EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0017

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fil-21 ta’ Diċembru 2016.
Oussama El Dakkak u Intercontinental SARL vs Administration des douanes et droits indirects.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Cour de cassation.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1889/2005 – Kontrolli ta’ flus kontanti deħlin jew ħerġin mill-Unjoni Ewropea – Artikolu 3(1) – Persuna fiżika li tidħol jew li toħroġ mill-Unjoni – Obbligu ta’ dikjarazzjoni – Żona internazzjonali ta’ tranżitu tal-ajruport ta’ Stat Membru.
Kawża C-17/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:1001

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fil-21 ta’ Diċembru 2016 ( 1 )

Kawża C‑17/16

Oussama El Dakkak

Intercontinental SARL

vs

Administration des douanes et droits indirects

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kontrolli ta’ flus kontanti deħlin jew ħerġin mill-Unjoni Ewropea — Regolament (KE) Nru 1889/2005 — Artikolu 3(1) — Portata tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni — Żona internazzjonali ta’ tranżitu tal-ajruport ta’ Stat Membru”

I – Introduzzjoni

1.

Din il-kawża għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza), dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ottubru 2005, dwar kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità ( 2 ) u tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) ( 3 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Oussama El Dakkak u Intercontinental SARL minn naħa u l-administration des douanes et droits indirects (awtorità tad-dwana u t-taxxi indiretti) min-naħa l-oħra, dwar it-talbiet tagħhom għall-kumpens tad-danni li ġarrbu wara l-qbid, minn din l-awtorità, ta’ somom ta’ flus kontanti li kienu qed jinġarru minn O. El Dakkak meta għadda mill-ajruport ta’ Roissy-Charles-de-Gaulle (Franza), minħabba li huwa kien naqas milli jiddikjara dawn is-somom.

3.

Il-kwistjoni fil-qalba ta’ din il-kawża hija dik dwar jekk l-obbligu, impost mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1889/2005 fuq “[k]walunkwe persuna fiżika dieħla [...] jew ħierġa mill-[Unjoni Ewropea] u li ġġorr flus kontanti ta’ valur ta’ 10000 euro jew iżjed”, li tiddikjara s-somma ttrasportata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dħul jew tal-ħruġ, japplikax ukoll għall-passiġġieri ta’ titjira li tkun ġejja minn pajjiż terz li, wara l-iżbark, jibqgħu fiż-żona internazzjonali ta’ tranżitu tal-ajruport ta’ Stat Membru qabel it-tlugħ abbord titjira lejn destinazzjoni f’pajjiż terz ieħor.

II – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

4.

Intercontinental inkarigat lil O. El Dakkak biex jittrasporta dollari Amerikani (USD) minn Cotonou (il-Benin) għal Bejrut (il-Libanu) bl-ajruplan bi tranżitu fl-ajruport ta’ Roissy-Charles-de-Gaulle ( 4 ).

5.

Fid-9 ta’ Diċembru 2010, waqt it-tranżitu tiegħu f’dan l-ajruport, O. El Dakkak ġie kkontrollat minn aġenti tad-dwana fuq il-pont tal-imbark għal Bejrut. Mill-proċess jirriżulta li, waqt dan il-kontroll, O. El Dakkak iddikjara li kellu xi flus kontanti u ppreżenta dikjarazzjoni magħmula lid-dwana tal-Benin. L-aġenti tad-dwana stiednuh biex isegwihom u meta ngħaddew flimkien il-flus kontanti, seta’ jiġi kkonstatat li huwa kellu somma ta’ USD 1607650 minbarra dik ta’ EUR 3900 ( 5 ).

6.

O. El Dakkak inżamm mid-dwana u mbagħad ġie eżaminat minn maġistrat inkwirenti għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 464 tal-kodiċi doganali ( 6 ) u għal ħasil tal-flus minn frodi. Is-somom li kien qed jittrasporta ġew irreġistrati fuq il-bażi tal-punt II tal-Artikolu 465 tal-kodiċi doganali ( 7 ), imbagħad ġew issiġillati mill-awtorità tad-dwana u t-taxxi indiretti.

7.

Permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Mejju 2011, l-awla istruttorja tal-cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi, Franza), annullat il-proċedura fl-intier tagħha minħabba irregolarità u ordnat l-għoti lura tal-flus issiġillati. Mill-proċess jirriżulta li dan l-annullament ġie ddikjarat minħabba li O. El Dakkak inżamm għal tul ta’ ħin ta’ seba’ sigħat u tliet kwarti quddiem l-aġenti tad-dwana lil hinn minn kull qafas legali filwaqt li dan it-tul ta’ ħin ma kienx neċessarju, li din il-proċedura inizjali kienet irregolari u li l-annullament tagħha kien jinvolvi l-annullament tal-atti kollha sussegwenti li neċessarjament kienu jiddependu minnha.

8.

Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ April 2012, l-awtorità kompetenti indikat lil O. El Dakkak li hija kienet se twettaq it-trasferiment tal-euro u tal-korrispettiv f’euro tad-dollari Amerikani maqbuda, kif ukoll proporzjon pro rata fuq l-ispejjeż tal-ipproċessar.

9.

O. El Dakkak u Intercontinental ressqu talba għal kumpens għad-danni subiti quddiem it-tribunal d’instance d’Aulnay-sous-Bois (qorti distrettwali ta’ Aulnay-sous-Bois, Franza), imbagħad quddiem il-cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi), billi sostnew li l-awtorità tad-dwana u t-taxxi indiretti ma kinitx awtorizzata tinvoka ksur tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni fir-rigward ta’ O. El Dakkak, minħabba li dan tal-aħħar ma kienx marbut b’tali obbligu.

10.

Mill-proċess jirriżulta li quddiem il-cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi), O. El Dakkak sostna li l-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni biss huma suġġetti għall-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1889/2005, u mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż li jittrasponuh. Fuq il-bażi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 562/2006, O. El Dakkak sostna li tali qsim isir biss meta l-persuna tasal u taqsam, punt ta’ qsim tal-fruntiera u li, peress li l-punt ta’ qsim tal-fruntiera ddikjarat minn Franza li jikkonċerna l-ajruport ta’ Roissy-Charles-de-Gaulle jinsab fil-ħruġ taż-żona internazzjonali ta’ tranżitu, persuna li tibqa’ f’din iż-żona qatt ma taqsam dan il-punt ta’ qsim u għalhekk qatt ma tidħol fit-territorju tal-Unjoni.

11.

Peress li l-cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) ċaħdet ir-rikors tiegħu dwar dan il-punt permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2014, O. El Dakkak ippreżenta appell ta’ kassazzjoni.

