EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0046

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Lulju 2016.
Ambisig – Ambiente e Sistemas de Informação Geográfica SA vs AICP – Associação de Industriais do Concelho de Pombal.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Central Administrativo Sul.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – It-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) – Kapaċitajiet tekniċi tal-operaturi ekonomiċi – Effett dirett – Mezzi ta’ prova – Relazzjoni ta’ ġerarkija bejn iċ-ċertifikazzjoni tax-xerrej privat u d-dikjarazzjoni unilaterali tal-offerent – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Projbizzjoni li jiġu introdotti emendi sostanzjali għall-mezzi ta’ prova previsti.
Kawża C-46/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:530

201604931SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Lulju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/18/KE — It-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) — Kapaċitajiet tekniċi tal-operaturi ekonomiċi — Effett dirett — Mezzi ta’ prova — Relazzjoni ta’ ġerarkija bejn iċ-ċertifikazzjoni tax-xerrej privat u d-dikjarazzjoni unilaterali tal-offerent — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Projbizzjoni li jiġu introdotti emendi sostanzjali għall-mezzi ta’ prova previsti”

Fil-Kawża C‑46/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Central Administrativo Sul (qorti amministrattiva ċentrali tan-Nofsinhar, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Jannar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Frar 2015, fil-proċedura

Ambisig – Ambiente e Sistemas de Informação Geográfica SA

vs

AICP – Associação de Industriais do Concelho de Pombal,

fil-preżenza ta’:

Índice – ICT & Management Lda,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, F. Biltgen u A. Borg Barthet, kif ukoll M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Jannar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ambisig – Ambiente e Sistemas de Informação Geográfica SA, minn H. Rodrigues da Silva, avukat,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u F. Batista, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braga da Cruz u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Marzu 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 7, p. 132).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Ambisig – Ambiente e Sistemas de Informação Geográfica SA (iktar ’il quddiem “Ambisig”) u AICP – Associação de Industriais do Concelho de Pombal (iktar ’il quddiem l-“AICP”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan l-aħħar organu li jeskludi l-kandidatura ta’ Ambisig minn proċedura ta’ sejħa għal offerti bl-għan li jingħata kuntratt pubbliku għal servizzi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 2, 4, 32 u 46 tad-Direttiva 2004/18 jiddikjaraw:

“(1)

Fl-okkażjoni ta’ l-emendi ġodda li qegħdin jiġu magħmula [lid-Direttivi tal-Kunsill] 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 [relatata] mal-proċeduri tal-kordinazzjoni għall-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322)], 93/36/KEE ta’ l‑14 ta’ Ġunju 1993 [li tikkoordina l-]proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal provvisti pubbliċi [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110)] u 93/37/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li [tikkonċerna] l-kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 163)], li huma meħtieġa biex jilqgħu t-talbiet għas-simplifikazzjoni u l-modernizzazzjoni magħmula mill-awtoritajiet kuntrattwali u mill-operaturi ekonomiċi fit-tweġibiet tagħhom għall-Green Paper adottata mill-Kummissjoni fis‑27 ta’ Novembru 1996, id-Direttivi għandhom, fl-interess ta’ kjarifika, ikunu mibdula [u mqiegħda f’test wieħed]. [...]

(2)

L-għoti tal-kuntratti ffinalizzati fl-Istati Membri f’isem l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u korpi oħra mmexxija minn entitajiet legali pubbliċi, huwa soġġett li josserva l-prinċipji tat-Trattat u in partikolari għall-prinċipji tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-prinċipju ta’ l-istabbiliment ħieles u l-prinċipju tal-libertà li tipprovdi servizzi u l-prinċipji li jitnisslu minn dawn, bħal ma huwa il-prinċipju tat-trattament ugwali, il-prinċipju ta’ bla diskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ għarfien reċiproku, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipju tat-trasparenza. [...]

[...]

(4)

Stati Membri għandhom jassiguraw illi l-parteċipazzjoni ta’ korpi rregolati mill-liġi pubblika bħal dak li jagħmel l-offerta fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jikkawżax tgħawiġ ta’ kompetizzjoni in konnessjoni ma’ dawk li jagħmlu l-offerti privatament.

[...]

(32)

Sabiex tinkoraġġixxi l-involviment ta’ intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju fis-suq tal-kisbiet ta’ kuntratti pubbliċi, huwa rakkomandat li jiġu inklużi l-disposizzjonijiet għall-subkuntrattar.

