EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0029

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fis-26 ta’ Jannar 2017.
HanseYachts AG vs Port D’Hiver Yachting SARL et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Landgericht Stralsund.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 27 – Lis alibi pendens – Qorti adita l-ewwel – Artikolu 30(1) – Kunċett ta’ ‘att promotur’ jew ta’ ‘att ekwivalenti’ – Rikors għall-finijiet ta’ perizja ġudizzjarja għaż-żamma jew l-istabbiliment tal-prova tal-fatti li jistgħu jkunu l-bażi ta’ azzjoni legali ulterjuri qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża.
Kawża C-29/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:44

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fis-26 ta’ Jannar 2017 ( 1 )

Kawża C‑29/16

HanseYachts AG

vs

Port d’Hiver Yachting SARL,

Société Maritime Côte d’Azur,

Compagnie Generali IARD SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund, il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 27 — Lis alibi pendens — Identifikazzjoni tal-qorti adita l-ewwel — Artikolu 30(1) — Att promotur jew att ekwivalenti — Kunċett — Rikors għall-finijiet ta’ perizja ġudizzjarja għaż-żamma jew l-istabbiliment tal-prova tal-fatti li jistgħu jkunu l-bażi ta’ azzjoni legali ulterjuri qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża — Kawża dwar il-mertu mressqa sussegwentement quddiem qorti tal-istess Stat Membru”

I – Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund, il-Ġermanja) tirrigwarda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 2 ), u b’mod iktar speċjali, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(1) tiegħu, b’rabta mal-Artikolu 27 tiegħu ( 3 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn kumpannija Ġermaniża u kumpanniji Franċiżi dwar ir-responsabbiltà tal-ewwel waħda li tista’ tirriżulta minn dannu fuq dgħajsa li hija bniet u biegħet lil waħda minn dawn tal-aħħar. L-imsemmi dannu wassal għal diversi proċeduri li tressqu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti.

3.

Qabel kollox, ix-xerrej inizjali tad-dgħajsa kkonċernata ppreżenta rikors quddiem qorti Franċiża biex jitlob li ssir perizja ġudizzjarja għall-finijiet li tiġi stabbilita, qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża, il-prova tal-fatti li jistgħu jkunu l-bażi għal azzjoni legali ulterjuri, f’konformità mal-Artikolu 145 tal-code de procédure civile français (kodiċi tal-proċedura ċivili ta’ Franza, iktar ’il quddiem is-“CPC”), operazzjoni li tikkostitwixxi miżura istruttorja normalment imsejħa “in futurum” ( 4 ).

4.

Wara d-depożitu tar-rapport ta’ perizja, li sar tliet snin wara, il-bejjiegħ u kostruttur Ġermaniż ressaq azzjoni għal konstatazzjoni negattiva (kawża ta’ jattanza) quddiem il-qorti tar-rinviju, bl-għan li jiġi ddikjarat li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma kellhom l-ebda dritt x’jinvokaw kontrih b’rabta mad-dgħajsa inkwistjoni. Xi ġimgħat wara li tressqet din il-kawża, tressqet kawża oħra dwar il-mertu ( 5 ) mix-xerrej inizjali, quddiem it-tieni qorti Franċiża, sabiex jikseb kumpens għad-dannu allegat tiegħu u r-rimbors tal-ispejjeż tal-perizja.

5.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, minkejja li din il-kawża tal-aħħar tressqet wara l-kawża li tressqet quddiemha stess, hija għandhiex xorta tissospendi l-proċedura quddiemha bħala “qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ [qorti adita t-tieni]”, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, minħabba l-proċedura għall-finijiet li jinkisbu provi li nbdiet fi Franza diversi snin qabel ma tressqet il-kawża li hija pendenti quddiemha. Din tqis, fil-fatt, li tali proċedura għal ġbir ta’ provi tista’ tifforma unità waħda mal-kawża dwar il-mertu li tressqet sussegwentement fl-istess Stat Membru, sa fejn din tkun tinsab fil-kontinwità materjali tagħha.

6.

Din għalhekk tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk, f’każ ta’ lis alibi pendens potenzjali, l-att li permezz tiegħu ġiet adita l-qorti ta’ Stat Membru li ordnat miżura istruttorja qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża jikkostitwixxix “[i]d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti [l-att promotur jew att ekwivalenti]”, fis-sens tal-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tal-kawża dwar il-mertu li tressqet wara, quddiem qorti oħra ta’ dan l-istess Stat Membru.

7.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li se nispjega iktar ’il quddiem, jien tal-fehma li l-Artikoli 27 u 30 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati flimkien u li għandha tingħata risposta negattiva għad-domanda essenzjalment magħmula f’din il-kawża.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

8.

Ir-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli ratione temporis f’dan il-każ ( 6 ).

9.

Skont il-premessa 15 tiegħu, “[f]l-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis [alibi] pendens u azzjonijiet relatati u għal problemi ovvji li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament dak iż-żmien għandu jiġi definit b’mod awtonomu”.

10.

Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, dwar il-“Ġurisdizzjoni”, jinkludi Sezzjoni 9, li hija intitolata “Lis [alibi] pendens - azzjonijiet relatati”.

11.

L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fl-imsemmija sezzjoni, jipprovdi:

“1.   Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ [qorti adita t-tieni] għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.

2.   Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

12.

Fl-istess Sezzjoni 9, l-Artikolu 30(1) huwa fformulat kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ din is-Sezzjoni, qorti għandha tkun meqjusa bħala invokata:

1)

fil-waqt meta d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti [l-att promotur jew att ekwivalenti] jkun ippreżentat fil-qorti, basta illi l-attur ma jkunx sussegwentament naqas milli jieħu l-passi li kien meħtieġ jieħu sabiex ikollu s-servizz effettwat fuq il-konvenut […]”

13.

Fis-Sezzjoni 10 tal-imsemmi kapitolu, intitolata “Miżuri proviżorji, inklużi miżuri protettivi [kawtelatorji]”, l-Artikolu 31 jistabbilixxi li “[t]ista’ ssir applikazzjoni [talba] lill-qrati ta’ Stat Membru għal miżuri proviżorji bħal dawn, inklużi miżuri protettivi, skond kif jista’ jkun disponibbli permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat, permezz ta’ dan ir-Regolament, [lill-]qrati ta’ Stat Membru ieħor li jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sustanza tal-materja [fuq il-mertu]”.

B – Id-dritt Franċiż

14.

Skont l-Artikolu 145 tas-CPC, li jinsab fil-Ktieb I, intitolat “Dispożizzjonijiet komuni għall-qrati kollha”, fit-Titolu VII, intitolat “L-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-prova”, taħt is-Sottotitolu II, intitolat “Il-miżuri istruttorji”, ta’ dan il-kodiċi, “[j]ekk ikun jeżisti motiv leġittimu li tinżamm jew tiġi stabbilita l-prova tal-fatti li s-soluzzjoni tat-tilwima tkun tista’ tiddependi minnha qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża, il-miżuri istruttorji legalment ammissibbli jistgħu jiġu ordnati fuq talba ta’ kwalunkwe parti kkonċernata, b’rikors jew permezz ta’ miżuri provviżorji”.

III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li HanseYachts AG hija kumpannija li għandha bħala attività tagħha l-kostruzzjoni u l-bejgħ ta’ dgħajjes, li hija stabbilita fi Greifswald (il-Ġermanja), lokalità li tinsab taħt il-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti tar-rinviju.

16.

Permezz ta’ kuntratt tal-14 ta’ April 2010, HanseYachts biegħet lill-Port d’Hiver Yachting SARL, li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Franza, dgħajsa bil-mutur mibnija minnha stess, li kienet ġiet ikkunsinnata fit-18 ta’ Mejju 2010 fi Greifswald u wara ttrasportata lejn Franza.

17.

Din id-dgħajsa ġiet mibjugħa mill-ġdid minn Port d’Hiver Yachting lil Société Maritime Côte d’Azur (iktar ’il quddiem “SMCA”), li wkoll hija stabbilita fi Franza.

18.

Fl-1 ta’ Awwissu 2011, HanseYachts u Port d’Hiver Yachting ikkonkludew kuntratt ta’ distribuzzjoni li kien fih klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Greifswald, li kienet tindika d-dritt Ġermaniż bħala d-dritt sostantiv applikabbli u li kienet tipprevedi li l-imsemmi kuntratt kien jissostitwixxi l-ftehimiet bil-miktub jew verbali preċedenti kollha bejn dawn il-partijiet.

19.

Wara li f’Awwissu 2011 irriżultat ħsara f’wieħed mill-muturi tad-dgħajsa, SMCA ressqet kawża quddiem it-tribunal de commerce de Marseille (qorti tal-kummerċ ta’ Marseille, Franza), permezz ta’ ċitazzjoni urġenti trażmessa fit-22 ta’ Settembru 2011 lil Port d’Hiver Yachting, għall-finijiet li titlob perizja ġudizzjarja qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża bbażata fuq l-Artikolu 145 tas-CPC. Hija bagħtet ċitazzjoni wkoll lil Volvo Trucks France, bħala manifattur ta’ dawn il-muturi.

20.

