EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0163(01)

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fis-6 ta’ Frar 2018.
Christian Louboutin u Christian Louboutin Sas vs van Haren Schoenen BV.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Den Haag.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni jew għal invalidità – Sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma tal-prodott – Kunċett ta’ ‘forma’ – Kulur – Pożizzjoni fuq parti tal-prodott – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 2 – Artikolu 3(1)(e)(iii).
Kawża C-163/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:64

KONKLUŻJONIJIET SUPPLIMENTARI TAL-AVUKAT ĠENERALI SZPUNAR

ippreżentati fis-6 ta’ Frar 2018 ( 1 )

Kawża C‑163/16

Christian Louboutin,

Christian Louboutin SAS

vs

Van Haren Schoenen BV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag (il‑Qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali – Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Rifjut ta’ reġistrazzjoni jew invalidità – Forma – Kunċett – Karatterisitiċi tridimensjonali tal-prodotti – Kulur”

I. Introduzzjoni

1.

F’din il-kawża, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti l-interpretazzjoni tagħha dwar l-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95/KE ( 2 ).

2.

Fit-28 ta’ Frar 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tassenja l-kawża lid-Disa’ Awla. Saret seduta fis-6 ta’ April 2017. Fit-22 ta’ Ġunju 2017, jiena ppreżentajt l-ewwel konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża.

3.

Id-Disa’ Awla ddeċidiet, fit-13 ta’ Settembru 2017, skont l-Artikolu 60(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din terġa’ tiġi assenjata lil kulleġġ ġudikanti ikbar. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja assenjat il-kawża lill-Awla Manja.

4.

Permezz tad-digriet tagħha tat-12 ta’ Ottubru 2017, Louboutin u Christian Louboutin (C‑163/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:765), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura orali u stiednet lill-persuni kkonċernati jipparteċipaw f’seduta ġdida.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

5.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/95, intitolat “Raġunijiet għal rifjut jew nullità” jipprovdi fil-paragrafu 1(b) u (e)(iii) tiegħu:

“1.   Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

[…]

(b)

trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

[…]

(e)

sinjali li jikkonsistu esklussivament minn:

[…]

(iii)

l-għamla li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija;

[…]”

B.   Il-Konvenzjoni Benelux

6.

Id-dritt tat-trade marks fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa rregolat mill-Konvenzjoni Benelux dwar il-Proprjetà Intellettwali (Trade Marks u Disinni), iffirmata f’Den Haag, fil-25 ta’ Frar 2005, mir-Renju tal-Belġju, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Benelux”).

7.

L-Artikolu 2.1 tal-Konvenzjoni Benelux, intitolat “Sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark Benelux”, jipprovdi b’mod partikolari li “[…] madankollu, ma jistgħux jitqiesu bħala trade marks is-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma li hija imposta min-natura stess tal-prodott, li tagħti valur sostanzjali lill-prodott jew li hija meħtieġa sabiex jinkiseb riżultat tekniku”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8.

Bi tweġiba għall-istedina indirizzata lill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Christian Louboutin u l-kumpannija Louboutin SAS (iktar ’il quddiem, flimkien, “Louboutin”), Van Haren Schoenen BV (iktar ’il quddiem “Van Haren”), il-Gvern Ġermaniż, Franċiż u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fis-seduta li saret fl-14 ta’ Novembru 2017 ( 3 ). Kien f’dan l-istadju tal-proċedura li l-partijiet ikkonċernati kellhom it-tieni opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom dwar id-domanda preliminari, ifformulata kif ġej: “[i]l-kunċett ta’ ‘għamla’ fis-sens tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva [2008/95] huwa limitat għall-karatteristiċi tridimensjonali tal-prodotti, bħall-kontorni, il-kejl u l-volumi tagħhom (espressi tridimensjonalment) jew jinkludi karatteristiċi (mhux tridimensjonali) oħrajn tal-prodotti, bħall-kulur tagħhom?”

IV. Analiżi

A.   Tfakkir tal-interpretazzjoni proposta fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi u l-għan tal-konklużjonijiet ineżami

9.

Fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi, għamilt analiżi li wasslitni sabiex inqis li sinjal li jgħaqqad il-kulur u l-forma jista’ jaqa’ taħt il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 ( 4 ).

10.

Għalhekk ipproponejt li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata għal sinjal ikkostitwit mill-forma tal-prodott u li jinvoka l-protezzjoni għal kulur partikolari.

11.

Fil-punti 28 sa 41 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi, b’mod sussidjarju, ippreżentajt ir-riflessjonijiet tiegħi dwar il-klassifikazzjoni tat-trade mark kontenzjuża. Ikkonstatajt li t-trade mark inkwisjtoni għandha tiġi assimilata ma’ sinjal ikkostitwit mill-forma tal-prodott u li jinvoka l-protezzjoni għal kulur fir-rigward ta’ din il-forma, pjuttost milli ma’ trade mark kkostitwita minn kulur fih innifsu.

12.

Madankollu, kif diġà osservajt fil-punt 31 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi, inqis li l-klassifikazzjoni tat-trade mark inkwistjoni tikkostitwixxi evalwazzjoni fattwali li f’dan il-każ għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali.

13.

L-istess jgħodd għar-risposta għad-domanda dwar jekk il-kulur aħmar tal-pett jagħtix valur sostanzjali lill-prodott. Jidhirli li l-pożizzjoni tal-qorti tar-rinviju hija ċara fuq dan il-punt u li titlaq mill-premessa li din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv.

14.

