EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0331

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fl-14 ta’ Diċembru 2017.
K. vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie u H. F. vs Belgische Staat.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg, u mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38/KE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) – Limitazzjoni tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika – Tkeċċija mit-territorju minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Aġir li jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà – Persuna li l-applikazzjoni tagħha għall-ażil ġiet irrifjutata għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvezjoni ta’ Genève jew tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 28(1) – Artikolu 28(3)(a) – Protezzjoni minn tkeċċija – Residenza fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti – Raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika – Kunċett.
Kawżi maqgħuda C-331/16 u C-366/16.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:973

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fl-14 ta’ Diċembru 2017 ( 1 )

Kawżi magħquda C-331/16 u C-366/16

K.

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti ta’ Den Haag, sede ta’ Middelburg, il-Pajjiżi l-Baxxi))

u

H. F.

vs

L-Istat tal-Belġju

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill tal-kontenzjuż tal-barranin, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 27(2) – Limitazzjoni tal-libertajiet ta’ moviment u ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà – Persuna eskluża mill-istatus ta’ refuġjat għall-motivi msemmija fl-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u fl-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE – Proporzjonalità – Artikolu 28(1) u (3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja”

I. Introduzzjoni

1.

Ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti ta’ Den Haag, sede ta’ Middelburg, il-Pajjiżi l-Baxxi) u r-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill tal-kontenzjuż tal-barranin, il-Belġju) jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(2) u tal-Artikolu 28(1) u (3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE ( 2 ), moqrija flimkien mal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

2.

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jidħlu fil-kuntest ta’ kawżi fuq il-konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet ta’ miżuri restrittivi għal-libertajiet ta’ moviment u ta’ residenza bbażati fuq id-Direttiva 2004/38 adottati kontra individwi li, qabel ma akkwistaw il-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, kienu ġew esklużi mill-istatus ta’ refuġjat b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus tar-Refuġjati (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”) ( 3 ).

3.

Din id-dispożizzjoni – li l-kliem tagħha huwa riprodott fl-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE ( 4 ) – jiċħad mill-benefiċċju tal-protezzjoni riżultanti mill-Konvenzjoni ta’ Genève lill-applikanti għall-ażil li dwarhom jeżistu suspetti serji li huma wettqu delitt kontra l-paċi, delitti tal-gwerra jew delitt kontra l-umanità.

4.

Il-qrati tar-rinviju jistaqsu essenzjalment jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, il-fatt li, fil-passat, tkun ġiet applikata fil-konfront ta’ persuna l-klawżola ta’ esklużjoni prevista bl-Artikolu 1(F)(a) ta’ dik il-konvenzjoni, jista’ jiġġustifika li l-libertajiet ta’ moviment u ta’ residenza ta’ dik il-persuna bbażati fuq id-Direttiva 2004/38 ikunu ristretti.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt internazzjonali

5.

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, wara li b’mod partikolari jiddefinixxi, fis-sezzjoni A tiegħu, il-kunċett ta’ “refuġjat”, jipprovdi, fis-sezzjoni F tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni ma japplikawx għall-persuni li dwarhom ikun hemm raġuni serja li jiġi susspettat li:

a)

hu jew hi jkunu kkommettew delitt kontra l-paċi, delitt tal-gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif iddefiniti fl-Istrumenti internazzjonali mfassla għalbiex jagħmlu disposizzjoni rigward dawn id-delitti;

b)

ikkommettew delitt serju mhux politiku barra l-pajjiż ospitanti qabel ma ġew aċċettati bħala refuġjati;

c)

hu jew hi jkunu nstabu ħatja ta’ atti kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.”

B. Id-dritt tal-Unjoni

1.   Id-Direttiva 2004/38

6.

L-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2.   Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

L-imġiba personali tal-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, preżenti u gravi biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.”

7.

Skont l-Artikolu 28 ta’ din id-Direttiva:

“1.   Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba politika pubblika [ordni pubbliku] jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis [i]l-konsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-età, l-istat ta’ saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l-limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini.

2.   L-Istat Membru ospitanti ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] jew ta’ sigurtà pubblika.

3.   Deċiżjoni ta’ tkeċċija m’għandhiex tittieħed kontra ċittadini ta’ l-Unjoni, ħlief meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri, jekk dawn:

a)

għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti.

[…]”

2.   Id-Direttiva 2011/95

8.

L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi:

“Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandu jiġi eskluż milli jkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serja li jitqiesu li:

a)

huwa jew hija jkunu kommettew delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanita, kif definit fl-Istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

[…]”

C. Id-drittijiet nazzjonali

1.   Id-dritt Olandiż

9.

Skont l-Artikolu 67 tal-Vreemdelingenwet (il-Liġi fuq il-barranin), tat-23 ta’ Novembru 2000 (iktar ’il quddiem il-“liġi Olandiża fuq il-barranin”):

“1.   Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3, il-[Minister van Veiligheid en Justitie (Ministru tas-sigurtà u tal-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi)] jista’ jiddikjara l-barrani mhux mixtieq:

[…]

e. fl-interess tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi.

[…]

3.   B’deroga mill-Artikolu 8, il-barrani ddikjarat mhux mixtieq ma jistax ikollu soġġorn regolari.”

2.   Id-dritt Belġjan

10.

Skont l-Artikolu 40 bis (2) tal-wet betreffende de toegang tot het grondgebied, het verblijf, de vestiging en de verwijdering van vreemdelingen (il-Liġi fuq l-aċċess għat-territorju, is-soġġorn, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin), tal-15 ta’ Diċembru 1980 (iktar ’il quddiem il-“liġi Belġjana fuq il-barranin”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fi żmien il-fatti rilevanti fil-kawża C‑366/16, għandhom jitqiesu bħala membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-axxendenti tiegħu jew dawk tal-konjuġi tiegħu li huma mantenuti minnhom.

11.

L-Artikolu 43 ta’ din il-liġi jittrasponi l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 fid-dritt Belġjan.

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A. Il-kawża C‑331/16

12.

K. għandu nazzjonalità doppja tal-Bożnija-Ħerzegovina u Kroata. Huwa wasal fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2001, akkumpanjat minn martu u ibnu l-kbir. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, M. K għex f’dan l-Istat Membru mingħajr interruzzjoni minn dakinhar ’il quddiem. It-tifel iż-żgħir tiegħu twieled hemm fl-2006.

13.

K. ippreżenta l-ewwel talba għall-ażil ftit taż-żmien wara li wasal fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2001. L-Istaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem l-“iStaatssecretaris tal-Pajjiżi l-Baxxi”) ċaħad dik it-talba permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2003. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ raġunijiet serji biex jiġi ssuspettat li K. kien wettaq, fuq it-territorju tal-eks‑Jugoslavja, delitti li jaqgħu taħt il-kategoriji msemmija fl-Artikolu 1(F)(a) u (b) tal-Konvenzjoni ta’ Genève matul il-perijodu bejn April 1992 u Frar 1994. Din id-deċiżjoni saret definittiva wara s-sentenza tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), tal-21 ta’ Frar 2005, li kkonfermatha.

14.

Fl-2011, K. ippreżenta t-tieni talba għall-ażil, li wkoll ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-iStaatssecretaris tal-Pajjiżi l-Baxxi, fis-16 ta’ Jannar 2013, minħabba l-applikazzjoni tal-klawżoli ta’ esklużjoni stabbiliti bl-Artikolu 1(F)(a) u (b) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Din id-deċiżjoni kienet akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul fuq it-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi għal perijodu ta’ għaxar snin. Ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) ikkonferma din id-deċiżjoni permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Frar 2014, wara liema sentenza din saret definittiva.

15.

Barra minn hekk, K. talab lill-iStaatssecretaris tal-Pajjiżi l-Baxxi l-annullament tal-projbizzjoni ta’ dħul fuq it-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi maħruġa kontrih. Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2015, dik l-awtorità neħħiet din il-projbizzjoni u ssostitwixxietha b’dikjarazzjoni li huwa persuna mhux mixtieqa bbażata fuq l-Artikolu 67(1)(e) tal-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq il-barranin. Din id-deċiżjoni ġiet adottata minħabba l-akkwist minn K. tal-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2013. Kuntrarjament għal projbizzjoni ta’ dħul li tista’ tolqot biss lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, dikjarazzjoni li persuna hija waħda mhux mixtieqa tista’ tiġi adottata kontra ċittadin tal-Unjoni.

16.

K. ressaq ilment kontra din id-dikjarazzjoni ta’ persuna mhux mixtieqa quddiem l-iStaatssecretaris tal-Pajjiżi l-Baxxi. Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata fil-Kawża C‑331/16”).

17.

F’din id-deċiżjoni, l-iStaatssecretaris tal-Pajjiżi l-Baxxi rrefera għad-deċiżjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Mejju 2003 u tas-16 ta’ Jannar 2013, li permezz tagħhom huwa kien ċaħad it-talbiet għall-ażil ippreżentati minn K. Filwaqt li rreferiet għall-ewwel fost dawn id-deċiżjonijiet u għall-abbozz li kien wassal għall-adozzjoni tagħha, dik l-awtorità kkonstatat li K. kellu jkun jaf (“knowing participation”) b’delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità mwettqa minn stakkamenti speċjali tal-armata Bożnijaka li huwa kien jifforma parti minnhom, u li huwa kien ipparteċipa personalment fihom (“personal participation”).

18.

Abbażi biss ta’ dawn il-konstatazzjonijiet preċedenti, l-iStaatssecretaris tal-Pajjiżi l-Baxxi qies li, bil-preżenza tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, K. kien jagħmel ħsara lir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ dan l-Istat Membru. Skont din l-awtorità, għandu jiġi evitat li dan tal-aħħar isir pajjiż li jospita lil persuni li fir-rigward tagħhom jeżistu raġunijiet serji sabiex jiġi ssuspettat li kienu ħatja ta’ mġiba bħal dik imsemmija fl-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Barra minn hekk, il-protezzjoni tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika teħtieġ li jittieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jiġi evitat li ċittadini tal-Pajjiżi l-Baxxi jidħlu f’kuntatt ma’ dawn il-persuni u, b’mod partikolari, li l-vittmi tad-delitti li dwarhom huwa ssuspettat K. jew il-membri tal-familji tagħhom jiġu wiċċ imb’wiċċ miegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi.

19.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dik l-awtorità kkonkludiet li K. kien jippreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għall-interess fundamentali tas-soċjetà skont id-definizzjoni tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38.

20.

Insostenn ta’ din il-konklużjoni, l-iStaatssecretaris tal-Pajjiżi l-Baxxi ċċita s-sentenzi tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) tat-12 ta’ Settembru 2008 ( 5 ), tas-16 ta’ Ġunju 2015 ( 6 ) u tal-21 ta’ Awwissu 2015 ( 7 ). F’dawn is-sentenzi, dik il-qorti qieset li, fid-dawl tal-gravità eċċezzjonali tad-delitti msemmija fl-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, it-theddida għall-interess fundamentali tas-soċjetà li ġġib il-preżenza ta’ persuna eskluża mill-istatus ta’ refuġjat taħt din id-dispożizzjoni hija, min-natura tagħha, attwali b’mod permanenti. Skont dik il-qorti, il-konstatazzjoni ta’ din it-theddida ma teħtieġx evalwazzjoni tal-imġiba futura probabbli tal-individwu kkonċernat.

21.

L-iStaatssecretaris tal-Pajjiżi l-Baxxi żied li d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja stabbilit fl-Artikolu 8 tal-KEDB ma kienx jipprekludi li K. jiġi ddikjarat mhux mixtieq.

22.

K. ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża C‑331/16 quddiem ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti ta’ Den Haag, sede ta’ Middelburg).

23.

F’dan il-kuntest, dik il-qorti tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-deċiżjoni mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38. Fid-dawl, b’mod partikolari, tat-tul ta’ żmien li għadda wara l-perijodu li matulu K. kien allegatament wettaq id-delitti li jaqgħu taħt il-kategoriji li jissemmew fl-Artikolu 1(F)(a) u (b) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, il-qorti msemmija tistaqsi, essenzjalment, jekk l-eżistenza ta’ raġunijiet serji biex jiġi ssuspettat li K. wettaq dawn id-delitti hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika li l-preżenza tiegħu fuq it-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi tikkostitwixxi “theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għall-interess fundamentali tas-soċjetà” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) ta’ din id-direttiva. Dik il-qorti tinnota wkoll li K. ma kien suġġett ta’ ebda kundanna kriminali.

24.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità ma’ din id-dispożizzjoni tal-ġurisprudenza tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iċċitata fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża C‑331/16. Dawn id-dubji huma bbażati kemm fuq il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari s-sentenzi tagħha Bouchereau ( 8 ), B u D ( 9 ), I ( 10 ), kif ukoll H. T. ( 11 ).

25.

Il-qorti tar-rinviju ssemmi, barra minn hekk, is-sentenza mogħtija fil-Belġju fis-27 ta’ Marzu 2013 mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill tal-kontenzjuż tal-barranin) ( 12 ), li fiha ġie miċħud kull awtomatiżmu bejn l-applikazzjoni mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève minħabba l-aġir passat ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, u l-eżistenza ta’ theddida li tiġġustifika r-rifjut li jingħatalu dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza.

26.

Barra minn hekk, fil-kuntest tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża C‑331/16, K. jargumenta, b’mod partikolari, li r-relazzjonijiet internazzjonali ma jaqgħux fil-kunċett ta’ “ordni pubbliku” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, l-approċċ li jgħid li kull kuntatt possibbli ta’ dan tal-aħħar ma’ wieħed mill-vittmi tiegħu fih innifsu joħloq theddida għall-ordni pubbliku jwessa’ dan il-kunċett b’mod eċċessiv. F’kull każ, l-iStaatssecretaris tal-Pajjiżi l-Baxxi ma esponiex suffiċjentement il-motivi għalfejn il-preżenza tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi tagħmel ħsara lir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ dan l-Istat Membru. Dik l-awtorità lanqas ma weriet b’mod konvinċenti li xi vittmi ta’ K. kienu jinsabu fuq it-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

27.

Fit-tieni lok, ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti ta’ Den Haag, sede ta’ Middelburg) tiddubita dwar il-konformità ta’ din id-deċiżjoni mar-rekwiżit, stabbilit bl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, li jgħid li kull restrizzjoni tad-drittijiet ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni għandu jirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dik il-qorti tistaqsi wkoll dwar il-kompatibbiltà tad-deċiżjoni msemmija mal-Artikolu 28(1) u 3(a) ta’ din id-direttiva. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-punt 3.3 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida intiżi sabiex itejbu t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-[Direttiva 2004/38] (iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-Kummissjoni”) ( 13 ).