Fl-2012, il-Compagnie Generali IARD SA (iktar ’il quddiem “Generali IARD”) intervjeniet b’mod volontarju fil-proċedura, bħala assiguratur ta’ Port d’Hiver Yachting. HanseYachts ukoll saret involuta fil-proċedura, bħala l-kostruttur tad-dgħajsa kkonċernata, matul l-2013.

21.

L-espert imqabbad mit-tribunal de commerce de Marseille (qorti tal-kummerċ ta’ Marseille) ippreżenta r-rapport finali tiegħu fit-18 ta’ Settembru 2014.

22.

Fil-21 ta’ Novembru 2014, HanseYachts ressqet talba għal konstatazzjoni negattiva (kawża ta’ jattanza) (kawża ta’ jattanza) quddiem il-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund) bl-għan li jiġi deċiż li Port d’Hiver Yachting, SMCA u Generali IARD ma għandhom l-ebda talba x’jinvokaw fil-konfront tagħha b’rabta mad-dgħajsa inkwistjoni.

23.

Fil-15 ta’ Jannar 2015, SMCA ħarrket lil Port d’Hiver Yachting, Volvo Trucks France u HanseYachts quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon, Franza), għall-finijiet li tikseb il-kundanna tagħhom in solidum għall-kumpens tad-danni li hija allegatament ġarrbet minħabba l-ħsara kontenzjuża u biex tiġi rrimborsata għall-ispejjeż iġġenerati mill-proċedura ta’ perizja ġudizzjarja.

24.

Wara li l-konvenuti fil-kawża prinċipali qajmu eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens ibbażata fuq l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija għandhiex, bħala “qorti adita t-tieni”, tissospendi l-proċedura quddiemha sakemm tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tat-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon) ( 7 ), skont il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, jew jekk, min-naħa l-oħra, hija tistax tqis ruħha bħala li hija l-“ewwel qorti invokata [qorti adita l-ewwel]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, tiddikjara ammissibbli l-azzjoni fil-kawża prinċipali ( 8 ) u mbagħad tipproċedi għall-eżami tal-fondatezza tagħha.

25.

Fil-fehma tagħha, għandu jiġi segwit dan l-approċċ tal-aħħar jekk jiġi deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-proċedura quddiem il-qrati Franċiżi tressqet biss permezz taċ-ċitazzjoni fuq il-mertu quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon), trażmessa fl-2015, jiġifieri wara li tressqet il-kawża quddiemha, fl-2014.

26.

Min-naħa l-oħra, jista’ jkun meħtieġ l-ewwel approċċ jekk ikun ġie meqjus li “d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti [l-att promotur jew att ekwivalenti]” li permezz tiegħu l-qrati Franċiżi jitqiesu bħala aditi, fis-sens tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ma huwiex ikkostitwit mill-imsemmija ċitazzjoni, iżda mit-talba għal perizja ġudizzjarja mressqa mill-2011 quddiem it-tribunal de commerce de Marseille (qorti tal-kummerċ ta’ Marseille).

27.

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kundizzjonijiet tal-lis alibi pendens iddikjarati fl-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament huma ssodisfatti, sa fejn il-kawża dwar il-mertu li nbdiet quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon) u l-kawża pendenti quddiemha jkunu tressqu bejn l-istess partijiet u jkollhom l-istess suġġett kif ukoll l-istess kawża.

28.

F’dan il-kuntest, permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Jannar 2016, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Jannar 2016, il-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Fejn id-dritt proċedurali ta’ Stat Membru jipprevedi proċedura awtonoma għal ġbir ta’ provi li fiha, fuq ordni tal-qorti, jinkiseb rapport ta’ espert (f’dan il-każ l-‘expertise judiciaire’ tad-dritt Franċiż), u fejn din il-proċedura awtonoma għal ġbir ta’ provi titmexxa f’dan l-Istat Membru u azzjoni legali bbażata fuq ir-riżultati ta’ din il-proċedura awtonoma titressaq sussegwentement fl-istess Stat Membru bejn l-istess partijiet:

F’dan il-każ, l-att li bih inbdiet il-proċedura awtonoma għal ġbir ta’ provi għandu jitqies li huwa ‘dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti [l-att promotur jew att ekwivalenti]’ fis-sens tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001? Jew huwa biss l-att li permezz tiegħu titressaq azzjoni legali li għandu jitqies li huwa ‘dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti’?”

29.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn HanseYachts, Port d’Hiver Yachting, SMCA u Generali IARD kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Franċiż ta risposta bil-miktub għad-domandi li kienu ġew indirizzati lilu mill-Qorti tal-Ġustizzja bl-applikazzjoni tal-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Ma nżammitx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

IV – Analiżi

A – Osservazzjonijiet preliminari

30.

Qabel ma nipproċedi għall-analiżi sostantiva tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, nixtieq nippreżenta xi osservazzjonijiet li jikkonċernaw il-limiti tal-eżami li din se jkollha twettaq.

31.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li l-problema tal-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali rispettivi tal-qorti tar-rinviju u tat-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon) ma hijiex suġġetta għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, minkejja l-indikazzjonijiet mogħtija mill-imsemmija qorti dwar dan is-suġġett ( 9 ) u minkejja r-riżervi fformulati f’dan ir-rigward minn ċerti partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari minħabba l-fatt tal-eżistenza ta’ klawżola ta’ għażla tal-qorti f’dan il-każ ( 10 ).

32.

Hija kull waħda minn dawn il-qrati nazzjonali li jkollha tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni proprja tagħha, fid-dawl tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u f’konformità mar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, li f’dan il-każ joriġinaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, kif interpretati fil-ġurisprudenza relatata tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 11 ).

33.

Infakkar, b’mod iktar partikolari, li r-regola ta’ riżoluzzjoni tal-lis alibi pendens li tinsab fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi distinzjoni, jew saħansitra ġerarkija, bejn il-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni differenti previsti mill-imsemmi regolament u li din ir-regola proċedurali, li tagħti prijorità lill-ġurisdizzjoni eventwali tal-qorti adita l-ewwel, hija bbażata biss fuq l-ordni kronoloġika li fiha ġew aditi l-qrati inkwistjoni ( 12 ).

34.

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża pendenti quddiemha, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 13 ).

35.

F’dan ir-rigward, insemmi biss li fid-dawl tal-elementi tal-kawża prinċipali ppreżentati mill-qorti tar-rinviju – b’mod partikolari meta titqies il-lokalità fejn il-beni inkwistjoni jidher li kien ġie kkunsinnat mill-kostruttur u bejjiegħ (HanseYachts) lill-ewwel xerrej (Port d’Hiver Yachting) – ( 14 ), ma hemmx lok li jitqies, prima facie, li deċiżjoni ta’ din il-qorti li taċċetta l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha stess, mill-inqas fir-rigward tal-imsemmija partijiet, tkun manifestament infondata u li d-domanda preliminari magħmula ma tkunx rilevanti peress li tkun inutli biex tinqata’ din il-kawża ( 15 ).

36.

Fit-tieni lok, fid-dawl tal-perspettivi differenti espressi mill-qorti tar-rinviju u mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet dwar ir-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli f’dan il-każ, u b’mod partikolari li jikkonċernaw is-sistema legali tal-miżuri istruttorji in futurum previsti fl-Artikolu 145 tas-CPC, nenfasizza li l-kwistjoni tal-interpretazzjoni eżatta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern ta’ Stat Membru ma tistax tinqata’ mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 16 ).

37.

Fil-fatt, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa li tiddeċiedi biss dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tal-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 267 TFUE ( 17 ). Madankollu, jekk tintalab tipprovdi risposta utli lill-qrati nazzjonali bl-għan li tippermettilhom jiddeċiedu fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja, fi spirtu ta’ kooperazzjoni, tista’ tagħtihom l-indikazzjonijiet li hija tqis neċessarji, fuq il-bażi tal-elementi kollha pprovduti lilha ( 18 ). Meta tippersisti inċertezza fir-rigward tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern imsemmija, hija għandha tipprova tiddeċiedi filwaqt li tqis dan il-fattur ( 19 ).

38.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-kunċetti li jinsabu fir-Regolament Nru 44/2001 għandhom fil-prinċipju jiġu interpretati b’mod awtonomu, jiġifieri fir-rigward tal-objettivi proprji tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istrument u mhux skont is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ( 20 ). Għalhekk, l-interpretazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mill-imsemmi regolament, u b’mod iktar partikolari dawk li jinsabu fl-Artikoli 27 u 30 tiegħu, la għandha tiddependi mill-ideat adottati mil-leġiżlaturi jew fil-ġurisprudenza ta’ dawn l-Istati ( 21 ) u lanqas mill-ispeċifiċitajiet tal-kawża prinċipali ( 22 ).

B – Fuq il-kontenut tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja

39.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar jekk, meta d-dritt ta’ Stat Membru jipprevedi proċedura għal ġbir ta’ provi li tippermetti l-kisba ta’ perizja ġudizzjarja qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża u li mbagħad titressaq kawża dwar il-mertu f’dan l-Istat fuq il-bażi tar-riżultati tal-imsemmija proċedura u bejn l-istess partijiet, għandux jitqies li l-att li jkun nieda l-proċedura għal ġbir ta’ provi jikkostitwixxi “d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti [l-att promotur jew att ekwivalenti]”, fis-sens tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 44/2001, jew jekk din il-klassifikazzjoni tappartjenix biss għall-att li permezz tiegħu tkun tressqet il-kawża dwar il-mertu.

