EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0121

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Settembru 2016.
Association nationale des opérateurs détaillants en énergie (ANODE) vs Premier ministre et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d'État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2009/73/KE – Enerġija – Settur tal-gass – Iffissar tal-prezzijiet ta’ provvista ta’ gass naturali lill-klijenti finali – Tariffi rregolati – Ostakolu – Kompatibbiltà – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Għanijiet ta’ sigurtà tal-provvista u ta’ koeżjoni territorjali.
Kawża C-121/15.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:637

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Direttiva 2009/73/KE — Enerġija — Settur tal-gass — Iffissar tal-prezzijiet ta’ provvista ta’ gass naturali lill-klijenti finali — Tariffi rregolati — Ostakolu — Kompatibbiltà — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għanijiet ta’ sigurtà tal-provvista u ta’ koeżjoni territorjali”

Fil-Kawża C‑121/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura

Association nationale des opérateurs détaillants en énergie (ANODE)

vs

Premier ministre,

Ministre de l’Économie, de l’Industrie et du Numérique,

Commission de régulation de l’énergie,

ENGIE, li kienet GDF Suez,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Association nationale des opérateurs détaillants en énergie (ANODE), minn O. Fréget u R. Lazerges, avukati,

għal ENGIE, minn C. Barthélemy, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u D. Colas kif ukoll minn J. Bousin, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Giolito u O. Beynet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, p. 94).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Association nationale des opérateurs détaillants en énergie (ANODE) (assoċjazzjoni nazzjonali tal-bejjiegħa bl-imnut tal-enerġija) u l-Premier ministre (Prim Ministru), il-ministre de l’Économie, de l’Industrie et du Numérique (ministru tal-ekonomija, tal-industrija u ta’ data diġitali), il-Commission de régulation de l’énergie (kummissjoni li tirregola l-enerġija, Franza) u ENGIE, li kienet GDF Suez, dwar it-tariffi rregolati ta’ bejgħ tal-gass naturali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 44 u 47 tad-Direttiva 2009/73:

“(44)

Ir-rispett tar-rekwiziti tas-servizz pubbliku huwa rekwiżit fundamentali ta’ din id-Direttiva u huwa important li jiġu speċifikati hawn l-istandards komuni, rispettati mill-Istati Membri kollha, li jqisu l-għanijiet tal-ħarsiet tal-konsumatur, sigurtà tal-fornitura, protezzjoni tal-ambjent u livelli ta’ kompetizzjoni ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. Huwa importanti li l-kriterji tas-servizz pubbliku jkunu jistgħu jiġu interpretati fuq bażi nazzjonali, waqt li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi nazzjonali u suġġett għar-rispett lejn il-liġi tal-Komunità.

[…]

(47)

Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku u l-istandards minimi komuni li jitnisslu minnhom jeħtieġ li jissaħħu aktar biex jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha, speċjalment dawk vulnerabbli, jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-kompetizzjoni u minn prezzijiet ġusti. Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku għandhom jiġu definiti fil-livell nazzjonali, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali;il-liġi Komunitarja għandha, madanakollu, tiġi rispettata mill-Istati Membri. […]”

4

L-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jaċċertaw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’kont meħud tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, impriżi tal-gass naturali jigu operati konformement mal-principji ta’ din id-Direttiva bi skop li jinkiseb suq tal-gass naturali li jkun kompetittiv, sikur u ambjentalment sostenibbli, u m’għandhomx jiddiskriminaw bejn dawn l-impriżi rigward id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

2.   Tenut kont sħiħ tad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 106 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi operaturi fis-settur tal-gass, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku, li jistgħu jirrelataw għas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-fornitura, regolarità, kwalità u prezz tal-provvisti, u l-protezzjoni tal-ambjent, li jinkludi l-effiċjenza tal-enerġija, l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u protezzjoni tal-klima. Obbligi bħal dawn għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-kumpaniji tal-gass tal-Kommunita’ għall-konsumaturi nazzjonali. Fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija/il-ġestjoni tad-domanda u għall-ksib tal-għanijiet ambjentali u għanijiet għall-enerġija minn sorsi li jiġġeddu, kif imsemmi f’dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar għall-perijodu fit-tul, b’kont meħud tal-possibbiltà li terzi persuni jitolbu aċċess għas-sistema.”

5

L-Artikolu 2(28) tad-Direttiva 2009/73 jiddefinixxi l-“klijent eliġibbli” bħala klijent li jkun liberu li jixtri l-gass mill-fornitur tal-għażla tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva.

6

L-Artikolu 37(1) tad-Direttiva 2009/73/KE jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti eliġibbli huma:

(a)

sal-1 ta’ Lulju 2004, il-klijenti eliġibbli kif speċifikat fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 98/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 dwar regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 28]. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw sal-31 ta’ Jannar kull sena il-kriterji għad-definizzjoni ta’ dawn il-klijenti eliġibbli;

(b)

mill-1 ta’ Lulju 2004, il-klijenti mhux domestiċi kollha;

(c)

mill-1 ta’ Lulju 2007, il-klijenti kollha.”

