EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0088
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 16 July 2015.#European Commission v European Parliament and Council of the European Union.#Actions for annulment — Regulation (EU) No 1289/2013 — Article 1(1) and (4) — Regulation (EC) No 539/2001 — Article 1(4)(f) — Article 290 TFEU — Suspension of exemption from the visa requirement — Insertion of a footnote — Amendment of the legislative act.#Case C-88/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Lulju 2015.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Regolament (UE) Nru 1289/2013 – Artikolu 1(1) u (4) – Regolament (KE) Nru 539/2001 – Artikolu 1(4)(f) – Artikolu 290 TFUE – Sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża – Inklużjoni ta’ nota ta’ qiegħ il-paġna – Emenda tal-att leġiżlattiv.
Kawża C-88/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Lulju 2015.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Regolament (UE) Nru 1289/2013 – Artikolu 1(1) u (4) – Regolament (KE) Nru 539/2001 – Artikolu 1(4)(f) – Artikolu 290 TFUE – Sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża – Inklużjoni ta’ nota ta’ qiegħ il-paġna – Emenda tal-att leġiżlattiv.
Kawża C-88/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:499
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
16 ta’ Lulju 2015 ( *1 )
“Rikors għal annullament — Regolament (UE) Nru 1289/2013 — Artikolu 1(1) u (4) — Regolament (KE) Nru 539/2001 — Artikolu 1(4)(f) — Artikolu 290 TFUE — Sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża — Inklużjoni ta’ nota ta’ qiegħ il-paġna — Emenda tal-att leġiżlattiv”
Fil-Kawża C‑88/14,
li għandna bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2014,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Smulders, B. Martenczuk u G. Wils, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. Visaggio u A. Troupiotis kif ukoll minn A. Pospíšilová Padowska, bħala aġenti,
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn K. Pleśniak u K. Michoel, bħala aġenti,
konvenuti,
sostnuti minn:
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, D. Hadroušek u J. Škeřík, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts (Relatur), Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz u J.-C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, M. Berger, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Marzu 2015,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Mejju 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tal-Artikolu 1(1) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1289/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 347, p. 74), sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-Kummissjoni setgħa ddelegata fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE u mhux setgħa ta’ implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE. |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001
2 |
Il-premessa 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001, tal-15 ta’ Marzu 2001, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħjom [tagħhom] għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU L 182, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 539/2001”), hija fformulata kif ġej: “Id-determinazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għall-ħtieġa tal-viża, u dawk eżentati minnha, hija rregolata minn kriterja meqjusa, bl-assessjar tal-każ b’każ tal-varjetà tal-kriterja li tirrigwardja, inter alia, l-immigrazzjoni illegali, l-istrateġija u s-sigurtà publika, u tar-relazzjonijiet esterni ta’ l-Unjoni Ewropea ma pajjiżi terzi, konsiderazzjoni għandha wkoll tkun mogħtija għall-implikazzjonijiet ta’ l-għaqda u r-reċipriċità. Id-dispożizzjoni għandha għalhekk għall-mekkaniżmu tal-Komunità li jiffaċilita dan il-prinċipju ta’ reċiproċità li għandu jkun implementat jekk wieħed mill-pajjiżi terzi inklużi fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament jiddieċedi li jagħmel liċ-ċittadini ta’ wieħed jew aktar Stati Membri li jkunu suġġetti għall-obbligu tal-viża.” |
3 |
L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 539/2001 jipprovdi: “1. Iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi elenkati fil-lista ta’ l-Anness I għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom il-pussess ta’ viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri. [...] 2. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi fuq il-lista fl-Anness II għandhom ikunu eżentati mill-ħtieġa dikjarata fil-paragrafu1 għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. [...]” |
4 |
Fl-Artikolu 1(4) tiegħu, l-istess regolament kien jipprovdi mekkaniżmu ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ reċiproċita li jista’ jidħol fis-seħħ b’risposta għall-istabbiliment, minn pajjiż terz li jkun jinsab fil-lista tal-Anness II tiegħu, ħtieġa ta’ viża fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stat Membru. |
Ir-Regolament Nru 1289/2013
5 |
L-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 1289/2013 jemenda l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 539/2001 bil-mod kif ġej: “Fejn pajjiż terz elenkat fl-Anness II japplika ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ għall-anqas Stat Membru wieħed, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
[...]