40.

Il-qorti tar-rinviju tidher li tiffavorixxi l-ewwel approċċ, li jikkorrispondi għall-argument sostnut mit-tliet konvenuti fil-kawża prinċipali, filwaqt li HanseYachts u l-Kummissjoni jagħżlu t-tieni approċċ ( 23 ), li fil-fehma tiegħi jikkostitwixxi l-interpretazzjoni korretta.

41.

Bħall-Kummissjoni, inqis neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għal riformulazzjoni tad-domanda magħmula lilha, għar-raġunijiet li ġejjin.

42.

Infakkar, qabel kollox, li fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha ( 24 ). Hija għandha tislet ukoll mill-elementi kollha mogħtija minn din il-qorti, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża pendenti quddiemha, minkejja l-fatt li possibbilment ma jsirx riferiment għal dawn id-dispożizzjonijiet fil-formulazzjoni tad-domandi preliminari ( 25 ).

43.

F’dan il-każ, minkejja li, fuq il-livell formali, id-domanda preliminari ssemmi direttament biss l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 44/2001, din iċ-ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-elementi ta’ interpretazzjoni l-oħra kollha tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tiddeċiedi dwar il-kawża pendenti quddiemha.

44.

Madankollu, mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk din hijiex marbuta tissospendi l-proċedura quddiemha bl-applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, jeħtieġ li l-qorti tar-rinviju tkun taf jekk, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, hija għandhiex titqies bħala li kienet “adita t-tieni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fid-dawl tad-data – li għandha tiġi identifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 30 – meta tkun tressqet talba li għandha, skont din il-qorti, l-istess suġġett u l-istess kawża tkun tressqet bejn l-istess partijiet quddiem qorti Franċiża. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, hemm lok li tingħata interpretazzjoni kkombinata tal-Artikoli 27 u 30 ta’ dan ir-regolament.

45.

Min-naħa l-oħra, ma jidhirlix li huwa utli, f’din il-kawża, li jiġi ddefinit bħala tali l-kunċett ta’ “miżuri proviżorji bħal dawn, inklużi miżuri protettivi [kawtelatorji]” fis-sens tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001, peress li l-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi biss, fl-aħħar tad-deċiżjoni tagħha, il-possibbiltà li titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-kunċett għall-finijiet li jiġi interpretat, b’analoġija, l-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament ( 26 ).

46.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinftiehem bħala waħda bl-għan li, essenzjalment, jiġi ddeterminat jekk, f’każ ta’ lis alibi pendens potenzjali, id-data li fiha kienet inbdiet proċedura bl-għan li tinkiseb miżura istruttorja qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża tistax tikkostitwixxi d-data li fiha “tkun meqjusa bħala invokata [adita]”, fis-sens tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 44/2001, qorti mitluba tiddeċiedi dwar talba dwar il-mertu li tkun tressqet fl-istess Stat Membru sussegwentement għar-riżultat ta’ din il-miżura, peress li l-proċedura għal ġbir ta’ provi u t-talba dwar il-mertu sussegwenti setgħu jikkostitwixxu l-istess entità proċedurali.

47.

Jekk din l-interpretazzjoni tiġi miċħuda, kif nirrakkomanda jiena, minn dan jirriżulta speċifikament li qorti ta’ Stat Membru ieħor li, bħal fil-kawża prinċipali, quddiemha tkun tressqet kawża dwar il-mertu wara l-bidu tal-proċedura għal ġbir ta’ provi iżda qabel l-imsemmija talba dwar il-mertu, imressqa bejn l-istess partijiet u li jkollha kemm l-istess suġġett kif ukoll l-istess kawża, għandha titqies bħala li tkun l-“ewwel qorti invokata [qorti adita l-ewwel]”, fis-sens tal-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament.

48.

Qabel ma tiġi ddeterminata strettament l-interpretazzjoni mitluba, għandha tiġi kkonfermata l-preċiżjoni tad-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-qorti tar-rinviju li skonthom tista’ teżisti sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens, f’konformità ma’ dan l-artikolu tal-aħħar, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża li tressqet quddiemha.

C – Fuq l-eżistenza potenzjali ta ’ sitwazzjoni ta ’ lis alibi pendens fir-rigward tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001

49.

Biex tiġġustifika d-domanda preliminari tagħha, il-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund) tibbaża fuq il-premessa li l-kawża pendenti quddiemha tista’ tkun f’kunflitt mal-kawża dwar il-mertu mressqa quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon) u li r-regoli relatati mal-lis alibi pendens stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 iwasslu għall-fatt li din il-qorti Ġermaniża jkollha tissospendi l-proċeduri quddiemha bħala “qorti adita t-tieni”, sa fejn l-imsemmija kawża tista’ titqies bħala li nbdiet mill-istadju tal-proċedura għal ġbir ta’ provi mibdija quddiem it-tribunal de commerce de Marseille (qorti tal-kummerċ ta’ Marseille), li flimkien magħha tifforma l-unika u l-istess unità.

50.

Min-naħa l-oħra, jidhirli li l-qorti tar-rinviju ma tqisx li s-sospensjoni tal-proċedura quddiemha japplika għaliha, minħabba l-lis alibi pendens, fil-każ li ż-żewġ proċeduri Franċiżi jkunu, għall-kuntrarju, mibdija separatament waħda mill-oħra. L-obbligu ta’ sospensjoni fil-fehma tiegħi għandu jiġi eskluż b’mod ċar minn din l-ipoteżi, fid-dawl tal-elementi tad-dritt tal-Unjoni li se nispjega iktar ’il quddiem, peress li, minn naħa, il-kawża dwar il-mertu Franċiża – jekk din titqies b’mod iżolat – kienet tressqet f’data li tiġi wara l-kawża dwar il-mertu Ġermaniża u, min-naħa l-oħra, il-proċedura għal ġbir ta’ provi Franċiża ma kellhiex l-istess kawża u l-istess suġġett bħal dik tal-aħħar u wara kollox ma kinitx għadha pendenti mal-ftuħ tagħha.

51.

Fil-fatt, infakkar li l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 jirregola biss is-sitwazzjonijiet ta’ lis alibi pendens li fihom il-qrati tal-Istati Membri differenti jiġu aditi b’kawżi simultanji li jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet inkompatibbli ( 27 ), jiġifieri “[m]eta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet”. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil din il-kundizzjoni tripla ta’ identiċità tal-partijiet, tas-suġġett u tal-kawża ( 28 ), billi enfasizzat li d-definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti tal-aħħar għandha tingħata b’mod awtonomu, b’riferiment għas-sistema u l-għanijiet tal-imsemmi regolament ( 29 ).

52.

Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn it-tliet kriterji kumulattivi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan jiġi ssodisfatt meta l-partijiet ikunu l-istess fiż-żewġ kawżi simultanji, irrispettivament mill-fatt li l-pożizzjonijiet proċedurali tagħhom ikunu eventwalment differenti ( 30 ).

53.

F’dan il-każ, ftit li xejn jimporta li l-parti li hija rikorrenti quddiem il-qrati Franċiżi, SMCA, hija konvenuta quddiem il-qorti tar-rinviju, u l-kuntrarju għal HanseYachts ( 31 ). Huwa wkoll irrilevanti li l-partijiet ma jkunux identiċi totalment iżda parzjalment, bħal f’dan il-każ, billi madankollu huwa ppreċiżat li, f’xenarju bħal dan, il-qorti adita t-tieni għandha l-obbligu li tastjeni mill-ġurisdizzjoni biss sa fejn il-partijiet fil-kawża quddiemha jkunu wkoll partijiet fil-proċedura mibdija preċedentement, biex il-proċedura bejn il-partijiet l-oħra tkun tista’ tkompli quddiem din il-qorti ( 32 ).

54.

Fir-rigward tal-kriterju tal-identiċità tal-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan il-kunċett tal-aħħar għandu jinftiehem bħala li jinkludi “l-fatti u r-regola legali invokati bħala bażi tat-talba” ( 33 ). Il-kundizzjoni relatata mal-identiċità tas-suġġett, li huwa ddefinit bħala li jikkorrispondi għall-“għan tat-talba” ( 34 ) – mifhum b’mod wiesa’ ( 35 ) –, xi drabi hija ttrattata flimkien mal-kriterju preċedenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 36 ).

55.

F’dan il-każ, kif tindika l-qorti tar-rinviju, mill-imsemmija ġurisprudenza jirriżulta li dawn l-aħħar żewġ kriterji huma ssodisfatti fir-rigward tal-lis alibi pendens potenzjali bejn talba intiża sabiex jiġi deċiż li konvenut huwa responsabbli għal dannu kif ukoll biex jiġi kkundannat iħallas kumpens għad-danni f’dan ir-rigward, bħal dik imressqa quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon) b’mod partikolari kontra HanseYachts, u talba ta’ dan l-istess konvenut intiża biex jiġi kkonstatat li huwa ma huwiex responsabbli għal dan id-dannu, bħal dik li hija pendenti quddiem il-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund) fuq inizjattiva ta’ HanseYachts, peress li waħda minn dawn il-proċeduri tirrappreżenta l-oppost tal-oħra ( 37 ).