Id-dritt Franċiż

7

Taħt l-Artikolu L. 100‑1 tal‑kodiċi tal-enerġija (Code de l’énergie):

“Il-politika tal-enerġija tiggarantixxi l-indipendenza strateġika tan-nazzjon u tippromwovi l-kompetittività ekonomika tagħha. Din il-politika għandha l-għan li:

tiżgura s-sigurtà tal-provvista;

iżżomm prezz kompetittiv tal-enerġija; […]

tiggarantixxi l-koeżjoni soċjali u territorjali billi tiżgura l-aċċess għall-enerġija lil kulħadd.”

8

L-Artikolu L. 121‑32 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom jiġu assenjati lill-fornituri ta’ gass naturali u jittrattaw, b’mod partikolari, is-sigurtà tal-provvista, il-kwalità u l-prezz tal-prodotti u tas-servizzi pprovduti.

9

L-Artikolu L. 121‑46 ta’ dan il-kodiċi jiddisponi:

“I -

L-għanijiet u r-regoli li jippermettu li tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku ddefiniti fit-taqsimiet 1 u 2 ta’ dan il-kapitolu huma s-suġġett ta’ kuntratti konklużi bejn l-Istat, minn naħa, u […] GDF-Suez […], min-naħa l-oħra, […] fir-rigward tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku assenjati lilha […]

II. -

Il-kuntratti previsti fi I jirrigwardaw, b’mod partikolari, fuq:

Ir-rekwiziti tas-servizz pubbliku fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista, tar-regolarità u tal-kwalità tas-servizz ipprovdut lill-konsumaturi;

Il-mezzi li jiżguraw l-aċċess għas-servizz pubbliku;

[…]

L-evoluzzjoni pluriannwali tat-tariffi rregolati tal-bejgħ […] tal-gass;

[…]”

10

L-Artikolu L. 410‑2 tal-kodiċi tal-kummerċ (Code de commerce) jistabbilixxi li:

“Ħlief fil-każijiet fejn il-liġi tiddisponi mod ieħor, il-prezzijiet tal-oġġetti, tal-prodotti u tas-servizzi […] huma ddeterminati liberament mill-kompetizzjoni.

Madankollu, fis-setturi jew fl-oqsma fejn il-kompetizzjoni tal-prezzijiet huwa limitat minħabba sitwazzjonijiet ta’ monopolju jew diffikultajiet fit-tul ta’ provvista, jew minħabba f’dispożizzjonijiet legali u regolatorji, digriet tal-Conseil d’État (kunsill tal-istat) jista’ jirregola l-prezzijiet wara konsultazzjoni mal-awtorità tal-kompetizzjoni (Autorité de la concurrence).”

11

L-Artikoli L. 445‑1 sa L. 445‑4 tal-kodiċi tal-enerġija, taħt it-titolu “It-tariffi rregolati tal-bejgħ”, jippreċiżaw:

“Artikolu L. 445‑1

Id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu L. 410‑2 tal-kodiċi tal-kummerċ japplikaw għat-tariffi rregolati għall-bejgħ tal-gass naturali msemmija fl-Artikolu L. 445‑3.

Artikolu L. 445‑2

Id-deċiżjonijiet dwar it-tariffi msemmija fl-Artikolu L. 445‑3 jittieħdu b’mod konġunt mill-ministri responsabbli mill-ekonomija u mill-enerġija, fuq il-parir tal-kummissjoni li tirregola l-enerġija.

Il-kummissjoni li tirregola l-enerġija tagħmel il-proposti u tagħti l-pariri tagħha, li għandhom jiġu mmotivati, wara li tkun wettqet kull konsultazzjoni li hija tqis utli tal-partijiet ikkonċernati tas-suq tal-enerġija.

Artikolu L. 445‑3

It-tariffi rregolati għall-bejgħ tal-gass naturali huma ddefiniti skont il-karatteristiċi intrinsiċi tal-provvisti u tal-ispejjeż relatati ma’ dawn il-provvisti. Huma jkopru dawn l-ispejjeż kollha bl-esklużjoni ta’ kull sussidju favur klijenti li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom previst fl-Artikolu L. 441‑1. […]

Artikolu L. 445‑4

Konsumatur finali tal-gass naturali ma jistax jibbenefika minn tariffi rregolati għal bejgħ tal-gass naturali msemmija fl-Artikolu L. 445‑3, ħlief għal sit ta’ konsum li għadu suġġett għal dawn it-tariffi.

Madankollu, konsumatur finali tal-gass naturali li jikkonsma inqas minn 30000 kilowatt fis-siegħa f’sena jista’ jibbenefika, fuq kwalunkwe sit ta’ konsum, mit-tariffi rregolati tal-bejgħ tal-gass naturali msemmija fl-Artikolu L. 445‑3.”

12

L-Artikolu L. 441‑1 tal-kodiċi tal-enerġija jiddisponi li:

“Kwalunkwe klijent li jikkonsma l-gass li jixtri jew li jixtri l-gass biex jerġa’ jbiegħu, għandu d-dritt, jekk ikun meħtieġ, permezz tal-aġent awtorizzat tiegħu, li jagħżel il-fornitur tiegħu ta’ gass naturali.”

13

Ir-regoli li jiddeterminaw il-mod kif it-tariffi rregolati huma kkalkolati huma stabbiliti permezz tad-Digriet Nru 2009‑1603, tat-18 ta’ Diċembru 2009, dwar it-tariffi rregolati ta’ bejgħ tal-gass naturali (JORF tat-22 ta’ Diċembru 2009, p. 22082), kif emendat bid-Digriet Nru 2013‑400, tas-16 ta’ Mejju 2013 (JORF tas-17 ta’ Mejju 2013, p. 8189) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2009‑1603”).