28.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li K. u l-membri tal-familja tiegħu huma perfettament integrati fis-soċjetà tal-Pajjiżi l-Baxxi għaliex ilhom jgħixu fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-2001, fejn twieled it-tieni tifel ta’ K. u fejn iż-żewġt itfal tiegħu jattendu l-iskola. Barra minn hekk, K. iddikjara li l-familja tiegħu kisbet in-nazzjonalità Kroata għal raġunijiet purament tekniċi, billi dan il-pajjiż kien totalment estranju għalihom u huma qatt ma għexu hemmhekk u ma għandhom l-ebda familja hemmhekk. Barra minn hekk, dan tal-aħħar jallega li l-Kroati, li huma ta’ reliġjon Kattolika, ma jistgħux iktar jibnu ħajjithom fil-Bożnija-Ħerzegovina, pajjiż li barra minn hekk uliedu ma kellhom l-ebda rabta miegħu.

29.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti ta’ Den Haag, sede ta’ Middelburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38/KE jippermetti li ċittadin tal-Unjoni li fir-rigward tiegħu ġie stabbilit fid-dritt, bħal f’dan il-każ, li l-Artikolu 1(F) initio u l-Artikolu 1(F)(a) u (b) tal-Konvenzjoni dwar ir-refuġjati japplika għalih jiġi ddikjarat bħala persuna mhux mixtieqa minħabba li l-gravità tar-reati koperti minn din id-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni twassal għall-konklużjoni li għandu jiġi kkunsidrat li t-theddida li dan jirrappreżenta għall-interessi fundamentali tas-soċjetà hija, min-natura tagħha stess, preżenti b’mod permanenti?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, kif għandu jiġi ddeterminat, meta huwa ppjanat li tiġi adottata deċiżjoni li persuna ma hijiex mixtieqa, jekk l-aġir taċ-ċittadin tal-Unjoni, kif iddefinit iktar ’il fuq, li fil-konfront tiegħu ġie deċiż li japplika l-Artikolu 1(F) initio u l-Artikolu 1(F)(a) u (b) tal-Konvenzjoni dwar ir-refuġjati, għandux jiġi kkunsidrat bħala li jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għall-interessi fundamentali tas-soċjetà? F’dan il-każ, kif għandu wieħed jikkunsidra l-fatt li l-aġir issanzjonat minn dan l-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni, bħal f’dan il-każ, twettaq żmien twil ilu, jiġifieri, f’dan il-każ, bejn l-1992 u l-1994?

3)

Kif il-prinċipju ta’ proporzjonalità jinfluwenza l-evalwazzjoni ta’ jekk dikjarazzjoni li persuna ma hijiex mixtieqa tista’ tiġi adottata fil-konfront ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalih japplika l-Artikolu 1(F) initio u l-Artikolu 1(F)(a) u (b) tal-Konvenzjoni dwar ir-refuġjati, bħal f’dan il-każ, fejn ġie ddikjarat applikabbli? Il-fatturi stabbiliti fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva dwar ir-residenza għandhom ikunu kkunsidrati f’dan il-każ jew dawn għandhom jiġu kkunsidrati separatament? It-terminu ta’ għaxar snin residenza fil-pajjiż ospitanti, terminu previst fl-Artikolu 28(3) initio u fl-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-Direttiva, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ jew dan għandu jiġi kkunsidrat separatament? Il-fatturi stabbiliti fil-punt 3.3 tal-[linji gwida tal-Kummissjoni] għandhom jiġu kkunsidrati kollha kemm huma?”

B. Il-Kawża C‑366/16

30.

H. F. iddikjara li għandu n-nazzjonalità Afgana. Fl-2000, huwa daħal fuq it-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ressaq talba għall-ażil hemm.

31.

Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2003, l’Immigratie‑en Naturalisatiedienst (is-Servizz tal-immigrazzjoni u ta’ naturalizzazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem “l-awtorità tal-Pajjiżi l-Baxxi kompetenti fil-qasam tal-ażil”) eskludiet lil H. F. mill-istatus ta’ refuġjat abbażi tal-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Jannar 2006, dik l-awtorità rrifjutat li toħroġlu permess ta’ residenza temporanja abbażi tal-Artikolu 3 tal-KEDB. Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ġew ikkonfermati ġudizzjarjament u saru definittivi.

32.

Sussegwentement, l-iStaatssecretaris tal-Pajjiżi l-Baxxi adotta deċiżjoni ta’ projbizzjoni mit-territorju kontra H. F. Abbażi ta’ din id-deċiżjoni, matul l-2013 u l-2014 H. F. kien ġie indikat għall-għanijiet ta’ esklużjoni jew ta’ projbizzjoni ta’ residenza fuq it-territorju Schengen għal żmien indeterminat abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 ( 14 ).

33.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li H. F. ma kien suġġett ta’ ebda kundanna kriminali fil-Belġju jew fil-Pajjiżi l-Baxxi. Huwa kien ukoll ippreżenta ċertifikat ta’ kondotta nadifa tiegħu mill-Afganistan.

34.

It-tifla l-kbira ta’ H. F. għandha n-nazzjonalità tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fl-2011, H. F. u t-tifla tiegħu kienu stabbilixxew ruħhom fil-Belġju, fejn din tal-aħħar hija attiva ekonomikament.

35.

H. F. ippreżenta, quddiem id-delegat tal-iStaatssecretaris voor Asiel en Migratie, Maatschappelijke Integratie en Armoedebestrijding (Is-Segretarju tal-istat għall-ażil u l-migrazzjoni, għall-integrazzjoni soċjali u għall-ġlieda kontra l-faqar, il-Belġju, iktar ’il quddiem l-“iStaatssecretaris Belġjan”), erba’ talbiet konsekuttivi għal awtorizzazzjoni ta’ residenza. L-aħħar tlieta minn dawn it-talbiet kienu jirrigwardaw l-għoti ta’ titolu ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2004/38, speċifikament bħala axxendent tat-tifla l-kbira tiegħu, ta’ nazzjonalità tal-Pajjiżi l-Baxxi, stabbilita fil-Belġju. Dawn l-erba’ talbiet irriżultaw f’deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ residenza akkumpanjati b’ordni sabiex iħalli t-territorju Belġjan.

36.

Id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza akkumpanjata b’ordni sabiex iħalli t-territorju Belġjan adottata b’risposta għar-raba talba ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza mressqa minn H. F. kienet ġiet annullata b’sentenza tar-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill tal-kontenzjuż tal-barranin, il-Belġju), tas-17 ta’ Ġunju 2015. Wara din is-sentenza, fit-8 ta’ Ottubru 2015, id-delegat tal-iStaatssecretaris Belġjan adotta fir-rigward ta’ H. F., deċiżjoni ġdida ta’ rifjut ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur mingħajr ordni sabiex iħalli t-territorju (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata fil-Kawża C‑366/16”). Din id-deċiżjoni għandha bħala bażi legali l-Artikolu 43 tal-liġi Belġjana dwar il-barranin, li tittrasponi fid-dritt Belġjan l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38.

37.

Insostenn ta’ dik id-deċiżjoni, id-delegat tal-iStaatssecretaris Belġjan ibbaża ruħu fuq l-informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-proċedura ta’ ażil tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar H. F., miksuba b’kollaborazzjoni miegħu. Mill-fajl jirriżulta li, skont il-konklużjonijiet ta-awtorità tal-Pajjiżi l-Baxxi kompetenti fil-qasam tal-ażil, jeżistu raġunijiet serji biex jiġi ssuspettat li H. F. wettaq delitti li jaqgħu taħt il-kategoriji li jissemmew fl-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Huwa allegat li H. F. ipparteċipa f’delitti tal-gwerra jew f’delitti kontra l-umanità, jew ta l-ordnijiet sabiex jitwettqu dawn id-delitti, minħabba l-funzjonijiet li huwa kien jeżerċita fl-Afganistan. Bħala segretarju politiku, huwa kien f’kuntatt mal-KhAD, servizz tal-informazzjoni Afgan taħt l-eks reġim komunista, u f’dan il-kuntest, irrapporta fuq il-membri żleali. H. F. kien għalhekk espona lil dawn għal ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom mill-KhAD.

38.

Id-delegat tal-iStaatssecretaris Belġjan kkunsidra li t-theddida għal interess fundamentali tas-soċjetà li jirriżulta mill-preżenza fi ħdan is-soċjetà Belġjana ta’ persuna li fir-rigward tagħha jeżistu raġunijiet serji sabiex jiġi ssuspettat li hija wettqet dawn id-delitti jippreżenta, min-natura tiegħu, natura attwali u permanenti. L-evalwazzjoni tal-imġiba futura ta’ din id-persuna hija irrilevanti f’din l-ipoteżi, fid-dawl tan-natura u tal-gravità tad-delitti kkonċernati kif ukoll taż-żmien, tal-post u taċ-ċirkustanzi li dawn kienu twettqu fihom. Għalhekk, l-attwalità tat-theddida riżultanti mill-imġiba tal-persuna msemmija, l-istess bħar-riskju ta’ reċidiva, ma għandhomx isiru plawżibbli.

39.

Dik l-awtorità speċifikat li r-rifjut ta’ residenza f’dan il-każ iservi sabiex jipproteġi lill-vittmi ta’ dawn id-delitti u, b’dan il-mod, is-soċjetà Belġjana u l-ordni legali internazzjonali. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza lil H. F. huwa konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

40.

H. F. ippreżenta rikors ta’ sospensjoni u annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill tal-kontenzjuż tal-barranin).

41.

Din il-qorti għandha dubji dwar il-konformità mal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 tat-teżi adottata fid-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża C‑366/16, esposta fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Hija ssostni li din it-teżi tikkorrispondi għall-approċċ segwit fil-Pajjiżi l-Baxxi mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) fis-sentenza tiegħu tas-16 ta’ Ġunju 2015 ( 15 ).

42.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat adottata madwar għaxar snin qabel minn Stat Membru ieħor teħlisx lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti milli jeżamina l-attwalità u r-realtà tat-theddida riżultanti mill-imġiba tal-persuna kkonċernata. Hija tinnota, f’dan ir-rigward, li din id-deċiżjoni tikkonċerna, min-natura tagħha, fatti li seħħew fil-passat fil-pajjiż tal-oriġini ta’ din tal-aħħar.

43.

Dik il-qorti tispeċifika li H. F. argumenta, b’mod partikolari, fil-kuntest tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża C‑366/16, li d-deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat adottata mill-awtorità tal-Pajjiżi l-Baxxi kompetenti fil-qasam tal-ażil kienet ibbażata fuq informazzjoni skorretta mill-Afganistan.

44.

Dik il-qorti tqajjem ukoll il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża C‑366/16 mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja stabbilit bl-Artikolu 7 tal-Karta u bl-Artikolu 8 tal-KEDB.

45.

F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill tal-kontenzjuż tal-barranin) ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jressaq id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, moqri flimkien jew mingħajr l-Artikolu 7 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li talba għal residenza, li ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ikun ressaq fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ dan iċ-ċittadin, li fir-rigward tiegħu jkun għamel użu mil-libertà ta’ moviment u ta’ stabbiliment tiegħu, jista’ jiġi rrifjutat fi Stat Membru minħabba theddida li tirriżulta mis-sempliċi preżenza, fis-soċjetà, ta’ dan il-membru tal-familja li, skont l-Artikolu 1F tal-Konvenzjoni [ta’ Genève] dwar l-istatus tar-refuġjati u tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95, ġie eskluż mill-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor minħabba l-implikazzjoni tiegħu f’fatti li seħħew f’kuntest storiku u soċjali speċifiku fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fejn l-attwalità u r-realtà tat-theddeda li l-aġir ta’ dan il-membru tal-familja jirrappreżenta fl-Istat Membru ta’ residenza jkunu bbażati esklużivament fuq riferiment magħmul għad-deċiżjoni ta’ esklużjoni mingħajr ma f’din l-okkażjoni tkun saret evalwazzjoni tar-riskju ta’ reċidiva fl-Istat Membru ta’ residenza?”

C. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

46.

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-kawżi C‑331/16 u C‑366/16 ġew irreġistrati fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fit-13 ta’ Ġunju 2016 u fil-5 ta’ Lulju 2016. B’deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2016, dawn iż-żewġ kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

47.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn K., mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Elleniku, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

48.

Fis-seduta tal-10 ta’ Lulju 2017 dehru K. u H. F., il-Gvern Belġjan, il-Gvern Franċiż, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni.

IV. Analiżi

A. Kunsiderazzjonijiet preliminari

49.

Fid-data tad-dħul tagħhom fuq it-territorju tal-Unjoni, K. u H. F., li dakinhar ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2004/38, kienu talbu li jiġi rikonoxxut lilhom l-istatus ta’ refuġjat. Dan l-istatus kien ġie miċħud lilhom abbażi tal-Artikolu 1(F)(a) – waħdu, fir-rigward ta’ H. F., jew moqri flimkien mal-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni, f’dak li jikkonċerna lil K. – tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

50.

K. kien sussegwentement kiseb l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni. Skont l-indikazzjonijiet tar-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill tal-kontenzjuż tal-barranin), min-naħa tiegħu, H. F. akkwista l-kwalità ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni wara li ngħaqad, fuq it-territorju Belġjan, mat-tifla tiegħu ta’ nazzjonalità tal-Pajjiżi l-Baxxi ( 16 ). Dan it-tibdil tas-sitwazzjoni nissel l-applikabbiltà għal K. u H. F. tad-Direttiva 2004/38.

51.

Għalkemm l-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jirrikjedi li l-individwi li huma koperti minn din id-dispożizzjoni għandhom ikunu esklużi mill-istatus ta’ refuġjat fis-sens ta’ din il-konvenzjoni, dan ma jopponix l-għoti lilhom ta’ dritt ta’ residenza distint minn dak li jirriżulta minn dan l-istatus, sakemm dan id-dritt ta’ residenza ma jirriskjax li jkun jista’ jiġi konfuż ma’ dan l-istatus ( 17 ). Ma huwiex ikkontestat li l-għoti, lil persuna eskluża mill-istatus ta’ refuġjat, ta’ dritt ta’ residenza bħala ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jissodisfa din il-kundizzjoni.

52.

F’dan il-każ, id-drittijiet ta’ residenza li K. u H. F. jieħdu mid-Direttiva 2004/38 kienu ġew ristretti minn miżuri ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika fis-sens tal-Artikolu 27(2) ta’ din id-Direttiva (iktar ’il quddiem il-“miżuri restrittivi”) ( 18 ). Dawn il-miżuri kienu bbażati fuq il-fatt li dawn tal-aħħar kienu s-suġġett, fil-passat, ta’ deċiżjonijiet ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève adottati mill-awtoritajiet ta’ ażil tal-Istat Membru ospitanti (fil-każ ta’ K.) jew ta’ Stat Membru ieħor (fil-każ ta’ H. F.).

