EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0099

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fid-9 ta’ Frar 2017.
Jean-Philippe Lahorgue vs Ordre des avocats du barreau de Lyon et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-tribunal de grande instance de Lyon.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 77/249/KEE – Artikolu 4 – Eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat – Router ta’ konnessjoni man-netwerk privat virtwali tal-avukati (NPVA) – Router ‘NPVA’ – Rifjut ta’ provvista lil avukat iskritt fil-kamra tal-avukati ta’ Stat Membru ieħor – Miżura diskriminatorja.
Kawża C-99/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:107

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fid-9 ta’ Frar 2017 ( 1 )

Kawża C‑99/16

Jean-Philippe Lahorgue

vs

Ordre des avocats du barreau de Lyon,

Conseil national des barreaux (CNB),

Conseil des barreaux européens (CCBE),

Ordre des avocats du barreau de Luxembourg

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de grande instance de Lyon (qorti reġjonali ta’ Lyon, Franza)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Direttiva 77/249/KEE — Artikolu 4 — Artikolu 5 — Eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat — Router “NPVA” — Rifjut ta’ għoti — Diskriminazzjoni”

I. Introduzzjoni

1. 

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 77/249/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati ( 2 ).

2. 

Il-kwistjoni ta’ ostakoli kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi mill-avukati ma hijiex waħda ġdida. Madankollu, il-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri legali u l-iżmaterjalizzazzjoni tal-atti proċedurali, il-metodi ta’ komunikazzjoni ġodda, il-possibbiltajiet ta’ ħażna virtwali jew ukoll il-programmi ta’ intelliġenza artifiċjali jittrasformaw, b’mod inevitabbli, il-mod ta’ kif tinftiehem il-professjoni u l-eżerċizzju tagħha.

3. 

It-talba għal domanda preliminari preżenti taqa’ taħt dan il-kuntest. Fil-fatt, hija ssegwi r-rifjut kontra J. Lahorgue mill-ordre des avocats du barreau de Lyon (kamra tal-avukati ta’ Lyon, Franza) sabiex jingħata, bħala fornitur ta’ servizzi transkonfinali, l-għodda neċessarja għall-komunikazzjoni elettronika sikura mar-reġistraturi tal-qrati Franċiżi, jiġifieri, ir-router sikur għal ħar-Réseau privé virtuel des avocats (netwerk privat virtwali tal-avukati) (iktar ’il quddiem ir-router “NPVA”).

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

4.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/249 jipprovdi kif ġej:

“1.   L-attivitajiet relatati mar-rappreżentazzjoni ta’ klijent fi proċeduri legali jew quddiem l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jitwettqu f’kull Stat Membru li jospita taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti għall-avukati stabbiliti f’dak l-Istat, bl-eċċezzjoni ta’ xi kondizzjonijiet li jeħtieġu residenza, jew reġistrazzjoni ma’ organizzazzjoni professjonali, f’dak l-Istat.

2.   Avukat li jwettaq dawn l-attivitajiet għandu josserva r-regoli ta’ kondotta professjonali ta’ l-Istat Membru li jospita, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tiegħu fl-Istat Membru li minnu jiġi.

[…]”

5.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249 jippreċiża kif ġej:

“Għat-twettiq ta’ l-attivitajiet relatati mar-rappreżentazzjoni ta’ klijent fi proċeduri legali, Stat Membru jista’ jeħtieġ li avukati li għalihom japplika l-Artikolu 1:

jiġu introdotti, skond ir-regoli jew id-drawwiet lokali, lill-imħallef li jippresjedi u, meta approprjat, lill-President tal-Bar [tal-Kamra tal-Avukati] rilevanti fl-Istat Membru li jospita;

jaħdmu flimkien ma’ avukat li jipprattika quddiem l-awtorità ġudizzjarja inkwistjoni u li, meta neċessarju, ikollu jwieġeb lil dik l-awtorità, jew permezz ta’ “avoué” jew “procuratore” li jipprattika quddiemha.”

B. Id-dritt Franċiż

1.  Id-Digriet Nru 91-1197

6.

Id-Direttiva 77/249 ġiet trasposta fid-dritt Franċiż mid-Digriet Nru 91‑1197, tas-27 ta’ Novembru 1991, li jirregola l-professjoni ta’ avukat.

7.

Skont it-termini tal-Artikoli 202-1 tad-Digriet Nru 91-1197:

“Meta avukat [ċittadin ta’ Stat Membru stabbilit b’mod permanenti f’wieħed mill-Istati Membri] jaċċetta r-rappreżentazzjoni jew id-difiża ta’ klijent fi proċeduri legali jew quddiem l-awtoritajiet pubbliċi, huwa jeżerċita il-funzjonijiet tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħal avukat iskritt ma’ kamra tal-avukati Franċiża.