12.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 3(1) tar-Regolament [...] Nru 1889/2005 [...] u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament [...] Nru 562/2006 [...], għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċittadin ta’ Stat terz li jinsab f’żona ta’ tranżitu internazzjonali ta’ ajruport ma huwiex suġġett għall-obbligu ta’ dikjarazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament [...] Nru°1889/2005 [...], jew, għall-kuntrarju, li dan iċ-ċittadin huwa suġġett għal dan l-obbligu daqslikieku qasam fruntiera esterna tal-[Unjoni] f’wieħed mill-punti ta’ qsim tal-fruntiera previst mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament [...] Nru°562/2006 [...]?”

III – Analiżi

13.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza), essenzjalment, tixtieq tkun taf jekk passiġġier li jibqa’ fiż-żona internazzjonali ta’ tranżitu tal-ajruport ta’ Stat Membru – jiġifieri fiż-żona li testendi mill-punti tal-imbark u tal-iżbark sal-postijiet fejn isiru l-kontrolli tal-migrazzjoni u dawk doganali –, wara li jkun niżel minn fuq titjira li tkun ġejja minn pajjiż terz u qabel jitla’ abbord titjira lejn pajjiż terz ieħor, ikunx qasam il-fruntiera esterna tal-Unjoni fis-sens tar-Regolament Nru 562/2006 u huwiex, minħabba dan, suġġett għall-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1889/2005.

14.

Il-qorti tar-rinviju tibda mill-premessa li l-kunċett ta’ “dħul fl-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1889/2005 għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dak ta’ “qsim tal-fruntieri” skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 562/2006.

15.

Bħall-Gvern Franċiż, jien tal-fehma li din il-premessa hija żbaljata.

16.

Ir-Regolament Nru 562/2006 ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 62 tat-Trattat KE, u b’mod partikolari abbażi tal-punti 1 u 2(a) tiegħu, li kien jagħti s-setgħa lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jadotta miżuri bil-għan li, minn naħa, jiżguraw in-nuqqas ta’ kull kontroll fuq il-persuni meta jaqsmu l-fruntieri interni tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, jistabbilixxu r-regoli u l-modalitajiet li għandhom jikkonformaw magħhom il-kontrolli fuq il-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Ir-Regolament Nru 1889/2005 għall-kuntrarju ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE, li jkopri l-miżuri relatati mal-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, u tal-Artikolu 135 KE, dwar il-kooperazzjoni doganali.

17.

Għalkemm jikkontribwixxu sabiex jintlaħaq l-istess għan stabbilit fl-Artikolu 14 KE, jiġifieri l-istabbiliment ta’ żona mingħajr fruntieri interni li fiha huwa żgurat il-moviment liberu tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital, dawn iż-żewġ atti, b’konformità mal-bażijiet legali rispettivi tagħhom, għandhom żewġ għanijiet u żewġ skopijiet differenti, hekk kif l-ewwel wieħed jiddefinixxi r-regoli komuni dwar il-qsim tal-fruntieri mill-persuni, maħsuba biex jikkonsolidaw u jiżviluppaw l-acquis ta’ Schengen ( 8 ) u t-tieni jistabbilixxi sistema ta’ kontroll tal-flus kontanti li jidħlu u joħorġu mill-Unjoni sabiex jissupplimenta d-Direttiva 91/308, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus ( 9 ).

18.

Għaldaqstant, ma hemmx lok li l-kunċetti li jinsabu fir-Regolament Nru 1889/2005 jiġu interpretati fid-dawl ta’ dawk imsemmija fir-Regolament Nru 562/2006. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex obbligata tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “qsim tal-fruntieri” fis-sens tar-Regolament Nru 562/2006 fil-kuntest ta’ din il-kawża.

19.

Minn dan jirriżulta li jeħtieġ li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li din essenzjalment ikollha l-għan li tkun taf jekk l-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1889/2005 japplikax ukoll għal ċittadin ta’ pajjiż terz fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, u li tinterpreta l-kunċett ta’ “dħul fl-Unjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni fuq il-bażi tal-kliem tagħha, l-istruttura tagħha u tal-ispirtu tagħha kif ukoll tas-sistema u tal-iskopijiet tal-att li tinsab fih.

20.

Jekk wieħed iqis biss is-sens ordinarju tat-termini użati minn din id-dispożizzjoni, l-imsemmi kunċett jidher li qed jindika l-fatt, għall-persuna fiżika, li din qed tiċċaqlaq minn territorju li ma jagħmilx parti mill-ispazju tal-Unjoni lejn territorju li jagħmel parti minnu.

21.

Peress li, għall-finijiet tal-kawża preżenti, l-ispazju tal-Unjoni għandu jitqies li huwa ddelimitat mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-Trattati, kif iddefinit mill-Artikoli 52 TUE u 355 TFUE ( 10 ), tali ċaqliq isir meta din il-persuna taqsam, fis-sens fiżiku tal-kelma, il-fruntiera ġeografika ta’ Stat Membru, u tasal f’territorju tiegħu li għalih japplikaw it-Trattati. Fuq il-bażi ta’ din l-interpretazzjoni, persuna li, bħal O. El Dakkak, tasal fiż-żona internazzjonali ta’ tranżitu ta’ ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru (kif ippreċiżat iktar ’il fuq) wara li tinżel minn ajruplan li jkun ġej minn pajjiż terz, u tibqa’ hemm qabel titla’ abbord titjira lejn pajjiż terz, għandha titqies bħala li daħlet fl-Unjoni fis-sens tad-dispożizzjoni inkwistjoni, anki jekk din ma tkunx qasmet punt ta’ kontroll fil-fruntiera.

22.

Madankollu, il-kunċett ta’ “dħul fl-Unjoni” jista’ jindika wkoll kunċett legali separat mill-qsim ta’ fruntiera ġeografika. Kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali Fennelly fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑170/96, EU:C:1998:43), fil-fatt jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ aspetti tal-qsim ta’ fruntiera. L-ewwel wieħed huwa dak tad-dħul fit-territorju ta’ pajjiż fis-sens fiżiku, mingħajr ma neċessarjament ikun hemm qsim ta’ punt ta’ kontroll fil-fruntiera, u t-tieni huwa dak tad-dħul f’territorju fis-sens legali tal-qsim ta’ punt ta’ kontroll fil-fruntiera.

23.

Għalhekk wieħed jista’ jqis li persuna li tkun qasmet il-fruntiera ġeografika ta’ Stat Membru ma tidħolx fl-Unjoni ħlief meta tingħata awtorizzazzjoni għal dan l-effett fil-mument tal-qsim ta’ punt ta’ kontroll fil-fruntiera. Skont din l-interpretazzjoni, persuna fis-sitwazzjoni ta’ O. El Dakkak ma tistax titqies bħala li daħlet fl-Unjoni fis-sens tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

24.

Liema waħda minn dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet għandha tiġi adottata?

25.