53.

Il-qrati tar-rinviju jistaqsu essenzjalment jekk dawn il-miżuri kinux ittieħdu f’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 – li, sa fejn jippermetti derogi għal-libertajiet fundamentali mogħtija bit-Trattat FUE, għandu jiġi interpretat ristrettivament ( 19 ).

54.

Huma jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja wkoll dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt għall-ħajja privata u tal-familja taħt l-Artikolu 7 tal-Karta u l-Artikolu 8 tal-KEDB. Barra minn hekk, ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti ta’ Den Haag, sede ta’ Middelburg) tistaqsi jekk il-protezzjonijiet kontra t-tkeċċija previsti fl-Artikolu 28(1) u 3(a) tad-direttiva msemmija japplikawx f’sitwazzjoni bħal dik ta’ K.

B. Fuq il-konstatazzjoni ta’ theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà

55.

Permezz tal-ewwel u tieni domandi magħmula fil-Kawża C‑331/16 u permezz tad-domanda li saret fil-Kawża C‑366/16, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk, u, fejn applikabbli, taħt liema kundizzjonijiet, Stat Membru jista’ jikkunsidra li l-preżenza fuq it-territorju tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu tikkostitwixxi “theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà”, fis-sens tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, għall-motiv li, fil-passat, dan l-individwu kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

56.

B’mod partikolari, ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti ta’ Den Haag, sede ta’ Middelburg) tistaqsi lil-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rilevanza, f’dan il-kuntest, tal-fatt li żmien twil (f’dan il-każ, iktar minn għoxrin sena) jifred l-allegat twettiq tad-delitti li kienu ġġustifikaw l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat u l-adozzjoni tal-miżura restrittiva inkwistjoni. Ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill tal-kontenzjuż tal-barranin) jistaqsi jekk huwiex neċessarju li tiġi evalwata t-theddida ta’ reċidiva tal-aġir imsemmi fl-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève fl-Istat Membru ospitanti, billi dan l-aġir kien twettaq fil-pajjiż ta’ oriġini tal-persuna kkonċernata f’kuntest storiku u soċjali partikolari.

57.

Dawn id-domandi jirriflettu d-dubji li għandhom il-qrati tar-rinviju dwar il-konformità mal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, li tgħid li l-applikazzjoni fil-passat tal-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève timplika, fid-dawl tal-gravità partikolari tad-delitti msemmija f’din id-dispożizzjoni, li l-preżenza tal-persuna kkonċernata fuq it-territorju tal-Istat Membru ospitanti tippreżenta theddida li hija “min-natura tagħha, attwali b’mod permanenti” ( 20 ).

58.

L-evalwazzjoni ta’ theddida fis-sens tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 tippresupponi, fl-ewwel lok, li jkun identifikat “interess fundamentali tas-soċjetà” li l-protezzjoni tiegħu tista’ tifforma parti mill-ordni pubbliku jew mis-sigurtà pubblika. F’dan il-każ, K. jargumenta li l-ħarsien tal-interessi invokati insostenn tad-deċiżjonijiet kontenzjużi ma jaqax fil-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” jew ta’ “sigurtà pubblika” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Ser nibda l-espożizzjoni tiegħi billi niċħad dan l-argument (Taqsima 1).

59.

Fit-tieni lok, il-konstatazzjoni ta’ din it-theddida timplika li l-Istat Membru kkonċernat għandu jiġġustifika kif dawn l-interessi jkunu, f’każ partikolari, mhedda b’mod reali, attwali u suffiċjentement gravi mill-imġiba personali tal-individwu kkonċernat. Ser niżviluppa iktar ’il quddiem l-implikazzjonijiet ta’ dan ir-rekwiżit f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (Taqsima 2).

1.   Fuq l-identifikazzjoni ta’ “interess fundamentali tas-soċjetà” li l-protezzjoni tiegħu tifforma parti mill-ordni pubbliku jew mis-sigurtà pubblika

60.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” u ta’ “sigurtà pubblika”, bħala ġustifikazzjonijiet għal deroga għal-libertajiet ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-membri tal-familja tagħhom, għandhom jiġu interpretati ristrettivament, b’mod li l-portata tagħhom ma tistax tiġi determinata unilateralment minn kull Stat Membru mingħajr kontroll mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix livell uniformi ta’ valuri u jirrikonoxxi li r-rekwiżiti tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor. L-Istati Membri jibqgħu, essenzjalment, liberi li jiddeterminaw il-kontenut ta’ dawn ir-rekwiżiti skont il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom ( 21 ).

61.

Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li r-rekwiżiti tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika fis-sens tad-dispożizzjonijiet li jippermettu restrizzjonijiet fuq dawn il-libertajiet ma humiex limitati għall-protezzjoni tat-trankwillità u s-sigurtà fiżika diretta tal-popolazzjoni kontra t-theddida ta’ twettiq ta’ atti kriminali.

62.

Hekk, hija ddeċidiet li l-kunċett ta’ “sigurtà pubblika”, li jkopri kemm is-sigurtà interna kif ukoll is-sigurtà esterna tal-Istat Membru inkwistjoni, li tinkludi b’mod partikolari “preġudizzju [theddida] għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi essenzjali kif ukoll is-sopravivenza tal-popolazzjoni, bl-istess mod bħar-riskju ta’ disturb serju tar-relazzjonijiet esterni jew tal-koeżistenza paċifika tal-popli, jew inkella l-preġudizzju għall-interessi militari” ( 22 ).

63.

Għalkemm ma jkopru la interessi ekonomiċi ( 23 ) u lanqas is-sempliċi prevenzjoni tat-tfixkil għall-ordni soċjali li jinvolvi kull ksur tal-liġi ( 24 ), ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku jistgħu jinkludu l-protezzjoni ta’ diversi interessi li l-Istat Membru kkonċernat jikkunsidra fundamentali skont is-sistema ta’ valuri tiegħu. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-possibbiltà għal Stat Membru li jinvoka, f’ċerti ċirkustanzi, taħt l-ordni pubbliku, il-protezzjoni ta’ interessi fundamentali daqstant bogħod minn xulxin bħat-trankwillità u s-sigurtà fiżika diretta tal-popolazzjoni tiegħu u l-ħtieġa li jiġi żgurat l-irkupru ta’ krediti fiskali ( 25 ).

64.

F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-kawża C‑331/16, il-miżura restrittiva adottata kontra K. kienet, l-ewwel nett, ibbażata fuq dispożizzjoni leġiżlattiva tal-Pajjiżi l-Baxxi li tippermetti li barrani jiġi ddikjarat mhux mixtieq “fl-interess tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi”. L-iStaatssecretaris tal-Pajjiżi l-Baxxi invoka, f’dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġi evitat li dan l-Istat Membru jsir art ospitanti għall-individwi li huma ssuspettati li wettqu delitti kontra l-paċi, delitti tal-gwerra jew delitti kontra l-umanità. Fuq din l-istess linja, id-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑366/16 tindika li l-miżura restrittiva meħuda kontra H. F. kienet intiża, b’mod partikolari, sabiex tipproteġi l-ordni legali internazzjonali.

65.

F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż argumenta li dawn il-miżuri jistgħu jirrispondu wkoll għall-interess li jiġu stabbiliti modalitajiet rigorużi ta’ protezzjoni tal-valuri fundamentali tas-soċjetà Franċiża u tal-ordni legali internazzjonali, iddikjarati b’mod partikolari fl-Artikolu 21(1) TUE. Dawn huma meħtieġa sabiex jikkontribwixxu għaż-żamma tal-għaqda soċjali u, kif anki sostna l-Gvern tar-Renju Unit, tal-fiduċja pubblika fis-sistemi tal-ġustizzja u tal-immigrazzjoni. Dan l-aħħar gvern jeċċepixxi, barra minn hekk, l-interess li tinżamm il-kredibbiltà tal-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni tal-valuri fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 TUE ( 26 ).

66.

It-tieni nett, l-iStaatssecretaris tal-Pajjiżi l-Baxxi ġġustifika l-miżura restrittiva inkwistjoni f’din il-kawża bil-ħtieġa li jiġi evitat li l-popolazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi tidħol f’kuntatt ma’ dawn il-persuni u, b’mod partikolari, li l-vittmi potenzjali tagħhom jew il-membri tal-familja tagħhom isibu ruħhom wiċċ imb’wiċċ magħhom. Bl-istess mod, id-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑366/16 tindika li d-deċiżjoni kontenzjuża f’dik il-kawża kellha l-għan li tipproteġi l-vittmi tal-persuni esklużi mill-istatus ta’ refuġjat kif ukoll lis-soċjetà Belġjana.

67.

Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Gvern tar-Renju Unit iżidu, f’dan ir-rigward, li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra ċittadini tal-Unjoni jew ta’ membri tal-familja tagħhom li ġew esklużi mill-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève tirrispondi għall-ħtieġa li jiġi evitat li jseħħ id-dannu soċjali marbut mal-iskandlu li tista’ tqajjem il-preżenza, b’impunità sħiħa, ta’ allegat kriminal tal-gwerra fuq it-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

68.

Fil-fehma tiegħi, l-Istati Membri jistgħu, mingħajr ma jeċċedu l-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu sabiex jiddefinixxu l-kontenut tar-rekwiżiti tal-ordni pubbliku, jikkunsidraw li l-protezzjoni tal-interessi deskritti iktar ’il fuq tissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Fid-dawl tal-prinċipji elenkati fil-punti 60 u 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma nara l-ebda raġuni sabiex neskludi li l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li, skont il-livelli tal-valuri tagħhom stess, l-interessi msemmija jikkostitwixxu interessi fundamentali tas-soċjetà fis-sens tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, li l-protezzjoni tagħhom taqa’ taħt l-ordni pubbliku.

69.

B’hekk, il-possibbiltà ta’ restrizzjoni tad-drittijiet ta’ moviment u ta’ residenza taħt id-Direttiva 2004/38 f’isem l-interessi fundamentali invokati għal dan l-għan hija rregolata bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(2) ta’ din id-direttiva.

2.   Fuq il-konstatazzjoni ta’ theddida għall-interessi fundamentali invokati minħabba l-imġiba personali tal-persuna kkonċernata

70.

Skont l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, “theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tirriżulta esklużivament mill-imġiba personali tal-individwu kkonċernat. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq kunsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali ma jistgħux jiġu aċċettati. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ kundanni kriminali preċedenti ma tistax waħedha timmotiva l-adozzjoni ta’ miżura restrittiva.

71.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ripetutament li theddida għal interess fundamentali tas-soċjetà ma tistax tiġi aċċettata, b’mod awtomatiku, fuq il-bażi biss ta’ kundanna kriminali preċedenti għal infrazzjonijiet partikolari ( 27 ). Madankollu, iċ-ċirkustanzi li wasslu għal dik il-kundanna jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex jibbażaw din il-konstatazzjoni, sakemm huma jixhdu, fi tmiem l-eżami ta’ kull każ, imġiba personali li tikkostitwixxi theddida reali, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà ospitanti ( 28 ).

72.

F’dan il-kuntest, għalkemm il-konstatazzjoni ta’ tali perikolu “timplika, bħala regola, l-eżistenza, fl-individwu kkonċernat, ta’ tendenza sabiex iżomm [l-imġiba li kienet ġiet ikkundannata kriminalment] fil-futur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 29 ), il-fatt biss tal-imġiba passata jista’, f’ċertu ċirkustanzi, jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ din it-theddida ( 30 ).

73.

Iktar ’il quddiem ser nesponi r-raġunijiet għalfejn inqis li l-prinċipji ddikjarati fil-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet japplikaw b’analoġija meta l-individwu kkonċernat kien preċedentement is-suġġett mhux ta’ kundanna kriminali, iżda ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève [parti (a)].

74.

Għalhekk ser jiġu żviluppati, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-motivi li jwassluni sabiex nikkonkludi li l-imġiba passata ta’ dan l-individwu, kif tirriżulta mill-konstatazzjonijiet li fuqhom kienet ibbażata dik id-deċiżjoni, tista’ tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-konstatazzjoni ta’ theddida “attwali”, minkejja li jkun għadda żmien twil mindu twettqu l-allegati delitti li dwarhom huwa ssuspettat u l-assenza ta’ tendenza sabiex jerġa’ jwettaq dawn id-delitti fl-Istat Membru ospitanti [parti (b)] ( 31 ).

a)   Fuq ir-rilevanza tal-applikazzjoni preċedenti tal-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève

1) Fuq il-prinċipji applikabbli

75.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prinċipji msemmija fil-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet jistgħux jirregolaw b’mod xieraq is-sitwazzjoni ta’ persuna li, fil-passat, kienet ġiet eskluża mill-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, għandu jittieħed kont ta’ żewġ kunsiderazzjonijiet partikolari.

76.

Minn naħa, in-natura eċċezzjonalment gravi tad-delitti msemmija minn din id-dispożizzjoni tista’ timmilita favur approċċ iktar flessibbli mill-perspettiva tal-Istati Membri, li jippermettilhom jikkonstataw theddida fis-sens tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 għall-motiv biss li tista’ tiġi applikata fil-konfront tal-persuna kkonċernata l-klawżola ta’ esklużjoni stabbilita bl-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Id-delitti hemm iddikjarati jiksru, fil-fatt, l-iktar valuri fundamentali li huma l-bażi kemm tal-ordni legali internazzjonali kif ukoll tad-drittijiet tal-bniedem ( 32 ) u jikkonċernaw il-komunità internazzjonali kollha ( 33 ).

77.

Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tissupponix la kundanna ( 34 ), u lanqas prova fis-sens kriminali, tad-delitti inkwistjoni, jimmilita pjuttost favur prudenza ikbar dwar it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi li jkunu wasslu għad-deċiżjoni ta’ esklużjoni, kif jirriżultaw mill-evalwazzjonijiet tal-awtoritajiet ta’ ażil, sabiex tibbaża l-konstatazzjoni ta’ tali theddida.

78.

Fil-fehma tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jostakolawx l-applikazzjoni tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq.

79.

Fl-ewwel lok, inqis li theddida fis-sens tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 ma tistax tkun ikkonstatata awtomatikament, mingħajr eżami iktar profond, mill-fatt biss li l-awtoritajiet ta’ ażil kienu preċedentement eskludew lill-persuna kkonċernata mill-istatus ta’ refuġjat abbażi tal-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Jidhirli li l-ħtieġa ta’ eżami tal-imġiba individwali, li tirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, ma tammettix deroga, anki meta l-imġiba li biha hija ssuspettata l-persuna kkonċernata tkun ta’ gravità estrema.

80.

Dan l-approċċ huwa ġġustifikat ukoll mill-fatt li l-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 ifittxu għanijiet differenti ( 35 ).