[…]

F’materji ċivili, meta r-rappreżentazzjoni hija obbligatorja quddiem it-Tribunal de grande instance [qorti reġjonali], jista’ biss jirrapreżenta klijent wara li jistabbilixxi d-domiċilju tiegħu ma’ avukat stabbilit mill-qorti relevanti u li lilha ġew innotifikati b’mod validu l-atti proċedurali. […]

Meta r-rappreżentazzjoni hija obbligatorja quddiem il-cour d’appel [qorti ta’ appell], ma jistax japplika ħlief wara li jistabbilixxi d-domiċilju tiegħu ma’ avukat awtorizzat sabiex jirrappreżenta lill-partijiet quddiemha u li lilu ġew innotifikati b’mod validu l-atti proċedurali […]”

2.  Il-Code de procédure civile (kodiċi ta ’ proċedura ċivili)

8.

Id-Digriet Nru 2005-1678, tat-28 ta’ Diċembru 2005, introduċa Titolu XXI ġdid fil-Code de procédure civile (kodiċi tal-proċedura ċivili) intitolat “Il-komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi”.

9.

Fost id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu, l-Artikolu 748-1 tal-Code de procédure civile (kodiċi tal-proċedura ċivili) fis-seħħ issa, jipprovdi li, “[i]d-dispaċċi, konsenji u notifiki tal-atti proċedurali, ta’ dokumenti, avviżi, twissijiet jew konvokazzjonijiet, ta’ rapporti, ta’ minuti kif ukoll ta’ kopji u onsenji ta’ ordni ta’ infurzar ta’ deċiżjonijiet ġurisdizzjonali jistgħu jitwettqu elettronikament taħt il-kundizzjonijiet u skont il-modalitajiet stabbiliti minn dan it-titolu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali imposti fuq l-użu ta’ dan il-metodu ta’ komunikazzjoni”.

10.

Barra minn hekk, u fir-rigward tal-proċedura b’rappreżentanza obbligatorja quddiem il-qrati ta’ appell, l-Artikolu 930-1 tal-Code de procédure civile (kodiċi tal-proċedura ċivili) jiddisponi kif ġej:

“Fuq piena ta’ inammissibbiltà li titqajjem ex officio, l-atti ta’ proċedura għandhom jintbagħtu lill-qorti elettronikament.

Meta att ma jistax jintbagħat elettronikament minħabba raġuni li ma hijiex taħt il-kontroll ta’ min qed jibagħtu, għandu jiġi stampat fuq karta u jintbagħat lir-reġistru. […]

L-avviżi, twissijiet jew konvokazzjonijiet għandhom jintbagħtu lill-avukati tal-partijiet elettronikament, sakemm dan ma jkunx impossibbli minħabba raġuni li ma hijiex taħt il-kontroll ta’ min qed jibagħthom.

Ordni tal-Garde des sceaux (ministru tal-ġustizzja) tiddefinixxi l-modalitajiet tal-iskambji elettroniċi.”

3.  Id-digriet tas-7 ta’ April 2009, dwar il-komunikazzjoni elettronika quddiem il-qrati reġjonali

11.

Skont it-termini tal-Artikolu 5 tad-digriet tas-7 ta’ April 2009 ( 3 ) “[l]-aċċess tal-avukati għas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika pprovduta mill-qrati jseħħ permezz tal-użu ta’ proċess ta’ konnessjoni ma’ netwerk indipendenti privat operat taħt ir-responsabbiltà tal-Conseil national des barreaux (kunsill nazzjonali tal-kmamar tal-avukati) imsemmija “netwerk privat virtwali tal-avukati (iktar ’il quddiem in-‘NPVA’)”

12.

L-Artikolu 9 ta’ dan id-digriet jipprovdi wkoll li “[i]s-sigurtà tal-konnessjoni tal-avukati man-NPVA hija ggarantita minn mekkaniżmu ta’ identifikazzjoni. Dan il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq servizz ta’ ċertifikazzjoni li jiżgura l-awtentiċità tal- avukat individwali […]. Il-mekkaniżmu fih funzjoni ta’ verifikazzjoni tal-validità taċ-ċertifikat elettroniku. Dan jinħareġ minn fornitur ta’ servizzi ta’ ċertifikazzjoni elettronika li jaġixxi f’isem il-kunsill nazzjonali tal-kmamar tal-avukati, li għandu l-awtorità sabiex jiċċertifika.”

III. In-NPVA

13. 

F’nofs is-snin 2000, Franza bdiet l-iżmaterjalizzazzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji.

14. 

Dan il-proċess wasal għall-iffirmar ta’ protokoll ta’ komunikazzjoni elettronika bejn il-qrati u l-avukati (imsemmi “ComCi TGI” għall-qrati tal-ewwel istanza u “ComCi CA” għall-qrati tat-tieni istanza).

15. 

L-għan ta’ dan il-protokoll huwa, b’mod partikolari, li jtejjeb il-komunikazzjoni bejn il-qrati u l-avukati permezz ta’ skambju żmaterjalizzat ta’ informazzjoni strutturata. Teknikament, jirrigwarda żewġ netwerks intranet distinti li huma konnessi minn pjattaforma msemmija “e-barreau”. Dawn iż-żewġ netwerks huma, minn naħa, l-intranet tal-qrati ġestit mill-ministeru tal-ġustizzja (in-“Netwerk Privat Virtwali Ġustizzja”) u min-naħa l-oħra, l-intranet tal-avukat ġestit mill-kunsill nazzjonali tal-kmamar tal-avukati (CNB, in-“NPVA”)

16. 