14

Id-Digriet Nru 2009‑1603 jipprevedi li l-prezzijiet irregolati għall-bejgħ tal-gass huma ffissati mill-ministri responsabbli mill-ekonomija u mill-enerġija, fuq il-parir tal-kummissjoni li tirregola l-enerġija. Fl-ewwel lok, deċiżjoni hija meħuda minn dawn iż-żewġ ministri, li jistabbilixxu l-formula tal-prezz għal kull fornitur, li jirrifletti l-ispiża sħiħa tal-provvista tal-gass naturali u l-metodoloġija għall-evalwazzjoni tal-ispejjeż l-oħra barra l-provvista. Fit-tieni lok, digriet mogħti minn dawn il-ministri, wara analiżi u parir tal-kummissjoni li tirregola l-enerġija, jiffissa l-prezz irregolat għall-bejgħ tal-gass naturali. Dawn il-prezzijiet huma riveduti mill-inqas darba kull sena u mibdula jekk meħtieġ, skont l-iżvilupp tal-formula tal-prezzijiet. Fornitur li joffri prezzijiet inqas mill-prezz kif irregolat jista’ jipproponi bidla għall-prezzijiet irregolati mill-kummissjoni li tirregola l-enerġija, li għandha tiżgura li din il-bidla mixtieqa tirriżulta mill-applikazzjoni tal-formula tal-prezzijiet. Dawn id-dispożizzjonijiet ġew emendati mill-1 ta’ Jannar 2016, bi rwol ikbar mogħti lill-kummissjoni li tirregola l-enerġija, li tipproponi lill-ministri responsabbli mill-ekonomija u mill-enerġija prezzijiet irregolati. Dawn il-proposti huma kkunsidrati aċċettati jekk dawn ma joġġezzjonawx fi żmien tliet xhur.

15

Fir-rigward tal-ispejjeż koperti mill-prezzijiet irregolati, id-Digriet Nru 2009‑1603 jirrikjedi li l-ispejjeż tal-fornitur ikunu kompletament koperti mill-prezzijiet irregolati. Għalhekk, l-Artikoli 3 u 4 ta’ dan id-digriet jiddisponu:

“Artikolu 3

It-tariffi rregolati għall-bejgħ tal-gass naturali jkopru l-ispejjeż ta’ provvista ta’ gass naturali u l-ispejjeż minbarra dawk ta’ provvista.

Huma jinkludu parti varjabbli marbuta mal-konsum effettiv u parti b’rata fissa kkalkolata abbażi tal-ispejjeż fissi ta’ provvista tal-gass naturali li tista’ wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-kwantità kkonsmata, mixtrija jew irriżervata mill-klijent u l-kundizzjonijiet għall-użu, b’mod partikolari d-distribuzzjoni tal-kwantitajiet mitluba matul is-sena.

Artikolu 4

Għal kull fornitur hija stabbilita formula tariffarja li tirrifletti l-ispejjeż kollha ta’ provvista ta’ gass naturali. Il-formula tariffarja u l-ispejjeż minbarra dawk ta’ provvista jippermettu li tiġi ddeterminata l-ispiża medja ta’ provvista tal-gass naturali, li abbażi tagħha jiġu ffissati t-tariffi rregolati għall-bejgħ tiegħu, skont il-modalitajiet ta’ provvista tas-servizz lill-klijenti kkonċernati.

L-ispejjeż minbarra dawk ta’ provvista jinkludu b’mod partikolari:

l-ispejjeż marbuta mal-użu tan-netwerks tat-trasport tal-gass naturali u, skont il-każ, tan-netwerks ta’ distribuzzjoni pubblika tal-gass naturali, li tirriżulta mill-applikazzjoni tat-tariffi għall-użu tal-infrastrutturi tal-gass stabbiliti mill-kummissjoni li tirregola l-enerġija;

l-ispejjeż marbuta mal-użu tal-ħażna ta’ gass naturali, skont il-każ;

l-ispejjeż ta’ kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi pprovduti, inkluż marġni kummerċjali raġonevoli.

[…]”

16

Għalhekk, l-ispejjeż minbarra dawk ta’ provvista jkopru l-elementi li jikkorrispondu mat-trażmissjoni, mal-ħażna, mad-distribuzzjoni, mat-taxxi u mal-profitt u l-ispejjeż ta’ provvista jirriflettu l-ispejjeż tal-provvista li huma bbażati fuq kuntratti fit-tul bejn il-fornitur u l-produtturi barranin, bi kważi l-konsum kollu fi Franza jkun ġej minn importazzjonijiet. Dawn il-kuntratti fit-tul huma ġeneralment marbuta mal-prezz taż-żejt.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Fis-17 ta’ Lulju 2013, l-ANODE ppreżentat rikors quddiem il-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) intiż għall-annullament tad-Digriet Nru 2013‑400 minħabba eċċess ta’ poter.

18

Fir-rikors tagħha, l-ANODE sostniet, b’mod partikolari, li l-Artikoli L. 445‑1 sa L. 445‑4 tal-kodiċi tal-enerġija, implementati b’dan id-digriet, jiksru l-għanijiet tad-Direttiva 2009/73.