Madankollu, fil-punti 70 sa 72 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi, jiena indikajt fir-risposta proposta minni għad-domanda preliminari li l-analiżi sabiex jiġi stabbilit jekk hijiex forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott fis-sens tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 – u, għalhekk, jekk din id-dispożizzjoni tapplikax jew le f’dan il-każ – tirrigwarda esklużivament il-valur intrinsiku tal-forma u ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-attraenza tal-prodott li tirriżulta mir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark jew tal-proprjetarju tagħha. Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, jiena fformulajt it-tieni parti tar-risposta proposta minni għad-domanda preliminari kif ġej: “[i]l-kunċett ta’ forma li ‘tagħti valur sostanzjali’ lill-prodott, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirrigwarda esklużivament il-valur intrinsiku tal-forma u ma jippermettix li tittieħed inkunsiderazzjoni r-reputazzjoni tat-trade mark jew tal-proprjetarju tagħha.”

15.

F’dawn il-konklużjonijiet ser nindirizza l-kwistjonijiet imqajma waqt is-seduta tal-14 ta’ Novembru 2017, sabiex l-analiżi li hemm fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi tiġi ssupplimentata b’kunsiderazzjonijiet fuq il-fehmiet differenti tal-persuni kkonċernati.

16.

F’dan l-ispirtu, l-ewwel ser niżviluppa l-kunsiderazzjonijiet tiegħi dwar il-klassifikazzjoni tat-trade mark kontenzjuża fid-dawl tal-pożizzjonijiet ippreżentati mill-persuni kkonċernati fis-seduta tal-14 ta’ Novembru 2017. Sussegwentement, ser neżamina l-impatt tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1431 ( 5 ), li jirrigwarda b’mod partikolari l-kunċett ta’ “trade mark ta’ pożizzjoni”, fuq l-analiżi tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi dwar il-klassifikazzjoni tat-trade mark inkwistjoni. Wara ser nifformula osservazzjonijiet supplimentari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 fil-kuntest, minn naħa, tar-relazzjoni bejn din id-direttiva u d-Direttiva (UE) 2015/2436 ( 6 ) u, min-naħa l-oħra, tar-ratio tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95. Fl-aħħarnett, ser nikkunsidra l-konsegwenzi tas-soluzzjoni li jiena ma kontx qbilt magħha fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi, imma li kienet ġiet iffavorita minn bosta partijiet ikkonċernati fl-aħħar seduta, li tgħid li l-interess li ċerti karatteristiċi tal-prodotti jinżammu fid-dominju pubbliku jista’ jitqies fil-kuntest tal-verifika tal-karattru distintiv.

B.   Kunsiderazzjonijiet supplimentari dwar il-klassifikazzjoni tat-trade mark kontenzjuża

17.

Fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi, kif fakkart fil-qosor preċedentement, kont inklinat li nikklassifika t-trade mark kontenzjuża bħala sinjal ikkostitwit mill-forma tal-prodott u li tinvoka l-protezzjoni għal kulur fir-rigward ta’ din il-forma, pjuttost milli bħala trade mark ta’ kulur ( 7 ).

18.

Wara li smajt lill-partijiet ikkonċernati waqt is-seduta tal-14 ta’ Novembru 2017, ninsab inqas inklinat li nikklassifika t-trade mark kontenzjuża bħala trade mark ikkostitwita minn kulur fih innifsu.

19.

Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja li saret fis-seduta tal-14 ta’ Novembru 2017, Louboutin qalet li t-trade mark kontenzjuża hija sinjal li jista’ jiġi deskritt kif ġej: minn naħa, il-pett huwa ddelimitat f’termini ta’ spazju b’linji li jippermettu li jiġi mpinġi, u dan huwa ddelimitat bil-kulur aħmar u, min-naħa l-oħra, il-pett huwa forma li tikkorrispondi mad-delimitazzjoni f’termini ta’ spazju tal-kulur aħmar. Għalhekk, skont il-proprjetarju tat-trade mark kontenzjuża, huwa l-kulur li jiddelimita l-forma u – din jidhirli li hija konsegwenza naturali ta’ din l-ewwel konstatazzjoni – din il-forma tikkorrispondi mad-delimitazzjoni f’termini ta’ spazju tal-kulur.

20.

Għaldaqstant, jidhirli li, f’dan il-każ, ma hijiex kwistjoni ta’ forma kompletament astratta jew ta’ forma li l-importanza tagħha hija negliġibbli, li tiġġustifika l-konstatazzjoni li t-trade mark kontenzjuża tinvoka l-protezzjoni għal kulur partikolari bħala tali, mingħajr ebda delimitazzjoni f’termini ta’ spazju. Ma huwiex importanti jekk il-forma tal-pett tista’ tvarja skont il-mudelli differenti ta’ żraben. Din tibqa’ forma ta’ pett u mhux ta’ parti oħra ta’ żarbun. F’dan il-kuntest, wieħed ma jistax jinsa, minn naħa, il-prinċipju li trade mark trid tinftiehem bħala ħaġa waħda u, min-naħa l-oħra, li l-protezzjoni li jgawdi l-proprjetarju tat-trade mark tikkonċerna mhux biss is-sinjali li huma identiċi mas-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, iżda wkoll dawk li huma simili għal dak is-sinjal.

21.

Barra minn hekk, niddubita jekk il-kulur aħmar jistax iwettaq il-funzjoni essenzjali tat-trade mark u jidentifika l-proprjetarju tagħha meta dan il-kulur jintuża barra mill-kuntest xieraq tiegħu, jiġifieri indipendentement mill-forma tal-pett. Fi kwalunkwe każ, ma nemminx li dan kien l-effett mixtieq mill-proprjetarju meta għamel l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża.

