EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0655

Kawża C-655/15 P: Appell ippreżentat fis-7 ta Diċembru 2015 minn Panrico S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-7 ta’ Ottubru 2015 fil-Kawża T-534/13, Panrico vs EUIPO

OJ C 118, 4.4.2016, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 118/3


Appell ippreżentat fis-7 ta Diċembru 2015 minn Panrico S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-7 ta’ Ottubru 2015 fil-Kawża T-534/13, Panrico vs EUIPO

(Kawża C-655/15 P)

(2016/C 118/04)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Panrico S.A. (rappreżentant: D. Pellisé Urquiza, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u HDN Development Corp.

Talbiet

tannulla fit-totalità tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) tas-7 ta’ Ottubru 2015 mogħtija fil-Kawża T-534/13

tilqa t-talbiet magħmula quddiem il-Qorti Ġenerali intiżi għal revoka jew għal annullament tad-deċiżjoni tar-Reba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-25 ta’ Lulju 2013 fil-Każ R 623/2011-4

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż tal-kawża

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka l-aggravji li ġejjin, ibbażati fuq ksur tal-Artikoli 8(1)(b) u 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, kif ukoll fuq ksur tal-ġurisprudenza li interpretat dawn id-dispożizzjonijiet.

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi, imwettaq mill-Qorti Ġenerali meta identifikat l-element dominanti tas-sinjali kunfliġġenti u meta qabblet dawn is-sinjali, mingħajr ma qieset minn qabel la l-kuntest tas-suq rilevanti u lanqas il-perspettiva tal-pubbliku rilevanti fuq il-karattru ftit jew wisq distintiv tas-sinjali kunfliġġenti u/jew tal-elementi li jikkomponuhom.

Sabiex ix-xebħ li jeżisti bejn is-sinjali mqabbla jiġi analizzat korrettament – fi kliem ieħor, skont il-loġika u d-dritt – din l-analiżi għandha l-ewwel titqiegħed fil-kuntest tas-suq rilevanti, sabiex tiġi adottata l-perspettiva tal-konsumatur medju fit-territorju rilevanti konkret. Kif indikat fl-appell, fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali mhux biss talli ma adottatx perspettiva li tirriżulta mill-kuntestwalizzazzjoni iżda talli ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin: i) il-karattru distintiv estremament għoli marbut mal-element DONUT (jew DOUGHNUTS fil-vrjanti fonetika) fitt-territorju rilevanti [u ii) in-natura dominanti li, fit-territorju rilevanti], il-konsumatur medju għandu inevitabbilment jagħti lill-element DOUGHNUTS (jew DONUTS) meta jarah integrat fi trade mark kumplessa, bħat-trade mark “Krispy Kreme DOUGHNUTS”.

It-tieni aggravju, marbut mal-ewwel wieħed, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni reali tan-notorjetà (jekk mhux saħansitra tar-reputazzjoni) tat-trade marks preċedenti ta’ PANRICO, S.A.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tiħux inkunsiderazzjoni l-importanza sħiħa tan-notorjetà u tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti meta tevalwa l-probabbiltà ta’ konfużjoni. Din iċ-ċirkustanza hija partikolarment rilevanti sa fejn mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-probabbiltà ta’ konfużjoni tkun ogħla iktar ma jkun kbir il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-trade marks li għandhom reputazzjoni.

It-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta injorat, fis-sentenza appellata, il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza fir-rigward l-iżvilupp tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, inkluża l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni.

B’mod partikolari:

Evalwazzjoni żbaljata tax-xebh tas-sinjali kunfliġġenti, għaliex (i) l-element DOUGHNUTS ma tqiesx bħala li għandu karattru distintiv fil-globalità tat-trade mark “Krispy Kreme DOUGHNUTS”; u (ii) ix-xebh li jeżisti bejn l-element “DOUGHNUTS” u t-trade marks preċedenti DONUT u/jew DONUTS kien is-suġġett ta’ evalwazzjoni żbaljata.

Evalwazzjoni żbaljata tas-similarità jew tax-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi tat-trade marks kunfliġġenti.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ sfruttament indebitu tal-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti DONUT u DONUTS u dannu ċar ikkawżat lill-dawn it-trade marks.


Top