EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0240

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ Lulju 2016.
Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni vs Istituto Nazionale di Statistica - ISTAT et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/21/KE – Artikolu 3 – Imparzjalità u indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali – Direttiva 2002/20/KE – Artikolu 12 – Ħlasijiet amministrattivi – Issuġġettar ta’ awtorità regolatorja nazzjonali għad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-finanzi pubbliċi kif ukoll għal ċerti dispożizzjonijiet ta’ limitazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet pubbliċi.
Kawża C-240/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:608

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 ta’ Lulju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/21/KE — Artikolu 3 — Imparzjalità u indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — Direttiva 2002/20/KE — Artikolu 12 — Ħlasijiet amministrattivi — Issuġġettar ta’ awtorità regolatorja nazzjonali għad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-finanzi pubbliċi kif ukoll għal ċerti dispożizzjonijiet ta’ limitazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet pubbliċi”

Fil-Kawża C‑240/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l‑Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Mejju ph=2015, fil-proċedura

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni

vs

Istituto Nazionale di Statistica – ISTAT,

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni, minn M. Clarich, avukat,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. de Ree, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci u G. Braun kif ukoll minn L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva “Kwadru” [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas, fil-verżjoni inizjali tagħha”), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37, u rettifika ĠU 2013, L 241, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”), kif ukoll l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 29 p. 337).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (awtorità għall-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet, l-Italja; iktar ’il quddiem l-“Awtorità”) u l-Istituto Nazionale di Statistica – ISTAT (istitut nazzjonali tal-istatistika, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“Istitut”), il-Presidenza del Consiglio dei Ministri (presidenza tal-kunsill tal-ministri, l-Italja) u l-Ministero dell’Economia e delle Finanze (ministeru tal-ekonomija u l-finanzi, l-Italja) dwar l-inklużjoni tal-Awtorità fil-lista tal-amministrazzjonijiet pubbliċi inklużi fir-rapport tad-dħul ikkonsolidat tal-awtoritajiet pubbliċi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva Qafas

3

Il-premessa 11 tad-Direttiva Qafas tipprovdi:

“Skond il-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-awtorità jew awtoritajiet nazzjonali regolatorji bil-ħsieb li jiżguraw l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħhom. Il-ħtieġa ta’ l-indipendenza hija mingħajr preġudizzju għall-awtonomija istituzzjonali u l-obbligazzjonijiet kostituzzjonali ta’ l-Istati Membri jew tal-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tar-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema tas-sidien tal-proprjetà preskritta f’Artikolu [345 TFUE]. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom ikunu fil-pussess tar-riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tan-numru ta’ impjegati, kapaċità, u mezzi finanzjarji, għat-twettieq tax-xogħol tagħhom.”

4

L-Artikolu 2(g) tad-Direttiva Qafas jiddefinixxi l-kunċett ta’ “awtorità nazzjonali regolatorja” bħala “il-korp jew kopri [korpi] fdati minn Stat Membru b’xi wieħed mix-xogħlijiet regolatorji assenjati f’din id-Direttiva jew fid-Direttivi Speċifiċi”. Skont l-istess Artikolu 2(l), id-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” hija waħda mid-direttivi speċifiċi.

5

Id-Direttiva 2009/140 introduċiet fl-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas, fil-verżjoni inizjali tagħha, il-paragrafi ġodda 3 sa 3c, dwar l-indipendenza tal-ARN [awtoritajiet regolatorji nazzjonali]. Il-premessa 13 tad-Direttiva 2009/140 tippreċiża f’dan ir-rigward li:

“L-indipendenza tal-[ARN] għandha tissaħħaħ biex tiġi żgurata l-applikazzjoni iktar effettiva tal-qafas regolatorju u biex tiżdied l-awtorità tagħhom u l-prevedibbiltà fid-deċiżjonijiet tagħhom. Għal dan il-għan, għandha ssir dispożizzjoni espressa fil-liġi nazzjonali biex jiġi żgurat li, fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħha, l-[ARN] responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi tkun protetta mill-interventi esterni jew pressjoni politika li jistgħu jipperġudikaw l-evalwazzjoni indipendenti tagħha ta’ materji li jiġu quddiemha. Din l-influwenza esterna tirrendi l-entità leġiżlattiva nazzjonali mhux adatta biex taġixxi bħala [ARN] taħt il-qafas regolatorju. [...] Huwa importanti li l-[ARN] responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jkollhom il-baġit tagħhom stess, partikolarment sabiex ikunu jistgħu jirreklutaw għadd suffiċjenti ta’ persunal kwalifikat. Biex tiġi żgurata t-trasparenza, dan il-baġit għandu jiġi pubblikat kull sena.”