22.

Biex nikkonkludi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-punti 29 sa 41 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi kif ukoll tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li t-trade mark inkwistjoni għandha tkun assimilata ma’ sinjal ikkostitwit mill-forma tal-prodott u li jinvoka l-protezzjoni għal kulur fir-rigward ta’ din il-forma, iktar milli ma’ trade mark ikkostitwita minn kulur fih innifsu.

C.   Kunsiderazzjonijiet supplimentari dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 għas-sinjali kkostitwiti mill-forma tal-prodott u minn kulur partikolari

1. Effett tal-klassifikazzjoni ta’ trade mark bħala “trade mark ta’ pożizzjoni” fis-sens tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1431 fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95

23.

Fil-punt 32 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi, jiena osservajt li d-Direttiva 2008/95 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jorbtu l-ebda konsegwenza legali mal-klassifikazzjoni ta’ trade mark bħala “trade mark ta’ pożizzjoni”. Il-Gvern Ġermaniż ikkondivida din il-fehma waqt is-seduta tal-14 ta’ Novembru 2017. Barra minn hekk, kif indikajt ukoll fil-punt 32 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi, il-klassifikazzjoni bħala “trade mark ta’ pożizzjoni” ma tipprekludix minnha nnifisha li l-istess trade mark titqies bħala kkostitwita mill-forma tal-prodott u, għalhekk, bħala li tista’ tkun suġġetta għall-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95, peress li din l-aħħar kategorija, jiġifieri t-trade marks kkostitwiti mill-forma tal-prodott, tinkludi wkoll is-sinjali li jirrappreżentaw parti jew element tal-prodott ikkonċernat.

24.

Matul is-seduta tal-14 ta’ Novembru 2017, Louboutin argumentat li l-Artikolu 3(3)(d) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1431 jiddefinixxi t-trade mark ta’ pożizzjoni billi jindika l-mod li bih għandha tkun irrappreżentata fuq il-prodott. Skont Louboutin, it-trade mark kontenzjuża tissodisfa l-kriterji stabbiliti f’din id-definizzjoni.

25.

Bl-istess mod, bħall-pożizzjoni ta’ ħafna partijiet ikkonċernati qabel il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, il-Gvern Ġermaniż, Franċiż u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni sostnew waqt is-seduta tal-14 ta’ Novembru 2017 li t-trade mark kontenzjuża għandha tkun ikklassifikata bħala trade mark ta’ pożizzjoni. Il-Gvern Franċiż biss irrefera espliċitament għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1431.

26.

Madankollu, l-argumenti meħuda mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1431 ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, iqajmu dubji dwar il-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 8 ).

27.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1431 japplika mill-1 ta’ Ottubru 2017 u jikkompleta s-sistema ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea bbażata fuq ir-Regolament (KE) Nru 207/2009 ( 9 ), li ġie ssostitwit mill-1 ta’ Ottubru 2017 mir-Regolament (UE) 2017/1001 ( 10 ). Sadanittant, ir-Regolament Nru 207/2009 ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 2015/2424 ( 11 ), li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016. L-Artikolu 7(1)(e)(iii) ta’ dan l-ewwel regolament, li jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95, ġie emendat fis-sens li s-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-“forma, jew xi karatteristika oħra, tal-oġġetti li tagħti valur sostanzjali lill-oġġetti” ( 12 ) ma jiġux aċċettati għar-reġistrazzjoni ( 13 ).

28.

Minn dan isegwi li l-Artikolu 3(3)(d) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1431, li jirrigwarda t-“trade mark ta’ pożizzjoni”, ġie inkorporat fis-sistema ta’ trade marks tal-Unjoni li qabel kienet aċċettat li ma huwiex neċessarju li s-sinjal ikun ikkostitwit mill-“forma” biex jaqa’ taħt ir-raġuni għal rifjut jew għal invalidità li tikkorrispondi mar-raġuni prevista fl-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95.

29.

Għaldaqstant, l-Artikolu 3(3)(d) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1431 ma kienx ġie kkonċepit bħala “definizzjoni” tat-tip ta’ trade mark li, fi kwalunkwe każ, ma tistax tkun koperta mir-raġuni għal rifjut jew għal invalidità li tikkorrispondi mar-raġuni prevista fl-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95. Fil-fatt, issa jidher ċar li, fis-sistema tat-trade marks tal-Unjoni, id-distinzjoni bejn “forma” u “karatteristiċi oħra” ma hijiex rilevanti fil-kuntest ta’ din ir-raġuni għal rifjut jew għal invalidità.

30.

Għall-istess raġuni, ma jistax jingħad fuq il-bażi tal-Artikolu 3(3)(d) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1431 li, fil-każijiet kollha, trade mark ta’ pożizzjoni hija kompletament indipendenti mill-forma tal-prodott, speċjalment meta tikkonċerna sinjal li jirrappreżenta parti jew element tal-prodott ikkonċernat.

31.

Huwa veru li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1431 jiddistingwi, minn naħa, it-“trade mark ta’ pożizzjoni”, imsemmija fl-Artikolu 3(3)(d) tiegħu, u, min-naħa l-oħra, it-“trade mark ta’ forma” u t-“trade mark ta’ kulur” imsemmija rispettivament fl-Artikolu 3(3)(c) u fl-Artikolu 3(3)(f) ta’ dan ir-regolament.

32.