Barra mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1889/2005, l-assenza f’dan ir-regolament ta’ esklużjoni espressa taż-żoni ta’ tranżitu fl-ajruport mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst minn dan l-artikolu, hija favur l-ewwel interpretazzjoni.

26.

Madankollu, iż-żoni internazzjonali ta’ tranżitu tal-ajruporti jagħmlu parti mit-territorju tal-Istat li jinsabu fih, u anki jekk jiġi ammess li huma għandhom status legali partikolari, dawn ma humiex żoni ta’ “nuqqas ta’ dritt”, li jinsabu taħt il-kontroll ġuridiku u amministrattiv tal-imsemmi Stat. F’dan ir-rigward, jista’ jkun interessanti li jiġi nnotat li, fl-qasam tal-immigrazzjoni, ir-Repubblika Franċiża, b’finzjoni legali, tirrikonoxxi, lill-hekk imsejħa “żoni ta’ stennija” ( 11 ), li jinkludu ż-żoni internazzjonali ta’ tranżitu ta’ ajruport, ċertu status ta’ extraterritorjalità ( 12 ). Minkejja dan, kif ippreċiżat l-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza), dan ma jipprekludix li persuna li sabet ruħha f’waħda minn dawn iż-żoni fil-fatt tkun tinsab fit-territorju Franċiż u li għaliha japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż ( 13 ).

27.

In-natura mhux extraterritorjali taż-żoni internazzjonali ta’ tranżitu ġiet enfasizzata wkoll, kif ifakkar il-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawża li waslet għas-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1996, Amur c. vs Franza (ECLI:CE:ECHR:1996:0625JUD001977692, punt 52), li fiha din il-qorti kienet adita bil-kwistjoni tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, taż-“żamma” fiż-“żona ta’ stennija” tal-ajruport Roissy-Charles‑De‑Gaulle ta’ għadd ta’ applikanti Somali għall-ażil. Inċidentalment, il-Gvern Franċiż f’din il-kawża wkoll jiddikjara li huwa favur in-natura mhux extraterritorjali tal-imsemmija żoni ta’ tranżitu, fejn jenfasizza l-appartenenza għat-territorju Franċiż taż-żona internazzjonali ta’ tranżitu fl-ajruport ta’ Roissy-Charles‑de‑Gaulle kif ukoll li din hija suġġetta għad-dritt Franċiż u għad-dritt tal-Unjoni.

28.

Ix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1889/2005, min-naħa tiegħu, jipprovdi biss ftit indikazzjonijiet sabiex jiġi interpretat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament.

29.

Il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-laundering tal-flus permezz tal-kooperazzjoni tad-dwana (iktar ’il quddiem il-“proposta għal regolament”) ( 14 ), li kienet inizjalment ibbażata fuq l-Artikolu 135 KE biss, kienet tipprevedi, fl-Artikolu 1 tagħha, li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni japplika għal kull persuna fiżika li tidħol jew toħroġ mit-“territorju doganali tal-Komunità” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 15 ), inklużi l-partijiet minn dan it-territorju li fihom ma kinitx tapplika d-Direttiva 91/308, li kif se naraw iktar ’l isfel, ir-Regolament Nru 1889/2005 jikkostitwixxi s-suppliment tagħha. Skont l-Artikolu 2 tal-proposta għal regolament, “territorju doganali tal-Komunità” għall-finijiet ta’ din il-proposta jfisser it-territorju tal-Istati Membri msemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 ( 16 ).

30.

Issa, ir-riferiment għat-territorju doganali tal-Unjoni jawtorizza li wieħed iqis li l-Kummissjoni pjuttost kellha f’moħħha l-aspett ġeografiku tal-qsim tal-fruntieri esterni u li l-proposta għal regolament, għall-inqas għall-ewwel, kellha l-għan li tkopri wkoll is-sitwazzjonijiet meta l-persuna kkonċernata tgħaddi miż-żona internazzjonali ta’ tranżitu ta’ ajruport li jinsab fi Stat Membru. Fir-rapport tagħha lill-Kunsill li jakkumpanja l-proposta għal regolament ( 17 ), il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li, fit-territorju doganali tal-Unjoni, kif ukoll fil-partijiet tat-territorju li ma humiex koperti mid-Direttiva 91/308, “il-moviment tal-flus kontanti fil-prinċipju huwa suġġett għall-obbligu ta’ dikjarazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

31.

Minkejja dan, matul il-proċess għall-approvazzjoni tar-Regolament Nru 1889/2005 il-Kunsill adatta l-kopertura ġeografika ta’ dan l-att permezz ta’ emenda. Huwa indika b’mod partikolari fl-ispjegazzjonijiet li jakkumpanjaw il-proposta għal emenda tiegħu, li “sabiex ikun hemm trasparenza għall-vjaġġaturi u sabiex tiġi faċilitata l-applikazzjoni tar-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti, il-kontroll tal-movimenti ta’ flus kontanti għandu jsir meta persuna fiżika tkun dieħla fi jew ħierġa mit-territorju Komunitarju” ( 18 ).

32.

Jekk wieħed jifhem ir-raġunijiet relatati mat-trasparenza li ggwidaw lill-Kunsill – peress li l-kunċett ta’ “dħul fil-Komunità”, bir-riferiment immedjat tiegħu għall-Artikolu 299 KE, applikabbli dak iż-żmien, jinftiehem iktar faċilment minn dak ta’ “territorju doganali tal-Komunità”, li għandu jinqara fid-dawl tal-preċiżjonijiet magħmula fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-proposta għal regolament – ikun ferm iktar diffiċli li jiġu identifikati d-diffikultajiet tal-applikazzjoni li, skont il-Kunsill, kienu jiltaqgħu magħhom l-“awtoritajiet kompetenti”, li kieku t-test tal-Kummissjoni kien ġie adottat mingħajr emendi. Fil-fatt, peress li l-kontrolli previsti mill-proposta għal regolament kellhom jitwettqu prinċipalment mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li wieħed jassumi li huma familjari sew mal-kunċetti tad-dritt doganali tal-Unjoni, jidher loġiku li jitqies li l-Kunsill ma kienx qed jirreferi għall-kompitu ta’ identifikazzjoni tat-territorji kkonċernati mill-obbligu ta’ dikjarazzjoni. Huwa kien qed iqis id-diffikultajiet li dawn l-awtoritajiet setgħu jiltaqgħu magħhom biex jiżguraw il-kontroll tal-passiġġieri fi tranżitu, li kellhom iqisu lilhom infushom ukoll bħala koperti mill-obbligu ta’ dikjarazzjoni fuq il-bażi tal-proposta għal regolament? Ix-xogħol preparatorju ma jippermettix li dan jiġi affermat, u lanqas eskluż, iżda, jekk dan kien il-każ, wieħed seta’ raġonevolment jistenna, fit-test finali tar-Regolament Nru 1889/2005, li ssir esklużjoni espliċita ta’ tali passiġġieri mill-obbligu ta’ dikjarazzjoni, li għall-kuntrarju ma huwiex il-każ.