L-informazzjoni skambjata bejn l-uffiċċji tal-avukati u l-pjattaforma tas-servizzi tan-NPVA hija encrypted permezz tal-użu ta’ algoritmu bejn ir-router VPN, preżenti fuq in-netwerk lokali tal-uffiċċju qabel l-apparat ta’ konnessjoni internet tal-uffiċċju u l-frontal VPN preżenti fid-dħul tal-pjattaforma ta’ servizzi tan-NPVA.

17. 

Huma biss ir-routers identifikati b’mod xieraq u awtorizzati sabiex ikollhom konnessjoni mas-servizz NPVA li jistgħu jikkomunikaw mal-frontal VPN fid-dħul tal-pjattaforma tan-NPVA u b’hekk jibbenefikaw mis-servizz e‑barreau. Wara xi spjegazzjonijiet mogħtija mis-CNB waqt is-seduta tal-11 ta’ Jannar 2017, ir-routers ser ikunu issa ssostitwiti minn ċwievet USB.

18. 

Materjalment, dan il-mekkaniżmu jikkonsisti minn ċertifikat elettroniku maħżun fuq apparat fiżiku kriptografiku għal kull avukat, jiġifieri mekkaniżmu b’memorja li għandu konnessjoni USB. Dan il-mekkaniżmu jissemma r-“router NPVA” u jippermetti li jiġu awtentifikati l-utenti tas-servizzi e‑barreau.

19. 

Fil-prattika, l-awtentifikazzjoni hija possibbli peress li ċ-ċertifikat elettroniku personali tal-avukat jintbagħat lir-reġistru nazzjonali tal-avukati, li huwa aġġornat awtomatikament permezz ta’ sinkronizzazzjoni kuljum mar-reġistri tal-avukati tal-kmamar tal-avukati Franċiżi kollha.

20. 

Wara dan il-protokoll, diversi konvenzjonijiet ġew konklużi sussegwentement bejn il-ministeru tal-ġustizzja u s-CNB sabiex jiġu stabbiliti l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet tal-komunikazzjoni elettronika bejn l-avukati u l-qrati tal-ewwel u t-tieni grad.

21. 

Konformement mal-Artikolu VI tal-konvenzjoni tas-16 ta’ Ġunju 2010 bejn il-ministeru tal-ġustizzja u s-CNB, l-iskrizzjoni fil-“ComCi CA” u fil-“ComCI TGI” isseħħ permezz tal-intervent tal-kamra tal-avukati li huwa parti minnha l-avukat. Il-ħruġ tar-router NPVA iseħħ ukoll permezz ta’ din il-kamra ( 4 ).

IV. Il-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali

22. 

J. Lahorgue, ta’ nazzjonalità Franċiża, huwa avukat iskritt fil-kamra tal-avukati tal-Lussemburgu.

23. 

Huwa talab lill-kamra tal-avukati ta’ Lyon sabiex jibbenefika minn router RPVA. Din ma laqatx it-talba ta’ J Lahorgue minħabba l-fatt li ma kienx iskritt mal-kamra tal-avukati ta’ Lyon.

24. 

Wara dan ir-rifjut, J Lahorgue ressaq proċedura għal miżuri provviżorji quddiem il-President tat-tribunal de grande instance de Lyon (qorti reġjonali ta’ Lyon), il-kamra tal-avukati ta’ Lyon, is-CNB, il-conseil des barreaux européens (CCBE) (kunsill tal-kmamar tal-avukati ewropej), u l-ordre des avocats du barreau de Luxembourg (kamra tal-avukati tal-Lussemburgu) sabiex jikseb deċiżjoni li l-kamra tal-avukati ta’ Lyon jagħtih fi żmien tmint ijiem u taħt pagamenti ta’ penalità r-router NPVA sabiex ikun jista’ jeżegwixxi b’mod komplet il-professjoni ta’ avukat fi Franza u taħt l-istess kundizzjonijiet bħal avukat Franċiż.

25. 

Il-qorti tar-rinviju kellha xi dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-kamra tal-avukati ta’ Lyon.

26. 

B’mod partikolari, hija kkunsidrat li, peress li l-eżerċizzju tar-rimedji f’materji kriminali jew soċjali ma fihx restrizzjoni għal avukat ta’ Stat Membru ieħor li tirrigwarda obbligu li jipprattika flimkien ma’ avukat membru tal-kamra tal-avukati tal-post tal-qorti kkunsidrata, jista’ jidher li jekk jiġi impost fuq avukat minn Stat Membru ieħor sabiex jirrikorri quddiem avukat tal-kamra tal-avukati tal-post tal-qorti kkonċernata sabiex juża n-NPVA dan ma jidhirx li huwa konformi mal-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

27. 