[...]

(46)

Kuntratti għandhom jiġu assenjati fuq il-bażi ta’ kriterja oġġettiva li tassigura konformità mal-prinċipji ta’ trasparenza, bla diskriminazzjoni u trattament ugwali u li tiggarantixxi illi l-offerti huma assessjati fuq il-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva. [...]”

4

L-Artikolu 1(9) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Awtoritajiet ‘kuntrattwali’ [awtoritajiet kontraenti] tfisser l-[Istat, l-awtoritajiet] reġjonali jew lokali, korpi rregolati bil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet li ġew iffurmati b’waħda jew ħafna minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati bil-liġi pubblika.

‘Korpi rregolati bil-liġi pubblika’ tfisser kull korp:

(a)

stabbilit għall-għan speċifiku li jilħaq il-bżonnijiet fl-interess pubbliku, li m’għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali;

(b)

li għandhom personalità legali; u

(c)

ffinanzjati, mill-biċċa l-kbira, mill-Istat, [mill-awtoritajiet] reġjonali jew awtoritajiet lokali, jew korpi oħra rregolati mill-liġi pubblika; jew suġġetti għas-supervizzjoni manigerjali minn dawk il-korpi; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tagħhom huma appuntati mill-[Istat, mill-awtoritajiet] reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati bil-liġi pubblika.

Lista ta’ korpi li m’humiex eżawrjenti u kategoriji ta’ korpi rregolati bil-liġi pubblika li jissodisfaw il-kriterja riferuta fil-(a), (b) u (c) tat-tieni subparagrafu huma mniżżla fl-Anness III. L-Istati Membri se jinnotifikaw perjodikament lill-Kummissjoni b’kull tibdil fil-lista ta’ korpi u kategoriji ta’ korpi.”

5

L-Artikolu 48 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Abilità teknika u/jew professjonali”, jipprevedi:

“1.   L-abilitajiet Tekniċi u/jew professjonali ta’ l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu evalwati u eżaminati skond il-paragrafi 2 u 3.

2.   Evidenza ta’ l-abilitajiet Tekniċi ta’ l-operaturi ekonomiċi jistgħu jkunu fornuti b’mezz jew aktar ta’ dan li ġej skond in-natura, kwantità jew importanza, u użu tax-xogħlijiet, fornimenti jew servizzi:

(a)

(i)

[...]

(ii)

lista ta’ konsenji ewliena effettwati jew is-servizzi ewlenin provduti fl-aħħar tliet snin, bl-ammonti, dati u riċevituri, sew pubbliċi jew privati, involuti. Xhieda ta’ konsenja jew servizzi provduti għandha tingħata:

[...]

fejn ir-riċevitur kien xerrej privat, biċ-ċertifikazzjoni tax-xerrej jew, fin-nuqqas ta’ din, sempliċiment b’dikjarazzjoni mill-operatur ekonomiku;

[...]”

Id-dritt Portugiż

6

Id-Direttiva 2004/18 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Portugiż permezz tal-Código dos Contratos Públicos (kodiċi tal-kuntratti pubbliċi), approvat bid-Digriet‑Liġi Nru 18/2008, tad-29 ta’ Jannar 2008, kif emendat u ppubblikat mill-ġdid fl-Anness tad-Digriet‑Liġi Nru 287/2009, tat-2 ta’ Ottubru 2009 (Diário da República, l-ewwel sensiela, Nru 192, tat-2 ta’ Ottubru 2009).

7

L-Artikolu 165 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“1 –   Ir-rekwiżiti minimi fir-rigward tal-kapaċità teknika skont il-punt (h) tal-paragrafu 1 tal-artikolu ta’ qabel dan għandhom jiġu adattati għan-natura tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt li għandu jiġi konkluż u għandhom jiddeskrivu s-sitwazzjonijiet, il-kwalitajiet, il-karatteristiċi jew elementi oħrajn ta’ fatt fir-rigward ta’, b’mod partikolari:

a)

l-esperjenza professjonali tal-kandidati;

b)

ir-riżorsi umani, teknoloġiċi, f’tagħmir jew oħrajn użati, taħt kwalunkwe titolu li jkun, mill-kandidati;

c)

il-mudell u l-kapaċità organizzattiva tal-kandidati, partikolarment għal dak li jirrigwarda d-direzzjoni u l-integrazzjoni tal-kompetenzi speċjalizzati, is-sistemi informatiċi ta’ appoġġ u s-sistemi ta’ kontroll tal-kwalità;

d)

il-kapaċità tal-kandidati li jadottaw miżuri ta’ ġestjoni ambjentali fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt li għandu jiġi konkluż;

e)

l-informazzjoni li tidher fid-database tal-Instituto da Construção e do Imobiliário, I. P., dwar l-imprendituri, fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratt għal xogħlijiet jew ta’ konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi.