56.

Din il-konstatazzjoni madankollu ma tippreġudikax ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li b’mod iktar speċifiku hija dwar jekk hija għandhiex titqies bħala l-“qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ [qorti adita t-tieni]”, fis-sens tal-Artikolu 27 moqri flimkien mal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001, bl-effett ta’ aggregazzjoni eventwali f’unità waħda tal-proċedura għal ġbir ta’ provi li nbdiet fi Stat Membru ieħor u tal-kawża dwar il-mertu mressqa sussegwentement f’dan l-istess Stat, argument li jien ma nikkondividix ( 38 ).

57.

Għal finijiet ta’ kompletezza, nippreċiża li naħseb li huwa impossibbli li jitqies li l-kawża u s-suġġett bejn azzjoni dwar il-mertu, bħal dik tat-tilwima fil-kawża prinċipali intiża għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà ċivili, u proċedura intiża għall-kisba ta’ miżura istruttorja qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża, bħal dik li kienet tressqet quddiem it-tribunal de commerce de Marseille (qorti tal-kummerċ ta’ Marseille) għall-finijiet ta’ perizja ġudizzjarja, huma identiċi, minkejja li l-fatti li wasslu għal dawn iż-żewġ kawżi huma l-istess. Tali identità doppja għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi eskluża peress li kemm ir-regoli ġuridiċi invokati mir-rikorrenti kif ukoll l-għanijiet imfittxija minnhom f’kull waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ proċeduri huma fundamentalment differenti, u dan irrispettivament mill-ispeċifiċitajiet tal-każ inkwistjoni.

58.

Fil-fatt, hekk kif innotat il-Kummissjoni, il-proċedura għal ġbir ta’ provi inkwistjoni hawnhekk hija intiża biss biex tiġi ordnata miżura istruttorja in futurum, li għandha l-għan li żżomm jew tistabbilixxi, qabel ma tinbeda kawża, il-prova tal-fatti li jistgħu eventwalment jiġġeneraw kawża dwar il-mertu ulterjuri. Għalkemm tali proċedura jista’ jkollha natura kontradittorja ( 39 ), ir-riżultat finali tagħha – f’dan il-każ, perizja ġudizzjarja – madankollu ma jinvolvix evalwazzjoni dwar il-mertu tad-drittijiet inkwistjoni – hawnhekk, fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili. Għall-kuntrarju, kawża dwar il-mertu bħal dik imressqa quddiem il-qorti tar-rinviju għandha l-għan li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma titqies responsabbli fir-rigward tad-danni li rriżultaw mill-ħsara li rriżultat fuq id-dgħajsa li biegħet. L-għan tar-rikorrenti huwa għalhekk li tinkiseb deċiżjoni dwar il-mertu tad-dritt, biex tintemm il-kawża. Għaldaqstant, ir-riskju ta’ deċiżjonijiet inkompatibbli, li fuqu huwa bbażat il-mekkaniżmu ta’ lis alibi pendens previst fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, jidhirli li huwa ineżistenti fil-preżenza ta’ proċeduri li għandhom suġġetti daqstant differenti.

59.

Id-differenzi fundamentali kkonstatati hawnhekk, bejn proċedura għal ġbir ta’ provi qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża u kawża dwar il-mertu bbażata fuq ir-riżultati ta’ din il-proċedura, fil-fehma tiegħi huma kontra l-possibbiltà li jiġi aċċettat, bħalma tipprevedi l-qorti tar-rinviju, li att li jindika l-ftuħ ta’ din l-ewwel proċedura jikkostitwixxi wkoll l-att promotur ta’ din tal-aħħar.

D – Fuq il-klassifikazzjoni eventwali tal-att li fetaħ proċedura għal ġbir ta ’ provi qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża bħala li huwa ekwivalenti għall-att li ressaq kawża dwar il-mertu sussegwenti fir-rigward tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001

60.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet intalbet tinterpreta l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001 moqri flimkien mal-Artikolu 27 tiegħu. F’dan il-każ, hija nnotat li l-imsemmi regolament ma jippreċiżax f’liema ċirkustanzi l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel għandha titqies bħala “stabbilita” fis-sens tal-Artikolu 27 tiegħu, li jillimita ruħu li joħloq regola proċedurali bbażata fuq l-ordni kronoloġika kif il-qrati inkwistjoni kienu ġew aditi, iżda nnotat li l-Artikolu 30 tiegħu jiddefinixxi b’mod uniformi u awtonomu d-data li fiha qorti “tkun meqjusa bħala invokata [adita]” għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar il-lis alibi pendens ( 40 ).

61.

Nenfasizza li, kif jindika l-ewwel kliem użat fl-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001, ir-regola sostantiva li stabbilita minnu tapplika għad-dispożizzjonijiet kollha li jinsabu fis-Sezzjoni 9 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri mhux biss dawk applikabbli f’każ ta’ lis alibi pendens, li jinsabu fl-Artikolu 27 tiegħu, iżda wkoll dawk applikabbli f’każ ta’ konnessjoni, li jinsabu fl-Artikolu 28 tiegħu, u dawk relatati mal-ipoteżi partikolari fejn talbiet simultanji jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ diversi qrati, li jinsabu fl-Artikolu 29 tiegħu. Ikun xieraq għalhekk li l-interpretazzjoni li se tingħata tal-imsemmi Artikolu 30 tkun adattata għal dawn ix-xenarji differenti kollha.

62.

F’din il-kawża, sabiex tiġġustifika l-interpretazzjoni wiesgħa li hija tissuġġerixxi, li tikkonsisti fl-inklużjoni tal-proċedura għal ġbir ta’ provi fil-proċedura dwar il-mertu li ssegwiha fl-istess Stat Membru, il-qorti tar-rinviju tibbaża argument, fl-ewwel lok, fuq it-test tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001, li minnu jirriżulta li l-kawża mressqa quddiem qorti tista’ toriġina mhux biss minn “dokument li jiftaħ il-proċedimenti [att promotur]”, iżda wkoll minn “dokument [att] ekwivalenti”, li jista’, fil-fehma tagħha, jikkorrispondi għal dak li permezz tiegħu ġiet adita l-qorti li ordnat il-miżura istruttorja in futurum ikkonċernata.

63.

Ix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 44/2001 ma jagħtix kjarifiki utli dwar din il-formula alternattiva. Ninnota li din kienet diġà tinsab fl-Artikolu 19(1) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1348/2000 ( 41 ), fejn il-formulazzjoni kienet ġiet ispirata minn strument internazzjonali ( 42 ). Fid-dawl tal-indikazzjonijiet relatati mal-kunċett ta’ “dokument [att] ekwivalenti” fis-sens ta’ dan tal-aħħar ( 43 ) u ta’ evalwazzjoni li tinsab f’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 44 ), niddubita ħafna li l-argument sostnut mill-qorti tar-rinviju jista’ jintlaqa’.

64.

Fuq kollox, nenfasizza li l-imsemmi Artikolu 30 huwa fformulat f’termini li, sa fejn huma miktuba fis-singular, fil-fehma tiegħi jipprojbixxu li jiġi aċċettat dan l-argument. Fil-fatt, dan l-artikolu jiddefinixxi l-mument li fih “qorti għandha tkun meqjusa bħala invokata [adita]” u b’dan jirreferi, kemm fil-punt 1 tiegħu kif ukoll fil-punt 2 tiegħu, għal “meta [l-att ikun] ippreżentat fil-qorti” ikkonċernata ( 45 ), għall-kuntrarju ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan l-istess regolament li jsemmu “qrati” ta’ Stat Membru fl-intier tagħhom ( 46 ).

65.

Din id-data terminoloġika ma hijiex newtrali, b’mod partikolari fid-dawl taċ-ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, fejn il-qorti Franċiża li quddiemha tressqet il-proċedura għal ġbir ta’ provi ma hijiex l-istess waħda bħal dik li quddiemha tressqet kawża dwar il-mertu li suppost tkompli mal-imsemmija proċedura. Il-fatt li dawn iż-żewġ qrati jinsabu fl-istess Stat Membru huwa irrilevanti fir-rigward tar-regola tal-iffissar tad-data ta’ meta tressqet kawża quddiem qorti speċifika, kif stabbilita fl-imsemmi Artikolu 30.

66.

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu bħala għan li jevita li l-partijiet jisiltu vantaġġ b’mod abbużiv mid-differenzi proċedurali li jeżistu fi ħdan l-Unjoni. Ir-riskju ta’ “imminar” imsemmi minn din il-qorti ċertament ma huwiex eskluż ( 47 ), b’mod partikolari fil-preżenza ta’ azzjoni għal konstatazzjoni negattiva (kawża ta’ jattanza), bħal dik fil-kawża prinċipali ( 48 ). Madankollu, inqis li l-“forum shopping” ma huwiex fih innifsu pprojbit mir-Regolament Nru 44/2001 u li, f’din il-kawża, l-approċċ proċedurali segwit minn HanseYachts ma huwiex ta’ natura abbużiva.

67.

Mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 44/2001 ( 49 ) u mix-xogħol leġiżlattiv li jippreċedih ( 50 ) jirriżulta li l-ewwel għan tal-adozzjoni tal-Artikolu 30 tiegħu kien li jitnaqqsu l-problemi u l-inċertezzi ġuridiċi kkawżati mill-varjetà kbira ta’ miżuri li kienu jeżistu fl-Istati Membri biex tiġi ddeterminata d-data ta’ meta tressqet il-kawża quddiem qorti, permezz ta’ regola sostantiva li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ din id-data b’mod sempliċi u uniformi ( 51 ).

68.

Iż-żewġ sensiliet ta’ kriterji stabbiliti fil-punti 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu 30 jistabbilixxu mekkaniżmu uniformi li, kif tindika HanseYachts, ixekkel il-progress għall-interpretazzjoni tal-kunċetti li jinsabu fih b’riferiment għall-kontenut ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali ( 52 ). Għalhekk nirrakkomanda li jiġi adottat approċċ mhux estensiv tat-tifsira li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 30, bl-għan li jkun hemm konformità mal-objettivi ta’ uniformità u ta’ ċertezza legali li huma fil-mira tagħhom ( 53 ).

69.

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tippreżenta, insostenn tal-argument tagħha, argumenti ta’ ordni prattika, li ma jikkonvinċunix. Hija ssostni li l-miżura ta’ perizja li kienet ġiet ordnata, f’dan il-każ, minn qorti Franċiża tkun tirrispondi aħjar id-domandi ta’ dritt materjali li jistgħu jsiru fil-kuntest ta’ proċedura dwar il-mertu li tiżvolġi fi Franza u li jkun xieraq li jiġu evitati spejjeż li jistgħu jiġu kkawżati minn seduta eventwali tal-perizja fil-Ġermanja. Fil-fehma tiegħi, ir-restrizzjonijiet invokati ma humiex tali li ma jistgħux jingħelbu u tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jieħdu preċedenza fuq dawk misluta kemm mill-formulazzjoni kif ukoll mill-iskop tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001 li għadni kif spjegajt.

70.

Għaldaqstant, jekk jitqies, bħalma nirrakkomanda jiena ( 54 ), li proċedura għal ġbir ta’ provi qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża ma għandhiex l-istess kawża u l-istess suġġett bħal kawża dwar il-mertu, fis-sens tal-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament, inqis li huwa diffiċli li jiġi aċċettat li att li fetaħ din il-proċedura jista’ xorta waħda jitqies bħala li jkun “[i]d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti [l-att promotur jew att ekwivalenti]”, fis-sens tal-Artikolu 30, ta’ kawża dwar il-mertu li tkun suċċessiva għall-eżiti tagħha.

71.

In-nuqqas ta’ unità proċedurali jiġi vverifikat b’mod iktar partikolari fir-rigward tad-data fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, bħalma jinnotaw kemm il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni, il-formulazzjoni stess tal-Artikolu 145 tas-CPC tikkomprometti l-argument tal-eżistenza ta’ kontinwità materjali bejn il-proċedura għal ġbir ta’ provi prevista fl-imsemmi artikolu u l-proċedura dwar il-mertu sussegwenti, peress li din id-dispożizzjoni tindika b’mod espliċitu li t-talba għal miżura istruttorja intiża għandha titressaq preċiżament “qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża”, u mhux f’korrelazzjoni ma’ azzjoni ġudizzjarja ( 55 ).

72.

L-analiżi tiegħi hija sostnuta mill-fatt li s-segwiti għall-miżura istruttorja in futurum, f’dan il-każ it-teħid inkunsiderazzjoni tar-rapport tal-perizja ġudizzjarja, ma humiex ġestiti mill-qorti li ordnat din il-miżura. Fil-fatt, hekk kif jindika l-Gvern Franċiż, din il-qorti fil-prinċipju ma tibqax adita bil-kawża malli toħroġ deċiżjoni li tilqa’ t-talba għal tali miżuri jew li tiċħadha. Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjoni hija nieqsa minn kwalunkwe awtorità ta’ res judicata fil-kawża prinċipali ( 56 ).

73.

Barra minn hekk, kawża dwar il-mertu ma hijiex neċessarjament mibdija wara l-proċedura għal ġbir ta’ provi, peress li fi tmiem il-miżura istruttorja, il-parti kkonċernata, li ma għandhiex l-obbligu tressaq kawża, tista’ tippreferi li tagħżel ftehim bonarju jew li tirrinunzja kwalunkwe rikors kontra l-parti opposta. U anki meta titressaq kawża dwar il-mertu, din tista’ titressaq quddiem qorti oħra, bħalma huwa l-każ hawnhekk, billi jitfakkar li l-perizja ġiet ordnata mit-tribunal de commerce de Marseille (qorti tal-kummerċ ta’ Marseille) filwaqt li l-kawża dwar il-mertu tressqet quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon) ( 57 ).

74.

Bħal HanseYachts u l-Kummissjoni, inqis li r-regola ta’ sospensjoni relatata mal-preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2239 tal-code civil français (kodiċi ċivili ta’ Franza) ( 58 ), li jibbażaw fuqu l-qorti tar-rinviju u Port d’Hiver Yachting biex isostnu li hemm rabta diretta bejn miżura istruttorja in futurum u l-kawża dwar il-mertu mressqa wara, ma tistax tqajjem dubju b’mod validu dwar il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, peress li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix l-eżistenza tal-unità proċedurali allegata ( 59 ).

75.

Il-kontinwità invokata mill-qorti tar-rinviju għalhekk ma teżistix, fil-fehma tiegħi, f’tali xenarju. Jidhirli li din il-qorti taċċetta wkoll li l-proċedura għal ġbir ta’ provi inkwistjoni hija ġuridikament separata mill-kawża dwar il-mertu, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 145 tas-CPC ( 60 ), peress li, b’mod partikolari skont id-domanda preliminari tagħha, din tikklassifika hija stess l-ewwel waħda bħala li hija “awtonoma” meta mqabbla mat-tieni waħda.

76.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jien tal-fehma li l-Artikoli 27 u 30 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod ikkombinat fis-sens li, meta kawża dwar il-mertu titressaq fi Stat Membru b’segwitu għar-riżultat ta’ miżura istruttorja in futurum, ma jistax jitqies li din il-kawża nbdiet mill-ftuħ tal-proċedura intiża biex tinkiseb l-imsemmija miżura f’dan l-istess Stat. Għaldaqstant, qorti ta’ Stat Membru ieħor li tkun ġiet adita wara din il-proċedura għal ġbir ta’ provi iżda qabel it-tressiq tal-imsemmija kawża dwar il-mertu, b’azzjoni li għandha kemm l-istess partijiet kif ukoll l-istess suġġett u l-istess kawża bħal din tal-aħħar, ma hijiex marbuta tissospendi l-proċeduri quddiemha minħabba lis alibi pendens bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, peress li hija ma hijiex il-qorti adita t-tieni.

77.

Kif indikajt diġà ( 61 ), jidhirli li ma hemmx lok li jiġi interpretat l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 f’din il-kawża. Madankollu, għall-finijiet ta’ eżawrjenza, insemmi li, skont il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-possibbiltà li titqies is-sentenza St. Paul Dairy ( 62 ), li tirrigwarda l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li essenzjalment tikkorrispondi għall-imsemmi Artikolu 31. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-klassifikazzjoni ta’ “miżuri proviżjorji, inklużi dawk protettivi [kawtelatorji]”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 24, ma kinitx tkopri l-miżuri istruttorji li kellhom bħala l-uniku għan li jippermettu lir-rikorrent jevalwa, qabel il-bidu ta’ kwalunkwe kawża, il-possibbiltajiet ta’ suċċess ta’ azzjoni legali eventwali ( 63 ), b’mod partikolari minħabba l-ħtieġa li tiġi evitata multiplikazzjoni tal-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tal-istess relazzjoni ġuridika.

78.

Il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li l-miżuri istruttorji previsti fl-Artikolu 145 tas-CPC jistgħu jikkorrispondu għal dawk ikkonċernati mill-imsemmija sentenza u li l-motivazzjoni ta’ din tal-aħħar tista’ timplika, għall-interpretazzjoni li għandha tingħata tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001 li huwa s-suġġett tad-domanda preliminari tagħha, li meta miżura probatorja ta’ dan it-tip tkun ġiet ordnata fi Stat Membru, ma jkunx permess li titressaq kawża dwar il-mertu fi Stat Membru ieħor.

79.

Jidhirli li l-kwistjoni dwar jekk miżura istruttorja qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża tistax titqies bħala miżura provviżorja jew kawtelatorja, fis-sens tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001, teħtieġ biss li jiġi analizzat fil-qosor f’tali kuntest, billi huwa nnotat li din il-problema hawnhekk tqajmet b’mod sussidjarju biss mill-qorti tar-rinviju u li hija wasslet għal perspettivi differenti, b’mod iktar speċifiku fir-rigward tal-Artikolu 145 tas-CPC, mhux biss fl-osservazzjonijiet u r-risposti bil-miktub li ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ ( 64 ), iżda wkoll fid-duttrina ( 65 ).

80.