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-President tat-tribunal de grande instance de Lyon (qorti reġjonali ta’ Lyon) qies li jkun utli sabiex jissospendi l-proċeduri u li jressaq domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

V. It-talba għal domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28. 

Permezz ta’ digriet għal miżuri provviżorji tal-15 ta’ Frar 2016, li wasal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Frar 2016, u kkompletat mid-digriet għal miżuri provviżorji supplimentari tal-14 ta’ Marzu 2016, irreġistrat fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Marzu 2016, il-President tat-tribunal de grande instance de Lyon (qorti reġjonali ta’ Lyon) għaldaqstant iddeċieda li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-rifjut li jiġi pprovdut router sikur għal aċċess għan-Netwerk Privat Virtwali tal-Avukati (RPVA) lil avukat debitament iskritt mal-Kamra tal-Avukati ta’ Stat Membru li fih huwa jixtieq jeżerċità l-professjoni ta’ avukat bħala fornitur liberu ta’ servizz huwa kuntrarju għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/249/KEE minħabba li jikkostitwixxi miżura diskriminatorja li tista’ tostakola l-eżerċizzju tal-professjoni bħala fornitur liberu ta’ servizzi [f’ċirkustanzi fejn l-avukat lokali li flimkien jipprattika miegħu ma huwiex impost bil-liġi]?”

29. 

Din id-domanda fiha affermazzjoni li ma tikkorrispondix għas-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali peress li tipprevedi s-sitwazzjoni ta’ avukat “iskritt mal-Kamra tal-Avukati ta’ Stat Membru li fih huwa jixtieq jeżerċità l-professjoni ta’ avukat” li ma huwiex il-każ ta’ J. Lahorgue.

30. 

Barra minn hekk, din il-formulazzjoni tbiddel il-proposta għad-domanda li kien ifformula huwa stess. Issa, jekk il-qorti tar-rinviju ma hijiex marbuta bis-suġġerimenti tal-partijiet f’dan ir-rigward ( 5 ), mid-domanda preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju kellha l-intenzjoni tressaq “id-domanda preliminari ssuġġerita mir-rikorrent” ( 6 ).

31. 

Peress li din il-proposta għal domanda ma fiha l-ebda kontradizzjoni, u lanqas ineżatezza u hija konformi mas-sitwazzjoni fattwali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, inqis li għandha tinżamm id-domanda hekk kif ġiet miktuba fl-ewwel paragrafu tat-talba għal domanda preliminari pjuttost minn dik imressqa fid-dispożittiv:

“Ir-rifjut li jiġi pprovdut ’ router sikur għal aċċess għan-Netwerk Privat Virtwali tal-Avukati (RPVA) lil avukat debitament iskritt mal-Kamra tal-Avukati ta’ Stat Membru, minħabba l-fatt biss li ma huwiex iskritt fil-kamra tal-avukati tal-Istat Membru li fih huwa jixtieq jeżerċità l-professjoni ta’ avukat bħala fornitur liberu ta’ servizz huwa kuntrarju għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/249/KEE minħabba li jikkostitwixxi miżura diskriminatorja li tista’ tostakola l-eżerċizzju tal-professjoni bħala fornitur liberu ta’ servizzi [f’ċirkustanzi fejn l-avukat lokali li flimkien jipprattika miegħu ma huwiex impost bil-liġi]?”

32. 

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mis-CNB, mill-Gvern Franċiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, dawn kollha ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fil-11 ta’ Jannar 2017.

33. 

J. Lahorgue u l-kamra tal-avukati ta’ Lyon ma ppreżentawx osservazzjonijiet bil-miktub. Madankollu, huma ppreżentaw l-argumenti tagħhom waqt din is-seduta.

VI. Analiżi

A. Il-ġurisprudenza dwar il-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati

34.

Kif tfakkar fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kwistjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mill-avukati u l-ostakoli potenzjali tagħha ma hijiex ġdida. Qabel l-adozzjoni stess tad-Direttiva 77/249, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità sabiex tikkonferma, b’intervalli ta’ sitt xhur, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-moviment liberu u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-avukati ( 7 ).

35.

Għaldaqstant, ma hijiex sorpriża li l-prinċipji stabbiliti fl-okkażjoni tal-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tat-trattat kienu ġew applikati għall-provvisti ta’ servizzi relatati mal-professjoni tal-avukati.

36.

B’hekk, l-Artikolu 56 TFUE jirrekjedi mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll it-tħassir ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika b’mod mhux distint fuq il-fornituri nazzjonali u fuq dawk tal-Istati Membri l-oħra, meta din hija ta’ natura li tipprojbixxi jew tfixkel iktar l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn dan jipprovdi servizzi simili legalment ( 8 ).

37.

Fi kliem ieħor, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interna fi Stat Membru ( 9 ).

38.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, konformement mal-ġurisprudenza klassika f’dan ir-rigward, il-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-trattat huma awtorizzati sakemm jissodisfaw l-erba’ kundizzjonijiet li ġejjin:

japplikaw b’mod nondiskriminatorju,

ikunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali,

ikunu adattati sabiex jiżguraw li jintlaħaq l-għan segwit, u

ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan ( 10 ).

B. L-applikazzjoni tal-prinċipji fil-kawża preżenti

1.  Kummenti preliminari fuq li l-kawża tiġi ristretta għall-ipoteżi prevista mill-qorti tar-rinviju u fuq il-kuntest ġuridiku

a)  Fuq il-parti tat-tilwima dwar il-proċeduri li fihom ir-rappreżentazzjoni minn avukat ma hijiex obbligatorja

39.

