-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III u kif ukoll l-eżami tas‑sitwazzjoni fattwali u ta’ liġi eżistenti fl-Istat Membru li lejh l‑applikant jiġi ttrasferit. Ċertament, dan ir-regolament ma jippreċiżax il‑portata tad-dritt ta’ rimedju hekk stabbilit, iżda din tista’ tkun dedotta mill-interpretazzjoni teleoloġika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, l-istess tip ta’ raġunament jista’ jkun applikat f’każ tal‑iskadenza tat-termini għat-teħid lura jew għal trasferiment ġdid.

68.

Minkejja li l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jipprovdi li d‑determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, b’applikazzjoni ta’ kriterji oġġettivi stabbilit fil-Kapitolu III tiegħu, hija bbażata fuq is‑sitwazzjoni fattwali li kienet teżisti fil-mument tal-preżentazzjoni tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, b’mod pragmatiku, din id‑dispożizzjoni ma tistax teskludi l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal‑persuna kkonċernata wara dan il-mument determinanti, għar‑rikonoxximent u l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Din hija effettivament is-sitwazzjoni li fiha jinsab iċ-ċittadin tal-Istat terz jew persuna apolida, qabel id-dħul tagħha fit-territorju tal-Unjoni, li jkun deċiżiv sabiex tingħata jew ma tingħatax il-protezzjoni li hija titlob. Iżda sabiex jiġi evalwat l-Istat Membru li ser ikun responsabbli mit-trattament ta’ din l-applikazzjoni u għalhekk il-bżonn li jsir trasferiment, l-affarijiet huma differenti.

69.

Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment hija operazzjoni differenti minn dik tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali. L-ewwel minn dawn l-operazzjonijiet għandha timplika li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi ta’ wara l-preżentazzjoni tal‑ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u l-elementi fattwali ta’ wara d-dħul tal-persuna kkonċernata fit-territorju, sabiex tkun żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

70.

F’dan ir-rigward, mill-premessa 21 u mit-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza riżervati għall-applikanti għall-ażil, fl-Istat Membru mitlub, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-bżonn ta’ trasferiment, u jekk ikun il-każ, iwaqqfu r-responsabbiltà tal-Istat Membru għat-trattament tal-applikazzjoni u għalhekk għat-trasferiment, f’każ ta’ nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura għall-ażil u l‑kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti. Dawn iċ-ċirkustanzi għandhom neċessarjament ikunu evalwati b’mod pragmatiku u fil‑ġurnata fejn il-qorti tiddeċiedi dwar il-kontestazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment.

71.

Tali evalwazzjoni ma tistax, fil-fatt, tkun iddeterminata fil‑mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, iżda għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp taċ‑ċirkustanzi fattwali eżistenti fl-Istat Membru responsabbli u li lejh huwa previst it-trasferiment tal-applikant. Barra minn hekk, meta bħal f’dan il-każ, trasferiment ikun diġà ġie eżegwit, is-sitwazzjoni fattwali eżistenti fl-Istat Membru mitlub ma tistax tkun eskluża mill-istħarriġ ġudizzjarju dwar il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni. Approċċ identiku għandu jkun applikat għall-iżviluppi kollha li setgħu seħħew bejn il‑preżentazzjoni tal-applikazzjoni u l-ġurnata li fiha l-qorti tiddeċiedi dwar il-kontestazzjoni tat-trasferiment, bħal b’mod partikolari, l‑iskadenza tat-termini għat-teħid lura jew għal trasferiment ġdid.

72.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet barra minn hekk li r-Regolament Dublin III huwa intiż, kif jirriżulta fost oħrajn mill‑premessa 9, sabiex itejjeb mhux biss l-effettività tas-sistema ta’ Dublin, iżda wkoll il-protezzjoni mogħtija lill-applikanti, li hija żgurata, b’mod partikolari, bil-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li minnha għandhom jibbenefikaw ( 21 ).

73.

F’dan ir-rigward kien deċiż ukoll li, bil-għan li tiżgura ruħha li d‑deċiżjoni ta’ trasferiment ġiet adottata wara applikazzjoni korretta tal‑kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli previsti mir-Regolament Dublin III, il-qorti adita b’rikors għandha tkun tista’ teżamina l-allegazzjonijiet ta’ applikant bl-iktar mod wiesa’ possibbli ( 22 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 22 tar-Regolament Dublin III jirriżulta li t-tweġiba li għandha tingħata għal tali talba għandha tkun ibbażata fuq eżami tal-provi u tal-indizji li jippermettu l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament ( 23 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tar-Regolament Dublin III, ma llimitax lilu nnifsu sabiex jistabbilixxi regoli organizzattivi li jirregolaw unikament ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli, iżda assoċja ma’ dan il-proċess l-applikanti għall-ażil, billi jobbliga lill-Istati Membri sabiex jinformawhom bil-kriterji ta’ responsabbiltà u li joffrulhom il‑possibbiltà li jipprovdu l-informazzjoni li tippermetti l-applikazzjoni korretta ta’ dawn il-kriterji, kif ukoll billi jiżgurawlhom dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment ( 24 ).