Minkejja dan, nosserva li l-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 ma jkoprix it-“trade marks ta’ forma”, iżda s-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott ( 14 ).

33.

Barra minn hekk, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1431 ma fih la lista eżawrjenti tat-tipi ta’ trade marks li jistgħu jiġu rreġistrati u lanqas id-definizzjonijiet tat-tipi ta’ trade marks imsemmija minn din id-dispożizzjoni. Minn naħa, l-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-possibbiltà li ssir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li “ma tkun koperta mill-ebda wieħed mit-tipi elenkati fil-paragrafu 3” ta’ dan l-artikolu. Min-naħa l-oħra, dan l-aħħar paragrafu jindika biss il-mod li bih trade mark għandha tkun irrappreżentata “[m]eta l-applikazzjoni tkun tikkonċerna kwalunkwe waħda mit-trademarks elenkati fil-punti (a) sa (j)” tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1431. Fil-fatt, jidhirli li l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament sempliċement jispeċifika kif it-tipi ta’ trade marks l-iktar użati għandhom ikunu rrappreżentati fil-proċedura ta’ reġistrazzjoni. Għalhekk, is-sinjali li huma ibridi ta’ diversi tipi ta’ trade marks imsemmija fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1431 huma konformi mas-sistema tat-trade marks tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, infakkar li l-fatt li t-trade mark kontenzjuża kienet irreġistrata bħala trade mark figurattiva ma jipprekludix li tiġi kklassifikata bħala “trade mark ikkostitwita mill-forma tal-prodott”.

34.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, kif ukoll tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 32 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi, inqis li l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ “trade mark ta’ pożizzjoni” fl-Artikolu 3(3)(d) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1431 fis-sistema tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tibdel il-kunsiderazzjonijiet tiegħi dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 għal sinjal ikkostitwit mill-forma tal-prodott u li jinvoka l-protezzjoni għal kulur partikolari.

2. Portata tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 fir-rigward tal-Artikolu 4(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2015/2436

35.

Id-Direttiva 2008/95 ser tiġi ssostitwita bid-Direttiva 2015/2436, li d-data limitu ta’ traspożizzjoni tagħha hija prevista għall-14 ta’ Jannar 2019. L-Artikolu 4(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2015/2436, li jikkorrispondi mar-raġuni għal rifjut jew għal invalidità prevista fl-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95, jirreferi għas-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-“għamla, jew karatteristika oħra [tal-prodott], li tagħti valur sostanzjali lill-oġġetti”.

36.

Fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi, staqsejt lili nnifsi jekk il-fatt li l-leġiżlatur ma kienx qies neċessarju li jipprovdi dispożizzjonijiet tranżitorji sabiex jiġu riżolti kunflitti potenzjali bejn iż-żewġ direttivi suċċessivi setax jindika li huwa kien qies li l-qafas ġuridiku ta’ dawn is-sinjali kien l-istess fil-kuntest ta’ dawn id-direttivi ( 15 ).

37.

Skont il-Gvern tar-Renju Unit, din l-assenza ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji ma tippermettix li tinġibed konklużjoni fir-rigward tal-effett retroattiv. Dan il-Gvern osserva li ma kienx hemm dispożizzjonijiet tranżitorji għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet li jemendaw aspetti oħra tal-liġi tat-trade marks, b’mod partikolari l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2015/2436, li jillimita għal persuni fiżiċi d-difiża ta’ isem persuna u li jippermetti lil persuna tuża isimha u l-indirizz tagħha mingħajr ksur ta’ trade mark, filwaqt li skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/95, din id-difiża hija miftuħa wkoll għal persuni ġuridiċi.

38.

Madankollu, ma jidhirlix li huwa kompletament iġġustifikat li l-emendi għall-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 jitqiegħdu fuq l-istess livell bħal dawk li għandhom x’jaqsmu mad-difiża ta’ isem persuna, imsemmija fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva u fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2015/2436.

39.

Id-difiża ta’ isem persuna tikkostitwixxi limitazzjoni tad-drittijiet esklużivi tal-proprjetarju tat-trade mark li huwa intitolat li jipprojbixxi lil kwalunkwe terz milli juża sinjal identiku għat-trade mark. Fil-fatt, l-emendi introdotti bid-Direttiva 2015/2436 ma jillimitawx id-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark. Għall-kuntrarju, din id-direttiva ssaħħaħ il-monopolju tal-proprjetarju tat-trade mark u, fl-istess ħin, tirrestrinġi d-drittijiet ta’ terzi, b’tali mod li l-impriżi u l-kumpanniji ma jistgħux jinvokaw iktar id-difiża ta’ isem persuna.

40.

Fi kwalunkwe każ, din il-varjazzjoni fl-effetti tat-trade mark ma tistax tiddisturba l-validità tat-trade mark innifisha. Il-korp ta’ trade marks kompost minn dawk diġà rreġistrati kif ukoll dawk li għadhom jistgħu jiġu rreġistrati għalhekk tibqa’ intatta kemm taħt is-sistema l-antika kif ukoll taħt dik il-ġdida. Irrispettivament mis-sistema li taħtha trade mark tkun irreġistrata, is-sistema l-ġdida ser tbiddel biss is-sitwazzjoni ta’ terzi li ma jkunux persuni fiżiċi.

41.