Id-domanda mressqa fil-kawża prinċipali hija dik sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/249 jipprekludix li Stat Membru jirriżerva għall-avukati iskritti fi ħdan kamra tal-avukati ta’ dan l-Istat, l-għoti ta’ mezzi tekniċi li jippermettu l-komunikazzjoni elettronika tal-atti proċedurali lill-qrati tal-imsemmi Stat Membru.

40.

Mit-talba għal domanda preliminari, kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li jirriżulta li r-regoli tal-proċedura applikabbli għall-proċeduri kriminali u soċjali ma jimponux ir-rappreżentazzjoni tal-partijiet minn avukat u, lanqas, bħala konsegwenza, li dan isir flimkien ma’ avukat membru tal-kamra ta’ avukati tal-qorti rilevanti. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tidher li tibda mill-premessa li l-fatt li l-avukat stabbilit fi Stat Membru ieħor ma jiddisponix minn router NPVA jobbligah, fir-realtà, sabiex jirrikorri għal tali avukat.

41.

Skont il-Gvern Franċiż, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma hijiex rilevanti ħlief f’dawn il-proċeduri u mhux f’dawk fejn ir-rappreżentanza hija obbligatorja. Fil-fatt, f’dawn it-tip ta’ proċeduri tal-aħħar, kemm l-avukati stabbiliti fi Franza (u iskritti f’kamra tal-avukati li ma hijiex dik tal-qorti adita bil-kawża) kif ukoll l-avukati stabbiliti fi Stat Membru ieħor ikollhom jaġixxu flimkien ma’ avukat li jista’ jeżerċita l-attività tiegħu quddiem l-imsemmija qorti. Issa, huwa biss dan tal-aħħar li jkollu bżonn router NPVA.

42.

Bil-kontra, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-risposta għad-domanda dwar il-kompattibbiltà tal-obbligu ta’ iskrizzjoni f’kamra tal-avukati lokali sabiex wieħed jibbenefika mir-RPVA mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/249 tiddependi fuq it-tip ta’ proċeduri inkwistjoni (ċivili, kriminali jew soċjali).

43.

Peress li l-qorti tar-rinviju llimitat id-deskrizzjoni tagħha tal-kuntest ġuridiku u fattwali għall-ipoteżi unika tal-proċeduri fejn ir-rappreżentazzjoni tal-partijiet minn avukat ma hijiex obbligatorja nqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tinkludi fir-risposta tagħha sitwazzjoni li dwarha ma ġietx mitluba tirrispondi ( 11 ).

b)  Fuq il-kuntest ġuridiku

44.

Sabiex tkun ċerta li fehmet b’mod korrett id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju u sabiex tkun tista’ tagħtiha risposta utli. Il-Qorti tal-Ġustizzja, indirizzatilha talba għal xi kjarifiki fit-12 ta’ Ottubru 2016, billi talbitha sabiex tikkonferma, sal-21 ta’ Novembru 2016, li, fl-ipoteżi tal-proċeduri previsti minnha (jiġifieri l-proċeduri kriminali u soċjali), id-dritt Franċiż jawtorizza l-komunikazzjoni tal-atti proċedurali bil-posta.

45.

Mir-risposta tal-qorti tar-rinviju tal-14 ta’ Diċembru 2016, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 tal-istess xahar, u xi spjegazzjonijiet kumplimentari mogħtija mir-rappreżentant tal-Gvern Franċiż waqt is-seduta tal-11 ta’ Jannar 2017, jirriżulta li l-komunikazzjoni obbligatorja b’mezz elettroniku hija, bħala prinċipju, limitata għall-proċeduri ta’ appell ippreżentati quddiem il-qrati li għalihom hija obbligatorja r-rappreżentazzjoni minn avukat.

46.

Madankollu, l-użu ta’ komunikazzjoni elettronika saret possibbli, - iżda mhux obbligatorja - fi tliet każijiet oħra fejn ir-rappreżentazzjoni minn avukat hija fakultattiva: għal ċerti proċeduri quddiem il-qrati reġjonali ( 12 ), għal proċeduri quddiem il-qrati tal-appell li fihom ir-rappreżentazzjoni minn avukat hija fakultattiva ( 13 ), kif ukoll għall-proċeduri quddiem il-qrat kummerċjali ( 14 ).

47.

Fi kwalunkwe każ, tkun xi tkun il-proċedura fejn hija awtorizzata l-komunikazzjoni elettronika, l-aċċess għal dan il-mezz ta’ komunikazzjoni huwa limitat għall-avukati tal-post tal-qorti kkonċernata. Għall-avukati l-oħra, bħall-avukati stabbiliti fi Stat Membru ieħor, il-komunikazzjonijiet permezz ta’ depożitu fir-reġistru jew bil-posta huma l-uniċi awtorizzati.

2.  Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni

48.

