EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0441

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Lulju 2018.
Brugg Kabel AG u Kabelwerke Brugg AG Holding vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-kejbils tal-elettriku – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Ksur uniku u kontinwat – Prova tal-ksur – Tul tal-parteċipazzjoni – Iddistakkar pubbliku – Kalkolu tal-ammont tal-multa – Gravità tal-ksur – Ġurisdizzjoni sħiħa.
Kawża T-441/14.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:453

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

12 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-kejbils tal-elettriku – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Ksur uniku u kontinwat – Prova tal-ksur – Tul tal-parteċipazzjoni – Iddistakkar pubbliku – Kalkolu tal-ammont tal-multa –Gravità tal-ksur – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑441/14,

Brugg Kabel AG, stabbilita fi Brugg (l-Isvizzera),

Kabelwerke Brugg AG Holding, stabbilita fi Brugg,

irrappreżentati minn A. Rinne, A. Boos, u M. Lichtenegger, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Leupold, H. van Vliet u C. Vollrath, bħala aġenti, assistiti minn A. Israel, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 2139 finali tat-2 ta’ April 2014 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu [101 TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim [ŻEE] (Każ AT.39610 - Kejbils tal-Elettriku), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqhom,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, M. Kancheva (Relatur) u R. Barents, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Ir-rikorrenti u settur ikkonċernat

1

Ir-rikorrenti, Kabelwerke Brugg AG Holding, u s-sussidjarja proprjetà tagħha Brugg Kabel AG, huma kumpanniji Svizzeri attivi fis-settur tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art.

2

Il-kejbils tal-elettriku taħt l-ilma u taħt l-art jintużaw, rispettivament, għat-trasport u d-distribuzzjoni tal-elettriku taħt l-ilma u taħt l-art. Dawn huma kklassifikati fi tliet kategoriji: vultaġġ baxx, vultaġġ medju kif ukoll vultaġġ għoli u għoli ħafna. Il-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli u għoli ħafna huma, fil-maġġoranza tal-każijiet, mibjugħa fil-kuntest ta’ proġetti. Dawn il-proġetti jikkonsistu f’kombinazzjoni ta’ kejbil tal-elettriku u ta’ tagħmir, ta’ faċilitajiet u ta’ servizzi addizzjonali meħtieġa. Il-kejbils elettriċi b’vultaġġ għoli u għoli ħafna huma mibjugħa globalment lil operaturi kbar ta’ netwerks nazzjonali u lil impriżi tal-elettriku oħra, prinċipalment fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi.

B. Il-proċedura amministrattiva

3

Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ottubru 2008, il-kumpannija Svediża ABB AB ipprovdiet lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej serje ta’ dikjarazzjonijiet u ta’ dokumenti relatati ma’ prattiki kummerċjali restrittivi fis-settur tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt l-ilma. Dawn id-dikjarazzjonijiet u dawn id-dokumenti ġew prodotti fil-kuntest ta’ talba għall-immunità fis-sens tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-Klemenza”).

4

Mit-28 ta’ Jannar sat-3 ta’ Frar 2009, wara d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fil-bini ta’ Prysmian SpA u ta’ Prysmian Cavi e Sistemi Energia Srl, kif ukoll ta’ kumpanniji oħra Ewropej ikkonċernati, jiġifieri Nexans SA u Nexans France SAS.

5

Fit-2 ta’ Frar 2009, il-kumpanniji Ġappuniżi Sumitomo Electric Industries Ltd, Hitachi Cable Ltd u J-Power Systems Corp. ippreżentaw talba konġunta għall-immunità tal-multa konformement mal-punt 14 tal-Avviż dwar il-Klemenza jew, sussidjarjament, għal tnaqqis tal-ammont tagħha, konformement mal-paragrafu 27 ta’ dan l-Avviż. Sussegwentement, huma ttrażmettew lill-Kummissjoni dikjarazzjonijiet orali oħra u dokumenti oħra.

6

Matul l-ispezzjoni, il-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet għal informazzjoni, konformement mal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u mal-paragrafu 12 tal-Avviż dwar il-Klemenza, lil impriżi tas-settur tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt l-ilma.

7

Fit-30 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni fetħet proċedura u adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet kontra l-entitajiet legali li ġejjin: Nexans France, Nexans, Pirelli & C. SpA, Prysmian Cavi e Sistemi Energia, Prysmian, The Goldman Sachs Group, Inc., Sumitomo Electric Industries, Hitachi Cable, J‑Power Systems, Furukawa Electric Co. Ltd, Fujikura Ltd, Viscas Corp., SWCC Showa Holdings Co. Ltd, Mitsubishi Cable Industries Ltd, Exsym Corp., ABB, ABB Ltd, nkt cables GmbH, NKT Holding A/S, Silec Cable SAS, Grupo General Cable Sistemas, SA, Safran SA, General Cable Corp., LS Cable & System Ltd, Taihan Electric Wire Co. Ltd u r-rikorrenti.

8

Mill-11 sat-18 ta’ Ġunju 2012, id-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ Furukawa Electric, ipparteċipaw f’seduta amministrattiva quddiem il-Kummissjoni.

9

Permezz tas-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (T-135/09, EU:T:2012:596), u tal-14 ta’ Novembru 2012, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi Energia vs Il-Kummissjoni (T-140/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:597), il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni indirizzati, minn naħa, lil Nexans u lil Nexans France u, min-naħa l-oħra, lil Prysmian u lil Prysmian Cavi e Sistemi Energia, sa fejn dawn kienu jikkonċernaw kejbils tal-elettriku għajr il-kejbils tal-elettriku ta’ vultaġġ għoli taħt l-ilma u taħt l-art kif ukoll il-materjal assoċjat ma’ dawn il-kejbils l-oħra, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors. Fl-24 ta’ Jannar 2013, Nexans u Nexans France ppreżentaw appell kontra l-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi. Permezz tas-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni (C-37/13 P, EU:C:2014:2030), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-appell.

10

Fit-2 ta’ April 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2014) 2139 finali li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39610 - Kejbils tal-Elettriku) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

C. Id-deċiżjoni kkontestata

1.   Il-ksur inkwistjoni

11

L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li diversi impriżi pparteċipaw, matul perijodi differenti, fi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 101 TFUE fis-settur tal-“kejbils tal-elettriku taħt l-art u/jew taħt l-ilma b’vultaġġ għoli (ħafna)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Essenzjalment, il-Kummissjoni kkonstatat li, b’effett minn Frar 1999 u sa tmiem Jannar 2009, il-produtturi ewlenin Ewropej, Ġappuniżi u Sud Koreani ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma u taħt l-art ħadu sehem f’laqgħat bilaterali u multilaterali u stabbilixxew kuntatti sabiex jirrestrinġu l-kompetizzjoni għal proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt l-ilma b’vultaġġ għoli (ħafna) f’territorji speċifiċi, billi qassmu s-swieq u l-klijenti u b’hekk ħolqu distorsjoni tal-proċess kompetittiv normali (premessi 10 sa 13 u 66 tal-imsemmija deċiżjoni kkontestata).

12

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-akkordju kellu żewġ konfigurazzjonijiet ewlenin li jikkostitwixxu sett kompost. B’mod iktar preċiż, fl-opinjoni tagħha, l-akkordju kien kompost minn żewġ partijiet:

il-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju”, li kienet tiġbor l-impriżi Ewropej, li normalment jissejħu “membri R”, l-impriżi Ġappuniżi, iddenominati bħala “membri A” u, fl-aħħar nett, l-impriżi Sud Koreani, iddenominati bħala “membri K”. L-imsemmija konfigurazzjoni kienet tippermetti li jintlaħaq l-għan tal-attribuzzjoni ta’ territorji u ta’ klijenti bejn produtturi Ewropej, Ġappuniżi u Sud Koreani. Din l-attribuzzjoni kienet issir skont ftehim dwar it-“territorju nazzjonali”, li abbażi tiegħu l-produtturi Ġappuniżi u Sud Koreani kienu naqsu milli jikkompetu għal proġetti li jseħħu fit-“territorju nazzjonali” tal-produtturi Ewropej, filwaqt li dawn tal-aħħar kienu impenjaw ruħhom li jibqgħu barra mis-swieq Ġappuniżi u Sud Koreani. Ma’ dan kien hemm ukoll l-attribuzzjoni ta’ proġetti fit-“territorji ta’ esportazzjoni”, jiġifieri fil-kumplament tad-dinja ħlief b’mod partikolari fl-Istati Uniti, li, għal ċertu perijodu, kienet tosserva “kwota 60/40”, li jfisser li 60 % tal-proġetti kienu rriżervati għall-produtturi Ewropej u l-kumplament ta’ 40 % għall-produtturi Ażjatiċi;

il-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”, li kienet tinvolvi l-attribuzzjoni ta’ territorji u ta’ klijenti mill-produtturi Ewropej, għal proġetti li kellhom jitwettqu fit-“territorju nazzjonali” Ewropew jew proġetti attribwiti lil produtturi Ewropej (ara l-punt 3.3 tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, il-premessi 73 u 74 tal-imsemmija deċiżjoni).

13

Il-Kummissjoni kkonstatat li l-parteċipanti fl-akkordju kienu stabbilixxew obbligi ta’ komunikazzjoni tad-data sabiex ikun hemm monitoraġġ tal-ftehimiet ta’ tqassim (premessi 94 sa 106 u 111 sa 115 tad-deċiżjoni kkontestata).

14

B’kunsiderazzjoni għar-rwol tad-diversi parteċipanti fl-akkordju fl-implimentazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni kklassifikathom fi tliet gruppi. Qabelxejn, hija ddefinixxiet l-qalba tal-akkordju, komposta, minn naħa, mill-impriżi Ewropej Nexans France, l-impriżi sussidjarji ta’ Pirelli & C., li qabel kienet Pirelli SpA, li pparteċipaw sussegwentement fl-akkordju (iktar ’il quddiem “Pirelli”) u, min-naħa l-oħra, l-impriżi Ġappuniżi Furukawa Electric, Fujikura u l-impriża komuni tagħhom Viscas, kif ukoll Sumitomo Electric Industries, Hitachi Cable u l-impriża komuni tagħhom J-Power Systems (premessi 545 sa 561 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, hija identifikat grupp ta’ impriżi li ma kinux jagħmlu parti mill-qalba iżda li ma setgħux, madankollu, jitqiesu bħala atturi marġinali tal-akkordju u kklassifikathom f’dan il-grupp ABB, Exsym, Brugg Kabel u l-entità kkostitwita minn Sagem SA, Safran u Silec Cable (premessi 562 sa 575 tal-imsemmija deċiżjoni). Fl-aħħar nett, hija qieset li Mitsubishi Cable Industries, SWCC Showa Holdings. Ltd, LS Cable, Taihan Electric Wire u nkt cables kienu atturi marġinali tal-akkordju (premessi 576 sa 594 ta’ din id-deċiżjoni).

2.   Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti

15

Ir-responsabbiltà ta’ Brugg Kabel ġiet ikkonstatata minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur mill-14 ta’ Diċembru 2001 sas-16 ta’ Novembru 2006. Kabelwerke Brugg inżammet responsabbli għall-ksur bħala kumpannija omm ta’ Brugg Kabel matul l-istess perijodu (premessi 859 sa 861 tad-deċiżjoni kkontestata).

3.   Multa

16

L-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata jimponi multa ta’ EUR 8490000“flimkien u in solidum” lir-rikorrenti.

17

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, u l-metodoloġija esposta fil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi imposti b’applikazzjoni [tal-imsemmi artikolu] (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tal-2006”).

18

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ammont bażiku tal-multi, wara li ddeterminat il-valur tal-bejgħ xieraq, konformement mal-paragrafu 18 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tal-2006 (premessi 963 sa 994 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni ffissat il-proporzjon ta’ dan il-valur tal-bejgħ li jirrifletti l-gravità tal-ksur, konformement mal-paragrafi 22 u 23 tal-imsemmija linji gwida. F’dan ir-rigward, hija qieset li l-ksur, min-natura tiegħu, kien jikkostitwixxi waħda mir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi, li kien jiġġustifika rata ta’ gravità ta’ 15 %. Bl-istess mod, hija applikat żieda ta’ 2 % tal-koeffiċjent tal-gravità għad-destinatarji kollha minħabba parti mis-suq akkumulat kif ukoll minħabba l-portata ġeografika kważi globali tal-akkordju, li kienet tkopri b’mod partikolari t-territorju kollu taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Barra minn hekk, hija qieset, b’mod partikolari, li l-aġir tal-impriżi Ewropej kien iktar dannuż għall-kompetizzjoni minn dak tal-impriżi l-oħra, sa fejn, minbarra l-parteċipazzjoni tagħhom fil-konfigurazzjoni A/R tal-akkordju, l-impriżi Ewropej kienu qasmu bejniethom il-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku fil-kuntest tal-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont il-gravità tal-ksur għal 19 % għall-kumpanniji Ewropej u għal 17 % għall-impriżi l-oħra (premessi 997 sa 1010 tal-imsemmija deċiżjoni).

19

Fir-rigward tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni relatat mat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni stabbilixxiet, fir-rigward tar-rikorrenti, koeffiċjent ta’ 4.91 għall-perijodu bejn l-14 ta’ Diċembru 2001 u s-16 ta’ Novembru 2006. Barra minn hekk, mal-ammont bażiku tal-multa, hija inkludiet ammont addizzjonali, jiġifieri d-dritt tad-dħul, li jikkorrispondi għal 19 % tal-valur tal-bejgħ. Dan l-ammont hekk iddeterminat kien jammonta għal EUR 8937000 (premessi 1011 sa 1016 tad-deċiżjoni kkontestata).

20

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aġġustamenti tal-ammont bażiku tal-multi, il-Kummissjoni ma kkonstatatx ċirkustanzi aggravanti li jistgħu jaffettwaw l-ammont bażiku tal-multa stabbilit fil-konfront ta’ kull wieħed mill-parteċipanti fl-akkordju, bl-eċċezzjoni ta’ ABB. Min-naħa l-oħra, fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti, hija ddeċidiet li, fl-ammont tal-multi, jiġi rifless l-irwol tal-impriżi differenti fl-implimentazzjoni tal-akkordju. Għaldaqstant, hija naqqset b’10 % l-ammont bażiku tal-multa li għandu jiġi impost għal atturi marġinali tal-akkordju u b’5 % l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi li l-involviment tagħhom fl-akkordju kien medju. Barra minn hekk, hija tat lil Mitsubishi Cable Industries u lil SWCC Showa Holdings, għall-perijodu qabel il-ħolqien ta’ Exsym, u lil LS Cable & System u lil Taihan Electric Wire, tnaqqis addizzjonali ta’ 1 % talli ma kellhomx għarfien dwar ċerti aspetti tal-ksur uniku u kontinwat u għan-nuqqas ta’ responsabbiltà tagħhom relatata ma’ dawn l-aspetti. Min-naħa l-oħra, ebda tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa ma ngħata lil impriżi li jappartjenu mal-qalba tal-akkordju, inklużi r-rikorrenti (premessi 1017 sa 1020 u 1033 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, tat-tnaqqis addizzjonali ta’ 3 % mill-ammont tal-multa imposta fuq Mitsubishi Cable Industries minħabba l-kooperazzjoni effettiva tagħha barra mill-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza (premessa 1041 tal-imsemmija deċiżjoni).

21

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti immunità mill-multa lil ABB u li tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq J-Power Systems, fuq Sumitomo Electric Industries u fuq Hitachi Cable b’45% sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni ta’ dawn l-impriżi fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza.

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

23

Fis-28 ta’ Settembru 2016, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3)(a) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet lill-Kummissjoni u stiednet lil din tal-aħħar tipproduċi ċerti dokumenti, b’mod partikolari, il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali għar-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

24

Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla (kompożizzjoni ġdida), u konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

25

B’ittra tal-31 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni wieġbet għar-risposti tal-Qorti Ġenerali u pproduċiet id-dokumenti mitluba, bl-eċċezzjoni tal-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tar-risposti għad-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet ta’ Nexans France, Nexans, The Goldman Sachs Groupc, Sumitomo Electric Industries, Hitachi Cable, J–Power Systems, Furukawa Electric, Fujikura, Mitsubishi Cable Industries, Exsym, nkt cables, NKT Holding, Silec Cable, Grupo General Cable Sistemas, Safran, General Cable, LS Cable & System, ABB, Pirelli & C, Prysmian, Prysmian Cavi e Sistemi Energia, SWCC Showa Holdings, Taihan Electric Wire u Viscas. Hija ppreċiżat li, minkejja t-talba tagħha f’dan ir-rigward, dawn il-kumpanniji ma kinux għadhom ppreparaw verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

26

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2017.

27

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-punt 2 tal-Artikolu 1, l-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn jikkundannawhom “flimkien u in solidum” għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 8490000 minħabba r-responsabbiltà tagħhom fit-twettiq ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE mill-14 ta’ Diċembru 2001 sas-16 ta’ Novembru 2006;

tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tal-aħħar tikkonstata r-responsabbiltà tagħhom, minħabba l-allegata parteċipazzjoni tagħhom fid-diversi ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu, u ksur individwali tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE;

sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom skont l-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

29

Fil-kuntest tar-rikors, ir-rikorrenti jifformulaw kemm talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom.

A. Fuq it-talbiet għal annullament

30

Insostenn tat-talbiet għal annullament, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq. It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tissanzjona ksur imwettaq fi Stati terzi u li ma għandhiex impatt fuq iż-ŻEE. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza, stabbilit fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) flimkien mal-Artikolu 6(2) u (3) TUE, minħabba l-imputazzjoni żbaljata lir-rikorrenti tar-responsabbiltà għal allegata parteċipazzjoni fi ksur uniku u kontinwu. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq nuqqas tad-dmir ta’ investigazzjoni, minħabba żbalji ta’ fatt u ta’ żnaturament tal-provi dwar l-allegata parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju, kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tad-“dritt sostantiv” minħabba applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, ta’ żball ta’ motivazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

1.   Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq

31

L-ewwel motiv huwa magħmul minn żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni li tittrażmetti lir-rikorrenti t-talbiet għall-informazzjoni kif ukoll id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bil-Ġermaniż. It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għar-risposti tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li potenzjalment jinkludu informazzjoni li tiskaġuna.

a)   Dwar in-notifika bl-Ingliż tat-talbiet għall-informazzjoni u tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

32

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-dritt tagħhom għal smigħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża tagħhom billi nnotifikathom b’talbiet għal informazzjoni u bid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bl-Ingliż biss, minkejja li Brugg Kabel kienet talbet diversi drabi komunikazzjoni bil-Ġermaniż.

33

Ir-rikorrenti jsostnu li, skont id-dritt għal smigħ xieraq, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-Artikolu 6(3)(a) tal-KEDB, meta l-Kummissjoni tindirizza kumpannija li s-sede tagħha jinsab fit-territorju ta’ Stat li ma huwiex parti miż-ŻEE, hija obbligata tuża l-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat, meta din il-lingwa tkun waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u meta, barra minn hekk, din il-lingwa tkun waħda mil-lingwi ta’ ħidma tal-Kummissjoni. Konsegwentement, kif indikat ukoll mill-Kummissjoni fid-dokument intitolat “Antitrust Manual of Procedures”, fil-każ ta’ kumpannija, bħal Brugg Kabel, li s-sede tagħha jinsab fil-kanton ta’ Aargau (l-Isvizzera), fejn il-lingwa uffiċjali hija l-Ġermaniż, il-Kummissjoni kienet obbligata tuża din il-lingwa jew tikseb dispensa min-naħa tal-imsemmija kumpannija, mhux iktar tard minn qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

34

Fil-każ ineżami, wara li l-Kummissjoni inizjalment indirizzat lil Brugg Kabel bl-Ingliż, uffiċjal tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni kien indika lir-rappreżentanti tal-imsemmija kumpannija, waqt konverżazzjoni telefonika fit-23 ta’ Ottubru 2009, li l-Kummissjoni ma setgħetx tilqa’ t-talba tagħhom li tintbagħat verżjoni Ġermaniża għat-talba tagħha għal informazzjoni tal-20 ta’ Ottubru 2009, minħabba li din il-kumpannija ma kellhiex l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru tal-Unjoni. Skont ir-rikorrenti, kien biss wara dan ir-rifjut, li r-rappreżentanti ta’ kumpannija talbu traduzzjoni sempliċement parzjali tal-imsemmija talba għal informazzjoni, kif jirriżulta minn ittra indirizzata lill-Kummissjoni fis-27 ta’ Ottubru 2009. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kumpannija inkwistjoni għalhekk ma stennietx is-seduta quddiem l-uffiċjal tas-seduta sabiex titlob li l-Kummissjoni tindirizzaha bil-Ġermaniż. Barra minn hekk, l-intenzjoni tal-kumpannija kkonċernata li tuża l-Ġermaniż bħala lingwa tal-kawża jirriżulta b’mod ċar mill-fatt li hija wieġbet għat-talbiet kollha għal informazzjoni kif ukoll għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’dik il-lingwa.

35

Ir-rifjut tal-Kummissjoni li tinnotifika lil Brugg Kabel it-talbiet għal informazzjoni kif ukoll id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bil-Ġermaniż kien jeħtieġ perijodi ta’ traduzzjoni mill-Ingliż għall-Ġermaniż, u dan kien jimplika tnaqqis tal-ħin normalment iddedikat għad-difiża tagħha. Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-konoxxenza tal-Ingliż fi ħdan l-imsemmija kumpannija ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3)(a) tal-KEDB. Għall-kuntrarju, kemm il-ħidma ta’ kuljum kif ukoll il-laqgħat tal-mexxejja u l-laqgħat tal-kontrolluri tal-amministrazzjoni nżammu regolarment bil-Ġermaniż. Bl-istess mod, skont ir-rikorrenti, il-Ġermaniż huwa l-lingwa li biha tfasslet il-korrispondenza interna ta’ din il-kumpannija, kif ukoll id-dokumenti interni bħal rapporti annwali jew il-manwal tal-amministrazzjoni, li sussegwentement ġew tradotti għall-Ingliż minn fornitur ta’ servizz estern. Fl-aħħar nett, huwa rrilevanti jekk il-kuntatti inkwistjoni bejn Brugg Kabel u l-produtturi l-oħra ta’ kejbils tal-elettriku saru essenzjalment bl-Ingliż sa fejn dawn kienu l-espożizzjoni purament teknika ta’ kollaboratur fil-lingwaġġ professjonali tal-produtturi ta’ kejbils tal-elettriku, filwaqt li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kien fiha kontestazzjonijiet kumplessi li l-kumpannija inkwistjoni kellha tkun f’pożizzjoni li tifhem b’mod sħiħ sabiex tkun tista’ teżaminahom minn perspettiva teknika u legali.