33.

Il-modifika tal-kopertura ġeografika tal-proposta għal regolament kienet, barra minn hekk, twieġeb għax-xewqa tal-Kunsill li jiggarantixxi applikazzjoni ġeografika parallela tad-Direttiva 91/308 u tar-regolament futur.

34.

Fil-fatt dawn iż-żewġ atti huma relatati mill-qrib.

35.

L-adozzjoni tar-Regolament Nru 1889/2005 ġiet deċiża fuq il-bażi tar-riżultati li jinsabu fir-rapport “Moneypenny” ( 19 ), li kellu l-għan li jkejjel l-impatt tal-movimenti transkonfinali ta’ flus kontanti fuq l-effikaċja tal-kontrolli mwettqa b’konformità mad-Direttiva 91/308. B’mod partikolari mill-premessa 2 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll mill-Artikolu 1(1) tiegħu, jirriżulta li huwa għandu l-għan li jissupplimenta d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva permezz tal-istabbiliment ta’ regoli armonizzati li jikkonċernaw il-kontroll tal-movimenti ta’ flus kontanti deħlin jew ħerġin mill-Unjoni ( 20 ).

36.

Madankollu, elementi li jistgħu jgħinu biex tiġi ddeterminata l-portata tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1889/2005 jistgħu jinsiltu mir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ atti.

37.

Id-Direttiva 91/308, ibbażata fuq l-ewwel u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 57(2) u fuq l-Artikolu 100 A tat-Trattat KEE kienet timponi fuq l-istabbilimenti ta’ kreditu, l-istituzzjonijiet finanzjarji u fuq ċerti persuni ġuridiċi jew fiżiċi, obbligi li jinvolvu l-kontroll tat-tranżazzjonijiet magħmula mill-fornituri ta’ servizzi, meta dawn kienu ta’ ammont ogħla minn EUR 15000. L-għan prinċipali tagħha kien li tevita l-isfruttament tas-sistema finanzjarja sabiex isir ħasil tal-fondi ta’ oriġini kriminali li jirriskja li jikkomprometti l-istabbiltà u l-affidabbiltà ta’ din is-sistema u li jiffavorixxi l-iżvilupp tal-kriminalità organizzata inġenerali u tat-traffiku tad-drogi b’mod partikolari ( 21 ). Din kellha l-għan li tikkoordina l-azzjoni tal-Istati Membri f’dan il-qasam biex tipprevjeni r-riskju tal-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet tas-suq intern kif ukoll biex tiżgura iktar effikaċja fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, li ta’ spiss issir f’kuntest internazzjonali ( 22 ).

38.

Il-miżuri li kienet tippreskrivi din id-direttiva, bħal dawk kollha attwalment previsti mid-Direttiva 2015/849 ( 23 ) u qabilha, mid-Direttiva 2005/60 ( 24 ), jinsabu f’kuntest ta’ kooperazzjoni internazzjonali ( 25 ).

39.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fis-sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Jyske Bank Gibraltar (C‑212/11, EU:C:2013:270), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, għalkemm id-Direttiva 2005/60, li ssostitwixxiet id-Direttiva 91/308, kienet wkoll intiża sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, madankollu l-għan prinċipali tagħha kien li tipprevjeni l-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ħasil ta’ flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, kif kien jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li hija kienet ġiet adottata, bħad-Direttiva 91/308, f’kuntest internazzjonali, sabiex tapplika u tagħmel vinkolanti fl-Unjoni r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja Internazzjonali (FATF) ( 26 ).

40.

Ir-Regolament Nru 1889/2005, intiż sabiex jissupplimenta d-Direttiva 91/308, jikkondividi dan l-istess għan. Addizzjonalment, l-istess bħal din id-direttiva, dan ir-regolament ġie adottat, kif jirriżulta mill-premessa 4 tiegħu, biex jimplementa rakkomandazzjoni tal-FATF, ir-Rakkomandazzjoni Speċjali IX, tat-22 ta’ Ottubru 2004, fuq dawk li jġorru l-flus, li saret, wara r-reviżjoni tal-2012, ir-Rakkomandazzjoni 32 ( 27 ).

41.

Skont din ir-rakkomandazzjoni “[i]l-pajjiżi jrid ikollhom miżuri stabbiliti biex jindunaw bit-trasport fiżiku transkonfinali ta’ flus kontanti u ta’ strumenti negozjabbli għall-portatur, inkluż sistema ta’ dikjarazzjoni u/jew ta’ komunikazzjoni” u “għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikollhom is-setgħa jimblukkaw jew iżommu l-flus kontanti jew l-istrumenti negozjabbli għall-portatur li jkunu ssuspettati li huma relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu, il-ħasil tal-flus, jew ksur sottostanti, jew li jkunu s-suġġett ta’ dikjarazzjoni jew komunikazzjoni falza” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 28 ).

42.

F’nota ta’ interpretazzjoni għall-imsemmija rakkomandazzjoni, huwa ppreċiżat li din tal-aħħar ġiet żviluppata bl-għan li “tiggarantixxi li t-terroristi u kriminali oħrajn ma jkunux jistgħu jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom jew iwettqu ħasil tal-flus fuq il-qligħ mill-attivitajiet kriminali tagħhom permezz tat-trasport fiżiku transkonfinali ta’ flus kontanti jew ta’ strumenti negozjabbli għall-portatur” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. ( 29 ). F’din l-istess nota, l-espressjoni “trasport fiżiku transkonfinali” hija ddefinita bħala li tindika “kull dħul jew ħruġ fiżiku ta’ flus kontanti jew ta’ strumenti negozjabbli għall-portatur minn pajjiż għal ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 30 )

43.

Ir-rakkomandazzjoni inkwistjoni għalhekk jidher li qed tagħmel riferiment għal kunċett wiesa’ ta’ “dħul” u ta’ “ħruġ” li jġiegħlek taħseb li s-sistema ta’ dikjarazzjoni jew ta’ komunikazzjoni li tirrakkomanda din ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi applikata ladarba l-flus kontanti jew l-istrumenti negozjabbli għall-portatur jaqsmu fruntiera ġeografika nazzjonali. Minkejja dan, id-dokumentazzjoni tal-FATF jidher li ma tagħti ebda indikazzjoni espliċita dwar il-kwistjoni li qed nittratta hawnhekk. Il-modalitajiet ta’ kontroll tal-movimenti transkonfinali tal-flus fiż-żoni internazzjonali ta’ tranżitu tal-ajruporti lanqas ma huma indirizzati fil-“Prattiki internazzjonali ġodda aħjar: detezzjoni u prevenzjoni tal-movimenti transkonfinali illegali ta’ flus kontanti u ta’ strumenti negozjabbli għall-portatur” tal-2010, dokument li huwa mistenni jipprovdi ħarsa ġenerali lejn id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-Istati fl-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni Speċjali IX, filwaqt li jiddeskrivi s-soluzzjonijiet possibbli ( 31 ).

