Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0240

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-28 ta’ April 2016.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:308

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

    ippreżentati fit-28 ta’ April 2016 ( 1 )

    Kawża C‑240/15

    Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni

    vs

    Istituto Nazionale di Statistica – ISTAT,

    Presidenza del Consiglio dei Ministri,

    Ministero dell’Economia e delle Finanze

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja)]

    “Networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Effett ħażin fuq l-imparzjalità u l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — Sottomissjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għad-dispożizzjonijiet relatati mal-limitazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi”

    1. 

    Il-Parlament ta’ Stat Membru jista’ jestendi lil hekk imsejħa “awtoritajiet regolatorji nazzjonali” ( 2 ) l-miżuri leġiżlattivi marbutin mal-limitazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż, adottati għall-awtoritajiet pubbliċi l-oħra? Dan huwa, fil-qosor, id-dubju li jressaq il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja), fit-talba għal deċiżjoni preliminari, lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ kawża dwar l-impatt li l-liġijiet ta’ tnaqqis fin-nefqa pubblika jista’ jkollhom fuq l-indipendenza tal-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (awtorità għall-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet, l-Italja; iktar ’il quddiem l-“AGCOM”).

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt tal-Unjoni

    2.

    Il-premessa 11 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) ( 3 ), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE ( 4 ) tipprevedi dan li ġej:

    “Skond il-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-awtorità jew awtoritajiet nazzjonali regolatorji bil-ħsieb li jiżguraw l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħhom. Il-ħtieġa ta’ l-indipendenza hija mingħajr preġudizzju għall-awtonomija istituzzjonali u l-obbligazzjonijiet kostituzzjonali ta’ l-Istati Membri jew tal-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tar-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema tas-sidien tal-proprjetà preskritta f’Artikolu [345 TFUE]. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom ikunu fil-pussess tar-riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tan-numru ta’ impjegati, kapaċità, u mezzi finanzjarji, għat-twettieq tax-xogħol tagħhom.”

    3.

    Min-naħa tagħha, il-premessa 13 tad-Direttiva 2009/140, li emendat id-Direttiva Qafas, tipprevedi li:

    “L-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandha tissaħħaħ biex tiġi żgurata l-applikazzjoni iktar effettiva tal-qafas regolatorju u biex tiżdied l-awtorità tagħhom u l-prevedibbiltà fid-deċiżjonijiet tagħhom. Għal dan il-għan, għandha ssir dispożizzjoni espressa fil-liġi nazzjonali biex jiġi żgurat li, fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi tkun protetta mill-interventi esterni jew pressjoni politika li jistgħu jipperġudikaw l-evalwazzjoni indipendenti tagħha ta’ materji li jiġu quddiemha. Din l-influwenza esterna tirrendi l-entità leġiżlattiva nazzjonali mhux adatta biex taġixxi bħala awtorità regolatorja nazzjonali taħt il-qafas regolatorju. […] Huwa importanti li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jkollhom il-baġit tagħhom stess, partikolarment sabiex ikunu jistgħu jirreklutaw għadd suffiċjenti ta’ persunal kwalifikat. Biex tiġi żgurata t-trasparenza, dan il-baġit għandu jiġi pubblikat kull sena.”

    4.

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas, wara li ġie emendat permezz tad-Directiva 2009/140, jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull wieħed mix-xogħlijiet assenjati lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji f’din id-Direttiva u fid-Direttiva Speċifiċi jitwettaq minn korp kompetenti.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji billi jassiguraw li jkun legalment distinti minn u funzjonalment indipendenti mill-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, apparat jew servizzi. L-Istati Membri li jżommu l-proprjetà jew jikkontrollaw intrapriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi għandhom jassiguraw is-separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjoni regolatorja mill-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew kontroll.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u tempestiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jkollhom ir-riżorsi umani u finanzjarji xierqa biex iwettqu d-dmirijiet assenjati lilhom.

    3a.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali responsabbli għal regolazzjoni tas-suq ex-ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ tilwima bejn impriżi skont l-Artikolu 20 jew 21 ta’ din id-Direttiva għandhom jaġixxu indipendentement u m’għandhom jitolbu jew jieħdu struzzjonijiet minn ebda korp fir-rigward tal-eżerċitar ta’ dawn il-kompiti assenjati lilhom taħt il-liġi nazzjonali li timplimenta l-liġi Komunitarja. Dan ma għandux ifixkel is-superviżjoni skont il-liġi kostituzzjonali nazzjonali. Il-korpi ta’ appell biss stabbiliti skont l-Artikolu 4 għandu jkollhom is-setgħa li jissospendu jew ibiddlu deċiżjonijiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

    […]

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtoritajiet regolatorji nazzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu jkollhom baġits annwali separati. Il-baġits għandhom ikunu pubblikati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom riżorsi umani u finanzjarji xierqa sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem b’mod attiv fil-Korp ta’ Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) [ ( 5 ) ] kif ukoll jagħtu l-kontribut tagħhom lil dan il-Korp.

    […]”

    5.

    Il-premessa 30 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/20/KE, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni”) ( 6 ) tipprevedi li “[ħ]lasijiet amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jiffinanzjaw l-attivitajiet tal-awtorità regolatorja nazzjonali fl-amministrazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni u fl-għoti ta’ drittijiet ta’ użu. Dawk il-ħlasijiet għandhom ikunu limitati li jkopru in-nefqa amministrattiva attwali għal dawk l-attivitajiet. Għal dan il-għan għandha tinħoloq trasparenza fid-dħul u n-nefqa ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali permezz ta’ rapportar ta’ kull sena dwar is-somma totali ta’ ħlasijiet miġbura u n-nefqiet amministrattivi magħmula. Dan jippermetti li l-impriżi jivverifikaw li n-nefqiet għall-amministrazzjoni u l-ħlasijiet ikunu jibbilanċjaw”. Il-premessa 31 iżżid li “s-sistemi għall-ħlasijiet amministrattivi m’għandhomx joħolqu tgħawwiġ tal-kompetizzjoni jew joħolqu xkiel għad-dħul fis-suq”.

    6.

    Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni:

    “1.   Kull ħlas amministrattiv impost fuq impriżi li jfornu servizz jew network taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ikun ingħata dritt ta’ użu, għandu:

    a)

    fit-total, ikopri biss l-ispejjeż amministrattivi magħmula fl-amministrazzjoni, kontroll u infurzar ta’ l-iskema ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali u tad-drittijiet ta’ użu u l-obbligi speċifiċi kif imsemmija f’Artikolu 6(2), li jistgħu jinkludu spejjeż għall-kooperazzjoni internazzjonali, armonizzazzjoni u standardizzazzjoni, analiżi tas-suq, solveljanza tal-konformità u kontrolli oħra tas-suq, kif ukoll ħidma regolatorja li tinvolvi l-preparazzjoni u l-infurzar ta’ leġislazzjoni sekondarja u deċiżjonijiet amministrattivi, bħal deċiżjonijiet dwar l-aċċess u l-interkonnessjoni; u

    b)

    jiġi mpost fuq impriżi ndividwali b’mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat li jimminimizza spejjeż amministrattivi addizzjonali u l-ħlasijiet li jġibu magħhom.