36

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret ukoll id-drittijiet tad-difiża tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, billi użat fir-risposta kwotazzjonijiet bl-Ingliż u bil-Franċiż mingħajr ma pprovdiet traduzzjoni, kif jeżiġi l-Artikolu 35(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991. Fil-fehma tagħhom, ma kienx possibbli li jsir tajjeb għal dan in-nuqqas ta’ traduzzjoni fl-istadju tal-kontroreplika, peress li tali regolarizzazzjoni ma kinitx ammissibbli sa fejn kienet diġà qajmet l-ilment dwar il-ksur tal-lingwa tal-kawża fir-rikors. Minn dan isegwi li s-siltiet kollha fir-risposta li fihom tali ċitazzjonijiet għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

37

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minkejja li l-KEDB ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma taderixxix magħha, strument ġuridiku integrat formalment fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-Artikolu 6(3) TUE jipprovdi li d-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-imsemmija konvenzjoni jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u l-Artikolu 52(3) tal-Karta jeżiġi li d-drittijiet inklużi fiha jingħataw l-istess tifsira u portata bħal dawk stabbiliti fil-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C-501/11 P, EU:C:2013:522, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 6(3)(a) tal-KEDB, kull akkużat għandu d-dritt li jkun informat minnufih, b’lingwa li jifhem u fid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontrih.

40

Għandu jitfakkar ukoll li, konformement mal-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB (ara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il-Kummissjoni, T-11/89, EU:T:1992:33, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-osservanza tal-Artikolu 6 tal-KEDB ma teskludix li, fi proċedura ta’ natura amministrattiva, tiġi inizjalment imposta “piena” minn awtorità amministrattiva li hija stess ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni tal-imsemmija awtorità tkun suġġetta għall-istħarriġ sussegwenti ta’ korp ġudizzjarju b’ġurisdizzjoni sħiħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C-501/11 P, EU:C:2013:522, punt 35). Isegwi li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB fil-konfront tal-Kummissjoni.

41

Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li l-Artikolu 41 tal-Karta jagħmel parti inerenti mid-dritt għal amministrazzjoni tajba, għandu jiġi osservat fiċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, anki jekk din hija proċedura amministrattiva. F’dan ir-rigward, huwa jeżiġi li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jkunu f’pożizzjoni, sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, li jippreżentaw b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, tal-ilmenti u taċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T-343/06, EU:T:2012:478, punt 82 u 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati minn proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal sanzjonijiet għandhom ukoll jiġu osservati mill-Kummissjoni waqt il-proċeduri ta’ investigazzjoni minn qabel, għaliex għandu jiġi evitat li dawn id-drittijiet jiġu kompromessi b’mod irrimedjabbli fil-kuntest ta’ proċeduri bħal dawn, b’mod partikolari l-ispezzjonijiet, li jistgħu jkunu ta’ natura determinanti għall-istabbiliment ta’ provi tan-natura illegali tal-aġir ta’ impriżi li tista’ timplika r-responsabbiltà tagħhom (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni, T-135/09, EU:T:2012:596, punt 41).

43

Huwa fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 38 sa 42 iktar ’il fuq li għandu jiġi vverifikat jekk it-trażmissjoni lir-rikorrenti tat-talbiet għall-informazzjoni, kif ukoll in-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bl-Ingliż, kisritx id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

44

L-ewwel nett, fir-rigward tat-talbiet għal informazzjoni bl-Ingliż, għandu jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punt 42 iktar ’il fuq, l-obbligu tal-Kummissjoni li tirrispetta d-drittijiet ta’ difiża fl-investigazzjonijiet ta’ qabel il-ftuħ innifsu tal-proċedura fil-qasam ta’ akkordju huwa intiż sabiex jevita li jiġu rrimedjabbilment ippreġudikati d-drittijiet fl-investigazzjonijiet inkwistjoni. Din hija r-raġuni għaliex l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi osservata mill-Kummissjoni, b’mod partikolari waqt l-ispezzjonijiet, peress li dawn jista’ jkollhom natura determinanti għall-istabbiliment tal-provi tan-natura illegali tal-aġir ta’ impriżi li tista’ timplika r-responsabbiltà tagħhom.

45

Għandu jitqies li tali loġika tapplika wkoll għal talbiet għall-informazzjoni indirizzati mill-Kummissjoni lill-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni preliminari, peress li t-tweġibiet għal talbiet bħal dawn jistgħu jintużaw mill-Kummissjoni, bħal f’dan il-każ, bil-ħsieb li jiġu stabbiliti l-provi dwar in-natura illegali tal-aġir ta’ dawn l-impriżi.

46

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li t-talbiet għall-informazzjoni tas-7 ta’ April 2009, tal-20 ta’ Ottubru 2009, tal-31 ta’ Marzu 2010 u tad-29 ta’ Novembru 2010, indirizzati mill-Kummissjoni lil Brugg Kabel tfasslu bl-Ingliż, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jifhmu suffiċjentement it-talbiet inkwistjoni sabiex iwieġbu għal kull waħda minnhom. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li Brugg Kabel talbet it-traduzzjoni biss ta’ ċerti siltiet mit-talba tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ottubru 2009 u li, wara li l-Kummissjoni pprovdiet it-traduzzjonijiet inkwistjoni, Brugg Kabel wieġbet għal din it-talba għall-informazzjoni. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Kummissjoni b’ebda mod ma talbet li Brugg Kabel twieġeb għat-talbiet ta’ informazzjoni bl-Ingliż. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li Brugg Kabel kienet f’pożizzjoni li tesprimi b’mod effettiv l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni.

47

Bl-istess mod, sa fejn l-argument tar-rikorrenti jista’ jiġi interpretat fis-sens li r-rifjut tal-Kummissjoni li tindirizza t-talbiet għall-informazzjoni lil Brugg Kabel bil-Ġermaniż, kif ukoll dik invokata fl-ittra tagħhom tas-27 ta’ Ottubru 2009, jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 41(4) tal-Karta, dan ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi d-dritt ta’ kull persuna li tindirizza lill-istituzzjonijiet bi kwalunkwe lingwa tat-Trattati u d-dritt li tirċievi tweġiba b’dik il-lingwa. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, hija l-Kummissjoni li indirizzat lil Brugg Kabel billi talbet tweġiba mingħand din tal-aħħar u mhux bil-kontra.

48

It-tieni nett, fir-rigward tan-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bl-Ingliż, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża hija imposta lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni preliminari, tapplika a fortiori wara l-ftuħ formali ta’ proċedura amministrattiva li tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ sanzjonijiet kontra l-impriżi kkonċernati, kif tfakkar fil-punt 42 iktar ’il fuq.

49

Madankollu, fil-każ ineżami, indipendentement mil-livell eżatt ta’ komprensjoni tal-Ingliż li seta’ jkollhom il-persunal u l-amministraturi tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-ittra indirizzata minn Brugg Kabel lill-Kummissjoni fl-1 ta’ Settembru 2011, dawn ma talbux terminu supplimentari sabiex iwieġbu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għal raġunijiet ta’ traduzzjoni, iżda sabiex ikollhom żmien supplimentari sabiex jeżaminaw fid-dettall id-dokumenti kollha tal-fajl u l-allegazzjonijiet numerużi inklużi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-dawl tar-riżorsi limitati li huma jistgħu jinvestu f’dan il-kompitu. Huwa diffiċli li wieħed jassumi li, jekk ir-rikorrenti kellhom diffikultà jifhmu l-verżjoni bl-Ingliż tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew kellhom bżonn iktar żmien sabiex jittraduċuha, huma ma kinux isemmu dawn iċ-ċirkustanzi sabiex jimmotivaw it-talba tagħhom għal estensjoni tat-terminu għar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għandu wkoll jiġi kkonstatat li huma kienu kapaċi jirrispondu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, minkejja li r-risposta tagħhom kienet imfassla bil-Ġermaniż, li għal darba oħra, jikkostitwixxi prova li r-rikorrenti kellhom biżżejjed għarfien tal-Ingliż sabiex jifhmu n-natura u l-kawża tal-akkuża kontrihom u jieħdu pożizzjoni f’dan ir-rigward.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedura amministrattiva, minħabba n-notifika lir-rikorrenti talba għal informazzjoni u tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bl-Ingliż, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

51

Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-proċedura ġudizzjarja, għandu jiġi rrilevat mill-bidu li din tista’ biss tiġi miċħuda bħala ineffettiva sa fejn tiġi ppreżentata insostenn ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Brugg Kabel fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

52

Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jiġu miċħuda bħala inammissibbli s-siltiet tar-risposta minħabba li, fid-dawl tal-fatt li dawn ma josservawx il-lingwa tal-kawża, dawn jippreġudikaw id-drittijiet tad-difiża tagħha, ma jistax jintlaqa’.

53

F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-lingwa tal-kawża f’din il-kawża hija l-Ġermaniż. Barra minn hekk, mill-ewwel u mit-tieni pragrafu tal-Artikolu 35(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, applikabbli fid-data tal-preżentata tar-risposta, jirriżulta li l-lingwa tal-kawża għandha tintuża b’mod partikolari fin-noti u fis-sottomissjonijiet orali tal-partijiet, inklużi l-atti u d-dokumenti annessi, u li kull att u kull dokument ippreżentat jew anness u mfassal f’lingwa differenti mil-lingwa tal-kawża għandu jkollu miegħu traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

54

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kienet obbligata tipprovdi traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża mis-siltiet iċċitati f’lingwa oħra fir-risposta. Il-Kummissjoni ma tistax teskludi dan l-obbligu sempliċement minħabba li kien hemm traduzzjoni ta’ uħud minn dawn is-siltiet fid-deċiżjoni kkontestata annessa mar-rikors jew li siltiet oħra kienu estratti mill-annessi tar-rikors jew anki li kien hemm dikjarazzjonijiet ta’ impjegat tar-rikorrenti.

55

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni indirizzat din l-irregolarità formali billi pproduċiet traduzzjoni tas-siltiet rilevanti fl-annessi tar-replika.

56

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li huma kienu diġà ppreżentaw, fir-rikors, ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-lingwa tal-kawża ma kienx jipprekludi tali regolarizzazzjoni. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-ilment inkwistjoni kien dwar il-lingwa użata mill-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva, li ma jistax jippreġudika l-lingwa tal-kawża fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja.

57

Minn dan isegwi li s-siltiet tar-risposta mfassla b’lingwa oħra li ma hijiex il-lingwa tal-kawża ma jistgħux jitqiesu bħala inammissibbli.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)   Fuq ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti aċċess għar-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

59

Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tagħhom tad-difiża billi rrifjutat li tagħtihom aċċess, jew li tagħti aċċess lill-avukat tagħhom, għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ aċċess ristrett ħafna għar-risposti ta’ ABB u ta’ J‑Power Systems, minkejja li dawn kienu jinkludu potenzjalment provi skaġunanti dwar, b’mod partikolari, l-għan tal-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains (Franza), żbaljatament meqjusa mill-Kummissjoni bħala l-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ Brugg Kabel fil-ksur, u l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-ksur matul is-sena 2005.

60

Ir-rikorrenti jsostnu li l-iżvelar tar-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kien iktar u iktar iġġustifikat peress li, minn naħa, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-204/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, EU:C:2004:6), ma hijiex il-Kummissjoni waħidha li għandha tiddeċiedi liema huma l-elementi rilevanti għad-difiża tagħhom, li barra minn hekk hija ma kinitx f’pożizzjoni li tagħmel, u min-naħa l-oħra, huma akkużati li pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu, li jwassal sabiex dawn jitqiesu responsabbli għal prattiki ta’ impriżi oħra li ma pparteċipawx fihom u li, skont il-każ, huma lanqas biss kellhom għarfien tagħhom.

61

Skont ir-rikorrenti, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-fatt li jingħatalhom aċċess għar-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li seta’ kien fihom provi skaġunanti ma kellux l-effett li, f’dan il-każ, itawwal b’mod indefinit l-adozzjoni tal-għeluq tal-proċedura amministrattiva, peress li l-Kummissjoni diġà kienet tat tali aċċess lil destinatarji oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

62

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li ma jistax jiġi rikjest minnhom li huma jagħtu, sabiex juru li d-dokumenti li jinkludu informazzjoni skaġunanti kienu utli għad-difiża tagħhom, indikazzjonijiet preċiżi dwar il-kontenut tal-imsemmija dokumenti li fir-rigward tagħhom huma neċessarjament ma kellhomx aċċess. Ir-rekwiżit ta’ bidu ta’ prova f’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni (T-343/06, EU:T:2012:478), iċċitata mill-Kummissjoni, għandu l-għan li jitnaqqas il-piż tal-prova tal-impriżi li ġew irrifjutati aċċess mill-Kummissjoni għal dokument skaġunanti u ma għandux jiġi interpretat b’mod li jrendi din prova impossibbli li tiġi prodotta. Ir-rikorrenti jqisu li, f’dan il-każ, huwa suffiċjenti li huma jindikaw, kif għamlu, li r-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet setgħu jikkonfermaw li l-ebda allegat parteċipant fl-akkordju ma rrefera għal-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains bħala “laqgħa R” li matul tagħha Brugg Kabel pparteċipat fl-implimentazzjoni tal-akkordju.

63

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

64

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kienet obbligata tagħti aċċess għar-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet minħabba li ma huwiex kompitu tagħha li tiddeċiedi waħedha dwar ir-rilevanza tad-dokumenti miġbura fil-kuntest tal-proċedura għad-difiża tagħha, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jistax jintlaqa’.

65

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003, qabel ma tieħu d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikoli 7, 8 u 23 u 24(2) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati mill-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni l-opportunità li jesprimu l-pożizzjoni tagħhom dwar l-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni. Din l-istess dispożizzjoni tipprovdi li “[i]l-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq l-ilmenti li dwarhom il-partijiet ikkonċernati setgħu jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom” u li l-“ilmenti ħa [il-lanjanti għandhom] jkunu assoċjati mil-viċin mal-proċeduri.”

66

Għaldaqstant, l-aċċess għall-fajl, fil-kawżi tal-kompetizzjoni, għandu b’mod partikolari bħala għan li jippermetti lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ikollhom għarfien tal-provi li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, bil-għan li dawn ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b’mod utli dwar il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni tkun waslet għalihom fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, abbażi ta’ dawn il-provi (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C-199/99 P, EU:C:2003:531, punt 125). L-aċċess għall-fajl huwa għalhekk wieħed mill-garanziji proċedurali intiżi li jipproteġu d-drittijiet tad-difiża u li jiżguraw, b’mod partikolari, l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal smigħ.

67

Konformement mal-ġurisprudenza, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn jinkludu kemm il-provi li jinkriminaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C 217/00 P u C-219/00 P, EU:C:2004:6, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Madankollu, huwa biss fil-bidu tal-fażi kontradittorja amministrattiva li l-impriża kkonċernata tiġi informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bil-provi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura, u li din l-impriża għandha dritt ta’ aċċess għall-fajl sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Konsegwentement, ir-risposta tal-partijiet l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma hijiex inkluża, bħala prinċipju, fid-dokumenti kollha tal-fajl ta’ investigazzjoni li jistgħu jikkonsultaw il-partijiet (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T-161/05, EU:T:2009:366, punt 163; tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni, T-113/07, EU:T:2011:343, punt 42, u tat-12 ta’ Lulju 2011, Mitsubishi Electric vs Il-Kummissjoni, T-133/07, EU:T:2011:345, punt 41).

69

Madankollu, jekk il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq silta minn tweġiba għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jew fuq dokument anness ma’ tali tweġiba, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fi proċedura skont l-Artikolu 101(1) TFUE jew tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, l-impriżi l-oħra involuti f’din il-proċedura għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-argumenti tagħhom dwar din il-prova. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-silta inkwistjoni ta’ risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew għad-dokument anness għal din ir-risposta fil-fatt tikkostitwixxi element inkriminanti kontra d-diversi impriżi li pparteċipaw fil-ksur (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni, T-113/07, EU:T:2011:343, punt 43, u tat-12 ta’ Lulju 2011, Mitsubishi Electric vs Il-Kummissjoni, T-133/07, EU:T:2011:345, punt 42).

70

B’analoġija, jekk silta minn tweġiba għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonjiet, jew minn dokument anness ma’ tali tweġiba, tista’ tkun rilevanti għad-difiża ta’ impriża billi tippermetti lil din tal-aħħar tinvoka elementi li jikkontradixxu l-konstatazzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni, din tkun prova skaġunanti. F’dan il-każ, l-impriża kkonċernata għandha tkun awtorizzata twettaq eżami tas-silta jew tad-dokument inkwistjoni u tippreżenta l-fehma tagħha dwarhom (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni, T-113/07, EU:T:2011:343, punt 44, u tat-12 ta’ Lulju 2011, Mitsubishi Electric vs Il-Kummissjoni, T-133/07, EU:T:2011:345, punt 43).

71

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-punt 8 tan-Notifika tal-Kummissjoni dwar ir-regolamenti tal-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni f’każijiet skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE, l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim taż-ŻEE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2005, C 325, p. 7) jipprovdi, li l-“fajl tal-Kummissjoni” f’investigazzjonijiet dwar il-kompetizzjoni huwa kompost mid-dokumenti kollha miksuba, prodotti jew miġbura mid-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni. Il-paragrafu 27 tal-imsemmija notifika jispeċifika li:

“Jingħata aċċess għall-fajl fuq talba, u normalment, darba waħda biss, wara li tkun saret notifika dwar l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni lill-partijiet, sabiex jiġi żgurat il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-armi u tal-protezzjoni tad-drittijiet għad-difiża. Għalhekk, bħala regola ġenerali, ma jingħata l-ebda aċċess għal tweġibiet ta’ partijiet oħra għall-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni.

Iżda parti tingħata aċċess għad-dokumenti li jaslu wara n-notifika tal-oġġezzjonijiet fi stadji ulterjuri tal-proċeduri amministrattivi, fejn dawn it-tip ta’ dokumenti jistgħu jinkludu evidenza ġdida – kemm ta’ natura inkriminanti kif ukoll ta’ natura eżoneranti -, rilevanti għal allegazzjonijiet li jikkonċernaw dik il-parti fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan huwa partikularment il-każ meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li toqgħod fuq provi ġodda.”

72

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, hija l-Kummissjoni li għandha twettaq l-ewwel evalwazzjoni ta’ natura potenzjalment skaġunanti tal-informazzjoni inkluża f’dokumenti rċevuti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, meta impriża kkonċernata titlob l-aċċess għal dawn id-dokumenti.

73

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw il-ġurisprudenza li tgħid li ma hijiex il-Kummissjoni waħedha, li tinnotifika l-oġġezzjonijiet u tieħu d-deċiżjoni li timponi l-multa, sabiex tiddetermina d-dokumenti utli għad-difiża tal-impriża kkonċernata, peress li din il-kunsiderazzjoni, dwar id-dokumenti li jaqgħu taħt il-fajl ikkostitwit mill-Kummissjoni, ma tistax tapplika għal risposti mogħtija minn partijiet oħra kkonċernati bl-oġġezzjonijiet ikkomunikati minn din tal-aħħar (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T‑343/06, EU:T:2012:478, punt 89).

74

Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-fatt li huma akkużati li pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu jiġġustifika li jingħatalhom aċċess għar-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw huma stess f’dawn ir-risposti provi skaġunanti. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343), tat-12 ta’ Lulju 2011, Mitsubishi Electric vs Il-Kummissjoni (T‑133/07, EU:T:2011:345), u tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni (T-343/06, EU:T:2012:478), kien ukoll allegat li r-rikorrenti pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu.

75

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li, essenzjalment, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom billi rrifjutat, abbażi ta’ evalwazzjoni żbaljata tar-rilevanza għad-difiża tagħhom tal-informazzjoni li tinsab fir-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tagħtihom aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn ir-risposti, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jistax jintlaqa’.

76

Għandu jitfakkar li jekk dokument fil-pussess tal-Kummissjoni, li jista’ jiġi kklassifikat bħala prova skaġunanti, peress li jista’ jiskaġuna impriża li fir-rigward tagħha huwa allegat li pparteċipat f’akkordju, ma huwiex ikkomunikat lil din l-impriża, ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża jekk l-imsemmija impriża turi li d-dokument inkwistjoni seta’ kien utli għad-difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il-Kummissjoni, C-239/11 P, C-489/11 P u C-498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 367).

77

Tali prova tista’ tiġi pprovduta billi jintwera li n-nuqqas ta’ żvelar seta’ jinfluwenza, għad-detriment tal-impriża kkonċernata, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, iżda li hija setgħet tippreġudika jew tirrendi iktar diffiċli d-difiża tal-interessi ta’ din l-impriża matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens vs Il-Kummissjoni, C-239/11 P, C-489/11 P u C-498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 368).

78

Il-possibbiltà li dokument li ma ġiex żvelat seta’ influwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi stabbilita biss wara eżami provviżorju ta’ ċerti provi li juri li d-dokumenti mhux żvelati seta’ kellhom, fir-rigward ta’ dawn il-provi, importanza li ma kellhiex tiġi injorata (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni, T‑587/08, EU:T:2013:129, punt 688).

79

F’dan ir-rigward, ma jistax jintalab mir-rikorrenti li qajmu motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom li, fir-rikors tagħhom, huma jiżviluppaw argumenti elaborati jew numru ta’ provi konsistenti sabiex juru li l-proċedura amministrattiva setgħet tagħti lok għal riżultat differenti li kieku huma kellhom aċċess għal ċerti dokumenti li, fil-fatt, qatt ma ġew ikkomunikati lilhom. Tali approċċ effettivament jirrikjedi probatio diabolica (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni, T-587/08, EU:T:2013:129, punt 689).

80

Madankollu, hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi prova prima facie li d-dokumenti li ma ġewx ikkomunikati huma utli għad-difiża tagħha (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni, T-587/08, EU:T:2013:129, punt 690).

81

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, f’dan il-każ, jekk l-argumenti mressqa mir-rikorrenti jikkostitwixxux prova prima facie li r-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kinux utli għad-difiża tagħhom.

82

Ir-rikorrenti jsostnu li l-aċċess għar-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tippermettilhom jipproduċu prova ta’ fatt negattiv, jiġifieri li la Pirelli u lanqas Nexans France, ma kienu indikaw li l-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains, li tikkostitwixxi l-punt ta’ tluq tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju skont il-Kummissjoni, kienet laqgħa R. Fil-fehma tagħhom, l-aċċess għal dawn ir-risposti tagħhom tahom ukoll il-possibbiltà li jikkonfermaw li l-membri l-oħra tal-akkordju kienu jafu li huma kienu interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju fl-2005.

