This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0144
Judgment of the Court (Seventh Chamber) of 9 July 2015.#Cabinet Medical Veterinar Dr. Tomoiagă Andrei v Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Cluj Napoca prin Administrația Județeană a Finanțelor Publice Maramureș.#Request for a preliminary ruling from the Tribunalul Maramureș.#Reference for a preliminary ruling — Value added tax (VAT) — Directive 2006/112/EC — Articles 273 and 287 — Obligation to register a taxable person for VAT purposes — Whether veterinary services are taxable — Principle of legal certainty — Principle of protection of legitimate expectations.#Case C-144/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tad-9 ta’ Lulju 2015.
Cabinet Medical Veterinar Dr. Tomoiagă Andrei vs Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Cluj Napoca prin Administrația Județeană a Finanțelor Publice Maramureș.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Maramureș.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 273 u 287 – Obbligu ta’ identifikazzjoni ex officio ta’ persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT – Natura taxxabbli tas-servizzi ta’ mediċina veterinarja – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
Kawża C-144/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tad-9 ta’ Lulju 2015.
Cabinet Medical Veterinar Dr. Tomoiagă Andrei vs Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Cluj Napoca prin Administrația Județeană a Finanțelor Publice Maramureș.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Maramureș.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 273 u 287 – Obbligu ta’ identifikazzjoni ex officio ta’ persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT – Natura taxxabbli tas-servizzi ta’ mediċina veterinarja – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
Kawża C-144/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:452
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
9 ta’ Lulju 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 273 u 287 — Obbligu ta’ identifikazzjoni ex officio ta’ persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT — Natura taxxabbli tas-servizzi ta’ mediċina veterinarja — Prinċipju ta’ ċertezza legali — Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”
Fil-Kawża C‑144/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Maramureș (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2014, fil-proċedura
Cabinet Medical Veterinar Dr. Tomoiagă Andrei
vs
Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Cluj Napoca prin Administrația Județeană a Finanțelor Publice Maramureș,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Cabinet Medical Veterinar Dr. Tomoiagă Andrei, minn R. D. Apan, avukat, |
— |
għall-Gvern Rumen, minn R.‑H. Radu, D. M. Bulancea u A. G. Vacaru, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Elleniku, minn K. Nasopoulou u I. Kotsoni, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u L. Nicolae, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll tal-Artikoli 273 u 287(18) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE, tat-22 ta’ Diċembru 2009 (ĠU 2010, L 10, p. 14, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Cabinet Medical Veterinar Dr. Tomoiagă Andrei (Klinika ta’ mediċina veterinarja ta’ Dr. Andrei Tomoiagă, iktar ’il quddiem il-“klinika veterinarja”) u d-Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Cluj Napoca prin Administrația Județeană a Finanțelor Publice Maramureș (Direttorat ġenerali reġjonali tal-finanzi pubbliċi ta’ Cluj Napoca, irrappreżentat mill-Amministrazzjoni provinċjali tal-finanzi pubbliċi ta’ Maramureș, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”), dwar il-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) relatata ma’ kura veterinarja pprovduta bejn l-1 ta’ Ottubru 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2010. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2006/112
3 |
L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi: “It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT: [...]
|
4 |
L-Artikolu 132(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi: “L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin: [...]
[...]” |
5 |
Skont l-Artikolu 213(1) tal-imsemmija direttiva: “Kull persuna taxxabbli għandha tiddikjara meta tibda, tbiddel jew twaqqaf l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli. [...]” |
6 |
L-Artikolu 214(1)(a) tal-istess direttiva jaqra kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni li ġejjin huma identifikati permezz ta’ numru individwali:
|
7 |
L-Artikolu 250(1) tad-Direttiva 2006/112/KE jipprovdi: “Kull persuna taxxabbli għandha tipprezżenta denunzja tal-VAT li tistipula l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tinħadem it-taxxa li ġiet imposta u t-tnaqqis li jrid isir inkluż, sa fejn hu meħtieġ biex tkun stabbilita l-bażi tal-valutazzjoni, il-valur totali tat-transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn it-taxxi u tnaqqis u l-valur ta’ kwalunkwe transazzjonijiet eżenti.” |
8 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 ta’ din id-direttiva jaqra kif ġej: “L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.” |
9 |
L-Artikolu 287 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi: “L-Istati Membri li aderew wara l-1 ta’ Jannar 1978 jistgħu jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla mill-eqwivalenti f’munita nazzjonali ta’ l-ammonti li ġejjin bir-rata tal-kambju fil-ġurnata ta’ adeżjoni tagħhom: [...]