81.

Hekk kif kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza B u D ( 36 ), il-klawżoli ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95, li jikkorrispondi għall-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, għandhom l-għan “sabiex jiġu esklużi mill-istatus ta’ refuġjat il-persuni meqjusa li ma tixirqilhomx il-protezzjoni marbuta ma’ dan l-istatus u sabiex jiġi evitat li l-għoti ta’ dan l-istatus jippermetti lill-awturi ta’ ċerti delitti gravi jaħarbu mir-responsabbiltà kriminali”.

82.

Min-naħa l-oħra, dawn il-klawżoli ta’ esklużjoni ma humiex intiżi sabiex jipproteġu lis-soċjetà ospitanti kontra l-possibbli theddida li tista’ tirrappreżenta l-preżenza fi ħdan din is-soċjetà tal-applikant għall-ażil ikkonċernat – billi dan l-għan huwa mfittex minn dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2011/95 ( 37 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-Direttiva ma tissupponix li din il-persuna tikkostitwixxi theddida attwali għas-soċjetà ospitanti ( 38 ).

83.

Kont meħud tal-għanijiet distinti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-evalwazzjonijiet li jippreċedu l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, l-istess bħal dawk li jiffurmaw il-bażi ta’ kundanna kriminali ( 39 ), mhux neċessarjament jikkoinċidu ma’ dawk li għandhom jsiru mill-perspettiva tal-interessi inerenti għall-ħarsien tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika taħt l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 ( 40 ).

84.

Fit-tieni lok, madankollu, il-motivi li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni meta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, dawn juru imġiba personali li tikkostitwixxi theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà ( 41 ). F’dan il-każ, il-kunsiderazzjonijiet li jkunu ġġustifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jistgħu wkoll ikunu l-bażi tal-konstatazzjoni ta’ theddida fis-sens tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 ( 42 ).

85.

Dan il-prinċipju ma jitqiegħedx inkwistjoni bil-fatt li l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat ma tippreżupponix kundanna kriminali u lanqas ma teħtieġ li d-delitti li bihom hija akkużata l-persuna kkonċernata ikunu stabbiliti skont l-istandards tal-prova li japplikaw ġeneralment fid-dritt kriminali fl-ordni legali tal-Istati Membri u tad-dritt kriminali internazzjonali (“lil hinn minn kull dubju raġonevoli”) ( 43 ).

86.

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm ma hijiex suffiċjenti, l-eżistenza ta’ kundanna kriminali lanqas ma hija meħtieġa sabiex issostni l-konstatazzjoni ta’ theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà. Jekk ikun il-każ, saħansitra sempliċi suspett ta’ delitt, flimkien ma’ elementi oħra dwar il-każ partikolari, jista’ jiġġustifika l-konstatazzjoni ta’ theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika ( 44 ).

87.

Iktar u iktar, “raġunijiet serji biex jiġi ssuspettat” li l-persuna kkonċernata wettqet delitt tat-tip imsemmi fl-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève – li jimplikaw, iktar minn sempliċi suspett, provi ċari, affidabbli, kredibbli u konvinċenti ( 45 ) – jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, flimkien ma’ elementi oħra ( 46 ), sabiex jiġġustifikaw din il-konstatazzjoni.

88.

Barra minn hekk, l-introduzzjoni fl-Artikolu 1(F) ta’ din il-konvenzjoni ta’ dan l-istandard ta’ prova inqas elevat minn dak li jipprevedi d-dritt kriminali hija spjegata bil-fatt li din id-dispożizzjoni sikwit tolqot lil persuni li ma jkunux ġew iġġudikati, u lanqas a fortiori kkundannati, għad-delitti li dwarhom huma ssuspettati ( 47 ). Wieħed mill-għanijiet tal-klawżoli ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat jikkonsisti, preċiżament, fil-ġlieda kontra l-impunità billi jiġi evitat li l-istituzzjoni tal-ażil tintuża sabiex jiġu evitati proċeduri kriminali ( 48 ). Barra minn hekk, l-awtoritajiet ta’ ażil ma għandhom la l-ġurisdizzjoni u lanqas ir-riżorsi sabiex jistabbilixxu l-prova ta’ atti kriminali li, barra minn hekk, allegatament ikunu twettqu f’ċirkustanzi fattwali partikolarment diffiċli sabiex jiġu ċċarati ( 49 ).

89.

F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-miżuri restrittivi adottati kontra K. u H. F. kienu intiżi, b’mod partikolari, sabiex jevitaw l-inkwiet li setgħet tiġġenera l-preżenza tagħhom fuq it-territorju tal-Istat Membru ospitanti fis-soċjetà, b’mod partikolari għall-vittmi potenzjali tagħhom. Skont il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-inkwiet invokat jikkonsisti fix-xokk li setgħet tikkawża l-preżenza fuq it-territorju, bl-impunità kollha, ta’ persuni ssuspettati li wettqu l-iktar delitti serji tad-dritt internazzjonali.

90.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, inqis li l-fatt li individwu jkun ġie eskluż mill-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, għalkemm ma jistax awtomatikament jiġġustifika l-konstatazzjoni ta’ theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għal dan l-għan sakemm iċ-ċirkustanzi li jkunu wasslu għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, kif jirriżultaw mill-evalwazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet ta’ ażil, juru mġiba li tikkostitwixxi din it-theddida.

2) Fuq l-elementi li jippermettu li jiġi evalwat jekk iċ-ċirkustanzi li fuqhom kienet ibbażata l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat jurux imġiba personali li tikkostitwixxi theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà

91.

Kif anki enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi B u D ( 50 ) u Lounani ( 51 ), l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat tippresupponi eżami sħiħ taċ-ċirkustanzi preċiżi ta’ kull każ individwali. Skont diversi teħid ta’ pożizzjoni tal-HCR, dawn jinkludu, b’żieda mat-tip tad-delitti li bihom l-persuna kkonċernata hija ssuspettata, il-livell ta’ implikazzjoni individwali tiegħu f’dawn id-delitti kif ukoll il-possibbli eżistenza ta’ motivi ta’ eżenoru tar-responsabbiltà kriminali bħal ma huma l-pressjoni li kienet suġġetta għaliha jew id-difiża leġittima ( 52 ).

92.

Dawn iċ-ċirkustanzi kollha, kif ikkonstatati mill-awtoritajiet ta’ ażil, għandhom, fil-fehma tiegħi, jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll sabiex jiġi evalwat jekk l-imġiba personali tal-persuna kkonċernata tikkostitwixxix theddida fis-sens tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38. F’dan il-kuntest, jista’ jingħata piż kunsiderevoli lill-gravità partikolari tad-delitti, msemmija fl-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li dwarhom huwa ssuspettat. Madankollu, għandhom jiġu eżaminati wkoll il-fatturi l-oħra kollha rilevanti.

93.

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-livell ta’ implikazzjoni personali, ninnota li, skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2011/95, applikant għall-ażil għandu jitqies li “kkommetta” delitt fis-sens tas-subparagrafu 2 ta’ dan l-artikolu jekk huwa jkun instiga jew ipparteċipa fih b’xi mod ieħor ( 53 ).

94.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza B u D ( 54 ) li l-awtoritajiet ta’ ażil ma jistgħux jeskludu persuna mill-istatus ta’ refuġjat fuq il-bażi biss tal-appartenenza passata tiegħu għal organizzazzjoni implikata fid-delitti tat-tip imsemmi fl-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève mingħajr ma jivverifikaw jekk parti mir-responsabbiltà tistax tiġi imputata lilu għad-delitti li bihom hija akkużata dik l-organizzazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha. Dawn iċ-ċirkustanzi għandhom jinkludu “r-rwol li effettivament kellha l-persuna kkonċernata fit-twettiq tal-atti inkwistjoni, il-pożizzjoni tagħha fi ħdan l-organizzazzjoni, il-grad ta’ għarfien li hija kellha jew li suppost kellha tal-attivitajiet tagħha, kwalunkwe pressjoni li tkun ġiet suġġetta għaliha jew fatturi oħrajn li jistgħu jinfluwenzaw l-aġir tagħha” ( 55 ).

95.

F’dan il-każ, K. allega li huwa kien ġie eskluż mill-istatus ta’ refuġjat abbażi tal-funzjoni obbligatorja li huwa kien jeżerċita fl-armata Bożnijaka. Skont dan tal-aħħar, il-prattika tal-awtoritajiet ta’ ażil tal-Pajjiżi l-Baxxi ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ eżami individwali tal-livell ta’ implikazzjoni personali tal-applikant għall-ażil kkonċernat.

96.

H. F. isostni, min-naħa tiegħu, li l-awtoritajiet ta’ ażil tal-Pajjiżi l-Baxxi kienu opponewlu klawżola ta’ esklużjoni għar-raġuni biss li huwa kien jokkupa sempliċi funzjoni loġistika mal-KhAD ( 56 ).

97.

F’dan ir-rigward, infakkar li, għalkemm l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżura restrittiva, ma jistgħux iqegħdu fid-dubju l-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat ( 57 ), huma obbligati madankollu li jivverifikaw jekk l-elementi li fuqhom l-awtoritajiet ta’ ażil kienu bbażaw dik id-deċiżjoni humiex ukoll ta’ natura li jiġġustifikaw il-konstatazzjoni ta’ theddida fis-sens tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38.

98.

Issa, mill-perspettiva ta’ din id-dispożizzjoni, iċ-ċirkustanza li tgħid li l-persuna kkonċernata tifforma parti jew kienet tifforma parti fil-passat minn organizzazzjoni implikata f’atti kriminali tista’ tiġġustifika l-konstatazzjoni ta’ din it-theddida biss sa fejn dik iċ-ċirkustanza tixhed imġiba personali li tagħmel ħsara lill-ordni pubbliku jew lis-sigurtà pubblika ( 58 ).

99.

Fis-sentenza H. T. ( 59 ), il-Qorti tal-Ġustizzja applikat ir-raġunament żviluppat fis-sentenza B u D ( 60 ) (espost fil-punt 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet), b’analoġija, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2011/95. Din id-dispożizzjoni tawtorizza r-rifjut ta’ ħruġ ta’ titolu ta’ residenza lil refuġjat għal “raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “ordni pubbliku” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni jissupponi, similment għal dak li jipprevedi l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, “theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi, li tolqot interess fundamentali tas-soċjetà” ( 61 ). Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali theddida ma tistax tkun ibbażata biss fuq atti passati ta’ sostenn għal organizzazzjoni implikata f’azzjonijiet kriminali, mingħajr eżami tar-responsabbiltà individwali tar-refuġjat inkwistjoni fl-implementazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet fid-dawl tal-fatti preċiżi ( 62 ). Jidhirli li din il-konklużjoni hija valida f’dak li jikkonċerna kemm l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2011/95 kif ukoll dik tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza H. T. ( 63 ), li l-kunċett ta’ “ordni pubbliku” fis-sens ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandu jingħata interpretazzjoni simili.

100.

Għandhom ikunu l-qrati tar-rinviju li jevalwaw jekk il-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinux jew le ġew adottati wara eżami individwali – u dan kienx ibbażat fuq konstatazzjonijiet li kienu ġġustifikaw l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat ta’ K. u H. F. – taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

b)   Fuq ir-rilevanza taż-żmien li għadda wara l-allegat twettiq tad-delitti u tal-assenza ta’ propensità ta’ ripetizzjoni tagħhom

101.

Id-delitti kontra l-paċi, id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, imsemmija fl-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, ġeneralment jirreferu għal fatti mwettqa f’pajjiż terz qabel il-wasla tal-applikant għall-ażil kkonċernat fuq it-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Kif innotaw K. kif ukoll il-Gvern Franċiż, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Gvern tar-Renju Unit, huwa ferm improbabbli li tali delitti jerġgħu jitwettqu f’dan l-Istat Membru wara l-wasla tiegħu ( 64 ). Dan japplika wkoll peress li, ipotetikament, kif anki nnota r-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill tal-kontenzjuż tal-barranin), dawn il-fatti huma marbuta mal-kuntest ġeografiku, storiku u soċjali partikolari ta’ dan il-pajjiż terz, u b’mod partikolari għal sitwazzjoni ta’ kunflitt f’dan il-pajjiż.

102.

Fil-fehma tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex neċessarjament determinanti f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

103.

Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-attwalità tat-theddida ma tippreżupponix neċessarjament l-eżistenza ta’ riskju ta’ ripetizzjoni ta’ mġiba li tipperikola l-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika. F’ċerti ċirkustanzi, il-fatt waħdu tal-imġiba passata jista’ jkun biżżejjed sabiex jiġġustifika l-konstatazzjoni li l-imġiba personali tal-individwu kkonċernat tippreżenta theddida li tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38.

104.

Fil-fehma tiegħi, dawn iċ-ċirkustanzi jinkludu sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jinvoka, insostenn ta’ miżura restrittiva, theddida għal interess fundamentali tas-soċjetà li ma tiddependix fuq ir-riskju ta’ ripetizzjoni ta’ mġiba kriminali ( 65 ).

105.

F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet kontenzjużi ma kinux ġew adottati sabiex jevitaw ir-riskju li fil-futur K. u H. F. iwettqu fuq it-territorju tal-Istat Membru ospitanti delitti kontra l-paċi, delitti tal-gwerra jew delitti kontra l-umanità. Bil-kontra, dawn id-deċiżjonijiet kienu intiżi sabiex jevitaw l-inkwiet għall-ordni soċjali jew għar-relazzjonijiet internazzjonali li tista’ toħloq il-preżenza tagħhom fuq dan it-territorju, minħabba l-gravità eċċezzjonali tal-aġir passat li bih huma ssuspettati, u dan irrispettivament mill-imġiba attwali u futura tagħhom. Fid-dawl tal-interessi fundamentali invokati, hija għalhekk il-preżenza nnifisha tal-persuni ssuspettati li fil-passat wettqu dawn id-delitti, u mhux l-imġiba preżenti jew futura tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, li tikkostitwixxi t-theddida inkwistjoni. Tali theddida tista’ tissodisfa l-kundizzjoni ta’ attwalità prevista fl-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 peress li, kif enfasizzaw il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Gvern tar-Renju Unit, hija t-theddida, u mhux l-imġiba tal-persuna kkonċernata, li għandha tkun attwali.

106.

Fit-tieni lok, għalkemm għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk it-theddida allegata għandhiex natura attwali ( 66 ), il-mogħdija ta’ żmien wara l-allegat twettiq tad-delitti inkwistjoni mhux neċessarjament jelimina din in-natura. Fil-fatt, ir-riskju ta’ inkwiet fl-ordni soċjali u fir-relazzjonijiet internazzjonali li tista’ tqajjem il-preżenza fuq it-territorju ta’ Stat Membru ta’ persuna ssuspettata b’delitti kontra l-paċi, delitti tal-gwerra jew delitti kontra l-umanità jista’ jeżisti xorta waħda – u xi kultant saħansitra iktar – meta dik il-persuna tkun gawdiet minn perijodu twil ta’ impunità. Id-delitti koperti bl-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève għandhom, barra minn hekk, natura impreskrittibbli skont diversi strumenti tad-dritt kriminali internazzjonali ( 67 ).

