EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0326

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fis-26 ta’ Lulju 2017.
LL vs Il-Parlament Ewropew.
Appell – Rikors għal annullament – Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Ammissibbiltà – Terminu għall-preżentata tar-rikors – Komputazzjoni – Ex membru tal-Parlament Ewropew – Deċiżjoni dwar l-irkupru tal-allowance ta’ assistenza parlamentari – Miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament – Artikolu 72 – Proċedura ta’ lment fi ħdan il-Parlament – Notifika tad-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Posta rreġistrata li ma nġabritx mid-destinatarju tagħha.
Kawża C-326/16 P.

Digital reports (Court Reports - general - 'Information on unpublished decisions' section)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:605

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MACIEJ SZPUNAR

ippreżentati fis-26 ta’ Lulju 2017 ( 1 )

Kawża C‑326/16 P

LL

vs

Il-Parlament Ewropew

“Appell – Rikors għal annullament – Ex membru tal-Parlament Ewropew – Deċiżjoni li tirrigwarda l-irkupru tal-allowances relattivi għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet parlamentari – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Proċedura ta’ lment quddiem il-korpi tal-Parlament Ewropew – Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Notifika tad-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Posta rreġistrata li ma nġabritx mid-destinatarju tagħha – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE”

Introduzzjoni

1.

Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant, LL, ex membru tal-Parlament Ewropew, jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, LL vs Il-Parlament ( 2 ), li permezz tiegħu din ċaħdet bħala manifestament inammissibbli, minħabba t-tardività tiegħu, ir-rikors għal annullament tiegħu dirett b’mod partikolari kontra d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tirrigwarda l-irkupru ta’ allowance imħallsa lill-appellant waqt il-mandat Parlamentari tiegħu.

2.

Dan l-appell iqajjem żewġ kwistjonijiet ġodda li jikkonċernaw id-dritt proċedurali tal-Unjoni jiġifieri, minn naħa, ir-relazzjoni bejn ir-rimedji – amministrattivi u ġudizzjarji – kontra d-deċiżjonijiet tal-Parlament li jippreġudikaw lill-membri u, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet ta’ notifika tad-deċiżjonijiet individwali fil-każ fejn l-ispedizzjoni bil-posta ma setgħatx tiġi kkunsinnata lid-destinatarju tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

3.

Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew ( 3 ), tipprovdi, fl-Artikolu 68(1) tagħha, intitolat “Irkupru ta’ ħlasijiet indebiti”:

“Kwalunkwe somma li titħallas b’mod indebitu skont dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni għandha tiġi rkuprata. Is-Segretarju Ġenerali għandu jagħti istruzzjonijiet bil-għan li jiġu rkuprati dawn l-ammonti mill-Membru kkonċernat.”

4.

L-Artikolu 72, tal-miżuri ta’ implementazzjoni, intitolat “Ilmenti” jipprovdi:

“1.   Membru li jidhirlu li dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni ma ġewx applikati sew mis-servizz kompetenti fir-rigward tiegħu jista’ jagħmel ilment bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali.

Id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali dwar l-ilment għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata.

2.   Jekk Membru ma jaqbilx mad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali, fi żmien xahrejn wara n-notifika tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali, jista’ jitlob li l-kwestjoni tintbagħat lill-Kwesturi, li jieħdu deċiżjoni wara konsultazzjoni mas-Segretarju Ġenerali.

3.   Jekk parti għall-proċedura tal-ilment ma taqbilx mad-deċiżjoni adottata mill-Kwesturi, din tista’, fi żmien xahrejn wara n-notifika dwar dik id-deċiżjoni, titlob li l-kwestjoni tintbagħat lill-Bureau li jieħu d-deċiżjoni finali.

4.   Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għal suċċessur legali tal-Membru kif ukoll għal dawk li kienu Membri u s-suċċessuri legali tagħhom.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5.

L-appellant kien membru tal-Parlament matul il-leġiżlatura ta’ bejn l-1999 u l-2004.

6.

Wara investigazzjoni mmexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), li tikkonstata li allowance ta’ assistenza Parlamentari tal-ammont ta’ EUR 37728 kienet tħallset indebitament lill-appellant, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament adotta, fis-17 ta’ April 2014, deċiżjoni intiża għall-irkupru ta’ dan l-ammont. Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lill-appellant fit-22 ta’ Mejju 2014 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kontenzjuża”), flimkien man-nota ta’ debitu tal‑5 ta’ Mejju 2014 li kien fiha l-modalitajiet għall-irkupru.

7.

L-appellant ippreżenta lment kontra din id-deċiżjoni fejn talab ir-rinviju tal-kwistjoni lejn il-kwesturi, abbażi tal-Artikolu 72(2) tal-miżuri ta’ implementazzjoni.

8.

Dan l-ilment ġie miċħud mill-kwesturi bl-ittra tat-3 ta’ Diċembru 2014, li l-appellant jindika li sar jaf biha l-għada.

9.

Fit-2 ta’ Frar 2015, l-appellant talab li l-kwistjoni tiġi rrinvijata quddiem il-Bureau tal-Parlament, b’konformità mal-Artikolu 72(3) tal-miżuri ta’ implementazzjoni.