    2.   Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jimponu ħlasijiet amministrattivi, għandhom jippublikaw rapport ta’ kull sena ta’ l-ispejjeż amministrattivi tagħhom u tas-somma totali ta’ ħlasijiet miġbura. Fid-dawl tad-differenza bejn is-somma totali tal-ħlasijiet u l-ispejjeż amministrattivi, għandhom isiru l-aġġustamenti xierqa.”

    B – Id-dritt nazzjonali

    7.

    Il-Liġi Nru 249, tal-31 ta’ Lulju 1997 ( 7 ), ħolqot l-AGCOM, u fl-Artikolu 1(9) tagħha tatha firxa wiesgħa ta’ awtonomija fl-organizzazzjoni u pprevediet li “għandha tadotta regolament dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament, il-baġits, ir-rapporti finanzjarji u l-amministrazzjoni tal-ispejjeż, anki permezz tal-istabbiliment ta’ eċċezzjonijiet għar-regoli ġenerali dwar il-kontabbiltà pubblika, kif ukoll is-sistema legali u ekonomika tal-persunal tagħha [...]”

    8.

    Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 259, tal-1 ta’ Awwissu 2003, adotta l-Kodiċi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi ( 8 ) li l-Artikolu 7(2) tiegħu, attribwixxa lill-AGCOM il-funzjonijiet tal-[ARN], li jirreferi għalihom l-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas.

    9.

    Il-Liġi Nru 311, tat-30 ta’ Diċembru 2004, dwar il-Baġit għall-2005 ( 9 ), imponiet limitu fuq iż-żieda fl-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, billi stabbiliet fl-Artikolu 1(5) tagħha dan li ġej: “Sabiex tiġi żgurata konformità mal-miri tal-finanzjament pubbliku stabbiliti fil-qasam tal-Unjoni Ewropea [...] għat-trijennju 2005-2007, in-nefqa totali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi inklużi fil-kontijiet ikkonsolidati, li għall-2005 jinsabu fl-Anness 1 ta’ din il-Liġi u li għas-snin sussegwenti għandhom jiġu ddeterminati permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika (iktar ’il quddiem, l-‘ISTAT’), li se tiġi ppubblikata fil-Gazzetta Ufficciale mhux iktar tard mill-31 ta’ Lulju ta’ kull sena, ma għandhiex taqbeż it-tnejn fil-mija tal-previżjonijiet korrispondenti aġġornati tas-sena preċedenti, skont dak li jirriżulta mir-Rapport ekonomiku, soċjali u finanzjarju [...]”

    10.

    Il-Liġi Nru 266, tat-23 ta’ Diċembru 2005, dwar il-Baġit tal-Istat għall-2006 ( 10 ), attribwiet lill-awtoritàjiet amministrattivi indipendenti, bħall-AGCOM, awtonomija finanzjarja. Skont l-Artikolu 1(65) tagħha: “Mis-sena 2007, l-ispejjeż marbuta mal-funzjonament [tal-AGCOM] għandhom jiġu ffinanzjati mis-suq ikkonċernat, għall-parti mhux koperta mill-finanzjament imħallas mill-baġit tal-Istat, skont il-modalitajiet previsti mil-liġi fis-seħħ u abbażi tal-ammonti ta’ kontribuzzjoni ddeterminati b’deċiżjoni ta’ kull waħda mill-awtoritajiet, b’osservanza tal-limiti massimi previsti mil-liġi u mħallsa direttament lilhom.”

    11.

    Id-Digriet-Liġi Nru 223, tal-4 ta’ Lulju 2006, imdaħħal fis-seħħ, wara emenda, bil-Liġi Nru 248, tal-4 ta’ Awwissu 2006 ( 11 ), impona l-obbligu li jitnaqqsu l-ispejjeż operattivi tal-amministrazzjonijiet u tal-korpi pubbliċi mhux territorjali. Skont l-Artikolu 22(1) tiegħu, “l-ammonti allokati għall-2006 għal infiq għall-konsum intermedju tal-baġits ta’ entitajiet u korpi pubbliċi mhux territorjali [...], stabbiliti skont l-Artikolu 1(5) u (6) tal-Liġi Nru 311, tat-30 ta’ Diċembru 2004 [b’xi eċċezzjonijiet] għandhom jitnaqqsu b’għaxra fil-mija [...]”. Dan it-tnaqqis affettwa lill-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha rreġistrati fil-lista tal-ISTAT, inkluża l-AGCOM.

    12.

    Il-Liġi Nru 196, tal-31 ta’ Diċembru 2009, li tistabbilixxi regolamenti ġenerali ġodda fil-qasam tal-kontabbiltà u l-finanzi pubbliċi ( 12 ), applikat regolament nazzjonali ġdid f’dan il-qasam. L-Artikolu 1(2) tagħha (kif emendat bl-Artikolu 5(7) tad-Digriet-Liġi Nru 16, tat-2 ta’ Marzu 2012) ( 13 ), ippreveda li: “Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament pubbliku, ser jitqiesu li huma amministrazzjonijiet pubbliċi, għall-2011, l-awtoritajiet, il-korpi u l-entitajiet elenkati għal finijiet ta’ statistika fil-lista suġġett tal-Komunikazzjoni tal-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika (ISTAT) tal-24 ta’ Lulju 2010, ippubblikata fl-istess data fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica italiana Nru 171, kif ukoll, mill-2012, l-awtoritajiet, il-korpi u l-entitajiet inklużi għal finijiet ta’ statistika mill-ISTAT fil-lista suġġett tal-komunikazzjoni tiegħu tat-30 ta’ Settembru 2011, ippubblikata fl-istess data fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica italiana Nru 228, u l-aġġornamenti sussegwenti mwettqa skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, skont id-definizzjonijiet adottati mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni Ewropea, l-Awtoritajiet indipendenti [ ( 14 ) ] u, fi kwalunkwe każ, l-amministrazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165 tat-30 ta’ Marzu 2001 u l-emendi sussegwenti tiegħu.”

    13.

    Fit-28 ta’ Settembru 2012, l-ISTAT ippubblika fil-GURI l-lista tal-amministrazzjonijiet pubbliċi inklużi fir-rapport tad-dħul kkonsolidat tal-awtoritajiet pubbliċi, fis-sens tal-Liġi Nru 196 tal-2009 ( 15 ). Din il-lista kienet tinkludi lill-AGCOM.

    II – Kawża nazzjonali u domandi preliminari

    14.

    L-AGCOM ressqet rikors quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale del Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio: iktar ’il quddiem, “TAR”) kontra l-lista mfassla mill-ISTAT fl-2012. Hija staqsiet dwar il-preżenza tagħha f’din il-lista, kif ukoll dwar id-deċiżjoni tal-leġiżlatur Taljan li japplika r-regoli dwar il-finanzi pubbliċi għaliha, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw il-limitazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi.

    15.