Mill-kuntest ġuridiku hekk ippreċiżat jirriżulta li l-użu ta’ komunikazzjoni elettronika hija awtorizzata f’ċerti proċeduri li fihom ir-rappreżentazzjoni minn avukat ma hijiex obbligatorja, jiġifieri l-proċeduri previsti mid-domanda preliminari ( 15 ).

49.

Peress li din il-possibbiltà hija suġġetta għall-aċċess għan-NPVA, ma tantx hemm dubju li r-rifjut li jingħata r-router NPVA lill-avukati mhux iskritti fi ħdan kamra tal-avukati Franċiża jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

50.

Fil-fatt, kif jikkonstata s-CNB, dan ir-rifjut jirriskja li jrendi inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mill-avukati mhux iskritti f’kamra tal-avukati Franċiża peress li sempliċement ma jistgħux ikollhom aċċess għas-servizz ta’ żmaterjalizzazzjoni tal-proċeduri, ħlief sakemm jitolbu sistematikament l-assistenza ta’ avukat iskritt fi ħdan kamra tal-avukati Franċiża li jiddisponi minn router NPVA ( 16 ).

51.

Issa, leġiżlazzjoni ta’ natura li trendi inqas attraenti jew iktar diffiċli l-provvista transkonfinali tas-servizzi tal-avukati tikkostitwixxi restrizzjoni pprojbita mill-Artikolu 56 TFUE u mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/249 ( 17 ).

3.  Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni

52.

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita mfakkra preċedentement, restrizzjoni “tista’ tiġi ġġustifikata jekk tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, kif ukoll tkun adatta għall-kisba ta’ l-għan li tfittex tilħaq, u ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex tikseb dan” ( 18 ).

a)  Fuq l-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali

53.

Is-CNB u r-rappreżentant tal-Gvern Franċiż jinvokaw il-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika r-rifjut tal-għoti ta’ router RPVA lill-avukati mhux iskritti f’kamra tal-avukati Franċiża. Ma’ din l-ewwel ġustifikazzjoni, il-Gvern Franċiż iżid il-protezzjoni tad-destinatarju finali tas-servizzi ġuridiċi.

54.

Ċertament, “[i]l-protezzjoni, minn naħa, tal-konsumaturi, b’mod partikolari tad-destinatarji ta’ servizzi legali pprovduti minn professjonisti legali, u, min-naħa l-oħra, ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huma finijiet inklużi fost dawk li jistgħu jitqiesu li huma raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi […]” ( 19 ).

55.

Issa, il-protezzjoni tal-parti f’kawża, jiġifieri l-“konsumatur finali tas-servizzi ġuridiċi”, u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huma marbuta neċessarjament mar-rekwiżiti ta’ stħarriġ u ta’ responsabbiltà tal-fornitur tas-servizz ( 20 ).

56.

F’dan ir-rigward, ma jkunx inutli li jitfakkar li, minkejja d-differenzi li jistgħu jeżistu bejn l-Istati Membri, jeżisti kunċett komuni tar-rwol tal-avukat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni: dik ta’ kollaboratur tal-ġustizzja li jintalab sabiex jipprovdi, b indipendenza sħiħa u fl-interess superjuri tagħha, l-assistenza legali li jkollu bżonn il-klijent ( 21 ). Din il-protezzjoni għandha bħala korrispettiv id-dixxiplina professjonali, imposta u kkontrollata fl-interess ġenerali ( 22 ).

57.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali kunċett jikkorrispondi għat-tradizzjonijiet ġuridiċi komuni fl-Istati Membri. Tinstab ukoll fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, hekk kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 23 ) u b’mod iktar preċiż fir-raba’ subparagrafu tiegħu li jipprovdi “[a]vukat biss, li jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jista’ jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-Qorti [tal-Ġustizzja].”

58.

Huwa taħt din il-perspettiva li l-Qorti tal-Ġustizzja stess tirrikjedi mill-avukati sabiex jipprovduha b’dokument ta’ leġittimazzjoni li jiċċertifika li huma awtorizzati sabiex jeżerċitaw qudiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat Membru ieħor parti mill-Ftehim ŻEE sabiex ikunu jistgħu jirrappreżentaw lil parti fil-kawża fil-kuntest ta’ rikors dirett ( 24 ), kif ukoll sabiex jibbenefikaw minn privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet rriżervati mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-aġenti, konsulenti u avukati ( 25 ). Fil-fatt, l-istess prova hija meħtieġa sabiex tkun tista’ tintuża l-applikazzjoni informatika e‑curia li tippermetti d-depożitu u n-notifikazzjoni tal-atti proċedurali elettronikament ( 26 ).

59.

L-impossibbiltà li jinkiseb router NPVA għal avukat mhux iskritt f’kamra tal-avukati Franċiża hija spjegata minn tħassib simili: l-obbligu li tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-identifikazzjoni tal-avukati li huma parti f’komunikazzjoni elettronika u, b’mod partikolari, il-kunfidenzjalità tal-iskambji ( 27 ). Fil-fatt, skont l-Artikolu 9 tad-digriet tas-7 ta’ April 2009 b’mod partikolari, “[i]s-sigurtà tal-konnessjoni tal-avukati man-NPVA hija ggarantita minn mekkaniżmu ta’ identifikazzjoni. Dan il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq servizz ta’ ċertifikazzjoni li jiżgura l-awtentikazzjoni talavukat individwali”.