44.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, u kif jargumenta l-Gvern Franċiż, il-kuntest ta’ kooperazzjoni internazzjonali tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-kriminalità transkonfinali li jaqa’ fih ir-Regolament Nru 1889/2005 jiffavorixxu interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ dħul fl-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, u kontra l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni stabbilit minn dan l-artikolu jiġi ristrett biss għall-movimenti transkonfinali tal-flus intiżi li jidħlu fiċ-ċirkwit finanzjarju tal-Unjoni.

45.

Fil-fatt ma hemmx dubju li l-estensjoni tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni għall-passiġġieri fi tranżitu ġewwa ajruport tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija hawn fuq fil-livell internazzjonali, peress li tali obbligu jikkostitwixxi kemm miżura dissważiva kif ukoll, flimkien mal-kontrolli relatati miegħu, miżura ta’ detezzjoni tal-movimenti suspettużi ( 32 ).

46.

F’dan l-istadju jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Konvenzjoni dwar l-avjazzjoni ċivili internazzjonali, iffirmata f’Chicago (l-Istati Uniti) fis-7 ta’ Diċembru 1944 ( 33 ), hijiex imxekkla minn tali interpretazzjoni wiesgħa.

47.

L-Unjoni ma hijiex parti għal din il-konvenzjoni u, kif ippreċiżat fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 57 sa 71), ma hijiex marbuta biha.

48.

Minkejja dan, l-imsemmija konvenzjoni ġiet irratifikata mill-Istati Membri tal-Unjoni kollha, u għalhekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 34 ). L-istess japplika għall-annessi għal din il-konvenzjoni li fihom standards u prattiki rrakkomandati (Standards and Recommended Practices – SARP) ( 35 ) adottati mill-Kunsill tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) ( 36 ) b’konformità mal-Artikolu 54(l) ( 37 ), tal-imsemmija konvenzjoni u li jorbtu, b’mod ftit jew wisq vinkolanti, lill-Istati kontraenti ( 38 ).

49.

Skont l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, “kull Stat kontraenti jeħtieġ li jadotta […] il-miżuri kollha fis-setgħa tiegħu biex jiffaċilita u jħaffef in-navigazzjoni bl-inġenji tal-ajru bejn it-territorji tal-Istati kontraenti u jevita li jittardja mingħajr bżonn l-inġenji tal-ajru, l-ekwipaġġ, il-passiġġieri u l-merkanzija, b’mod partikolari bl-applikazzjoni tal-liġijiet relatati mal-immigrazzjoni, is-saħħa, id-dwana u l-leave” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikolu 23 ta’ din il-konvenzjoni jippreċiża, min-naħa tiegħu, li kull Stat kontraenti għandu jimpenja ruħu, “sal-punt li huwa jqis fattibbli, biex jistabbilixxi regolamenti doganali u ta’ immigrazzjoni li jikkonċernaw in-navigazzjoni bl-ajru internazzjonali, b’konformità mal-prattiki li jistgħu jiġu stabbiliti jew irrakkomandati skont din il-Konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

50.

L-Anness 9 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago (Standards u prattiki rrakkomandati — Faċilitazzjoni; iktar ’il quddiem l-“Anness 9”) ( 39 ) ġie adottat biex, b’mod partikolari, jippreċiża l-obbligi li jirriżultaw għall-Istati kontraenti mill-artikoli msemmija iktar ’il fuq tal-imsemmija konvenzjoni. L-iskop ta’ dan l-anness huwa li tinkiseb ġestjoni effikaċi tal-proċess ta’ kontroll fil-fruntieri, filwaqt li jiġi mfittex bilanċ xieraq bejn is-sigurtà u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri.

51.

Bħalma fakkar il-Gvern Franċiż, b’konformità mal-punt 3.57 tat-Taqsima L tal-Kapitolu 3, tal-imsemmi anness, l-Istati kontraenti jippermettu, b’mod partikolari permezz tal-ħolqien ta’ żoni ta’ tranżitu dirett, li l-passiġġieri u l-bagalji tagħhom li jaslu minn Stat ieħor u li jkomplu bil-vjaġġ tagħhom lejn it-tielet Stat permezz tal-istess titjira jew permezz ta’ titjira oħra li titlaq mill-istess ajruport fl-istess jum jiġu awtorizzati joqogħdu temporanjament fl-ajruport tal-wasla mingħajr ma jkunu suġġetti għal formalitajiet ta’ kontroll fil-fruntiera ta’ dħul fl-Istat ta’ tranżitu. Iż-“żona ta’ tranżitu dirett” hija ddefinita mit-Taqsima A tal-Kapitolu I, bħala żona speċjali stabbilita f’ajruport internazzjonali jew viċin, taħt is-sorveljanza u l-kontroll dirett tal-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, fejn il-passiġġieri jistgħu joqogħdu waqt it-tranżitu jew il-konnessjoni mingħajr ma jkollhom japplikaw għad-dħul fl-Istat ikkonċernat.

52.

Madankollu, mill-formulazzjoni stess tal-istandard stabbilit fil-punt 3.57 imsemmi iktar ’il fuq, jirriżulta li dan jirreferi għall-formalitajiet relatati mal-kontrolli tal-immigrazzjoni bl-għan li jivverifikaw il-pussess ta’ dokumenti li jawtorizzaw id-dħul fit-territorju tal-Istat kontraenti. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-istandard suċċessiv (punt 3.58 tat-Taqsima L tal-Kapitolu 3), li jobbliga lill-Istati kontraenti jillimitaw għall-minimu r-rekwiżit għall-passiġġieri li jibqgħu fiż-żona ta’ tranżitu dirett li jkollhom viżi ta’ tranżitu dirett ( 40 ).

53.

Ċertament, b’mod iktar ġenerali, l-Anness 9 għandu l-għan li jnaqqas kemm jista’ jkun il-formalitajiet u l-kontrolli li għalihom ikunu suġġetti l-passiġġieri fi tranżitu, filwaqt li, mhux talli hemm obbligu ta’ dikjarazzjoni li, fil-prinċipju, jimponilhom approċċ attiv, talli l-verifika tal-osservanza ta’ dan l-obbligu tista’ teżiġi li l-awtoritajiet kompetenti jissuġġettaw, kif previst fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1889/2005, il-persuni, il-bagalji tagħhom u l-mezzi ta’ trasport tagħhom għal miżuri ta’ kontroll.

54.