6

L-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas, intitolat “[ARN]” jiddisponi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull wieħed mix-xogħlijiet assenjati lill-[ARN] f’din id-Direttiva u fid-Direttiva Speċifiċi jitwettaq minn korp kompetenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji billi jassiguraw li jkun legalment distinti minn u funzjonalment indipendenti mill-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, apparat jew servizzi. L-Istati Membri li jżommu l-proprjetà jew jikkontrollaw intrapriżi li jipprovdu networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi għandhom jassiguraw is-separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjoni regolatorja mill-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew kontroll.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[ARN] jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u tempestiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[ARN] jkollhom ir-riżorsi umani u finanzjarji xierqa biex iwettqu d-dmirijiet assenjati lilhom.

3a.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5, [ARN] responsabbli għal regolazzjoni tas-suq ex-ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ disputi bejn impriżi [...] għandhom jaġixxu indipendentement u m’għandhom jitolbu jew jieħdu struzzjonijiet minn ebda korp fir-rigward tal-eżerċitar ta’ dawn il-kompiti assenjati lilhom taħt il-liġi nazzjonali li timplimenta l-liġi Komunitarja. Dan ma għandux ifixkel is-superviżjoni skont il-liġi kostituzzjonali nazzjonali. [...]

[...]

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li [ARN] awtoritajiet regolatorji nazzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu jkollhom baġits annwali separati. Il-baġits għandhom ikunu pubblikati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-[ARN] jkollhom riżorsi umani u finanzjarji xierqa sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem b’mod attiv fil-Korp ta’ Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) [imwaqqaf permezz tar-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju (ĠU 2009, L 337, p. 1)].

[...]”

Id-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”

7

Il-premessa 30 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” tipprovdi:

“Ħlasijiet amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ l- [ARN] fl-amministrazzjoni tas-sistema ta' awtorizzazzjoni u fl-għoti ta' drittijiet ta' użu Dawk il-ħlasijiet għandhom ikunu limitati li jkopru in-nefqa amministrattiva attwali għal dawk l-attivitajiet. Għal dan il-għan għandha tinħoloq trasparenza fid-dħul u n-nefqa ta’ l-[ARN] permezz ta’ rapportar ta’ kull sena dwar is-somma totali ta’ ħlasijiet miġbura u n-nefqiet amministrattivi magħmula. Dan jippermetti li l-impriżi jivverifikaw li n-nefqiet għall-amministrazzjoni u l-ħlasijiet ikunu jibbilanċjaw.”

8

L-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, intitolat “Ħlasijiet amministrattivi”, jipprevedi:

“1.   Kull ħlas amministrattiv impost fuq impriżi li jfornu servizz jew network taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ikun ingħata dritt ta' użu, għandu:

a)

fit-total, ikopri biss l-ispejjeż amministrattivi magħmula fl-amministrazzjoni, kontroll u infurzar ta’ l-iskema ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali u tad-drittijiet ta’ użu u l-obbligi speċifiċi kif imsemmija f’Artikolu 6(2), li jistgħu jinkludu spejjeż għall-kooperazzjoni internazzjonali, armonizzazzjoni u standardizzazzjoni, analiżi tas-suq, solveljanza tal-konformità u kontrolli oħra tas-suq, kif ukoll ħidma regolatorja li tinvolvi l-preparazzjoni u l-infurzar ta’ leġislazzjoni sekondarja u deċiżjonijiet amministrattivi, bħal deċiżjonijiet dwar l-aċċess u l-interkonnessjoni; u

b)

jiġi mpost fuq impriżi ndividwali b’mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat li jimminimizza spejjeż amministrattivi addizzjonali u l-ħlasijiet li jġibu magħhom.

2.   Fejn l-[ARN] jimponu ħlasijiet amministrattivi, għandhom jippublikaw rapport ta’ kull sena ta’ l-ispejjeż amministrattivi tagħhom u tas-somma totali ta’ ħlasijiet miġbura. Fid-dawl tad-differenza bejn is-somma totali tal-ħlasijiet u l-ispejjeż amministrattivi, għandhom isiru l-aġġustamenti xierqa.”

