Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0451

Kawża T-451/14: Rikors ippreżentat fis- 16 ta’ Ġunju 2014 – Fujikura vs Il-Kummissjoni

OJ C 303, 8.9.2014, p. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 303/41


Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Ġunju 2014 – Fujikura vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-451/14)

2014/C 303/49

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Fujikura Ltd (Tokjo, il-Ġappun) (rappreżentant: L. Gyselen, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha fl-Artikolu 2(o) tad-deċiżjoni abbażi tal-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-akkordju bejn it-18 ta’ Frar 1999 u t-30 ta’ Settembru 2001;

tannulla l-Artikolu 2(p) tad-deċiżjoni sa fejn iżżomm lil Fujikura responsabbli in solidum għall-multa imposta fuq Viscas bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u t-28 ta’ Jannar 2009; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-iżball li l-Kummissjoni wettqet meta inkludiet il-bejgħ indipendenti tal-kumpanniji parent ta’ Viscas tal-2004 fil-valur tal-bejgħ użat biex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa. Ir-rikorrenti ssostni li hija ma pparteċipatx fl-akkordju allegat ħlief sat-30 ta’ Settembru 2001 u li l-bejgħ indipendenti tagħha matul l-2004 ma huwiex relatat mal-akkordju.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-Kummissjoni, sa fejn din tal-aħħar ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti d-daqs limitat tal-impriżi Ġappuniżi fl-akkordju meta hija ffissat l-ammont bażiku tal-multa. Ir-rikorrenti tosserva li peress li kienet iltaqgħet ma’ ostakli tekniċi u kummerċjali kunsiderevoli mad-dħul tagħha fis-suq Ewropew, l-impenn tagħha ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) ma kellux effett fuq l-effettività tal-ftehim konklużi mill-produtturi Ewropej u intiżi għat-tqassim tal-klijenti fiż-ŻEE. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tiddistingwi b’mod iktar ċar il-koeffiċjent ta’ gravità użat għall-multi imposti fuq ir-rikorrenti (jew fuq produtturi Ażjatiċi oħra) minn dak użat għall-multi imposti fuq il-produtturi Ewropej.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-iżball li wettqet il-Kummissjoni meta żammet lir-rikorrenti responsabbli bħala kumpannija parent għall-multa imposta fuq Viscas anki mill-1 ta’ Jannar 2005. Ir-rikorrenti ssostni li meta Viscas saret impriża komuni b’mod sħiħ f’Jannar 2005, ir-rabtiet legali (pereżempju r-rapporti ta’ impriża), ta’ organizzazzjoni (pereżempju l-assenjazzjoni full time ta’ membri tal-kunsill ta’ amministrazzjoni) u ekonomiċi (pereżempju garanziji ta’ self) bejn hu u r-rikorrenti saru wisq separati biex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkonkludi li r-rikorrenti kienet għadha teżerċita influwenza determinanti fuq Viscas matul il-perijodu tal-ksur bejn Jannar 2005 u Jannar 2009.


Top