    Fis-sentenza tat-12ta’ Ġunju 2013, it-TAR ċaħdet it-talbiet tal-AGCOM billi pprovdiet, fost argumenti oħra, li l-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) kien iddeċieda, f’kawża differenti iżda relatata, is-sentenza Nru 6014/2012 fejn kien qal li l-preżenza tal-AGCOM fil-lista tal-ISTAT kienet skont il-liġi. L-indipendenza u l-awtonomija tal-AGCOM ma jeskluduhiex mill-kategorija tal-amministrazzjoni pubblika u mill-applikazzjoni sussegwenti tar-regoli dwar il-finanzi pubbliċi u s-sistema ta’ awtofinanzjament tagħha ma kinitx rilevanti għal dawn il-finijiet, minħabba li l-ħlasijiet miġburin mingħand l-operaturi huma taxxi skont id-dritt Taljan.

    16.

    AGCOM appellat mis-sentenza tat-TAR quddiem il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) billi sostniet li l-effettività tagħha, bħala awtorità regolatorja fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, naqset minħabba l-limitazzjonijiet finanzjarji u organizzattivi li jirriżultaw mis-sottomissjoni tagħha kemm għall-istandards nazzjonali fil-qasam tal-finanzi pubbliċi ( 16 ), kif ukoll għal dawk tal-limitazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi ( 17 ). Hija żiedet tgħid ukoll li l-leġiżlatur Taljan kellu japplika dispożizzjonijiet iktar favorevoli għaliha, simili għal dawk previsti għall-Banca d’Italia jew, mill-inqas, japplika t-tnaqqis tal-ispejjeż fuq il-parti tal-finanzjament li joriġina mill-baġit tal-Istat. Finalment, l-applikazzjoni tar-regoli domestiċi li jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom, skont l-AGCOM, tikser l-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

    17.

    L-ISTAT, il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri u l-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi opponew it-teorija tal-AGCOM.

    18.

    Fit-talba tiegħu għal deċiżjoni preliminari, il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) jispjega li l-legalità tal-lista tal-ISTAT ma għadhiex qed tiġi kkontestata, għax id-Digriet-Liġi Nru 16, tat-2 ta’ Marzu 2012, emendat l-Artikolu 1(2) tal-Liġi Nru 196, tal-31 ta’ Diċembru 2009, sabiex tinkludi, b’mod espliċitu, lill-awtoritajiet indipendenti (bħall-AGCOM) fost l-amministrazzjonijiet u l-entitajiet pubbliċi suġġetti għar-regoli dwar il-finanzi pubbliċi.

    19.

    Il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) jelabora, fid-deċiżjoni tiegħu, ir-raġunijiet li jwassluh sabiex jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali kkontestati mad-Direttiva Qafas u mad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Jekk dawn il-miżuri jiġu kklassifikati bħala li jiksru l-prinċipji ta’ imparzjalità, ta’ indipendenza u ta’ awtofinanzjament li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu lill-ARN, dawn ma jistgħux jiġu applikati għall-AGCOM, minħabba li jkunu kontra d-dritt tal-Unjoni. Il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat), madankollu, jemmen li ma teżistix din l-inkompatibbiltà.

    20.

    Minkejja dak li ntqal sa issa, huwa jqis li huwa neċessarju li jressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tneħħi d-dubji tiegħu u għalhekk jagħmlilha d-domanda li ġejja:

    “Il-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza anki mill-perspettiva finanzjarja u organizzattiva li għandhom jiġu rikonoxxuti favur l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji msemmija fl-Artikolu [3] tad-Direttiva 2002/21/KE, kif ukoll il-prinċipju ta’ awto-finanzjament sostanzjali msemmi fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/20/KE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali (bħal dik inkwistjoni fil-kawża f’din il-kawża) li tissuġġetta anki lil tali awtoritajiet bħala regola ġenerali għad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-finanzi pubbliċi u, b’mod partikolari, għal dispożizzjonijiet speċifiċi marbuta mal-limitazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż tal-amminstrazzjonijiet pubbliċi?”

    21.

    Fil-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ressqu osservazzjonijiet l-AGCOM, il-Gvern Taljan, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet li tiddeċiedi l-kwistjoni mingħajr ma tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

    III – Analiżi tad-domanda preliminari

    22.

    Permezz tad-domanda tiegħu, il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) jixtieq isir jaf, fil-qosor, jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas u l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jipprekludux li ARN tiġi suġġetta, b’mod ġenerali, għal-leġiżlazzjoni Taljana dwar il-finanzi pubbliċi u, speċjalment, għal-liġijiet approvati mill-Parlament dwar il-limitazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi.

    23.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi billi tikkunsidra l-fatti u d-dritt nazzjonali, kif stipulat mill-qorti tar-rinviju, li għandha tikkjarifika r-regoli interni li tqis li huma applikabbli għall-kawża prinċipali ( 18 ). Għaldaqstant, il-miżuri li allegatament jillimitaw l-indipendenza tal-AGCOM li għandhom jiġu analizzati huma biss dawk iċċitati mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) fil-każ tiegħu ( 19 ).

    24.

    L-AGCOM, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, irreferiet għal deċiżjonijiet sussegwenti oħra meħuda mil-leġiżlatur Taljan, li jkomplu fuq l-istess linja u li jissuġġettawha għar-regoli ġenerali ta’ limitazzjoni u razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż meħtieġa mill-amministrazzjonijiet pubbliċi Taljani kollha. Ma naħsibx li huwa rilevanti, sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, li jitqiesu r-regoli mhux imsemmija mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) fir-rinviju tiegħu, għalkemm, fir-realtà, is-soluzzjoni li se nipproponi probabbilment se tkun l-istess anki jekk jitqiesu dawn il-miżuri l-ġodda.

    A – L-indipendenza tal-ARN fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

    25.

    L-AGCOM hija waħda mill-“awtoritajiet indipendenti” jew “l-awtoritajiet amministrattivi independenti” maħluqa fl-Istati Membri tal-Unjoni sabiex jiżguraw l-implementazzjoni tar-regoli ta’ liberalizzazzjoni ta’ ċerti setturi ekonomiċi ( 20 ). Dawn ma humiex inklużi fl-amministrazzjoni ġerarkika klassika u, sabiex jaqdu b’imparzjalità l-funzjonijiet tagħhom kemm regolatorji kif ukoll superviżorji tekniċi ( 21 ), jingħataw status indipendenti, kemm fir-rigward tal-aġenti ekonomiċi, kif ukoll, jekk applikabbli, fir-rigward tal-awtoritajiet politiċi tal-Istat ( 22 ).

    26.

    L-indipendenza hija kkonfermata, l-ewwel nett, fir-rigward tal-operaturi tas-suq. Dan iseħħ fil-każ speċifiku tal-ARN tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva Qafas ( 23 ). Dan l-aspett tal-indipendenza tal-ARN huwa stabbilit b’mod wiesa’ mid-dritt sekondarju tal-Unjoni u, fil-każ tal-AGCOM, ma ġiex ikkontestat matul il-kawża tagħha mal-Gvern Taljan.