Id-dritt Taljan

9

L-Awtorità ġiet stabbilita permezz tal-Legge n. 249 – Istituzione dell’Autorità per le garanzie nelle comunicazioni e norme sui sistemi delle telecomunicazioni e radiotelevisivo (liġi Nru 249, li tistabbilixxi l-awtorità għall-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet u dispożizzjonijiet dwar sistemi ta’ telekomunikazzjonijiet u radju jew televiżjoni), tal-31 ta’ Lulju 1997 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 177, tal-31 ta’ Lulju 1997). L-Artikolu 1(9) ta’ din il-liġi tiddisponi li l-Awtorità tadotta regolament dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament, il-baġits, ir-rapporti finanzjarji u l-amministrazzjoni tal-ispejjeż, anki permezz tal-istabbiliment ta’ eċċezzjonijiet għar-regoli ġenerali dwar il-kontabbiltà pubblika, kif ukoll is-sistema legali u ekonomika tal-persunal tagħha”.

10

L-Artikolu 7(2) tad-decreto legislativo n. 259 – Codice delle comunicazioni elettroniche (Digriet Leġiżlattiv Nru 259, Kodiċi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi), tal-1 ta’ Awwissu 2003 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 214, tal-15 ta’ Settembru 2003), jattribwixxi lill-Awtorità l-funzjonijiet ta’ ARN skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas.

11

Il-Legge n. 311– Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2005) [Ligi Nru 311, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għat-tħejjija tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat (Liġi finanzjarja għall‑2005)], tat-30 ta’ Diċembru 2004 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 306, tal-31 ta’ Diċembru 2004, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 311”), iffissat limitu fuq iż-żieda fl-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. Għalhekk, l-Artikolu 1(5) tagħha, jipprevedi:

“Sabiex tiġi żgurata konformità mal-miri tal-finanzjament pubbliku stabbiliti fil-qasam tal-Unjoni [...],għat-trijennju 2005-2007, in-nefqa totali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi inklużi fil-kontijiet ikkonsolidati tal-awtoritajiet pubbliċi, li għall-2005 jinsabu fl-Anness 1 ta’ din il-Liġi u li għas-snin sussegwenti għandhom jiġu ddeterminati permezz ta’ riżoluzzjoni tal-[Istitut] li se tiġi ppubblikata fil-[GURI] mhux iktar tard mill-31 ta’ Lulju ta’ kull sena, ma għandhiex taqbeż it-2 % tal-previżjonijiet korrispondenti aġġornati tas-sena preċedenti, skont dak li jirriżulta mir-Rapport ekonomiku, soċjali u finanzjarju.”

12

Il-Legge n. 266 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2006) [Liġi Nru 266, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għat-tħejjija tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat (Liġi finanzjarja għall-2006)], tat-23 ta’ Diċembru 2005 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 2005) tattribwixxi lil ċerti awtoritajiet amministrattivi indipendenti, bħall-Awtorità, awtonomija finanzjarja sostanzjali. B’mod partikolari, l-Artikolu 1(65) tagħha jipprovdi:

“Mis-sena 2007, l-ispejjeż marbuta mal-funzjonament [...] tal-[Awtorità] għandhom jiġu ffinanzjati mis-suq ikkonċernat, għall-parti mhux koperta mill-finanzjament imħallas mill-baġit tal-Istat, skont il-modalitajiet previsti mil-liġi fis-seħħ u abbażi tal-ammonti ta’ kontribuzzjoni ddeterminati b’deċiżjoni ta’ kull waħda mill-awtoritajiet, b’osservanza tal-limiti massimi previsti mil-liġi u mħallsa direttament lilhom.[...]”