[...]
[...]” |
6 |
L-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1289/2013 jintroduċi, fir-Regolament Nru 539/2001, l-Artikolu 4b, li jippreċiża l-kundizzjonijiet li hija suġġetta għalihom is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta dawn l-atti ddelegati kkonferita lilha permezz tal-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat bir-Regolament Nru 1289/2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 539/2001, kif emendat”). L-Artikolu 4b(2), (3) u (5) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, jipprovdi: “2. Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti ddelegati msemmija [fl-Artikolu 1(4)(f)] għandha tkun konferita fuq il-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin minn 9 ta’ Jannar 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ tul ta’ żmien identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu. 3. Id-delega tas-setgħa msemmija [fl-Artikolu 1(4)(f)] tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. [...] [...] 5. Att iddelegat adottat skont [l-Artikolu 1(4)(f)] għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ erba’ xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.” |
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
7 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
8 |
Sussidjarjament, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-imsemmija dispożizzjonijiet huma inseparabbli mill-kumplament tar-Regolament Nru 1289/2013, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla dan ir-regolament fl-intier tiegħu. |
9 |
Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla parzjalment jew totalment ir-Regolament Nru 1289/2013, il-Kunsill jitlob, sussidjarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm l-effetti tad-dispożizzjonijiet annullati kif ukoll l-effetti tal-atti kollha adottati abbażi tagħhom, u dan sad-dħul fis-seħħ, fi żmien raġonevoli, ta’ att ġdid intiż li jissostitwixxihom. |
10 |
Ir-Repubblika Ċeka ġiet aċċettata sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-konvenuti. |
Fuq ir-rikors
11 |
Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tiżviluppa motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE. Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, b’mod żbaljat jagħtiha setgħa ddelegata. Għalkemm it-talbiet tar-rikors huma wkoll intiżi għall-annullament tal-Artikolu 4b ta’ dan ir-regolament, din it-talba tirriżulta, skont il-Kummissjoni, mir-rabta indissoċjabbli li teżisti bejn dan l-artikolu, li jippreċiża l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta s-setgħa ddelegata mogħtija lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 1(4)(f) tal-imsemmi regolament, minn naħa, u din l-aħħar dispożizzjoni, min-naħa l-oħra. |
Fuq l-ammissibbiltà ta ’ argument imqajjem għal-ewwel darba fir-replika
12 |
Il-Kunsill jeċċepixxi l-inammissibbiltà tal-argument tal-Kummissjoni, ifformulat għall-ewwel darba fir-replika tagħha, li jgħid li, jekk wieħed jippreżupponi li l-leġiżlatur tal-Unjoni jgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni meta jkun hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk miżura tikkostitwixxix “emenda” tal-att leġiżlattiv ikkunsidrat, fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE, l-għoti ta’ setgħa ddelegata lill-Kummissjoni fl-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, jibbaża ruħu fuq żball manifest. |
13 |
Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fil-mori tal-kawża, sakemm ma jkunx ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, argument li jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv imqajjem preċedentement, direttament jew b’mod impliċitu fir-rikors promotur għandu jitqies li huwa ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, EU:C:2005:768, punti 85 u 86, kif ukoll Naipes Heraclio Fournier vs UASI, C‑311/05 P, EU:C:2007:572, punti 58 u 59). |
14 |