Minkejja dan, minn naħa, kif innota l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, b’konformità mat-Taqsima B tal-Kapitolu 3, punt 1.5 tal-Anness 9, id-dispożizzjonijiet tiegħu ma jipprekludux l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għal dak li jikkonċerna t-twettiq ta’ kontrolli meqjusa bħala “neċessarji” ( 41 ), u min-naħa l-oħra, il-politika tal-faċilitazzjoni implementata fi ħdan l-ICAO għandha wkoll l-għan li tikkoordina l-għanijiet tal-Anness 9 ma’ għanijiet oħrajn, b’mod partikolari dak tal-ġlieda kontra t-traffiku internazzjonali tad-drogi – li huwa wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-miżuri stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 1889/2005 –, sabiex jinstab bilanċ xieraq bejn ir-rekwiżiti tas-sigurtà u dawk tas-simplifikazzjoni.

55.

Obbligu ta’ dikjarazzjoni bħal dak previst mill-Artikolu 3(1) tar- Regolament 1889/2005, estiż għall-passiġġieri li jibqgħu fiż-“żona ta’ tranżitu dirett”, kif iddefinit mill-Anness 9, għaldaqstant ma jidhirx inkompatibbli mal-istandard tal-punt 3.57 ta’ dan l-Anness 9, sakemm il-formalitajiet relatati mat-twettiq ta’ dan l-obbligu u l-kontrolli bl-għan li tiġi vverifikata l-osservanza jinvolvu l-inqas inkonvenjenza possibbli għall-passiġġieri fi tranżitu u ma jirriskjawx li jittardjaw b’mod mhux xieraq it-traffiku bl-ajru.

56.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, inqis, fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni litterali tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1889/2005, kif ukoll tal-għanijiet imfittxija minn dan l-att u fid-dawl tal-assenza ta’ esklużjoni espressa ta’ sitwazzjonijiet ta’ tranżitu fl-ajruporti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni stabbilit mill-imsemmi artikolu, li dan l-obbligu japplika wkoll għall-passiġġieri li jibqgħu fiż-żona ta’ tranżitu internazzjonali ta’ ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplikaw it-Trattati b’konformità mal-Artikoli 52 TUE u 355 TFUE, wara li jkunu niżlu minn fuq titjira li tkun ġejja minn pajjiż terz u qabel jitilgħu abbord titjira lejn pajjiż terz, mingħajr ma jaqsmu punt ta’ kontroll fil-fruntiera biex jiġu ammessi jidħlu f’dan l-Istat Membru.

IV – Konklużjoni

57.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta kif ġej għad-domanda magħmula mill-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza):

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li kull persuna fiżika li tidħol jew toħroġ mill-Unjoni Ewropea b’mill-inqas EUR 10000 fi flus kontanti tiddikjara s-somma ttrasportata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li permezz tiegħu hija tidħol jew toħroġ mill-Unjoni, japplika wkoll għall-passiġġieri li jibqgħu fiż-żona internazzjonali ta’ tranżitu ta’ ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplikaw it-Trattati b’konformità mal-Artikoli 52 TUE u 355 TFUE, wara li jkunu niżlu minn fuq titjira li tkun ġejja minn pajjiż terz u qabel jitilgħu abbord titjira lejn pajjiż terz, mingħajr ma jaqsmu punt ta’ kontroll fil-fruntiera biex jiġu ammessi jidħlu f’dan l-Istat Membru.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2005, L 309, p. 9.

( 3 ) ĠU 2006, L 105, p. 1. Dan ir-regolament tħassar u ġie ssostitwit, mill-11 ta’ April 2016, bir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2016, dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1).

( 4 ) Mill-proċess jirriżulta li t-trasferiment tal-flus kien maħsub biex jitħallas fornitur ta’ Intercontinental, speċjalizzata fil-kummerċ tal-karozzi.

( 5 ) L-awtorità tad-dwana u t-taxxi indiretti, fl-osservazzjonijiet tagħha għall-appell ta’ kassazzjoni ta’ O. El Dakkak, kif ukoll il-Gvern Franċiż, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jindikaw li d-dikjarazzjoni magħmula minn O. El Dakkak fil-Benin kienet tkopri biss is-somma ta’ USD 983000.

( 6 ) Dan l-artikolu, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, kien ifformulat kif ġej; “Il-persuni fiżiċi li jittrasferixxu somom, titoli jew assi lejn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew li jkunu ġejjin minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, mingħajr l-intermedjazzjoni ta’ stabbiliment ta’ kreditu, korp jew servizz imsemmi fl-Artikolu L. 518-1 tal-kodiċi monetarju u finanzjarju, għandhom jagħmlu dikjarazzjoni taħt kundizzjonijiet stabbiliti”. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu R152-6 I, “[i]d-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament […] Nru 1889/2005 […] u d-dikjarazzjoni ta’ somom, titoli jew assi ttrasferiti lejn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jew li ġejjin minn tali Stat, […] għandhom isiru bil-miktub mill-persuni fiżiċi, f’isimhom jew f’isem ħaddieħor, quddiem l-awtorità tad-dwana, l-iktar tard fil-mument tad-dħul jew tal-ħruġ mill-Unjoni Ewropea jew tat-trasferiment lejn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew minn tali Stat”.

( 7 ) L-Artikolu 465(I) tal-kodiċi doganali kien jipprevedi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, li “[n]-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ dikjarazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 464 u fir-Regolament […] Nru 1889/2005 […] huwa ssanzjonat b’multa ugwali għal kwart tas-somma li kienet ikkonċernata mill-ksur jew mit-tentattiv ta’ ksur”. Skont il-punt II ta’ dan l-artikolu “[f]’każ li jiġi kkonstatat il-ksur imsemmi fil-punt I mill-aġenti tad-dwana, dawn jissekkwestraw s-somma kollha li kienet ikkonċernata mill-ksur jew mit-tentattiv tal-ksur, għal perijodu ta’ tliet xhur, li jista’ jiġġedded […] sa limitu ta’ sitt xhur b’kollox”.

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 3, 4 u 5 tar-Regolament Nru 562/2006.

( 9 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 153. Din id-direttiva tħassret bid-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309 2005, p. 15), li min-naħa tagħha ġiet issostitwita bid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 2015, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73).

( 10 ) Hekk kif ikkjarifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2015, Il-Parlament u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑132/14 sa C‑136/14, EU:C:2015:813, punti 75 sa 77) il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ att leġiżlattiv sekondarju għandu jiġi ddeterminat, fl-assenza ta’ kjarifiki f’dan l-att, skont l-Artikoli 52 TUE u 355 TFUE.

