EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0266

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Settembru 2015.
Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (CC.OO.) vs Tyco Integrated Security SL u Tyco Integrated Fire & Security Corporation Servicios SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Nacional.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Artikolu 2(1) – Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ – Ħaddiema mingħajr post tax-xogħol fiss jew abitwali – Ħin għall-ispostament bejn id-dar tal-ħaddiema u s-siti tal-ewwel klijent u tal-aħħar klijent.
Kawża C-266/14.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:578

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2003/88/KE — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Artikolu 2(1) — Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ — Ħaddiema mingħajr post tax-xogħol fiss jew abitwali — Ħin għall-ispostament bejn id-dar tal-ħaddiema u s-siti tal-ewwel klijent u tal-aħħar klijent”

Fil-Kawża C‑266/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Qorti nazzjonali (Audiencia Nacional, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Ġunju 2014, fil-proċedura

Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (CC.OO.)

vs

Tyco Integrated Security SL,

Tyco Integrated Fire & Security Corporation Servicios SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ April 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (CC.OO.), minn E. Lillo Pérez u F. Gualda Alcalá, avukati,

għal Tyco Integrated Security SL u Tyco Integrated Fire & Security Corporation Servicios SA, minn J. Martínez Pérez de Espinosa, avukat,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Varrone, avvocato dello Stato,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie u L. Barfoot, bħala aġenti, assistenti minn S. Lee, Q C, u G. Facenna, Barrister-at-Law,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones Obreras (CC.OO.) kontra Tyco Integrated Security SL u kontra Tyco Integrated Fire & Security Corporation Servicios SA (iktar ’il quddiem, flimkien, “Tyco”) dwar ir-rifjut ta’ dawn tal-aħħar li jirrikonoxxu bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, il-ħin li l-impjegati tagħhom jiddedikaw kuljum biex imorru mid-dar tagħhom sas-siti tal-ewwel klijent u tal-aħħar klijent indikati mill-persuna li timpjegahom (iktar ’il quddiem il-“ħin għall-ispostament dar-klijenti”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessa 4 tad-Direttiva 2003/88:

“It-titjib tas-sigurtà, l-iġene u s-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol huwa għan li m’għandux ikun subordinat sempliċement għal raġunijiet ekonomiċi.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.   Din id-Diretiva tapplika għal:

a)

il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u

b)

ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.

3.   Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva [tal-Kunsill] 89/391/KEE, [tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349)], mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18 u 19 ta’ din id-Direttiva.

[...]

4.   Id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 89/391 [...] għandhom ikunu applikabbli bis-sħiħ għall-materji kollha li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2, mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet aktar iebsa u/jew speċifiċi li jinstabu f’din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punti 1 u 2 tiegħu:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.   ‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

2.   ‘perjodu ta’ serħan’ ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol”.

6

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Serħan ta’ kull jum”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu ta’ serħan kull jum ta’ 11-il siegħa konsekuttivi f’perjodu ta’ 24-siegħa”.

Id-dritt Spanjol

7

L-Artikolu 34 tal-Istatut tal-ħaddiema, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1995 li japprova t-test rivedut tal-liġi li tistabbilixxi Statut tal-ħaddiema (Real Decreto Legislativo 1/1995 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores), tal-24 ta’ Marzu 1995, (p. 9654) jipprovdi, fil-paragrafi 1, 3 u 5 tiegħu:

“1.   Il-ħin tax-xogħol għandu jkun dak miftiehem fil-ftehim kollettiv jew fil-kuntratti tax-xogħol.

Il-perijodu massimu ta’ ħin tax-xogħol ordinarju għandu jkun ta’ medja ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa ta’ xogħol effettiv kkalkolati fis-sena.

[...]

3.   Għandu jkun hemm minimu ta’ perijodu ta’ tnax-il siegħa bejn it-tmiem ta’ jum ta’ xogħol u l-bidu tal-jum tax-xogħol ta’ wara.