Issa, l-argument invokat mill-Kummissjoni fir-replika tagħha jaqa’ taħt il-motiv imsemmi fir-rikors ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE u jamplifikah. Fil-fatt, dan l-argument huwa intiż li jissostanzja dan il-motiv li għandu l-għan li jikkontesta l-legalità tal-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, sa fejn din id-dispożizzjoni tagħti lill-Kummissjoni setgħa ddelegata fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE. Għaldaqstant, l-imsemmi argument ma jistax jitqies li huwa motiv ġdid. |
15 |
B’hekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda. |
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
16 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, jikser l-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE sa fejn dan jagħti, b’mod żbaljat, setgħa ddelegata. |
17 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok hija ssostni li att adottat abbażi tal-Artikolu 1(4)(f) tal-imsemmi regolament ma jissupplimentax lil dan tal-aħħar. Tali att jidħol fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-istess regolament. Fil-fatt, huwa jkun applikabbli għal sitwazzjoni speċifika tar-regoli diġà msemmija fl-att leġiżlattiv ikkunsidrat. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li din id-dispożizzjoni tagħtiha sempliċement setgħa dgħajfa ħafna, saħansitra ineżistenti. |
18 |
Jekk l-att adottat abbażi tal-Artikolu 1(4)(e) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, jiġi rrikonoxxut bħala miżura ta’ implementazzjoni ta’ dan l-att leġiżlattiv, l-att imsemmi fl-Artikolu 1(4)(f) ta’ dan ir-regolament għandu a fortiori jirċievi l-istess kwalifikazzjoni. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi abbażi tal-Artikolu 1(4)(e) tal-imsemmi regolament tibbenefika minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni li jidher li ma jkollhiex meta hija tadotta l-att iddelegat imsemmi fl-Artikolu 1(4)(f) tal-istess regolament. |
19 |
Fit-tieni lok, att adottat abbażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ma jwassalx għal emenda tal-att leġiżlattiv fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE. |
20 |
Il-Kummissjoni ssostni li emenda ta’ att leġiżlattiv tippreżupponi li l-elementi li huma s-suġġett ta’ din l-emenda diġà jkunu jinsabu f’dan l-att. Emenda fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE għandha l-effett li tibdel il-kontenut normattiv tal-att leġiżlattiv. Issa, l-adozzjoni ta’ att abbażi tal-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, ma twassalx għat-tneħħija tar-referenza għall-pajjiż terz ikkonċernat fl-Anness II ta’ dan ir-regolament u l-introduzzjoni tagħha fl-Anness I tal-imsemmi regolament. Din l-aħħar emenda tal-att leġiżlattiv meqjus għandha, skont l-Artikolu 1(4)(h) tal-istess regolament, titwettaq permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, ma fih ebda lista tal-pajjiżi terzi li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ sospensjoni, li l-att iddelegat tagħha previst fl-Artikolu 1(4)(f) ta’ dan ir-regolament jibdel il-kontenut normattiv. Għall-kuntrarju, dawn il-pajjiżi għandhom jiġu identifikati b’applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-imsemmi regolament. L-att iddelegat li, abbażi ta’ dawn il-kriterji, jissospendi, għal żmien limitat, l-applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-ħtieġa ta’ viża, jimplementa sempliċement l-att leġiżlattiv ikkunsidrat mingħajr ma jissupplimentah jew jemendah. |
21 |
Anki jekk l-introduzzjoni ta’ nota ta’ qiegħ il-paġna f’att leġiżlattiv tikkostitwixxi, bħala prinċipju, emenda li tista’ tkun is-suġġett ta’ att iddelegat, il-Kummissjoni tqis li, f’dan il-każ, l-introduzzjoni tan-nota ta’ qiegħ il-paġna prevista mill-imsemmija dispożizzjoni tikkostitwixxi strument purament tekniku użat b’mod abbużiv sabiex l-att ta’ implementazzjoni jingħata d-dehra ta’ att iddelegat. |
22 |