19

L-ANODE b’mod partikolari ssostni li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni ma humiex konformi mal-prinċipju ta’ applikazzjoni stabbilit fis-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205).

20

Il-Conseil d’État (Kunsill tal-Istat) jistaqsi, fl-ewwel lok, jekk intervent statali fuq il-prezzijiet kif previst mil-leġiżlazzjoni Franċiża għandux jitqies bħala li jwassal sabiex jiġi ddeterminat il-livell tal-prezz ta’ provvista ta’ gass naturali lill-konsumatur finali irrispettivament mill-funzjonament ħieles tas-suq u b’hekk jikkostitwixxi, min-natura tiegħu stess, ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali kompetittiv, bi ksur tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73.

21

Jekk dan ikun il-każ, il-Conseil d’État (Kunsill tal-Istat) jistaqsi, fit-tieni lok, dwar il-kriterji li fid-dawl tagħhom għandha tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni mad-Direttiva 2009/73 u b’mod partikolari jekk l-Artikolu 106(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, jippermettix lill-Istati Membri jfittxu, bl-implementazzjoni ta’ prezzijiet irregolati, li jilħqu għanijiet bħalma huma s-sigurtà tal-provvista u l-koeżjoni territorjali. Il-Conseil d’État (Kunsill tal-Istat) jistaqsi wkoll fuq il-possibbiltà ta’ intervent statali fuq l-iffissar tal-prezz ibbażat fuq il-prinċipju ta’ kopertura tal-ispejjeż sħaħ tal-fornitur eżistenti u fuq il-komponenti ta’ spejjeż li jistgħu eventwalment jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tat-tariffi rregolati.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-intervent ta’ Stat Membru li jikkonsisti fl-impożizzjoni fuq l-operatur eżistenti li joffri l-provvista ta’ gass naturali lill-konsumatur finali b’tariffi rregolati, iżda li ma jimpedixxix li jsiru offerti kompetituri, bi prezzijiet iktar baxxi minn dawn it-tariffi, min-naħa tal-fornitur eżistenti jew tal-fornituri alternattivi, għandu jitqies li jwassal għal determinazzjoni tal-livell tal-prezz tal-provvista tal-gass naturali lill-konsumatur finali b’mod indipendenti mill-funzjonament ħieles tas-suq u jikkostitwixxi, min-natura tiegħu stess, ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali kompetittiv imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73[…]?

2)

Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għad-domanda 1, abbażi ta’ liema kriterji għandha tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ tali intervent tal-Istat fil-prezz tal-provvista tal-gass naturali lill-konsumatur finali mad-Direttiva 2009/73[…]?

B’mod partikolari:

a)

Sa fejn u taħt liema kundizzjonijiet l-Artikolu 106(2) [TFUE], moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73[…], jippermetti lill-Istati Membri, billi jintervjenu fil-prezz tal-provvista tal-gass naturali lill-konsumatur finali, li jfittxu li jilħqu għanijiet differenti miż-żamma tal-prezz tal-provvista f’livell raġonevoli, bħalma huma s-sigurtà tal-provvista u l-koeżjoni territorjali?

b)

Fid-dawl tal-għanijiet ta’ sigurtà tal-provvista u ta’ koeżjoni territorjali, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73[…] jippermetti intervent ta’ Stat Membru fl-iffissar tal-prezz tal-provvista tal-gass naturali bbażat fuq il-prinċipju ta’ kopertura tal-ispejjeż sħaħ tal-fornitur eżistenti u l-ispejjeż intiżi li jiġu koperti bit-tariffi jistgħu jinkludu komponenti differenti mill-porzjon li tirrappreżenta l-provvista għal żmien twil?”

Fuq id-domandi preliminari

23

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk is-sistema tat-tariffi rregolati għall-bejgħ tal-gass naturali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2009/73 u mal-Artikolu 106(2) TFUE.

24

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni, fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205), li tindika l-kuntest tal-analiżi li jippermetti lill-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni tevalwa l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ intervent statali fuq il-prezzijiet, speċifikament fis-settur tal-gass naturali. F’din is-sentenza u fil-ġurisprudenza sussegwenti, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet diversi indikazzjonijiet rigward il-kriterji li fuqhom għandha tkun ibbażata tali evalwazzjoni u huwa konformement ma’ din il-ġurisprudenza li huwa xieraq li jiġu analizzati l-kwistjonijiet imqajma mill-qorti tar-rinviju (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Enel Produzione, C‑242/10, EU:C:2011:861, u tal-10 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑36/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:570).

Fuq l-ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-intervent ta’ Stat Membru li jikkonsisti fl-impożizzjoni tal-obbligu fuq ċerti fornituri, fosthom il-fornitur eżistenti, li joffru lill-konsumatur finali l-provvista ta’ gass naturali b’tariffi rregolati, iżda li ma jimpedixxix li jsiru offerti kompetituri bi prezzijiet iktar baxxi minn dawn it-tariffi mill-fornituri kollha fis-suq jikkostitwixxi, min-natura tiegħu stess, ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali kompetittiv previst f’din id-dispożizzjoni.

