EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TJ0726

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas-7 ta’ Ġunju 2017 (Estratti).
Jožica Blaž Jamnik u Brina Blaž vs Il-Parlament Ewropew.
Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Kuntratti dwar proprjetà immobbli – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt – Bini għad-dar tal-Unjoni Ewropea f’Ljubljana – Ċaħda tal-proposta wara stħarriġ tas-suq lokali – Għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor – Nuqqas ta’ eżami tad-dokumenti annessi mal-proposta – Żball ta’ liġi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni.
Kawża T-726/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2017:376

T‑726/1562015TJ0726EU:T:2017:37600011144T

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

7 ta’ Ġunju 2017 ( 1 )

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Kuntratt dwar proprjetà immobbli — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt — Bini għad-dar tal-Unjoni Ewropea f’Ljubljana — Ċaħda tal-proposta wara stħarriġ tas-suq lokali — Għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor — Nuqqas ta’ eżami tad-dokumenti annessi mal-proposta — Żball ta’ liġi — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑726/15,

Jožica Blaž Jamnik u Brina Blaž, residenti f’Ljubljana (is-Slovenja), irrappreżentati minn D. Mihevc, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn V. Naglič, P. López-Carceller u B. Simon, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tat-12 ta’ Ottubru 2015 li tiċħad, wara stħarriġ tas-suq lokali, il-proposta mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-kuntratt dwar proprjetà immobbli INLO.AO-2013-051-LUX-UGIMBI-06, dwar id-dar futura tal-Unjoni Ewropea f’Ljubljana, u tad-deċiżjoni li l-kuntratt jingħata lil offerent ieħor u, sussidjarjament, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-danni li allegatament sofrew ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, I. S. Forrester u E. Perillo (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 2 )

[omissis]

Id-dritt

Fuq it-talba għal annullament

[omissis]

Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-proposta

[omissis]

16

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju, il-kuntratti pubbliċi huma kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-kitba bejn operatur ekonomiku wieħed jew iktar u awtorità kontraenti waħda jew iktar, sabiex tinkiseb, għal pagament ta’ prezz imħallas totalment jew parzjalment mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, il-provvista ta’ beni mobbli jew immobbli, l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew il-provvista ta’ servizzi. Skont dan l-istess artikolu, dawn il-kuntratti jinkludu b’mod partikolari il-“kuntratti ta’ bini [dwar proprjetà immobbli]”, li b’mod partikolari jirrigwardaw ix-xiri jew kiri ta’ proprjetà immobbli. L-Artikolu 102(1) tar-Regolament Finanzjarju jispeċifika barra minn hekk li “[i]l-kuntratti pubbliċi kollha li huma ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit [tal-Unjoni] għandhom jirrispettaw il-prinċipji tat-trasparenza, il-proporzjonalità, it-trattament ugwali u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni”. Fir-rigward b’mod partikolari tar-regoli li jirregolaw il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-Artikolu 102(2) tar-Regolament Finanzjarju jipprevedi li “[i]l-kuntratti ta’ akkwist pubbliku kollha għandhom ikunu ppreżentati għall-offerti fuq il-bażi l-aktar wiesgħa, apparti milli meta l-użu jsir mill-proċedura nnegozjata riferuta fl-Artikolu 104(1) [tar-Regolament Finanzjarju]”.

17

Fir-rigward ta’ din il-proċedura tal-aħħar, l-Artikolu 134(1)(h) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 jispeċifika li l-awtorità kontraenti tista’ tuża l-proċedura nnegozjata mingħajr il-publikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, ikun xi jkun l-ammont stmat tal-kuntratt, “għal kuntratti ta’ bini [dwar proprjetà immobbli], wara stħarriġ tas-suq lokali”. Fil-prattika, fil-kuntest ta’ tali proċedura, l-awtorità kontraenti għandha l-possibbiltà li tagħżel minn qabel l-impriża jew l-impriżi li magħhom hija tixtieq tibda negozjati sabiex tasal għall-konklużjoni u għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2007, Citymo vs Il‑Kummissjoni, T‑271/04, EU:T:2007:128, punt 94).

18

Mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 16 u 17 iktar ’il fuq jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata mingħajr publikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, l-awtorità kontraenti kkonċernata għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa kemm dwar l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiddeċiedi li tagħti jew li ma tagħtix il-kuntratt dwar proprjetà immobbli inkwistjoni kif ukoll fl-għazla tal-offerent jew tal-offerenti, peress li l-għoti ta’ tali kuntratt, fil-fatt, ma għandux neċessarjament jitwettaq bil-kompetizzjoni l-iktar wiesgħa possibbli bejn il-partijiet interessati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2007, Citymo vs Il-Kummissjoni, T‑271/04, EU:T:2007:128, punt 111). L-istess japplika a fortiori fil-fażi ta’ stħarriġ tas-suq lokali li tippreċedi l-fażi tan-negozjati tal-kuntratt stess. Permezz ta’ din il-fażi, l-awtorità kontraenti tfittex, essenzjalment, li tipprepara bl-aħjar mod in-negozjati eventwali tal-kuntratt inkwistjoni, b’osservanza tal-prinċipji mfakkra fil-punt 16 iktar ’il fuq, b’mod partikolari dawk ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u tan-nondiskriminazzjoni. Barra minn hekk, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ħafna jingħata lill-awtorità kontraenti, inkluż fl-għażla u fl-evalwazzjoni tal-kriterji ta’ għażla, meta din tkun iddefiniethom minn qabel fid-dokumenti tal-kuntratt relattivi għall-proċedura nnegozjata inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2013, Kieffer Omnitec vs Il‑Kummissjoni, T‑288/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:228, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali, fir-rigward kemm tal-proċedura nnegozjata għall-għoti tal-kuntratt dwar proprjetà immobbli nnifisha kif ukoll tal-fażi ta’ stħarriġ tas-suq lokali li tippreċediha, għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali li l-awtorità kontraenti kellha l-intenzjoni li timplementa kif ukoll tar-regoli ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Zafeiropoulos vs Cedefop, T‑537/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:36, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha, il-qorti għandha wkoll tivverifika l-osservanza, mill-awtorità kontraenti kkonċernata, tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, kif imfakkra fl-Artikolu 102 tar-Regolament Finanzjarju (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