74.

Dan id-dritt jinkiser żgur jekk l-istħarriġ ġudizzjarju jirrigwarda biss is-sitwazzjoni fattwali eżistenti fid-data tal-eżekuzzjoni tat‑trasferiment u jeskludi l-iżviluppi sussegwenti għat-teħid ta’ din id‑deċiżjoni. Il-motivi invokabbli fil-mument tal-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ma jistgħux ikunu limitati għal dawk li kienu jeżistu fil-mument li fih ittieħdet id-deċiżjoni. Elementi ulterjuri għandhom isaħħu l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq id-deċiżjoni ta’ trasferiment u l-implikazzjonijiet tagħha. B’hekk, elementi bħal pereżempju, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl‑Istati Membri mitluba, jew l-iskadenza tat-termini għat-teħid lura jew għal trasferiment ġdid, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl‑evalwazzjoni tal-legalità tat-trasferiment, u dan iktar u iktar għaliex dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jvarjaw malajr minn Stat Membru għall‑ieħor u skont il-pressjoni migratorja kontemporanja tal-ġurnata jew tal-qorti.

75.

Barra minn hekk, il-premessa 25 tad-Direttiva 2013/32 tipprovdi li sabiex jiġi ddeterminat b’mod korrett jekk l-applikanti għandhomx dritt għal protezzjoni sussidjarja, dawn tal-aħħar għandu “jkoll[hom] aċċess effettiv għall-proċeduri, l-opportunità li jikkopera[w] u jikkomunika[w] sewwa mal-awtoritajiet kompetenti sabiex jippreżenta[w] [i]l-fatti relevanti tal-każ [tagħhom] u l-garanziji proċedurali suffiċjenti sabiex isegw[u] l-każ [tagħhom] matul l-istadji kollha tal-proċedura” ( 25 ). Minkejja li kif ingħad, l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali hija operazzjoni differenti mid-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u għalhekk mill-għoti ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, dan ir-riferiment fl-aħħar jinkludi neċessarjament l-istadju ulterjuri tal‑proċedura ta’ trasferiment, peress li din id-direttiva tiddetermina l‑kriterji tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali mitluba u li ser tkun eżaminata fi Stat Membru wieħed tal-Unjoni, kif jirriżulta mir‑Regolament Dublin III, skont in-neċessitajiet u l-possibbiltajiet ta’ trasferiment.

76.

Barra minn hekk, minkejja li l-Artikolu 46(1) tal-imsemmija direttiva ma jsemmix id-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, is-subparagrafu 3 tiegħu jagħti indikazzjoni dwar l-estensjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju fir‑rigward tad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Dan jistabbilixxi li l-istħarriġ għandu jirrigwarda eżami komplut u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ ordinament ġuridiku, tal-inqas fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ rikors quddiem qorti tal‑ewwel istanza. A fortiori, l-istess loġika għandha tkun applikata għad‑deċiżjonijiet ta’ trasferiment minħabba l-implikazzjonijiet tagħhom fuq is-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati.

77.

L-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2013/32 jippermetti li ssir korroborazzjoni wkoll ta’ din l‑interpretazzjoni billi jipprovdi li l-Istat Membru għandu jeżamina, meta l-persuna kkonċernata tippreżentahom, is-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-elementi tal-applikazzjoni sussegwenti fil-kuntest tal-eżami tal‑applikazzjoni preċedenti jew fil-kuntest tal-eżami tad-deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju jew amministrattiv, sa fejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, f’dan il-kuntest, jieħdu inkunsiderazzjoni u jeżaminaw l-elementi kollha li fuqhom ikunu bbażati s-sottomissjonijiet ulterjuri jew l‑applikazzjoni sussegwenti.

78.

Fl-aħħar nett, ninnota barra minn hekk, li l-Artikolu 77 tal-Liġi dwar l-ażil, applikabbli f’dan il-każ, jipprovdi li l-qorti għandha tibbaża fuq is-sitwazzjoni fattwali u ta’ liġi eżistenti fil-mument tal-aħħar seduta jew fil-mument li fih tingħata d-deċiżjoni. Għalhekk, b’applikazzjoni tal‑liġi nazzjonali Ġermaniża, l-elementi sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata sottomessi mill-applikant għall-protezzjoni internazzjonali ma jistgħux ikunu esklużi mill-istħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tad‑deċiżjoni ta’ trasferiment, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi li din il-kwistjoni taqa’ fl-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, interpretazzjoni li madankollu jiena ma naqbel xejn magħha minħabba n-natura obbligatorja tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 tar‑Regolament Dublin III.