13

Id-Decreto-legge n. 223 – Disposizioni urgenti per il rilancio economico e sociale, per il contenimento e la razionalizzazione della spesa pubblica, nonché interventi in materia di entrate e di contrasto all’evasione fiscale (Digriet-Liġi Nru 223, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet urġenti għall-irkupru ekonomiku u soċjali, għal-limitazzjoni u għar-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi, u interventi fil-qasam tad-dħul fiskali u tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali), tal-4 ta’ Lulju 2006 (GURI Nru 153, tal-4 ta’ Lulju 2006, p. 4), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 248, tal-4 ta’ Awwissu 2006 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 186, tal-11 ta’ Awwissu 2006) (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 223”), li jistabbilixxi dispożizzjonijiet intiżi għat-tnaqqis tal-ispejjeż operattivi tal-amministrazzjonijiet u tal-organi pubbliċi mhux territorjali. L-Artikolu 22(1) tiegħu, jipprevedi:

“L-ammonti allokati għall-2006 għal infiq għall-konsum intermedju tal-baġits ta’ entitajiet u organi pubbliċi mhux territorjali [...], stabbiliti skont l-Artikolu 1(5) u (6) tal-[Liġi Nru 311], [b’ċerti eċċezzjonijiet], għandhom jitnaqqsu b’10 % [...]”.

14

Il-Legge n 196 – Legge di contabilità e finanza pubblica (Liġi Nru 196, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kontabbiltà u l-finanzi pubbliċi), tal-31 ta’ Diċembru 2009 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 303, tal-31 ta’ Diċembru 2009), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 196”), tistabbilixxi regolamenti ġenerali ġodda fil-qasam tal-kontabbiltà u l-finanzi pubbliċi. L-Artikolu 1(2) tagħha jiddisponi:

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-finanzjament pubbliku, ser jitqiesu li huma amministrazzjonijiet pubbliċi, għall-2011, l-organi u l-persuni indikati għall-finijiet statistiċi fil-lista suġġett tal-komunikazzjoni tal-[Istitut] tal-24 ta’ Lulju 2010 ippubblikata fl-istess data fil-[GURI] Nru 171, kif ukoll, mill-2012, l-organi u l-persuni indikati għall-finijiet statistiċi fil-lista suġġett tal-komunikazzjoni ppubblikata fit-30 ta’ Settembru 2011mill-[Istitut] fil-[GURI] Nru 228 u l-aġġornamenti sussegwenti mwettqa skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, skont id-definizzjonijiet adottati mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, l-awtoritajiet indipendenti kif ukoll, fi kwalunkwe każ, l-amministrazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165 tat-30 ta’ Marzu 2001 u l-emendi sussegwenti tiegħu.”

15

Fit-28 ta’ Settembru 2012, l-Istitut ippubblika fil-GURI l-Elenco delle amministrazioni pubbliche inserite nel conto economico consolidato individuate ai sensi dell’articolo 1, comma 3, della legge 31 dicembre 2009, n. 196 (lista tal-amministrazzjonijiet pubbliċi inklużi fir-rapport tad-dħul ikkonsolidat tal-awtoritajiet pubbliċi skont l-Artikolu 1(3) tal-Liġi Nru 196, GURI Nru 227, tat-28 ta’ Settembru 2012, p. 92, iktar ’il quddiem il-“lista tal-Istitut”. Din il-lista tinkludi lill-Awtorità.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

L-Awtorità, li, bħala ARN fis sens tad-Direttiva Qafas, teżerċita attivitajiet ta’ regolazzjoni tas-suq ex ante u ta’ riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi, ressqet rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio, l-Italja) li permezz tiegħu hija kkontestat b’mod partikolari l-għażla tal-leġiżlatur Taljan li japplika d-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-finanzi pubbliċi għall-awtoritajiet indipendenti u, b’mod partikolari, l-applikazzjoni fir-rigward tagħha ta’ ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-limitazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi.

17

B’sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2013, it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) ċaħdet dan ir-rikors.

18

L-Awtorità appellat minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja). Quddiemu, hija sostniet li l-issuġġettar tagħha mingħajr kundizzjonijiet għad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-finanzi pubbliċi, previst fl-Artikolu 1(2) tal-Liġi Nru 196, kif ukoll l-issuġġettar tagħha għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ limitazzjoni u ta’ razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż ta’ funzjonament tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, previst fl-Artikolu 1(5) tal-Liġi Nru 311 u fl-Artikolu 22(1) tad-Digriet-Liġi Nru 223, iwasslu għall-impożizzjoni fuqha ta’ limitazzjonijiet organizzattivi u finanzjarji li jistgħu jnaqqsu l-effettività tagħha, bħala awtorità regolatorja fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet. Hija ssostni li l-leġiżlatur Taljan kellu japplika dispożizzjonijiet iktar favorevoli għaliha, simili għal dawk previsti għall-Banca d’Italia (Bank tal-Italja), jew, mill-inqas, japplika t-tnaqqis tal-ispejjeż fuq il-parti tal-finanzjament li joriġina mill-baġit tal-Istat.