26

Għalkemm ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2009/73 li l-prezz ta’ provvista tal-gass naturali għandu jiġi ffissat esklużivament permezz tal-offerta u tat-talba, dan ir-rekwiżit jitnissel mill-għan innifsu u mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva li għandha l-għan li twettaq suq intern tal-gass naturali kompletament u effettivament miftuħ u kompetittiv fejn il-konsumaturi kollha jistgħu jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u fejn il-fornituri kollha jistgħu jipprovdu liberament il-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑36/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:570, punt 45).

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li miżura ta’ intervent pubbliku fuq il-prezzijiet tal-bejgħ tal-gass naturali hija miżura li, min-natura tagħha stess, tikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ suq intern tal-gass operattiv (ara s-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 35).

28

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi intervent statali li jikkonsisti fl-obbligu impost fuq ċerti impriżi li joffru fis-suq, lil ċerti kategoriji ta’ klijenti, il-gass naturali bi prezzijiet li huma r-riżultat ta’ kalkolu mwettaq skont kriterji u bl-użu ta’ rati stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi.

29

Issa t-tariffi stabbiliti skont din il-leġiżlazzjoni jikkostitwixxu prezzijiet rregolati li ċertament ma humiex ir-riżultat ta’ determinazzjoni libera riżultanti mill-offerta u mit-talba fis-suq. Għall-kuntrarju, dawn it-tariffi jirriżultaw minn determinazzjoni mwettqa fuq il-bażi ta’ kriterji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi u li għalhekk tinsab barra mid-dinamika tal-forzi tas-suq.

30

Għalhekk, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, miżura li timponi li prodott jew servizz jiġi offert fis-suq bi prezz speċifiku neċessarjament tinfluwenza l-libertà tal-impriżi kkonċernati li jaġixxu fis-suq inkwistjoni u, għalhekk, il-proċess kompetittiv li jkun qed iseħħ f’dan is-suq. Tali miżura hija, min-natura tagħha stess, kuntrarja għall-għan li jinkiseb suq miftuħ u kompetittiv.

31

Minn dan isegwi li determinazzjoni ta’ tariffi li tirriżulta minn intervent tal-awtoritajiet pubbliċi neċessarjament taffettwa l-kompetizzjoni u li, għalhekk, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija inkompatibbli mal-għan ta’ twettiq ta’ suq ta’ gass naturali miftuħ u kompetittiv previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73.

32

Barra minn hekk, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-impriżi kkonċernati bit-tariffi rregolati jistgħu wkoll liberament jiddeterminaw l-offerti tagħhom fis-suq bl-ebda mod ma jista’ jpoġġi fid-dubju l-konstatazzjoni li l-intervent statali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaffettwa l-kompetizzjoni fis-suq. Fil-fatt, l-eżistenza stess ta’ żewġ segmenti tas-suq, jiġifieri s-settur fejn il-prezzijiet huma stabbiliti barra mill-kompetizzjoni u dak fejn d-determinazzjoni tagħhom titħalla f’idejn il-forzi tas-suq, hija inkompatibbli mal-ħolqien ta’ suq intern tal-gass naturali miftuħ u kompetittiv. F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-argument tal-Gvern Franċiż li t-tariffi rregolati għandhom ir-rwol ta’ limitu massimu ta’ referenza għall-iffissar tal-prezzijiet tal-offerti magħmula mill-fornituri l-oħra li ma humiex koperti mir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssaħħaħ l-idea li dawn it-tariffi fil-fatt jaffettwaw konkretament id-determinazzjoni libera tal-prezzijiet fis-suq kollu tal-gass naturali Franċiż.

33

Għaldaqstant, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-intervent ta’ Stat Membru li jikkonsisti fl-impożizzjoni tal-obbligu fuq ċerti fornituri, fosthom il-fornitur eżistenti, li joffru lill-konsumatur finali l-provvista ta’ gass naturali b’tariffi rregolati, jikkostitwixxi, min-natura tiegħu stess, ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali kompetittiv previst f’din id-dispożizzjoni, u dan l-ostakolu jibqa’ anki jekk dan l-intervent ma jkunx ta’ ostakolu sabiex offerti kompetituri bi prezzijiet iktar baxxi minn dawn it-tariffi jkunu offruti mill-fornituri kollha fis-suq.

Fuq it-tieni domanda

34

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi li jiġu ċċarati l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat, l-ewwel nett, li l-indikazzjonijiet dwar l-ammissibbiltà ta’ intervent tal-Istat li jwassal sabiex jirregola l-prezzijiet, li huma espressi fis-sentenza Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205), f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230), huma wkoll validi fir-rigward tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73, peress li ma saret ebda modifika għal din l-aħħar dispożizzjoni sa fejn din tapplika għall-kawża prinċipali (ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑36/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:570, punt 53).

36

Għalhekk, minkejja intervent statali fuq l-iffissar tal-prezz tal-provvista tal-gass naturali lill-konsumatur finali jikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali kompetittiv, dan l-intervent jista’ madankollu jkun permess fil-kuntest tad-Direttiva 2009/73, jekk ikunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, dan l-intervent għandu jfittex għan ta’ interess ekonomiku ġenerali, it-tieni nett, għandu josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet nett, għandu jistabbilixxi obbligi ta’ servizz pubbliku li jkunu kjarament iddefiniti, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli u jiggarantixxi aċċess ugwali għall-impriżi tal-gass tal-Unjoni lill-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punti 20 sa 2247, kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑36/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:570, punti 51 sa 53).