79.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għalhekk jiena tal-fehma li l‑istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq id-deċiżjoni ta’ trasferiment għandu jirrigwarda, b’mod partikolari, l-elementi ta’ liġi u ta’ fatt sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata u jinkludi l-eventwali żviluppi ta’ ċirkustanzi rilevanti sabiex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà tal-Istati Membri sabiex jeżaminaw l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

C.  Dwar il-modalitajiet, proċeduri u termini applikabbli

80.

Fl-aħħar nett, għandha tingħata risposta għad-domandi dwar il‑modalitajiet, proċeduri u termini applikabbli għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-applikant għal protezzjoni internazzjonali ppreżenta l-ewwel applikazzjoni għall-ażil fi Stat Membru (f’dan il-każ l-Italja), imbagħad telaq minn dan l-Istat Membru sabiex jitlob mill-ġdid l-ażil fi Stat Membru ieħor (f’dan il-każ il‑Ġermanja), imbagħad kien ittrasferit mit-tieni Stat Membru (il‑Ġermanja) lejn l-ewwel Stat Membru (l-Italja) wara proċedura ta’ trasferiment, skont ir-Regolament Dublin III, u rritorna illegalment fit‑tieni Stat Membru (il-Ġermanja), mingħajr ma ppreżenta mill-ġdid applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, peress li rikors kontra t‑trasferiment tiegħu għadu pendenti quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru.

81.

Ser nesponi hawnhekk ir-raġunijiet li għalihom ser jiġi propost lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi dwar il-modalitajiet, proċeduri u termini fis-sens li hemm lok li l-Istati Membri japplikaw id‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III, mingħajr ma l-ewwel proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil ma tista’ tagħti lok għal diversi trasferimenti, li jistgħu jikkompromettu l-applikazzjoni ta’ regoli stabbiliti, b’mod obbligatorju, minn dan ir-regolament.

82.

Fil-fatt, ma jistax jiġi aċċettat li l-Istati Membri jistgħu, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, jiksru r-regoli applikabbli għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, jew jitilqu mir-regoli ta’ proċeduri jew ta’ komputazzjoni ta’ termini stabbiliti mill-imsemmi regolament.

83.

F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tippreċiża l‑mument li minnu ser jibdew jiddekorru t-termini previsti minn dawn id‑dispożizzjonijiet. Għandu jiġi propost li l-punt tat-tluq tat-terminu għandu jiġi stabbilit fil-mument fejn l-Istat Membru inizjalment mitlub isir jaf bil-preżenza, fit-territorju tiegħu, ta’ persuna li l-applikazzjoni tagħha għall-ażil tinsab pendenti fi Stat Membru ieħor li aċċetta t-teħid lura ta’ din il-persuna.

84.

Sabiex tingħata kjarifika aħjar lill-qorti nazzjonali, hemm lok li jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, il-modalitajiet u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’dan il-kuntest, sabiex fit-tieni lok, tingħata l‑komputazzjoni tat-termini b’mod iddettaljat.

1. Modalitajiet u proċeduri

85.

Il-kwistjoni tal-modalitajiet u proċeduri applikabbli hawnhekk għandha tkun distinta miż-żewġ kwistjonijiet preċedenti li kienu jirrigwardaw l-ewwel waħda d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u t‑trasferiment inizjali ( 26 ). Issa hija kwistjoni tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, ladarba tirritorna fit-territorju tal-Istat Membru inizjalment mitlub, wara li kien is-suġġett tal-ewwel trasferiment, li l-legalità tiegħu għadha kkontestata u indipendentement minn dan l-element, kif tindika l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha. Din id-distinzjoni tal-każ f’żewġ fażijiet differenti ( 27 ) tippermetti li jiġu indirizzati sewwa d‑diffikultajiet li għandhom jiġu solvuti.

86.

Hemm lok li jiġi kkunsidrat, mingħajr diffikultà, li matul l-ewwel fażi li tikkaratterizza l-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Dublin III ġew applikati, ġustament, sabiex jagħtu lok għall-ewwel deċiżjoni ta’ trasferiment li għadha kkontestata. Hawnhekk qed jiġi mitlub lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża biss il-proċedura li għandha tiġi segwita ladarba l-persuna kkonċernata rritornat illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru wara li twettaq trasferiment b’suċċess ( 28 ) lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal‑applikazzjoni tagħha.

87.

Dan jikkorrispondi għal dak li ġie maqbul li jissejjaħ “moviment sekondarju” tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali. Dawn il‑movimenti huma kemxejn frekwenti u għandhom ikunu miġġielda ( 29 ). Madankollu, din is-sitwazzjoni, relattivament frekwenti, ma kinitx espressament prevista mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-SEKA. A priori, il-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali ma tinstabx, fl-istadju li fih il-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi, f’sitwazzjoni ordinarja ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III, minħabba r-ritorn tagħha fit-territorju tal-Istat Membru inizjalment mitlub ( 30 ).

