Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0005

Kawża C-5/14: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja) fis- 7 ta’ Jannar 2014 — Kernkraftwerke Lippe-Ems GmbH vs Hauptzollamt Osnabrück

OJ C 85, 22.3.2014, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 85/16


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja) fis-7 ta’ Jannar 2014 — Kernkraftwerke Lippe-Ems GmbH vs Hauptzollamt Osnabrück

(Kawża C-5/14)

2014/C 85/29

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Finanzgericht Hamburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Kernkraftwerke Lippe-Ems GmbH

Konvenut: Hauptzollamt Osnabrück

Domandi preliminari

(1)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 267, moqrija flimkien mal-punt (b) tal-ewwel sentenza tiegħu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) tawtorizza lil qorti ta’ Stat Membru tagħmel domandi, li jsirulha fir-rigward tal-legalità ta’ liġi nazzjonali, marbuta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, anki meta l-qorti nazzjonali jkollha mhux biss dubji dwar il-konformità tal-liġi mad-dritt tal-Unjoni, minn naħa, iżda tkun ukoll konvinta li l-liġi nazzjonali tmur kontra l-kostituzzjoni nazzjonali, min-naħa l-oħra, u li, għal din ir-raġuni, hija diġà adixxiet, fi proċedura parallela, il-Qorti Kostituzzjonali — li hija l-unika kompetenti, skont id-dritt nazzjonali, sabiex tiddeċiedi dwar il-inkostituzzjonalità tal-liġijiet — li d-deċiżjoni tagħha għadha madankollu mhux mogħtija?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tingħata fl-affermattiv, il-Finanzgericht Hamburg titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi li ġejjin:

(2)

Id-Direttivi 2008/118/KE (1) u 2003/96/KE (2), adottati sabiex jiġu armonizzati d-dazji tas-sisa u li jikkonċernaw il-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku fil-kuntest tal-Unjoni, jipprekludu l-introduzzjoni ta’ taxxa nazzjonali miġbura fuq il-kombustibbli nukleari użati għall-produzzjoni industrijali tal-elettriku? Dan jiddependi mill-possibbiltà prevedibbli li t-taxxa nazzjonali tiġi mgħoddija fuq il-konsumatur permezz tal-prezz tal-elettriku u, jekk ikun il-każ, x’għandu jinftiehem b’“mgħoddija”?

(3)

Impriża tista’ tikkontesta taxxa, miġbura minn Stat Membru, bl-għan li jiġi ġġenerat dħul, fuq l-użu ta’ kombustibbli nukleari għall-produzzjoni industrijali tal-elettriku, billi tallega li l-ġbir ta’ tali taxxa jikkostitwixxi għajnuna li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE?

Fil-każ li tingħta risposta fl-affermattiv għad-domandi preċedenti:

Il-liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq il-kombustibbli nukleari li tapplika taxxa, bl-għan li jiġi ġġenerat dħul, biss fuq l-impriżi li jipproduċu elettriku fuq livell industrijali billi jużaw kombustibbli nukleari, tikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE? Liema huma ċ-ċirkustanzi rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk impriżi oħra, li ma humiex suġġetti għal taxxa simili, jinsabu f’sitwazzjoni li hija fattwalment u ġuridikament komparabbli?

(4)

Il-ġbir tat-taxxa Ġermaniża fuq il-kombustibbli nukleari jmur kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Trattat KEEA)?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009 L 9, p. 12).

(2)  Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).


Top