In-numru ta’ sigħat ordinarji tax-xogħol effettiv ma jistax jaqbeż disa’ sigħat kuljum, sakemm ftehim kollettiv jew, fin-nuqqas tiegħu, ftehim konkluż bejn l-impriża u r-rappreżentanti tal-ħaddiema ma jipprevedix tqassim ieħor tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum, bil-ħin tal-mistrieħ bejn jumejn ta’ xogħol jibqa’ jiġi osservat fi kwalunkwe każ.

[...]

5.   Il-ħin tax-xogħol għandu jiġi kkalkolat b’mod li l-ħaddiem ikun fil-post tax-xogħol tiegħu kemm fil-bidu kif ukoll fl-aħħar tal-jum.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Tyco teżerċita, fil-parti l-kbira tal-provinċji Spanjoli, attività ta’ installazzjoni u ta’ manutenzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà li jiżvelaw dħul mhux awtorizzat u jipprevjenu s-serq.

9

Matul is-sena 2011, Tyco għalqet l-uffiċċji tagħha li kienu jinsabu fil-provinċji (iktar ’il quddiem l-“uffiċċji reġjonali”) u żammet l-impjegati kollha tagħha fl-uffiċċju ċentrali ta’ Madrid (Spanja).

10

It-tekniċi ta’ Tyco jinstallaw u jżommu fi stat ta’ funzjonament it-tagħmir ta’ sigurtà fid-djar privati u fl-istabbilimenti industrijali u kummerċjali stabbiliti fiż-żona territorjali li magħhom huma assenjati u li tinkludi parti jew il-provinċja kollha, kif ukoll diversi provinċji.

11

Dawn il-ħaddiema għandhom vettura tal-impriża kull wieħed, li permezz tagħha jmorru kuljum minn darhom lejn il-postijiet fejn għandhom iwettqu l-operazzjonijiet ta’ installazzjoni jew ta’ manutenzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà. Huma jużaw din l-istess vettura biex imorru lura lejn darhom fl-aħħar tal-ġurnata.

12

Skont il-qorti tar-rinviju, id-distanza bejn id-dar tal-imsemmija ħaddiema u l-postijiet fejn dawn għandhom jagħmlu biċċa xogħol tista’ tvarja b’mod kunsiderevoli u kultant anki taqbeż il-100 kilometru. Hija tagħti l-eżempju ta’ każ fejn, minħabba fl-intensità tat-traffiku, il-ħin għall-ispostament dar-klijenti kien ta’ tliet sigħat.

13

L-istess ħaddiema għandhom wkoll imorru, darba jew diversi drabi fil-ġimgħa, fl-uffiċċji ta’ aġenzija loġistika ta’ trasport qrib id-dar tagħhom biex jirkupraw materjal kif ukoll tagħmir u partijiet żarmati li jkunu jeħtieġu għall-interventi tagħhom.

14

Biex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, il-ħaddiema inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom telefon ċellulari kull wieħed li jippermettilhom jikkomunikaw mill-bogħod mal-uffiċċju ċentrali ta’ Madrid. Applikazzjoni installata fit-telefon tagħhom tippermetti lil dawn il-ħaddiema li jirċievu kuljum, lejliet il-jum tax-xogħol tagħhom, il-mappa tar-rotta għas-siti differenti li huma jkollhom iżuru matul dik il-ġurnata, ġewwa ż-żona territorjali tagħhom, kif ukoll is-sigħat tal-appuntamenti mal-klijenti. Bl-għajnuna ta’ applikazzjoni oħra, dawn l-istess ħaddiema jieħdu nota tad-data tax-xogħol li jkunu għamlu u jittrażmettuha lil Tyco, sabiex jirreġistraw dak li jiltaqgħu miegħu u x’operazzjonijiet ikunu wettqu.

15

Il-qorti tar-rinviju tindika li Tyco ma tgħoddx, bħala ħin tax-xogħol, il-ħin għall-ispostament dar-klijenti, b’dan il-mod hija tikkunsidra li dan ikun ħin ta’ mistrieħ.