[...]

5 -   Ir-rekwiżiti minimi fir-rigward tal-kapaċità teknika skont il-paragrafu 1 u l-fattur ‘f’ li hemm fil-punt i) tal-paragrafu 1 tal-artikolu ta’ qabel dan ma jistgħux jiġu ffissati b’mod diskriminatorju.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-10 ta’ Diċembru 2013, l-AICP, fil-kwalità ta’ awtorità kontraenti, nehdiet sejħa għal offerti ristretta ġdida b’għażla minn qabel, għall-għoti ta’ kuntratt għal servizzi ta’ “implementazzjoni ta’ sistemi ta’ ġestjoni ambjentali, tal-kwalità u ta’ pjattaforma teknoloġika fi tlettax-il impriża”.

9

L-Artikolu 12(1)(c) u (f) tal-avviż ta’ kuntratt kien jipprevedi dan li ġej:

“Sabiex jintgħażlu, il-kandidati għandhom jippreżentaw id-dokumenti ta’ kandidatura li ġejjin:

[...]

c)

dikjarazzjoni tal-klijent, fuq letterhead u ttimbrata, li tagħti prova tal-implementazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni ambjentali u/jew ta’ kwalità mill-kandidat, konformement mal-mudell ta’ dikjarazzjoni li hemm fl-Anness VIII ta’ dan l-avviż ta’ kuntratt. Id-dikjarazzjoni għandu jkollha firma ċċertifikata minn nutar, avukat jew entità oħra kompetenti, li tippreċiża l-kwalità tal-firmatarju;

[...]

f)

dikjarazzjoni tal-klijent, fuq letterhead u ttimbrata, li tagħti prova tal-implementazzjoni ta’ sistemi ta’ ġestjoni, ta’ żvilupp u tal-implementazzjoni ta’ pjattaforma teknoloġika fin-netwerk, ta’ softwer ta’ ġestjoni u ta’ azzjonijiet ta’ koordinazzjoni mill-kandidat, li jippreċiża l-ammont inkwistjoni, skont il-mudell ta’ dikjarazzjoni li hemm fl-Anness IX ta’ dan l-avviż ta’ kuntratt. Id-dikjarazzjoni għandu jkollha firma ċċertifikata minn nutar, avukat jew entità oħra kompetenti, li tippreċiża l-kwalità tal-firmatarju; [...]”

10

B’deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2014, l-AICP approvat ir-rapport finali stabbilit mill-bord tal-għażla li għażel, għall-fażi ta’ preżentazzjoni tal-offerti, lil Índice ICT & Management Lda u eskluda, b’mod partikolari, il-kandidatura ta’ Ambisig, għar-raġuni li, minn naħa, din il-kumpannija ma kinitx tat prova tal-kundizzjonijiet dwar il-kapaċità teknika tagħha permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ xerrej privat, iċċertifikata konformement mal-Artikolu 12 tal-avviż ta’ kuntratt, u, min-naħa l-oħra, hija ma kinitx uriet u lanqas ma sostniet li kien impossibbli għaliha jew li hija kellha diffikultajiet serji sabiex tipproduċi tali dikjarazzjoni.

11

Fil-kuntest tar-rikors ippreżentat minn Ambisig kontra din id-deċiżjoni, it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Leiria (qorti amministrattiva u fiskali ta’ Leiria, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2014, parzjalment laqgħet il-motivi mqajma minn din il-kumpannija, annullat id-deċiżjoni tal-AICP u kkundannat lil din tal-aħħar tadotta avviż ta’ kuntratt ġdid fi żmien 20 jum.

12

Ambisig ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-formazzjoni kolleġjali tal-imsemmija qorti, għar-raġuni li din il-qorti wettqet żball meta warrbet il-motivi tar-rikors ibbażati b’mod partikolari fuq l-inkompatibbiltà tar-regoli stabbiliti mill-awtorità kontraenti dwar il-prova tal-kapaċitajiet tekniċi tal-kandidati mar-rekwiżiti previsti f’dan ir-rigward fl-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/18.