107.

Fl-ipoteżi fejn l-eżami tal-imġiba individwali tal-persuna kkonċernata, imwettaq fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, iwassal għall-konstatazzjoni ta’ theddida fis-sens tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, ikun fadal li jiġi vverifikat jekk l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali josservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll id-drittijiet fundamentali ta’ dawn tal-aħħar.

C. Fuq l-eżami tal-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi u l-konformità tagħhom mid-dritt għall-ħajja privata u tal-familja

108.

Bit-tielet domanda tagħha, ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti ta’ Den Haag, sede ta’ Middelburg) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-modalitajiet tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità rikjesta fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżura restrittiva kontra individwu li preċedentement kien ġie eskluż mill-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

109.

Din il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, jekk il-fatturi ddikjarati fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38 – u riprodotti fil-punt 3.3 tal-linji gwida tal-Kummissjoni –, għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest. Barra minn hekk hija tistaqsi, essenzjalment, jekk il-protezzjoni msaħħa li jibbenefikaw minnha, skont l-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva, iċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu għexu għal matul l-għaxar snin preċedenti fl-Istat Membru ospitanti, hijiex applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ K.

110.

Ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill tal-kontenzjuż tal-barranin) staqsiet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura restrittiva bħad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża C‑366/16 mal-Artikolu 7 tal-Karta. Issa, kif ser nesponi iktar ’il quddiem, l-eżami tal-proporzjonalità ta’ miżura restrittiva huwa marbut intrinsikament mal-verifika tal-konformità tagħha mad-drittijiet fundamentali. F’dawn il-kundizzjonijiet, sabiex tingħata risposta utli lill din il-qorti, jeħtieġ li jingħatawlha wkoll ċerti indikazzjonijiet dwar il-modalitajiet ta’ dan l-eżami fil-kuntest tal-kawża li biha hija adita.

1.   Fuq ir-rekwiżit ta’ adegwatezza u ta’ ħtieġa tal-miżuri restrittivi

111.

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 jimponi l-osservanza tiegħu, jimplika li kull miżura restrittiva għandha tkun “adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ l-għan li hija ssegwi” u li hija ma tmurx “lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħqu” ( 68 ).

112.

Sabiex jiġu sodisfatti dawn ir-rekwiżiti, l-Istat Membru ospitanti huwa obbligat, b’mod partikolari, li jivverifika l-possibbiltà li jadotta miżuri alternattivi li jaffettwaw l-inqas il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tal-persuna kkonċernata li b’hekk ikunu adegwati sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi fundamentali invokati ( 69 ).

113.

F’dan ir-rigward, jista’ jiġi mistoqsi jekk, kif anki K. argumenta waqt is-seduta, l-interessi fundamentali invokati f’dan il-każ jistgħux jiġu protetti aħjar bil-ftuh fl-Istat Membru ospitanti ta’ kawża kontra l-persuna kkonċernata ( 70 ) meta dan l-Istat Membru jgawdi ġurisdizzjoni extra-territorjali għal dan l-għan ( 71 ). It-tkeċċija tal-persuna kkonċernata lejn Stat Membru ieħor (bħal fis-sitwazzjoni ta’ K.) jew lejn Stat terz meħuda fl-assenza ta’ garanziji li huwa ser jitressaq quddiem qorti ma tistax, fil-fatt, tirrimedja għall-problemi marbuta mal-impunità tal-awturi preżunti tad-delitti msemmija fl-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève ( 72 ).

114.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, għandha tintwera riżerva f’dan ir-rigward u għandu jiġi ammess li, mingħajr ħsara għall-obbligi li tiġi eżerċitata l-ġurisdizzjoni extraterritorjali imposta fuq l-Istati Membri taħt id-dritt kriminali internazzjonali ( 73 ), dawn jibqgħu liberi li jikkuntrastaw it-theddida li tista’ toħloq il-preżenza ta’ persuna eskluża mill-istatus ta’ refuġjat billi jirrifjutawlha s-soġġorn minflok ma jressquha quddiem qorti. Kif argumenta l-Gvern tar-Renju Unit, Stat Membru jista’, f’ċerti każijiet, iqis li ma huwiex f’qagħda – anki jekk biss minħabba d-diffikultà li jinġabru l-provi u jiġu stabbiliti l-fatti rilevanti – li jibda proċeduri kontra tali persuna ( 74 ). Jidhirli li dawn il-kwistjonijiet imorru lil hinn mill-kuntest ta’ dawn il-kawżi.

2.   Fuq l-ibbilanċjar tal-interessi leġittimi eżistenti

a)   Fuq il-prinċipji applikabbli

115.

Ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità ta’ miżura restrittiva taħt l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 jippresupponi wkoll ir-riċerka ta’ bilanċ ġust bejn, minn naħa, il-protezzjoni tad-drittijiet li ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom jidderivaw minn din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, dik tal-interessi fundamentali tas-soċjetà ospitanti ( 75 ).

116.

Tali bbilanċjar huwa marbut intrinsikament mal-eżami ta’ miżura restrittiva mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett, u b’mod partikolari tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja stabbilit bl-Artikolu 7 tal-Karta u l-Artikolu 8 tal-KEDB ( 76 ). Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jimplikaw it-tfittxija ta’ ekwilibriju bejn l-interessi kollettivi invokati insostenn ta’ inġerenza f’dan id-dritt u l-interessi individwali tal-persuna kkonċernata. Fejn applikabbli, dawn għandhom jinqraw flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess superjuri tal-wild, rikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni bl-Artikolu 24(2) tal-Karta ( 77 ).

117.

L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Prinċipji ġenerali”, jikkonċerna l-miżuri restrittivi kollha. Din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ dawn il-miżuri u l-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali tad-destinatarji tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 28(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Protezzjoni minn tkeċċija”, japplika għad-“deċiżjonijiet ta’ tkeċċija” u jelenka, b’mod mhux eżawrjenti, il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri qabel ma jadottaw dawn id-deċiżjonijiet. Dawn jinkludu t-tul tas-soġġorn tal-persuna kkonċernata fuq it-territorju tal-Istat Membru ospitanti, l-età tagħha, l-istat ta’ saħħa tagħha, is-sitwazzjoni tal-familja u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha f’dan l-Istat Membru kif ukoll l-intensità tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

118.

Dawn il-fatturi, ripetuti wkoll fil-punt 3.3 tal-linji gwida tal-Kummissjoni, jirriflettu ħafna lil dawk li, skont il-ġurisprudenza tal-QEDB żviluppata b’mod partikolari fis-sentenzi tagħha Boultif vs L-Isvizzera ( 78 ) u Üner vs Il-Pajjiżi l-Baxxi ( 79 ), jippermettu li tiġi vverifikata l-konformità ta’ miżura ta’ tkeċċija mal-Artikolu 8 tal-KEDB.

119.

Madankollu nenfasizza li l-analiżi tal-proporzjonalità ta’ restrizzjoni fuq il-libertajiet ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom mhux neċessarjament tikkoinċidi ma’ dik imwettqa mill-perspettiva ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-QEDB titlaq mill-premessa li l-Artikolu 8 tal-KEDB ma jiggarantixxix id-dritt ta’ barrani li jidħol u jgħix f’pajjiż partikolari ( 80 ). Min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt li jidħlu u jgħixu fl-Istat Membru ospitanti fil-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38, billi dan huwa obbligat jiġġustifika kull restrizzjoni fuq dan id-dritt ( 81 ). Għalhekk, l-importanza relattiva tal-kriterji bbilanċjati tista’ tvarja, fid-dawl ukoll tal-għanijiet speċifiċi ta’ din id-direttiva, fosthom, kif jirriżulta mill-premessi 23 u 24, it-tisħiħ tal-integrazzjoni ta’ dawn il-persuni fis-soċjetà ospitanti.

b)   Fuq l-applikabbiltà tal-kriterji stabbiliti bl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38 għal sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali

1) Fuq is-sitwazzjonijiet bħal dik ta’ K.

120.

Hekk kif jirriżulta mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, id-dikjarazzjoni li persuna ma hijiex mixtieqa meħuda kontra K. fil-Pajjiżi l-Baxxi kienet tinkludi ordni biex jitlaq mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Waqt is-seduta, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi sostna li dan seta’ jkun suġġett għal miżura ta’ tkeċċija forzata jekk huwa ma jikkonformax ruħu ma’ dik l-ordni fiż-żmien stabbilit.

121.

Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża C‑331/16 taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, hekk kif, barra minn hekk, irrikonoxxa dan il-gvern.

122.

F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti, l-ewwel nett, li, kif ippreċiża dan il-gvern waqt is-seduta, K. ma kienx suġġett għal miżura ta’ tkeċċija forzata. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ( 82 ), din id-dispożizzjoni tapplika għall-miżuri kollha li jimplikaw it-tkeċċija ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu. Din ma hijiex limitata biex tikkonċerna l-miżuri ta’ rimpatriju forzat li permezz tagħhom, jekk ikun il-każ, jiġu implementati ċerti deċiżjonijiet ta’ tkeċċija fin-nuqqas ta’ eżekuzzjoni volontarja mid-destinatarji tagħhom ( 83 ).

123.

It-tieni nett, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi elenkati fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38 huwa impost minkejja l-fatt li, kif jidher mill-qari tad-deċiżjoni tar-rinviju u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, K. kien igawdi biss minn dritt provviżorju ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi, li kien jippermettilu joqgħod f’dan l-Istat Membru waqt l-istennija ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjonijiet tiegħu għall-ażil u fuq il-possibbli appelli tiegħu. Jidher li K. baqa’ fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma kien igawdi minn dritt ta’ residenza hemmhekk wara li d-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat u l-projbizzjoni ta’ dħul fuq it-territorju adottati kontrih kienu saru definittivi ( 84 ).

124.

Il-QEDB diġà ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li l-ibbilanċjar tal-interessi kollettivi u individwali fid-dawl tal-fatturi kollha ddikjarati b’mod partikolari fis-sentenzi Boultif vs L-Isvizzera ( 85 ) u Üner vs Il-Pajjiżi l-Baxxi ( 86 ) huwa rikjest anki meta r-rabtiet ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti jkunu ġew minsuġa mill-persuna kkonċernata mingħajr ma hija kienet tgawdi minn dritt ta’ residenza. Madankollu, din iċ-ċirkustanza tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ dan l-ibbilanċjar ( 87 ), li għandu jsir mill-qorti nazzjonali.

2) Fuq is-sitwazzjonijiet bħal dik ta’ H. F.

125.

Ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill tal-kontenzjuż tal-barranin) enfasizza li d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza li tagħha H. F. kien is-suġġett ma kinitx akkumpanjata minn ordni biex iħalli t-territorju. Il-preżenza tal-persuna kkonċernata fuq it-territorju Belġjan kienet, b’xi mod, “ittollerata”, madankollu mingħajr ma’ din kienet tgawdi minn dritt ta’ residenza u ta’ status partikolari ( 88 ).

126.

Għalhekk, tqum il-kwistjoni jekk l-adozzjoni ta’ tali miżura restrittiva, għalkemm ma timplikax it-tkeċċija tad-destinatarju tagħha, teħtieġx madankollu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji elenkati fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38.

127.

F’dan ir-rigward, ninnota li ċ-ċaħda ta’ dritt ta’ residenza tista’– l-istess bħal deċiżjoni ta’ tkeċċija, għalkemm fi grad inqas – tipperikola l-integrazzjoni tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti u tagħmel ħsara lill-ħajja privata u tal-familja tagħha.

128.

Issa, diversi mill-fatturi elenkati fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, bħat-tul tas-soġġorn u l-intensità tar-rabtiet mal-Istat Membru ospitanti, huma marbuta intrinsikament mal-integrazzjoni konsekuttiva għas-soġġorn f’dan l-Istat Membru. Minn din il-perspettiva, dawn il-fatturi jistgħu jkunu rilevanti sabiex tiġi vverifikata l-proporzjonalità u l-konformità mal-Artikolu 7 tal-Karta ta’ miżura restrittiva li ma timplikax it-tkeċċija tal-persuna kkonċernata, sakemm din kienet diġà f’qagħda li tintegra ruħha u tiżviluppa ħajja privata u tal-familja fl-imsemmi Stat Membru mill-fatt li hija tkun għexet hemmhekk ( 89 ). Kif argumentaw il-Gvern Belġjan u l-Gvern tar-Renju Unit, dawn il-fatturi huma, bil-kuntrarju, irrilevanti fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jimplikaw fl-ewwel lok ir-rifjut ta’ dħul fi Stat Membru. Bħala ipoteżi, id-destinatarji tagħhom ma kellhomx, dakinhar, l-opportunità la li jintegraw ruħhom u lanqas li jibnu ħajja privata u tal-familja.

129.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li ninterpreta l-punt 3.3 tal-linji gwida tal-Kummissjoni, li jiddikjara li l-fatturi elenkati fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38 għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni ta’ kull miżura restrittiva fis-sens tal-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva. Fil-fehma tiegħi, dan il-punt ifisser li dawn il-fatturi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn dawn jirriżultaw rilevanti f’każ partikolari.

130.

L-approċċ li nipproponi jirrifletti wkoll il-ġurisprudenza tal-QEDB li tgħid li t-test tal-“bilanċ ġust” bejn l-interessi tal-ordni pubbliku u l-interessi individwali għandu jkun applikat fil-kuntest tal-verifika tar-rispett minn Stat kontraenti kemm tal-“obbligi negattivi” tiegħu li ma jiġix ostakolat id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja ta’ individwu bit-tkeċċija mit-territorju tiegħu kif ukoll tal-“obbligi pożittivi” tiegħu li jiġi permess lilu l-eżerċizzju effettiv ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari billi jingħata dritt ta’ residenza. Hekk kif jirriżulta minn din id-ġurisprudenza, id-demarkazzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ obbligi ma tippermettix, mill-bidu, definizzjoni preċiża ( 90 ).

131.

Barra minn hekk, il-QEDB diġà eżaminat kawża fejn il-fatti kienu simili għal dawk tal-Kawża C‑366/16. Id-deċiżjoni K. vs Il-Pajjiżi l-Baxxi ( 91 ) kienet tikkonċerna l-konformità mal-Artikolu 8 tal-KEDB ta’ miżura ta’ tkeċċija, meħuda mill-Pajjiżi l-Baxxi kontra ċittadin Afgan eskluż mill-istatus ta’ refuġjat b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li l-eżekuzzjoni tagħha kienet ġiet sospiża. Hekk kif jirriżulta minn din id-deċiżjoni, it-test tal-“bilanċ ġust” deskritt iktar ’il fuq jibqa’ applikabbli f’dan il-kuntest.