16

Skont din il-qorti, Tyco kkalkolat it-tul ta’ kuljum ta’ ħin tax-xogħol billi rat il-ħin li jkun għadda minn meta jaslu l-impjegati tagħha fuq is-sit tal-ewwel klijent tal-ġurnata u l-ħin meta dawn l-impjegati jitilqu mis-sit tal-aħħar klijent, bl-uniċi ħinijiet li jittieħdu inkunsiderazzjoni jkunu dak għall-interventi fuq is-siti u l-ispostamenti intermedji bejn il-klijenti. Issa, qabel ma ngħalqu l-uffiċċju reġjonali, Tyco kienet rat il-ħin ta’ xogħol ta’ kuljum tal-impjegati tagħha minn meta jaslu f’dawn l-uffiċċji sabiex jieħdu minn hemm il-vettura li titpoġġa għad-dispożizzjoni u jirċievu l-lista tal-klijenti li għandhom iżuru kif ukoll il-mappa tar-rotta, sal-ħin meta jaslu lura, filgħaxija, fl-imsemmija uffiċċji sabiex hemmhekk iħallu din il-vettura.

17

L-imsemmija qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kunċetti ta’ ħin tax-xogħol u ta’ ħin tal-mistrieħ imorru kontra xulxin fid-Direttiva 2003/88 u li għalhekk, din id-direttiva ma tippermettix il-possibbiltà ta’ sitwazzjonijiet intermedji. Hija tosserva li l-ħin għall-ispostament dar-klijenti ma jitqiesx li huwa ħin tax-xogħol mill-Artikolu 34(5) tal-Istatut tal-ħaddiema, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1995. Skont dik il-qorti, il-leġiżlatur Spanjol kien għażel dik is-soluzzjoni għaliex ikkunsidra li l-ħaddiem huwa liberu li jagħżel il-post fejn jistabbilixxi d-dar tiegħu. Huwa għalhekk il-ħaddiem biss li jagħżel li jgħix kemxejn ’il bogħod mill-post tax-xogħol tiegħu, skont il-possibbiltajiet tiegħu.

18

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-każ ta’ ħaddiema mobbli tas-settur tat-trasport fl-art, dan il-kunċett għandu jiġi sfumat. Fil-fatt, għal din il-kategorija ta’ ħaddiema, il-leġiżlatur nazzjonali jidher li kien ikkunsidra li l-post tax-xogħol tagħhom qiegħed fil-vettura stess, b’mod li l-ħin għall-ispostament ta’ dawn il-ħaddiema jitqies li huwa ħin tax-xogħol. Dik il-qorti tistaqsi dwar jekk is-sitwazzjoni tal-ħaddiema inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax titqies li hija analoga għal dik ta’ ħaddiema mobbli ta’ dan is-settur.

19

Skont l-imsemmija qorti, il-fatt li l-ħaddiema inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu informati bil-vjaġġ li jkollhom jagħmlu u bix-xogħlijiet partikolari li jkollhom jipprovdu lill-klijenti ftit tas-sigħat qabel l-appuntament tagħhom permezz tat-telefon ċellulari tagħhom għandu l-konsegwenza li dawn il-ħaddiema ma jkollhomx iżjed l-għażla li jadattaw il-ħajja privata tagħhom u l-post ta’ residenza tagħhom skont il-qrubija tal-post tax-xogħol tagħhom, għaliex dan ivarja kuljum. Minn dan jirriżulta li l-ħin għall-ispostament dar-klijenti ma jistax jitqies li huwa ħin ta’ mistrieħ, b’mod partikolari, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema li għandha d-Direttiva 2003/88. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, dan lanqas ma jirrigwarda ħin li matulu l-ħaddiema jkunu, proprjament, għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegahom biex dan tal-aħħar ikun jista’ jagħtihom biċċa xogħol li tkun minbarra l-ispostament innifsu. Għalhekk, ma huwiex ċar biżżejjed jekk, skont din id-direttiva, il-ħin għall-ispostament dar-klijenti jikkostitwixxix ħin tax-xogħol jew perijodu ta’ mistrieħ.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti nazzjonali ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li [meta ħaddiem] li ma għandux post fiss tax-xogħol, iżda għandu jivjaġġa kuljum mid-domiċilju tiegħu għas-sede ta’ klijent tal-impriża differenti kuljum u jmur lura d-dar mis-sede ta’ klijent ieħor differenti (skont rotta jew lista li l-impriża tibgħatlu lejliet) fil-limiti ta’ żona ġeografika ftit jew wisq kbira fiċ-ċirkustazni tal-kawża prinċipali, [il-ħin li dan il-ħaddiem] juża sabiex jivvjaġġa fil-bidu u fit-tmiem ta’ jum tax-xogħol għandu jitqies bħala ‘ħin tax-xogħol’, fis-sens tad-definizzjoni li jagħti l-Artikolu 2 tad-direttiva jew, għall-kuntrarju, għandu jitqies bħala ‘perjodu ta’ serħan’?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn il-ħaddiema ma għandhomx post tax-xogħol fiss jew abitwali, jikkostitwixxi “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, il-ħin għall-ispostament dar-klijenti ta’ dawn il-ħaddiema.