10.

Il-Bureau tal-Parlement ċaħad l-ilment tal-appellant bid-deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2015 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni tal-Bureau”).

11.

Il-Parlament jindika li d-deċiżjoni tal-Bureau intbagħtet bil-posta rreġistrata fit-30 ta’ Ġunju 2015, lejn l-indirizz indikat mill-appellant fl-ittra ta’ lment tiegħu, Din l-ittra ntbagħtet lura bil-posta Belġjana mingħajr ma nġabret mill-appellant.

12.

Fl-10 ta’ Settembru 2015, l-appellant irċieva posta elettronika minn uffiċjal tal-Parlament, flimkien mad-deċiżjoni tal-Bureau kif ukoll in-nota ta’ debitu li tirrigwarda l-ammont inkwistjoni.

’Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

13.

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Novembru 2015, l-appellant ippreżenta rikors intiż sabiex jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u tan-nota ta’ debitu tal-5 ta’ Mejju 2014.

14.

Insostenn tar-rikors tiegħu, l-appellant invoka żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq in-natura illegali u infondata tad-deċiżjoni kontenzjuża u, it-tieni, fuq ksur tal-prinċipji ta’ preskrizzjoni, ta’ terminu raġonevoli, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

15.

Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala manifestament inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors, previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Il-Qorti Ġenerali indikat li d-deċiżjoni kontenzjuża u n-nota ta’ debitu kienu ġew innotifikati lill-appellant fit-22 ta’ Mejju 2014, filwaqt li r-rikors ġie ppreżentat biss fl-4 ta’ Novembru 2015, jiġifieri iktar minn 17-il xahar wara d-data ta’ notifika, mingħajr ma l-appellant invoka l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.

L-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla d-digriet appellat u sabiex tirrinvija lill-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Parlament jitlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellant jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

Analiżi tal-appell

17.

Insostenn tal-appell, l-appellant jinvoka erba’ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed fuq in-nuqqas tal-eżami komplut tal-fajl mill-Qorti Ġenerali, kif ukoll l-iżball ta’ liġi fl-applikazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni; it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali’ it-tielet fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; u r-raba’ fuq ksur tal-Artikolu 133 u l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, f’dak li jirrigwarda l-kundanna tal-appellant għall-ispejjeż.

18.

Nikkunsidra li jeħtieġ li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, l-ewwel aggravju.

Introduzzjoni

19.

Fl-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant isostni li, fir-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, kien indika li kien ippreżenta lment kontra d-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-kwesturi u, sussegwentement, quddiem il-Bureau. Huwa jilmenta li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni dan il-fatt fil-kalkolu tat-terminu għall-preżentata tar-rikors u, barra minn hekk, li wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni.

20.

Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tal-appellant.

21.

Nosserva li dan l-aggravju fih, fir-realtà, żewġ ilmenti distinti, ibbażati, l-ewwel wieħed fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-digriet appellat, u t-tieni fuq żball ta’ liġi.

Fuq il-motivazzjoni tad-digriet appellat

22.

L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa kien beda l-proċedura ta’ lment prevista fl-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni.

23.

Jidhirli li dan l-aggravju huwa fondat.

24.

Fil-fatt, mir-rikors fl-ewwel istanza jirriżulta li, wara n-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-appellant kien ippreżenta lment kontra din id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni, quddiem il-kwesturi, u sussegwentement quddiem il-Bureau. Fir-rikors tiegħu, l-appellant indika barra minn hekk li kien ippreżenta dan l-ilment fit-termini previsti u li kien ġie informat biċ-ċaħda tiegħu permezz tal-posta elettronika tal-Parlament tal-10 ta’ Settembru 2015.

25.

Issa, billi kkonstatat li r-rikors kien tardiv minħabba l-fatt li ġie ppreżentat iktar minn 17-il xahar wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża (punti 7 u 9 tad-digriet appellat), il-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi fuq il-konsegwenzi ta’ din il-proċedura ta’ lment fuq il-kalkolu tat-terminu għall-preżentata tar-rikors.

26.

Minn dan isegwi li d-digriet appellat huwa vvizzjat minn nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

Fuq l-allegat żball ta’ liġi li jirrigwarda l-applikazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni

27.

Sa fejn jirriżulta, b’mod impliċitu, mid-digriet appellat li l-introduzzjoni ta’ lment abbażi tal-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni ma jinfluwenzax, fi kwalunkwe każ, il-kalkolu tat-terminu għall-preżentata tar-rikors previst mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali applikat dawn id-dispożizzjonijiet b’mod żbaljat.

28.

Nosserva li dan l-ilment ser jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta, għall-ewwel darba, l-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni.

29.

Din l-interpretazzjoni ser ikollha importanza prattika kunsiderevoli, fid-dawl tan-numru li qiegħed jiżdied ta’ proċeduri relattivi għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

30.

Il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet fuq ir-relazzjoni bejn l-ilment abbażi tal-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni u l-azzjoni ġudizzjarja, billi ddeċidiet fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà f’kawża li hija attwalment pendenti, permezz tad-digriet Le Pen vs Il-Parlament ( 4 ).