F’dan ir-rigward, ninnota sempliċiment li mil-lat strutturali, l-Artikolu 31 jikkostitwixxi s-Sezzjoni 10 tar-Regolament Nru 44/2001, dwar il-miżuri provviżorji u kawtelatorji, filwaqt li l-Artikoli 27 u 30 ta’ dan ir-regolament – li l-interpretazzjoni tagħhom hija meħtieġa biss f’din il-kawża – jinsabu fis-Sezzjoni 9, dwar il-lis alibi pendens u l-konnessjoni. Mil-lat sostanzjali, għall-kuntrarju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar, li jirregolaw ir-rabta bejn il-proċeduri pendenti b’mod parallel fi Stati Membri differenti, l-Artikolu 31 jipproċedi għal loġika kompletament differenti, peress li jistabbilixxi regola ta’ ġurisdizzjoni derogatorja – għalhekk mifhuma b’mod strett mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 66 ) –, li skontha qorti ta’ Stat Membru tista’ tordna miżura provviżorja jew kawtelatorja minkejja li qorti ta’ Stat Membru ieħor iżżomm il-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar il-mertu bl-applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

81.

Għaldaqstant inqis li meta jitqies is-suġġett tad-domanda preliminari kif ġiet irriformulata, ma hemmx lok li wieħed jipproċedi għal raġunament b’analoġija fir-rigward tas-sentenza St. Paul Dairy ( 67 ) u li, fi kwalunkwe sitwazzjoni, il-kontenut ta’ din tal-aħħar ma jistax iqajjem dubju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 27 u 30 tar-Regolament Nru 44/2001 li nirrakkomanda li tiġi adottata f’din il-kawża ( 68 ).

V – Konklużjoni

82.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mil-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund, il-Ġermanja) bil-mod li ġej:

L-Artikolu 27 u l-Artikolu 30(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta proċedura awtonoma għal ġbir ta’ provi li jkollha l-għan li tiġi ordnata miżura istruttorja qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża tiżvolġi fi Stat Membru u meta titressaq kawża dwar il-mertu quddiem qorti tal-istess Stat Membru b’segwitu għall-eżitu tal-imsemmija miżura istruttorja, id-data li fiha din il-qorti tkun “meqjusa bħala invokata [adita]”, fis-sens tal-Artikolu 30, ma tmurx lura għall-ftuħ tal-proċedura għal ġbir ta’ provi, u minn dan jirriżulta li qorti ta’ Stat Membru ieħor li fil-frattemp tkun ġiet adita b’kawża dwar il-mertu li jkollha kemm l-istess partijiet kif ukoll l-istess suġġett u l-istess kawża bħal dik imsemmija iktar ’il fuq għandha titqies bħala li tkun “l-ewwel qorti invokata [il-qorti adita l-ewwel]” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 27.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.

( 3 ) Qabel kollox, nippreċiża li l-Konvenzjoni dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fi Brussell, fis-27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata minn konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), li ġiet issostitwita bir-Regolament Nru 44/2001, kienet tistabbilixxi, fl-Artikolu 21 tagħha, regola analoga għal dik fl-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, iżda ma kienx fiha dispożizzjoni analoga għall-Artikolu 30 ta’ dan tal-aħħar. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni tista’ tiġi trasposta għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħhom ikunu essenzjalment ekwivalenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 39).

( 4 ) Il-miżuri istruttorji ordnati lil hinn minn kwalunkwe kawża għalhekk huma kklassifikati, b’mod partikolari mill-qorti ta’ kassazzjoni Franċiża (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-tieni awla ċivili, tat-23 ta’ Ġunju 2016, Nru 15-19.671, u tal-awla kummerċjali, tas-16 ta’ Frar 2016, Nru 14-25.340, aċċessibbli fl-indirizz elettroniku li ġej: https://www.legifrance.gouv.fr), b’kuntrast ma’ dawk ordnati fil-mori ta’ kawża (ara, b’mod partikolari, Combes, G., u Ménétrey, S., “Incidents de procédure, Mesures d’instruction, Dispositions générales”, JurisClasseur Procédure civile, faxxikolu 634, 2016, punti 12 kif ukoll 49 et seq).

( 5 ) Il-kunċett ta’ “kawża dwar il-mertu” hawnhekk għandu jinftiehem bħala kull azzjoni bl-għan li tinkiseb deċiżjoni finali dwar id-drittijiet u l-obbligi inkwistjoni, irrispettivament minn jekk tkunx ta’ natura pożittiva (bħall-għoti tad-danni) jew ta’ natura negattiva (bħal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà), kuntrarjament għat-talbiet għal deċiżjonijiet provviżorji biss jew li jirrigwardaw biss ir-regoli tal-proċedura jew ta’ ġurisdizzjoni.

( 6 ) Ir-Regolament Nru 44/2001, ċertament, tħassar mir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). Madankollu, l-ewwel wieħed minn dawn ir-regolamenti jibqa’ applikabbli f’dan il-każ, peress li l-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju tressqet qabel l-10 ta’ Jannar 2015, id-data ta’ applikazzjoni tat-tieni regolament (ara l-Artikoli 66 u 81 tar-Regolament Nru 1215/2012). Ara wkoll, Beraudo, J.-P., u Beraudo, M.-J., “Convention de Bruxelles, conventions de Lugano et règlements (CE) no 44/2001 et (UE) no 1215/2012 – Compétence – Règles de procédure ayant une incidence sur la compétence”, JurisClasseur Europe, faxxikolu 3030, 2015, punt 62, fejn huwa ppreċiżat li r-Regolament Nru 44/2001 għandu japplika meta mill-inqas waħda mill-kawżi li tista’ tiġġenera lis alibi pendens tkun tressqet qabel din id-data.

( 7 ) B’riferiment għas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Weber (C‑438/12, EU:C:2014:212, punti 49 et seq), il-qorti tar-rinviju tqis li deċiżjoni dwar il-mertu mogħtija minn din il-qorti Franċiża ma tkunx esposta għal rifjut tar-rikonoxximent fl-Istati Membri l-oħra. Din iżżid tgħid li l-ebda ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati Ġermaniżi ma topponi għaliha u li ma hemm l-ebda klawżola ta’ għażla tal-qorti li torbot lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (HanseYachts) u lir-rikorrenti fil-proċedura Franċiża (SMCA). Fil-fehma tagħha, il-qrati Franċiżi jistgħu jisiltu l-ġurisdizzjoni tagħhom mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, peress li l-fatt dannuż seħħ fi Franza.

( 8 ) Din il-qorti tqis li hija jkollha ġurisdizzjoni internazzjonali abbażi tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, applikabbli fil-qasam kuntrattwali.

( 9 ) Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 7 u 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 10 ) Għalhekk, il-Kummissjoni tiddubita li l-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Greifswald, li tinsab fil-kuntratt ta’ distribuzzjoni konkluż fl-2011 bejn HanseYachts u Port d’Hiver Yachting, jista’ jkollha effett retroattiv, fir-rigward tal-kuntratt ta’ bejgħ iffirmat minnhom fl-2010, u li din il-klawżola tista’ tiġi invokata kontra SMCA, it-tieni konvenuta li ma għandha l-ebda relazzjoni kuntrattwali mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Madankollu, l-evalwazzjoni ta’ tali elementi, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju, u mhux tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec, C‑133/11, EU:C:2012:664, punt 24, kif ukoll tal-25 ta’ April 2013, Asociația Accept, C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 41).

( 11 ) B’mod partikolari, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li fil-prinċipju, f’każ ta’ lis alibi pendens, l-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel tappartjeni lilha, u mhux lill-qorti adita t-tieni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1991, Overseas Union Insurance et, C‑351/89, EU:C:1991:279, punti 25 u 26).

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Aannemingsbedrijf Aertssen u Aertssen Terrassements (C‑523/14, EU:C:2015:722, punt 48).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions assurances (C‑1/13, EU:C:2014:109, punti 24 et seq), kif ukoll tat-3 ta’ April 2014, Weber (C‑438/12, EU:C:2014:212, punti 33 et seq).

( 14 ) Ara l-punti 15 u 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta biss li tiddeċiedi dwar domanda preliminari, peress li tkun inammissibbli, meta l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba tkun manifestament ipotetika u ma tkunx utli għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2014, Érsekcsanádi Mezőgazdasági, C‑56/13, EU:C:2014:352, punti 36 sa 38, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’Adda, C‑42/13, EU:C:2014:2345, punt 29).

( 16 ) Dan il-kompitu huwa r-responsabbiltà esklużiva tal-qrati nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 58, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium, C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192, punt 52). Ninnota ċirkustanza partikolari f’din il-kawża, li hija marbuta mal-fatt li l-qorti tar-rinviju hawnhekk hija Ġermaniża filwaqt li r-regoli tal-proċedura li l-kontenut tagħhom huwa diskuss mill-partijiet ma humiex dawk tad-dritt Ġermaniż, iżda dawk tad-dritt Franċiż, li mhux neċessarjament għandha għarfien tal-kontenut u tal-portata tagħhom. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni tagħhom li tagħti din il-qorti hijiex korretta (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Caves Krier Frères, C‑379/11, EU:C:2012:798, punt 36).

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Érsekcsanádi Mezőgazdasági (C‑56/13, EU:C:2014:352, punt 53).

( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Frar 2015, Grünewald (C‑559/13, EU:C:2015:109, punt 32), kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl (C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 35).

( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Zakaria (C‑23/12, EU:C:2013:24, punt 30).