132.

Madankollu, fost il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan l-għan, il-QEDB semmiet il-grad li fih il-ħajja tal-familja ser tkun effettivament imfixkla bil-miżura statali inkwistjoni. Hija ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li tista’ tingħata importanza kbira lill-fatt li l-persuna kkonċernata ma kinitx fil-perikolu li titkeċċa mit-territorju tal-pajjiż ospitanti, u lanqas, għalhekk, li tiġi separata mill-familja tagħha ( 92 ).

133.

Fil-fehma tiegħi, dan l-element huwa rilevanti wkoll fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità ta’ miżura restrittiva mill-perspettiva tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, li għandu jsir mill-qorti tar-rinviju. Inżid, madankollu, li l-elementi dwar l-integrazzjoni tal-persuna kkonċernata għandhom importanza partikolari fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2004/38 ( 93 ).

3.   Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 28(3)(a) f’sitwazzjoni bħal dik ta’ K.

134.

Ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti ta’ Den Haag, sede ta’ Middelburg) innotat li K. kien jirrisjedi mingħajr interruzzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi għal iktar minn għaxar snin dakinhar tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża C‑331/16 ( 94 ). Għalhekk din il-qorti tistaqsi jekk dan tal-aħħar igawdix mill-garanziji msaħħa kontra t-tkeċċija li jipprevedi l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 – li jikkostitwixxi wkoll espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 95 ).

135.

Kif isemmu wkoll il-premessi 23 u 24 ta’ din id-direttiva, din tistabbilixxi sistema ta’ protezzjoni gradwali kontra t-tkeċċija li tiddependi mill-livell ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. Dan il-livell ta’ integrazzjoni għandu jkun, b’xi mod, preżunt b’mod oġġettiv fid-dawl tat-tul tas-soġġorn f’dan l-Istat Membru. Iktar ma jkun twil dan is-soġġorn, iktar ir-rabtiet ta’ integrazzjoni minsuġa mas-soċjetà ospitanti għandhom jitqiesu li huma stretti u, għalhekk, il-protezzjoni kontra t-tkeċċija għandha tkun iktar sħiħa ( 96 ).

136.

Huwa f’din il-perspettiva li mhux biss l-Artikolu 28(1) ta’ din id-Direttiva jirrikjedi t-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul tas-soġġorn sabiex tiġi vverifikata l-proporzjonalità ta’ miżura ta’ tkeċċija, iżda wkoll li s-subparagrafi (2) u (3) ta’ dan l-artikolu jipprevedu, rispettivament, li persuna tista’ titkeċċa mill-Istat Membru ospitanti biss għal “raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika” jekk hija tkun akkwistat dritt ta’ residenza permanenti u għal “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika” jekk hija tkun għexet hemmhekk matul l-għaxar snin qabel l-adozzjoni ta’ tali miżura.

137.

Is-sitwazzjoni ta’ K. tippreżenta konfigurazzjoni partikolari billi dan għex fil-Pajjiżi l-Baxxi qabel ma akkwista l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni. Barra minn hekk, kif enfasizzajt fil-punt 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-deċiżjoni tar-rinviju tidher li tindika, dejjem bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li K. għex fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma kien igawdi minn dritt ta’ residenza hemmhekk.

138.

F’dan ir-rigward, inqis, fl-ewwel lok, li l-fatt li dan il-perijodu ta’ residenza ppreċeda l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja fl-Unjoni ma jtellifx, minnu nnifsu, li dan jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tul tas-soġġorn ta’ K. fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

139.

Fil-fatt, fis-sentenza Ziolkowski u Szeja ( 97 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, mingħajr preġudizzju għal possibbli dispożizzjonijiet tranżitorji fl-att tal-adeżjoni tal-Istat Membru fl-Unjoni ( 98 ), il-perijodi ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat Membru fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, imwettqa qabel l-adeżjoni tal-ewwel Stat fl-Unjoni, u fir-rispett tal-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti fit-tieni Stat Membru taħt l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva.

140.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan jgħodd ukoll meta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 ikollhom jiġu applikati għall-effetti attwali u futuri ta’ sitwazzjonijiet li seħħew preċedentement għall-adeżjoni fl-Unjoni tal-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità u, għalhekk, għad-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva fih. Fil-fehma tiegħi, dan ir-raġunament japplika wkoll fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(3)(a) tad-direttiva msemmija.

141.

Madankollu, fit-tieni lok, hekk kif argumentaw ukoll il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni, iċ-ċirkustanza li tgħid li K. ma kellux id-dritt ta’ residenza li jippermettilu li jibqa’ legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, jekk tiġi stabbilita, fil-fehma tiegħi ser tostakola t-tgawdija tal-protezzjoni li tagħti din id-dispożizzjoni.

142.

F’dan ir-rigward, il-kliem tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 ma jippreċiżax jekk il-perijodu ta’ residenza li jagħti lok għad-dritt għall-protezzjoni kontra t-tkeċċija taħt din id-dispożizzjoni jinkludix biss il-perijodi ta’ residenza legali. Dan il-kliem huwa differenti f’dan is-sens minn dak tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li huwa biss perijodu ta’ “[soġġorn] legali” għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin li jippermetti l-akkwist ta’ dritt ta’ residenza permanenti – u tal-protezzjoni relattiva kontra t-tkeċċija prevista fl-Artikolu 28(2) tad-direttiva msemmija. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 17 tad-Direttiva 2004/38, ir-rekwiżit ta’ legalità tas-soġġorn stabbilit fl-Artikolu 16(1) ta’ din id-Direttiva jimplika mhux biss li l-persuna kkonċernata ma kinitx is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, iżda wkoll li dan is-soġġorn ikun konformi mal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mid-direttiva msemmija ( 99 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx il-kwistjoni jekk il-perijodu ta’ residenza rikjest għall-finijiet tal-benefiċċju tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 jippreżupponix ukoll l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet ( 100 ).

143.

Ser noqgħod lura milli nesprimi ruħi fuq din il-kwistjoni f’termini ġenerali, ladarba t-trattament tal-Kawża C‑331/16 jirrikjedi biss li jiġi determinat, b’mod iktar speċifiku, jekk dan il-perijodu ta’ residenza jinkludix il-perijodi ta’ residenza mwettqa mill-persuna kkonċernata, qabel l-adeżjoni fl-Unjoni tal-Istat Membru li tiegħu għandha n-nazzjonalità, mingħajr ma tgawdi minn dritt ta’ residenza li jippermettilha li tibqa’ legalment fl-Istat Membru ospitanti taħt id-dritt nazzjonali ta’ dan tal-aħħar.

144.

Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv.

145.

Ninnota, f’dan ir-rigward, li, kif jindikaw il-premessi 23 u 24 tad-Direttiva 2004/38, l-Artikolu 28(3)(a) tagħha għandu l-għan li jipproteġi kontra t-tkeċċija lill-persuni li huma verament integrati fl-Istat Membru ospitanti. Din id-dispożizzjoni tfittex għan partikolari, dwar il-promozzjoni tal-integrazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni fi ħdanha ( 101 ), u tmur lil hinn mill-garanziji riżultanti mill-Artikolu 7 tal-Karta u mill-Artikolu 8 tal-KEDB.

146.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju determinanti għall-evalwazzjoni jekk ir-rabtiet ta’ integrazzjoni tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti humiex suffiċjentement sodi sabiex hija tibbenefika mill-protezzjoni li jistabbilixxi l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 jinsab fil-kwistjoni jekk din il-persuna għexitx hemmhekk matul l-għaxar snin qabel id-deċiżjoni ta’ tkeċċija ( 102 ).

147.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx it-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi kwalitattivi kollha fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni. B’hekk, fis-sentenza G. ( 103 ), hija ddeċidiet li l-perijodi ta’ priġunerija ma għandhomx ikunu inklużi fil-kalkolu tal-perijodu ta’ residenza ta’ għaxar snin li jagħti lok għad-dritt għall-protezzjoni prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38. Huwa minnu li n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tad-dritt nazzjonali dwar id-dħul u s-soġġorn tal-barranin xejn ma huma simili għat-twettiq ta’ reat kriminali. L-approċċ segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja jimplika madankollu l-aċċettazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni, għalkemm b’mod ferm limitat, ta’ ċerti elementi kwalitattivi marbuta mal-integrazzjoni rikjesta għall-benefiċċju ta’ din id-protezzjoni, l-istess bħal dik li tirregola l-akkwist tad-dritt ta’ residenza permanenti stabbilit bl-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva ( 104 ).

148.

F’dan ir-rigward, fis-sentenza Dias ( 105 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li perijodu ta’ preżenza fuq it-territorju tal-Istat Membru ospitanti, imwettaq qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38 mingħajr ebda dritt ta’ residenza, iqiegħed fid-dubju r-rabta ta’ integrazzjoni ma’ dan l-Istat Membru. Għalhekk, dan il-perijodu ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti.

149.

Din l-istess loġika timplika, fil-fehma tiegħi, li meta, qabel ma takkwista l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, persuna tkun għexet b’mod prekarju fl-Istat Membru ospitanti filwaqt li d-dritt nazzjonali tiegħu ma kienx jawtorizzaha tagħmel dan, hija ma tistax tgawdi minn integrazzjoni reali li tagħtiha d-dritt għall-iktar protezzjoni għolja kontra t-tkeċċija li tipprevedi d-Direttiva 2004/38. Dan japplika b’iktar saħħa meta, bħal f’dan il-każ, fid-data tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija inkwistjoni, l-individwu kkonċernat kien jgħix fl-Istat Membru ospitanti bi ksur ta’ miżura ta’ projbizzjoni ta’ dħul fuq it-territorju adottata preċedentement kontra tiegħu.

V. Konklużjoni

150.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li jingħataw ir-risposti li ġejjin għad-domandi magħmula mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Middelburg (il-Qorti ta’ Den Haag, sede ta’ Middelburg, il-Pajjiżi l-Baxxi) u mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill tal-kontenzjuż tal-barranin, il-Belġju):

1.

L-Artikolu 27(2) tad-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 2004/38/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu jkun, fil-passat, ġie eskluż mill-istatus ta’ refuġjat b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-istatus ta’ refuġjat, għalkemm ma jistax awtomatikament iservi ta’ bażi għall-konstatazzjoni ta’ theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għal dan l-għan sakemm iċ-ċirkustanzi li jkunu wasslu għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni juru l-eżistenza ta’ imġiba personali li tikkostitwixxi din it-theddida.

F’dan ir-rigward, l-Istat Membru ospitanti huwa marbut li jwettaq evalwazzjoni individwali tal-imġiba personali tal-individwu kkonċernat fid-dawl, b’mod partikolari, tal-konstatazzjonijiet tal-awtoritajiet ta’ ażil f’dak li jikkonċerna l-gravità tad-delitti li bihom huwa ssuspettat, il-livell ta’ implikazzjoni personali tiegħu fit-twettiq ta’ dawn id-delitti kif ukoll il-possibbli eżistenza ta’ motivi ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà kriminali.

L-assenza ta’ riskju li l-individwu kkonċernat jirrepeti delitti tat-tip imsemmi fl-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève fl-Istat Membru ospitanti, l-istess bħall-mogħdija ta’ żmien twil wara l-allegat twettiq ta’ dawn id-delitti, ma jopponux minnhom infushom il-konstatazzjoni ta’ theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà.

2.

L-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li kull restrizzjoni minn Stat Membru fuq il-libertajiet ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu għandha tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandha tirrispetta d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja ta’ dan l-individwu. F’dan il-kuntest, dan l-Istat Membru għandu jibbilanċja, minn naħa, il-protezzjoni tal-interessi fundamentali invokati insostenn ta’ din ir-restrizzjoni u, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-imsemmi individwu dwar l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet kif ukoll tal-ħajja privata u tal-familja tiegħu. L-imsemmi Stat Membru għandu jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatturi stabbiliti fl-Artikolu 28(1) ta’ din id-Direttiva sa fejn dawn ikunu rilevanti fis-sitwazzjoni partikolari inkwistjoni.

3.

L-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu ta’ għaxar snin ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li jagħti lok għad-dritt tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija li tistabbilixxi din id-dispożizzjoni, ma jinkludix il-perijodu li matulhom ċittadin tal-Unjoni jkun għex fl-Istat Membru ospitanti, qabel l-adeżjoni fl-Unjoni tal-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, mingħajr ma kien awtorizzat jagħmel dan skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 5, Vol. 5, p. 46).

( 3 ) Din il-konvenzjoni ġiet iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Recueil des traités des Nations unies, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)] u daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967 u daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967.

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9). Din id-dispożizzjoni tirriproduċi l-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 19, Vol. 7, p. 96), applikabbli fi żmien il-fatti rilevanti u ssostitwita bid-Direttiva 2011/95.

( 5 ) NL:RVS:2008:BF1415.

( 6 ) NL:RVS:2015:2008.

( 7 ) NL:RVS:2015:2737.

( 8 ) Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977 (30/77, EU:C:1977:172, punti 27 sa 29).

( 9 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010 (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 103 sa 105).

( 10 ) Sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012 (C‑348/09, EU:C:2012:300, punt 30).

( 11 ) Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015 (C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 92).

( 12 ) Sentenza Nru 99921.

( 13 ) Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-2 ta’ Lulju 2009 [COM(2009) 313 finali]. Dan il-punt jelenka l-emendi dwar is-sitwazzjoni personali u tal-familja tal-persuna kkonċernata li għandhom jiġu bbilanċjati mal-interessi fundamentali tas-soċjetà sabiex tiġi vverifikata l-proporzjonalità ta’ miżura ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika intiża sabiex tipproteġi dawn l-interessi.

( 14 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU 2006, L 381, p. 4). L-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “d-data dwar ċittadini ta’ pajjiż terz li għalihom inħareġ allert għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul jew soġġorn għandha tiddaħħal abbażi ta’ allert nazzjonali li jirriżulta minn deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi jew mill-qrati skond ir-regoli ta’ proċedura stabbiliti mil-liġi nazzjonali. Din id-deċiżjoni tista’ tittieħed biss abbażi ta’ valutazzjoni individwali”. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, “[a]llert għandu jiddaħ[ħ]al meta d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun ibbażata fuq theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali li tista’ tiġi mill-preżenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz in kwistjoni fit-territorju ta’ Stat Membru”. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, “[a]llert jista’ jiddaħħal ukoll meta d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 kienet ibbażata fuq il-fatt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kien soġġett għal miżura li tinvolvi tkeċċija, rifjut għal dħul jew tneħħija li ma ġietx revokata jew sospiża, li tinkludi jew hija akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul jew, fejn applikabbli, projbizzjoni ta’ residenza, abbażi ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti nazzjonali dwar id-dħul jew ir-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz”.