|
Id-dritt Rumen
10 |
L-Artikolu 141 tal-Liġi Nru 571/2003 li tistabbilixxi l-Kodiċi tat-taxxi (Legea nr. 571/2003 privind Codul fiscal, Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 927 tat-23 ta’ Diċembru 2003, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-taxxi”), li jirrigwarda l-eżenzjonijiet għat-tranżazzjonijiet imwettqa ġewwa l-pajjiż, kien jipprovdi: “(1) It-tranżazzjonijiet li ġejjin, li huma ta’ interess ġenerali, għandhom ikunu eżenti mill-[VAT]:
|
11 |
L-Artikolu 141 tal-Kodiċi tat-taxxi, kif emendat bil-Liġi Nru 343/2006 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 662 tal-1 ta’ Awwissu 2006), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007: “(1) It-tranżazzjonijiet li ġejjin, li huma ta’ interess ġenerali, għandhom ikunu eżenti mit-taxxa:
|
12 |
Skont l-Artikolu 152 tal-Kodiċi tat-taxxi, kif emendat bil-Liġi Nru 343/2006: “(1) Persuna taxxabbli stabbilita fir-Rumanija, li l-fatturat annwali tagħha, iddikjarat jew imwettaq, huwa iktar baxx mil-limitu ta’ EUR 35000 [...] tista’ titlob l-eżenzjoni mit-taxxa, imsejħa iktar ’il quddiem l-‘iskema speċjali ta’ eżenzjoni’, għat-tranżazzjonijiet previsti fl-Artikolu 126(1) [...]. [...] (6) Persuna taxxabbli li tibbenefika mill-iskema speċjali ta’ eżenzjoni u li l-fatturat tagħha, kif previst fil-paragrafu 2, huwa ogħla minn jew ekwivalenti għal-limitu għall-eżenzjoni matul sena kalendarja għandha titlob li tiġi identifikata għall-finijiet tal-VAT, skont l-Artikolu 153, f’terminu ta’ għaxart ijiem mid-data li fiha jintlaħaq jew jinqabeż l-imsemmi limitu. [...] L-iskema speċjali ta’ eżenzjoni tapplika sad-data ta’ identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT, skont l-Artikolu 153. Jekk il-persuna taxxabbli inkwistjoni ma titlobx li tiġi identifikata jew titlob li tiġi identifikata tardivament għall-finijiet tal-VAT, l-awtoritajiet fiskali kompetenti jkollhom id-dritt li jimponu fuqha obbligi ta’ ħlas tat-taxxa u ta’ obbligi anċillari relatati, mid-data li fiha hija kellha tiġi identifikata għall-finijiet tal-VAT, skont l-Artikolu 153. [...]” |
13 |
L-Artikolu 153 tal-Kodiċi tat-taxxi, kif emendat bil-Liġi Nru 343/2006, jaqra kif ġej: “(1) Persuna taxxabbli stabbilita fir-Rumanija, [...] u li twettaq jew li għandha l-intenzjoni li twettaq attività ekonomika li tinvolvi tranżazzjonijiet taxxabbli u/jew eżenti mill-VAT bi dritt għal tnaqqis għandha titlob lill-awtorità fiskali kompetenti li tiġi identifikata għall-finijiet tal-VAT, kif ġej:
(7) Meta persuna obbligata titlob li tiġi identifikata, skont il-paragrafi 1, 2, 4 jew 5, ma tressaqx tali talba, l-awtoritajiet fiskali kompetenti għandhom iwettqu ex officio l-identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT ta’ din il-persuna. [...]” |
14 |
Ir-Regolament Nru 44/2004, tat-22 ta’ Jannar 2004, li japprova l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Liġi Nru 571/2003 li tistabbilixxi l-Kodiċi tat-taxxi (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 112 tas-6 ta’ Frar 2004), fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2009, kien jipprovdi fl-Anness tiegħu: “Modalitajiet ta’ applikazzjoni: [...]