13

Peress li l-formazzjoni kolleġjali tat-Tribunal Administrativo e Fiscal de Leiria (qorti amministrattiva u fiskali ta’ Leiria) ċaħdet din il-kontestazzjoni permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Awwissu 2014, Ambisig adixxiet lill-qorti tar-rinviju b’rikors, għar-raġuni li lanqas dik is-sentenza ma rrikonoxxiet l-illegalità, fir-rigward tal-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/18, tar-regoli stabbiliti mill-awtorità kontraenti dwar il-mod ta’ amministrazzjoni tal-prova tal-kapaċitajiet tekniċi tal-kandidati.

14

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Central Administrativo Sul (qorti amministrattiva ċentrali tan-Nofsinhar, il-Portugall) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Peress li l-leġiżlazzjoni Portugiża ma tirregolax is-suġġett inkluż fit-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18, din id-dispożizzjoni hija direttament applikabbli fl-ordinament ġuridiku Portugiż fis-sens li tagħti lill-individwi dritt li jista’ jiġi invokat kontra l-awtoritajiet kontraenti?

2)

It-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli, stabbiliti minn awtorità kontraenti, li ma jippermettux lill-operatur ekonomiku jipproduċi l-prova tal-provvista ta’ servizzi permezz ta’ dikjarazzjoni ffirmata minnu stess, sakemm huwa ma jipprovax impossibbiltà jew diffikultà serja fil-kisba ta’ dikjarazzjoni ta’ xerrej privat?

3)

It-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli, stabbiliti minn awtorità kontraenti, li, taħt piena ta’ esklużjoni, jirrikjedu li d-dikjarazzjoni tax-xerrej privat tinkludi ċ-ċertifikazzjoni ta’ firma minn nutar, avukat jew entità oħra kompetenti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

15

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ traspożizzjoni fid-dritt intern, din tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti, lill-individwi, ta’ drittijiet li dawn jistgħu jinvokaw fil-konfront ta’ awtorità kontraenti quddiem il-qrati nazzjonali.

16

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Istat ikun astjena milli jittrasponi, fit-termini stabbiliti, direttiva fid-dritt nazzjonali jew meta ittrasponiha b’mod mhux korrett, l-individwi għandhom dritt jinvokaw fil-konfront tiegħu, quddiem il-qrati nazzjonali, biss id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-direttiva li, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, jidhru li huma inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Portgás, C‑425/12, EU:C:2013:829, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-14 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 31, kif ukoll tal-15 ta’ Mejju 2014, Almos Agrárkülkereskedelmi, C‑337/13, EU:C:2014:328, punt 31).

17

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18 jissodisfa dawn il-kriterji, peress li, minn naħa, huwa jistabbilixxi obbligu li ma fih ebda rekwiżit addizzjonali u lanqas suġġett għall-adozzjoni ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, huwa jindika b’mod ċar u komplet l-elementi li jistgħu jintalbu mingħand l-operaturi ekonomiċi sabiex jagħtu prova tal-kapaċità teknika tagħhom fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

18

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’dan is-sens fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50, li tħassret u ġiet issostitwita mid-Direttiva 2004/18.

19

Għalhekk, fil-punti 46 u 47 tas-sentenza tal-24 ta’ Settembru 1998, Tögel (C‑76/97, EU:C:1998:432), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li jistgħu jipproduċu effetti diretti d-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI tad-Direttiva 92/50, li fosthom kien jidher b’mod partikolari l-Artikolu 32(2) tagħha, li t-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18 irrepeta l-kontenut tiegħu fi kliem kważi identiku.

20

Madankollu, għandu wkoll jiġi ppreċiżat, għall-finijiet li tingħata risposa utli għall-ewwel domanda, jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18 jistax jiġi invokat fil-konfront ta’ kull entità kkwalifikata bħala “awotrità kontraenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(9) ta’ din id-direttiva.

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk direttiva ma tkunx minnha nfisha tista’ toħloq obbligi fuq individwu u għaldaqstant ma tkunx tista’ tiġi invokata bħala tali fil-konfront tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑15 ta’ Jannar 2015, Ryanair, C‑30/14, EU:C:2015:10, punt 30), meta l-partijiet f’kawża jkunu jistgħu jinvokaw tali direttiva fil-konfront mhux ta’ individwu, iżda fil-konfront ta’ Stat, huma jistgħu jagħmlu dan indipendentement mill-kwalità li dan tal-aħħar jaġixxi fiha. Fil-fatt, għandu jiġi evitat li l-Istat ikun jista’ jikseb vantaġġ mill-ksur, min-naħa tiegħu, tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2013, Portgás, C‑425/12, EU:C:2013:829, punt 23).