    27.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ( 24 ) indirizzat l-indipendenza tal-ARN fir-rigward tal-operaturi tas-suq, filwaqt li ddeċidiet fir-rigward tas-separazzjoni bejn il-funzjonijiet regolatorji u dawk tal-isfruttament kummerċjali. Hija ddikjarat f’diversi sentenzi li, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas, l-Istati Membri, filwaqt li jgawdu awtonomija istituzzjonali sabiex jorganizzaw u jistrutturaw l-ARN tagħhom, għandhom jiżguraw li kull wieħed mill-kompiti assenjati lilhom jitwettaq minn korp kompetenti. Huma għandhom jiggarantixxu wkoll l-indipendenza ta’ dawn l-awtoritajiet, filwaqt li jiżguraw li jkun legalment distinti u funzjonalment indipendenti mill-organizzazzjonijiet li jipprovdu n-networks, apparat jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll jiżguraw li jeżerċitaw is-setgħat tagħhom imparzjalment u b’mod trasparenti u fil-mument opportun ( 25 ).

    28.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-leġiżlatur ta’ Stat jista’ jkollu l-istatus ta’ ARN, fis-sens tad-Direttiva Qafas, sakemm, fit-twettiq ta’ din il-funzjoni, jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kompetenza, ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ trasparenza stipulati mill-imsemmija direttiva, sa fejn id-deċiżjonijiet tiegħu jkunu jistgħu jiġu appellati quddiem korp indipendenti u ma jillimitax jew ineħħi l-funzjonijiet li d-Direttivi espliċitament attribwew lill-ARN ( 26 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, l-ARN għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex iqisu l-ħtieġa ta’ regolamentazzjoni ta’ suq skont kull sitwazzjoni, abbażi ta’ każ b’każ ( 27 ).

    29.

    Il-fatt li l-indipendenza tal-ARN tippermetti li dawn jiġu eżenti mill-influwenza tal-awtoritajiet tal-Istat, b’mod partikolari tal-Gvern iwassal għal kumplessità ikbar. Din hija problema li tista’ teskala sa livell kostituzzjonali f’ċerti Stati, għaliex, finalment, l-ARN jaslu biex jingħataw status ta’ indipendenza mill-awtoritajiet politiċi ( 28 ), meta dawn huma l-korpi li għandhom il-leġittimità demokratika. L-emenda tal-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas mwettqa bid-Direttiva 2009/140 implementat preċiżament dan il-mudell ta’ ARN fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    30.

    L-indipendenza tal-ARN, fil-fehma tiegħi, ma tinkludix li dawn ikunu eżenti milli jkunu suġġetti għar-regoli operattivi bażiċi ta’ amministrazzjoni pubblika jew għall-kontroll u s-sorveljanza tal-Parlament. Il-protezzjoni offruta skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas, essenzjalment tinvolvi l-elementi li ġejjin ( 29 ):

    Indipendenza istituzzjonali, li timplika li l-ARN jitqiesu bħala entitajiet separati mill-ministeri u minn korpi pubbliċi oħra.

    Indipendenza funzjonali, jiġifieri, awtonomija sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom mingħajr indħil minn awtoritajiet oħra.

    Indipendenza tal-membri tagħhom u tal-persunal tagħhom fir-rigward tal-pressjonijiet jew interferenzi minn awtoritajiet oħra.

    Indipendenza finanzjarja, li tfisser disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji u materjali sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom b’mod awtonomu. B’mod speċifiku, dan il-każ jindirizza l-ambitu tal-indipendenza finanzjarja tal-AGCOM.

    31.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx, sa issa, dwar l-indipendenza politika tal-ARN fis-settur tal-komunikazzjonijiet, għall-kuntrarju ta’ dak li ġara fir-rigward tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għall-protezzjoni tad-data personali. Is-sentenzi fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar (b’mod partikolari, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, Il-Kummissjoni vs l-Awstrija u Il-Kummissjoni vs l-Ungerija) jipprovdu elementi ta’ riferiment li jistgħu jiġu estrapolati, b’ċerti riżervazzjonijiet, għall-ARN tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. L-awtoritajiet fil-qasam tal-protezzjoni tad-data jaġixxu bħala garanti tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata, fattur li jingħata importanza kbira mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipproteġi l-indipendenza tagħhom ( 30 ), li ma japplikax fil-każ tal-ARN fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    32.

    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtoritajiet superviżorji responsabbli għas-sorveljanza tal-ipproċessar tad-data personali għandu jkollhom indipendenza li tippermettilhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom mingħajr influwenza esterna. Din l-indipendenza teskludi, b’mod partikolari, kwalunkwe ordni jew influwenza esterna, irrispettivament mill-forma li tieħu, diretta jew indiretta, li tista’ tiggwida d-deċiżjonijiet tagħhom u għalhekk tipperikola t-twettiq tal-kompitu tagħhom li jistabbilixxu bilanċ ġust bejn il-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja privata u l-moviment liberu ta’ data personali ( 31 ). L-indipendenza funzjonali tal-awtoritajiet superviżorji hija rekwiżit essenzjali sabiex ikunu jistgħu jikkonformaw mal-kriterju ta’ indipendenza fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46, iżda ma hijiex biżżejjed fiha nnifisha sabiex tippreżervahom minn kull influwenza esterna ( 32 ).

    33.

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi riskju li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-Istat jistgħu jeżerċitaw influwenza politika fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni huwa biżżejjed sabiex jiġi ostakolat l-eżerċizzju indipendenti tad-dmirijiet tagħhom, peress li jista’ jkun hemm “ubbidjenza mistennija” tal-awtoritajiet superviżorji, fid-dawl tal-prassi deċiżjonali tal-awtorità ta’ superviżjoni. L-ubbidjenza ta’ dawn fir-rigward tal-poter politiku hija inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ indipendenza ( 33 ).

    34.

    Madankollu, anki għall-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għall-protezzjoni tad-data, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-indipendenza tagħhoma ma hijiex mingħajr limiti, u għalhekk ma huwiex konċepibbli li jkun hemm assenza totali ta’ influwenza Parlamentari fuqhom ( 34 ). Il-Parlament jew il-Gvern jistgħu jinnominaw lill-persuni inkarigati mit-tmexxija tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni u l-leġiżlatur jista’ jiddefinixxi l-kompetenzi ta’ dawk l-awtoritajiet u jimponilhom l-obbligu li jinfurmaw lill-Parlament dwar l-attivitajiet tagħhom ( 35 ).

    35.

    Fil-qosor, l-aġġustament tal-portata tal-indipendenza politika tal-ARN, kif ikkonċepita fid-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ diffiċli bejn, minn naħa, is-setgħat li għandhom jingħatawlhom sabiex tiġi żgurata l-libertà tagħhom li jwettqu attivitajiet u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li dawn ikunu suġġetti għal kontrolli demokratiċi tal-Istat tad-dritt u r-regoli ġenerali tal-funzjonament amministrattiv.

    B – Dwar l-eventwali limitazzjoni tal-indipendenza finanzjarja tal-AGCOM

    36.