83

L-ewwel nett, fir-rigward tal-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-fatt li din il-laqgħa kienet issemmiet fit-talba tagħha għal informazzjoni tal-31 ta’ Marzu 2010 u li r-rikorrenti kellhom aċċess għar-risposti tad-destinatarji l-oħra ta’ din it-talba għal informazzjoni ma ċċaħħadx mill-interess it-talba tagħhom għal aċċess għar-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, il-kontenut tar-risposti ta’ Nexans France u Pirelli għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Marzu 2010, li fihom dawn il-parteċipanti fl-akkordju ma ħadux pożizzjoni dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains u dwar l-għan ta’ din il-laqgħa, ma jippreġudikax il-pożizzjoni tagħhom f’dan ir-rigward fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

84

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-parteċipanti l-oħra fl-akkordju ma esprimewx il-fehma tagħhom fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar in-natura tal-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains, jekk jitqies li dan huwa minnu, ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jikkorrobora d-difiża tar-rikorrenti.

85

Fil-fatt, huwa paċifiku li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni indikat li kienet ġiet organizzata laqgħa f’Divonne-les-Bains fl-14 ta’ Diċembru 2001 u li l-parteċipanti f’din il-laqgħa kienu, f’kull każ, Nexans France, irrappreżentata minn J. Sagem, irrappreżentata mis-Sur V. u Brugg Kabel, irrappreżentata mis-Sur N.

86

Madankollu, il-fatt li, quddiem din l-akkuża, Nexans France kif ukoll Sagem, ma fittxewx, skont il-każ, li jikkontestaw in-natura tal-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet pjuttost juri li huma kienu rrikonoxxew il-fatti li kienu akkużati bihom mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

87

Barra minn hekk, sa fejn l-argument tar-rikorrenti huwa wkoll intiż għall-allegat nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni minn Pirelli dwar in-natura tal-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains, peress li r-rikorrenti rrikonoxxew il-parteċipazzjoni ta’ Pirelli fl-imsemmija laqgħa fir-risposti rispettivi tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara l-punt 156 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni ma akkużatx lil Pirelli bil-parteċipazzjoni fl-imsemmija laqgħa fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, in-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni ta’ din tal-aħħar fir-rigward tan-natura ta’ din il-laqgħa, ma jistax, f’kull każ, jiġi interpretat bħala konferma li din il-laqgħa kienet jew ma kinitx ta’ natura antikompetittiva.

88

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li r-risposti tad-destinatarji l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellhom ċertament elementi li juru li huma kienu interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju fl-2005, għandu jiġi rrilevat li dan ma huwiex preċiż. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma jindikawx liema huma l-fatti li r-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huma mistennija juru jew liema indikazzjonijiet speċifiċi tal-Kummissjoni li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju fl-2005 jistgħu jiġu kkonfutati minn dawn ir-risposti. Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma jispjegawx għalfejn huma jqisu li provi skaġunanti dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju fl-2005 jistgħu jinsabu fir-risposti tad-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

89

Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jipprovdu prova prima facie tal-fatt li r-risposti tad-destinatarji l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li ġew innotifikati lilhom huma utli għad-difiża tagħhom.

90

Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 73 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud ukoll bħala infondat l-argument tar-rikorrenti mqajjem waqt is-seduta li jgħid li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tfassal verżjoni mhux kunfidenzjali tar-risposti tad-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod li jkun hemm lok għall-kommunikazzjoni, skont il-każ, tal-provi skaġunanti li dawn setgħu jinkludu fir-rigward ta’ impriża lill-impriża inkwistjoni, juri li l-Kummissjoni ma kinitx, f’dan il-każ, osservat il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

91

Għalhekk, għandha tiġi miċħuda t-tieni parti tal-ewwel motiv u, konsegwentement, il-motiv fl-intier tiegħu, bħala infondati.

2.   Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tissanzjona ksur imwettaq fi Stati terzi u li ma għandux impatt fiż-ŻEE

92

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza li tapplika l-Artikolu 101 TFUE għal prattiki li seħħu barra miż-ŻEE u għal proġetti li kellhom jitwettqu barra miż-ŻEE meta dawn ma kellhomx impatt fiż-ŻEE. Fin-nuqqas ta’ provi li kull wieħed minn dawn il-prattiki marbuta ma’ dawn il-proġetti kellu effetti immedjati, sostanzjali u prevedibbli fiż-ŻEE, fis-sens tal-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma setgħetx sempliċiment tirrelatahom mal-ksur uniku u kontinwu sabiex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni extraterritorjali tagħha, għajr sabiex ikollha l-possibbiltà li tikkonferixxi lil din tal-aħħar natura illimitata.

93

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

94

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-applikabbiltà territorjali tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, għandu jitfakkar li r-regola ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 101 TFUE tipprojbixxi l-ftehimiet u l-prattiki li għandhom bħala l-għan jew l-effett tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni “fis-suq intern”.

95

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni territorjali tal-Artikolu 101 TFUE jistgħu jiġu ssodisfatti f’żewġ każijiet.

96

Fl-ewwel lok, l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE hija ġġustifikata, peress li l-prattiki li jkopri għandhom jiġu implimentati fit-territorju tas-suq intern, indipendentement mill-post li fih jifformaw. Fil-fatt, l-issuġġettar tal-applikabbiltà tal-projbizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-kompetizzjoni għall-post li fih ifforma l-akkordju iwassal sabiex jingħata mezz faċli lill-impriżi sabiex jevitaw l-imsemmija projbizzjonijiet (sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:447, punt 16).

97

Fit-tieni lok, kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE hija ġġustifikata wkoll meta huwa prevedibbli li l-prattiki li huwa jkopri jipproduċu effett immedjat u sostanzjali fis-suq intern (sentenza tal-25 ta’ Novembru 1971, Béguelin Import, 22/71, EU:C:1971:113, punt 11). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan l-approċċ għandu l-istess għan bħal dak imsejjes fuq l-implimentazzjoni ta’ ftehim fit-territorju tal-Unjoni, jiġifieri li jinqabad l-aġir li ċertament ma ġiex adottat f’dan it-territorju, iżda li l-effetti antikompetittivi tiegħu jistgħu jinħassu fis-suq tal-Unjoni.

98

Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE msemmija fil-punti 96 u 97 iktar ’il fuq huma mezzi alternattivi u mhux kumulattivi sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza tal-Kummissjoni li tikkonstata u tissanzjona ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

99

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-akkordju fiż-ŻEE kif ukoll dik dwar l-effetti kkwalifikati prodotti minnu fiż-ŻEE kienu ssodisfatti t-tnejn fil-każ ineżami (premessi 467 sa 469 tad-deċiżjoni kkontestata).

100

Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha turi li kull wieħed mill-proġetti li kellhom jitwettqu barra miż-ŻEE kellu impatt suffiċjenti fl-Unjoni sabiex tiġi ġġustifikata, skont il-ġurisprudenza, l-applikabbiltà territorjali tal-Artikolu 101 TFUE fir-rigward ta’ parti mill-ksur inkwistjoni.

101

Tali argument ma jistax jintlaqa’.

102

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-prattiki tal-akkordju dwar proġetti li għandhom jitwettqu barra ż-ŻEE, għandu jiġi rrilevat li l-ftehim fit-“territorji ta’ esportazzjoni”, li permezz tiegħu l-produtturi Ewropej u l-produtturi Asjatiċi jikkondividu proġetti li għandhom jitwettqu fl-imsemmija territorji, ġie implimentat fit-territorju taż-ŻEE. Għalhekk, mill-premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-premessa 247, li tirreferi għaliha l-premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-Greċja ma kinitx tagħmel parti mit-“territorju nazzjonali Ewropew” fis-sens tal-ftehim dwar it-“territorju nazzjonali” u li l-proġetti bbażati fil-Greċja kienu jagħmlu parti mill-allokazzjoni ta’ proġetti taħt il-“kwota 60/40” skont il-ftehim dwar it-“territorji ta’ esportazzjoni”. Barra minn hekk, mill-premessi 81 u 82 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-membri A tal-akkordju kienu jqisu li l-proġetti li kienu jorbtu Stat Membru tal-Unjoni ma’ Stat terz kellhom isiru bi kwota ta’ 60% attribwita lill-membri R tal-akkordju, bħall-proġett li kien jorbot lil Spanja mal-Marokk li hemm riferiment għalih fil-premessa 232 tad-deċiżjoni kkontestata.

103

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-aġir tal-impriżi Ewropej li kien jikkonsisti, skont il-ftehim dwar “it-territorju nazzjonali”, fin-nuqqas ta’ kompetizzjoni għal proġetti li kellhom jitwettqu fit-“territorju nazzjonali” ta’ impriżi Asjatiċi neċessarjament ma kienx ġie implimentat fit-territorju taż-ŻEE.

104

Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ma jsegwix li l-Kummissjoni kellha tipproduċi prova li kull wieħed mill-proġetti li kellhom jitwettqu barra miż-ŻEE, skont il-ftehim dwar it-“territorju nazzjonali”, kellu impatt suffiċjenti fl-Unjoni sabiex jiġġustifika l-applikabbiltà territorjali tal-Artikolu 101 TFUE.

105

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 97 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet tibbaża l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 TFUE għall-ksur uniku u kontinwu kif ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata fuq l-effetti prevedibbli, immedjati u sostanzjali tiegħu fis-suq intern.

106

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 101 TFUE jista’ japplika għal ftehimiet u prattiki li jservu l-istess għan antikompetittiv, peress li huwa prevedibbli li, meqjusa flimkien, dawn il-prattiki u l-ftehimiet għandhom effetti immedjati u sostanzjali fis-suq intern. Fil-fatt, l-impriżi ma jistgħux ikunu awtorizzati jevitaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni billi jikkombinaw aġir differenti li jsegwi għan identiku, li kull wieħed minnhom, meta jitqies b’mod iżolat, ma jistax jipproduċi effett sostanzjali fl-imsemmi suq, iżda li, meta meqjusa flimkien, jistgħu jipproduċu tali effett.

107

Għandu jiġi rrilevat li l-għan uniku tal-akkordju kien ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni għal proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt l-ilma b’vultaġġ għoli (ħafna) li kellhom jitwettqu f’territorji speċifiċi bi qbil dwar l-attribuzzjoni tas-swieq u ta’ klijenti u, għalhekk, b’distorsjoni tal-proċess kompetittiv normali fiż-ŻEE.

108

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, huwa fid-dawl tal-effetti, meqjusa flimkien, tad-diversi prattiki deskritti fil-premessa 493 tad-deċiżjoni kkontestata, inklużi dawk dwar il-proġetti li kellhom jitwettqu barra ż-ŻEE, li għandu jiġi evalwat jekk l-Artikolu 101 TFUE kienx japplika f’dan il-każ.

109

Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat, fil-premessa 469 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-effetti fuq il-kompetizzjoni fiż-ŻEE, inkluż is-suq intern, ta’ prattiki u ftehimiet li pparteċipaw fihom il-membri tal-akkordju kienu prevedibbli, sostanzjali u immedjati.

110

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti probabbli ta’ aġir fuq il-kompetizzjoni sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni dwar ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà.

111

Fir-rigward tan-natura immedjata tal-effetti tal-prattiki inkwistjoni fit-territorju tal-Unjoni, għandu jiġi osservat li dawn kellhom neċessarjament influwenza diretta fuq il-provvista ta’ kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli u għoli ħafna li kellhom jitwettqu fl-imsemmi territorju, peress li dan kien l-għan tad-diversi laqgħat u kuntatti bejn il-parteċipanti fl-akkordju (premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, it-tqassim imwettaq bejn il-partijiet fl-akkordju, kemm direttament fi u barra minn dan it-territorju, kellu effetti prevedibbli fuq il-kompetizzjoni fi ħdan l-imsemmi territorju, kif osservat ġustament il-Kummissjoni.

112

Fir-rigward tan-natura sostanzjali tal-effetti fl-Unjoni, għandhom jiġu rrilevati l-għadd u d-daqs tal-produtturi li pparteċipaw fl-akkordju, li kienu jirrappreżentaw kważi t-totalità tas-suq, kif ukoll il-firxa wiesgħa ta’ prodotti affettwati mill-ftehimiet differenti u l-gravità tal-prattiki inkwistjoni. Għandu jiġi rrilevat ukoll it-tul tal-ksur uniku u kontinwu li ssokta matul għaxar snin. Dawn il-fatturi kollha, evalwati fl-intier tagħhom, jikkontribwixxu sabiex juru n-natura sostanzjali tal-effetti tal-prattiki inkwistjoni fit-territorju tal-Unjoni (premessi 66, 492, 493 u 620 tad-deċiżjoni kkontestata).

113

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-ksur uniku u kontinwu kif iddefinit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u li l-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex tissanzjonah. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tipprova konkretament li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE kienu ssodisfatti għal kull wieħed mill-proġetti li kellhom jitwettqu barra miż-ŻEE.

114

Barra minn hekk, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni evitat in-nuqqas ta’ effetti fiż-ŻEE tal-ftehim dwar it-“territorji tal-esportazzjoni” billi inkorporatu b’mod artifiċjali fil-ksur uniku u kontinwu b’tali mod li japplika fir-rigward tiegħu l-Artikolu 101 TFUE, hemm lok li jiġi rrilevat li, fir-realtà, dan l-ilment huwa intiż li jikkontesta l-eżistenza tal-ksur uniku u kontinwat kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u mhux l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 TFUE fl-imsemmi ksur.

115

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jressqu ebda prova ta’ natura li tikkorrobora dan l-ilment, b’mod li hemm lok li tiġi miċħuda bħala sempliċi allegazzjoni.

116

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.   Fuq it-tielet motiv u r-raba’ motiv, li huma bbażati fuq żball ta’ evalwazzjoni, fuq ksur tad-dritt tal-preżunzjoni tal-innoċenza, fuq żbalji ta’ liġi, fuq żnaturament ta’ provi u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fir-rigward tal-allegata parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ksur uniku u kontinwu

117

Insostenn tat-tielet motiv u tar-raba’ motiv, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, ir-rikorrenti jressqu diversi argumenti. L-ewwel nett, huma jikkritikaw lill-Kummissjoni talli rrikorriet għall-kunċett ta’ ksur uniku sabiex tikkaratterizza d-diversi elementi tal-akkordju. It-tieni nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fir-rigward tan-natura interrotta tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur u, barra minn hekk, hija naqset milli tipproduċi provi suffiċjenti dwar il-bidu tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur u tat-tul mhux interrott tiegħu. It-tielet nett, huma jallegaw li l-Kummissjoni imputat fil-konfront tagħhom responsabbiltà għal ksur uniku u kontinwu, meta huma ma kellhomx l-intenzjoni li jikkontribwixxu għall-għanijiet kollha tal-akkordju u ma kellhomx għarfien ta’ ċertu aġir illegali. Ir-raba’ nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni kellha turi li huma kellhom għarfien tal-ftehimiet dwar kull wieħed mill-proġetti jew li setgħu jippreveduhom minn tal-inqas għas-swieq nazzjonali jew għall-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma. Il-ħames nett, huma jallegaw li l-Kummissjoni ma speċifikatx il-proġetti li kellhom ikunu s-suġġett ta’ ftehim, billi sempliċement użat abbrevjazzjonijiet jew denominazzjonijiet ġeneriċi u talli ppreżentat l-istess proġett bħala diversi proġetti distinti minħabba differenzi żgħar ta’ denominazzjoni.

a)   Kunsiderazzjonijiet preliminari

118

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova mhux biss l-eżistenza tal-akkordju iżda wkoll it-tul tiegħu. B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tikkonstata u għandha tistabbilixxi l-provi ta’ natura li juru, b’mod suffiċjentement ex lege, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. L-eżistenza ta’ dubju min-naħa tal-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni wriet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni suffiċjentement ex lege jekk din il-qorti jibqa’ jkollha dubju dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa jew għat-tnaqqis tal-ammont ta’ din il-multa. Fil-fatt, f’din is-sitwazzjoni tal-aħħar, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, li jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li ġie rrikonoxxut fl-Artikolu 48(1)tal-Karta. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ severità tas-sanzjonijiet marbuta ma’ dan il-ksur, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità. B’hekk, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tressaq provi preċiżi u konkordanti sabiex tibbaża l-konvinzjoni soda li l-allegat ksur twettaq (ara s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, T-147/09 u T-148/09, EU:T:2013:259, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119

Skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, kull waħda mill-provi prodotti mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa suffiċjenti li s-sensiela ta’ indizji invokata mill-istituzzjoni, evalwata globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, T-147/09 u T-148/09, EU:T:2013:259, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120

Barra minn hekk, huwa abitwali li l-attivitajiet implikati mill-ftehimiet antikompetittivi jsiru klandestinament, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom titnaqqas għall-minimu. Minn dan isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li jixhdu b’mod espliċitu li sar kuntatt illegali bejn operaturi, bħalma huma l-minuti ta’ laqgħat, dawn id-dokumenti normalment ikunu biss ta’ natura frammentarja u skarsa, b’tali mod li ħafna drabi jkun neċessarju li ċerti dettalji jimtlew permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C‑213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, EU:C:2004:6, punti 55 sa 57, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52, punt 51).

121

Barra minn hekk, il-ġurisprudenza teżiġi li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li ġraw fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi (sentenza tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T-43/92, EU:T:1994:79, punt 79; ara, ukoll, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T-120/04, EU:T:2006:350, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

b)   Fuq in-natura unika tal-ksur

122

Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-prattiki identifikati mill-Kummissjoni ma jissodisfawx il-kriterji ta’ ksur uniku u kontinwat stabbiliti mill-ġurisprudenza. Huma jsostnu, b’mod partikolari, li ma hemmx identiċità tal-prodotti u tas-servizzi, peress li l-kejbils tal-elettriku taħt l-art u l-kejbils tal-elettriku taħt l-ilma jirrappreżentaw swieq distinti, li hemm biss identiċità parzjali tal-impriżi li jipparteċipaw fil-ksur, peress li r-rikorrenti, Silec Cable, Mitsubishi Cable Industries, SWCC Showa Holdings, LS Cable & System, Taihan Electric Wire & Systemd u nkt cables ma jimmanifatturawx kejbils tal-elettriku taħt l-ilma, li hemm biss identiċità parzjali ta’ individwi li jipparteċipaw fid-diversi elementi tal-akkordju, peress li Pirelli jew Prysmian, ABB u nkt cables dejjem jibagħtu rappreżentanti differenti għal-laqgħat dwar kejbils tal-elettriku taħt l-ilma, u dawk dwar kejbils tal-elettriku taħt l-art, peress li proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma dejjem ġew diskussi separatament u l-karti ta’ pożizzjoni dwar il-“kwota 60/40” kienu jiġu stabbiliti separatament skont it-tip ta’ kejbils tal-elettriku. Huma jinnotaw ukoll li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ rabta ta’ komplementarjetà bejn id-diversi prattiki.

123

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

124

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu, meta wieħed jew iktar mill-elementi ta’ din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u meħuda iżolament, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Għaldaqstant, meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur meqjus fit-totalità tiegħu (sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 41, u tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni, C‑625/13 P, EU:C:2017:52, punt 55).

125

Diversi kriterji ġew identifikati mill-ġurisprudenza bħala rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura unika tal-ksur, jiġifieri l-identiċità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni, l-identicità tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, l-identicità tal-impriżi li ħadu sehem fih u l-identicità tal-metodi tal-implimentazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-identiċità tal-persuni fiżiċi involuti f’isem impriżi u l-identiċità tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-prattiki inkwistjoni jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan l-eżami (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, T-147/09 u T-148/09, EU:T:2013:259, punt 60).

126

F’dan il-każ, il-ftehim dwar it-“territorju nazzjonali” u l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku fil-kuntest tal-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju fi ħdan iż-ŻEE ġew implimentati simultanjament, kienu jirrigwardaw il-kejbils tal-elettriku taħt l-ilma b’vultaġġ għoli u l-kejbils tal-elettriku taħt l-art b’vultaġġ għoli u jinvolvu l-istess produtturi Ewropej u, fir-rigward tal-imsemmi ftehim u l-ftehim dwar “territorji ta’ esportazzjoni”, l-istess produtturi Sud Koreani u Ġappuniżi. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, bl-eċċezzjoni tal-każ ta’ Pirelli, il-persuni fiżiċi involuti f’isem impriżi kienu l-istess fir-rigward tad-diversi aspetti tal-akkordju. Bl-istess mod, id-diversi miżuri kellhom l-istess għan komuni, jiġifieri l-istabbiliment ta’ sistema ta’ tqassim tas-suq dinji tal-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli, minbarra l-Istati Uniti.

127

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argumenti tar-rikorrenti.

128

Fil-fatt, fir-rigward tal-fatt li l-ksur ma jistax jiġi kklassifikat bħala ksur uniku minħabba li l-kejbils tal-elettriku taħt l-art b’vultaġġ għoli u l-kejbils tal-elettriku taħt l-ilma b’vultaġġ għoli huma prodotti differenti li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet distinti u, finalment, għal swieq distinti, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-ftehim fit-“territorju nazzjonali” ma kienx jagħmel distinzjoni bejn tipi differenti ta’ kejbils tal-elettriku. It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, mill-eżempji mogħtija mill-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju” (premessi 333 sa 338, 399 u 400 tad-deċiżjoni kkontestata) u tal-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju” (premessa 106 tal-imsemmija deċiżjoni) jirriżulta li seta’ jiġi applikat kumpens bejn proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art b’vultaġġ għoli u proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma b’vultaġġ għoli, b’tali mod li, mill-perspettiva tal-impriżi partijiet fl-akkordju, ma kienx hemm differenza manifesta f’dan ir-rigward. Dan huwa muri bl-iskambju ta’ posta elettronika, li hemm riferiment għaliha fil-premessa 399 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn is-Sur A., impjegat ta’ Prysmian, indika lis-Sur R., impjegat ta’ Nexans France, li huwa kein jirrifjuta li jikkumpensa l-benefiċċju tal-allokazzjoni tal-porzjon tal-art ta’ proġett ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art b’vultaġġ għoli għal Prysmian bi proġett ieħor, iżda aċċetta li jikkunsidra kuntratt ta’ subappalt skont il-prinċipji li kienu jirregolaw l-għoti ta’ proġett fl-Unjoni, mingħajr ma ssir distinzjoni skont jekk dawn il-proġetti kinux proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma b’vultaġġ għoli jew proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art b’vultaġġ għoli.