22

Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jistgħu jkollhom effetti diretti jistgħu jiġu invokati mhux biss fil-konfront ta’ entità pubblika, iżda wkoll fil-konfront ta’ organu li, tkun xi tkun il-forma ġuridika tiegħu, ikun ġie inkarigat, bis-saħħa ta’ att tal-awtorità pubblika, sabiex taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar iwettaq servizz ta’ interess pubbliku u li, għal dan l-għan, ikun jiddisponi minn setgħat eżorbitanti b’relazzjoni mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Portgás, C‑425/12, EU:C:2013:829, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dan il-każ, fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-AICP, mill-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Portugiż matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li din l-entità, filwaqt li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità kontraenti” fis-sens tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, tikkostitwixxi assoċjazzjoni ta’ impriżi rregolati mid-dritt privat, li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq sabiex fil-konfront tagħha jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, peress li din ma tipprovdi ebda servizz ta’ interess pubbliku taħt il-kontroll tal-awtoritajiet tal-Istat u ma għandhiex setgħat eżorbitanti b’relazzjoni mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi, liema fatt madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

24

F’tali ipoteżi, madankollu, tkun din il-qorti li jkollha tinterpreta d-dritt intern, sa fejn possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Direttiva 2004/18 sabiex jintlaħaq ir-riżultat imfittex fit-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tagħha u, għaldaqstant, sabiex ikun hemm konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 31).

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa madankollu limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 32).

26

Għaldaqstant, għall-każ fejn interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi mad-Direttiva 200/18 ma tkunx possibbli, il-parti leża min-nuqqas ta’ konformità ta’ dan id-dritt mad-dritt tal-Unjoni tkun tista’ tinvoka l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428), sabiex tikseb, jekk ikun il-każ, kumpens għad-danni subiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Fenoll, C‑316/13, EU:C:2015:200, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jagħti lill-individwi, fl-assenza ta’ traspożizzjoni fid-dritt intern, drittijiet li dawn jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali fil-konfront ta’ awtorità kontraenti, sa fejn din tkun entità pubblika jew tkun ġiet inkarigata, permezz ta’ att tal-awtorità pubblika, twettaq, taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar, servizz ta’ interess pubbliku u għal dan il-għan ikollha setgħat eżorbitanti b’relazzjoni mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi.

Fuq it-tieni domanda

28

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18 jipprekludix l-applikazzjoni ta’ regoli, stabbiliti minn awtorità kontraenti li ma jippermettux lil operatur ekonomiku li jagħti prova tal-kapaċitajiet tekniċi tiegħu permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali, ħlief jekk dan jagħti l-prova tal-impossibbiltà jew tad-diffikultà serja li jikseb ċertifikazzjoni tax-xerrej privat.

29

F’dan ir-rigward, preliminarjament għandu jitfakkar li l-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18 jipprevedi li l-kapaċitajiet tekniċi tal-operaturi ekonomiċi jistgħu jkunu ġġustifikati bil-preżentazzjoni ta’ lista tal-kunsinni prinċipali jew tas-servizzi prinċipali pprovduti matul it-tliet snin ta’ qabel l-avviż ta’ kuntratt.

30

Fil-każ fejn id-destinatarju ta’ dawn l-operazzjonijiet ikun xerrej privat, it-tieni inċiż ta’ din id-dispożizzjoni jistabbilixxi li l-prova ta’ dawn il-kunsinni jew servizzi tista’ tingħata b’żewġ modi differenti, jiġifieri, “biċ-ċertifikazzjoni tax-xerrej jew, fin-nuqqas ta’ din, sempliċiment b’dikjarazzjoni mill-operatur ekonomiku”.