37

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, dwar l-eżistenza ta’ interess ekonomiku ġenerali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sa fejn u taħt liema kundizzjonijiet Stat Membru jista’ jfittex li jilħaq għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali oħra differenti miż-żamma tal-prezz tal-provvista fuq livell raġonevoli, rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205).

38

Għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2003/55 ma tagħtix definizzjoni tal-kundizzjoni li jirrigwarda l-interess ekonomiku ġenerali, iżda r-referenza fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva kemm għal din il-kundizzjoni kif ukoll għall-Artikolu 106 TFUE, li jikkonċerna l-impriżi inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, jimplika li l-imsemmi kunċett għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ din l-aħħar dispożizzjoni tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 26).

39

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-Artikolu 106(2) TFUE jipprevedi, minn naħa, li l-impriżi inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali huma suġġetti għar-regoli dwar il-kompetizzjoni sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tfixkilx it-twettiq, fil-liġi jew fil-fatt, tad-dmirijiet partikolari assenjati lilhom u, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b’mod kuntrarju għall-interess tal-Unjoni (sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 27).

40

Hekk kif l-Avukat Ġenerali kkonstata fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-interess ekonomiku ġenerali għandhom ikunu inkwadrati fil-kuntest il-ġdid li jirriżulta mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li jinkludi, flimkien mal-Artikolu 106 TFUE, l-Artikolu 14 TFUE, il-Protokoll (Nru 26) dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, anness mat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ wara t-Trattat ta’ Lisbona, u t-Trattat FUE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 26”), kif ukoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li kisbet l-istess valur legali bħat-trattati, b’mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu li jikkonċerna l-aċċess għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

41

B’mod partikolari, il-Protokoll Nru 26 jirrikonoxxi b’mod espliċitu r-rwol essenzjali u s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-provvista, fl-eżekuzzjoni u fl-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

42

Għal dak li jirrigwarda speċifikament is-settur tal-gass naturali, mit-tieni sentenza tal-premessa 47 tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li l-obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom jiġu ddefiniti fil-livell nazzjonali, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi nazzjonali, bid-dritt tal-Unjoni li għandu, madankollu, jiġi rrispettat mill-Istati Membri.

43

Huwa f’din il-perspettiva li l-Artikolu 106(2) TFUE ifittex li jirrikonċilja l-interess tal-Istati Membri li jużaw ċerti impriżi bħala strument ta’ politika ekonomika jew soċjali mal-interess tal-Unjoni għall-osservanza tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u għall-ħarsien tal-unità tas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany, C‑67/96, EU:C:1999:430, punt 103, kif ukoll tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 28).

44

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Istati Membri huma intitolati, filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, li jiddefinixxu l-portata u l-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom ta’ interess ekonomiku ġenerali. B’mod partikolari huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni għanijiet attribwibbli għall-politika nazzjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany, C‑67/96, EU:C:1999:430, punt 104, kif ukoll tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 29).

45

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni li l-Istati Membri għandhom iwettqu, taħt id-Direttiva 2009/73, sabiex jiddeterminaw jekk, fl-interess ekonomiku ġenerali, għandhomx jiġu imposti fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass obbligi ta’ servizz pubbliku, għandhom ikunu l-Istati Membri li jwettqu konċiljazzjoni bejn l-għan ta’ liberalizzazzjoni u l-għanijiet l-oħra mfittxija minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 32).

46

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirreferi speċifikament għall-għanijiet tas-sigurtà tal-provvista u tal-koeżjoni territorjali, kif invokati mill-Gvern Franċiż, bħala għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

47

Dwar is-sigurtà tal-provvista, dan l-għan huwa espliċitament ikkontemplat fid-dritt primarju tal-Unjoni kif ukoll fid-Direttiva 2009/73.

48

Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 194(1)(b) TFUE jidentifika s-sigurtà tal-provvista enerġetika fl-Unjoni bħala wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija. F’dak li jikkonċerna, speċifikament, il-qasam tal-gass naturali, minn diversi premessi u artikoli tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li din tipprevedi espressament is-sigurtà tal-provvista enerġetika bħala wieħed mill-għanijiet fundamentali tagħha.

49

Min-naħa l-oħra, il-koeżjoni territorjali ma tissemmiex espliċitament mid-Direttiva 2009/73 bħala għan ta’ interess ekonomiku ġenerali li jista’ jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fil-qasam tal-gass naturali.

50

Madankollu, għandu jiġi osservat, minn naħa, hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 sa 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 jelenka, b’mod mhux eżawrjenti, it-tipi ta’ azzjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u li l-Istati Membri, b’rispett tad-dritt tal-Unjoni, huma liberi li jiddefinixxu liema huma l-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li jridu jilħqu bl-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. Dawn l-obbligi għandhom madankollu dejjem ikollhom bħala għan it-twettiq ta’ wieħed jew iktar mill-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali.