129

Il-fatt li ċerti impriżi partijiet fl-akkordju, bħar-rikorrenti, ma kellhomx il-kapaċità jew ir-rieda li jiksbu l-għoti ta’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

130

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li fil-laqgħat A/R il-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma u l-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art kienu s-suġġett ta’ laqgħat separati, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, anki jekk uħud minn dawn il-laqgħat indirizzaw b’mod separat il-proġetti skont it-tip ta’ kejbils tal-elettriku kkonċernati, kif jixhdu l-istediniet għal-laqgħat tal-11 ta’ Settembru 2003 u tat-28 ta’ Jannar 2004, l-imsemmija dikjarazzjoni hija kontradetta mill-fatt li, f’okkażjonijiet oħra, proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma u proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art ġew diskussi matul l-istess laqgħa. Fil-fatt, bħala risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni pproduċiet estratt tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata li jinkludi ċertu numru ta’ laqgħat li kienu jikkonċernaw inkontestabbilment il-kejbils tal-elettriku taħt l-art u l-kejbils tal-elettriku taħt l-ilma matul sessjoni konġunti. Il-Kummissjoni ppreċiżat li dan l-estratt ma kien jinkludi ebda informazzjoni dwar laqgħat li matul tagħhom inżammu sessjonijiet differenti fi ġranet suċċessivi, jew dwar dawk li l-organizzazzjoni tagħhom kienet turi b’mod ċar li l-kejbils tal-elettriku taħt l-art u l-ilma ġew diskussi matul sessjonijiet differenti. Madankollu, hija tindika li, anki waqt laqgħat ta’ dan it-tip, ir-rappreżentanti tal-impriżi kienu l-istess matul id-diskussjonijiet dwar il-kejbils tal-elettriku taħt l-art, minn naħa, u l-kejbils tal-elettriku taħt l-ilma. Barra minn hekk, hija hemżet provi, imsemmija fin-noti ta’ qiegħ il-paġna tal-imsemmi anness, li tibbaża ruħha fuqhom sabiex tafferma li proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma b’vultaġġ għoli u proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art b’vultaġġ għoli kienu diskussi waqt sessjonijiet konġunti matul l-imsemmija laqgħat.

131

Mistiedna mill-Qorti Ġenerali sabiex jieħdu pożizzjoni dwar dawn id-dokumenti waqt is-seduta, ir-rikorrenti llimitaw ruħhom li jindikaw li, peress li ma ħadux sehem fil-laqgħat A/R, huma ma kinux f’pożizzjoni li jikkummentaw dwar il-funzjonament tagħhom.

132

Madankollu, mill-provi prodotti mill-Kummissjoni jirriżulta li proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma b’vultaġġ għoli u proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art b’vultaġġ għoli ġew diskussi waqt sessjonijiet konġunti f’minn tal-inqas tlettax-il laqgħa A/R organizzati mit-22 ta’ Frar 2001 sas-27 ta’ Marzu 2003. Din il-konstatazzjoni hija biżżejjed sabiex jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma u proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art kienu s-suġġett ta’ sessjonijiet separati matul l-imsemmija laqgħat.

133

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li, waqt il-laqgħat tal-membri R tal-akkordju, il-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma u l-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art kienu wkoll is-suġġett ta’ diskussjonijiet separati, għandu jiġi osservat li huma ma jinvokaw ebda prova insostenn tiegħu.

134

F’dan ir-rigward, mill-premessi 114, 249 u 534 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-laqgħat R, li kienu ppreċeduti minn ikla lejliet, li fihom kienu pparteċipaw il-membri kollha preżenti, kienu jibdew minn parti ġenerali, li matul tagħha l-partijiet kienu jiddiskutu s-sitwazzjoni ġenerali fis-suq u fl-impriżi tagħhom. Dejjem skont id-deskrizzjoni pprovduta fl-imsemmija deċiżjoni, waqt din il-parti ġenerali, Nexans France u Pirelli/Prysmian kienu jinfurmaw ukoll lill-produtturi Ewropej ta’ importanza minuri, bħar-rikorrenti, bl-avvenimenti li kienu seħħew fil-kuntest tal-laqgħat A/R u l-parteċipanti kienu jiddiskutu għalhekk proġetti fiż-ŻEE u fit-“territorji ta’ esportazzjoni” u jindikaw liema produttur kien jinvoka jew jikseb il-“preferenza” jew l-“interess” għal ċertu proġett. Din id-deskrizzjoni tal-iżvolġiment tal-laqgħat R tissuġġerixxi li l-partijiet kienu jiiddiskutu dwar il-proġetti kollha mingħajr distinzjoni bejn proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma. Madankollu, mir-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li, waqt il-laqgħa R tat-18 u tad-19 ta’ Novembru 2003, inżammu laqgħat separati għall-proġetti kejbils tal-elettriku taħt l-art u għall-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma. Sabiex tikkjarifika dan il-punt, il-Kummissjoni ġiet mistiedna permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tippreċiża lill-Qorti Ġenerali sa fejn il-provi miġbura waqt il-proċedura amministrattiva kienu jippermettulha tqis li l-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet konġunti waqt il-laqgħat R. B’risposta għal din l-istedina, il-Kummissjoni ppreżentat il-minuti tal-laqgħa A/R tas-27 ta’ Marzu 2003 f’Tokjo (il-Ġappun) u tal-laqgħat R tat-23 ta’ April 2003 u tat-12 ta’ Mejju 2005 kif ukoll estratt mir-risposta ta’ J–Power Systems għal talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni.

135

Mistiedna mill-Qorti Ġenerali sabiex jieħdu pożizzjoni dwar dawn id-dokumenti waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostnew, mingħajr riferiment speċifiku għal waħda mil-laqgħat R iċċitati fil-punt 134 iktar ’il fuq, li l-imsemmija laqgħat kienu nżammu fl-istess jum, iżda kienu maqsuma f’żewġ sessjonijiet. Għalhekk, fil-fehma tagħhom, l-ewwel sessjoni, li kienet tikkonċerna l-kejbils tal-elettriku taħt l-ilma, inżammet filgħodu u t-tieni sessjoni, li kienet tikkonċerna l-kejbils tal-elettriku taħt l-art, inżammet waranofsinhar. Huma ppreċiżaw ukoll li, kultant, iż-żewġ sessjonijiet ma kinux jinżammu fl-istess ġurnata, iżda suċċessivament fuq jumejn. Barra minn hekk, huma sostnew li l-parteċipanti f’dawn il-laqgħat differenti kienu neċessarjament parzjalment differenti minħabba li kumpanniji interessati biss fil-kejbils tal-elettriku taħt l-art, bħalhom, lanqas darba ma pparteċipaw f’laqgħa ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma. Fil-fehma tagħhom, ma hemmx, skont l-għarfien tagħhom, minuti ta’ dawn il-laqgħat li jirreferu għal laqgħa konġunta.

136

Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat, qabelxejn, li mill-minuti tal-laqgħa R tat-23 ta’ April 2003, jirriżulta li l-parteċipanti ta’ din il-laqgħa, fosthom ir-rappreżentanti ta’ Brugg Kabel, ġew informati bid-diskussjonijiet li saru waqt il-laqgħa A/R tas-27 ta’ Marzu 2003. Mill-minuti ta’ din il-laqgħa jirriżulta li din tat lok għal diskussjonijiet dwar proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma b’vultaġġ għoli. Sussegwentement, għandu jiġi osservat, li mill-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, mingħajr ma huwa kkontestat mir-rikorrenti, li Brugg Kabel ipparteċipat fil-laqgħa R li nżammet fit-30 ta’ Ġunju u fl-1 ta’ Lulju 2004. Mill-minuti ta’ din l-aħħar laqgħa ma jirriżultax li din l-aħħar laqgħa tat lok għal diskussjonijiet separati dwar il-kejbils tal-elettriku taħt l-ilma u l-kejbils tal-elettriku taħt l-art, peress li l-proġetti diskussi ssemmew mingħajr referenza partikolari f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, mill-parti tal-minuti intitolata “Ongoing projects” jirriżulta li l-proġetti“Italy Sardigna” u “Sarco” ġew diskussi dakinhar. Huwa minnu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li mill-estratt tar-risposta ta’ J‑Power Systems għal talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni, ma jirriżultax li dawn il-proġetti kienu proġetti tal-kejbils tal-elettriku taħt l-ilma, peress li dawn ma humiex imsemmija espressament fit-tabella ta’ J‑Power Systems. Madankollu, mill-minuti tal-laqgħa R tat-30 ta’ Ġunju u tal-1 ta’ Lulju 2004 jirriżulta li l-proġett “Sarco” kien is-sors ta’ diffikultajiet bejn il-ġestjonarji tan-netwerk elettriku Franċiż u Taljan, kif tikkonferma d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-proġett kien jirreferi għal rabta bejn Sardegna u Corsica u għalhekk kien proġett ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma. Fl-aħħar nett, mill-minuti tal-laqgħa R tat-12 ta’ Mejju 2005 jirriżulta li l-proġetti “Ireland 220 kV” u “GCC” issemmew waqt din l-aħħar laqgħa. Dawn il-proġetti ġew espressament imsemmija bħala proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma b’vultaġġ għoli fl-estratt mir-risposta ta’ J‑Power Systems għall-imsemmija talba għal informazzjoni.

137

Barra minn hekk, il-fatt li l-parteċipanti fis-sessjonijiet tal-laqgħat R li kienu jikkonċernaw kejbils tal-elettriku taħt l-art ma kinux eżattament l-istess bħall-parteċipanti fis-sessjonijiet tal-imsemmija laqgħat li kienu jikkonċernaw kejbils tal-elettriku taħt l-ilma huwa s-sempliċi konsegwenza tal-fatt li ċerti membri tal-akkordju ma kinux jimmanifatturaw kejbils tal-elettriku taħt l-ilma u seta’ jkollhom inqas interess li jipparteċipaw f’sessjonijiet li jikkonċernaw dawn it-tip ta’ kejbils tal-elettriku. Madankollu, fid-dawl tal-karatteristiċi l-oħra kollha tal-akkordju, ma jistax jirriżulta minn dan il-fatt biss li dan għandu jitqies bħala żewġ akkordji separati dwar, rispettivament, kejbils tal-elettriku taħt l-ilma u kejbils tal-elettriku taħt l-art.

138

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li l-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art b’vultaġġ għoli u l-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma b’vultaġġ għoli kienu effettivament diskussi flimkien waqt il-laqgħat R, minkejja li kultant inżammu sessjonijiet separati fil-laqgħa tal-imsemmija membri fit-18 u d-19 ta’ Novembru 2003.

139

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li karti ta’ pożizzjoni separati kienu stabbiliti għall-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma u għall-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art fil-kuntest tal-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju”, hemm lok li jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn il-karti ta’ pożizzjoni żammew l-istess struttura formali u jissodisfaw l-istess allokazzjoni, jiġifieri “kwota 60/40”. Għalkemm dan ma kienx espressament speċifikat fl-imsemmija deċiżjoni, huwa probabbli li l-ħtieġa li jiġu stabbiliti karti ta’ pożizzjoni differenti kien marbut mar-rieda li ma jiġux leżi l-impriżi li ma kinux jipproduċu wieħed mit-tipi ta’ kejbils tal-elettriku, li kien ikun il-każ tar-rikorrenti li kieku, pereżempju, sehem mill-“kwota 60/40” attribwita lill-membri R tal-akkordju kienet magħmula biss minn proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma.

140

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ komplementarjetà bejn id-diversi aspetti tal-akkordju, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, sabiex atti ta’ aġir differenti jiġu kklassifikati bħala ksur uniku u kontinwu, ma hemmx lok li jiġi vverifikat jekk għandhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minnhom huwa intiż li jaffaċċja konsegwenza jew iktar tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxi, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha mixtieqa mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan ġenerali li għandu għan uniku. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni dwar il-kunċett ta’ għan uniku timplika li għandu jiġi vverifikat jekk hemmx elementi li jikkaratterizzaw l-atti ta’ aġir differenti li jagħmlu parti mill-ksur li jistgħu jindikaw li l-varji istanzi ta’ aġir effettivament implimentati minn impriżi parteċipanti oħra ma għandhomx l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv u, konsegwentement, ma jaqgħux taħt “pjan ġenerali” minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni, C‑625/13 P, EU:C:2017:52, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt 126 iktar ’il fuq, il-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ għan uniku tal-ksur hija ssodisfatta f’dan il-każ.

141

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li l-aspetti differenti tal-akkordju kienu jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE.

c)   Fuq it-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

142

Ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li l-Kummissjoni stabbilixxiet bħala l-bidu tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju d-data tal-14 ta’ Diċembru 2001 u l-fatt li l-parteċipazzjoni tagħhom ma kinitx interrotta.

1) Dwar il-bidu tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju

143

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma wrietx li l-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains kienet laqgħa R, bħal dawk stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata, jew laqgħa li matul tagħha huma kienu pparteċipaw f’attività li tmur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni. Skonthom, il-provi prodotti mill-Kummissjoni lanqas ma jippermettu li jintwera li huma bdew jipparteċipaw fl-akkordju bejn l-14 ta’ Diċembru 2001 u t-3 ta’ Lulju 2002.

144

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

145

F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova tan-natura antikompetittiva tal-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains, qabel, skont il-każ, ma jiġi eżaminat jekk il-provi miġbura mill-Kummissjoni kinux suffiċjenti sabiex juru li r-rikorrenti kienu bdew jipparteċipaw fl-akkordju qabel it-3 ta’ Lulju 2002.

146

Mill-fajl jirriżulta li d-domanda Nru 4 għat-talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Marzu 2010, kienet imfassla kif ġej:

“Il-Kummissjoni għandha informazzjoni li serje ta’ laqgħat, kif ukoll komunikazzjoni b’mezzi oħra (faks, posta elettronika, telefonati, eċċ.) stabbiliti bejn il-kompetituri li l-lista tagħhom tinsab iktar ’l isfel, taħt (d). B’mod iktar speċifiku, […] li r-rappreżentanti segwenti tal-kumpannija tagħhom attendew tali laqgħat/ipparteċipaw f’tali komunikazzjoni: [Is-Sur N., is-Sur P. u s-Sur K.].

Fir-rigward tal-laqgħat imsemmija iktar ’l isfel taħt (d) u ta’ laqgħat oħra ta’ natura simili li setgħu nżammu bejn kompetituri, jekk jogħġbok ipprovdi jew indika:

konferma tad-data tal-laqgħa;

min ħa l-inizjattiva għal-laqgħa;

min organizza u implimenta l-laqgħa;

il-post speċifiku li fih inżammet il-laqgħa;

l-ismijiet tal-parteċipanti kollha fil-laqgħa, tal-funzjoni tagħhom u tal-isem tal-impriżi li kienu jirrappreżentaw;

is-suġġetti fuq l-aġenda;

min stabbilixxa s-suġġetti fuq l-aġenda;

il-minuti tal-laqgħa;

il-kamp ġeografiku preċiż kopert mil-laqgħa.

Jekk jogħġbok ipprovdi kopji ta’ kull dokument disponibbli, indipendentement minn jekk huwiex miktub bl-idejn, ittajpjat, diġitali jew fi kwalunkwe forma oħra, li jikkonċerna l-laqgħat li jissemmew iktar ’l isfel taħt (d) u kwalunkwe laqgħa oħra ta’ natura simili li setgħet inżammet bejn kompetituri.

Jekk jogħġbok agħti l-isem u l-funzjonijiet ta’ kull rappreżentant ieħor tal-impriża tiegħek li pparteċipa fil-laqgħat imsemmija iktar ’l isfel taħt (d) u fi kwalunkwe laqgħa oħra ta’ natura simili li setgħet inżammet bejn kompetituri.”

147

Fir-risposta tagħhom għat-talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrenti kkonfermaw li nżammet laqgħa fl-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains, li fiha pparteċipa s-Sur N. Huma pprovdew ukoll fattura tal-karta ta’ kreditu ta’ din il-persuna, bl-istess data, kif ukoll estratt mid-djarju tagħha li fih kien hemm indikati d-data, il-post u l-parteċipanti tal-laqgħa, jiġifieri Nexans France u Pirelli.

148

Barra minn hekk, fir-risposta tagħhom għat-talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Marzu 2010, ebda destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kkonferma li pparteċipa f’laqgħa ma’ kompetituri fl-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains.

149

Madankollu, fil-premessa 292 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni indikat li kienet ġiet organizzata laqgħa R f’Divonne-les-Bains fl-14 ta’ Diċembru 2001 u li l-parteċipanti f’din il-laqgħa kienu, f’kull każ, Nexans Franza, irrappreżentata mis-Sur J., Sagem, irrappreżentata mis-Sur V, u Brugg Kabel, irrappreżentata mis-Sur N. Il-Kummissjoni ppreċiżat li l-preżenza tas-Sur J. u tas-Sur V. kienet tirriżulta minn posta elettronika mibgħuta mill-ewwel lit-tieni li kienet tirreferi għal-laqgħa preċedenti li fiha kienu pparteċipaw it-tnejn. Il-preżenza tas-Sur N. tirriżulta mir-risposta tar-rikorrenti għat-talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Marzu 2010.

150

Fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti kkontestaw in-natura antikompetittiva tal-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains billi jsostnu li din “ma kienet xejn ħlief tentattiv inutli ta’ Nexans [France] u ta’ Prysmian sabiex jikkonvinċu lil [Brugg Kabel] tipparteċipa f’intervisti ma’ produtturi oħra ta’ kejbils tal-elettriku” u li “[Brugg Kabel] madankollu kienet irrifjutat li tipparteċipa fl-arranġamenti u [kompliet] titqies u tiġi ttrattata bħala parja mid-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”.

151

Fil-premessa 197 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“Konformement ma’ dak li ġie deċiż fil-laqgħa A/R tat-13 ta’ Novembru 2001, xahar wara, fl-14 ta’ Diċembru 2001, ġiet organizzata laqgħa R f’[Divonne-les-Bains], Franza. Fost il-parteċipanti, kien hemm [Is-Sur J.] (Nexans) u [is-Sur N.] (Brugg [Kabel]) u hemm probabbiltà kbira li [is-Sur V.] ta’ Sagem kif ukoll rappreżentant ta’ Pirelli kienu wkoll preżenti 261. Il-post, kastell f’[Divonne-les-Bains], kien ukoll użat diversi drabi għal diversi laqgħat R.”

152

Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 261 taħt il-premessa 197 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll dan li ġej:

“Il-parteċipazzjoni tas-[Sur J. u tas-Sur V.] tirriżulta minn messaġġ elettroniku mibgħut fit-18 ta’ Frar 2002 mis-[Sur J.] lis-[Sur V.], li jirreferu espressament għal-laqgħa preċedenti f’[Divonne-les-Bains] li t-tnejn kienu preżenti għaliha, ara ID 318/128, spezzjoni għand Nexans [France]. Brugg [Kabel] ikkonfermat il-parteċipazzjoni tas-[Sur N.], ara ID 1492/4, risposta ta’ Brugg [Kabel] tas-7 ta’ Mejju 2010 għat-talba għall-informazzjoni [tal-Kummissjoni] tal-31 ta’ Marzu 2010. Fl-Annessi pprovduti minn Brugg, tissemma’ wkoll Pirelli; ID 1492/20, risposta ta’ Brugg [Kabel] tas-7 ta’ Mejju 2010 għall-[imsemmija talba għall-informazzjoni].”

153

Fil-premessi 921 u 922 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat ukoll dan li ġej:

“(921)

[Brugg Kabel] ipparteċipat fl-akkordju mill-14 ta’ Diċembru 2001. Dakinhar, [is-Sur N.] (Brugg [Kabel]) ipparteċipa għal laqgħa R f’[Divonne-les-Bains] (ara l-premessa 197). Kabelwerke Brugg AG Holding għandha responsabbiltà bħala kumpannija omm għall-aġir ta’ [Brugg Kabel] ukoll b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2001. [Brugg Kabel] tikkontesta din id-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni fl-akkordju, peress li l-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 ma hijiex ta’ natura antikompetittiva u [Brugg Kabel] irrifjutat li tikkoopera f’din id-data.

(922)

Diversi indikazzjonijiet oħra juru li [Brugg Kabel] kienet diġà pparteċipat fil-ftehimiet tal-akkordju qabel dan l-avveniment (premessi (161, 167 u 186). Filwaqt li din il-laqgħa kellha l-għan li tikkonvinċi lil [Brugg Kabel] tissieħeb fl-akkordju, dan ma jnaqqas xejn min-natura antikompetittiva tagħha. Nexans u Prysmian kienu ħabbru, waqt il-laqgħa A/R tat-13 ta’ Novembru 2001, li kienu ser jorganizzaw laqgħat R regolari, u li huma żammew din il-wegħda bl-organizzazzjoni tal-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 (premessa (188). Il-parteċipazzjonijiet Ewropew fl-akkordju ppreċedew l-għoti ta’ proġetti fiż-ŻEE u fit-‘territorji ta’ esportazzjoni’ waqt il-laqgħat R (ara, pereżempju, il-premessa 315). Ma hemm ebda prova li turi li [Brugg Kabel] kienet ħabbret, waqt din il-laqgħa, li hija ma kinitx ser tipparteċipa fl-akkordju. Kuntrarjament, hemm provi li jindikaw li Nexans [France] u Prysmian irnexxielhom fid-dawl tal-fatt li waqt il-laqgħa A/R tat-30 ta’ Jannar 2002, Nexans u Pirelli informaw lill-parteċipanti l-oħra li ‘[Brugg Kabel] u Sagem [kienu ġew] mistiedna għal-laqgħa u kienu ser ikomplu’ [‘will continue’] (premessa 206). Waqt il-laqgħa A/R tal-5 ta’ April 2002, in-noti jirreferu għal ‘ambjent ta’ kooperazzjoni li tjieb progressivament ma’ [Brugg Kabel], Sagem u nkt’] (premessa 212). Sussegwentement, f’April 2002, Brugg [Kabel] ippjanat li torganizza hija stess laqgħa R. Din il-laqgħa ġiet annullata, iżda laqgħa oħra ġiet organizzata minn [Brugg Kabel] fit-3 ta’ Lulju 2002 (premessa 217). Huwa ftit probabbli li [Brugg Kabel] ipprevediet li torganizza laqgħa fil-kuntest tal-akkordju f’April 2002 meta kienet għadha ma hijiex membru ta’ dan tal-aħħar.”

154

Mill-premessi 197, 921 u 922 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li kien hemm provi diretti tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti, irrappreżentati mis-Sur N., f’laqgħa ma’ kompetituri organizzata f’Divonne-les-Bains fl-14 ta’ Diċembru 2001 kif ukoll sensiela ta’ provi indiretti suffiċjenti dwar il-parteċipazzjoni f’din il-laqgħa, jekk mhux ta’ Sagem, tal-inqas ta’ Nexans France u ta’ Pirelli u li din il-laqgħa kienet laqgħa R, jiġifieri laqgħa tal-membri tal-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”.

155

L-ewwel nett, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti, irrappreżentati mis-Sur N., f’laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din ma hijiex ikkontestata.