88.

Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament jirriżulta li dan japplika fil-kawża prinċipali, li jeskludi d‑dispożizzjonijiet l-oħra tat-testi li jirregolaw is-SEKA ( 31 ). F’dan ir‑rigward, il-fatt li A. Hasan irritorna illegalment fil-Ġermanja, Stat Membru inizjalment mitlub, ma għandu l-ebda effett fuq il-liġi applikabbli għalih, fil-kwalità tiegħu ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru tal-Unjoni ( 32 ) jinsab f’sitwazzjoni irregolari fi Stat Membru ieħor. Kieku l-persuna kkonċernata qabżet irregolarment il-fruntiera ta’ Stat Membru ieħor, kienu jqumu kwistjonijiet identiċi u l-istess dispożizzjonijiet kienu jkunu applikabbli.

89.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi nnotat li l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Dublin III, applikabbli fil-kawża prinċipali, jipprevedu sitwazzjonijiet li għandhom jiġu distinti. Jekk l-Artikolu 23 jirrigwarda l-persuni li jippreżentaw applikazzjoni ġdida fl-Istat Membru li fih jinsabu, l-Artikolu 24 għandu jkun applikat għall-persuni li ma jippreżentaw ebda applikazzjoni ġdida fl-Istat Membru li fih jinsab b’mod irregolari ( 33 ).

90.

Madankollu, f’dan il-każ, huwa stabbilit li A. Hasan ma ppreżentax applikazzjoni ġdida għall-ażil meta rritorna irregolarment fil‑Ġermanja. Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak previst mill-qorti tar‑rinviju, huma biss id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 ta’ dan ir‑regolament li ser ikunu applikabbli sabiex jiġi ddeterminat x’ser jiġri mill‑preżenza ta’ A. Hasan fit-territorju tar-Repubblika Federali tal‑Ġermanja, u l-applikazzjoni tal-Artikolu 23 ta’ dan it-test hija eskluża, bħal kull test ieħor ( 34 ).

91.

Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III għandhom l-għan aħħari li jippermettu lill-applikanti għall-ażil li jkollhom l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li huma jippreżentaw ( 35 ) eżaminata minn Stat Membru wieħed, u dan anki jekk l‑applikant jinsab f’sitwazzjoni irregolari fi Stat Membru ieħor.

92.

F’din il-miżura, huwa propost lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkunsidra li proċedura ta’ trasferiment ġdida, bħal dik prevista fl-aħħar subparagrafu tal‑Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament, għandha tkun implementata mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-applikant jinsab irregolarment. Skont din id-dispożizzjoni, dan l-Istat Membru għandu jippreżenta, f’terminu ta’ tliet xhur, rikors għall-finijiet tat-teħid lura lejn l-Istat Membru li huwa jqis responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni. Il‑paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni jindika li, jekk dan it-terminu jiskadi qabel ma tkun indirizzata talba għall-finijiet tat-teħid lura lill-Istat mitlub, l-Istat Membru rikjedenti għandu jagħti lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà li tippreżenta applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali. Din ma tistax tirrendi possibbli l-eżekuzzjoni ta’ trasferiment ġdid abbażi tad-deċiżjoni l-antika ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni fl‑osservazzjonijiet tagħha.

93.

Għalhekk huwa propost lill-Qorti tal-Ġustizzja tindika li d‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament għandhom ikunu applikati, mill-ġdid, fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u dan b’mod esklużiv, li jimplika li l-Ġermanja għandha tippreżenta talba għat‑teħid lura lill-awtoritajiet Taljani u tosserva l-proċeduri u t-termini previsti minn din id-dispożizzjoni.

2. Il-komputazzjoni tat-termini

94.

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-komputazzjoni tat-termini, għandha qabel xejn issir preċiżjoni elementari. Din ma hijiex kwistjoni li tiġi estiża n-natura sospensiva ta’ appell mill-ewwel att ta’ trasferiment peress li fl‑eżami ta’ din il-kwistjoni ninsabu fi stadju ulterjuri mill-appell ippreżentat minn A. Hasan kontra l-ewwel deċiżjoni ta’ trasferiment li għadu pendenti. Barra minn hekk, jekk id-deċiżjoni ta’ trasferiment għandu tkun ikkontestata, allura d-dispożizzjonijiet dwar l-effett sospensiv ta’ tali appell ikunu applikabbli u jestendu t-terminu għall‑eżekuzzjoni tat-trasferiment.

95.