31.

Skont il-Qorti Ġenerali, iż-żewġ rimedji – amministrattivi u ġudizzjarji – ma jeskludux wieħed lill-ieħor, fis-sens li huwa possibbli għall-appellant sabiex jippreżenta lment kontra d-deċiżjoni tal-Parlament fuq il-bażi tal-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni, fl-istess ħin ma’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Din is-soluzzjoni hija sostnuta mill-fatt li jipprovdi li l-imsemmi Artikolu 72 jistabbilixxi proċedura ta’ lment fakultattiva, nieqsa minn effett sospensiv, u li ma tikkostitwixxix prerekwiżit għall-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja ( 5 ).

32.

Billi pprovdiet din is-soluzzjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-pożizzjoni tal-Parlament li sostna, f’din il-kawża, li meta membru jippreżenta lment kontra deċiżjoni, ma jistax simultanjament jippreżenta azzjoni ġudizzjarja kontra l-istess deċiżjoni peress li din l-azzjoni tkun prematura ( 6 ). Il-Parlament iressaq l-istess teżi fil-kawża preżenti, billi jsostni li, minkejja li l-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni ma jipprevedix proċedura prekontenzjuża obbligatorja, madankollu, meta membru jagħżel li jippreżenta lment, ma jistax jippreżenta azzjoni ġudizzjarja, iżda għandu jistenna tmiem il-proċedura ta’ lment u, jekk ikun il-każ, jikkontesta d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

33.

Nosserva li huwa stabbilit li l-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni jistabbilixxi, għall-benefiċċju tal-membri, proċedura ta’ lment fakultattiva kontra d-deċiżjonijiet adottati mill-Parlament.

34.

Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni għandha, fl-opinjoni tiegħi, tiġi interpretata fis-sens li tirrigwarda proċedura ta’ lment preċedenti għall-azzjoni ġudizzjarja.

35.

Mil-loġika stess tal-kontenzjuż amministrattiv jirriżulta li rimedju amministrattiv – kemm jekk ikun obbligatorju jew fakultattiv – għandu jseħħ qabel il-kawża. Il-proċedura ta’ lment toffri possibbiltà ta’ konċiljazzjoni bejn il-parti fil-kawża u l-amministrazzjoni ( 7 ), sabiex tiġi evitata kawża. Din il-proċedura amministrattiva ssir superfluwa meta l-parti interessata tippreżenta azzjoni ġudizzjarja kontra l-istess att.

36.

L-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni jistabbilixxi b’hekk proċedura li, fin-natura tagħha, hija prerekwiżit tal-kawża, minkejja li hija fakultattiva għall-parti interessata.

37.

Fir-rigward tal-effetti ta’ din il-proċedura fuq it-terminu għall-preżentata tar-rikors previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, nikkunsidra li meta ssir proċedura prekontenzjuża din għandha neċessarjament tippreżerva t-terminu tar-rikors kontenzjuż. Interpretazzjoni differenti tkun kuntrarja għall-effett utli previst minn proċedura prekontenzjuża. L-istess kunsiderazzjoni tirriżulta mill-prinċipju adottat fid-dritt amministrattiv f’ċerti Stati Membri li jipprovdi li kull deċiżjoni amministrattiva tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors amministrattiv li – sakemm ikun ġie ppreżentata fit-terminu tar-rikors kontenzjuż – jinterrompi lil dan it-terminu milli jiddekorri ( 8 ).

38.

Din il-kunsiderazzjoni hija l-bażi wkoll tas-soluzzjoni adottata espliċitament mil-leġiżlatur fir-rigward ta’ proċedura ta’ ilment preliminari prevista, b’mod obbligatorju, mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea ( 9 ) – li jipprovdu li t-terminu għall-preżentata tar-rikors jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha d-deċiżjoni taċ-ċaħda tal-ilment ġiet innotifikata.

39.

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilment amministrattiv u ċ-ċaħda tiegħu huma parti integrali minn proċedura kumplessa, prerekwiżita għar-rikors kontenzjuż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għal annullament, anki jekk ikun formalment ippreżentat kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu l-effett li jressaq quddiem il-qorti l-att li jikkawża preġudizzju u li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment ( 10 ). Ir-rikors huwa ammissibbli, kemm jekk jiġi dirett kontra d-deċiżjoni li kienet is-suġġett tal-ilment jew kontra d-deċiżjoni li tirrigwarda ċ-ċaħda tal-ilment sakemm l-ilment u r-rikors ikunu ġew ippreżentati fit-termini stabbiliti ( 11 ).

40.

Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw bl-istess saħħa fuq il-proċedura ta’ lment prevista fl-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni.

41.

Madankollu, il-Parlament jenfasizza li, b’differenza mill-ilment tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, li għandu natura obbligatorja, dak previst fl-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni huwa fakultattiv u ma huwiex akkumpanjat minn terminu għal risposta li jillimita l-azzjoni tal-amministrazzjoni.

42.