60.

F’dan is-sens, ir-router RPVA u l-modalitajiet marbuta mal-għoti tiegħu jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-protezzjoni tad-destinatarju finali tas-servizz ġuridiku.

b)  Fuq il-kapaċità tal-miżuri kontenzjużi sabiex jilħqu l-għan irrikonoxxut

61.

Barra minn hekk, dawn il-mezzi – jiġifieri r-router RPVA u l-modalitajiet marbuta mal-għoti tiegħu – jidhruli adattati sabiex jiżguraw li jintlaħqu l-għanijiet tagħhom, peress li huma l-kmamar tal-avukati lokali li għandhom ir-responsabbiltà tal-iskrizzjoni tal-avukati fir-reġistru tal-avukati kif ukoll l-aġġornament tiegħu u li l-identifikazzjoni tal-avukat li jrid jingħaqad man-NPVA titwettaq permezz ta’ ċertifikat elettroniku personali marbut mar-reġistru nazzjonali tal-avukati, awtomatikament aġġornat permezz ta’ sinkronizzazzjoni ta’ kuljum mar-reġistri tal-avukati tal-kmamar tal-avukati Franċiżi kollha.

62.

Għaldaqstant, is-sistema tippermetti li jkunu biss l-avukati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiġu awtorizzati sabiex jeżerċitaw il-professjoni li jistgħu jkollhom konnessjoni man-NPVA.

c)  Fuq il-proporzjonalità tal-miżuri kontenzjużi

63.

Bil-kontra, l-invokazzjoni tal-assenza reġistru ta’ avukati fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut pur u sempliċi li jingħata router NPVA lill-avukati mhux iskritti f’kamra tal-avukati Franċiża jidhirli li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi awtentifikata l-kwalità ta’ avukat, u konsegwentement, sabiex tiżgura l-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi ġuridiċi u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fil-kuntest tal-proċeduri fejn ir-rappreżentanza ma hijiex obbligatorja.

64.

Fil-fatt, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, il-miżura eżaminata ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu segwit. Fi kliem ieħor, l-awtorità normattiva għandha tagħżel fost l-għażliet differenti possibbli lil dik li hija l-inqas restrittiva għad-dritt jew għal-libertà inkwistjoni.

65.

Issa, jekk il-prova tal-identità u tal-kwalità ta’ avukat tista’ tiġi rikjesta b’mod mhux kontestabbli bħala kundizzjoni preċedenti għall-għoti ta’ router RPVA, il-verifika ta’ kuljum ta’ din il-kwalità tidher eċċessiva, peress li tirriżulta, minħabba raġunijiet tekniċi biss, fl-impossibbiltà li jintuża mezz ta’ komunikazzjoni modern, mgħaġġel u sikur ( 28 ).

66.

Il-projbizzjoni li tirriżulta hija iktar sproporzjonata peress li għandha bħala konsegwenza li l-unika possibbiltà sabiex ikun hemm komunikazzjoni mar-reġistru tal-qrati kkonċernati hija kommunikazzjoni bil-posta. Tali metodu ma jidhirlix li jikkorrispondi mal-metodi ta’ xogħol li jintużaw f’dan il-bidu tas-seklu XXI.

67.

Barra minn hekk, nosserva li, f’dan l-aħħar eżempju, il-problema li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u li tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi ġuridiċi tidhirli li hija inqas imperattiva, peress li l-verifika tal-kwalità ta’ avukat ma tidhirx li hija meħtieġa b’mod sistematiku u kostanti fil-każijiet meta tintuża l-posta.

68.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-bilanċ bejn, minn naħa, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-avukat f’dinja moderna u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi ġuridiċi u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jista’ jintlaħaq billi jiġi rikjest it-tiġdid tal-prova tal-kwalità ta’ avukat perjodikament jew fl-okkażjoni ta’ kull proċeduri ġodda pereżempju.

69.

Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li jekk Franza għażlet li testendi r-rikors għall-avukat lokali fil-proċeduri fejn ir-rappreżentanza ma hijiex obbligatorja (possibbiltà offerta mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 77/249), il-projbizzjoni li jintuża r-router NPVA mill-avukat fornitur ta’ servizz tista’ tkun iġġustifikata ( 29 ).

70.

Madankollu, ir-rilevanza ta’ tali proċess, ikkonċepit iktar minn 40 sena ilu, għandha mingħajr dubju tiġi evalwata mill-ġdid hija stess, fid-dawl tal-prattika iktar moderna tal-professjoni tal-avukat, u r-rekwiżiti kontemporanji tal-parti f’kawża, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu ssagrifikati l-garanziji neċessarji għall-protezzjoni tiegħu. Madankollu, tali eżami jmur lil hinn mid-dover tal-qorti u huwa l-leġiżlatur li għandu, jekk ikun il-każ, jassumi l-kompetenza sabiex jagħmel dan.

VII. Konklużjoni

71. 

