Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CO0511

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-12 ta’ Ottubru 2016.
Renata Horžić u Siniša Pušić vs Privredna banka Zagreb u Božo Prka.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Prekršajni Sud u Bjelovaru.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur – Direttiva 2008/48/KE – Ftehim ta’ kreditu immobiljari – Rata ta’ interessi varjabbli – Obbligi li jaqgħu fuq il-kreditur – Leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-ftehimiet diġà eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha – Inapplikabbiltà tad-Direttiva 2008/48.
Kawżi magħquda C-511/15 u C-512/15.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:787

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

12 ta’ Ottubru 2016 ( 1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur — Direttiva 2008/48/KE — Ftehim ta’ kreditu immobiljari — Rata ta’ interessi varjabbli — Obbligi li jaqgħu fuq il-kreditur — Leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-ftehim eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha — Inapplikabbiltà tad-Direttiva 2008/48”

Fil-Kawżi magħquda C‑511/15 u C‑512/15,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Prekršajni sud u Bjelovaru (qorti kriminali ta’ Bjelovar, il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-15 ta’ Settembru 2015, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Settembru 2015, fil-proċeduri

Renata Horžić (C-511/15),

Siniša Pušić (C-512/15)

vs

Privredna banka Zagreb d.d.,

Božo Prka

Il-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot u E. Regan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għar-Repubblika tal-Kroazja, minn A. Metelko-Zgombić, bħala aġent,

għar-Repubblika Ċeka, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin u M. Mataija, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 23 u 30(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66 u r-rettifiki ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, ĠU 2011, L 234, p. 46 u ĠU 2015, L 36, p. 15).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija wara t-tressiq ta’ rapport ta’ Renata Horžić u ta’ Siniša Pušić, li kkostitwixxew ruħhom bħala partijiet ċivili, kontra Privredna banka Zagreb d.d. u M. Božo Prka, responsabbli għal din il-kumpannija (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“imputati”), minħabba l-ksur allegat ta’ ċerti obbligi ta’ dawn tal-aħħar fir-rigward tal-kreditu għall-konsum.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 9 u 10 tad-Direttiva 2008/48 jgħidu:

“(9)

Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha [tal-Unjoni] igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. L-Istati Membri għalhekk m’għandhomx jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali għajr dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Madankollu, tali restrizzjoni għandha tapplika biss fejn hemm dispożizzjonijiet armonizzati f’din id-Direttiva. Fejn tali dispożizzjonijiet armonizzati ma jeżistux, l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali. [...]

(10)

Id-definizzjonijiet li jinsabu f’din id-Direttiva jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-armonizzazzjoni. L-obbligu ta’ l-Istati Membri li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandu għalhekk ikun limitat għall-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kif iddeterminat b’dawn id-definizzjonijiet. Madankollu, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni mill-Istati Membri, b’mod konformi mal-liġi [tal-Unjoni], tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għal oqsma mhux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Stat Membru għandu b’hekk ikun jista’ jżomm jew jintroduċi leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkorrispondi għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha dwar ftehim ta’ kreditu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva [...]”.

4

Il-premessa 14 ta’ din id-direttiva taqra kif ġej:

“Ftehim ta’ kreditu li jkopru l-għoti ta’ kreditu garantit bi proprjetà għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dak it-tip ta’ kreditu hu ta’ natura speċifika ħafna. Barra minn hekk, ftehim ta’ kreditu li l-fini tagħhom huwa li jiffinanzjaw l-akkwist jew iż-żamma tad-drittijiet ta’ proprjetà f’art jew f’bini eżistenti jew ipproġettat għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Madankollu, ftehim ta’ kreditu ma għandhomx jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva biss minħabba li l-għan tagħhom huwa r-rinnovazzjoni jew iż-żieda tal-valur ta’ bini eżistenti. [...]”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal ftehim ta’ kreditu.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:

[...]

b)

ftehim ta’ kreditu li l-fini tagħhom huwa l-akkwist jew iż-żamma tad-drittijiet ta’ proprjetà f’art jew f’bini eżistenti jew ipproġettat;

[...]”