Ma naħsibx li din id-differenza hija relevanti fil-kawża preżenti. Ir-rimedji amministrattivi preliminari jsegwu l-istess loġika, dik ta’ rimedju prekontenzjuż, indipendentement min-natura obbligatorja jew fakultattiva tagħhom. Barra minn hekk, fir-rigward tan-nuqqas ta’ terminu għar-risposta impost fuq l-amministrazzjoni, nosserva li dan it-terminu jikkostitwixxi garanzija neċessarja fil-każ ta’ azzjoni amministrattiva obbligatorja, peress li nuqqas tal-amministrazzjoni jista’ jdewwem il-preżentata tar-rikors kontenzjuż. Bil-kontra, meta l-proċedura amministrattiva tkun fakultattiva, in-nuqqas ta’ terminu għar-risposta ma jirriskjax li jiġi limitat l-aċċess għall-qrati, peress li r-rikorrent iżomm f’kull mument il-possibbiltà li jirrinunzja s-segwiment tal-proċedura amministrattiva u li jippreżenta rikors kontenzjuż.

43.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, nikkunsidra li l-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwa interrott permezz tal-preżentata ta’ lment kontra l-att li jikkawża preġudizzju, taħt il-kundizzjoni li l-ilment ikun ġie ppreżentat fit-terminu previst jew, fin-nuqqas ta’ terminu għat-tressiq ta’ lment ( 12 ), fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors. It-terminu jibda jiddekorri mill-ġdid mill-ġurnata li fiha d-deċiżjoni taċ-ċaħda tal-ilment tkun ġiet innotifikata.

44.

Ir-rikors għal annullament li jsegwi lil din il-proċedura ta’ lment għandu bħala effett li jressaq quddiem il-qorti l-att li jikkawża preġudizzju u li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment. Din il-kunsiderazzjoni hija valida, hekk kif stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-proċedura ta’ lment prevista fl-Artikoli 90 u 91 tar- Regolamenti tal-Persunal ( 13 ), anki fil-każ fejn ir-rikors huwa formalment dirett kontra ċ-ċaħda tal-ilment.

45.

Barra minn hekk, jekk il-membru jippreżenta rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali minflok ma jippreżenta lment, jew qabel ma tintemm il-proċedura ta’ lment, għandu jiġi kkunsidrat li huwa jirrinunzja li jsegwi din il-proċedura preliminari. Dan jirriżulta min-natura fakultattiva tal-proċedura inkwistjoni fejn is-segwiment (jew le) tagħha jitħalla f’idejn il-parti interessata. Għaldaqstant, m’iniex konvint mis-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fil-kawża Le Pen vs Il-Parlament ( 14 ).

46.

Fil-każ fejn id-digriet appellat huwa bbażat b’mod impliċitu fuq il-kunsiderazzjoni li tipprovdi li t-terminu għall-preżentata tar-rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża ma ġiex interrott mill-preżentata tal-ilment abbażi tal-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implementazzjoni, dan id-digriet huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi.

47.

Konsegwentement, nikkunsidra li għandhom jintlaqgħu ż-żewġ ilmenti tal-aggravju preżenti u li jiġi annullat id-digriet appellat, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra tal-appell.

Fuq il-konsegwenzi tal-annullament

Osservazzjonijiet ġenerali

48.

Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta din il-qorti tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali.

49.

F’dan il-każ, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi meħtieġa biex tiddeċiedi definittivament dwar l-ammissibbiltà tar-rikors. Bil-kontra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-fondatezza, peress li, fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali sempliċement ċaħdet ir-rikors bħala manifestament inammissibbli, mingħajr ma daħlet fil-mertu.

50.

Nosserva li huwa stabbilit li l-appellant, bħala destinatarju tad-deċiżjoni kontenzjuża, għandu locus standi abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

51.

L-unika eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Parlament tirrigwarda l-osservanza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors.

52.

Il-Parlament iqajjem żewġ argumenti f’dan ir-rigward li jirrigwardaw, l-ewwel wieħed, id-dekorrenza tat-terminu u t-tieni, id-data tan-notifika tad-deċiżjoni taċ-ċaħda tal-ilment.

Fuq id-dekorrenza tat-terminu

53.

Fl-ewwel lok, il-Parlament isostni li, fil-każ fejn ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, u mhux kontra d-deċiżjoni tal-Bureau li tiċħad l-ilment, it-terminu għall-preżentata tar-rikors għandu jiġu kkalkolat mill-ġurnata tan-notifika tal-ewwel deċiżjoni. Konsegwentement, skont il-Parlament, dan it-terminu kien skada b’diversi xhur.

54.

B’teħid inkunsiderazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet espressi iktar ’il fuq ( 15 ), dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, minkejja li kien beda jiddekorri, kien ġie interrott bil-preżentata tal-ilment, u kien beda jiddekorri, mill-ġdid, fit-totalità tiegħu, fil-ġurnata tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Bureau li tiċħad l-ilment. Id-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni tikkostitwixxi, għaldaqstant, il-punt ta’ tluq għall-kalkolu tat-terminu għall-preżentata tar-rikors.

Fuq id-data tan-notifika tad-deċiżjoni taċ-ċaħda tal-ilment

55.