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat ukoll li billi adotta d‑dispożizzjonijiet dwar it-trasferimenti tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li r-restrizzjonijiet tad‑drittijiet tal-applikanti għall-ażil joperaw fil-limiti li huma strettament neċessarji, filwaqt li jiġi żgurat li l-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati jingħataw il-kundizzjonijiet materjali li jippermettulhom jeżegwixxu t-trasferiment b’mod korrett ( 36 ). L-Istati Membri għandu jkollhom, permezz tal-komputazzjoni tat-termini, mezzi suffiċjenti sabiex jorganizzaw materjalment it-trasferiment tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru li huwa responsabbli ( 37 ). Sabiex isir dan, il-leġiżlatur jibda jgħaddi t-terminu mill‑mument fejn it-twettiq futur tat-trasferiment ikun miftiehem u żgurat u jkun fadal biss li jiġu rregolati l-modalitajiet prattiċi tal-eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar.

96.

F’dan il-kuntest, ġie ikkunsidrat mil-leġiżlatur tal-Unjoni li terminu ta’ sitt ġimgħat kien raġonevolment neċessarju sabiex ikun organizzat materjalment it-trasferiment. Il-komputazzjoni tat-termini għandha tippermetti lill-Istati Membri li jkollhom effettivament dan it‑terminu oġġettiv ta’ sitt ġimgħat sabiex jirregolaw il-modalitajiet prattiċi ta’ dan it-trasferiment sa mill-mument li fih it-twettiq tiegħu jsir possibbli ( 38 ).

97.

Skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Dublin III, it-terminu għall-implementazzjoni ta’ proċedura ta’ trasferiment, meta l‑persuna kkonċernata ma ppreżentatx applikazzjoni ġdida, huwa ta’ tliet xhur minn meta jsir jaf bir-responsabbiltà ta’ Stat Membru ieħor. Trasposta għal kawża prinċipali, din id-dispożizzjoni timplika li dan it‑terminu jibda jgħaddi minn meta jsir jaf bir-ritorn tal-persuna kkonċernata fit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti.

98.

F’dan il-mument, terminu ġdid ta’ sitt ġimgħat għall-finijiet ta’ trasferiment għandu, fil-fehma tiegħi, jibda għaddej sa mill-mument li fih l-Istat Membru mitlub jaċċetta t-talba għat-teħid lura ( 39 ), jew jekk ikun il‑każ, mill-mument fejn appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment jew ir‑reviżjoni ta’ din id-deċiżjoni ma jibqgħalhomx effett sospensiv, kif jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(3) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, ma huwiex eskluż li l-applikant jippreżenta appell ġdid kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment il-ġdida. Barra minn hekk, il-leġiżlatur jippreċiża, fl‑Artikolu 28 tal-imsemmi regolament, li t-trasferiment għandu jseħħ “mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli” ( 40 ), li jimplika l-eżistenza ta’ deċiżjoni minn qabel li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ trasferiment tal‑applikant mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, li ma hijiex l-oġġett ta’ kontestazzjoni. It-trasferiment ma jista’ jkun mhedded b’ebda ostakolu sabiex ikun jista’ jibda għaddej terminu oġġettiv.

99.

Din il-komputazzjoni tat-termini ma tostakolax l-applikazzjoni tajba tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32, li jipprovdi terminu ta’ sitt xhur sabiex l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun waslet fi tmiemha, li jibda mill-mument fejn il-persuna kkonċernata tkun tinsab fit-territorju tal-Istat Membru responsabbli minn dan l-eżami u ttieħdet lura mill-awtorità kompetenti, u dana peress li l-punt (c) ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi li d-dewmien fit-trattament tal-applikazzjoni jista’ jkun imputat għan-nuqqas ta’ osservanza, mill-applikant, tal‑obbligi tiegħu b’mod partikolari l-preżentazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti mit-trattament tal-applikazzjoni tiegħu. Għalhekk, il-fatt li l-applikant jitlaq mill-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal‑applikazzjoni għall-ażil tiegħu jippermetti li jista’ jkun hemm ġustifikazzjoni b’mod eċċezzjonali li jinqabeż it-terminu tat-trattament normali ta’ dawn l-applikazzjonijiet.

100.

Barra minn hekk, hemm lok li jissemma li l-Istat Membru mitlub ikun ikkunsidrat bħala marbut li jieħu lura lill-persuna kkonċernata, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(1)(b), tal-Artikolu 18(2) kif ukoll tal‑Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III, jekk fid-dawl tal-mogħdija tat-termini u t-talba ġdida għat-teħid lura, dan l-Istat Membru għandu jkun ikkunsidrat bħala responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

101.