51

Min-naħa l-oħra, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 14 TFUE jidentifika espliċitament ir-rwol li għandhom is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fil-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jsemmi espliċitament il-koeżjoni territorjali fil-kuntest tad-dritt ta’ aċċess għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

52

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73, moqri fid-dawl tal-Artikoli 14 u 106 TFUE, jippermetti lill-Istati Membri li jevalwaw jekk, fl-interess ekonomiku ġenerali, hemmx lok li jiġu imposti fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass obbligi ta’ servizz pubbliku li jirrigwardaw il-prezz tal-provvista tal-gass naturali sabiex, b’mod partikolari, jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u l-koeżjoni territorjali, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet l-oħra kollha li din id-direttiva tipprevedi jkunu ssodisfatti.

53

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni elenkata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 106 TFUE li l-obbligi ta’ servizz pubbliku li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 jippermetti li jiġu imposti fuq l-impriżi għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u li, għaldaqstant, wara l-1 ta’ Lulju 2007, dawn l-obbligi jistgħu jippreġudikaw il-libertà li jiġi ffissat il-prezz tal-provvista tal-gass naturali biss sa fejn huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali li huma jsegwu u, konsegwentement, għal perijodu neċessarjament limitat fiż-żmien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 33).

54

Filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jekk din il-ħtieġa ta’ proporzjonalità hijiex issodisfatta, madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lil din il-qorti, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, l-indikazzjonijiet kollha neċessarji f’dan is-sens fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 34).

55

L-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika, l-ewwel nett, li l-miżura inkwistjoni tkun suxxettibbli li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali previst (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Enel Produzione, C‑242/10, EU:C:2011:861, punt 55).

56

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tagħti ftit informazzjoni sabiex jiġu evalwati r-raġunijiet li għalihom l-impożizzjoni tal-prezz tal-gass ikun neċessarju fir-rigward tat-twettiq ta’ għanijiet ġenerali ħafna bħal dawk invokati mill-Gvern Franċiż.

57

B’mod partikolari, fir-rigward tal-għan tas-sigurtà tal-provvista, il-qorti tar-rinviju tirreferi, essenzjalment, għall-argument ta’ dan il-gvern li l-kuntratti ta’ provvista tal-fornitur eżistenti, marbuta mal-prezz tal-prodotti taż-żejt u fit-tul, tiżgura sigurtà ikbar tal-provvista meta mqabbla mal-kuntratti ta’ fornituri alternattivi, affettwati mill-instabbiltà tal-prezzijiet tal-gass fis-suq bl-ingrossa.

58

Għalkemm ma huwiex eskluż li regolament li jinkludi l-obbligu li toffri u tipprovdi l-gass naturali bi prezz stabbilit jista’ jitqies bħala kapaċi li jiżgura s-sigurtà tal-provvista, hija l-qorti tar-rinviju, fl-assenza ta’ analiżi preċiża pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

59

Fir-rigward tal-għan tal-koeżjoni territorjali, għandu jiġi rrilevat li għalkemm ma jistax jiġi eskluż li tali għan jista’ jiġi mfittex bl-impożizzjoni fuq it-territorju nazzjonali kollu ta’ tariffi rregolati, ser tkun il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fil-kuntest tal-analiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex suxxettibbli li tiżgura dan l-għan, jekk jeżistux ukoll miżuri li jippermettu li jiġi żgurat dan l-għan, iżda li jkunu inqas ta’ ostakolu għat-twettiq ta’ suq intern miftuħ tal-gass naturali, bħall-impożizzjoni ta’ prezz applikabbli biss għal ċerti kategoriji ta’ klijenti li jinsabu f’żoni remoti u identifikati skont kriterji oġġettivi ġeografiċi.

60

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tul tal-intervent statali fuq il-prezzijiet għandu jkun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq (sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punti 3335).

61

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-informazzjoni li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprevedi ebda limitu għat-tul tal-obbligu li l-provvista ta’ gass naturali tiġi offerta lill-klijenti finali b’tariffi rregolati, liema fatt jattribwixxi lil dan l-obbligu natura permanenti.

62

L-iffissar ta’ tul massimu għat-tariffi adottati ma jistax jikkostitwixxi tali limitazzjoni, sa fejn dan il-mekkaniżmu jikkonċerna biss reviżjoni perijodika tal-livell ta’ dawn it-tariffi u ma jikkonċernax in-neċessità u l-modalitajiet tal-intervent pubbliku fuq il-prezzijiet skont l-iżviluppi fis-settur tal-gass.

63

Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju, li fid-dawl tal-elementi preċiżi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, li trid tiddetermina jekk l-impożizzjoni ta’ obbligu, bħal dak stabbilit fl-Artikolu L. 410‑2 tal-kodiċi tal-kummerċ, li sostanzjalment huwa ta’ natura permanenti, jissodisfax ir-rekwiżit stabbilit fil-punt 55 ta’ din is-sentenza.

64

It-tielet nett, il-metodu ta’ intervent implementat ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-interess ekomoniku ġenerali mfittex (sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 36).

65

F’dan ir-rigward, jirriżulta mid-deciżjoni tar-rinviju li l-intervent inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa bbażat fuq il-prinċipju tal-kopertura tal-ispejjeż kollha tal-fornitur eżistenti bl-applikazzjoni ta’ formula rappreżentattiva tal-ispejjeż tal-provvista tiegħu u ta’ metodoloġija għall-evalwazzjoni tal-ispejjeż tiegħu minbarra dawk ta’ provvista żviluppati wara analiżi annwali tal-evoluzzjoni tal-ispejjeż li saru mill-awtorità regolatorja.