31

Il-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda preċiżament ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ mezzi ta’ prova, sa fejn din hija intiża li tiddetermina jekk dawn jinsabux fuq livell ugwali, fejn l-operatur ikun jista’ b’mod liberu juri l-kapaċitajiet tekniċi b’mod indifferenti kemm b’ċertifikazzjoni mix-xerrej privat, jew permezz ta’ sempliċi dikjarazzjoni redatta minnu stess, jew jekk, għall-kuntrarju, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxiex ġerarkija bejn l-imsemmija mezzi ta’ prova, fejn l-użu minn operatur ta’ tali dikjarazzjoni unilaterali jkun limitat biss għall-ipoteżijiet fejn ma jkunx possibbli għalih li jikseb l-imsemmija ċertifikazzjoni.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) huwa redatt fi kliem li, konformement mas-sens abitwali tagħhom f’linwaġġ ta’ kuljum, ma jagħtu lok għal ebda dubju raġonevoli.

33

Fil-fatt, hekk kif ġie indikat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-espressjoni “fin-nuqqas ta’ din” użata fl-imsemmija dispożizzjoni, tirreferi, skont is-sens komuni, għal relazzjoni mhux ta’ ekwivalenza iżda ta’ sussidjarjetà bejn il-mezzi ta’ prova msemmija.

34

Minn dan isegwi li, skont interpretazzjoni litterali, it-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18 għandu jinftiehem fis-sens li operatur ekonomiku ma jistax ikun awtorizzat mis-setgħat kontraenti sabiex jistabbilixxi l-kapaċitajiet tekniċi tiegħu permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali ħlief jekk ma jkunx possibbli għalih li jikseb iċ-ċertifikazzjoni tax-xerrej privat.

35

Tali interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mill-kuntest li fih jintuża l-kliem ta’ dan l-artikolu u mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2004/18 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, GENESIS, C‑190/10, EU:C:2012:157, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest tat-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi sistema magħluqa li tillimita l-metodi ta’ evalwazzjoni u ta’ verifika tal-kapaċitajiet tekniċi li għandhom dawn l-awtoritajiet kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Édukövízig u Hochtief Construction, C‑218/11, EU:C:2012:643, punt 28). Minn dan isegwi li, jekk f’dan il-qasam ma jistgħux jiġu stabbiliti mezzi ta’ prova ġodda mill-imsemmija awtoritajiet, dawn lanqas ma jistgħu jillimitaw il-portata tal-mezzi diġà previsti.

37

Issa, l-interpretazzjoni litterali tat-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18, kif tirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, hija l-unika waħda kompatibbli ma’ dan il-kuntest. Fil-fatt, huwa stabbilit li qari alternattiv ta’ din id-dispożizzjoni, li skontha l-awtoritajiet kontraenti għandhom jippermettu lil kwalunkwe operatur ekonomiku li jagħżel b’mod liberu bejn mezz ta’ prova wieħed jew l-ieħor imsemmija, jikkawża preġudizzju għall-effettività u, għaldaqstant, għall-portata stess, tal-mezz ibbażat fuq iċ-ċertifikazzjoni mingħand ix-xerrej privat, sa fejn huwa probabbli li kull operatur se jikkuntenta li jipproduċi, fi kwalunkwe każ, dikjarazzjoni unilaterali bl-għan li jikkonforma ma’ din id-dispożizzjoni.

38

F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2004/18, għandu jiġi rrilevat li s-sistema stabbilita minnha hija intiża b’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-premessi 2, 4 u 46 tagħha, li tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-offerenti privati u li tiżgura l-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll ta’ ugwaljanza fit-trattament.

39

Issa, interpretazzjoni litterali tat-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18, kif tirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, intiża li tagħti privileġġ lil-mezz ta’ prova bbażat fuq ċertifikazzjoni mingħand ix-xerrej privat tal-operatur ekonomiku kkonċernat, tirriżulta li hija wkoll koerenti mat-tfittxija tal-għanijiet imsemmija fil-punt ta’ qabel dan tas-sentenza preżenti, sa fejn, minn naħa, din tiggarantixxi iktar trasparenza u ċertezza legali fir-rigward tar-realtà tal-kapaċitajiet tekniċi ta’ dan l-operatur u, min-naħa l-oħra, hija tippermetti l-prevenzjoni tal-kontroll suċċessiv tad-dikjarazzjonijiet ipprovduti minn kull operatur ekonomiku li l-awtorità kontraenti hija obbligata twettaq skont l-Artikolu 44(1) u l-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva 2004/18.