156

It-tieni nett, fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ produtturi Ewropej oħra ta’ kejbils tal-elettriku fl-imsemmija laqgħa, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, il-preżenza tar-rappreżentanti ta’ Nexans France u ta’ Pirelli matul din il-laqgħa ġiet indikata mir-rikorrenti stess fir-risposta tagħhom għat-talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Marzu 2001.

157

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-messaġġ elettroniku indirizzat mis-Sur J. lis-Sur V. fit-18 ta’ Frar 2002 jirreferi b’mod ċar għal laqgħa li nżammet f’Divonne-les-Bains. Barra minn hekk, il-fatt li, għal din il-laqgħa, ipparteċipaw persuni oħra għajr is-Sur J u s-Sur V jirriżulta b’mod ċar mis-silta segwenti: “Wara l-laqgħa tagħna f’[Divonne-les-Bains], peress li d-dati antiċipati tas-6 u tas-7/03 saru impossibbli għal uħud minna, nipproponi finalment li l-laqgħa li jmiss tinżamm f’Pariġi, fit-28 ta’ Frar waranofsinhar (il-post ser jiġi kkomunikat iktar tard).”

158

Il-fatt li, fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Marzu 2010, Safran ma kkonfermatx il-preżenza tar-rappreżentant ta’ Sagem, is-Sur V, waqt laqgħa li nżammet f’Divonne-les-Bains fi tmiem l-2001 ma huwiex sinjifikanti f’dan ir-rigward, peress li, kif jirriżulta mill-imsemmija risposta, Safran ma kinitx f’pożizzjoni li tivvalida jew li tikkonferma din l-informazzjoni minħabba raġunijiet sostantivi.

159

Il-fatt jibqa’ li, kif isostnu r-rikorrenti, il-messaġġ elettroniku tas-Sur J tat-18 ta’ Frar 2002 ma jinkludi ebda indikazzjoni dwar id-data tal-laqgħa li jirreferi għaliha, dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’din il-laqgħa jew dwar is-suġġett ta’ din il-laqgħa, b’tali mod li jippermetti biss li jiġi stabbilit li s-Sur J u s-Sur V ipparteċipaw, f’mument indeterminat, iżda li jippreċedi neċessarjament id-data ta’ dan il-messaġġ elettroniku, f’laqgħa f’Divonne-les-Bains ma’ persuni oħra li l-identità tagħhom hija wkoll indeterminata. Minn dan isegwi li dan il-messaġġ elettroniku ma jippermettix, waħdu, li tiġi stabbilita l-preżenza ta’ Sagem, irrappreżentata mis-Sur V, waqt il-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains.

160

Il-provi eżaminati fil-punti 156 sa 159 iktar ’il fuq huma biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li r-rappreżentant tar-rikorrenti, is-Sur N., kif ukoll ir-rappreżentanti ta’ Nexans France u ta’ Pirelli, ipparteċipaw f’laqgħa fl-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains. Min-naħa l-oħra, dawn il-provi ma jippermettux li jiġi stabbilit b’ċertezza li r-rappreżentant ta’ Sagem, jiġifieri s-Sur V, ipparteċipa f’din il-laqgħa.

161

It-tielet nett, fir-rigward tan-natura tal-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li laqgħat tal-membri R tal-akkordju nżammu regolarment fl-imsemmija belt, li matul tagħhom, wara li r-rappreżentanti ta’ Nexans France u ta’ Pirelli, sussegwentement ta’ Prysmian, kienu informaw lill-produtturi Ewropej l-oħra bid-diskussjonijiet li seħħew matul il-laqgħa A/R preċedenti, il-parteċipanti kienu jaqsmu l-proġetti li kellhom jitwettqu fit-“territorju nazzonali Ewropew” u dawk li kellhom jitwettqu fit-“territorji ta’ esportazzjoni” li kienu ġew attribwiti lill-membri R tal-akkordju (premessa 315 u Anness I tad-deċiżjoni kkontestata). In-natura abitwali tal-organizzazzjoni ta’ tali laqgħat f’din il-belt tintwera mill-fatt li ċerti parteċipanti ta’ dawn il-laqgħat kienu jitkellmu, kultant, dwar il-bżonn li “jiddivonjaw” (premessa 364 tad-deċiżjoni kkontestata).

162

Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi rrilevat li provi invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huma ta’ natura li juru li l-ewwel laqgħa R tal-akkordju nżammet effettivament f’Divonne-les-Bains fl-14 ta’ Diċembru 2001.

163

Għalhekk, min-noti ta’ impjegat ta’ J–Power Systems dwar id-diskussjonijiet li seħħew waqt il-laqgħa A/R tat-13 ta’ Novembru 2001, imsemmija fil-premessa 188 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li Nexans France u Pirelli kienu indikaw, dakinhar, li fil-futur kien ser ikun hemm diskussjoni bejn il-membri R tal-akkordju darba fix-xahar.

164

Fin-noti ta’ impjegat ta’ J–Power Systems dwar id-diskussjonijiet li seħħew waqt il-laqgħa A/R tat-30 ta’ Jannar 2002, imsemmija fil-premessa 206 tad-deċiżjoni kkontestata, f’parti intitolata “Organizzazzjoni – naħa R”, huwa indikat kif ġej:

“Brugg Kabel u Sagem mistiedna għal-laqgħa. Ser ikomplu. ABB qatt ma riedet tipparteċipa. NKT tista’ tkun neċessarja għaliex hija iktar attiva fis-suq tal-esportazzjoni.”

165

Skont ir-rikorrenti, in-noti ta’ impjegat ta’ J-Power Systems dwar id-diskussjonijiet li saru fil-laqgħa A/R tat-30 ta’ Jannar 2002 juru biss il-fatt li l-parteċipanti l-oħra fl-akkordju ppruvaw, waqt il-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains, permezz ta’ tentattivi inutli, jikkonvinċuhom jipparteċipaw fil-laqgħat u fid-diskussjonijiet tal-akkordju. Huma jsostnu li, kieku matul l-imsemmija laqgħa taw il-kunsens tagħhom sabiex jipparteċipaw fid-diskussjonijiet wara snin li matulhom irrifjutaw, dan kien ikun ċertament imsemmi waqt il-laqgħa A/R tat-30 ta’ Jannar 2002 bħala aħbar ġdida. Huma jenfasizzaw ukoll li, wara l-laqgħa R tat-3 ta’ Lulju 2002 li kienu pparteċipaw fiha, is-Sur J kiteb f’messaġġ elettroniku tal-4 ta’ Settembru 2002 indirizzat lis-Sur O., impjegat ta’ J-Power Systems, bil-ħsieb tal-laqgħa A/R fis-6 u fis-7 ta’ Settembru 2002, li “issa għandna kuntatt regolari ma’ [Brugg Kabel]”.

166

Ir-rikorrenti jsostnu, barra minn hekk, li huwa daqstant probabbli li l-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains kellha bħala għan it-twettiq tan-negozjati ta’ kuntratt ta’ subappalt ma’ Nexans France dwar proġett li kellu jitwettaq f’Abu Dabi (l-Emirati Għarab Magħquda), mibdija waqt laqgħa tal-21 ta’ Novembru 2001 f’Pariġi (Franza).

167

Madankollu, hemm lok li jitqies, kif issostni l-Kummissjoni, li n-noti ta’ impjegat ta’ J-Power Systems dwar id-diskussjonijiet li saru fil-laqgħa A/R tat-30 ta’ Jannar 2002 juru, għall-kuntrarju, li s-suġġett tal-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001, f’Divonne-les-Bains, li r-rikorrenti jirrikonoxxu li pparteċipaw fiha permezz tas-Sur N., kienet effettivament laqgħa tal-membri R tal-akkordju.

168

Fil-fatt, is-silta, estratta min-noti ta’ impjegat ta’ J-Power Systems dwar id-diskussjonijiet li saru fil-laqgħa A/R tat-30 ta’ Jannar 2002, iċċitata fil-punt 164 iktar ’il fuq, tirreferi għall-istat tal-parteċipazzjoni ta’ produtturi Ewropej ta’ kejbils tal-elettriku f’laqgħa tal-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju” u mhux għar-rifjut li tintlaqa’ l-istedina għall-parteċipazzjoni f’tali laqgħa. Dan jirriżulta, fir-rigward ta’ Brugg Kabel u ta’ Sagem, mill-użu tal-espressjoni “mistiedna għal-laqgħa” u l-assenza ta’ kwalunkwe rifjut ta’ dawn tal-aħħar f’dan ir-rigward. Dan jirriżulta wkoll mir-riferiment għar-rifjut fuq perijodu twil ta’ ABB ili tipparteċipa f’kuntatti multilaterali permezz tal-frażi “ABB qatt ma riedet tipparteċipa”, li jiġġustifika n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa R, kif ukoll il-frażi li tgħid li l-parteċipazzjoni ta’ nkt cables tista’ tkun neċessarja, peress li hija iktar attiva fis-suq tal-esportazzjoni. Għalhekk, min din is-silta jista’ jiġi konkluż li Brugg Kabel u Sagem ipparteċipaw f’laqgħa R u li kienu ser ikomplu jipparteċipaw.

169

Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata mid-diversi argumenti tar-rikorrenti.

170

Qabelxejn, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-messaġġ elettroniku indirizzat fl-4 ta’ Settembru 2002 mis-Sur J, impjegat a’ Nexans France, lis-Sur O, impjegat ta’ J‑Power Systems, ma jinkludix riferiment partikolari għal Brugg Kabel. Is-Sur J sempliċement jirreferi għall-importanza li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ta’ Esxym fl-akkordju fuq in-naħa tal-membri A tal-akkordju, peress li diġà hemm kuntatt ma’ nkt cables, Sagem, Brugg Kabel: “Issa għandna kuntatt regolari ma’ nkt cables, S[agem], Brugg Kabel, jekk ma jkollniex lil Exsym magħna dan ikun inutli”.

171

Sussegwentement, jidher pjuttost improbabbli, li impriża taċċetta li tipparteċipa f’laqgħa ma’ kompetituri li l-għan tagħha huwa li dawn tal-aħħar jippruvaw jipperswaduha tadotta aġir antikompetittiv jekk hija kellha l-intenzjoni, fi kwalunkwe każ, li tiċħad tali proposta. Jekk ir-rikorrenti ma kellhomx l-intenzjoni li jipparteċipaw f’laqgħa antikompetittiva, huma setgħu sempliċement jirrifjutaw li jipparteċipaw.

172

Fl-aħħar nett, l-ispjegazzjoni alternattiva mogħtija mir-rikorrenti, li tgħid li l-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains setgħet ukoll tikkonsisti f’laqgħa dwar kuntratt ta’ subappalt ma’ Nexans France dwar proġett li kellu jitwettaq f’Abu Dabi li kien is-suġġett ta’ laqgħa preċedenti fil-21 ta’ Novembru 2001 f’Pariġi, huwa diffiċilment konċiljabbli mad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains kienet biss tentattiv fallut ta’ Nexans France u ta’ Pirelli li jikkonvinċuhom jipparteċipaw fl-akkordju. Barra minn hekk, dan l-argument isir inqas kredibbli bil-fatt li, minn naħa, mid-djarju tas-Sur N, prodott mir-rikorrenti bħala risposta għat-talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni, jirriżulta li dan tal-aħħar kellu jiltaqa’ fl-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains mhux biss ma’ Nexans France, iżda wkoll ma’ Pirelli. Huwa diffiċli li wieħed jimmaġina għalfejn Pirelli kellha tipparteċipa f’laqgħa li kienet tikkonċerna biss il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ subappalt bejn ir-rikorrenti u Nexans France. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jipproduċu ebda prova dwar l-għan tal-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains, minkejja li huma ppreżentaw tali provi fir-rigward tal-laqgħa tal-21 ta’ Novembru 2001 f’Pariġi.

173

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, jekk, kif isostnu huma, ir-rikorrenti huma liberi li jipproponu interpretazzjoni tal-fatti differenti minn dik adottata mill-Kummissjoni sabiex iqiegħdu f’dubju l-konklużjonijiet tagħha dwar in-natura tal-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-kredibbiltà fid-dawl, b’mod partikolari, tal-provi prodotti jew le mir-rikorrenti. Għalhekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti fl-annessi tar-replika jirriżulta li, waqt l-iskambji preparatorji għal laqgħa li nżammet fil-21 ta’ Novembru 2001 f’Pariġi, is-suġġett ta’ din il-laqgħa kien indikat b’mod ċar. Fil-fatt, fil-messaġġ elettroniku indirizzat mis-Sur C, impjegat ta’ Nexans France, lis-Sur N, impjegat ta’ Brugg Kabel, hemm indikat b’mod partikolari dan li ġej: “suġġetti indirizzati: kuntratt ta’ subappalt għal Brugg għaċ-ċirkwit B tal-proġett”.

174

Jekk, kif isostnu r-rikorrenti, il-laqgħa tal-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains kienet suġġetta għall-konklużjoni tal-kuntratt ta’ subappalt inkwistjoni, huwa għalhekk probabbli li t-tema ta’ din il-laqgħa kienet ġiet indikata fl-iskambji preparatorji għall-organizzazzjoni tiegħu. Madankollu, ir-rikorrenti ma pprovdewx dokumenti bħal dawn. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-messaġġ elettroniku indirizzat l-istess jum mis-Sur N lis-Sur C jinkludi, taħt l-istess titolu “Aġenda”, il-frażi “negozjar tal-kuntratt u ffirmar”, li jrendi ftit konvinċenti l-fatt li n-negozjati tkomplew f’din il-laqgħa fin-nuqqas ta’ prova f’dan is-sens.

175

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 145 sa 174 iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-Kummissjoni stabbilixxiet suffiċjentement ex lege li r-rikorrenti, irrappreżentati mis-Sur N, kienu pparteċipaw, fl-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains, f’laqgħa tal-membri R tal-akkordju, b’tali mod li l-Kummissjoni kellha raġun tistabbilixxi din id-data bħala l-bidu tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju.

2) Fuq in-natura interrotta tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

176

Ir-rikorrenti jsostnu li, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni diversi drabi fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, l-aġir li huwa allegat fil-konfront tagħhom jikkostitwixxi ksur uniformi u ripetut, li jimplika interruzzjoni fl-imsemmi aġir. Konsegwentement, hemm kontradizzjoni bejn l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li jimputa lir-rikorrenti r-responsabbiltà tal-parteċipazzjoni fi ksur uniku u kontinwat, u l-motivi li jsostnu tali konstatazzjoni.

177

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li peress li l-akkordju kien suġġett fl-2005 għal perijodu ta’ kriżi, huma ma kinux obbligati li jiddistakkaw ruħhom pubblikament minnu sabiex juru li huma kienu interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom, li kien il-każ mit-12 ta’ Mejju 2005, data tat-tluq ta’ wieħed mill-impjegati tagħhom, is-Sur P, sat-8 ta’ Diċembru 2005. Fil-fehma tagħhom, din l-interruzzjoni kienet motivata bix-xewqa tat-tim amministrattiv il-ġdid tagħhom li josserva l-leġiżlazzjoni l-ġdida Svizzera dwar il-projbizzjoni tal-akkordji. Huma jqisu li dan jirriżulta mill-korrispondenza bejn is-Sur N u l-koordinatur tal-membri R tal-akkordju, is-Sur J, kif ukoll mill-korrispondenza bejn dan tal-aħħar u d-diversi parteċipanti fl-akkordju li jilmentaw dwar il-kompetizzjoni li r-rikorrenti kienu qegħdin jipprovdulhom dwar diversi proġetti.

178

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

179

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fir-rigward tal-allegata kontradizzjoni bejn il-motivi u d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-natura repetittiva jew kontinwa tal-ksur imputat lir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni użat, fil-verżjoni Ġermaniża tad-deċiżjoni kkontestata l-espressjonijiet “einheitliche und fortdauernde” u “einzige und fortgesetzte” sabiex tikkaratterizza l-ksur. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, minn dan ma jsegwix li l-Kummissjoni għalhekk rrikonoxxiet kwalunkwe interruzzjoni fil-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, peress li dawn iż-żewġ espressjonijiet għandhom kontenut semantiku qrib u jesprimu l-idea li l-istess aġir ġie estiż mingħajr interruzzjoni.

180

Barra minn hekk, fil-premessa 620 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ppreċiżat li, “skont il-provi, il-partijiet ippersegwew l-għan uniku tal-akkordju mingħajr interruzzjoni mit-18 ta’ Frar 1999 sad-29 ta’ Jannar 2009”. Bl-istess mod, mit-tabella 8, intitolata “Koeffiċjenti multiplikaturi li jikkonċernaw it-tul”, li tinsab fil-premessa 1012 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-Kummissjoni ma nnotatx interruzzjoni bejn il-bidu tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, fl-14 ta’ Diċembru 2001, u t-tmiem ta’ din il-parteċipazzjoni, fis-16 ta’ Novembru 2006.

181

Għaldaqstant, ma jistax jitqies li hemm kontradizzjoni bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u d-dispożittiv tagħha fir-rigward tan-natura unika u kontinwa tal-ksur.

182

It-tieni nett, fir-rigward tal-allegata interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju mit-12 ta’ Mejju 2005 sat-8 ta’ Diċembru 2005, għandu jiġi rrilevat mill-bidu li, kuntrarjament għall-impressjoni li jagħtu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma bbażatx ir-rifjut tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata, li tqis li dawn kienu interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur matul is-sena 2005, fuq in-nuqqas tagħhom ta’ distakk pubbliku mill-akkordju, iżda fuq provi li juru li l-parteċipazzjoni tagħhom kienet issoktat.

183

Ir-rikorrenti jinvokaw ċerti siltiet mill-korrispondenza bejn is-Sur P u s-Sur J sabiex juru li, mill-perspettiva tagħhom, huma kienu ssospendew il-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju.

184

Għaldaqstant, ir-rikorrenti jiċċitaw messaġġ elettroniku tas-Sur N tal-10 ta’ Mejju 2005, li fih huwa indika li kien ser jirrifjuta li jipparteċipa fil-laqgħa R tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2005, filwaqt li rrefera għat-tluq tas-Sur P mill-impriża fi tmiem l-2005 kif ukoll għal bidla fl-amministrazzjoni.

185

Ir-rikorrenti jiċċitaw ukoll messaġġ elettroniku tas-26 ta’ Ottubru 2005 tas-Sur P li fih huwa ilmenta mas-Sur N dwar il-kompetizzjoni aggressiva min-naħa tar-rikorrenti u indika s-segwenti:

“L-impressjoni tagħha hija li inti qiegħda ssir pjuttost aggressiva dwar il-proġett imsemmi iktar ’il fuq. Fil-fehma tagħha, dan il-proġett għandu jkun riżervat għall-ħabib tagħna, [is-Sur R.C], u jidhirli li ma huwiex raġonevoli li tiġi adottata attitudni aggressiva għal dan it-tip ta’ proġett fil-pajjiż fejn huwa bbażat.”

186

Skont ir-rikorrenti, l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom ġiet ikkonfermata espressament f’messaġġ elettroniku tad-9 ta’ Diċembru 2005, indirizzat lis-Sur N mis-Sur J, fejn dan l-aħħar kiteb: “Minn dak iż-żmien, [is-Sur P] telaq u inti abbandunajt is-‘seminars’”. Huma jsostnu li, f’dan l-istess messaġġ elettroniku, is-Sur J barra minn hekk staqsa lis-Sur N jekk kienx ser jipparteċipa mill-ġdid fil-laqgħat u talbu jikkonferma f’dawn it-termini: “Inti ser tirritorna uffiċjalment għas-seminars? Nisperaw sinċerament li tikkonfermalna li dan huwa l-każ”.

187

Madankollu, għandu jiġi osservat li l-messaġġ elettroniku tas-Sur N tal-10 ta’ Mejju 2005 kien redatt kif ġej:

“Fid-dawl tat-tensjonijiet attwali marbuta mal-iżvilupp tal-kawża Al Aweer kif ukoll tal-bidla attwali fl-amministrazzjoni ta’ [Brugg Kabel]/[is-Sur P] ser jitlaq qabel tmiem ix-xahar ta’ Mejju 2005/jiddispjaċina ninformawk li [Brugg Kabel] ma hijiex ser tipparteċipa f’dan is-seminar.

Nisperaw li AWEER ser tiżviluppa kif diskuss preċedentement u li l-parteċipazzjoni sussegwenti ssir vijabbli […]”

188

Minn dan jirriżulta li, minn naħa, id-deċiżjoni li ma jipparteċipawx fil-laqgħa R fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2005, kienet ċertament motivata mit-tluq tas-Sur P u l-bidla fl-amministrazzjoni ta’ Brugg Kabel, iżda wkoll mit-tensjoni relatata mal-iżvilupp tal-proġett “Al Aweer” u, min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni kienet tikkonċerna biss din il-laqgħa. Barra minn hekk, kif jirriżulta wkoll mill-messaġġ elettroniku tas-Sur N tal-10 ta’ Mejju 2005, huwa ma pprekludiex il-possibbiltà li Brugg Kabel tipparteċipa fil-laqgħat sussegwenti, sa fejn l-imsemmi proġett kien ser jiżviluppa skont id-diskussjonijiet li seħħew iktar kmieni. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, dan il-messaġġ elettroniku ma jistax jitqies bħala notifika tas-sospensjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju.

189

Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li, f’messaġġ elettroniku tal-14 ta’ Ġunju 2005 indirizzat lis-Sur J mis-Sur N, dan tal-aħħar kiteb is-segwenti rigward is-suġġett ta’ sejħa għal offerti fil-Kuwajt:

“Ittieħdet nota tal-assenza tas-[Sur R ta’ Nexans France] fil-laqgħa ta’ qabel l-offerta.

L-intenzjoni li [ma ssirx offerta] madankollu turu li hija ‘politikament aċċettabbli’

Fil-każ [li ssir offerta] għandhom jintalbu istruzzjonijiet.

Il-kumment tiegħek dwar l-inċident tal-kejbil ġie nnotat u miftiehem […])”

190

Għandu jiġi rrilevat li l-kumment dwar l-inċident tal-kejbil jirreferi għal messaġġ elettroniku preċedenti tas-Sur J tal-14 ta’ Ġunju 2005 li fih dan tal-aħħar indika: “Jekk jogħġbok innota li tista’ tintalab tikkumpensa l-inċident tal-kejbil li ma baqax jiffunzjona li seħħ reċentement fl-istess pajjiż. F’dan il-każ, jekk jogħġbok innotifika dan (aħna ser nirċievu struzzjonijiet sabiex jerġgħu jiġu stabbiliti l-kuntatti).”

191

Mill-iskambju tal-messaġġi elettroniċi bejn is-Sur J u s-Sur N fl-14 ta’ Ġunju 2005 jirriżulta li, f’din id-data, ir-rikorrenti żammew kuntatt mas-Sur J, il-koordinatur tal-membri R tal-akkordju, għall-implimentazzjoni tal-imsemmi akkordju.