19

L-Istitut, il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri u l-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi talbu li l-appell ippreżentat mill-Awtorità jiġi miċħud.

20

Preliminarjament, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikolu 1(5) tal-Liġi Nru 311 għandu għanijiet speċifiċi, b’mod partikolari, il-limitazzjoni tal-ispejjeż tas-“settur pubbliku usa'” u, għal dan il-għan, jimponi fuq l-amministrazzjonijiet inklużi fil-lista tal-Istitut li josservaw ċerti disopożizzjonijiet fil-qasam tat-tnaqqis tal-ispejjeż pubbliċi.

21

Hija tosserva li, sabiex tirriżolvi t-tilwima mressqa quddiemha, hija trid tistabbilixxi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tiksirx il-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza li l-Istati Membri għandhom jiżguraw lill-ARN, anki mill-perspettiva finanzjarja u organizzattiva, u l-prinċipju ta’ awto-finanzjament mill-ARN ta’ parti sostanzjali tal-amministrazzjoni, kontroll u infurzar tal-iskema tal-awtorizzazzjoni ġenerali skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”. Għalkemm ma jidhrilhiex li l-pożizzjoni tal-Awtorità hija manifestament infondata, hija tqis madankollu li huwa iktar plawżibbli li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

22

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju, l-ewwel nett, tqis li, minkejja li l-ARN igawdu mill-prerogattivi partikolari ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, madankollu l-istatus tagħhom ma huwiex daqshekk distint minn dak ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra, ħaġa li tirrendi awtomatikament illegali l-applikazzjoni, fir-rigward tagħhom, tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-finanzi pubbliċi kif ukoll dawk tal-limitazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi applikabbli għall-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha. Skont il-qorti tar-rinviju, kien ikun hemm biss ksur tad-dritt tal-Unjoni kieku ġie pprovat li, minħabba l-ammont tagħha jew in-natura tagħha, il-limitazzjoni prevista effettivament u konkretament twaqqaf lill-ARN milli jkollhom id-disponibbiltà tar-riżorsi kollha neċessarji, f’dak li għandu x’jaqsam ma persunal u mezzi finanzjarji, għat-twettieq tax-xogħol tagħhom. Madankollu, l-eżistenza ta’ tali ostakolu ma tistax tiġi preżunta u l-Awtorità ma pproduċiet ebda prova f’dan ir-rigward.

23

It-tieni nett, skont din il-qorti, l-argument tal-Awtorità li għandha tiġi suġġetta biss għal għanijiet u obbligi ta’ riżultat, bħal dawk applikati għall-Banca d’Italia, ma għandux jiġi aċċettat, b’mod partikolari għaliex l-Awtorità ma wrietx, fir-rigward il-kawża inkwistjoni, is-similarità tagħha għal din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, iż-żewġ dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ limitazzjoni u ta’ razzjonalizzazzjoni tal-isepejjeż imsemmija mill-Awtorità jħallulha marġni sostanzjali ta’ manuvra.

24

It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li ma jistax jiġi dedott mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” li l-leġiżlatur nazzjonali ma jistax jimponi miżuri ta’ limitazzjoni u ta’ razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż fuq ARN għall-parti tal-ispejjeż tagħha li huma awto-finanzjati, li f’dan il-każ huwa ta’ iktar minn 90 % tal-ispejjeż tal-Awtorità billi, b’mod partikolari, id-drittijiet amministrattivi imposti mill-Awtorità huma, skont il-ġurisprudenza Taljana, ta’ natura fiskali u, għaldaqstant, jaqgħu taħt is-setgħa ta’ tassazzjoni tal-Istat.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza anki mill-perspettiva finanzjarja u organizzattiva li għandhom jiġu rikonoxxuti favur l- [ARN] msemmija fl-Artikolu 3 tad-[Direttiva Qafas], kif ukoll il-prinċipju ta’ awto-finanzjament sostanzjali [tal-ARN] msemmi fl-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ [“Awtorizzazzjoni”], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali (bħal dik inkwistjoni fil-kawża f’din il-kawża) li tissuġġetta anki lil tali [ARN], bħala regola ġenerali għad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-finanzi pubbliċi u, b’mod partikolari, għal dispożizzjonijiet speċifiċi marbuta mal-limitazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż tal-amminstrazzjonijiet pubbliċi?”