    Il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar l-effett potenzjali li l-miżuri nazzjonali li jillimitaw l-ispejjeż pubbliċi jista’ jkollhom fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tal-AGCOM, iggarantiti mill-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas. Huwa jixtieq ikun jaf, finalment, jekk l-indipendenza finanzjarja tal-ARN (komponent bażiku tal-indipendenza politika tagħha) hijiex limitata b’mod inkompatibbli mal-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas, meta Stat Membru jillimita bil-liġi (f’dan il-każ, bi tnejn fil-mija) iż-żieda annwali tal-baġit ta’ ARN, jissuġġetaha għar-regoli dwar il-finanzi pubbliċi applikabbli għall-amministrazzjonijiet kollha u jnaqqas l-ispejjeż operattivi tagħha b’għaxra fil-mija. Dawn il-limitazzjonijiet huma ġenerali, jiġifieri, japplikaw għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Taljani kollha u ma ġewx adottati biss fir-rigward tal-AGCOM.

    37.

    L-AGCOM tqis li l-miżuri meħuda mill-Italja jillimitaw l-awtonomija baġitarja tagħha u, għalhekk, jaffettwaw l-indipendenza tagħha b’mod inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fehma tagħha, l-awtonomija baġitarja tal-ARN ma tippermettix li jiġu applikati għaliha b’mod ġenerali regoli nazzjonali fuq il-finanzi pubbliċi, inklużi dawk li jimponu limiti massimi ta’ żieda fl-infiq u dawk li jistabbilixxu tnaqqis lineari fl-ispejjeż, li għalhekk jaffettwaw il-libertà tagħha sabiex tamministra r-riżorsi finanzjarji tagħha bl-iktar mod xieraq skont il-ħtiġijiet funzjonali tagħha.

    38.

    L-AGCOM issostni, ukoll, li dawn it-tipi ta’ miżuri li jnaqqsu l-awtonomija finanzjarja tagħha ma humiex iġġustifikati mill-bżonn li jitnaqqsu l-ispejjeż pubbliċi, peress li l-ispejjeż ta’ ġestjoni tagħha ma humiex iffinanzjati mill-baġit tal-Istat: ir-riżorsi kollha tagħha jiġu mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-operaturi tas-suq suġġetti għall-attività regolatorja tagħha.

    39.

    L-AGCOM tindika, finalment, li l-Italja kellha soluzzjonijiet oħra inqas restrittivi fuq l-awtonomija finanzjarja u fuq l-indipendenza tagħha sabiex jinstab bilanċ bejn it-tnaqqis tal-ispejjeż pubbliċi u l-awtonomija tal-ARN. It-trattament li kellu jingħata mill-Istat Taljan kellu jkun, skont l-AGCOM, l-istess bħal dak li jingħata lill-bank ċentrali Taljan, li fir-rigward tiegħu ma ġewx estiżi awtomatikament il-miżuri tal-limitazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi.

    40.

    Il-Kummissjoni, l-Italja u l-Pajjiżi l-Baxxi għandhom opinjoni kuntrarja, li taqbel ma’ dik tal-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) fid-digriet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

    41.

    Madankollu, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta’ korp pubbliku, it-terminu “indipendenza” normalment jimplika Statut li jiżgura li l-korp ikkonċernat ikollu l-possibbiltà li jaġixxi b’libertà sħiħa, protett minn kull istruzzjoni u minn kull pressjoni ( 36 ). Din l-indipendenza, kif indikajt qabel, hija rrikonoxxuta kemm fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi fis-suq li fih topera l-ARN, kif ukoll fir-rigward tal-awtoritajiet politiċi tal-Istati ( 37 ) .

    42.

    Ċertament l-awtoritajiet politiċi ta’ Stat, ipotetikament, jistgħu jillimitaw l-indipendenza u jinfluwenzaw lill-ARN tagħhom permezz ta’ tnaqqis drastiku tar-riżorsi finanzjarji u umani tagħhom ( 38 ). Sabiex timpedixxi dan u ssaħħaħ l-istatus tal-ARN fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2009/140 introduċiet diversi emendi għall-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas, bil-għan li tittejjeb l-indipendenza finanzjarja tagħhom ( 39 ). Barra minn hekk, fl-Artikolu 3(3a), in fine, ġew inkorporati żewġ rekwiżiti espliċiti: li jkollhom baġits annwali separati u li jkollhom riżorsi umani u finanzjarji xierqa sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem b’mod attiv u jagħtu l-kontribut tagħhom għall-attivitajiet tal-BEREC.

    43.

    Madankollu, l-indipendenza finanzjarja tal-ARN ma hijiex stabbilita mid-Direttiva Qafas mingħajr limiti, peress li dan “ma għandux ifixkel is-superviżjoni skont il-liġi kostituzzjonali nazzjonali”. Din id-dikjarazzjoni hija marbuta mal-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja ( 40 ), li taċċetta l-eżerċizzju ta’ kontrolli parlamentari speċifiċi fuq l- awtoritajiet superviżorji nazzjonali għall-protezzjoni tad-data personali. Il-ġurisprudenza tista’ tiġi estrapolata għall-ARN fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, b’tali mod li huwa leġittimu li jiġu sottomessi għal ċerti regoli dderivati mill-prominenza inerenti tal-leġittimità demokratika ( 41 ). L-obbligu ta’ rendikont lill-Parlament nazzjonali u l-issuġġettar għall-awditjar tal-Qorti tal-Awdituri nazzjonali huma, pereżempju u fost l-oħrajn, fil-limiti previsti fid-Direttiva Qafas rigward l-ambitu tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    44.

    Kif qal il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-osservazzjonijiet tiegħu, nemmen li l-kontroll baġitarju tal-ARN mill-Parlament nazzjonali (li huwa kompatibbli, nerġa’ nirrepeti, mal-indipendenza finanzjarja li jipprovdilhom l-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas) jippermetti jiġu applikati fil-konfront tagħhom, anki ex ante, miżuri li jillimitaw l-ispejjeż pubbliċi. Dawn il-miżuri jaffettwaw biss l-indipendenza tagħhom, b’mod inkompatibbli mal-imsemmi Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas, kieku kienu sproporzjonati u ma jippermettux lill-ARN jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom jew jekk jinvolvu t-tneħħija tal-baġit separat tagħhom.

    45.

    Fil-każ Taljan, il-miżuri leġiżlattivi applikati lill-AGCOM ma wasslux għall-għajbien tal-baġit annwali tagħha, separat u pubbliku u, skont il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat), dawn lanqas ma affettwaw il-kapaċità tagħha li timmaniġġja r-riżorsi meħtieġa biex twettaq dmirijietha. Il-qorti tar-rinviju tosserva, bħala kwistjoni ta’ fatt li taqa’ unikament taħt il-kompetenza tagħha, li l-AGCOM lanqas ipprovdiet evidenza konkreta li turi l-eżistenza tal-effetti negattivi allegati, iżda sempliċement illimitat ruħha li tiddikjara li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikser l-awtonomija finanzjarja u l-indipendenza tagħha.

    46.