|
15 |
Ir-Regolament Nru 1620/2009, tad-29 ta’ Diċembru 2009 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 927 tal-31 ta’ Diċembru 2009), issupplimenta u emenda l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Kodiċi tat-taxxi stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2004. Mill-1 ta’ Jannar 2010, dawn il-modalitajiet jipprovdu: “Modalitajiet ta’ applikazzjoni:
[...]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 |
Wara li saret verifika fiskali, l-amministrazzjoni fiskali, fix-xahar ta’ Mejju 2011, talbet mingħand il-klinika veterinarja l-ħlas tal-VAT, flimkien ma’ interessi moratorji u ma’ interessi, fir-rigward ta’ servizzi ta’ mediċina veterinarja li hija kienet ipprovdiet bejn l-1 ta’ Ottubru 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2010. |
17 |
Il-klinika veterinarja kkontestat din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunalul Maramureș (Qorti Reġjonali ta’ Maramureș) għar-raġuni li, sal-1 ta’ Jannar 2010, il-leġiżlazzjoni Rumena kienet teżenta dawn l-attivitajiet mill-VAT jew, għall-inqas, kien jeżisti dubju f’dan ir-rigward li kien biss ir-Regolament Nru 1620/2009, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010, li ppermetta li jitneħħa. |
18 |
Min-naħa l-oħra, l-amministrazzjoni fiskali ssostni li din l-eżenzjoni ma kinitx għadha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 343/2006 li ħassar l-inklużjoni tal-attivitajiet mediċi veterinarji mil-lista tas-servizzi eżenti mill-VAT. Barra minn hekk, din l-amministrazzjoni ssostni li r-Regolament Nru 1620/2009, fi kwalunkwe każ, ma setax jemenda regola ġuridika nazzjonali ta’ livell ogħla, jiġifieri test ta’ livell leġiżlattiv, u li dan ir-regolament sempliċement ikkjarifika s-sistema legali applikabbli. |
19 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-obbligi imposti fuq l-awtoritajiet fiskali, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 u b’mod partikolari dwar il-kwistjoni jekk dan l-artikolu jimponix fuq l-amministrazzjoni fiskali li tidentifika persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT ex officio, malli l-persuna kkonċernata tkun bagħtet dikjarazzjonijiet fiskali li juru li d-dħul tagħha huwa ogħla mil-limitu għall-eżenzjoni mill-VAT. |
20 |
Dik il-qorti tistaqsi wkoll jekk il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludix li jintalab il-ħlas tal-VAT f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn l-amministrazzjoni fiskali ma osservatx dan l-obbligu ta’ identifikazzjoni ex officio tal-persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT u lanqas, fil-prattika, ma applikat din it-taxxa għas-servizzi ta’ mediċina veterinarja matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2010. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-assenza ta’ pubblikazzjoni bir-Rumen tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (122/87, EU:C:1988:256) matul l-istess perijodu. |
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Maramureș iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
22 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 jimponix fuq l-Istati Membri li jwettqu ex officio l-identifikazzjoni ta’ persuna taxxabbli bil-għan li tinġabar il-VAT unikament abbażi ta’ dikjarazzjonijiet fiskali, differenti minn dawk relatati ma’ din it-taxxa, meta dawn kienu jippermettu li jiġi kkonstatat li din il-persuna taxxabbli qabżet il-limitu għall-eżenzjoni mill-imsemmija taxxa. |
23 |
Għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont l-Artikolu 287(18) tad-Direttiva 2006/112, li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, ir-Rumanija hija awtorizzata teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 35000. |
24 |