Ir-rifjut tal-għoti ta’ router NPVA lil avukat debitament iskritt ma’ kamra tal-avukati ta’ Stat Membru minħabba l-fatt li ma huwiex iskritt f’kamra tal-avukati tal-Istat Membru li fih ġie implementat in-NPVA, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

72. 

Ċertament, dan ir-rifjut huwa spjegat mix-xewqa li tiġi żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-protezzjoni tal-parti f’kawża, destinatarju finali tas-servizz ġuridiku, billi jiżgura l-awtentifikazzjoni tal-kwalità ta’ avukat. Madankollu, tali miżura tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet iċċitati iktar ’il fuq.

73. 

Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari mressqa mill-President tat-tribunal de grande instance de Lyon (qorti reġjonali ta’ Lyon, Franza) kif ġej:

“Ir-rifjut li jingħata router ta’ konnessjoni man-netwerk privat virtwali ta’ avukati lil avukat debitament iskritt f’kamra tal-avukati ta’ Stat Membru, minħabba r-raġuni unika li ma huwiex iskritt fil-kamra tal-avukati tal-Istat Membru li fih jixtieq jeżerċita l-professjoni ta’ avukat fil-kwalità ta’ fornitur liberu ta’ servizzi, huwa kuntrarju għall-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol.1, p. 52.

( 3 ) JORF Nru 86, tal-11 ta’ April 2009, p. 6365.

( 4 ) Ara p. 15 tal-osservazzjonijiet tas-CNB. Din il-konvenzjoni kienet ġiet imġedda darbtejn qabel ma ġiet issostitwita minn konvenzjoni ġdida konkluża fl-24 ta’ Ġunju 2016.

( 5 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi (C‑136/12, EU:C:2013:489, punti 29 sa 31).

( 6 ) Ara p. 5 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 7 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners (2/74, EU:C:1974:68), u tat-3 ta’ Diċembru 1974, van Binsbergen (33/74, EU:C:1974:131).

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 56).

( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 57).

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 37).

( 11 ) Fuq il-portata ta’ domanda preliminari u fuq ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Welmory (C‑605/12, EU:C:2014:2298, punti 33 sa 35).

( 12 ) Ara d-digriet tas-7 ta’ April 2009.

( 13 ) Ara d-digriettal-5 ta’ Mejju 2010, dwar il-komunikazzjoni elettronika fil-proċedura mingħajr rappreżentazzjoni obbligatorja quddiem il-qrati ta’ appell (JORF Nru 0111, tal-15 ta’ Mejju 2010, p. 9041). Għal dawn il-proċeduri jidher li, mid-dħul fis-seħħ tal-konvenzjoni tal-24 ta’ Ġunju 2016, bejn il-ministeru tal-ġustizzja u s-CNB, fil-1 ta’ Awwissu 2016, l-użu tal-komunikazzjoni elettronika sar obbligatorju għall-avukati li għandhom aċċess għan-NPVA.

( 14 ) Ara d-digriet tal-21 ta’ Ġunju 2013, dwar il-kommunikazzjoni elettronika bejn l-avukati u bejn l-avukati u l-qorti fil-proċeduri quddiem il-qrati kummerċjali (JORF tas-26 ta’ Ġunju 2013, p. 10526).

( 15 ) Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Ara p. 14 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tas-CNB.

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, AMOK (C‑289/02, EU:C:2003:669).

( 18 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 61).

( 19 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 64).

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1974, van Binsbergen (33/74, EU:C:1974:131, punt 12); tat-12 ta’ Diċembru 1996, Reisebüro Broede (C‑3/95, EU:C:1996:487, punt 38), kif ukoll tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 97).

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni (155/79, EU:C:1982:157, punt 24); tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 42); tas-6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il-Kummissjoni (C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punt 23), kif ukoll tat-12 ta’ Ġunju 2014, Peftiev (C‑314/13, EU:C:2014:1645, punt 28).

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni (155/79, EU:C:1982:157, punt 24); tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 42), kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il-Kummissjoni (C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punt 24).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni (155/79, EU:C:1982:157, punt 24); tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 42), kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il-Kummissjoni (C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punt 23).

( 24 ) Artikolu 119(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 25 ) Artikolu 44(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 26 ) Ara d-dokumenti li għandhom jiġu annessi b’mod obbligatorju mal-applikazzjoni ta’ ħolqien ta’ kont ta’ aċċess fuq e‑curia fuq l-indirizz li ġej: https://curia.europa.eu/e-Curia/access-request-step1.faces?conversationContext=2.

( 27 ) Ara l-Artikolu III. A(2), tal-konvenzjoni tas-16 ta’ Ġunju 2010, bejn il-ministeru tal-ġustizzja u s-CNB.

( 28 ) Skont l-ispjegazzjonijiet tar-rappreżentant tal-Gvern Franċiż, tali ostakoli tekniċi għandhom jisparixxu dalwaqt permezz tal-implementazzjoni ta’ proġett ta’ identifikazzjoni tal-avukati Ewropej intitolat “Find-A-Lawyer 2 ” implementat mill-CCBE u l-Kummissjoni.

( 29 ) Bla ħsara għall-interpretazzjoni mogħtija lil din il-possibbiltà mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-25 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (427/85, EU:C:1988:98).

Top