    Barra minn hekk, ir-regolamenti dwar il-finanzi pubbliċi u l-limitazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi (limitazzjoni taż-żieda fl-ispejjeż għal tnejn fil-mija prevista fil-Liġi Baġitarja tal-2005 u t-tnaqqis ta’ għaxra fil-mija mill-ispejjeż tagħha għall-konsum intermedju permezz tal-Liġi Nru 248, tal-4 ta’ Awwissu 2006) għandhom għan leġittimu ta’ dixxiplina baġitarja, ġeneralment adottata mill-Istat Taljan, u ma humiex deċiżjoni individwali li għandha l-AGCOM bħala d-destinatarja speċifika.

    47.

    Jekk l-AGCOM, għalhekk, ma wrietx quddiem il-qorti tar-rinviju li l-miżuri kkontestati kellhom impatt reali fuq l-attività tagħha u lanqas ma wriet li l-limitazzjonijiet baġitarji ġenerali ma ppermettewx li hija, b’mod konkret, tkun “fil-pussess tar-riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tan-numru ta’ impjegati, kapaċità, u mezzi finanzjarji, għat-twettieq tax-xogħol tagħhom” (premessa 11 tad-Direttiva Qafas), diffiċli li jiġi aċċettat li dawn fixklu l-indipendenza tagħha fis-sens li ssemma hawn fuq ( 42 ).

    48.

    It-talba tal-AGCOM sabiex tikseb trattament speċjali mill-Istat Taljan, li jkun ekwivalenti għal dak applikat għall-Banca d’Italia, li hija suġġetta biss għal obbligi ta’ riżultat, lanqas ma naħseb li hija ġġustifikata, u għal darb’oħra naqbel mal-pożizzjoni li tieħu l-qorti tar-rinviju dwar dan l-argument.

    49.

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas ma jistabbilixxix li l-indipendenza finanzjarja tal-ARN teħtieġ li l-Istati Membri jillimitaw ruħhom li jimponulha sempliċi obbligi ta’ riżultat fi kwistjonijiet baġitarji, bl-esklużjoni tal-miżuri trasversali ta’ limitazzjoni u trażżin tal-ispejjeż. Id-Direttiva Qafas lanqas ma tinkludi elementi li jassimilaw l-indipendenza tal-ARN ma’ dik ta’ bank ċentrali ta’ Stat Membru.

    50.

    L-indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali hija stabbilita fir-regoli tad-dritt primarju (l-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew) u tikkonforma mal-istatus partikolari tiegħu ta’ istituzzjoni inkarigata li tapplika, taħt it-tmexxija tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-politika monetarja unika, bl-għan tal-istabbiltà tal-prezzijiet ( 43 ). Barra minn hekk, din l-indipendenza hija neċessarja sabiex tiġi applikata effettivament, għall-banek ċentrali, l-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, stabbilita fl-Artikolu 123 TFUE. Ebda wieħed minn dawn l-objettivi ma jistgħu jiġu estrapolati għall-attivitajiet tal-ARN fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li l-istatus tagħhom huwa ddefinit fid-Direttivi rilevanti.

    51.

    L-AGCOM tindika li l-finanzjament tagħha ġej mill-baġit tal-Istat Taljan u, fil-parti l-kbira, mill-ħlasijiet amministrattivi imposti fuq l-operaturi tas-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Barra minn hekk, fis-snin reċenti l-awtofinanzjament tagħha kien totali, u għalhekk l-ispejjeż tagħha ma jikkawżawx defiċit pubbliku u l-implementazzjoni tal-miżuri ġenerali f’dan ir-rigward meħuda mill-Istat Taljan tikser l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, sa fejn dawn il-miżuri kellhom ikunu limitati, fil-każ tagħha, għall-finanzjament tal-AGCOM li jirriżulta mill-baġit statali.

    52.

    Fil-fehma tiegħi, ir-raġunament ma huwiex rilevanti, bi qbil mal-fehma tal-qorti tar-rinviju, tal-Kummissjoni, tal-Gvern Taljan u tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-ħlasijiet imposti fuq l-impriżi huma rregolati bl-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni u ma humiex maħsuba sabiex ikopru kull tip ta’ spejjeż amministrattivi sostnuti mill-ARN, imma, kif previst fl-Artikolu 12(1)(a) dawk magħmula fl-amministrazzjoni, fil-kontroll u fl-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali u tad-drittijiet ta’ użu u tal-obbligi speċifiċi kif imsemmija f’Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva, li jistgħu jinkludu spejjeż għall-kooperazzjoni internazzjonali, armonizzazzjoni u standardizzazzjoni, analiżi tas-suq, solveljanza tal-konformità u kontrolli oħra tas-suq, kif ukoll ħidma regolatorja li tinvolvi l-preparazzjoni u l-infurzar tad-dritt sekondarju u ta’ deċiżjonijiet amministrattivi, bħal deċiżjonijiet dwar l-aċċess u l-interkonnessjoni ( 44 ).

    53.

    Għalkemm l-Istati għandhom il-libertà dwar kif jistabbilixxu dawn il-ħlasijiet legalment, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jista’ jiġi inferit li dawk il-ħlasijiet għandhom ikopru l-ispejjeż amministrattivi reali tal-attivitajiet elenkati f’din id-Direttiva u jkunu bbilanċjati fil-konfront tagħhom, b’tali mod li d-dħul totali miġbur mill-Istati Membri abbażi ta’ dan il-ħlas ma jistax jaqbeż l-ispejjeż totali ta’ dawn l-attivitajiet ( 45 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 12(1)(b) jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jqassmu dawn il-ħlasijiet amministrattivi bejn l-impriżi b’mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat.

    54.

    Il-ħlasijiet li bihom l-AGCOM hija ffinanzjata huma taxxi imposti mill-Istat Taljan u l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma jagħtix lill-ARN setgħa assoluta li jistabbilixxu l-ammont ( 46 ) indipendentement mir-regoli dwar ir-restrizzjoni u l-limitazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi adottati b’mod ġenerali mill-Istat. Il-ħlasijiet għandhom ikunu proporzjonali għall-ispejjeż tal-AGCOM f’erba’ attivitajiet (jiġifieri l-ħruġ, il-ġestjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali applikabbli), u l-AGCOM ma tistax iżżid din l-ispiża jew tnaqqasha mingħajr kontroll indipendentement mir-regoli baġitarji ġenerali tal-Istat. Dawn it-taxxi, flimkien mal-bqija ta’ dawk imposti fuq l-impriżi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jiddeterminaw parti mill-piż fiskali sostnut mill-persuni taxxabbli (normalment l-impriżi jgħaddu dan il-piż fuq il-konsumaturi) u l-Parlament jista’, meta jkun meħtieġ skont il-bżonnijiet ekonomiċi, jilleġiżla f’dan ir-rigward. Jekk, bħal f’dan il-każ, il-miżuri leġiżlattivi dwar il-limitazzjoni tal-ispiża ma jkunux affettwaw il-kapaċità reali tal-AGCOM biex twettaq dmirijietha, ma tista’ ssir l-ebda kritika mill-perspettiva tal-indipendenza finanzjarja.

    55.