Fit-tieni lok, il-Parlament isostni li r-rikors ikun tardiv, anki kieku t-terminu beda jiddekorri mill-ġurnata li fiha d-deċiżjoni taċ-ċaħda tal-ilment ġiet innotifikata. Fil-fatt, skont il-Parlament, din id-deċiżjoni ġiet innotifikata permezz ta’ posta rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta, li għaliha s-servizzi postali ħallew avviż ta’ attentat ta’ kunsinna fit-30 ta’ Ġunju 2015. Il-Parlament isostni li, peress li l-appellant ma ġabarx l-ittra fit-terminu normali ta’ ħażna ta’ 15‑il ġurnata applikat mill-posta Belġjana, id-deċiżjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala li ġiet debitament innotifikata fil-15 ta’ Lulju 2015, jiġifieri d-data tal-iskadenza tal-imsemmi terminu ta’ ħażna. Il-Parlament iżid jgħid li l-fatt li, fid-data meta tħalla l-avviż tal-attentat ta’ kunsinna, l-appellant kien diġà mar jgħix barra u ma baqax jgħix fl-indirizz indikat, ma huwiex relevanti, inkwantu l-appellant ma informax lill-Parlament bil-bidla fl-indirizz tiegħu.

56.

L-appellant jikkontesta dan l-argument billi jindika li kien sar jaf għall-ewwel darba bid-deċiżjoni tal-Bureau permezz ta’ posta elettronika tal-Parlament tal-10 ta’ Settembru 2015, u għaldaqstant, din id-data kellha tinżamm bħala d-data ta’ notifika.

57.

Sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament, għandhom jiġu ddeterminati l-modalitajiet ta’ kalkolu tat-termini għall-preżentata tar-rikors, fil-każ fejn id-deċiżjoni li tippreġudika hija nnotifikata permezz ta’ posta rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta.

58.

Dan huwa aspett proċedurali importanti, peress li dan il-mezz ta’ notifika qed jintuża attwalment mill-istituzzjonijiet.

59.

Infakkar li mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, jirriżulta li d-deċiżjonijiet li jindikaw destinatarju għandhom jiġu nnotifikati lid-destinatarji tagħhom u jieħdu effett permezz ta’ din in-notifika. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi prinċipju ta’ ċertezza legali li minnu jirriżulta li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn att amministrattiv individwali ma jistgħux jiġu invokati fil-konfront tad-destinatarju tiegħu sakemm dan l-att ma jkunx ġie mgħarraf lilu debitament ( 16 ).

60.

Skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn, li jibdew jiddekorru, għal att li jrid jiġi nnotifikat, min-notifika tiegħu lir-rikorrent.

61.

Skont ġurisprudenza stabbilita, deċiżjoni tkun ġiet debitament innotifikata, fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, meta tiġi kkomunikata lid-destinatarju tagħha u huwa jkun f’pożizzjoni li jsir jaf biha ( 17 ).

62.

Il-modalitajiet tan-notifika applikati sabiex jiġu ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti ma għandhomx ikunu eċċessivament formalistiċi, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju ġenerali tad-dritt, u b’mod partikolari il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ( 18 ).

63.

Fir-rigward ta’ notifika permezz ta’ posta rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta, nosserva li, meta l-posta tiġi rritornata lill-persuna li tkun bagħtitha, peress li d-destinatarju tagħha ma jkunx ġabarha, huwa ovvju li ma ġietx ikkomunikata lid-destinatarju tagħha.

64.

Madankollu, il-Parlament isostni li tali notifika għandha tiġi meqjusa bħala debitament imwettqa meta d-destinatarju, avżat permezz ta’ avviż ta’ attentat ta’ kunsinna li jitħalla fl-indirizza tar-residenza tiegħu, ma jiġborx il-posta fit-terminu applikat mis-servizz postali.

65.

F’dan ir-rigward, il-Parlament jirreferi għad-digriet AG vs Il-Parlament ( 19 ), li fih it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li r-regolarità ta’ notifika permezz ta’ posta rreġistrata hija suġġetta għall-osservanza ta’ “regoli nazzjonali dwar it-tqassim tal-posta”. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata, minkejja li naqas milli jippreċiża r-regoli nazzjonali applikabbli, li, meta d-destinatarju ma jiġborx l-ittra rreġistrata fit-terminu applikat mis-servizzi tal-posta, għandu jiġi kkunsidrat li din ġiet debitament innotifikata fid-data tal-iskadenza ta’ dan it-terminu ( 20 ).

66.

Nosserva li l-preżunzjoni li notifika hija meqjusa bħala debitament imwettqa, taħt ċerti kundizzjonijiet, anki meta d-destinatarju ma jiġborx l-ittra rreġistrata, teżisti fid-dritt nazzjonali ta’ ċerti Stati Membri. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-proċeduri ċivili, il-possibbiltà li jiġi kkonstatat li n-notifika tal-att ta’ proċedura huwa meqjus bħala mwettaq tippermetti s-salvagwardja tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent, peress li l-impossibbiltà li tinkiseb deċiżjoni ġudizzjarja minħabba diffikultajiet ta’ notifika għall-konvenut tista’ twassal għal ċaħda ta’ ġustizzja ( 21 ). Anki fil-każ fejn tali preżunzjoni hija prevista fid-dritt nazzjonali, il-kundizzjonijiet li jippermettu li din tiġi sostnuta jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor ( 22 ).