Interpretazzjoni differenti minn dik hawn hekk mogħtija, jidhirli li tkun kuntrarja għall-portata li għandhom jingħataw id-dispożizzjonijiet obbligatorji u direttament applikabbli ta’ dan ir-regolament, kif ukoll għas-saħħa vinkolanti marbuta mar-regolamenti tal-Unjoni. F’dan ir‑rigward hemm lok li ssir insistenza dwar il-fatt li l-Istati Membri ma jistgħux jiksru l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi regolament bl-iskuża li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali kien b’mod żbaljat telaq mit-territorju tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal‑applikazzjoni tiegħu wara li kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ trasferiment li l-legalità tagħha għadha pendenti. Fil-fatt, anki fil-każ ta’ abbuż ta’ dritt min-naħa taċ-ċittadin tal-Istat terz li jippreżenta diversi applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III jibqgħu ta’ applikazzjoni obbligatorja għall‑Istati Membri kkonċernati. Din l-interpretazzjoni tippermetti l‑aħjar rikonċiljazzjoni tal-għanijiet li jrid jilħaq il-leġiżlatur tal-Unjoni.

102.

Ikun ukoll kuntrarju għal dawn jekk jiġi permess li l-applikanti għall-ażil jkollhom influwenza fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjonijiet tagħhom billi jingħata kwalunkwe effett lill-movimenti sekondarji tagħhom jew lill-għażla personali tagħhom tal-pajjiż ta’ residenza ( 41 ). Peress li l-proċess tad‑determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli huwa essenzjalment oġġettiv, ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni l-preferenzi jew xewqat tal‑persuni kkonċernati ( 42 ), iżda madankollu ma għandux iwassal għal garanzija insuffiċjenti tad-drittijiet tagħhom.

103.

Barra minn hekk, l-għan tat-trattament rapidu tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni, milħuq bid-determinazzjoni rapida tal-Istat Membru responsabbli, għandu jkun f’bilanċ mal-fatt li l-perspettiva ta’ trasferimenti ġodda, għandha ċertament l-effett li tnaqqas it-trattament tal-applikazzjonijiet, iżda tipproduċi effett dissważiv fuq l-applikanti, peress li tillimita l-movimenti sekondarji ( 43 ).

104.

F’dan ir-rigward, għandha titqiegħed responsabbiltà fuq is‑solidarjetà bejn l-Istati Membri fit-trattament tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni, peress li ma huwiex eskluż mid-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam li l-applikanti għall-ażil jinżammu f’detenzjoni matul perijodu strettament neċessarju għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom fi ħdan l‑Istat Membru li għandu jassumi r-responsabbiltà tagħhom.

105.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Istat Membru, li fit-territorju tiegħu jinsab l-applikant, għandu terminu ta’ tliet xhur sabiex jippreżenta talba għat-teħid lura quddiem l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall‑ażil li jibdew minn meta jsir jaf bil-preżenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju tiegħu. Wara l-ftehim, taċitu jew espliċitu, tal‑awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, it-trasferiment għandu jsir f’sitt ġimgħat jew jekk ikun il-każ, f’sitt ġimgħat wara r-rifjut tal-appell mid‑deċiżjoni ta’ trasferiment jew mir-rifjut tan-natura sospensiva tiegħu.

106.

Fid-dawl tar-risposti mogħtija lil dawn it-tliet domandi, li essenzjalment, huma l-bażi tat-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l‑ipoteżi l-oħra mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali) fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha.

V. Konklużjoni

107.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill‑Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali, il‑Ġermanja) bil-mod segwenti:

(1)

Id-deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ applikant għall-ażil ma tagħtix natura definittiva lid-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil.

(2)

L-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq id-deċiżjoni ta’ trasferiment għandu jirrigwarda, b’mod partikolari, l-elementi ta’ liġi u ta’ fatt li seħħew wara d-deċiżjoni kkontestata u jinkludi l-eventwali żviluppi ta’ ċirkustanzi rilevanti sabiex tiġi ddeterminata r‑responsabbiltà tal-Istati Membri sabiex jeżaminaw l‑applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

(3)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, huma l-uniċi applikabbli fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jimplika li r-Repubblika Federali tal‑Ġermanja għandha tippreżenta talba għat-teħid lura lill‑awtoritajiet Taljana u għandha tosserva l-proċeduri u termini previsti minn din id-dispożizzjoni. F’dan il-kuntest, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-applikant, għandu terminu ta’ tliet xhur sabiex jippreżenta talba għat-teħid lura quddiem l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil li jibdew jiddekorru minn meta jsir jaf bil-preżenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju tiegħu. Wara l-ftehim, taċitu jew espliċitu, tal-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, it-trasferiment għandu jseħħ f’sitt ġimgħat jew jekk ikun il-każ f’sitt ġimgħat wara r-rifjut tal‑appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment jew mir-rifjut tan-natura sospensiva tiegħu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”.