( 20 ) Dan l-approċċ ta’ awtonomija kien ġie adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja żmien twil ilu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gubisch Maschinenfabrik, 144/86, EU:C:1987:528, punti 6 u 11, li tirrigwarda l-kunċett ta’ lis alibi pendens fis-sens tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa essenzjalment ekwivalenti għalih) u kien ġie kkonfermat b’mod regolari (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Siemens Aktiengesellschaft Österreich, C‑102/15, EU:C:2016:607, punt 30, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001).

( 21 ) Ninnota li, f’din il-kawża, kienu tqajmu diversi argumenti ta’ natura nazzjonali mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

( 22 ) Fl-opinjoni tiegħu dwar il-Kawża Purrucker (C‑296/10, EU:C:2010:578, punt 89), li tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li joriġinaw mid-dritt tal-Unjoni, l-Avukat Ġenerali Jääskinen enfasizza, ġustament, li “l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun newtrali, oġġettiv u ddistakkat kemm mill-kontinġenzi fattwali kif ukoll ġuridiċi, li huma partikolari għall-kawża prinċipali. Id-data f’din il-kawża […] ma jistgħux jinfluwenzaw b’mod determinanti s-soluzzjoni li għandha tingħata”.

( 23 ) Il-Gvern Franċiż ma adottax pożizzjoni f’dan ir-rigward, u għandu jitfakkar li huwa ma ppreżentax osservazzjonijiet bil-miktub f’dan il-kawża iżda ta risposta għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja li kienu jirrigwardaw il-kontenut tad-dritt Franċiż, u b’mod iktar speċifiku l-miżuri istruttorji previsti fl-Artikolu 145 tas-CPC.

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2015, Brasserie Bouquet (C‑285/14, EU:C:2015:353, punt 15), kif ukoll tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua (C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 36).

( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2014, Airport Shuttle Express et (C‑162/12 u C‑163/12, EU:C:2014:74, punti 30 u 31), kif ukoll tat-3 ta’ Lulju 2014, Gross (C‑165/13, EU:C:2014:2042, punt 20).

( 26 ) Fuq din il-problema anċillari, ara l-punti 77 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) Il-premessa 15 ta’ dan ir-regolament tindika li “[f]l-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li [j]itnaqqas” kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ tali proċeduri simultanji u li huwa preċiżament għal dan l-għan li kienu ġew adottati regoli uniformi li jippermettu r-riżoluzzjoni iktar faċli tal-problemi ta’ lis alibi pendens. Ara wkoll is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1991, Overseas Union Insurance et (C‑351/89, EU:C:1991:279, punt 16), dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell.

( 28 ) Il-fatt li, kif tinnota l-Kummissjoni, il-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 ma fihiex distinzjoni espliċita bejn dawn iż-żewġ kriterji tal-aħħar, li tinsab f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, ma għandu ebda effett (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gubisch Maschinenfabrik, 144/86, EU:C:1987:528, punt 14, dwar il-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jikkorrispondi għall-imsemmi Artikolu 27).

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Aannemingsbedrijf Aertssen u Aertssen Terrassements (C‑523/14, EU:C:2015:722, punt 38).

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gubisch Maschinenfabrik (144/86, EU:C:1987:528, punt 13), kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2015, Aannemingsbedrijf Aertssen u Aertssen Terrassements (C‑523/14, EU:C:2015:722, punt 41).

( 31 ) L-inverżjoni tal-pożizzjonijiet proċedurali hija inċidentalment il-karatteristika tal-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva (kawża ta’ jattanza) li nbdiet quddiem il-qorti tar-rinviju minn Hanse Yachts, li hija intiża biex tinħeles mir-responsabbiltà li hija diskussa quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon). Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec (C‑133/11, EU:C:2012:664, punt 43).

( 32 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C‑406/92, EU:C:1994:400, punti 34 et seq). F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li għalkemm hija kellha l-obbligu li tissospendi l-proċeduri quddiemha fil-proċedura bejn Hanse Yachts u SMCA, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001, minħabba lis alibi pendens, hija tagħmel użu mill-possibbiltà li tissospendi l-proċeduri quddiemha wkoll, li jirrikonoxxilha l-Artikolu 28(1) tal-imsemmi regolament, din id-darba minħabba l-konnessjoni, fil-proċedura bejn Hanse Yachts u l-konvenuti l-oħra.

( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gubisch Maschinenfabrik (144/86, EU:C:1987:528, punt 15), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kawżi simultanji kellhom l-istess kawża peress li kienu bbażati fuq “l-istess relazzjoni kuntrattwali”, kif ukoll tal-14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas (C‑39/02, EU:C:2004:615, punt 38), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kuntrarju, qieset li “[r]-regola legali li [kienet] tikkostitwixxi l-bażi taż-żewġ talbiet [kienet] differenti”.

( 34 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C‑406/92, EU:C:1994:400, punt 41). Fis-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, Gantner Electronic (C‑111/01, EU:C:2003:257, punt 31), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li biex tevalwa l-identiċità tas-suġġett, għandhom jitqiesu t-talbiet rispettivi tar-rikorrenti fil-kawżi simultanji biss, u mhux il-motivi ta’ difiża ppreżentati.

( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gubisch Maschinenfabrik (144/86, EU:C:1987:528, punt 17).

( 36 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec (C‑133/11, EU:C:2012:664, punt 49), dwar azzjoni għal konstatazzjoni negattiva (kawża ta’ jattanza). Dawn iż-żewġ kriterji kienu ġew isseparati b’mod ċar f’sentenzi oħra (b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Aannemingsbedrijf Aertssen u Aertssen Terrassements, C‑523/14, EU:C:2015:722, punti 43 sa 46).

( 37 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, NIPPONKOA Insurance (C‑452/12, EU:C:2013:858, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) F’dan ir-rigward, ara l-punti 60 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Meta l-qorti tiġi adita, mhux b’rikors, iżda b’riżultat ta’ azzjoni għal miżuri provviżorji, bħalma kien il-każ tat-tribunal de commerce de Marseille (qorti tal-kummerċ ta’ Marseille).

( 40 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Aannemingsbedrijf Aertssen u Aertssen Terrassements (C‑523/14, EU:C:2015:722, punti 56 u 57), dwar l-identifikazzjoni tad-data li fiha qorti tkun meqjusa bħala adita, fis-sens tal-imsemmija artikoli meta persuna tressaq ilment b’kostituzzjoni bħala parti ċivili quddiem qorti istruttorja.

( 41 ) Regolament tal-Kunsill, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar is-servizz u n-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227). L-imsemmi Artikolu 19, li jirrigwarda l-każ fejn il-konvenut ikun kontumaċi, ġie riprodott fl-att li ssostitwixxa r-Regolament Nru 1348/2000, jiġifieri r-Regolament Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007 (ĠU 2007, L 324, p. 79).

( 42 ) Il-proposta għal direttiva tal-Kunsill, ippreżentata mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Mejju 1999, li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1348/2000 [COM (1999) 219 final] tindika li l-Artikolu 19 tiegħu jirriproduċi l-kontenut tal-Artikoli 15 u 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-15 ta’ Novembru 1965 dwar in-notifika barra l-pajjiż ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (ara l-punt 4.4 tal-espożizzjoni tal-motivi u l-kummenti tal-Artikolu 19 tal-imsemmija proposta).

( 43 ) Fil-pubblikazzjoni tiegħu Manuel pratique sur le fonctionnement de la Convention Notification de La Haye, (Wilson & Lafleur, Montréal, 2006, punti 66 u 276), l-uffiċċju permanenti tal-Konferenza ta’ Den Haag tad-dritt internazzjonali privat jiddistingwi l-atti promoturi minn dawk li jaqgħu taħt il-proċedura għal ġbir ta’ provi u jippreċiża li “[l]-espressjoni ‘att ekwivalenti’ tinkludi l-atti li għandhom effetti identiċi għall-att promotur, bħaċ-ċitazzjoni tal-appell [jew] it-talba ta’ intervent” [traduzzjoni libera].

( 44 ) Skont is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas (C‑39/02, EU:C:2004:615, punt 59), “digriet li jistabbilixxi provviżorjament il-limitu tar-responsabbilità[,] għall-ewwel, adottat b’mod provviżorju mill-qorti wara proċedura unilaterali u imbagħad, il-partijiet ikunu jistgħu jippreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom[,] għandu jiġi kkunsidrat bħala att ekwivalenti għal att li jkun fetaħ il-proċedimenti [promotur] fis-sens ta’ l-Artikolu 27(2) ta’ l-imsemmija Konvenzjoni”. Ċitazzjoni għall-finijiet ta’ miżura istruttorja in futurum fil-fehma tiegħi ma tistax tiġi assimilata ma’ tali digriet.

( 45 ) Enfasi miżjuda minni.

( 46 ) Dan huwa l-każ, b’mod partikolari fl-Artikolu 2(1), fl-Artikolu 5(6), fl-Artikolu 12(1), fl-Artikolu 16(2) u fl-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali normalment imsejħa “speċjali” minħabba li “jindikaw direttament il-qorti kompetenti mingħajr ma [għandhom] jagħmlu riferiment għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni fis-seħħ fl-Istat fejn tista’ tinsab tali qorti” [traduzzjoni libera] biex tiġi identifikata, fost il-qrati kollha ta’ dak l-Istat, liema hija dik li għandha tiddeċiedi dwar il-kawża, kif indikat minn Jenard, P., fir-rapport tiegħu dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell (ĠU 1979, C 59, p. 22).