[omissis]

– Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq żball ta’ liġi

[omissis]

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

– Fuq it-tielet parti tal-motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

36

Ir-rikorrenti jsostnu li l-evalwazzjoni tal-proposta tagħhom magħmula mill-Parlament hija vvizzjata bi żball manifest, għar-raġuni, essenzjalment, li, meta pparagunata mal-offerta finalment aċċettata, il-proposta tagħhom kienet iktar konformi mal-kriterji ta’ evalwazzjoni, kif stabbiliti fis-sejħa għal proposti.

37

F’dan ir-rigward, għalkemm l-awtorità kontraenti indikat fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-proposta li l-offerta tar-rikorrenti ma kinitx “l-iktar waħda vantaġġuża”, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-proposta tar-rikorrenti kienet ġiet ipparagunata mal-offerta finalment aċċettata fl-aħħar tal-proċedura kollha, meta huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrenti, li l-proposta tagħhom kienet ġiet miċħuda fl-istadju ta’ stħarriġ tas-suq tal-proprjetà immobbli lokali, ma kinux jagħmlu parti mill-ħames offerenti magħżula sabiex jipparteċipaw fin-negozjati nnifishom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni għandu jitqies li huwa effettiv biss sa fejn jirrigwarda l-fażi ta’ stħarriġ tas-suq tal-proprjetà immobbli lokali, li matulha l-proposta tar-rikorrenti ġiet ipparagunata ma’ proposti oħrajn, inkluż għalhekk ma’ dik ippreżentata mill-offerent rebbieħ futur.

38

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat, preliminarjament, li, sabiex jiġi stabbilit li fl-evalwazzjoni tal-fatti l-awtorità kontraenti wettqet żball tant manifest li huwa tali li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’offerta ta’ kuntratt, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex jirrendu mhux plawżibbli l-evalwazzjonijiet aċċettati fid-deċiżjoni inkwistjoni. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq l-iżball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-provi prodotti mir-rikorrenti, l-evalwazzjoni kkontestata tista’ titqies li hija vera jew valida (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, EU:T:1996:195, punt 59, u tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 221).

39

Dan huwa partikolarment minnu meta d-deċiżjoni inkwistjoni tkun ivvizzjata bi żbalji ta’ evalwazzjoni li, anki jekk jittieħdu flimkien, ikunu biss ta’ natura minuri li ma setgħetx influwenzat lill-amministrazzjoni tieħu direzzjoni waħda pjuttost milli oħra (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, AJ vs Il‑Kummissjoni, F‑80/10, EU:F:2011:172, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

[omissis]

Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt

66

Fir-rigward tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-offerta ta’ offerent tiġi miċħuda fi stadju tal-proċedura li jippreċedi d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt, b’tali mod li din l-offerta ma ġietx ipparagunata ma’ offerti oħra, l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mill-offerent ikkonċernat kontra d-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt hija suġġetta għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tiegħu (is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2011, Dredging International u Ondernemingen Jan de Nul vs EMSA, T‑8/09, EU:T:2011:461, punti 134 u 135, u tat-22 ta’ Mejju 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑17/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:243, punti 118 u 119).

67

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-proposta tar-rikorrenti ġiet miċħuda matul il-fażi ta’ stħarriġ tas-suq tal-proprjetà immobbli lokali, b’tali mod li dawn ma kinux mistiedna jipparteċipaw fil-fażi tan-negozjati li wasslet għall-ħatra tal-offerent rebbieħ tal-kuntratt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad il-proposta ġiet miċħuda, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt hija inammissibbli, peress li din tal-aħħar taqa’ f’fażi tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt li fiha r-rikorrenti ma kellhomx dritt għal aċċess.

68

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt ir-rikorrenti ma jqajmu ebda motiv differenti minn dawk imressqa sabiex jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni li tiċħad il-proposta. Anki jekk jitqies li huma kollha applikabbli fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt, dawn il-motivi kollha ġew miċħuda, b’mod li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt, kif isostni ġustament il-Parlament, għandha wkoll tiġi miċħuda għal din ir-raġuni, peress li ż-żewġ deċiżjonijiet huma, f’dan il-każ, marbuta mill-qrib (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑247/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:533, punt 170 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2016, AF Steelcase vs EUIPO, T‑652/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:370, punt 94).

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Jožica Blaž Jamnik u Brina Blaž huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Frimodt Nielsen

Forrester

Perillo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Ġunju 2017.

Firem


( 1 ) * Lingwa tal-kawża: is-Sloven.

( 2 ) Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.

Top