6

Skont l-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni dwar ir-rata tas-self”:

“1.   Fejn applikabbli l-konsumatur għandu jiġi infurmat dwar kull bidla fir-rata tas-self, bil-miktub fuq karta jew b’mezz durabbli ieħor, qabel ma tidħol fis-seħħ il-bidla. L-informazzjoni għandha tinkludi l-ammont tal-ħlasijiet li għandhom isiru wara d-dħul fis-seħħ tar-rata tas-self il-ġdida, u, jekk in-numru jew il-frekwenza tal-ħlasijiet jinbidlu, dettajli dwar dan.

2.   Madankollu, il-partijiet jistgħu jiftehmu fil-ftehim ta’ kreditu li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata lill-konsumatur perijodikament f’każijiet fejn il-bidla fir-rata tas-self tkun ikkawżata minn bidla f’rata ta’ referenza, u r-rata ta’ referenza l-ġdida ssir pubblikament disponibbli permezz ta’ mezzi xierqa u l-informazzjoni dwar ir-rata ta’ referenza l-ġdida tinżamm ukoll disponibbli fil-bini tal-kreditur.”

7

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

8

L-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, intitolat “Penali”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati.”

9

Intitolat “Miżuri transizzjonali”, l-Artikolu 30 tal-imsemmija direttiva jgħid:

“1.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal ftehim ta’ kreditu eżistenti fid-data li fiha l-miżuri implimentattivi nazzjonali jidħlu fis-seħħ.

2.   Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li [l-Artikolu] 11 [...] [japplika] anki għal ftehim ta’ kreditu bla skadenza fissa eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri implimentattivi nazzjonali.”

Id-dritt Kroat

10

Iż-Zakon o potrošačkom kreditiranju (liġi dwar il-kreditu għall-konsum) (Narodne novine, br. 75/09), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010, għandha l-għan li tittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48 fid-dritt nazzjonali.

11

L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jelenka t-tipi ta’ ftehim ta’ kreditu li għalihom din ma tapplikax, li fosthom la jidhru l-ftehim ta’ kreditu ggarantiti permezz ta’ ipoteka jew b’garanzija komparabbli oħra u lanqas il-ftehim ta’ kreditu intiżi għall-akkwist jew iż-żamma ta’ drittijiet ta’ proprjetà fuq art jew fuq immobbli eżistenti jew ipproġettat.

12

L-Artikolu 11 tal-liġi msemmija, intitolat “Informazzjoni dwar ir-rata ta’ interessi”, jiddisponi:

“(1)   Jekk ġiet miftiehma rata ta’ interessi varjabbli, il-kreditur għandu javża lill-konsumatur dwar kull bidla li tkun twettqet f’dawn ir-rati, bil-miktub jew b’mezz durevoli ieħor, mill-inqas 15-il ġurnata qabel id-dħul fis-seħħ tal-bidla. Din l-informazzjoni għandha tindika l-ammont tal-ħlasijiet perijodiċi li għandhom isiru wara d-dħul fis-seħħ tar-rata tas-self il-ġdida u, jekk in-numru jew il-frekwenza tal-ħlasijiet jinbidlu, tippreċiża l-modalitajiet ta’ din il-bidla.

(2)   Fil-ftehim tal-kreditu l-partijiet jistgħu jiftiehmu li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata lill-konsumatur perijodikament, jekk il-bidla fir-rata ta’ interessi tirriżulta minn bidla ta’ rata ta’ referenza, sakemm ir-rata ta’ referenza l-ġdida tkun disponibbli għall-pubbliku, b’mod partikolari fil-postijiet tan-negozju tal-kreditur.”

13

Il-liġi dwar il-kreditu għall-konsum ġiet emendata, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, miż-Zakon o izmjenama i dopunama Zakona o potrošačkom kreditiranju (liġi li temenda jew tikkompleta l-liġi dwar il-kreditu għall-konsum, Narodne novine, br. 143/13).

14

Introdott permezz tal-Artikolu 3 ta’ din il-liġi tal-aħħar, l-Artikolu 11a tal-liġi dwar il-kreditu għall-konsum, kif emendata, intitolat “Rata ta’ interessi varjabbli”, jiddisponi:

“(1)   Jekk ġew miftiehma rati ta’ interessi varjabbli, il-kreditur għandu:

a)

jiddefinixxi parametru ċar u magħruf mill-konsumaturi sabiex jadotta deċiżjonijiet dwar il-korrezzjoni ta’ dawn ir-rati;

b)

jiżviluppa rabta kawżali, fuq il-pjan kwalitattiv u kwantitattiv, bejn il-varjazzjonijiet tal-parametru indikat fil-punt a) u l-impatt tagħhom fuq ir-rati ta’ interessi varjabbli, u

c)

jiddetermina għal-liema perijodi tapplika l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ korrezzjoni tar-rati ta’ interessi varjabbli (liema huwa l-perijodu bażiku u liema huwa l-perijodu ta’ referenza).