67.

Nikkunsidra li l-introduzzjoni sussegwenti ta’ tali preżunzjoni fid-dritt proċedurali tal-Unjoni taqa’ esklużivament taħt ir-rwol tal-leġiżlatur.

68.

Fil-fatt, b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżit ta’ ċertezza legali marbuta mal-applikazzjoni tat-termini legali, il-possibbiltà li tiġi introdotta regola ġdida dwar in-notifika tad-deċiżjonijiet individwali, li jkollha konsegwenzi ġuridiċi fuq id-data ta’ validità ta’ dawn id-deċiżjonijiet kif ukoll fuq il-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, għandha tkun irriżervata għal-leġiżlatur. Dan huwa iktar minnu peress li l-applikazzjoni tal-preżunzjoni inkwistjoni għandha jkollha modalitajiet preċiżi, stabbiliti minn qabel, b’mod partikolari t-terminu uniformi għall-iskadenza li fih l-ittra hija meqjusa bħala notifikata, peress li t-termini applikati mis-servizzi postali jvarjaw skont il-pajjiż, is-servizz, u n-natura tal-posta.

69.

Barra minn hekk, nosserva li l-interpretazzjoni estensiva tal-modalitajiet tan-notifika tad-deċiżjonijiet individwali, proposta mill-Parlament, tmur kontra d-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, kif ukoll il-prinċipju ta’ in dubio pro actione, li jipprovdi, li fil-każ ta’ dubju, għandha tiġi vvantaġġata interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet proċedurali li ma ċċaħħadx lill-partijiet interessati mid-dritt tagħhom ta’ azzjoni ġudizzjarja ( 23 ).

70.

B’hekk, fl-opinjoni tiegħi, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espliċiti f’dan is-sens ( 24 ), istituzzjoni tal-Unjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq preżunzjoni li tipprovdi li notifika ġiet debitament imwettqa meta d-destinatarju ma jiġborx l-ittra rreġistrata fit-terminu impost mis-servizzi tal-posta.

71.

In-nuqqas ta’ tali regoli fid-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi solvuta għaldaqstant minn riferiment għad-dritt nazzjonali.

72.

Nosserva li la s-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u lanqas l-Artikolu 297(2) TFUE ma jirreferu għad-dritt nazzjonali sabiex jiġu ddeterminati s-sens jew il-portata tal-kunċett ta’ “notifika”.

73.

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma fihom l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membru għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha ( 25 ). Fir-rigward tat-termini għall-preżentata ta’ rikors, tali interpretazzjoni għandha barra minn hekk tippermetti li tiġi evitata kull diskriminazzjoni fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ( 26 ).

74.

Dan ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni awtonoma u uniformi tapplika iktar u iktar fil-kawża preżenti, peress li tirrigwarda kunċett tad-dritt primarju tal-Unjoni li jservi sabiex tiġi ddeterminata d-data li fiha d-deċiżjonijiet tal-istituzzjoni jibdew jipproduċu l-effetti legali tagħhom.

75.

Riferiment għad-dritt nazzjonali jikkomprometti lil dan ir-rekwiżit, peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jvarjaw b’mod sinjifikattiv kemm fir-rigward tal-possibbiltà stess li jiġi preżunt li n-notifika seħħet, minkejja l-fatt li l-ittra ma setgħatx tiġi kkunsinnata lid-destinatarju tagħha, u kemm fir-rigward tal-modalitajiet ta’ tali preżunzjoni.

76.

Barra minn hekk, fil-każ fejn il-Parlament isostni li seta’ validament jafda fl-indirizz Belġjan ikkomunikat mir-rikorrent fl-ilment tiegħu, nosserva, fl-ewwel lok, li sa fejn naf jien, l-ebda regola espliċita ma tirrikjedi li parti fil-proċedura ta’ lment inkwistjoni għandha tinforma lill-istituzzjoni bil-bidla fl-indirizz tagħha ( 27 ). Il-Parlament lanqas ma jindika li kien informa lir-rikorrent b’tali obbligu eventwali. Fit-tieni lok, anki jekk jitqies li jeżisti tali obbligu, il-Parlament ma jinvoka l-ebda regola ta’ dritt li tippreċiża l-konsegwenzi tan-nuqqas li tiġi kkomunikata tali informazzjoni. F’dan il-kuntest, ir-riferiment għad-dritt nazzjonali jidhirli li ma huwiex suffiċjenti, peress li r-regoli jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Barra minn hekk, għandu jiġi mistoqsi għaldaqstant jekk il-modalitajiet nazzjonali li għandhom jiġu applikati humiex dawk tad-dritt Belġjan jew tad-dritt tal-pajjiż tar-residenza abitwali tar-rikorrent fil-mument tan-notifika. Fi kwalunkwe każ, minkejja li r-rikorrent kien naqas milli jinforma lill-Parlament bil-bidla fl-indirizz tiegħu, għandu jiġi osservat li, fl-ilment tiegħu, kien indika l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, kif ukoll in-numru tat-telefon tiegħu li, skont ir-rikorrent, ma nbidlux.

77.