    Fil-qosor, nemmen li l-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza, irrikonoxxuti lill-ARN fl-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas, kif ukoll il-prinċipju ta’ awtofinanzjament sostanzjali previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta lil dawn l-ARN, b’mod ġenerali, għal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tal-finanzi pubbliċi u, b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qasam tal-limitazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet pubbliċi.

    IV – Konklużjoni

    56.

    Fid-dawl tar-raġunamenti preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja) kif ġej:

    “Il-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza, irrikonoxxuti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, kif ukoll il-prinċipju ta’ awtofinanzjament sostanzjali previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/20/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta lil dawn l-awtoritajiet, b’mod ġenerali, għal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tal-finanzi pubbliċi u, b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qasam tal-limitazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet pubbliċi”.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Dawn l-awtoritajiet ta’ spiss isir riferiment għalihom, mingħajr distinzjoni, bħala “awtorità regolatorja nazzjonali” jew “awtorità regolamentarja nazzjonali”. Għalkemm bejniethom hemm xi differenzi, f’dan id-dokument jistgħu jitqiesu bħala l-istess. Iktar ’il quddiem ser nuża l-akronimu “ARN”.

    ( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349.

    ( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU 2009, L 337, p. 37).

    ( 5 ) Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1211/2009, tal-25 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju (ĠU L 337, p. 1).

    ( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337.

    ( 7 ) Legge del 31 luglio 1997, n. 249, recante istituzione dell’Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (GURI Nru 177, tal-31 ta’ Lulju 1997).

    ( 8 ) Decreto legislativo de 1 agosto 2003, n. 259, Codice delle comunicazioni elettroniche (GURI Nru 214, tal-15 ta’ Settembru 2003).

    ( 9 ) Legge del 30 dicembre 2004, n. 311, Disposizioni per la formazzione del bilancio annuale y pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2005) (GURI Nru 306, tal-31 ta Diċembru 2004).

    ( 10 ) Legge del 23 dicembre 2005, n. 266, Disposizioni per la formazzione del bilancio annuale y pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2006), (GURI Nru 306, tad-29 ta’ Diċembru 2005).

    ( 11 ) Decreto legge del 4 luglio 2006, n. 223 (GURI Nru 153, tal-4 ta’ Lulju 2006, p. 4), convertito, con modifiche, nella legge del 4 agosto 2006, n. 248 (GURI Nru 186, tal-11 ta’ Awwissu 2006).

    ( 12 ) Legge del 31 dicembre 2009, n. 196, recante la nuova normativa generale in tema di contabilità e finanza pubblica (GURI Nru 303, tal-31 ta’ Diċembru 2009),

    ( 13 ) Decreto-legge del 2 marzo 2012, n. 16 (GURI Nru 52, tat-2 ta’ Marzu 2012).

    ( 14 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 15 ) Elenco delle amministrazioni pubbliche inserite nel conto economico consolidato individuate ai sensi dell’articolo 1, comma 3, della legge 31 dicembre 2009, n. 196 (GURI Nru 227, tat-28 ta’ Settembru 2012).

    ( 16 ) B’riferiment għall-Artikolu 1(2) tal-Liġi Nru 196, tal-31 ta’ Diċembru 2009.

    ( 17 ) Isir riferiment għal-Liġi Nru 311, tal-30 ta’ Diċembru 2004, dwar il-Baġit tal-2005, u d-Digriet-Liġi Nru 223, tal-4 ta’ Lulju 2006.

    ( 18 ) Sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda (C‑284/06, EU:C:2008:365), punt 39, u tal-21 ta’ Marzu 2013, Belgacom et (C‑375/11, EU:C:2013:185), punt 30.

    ( 19 ) Minn naħa, dawn huma dispożizzjonijiet li skonthom l-ispiża totali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi inklużi fil-kontijiet konsolidati, miġburin għall-2005 fl-Anness 1 tal-Liġi Nru 311, tat-30 ta’ Diċembru 2004, u li għas-snin sussegwenti se jiġu stabbiliti permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika (ISTAT), li għandha tiġi ppubblikata fil-Gazzetta Ufficciale mhux iktar tard mill-31 ta’ Lulju ta’ kull sena, ma għandhiex taqbeż tnejn fil-mija tal-previżjonijiet aġġornati korrispondenti tas-sena ta’ qabel bi qbil mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji (l-Artikolu 1(5) tal-Liġi Nru 311, tat-30 ta’ Diċembru 2004). Min-naħa l-oħra, il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) jirreferi għad-Digriet Liġi Nru 223, tal-4 ta’ Lulju 2006, imdaħħal fis-seħħ, wara li ġie emendat, bil-Liġi Nru 248, tal-4 ta’ Awwissu 2006, li stabbilixxa tnaqqis tal-ispejjeż operattivi tal-amministrazzjonijiet u tal-korpi pubbliċi mhux territorjali. Skont l-Artikolu 22(1) tiegħu, “l-ammonti allokati għall-2006 għal infiq għall-konsum intermedju tal-baġits ta’ entitajiet u korpi pubbliċi mhux territorjali [...], stabbiliti skont l-Artikolu 1(5) u (6) tal-Liġi Nru 311, tat-30 ta’ Diċembru 2004 [b’xi eċċezzjonijiet] għandhom jitnaqqsu b’għaxra fil-mija”.

    ( 20 ) Fuq din il-figura, tant importanti fid-dritt pubbliku Ewropew fis-snin reċenti, hemm abbundanza ta’ dottrina. Nirreferi għax-xogħlijiet ta’ Caranta, R.; Andenas, M.; Fairgrieve, D. (eds), Independent Administrative Authorities, British Institute of International and Comparative Law, Londra, 2005; García Álvarez, G., “La Unión Europea como estado regulador y las Administraciones independientes”, Revista de Adminsitración Pública, 2014, n.o 1, p. 79 sa 111; Hanretty, C.J.; Larouche, Pierre; Reindl, A., Independence, Accountability and Perceived Quality of Regulators, Center on Regulation in Europe, 2012; Ottow, A., “The different levels of protection of national supervisors’ independence in the European landscape”, f’Comtois S.; de Graaf, K. (eds.), On judicial and quasi-judicial Independence, Eleven International Publishing, Den Haag, 2013, p. 139 sa 166.

    ( 21 ) Fost il-kompiti normalment assenjati nsibu dawk tar-regolamentazzjoni, regolatorji, tas-superviżjoni, tal-ispezzjoni, tal-kontroll u finalment tas-sanzjonar. Mhux l-ARN kollha ovvjament, għandhom l-istess livell ta’ awtorità.

    ( 22 ) Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑518/07, EU:C:2010:125), punt 42.

    ( 23 ) Riprodott fil-punt 4.

    ( 24 ) Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-indipendenza tal-amministraturi tal-infrastrutturi tal-ferrovija tipprovdi ftit elementi rilevanti għal din il-kawża, għaliex, minn naħa, din hija rregolata b’mod aktar limitat fl-istandards mid-dritt sekondarju u, min-naħa l-oħra, il-każijiet solvuti kienu relatati mal-indipendenza tal-maniġer tal-ferroviji fir-rigward tal-kumpaniji fis-settur. Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑557/10, EU:C:2012:662); tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑556/10, EU:C:2013:116), u tat-18 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑625/10, EU:C:2013:243).