( 15 ) NL:RVS:2015:2008. Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi li din “għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom”. Skont l-Artikolu 2(2)(d) ta’ din id-direttiva, l-axxendenti diretti ta’ ċittadin tal-Unjoni jikkostitwixxu “membri tal-familja tiegħu” biss jekk huwa responsabbli għalihom. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tispeċifikax jekk, kif ġie sostnut waqt is-seduta, it-tifla tiegħu hijiex responsabbli għal H. F. Madankollu, din id-deċiżjoni tindika li l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2004/38 hija applikabbli għal H. F. (ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet), u dan jippreżumi li din il-kundizzjoni hija sodisfatta. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja hija bħala regola marbuta li tibbaża ruħha fuq il-premessi fattwali li l-qorti tar-rinviju tqis li huma stabbiliti [ara s-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1999, van der Kooy (C‑181/97, EU:C:1999:32, punt 30), kif ukoll, f’dan is-sens, tat-12 ta’ Frar 2009, Cobelfret (C‑138/07, EU:C:2009:82, punt 23)]. Għandha tkun biss il-qorti tar-rinviju li tevalwa, f’dan il-każ, jekk H. F. għandux il-kwalità ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

( 17 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 115 sa 120). Hemmhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li d-Direttiva 2011/95, bħall-Konvenzjoni ta’ Genève, titlaq mill-prinċipju li l-Istati Membri jistgħu jagħtu, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, tip ieħor ta’ protezzjoni, distint minn dak li jagħtu din id-direttiva u din il-konvenzjoni, billi joffru lill-individwi esklużi mill-istatus ta’ refuġjat id-dritt ta’ residenza fuq it-territorju tagħhom.

( 18 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punt 21).

( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fis-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punt 65), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-derogi għad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati b’mod “partikolarment restrittiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 20 ) Fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-Kawża C‑331/16, din il-motivazzjoni ssib l-oriġini tagħha f’diversi sentenzi tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) li għalihom tirreferi din id-deċiżjoni (ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili (36/75, EU:C:1975:137, punti 2627); tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punti 3334), kif ukoll tat-22 ta’ Mejju 2012, I (C‑348/09, EU:C:2012:300, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, CS (C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38.

( 24 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Aladzhov (C‑434/10, EU:C:2011:750, punt 37).

( 26 ) Il-Gvern tar-Renju Unit jinvoka, barra minn hekk, il-ħtieġa għall-Istati Membri li jissodisfaw l-obbligi tagħhom fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, taħt diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li jobbligaw li jirrifjutaw li jagħtu rifuġju lil dawk li jkunu wettqu jew iffaċilitaw it-twettiq ta’ atti ta’ terroriżmu. Ninnota, madankollu, li l-atti ta’ terroriżmu huma s-suġġett ta’ klawżola ta’ esklużjoni li tidher fl-Artikolu 1(F)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Din ma hijiex inkwistjoni f’dawn il-kawżi.

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punti 6893); tas-17 ta’ Novembru 2011, Gaydarov (C‑430/10, EU:C:2011:749, punt 38), kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punti 64 sa 67). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa (C‑348/96, EU:C:1999:6, punt 25).

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punt 28); tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punt 77), u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑50/06, EU:C:2007:325, punt 41). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, CS (C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 46).

( 29 ) Sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punt 29) u tat-22 ta’ Mejju 2012, I (C‑348/09, EU:C:2012:300, punt 30). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 50).

( 30 ) Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punt 29).

( 31 ) Nippreferi din il-formulazzjoni minflok dik dwar l-assenza ta’ riskju ta’ “reċidiva”. Kif argumenta l-Gvern Belġjan, il-kunċett ta’ “reċidiva” jippresupponi, skont l-użi komuni ta’ din il-kelma, l-eżistenza ta’ kundanna kriminali. Issa, mid-deċiżjonijiet jirriżulta tar-rinviju li K. u H. F. ma kinux ġew ikkundannati dwar l-imġiba li dwarha huma ssuspettati taħt l-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

( 32 ) F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”) ddeċidiet, fis-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2013, Janowiec et vs Ir-Russja (CE:ECHR:2013:1021JUD005550807, § 150), li għaliha rrefera l-Gvern Franċiż waqt is-seduta, li d-delitti gravi tad-dritt internazzjonali bħalma huma d-delitti tal-gwerra, il-ġenoċidju jew id-delitti kontra l-umanità għandhom dimensjoni iktar wiesgħa mir-reati kriminali ordinarji u jikkostitwixxu “iċ-ċaħda tal-pedamenti nfushom tal-[KEDB]”.

( 33 ) Ara l-Artikolu 5 tar-Regoli tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, iffirmati f’Ruma fis-17 ta’ Lulju 1998 (Recueil des traités des Nations unies, Vol. 2187, Nru 38544) u li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2002.

( 34 ) Madankollu, skont il-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (HCR), l-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jista’, f’ċerti każijiet, meta jkunu involuti delitti partikolarment atroċi, ikun applikabbli anki jekk l-persuna kkonċernata kienet ġiet ikkundannata u skontat il-piena tagħha. Ara HCR, “Note d’information sur l’application des clauses d’exclusion: article 1F de la Convention de 1951 relative au statut des réfugiés”, du 4 septembre 2003 (nota ta’ informazzjoni fuq l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ esklużjoni: l-Artikolu 1F tal-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-istatus tar-refuġjati, tal-4 ta’ Settembru 2003) (iktar ’il quddiem in-“nota ta’ informazzjoni tal-HCR”), punti 72 u 73. Skont il-premessa 22 tad-Direttiva 2011/95, “konsultazzjonijiet mal-[HCR] jistgħu jipprovdu gwida ta’ valur għall-Istati Membri meta jistabbilixxu status ta’ refuġjat skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève”.

( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, H. T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 77).

( 36 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010 (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 104).

( 37 ) Skont is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 101), “il-periklu attwali li eventwalment jirrappreżenta refuġjat għall-Istat Membru kkonċernat jittieħed inkunsiderazzjoni mhux fil-kuntest tal-Artikolu 12(2) tagħha iżda f’dak tal-Artikolu 14(4)(a), li permezz tiegħu l-Istat Membru jista’ jirrevoka l-istatus ta’ refuġjat b’mod partikolari fejn hemm raġunijiet raġonevoli sabiex jiġi kkunsidrat bħala theddida għas-sigurtà, u, min-naħa l-oħra, f’dak tal-Artikolu 21(2) tagħha, li jipprovdi li l-Istat Membru ospitanti jista’, bħal ma jawtorizza wkoll l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jibgħat lura refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serji sabiex jiġi kkunsidrat li huwa ta’ theddida għas-sigurtà jew għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru”.

( 38 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 105).

( 39 ) Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punt 27) kif ukoll, b’analoġija, tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 59).

( 40 ) Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li, wara d-deċiżjoni tal-esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat kontra tiegħu, H. F. kien is-suġġett fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni mit-territorju u twissija fis-SIS, li tissupponi, skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1987/2006, li l-Istat Membru li joħroġ it-twissija jkun ikkunsidra li l-preżenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat fuq it-territorju tiegħu thedded l-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika (ara n-nota ta’ qiegħ-il paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fil-fatt, kif jirriżulta mis-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa (C‑33/07, EU:C:2008:396, punt 25), miżura restrittiva ma tistax tkun ibbażata esklużivament fuq motivi invokati minn Stat Membru ieħor għall-adozzjoni ta’ tali miżura. Miżura restrittiva “għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet speċifiċi għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà pubblika tal-Istat Membru li jadotta[ha]”. A fortiori, tali miżura ma tistax tkun ibbażata esklużivament fuq il-motivi invokati minn Stat Membru ieħor għall-għan tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ ammissjoni jew projbizzjoni ta’ soġġorn kontra ċittadin ta’ pajjiżi terzi li ma taqax fil-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38.

( 41 ) Fil-prattika, għandhom ikunu l-awtoritajiet nazzjonali li, qabel ma jadottaw miżura ta’ restrizzjoni, jieħdu konjizzjoni tal-fajl tal-ażil tal-persuna kkonċernata. Meta hija involuta deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat meħuda minn Stat Membru ieħor u li tkun wasslet għal twissija fis-SIS, huwa dmir tiegħu, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li jpoġġi għad-dispożizzjoni tal-Istat Membru ospitanti tal-persuna li fir-rigward tagħha tkun ħarġet it-twissija informazzjoni supplimentari li tippermettilu li jevalwa b’mod konkret it-theddida li din tista’ tippreżenta [ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑503/03, EU:C:2006:74, punt 56)].

( 42 ) Sejjer nelenka l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest fil-punti 91 sa 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 66(3) tal-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali kif ukoll l-Artikolu 87(A) tar-Regoli ta’ Proċedura u ta’ Prova tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-eks Jugoslavja, adottati fil-11 ta’ Frar 1994, kif emendati l-aħħar darba fit-8 ta’ Lulju 2015.

( 44 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dan is-sens fis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 52) fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni applikabbli fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98). Din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati Membri li jidderogaw mill-obbligu tagħhom li jagħtu perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju f’każ ta’ ritorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz meta dan l-aħħar jippreżenta perikolu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat din il-konklużjoni bil-motiv li “l-Istati Membri jibqgħu essenzjalment liberi li jiddeterminaw ir-rekwiżiti tal-kunċett ta’ ordni pubbliku, konformement mal-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom, u [li l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2008/115] ma jippermett[i] li jitqies li sentenza kriminali tkun neċessarja f’dan ir-rigward”. Fil-fehma tiegħi, dan ir-raġunament u din il-konklużjoni huma trasponibbli għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex jiddefinixxu r-rekwiżiti tal-ordni pubbliku wkoll fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u d-Direttiva 2004/38 lanqas ma tipprevedi l-ħtieġa ta’ kundanna kriminali.

( 45 ) Ara HCR, Prinċipji gwida fuq il-protezzjoni internazzjonali Nru 5: applikazzjoni tal-klawżoli ta’ esklużjoni, l-Artikolu 1F tal-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-istatus tar-refuġjati, 4 ta’ Settembru 2003 (punti 34 u 35), annessi mal-Gwida u prinċipji gwida fuq il-proċeduri u kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat l-istatus tar-refuġjati, Genève, Diċembru 2011; nota ta’ informazzjoni tal-HCR, punti 107 sa 109, kif ukoll Statement on article 1F of the 1951 Convention, Lulju 2009, p. 10.

( 46 ) Ara l-punti 91 sa 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Ara, madankollu, in-nota ta’ qiegħ-il paġna 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) Ara l-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Isvizzera) tal-11 ta’ Mejju 2010, Y. et famille contre Office fédéral des migrations (ODM) (E‑5538/2006, BVGE, § 5.3.2.2). dik il-qorti enfasizzat li l-istandard ta’ prova previst fl-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève huwa ġġustifikat kemm bis-suġġett tad-deċiżjonijiet ibbażati fuq din id-dispożizzjoni – li, tkun xi tkun is-serjetà, ma jimponux pieni – kif ukoll bil-mezzi ta’ investigazzjoni limitati li jgawdu l-awtoritajiet tal-ażil sabiex jakkwistaw l-elementi ta’ prova ta’ fatti li jkunu twettqu f’kundizzjonijiet sikwit diffiċli sabiex jiġu ċċarati.

( 50 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010 (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 87).

( 51 ) Sentenza tal-31 ta’ Jannar 2017 (C‑573/14, EU:C:2017:71, punt 72).

( 52 ) Ara, b’mod partikolari, Linji Gwida tal-HCR, punti 10 sa 13 u 18 sa 23, kif ukoll nota ta’ informazzjoni tal-HCR, punti 50 sa 75.

( 53 ) Ara wkoll in-nota ta’ informazzjoni tal-HCR, punti 50 sa 56.

( 54 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010 (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 88 sa 99). Għalkemm din is-sentenza tikkonċerna l-applikazzjoni tal-klawżoli ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 12(2)(b) u (c) tad-Direttiva 2011/95 – li jikkorrispondu għall-Artikolu 1(F)(b) u (c) tal-Konvenzjoni ta’ Genève –, ir-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-konklużjoni riżultanti huma applikabbli, fil-fehma tiegħi, ukoll għall-klawżola ta’ esklużjoni prevista fl-inċiż a) ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

( 55 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 97).

( 56 ) H. F. jagħmel riferenza għal dokument, infilzat fil-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑366/16, li fih l-HCR pubblikament esprimiet dubji dwar il-konformità mal-Konvenzjoni ta’ Genève tal-prattika tal-Pajjiżi l-Baxxi li tippreżumi l-applikabbiltà tal-klawżoli ta’ esklużjoni għall-applikanti għall-ażil Afgani li kienu okkupaw pożizzjonijiet ta’ uffiċjali u ta’ uffiċjali mhux ikkummissjonati fil-KhAD. Ara, ukoll, HCR, Note on the Structure and Operation of the KhAD/WAD in Afghanistan 1978‑1992, Mejju 2008.

( 57 ) Barra minn hekk, meta d-deċiżjoni ta’ esklużjoni tingħata minn Stat Membru, din il-kontestazzjoni tkun inkompatibbli mal-fiduċja reċiproka li hija l-bażi, kif tenfasizza l-premessa 22 ta’ dan ir-regolament, tas-sistema stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31).

( 58 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn (41/74, EU:C:1974:133, punt 17), iċċitata fil-punt 3.2 tal-linji gwida tal-Kummissjoni.

( 59 ) Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015 (C‑373/13, EU:C:2015:413).

( 60 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010 (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 88 sa 99).

( 61 ) Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, H. T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punti 7779).

( 62 ) Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, H. T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punti 86 sa 90).

( 63 ) Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015 (C 373/13, EU:C:2015:413, punt 77).

( 64 ) Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-applikazzjoni ta’ klawżola ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat ma tiddependix fuq l-eżistenza ta’ “theddida attwali” għall-Istat Membru kkonċernat (ara l-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 65 ) Fil-fehma tiegħi, huwa wkoll minn din il-perspettiva li għandha tiftiehem id-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 3.2 tal-linji gwida tal-Kummissjoni, li tgħid li “huwa essenzjali li jittieħed inkonsiderazzjoni r-riskju ta’ reċidiva”. Din id-dikjarazzjoni hija rilevanti biss f’dak li jikkonċerna l-miżuri restrittivi intiżi sabiex jipproteġu t-trankwillità u s-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni kontra r-riskju ta’ reċidiva ta’ imġiba kriminali. Ma hijiex applikabbli għall-miżuri restrittivi li għandhom l-għan tal-ħarsien tal-interessi fundamentali ta’ tip differenti.