Isegwi li, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Parlament, id-deċiżjoni tal-Bureau li tiċħad lill-ilment ippreżentat mir-rikorrent, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li ġiet innotifikata fil-15 ta’ Lulju 2015.

78.

Fir-rigward tad-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, nosserva li hija l-parti li tinvoka t-tardività ta’ rikors li għandha tressaq il-prova tad-data li fiha d-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lid-destinatarju tagħha ( 28 ).

79.

Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja mressqa mill-Parlament, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tal-Bureau ġiet ikkomunikata lir-rikorrent bil-posta elettronika tal-10 ta’ Settembru 2015.

80.

Nosserva li l-indirizz tal-posta elettronika inkwistjoni kien ġie ikkomunikat mir-rikorrent lill-Parlament, b’mod partikolari, fl-ittra tal-ilment tiegħu tat-2 ta’ Frar 2015, u li dan il-mezz ta’ komunikazzjoni kien għaldaqstant aċċettat impliċitament miż-żewġ partijiet. Fir-risposta tiegħu, il-Parlament jindika huwa stess li kien bagħat il-posta elettronika inkwistjoni sabiex josserva l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Barra minn hekk, peress li r-rikorrent avża li rċieva l-posta elettronika mingħajr dewmien, ma jistax jiġi sostnut li huwa ipprova jinjora lill-modalitajiet ta’ notifika.

81.

Peress li d-deċiżjoni taċ-ċaħda tal-ilment ġiet innotifikata fl-10 ta’ Settembru 2015, it-terminu għall-preżentata tar-rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża li hija l-oġġett ta’ dan l-ilment skada fl-20 ta’ Novembru 2015. Ir-rikors preżenti, ippreżentat fl-4 ta’ Novembru 2015, għalhekk ma huwiex tardiv.

82.

Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet kollha, jiena tal-opinjoni li għandu jiġi annullat id-digriet appellat, li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament u li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tiddeċiedi fuq il-mertu.

Konklużjoni

83.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tilqa’ l-appell, tannulla d-digriet tad-19 ta’ April 2016, LL vs Il-Parlament, (T‑615/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:432) u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, filwaqt li tirriżerva l-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Digriet tad-19 ta’ April 2016 (T‑615/15, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2016:432).

( 3 ) (ĠU 2009, C 159, p. 1), fil-verżjoni taghħa fis-seħħ mill-21 ta’ Ottubru 2010 u kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju u tat-18 ta’ Ottubru 2010 (ĠU 2010, C 283, p. 9) (iktar ’il quddiem il-“miżuri ta’ implementazzjoni”).

( 4 ) Digriet tal-24 ta’ Ottubru 2016 (T‑140/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:645).

( 5 ) Ara d-digriet tal-24 ta’ Ottubru 2016 (T‑140/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:645, punti 26 sa 31). Ara wkoll id-digriet tas-6 ta’ Marzu 2017, Le Pen vs Il-Parlament (T‑140/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:151 punt 30).

( 6 ) Ara d-Digriet tat-24 ta’ Ottubru 2016, Le Pen vs Il-Parlament (T‑140/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:645 punt 22).

( 7 ) Sentenza tas-7 ta’ Mejju 1986, Rihoux et vs Il-Kummissjoni (52/85, EU:C:1986:199, punt 12).

( 8 ) Ara, fid-dritt Franċiż, l-Artikolu L. 411-2 tal-Code des relations entre le public et l’administration (kodiċi tar-relazzjonijiet bejn il-pubbliku u l-amministrazzjoni), li jipprovdi li “[k]ull deċiżjoni amministrattiva tista’, fit-terminu stabbilit għall-preżentata ta’ rikors kontenzjuż, tkun is-suġġett ta’ rikors ta’ reviżjoni [lill-awtorità amministrattiva li adottat id-deċiżjoni] jew appell quddiem awtorità amministrattiva superjuri [kontra d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva inferjuri], li jinterrompi lil dan it-terminu milli jiddekorri”.

( 9 ) Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri partikolari li huma temporanjament applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 5).

( 10 ) Sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament (293/87, EU:C:1989:8, punti 7 u 8), u tal-14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il-Kummissjoni (346/87, EU:C:1989:59, punti 9 u 10). Eċċezzjoni għal din ir-regola tirrigwarda l-ipoteżi li fiha ċ-ċaħda tal-ilment jkollha portata differenti minn dik tal-att li kontrih ġie ppreżentat dan l-ilment (ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni,T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 32).

( 11 ) Sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il-Kummissjoni (224/87, EU:C:1989:38, punt 7), u tal-21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni (T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 33).

( 12 ) L-Artikolu 72(1) tal-miżuri ta’ implementazzjoni – li ma huwiex relevanti fil-kawża preżenti – ma jipprevedix terminu għall-preżentata tal-ilment.

( 13 ) Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Ara l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Seattle Genetics (C‑471/14, EU:C:2015:590, punt 42).

( 17 ) Sentenzi tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni (6/72, EU:C:1973:22, punt 10); tal-11 ta’ Mejju 1989, Maurissen u Union syndicale vs Il-Qorti tal-Awdituri (193/87 u 194/87, mhux ippubblikata, EU:C:1989:185, punt 46), kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 1989, Olbrechts vs Il-Kummissjoni (58/88, EU:C:1989:323, punt 10). Ara wkoll id-digriet tat-2 ta’ Ottubru 2014, Page Protective Services vs SEAE (C‑501/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2259, punt 30).