Fuq id-domanda preliminari

26

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta ARN, fis-sens tad-Direttiva Qafas, għal dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-finanzi pubbliċi u, b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet tal-limitazzjoni u tar-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

27

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma, essenzjalment, l-ewwel nett l-Artikolu 1(2) tal-Liġi Nru 196, li abbażi tiegħu l-amministrazzjonijiet pubbliċi elenkati mill-Istitut huma suġġetti għar-regolamenti ġenerali Taljani applikabbli fil-qasam tal-kontabbiltà u tal-finanzi pubbliċi, it-tieni nett, l-Artikolu 1(5) tal-Liġi Nru 311, li abbażi tiegħu, għas-snin 2005 sal-2007, in-nefqa totali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi inklużi fil-kontijiet ikkonsolidati tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, elenkati mill-Istitut, ma għandhiex taqbeż 2 % tal-estimi korrispondenti aġġornati tas-sena preċedenti, u, it-tielet nett, l-Artikolu 22(1) tad-Digriet-Liġi Nru 223, li abbażi tiegħu l-ammonti allokati għall-2006 għal infiq għall-konsum intermedju tal-baġits ta’ entitajiet u organi pubbliċi mhux territorjali, imsemmija b’mod partikolari fl-Artikolu 1(5) tal-Liġi Nru 311, għandhom jitnaqqsu b’10 %.

28

Għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ dawn l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet, kif esposti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, ma jidhirx ċar sa liema punt dawn japplikaw għall Awtorità. Fil-fatt, din tal-aħħar tikkontesta, quddiem il-qorti tar-rinviju, il-preżenza tagħha fil-lista tal-Istitut ippubblikata fit-28 ta’ Settembru 2012, filwaqt li kien jidher li dawn id-dispożizzjonijiet kienu applikabbli biss għas-snin 2005 sa 2007, għall-waħda, u għas-sena 2006 biss, għall-oħra.

29

Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra d-dispożizzjonijiet iċċitati mill-qorti tar-rinviju, l-Awtorità invokat dispożizzjonijiet speċjali oħra fil-qasam tal-finanzi pubbliċi applikabbli għaliha u li, fil-fehma tagħha, inaqqsu l-indipendenza tagħha iktar minn dak li jirriżulta diġà mid-dispożizzjonijiet speċifikament indikati minn din il-qorti.

30

Madankollu, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti deċiżjoni dwar l-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew li tistabbilixxi l-fatti rilevanti għas-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li d-domanda preliminari tagħmel parti minnu, kif iddefinit fid-deċiżjoni tar-rinviju (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri, C‑153/02, EU:C:2003:614, punti 34 u 35, kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2005, Tod’s u Tod’s France, C‑28/04, EU:C:2005:418, punt 14).

31

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi d-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju b’tagħha fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk dawn l-aħħar dispożizzjonijiet kinux għadhom japplikaw għall-Awtorità meta din il-qorti ġiet adita bil-kwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Gruber, C‑249/97, EU:C:1999:405, punt 19) u għandha tikkunsidra bħala stabbilit li dan huwa l-każ. Barra minn hekk, hemm lok, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tirrispondi għad-domanda magħmula biss fir-rigward id-dispożizzjonijiet esposti mill-qorti tar-rinviju.

32

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni, fil-verżjoni inizjali tagħha, kienet intiża, essenzjalment, skont il-premessa 11 tal-imsemmija direttiva, li tiggarantaxxi l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ARN billi tiġi żgurata s-separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operattivi (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2008, Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones, C‑82/07, EU:C:2008:143, punt 13).

33

Madankollu, il-premessa 11 tad-Direttiva Qafas, fil-verżjoni inizjali tagħha, kienet tippreċiża diġà li “[l]-ARN għandhom ikunu fil-pussess tar-riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tan-numru ta’ impjegati, kapaċità, u mezzi finanzjarji, għat-twettieq tax-xogħol tagħhom”. Madankollu, dan il-għan ma ġiex rifless espressament fl-artikoli tagħha, minbarra l-preċiżazzjoni magħmulha fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, fil-verżjoni inizjali tagħha, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull wieħed mix-xogħlijiet assenjati lill-ARN f’din id-direttiva u fid-direttivi speċifiċi jitwettaq minn organu kompetenti, u dik magħmulha fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ARN jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali u trasparenti.