192

Dan jirriżulta wkoll mill-messaġġ elettroniku tal-21 ta’ Ottubru 2005 li kien ukoll indirizzat lis-Sur J mis-Sur N, li fih dan tal-aħħar jikteb kif ġej:

“Wara l-attitudni kooperazzjonali tagħna fl-għeluq ta’ MEW/60: 18-09-2005 għal 92 km XPLE 132kv li jawtorizza lil TEC tiżgura l-ewwel XLPE fil-[Kuwajt], aħna ma nistgħux nifhmu l-aġir tagħha fi […]

Meta kkkonfermajna l-kooperazzjoni tagħha għal MEW/60, jiena semmejt dan il-proġett u kelli fiduċja li dan il-messaġġ kien ser jintbagħat lil TEC. [Brugg Kabel] hija interessata ħafna u fil-fatt hija prekluża biss bl-azzjonijiet ta’ TEC li għadhom ma humiex prekwalifikati. Il-livell tal-prezz iss huwa inqas minn […] 100. […]

Ninnota wkoll li din il-kooperazzjoni hija meħtieġa minn [Brugg Kabel] iktar u iktar, filwaqt li ħafna qegħdin ibatu mill-‘Alzheimer’).”

193

Il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur matul is-sena 2005 ġiet ikkonfermata wkoll permezz ta’ żewġ messaġġi elettroniċi indirizzati lis-Sur J mis-Sur N f’Diċembru 2005 u f’Jannar 2006.

194

Għaldaqstant, fil-messaġġ elettroniku tat-12 ta’ Diċembru 2005, is-Sur N kiteb kif ġej:

“L-amministrazzjoni ġdida (żagħżugħa) ta’ [Brugg Kabel] qiegħda tibża’ peress li fl-Isvizzera hemm liġi ġdida [anti-kartell] kif ukoll struzzjonijiet min-naħa tal-kunsill li għandhom jiġu osservati. Inti taf li minkejja dan fl-2005 jien aġixxejt bħala li (pereżempju [Kuwajt])

Aħna ma rrovinajniex il-livell!

Il-parteċipanti kollha fis-‘seminars’ jistgħu jiftakru f’din is-sena eċċellenti 2005

... u kollha jinsabu f’pożizzjoni eċċellenti. […]”

195

Bl-istess mod, f’messaġġ elettroniku tal-24 ta’ Jannar 2006 dwar proġett li kellu jitwettaq fil-Kuwajt, is-Sur N kiteb lis-Sur J dan li ġej:

“Nikkonstata mill-ġdid id-differenza kbira fil-fehmiet tagħna dwar is-sitwazzjoni. Anki jekk il-kotba tal-ordnijiet huma mimlija, intom titolbu iktar konsistentement. Għalija huwa diffiċli li tiġi stabbilita politika ta’ sopravvivenza li taqbel għalik! Kont daqshekk inġenwu li għal żmien twil kont naħseb hekk, minkejja […] li kont naħdem snin favur koordinazzjoni mal-kbar […]

[…] kien hemm ħafna kummerċ fl-2005 (ħallejna kważi kollox imur għandek)

pereżempju

‘A’MEW 101 (li jikkumpensa kunsiderevolment 082)

‘K’ MEW/60 92 km XLPE 132 kV

‘[Pirelli]’ ME/EW/66–2005/06

‘A’MEW/52/2006–06

U sabiex insemmi sempliċement kooperazzjoni minima li tlabt mingħandek permezz ta’ ‘A’ f’Qatar: huma jeskluduni, u jippretendu li ma nistgħu nagħmlu xejn iktar eċċ, eċċ. Fl-istess waqt, [Nexans]+ABB jieħdu GTC/22/04 ma’ 102 km 132kV 1x2000mm2 […]”

196

Is-Sur N ippreċiża barra minn hekk fil-messaġġ elettroniku tiegħu tal-24 ta’ Jannar 2006 li, fir-rigward tal-allegat ksur tal-akkordju mir-rikorrenti, dwar MEW 082, “dan ġara mingħajr ma roħsu l-prezzijiet!”.

197

Mill-qari ta’ din il-korrispondenza bejn is-Sur J, il-koordinatur tal-membri R tal-akkordju, u s-Sur N jirriżulta li, mill-perspettiva tar-rikorrenti, għalkemm huma ma pparteċipawx iktar fil-laqgħat minħabba t-tħassib tal-amministrazzjoni l-ġdida tagħhom, huma ma waqqfux il-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju u pparteċipaw b’mod attiv għas-suċċess tiegħu.

198

Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, mill-messaġġi elettroniċi skambjati bejn is-Sur J u diversi parteċipanti oħra fl-akkordju, jirriżulta wkoll li dawn qiesu li huma kienu pparteċipaw fih anki matul it-tieni parti tas-sena 2005.

199

Ċertament, il-messaġġi elettroniċi li l-kontenut tagħhom huwa ċċitat fir-rikors mir-rikorrenti jixhdu l-irritazzjoni espressa minn ċerti parteċipanti fl-akkordju dwar l-aġir tagħhom fl-implimentazzjoni tal-akkordju.

200

Għaldaqstant, f’messaġġ elettroniku tal-14 ta’ Settembru 2005 indirizzat lis-Sur J mis-Sur R. C, impjegat ta’ Prysmian, dan tal-aħħar kiteb: “Jekk jogħġbok żgura li [Brugg Kabel] ma tirrappreżentax problema”.

201

In-nuqqas ta’ sodisfazzjoni tas-Sur J u tas-Sur R. C fir-rigward tal-aġir ta’ Brugg Kabel jirriżulta wkoll mill-messaġġ elettroniku tas-26 ta’ Ottubru 2005, indirizzat mis-Sur J lis-Sur N, li l-kontenut tiegħu huwa riprodott fil-punt 185 iktar ’il fuq.

202

F’messaġġ elettroniku tat-28 ta’ Ottubru 2005, indirizzat lis-Sur J mis-Sur R. C, dan tal-aħħar irrefera mill-ġdid għall-attitudni ta’ Brugg Kabel bil-mod kif ġej:

“Għadni kif ġej informat li Brugg Kabel qiegħda żżid l-isforzi tagħha u ser issir iktar aggressiva. Sempliċement biex ngħarrfek li jekk xi ħaġa tmur ħażin, aħna ser nikkonfrontaw lil [Brugg Kabel] dwar kull proġett (kullimkien) sabiex niżguraw ruħna li huma jitilfu l-kummerċ jew fi kwalunkwe każ li jitilfu massimu ta’ flus sabiex jiksbu l-kummerċ. […] Inti taf li dan assolutament ma jogħġobnix, pero’ ż-żejjed huwa żejjed. Jiena inklinat li ‘nippersonalizza’ dan il-każ.”

203

Dejjem rigward is-suġġett tal-attitudni tar-rikorrenti, f’messaġġ elettroniku tad-9 ta’ Novembru 2005 indirizzat lis-Sur J, is-Sur R. C irrapporta li r-rikorrenti kienu qegħdin jiġġieldu għall-proġett “E-Plus” f’dawn it-termini: [Brugg Kabel] apparentement ikkonfermat l-interess tagħha li tiġġieled ([is-Sur K.] ikkonferma dan).

204

Sussegwentement, is-Sur J, barra minn hekk, ikkonferma, f’messaġġ elettroniku tat-3 ta’ Jannar 2006 li huwa kien tilef il-proġett “E-plus” favur ir-rikorrenti.

205

In-nuqqas ta’ sodisfazzjoni tas-Sur R. C jirriżulta wkoll b’mod ċar minn messaġġ elettroniku tas-16 ta’ Novembru 2005, li fih huwa kiteb dan li ġej lis-Sur J:

“[…] il-ħbieb maħbuba tiegħek ta’ [Brugg Kabel] huma aggressivi ħafna fir-rigward ta’ suq ieħor 380 kV hawnhekk […]. Id-distakk tiegħek fir-rigward ta’ din l-aggressività kollha tfisser li inti qiegħed tabbanduna dan it-territorju u li l-arroganza ta’ [Brugg Kabel] hija għalhekk irrilevanti għalik?”

206

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-messaġġ elettroniku tas-Sur R. C tas-16 ta’ Novembru 2005, dan kien iqis li r-rikorrenti kienu għadhom marbuta bir-regoli tal-akkordju peress li huwa kien preċiżament ilmenta bl-allegat ksur tagħhom tal-imsemmija regoli. Fil-fatt, kieku dan ma kienx il-każ, is-Sur R. C ma kien ikollu ebda raġuni sabiex jilmenta dwar l-aġir tar-rikorrenti mal-koordinatur tal-membri R tal-akkordju, is-Sur J.

207

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat, kif għamlet il-Kummissjoni fil-premessa 346 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-allegat ksur tar-regoli tal-akkordju mir-rikorrenti matul it-tieni nofs tas-sena 2005 ma wassalx sabiex dawn jitqiesu bħala “outsiders” mill-membri l-oħra tal-akkordju. Għaldaqstant, huma ma kinux suġġetti għall-miżuri koordinati previsti matul il-laqgħa f’Divonne-les-Bains fil-15 ta’ Marzu 2005 li pparteċipaw fiha.

208

Barra minn hekk, mill-enumerazzjoni tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju biss li twettqet fl-24 ta’ Ġunju 2005 mis-Sur J, imsemmija fil-premessa 353 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li r-rikorrenti għadhom iċċitati fost il-membri medji (“medium ones”) tal-akkordju. Ma hemm ebda riferiment għal tluq.

209

Bl-istess mod, hekk kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, mill-ittra tas-26 ta’ Awwissu 2005 indirizzata mis-Sur J lis-Sur I, impjegat ta’ Exsym, u lis-Sur R. C, impjegat ta’ Prysmian, imsemmi fil-premessa 358 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li r-rikorrenti kienu għadhom meqjusa f’din id-data bħala membri tal-akkordju. Il-kwistjoni hija dwar jekk huwiex neċessarju li jiġi żgurat li ċerti parteċipanti jinżammu fl-akkordju, skont dawn it-termini:

“Jekk inti tgħid li [Taihan u LS Cable] huma barra minn ‘A’, għalhekk ir-[rata ta’ 40 %] ma hijiex iktar valida u għandha titnaqqas għal 20 fid-dawl tal-bilanċ tal-aħħar snin. Km hija definittivament negattiva għas-[Sur C ta’ Pirelli]. Għalhekk, jew [Taihan u LS Cable] huma barra minn ‘A’ u ż-żewġ [proġetti tal-kejbils taż-żejt] sussegwenti għandhom jiġu għand is-[Sur C ta’ Pirelli] sabiex tiġi bbilanċjata s-sitwazzjoni, kif diġà miftiehem minnkom, jew [huma] fl-[‘A’] u għandha tapplika s-sistema ta’ rotazzjoni. Aħna nifhmu li inti għandek diffikultà tikkontrolla lil [Taihan u LS Cable] kif aħna għandna diffikultà nikkontrollow lil [ABB] u lil [Brugg Kabel] u lil [Sagem] jew lil [nkt cables], iżda dan [ma jfissirx] li dawn għandhom ikunu barra [mill-akkordju]. Dan huwa sempliċement fatt li fir-rigward tiegħu għandu jsir adattament (kif kien il-każ għal […] jew għall-Filippini jew […]). Għal darba oħra, huwa l-interess globali tagħna li jinżamm […] peress li l-proġett EDC f’[Taihan] jew [LS Cable] ser jgħina kollha.”

210

Għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza, hija effettivament il-komprensjoni li għandhom il-parteċipanti l-oħra f’akkordju tal-intenzjoni tal-impriża kkonċernata li hija determinanti sabiex jiġi evalwat jekk din tal-aħħar kellhiex l-intenzjoni li tiddistakka ruħha mill-akkordju illegali (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑510/06 P, EU:C:2009:166, punt 120).

211

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-messaġġ elettroniku tad-9 ta’ Diċembru 2005 indirizzat mis-Sur N lis-Sur J, li fih dan tal-aħħar jikteb li: “sa minn dakinhar [is-Sur P] telaq u inti abbandunajt is-“seminars” u talab lis-Sur N jekk kienx ser jipparteċipa mill-ġdid fil-laqgħat [“Inti ser tirritorna uffiċjalment għas-seminars? Nisperaw sinċerament li tikkonfermalna li dan huwa l-każ”. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punti 183 sa 210 iktar ’il fuq, minkejja l-assenza tas-Sur N waqt il-laqgħat R tal-akkordju, ir-rikorrenti ċertament issoktaw bil-parteċipazzjoni tagħhom fl-imsemmi akkordju matul dan il-perijodu.

212

Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument li r-rikorrenti jippruvaw jisiltu mill-iskambju ta’ korrispondenza bejn is-Sur R C u s-Sur J tad-9 ta’ Jannar 2006 li minnha jirriżulta li r-rikorrenti ma rreaġixxewx għat-talbiet għal kuntatt ta’ Nexans France, peress li r-rikorrenti rrikonoxxew huma stess, f’din id-data, li huma kienu ssoktaw bil-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju.

213

Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset, abbażi tal-provi li hija kienet ġabret, li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fl-akkordju mingħajr interruzzjoni mill-14 ta’ Diċembru 2001 sas-16 ta’ Novembru 2006.

d)   Fuq l-intenzjoni tar-rikorrenti li jikkontribwixxu għall-għanijiet kollha tal-akkordju u l-għarfien tagħhom ta’ ċertu ksur illegali

214

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti li huma kellhom l-intenzjoni jikkontribwixxu permezz tal-aġir tagħhom għall-kisba tal-għanijiet komuni tal-akkordju. Fil-fehma tagħhom, ma hemmx tali prova dwar l-għoti ta’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma, l-“għoti ta’ swieq nazzjonali” u l-għoti ta’ kuntratti fuq skala kbira.Id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma fiha provi preċiżi dwar il-fatt li huma kienu jafu bl-aġir illegali tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma.

215

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

216

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li impriża li tkun ipparteċipat fi ksur uniku u kumpless minħabba l-aġir tagħha stess, f’għamla ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li kien intiż li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur fl-intier tiegħu, tista’ wkoll tkun responsabbli għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur. Dan huwa l-każ meta jiġi stabbilit li din l-impriża kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li kellha għarfien tal-aġir illegali previst jew implimentat minn impriżi oħra fil-kisba tal-istess għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni, C‑625/13 P, EU:C:2017:52, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

217

Għalhekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ timputa fil-konfront tagħha r-responsabbiltà għal dan l-aġir kollu, u għalhekk għall-ksur kollu fl-intier tiegħu. Impriża tista’ wkoll tipparteċipa direttament f’parti biss mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, iżda jkollha għarfien tal-aġir illegali kollu l-ieħor previst jew implimentat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju għall-kisba tal-istess għanijiet, jew li tkun setgħet raġonevolment ipprevediet u aċċettat li tieħu dan ir-riskju. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni wkoll għandha dritt li timputa fuq din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi tali ksur u, sussegwentement, tal-ksur fl-intier tiegħu (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni, C‑625/13 P, EU:C:2017:52, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

218

F’dan il-każ, l-ewwel nett, fir-rigward tal-assenza tar-rieda tar-rikorrenti li jikkontribwixxu għall-għanijiet komuni kollha tal-akkordju, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 126 iktar ’il fuq, il-miżuri meħuda mill-parteċipanti fl-akkordju kellhom għan komuni, jiġifieri l-istabbiliment ta’ sistema ta’ kondiviżjoni tas-suq dinji tal-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli, bl-eċċezzjoni tal-Istati Uniti. Għandu jitfakkar ukoll li, kif ġie espost fil-punt 128 iktar ’il fuq, din is-sistema ta’ kondiviżjoni tas-suq tal-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku ta’ vultaġġ għoli, kienet tikkonċerna kemm proġetti li jirrikjedu kejbils tal-elettriku taħt l-ilma kif ukoll kejbils tal-elettriku taħt l-art.

219

Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li huma ma pparteċipawx fl-għoti ta’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma ma huwiex ta’ natura li juri li huma ma kellhomx l-intenzjoni jikkontribwixxu permezz tal-aġir tagħhom għall-għan komuni tal-akkordju mfakkar fil-punt 218 iktar ’il fuq, peress li, fuq ammissjoni tagħhom stess, dan in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħhom kien dovut għan-nuqqas ta’ kapaċità tagħhom li jipproduċu tali kejbils elettriċi u mhux għall-intenzjoni espressa kjarament li ma jipparteċipawx għall-għoti ta’ tali proġetti. Barra minn hekk, kif huwa rifless mill-premessa 324 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti kienu talbu preferenza għal proġett li jikkonċerna l-implimentazzjoni ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art f’ilma baxx, minkejja l-inkapaċità tagħhom li jipproduċu kejbils tal-elettriku taħt l-ilma fis-sens strett, ir-rikorrenti kellhom ir-rieda, sa fejn dan kien teknikament prevedibbli, li jipparteċipaw fl-għoti ta’ proġetti li, fil-prinċipju, kienu jeħtieġu l-implimentazzjoni ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma.

220

L-argument tar-rikorrenti li l-assenza tagħhom ta’ parteċipazzjoni fl-għoti ta’ proġetti fuq skala kbira turi li dawn ma kellhomx l-intenzjoni jikkontribwixxu permezz tal-aġir tagħhom għall-għan komuni tal-akkordju lanqas ma huwa konvinċenti. Fil-fatt, l-ewwel nett, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-mekkaniżmi tal-akkordju, kemm fir-rigward tal-obbligi ta’ informazzjoni, regoli jew mekkaniżmi ta’ kumpens ma kinux jagħmlu distinzjoni skont il-volum tal-proġetti inkwistjoni (it-telf ta’ proġett kbir jista’ jiġi kkumpensat bl-għoti ta’ diversi proġetti iżgħar u viċeversa). Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-allegata assenza ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti dwar il-proġetti fuq skala kbira tirriżulta, hekk kif jispjegaw fid-dettall huma stess, mill-kapaċità li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-klijenti għal tali proġetti. Fl-aħħar nett, minn messaġġ elettroniku indirizzat mis-Sur J lis-Sur I jirriżulta li r-rikorrenti ma kinux ippreparati li jissottomettu offerti għal proġetti fuq skala kbira billi jirrikorru, skont il-każ, għal subappaltaturi sabiex jindirizzaw problemi ta’ kapaċità.

221

Għandu jiġi eskluż ukoll l-argument tar-rikorrenti li huma ma kellhomx l-intenzjoni li jikkonformaw ruħhom mal-“għoti tas-swieq nazzjonali”. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, waqt it-tqassim ta’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku bejn l-Istati Membri R tal-akkordju, kien hemm provi li wħud minnhom kienu ġew irrikonoxxuti bħala li kellhom “suq domestiku” (pereżempju l-Italja għal Nexans France u Nexans, il-Pajjiżi l-Baxxi għal Prysmian) li fir-rigward tiegħu ngħataw prijorità. Ir-rikorrenti jsostnu li, kif jirriżulta minn diversi provi, huma ripetutament irrifjutaw li josservaw l-għoti tas-swieq nazzjonali billi ssottomettew offerti f’territorji meqjusa bħala s-suq nazzjonali ta’ parteċipanti oħra fl-akkordju. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, b’hekk, ir-rikorrenti sempliċement jindikaw li dawn mhux dejjem osservaw waħda mir-regoli tal-għoti tal-proġetti bejn il-membri R tal-akkordju, li ma jurix, fih innifsu, li huma ma kellhomx l-intenzjoni li jikkontribwixxu għall-għan komuni tal-akkordju. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif jirrikonoxxu r-rikorrenti, ma huwiex l-“għoti tas-swieq nazzjonali” fih innifsu li kien problematiku, iżda l-fatt li, peress li ma kienx irrikonoxxut li dawn kellhom tali territorju mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, huma ma setgħux effettivament jibbenefikaw minn tali għoti.

222

It-tieni nett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ għarfien tal-aġir illegali marbut mal-kejbils tal-elettriku taħt l-ilma, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif ġie espost fil-punt 134 iktar ’il fuq, il-laqgħat R li attenda għalihom is-Sur N kienu jibdew b’parti ġenerali li matul tagħha r-rappreżentanti ta’ Nexans France u ta’ Pirelli kienu jinformaw lill-membri l-oħra R tal-imsemmi akkordju bid-diskussjonijiet li kienu saru waqt il-laqgħa A/R preċedenti. Kif ġie kkonstatat fil-punt 130 sa 132 iktar ’il fuq, il-laqgħat A/R kienu jikkonċernaw it-tqassim tal-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt l-ilma f’“territorji ta’ esportazzjoni” bejn il-membri R tal-istess akkordju, minn naħa, u l-membri A u K tal-akkordju inkwistjoni, min-naħa l-oħra. Minn dan isegwi li r-rikorrenti kellhom neċessarjament għarfien tal-fatt li l-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma kienu s-suġġett ta’ tqassim bejn il-membri A u R tal-akkordju. Fir-rigward tal-għarfien li kellhom ir-rikorrenti bit-tqassim ta’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma bejn il-membri R tal-akkordju, għandu jiġi rrilevat li, jekk jitqies li, fil-laqgħa R tat-18 u tad-19 ta’ Novembru 2003, id-diskussjonijiet dwar il-kejbils tal-elettriku taħt l-ilma u l-kejbils tal-elettriku taħt l-art kienu dejjem jinżammu b’mod separat u li r-rappreżentanti ta’ Brugg Kabel qatt ma kienu attendew għal-laqgħat R li matul tagħhom kienu ġew komunament diskussi l-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma, liema fatt huwa kkonfutat mill-provi prodotti mill-Kummissjoni b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali (ara l-punti 134 sa 138 iktar ’il fuq), il-fatt li r-rikorrenti kellhom għarfien, fid-dawl tad-dokument ta’ preparazzjoni tal-laqgħat tal-membri inkwistjoni, tal-fatt li d-diskussjonijiet kienu jikkonċernaw il-kejbils tal-elettriku taħt l-ilma, huwa biżżejjed sabiex juri li huma kellhom għarfien ta’ dan l-għoti jew kellhom ikollhom dubji dwar dan. Barra minn hekk, mill-messaġġ elettroniku indirizzat mis-Sur J lis-Sur N fit-23 ta’ Jannar 2006, espost fil-premessi 377 u 378 tad-deċiżjoni kkontestata li jikkonċerna l-għoti fit-“territorji ta’ esportazzjoni”, jirriżulta li r-rikorrenti kienu jafu li l-arranġamenti kienu jipprevedu koordinazzjoni għall-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma. Minn dan il-messaġġ elettroniku jirriżulta effettivament dan li ġej: “A ma għandux iktar fiduċja u jirrifjuta li jkompli bl-eżerċizzju [Kuwajt] (u għalhekk jirrifjuta dan ukoll) jekk [is-Sur C ta’ Pirelli] u inti ma tintrabtux li tosservaw il-ftehimiet futuri f’dan il-pajjiż. [Is-Sur C ta’ Pirelli] ikkonferma li huma kienu ser jagħtu segwitu fil-futur u ta spjegazzjoni kredibbli tal-ġest tagħhom (marbuta ma’ proġett taħt l-ilma)”.