( 3 ) Jiġifieri, b’mod partikolari, l-effettività tas-sistema ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, ir-rapidità tat-trattament ta’ dawn l-applikazzjonijiet, l-evitar tal-forum shopping, ta’ movimenti sekondarji u ta’ abbużi li jikkonsistu fil-preżentazzjoni ta’ diversi applikazzjonijiet għall-ażil, iżda wkoll il-garanzija tad-drittijiet ta’ dawn l-applikanti kif ukoll li jinħoloq ekwilibriju bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà tal-Istati Membri, sabiex jiġu evitati r-“refuġjati f’orbitu” [ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:186, punt 37), li jiċċita s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 7879)].

( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 5 ) Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar‑refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall‑kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

( 6 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

( 7 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar l‑istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament [Dublin III] li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill‑awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl‑ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1).

( 8 ) ĠU 2008, L 348, p. 98.

( 9 ) Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951.

( 10 ) Regolament tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Jannar 2014, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1560/2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall‑protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU 2014, L 39, p. 1).

( 11 ) Regolament tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200).

( 12 ) BGB1. 2008 I, p. 1798.

( 13 ) BGB1. 1960 I, p. 686.

( 14 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 3.

( 15 ) Il-kawża Ahmed, C-36/17, li d-digriet tagħha ngħata fil-5 ta’ April 2017 (C‑36/17, EU:C:2017:273) tirrigwarda kwistjonijiet simili. Sa ċertu punt, huma l-istess, fil-Kawża Shiri, C‑201/16, li sal-lum għadha pendenti.

( 16 ) Ir-risposta li ser tingħata lil din il-kwistjoni tista’ tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali sabiex issolvi t-tieni domanda, dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq id-deċiżjoni ta’ trasferiment. Huwa għalhekk li għandha tiġi riżolta l-ewwel.

( 17 ) Dawn id-deċiżjonijiet ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala awtonomi.

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-Kawża Kastrati et (C‑620/10, EU:C:2012:10, punti 29 et seq), li jiddistingwu żewġ fażijiet: id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u l-eżami nnifsu tal‑applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, magħmul mill-Istat Membru responsabbli minnu. F’dan is-sens, ir-Regolament Dublin III ma għandux l-għan li jiddetermina l-kriterji għall-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni, iżda biss tat-tqassim tal‑obbligi bejn l-Istati Membri għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

( 19 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 4244).

( 20 ) Ara f’dan is-sens, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:186, punti 77 et seq), kif ukoll is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 53).

( 21 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 5152).

( 22 ) Ara f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Karim (C‑155/15, EU:C:2016:410, punt 26).

( 23 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 47 sa 51), tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 45).

( 24 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C-63/15, EU:C:2016:409, punt 51).

( 25 ) Korsiv miżjud minni.

( 26 ) Dawn iż-żewġ fażijiet għandhom jiġu sseparati kif il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistiedna tagħmel fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Mirza (C‑695/15 PPU, EU:C:2016:146, punt 42).

( 27 ) L-ewwel fażi tal-kawża prinċipali tinkludi l-applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn A. Hasan fl-Italja, fl-4 ta’ Settembru 2014, imbagħad fil-Ġermanja, fid-29 ta’ Ottubru 2014, u t-trasferiment tiegħu lejn l-Italja, fix-xahar ta’ Awwissu 2015. It-tieni fażi tibda għalhekk fil-mument tar-ritorn tal-persuna kkonċernata fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Matul din it-tieni fażi, A. Hasan ma ppreżentax applikazzjoni ġdida għall-ażil fil-Ġermanja, u r-rikors tiegħu, kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, tat-30 ta’ Jannar 2015, għadu pendenti sal-lum.

( 28 ) Anki jekk ma tax lok, b’mod effettiv, għall-eżami mill-Istat Membru responsabbli mill-applikazzjoni għall-ażil tagħha.

( 29 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Mirza (C‑695/15 PPU, EU:C:2016:188, punti 47 et seq). Ara wkoll, il-Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill, tas-6 ta’ April 2016, lejn riforma tas‑sistema komuni tal-ażil Ewropea u titjib tal-mezzi tad-dħul legali fl-Ewropa [COM(2016) 197 finali], li tipprevedi miżuri dissważivi li jiskoraġġixxu u/jew li jissanzjonaw il-movimenti sekondarji. Ara wkoll, il-Proposta għal Regolament tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2016, dwar standards għall‑kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul [COM(2016) 466 finali].

( 30 ) Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-każ fejn la d‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament u lanqas dawk tal‑Artikolu 24 tiegħu ma jkunu applikabbli, liema huma d-dispożizzjonijiet li għandhom japplikaw għall-persuna kkonċernata.