34

Kif jirriżulta mill-premessa 13 tad-Direttiva 2009/140, b’din l-aħħar direttiva l-leġiżlatur tal-Unjoni ried isaħħaħ l-indipendenza tal-ARN sabiex jiżgura applikazzjoni iktar effettiva tal-qafas regolatorju u sabiex tiżdied l-awtorità tagħhom u l-prevedibbiltà fid-deċiżjonijiet tagħhom. Għalhekk, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva Qafas issa jipprevedi espressament li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ARN jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u tempestiv u li jkollhom ir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti assenjati lilhom.

35

Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu, tal-Artikolu 3(3)a tad-Direttiva Qafas timponi li l-ARN responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa u ma għandhom jitlobu jew jieħdu istruzzjonijiet minn ebda korp fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompiti assenjati lilhom taħt il-liġi nazzjonali li timplementa d-dritt tal-Unjoni, filwaqt li tispeċifika li “[d]an ma għandux ifixkel is-superviżjoni skont il-liġi kostituzzjonali nazzjonali”. Fir-rigward it-tielet subparagrafu tal-istess paragrafu, jippreċiża li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ARN imsemmija fl-ewwel subparagrafu tiegħu jkollhom baġits annwali separati, li jiġu ppubblikati, kif ukoll riżorsi finanzjarji u umani xierqa sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem b’mod attiv u jagħtu kontribut lill-BEREC.

36

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li d-Direttiva Qafas issa teżiġi li, sabiex l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ARN tiġi żgurata, l-Istati membri għandhom jiżguraw, essenzjalment, li kollha jkollhom ir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa sabiex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom u, għall-ARN responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi, li jaġixxu b’indipendenza sħiħa. Madankollu, f’dawn id-dispożizzjonijiet, ma hemm xejn li jindika li l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti teskludi, bħala prinċipju, li ARN tiġi ssuġġettata għal dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll, b’mod partikolari għal dispożizzjonijiet limitazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-tieni frażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3)a tad-Direttiva Qafas tipprevedi espressament li għalkemm l-ARN responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa u ma għandhom jitlobu jew jieħdu istruzzjonijiet minn ebda korp fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompiti assenjati lilhom, “[d]an ma għandux ifixkel is-superviżjoni skont il-liġi kostituzzjonali nazzjonali”.

38

Issa, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni timplika li l-ARN jistgħu, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas, jiġu ssuġġettati validament għal ċerti regoli ta’ kontroll tal-baġit mill-parlament nazzjonali, li jinkludi s-sottomissjoni ex ante għal miżuri tal-limitazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi.

39

Għaldaqstant, tali miżuri ta’ limitazzjoni jistgħu jitqiesu li jikkawżaw preġudizzju għall-indipendenza u l-imparzjalità tal-ARN, kif iggarantiti mid-Direttiva Qafas, u għalhekk, li huma inkompatibbli mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, biss jekk jista’ jiġi kkonstatat li, minn natura tagħhom, huma jipprekludu li l-ARN ikkonċernati jeżerċitaw il-funzjonijiet assenjati lilhom mill-imsemmija direttiva u d-direttivi speċifiċi b’mod sodisfaċjenti jew jekk jiksru l-kundizzjonijiet li d-Direttiva Qafas timponi fuq l-Istati Membri li josservaw sabiex jintlaħaq il-grad ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-ARN li din id-direttiva teżiġi.

40

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex ta’ natura li jostakolaw lill-Awtorità milli jkollha r-riżorsi finanzjarji u umani neċessarji għat-twettiq tal-kompiti assenjati lilha, u b’mod partikolari, bħala ARN responsabbli għar-regolazzjoni tas-suq ex ante u għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi, sabiex tkun tista’ tieħu sehem b’mod attiv u tagħti kontribut lill-BEREC. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Awtorità ma pproduċiet ebda prova f’dan ir-rigward u li hija sempliċement affermat, b’mod ġenerali, li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippreġudikaw l-awtonomija finanzjarja tagħha u, konsegwentement, l-indipendenza tagħha.