( 11 ) Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L221-1 tal-Code de l’entrée et du sejour des etrangers et du droit d’asile (kodiċi tad-dħul u tar-residenza tal-barranin u tad-dritt tal-ażil, iktar ’il quddiem is-“CESEDA”), “[i]l-barrani li jasal Franza [...] [bl-ajru] u li, jew ma jkunx awtorizzat jidħol fit-territorju Franċiż, jew jitlob għall-ammissjoni tiegħu għal raġuni tal-ażil, jista’ jinżamm f’żona ta’ stennija [...] li tinsab […] f’ajruport, għall-ħin strettament neċessarju biex jitlaq u, jekk ikun applikant għall-ażil, biex isirlu eżami bl-għan li jiġi ddeterminat jekk it-talba tiegħu hijiex manifestament infondata”.

( 12 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L.221-2 tal-kodiċi tad-dħul u tar-residenza tal-barranin u tad-dritt tal-ażil jippreċiża li “[i]ż-żona ta’ stennija hija ddelimitata mill-awtorità amministrattiva kompetenti. Din testendi mill-punti tal-imbark u tal-iżbark għal dawk fejn isiru l-kontrolli fuq il-persuni”.

( 13 ) Cour de cassation tal-25 ta’ Marzu 2009, Nru 08-14.125, fejn huwa deċiż, fir-rigward ta’ minuri li kien jinsab f’żona ta’ stennija tal-ajruport Paris-Charles de Gaulle, “li l-qorti tal-appell, li nnotat li l-minuri X..., minuri iżolat, kien ġie investigat, mill-wasla tiegħu fit-territorju Franċiż, fl-ajruport ta’ Roissy‑Charles‑de‑Gaulle, tqiegħed taħt kustodja preventiva minħabba li pprova jaħrab għal kontroll mill-pulizija, imbagħad, fi tmiem il-kustodja preventiva, ġie miżmum fiż-żona ta’ stennija tal-ajruport, kellha tiddeduċi mill-konstatazzjonijiet proprji tagħha li l-persuna kkonċernata kienet tinsab fit-territorju Franċiż, b’tali mod li bħala minur iżolat ta’ nazzjonalità Iraqina, huwa bilfors kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ periklu li tirrikjedi l-implementazzjoni mill-qorti tat-tfal ta’ miżuri ta’ protezzjoni stipulati mill-Artikoli 375 et seq tal-kodiċi ċivili” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara P. Klötgen, La frontière et le droit, esquisse d’une problématique, Scientia Juris, 2011, p. 45 et seq. L-amministrazzjoni ta’ tali “żoni ta’ stennija” barra minn hekk ma hijiex eżentata mill-kritika min-naħa tal-assoċjazzjonijiet tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem (ara r-rapport tal-Anafé tal-20 ta’ Jannar 2016, disponibbli fuq http://www.anafe.org/spip.php?article317).

( 14 ) COM(2002) 328 finali.

( 15 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-proposta għal regolament kien ifformulat kif ġej: “Kull persuna fiżika li tidħol jew toħroġ mit-territorju doganali tal-Komunità u li ġġorr magħha somma fi flus kontanti ta’ ammont ugwali jew ogħla minn ħmistax‑il elf euro hija suġġetta għall-obbligu ta’ dikjarazzjoni taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-regolament” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 16 ) Regolament, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), irrevokat mir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU 2008, L 145, p. 1). L-għaxar premessa tal-proposta għal regolament kienet tispjega li “[g]ħal dak li jikkonċerna d-delimitazzjoni ġeografika tal-kamp ta’ applikazzjoni, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u b’mod partikolari mal-Artikolu 299(3), (4) u (6)(ċ), id-Direttiva 91/308/KEE ma tapplikax għal ċerti Stati jew territorji Ewropej […]”, u li għalhekk kien meħtieġ li “wieħed joqgħod attent għar-riskju ta’ ħasil tal-flus li jinvolvu dawn l-Istati u t-territorji u li fir-rigward tagħhom tkun prevista sistema partikolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-proposta għal regolament kienet tipprevedi li: “[k]ull persuna fiżika li tidħol jew toħroġ minn partijiet tat-territorju doganali tal-Komunità fejn ma tapplikax id-Direttiva 91/308/KEE u li ġġorr magħha somma fi flus kontanti ta’ ammont ugwali għal jew ogħla minn ħmistax‑il elf euro wkoll hija suġġetta għall-imsemmi obbligu ta’ dikjarazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 17 ) Rapport tal-25 ta’ Ġunju 2002, COM(2002) 328 final, ara l-punt 2, kummentarju dwar l-ewwel artikolu.

( 18 ) Pożizzjoni Komuni adottata mill-Kunsill bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kontrolli ta’ flus kontanti deħlin jew ħerġin mill-Komunità, tat-18 ta’ Jannar 2005, Nru 14843/04, punt 3(a).

( 19 ) Dokument 9630/2/00 tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2000. L-“Operazzjoni Moneypenny” tnediet minn Settembru 1999 sa Frar 2000 mis-servizzi tad-dwana tal-Istati Membri bl-għan li jissorveljaw u jikkontrollaw il-movimenti transkonfinali ta’ flus kontanti ta’ iktar minn EUR 10000, sabiex jivverifikaw jekk, minħabba l-ammont tagħhom stess, dawn il-movimenti setgħux jikkompromettu l-effikaċja tal-kontrolli mwettqa mill-istituzzjonijiet finanzjarji biex jiġġieldu kontra l-ħasil tal-flus.

( 20 ) Hemm riferimenti oħrajn għad-Direttiva 91/308 b’mod partikolari fil-premessi 5, 9 u 11 kif ukoll fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 1889/2005.

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 1, 2 u 3.

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 2 u 6.

( 23 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 24 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 7.

( 26 ) Ara l-punt 46. Il-FATF huwa korp intergovernattiv stabbilit fl-1989 bil-mandat li jiżviluppa regoli u jippromwovi l-implementazzjoni effikaċi ta’ miżuri leġiżlattivi, regolamentari u operazzjonali biex jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-finanzjament tal-proliferazzjoni kif ukoll it-theddid l-ieħor relatat għall-integrità tas-sistema finanzjarja internazzjonali.

( 27 ) It-test ta’ din ir-rakkomandazzjoni jista’ jinsab fuq is-sit elettroniku tal-FATF http://www.fatf‑gafi.org/media/fatf/documents/recommendations/pdfs/FATF_Recommendations.pdf http://www.fatf-gafi.org.

( 28 ) Ir-rakkomandazzjoni tkompli billi tindika li “[l]-pajjiżi għandhom jiżguraw li jkunu applikabbli sanzjonijiet effikaċi, proporzjonati u dissważivi biex jiġu applikati għal persuni li jkunu għamlu dikjarazzjoni falza jew ikkomunikaw informazzjoni falza. Meta l-flus kontanti jew l-istrumenti finanzjarji negozjabbli għall-portatur ikunu relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu, mal-ħasil tal-flus jew ma’ ksur sottostanti, il-pajjiżi għandhom jadottaw ukoll miżuri, inkluż ta’ natura leġiżlattiva, konformi mar-Rakkomandazzjoni 4, li jawtorizzaw il-konfiska ta’ dawn il-flus kontanti jew l-istrumenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 29 ) It-test tan-nota ta’ interpretazzjoni għar-Rakkomandazzjoni Speċjali IX jista’ jinstab ukoll fuq is-sit elettroniku tal-FATF fuq l-indirizz indikat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 iktar ’il fuq.