Madankollu, din il-loġika diffiċilment tista’ tiġi applikata fir-rigward tar-raġunijiet għal rifjut jew għal invalidità li jinsabu fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95. Huwa f’dan il-kuntest li wieħed għandu jistaqsi dwar l-effett tal-modifika tal-portata tar-raġuni għal rifjut jew għal invalidità fuq id-dritt tat-trade marks tal-Unjoni meta jiskadi t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/2436. Huwa possibbli li jiġi antiċipat l-għadd kbir ta’ applikazzjonijiet li jikkonċernaw id-dikjarazzjoni tal-invalidità tat-trade marks wara d-data limitu għat-traspożizzjoni tad-direttiva l-ġdida? Barra minn hekk, jekk wieħed iqis li t-trade marks irreġistrati taħt is-sistema l-antika x’aktarx ma jaqgħux taħt il-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(e) tad-Direttiva 2015/2436 u li jikkorrispondu mal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95, jista’ jkun hemm preżentazzjoni qawwija ta’ trade marks qabel din id-data?

42.

Minbarra dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li l-assenza ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji fid-Direttiva 2015/2436 huwa biss indikazzjoni favur l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 li tgħid li din id-dispożizzjoni tapplika għas-sinjali kkostitwiti mill-forma tal-prodott li jinvokaw il-protezzjoni għal kulur partikolari. Huwa speċjalment ir-ratio ta’ din id-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-argument ewlieni tal-analiżi tiegħi ( 16 ).

3. Ratio tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95

43.

Matul is-seduta, bosta partijiet ikkonċernati indirizzaw ir-ratio tar-raġuni għal rifjut jew għal invalidità previst fl-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95.

44.

Il-Gvern Ġermaniż u tar-Renju Unit kif ukoll Van Haren sostnew li din id-dispożizzjoni tipprekludi użu abbużiv tat-trade marks li jista’ jwassal għall-ħolqien ta’ monopolji antikompetittivi.

45.

Għalhekk, il-Gvern Ġermaniż huwa favur l-argument li l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 jipprojbixxi monopolizzazzjoni tal-forom ta’ prodott li – minħabba l-karatteristiċi tagħhom – għandhom jinżammu fid-dominju pubbliku b’mod sostenibbli sabiex l-użu tagħhom ikun miftuħ għall-atturi kollha fis-suq. Issa, dan il-gvern jidher li jqis li l-karatteristiċi estetiċi, imsemmija fl-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95, għandhom dinamika tagħhom stess fis-sens li l-attraenza tagħhom tista’ tvarja skont il-moda.

46.

Bl-istess mod, Louboutin tidher li ssostni li, fil-qasam estetiku, mhux meħtieġ li tinżamm id-disponibbiltà tal-karatteristiċi essenzjali tal-prodott b’mod sostenibbli skont id-dritt tat-trade marks, għaliex dawn il-karatteristiċi ma għandhomx ħajja ekonomika twila biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata protezzjoni bħal din.

47.

Napprezza l-argument imressaq waqt is-seduta minn Louboutin u mill-Gvern Ġermaniż li jgħid li l-attraenza tal-karatteristiċi estetiċi għandha dinamika tagħha stess, peress li l-karatteristiċi mfittxija u apprezzati mill-pubbliku jistgħu jvarjaw skont il-moda. Din id-dinamika inerenti tal-karatteristiċi li jagħtu valur sostanzjali lill-prodott ma tipprekludix, fl-opinjoni tiegħi, interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 li tgħid li din id-dispożizzjoni tapplika fil-każ ta’ sinjal ikkostitwit mill-forma tal-prodott u li jinvoka l-protezzjoni għal kulur partikolari.

48.

Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Hauck ( 17 ), indikajt li l-evalwazzjoni intiża li tiddetermina jekk il-forma inkwistjoni “tagħti[x] valur sostanzjali lill-merkanzija” minħabba, pereżempju, il-karatteristiċi estetiċi tagħha, neċessarjament timplika li tiġi kkunsidrata l-perspettiva tal-konsumatur medju. Madankollu, il-mod kif il-konsumatur jipperċepixxi l-forma inkwistjoni ma huwiex kriterju deċiżiv għal din l-evalwazzjoni. Sabiex jinkiseb l-għan tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95, jiġifieri biex jiġi żgurat li l-forom li jattiraw il-pubbliku jibqgħu disponibbli għall-atturi tas-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-perċezzjoni tas-sinjal inkwistjoni mill-pubbliku rilevanti kif ukoll il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw mill-fatt li dan is-sinjal huwa rriżervat għal impriża waħda biss.

49.

Sussidjarjament, nistaqsi jekk – kuntrarjament għal dak li ssostni Louboutin – l-importanza tal-perċezzjoni tal-pubbliku fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 tiffavorixxix interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan il-każ, hija l-interpretazzjoni l-iktar flessibbli tal-kunċett ta’ “forma” fis-sens ta’ dan l-artikolu li tipprevali fuq l-interpretazzjoni letterali tiegħu.

50.

L-Artikolu 3(1)(e)(i) u (ii) tad-Direttiva 2008/95 jikkonċerna karatteristiċi ddefiniti minn qabel u b’mod sostenibbli, li jirriżultaw min-natura tal-prodott innifsu peress li huma, rispettivament, imposti “min-natura tal-merkanzija stess” jew “meħtieġa sabiex jiġi ottenut riżultat tekniku”. Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari dawn tal-aħħar, nosserva li l-mod li bih il-pubbliku jipperċepixxi l-prodotti x’aktarx ma jistax ibiddel dan l-istat ta’ fatt, anki jekk ikun possibbli li jinkiseb riżultat tekniku b’forom oħra ( 18 ).

51.