41

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet speċjali ta’ limitazzjoni u ta’ razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma limitati, l-ewwel nett, għall-limitazzjoni taż-żieda tal-ammont ta’ spejjeż li jistgħu jiġu deċiżi mill-Awtorità u, it-tieni nett, għall-impożizzjoni ta’ tnaqqis tal-“infiq għall-konsum intermedju” biss. Barra minn hekk, kif irrilevat mill-qorti tar-rinviju, in-natura ġenerika ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tagħti lill-Awtorità marġni sostanzjali ta’ manuvra għall-implementazzjoni tagħhom. Fl-aħħar nett, dawn huma dispożizzjonijiet applikabbli għal numru ta’ amministrazzjonijiet u organi pubbliċi.

42

Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat, fil-kawża prinċipali, li l-Awtorità ser tkompli jkollha baġit annwali separat u li jiġi ppubblikat skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3)a tad-Direttiva Qafas.

43

Barra minn hekk, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 sa 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tal-funzjonijiet fondamentalment differenti tagħhom, l-Awtorità ma tistax validament tippretendi li d-Direttiva Qafas timponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu lill-ARN l-istess sistema ta’ indipendenza bħal dik prevista mid-dritt tal-Unjoni għall-banek ċentrali.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas ma jipprekludix li jiġu applikati għal ARN, fis-sens ta’ din id-direttiva, dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-finanzi pubbliċi kif ukoll, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet ta’ limitazzjoni u ta’ razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

45

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, għandu jitfakkar li l-ħlasijiet amministrattivi li l-Istati Membri jistgħu jimponu, bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, fuq impriżi li jfornu servizz jew network taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ikun ingħata dritt ta’ użu, għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-ARN, għandhom ikunu esklużivament intiżi biex ikopru l-ispejjeż amministrattivi globali relatati mal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva. Għalhekk, dawn ma jistgħux jintużaw sabiex ikopru l-ispejjeż relatati ma’ kompiti oħra minbarra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, ma humiex intiżi li jkopru spejjeż amministrattivi ta’ kull natura sostnuti mill-ARN (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Vodafone Omnitel et, C‑228/12 sa C‑232/12 u C‑254/12 sa C‑258/12, EU:C:2013:495, punti 38 sa 40 u 42).

46

Barra minn hekk, mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, moqri fid-dawl tal-premessa 30 tagħha, jirriżulta li l-imsemmija ħlasijiet għandhom ikopru l-ispejjeż amministrattivi reali li jirriżultaw mill-attivitajiet elenkati fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu u jkunu f’bilanċ ma’ dawn l-ispejjeż. Għalhekk, id-dħul kollu miksub abbażi tal-ħlasijiet inkwistjoni ma jistax jeċċedi l-ispejjeż kollha marbuta ma’ dawn l-attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Vodafone Omnitel et, C‑228/12 sa C‑232/12 u C‑254/12 sa C‑258/12, EU:C:2013:495, punti 41 u 42).

47

Għalkemm l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” fil-fatt jippermetti lill-ARN jiffinanzjaw parti mill-attivitajiet tagħhom mill-ħlasijiet amministrattivi, din id-dispożizzjoni ma tistax titqies li tagħti lill-Awtorità dritt assolut li tistabbilixxi l-ammont ta’ dawn il-ħlasijiet mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-finanzi pubbliċi u intiżi għall-kontroll u għal-limitazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-imsemmija ħlasijiet huma ta’ natura fiskali u, għaldaqstant, huma taxxi imposti mill-Istat Taljan. Għalhekk, l-iffissar tal-ammont tagħhom mill-Awtorità ma jistax isir mingħajr l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet peress li, barra minn hekk, skont dak li ġie speċifikat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, dawn id-dispożizzjonijiet ma jiksrux l-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta ARN, fis-sens tad-Direttiva Qafas, għal dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-finanzi pubbliċi u, b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet ta’ limitazzjoni u ta’ razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, bħal dawk inkwisjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva “Qafas”), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”), għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta awtorità regolatorja nazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2002/21, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, għal dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-finanzi pubbliċi u, b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet ta’ limitazzjoni u ta’ razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, bħal dawk inkwisjoni fil-kawża prinċipali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top