( 30 ) Enfasi miżjuda minni. F’dokument tal-2009, intitolat “Metodoloġija tal-evalwazzjoni tal-konformità mal-40 Rakkomandazzjoni u mad-9 rakkomandazzjonijiet speċjali tal-FAFT”, huwa ppreċiżat, fil-kuntest ta’ approċċ supranazzjonali tar-Rakkomandazzjoni Speċjali IX, li t-terminu “transkonfinali”“jirreferi għall-movimenti fil-fruntieri esterni tal-ġurisdizzjoni supranazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], enfasi miżjuda minni; id-dokument huwa aċċessibbli fuq is-sit elettroniku http://www.fatf-gafi.org/fr/themes/recommandationsgafi/documents/methodologiedevaluationdelaconformiteaux40recommandationsetaux9recommandationsspeciales.html#methodologiedevaluationdelaconformiteaux40recommandationsetaux9recommandationsspeciales.html?hf=10&b=0&s=desc(fatf_releasedate).

( 31 ) Dan id-dokument, li nħareġ qabel ir-reviżjoni tal-2012, jista’ jiġi kkonsultat fuq is-sit elettroniku http://www.fatf-gafi.org/fr/themes/recommandationsgafi/documents/nouvellesmeilleurespratiquesinternationalesdetectionetpreventiondesmouvementstransfrontaliersillicitesdespecesetdinstrumentsnegociablesauporteur.html#nouvellesmeilleurespratiquesinternationalesdetectionetpreventiondesmouvementstransfrontaliersillicitesdespecesetdinstrumentsnegociablesauporteur.html?hf=10&b=0&s=desc(fatf_releasedate).

( 32 ) Minkejja dan, ninnota li, fir-rapport tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1889/2005 [COM (2010) 0455 finali], il-Kummissjoni talbet, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, għal modifika tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1889/2005 biex jiġu allinjati l-proċeduri dwar il-kontrolli fuq il-moviment ta’ flus kontanti ma’ dawk stabbiliti għall-kontrolli fuq il-bagalji tal-passiġġiera kif stipulat fl-Artikoli 192, 193 u 194 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3, imħassar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/481, tal-1 ta’ April 2016 (ĠU 2016, L 87, p. 24)]. Madankollu, tali allinjament, irrakkomandat biex jingħata rimedju għad-diffikultajiet prattiċi li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-passiġġieri fi tranżitu, jimplika l-esklużjoni tal-kontrolli sistematiċi fiż-żoni internazzjonali ta’ tranżitu u, għalhekk, l-abolizzjoni tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni għall-passiġġieri li jibqgħu f’dawn iż-żoni (ara l-punt 5 tar-rapport). Fil-punt 3.2 ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni tispjega li “[g]ħall-passiġġiera bl-ajru fi tranżitu, l-obbligu li jiddikjaraw il-flus kontanti fl-ewwel punt tad-dħul jew fl-aħħar punt tat-tluq mill-UE huwa diffiċli li jikkonformaw miegħu minħabba l-varjazzjonijiet fl-infrastruttura tat-tranżitu tal-ajruport. Hemm ftit faċilitajiet jew faċilitajiet differenti li jaħsbu għad-dikjarazzjoni tal-flus kontanti f’żoni tat-tranżitu u m’hemmx biżżejjed ħin bejn it-titjiriet. Għall-awtoritajiet kompetenti tal-SM huwa diffiċli wkoll li jiżguraw il-kontrolli armonizzati fuq il-passiġġiera fi tranżitu. In-nuqqas ta’ ħin, in-nuqqas ta’ faċilitajiet tal-kontroll xierqa […].u l-linji separati għall-bagalji tal-id u l-bagalji li jinżammu jfixklu dawn il-kontrolli”. “[G]rupp ta’ proġett speċifiku li jlaqqgħa esperti dwar il-kontroll tal-moviment tal-flus kontanti” ukoll esprima opinjoni favur emenda tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 1889/2005.

( 33 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 15, p. 295, li tista’ tiġi kkonsultata fuq l-indirizz li ġej: http://www.icao.int/publications/pages/doc7300.aspx.

( 34 ) Sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 52).

( 35 ) L-adozzjoni ta’ dawn l-atti hija prevista mill-Artikolu 37 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

( 36 ) L-ICAO ġiet stabbilita b’konformità mal-Artikolu 43 et seq tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

( 37 ) Din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-SARP huma maħsuba bħala “annessi għall-konvenzjoni” għal “raġunijiet ta’ konvenjenza”.

( 38 ) L-istandards huma speċifikazzjonijiet li l-kontenut tagħhom jirrifletti dak li huwa rikonoxxut bħala prattikabbli u neċessarju biex jiġu ffaċilitati u mtejba ċerti aspetti tan-navigazzjoni internazzjonali bl-ajru. In-nuqqas ta’ osservanza tagħhom għandha tiġi nnotifikata mill-Istati kontraenti b’konformità mal-Artikolu 38 tagħha. Il-prattiki rakkomandati, għall-kuntrarju, huma speċifikazzjonijiet li l-kontenut tagħhom jirrifletti dak li ġie rikonoxxut bħala ġeneralment prattikabbli u ferm mixtieq. L-Istati kontraenti jagħmlu ħilithom biex jikkonformaw magħhom bl-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

( 39 ) It-test ta’ dan l-anness jista’ jiġi kkonsultat fuq is-sit tal-Uffiċċju Federali tal-Avjazzjoni fl-indirizz li ġej: https://www.bazl.admin.ch/bazl/fr/home/experts/reglementation-et-informations-de-base/bases-legales-et-directives/annexes-a-la-convention-de-l-organisation-internationale-de-l-av.html

( 40 ) Jiġifieri viżi għall-passiġġieri li jaslu abbord titjira internazzjonali u li jkomplu bil-vjaġġ tagħhom lejn tielet Stat permezz tal-istess titjira jew permezz ta’ titjira li titlaq mill-istess ajruport fl-istess jum. Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU 2009, L 243, p. 8) jipprevedi l-obbligu li wieħed ikollu tali viża, “b’deroga għall-Anness 9 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago” għaċ-ċittadini ta’ ċertu numru ta’ pajjiżi terzi.

( 41 ) Ninnota inċidentalment li fit-Taqsima F tal-Kapitolu 6, punti 6.47 u 6.48, hemm prattiki rakkomandati li jikkonċernaw l-impożizzjoni mill-Istati kontraenti ta’ restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ flus.

Top