22

Preliminarjament, għandu jiġi osservat, li, peress li l-Artikoli 1 sa 8 tal-imsemmija direttiva huma fformulati f’termini essenzjalment identiċi għal dawk tal-Artikoli 1 sa 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), kif emendata permezz tad-Direttiva 2000/34/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 27), l-interpretazzjoni ta’ dawn l-aħħar artikoli mill-Qorti tal-Ġustizzja hija kompletament applikabbli għall-artikoli msemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2003/88 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 32 u digriet Grigore, C‑258/10, EU:C:2011:122, punt 39).

23

Barra minn hekk, qabel kollox, huwa importanti li jiġi kkonstatat li din l-aħħar direttiva għandha bħala għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u ta’ xogħol tal-ħaddiema permezz tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar, b’mod partikolari, il-ħinijiet ta’ xogħol. Din l-armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandha l-għan li tiżgura protezzjoni aħjar tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, billi tara li dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ serħan — b’mod partikolari ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa — kif ukoll minn perijodi ta’ pawża adegwati u li tistabbilixxi limitu ta’ 48 siegħa għall-medja ta’ kemm iddum ġimgħa tax-xogħol, limitu massimu li dwaru huwa espressament ippreċiżat li dan jinkludi s-sigħat addizzjonali (ara s-sentenzi BECTU, C‑173/99, EU:C:2001:356, punti 37 u 38; Jaeger, C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 46, kif ukoll id-digriet Grigore, C‑258/10, EU:C:2011:122, punt 40).

24

Id-diversi regoli li l-imsemmija direttiva tistabbilixxi dwar il-perijodu massimu tax-xogħol u tal-ħin minimu tal-mistrieħ jikkostitwixxu regoli tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandhom importanza partikolari li għandu jibbenefika minnhom kull ħaddiem bħala regoli minimi meħtieġa biex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tiegħu (sentenza Dellas et, C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 49 u ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll digriet Grigore, C‑258/10, EU:C:2011:122, punt 41).

25

Sussegwentement, fir-rigward tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li din id-direttiva ddefinixxiet l-imsemmi kunċett bħala perjodu li matulu l-ħaddiem ikun għax-xogħol, għad-dispożizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, konformement mal-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali, u li l-istess kunċett għandu jinftiehem b’kuntrast mal-perijodu ta’ mistrieħ, billi dawn iż-żewġ kunċetti jeskludu lil xulxin (sentenzi Jaeger, C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 48; Dellas et, C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 42, kif ukoll digrieti Vorel, C‑437/05, EU:C:2007:23, punt 24, u Grigore, C‑258/10, EU:C:2011:122, punt 42).