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat-3 ta’ Lulju 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑102/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2054, punt 32, u tat-2 ta’ Ottubru 2014, Page Protective Services vs SEAE (C‑501/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2259, punt 31).

( 19 ) Digriet tas-16 ta’ Diċembru 2010 (F-25/10, EU:F:2010:171, punt 40).

( 20 ) Digriet tas-16 ta’ Diċembru 2010, AG vs Il-Parlament (F-25/10, EU:F:2010:171, punt 44).

( 21 ) Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2015, Gogova (C‑215/15, EU:C:2015:710, punt 46).

( 22 ) Fid-dritt Pollakk, l-Artikolu 44(1) tal-Kodeks postępowania administracyjnego (kodiċi ta’ proċedura amministrattiva), tal-14 ta’ Ġunju 1960 (Dz.U. tal-1960 Nr 30, entrata 168; t.j. Dz.U. tal-2016 r. entrata 23) jipprevedi li n-notifika tal-att ta’ proċedura hija, taħt ċerti kundizzjonijiet, meqjusa bħala mwettqa fl-iskadenza tat-terminu ta’ 14-il ġurnata ta’ ħażna mill-operatur postali awtorizzat. Fid-dritt Litwan, it-tfassil il-ġdid tal-Artikolu 123(3) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2017 (CPK, 2016 m. lapkričio 8 d. įstatymo Nr. XII-2751 redakcija) jipprevedi li, bla ħsara għall-osservanza tal-modalitajiet stabbiliti mill-Gvern, in-notifika ta’ att tal-proċedura hija meqjusa mwettqa fl-iskadenza tat-terminu ta’ 30 ġurnata wara li jitħalla l-avviż ta’ attentat ta’ kunsinna fl-indirizz iddikjarat uffiċjalment mid-destinatarju. Tali preżunzjoni ma teżistix, sa fejn naf jien, fid-dritt Franċiż, peress li l-att ma jistax jiġi meqjus bħala notifikat meta l-ittra rreġistrata tintbagħat lura bħala mhux miġbura (ara Cour de cassation, 2e civ. 16 janv. 2014, no13-10.108: JurisData no 2014-000467). Id-dritt Ġermaniż fih regoli ddettaljati li jirregolaw id-diversi mezzi ta’ notifika tal-atti tal-proċedura; ara, dwar il-proċedura amministrattiva, l-Artikoli 3 sa 5 tal-Verwaltungszustellungsgesetz tat-12 ta’ Awwissu 2005 (BGBl. 2005 I p. 2354) u, dwar il-proċedura ċivili, l-Artikoli 171 u 177 sa 181 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili.

( 23 ) Sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, PPG u SNF vs ECHA (C‑625/11 P, EU:C:2013:594, punt 33). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Mülhens vs UASI (C‑206/04 P, EU:C:2005:673, punt 35); tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża PPG u SNF vs ECHA (C‑625/11 P, EU:C:2013:193, punt 82), kif ukoll tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Nissan Jidosha vs UASI (C‑207/15 P, EU:C:2016:190, punt 66).

( 24 ) B’hekk, pereżempju, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali, in-notifika lir-rappreżentant tar-rikorrent tiswa bħala notifika lid-destinatarju biss meta tali forma ta’ notifika hija prevista espressament minn leġiżlazzjoni jew minn ftehim bejn il-partijiet (sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il-Kunsill (T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata). Id-dispożizzjonijiet speċjali dwar in-notifika permezz tal-posta rreġistrata huma previsti, pereżempju, għan-notifiki mwettqa mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, fir-Regola 62(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol.1 p. 189).

( 25 ) Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Axa Belgium (C‑494/14, EU:C:2015:692, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1985, Cockerill-Sambre vs Il-Kummissjoni (42/85, EU:C:1985:471, punt 10), u d-digriet tad-29 ta’ Jannar 2014, Gbagbo vs Il-Kunsill (C‑397/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:46, punt 7 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) B’hekk, pereżempju, fid-dritt Pollakk, l-amministrazzjoni hija marbuta li tinforma lill-parti interessata jew lir-rappreżentant tagħha bl-obbligu legali, previst fl-Artikolu 41(1) tal-kodiċi ta’ proċedura amministrattiva, li tiġi kkomunikata kull bidla ta’ indirizz, kif ukoll sabiex tiġbed l-attenzjoni tagħha għall-konsegwenzi ta’ nuqqas sussegwenti ta’ notifika ta’ atti tal-proċedura, previsti fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu. Ara l-Artikolu 41(1) u (2) tal-kodiċi ta’ proċedura amministrattiva (Ustawa z dnia 14 czerwca 1960 r. – Kodeks postępowania administracyjnego, Dz.U. 1960 Nr 30, poz. 168t.j. Dz.U. z 2016 r. poz. 23).

( 28 ) Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989, Olbrechts vs Il-Kummissjoni (58/88, EU:C:1989:323, punt 10).

Top