Min-naħa l-oħra, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 jispeċifika li l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa sabiex jiżguraw il-ġbir korrett tal-VAT u sabiex ma ssirx frodi, suġġett għall-osservanza tal-ugwaljanza fit-trattament bejn tranżazzjonijiet domestiċi u tranżazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli, sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri. |
25 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat minn din id-dispożizzjoni, kif ukoll mill-Artikoli 2 u 250(1) tad-Direttiva 2006/112 u mill-Artikolu 4(3) TUE, jirriżulta li kull Stat Membru għandu l-obbligu li jadotta l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi kollha xierqa sabiex jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorju tiegħu u sabiex tiġi miġġielda l-frodi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑132/06, EU:C:2008:412, punti 37 u 46, u Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 25). |
26 |
Minn dan jirriżulta b’mod partikolari li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet tal-persuni taxxabbli, il-kontijiet ta’ dawn tal-aħħar u d-dokumenti l-oħra rilevanti kif ukoll li jikkalkolaw u li jiġbru t-taxxa dovuta (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑132/06, EU:C:2008:412, punt 37; Profaktor Kulesza, Frankowski, Jóźwiak, Orłowski, C‑188/09, EU:C:2010:454, punt 21, u Enel Maritsa Iztok 3, C‑107/10, EU:C:2011:298, punt 52). |
27 |
Madankollu, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistax jiġi dedott li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jidentifikaw persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT ex officio minn meta jintbagħtu dikjarazzjonijiet fiskali differenti minn dawk relatati ma’ din it-taxxa iżda li jippermettu li jiġi kkonstatat li jkun inqabeż il-limitu għall-eżenzjoni minn din tal-aħħar. |
28 |
Fl-ewwel lok, għalkemm l-Artikolu 214(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli għall-finijiet tal-VAT, jibqa’ l-fatt li, skont l-Artikolu 213(1) ta’ din id-direttiva, hija l-persuna kkonċernata li għandha tiddikjara meta tibda, tbiddel jew twaqqaf l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li mill-kliem tal-Artikolu 214(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta jadottaw miżuri sabiex jiżguraw l-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli għall-finijiet tal-VAT (ara s-sentenza Ablessio, C‑527/11, EU:C:2013:168, punt 22). |
29 |
Fit-tieni lok, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw l-osservanza tal-obbligi li huma suġġetti għalihom il-persuni taxxabbli, filwaqt li f’dan ir-rigward jibbenefikaw minn ċerta flessibbiltà f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-mod kif jużaw il-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑132/06, EU:C:2008:412, punt 38, u Profaktor Kulesza, Frankowski, Jóźwiak, Orłowski, C‑188/09, EU:C:2010:454, punt 22), bil-kundizzjoni li jiżguraw ġbir effettiv tar-riżorsi proprji tal-Unjoni u f’dan is-sens li ma joħolqux differenzi sinjifikattivi fil-mod kif jiġu ttrattati l-persuni taxxabbli, kemm fi ħdan wieħed mill-Istati Membri kif ukoll fl-Istati Membri kollha (sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑132/06, EU:C:2008:412, punt 39). |
30 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għalkemm id-Direttiva 2006/112 teżiġi li l-Istati Membri jieħdu l-miżura kollha meħtieġa sabiex jidentifikaw, jekk ikun il-każ ex officio, persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT, hija ma timponix fuqhom li jadottaw miżuri leġiżlattivi u amministrattivi ta’ natura li jiġi żgurat li, fil-ġestjoni tad-dikjarazzjonijiet fiskali differenti minn dawk relatati mal-VAT, tiġi vverifikata simultanjament l-osservanza tal-obbligi tal-persuna taxxabbli fir-rigward ta’ din it-taxxa, meta barra minn hekk tali dikjarazzjonijiet ma jinkludux neċessarjament id-data kollha li tista’ tiġi pprovduta fil-kuntest ta’ dikjarazzjoni tal-VAT skont l-Artikolu 250(1) tad-Direttiva 2006/112 u li hija meħtieġa sabiex tiġi stabbilita din it-taxxa. |