26

F’dan il-kuntest għandu jiġi kkonstatat li, l-imsemmija direttiva ma tipprovdix għall-kategorija intermedja bejn il-perijodi ta’ xogħol u dawk ta’ mistrieħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dellas et, C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 43, kif ukoll digrieti Vorel, C‑437/05, EU:C:2007:23, punt 25, u Grigore, C‑258/10, EU:C:2011:122, punt 43).

27

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ serħan” fis-sens tad-Direttiva 2003/88 jikkostitwixxu kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu ddefiniti skont karatteristiċi oġġettivi, filwaqt li jsir riferiment għas-sistema u l-iskop ta’ din id-direttiva, intiża sabiex tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema. Fil-fatt, hija biss tali interpretazzjoni awtonoma li hija ta’ natura li tiżgura l-effett sħiħ ta’ din id-direttiva kif ukoll applikazzjoni uniformi tal-kunċetti msemmija fl-Istati Membri kollha (ara s-sentenza Dellas et, C‑14/04, EU:C:2005:728, punti 44 u 45, kif ukoll digrieti Vorel, C‑437/05, EU:C:2007:23, punt 26, u Grigore, C‑258/10, EU:C:2011:122, punt 44).

28

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2 tal-istess direttiva ma jidhirx fost id-dispożizzjonijiet tagħha li hija permessa deroga għalihom (ara digriet Grigore, C‑258/10, EU:C:2011:122, punt 45).

29

Bil-għan li tingħata risposta għad-domanda preliminari li saret, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, imfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, humiex jew ma humiex issodisfatti waqt il-ħin għall-ispostament dar-klijenti u għaldaqstant, jekk dan il-ħin iridx jitqies bħala ħin tax-xogħol jew ħin ta’ mistrieħ.

30

Fir-rigward tal-ewwel element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88, skont liema l-ħaddiem irid iwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, għandu jiġi osservat li mhux qed jiġi kkontestat li, qabel id-deċiżjoni tat-Tyco li jingħalqu l-uffiċċji reġjonali, din il-persuna li timpjega kienet tqis li kien ħin tax-xogħol il-ħin għall-ispostament tal-ħaddiema tagħha bejn l-uffiċċji reġjonali u s-siti tal-ewwel klijenti u tal-aħħar klijenti tagħhom tal-ġurnata, iżda mhux il-ħin għall-ispostament tagħhom mid-dar tagħhom għall-uffiċċji reġjonali fil-bidu u fl-aħħar tal-ġurnata. Barra minn hekk, huwa stabbilit li, qabel din id-deċiżjoni, il-ħaddiema inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu kuljum imorru f’dawn l-uffiċċji sabiex jieħdu l-vetturi għad-dispożizzjoni tagħhom minn Tyco u jibdew il-jum ta’ xogħol tagħhom. Dawn il-ħaddiema kienu jitterminaw ukoll il-ġurnata ta’ xogħol tagħhom f’dawn l-uffiċċji.

31

Tyco tikkontesta li l-ħin għall-ispostament dar-klijenti tal-ħaddiema inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jitqies bħala ħin tax-xogħol, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, minħabba li, anki jekk dawn il-ħaddiema għandhom jagħmlu vjaġġ sabiex jaslu għand il-klijenti indikati minnha, l-attivitajiet u d-doveri tal-imsemmija ħaddiema għandhom l-għan tat-twettiq ta’ xogħlijiet tekniċi ta’ installazzjoni u ta’ manutenzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà għand dawn il-klijenti. Għalhekk, waqt il-ħin għall-ispostament dar-klijenti, l-istess ħaddiema ma jkunux qed iwettqu l-attivitajiet jew id-doveri tagħhom.

32

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ispostamenti tal-ħaddiema, li għandhom xogħol bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex imorru għand il-klijenti indikati mill-persuna li timpjegahom huma l-mezz neċessarju għat-twettiq tax-xogħlijiet tekniċi ta’ dawn il-ħaddiema għand dawn il-klijenti. Fil-każ li ma jittieħdux inkunsiderazzjoni dawn l-ispostamenti, dan ikun ifisser li persuna li timpjega bħal Tyco tkun tista’ tiddikjara li kien biss il-ħin li ttieħed sabiex titwettaq l-attività ta’ installazzjoni u ta’ manutenzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà li seta’ jiġi kopert mill-kunċett ta’ ħin tax-xogħol fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88, fatt li kien jiżnatura dan il-kunċett u jippreġudika l-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema.