223

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jitqies li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li r-rikorrenti, bl-aġir tagħhom, kellhom l-intenzjoni li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-ksur fl-intier tiegħu, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 216 u 217 iktar ’il fuq.

e)   Fuq il-prova li r-rikorrenti kellhom għarfien tal-ftehimiet dwar diversi proġetti ta’ kejbils tal-elettriku

224

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha turi li huma kellhom għarfien tal-ftehimiet dwar kull wieħed mill-proġetti jew li huma setgħu jippreveduhom minn tal-inqas għas-swieq nazzjonali jew għall-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma.

225

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

226

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, kif issostni l-Kummissjoni, li l-arranġament ġenerali tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kwoti kien jikkonċerna l-proġetti kollha li kienu s-suġġett tal-akkordju, u li r-rekwiżit ta’ prova kien jikkonċerna din in-natura globali. Peress li l-membri R tal-akkordju kellhom preċiżament jesprimu l-interess tagħhom huma stess b’mod attiv għal proġetti speċifiċi jekk huma riedu li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-għoti tagħhom, huwa loġiku li produttur iżgħar bħar-rikorrenti ma jissemmiex għall-proġetti kollha. Madankollu, dan ma jbiddilx il-fatt li dawn ipparteċipaw, b’mod ġenerali, għar-regoli kollha applikati u li, kif uriet il-Kummissjoni, huma kienu jafu bil-modus operandi ġenerali.

f)   Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-identità tal-proġetti tal-kejbils tal-elettriku inkwistjoni

227

Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma speċifikatx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-proġetti li kellhom ikunu s-suġġett ta’ ftehim, u sempliċement użat abbrevjazzjonijiet jew denominazzjonijiet ġeneriċi, u li ppreżentat l-istess proġett bħala diversi proġetti distinti minħabba differenzi żgħar ta’ denominazzjoni.

228

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

229

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, pereżempju, mill-premessi 234 u 372 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom diversi estratti ta’ komunikazzjoni bejn il-membri tal-akkordju, jirriżulta li dawn kienu jagħmlu referenzi sistematiċi għal proġetti ta’ kejbils tal-elettriku inkwistjoni fil-forma ta’ abbrevjazzjonijiet jew ta’ allużjonijiet kkodifikati għal skopijiet ta’ dissimulazzjoni manifesta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa impost fuq il-Kummissjoni skont l-Artikolu 296 TFUE, ma jistax iwassal sabiex din tal-aħħar tintalab tidentifika bi preċiżjoni kull wieħed mill-proġetti msemmija mill-parteċipanti fl-akkordju fil-komunikazzjonijiet tagħhom.

230

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li t-tielet motiv tar-rikors kif ukoll ir-raba’ motiv tar-rikors jiġu miċħuda bħala infondati.

4.   Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

231

Ir-rikorrenti jsostnu li l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat f’dan il-każ jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

232

Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti sempliċement jirreferu għall-argumenti diġà mqajma fil-kuntest tat-tielet u tar-raba’ motiv sabiex juru li l-ksur inkwistjoni ma jikkostitwixxix ksur uniku u kontinwu. B’mod partikolari, huma jirreferu għall-argumenti dwar il-bidu tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju fl-14 ta’ Diċembru 2001, dwar it-tul mhux interrott tal-imsemmija parteċipazzjoni, dwar l-għarfien tal-ftehimiet dwar il-kejbils tal-elettriku taħt l-ilma jew l-obbligu li jkunu jafu bihom, dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fi ftehimiet relatati mas-swieq nazzjonali u dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti fuq skala kbira. Peress li dawn l-argumenti ġew miċħuda bħala infondati fil-kuntest tal-eżami tat-tielet u tar-raba’ motiv, fin-nuqqas ta’ argument awtonomu, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala totalment infondat.

233

Fid-dawl taċ-ċaħda tat-tieni, tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames motiv, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta imputat lir-rikorrenti l-parteċipazzjoni fil-ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101(1) TFUE mill-14 ta’ Diċembru 2001 sas-16 ta’ Novembru 2006.

5.   Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ ne bis in idem, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ta’ diversi żbalji ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

234

Is-sitt motiv jinkludi ħames partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni wettqet żball u li kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi għażlet is-sena 2004 bħala sena ta’ referenza għall-valur tal-bejgħ, liema sena ma tirrappreżentax is-saħħa ekonomika tagħhom u l-kontribut tagħhom fl-akkordju. Permezz tat-tieni parti, huma jallegaw li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u l-prinċipju ta’ ne bis in idem u wettqet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-gravità tal-ksur. Permezz tat-tielet parti, huma jallegaw li l-Kummissjoni ffissat koeffiċjent ta’ 4.91 għat-tul tal-ksur. Permezz tar-raba’ parti, huma jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni dwar l-iffissar tad-“dritt ta’ dħul”. Permezz tal-ħames parti, huma jilmentaw li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni u kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti.

a)   Dwar l-għażla tas-sena 2004 bħala sena ta’ referenza tal-valur tal-bejgħ għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa

235

Ir-rikorrenti jsostnu li, billi għażlet is-sena 2004 bħala sena ta’ referenza minflok l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju, il-Kummissjoni eskludiet mingħajr ġustifikazzjoni valida r-regola stabbilita fil-paragrafu 13 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006. Din l-għażla wasslet sabiex ir-rikorrenti jiġu ttrattati b’mod diskriminatorju minħabba l-bejgħ għoli ħafna marbut mal-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku li kienu rreġistrati fl-2004. Skont ir-rikorrenti, sabiex jiġi evitat dan it-trattament diskriminatorju, il-Kummissjoni kellha tagħżel bħala sena ta’ referenza l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju, jiġifieri s-sena 2005, jew tuża valur medju bbażat fuq is-snin 2003 sa 2005.

236

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

237

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-kalkolu tal-multa fil-każ ta’ akkordju ta’ portata dinjija, il-paragrafu 18 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006 jipprovdi kif ġej:

“Meta l-firxa ġeografika ta’ ksur taqbeż it-territorju taż-[ŻEE] (pereżempju fil-każ ta’ akkordji dinjija), il-bejgħ ikkonċernat tal-impriża ġewwa ż-ŻEE jista’ ma jirriflettix b’mod xieraq il-piż ta’ kull impriża fil-ksur. B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ ta’ ftehimiet dinjija ta’ tqassim tas-suq.

F’tali ċirkustanzi, bil-għan li jiġu riflessi fl-istess ħin id-daqs globali tal-bejgħ ikkonċernat fiż-ŻEE u l-piż relattiv ta’ kull impriża fil-ksur, il-Kummissjoni tista’ tistma l-valur totali tal-bejgħ tal-oġġetti jew servizzi b’relazzjoni mal-ksur fis-settur ġeografiku (iktar vast miż-ŻEE) ikkonċernat, tiddetermina s-sehem mill-bejgħ ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur f’dan is-suq u tapplika dan is-sehem għall-bejgħ globali ta’ dawn l-istess impriżi ġewwa ż-ŻEE. Ir-riżultat jintuża bħala valur tal-bejgħ għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

238

Għandu jitfakkar ukoll li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sa fejn hemm lok li għandu jkun hemm affidabbiltà fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi involuti fl-istess ksur sabiex jiġu stabbiliti l-proporzjonijiet bejn il-multi li għandhom jiġu imposti, il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għandu jkun limitat b’mod li ċ-ċifri miksuba jkunu l-iktar paragunabbli possibbli (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T‑175/05, mhux ippubblikata, EU:T:2009:369, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

239

Għandu jitfakkar ukoll li, fir-rigward tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ użat għall-kalkolu tal-multa, il-paragrafu 13 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006 jipprovdi kif ġej:

“Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni tuża l-valur tal-bejgħ ta’ prodotti jew servizzi, imwettaq mill-impriża, b’konnessjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fi ħdan it-territorju taż-ŻEE. Il-Kummissjoni tuża, normalment, il-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

240

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-użu tal-frażi “tuża, normalment, il-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur” li tinsab fil-paragrafu 13 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, ma jeskludix il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tuża perijodu ta’ referenza ieħor sa fejn, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 238 iktar ’il fuq, din tippermetti li jinkisbu ċifri kemm jista’ jkun paragunabbli.

241

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-metodu previst fil-punt 18 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006 (premessi 966 u 968 sa 994 tal-imsemmija deċiżjoni). Mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta wkoll li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-metodoloġija, hija ma bbażatx ruħha fuq il-bejgħ imwettaq matul l-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, iżda fuq id-dħul mill-bejgħ għas-sena 2004 (premessi 966 u 968 sa 994 ta’ din id-deċiżjoni).

242

Il-Kummissjoni ġġustifikat din l-għażla, l-ewwel nett, bil-fatt li l-bejgħ ta’ kejbils tal-elettriku mwettaq fuq livell taż-ŻEE żdied sostanzjalment mis-sena 2006, b’mod li l-għażla tal-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur ma hijiex suffiċjentement rappreżentattiva tal-perijodu ta’ ksur għal impriżi li waqqfu kull parteċipazzjoni fil-ksur wara l-2006. Skont il-Kummissjoni, il-fatt li jittieħed bħala bażi l-bejgħ imwettaq mill-impriżi kollha fl-2004, jagħti l-possibbiltà li tinkiseb stima iktar preċiża tas-sinjifikat ekonomiku tal-ksur matul it-tul kollu tiegħu, kif ukoll tal-piż tal-impriżi kkonċernati fil-ksur. It-tieni nett, hija qieset li l-għażla tas-sena 2004 tevita trattament diskriminatorju bejn l-impriżi li temmu l-parteċipazzjoni (diretta) tagħhom qabel u dawk li ssoktaw. Hija enfasizzat ukoll fid-deċiżjoni kkontestata li l-punt 13 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006 kien jippermettilha, f’tali sitwazzjoni, ma tibbażax ruħha fuq id-dħul mill-bejn tal-aħħar sena tal-parteċipazzjoni fil-ksur (premessa 965 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija sostniet ukoll li l-għażla ta’ sena ta’ referenza waħda li matul tagħha l-partijiet kollha pparteċipaw fil-ksur kienet preferabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 18 tal-imsemmija linji gwida, b’mod li jiġi rifless b’mod xieraq il-piż ta’ kull impriża fil-ksur (premessa 966 tal-imsemmija deċiżjoni).

243

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-għażla ta’ sena ta’ referenza komuni hija neċessarjament arbitrarja sa fejn taffettwa b’mod differenti l-parteċipanti fl-akkordju skont id-dħul mill-bejgħ imwettaq matul din is-sena, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza, l-użu ta’ sena ta’ referenza komuni għall-impriżi kollha li pparteċipaw fl-istess ksur jippermetti, fil-prinċipju, li l-multi jiġu ddeterminati b’mod uniformi b’osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, filwaqt li tiġi evalwata l-portata tal-ksur imwettaq skont ir-realtà ekonomika kif tidher matul il-perijodu rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni, C-196/99 P, EU:C:2003:529, punt 129, u tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il-Kummissjoni, T-76/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:672, punt 112).

244

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza, impriża partikolari tista’ biss teżiġi lill-Kummissjoni tibbaża ruħha, fir-rigward tagħha, fuq perijodu differenti minn dak li ġeneralment jittieħed inkunsiderazzjoni għal impriżi oħra, jekk hija turi li d-dħul mill-bejgħ li hija wettqet matul dan l-aħħar perijodu ma jikkostitwixxix, għal raġunijiet relatati magħha stess, indikazzjoni tad-daqs veru u tas-saħħa ekonomika tagħha u lanqas tal-portata tal-ksur li hija wettqet (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Mejju 1998, Fiskeby Board vs Il‑Kummissjoni, T‑319/94, EU:T:1998:95, punt 42).

245

F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu li huma wettqu dħul mill-bejgħ eċċezzjonali fil-qasam tal-kejbils tal-elettriku fl-2004, minħabba t-twettiq tal-proġett “BASF” għal 4700000 Frank Żvizzeru (CHF) u tal-proġett “Spanja 9” għal CHF 3200000, li ma huwiex rappreżentattiv tad-dħul mill-bejgħ tagħhom matul il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. Madankollu, huma ma jipproduċu ebda prova insostenn ta’ din l-allegazzjoni, b’tali mod li ma huwiex possibbli għall-Qorti Ġenerali li tevalwa, minbarra r-realtà u l-kompożizzjoni tad-dħul mill-bejgħ tagħhom għas-sena 2004, l-estent tal-varjazzjoni ta’ dan id-dħul mill-bejgħ meta mqabbel ma’ dawk tas-snin 2003 u 2005. Barra minn hekk, mir-rapport annwali ta’ Brugg Kabel għall-2005 jirriżulta li, minkejja bidu tas-sena diffiċli, il-bejgħ għal dik is-sena laħaq livell paragunabbli ma’ dak tas-sena preċedenti, minħabba t-teħid ta’ diversi ordnijiet fil-qasam tal-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli matul it-tieni parti tas-sena.

246

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li r-rikorrenti naqsu milli juru li l-Kummissjoni wettqet żball fl-iffissar tas-sena ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-ammont tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa. Minn dan isegwi li l-ewwel parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)   Fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur

247

Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u wettqet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ 19 % li ġie stabbilit fir-rigward tagħhom fid-dawl tal-gravità tal-ksur uniku u kontinwu.

1) Fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-gravità tal-ksur

248

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni mmotivat b’mod kontradittorju d-deċiżjoni kkontestata billi ppreċiżat, minn naħa, fil-premessa 998 tad-deċiżjoni kkontestata, li, sabiex jiġi ddeterminat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni minħabba l-gravità tal-ksur, hija ħadet inkunsiderazzjoni biss ksur wieħed uniku u kontinwat li l-gravità tiegħu ġiet evalwata għal 15 %, filwaqt li, min-naħa l-oħra, fil-premessa 999 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni żiedet b’mod selettiv il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bi 2 % għall-impriżi li allegatament ipparteċipaw fil-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”, li wettqet tqassim addizzjonali tal-proġetti tal-kejbils tal-elettriku wara dik imwettqa diġà fil-kuntest tal-“konfigurazzjoni A/R” tal-imsemmi akkordju. B’hekk, il-Kummissjoni tikkontradixxi l-assunzjoni li għamlet diġà li tgħid li l-mekkaniżmi ta’ distribuzzjoni ta’ din tal-aħħar u dawk tal-“konfigurazzjoni Ewropea” ta’ dan l-akkordju jagħmlu parti integrali minn ksur uniku u kontinwu. Ir-rikorrenti jqisu li huma għalhekk suġġetti għall-ewwel perċentwali ta’ gravità ta’ 15 % minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu li jinkludi ż-żewġ konfigurazzjonijiet tal-akkordju u għat-tieni perċentwali ta’ gravità ta’ 2 % minħabba, għal darba oħra, il-parteċipazzjoni tagħhom f’“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”. Għalhekk, il-loġika applikata mill-Kummissjoni twassal għal ksur tal-prinċipju ne bis in idem.

249

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta indikat, fil-premessi 1003 u 1004 tad-deċiżjoni kkontestata, li żieda tal-livell ta’ gravità kienet iġġustifikata minħabba s-sehem tas-suq akkumulat tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju, kif ukoll il-portata ġeografika tiegħu, mingħajr ma ġie ppreċiżat l-ammont u l-kompożizzjoni ta’ din iż-żieda. Huma jenfasizzaw li huwa biss abbażi tal-“konstatazzjonijiet” dwar il-gravità, fil-premessa 1010 tal-imsemmija deċiżjoni, li huwa possibbli li jiġi kkalkolat l-ammont inkwistjoni permezz tad-deduċibbiltà.

250

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

251

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fir-rigward taż-żieda tal-livell ta’ gravità minħabba s-sehem tas-suq akkumulat tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju u l-portata ġeografika tiegħu, hemm lok li jiġi rrilevat li l-ammont taż-żieda, jiġifieri perċentwali ta’ 2 %, huwa ppreċiżat fil-premessa 1010 tad-deċiżjoni kkontestata, kif barra minn hekk jirrikonoxxu r-rikorrenti. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ preċiżjoni fl-imsemmija deċiżjoni dwar il-kontribuzzjoni rispettiva għal din iż-żieda ta’ żewġ fatturi li jikkawżawha, jiġifieri s-sehem tas-suq akkumulat u l-portata ġeografika tal-akkordju, tali preċiżjoni ma kinitx neċessarja f’dan il-każ, peress li l-motivazzjoni f’dan ir-rigward kienet adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u rrevelat b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni, li tippermetti lir-rikorrenti jsiru jafu bil-ġustifikazzjoni tal-miżura adotatta u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

252

It-tieni nett, fir-rigward tal-allegata natura kontradittorja tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-gravità tal-ksur, għandu jiġi kkonstatat li dan jirriżulta minn qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata.

253

Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni evalwat inizjalment l-aġir tal-parteċipanti fil-ksur uniku u kontinwu billi stabbilixxiet il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jitqies fid-dawl tal-gravità tal-ksur għal 15 %, u sussegwentement hija evalwat għat-tieni darba l-istess aġir meta applikat perċentwali addizzjonali ta’ 2 % fir-rigward tal-impriżi li pparteċipaw f’“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”, kif ukoll f’“konfigurazzjoni A/R” tal-imsemmi akkordju.

254

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 998 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-ksur uniku u kontinwu fl-Artikolu 101 TFUE u fl-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li pparteċipaw fih id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, kien jikkonsisti fit-tqassim tal-klijentela u tas-swieq. Hija ppreċiżat li tali ksur kien jikkostitwixxi, min-natura tiegħu stess, waħda mir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi, peress li kien jikkostitwixxi distorsjoni tal-parametri prinċipali tal-kompetizzjoni. Hija fakkret li, skont il-paragrafu 23 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, dawn il-prattiki huma, fil-prinċipju, severament issanzjonati, u l-perċentwali ta’ gravità jkun ġeneralment fil-parti għolja tal-iskala. Hija speċifikat li hija tqis li dan l-element jiġġustifika perċentwali ta’ 15 % minħabba l-gravità tal-fatti.

255

Fil-premessa 999 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sussegwentement ippreċiżat li, minbarra l-mekkaniżmi ta’ għoti tal-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju”, ċerti proġetti relatati maż-ŻEE kienu s-suġġett ta’ tqassim addizzjonali bejn il-produtturi Ewropej fil-kuntest tal-“konfigurazzjoni Ewropea” tal-imsemmi akkordju u li dan l-aġir, li twettaq esklużivament mill-produtturi Ewropej, intensifika d-dannu lill-kompetizzjoni diġà kkawżat mill-ftehim ta’ tqassim tas-swieq bejn il-produtturi Ewropej, Ġappuniżi u Sud Koreani u, għaldaqstant, il-grad ta’ gravità tal-ksur. Hija sussegwentement indikat li d-distorsjoni addizzjonali ikkawżata minn din l-aħħar konfigurazzjoni kienet tiġġustifika żieda tal-livell ta’ gravità tal-ksur ta’ 2 % għall-impriżi li kienu pparteċipaw f’dan l-aspett tal-akkordju.

256

Mill-premessi 998 u 999 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni qieset li l-perċentwali minimu tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex l-impriżi kollha li fir-rigward tagħhom setgħet tiġi imputata r-responsabbiltà tal-ksur uniku u kontinwu kien ta’ 15 %, irrispettivament mil-livell tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju, iżda li perċentwali addizzjonali ta’ 2 % kellu jiġi applikat fuq l-impriżi li kienu pparteċipaw f’“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju” kif ukoll f’“konfigurazzjoni Ewropea” tal-imsemmi akkordju, peress li l-effetti antikompetittivi tal-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ konfigurazzjonijiet kienu msaħħa b’dawk tat-tieni.

257

Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-gravità tal-ksur hija kontradittorja f’dan ir-rigward. Bl-istess mod, l-invokazzjoni tar-rikorrenti dwar ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ma tistax tintlaqa’, peress li r-raġunament tal-Kummissjoni espost fil-premessi 998 u 999 tad-deċiżjoni kkontestata ma jwassalx sabiex l-istess fatti jiġu ssanzjonati darbtejn.

2) Fuq l-allegat żball li jirriżulta min-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti ma kinux jimmanifatturaw kejbils tal-elettriku taħt l-ilma matul il-perijodu tal-ksur fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni minħabba l-gravità tal-ksur

258

Ir-rikorrenti jsostnu li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni minħabba l-gravità tal-ksur, il-fatt li huma ma kinux jipproduċu kejbils tal-elettriku taħt l-ilma matul il-perijodu tal-ksur. Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni ma setgħetx sempliċement teskludi dan l-obbligu billi ssostni li dan il-fatt kien diġà ttieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-multa bin-nuqqas ta’ inklużjoni tal-bejgħ ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma fil-valur tal-bejgħ. Huma jaffermaw li dan jgħodd ukoll għall-fatt li dawn ma kinux japplikaw ir-regola tas-suq nazzjonali u ma kinux jipparteċipaw fl-allokazzjoni ta’ proġetti fuq skala kbira.

259

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

260

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni spjegat fil-premessa 1000 tad-deċiżjoni kkontestata li, essenzjalment, ma kienx hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti ma kinux jipproduċu kejbils tal-elettriku taħt l-ilma matul il-perijodu tal-ksur fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fir-rigward tagħhom fid-dawl tal-gravità tal-ksur, peress li dan kien diġà ttieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ tagħhom.

261

Barra minn hekk, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, l-unika ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti sabiex jikkontestaw din l-evalwazzjoni hija rrilevanti għall-każ ineżami.

262

Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2011, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni (T-208/06, EU:T:2011:701), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorrenti ma kellhiex għarfien jew ma kellhiex ikollha għarfien ta’ arranġamenti rigward prodotti oħra. Kif ġie kkonstatat fil-punt 222 iktar ’il fuq, f’din il-kawża, ir-rikorrenti kellhom għarfien dwar l-eżistenza ta’ arranġamenti dwar kejbils tal-elettriku taħt l-ilma.

263

Bl-istess mod, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Zucchetti Rubinetteria vs Il-Kummissjoni (T-396/10, EU:T:2013:446), l-arranġamenti kienu jikkonċernaw gruppi ta’ prodotti differenti u diversi produtturi. Hawnhekk ukoll, mhux l-impriżi parteċipanti kollha kellhom għarfien tat-tipi kollha ta’ arranġamenti u l-parteċipazzjoni tal-impriża rikorrenti kienet limitata għal suq nazzjonali.