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 ma jimponix fuq l-Istati Membri li jwettqu ex officio l-identifikazzjoni ta’ persuna taxxabbli bil-għan li tinġabar il-VAT unikament abbażi ta’ dikjarazzjonijiet fiskali, differenti minn dawk relatati ma’ din it-taxxa, meta dawn kienu jippermettu li jiġi kkonstatat li din il-persuna taxxabbli qabżet il-limitu għall-eżenzjoni mill-imsemmija taxxa. |
Fuq it-tieni domanda
32 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludux li amministrazzjoni fiskali nazzjonali tiddeċiedi li servizzi ta’ mediċina veterinarja jkunu suġġetti għall-VAT f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali. |
33 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu osservati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda wkoll mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tas-setgħat li jagħtuhom id-direttivi tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Gemeente Leusden u Holin Groep, C‑487/01 u C‑7/02, EU:C:2004:263, punt 57; “Goed Wonen”, C‑376/02, EU:C:2005:251, punt 32, u Elmeka NE, C‑181/04 sa C‑183/04, EU:C:2006:563, punt 31). |
34 |
Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif iddeċidiet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan jirriżulta b’mod partikolari li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tkun ċerta u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għall-individwi, filwaqt li dan ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali japplika b’rigorożità partikolari fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li jista’ jkollha konsegwenzi finanzjarji, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom (sentenza L‑Irlanda vs Il‑Kummissjoni, 325/85, EU:C:1987:546, punt 18). |
35 |
Bl-istess mod, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet legali tal-Istati Membri għandhom jiġu fformulati b’mod inekwivoku li jippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom b’mod ċar u preċiż u li l-qrati nazzjonali jiżguraw li jiġu rrispettati (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 257/86, EU:C:1988:324, punt 12). |
36 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlatur Rumen ħassar ir-riferiment għall-kura veterinarja mil-lista tat-tranżazzjonijiet eżenti mill-VAT mid-data ta’ adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, l-1 ta’ Jannar 2007, filwaqt li semma f’dan ir-rigward il-ħtieġa li tiġi żgurata l-konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. |
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, saħansitra indipendentement mill-assenza ta’ pubblikazzjoni bir-Rumen tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (122/87, EU:C:1988:256) li ssemmi l-applikazzjoni ta’ din it-taxxa għas-servizzi ta’ kura veterinarja, għandu jiġi kkonstatat li sistema legali bħal dik deskritta preċedentement tidher li hija suffiċjentement ċara u prevedibbli f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-VAT għal dawn is-servizzi matul il-perijodu kkonċernat mill-fatti fil-kawża prinċipali, ħaġa li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat b’mod partikolari li l-VAT hija applikabbli b’mod ġenerali u li huma biss it-tranżazzjonijiet li huma eżenti espressament minnha li jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Minn dan jirriżulta li s-sempliċi tħassir ta’ tranżazzjoni mil-lista tat-tranżazzjonijiet li jibbenefikaw minn eżenzjoni huwa suffiċjenti, mill-perspettiva tar-rekwiżit ta’ ċertezza legali, sabiex tali operazzjoni tkun inkluża fost it-tranżazzjonijiet taxxabbli. |
39 |
Huwa minnu li mill-prinċipju ta’ ċertezza legali jirriżulta wkoll li s-sitwazzjoni fiskali tal-persuna taxxabbli ma tistax titqiegħed inkwistjoni b’mod indefinittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fatorie, C‑424/12, EU:C:2014:50, punt 46). |