    ( 25 ) Sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2008, Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones (C‑82/07, EU:C:2008:143), punt 24; tas-6 ta’ Ottubru 2010, Base et (C‑389/08, EU:C:2010:584), punt 29, u tas-17 ta’ Settembru 2015, KPN (C‑85/14, EU:C:2015:610), punti 53 u 54.

    ( 26 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2010, Base et (C‑389/08, EU:C:2010:584), punt 30; u konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot ippreżentati fil-kawża KPN (C‑85/14, EU:C:2015:245), punti 110 sa 117.

    ( 27 ) Sentenzi tal-24 ta’ April 2008, Arcor (C‑55/06, EU:C:2008:244), punti 153 sa 156, u tat-3 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑424/07, EU:C:2009:749), punt 61.

    ( 28 ) Xi awturi nnotaw li meta direttiva tagħti setgħat esklużivi lil ARN indipendenti, fil-fatt, tipprevedi “riżerva ta’ amministrazzjoni”, jiġifieri teskludi azzjoni leġiżlattiva f’dak il-qasam partikolari. Ara, Baño León, J.M., “Reserva de administración y Derecho comunitario”, Papeles de Derecho Europeo e Integración Regional, WP IDEIR, 2001, Nru 7, p. 7.

    ( 29 ) Ara, f’dan ir-rigward, Lavrijssen, S.; Ottow, A., “Independent Supervisory Authorities: A Fragile Concept”, Legal Issues of Economic Integration, 2012, Nru 4, p. 427 u 428.

    ( 30 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu awtorità pubblika waħda jew aktar li jaġixxu b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja tipprevedi: “Ir-rekwiżit ta’ superviżjoni minn awtorità indipendenti tal-osservanza tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tat-trattament ta’ data personali jirriżulta wkoll mid-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 8(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 16(2) TFUE” (Sentenza tat-8 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija, C‑288/12, EU:C:2014:237, punt 47). Barra minn hekk, hija tikkonkludi wkoll li “għalhekk, l-istituzzjoni, fl-Istati Membri, ta’ awtoritajiet ta’ sorveljanza indipendenti tikkostitwixxi element essenzjali għall-osservanza tal-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali” (sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑518/07, EU:C:2010:125, punt 23, u tas-16 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs l-Awstrija, C‑614/10, EU:C:2012:631, punt 37).

    ( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑518/07, EU:C:2010:125), punt 30, u tas-16 ta’Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs l-Awstrija (C‑614/10, EU:C:2012:631), punti 41 u 43.

    ( 32 ) Sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs l-Awstrija (C‑614/10, EU:C:2012:631), punt 42, u tat-8 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija (C‑288/12, EU:C:2014:237), punt 52.

    ( 33 ) Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs l-Awstrija (C‑614/10, EU:C:2012:631), punt 51.

    ( 34 ) Analiżi tal-bilanċ bejn l-indipendenza u r-responsabbiltà tal-ARN tista’ tintwera f’ Hanretty, C.J.; Larouche, P.; Reindl, A., Independence, Accountability and Perceived Quality of Regulators, Center on Regulation in Europe, 2012.

    ( 35 ) Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑518/07, EU:C:2010:125), punti 43 sa 45.

    ( 36 ) Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑518/07, EU:C:2010:125), punt 18.

    ( 37 ) Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “meta jeżerċitaw id-dmirijiet tagħhom, l-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom jaġixxu b’mod oġġettiv u imparzjali. F’dan ir-rigward, huma għandhom ikunu protetti minn kull influwenza esterna inkluża dik diretta jew indiretta tal-Istat” (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑518/07, EU:C:2010:125), punt 25).

    ( 38 ) L-importanza tal-indipendenza finanzjarja tal-ARN ġiet enfasizzata mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), The Governance of Regulators. OECD Best Practice Principles for Regulatory Policy, 2014, p. 99; mis-Center on Regulation in Europe (CERRE), Code of Conduct and Best Practices for the setup, operations and procedure of regulatory authorities, 2014, p. 6, disponibbli fuq http://www.cerre.eu/content/cerre-code-conduct-and-best-practices-setup-operations-and-procedure-regulatory-authorities.

    ( 39 ) Riprodott fil-punt 4. Għandu jitfakkar li skont dan l-Artikolu 3(3), l-ARN għandu jkollhom “ir-riżorsi umani u finanzjarji xierqa biex iwettqu d-dmirijiet assenjati lilhom”.

    ( 40 ) Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010 (C‑518/07, EU:C:2010:125), punti 43 sa 46.

    ( 41 ) Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑518/07, EU:C:2010:125), punt 46.

    ( 42 ) Lanqas ma jidher li l-miżuri restrittivi u ta’ tnaqqis fl-ispejjeż implementati mill-Italja fil-konfront tal-AGCOM jostakolawha milli jkollha biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani sabiex tipparteċipa u tikkontribwixxi b’mod attiv fil-kompiti tal-BEREC, għall-finijiet tal-Artikolu 3(3a), in fine, tad-Direttiva Qafas. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-possibbiltà ta’ dan il-ksur fuq il-bażi tal-provi prodotti fil-proċess.

    ( 43 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Il-Bank Ċentrali Ewropew (C‑11/00, EU:C:2003:395), punti 134 u 135, dan li ġej: “l-Artikolu 108 KE jipprova, essenzjalment, jipproteġi lill-BĊE mill-pressjoni politika kollha sabiex huwa jkun jista’, b’mod effettiv, jilħaq l-għanijiet mogħtija lill-kompiti tiegħu, permezz ta’ l-eżerċizzju indipendenti tas-setgħat speċifiċi li huwa għandu għal dan il-għan bis-saħħa tat-Trattat KE u l-Istatut tas-SEBĊ. […] Min-naħa l-oħra, […] el l-fatt li huwa rikonoxxut li l-BĊE għandu din l-indipendenza ma jfissirx li huwa kompletament isseparat mill-Komunità Ewropea u li huwa eżentat minn kull regola tad-dritt Komunitarju”.

    ( 44 ) Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Vodafone Omnitel et (C‑228/12 sa C‑232/12 u C‑254/12 sa C‑258/12, EU:C:2013:495), punti 38 u 40.

    ( 45 ) Din l-analiżi hija mwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja (preċiżament fir-rigward tal-ħlasijiet miġbura fl-Italja mill-AGCOM) fis-sentenzi tat- 18 ta’ Lulju 2013, Vodafone Omnitel et (C‑228/12 sa C‑232/12 u C‑254/12 sa C‑258/12, EU:C:2013:495), punt 41. Ara, fl-istess sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Vodafone Malta u Mobisle Communications (C‑71/12, EU:C:2013:431), punt 23.

    ( 46 ) Barra minn hekk, il-premessa 31 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni tipprevedi li “s-sistemi għall-ħlasijiet amministrattivi m’għandhomx joħolqu tgħawwiġ tal-kompetizzjoni jew joħolqu xkiel għad-dħul fis-suq”. Livell eċċessivament għoli ta’ spejjeż amministrattivi mill-AGCOM imur kontra dan l-għan.

    Top