L-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 jippermetti li trade mark tiġi rrifjutata jew tiġi ddikjarata invalida meta l-karatteristiċi tagħha jagħtu valur sostanzjali lill-prodott. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tippermetti li jiġi żgurat li karatteristika tibqa’ disponibbli għall-atturi kollha fis-suq matul il-perjodu li fih din il-karatteristika għandha effett partikolari fuq il-valur tal-prodott. Mill-mument li dan ma jibqax il-każ – b’mod partikolari, kif isostnu ċerti partijiet ikkonċernati, minħabba li l-preferenzi tal-pubbliku jkunu nbidlu u din il-karatteristika ma tkunx għadha mfittxija u apprezzata mill-pubbliku – it-trade mark inkwistjoni ma tkunx tista’ tibqa’ taqa’ taħt il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95.

52.

F’dak il-każ, isegwi li l-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95, kuntrarjament għar-raġunijiet għal rifjut jew għal invalidità msemmija fl-Artikolu 3(1)(e)(i) u (ii) ta’ din id-direttiva, jirrigwarda l-karatteristiċi li jiddependu minn fatturi eżoġeni.

53.

Għalhekk, jekk it-tweġiba għall-mistoqsija dwar liema karatteristiċi jagħtu “valur sostanzjali lill-prodott” tkun tiddependi minn fatturi eżoġeni, b’mod partikolari l-perċezzjoni tal-pubbliku, kien ikun inkonsistenti, fil-każ ta’ sinjal li jattira attenzjoni partikolari tal-pubbliku, li tiġi eskluża l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għal sinjal ikkostitwit mill-forma tal-prodott u li jinvoka l-protezzjoni għal kulur partikolari. Fil-fatt, dak li jgħodd fil-perċezzjoni tal-pubbliku ma huwiex id-distinzjoni bejn trade marks ta’ forma, ta’ kulur jew ta’ pożizzjoni, iżda l-identifikazzjoni tal-oriġini tal-prodott ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali ta’ sinjal.

54.

Barra minn hekk, il-fatt li l-karatteristiċi li jagħtu valur sostanzjali lill-prodott huma, parzjalment, iddeterminati mill-perċezzjoni tal-pubbliku, fil-fehma tiegħi, ma jippermettix li tittieħed inkunsiderazzjoni r-reputazzjoni tat-trade mark jew tal-proprjetarju tagħha fl-evalwazzjoni intiża sabiex tiġi ddeterminata jekk il-forma inkwistjoni “tagħtix valur sostanzjali lill-prodott” skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 ( 19 ). Fil-fatt, kieku kellu jiġi aċċettat li l-kunċett ta’ “forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott” jiġi ddeterminat, anki parzjalment, mill-karatteristiċi li huma meqjusa bħala attraenti għall-pubbliku, ikun jeħtieġ imbagħad li jiġu esklużi karatteristiċi marbuta mar-reputazzjoni tat-trade mark jew tal-proprjetarju tagħha, sabiex jiġi prekluż li l-attraenza maħluqa minn din ir-reputazzjoni tkun attribwita għal forma li, meħuda fiha nfisha, ma tkunx attraenti. Inkella, ir-raġuni għal rifjut jew għal invalidità prevista fl-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 tista’ tiġi interpretata b’mod wiesgħa ħafna u inadegwat fir-rigward tal-għan tagħha, kif ġie mfakkar fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

55.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, inqis li r-riferiment għall-perċezzjoni tal-pubbliku bħala fattur li, fost oħrajn, jiddetermina l-karatteristiċi li jagħtu valur sostanzjali lill-prodott jiffavorixxi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 li tgħid li din id-dispożizzjoni tapplika għas-sinjali kkostitwiti mill-forma tal-prodott u li jinvokaw il-protezzjoni għal kulur fir-rigward ta’ din il-forma.

D.   Klassifikazzjoni tat-trade mark kontenzjuża mill-perspettiva tal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/95

56.

Fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi, ikkonstatajt żewġ approċċi fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

57.

L-ewwel approċċ jikkonsisti f’li jiġi meqjus li l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 jista’ jiġi interpretat b’mod wiesa’. It-tieni huwa li jiġi kkunsidrat l-interess għaż-żamma ta’ ċerti sinjali fid-dominju pubbliku, fil-kuntest tal-eżami tal-karattru distintiv ta’ sinjal fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) ta’ din id-direttiva, għas-sinjali kollha li joħolqu konfużjoni ma’ aspett tal-prodott ikkonċernat, jew anki għal kategoriji oħra ta’ sinjali li d-disponibbiltà tagħhom hija limitata.

58.

Filwaqt li fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi, esprimejt il-preferenza tiegħi għall-ewwel approċċ, waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż, Franċiż u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni dehru li kienu favur dan it-tieni approċċ. Nosserva li dawn il-partijiet ikkonċernati, b’mod unanimu, bdew mill-premessa li t-trade mark kontenzjuża għandha tinftiehem bħala trade mark ta’ pożizzjoni li ma hijiex koperta mill-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95.

59.

Huwa f’dan il-kuntest li ser nespandi l-ewwel konklużjonijiet tiegħi. Dawn l-osservazzjonijiet addizzjonali jistgħu jkunu utli għall-qorti nazzjonali fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis fis-sentenza futura tagħha li, f’din il-kawża, l-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 ma jistax jiġi applikat. Fi kwalunkwe każ, jiena konvint li riflessjoni fil-fond ser tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa fl-aspetti kollha tagħha l-kwistjoni f’din il-proċedura.

60.