( 47 ) Din il-qorti ssostni li jekk tiġi implementata miżura istruttorja fi Stat Membru, il-konvenut f’din il-proċedura għal ġbir ta’ provi huwa għalhekk imwissi li hija imminenti azzjoni legali kontrih u huwa probabbilment se jieħu l-inizjattiva, bħal HanseYachts f’dan il-każ, li jressaq kawża dwar il-mertu quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor li tista’ tkun iktar favorevoli għalih.

( 48 ) Ara r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 [COM (2009) 174 final, punti 3.4 u 3.5].

( 49 ) Skont din il-premessa 15, “[g]ħandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis [alibi] pendens u azzjonijiet relatati u għal problemi ovvji li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament dak iż-żmien għandu jiġi definit b’mod awtonomu”.

( 50 ) Mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, tal-14 ta’ Lulju 1997 [COM (1999) 348 final], jirriżulta li “definizzjoni awtonoma tad-data meta kawża hija ‘pendenti’” fis-sens tal-Artikoli 27 u 28 tiegħu kienet intiża qabel kollox biex “timla lakuna tal-Konvenzjoni ta’ Brussell” u li kellha l-għan li “tassimila s-sistemi proċedurali differenti filwaqt li tiżgura l-opportunitajiet ugwali għar-rikorrenti, minn naħa, u protezzjoni kontra l-abbuż mill-proċedura, min-naħa l-oħra” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali] (ara p. 7, 20 u 21).

( 51 ) Din id-diversità ta’ regoli nazzjonali kienet ġiet enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1984, Zelger (129/83, EU:C:1984:215, punti 10 et seq), li tirrigwarda l-Konvenzjoni ta’ Brussell.

( 52 ) Dan l-Artikolu 30 jipprevedi li d-data ta’ meta titressaq kawża quddiem qorti hija d-data li fiha l-att promotur jew att ekwivalenti huwa ppreżentat quddiem il-qorti fir-rigward tal-Istati Membri li fihom dan l-att għandu jiġi nnotifikat ulterjorment (il-punt 1), jew id-data li fiha dan l-att huwa rċevut mill-awtorità responsabbli għan-notifika tiegħu fir-rigward tal-Istati Membri li fihom għandu jiġi nnotifikat qabel ma jiġi ppreżentat quddiem il-qorti (il-punt 2). Ara, ukoll, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Aannemingsbedrijf Aertssen u Aertssen Terrassements (C‑523/14, EU:C:2015:722, punt 57), u, b’analoġija, id-digrieti tas-16 ta’ Lulju 2015, P (C‑507/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:512, punti 30 et seq), kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2016, M.H. (C‑173/16, EU:C:2016:542, punti 24 sa 28).

( 53 ) Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, tas-26 ta’ Novembru 1997, intitolata “Lejn effikaċja miżjuda fil-kisba u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea” [COM (97) 609 final], kienet issemmi b’mod espliċitu li l-introduzzjoni ta’ tali definizzjoni uniformi kienet tippermetti t-tisħiħ taċ-ċertezza legali u l-effikaċja tal-mekkaniżmi applikabbli fil-qasam tal-lis alibi pendens (ara p. 11, punt 15, u p. 35).

( 54 ) Ara l-punti 57 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Il-Gvern Franċiż isemmi li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-qorti tal-kassazzjoni Franċiża (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-tieni awla ċivili, tal-5 ta’ Frar 2009, Nru 07‑21.572, aċċessibbli fuq l-indirizz elettroniku li ġej: https://www.legifrance.gouv.fr), miżura istruttorja in futurum mitluba meta tkun diġà tressqet kawża dwar il-mertu tiġi ddikjarata inammissibbli.

( 56 ) Dan il-gvern jippreċiża li, fir-rigward ta’ miżuri provviżorji probatorji li jordnaw perizja, bħal f’dan il-każ, il-qorti li tkun ordnatha fuq il-bażi tal-Artikolu 145 tas-CPC la tista’, fil-kuntest tal-kawża mressqa quddiemha, tordna perizja ġdida u lanqas tiddeċiedi dwar ir-rapport tal-perizja pprovdut, peress li hija biss ir-responsabbiltà tal-qorti tal-mertu, jekk ikun il-każ, li tevalwa l-perizja ordnata għalhekk.

( 57 ) Ir-raġunijiet għal din id-differenza ta’ qrati aditi ma jirriżultawx mid-deċiżjoni tar-rinviju.

( 58 ) Skont dan l-artikolu, li jinsab fil-Ktieb III, intitolat, “Modi differenti ta’ kif wieħed jakkwista l-proprjetà”, it-Titolu XX, intitolat “Il-preskrizzjoni estintiva”, tal-code civil (kodiċi ċivili), “[i]l-preskrizzjoni tkun ukoll sospiża meta l-qorti tilqa’ talba għal miżura istruttorja mressqa qabel tkun inbdiet kwalunkwe kawża” u “[t]-terminu ta’ preskrizzjoni jerġa’ jibda, għal perijodu li ma jistax ikun ta’ inqas minn sitt xhur, mill-ġurnata meta tkun ġiet eżegwita l-miżura”.

( 59 ) L-imsemmi Artikolu 2239 huwa intiż biex jagħti lill-partijiet żmien ta’ riflessjoni biex jevalwaw l-opportunità li titressaq kawża dwar il-mertu b’segwitu għall-eżitu ta’ miżura istruttorja, mingħajr awtomatiċità (ara Marchand, X., Savatic, P., u Audouy, J., “Mesures d’instruction exécutées par un technicien”, JurisClasseur Procédure civile, faxxikolu 660, 2011, punti 24 kif ukoll 238 et seq).

( 60 ) Il-qorti tal-kassazzjoni Franċiża ddeċidiet f’dan is-sens, peress li qieset li, meta kawża tkun ta’ natura internazzjonali, l-implementazzjoni, fit-territorju Franċiż, ta’ miżura istruttorja abbażi tal-Artikolu 145 tas-CPC hija suġġetta għad-dritt Franċiż, irrispettivament mil-leġiżlazzjoni li tista’ tiġi applikata għall-kawża dwar il-mertu li eventwalment se titressaq b’segwitu għal din il-miżura (sentenza tal-ewwel awla ċivili, tat-3 ta’ Novembru 2016, Nru 15‑20.495, aċċessibbli fuq l-indirizz elettroniku li ġej: https://www.legifrance.gouv.fr). Huwa possibbli li jiġu sseparati l-proċedura għall-finijiet ta’ miżura istruttorja in futurum u l-eventwali kawża dwar il-mertu ulterjuri, u għalhekk li jiġu suġġetti għal regoli ta’ dritt differenti, peress li din tal-aħħar ma “tkomplix” [traduzzjoni libera] mal-ewwel waħda, skont Théry, P., “Le référé probatoire et l’application dans le temps de la loi du 17 juin 2008”, RDI, 2009, p. 481.

( 61 ) Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 62 ) Sentenza tat-28 ta’ April 2005 (C‑104/03, EU:C:2005:255), fejn il-qorti tar-rinviju ssemmi b’mod iktar partikolari l-punti 19 et seq.

( 63 ) Jiġifieri, miżura li tordna s-smigħ ta’ xhieda bl-għan li jkun possibbli għar-rikorrent li jevalwa l-possibbiltà ta’ azzjoni eventwali, li jiddetermina l-bażi għal tali azzjoni u li jevalwa r-rilevanza tal-motivi li jistgħu jiġu invokati f’dan il-kuntest.

( 64 ) B’mod partikolari, il-Gvern Franċiż iqis li miżura istruttorja in futurum, bħal dik li ġiet ordnata f’dan il-każ bl-applikazzjoni tal-Artikolu 145 tas-CPC, tista’ tiġi kklassifikata bħala “miżura provviżorja, inkluża miżura protettiva” fis-sens tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001, bl-invokazzjoni ta’ sentenza tal-qorti tal-kassazzjoni Franċiża f’dan is-sens (sentenza tal-ewwel awla ċivili, tal-11 ta’ Diċembru 2001, Nru 00‑18.547 aċċessibbli fuq l-indirizz elettroniku li ġej: https://www.legifrance.gouv.fr), filwaqt li l-Kummissjoni ssostni l-argument kuntrarju.

( 65 ) Ara, b’mod partikolari, Beraudo, J.-P., u Beraudo, M.-J., “Convention de Bruxelles du 27 septembre 1968, convention de Lugano du 16 septembre 1988 et règlement (CE) no 44/2001 du Conseil du 2 décembre 2000 – Compétence – Règles de compétence dérogatoires”, JurisClasseur Europe, faxxikolu 3031, 2012, punt 39; Gaudemet-Tallon, H., Compétence et exécution des jugements en Europe, LGDJ-Lextenso, Issy-les-Moulineaux, il-5 ed., 2015, punt 308-1 u d-duttrina ċċitata.

( 66 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 1999, Mietz (C‑99/96, EU:C:1999:202, punti 46 u 47), dwar id-dispożizzjoni ekwivalenti li tinsab fl-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

( 67 ) Sentenza tat-28 ta’ April 2005 (C‑104/03, EU:C:2005:255).

( 68 ) Ara l-punt 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Top