(2)   Il-parametru indikat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huwa wieħed mill-parametri li ġejjin: Euribor, LIBOR, RNR (rata nazzjonali ta’ referenza), dħul minn kambjali tat-Teżor jew ir-rata ta’ interessi medja fuq id-depożiti tal-individwi f’munita partikolari. Ir-rata varjabbli hija stabbilita biż-żieda mal-parametru miftiehem ta’ marġni fiss li ma jistax jinqabeż mill-banek tul il-perijodu ta’ rimbors u li għandu jinftiehem flimkien mal-parametru.

(3)   Il-varjazzjonijiet tar-rati ta’ interessi f’perijodu ta’ referenza ma għandhomx ikunu rispettivament ogħla, jew inqas f’każ ta’ tnaqqis, mill-varjazzjoni tal-parametru indikat fil-paragrafu 1, espress f’termini ta’ punti perċentwali.

(4)   Jekk il-kreditur joffri rati ta’ interessi varjabbli, huwa għandu jinforma lill-konsomutar dwar l-elementi indikati fil-paragrafu 1 b’mod ċar u mingħajr ambigwità qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu; barra minn hekk, għandu javża lill-konsumatur dwar ir-riskji kollha marbuta mal-varjabbiltà u jindika fil-ftehim l-elementi varjabbli li fuqhom hija kkalkulata r-rata ta’ interessi varjabbli, b’mod ċar u mingħajr ambigwità.

(5)   Fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu kollha diġà eżistenti u li ġew konklużi sad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi mingħajr ma ġie stabbilit il-parametru jew ir-rabta kawżali, konformement ma’ dan l-artikolu, il-kreditur għandu jistabbilixxi l-parametru minn fost wieħed mill-parametri li ġejjin:

rata ta’ interessi ta’ referenza (Euribor, LIBOR) jew

ir-RNR jew

ir-rata ta’ dħul tal-kambjali tat-Teżor tal-Ministeru tal-Finanzi jew

ir-rata ta’ interessi medja fuq id-depożiti tal-individwi f’munita partikolari;

huwa għandu wkoll jindika l-parti fissa tar-rata ta’ interessi u l-intervalli għall-emendi tar-rati ta’ interessi. [...]

[...]”

15

L-Artikolu 26(l)(28), tal-liġi dwar kreduti għall-konsum, kif emendata, jipprevedi l-impożizzjoni ta’ multa għall-kreditur jew l-intermedjarju tal-kreditu li ma josservax l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 11a(5) tagħha.

16

Skont l-Artikolu 13 tal-liġi li temenda jew tikkompleta l-liġi dwar il-kreditu għall-konsum:

“(1)   Sa fejn jirrigwarda l-Artikolu 11a(5) tal-liġi dwar il-krediti għall-konsum [...], l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi japplika għall-ftehim ta’ kreditu għall-konsum kollha, indipendentement mid-data tal-konklużjoni tagħhom.

(2)   Fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu diġà eżistenti u li ġew konklużi sad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi mingħajr ma ġew stabbiliti il-parametri jew ir-rabta kawżali, il-kredituri għandhom mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2014 sabiex jistabbilixxu rata ta’ interessi mad-debitur, permezz ta’ parametri u marġni fissi, kif ukoll il-perijodu ta’ applikazzjoni tar-rati ta’ interessi varjabbli.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

17

Fit-12 ta’ Ottubru 2005 u fil-21 ta’ Settembru 2006, rispettivament, R. Horžić u S. Pušić, it-tnejn ikkonkludew mal-imputati ftehim ta’ kreditu immobiljari li jipprevedi rata’ ta’ interessi varjabbli ffissata ta’ 4.03 % u ta’ 4.25 %, skont il-każ. Konsegwentement, din ir-rata ta’ interessi żdiedet diversi drabi sabiex laħqet 5.95 % u 6 %, rispettivament.