Fil-punti 45 u 46 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi, indikajt li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenza Libertel ( 20 ), jirriżulta li, fil-kuntest tal-analiżi tal-karattru distintiv ta’ sinjal ikkostitwit minn kulur fih innifsu, huwa meħtieġ li jiġi evalwat jekk ir-reġistrazzjoni tiegħu jiksirx l-interess ġenerali li ma tiġix ristretta indebitament id-disponibbiltà tal-kuluri għall-operaturi l-oħra li joffru prodotti jew servizzi tal-istess tip. Minn din il-premessa, ikkonkludejt li fil-każ ta’ sinjali li huma indissoċjabbli mid-dehra tal-prodott, ir-reġistrazzjoni tagħhom għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95.

61.

Fis-sentenza Libertel ( 21 ), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat il-pożizzjoni tagħha fuq l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks ta’ kulur fuq il-premessa li n-numru ta’ kuluri li l-pubbliku jista’ jiddistingwi huwa żgħir minħabba li rari għandu l-possibbiltà li jqabbel direttament prodotti bi sfumaturi differenti ta’ kuluri ( 22 ).

62.

Dan huwa iktar u iktar il-każ fir-rigward ta’ trade marks li huma kklassifikati bħala trade marks ta’ pożizzjoni li għalihom il-protezzjoni tad-dritt tat-trade marks hija invokata għal kulur partikolari. Jidhirli wkoll li n-numru ta’ kuluri li fil-fatt jistgħu jitwaħħlu mal-pett ta’ żarbun sabiex tiġi identifikata l-oriġini tiegħu huwa saħansitra iktar limitat, peress li l-ilwien ta’ iswed, griż u kannella huma fil-prattika sistematikament nieqsa minn karattru distintiv minħabba l-użu frekwenti tagħhom mill-operaturi tas-suq.

63.

F’dan il-kuntest, nosserva li, fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ sinjal, għandha tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza dwar sinjali tridimensjonali li tgħid li, sa fejn il-konsumaturi medji ma jkollhomx id-drawwa li jippreżumu l-oriġini kummerċjali ta’ prodotti fuq il-bażi ta’ sinjali li huma indissoċjabbli mid-dehra ta’ dawn l-istess prodotti, dawn is-sinjali jkunu distintivi biss jekk huma differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mid-drawwiet tas-settur ( 23 ).

64.

F’dan ir-rigward, infakkar li, fid-digriet mogħti fil-kawża X Technology Swiss vs UASI ( 24 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ma laqgħetx parti minn motiv invokat mir-rikorrenti li qieset li kien żbaljat li, fil-kuntest tal-proċedura għat-tressiq ta’ kawża dwar ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark ikkaratterizzata minn kulur oranġjo fil-forma ta’ barnuża li tgħatti l-ponta ta’ kull oġġett tas-saqajn magħmul mill-maljerija, il-Qorti Ġenerali ma għamlitx distinzjoni bejn it-trade marks tridimensjonali u t-trade marks ta’ pożizzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ċaħditx il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li qalu li l-kriterju determinanti biex jiġi stabbilit jekk sinjal għandux jew le karattru distintiv ma huwiex il-klassifikazzjoni tiegħu bħala trade mark figurattiva, tridimensjonali jew ħaġa oħra, iżda l-fatt jekk huwiex jew le indissoċjabbli mid-dehra tal-prodott ikkonċernat. Minn dan isegwi li sinjal li jinvoka protezzjoni għal kulur, li huwa indissoċjabbli mid-dehra tal-prodott ikkonċernat, huwa distintiv biss jekk dan is-sinjal ivarja, b’mod sinjifikattiv, min-norma jew mid-drawwiet tas-settur inkwistjoni.

65.

Fl-aħħar nett, ninnota li, kuntrarjament għar-raġuni għal rifjut jew għal invalidità prevista fl-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95, ir-raġuni prevista fl-Artikolu 3(1)(b) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva, tista’ tkun is-suġġett ta’ deroga meta s-sinjal ikun kiseb karattru distintiv wara proċess normali ta’ familjarizzazzjoni mal-pubbliku kkonċernat. Għalhekk, l-interess ġenerali li ma tiġix ristretta d-disponibbiltà ta’ karatteristika mfittxija u apprezzata mill-pubbliku għall-operaturi l-oħra tas-suq, li jikkostitwixxi l-bażi tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95, ma jistax jiġi żgurat b’mod sostenibbli bis-saħħa tal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/95.

66.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, isegwi li, fil-kuntest tal-analiżi tal-karattru distintiv ta’ sinjal li huwa indissoċjabbli mid-dehra tal-prodott ikkonċernat, għandu jiġi evalwat jekk ir-reġistrazzjoni tiegħu tmurx kontra l-interess ġenerali li ma tiġix ristretta indebitament id-disponibbiltà tal-karatteristiċi rrappreżentati minn dan is-sinjal għal operaturi oħra li joffru prodotti jew servizzi tal-istess tip. Madankollu, l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/95 ma jistax jassumi għalkollox ir-rwol tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) ta’ din id-direttiva, peress li huwa possibbli li ssir deroga minn din l-ewwel dispożizzjoni skont il-modalitajiet tal-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva.

V. Konklużjoni

67.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, kif ukoll tal-analiżi magħmula fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi, inżomm ir-risposta proposta minni għad-domanda preliminari magħmula mir-rechtbank Den Haag (il-Qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), li kienet ifformulata bil-mod li ġej:

L-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi applikat għal sinjal li jikkonsisti mill-forma tal-prodott u li jinvoka l-protezzjoni għal kulur partikolari. Il-kunċett ta’ “forma li tagħti valur sostanzjali” lill-prodott, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirrigwarda esklużivament il-valur intrinsiku tal-forma u ma jippermettix li tittieħed inkunsiderazzjoni r-reputazzjoni tat-trade mark jew tal-proprjetarju tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).