33

Il-fatt li l-ispostamenti tal-ħaddiema rilevanti, fil-bidu u fl-aħħar tal-ġurnata, lejn u mill-klijenti, kienu kkunsidrati minn Tyco bħala ħin tax-xogħol qabel ma għalqu l-uffiċċji reġjonali juri barra minn hekk li d-dmir li kien jikkonsisti li vettura tittieħed minn uffiċċju reġjonali għall-ewwel klijent u mill-aħħar klijent għal dan l-uffiċċju reġjonali kien jagħmel parti mid-doveri u mill-attività ta’ dawn il-ħaddiema. Issa, in-natura ta’ dawn l-ispostamenti ma nbidlitx minn meta ngħalqu l-uffiċċji reġjonali. Kien biss il-punt tat-tluq tal-imsemmija spostamenti li nbidel.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu bħala li kienu qegħdin iwettqu l-attivitajiet tagħhom jew d-doveri tagħhom waqt il-ħin għall-ispostament dar-klijenti.

35

Fir-rigward tat-tieni element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88, li jiddikjara li l-ħaddiem għandu jkun għad-dispożizzjoni ta’ min jimpjegah matul dan il-perijodu, għandu jiġi osservat li l-fattur determinanti huwa l-fatt li l-ħaddiem huwa marbut li jkun fiżikament preżenti fil-post stabbilit mill-persuna li timpjegah u li jibqa’ għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex f’każ ta’ bżonn ikun jista’ jipprovdi x-xogħlijiet xierqa immedjatament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dellas et, C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 48, kif ukoll digrieti Vorel, C‑437/05, EU:C:2007:23, punt 28, u Grigore, C‑258/10, EU:C:2011:122, punt 63).

36

Għalhekk, sabiex ħaddiem jista’ jitqies li huwa għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah, dan il-ħaddiem għandu jkun f’sitwazzjoni fejn huwa obbligat, legalment, li jobdi l-ordnijiet tal-persuna li timpjegah u li jwettaq l-attività tiegħu f’ismu.

37

Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-possibbiltà li l-ħaddiema jistgħu jiġġestixxu l-ħin tagħhom b’inqas limiti u jaħdmu fuq l-interessi tagħhom stess huwa element ta’ natura li juri li l-perijodu ta’ żmien ikkunsidrat ma jikkostitwixxix ħin tax-xogħol fis-sens tad-Direttiva 2003/88 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Simap, C‑303/98, EU:C:2000:528, punt 50).