18

Fl-aħħar żieda tar-rata msemmija, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rċevew avviż mingħand Privredna banka Zagreb fejn ġie indikat lilhom li din seħħet minħabba bidliet imwettqa fil-gruppi tal-prodotti bankarji kkummerċjalizzati kif ukoll minħabba l-istabbiltà tal-impriża. Min-naħa l-oħra, dan l-avviż ma pprovda l-ebda informazzjoni dwar il-parametri applikati għall-kalkolu tal-ammont ta’ din iż-żieda.

19

Għalhekk, l-imsemmija rikorrenti adixxew lill-Prekršajni sud u Bjelovaru (qorti korrettiva ta’ Bjelovar, il-Kroazja) b’rapport kontra l-imputati, minħabba li dawn kisru l-liġi dwar il-kreditu għall-konsum, kif emendata, peress li, fl-1 ta’ Jannar 2014, dawn ma stabbilixxewx anness għall-ftehim ta’ kreditu tagħhom b’definizzjoni tal-parametri u tal-parti fissa tar-rati ta’ interessi, kif ukoll tal-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11a(5) ta’ din il-liġi.

20

Madankollu, l-imputati sostnew li l-liġi msemmija ma hijiex konformi mad-Direttiva 2008/48, b’mod partikolari mal-Artikolu 30(1) tagħha, peress li hija timponi obbligi fuq il-kreditur fir-rigward tad-definizzjoni tar-rata ta’ interessi varjabbli għall-ftehimiet ta’ kreditu li kienu diġà eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-istess liġi, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 2014, li jimplika għalhekk li għandha effett retroattiv li jmur kontra din id-dispożizzjoni, u dan minkejja li l-imsemmija direttiva wettqet armonizzazzjoni kompleta.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Prekršajni sud u Bjelovaru (qorti korrettiva ta’ Bjelovar) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-applikazzjoni retroattiva tal-liġi [dwar il-kreditu għall-konsum, kif emendata] tista’ tiġi interpretata u evalwata esklużivament skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, rispettivament tali applikazzjoni tal-liġi [msemmija] hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2008/48 [...], li l-paragrafu 1 tiegħu jgħid espressament li din d-direttiva ma tapplikax għal kuntratti [ftehim] ta’ kreditu konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet [l-imsemmija] direttiva fid-dritt nazzjonali?

2)

Fil-kuntest deskritt hawn fuq, id-dispożizzjoni tal-liġi kriminali tal-Artikolu 26(1)(28), tal-liġi dwar il-kreditu għall-konsum, [kif emendata], tista’ tiġi interpretata, konformement mal-Artikolu 23 tad-direttiva [2008/48] u fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 30 tagħha, fis-sens li l-pieni previsti għall-ksur ta’ dispożizzjoni nazzjonali adottati abbażi tad-direttiva inkwistjoni ma jistgħux jiġu applikati għal ksur eventwali relatat ma’ kuntratti ta’ kreditu eżistenti fid-data tal-implementazzjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni?”

22

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 2015, il-Kawżi C‑511/15 u C‑512/15 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u ta’ dan id-digriet.

Fuq id-domandi preliminari

23

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 23 u 30(1) tad-Direttiva 2008/48 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jimponu fuq il-kreditur, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, l-osservanza ta’ obbligi fir-rigward tar-rata ta’ interessi varjabbli għall-ftehim ta’ kreditu diġà eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

24

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

25

Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’dawn il-kawżi. Fil-fatt, kif sostnew, essenzjalment, il-Gvern Kroat u l-Gvern Ċek, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ir-risposta għad-domandi preliminari magħmulha mill-qorti tar-rinviju tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, mis-sentenza tat-22 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România (C‑602/10, EU:C:2012:443), u mid-digriet tat-3 ta’ Lulju 2014, Tudoran (C‑92/14, EU:C:2014:2051).

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, ċertament, kif sostnew l-imputati, mill-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, interpretat fid-dawl tal-premessi 9 u 10 tagħha, jirriżulta li, fir-rigward tal-ftehimiet ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, din tipprevedi armonizzazzjoni kompleta u, kif jirriżulta mit-titolu tal-imsemmi Artikolu 22, din hija ta’ natura imperattiva, li għandhom jinftiehmu fis-sens li, fl-oqsma speċifikament previsti minn din l-armonizzazzjoni, l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali li ma humiex dawk previsti mill-imsemmija direttiva (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România, C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 38).