40 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jipprekludix prassi tal-awtoritajiet fiskali nazzjonali li tikkonsisti fil-fatt li, waqt it-terminu ta’ dekadenza, jirrevokaw deċiżjoni li permezz tagħha huma taw lill-persuna taxxabbli dritt għal tnaqqis tal-VAT u, wara verifika ġdida, jitolbu mingħandha l-ħlas ta’ din it-taxxa u ta’ interessi moratorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fatorie, C‑424/12, EU:C:2014:50, punt 51). |
41 |
Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-amministrazzjoni fiskali tikklassifika mill-ġdid tranżazzjoni partikolari bħala attività ekonomika suġġetta għall-VAT, waqt it-terminu ta’ preskrizzjoni, ma jistax, minnu nnifsu, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi oħra, jikser dan il-prinċipju. |
42 |
Konsegwentement, ma jistax jiġi allegat validament li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-amministrazzjoni fiskali, waqt it-terminu ta’ preskrizzjoni, tagħmel aġġustament tal-VAT li jirrigwarda servizzi ta’ mediċina veterinarja diġà pprovduti, li kellhom jiġu suġġetti għal din it-taxxa. |
43 |
Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, id-dritt li jiġi invokat dan il-prinċipju japplika għal kull individwu li awtorità amministrattiva tkun ħolqitlu aspettattivi bbażati fuq garanziji preċiżi li hija tkun tatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Europäisch-Iranische Handelsbank vs Il‑Kunsill, C‑585/13 P, EU:C:2015:145, punt 95). |
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat jekk l-atti ta’ awtorità amministrattiva jkunux ħolqu aspettattiva raġonevoli f’moħħ operatur ekonomiku prudenti u attent u, jekk dan ikun il-każ, għandha tiġi stabbilita n-natura leġittima ta’ din l-aspettattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elmeka, C‑181/04 sa C‑183/04, EU:C:2006:563, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
Madankollu, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prassi amministrattiva tal-awtoritajiet fiskali nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-issuġġettar tal-veterinarji għall-VAT ma tidhirx li hija ta’ natura li turi li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti fil-kawża prinċipali. |
46 |
B’mod partikolari, il-fatt li l-awtoritajiet fiskali nazzjonali ma ssuġġettawx, b’mod sistematiku, is-servizzi ta’ mediċina veterinarja għall-VAT matul il-perijodu kkonċernat mill-fatti fil-kawża prinċipali, minbarra li ġie kkontestat mill-Gvern Rumen, ma jistax a priori jkun suffiċjenti, ħlief f’ċirkustanzi partikolari ħafna, sabiex joħloq, f’moħħ operatur ekonomiku normalment prudenti u attent, aspettattiva raġonevoli li din it-taxxa ma tiġix applikata għal tali servizzi meta, kif diġà ssemma iktar ’il fuq, l-imsemmija taxxa tapplika b’mod ġenerali u s-servizzi ta’ mediċina veterinarja kienu ġew irtirati mil-lista tat-tranżazzjonijiet eżenti mill-1 ta’ Jannar 2007. |
47 |
Fil-fatt, tali prassi, minkejja li hija ta’ dispjaċir, ma tistax waħedha titqies li hija ta’ natura li tagħti lill-persuni taxxabbli kkonċernati garanziji preċiżi f’dan is-sens. |
48 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludux li amministrazzjoni fiskali nazzjonali tiddeċiedi li servizzi ta’ mediċina veterinarja jkunu suġġetti għall-VAT f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, meta din id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq regoli ċari u l-prassi ta’ din l-amministrazzjoni ma kinitx ta’ natura li toħloq, f’moħħ operatur ekonomiku prudenti u attent, aspettattiva raġonevoli li din it-taxxa ma tiġix applikata għal tali servizzi, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
Fuq l-ispejjeż
49 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.