264

Fil-kawżi li taw lok għas-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2011, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni (T-208/06, EU:T:2011:701) u għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Zucchetti Rubinetteria vs Il-Kummissjoni (T-396/10, EU:T:2013:446), ma kienx possibbli li tiġi imputata lir-rikorrenti r-responsabbiltà tal-aġir tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju peress li huma ma kellhomx għarfien ta’ dan. F’dan il-każ, għall-kuntrarju, kif ġie kkonstatat fil-punt 223 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kellhom għarfien sħiħ tal-portata tal-ftehimiet u setgħu għalhekk, ġustament, jitqiesu li huma responsabbli għall-ksur kollu.

265

Minn dan isegwi li r-rikorrenti baqgħu ma wrewx li l-Kummissjoni wettqet żball billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-gravità tal-ksur, il-fatt li huma ma kinux immanifatturaw kejbils tal-elettriku taħt l-ilma matul il-perijodu tal-ksur.

3) Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

266

Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni qieset li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju” u għalhekk fit-tieni “livell ta’ għoti” tal-imsemmi akkordju kienet tippreżenta grad ta’ gravità ogħla u għalhekk kienet teżiġi żieda ta’ 2 % tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-gravità tal-ksur. Fil-fehma tagħhom, dan iwassal sabiex jiġu ssanzjonati b’mod daqstant sever, minħabba li kienu allegatament informati bir-riżultati tad-diskussjonijiet fil-kuntest tal-“konfigurazzjoni A/R” ta’ dan l-akkordju, daqs l-impriżi li pparteċipaw b’mod attiv fl-imsemmija konfigurazzjonijiet, li fasslu, ikkoordinaw u imponew l-akkordju kollu u li bbenefikaw l-iktar minn dawn l-arranġamenti.

267

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

268

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kull darba li l-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi multi abbażi tad-dritt tal-kompetizzjoni, hija obbligata li tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, li fosthom hemm il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif interpretat mill-qrati tal-Unjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġu li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2012, Bolloré vs Il-Kummissjoni, T‑372/10, EU:T:2012:325, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Jannar 2016, Mitsubishi Electric vs Il-Kummissjoni, T‑409/12, EU:T:2016:17, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

269

Fil-każ ineżami, fil-premessa 999 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġustifikat żieda ta’ 2 % tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-gravità tal-ksur fir-rigward ta’ ċerti impriżi involuti fil-ksur peress li dawn ipparteċipaw f’“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju” li kienet intensifikat id-dannu għall-kompetizzjoni diġà kkawżat minn ftehim ta’ tqassim tas-swieq bejn il-produtturi Ewropej, Ġappuniżi u Sud Koreani. Minn dan isegwi li l-kriterju meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika din iż-żieda kien marbut mas-sempliċi parteċipazzjoni f’“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju” u mhux man-natura ftit jew wisq attiva ta’ din il-parteċipazzjoni. Peress li, kif ġie kkonstatat fil-punt 233 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament imputat lir-rikorrenti l-parteċipazzjoni fil-ksur uniku u kontinwu, inkluż fil-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”, dawn tal-aħħar ma jistgħux isostnu validament li huma kienu s-suġġett ta’ trattament inqas favorevoli minn impriżi Ewropej oħra li pparteċipaw fl-istess konfigurazzjoni u li fir-rigward tagħhom ġiet applikata l-istess żieda.

270

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li n-natura ftit jew wisq attiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur tad-diversi impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ttieħdet inkunsiderazzjoni fl-istadju tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ġew ikklassifikati fil-grupp ta’ parteċipanti intermedjarji, filwaqt li l-impriżi li kellhom irwol ta’ mexxej fil-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju” u fil-“konfigurazzjoni A/R” tal-imsemmi akkordju, jiġifieri Nexans France, Pirelli u Prysmian, ġew ikklassifikati fil-grupp prinċipali tal-akkordju. Bħala konsegwenza ta’ din id-differenza ta’ klassifikazzjoni, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti tnaqqis tal-multa ta’ 5 %, filwaqt li hija eskludiet tali tnaqqis għal Nexans France, Pirelli u Prysmian. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi imponiet fuqhom l-istess żieda ta’ 2 % tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-gravità tal-ksur, bħal dik li ġiet applikata fir-rigward ta’ Nexans France, Pirelli u Prysmian.

271

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

c)   Fuq l-iffissar ta’ koeffiċjent ta’ 4.91 għat-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

272

Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni applikat koeffiċjent ta’ 4.91 għat-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li din tal-aħħar ma stabbilixxietx l-bidu tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur qabel it-3 ta’ Lulju 2002 u minħabba li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur ġie interrott, b’mod partikolari bejn it-12 ta’ Mejju 2005 u t-8 ta’ Diċembru 2005. Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni kellha, konsegwentement, tapplika koeffiċjent ta’ 3.79.

273

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

274

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 213 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni korrettament stabbilixxiet l-bidu tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur għall-14 ta’ Diċembru 2001 u ma wettqitx żball meta qieset li l-parteċipazzjoni tagħhom kienet issoktat sas-16 ta’ Novembru 2006.

275

Għaldaqstant, it-tielet parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

d)   L-ammont tad-dritt ta’ dħul

276

Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma invokatx motiv awtonomu fir-rigward tad-dritt ta’ dħul invokat fil-premessa 1013 tad-deċiżjoni kkontestata u li llimitat ruħha li tirreferi għall-premessi 998 sa 1010 tal-imsemmija deċiżjoni, relatati mal-kalkolu tal-ammont bażiku. Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni kellha, skont il-paragrafi 22 u 25 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, tieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni oġġettiva tagħhom fl-aspetti kollha tal-ksur jew l-għarfien suġġettiv tagħhom dwar dawn l-aspetti, jew dwar parti minnhom. Konsegwentement, id-dritt ta’ dħul kellu jirrifletti l-fatt li r-rikorrenti ma setgħux jinżammu responsabbli għal ftehimiet dwar kejbils tal-elettriku taħt l-ilma, dwar swieq nazzjonali u dwar proġetti fuq skala kbira.

277

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

278

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 25 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006:

“[…] indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża għall-ksur, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ kif iddefinit fit-Taqsima A iktar ’il fuq, sabiex tiddisswadi l-impriżi milli proprju jipparteċipaw fi ftehimiet orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tapplika tali ammont addizzjonali fil-każ ta’ ksur ieħor. Sabiex jiġi deċiż il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-[punt] 22.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

279

Il-punt 22 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006 jipprovdi dan li ġej:

“Sabiex jiġi deċiż jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun ’l isfel jew ’il fuq f’din l-iskala, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati, il-portata ġeografika tal-ksur, u l-implimentazzjoni jew le tal-ksur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

280

Billi bbażat ruħha espressament fuq il-punt 25 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, fil-premessa 1013 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, sabiex tiddetermina l-perċentwali speċifiku li għandu jiġi applikat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi msemmija fil-premessi 998 sa 1010 tal-imsemmija deċiżjoni.

281

Għandu jiġi osservat li l-premessi 998 sa 1002 tad-deċiżjoni kkontestata huma marbuta man-natura tal-ksur, il-premessa 1003 tal-imsemmija deċiżjoni tirrigwarda s-sehem tas-suq akkumulat miżmum mill-parteċipanti fil-ksur, il-premessa 1004 ta’ din id-deċiżjoni tirrigwarda l-portata ġeografika tal-ksur u l-premessi 1005 sa 1009 tal-istess deċiżjoni jirrigwardaw l-implimentazzjoni tagħha. Għandu jiġi enfasizzat li, fil-premessa 1008 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 4.3.3 tad-deċiżjoni inkwistjoni, l-impriżi kollha kellhom għarfien tal-aġir illegali kollu l-ieħor previst jew implimentat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, jew setgħu raġonevolment jippreveduh u kienu ppreparati jieħdu r-riskju.

282

Barra minn hekk, fil-premessa 1014 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-perċentwali li għandu jiġi applikat għall-ammont addizzjonali kien ta’ 17 % għal Sumitomo Electric Industries, Hitachi Cable, Furukawa Electric, Fujikura, SWCC Showa Holdings, Mitsubishi Cable Industries, LS Cable & System u Taihan Electric Wire u ta’ 19 % għal Nexans France, Prysmian, ABB, Brugg Kabel, Safran, Silec Cable, nkt cables u l-impriżi miżmuma responsabbli “konġuntament u in solidum” ma’ waħda jew l-oħra minnhom.

283

Għaldaqstant, sa fejn, permezz tal-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-dritt ta’ dħul, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa fattwalment infondat, peress li r-rikorrenti huma f’pożizzjoni li jifhmu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni għażlet li tapplika ammont li jikkorrispondi għal 19 % tal-valur tal-bejgħ u l-Qorti Ġenerali hija f’pożizzjoni li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.

284

Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni wettqet żball billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-dritt ta’ dħul, il-fatt li huma ma jistgħux jinżammu responsabbli għal ftehimiet dwar il-kejbils tal-elettriku taħt l-ilma, dwar is-swieq nazzjonali u dwar il-proġetti kbar, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 233 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta imputat lir-rikorrenti parteċipazzjoni fil-ksur uniku u kontinwu.

285

Għaldaqstant, ir-raba’ parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

e)   Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

286

Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni, l-ewwel nett, wettqet żball meta kklassifikathom mal-parteċipanti intermedjarji tal-akkordju u meta attribwixxiet fir-rigward tagħhom, konsegwentement, tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 5 % filwaqt li l-irwol passiv li huma kellhom fl-akkordju, muri permezz tal-attitudni disturbanti u t-tentattivi sabiex dawn jiġu ddixxiplinati, kien jiġġustifika li dawn jiġu kklassifikati mal-parteċipanti marġinali fl-akkordju u li jiġu attribwiti, konsegwentement, tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 10 %. It-tieni nett, huma jsostnu li din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità sa fejn huma kellhom irwol paragunabbli għal dak ta’ nkt cables li l-Kummissjoni kklassifikat fost il-parteċipanti marġinali fl-akkordju u li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni attribwixxiet, konsegwentement, tnaqqis tal-multa ta’ 10 %. It-tielet nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanzi attenwanti, il-fatt li, fil-każ ta’ ksur uniku u kontinwat, l-impriża kkonċernata tiġi imputata, minbarra l-aġir tagħha stess, aġir illegali li ma tkunx ipparteċipat fih. Ir-raba’ nett, huma jsostnu li kellhom, barra minn hekk, jibbenefikaw minn tnaqqis supplimentari tal-ammont tal-multa ta’ 1 %, bħal Mitsubishi Cable Industries u SWCC Showa Holdings, għall-perijodu li jippreċedi l-kostituzzjoni ta’ Exsym, ta’ LS Cable & System u ta’ Taihan Electric Wire, għan-nuqqas ta’ għarfien tagħhom dwar ċerti aspetti tal-ksur u, għaldaqstant, tar-responsabbiltà fir-rigward tagħhom, b’mod partikolari dwar il-kejbils tal-elettriku taħt l-ilma u l-proġetti fuq skala kbira.

287

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

288

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tar-rikorrenti bħala parteċipanti intermedjarji tal-akkordju, hemm lok li jiġi rrilevat li huwa inutli li r-rikorrenti jippruvaw isostnu li huma kellhom irwol passiv fl-akkordju.

289

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, kif ġustament jirriżulta mill-premessa 572 tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li r-rikorrenti ma kinux involuti fl-istabbiliment tal-akkordju u ma pparteċipaw f’ebda laqgħa A/R, l-impjegati tagħhom ipparteċipaw mill-inqas f’17-il laqgħa antikompetittiva mal-membri R tal-imsemmi akkordju minn Diċembru 2001 sa Novembru 2006.

290

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li diġà ġie kkonstatat, fil-punt 175 iktar ’il fuq li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-provi miġbura mill-Kummissjoni kienu suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li huma kienu pparteċipaw fl-14 ta’ Diċembru 2001 f’Divonne-les-Bains għall-ewwel laqgħa tal-membri R tal-akkordju.

291

Barra minn hekk, mill-provi miġbura mill-Kummissjoni jirriżulta li r-rikorrenti ppruvaw jorganizzaw laqgħa R f’April 2002.

292

Fil-fatt, f’messaġġ elettroniku tad-9 ta’ April 2002 intitolat “Meeting in the area of BRUGG” (laqgħa fiż-żona ta’ Brugg), is-Sur N indika dan li ġej:

“Dan sabiex nikkonferma l-invit lil Brugg għal-laqgħa li jmiss. Għamilna reżervazzjoni għal-laqgħa u għall-ikla ta’ nofsinhar f’post privat fil-viċinanzi […] il-Ħamis 25 ta’ April 2002

Max. 20 persuna […]

Jekk jogħġbok informani dwar l-identità u n-numru ta’ persuni li ser jaslu lejliet.

Jekk jogħġbok ittrażmetti l-invit lill-parteċipanti l-oħra u kkonferma mill-ġdid id-data u l-laqgħa […]”

293

Għandu jiġi osservat li l-messaġġ elettroniku tad-9 ta’ April 2002 huwa indirizzat mis-Sur N lis-Sur J, li jistaqsih jittrażmetti l-informazzjoni lill-parteċipanti l-oħra fil-laqgħa, pjuttost milli jagħmel dan huwa stess. Bl-istess mod, is-Sur N jitlob lis-Sur J jikkonfermalu kemm-il persuna ser tasal lejliet il-laqgħa. Għaldaqstant, jidher li s-Sur N jindirriza ruħu lis-Sur J bħala koordinatur tal-laqgħa. Ma huwiex ikkontestat li s-Sur J okkupa preċiżament il-kariga ta’ koordinatur tal-membri R tal-akkordju. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kontenut ta’ dan il-messaġġ elettroniku fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

294

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jirrikonoxxu huma stess fin-noti tagħhom li inkarigaw ruħhom bl-organizzazzjoni effettiva tal-laqgħat tal-membri R tal-akkordju fit-3 ta’ Ġunju 2002. Ċertament, kif isostnu r-rikorrenti, l-organizzazzjoni effettiva ta’ dawn il-laqgħat ma hijiex, fiha nnifisha, sinjal li huma kienu jeżerċitaw irwol simili għal dak ta’ koordinatur tal-akkordju. Barra minn hekk, huwa paċifiku li dan ir-rwol, li jimplika, pereżempju, il-konvokazzjoni tal-laqgħat, il-proposta ta’ aġenda jew id-distribuzzjoni ta’ dokumenti preparatorji, kien iwettqu s-Sur J. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-organizzazzjoni effettiva tal-laqgħat R timplika neċessarjament, min-naħa ta’ min ikollu dan l-inkarigu, rieda li jikkontribwixxi attivament għall-funzjonament tal-akkordju.

295

Barra minn hekk, huwa wkoll għalxejn li r-rikorrenti jallegaw li r-rwol passiv li huma kellhom fil-ksur tagħhom huwa muri permezz tad-diversi nuqqasijiet dixxiplinari tal-akkordju.

296

Fil-fatt, fid-dawl tad-diversi eżempji mhux ikkontestati ta’ implimentazzjoni tal-akkordju mir-rikorrenti ċċitati fil-premessa 493 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li, f’ċerti każijiet, ir-rikorrenti ma osservawx ir-regoli ta’ funzjonament tal-akkordju billi rrifjutaw li josservaw ir-regola tas-suq nazzjonali fi ħdan il-konfigurazzjoni Ewropea jew billi ma osservawx il-preferenza stabbilita minn qabel fir-rigward ta’ proġetti li għandhom jitwettqu f’“territorji tal-esportazzjoni”, ma huwiex biżżejjed sabiex jinvalida l-konstatazzjoni li l-ftehimiet ġew implimentati mir-rikorrenti. Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, dan huwa a fortiori minnu peress li ċerta instabbiltà hija inerenti għan-natura stess tal-akkordji, li jfisser li diżerzjoni okkażjonali ta’ ċerti Membri u r-ritaljazzjoni li din iġġib magħha fi ħdan konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju huma tipiċi ta’ tali tqassim tas-suq. Matul il-perijodu tal-ksur imputat lilhom, ir-rikorrenti fil-prinċipju osservaw kontinwament ir-regoli miftiehma, kif ikkonferma s-Sur N fil-messaġġ elettroniku tal-24 ta’ Jannar 2006 indirizzat lis-Sur J iċċitat fil-punti 195 u 196 iktar ’il fuq. Minħabba dan, il-provi ċċitati mir-rikorrenti, dwar miżuri possibbli intiżi li jiddixxiplinawhom, ma jistgħux jintużaw bħala prova li huma kellhom irwol passiv.

297

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kklassifikat lir-rikorrenti bħala parteċipanti intermedjarji tal-ksur.

298

Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju, huma kienu fl-istess sitwazzjoni bħal nkt cables, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, tali argument, jekk jitqies li huwa fondat, huwa ta’ natura li jiġġustifika żieda tal-ammont tal-multa imposta fuq nkt cables. Kuntrarjament, tali fatt ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-għoti tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti, peress li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jipprovdi ebda bażi għal dritt għall-applikazzjoni nondiskriminatorja ta’ trattament illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T-13/99, EU:T:2002:209, punt 479).

299

It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tat-tnaqqis tal-ammont addizzjonali tal-multa ta’ 1 %, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li huma kellhom jibbenefikaw minn tali tnaqqis peress li ma kellhomx għarfien tal-ftehimiet dwar il-kejbils tal-elettriku taħt l-ilma u ma setgħux jipparteċipaw fl-għoti ta’ proġetti fuq skala kbira, huwa bbażat, kif diġà ġie kkonstatat fil-punti 219, 220 u 222 iktar ’il fuq, fuq premessa żbaljata.

300

It-tielet nett, fir-rigward tal-ilment bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti, in-natura unika u kontinwa tal-ksur, għandu jiġi osservat, kif sostniet il-Kummissjoni, li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu ma jimponix, fih innifsu, tnaqqis tal-ammont tal-multa. Kif ġie kkonstatat fil-punt 297 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, fid-dawl tal-fatti fil-pussess tagħha, evalwat korrettament il-kontribuzzjoni tar-rikorrenti għall-implimentazzjoni tal-akkordju billi kklassifikathom fil-kategorija intermedjarja, minn naħa. Min-naħa l-oħra, il-valur tal-bejgħ jenfasizza l-importanza ekonomika tar-rikorrenti, u dan billi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kejbils tal-elettriku prodotti minnhom. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-aġir tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju ma jistax jiġġustifika tnaqqis addizzjonali tal-ammont tal-multa, peress li dan l-aġir huwa koerenti mal-organizzazzjoni tal-akkordju stabbilita mill-parteċipanti, ibbażata fuq id-diviżjoni tax-xogħol, issorveljat b’mod kontinwu u strett.

301

Minn dak li ntqal jirriżulta li huwa mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u mingħajr ma twettaq żball ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni kklassifikat ir-rikorrenti fost il-parteċipanti intermedjarji fl-akkordju u, konsegwentement, tathom tnaqqis mill-ammont tal-multa ta’ 5 %.

302

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud il-motiv fl-intier tiegħu.

303

Peress li l-eżami tal-motivi mressqa mir-rikorrenti ma żvela ebda illegalità li taffettwa d-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li t-talbiet għal annullament jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

B. Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta

304

Qabel ma jiġu eżaminati t-talbiet tar-rikorrenti intiżi li jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom, għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat b’ġurisdizzjoni sħiħa li ġiet irrikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għandu jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja. Bl-eċċezzjoni ta’ motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti hija meħtieġa tqajjem ex officio, bħall-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa r-rikorrent li għandu jqajjem il-motivi kontra din tal-aħħar u jipproduċi provi insostenn ta’ dawn il-motivi (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C-389/10 P, EU:C:2011:816, punti 130 u 131).

305

Ir-rikorrenti jitolbu tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom minħabba r-raġunijiet imsemmija fil-kuntest tas-sitt motiv. Madankollu, minn naħa, is-sitt motiv imqajjem mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħhom għal annullament ġie miċħud u, min-naħa l-oħra, ma hemm xejn f’dan il-każ li jiġġustifika tnaqqis tal-ammont ta’ din il-multa. Minn dan isegwi li t-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-imsemmi ammont għandhom jiġu miċħuda.

306

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

307

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Brugg Kabel AG u Kabelwerke Brugg AG Holding huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Collins

Kancheva

Barents

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Lulju 2018.

Firem

Werrej

 

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

A. Ir-rikorrenti u settur ikkonċernat

 

B. Il-proċedura amministrattiva

 

C. Id-deċiżjoni kkontestata

 

1. Il-ksur inkwistjoni

 

2. Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti

 

3. Multa

 

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

III. Id-dritt

 

A. Fuq it-talbiet għal annullament

 

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq

 

a) Dwar in-notifika bl-Ingliż tat-talbiet għall-informazzjoni u tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

 

b) Fuq ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti aċċess għar-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

 

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tissanzjona ksur imwettaq fi Stati terzi u li ma għandux impatt fiż-ŻEE

 

3. Fuq it-tielet motiv u r-raba’ motiv, li huma bbażati fuq żball ta’ evalwazzjoni, fuq ksur tad-dritt tal-preżunzjoni tal-innoċenza, fuq żbalji ta’ liġi, fuq żnaturament ta’ provi u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fir-rigward tal-allegata parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ksur uniku u kontinwu

 

a) Kunsiderazzjonijiet preliminari

 

b) Fuq in-natura unika tal-ksur

 

c) Fuq it-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

 

1) Dwar il-bidu tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju

 

2) Fuq in-natura interrotta tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

 

d) Fuq l-intenzjoni tar-rikorrenti li jikkontribwixxu għall-għanijiet kollha tal-akkordju u l-għarfien tagħhom ta’ ċertu ksur illegali

 

e) Fuq il-prova li r-rikorrenti kellhom għarfien tal-ftehimiet dwar diversi proġetti ta’ kejbils tal-elettriku

 

f) Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-identità tal-proġetti tal-kejbils tal-elettriku inkwistjoni

 

4. Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

 

5. Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ ne bis in idem, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ta’ diversi żbalji ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

 

a) Dwar l-għażla tas-sena 2004 bħala sena ta’ referenza tal-valur tal-bejgħ għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa

 

b) Fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur

 

1) Fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-gravità tal-ksur

 

2) Fuq l-allegat żball li jirriżulta min-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti ma kinux jimmanifatturaw kejbils tal-elettriku taħt l-ilma matul il-perijodu tal-ksur fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni minħabba l-gravità tal-ksur

 

3) Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

 

c) Fuq l-iffissar ta’ koeffiċjent ta’ 4.91 għat-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

 

d) L-ammont tad-dritt ta’ dħul

 

e) Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

 

B. Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top