( 66 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 62). Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ theddida fis-sens tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 għandha tiġi evalwata fiż-żmien li fih isseħħ il-miżura restrittiva inkwistjoni [sentenza tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punti 77 sa 79)].

( 67 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 29 tal-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, kif ukoll il-Konvenzjoni Ewropea fuq l-impreskrittibbiltà tad-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, iffirmata fil-25 ta’ Jannar 1974 (Série des traités européens, Nru 82).

( 68 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal (C‑100/01, EU:C:2002:712, punt 43); tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa (C‑33/07, EU:C:2008:396, punt 29), u tas-17 ta’ Novembru 2011, Gaydarov (C‑430/10, EU:C:2011:749, punt 40).

( 69 ) Sentenzi tas-17 ta’ Novembru 2011, Aladzhov (C‑434/10, EU:C:2011:750, punt 47) kif ukoll, b’analoġija, tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 49).

( 70 ) F’dan ir-rigward, il-premessa 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/335/JAI tat-8 ta’ Mejju 2003, dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 19, Vol. 6, p. 154) tipprovdi li “[l]-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jridu jiżguraw illi, meta jirċievu tagħrif illi persuna li tkun applikat għal permess tar-residsenza tkun issuspettata li kienet ikkommettiet jew ipparteċipat fit-twettiq ta’ ġenoċidju, ta’ delitti kontra l-umanità jew ta’ delitti tal-gwerra, l-atti rilevanti jistgħu jiġu investigati u, meta ġġustifikati, jiġu mħarrka skond il-liġijiet nazzjonali”. F’dan il-każ, waqt is-seduta, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi indika li xi persuni li kienu ġew esklużi mill-istatus ta’ refuġjat kienu iktar tard ġew akkużati quddiem il-qrati kriminali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

( 71 ) Fejn applikabbli, il-prosekuzzjoni tista’ tinbeda fuq il-bażi tal-ġurisdizzjoni universali. B’mod partikolari, l-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève tat-12 ta’ Awwissu 1949 dwar il-protezzjoni tal-vittmi tal-gwerer internazzjonali jimponu fuq l-Istati partijiet li jeżerċitaw din il-ġurisdizzjoni fuq id-delitti li jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tagħhom [ara l-Artikolu 49 tal-Konvenzjoni ta’ Genève (I) għat-Titjib tal-Kondizzjoni tal-Feruti u l-Morda ta’ Forzi Armati fil-Kamp tal-Gwerra; l-Artikolu 50 tal-Konvenzjoni ta’ Genève (II) għat-Titjib tal-Kondizzjoni tal-Feruti, il-Morda u n-Nawfragi ta’ Forzi Armati Navali; l-Artikolu 129 tal-Konvenzjoni ta’ Genève (III) dwar it-Trattament ta’ Priġunieri tal-Gwerra, u l-Artikolu 146 tal-Konvenzjoni ta’ Genève (IV) dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Pajżani fi Żmien ta’ Gwerra)]. Ara wkoll il-premessi 3 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/494/JAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi network Ewropew ta’ punti ta’ kuntatt dwar persuni li huma responsabbli għal ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 23).

( 72 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 4 tan-nota ta’ informazzjoni tal-HCR, fis-sens li “l-iżvilupp tal-ġurisdizzjoni universali u l-ħolqien ta’ qrati kriminali internazzjonali li jnaqqsu r-rwol tal-esklużjoni bħala mezz sabiex jiġi żgurat li l-maħrubin jitressqu quddiem qorti, li jsaħħaħ l-argumenti favur approċċ restrittiv”.

( 73 ) Ara n-nota ta’ qiegħ-il paġna 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 74 ) Għal espożizzjoni tal-isfidi marbuta ma’ prosekuzzjoni quddiem il-qrati nazzjonali ta’ allegati awturi ta’ delitti gravi tad-dritt internazzjonali, ara Réseau concernant les enquêtes u les poursuites pénales relatives aux génocides, aux crimes contre l’humanité u aux crimes de guerre, “Stratégie du Réseau génocide de l’UE pour lutter contre l’impunité du crime de génocide, des crimes contre l’humanité u des crimes de guerre au sein de l’Union européenne u de ses États membres”, [Netwerk dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni kriminali dwar il-ġenoċidji, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra “Strateġija tan-netwerk dwar il-ġenoċidju tal-UE fil-ġlieda kontra l-impunità tad-delitt ta’ ġenoċidju, tad-delitti kontra l-umanità u tad-delitti tal-gwerra fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha] Den Haag, Novembru 2014, p. 15 sa 23.

( 75 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punt 95).

( 76 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 52); tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 81), u tat-13 ta’ Settembru 2016, CS (C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 41). Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn din tinkludi drittijiet korrispondenti għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk konferiti minn din tal-aħħar. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tostakolax li d-dritt tal-Unjoni jagħti protezzjoni iktar wiesgħa. Għaldaqstant, billi l-Artikolu 7 tal-Karta jinkludi drittijiet korrispondenti għal dawk iggarantiti bl-Artikolu 8 tal-KEDB, jeħtieġ li dawn jingħataw l-istess tifsira u portata bħal dawk mogħtija bl-Artikolu 8 tal-KEDB, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-QEDB [ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB. (C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 53)].

( 77 ) Sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 81) u tat-13 ta’ Settembru 2016, CS (C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 36). Ara wkoll QEDB, sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2014, Jeunesse vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (Nru 12738/10, CE:ECHR:2014:1003JUD001273810, § 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 78 ) QEDB, 2 ta’ Awwissu 2001 (CE:ECHR:2001:0802JUD005427300, § 48).

( 79 ) QEDB, 18 ta’ Ottubru 2006 (CE:ECHR:2006:1018JUD004641099, § 57 u 58).

( 80 ) Ara, b’mod partikolari, QEDB, 2 ta’ Awwissu 2001, Boultif vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2001:0802JUD005427300, § 39).

( 81 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, E. Guild, S. Peers, u J. Tomkin, The EU Citizenship Directive, A Commentary, Oxford University Press, Oxford, 2014, p. 267.

( 82 ) B’mod partikolari, fis-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 2); tat-22 ta’ Mejju 2012, I (C‑348/09, EU:C:2012:300, punt 2), u tas-17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:175, punt 2), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala deċiżjonijiet ta’ tkeċċija fis-sens tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38 miżuri li jimplikaw it-telf tad-dritt ta’ dħul u soġġorn fuq it-territorju ta’ Stat Membru u li jordnaw lill-persuni kkonċernati li jħallu dan it-territorju taħt il-piena ta’ tkeċċija, mingħajr ma dik it-theddida ġiet ikkonkretizzata.

( 83 ) F’dan is-sens, nara ċerta analoġija bejn il-kunċett ta’ “deċiżjoni ta’ tkeċċija” fis-sens tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38 u dik ta’ “deċiżjoni ta’ ritorn” adottata kontra ċittadin ta’ pajjiż terz fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2008/115. Dan il-kunċett tal-aħħar jindika “deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn”. Skont l-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 3(5) tagħha, Stat Membru jista’, sabiex jeżegwixxi deċiżjoni ta’ ritorn, jadotta deċiżjoni jew att separat li jordna l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasferiment fiżiku barra mit-territorju tiegħu.

( 84 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, qabel kollox, matul il-perijodu bejn il-wasla tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2001 sal-konferma mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) taċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil fl-2005, K. irrisjeda legalment f’dan l-Istat Membru provviżorjament fl-istennija tad-deċiżjoni definittiva fuq din l-applikazzjoni. Sussegwentement, K. baqa’ fil-Pajjiżi l-Baxxi minkejja l-ewwel deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat tal-15 ta’ Mejju 2003. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax jekk huwa kienx imbagħad awtorizzat li jibqa’ hemm taħt xi titolu ieħor. Finalment, K. naqas milli jitlaq mill-Pajjiżi l-Baxxi wara t-tieni deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat, akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul fuq it-territorju, adottata fis-16 ta’ Jannar 2013.

( 85 ) QEDB, 2 ta’ Awwissu 2001 (CE:ECHR:2001:0802JUD005427300, § 48).

( 86 ) QEDB, 18 ta’ Ottubru 2006 (CE:ECHR:2006:1018JUD004641099, § 57 u 58).

( 87 ) Ara, b’mod partikolari, QEDB, 3 ta’ Novembru 2011, Arvelo Aponte vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2011:1103JUD002877005, § 55 u 59) u QEDB, 3 ta’ Ottubru 2014, Jeunesse vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2014:1003JUD001273810, § 108 u 113 sa 123). Fis-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 53); tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 86), kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2016, CS (C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 42), il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet ukoll in-natura legali tas-soġġorn fost il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-proporzjonalità ta’ miżura restrittiva u l-konformità tagħha mad-drittijiet fundamentali.

( 88 ) Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 110), l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat ma timplikax teħid ta’ pożizzjoni dwar jekk il-persuna kkonċernata tistax titkeċċa lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Sitwazzjonijiet li fihom persuna la hija ammessa u lanqas tista’ titkeċċa jistgħu jseħħu meta l-Artikolu 4 tal-Karta u l-Artikolu 3 tal-KEDB – li ma jammettu l-ebda deroga – jopponu t-tkeċċija tiegħu lejn pajjiż fejn hemm ir-riskju reali li huwa jkun suġġett għat-tortura u għat-trattament inuman u degradanti. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax jekk l-impossibbiltà ta’ tkeċċija ta’ H. F. tirriżultax minn dawn id-dispożizzjonijiet.

( 89 ) Tista’ titwettaq ċerta approssimazzjoni mal-konklużjoni, adottata fis-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2000, Yiadom (C‑357/98, EU:C:2000:604, punt 43), li tgħid li deċiżjoni ta’ rifjut ta’ soġġorn meħuda kontra ċittadin tal-Unjoni wara li dan ikun baqa’ diversi xhur fuq it-territorju tal-Istat Membru kkonċernat jistenna d-deċiżjoni fuq l-applikazzjoni tiegħu ma tistax tiġi pparagunata għal rifjut ta’ dħul fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE tal-25 ta’ Frar 1964 dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika, (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 5, Vol. 1, p. 11), imħassra minn dakinhar. Tali deċiżjoni kellha tiġi ttrattata bħala “deċiżjoni ta’ tkeċċija” fis-sens tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva u minħabba f’hekk tkun akkumpanjata minn garanziji proċedurali iktar wiesgħa. L-Avukat Ġenerali Léger [konklużjonijiet fil-kawża Yiadom (C‑357/98, EU:C:2000:174)] kienet ikkonstatat insostenn ta’ tali approċċ li “l-persuna preżenti fuq it-territorju nazzjonali, inkluż meta hija qegħda tistenna regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni tagħha, tibbenefika oġġettivament minn iktar opportunitajiet sabiex tinseġ rabtiet soċjali, personali jew professjonali, minn dik li tkun għadha ma qasmitx il-fruntieri. Fil-qosor, hija iktar integrata fl-Istat ospitanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 90 ) Ara, b’mod partikolari, QEDB, sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2011, Nunez vs In-Norveġja (CE:ECHR:2011:0628JUD005559709, § 68); QEDB, 3 ta’ Novembru 2011, Arvelo Aponte vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2011:1103JUD002877005, § 53), kif ukoll QEDB, 3 ta’ Ottubru 2014, Jeunesse vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2014:1003JUD001273810, § 106).

( 91 ) QEDB, deċiżjoni tal-25 ta’ Settembru 2012 (CE:ECHR:2012:0925DEC003340311, § 42). F’dawn il-kundizzjonijiet, il-QEDB esprimiet dubji dwar il-kwalità ta’ “vittma” tar-rikorrent, fis-sens tal-Artikolu 34 tal-KEDB, u qieset li, anki kieku huwa kellu din il-kwalità, l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kinux wettqu żball fit-tfittxija ta’ bilanċ bejn l-interessi kollettivi u individwali preżenti.

( 92 ) QEDB, deċiżjoni tal-25 ta’ Settembru 2012, K. vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2012:0925DEC003340311, § 47).

( 93 ) Ara l-punt 119 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 94 ) Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta l-preżentazzjoni tal-fatti li saret mill-qorti tar-rinviju f’dak li jikkonċerna l-kontinwità tas-soġġorn ta’ K. fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għandha tkun din il-qorti li tiċċara din il-kwistjoni. Fl-istat attwali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta li tibbaża ruħha fuq il-premessa fattwali li fuqha tistrieħ id-deċiżjoni tar-rinviju (ara n-nota ta’ qiegħ-il paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 95 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 23 tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-10 ta’ Diċembru 2008 fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom ta’ moviment u ta’ soġġorn liberu fuq it-territorju tal-Istati Membri [COM(2008) 840 finali, p. 9].

( 96 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:322, punt 45).

( 97 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011 (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punti 60 sa 62). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet din il-konklużjoni fis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Czop u Punakova (C‑147/11 u C‑148/11, EU:C:2012:538, punt 35).

( 98 ) L-Anness V tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-[TUE], it-[TFUE] u t-[Trattat Euratom] (ĠU 2012, L 112, p. 21) jippermetti lill-Istati Membri li jidderogaw, b’mod tranżitorju, ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38.

( 99 ) Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu, b’mod partikolari, dawk stabbiliti bl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, dwar id-disponibbiltà ta’ riżorsi suffiċjenti sabiex ma jsirx ta’ piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 47).

( 100 ) Fil-kawża pendenti C‑424/16 (ĠU 2016, C 350, p. 19), il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita b’domanda preliminari konnessa li permezz tagħha s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) tistaqsiha jekk l-akkwist tad-dritt ta’ soġġorn permanenti fis-sens tal-Artikolu 16 u tal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxix prerekwiżit għat-tgawdija tal-protezzjoni prevista fis-subparagrafu (3)(a) ta’ dan l-aħħar artikolu. Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda B u Secretary of State for the Home Department (C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2017:797, punt 59), l-Avukat Ġenerali Szpunar ippropona lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta affermattiva għal din id-domanda.

( 101 ) Fis-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 50), il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-kwistjonijiet relatati mal-integrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni jirrigwardaw, minbarra l-interess individwali tiegħu, l-interessi tal-Unjoni b’mod ġenerali.

( 102 ) Sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 31) u tas-16 ta’ Jannar 2014, G. (C‑400/12, EU:C:2014:9, punt 23).

( 103 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014 (C‑400/12, EU:C:2014:9, punti 3233).

( 104 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, Dias (C‑325/09, EU:C:2011:498, punt 64) u tas-16 ta’ Jannar 2014, Onuekwere (C‑378/12, EU:C:2014:13, punt 25).

( 105 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011 (C‑325/09, EU:C:2011:498, punti 5563).

Top