40

Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, ir-regoli stabbiliti mill-awtoritajiet kontraenti dwar l-implementazzjoni taż-żewġ mezzi ta’ prova msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18 ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu neċesssarju sabiex jinkisbu l-għanijiet intiżi minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Impresa Edilux u SICEF, C‑425/14, EU:C:2015:721, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Minn dan isegwi li, hekk kif irrilevaw l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, regoli li jinsabu f’avviż ta’ kuntratt li jawtorizzaw lil operatur ekonomiku jipproduċi dikjarazzjoni unilaterali bl-għan li jistabbilixxi l-kapaċitajiet tekniċi tiegħu biss jekk dan juri l-impossibbiltà assoluta li jikseb ċertifikazzjoni tax-xerrej privat jirriżultaw li huma sproporzjonati. Fil-fatt, tali regoli jimponu fuqu oneru eċċessiv meta mqabbel ma dak li huwa neċessarju sabiex il-kompetizzjoni ma tiġix distorta u sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

42

Għall-kuntrarju, regoli li jkunu jinsabu f’avviż ta’ kuntratt li skonthom operatur ekonomiku għandu dritt jibbaża ruħu fuq tali dikjarazzjoni unilaterali anki fiċ-ċirkustanza fejn huwa juri, permezz ta’ elementi oġġettivi li għandhom jiġu vverifikati każ b’każ, l-eżistenza ta’ diffikultà serja li xxekklu milli jikseb tali ċertifikazzjoni, minħabba, pereżempju, il-mala fide tax-xerrej privat ikkonċernat, jidhru li huma konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn dawn ir-regoli ma jimponux fuq l-operatur inkwistjoni oneru tal-prova żmiżurat meta mqabbel mat-tfittxija ta’ dawn l-istess għanijiet.

43

Dan jidher li huwa l-każ, bla ħsara għal verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, tar-regoli li jinsabu fl-avviż ta’ kuntratti stabbilit mill-AICP u li huma kkuntestati fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ regoli, stabbiliti minn awtorità kontraenti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jippermettux lil operatur ekonomiku jagħti prova tal-kapaċitajiet tekniċi tiegħu permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali, ħlief jekk dan jagħti l-prova tal-impossibbiltà jew tad-diffikultà serja li jikseb ċertifikazzjoni tax-xerrej privat.

Fuq it-tielet domanda

45

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18 jipprekludix l-applikazzjoni ta’ regoli, stabbiliti minn awtorità kontraenti, li jimponu, taħt piena ta’ esklużjoni tal-kandidatura tal-offerent, li ċ-ċertifikazzjoni tax-xerrej privat ikollha firma ċċertifikata minn nutar, avukat jew entità oħra kompetenti.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-verżjoni tagħha bil-lingwa Portugiża, il-frażi “ċertifikazzjoni tax-xerrej”, li tidher fit-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18, li taqra “declaração reconhecida do adquirente” (“dikjarazzjoni ċċertifikata tax-xerrej”), li tagħti x’jifhem li, sabiex tkun valida, id-dikjarazzjoni tax-xerrej privat għandha jkollha firma awtentikata.

47

Madankollu, kif jenfasizzaw il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, il-formulazzjoni tal-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni hija fformulata fi kliem differenti, li jidhru li jwasslu għal interpretazzjoni inqas restrittiva tal-portata ta’ tali mezz ta’ prova. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża (“om Erwerber ausgestellte Bescheinigung”), Spanjola (“certificado del comprador”), Taljana (“attestazione dell’acquirente”) u Ingliża (“purchaser’s certification”) li l-frażi “ċertifikazzjoni tax-xerrej” għandha tinftiehem fis-sens li operatur ekonomiku jista’ jagħti prova tal-kapaċitajiet tekniċi tiegħu permezz ta’ sempliċi dokument redatt mingħajr ebda formaliżmu speċifiku minn xerrej privat wieħed tiegħu jew minn diversi xerrejja privati tiegħu, li jiċċertifika l-kunsinni prinċipali jew is-servizzi prinċipali matul l-aħħar tliet snin u jippreċiża l-ammont u d-data ta’ dawn il-provvisti.

48

Fir-rigward ta’ din id-diverġenza lingwistika, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala l-unika bażi għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Għalhekk, fil-każ ta’ diskrepanza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fir-rigward tal-istruttura ġenerali tat-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18, hekk kif tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, dan jistabbilixxi sistema magħluqa li tillimita l-possibbiltà għall-awtoritajiet kontraenti li jipprevedu mezzi ta’ prova ġodda jew li jifformulaw rekwiżiti addizzjonali li jġibu emenda sostanzjali fir-rigward tan-natura u tal-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni tal-mezzi diġà previsti.