38

Fil-każ ineżami, jirriżulta mis-sottomissjonijiet magħmula waqt is-seduta minn Tyco li hija tistabbilixxi l-lista u l-ordni tal-klijenti, li l-ħaddiema inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom isegwu, kif ukoll il-ħin tal-appuntament għand il-klijenti tagħha. Hija indikat ukoll li, minkejja l-fatt li telefon ċellulari ngħata lil kull wieħed mill-ħaddiema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fuqu jirċievu l-itinerarju tagħhom lejliet il-ġurnata ta’ xogħol, dawn il-ħaddiema ma humiex obbligati li jżommu dan it-telefon mixgħul matul il-ħin għall-ispostament dar-klijenti. Għalhekk, l-itinerarju sabiex imorru għal dawn l-appuntamenti ma huwiex stabbilit minn Tyco, peress li l-ħaddiema inkwistjoni jibqgħu liberi li jmorru għal dawn l-appuntamenti skont l-itinerarju li huma jixtiequ, hekk li jkunu jistgħu jorganizzaw il-ħin tagħhom għall-ispostament kif iridu huma.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, waqt il-ħin għall-ispostament dar-klijenti, il-ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom ċerta libertà li huma ma kellhomx waqt il-ħin tal-intervent għand klijent, sakemm huma jaslu għand il-klijent fil-ħin stabbilit mill-persuna li timpjega. Madankollu, jirriżulta mill-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja li din il-libertà kienet teżisti anki qabel l-għeluq tal-uffiċċji reġjonali meta l-ħin għall-ispostament kien jgħodd bħala ħin tax-xogħol minn x’ħin jaslu l-ħaddiema fl-uffiċċji reġjonali u l-unika ħaġa li nbidlet kien il-punt tat-tluq tal-vjaġġ sabiex imorru għand dan il-klijent. Issa, tali bidla ma tinfluwenzax in-natura legali tal-obbligu ta’ dawn il-ħaddiema li jobdu l-ordnijiet tal-persuna li timpjegahom. Waqt dawn l-ispostamenti l-ħaddiema huma suġġetti għall-imsemmija ordnijiet tal-persuna li timpjegahom li tista’ tibdel l-ordni tal-klijenti jew tannulla jew iżżid appuntament. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li, matul it-tul neċessarju għall-ispostament, li ħafna mid-drabi ma jkunx jista’ jitnaqqas, l-imsemmija ħaddiema ma għandhomx il-possibbiltà li jiddisponu kif iridu mill-ħin tagħhom u li jaħdmu fuq l-interessi tagħhom stess, hekk li, għaldaqstant, huma huma għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegahom.

40

Tyco u l-Gvernijiet Spanjoli u tar-Renju Unit isemmu l-biża’ li, tali ħaddiema jistgħu fil-bidu u fl-aħħar tal-ġurnata japprofittaw ruħhom biex jaqdu l-affarijiet personali tagħhom. Madankollu, biża’ bħal din ma jistax ikollha impatt fuq il-klassifikazzjoni legali tal-ħin tal-vjaġġ. F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-persuna li timpjega li għandha tistabbilixxi l-istrumenti tal-kontroll meħtieġa biex jiġu evitati abbużi eventwali.

41

Fil-fatt, minn naħa, kienet diġà teżisti, qabel ma ngħalqu l-uffiċċji reġjonali, il-possibbiltà li wieħed japprofitta ruħu sabiex jaqdi tali affarijiet, fil-bidu u fl-aħħar tal-ġurnata ta’ xogħol, matul il-vjaġġi bejn is-siti tal-klijenti u l-uffiċċji reġjonali. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessa 4 tad-Direttiva 2003/98, l-għanijiet ta’ din id-direttiva ma għandhomx ikunu subordinati sempliċement għal raġunijiet ekonomiċi. Barra minn hekk, Tyco indikat matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-użu tal-karti ta’ kreditu li hija tagħti lill-ħaddiema tagħha huwa limitat għall-ħlas tal-fjuwil, intiż għal użu professjonali, tal-vetturi għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema tagħha. Tyco b’dan il-mod għandha mezz, fost oħrajn, ta’ kontroll tal-ispostamenti tagħhom.

42

Barra minn hekk, jekk huwa minnu li tali kontrolli jistgħu joħolqu spiża supplimentari għal impriża f’sitwazzjoni bħal dik ta’ Tyco, għandu jitfakkar li din l-ispiża hija konsegwenza inerenti tad-deċiżjoni tagħha li tagħlaq l-uffiċċji reġjonali. Min-naħa l-oħra, fil-każ li din id-deċiżjoni jkollha bħala effett li timponi din l-ispiża kollha kemm hi fuq l-impjegati ta’ Tyco, dan il-fatt ikun imur kontra l-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema msemmi f’din id-direttiva.

43

Fir-rigward tat-tielet element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88, li jipprovdi li l-ħaddiem għandu jkun ix-xogħol matul il-perijodu kkunsidrat, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, fil-każ li ħaddiem li ma għadx għandu post tax-xogħol fiss jeżerċita d-doveri tiegħu matul l-ispostament lejn u mill-klijent, dan il-ħaddiem għandu wkoll jitqies bħala li kien ix-xogħol waqt dan il-vjaġġ. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-ispostamenti huma kostituttivi għall-klassifika ta’ ħaddiem li ma għandux post tax-xogħol fiss jew abitwali, il-post tax-xogħol ta’ tali ħaddiema ma jistax jiġi limitat għal postijiet ta’ intervent fiżiku ta’ dawn il-ħaddiema għand il-klijenti tal-persuna li timpjegahom.