( 3 ) Nosserva li l-Gvern Franċiż u dak tar-Renju Unit, għall-kuntrarju tal-partijiet ikkonċernati l-oħra, ma pparteċipawx fl-ewwel seduta, li saret fis-6 ta’ April 2017.

( 4 ) Ara l-punti 49 sa 66 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi. Sussidjarjament, jiena ma naħsibx li din l-interpretazzjoni tista’ titqiegħed fid-dubju mill-motivazzjoni li tinsab fil-punt 24 tas-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Apple (C‑421/13, EU:C:2014:2070), li tikkonċerna l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal li jirrappreżenta l-organizzazzjoni ta’ spazju intiż għall-bejgħ. Ir-raġunijiet għal rifjut jew invalidità previsti fl-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 jirrigwardaw sinjali kkostitwiti minn forma u – skont l-interpretazzjoni proposta fl-ewwel konklużjonijiet tiegħi – minn karatteristiċi oħra “tal-prodott” (għal dak li jirrigwarda r-rabta bejn il-forma u l-prodott, ara s-sentenza tat-8 ta’ April 2003, Linde et (C‑53/01 sa C‑55/01, EU:C:2003:206, punt 43)). L-organizzazzjoni ta’ spazju intiż għall-bejgħ ma jikkostitwixxix il-prodott fih innifsu, iżda – skont ir-riflessjonijiet tiegħi fil-punt 107 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Hauck (C‑205/13, EU:C:2014:322) – sinjal li materjalment jirrifletti l-kundizzjonijiet li fihom huwa pprovdut is-servizz inkwistjoni. Għalhekk, jidher li – fil-kliem użat fis-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Apple (C‑421/13, EU:C:2014:2070) – l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 kien, f’din il-kawża, irrilevanti peress li l-kwistjoni ma kinitx tirrigwarda sinjal ikkostitwit minn forma waħda jew minn karatteristika oħra tal-prodott, iżda sinjal li jirrifletti dawn il-kundizzjonijiet.

( 5 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1431 tat-18 ta’ Mejju 2017 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 205, p. 39).

( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1).

( 7 ) Ara l-punti 29 sa 41 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.

( 8 ) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/1431 jikkonċerna t-trade marks tal-Unjoni u għalhekk ma huwiex intiż li jiġi applikat direttament f’dan il-każ. Madankollu, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni jrid komplementarjetà bejn is-sistema tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea u s-sistemi nazzjonali tat-trade marks, dan ir-regolament jista’ jindika d-direzzjoni li għandha tieħu l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi li jaffettwaw dawn is-sistemi nazzjonali.

( 9 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1).

( 10 ) Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

( 11 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21).

( 12 ) Korsiv miżjud minni.

( 13 ) Dispożizzjoni identika tinsab ukoll fir-Regolament 2017/1001 u fl-Artikolu 4(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2015/2436, li ser tissostitwixxi d-Direttiva 2008/95. Ara l-punti 5 u 61 sa 64 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.

( 14 ) Dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 għat-trade marks li jikkorrispondu ma’ din id-deskrizzjoni, ara l-punti 57 sa 60 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.

( 15 ) Ara l-punt 64 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.

( 16 ) Ara l-punti 53 sa 58 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi.

( 17 ) C‑205/13, EU:C:2014:322, punti 89 sa 92.

( 18 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C‑299/99, EU:C:2002:377, punt 83).

( 19 ) Ara l-punti 70 sa 72 tal-ewwel konklużjonijiet tiegħi. Ara wkoll, f’dan is-sens, il-Linji gwida dwar il-prassi fil-qasam tat-trade marks, Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, parti B: Eżami, Taqsima 4: Raġunijiet assoluti għal rifjut, verżjoni tat-23 ta’ Marzu 2016, li jistgħu jitniżżlu mill-paġna elettronika fuq https://euipo.europa.eu/tunnel-web/secure/webdav/guest/document_library/contentPdfs/law_and_practice/decisions_president/ex16-1_fr.pdf, p. 86 (2.5.4 Forma jew karatteristika oħra li tagħti valur sostanzjali lill-prodott: “[…] Il-kunċett ta’ ‘valur’ ma għandux jiġi interpretat li jfisser ‘reputazzjoni’, peress li l-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni assoluta għal rifjut hija ġġustifikata esklużivament mill-effett fuq il-valur miżjud mill-forma jew mill-karatteristika l-oħra għall-prodotti u mhux minn fatturi oħra, bħar-reputazzjoni tat-trade mark verbali li tintuża wkoll biex tidentifika l-prodotti inkwistjoni (ara f’dan ir-rigward id-deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2013,R 2520/2011‑5, § 19).”) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara wkoll Kur, A., Too Pretty to Protect? Trade Mark Law and the Enigma of Aesthetic Functionality, Drexl, J., Hilty, R. M., Godt, L., et al., Larcier, Bruxelles, 2009, p. 153.

( 20 ) Sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003 (C‑104/01, EU:C:2003:244, punti 5354).

( 21 ) Sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003 (C‑104/01, EU:C:2003:244, punt 47).

( 22 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244, punt 47).

( 23 ) Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI (C‑136/02 P, EU:C:2004:592, punti 3031), u tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI (C‑173/04 P, EU:C:2006:20, punti 2831).

( 24 ) Digriet tas-16 ta’ Mejju 2011 (C‑429/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:307).

Top