( 31 ) Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24(4) tar-Regolament Dublin III jimplikaw li huwa biss f’każ ta’ rifjut definittiv tal-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata mill-persuna kkonċernata li tista’ tiġi applikata d-Direttiva 2008/115. Sa fejn f’dan il-każ, ma kienx hemm deċiżjoni dwar il-mertu tal-applikazzjoni għall-ażil tagħha, din id‑direttiva ma tistax tkun ikkunsidrata bħala applikabbli għaliha. L-eżami tad‑domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju lil hinn minn din l-ipoteżi, għandha għalhekk tkun skartata, peress li dan ir-regolament huwa l-uniku test li jista’ jkun applikat. Fil-fatt, b’applikazzjoni tal-imsemmi regolament u tal-Artikolu 9 tad‑Direttiva 2013/32, l-applikanti għall-ażil jibbenefikaw mid-dritt li jibqgħu fit‑territorju tal-Istat Membru li fih ikunu ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, sakemm tingħata deċiżjoni, tal-inqas fl-ewwel istanza. Għalkemm dan id-dritt li jibqgħu ma huwiex madankollu l-istess bħad-dritt ta’ residenza, applikant ma jistax madankollu jkun ikkunsidrat bħala li qiegħed jirresjedi irregolarment sakemm jistenna l-eżitu tal-proċedura dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, tal-inqas sakemm din tkun miċħuda fl-ewwel istanza [ara f’dan is-sens, il-Konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża Gnandi (C‑181/16, EU:C:2017:467, punti 53 sa 55), kif ukoll is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343, punti 44 sa 49)]. Il-premessa 9 tad-Direttiva 2008/115 tindika, bl‑istess mod, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ppreżenta applikazzjoni għall-ażil ma għandux ikun ikkunsidrat bħala li qiegħed jirresjedi irregolarment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru sakemm ma tidħolx fis-seħħ deċiżjoni negattiva dwar l‑applikazzjoni tiegħu jew deċiżjoni li ttemm id-dritt ta’ residenza tiegħu bħala applikant għall-ażil [ara, ukoll f’dan is-sens, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-Kawża Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:52, punti 62 sa 64)].

( 32 ) Il-fatt li jinsab fil-Ġermanja, Stat Membru inizjalment mitlub, ma jistax ikollu l-effett li jipprevjeni l-prosegwiment metikoluż tal-proċedura stabbilita mid‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III.

( 33 ) Ara f’dan is-sens id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ April 2017, Ahmed (C‑36/17, EU:C:2017:273, punt 26).

( 34 ) L-ipoteżi l-oħra mqajma mill-qorti nazzjonali u intiżi sabiex jiksbu kjarifiki dwar dispożizzjonijiet oħra tas-SEKA, għandhom ikunu kkunsidrati bħala ipotetiċi u irrilevanti għas-soluzzjoni ta’ dan il-każ. Dawn għandhom ikunu evitati, anki jekk f’ipoteżi fattwali oħra, kienu intiżi sabiex japplikaw bl-istess mod bħal dak propost mill-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III. Barra minn hekk, il-ħames domanda, ser ikollha tkun skartata wkoll, għaliex tidher li hija irrilevanti għas-soluzzjoni ta’ dan il-każ quddiem il-qorti tar-rinviju.

( 35 ) F’dan il-każ, l-applikazzjoni ta’ A. Hasan kienet deċiża inammissibbli fil-Ġermanja u għadha mhix deċiża fl-Italja.

( 36 ) Ara l-Konklużjonijiet tiegħi mogħtija fil-Kawża Khir Amayry (C‑60/16, EU:C:2017:147, punt 37).

( 37 ) Ara l-Konklużjonijiet tiegħi mogħtija fil-Kawża Khir Amayry (C‑60/16, EU:C:2017:147, punti 4354).

( 38 ) Ara b’analoġija, il-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Khir Amayry (C‑60/16, EU:C:2017:147, punti 71 et seq).

( 39 ) Ara l-Konklużjonijiet tiegħi mogħtija fil-Kawża Khir Amayry (C‑60/16, EU:C:2017:147, punt 66), kif ukoll b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian (C‑19/08, EU:C:2009:41, punti 32 et seq).

( 40 ) Korsiv miżjud minni.

( 41 ) Ara f’dan is-sens, u b’analoġija, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil‑Kawża Kastrati et (C‑620/10, EU:C:2012:10, punt 44 et seq), kif ukoll is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Mirza (C‑695/15 PPU, EU:C:2016:188, punti 47 et seq).

( 42 ) Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:186, punt 39).

( 43 ) Hawnhekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2013/32 intiżi sabiex jillimitaw ir-riskju ta’ movimenti sekondarji, kif ukoll l-Anness X tar-Regolament Nru 1560/2003 intiż sabiex jinforma lill-applikanti bl-obbligi tagħhom li jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, hawnhekk għandha titfakkar il‑premessa 18 tad-Direttiva 2013/32 li tindika li huwa fl-interess tal-persuni kkonċernati kif ukoll tal-Istati Membri li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jkunu is-suġġett tal-iktar eżami rapidu possibbli. B’hekk, huwa tajjeb li kull interpretazzjoni li tiddisswadi lill-applikanti milli jwettqu movimenti sekondarji tkun promossa.

Top