50

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li jkun meħtieġ li l-firma li tkun tinsab fuq iċ-ċertifikazzjoni tax-xerrej privat tkun awtentikata jintroduċi formaliżmu li jikkostitwixxi tali emenda sostanzjali għall-ewwel wieħed miż-żewġ mezzi ta’ prova msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18, li jirrendi iktar onerużi l-passi li għandhom jittieħdu minn operatur ekonomiku sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-oneru probatorju tiegħu, u dan ikun kuntrarju għall-istruttura ġenerali ta’ dan l-artikolu.

51

Fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 2004/18, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 1 u 2 tagħha, din tistabbilixxi regoli ta’ koordinazzjoni li huma intiżi, b’mod partikolari, li jissimplifikaw u jimmodernizzaw il-proċeduri nazzjonali ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, sabiex tiġi ffaċilitata l-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u s-sejħa għal offerti għal tali kuntratti.

52

B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva hija intiża li tiffaċilita l-aċċess tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju għall-kuntratti pubbliċi, kif tistabbilixxi l-premessa 32 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Ottubru 2013, Swm Costruzioni 2 u Mannocchi Luigino, C‑94/12, EU:C:2013:646, punt 34, u tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 34).

53

Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 80 u 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-valur probatorju taċ-ċertifikazzjoni tax-xerrej privat ikun suġġett għall-awtentikazzjoni tal-firma tiegħu minn entità terza jintroduċi formaliżmu li jista’ jwassal mhux għall-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni l-iktar wiesgħa possibbli, iżda għar-restrizzjoni u għal-limitazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari dawk barranin, f’tali kuntratti.

54

Fil-fatt, minħabba t-termini qosra normalment stabbiliti għall-preżentazzjoni tal-kandidaturi fl-avviżi ta’ kuntratt kif ukoll minħabba diverġenzi li jeżistu bejn id-diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar l-awtentikazzjoni tal-iffirmar tal-atti, ma huwiex eskluż li numru kbir ta’ operaturi, speċjalment barranin, jistgħu jkunu dissważi milli jitfgħu l-offerti tagħhom, fid-dawl tad-diffikultà prattika li jipproduċu, fl-Istat Membru kkonċernat mill-għoti tal-kuntratt, ċertifikazzjoni li l-firma ġiet awtentikata b’mod regolari.

55

Konsegwentement, l-istruttura ġenerali u l-għan tad-Direttiva 2004/18 iwasslu sabiex tinżamm l-interpretazzjoni li ċ-“ċertifikazzjoni” tax-xerrej privat, l-istess bħad-“dikjarazzjoni ċċertifikata” li tidher fil-verżjoni Portugiża tat-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) ta’ din id-direttiva, teħtieġ biss il-produzzjoni ta’ attestazzjoni redatta minn dan ix-xerrej u l-awtoritajiet kontraenti ma jistgħux iżidu magħha xi formaliżmi oħra, bħall-awtentikazzjoni tal-firma tal-imsemmi xerrej minn entità kompetenti.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli, stabbiliti minn awtorità kontraenti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, taħt piena ta’ esklużjoni tal-kandidatura tal-offerent, jimponu li ċ-ċertifikazzjoni tax-xerrej privat ikollha firma awtentikata minn nutar, avukat jew entità oħra kompetenti.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jagħti lill-individwi, fl-assenza ta’ traspożizzjoni fid-dritt intern, drittijiet li dawn jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali fil-konfront ta’ awtorità kontraenti, sa fejn din tkun entità pubblika jew tkun ġiet inkarigata, permezz ta’ att tal-awtorità pubblika, twettaq, taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar, servizz ta’ interess pubbliku u għal dan il-għan ikollha setgħat eżorbitanti b’relazzjoni mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi.

 

2)

It-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ regoli, stabbiliti minn awtorità kontraenti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jippermettux lil operatur ekonomiku jagħti prova tal-kapaċitajiet tekniċi tiegħu permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali, ħlief jekk dan jagħti l-prova tal-impossibbiltà jew tad-diffikultà serja li jikseb ċertifikazzjoni tax-xerrej privat.

 

3)

It-tieni inċiż tal-Artikolu 48(2)(a)(ii) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli, stabbiliti minn awtorità kontraenti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, taħt piena ta’ esklużjoni tal-kandidatura tal-offerent, jimponu li ċ-ċertifikazzjoni tax-xerrej privat ikollha firma awtentikata minn nutar, avukat jew entità oħra kompetenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Top