44

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ta’ natura li tiġi influwenzata miċ-ċirkustanza li ħaddiema, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jibdew u jitterminaw tali vjaġġi d-dar tagħhom sa fejn din iċ-ċirkustanza tirriżulta direttament mid-deċiżjoni tal-persuna li timpjegahom li tagħlaq l-uffiċċji reġjonali u mhux mir-rieda ta’ dawn il-ħaddiema. Peress li dawn tal-aħħar tilfu l-possibbiltà li liberament jiddeċiedu d-distanza li tissepara d-dar tagħhom mill-post abitwali mill-bidu sa tmiem il-ġurnata ta’ xogħol tagħhom, huma ma jistgħux jkunu responsabbli għall-għażla tal-persuna li timpjegahom li tagħlaq dawn l-uffiċċji.

45

Tali riżultat imur ukoll kontra l-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema msemmi fid-Direttiva 2003/88, fejn tinsab imniżżla n-neċessità li jiġi ggarantit lill-ħaddiema perijodu minimu ta’ mistrieħ. Fil-fatt, imur kontra din id-direttiva l-fatt li l-ħin ta’ mistrieħ tal-ħaddiema li ma għandhomx post ta’ xogħol abitwali jew fiss jonqos minħabba fl-esklużjoni tal-ħin għall-ispostament dar-klijenti tagħhom mill-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva.

46

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta ħaddiema li jinsabu f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jużaw vettura tax-xogħol sabiex imorru mid-dar tagħhom għand klijent indikat mill-persuna li timpjegahom jew sabiex imorru d-dar tagħhom mis-sit ta’ tali klijent u sabiex imorru mis-sit ta’ klijent għas-sit ta’ klijent ieħor matul il-ġurnata ta’ xogħol tagħhom, dawn il-ħaddiema għandhom, fil-waqt ta’ dawn l-ispostamenti, jitqiesu bħala li qegħdin “ix-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva.

47

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-argument tal-Gvern tar-Renju Unit li jiddikjara li din il-konklużjoni twassal għal żieda inevitabbli fl-ispejjeż għal, b’mod partikolari, Tyco. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, anki jekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħin għall-ispostament għandu jitqies bħala ħin tax-xogħol, Tyco tibqa’ libera li tistabbilixxi r-remunerazzjoni tal-ħin għall-ispostament dar-klijenti.

48

Issa, huwa biżżejjed li jitfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, bl-eċċezzjoni tal-każ partikolari msemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 fir-rigward tal-leave annwali mħallas, din tal-aħħar tillimita ruħha tirregola ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, hekk li, bħala prinċipju, hija ma tapplikax għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema (ara s-sentenza Dellas et, C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 38, kif ukoll digrieti Vorel, C‑437/05, EU:C:2007:23, punt 32, u Grigore, C‑258/10, EU:C:2011:122, punti 81 u 83).

49

Għalhekk, il-metodu ta’ remunerazzjoni tal-ħaddiema f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kopert, mhux mill-imsemmija direttiva, iżda mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-ħaddiema ma għandhomx post tax-xogħol fiss jew abitwali, jikkostitwixxi “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, il-ħin għall-ispostament dar-klijenti ta’ dawn il-ħaddiema.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-ħaddiema ma għandhomx post tax-xogħol fiss jew abitwali, jikkostitwixxi “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, il-ħin għall-ispostament li dawn il-ħaddiema jiddedikaw kuljum għall-ispostamenti ta’ kuljum bejn id-dar tagħhom u s-siti tal-ewwel u tal-aħħar klijent indikat mill-persuna li timpjegahom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top