27

Madankollu, skont il-kliem ċar tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/48, u fid-dawl tal-premessa 14 tagħha, il-ftehimiet ta’ kreditu intiżi għall-akkwist jew iż-żamma tad-drittijiet ta’ proprjetà f’art jew f’bini eżistenti jew ipproġettat ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România, C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 42, u d-digriet tat-3 ta’ Lulju 2014, Tudoran, C‑92/14, EU:C:2014:2051, punt 30).

28

Konsegwentement, sa fejn jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju li l-ftehimiet ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ftehimiet ta’ kreditu “immobiljari”, id-Direttiva 2008/48 ma tapplikax għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România, C‑602/10, EU:C:2012:443, punti 41 u 42, kif ukoll id-digriet tat-3 ta’ Lulju 2014, Tudoran, C‑92/14, EU:C:2014:2051, punt 31).

29

Madankollu, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu, skont id-dritt tal-Unjoni, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva għal oqsma li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu miżuri nazzjonali li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jew għal ċerti dispożizzjonijiet tagħha, fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ kreditu li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România, C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 40).

30

Għaldaqstant, fir-rigward tal-ftehimiet ta’ kreditu bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-armonizzazzjoni prevista mid-Direttiva 2008/48 ma tipprekludix li Stat Membru jinkludi dawn il-ftehimiet fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva, sabiex tapplika d-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva jew ta’ ċerti dispożizzjonijiet tagħha għal dawn il-ftehimiet (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România, C‑602/10, EU:C:2012:443, punti 40 u 43).

31

Kif jirriżulta mill-premessi 9 u 10 tad-Direttiva 2008/48, huma l-Istati Membri li bħala regola ġenerali għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li taħthom huma jixtiequ jestendu s-sistema legali nazzjonali tagħhom li tittrasponi din id-direttiva għal ftehimiet ta’ kreditu, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jaqgħux taħt wieħed mill-oqsma li fir-rigward tagħhom il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi dispożizzjonijiet armonizzati (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România, C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 52).

32

Minn dan isegwi li, għalkemm għal ċerti ftehimiet, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom intiża li tittrasponi d-Direttiva 2008/48 regola li tikkorrispondi speċifikament għall-miżura tranżitorja prevista fl-Artikolu 30(1) tal-imsemmija direttiva, huma jistgħu bħala regola wkoll, bl-osservanza tar-regoli tat-Trattat FUE u bla preġudizzju għal atti oħra tad-dritt sekondarju possibbilment rilevanti, jistabbilixxu miżura tranżitorja differenti li timplika li l-imsemmija leġiżlazzjoni tapplika wkoll għal ftehimiet fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România, C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 53).

33

L-istess japplika fir-rigward tas-sistema ta’ sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48. Għalhekk, dan l-artikolu ma jipprekludix lil Stat Membru milli japplika, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni, fir-rigward tal-ftehimiet ta’ kreditu diġà eżistenti u li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2008/48.

34

Din l-interpretazzjoni tgħodd iktar u iktar f’dan il-każ peress li, b’differenza mill-Artikolu 11 tal-liġi dwar il-kreditu għall-konsum, li jikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/48, dwar informazzjoni rigward ir-rata tas-self, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, dwar id-definizzjoni tar-rati ta’ interessi varjabbli, kif stabbiliti, b’mod partikolari fl-Artikolu 11a tal-liġi dwar il-kreditu għall-konsum, kif emendata, ma jikkorrispondu għal ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2008/48 u, għaldaqstant, ma jistgħux jitqiesu bħala intiżi li jittrasponu lil din tal-aħħar.

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikoli 23 u 30(1) tad-Direttiva 2008/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jimponu fuq il-kreditur, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, l-osservanza ta’ obbligi fir-rigward tar-rata ta’ interessi varjabbli għall-ftehimiet ta’ kreditu diġà eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet, peress li dawn il-ftehimiet ta’ kreditu ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva u, barra minn hekk, dawn l-obbligi ma jikkostitwixxux implementazzjoni ta’ din tal-aħħar.

Fuq l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

l-Artikoli 23 u 30(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jimponu fuq il-kreditur, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, l-osservanza ta’ obbligi fir-rigward tar-rata ta’ interessi varjabbli għall-ftehimiet ta’ kreditu diġà eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, peress li dawn il-ftehimiet ta’ kreditu ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva u, barra minn hekk, dawn l-obbligi ma jikkostitwixxux implementazzjoni ta’ din tal-aħħar.

 

Firem


( 1 ) Lingwa tal-kawża: Il-Kroat.

Top