66

F’dan il-kuntest, ir-rekwiżit tan-neċessità jirrikjedi li jiġi identifikat, bħala prinċipju, il-komponent tal-prezz tal-gass li fir-rigward tiegħu huwa neċessarju li jsir intervent sabiex jinkiseb l-għan imsemmi mill-intervent statali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punti 3638). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-metodu ta’ intervent fuq il-prezz implementat imurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali mfittex u jekk jeżistux miżuri adegwati inqas vinkolanti.

67

Ir-raba’ nett, ir-rekwiżit ta’ neċessità għandu wkoll jiġi evalwat fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-miżura inkwistjoni u, iktar speċifikament, tal-benefiċjarji tagħha (sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 39).

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat sa fejn l-intervent statali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jibbenefika rispettivament lill-individwi u lill-impriżi, bħala konsumaturi finali tal-gass.

69

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li, mill-1 ta’ Jannar 2016, il-benefiċjarji tal-provvista bi prezzijiet irregolati għandhom ikunu d-djar u l-impriżi li jikkonsmaw inqas minn 30000 kW fis-siegħa f’sena. Għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk tali sistema, li tidher tibbenefika b’mod identiku lill-klijenti domestiċi u lill-impriżi żgħar u medji, tosservax ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità f’dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-miżura, fid-dawl tal-għanijiet tas-sigurtà tal-provvista u tal-koeżjoni territorjali.

70

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet kundizzjoni elenkata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li l-intervent statali għandu jipprevedi għal obbligi ta’ servizz pubbliku ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji u verifikabbli, u jiggarantixxi aċċess ugwali tal-impriżi tal-gass tal-Unjoni għall-konsumaturi, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma pprovdiet ebda element ta’ analiżi f’dan ir-rigward.

71

Fir-rigward ta’ dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, in-natura mhux diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 jippermetti l-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku b’mod ġenerali “fuq impriżi operaturi fis-settur tal-gass” u mhux fir-rigward ta’ xi impriżi partikolari. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri “m’għandhomx jiddiskriminaw bejn dawn l-impriżi rigward id-drittijiet u l-obbligi” tal-impriżi ta’ gass naturali. F’dan il-kuntest, is-sistema ta’ indikazzjoni tal-impriżi li fuqhom huma imposti obbligi ta’ servizz pubbliku ma għandhiex teskludi a priori l-ebda waħda mill-impriżi li joperaw fis-settur tad-distribuzzjoni tal-gass (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-19 ta’ Ġunju 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑220/07, mhux ippubblikata, EU:C:2008:354, punt 31).

72

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk tali rekwiżit kif ukoll il-kundizzjonijiet l-oħra previsti fil-punt 66 ta’ din is-sentenza huma ssodisfatti bl-applikazzjoni tas-sistema tariffarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

73

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun:

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73/KE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 14 u 106 TFUE, kif ukoll tal-Protokoll Nru 26, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri li jevalwaw jekk, fl-interess ekonomiku ġenerali, hemmx lok li jiġu imposti fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass obbligi ta’ servizz pubbliku li jirrigwardaw il-prezz tal-provvista tal-gass naturali bl-għan, b’mod partikolari, li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u l-koeżjoni territorjali, bil-kundizzjoni li, minn naħa, il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, u speċifikament in-natura nondiskriminatorja ta’ tali obbligi, ikunu ssodisfatti u, min-naħa l-oħra, li l-impożizzjoni ta’ dawn l-obbligi tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix metodu ta’ determinazzjoni tal-prezz li huwa bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ta’ tali metodu ma twassalx sabiex l-intervent statali jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li huwa jfittex li jilħaq.

Fuq l-ispejjeż

74

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-intervent ta’ Stat Membru li jikkonsisti fl-impożizzjoni tal-obbligu fuq ċerti fornituri, fosthom il-fornitur eżistenti, li joffru lill-konsumatur finali l-provvista ta’ gass naturali b’tariffi rregolati, jikkostitwixxi, min-natura tiegħu stess, ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali kompetittiv previst f’din id-dispożizzjoni, u dan l-ostakolu jibqa’ anki jekk dan l-intervent ma jkunx ta’ ostakolu sabiex offerti kompetituri bi prezzijiet iktar baxxi minn dawn it-tariffi jkunu offruti mill-fornituri kollha fis-suq.

 

2)

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73/KE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 14 u 106 TFUE, kif ukoll tal-Protokoll Nru 26, dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, anness mat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ wara t-Trattat ta’ Lisbona, u t-Trattat FUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri li jevalwaw jekk, fl-interess ekonomiku ġenerali, hemmx lok li jiġu imposti fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass obbligi ta’ servizz pubbliku li jirrigwardaw il-prezz tal-provvista tal-gass naturali bl-għan, b’mod partikolari, li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u l-koeżjoni territorjali, bil-kundizzjoni li, minn naħa, il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, u speċifikament in-natura nondiskriminatorja ta’ tali obbligi, ikunu ssodisfatti u, min-naħa l-oħra, li l-impożizzjoni ta’ dawn l-obbligi tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix metodu ta’ determinazzjoni tal-prezz li huwa bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ta’ tali metodu ma twassalx sabiex l-intervent statali jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li huwa jfittex li jilħaq.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top