Barra minn hekk, l-introduzzjoni tan-nota ta’ qiegħ il-paġna tmur ukoll kontra r-rieda li l-mekkaniżmu ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ reċiproċità jingħata natura awtomatika u toħloq numru kbir ta’ diffikultajiet fil-funzjonament konkret ta’ dan il-mekkaniżmu. Għalhekk, fl-ipoteżi prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, ta’ preżentazzjoni ta’ proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax b’liema mod l-emenda tan-nota ta’ qiegħ il-paġna prevista hemmhekk kellha titwettaq u b’liema mod din in-nota kellha titħassar fl-ipoteżi fejn din il-proposta leġiżlattiva ma titwettaqx. Barra minn hekk, fl-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 1(4)(j) ta’ dan ir-regolament, ta’ tneħħija tal-ħtieġa ta’ viża mill-pajjiż terz ikkonċernat, l-imsemmi regolament ma jippreċiżax il-proċedura li skontha n-nota ta’ qiegħ il-paġna mdaħħla abbażi tal-Artikolu 1(4)(f) tal-imsemmi regolament għandha titneħħa. |
23 |
Fit-tielet lok, fir-replika tagħha l-Kummissjoni ssostni li jekk wieħed jippreżupponi li l-leġiżlatur tal-Unjoni jgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni meta jkollu jiġi ddeterminat jekk miżura tikkostitwixxix “emenda” tal-att leġiżlattiv inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE, l-għoti ta’ setgħa ddelegata lill-Kummissjoni fl-Artikolu 1(4)(f) tal-istess Regolament Nru 539/2001 ikun jirriżulta minn żball manifest. |
24 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett hija tispjega li s-sensittività politika jew il-gravità ta’ att adottat abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni hija barranija għall-kwistjoni ta’ jekk dak l-att jemendax l-att leġiżlattiv ikkunsidrat, fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE. |
25 |
It-tieni nett, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali ristretta biss, jew saħansitra ineżistenti, tqum il-kwistjoni ta’ x’jista’ jkun l-għan tad-dritt ta’ oġġezzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu skont l-Artikolu 290 TFUE. L-imsemmi dritt ta’ oġġezzjoni f’dan il-każ ikun simili għal dritt ta’ veto għal miżura ta’ implementazzjoni, u ma jkunx konformi mal-għan tal-Artikolu 290 TFUE. |
26 |
It-tielet nett, il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 4b(2) u (3) tal-imsemmi regolament, it-tul tad-delega ta’ setgħa inkwistjoni hija limitata ratione temporis u din id-delega tista’ tiġi rrevokata. Madankollu, peress li l-adozzjoni tal-att iddelegat previst fl-Artikolu 1(4)(f) tal-istess regolament tikkostitwixxi parti integrali mill-mekkaniżmu globali tal-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ reċiproċità, stabbilit bl-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, il-Kummissjoni ssostni li l-imsemmi mekkaniżmu ma jistax jibqa’ jiffunzjona wara l-iskadenza taż-żmien tad-delega inkwistjoni jew wara r-revoka tagħha. |
27 |
Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Repubblika Ċeka, isostnu li l-Artikolu 1(4)(f) tal-imsemmi Regolament Nru 539/2001 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li temenda l-istess regolament fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE, Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma wettaqx żball manifest u lanqas ma aġixxa b’mod irraġonevoli meta ta setgħa ddelegata lill-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, huwa baqa’ fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
28 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali meta jiddeċiedi li jagħti lill-Kummissjoni setgħa ddelegata skont l-Artikolu 290(1) TFUE jew setgħa ta’ implementazzjoni skont l-Artikolu 291(2) TFUE (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 40). Madankollu, din is-setgħa diskrezzjonali għandha tiġi eżerċitata bl-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE. |
29 |
Fir-rigward tal-għoti ta’ setgħa ddelegata, mill-Artikolu 290(1) TFUE jirriżulta li att leġiżlattiv jista’ jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali li jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv. Skont it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, l-għanijiet, il-kontenut, il-portata kif ukoll it-tul tad-delega ta’ setgħa għandhom jiġu ddefiniti b’mod espress fl-att leġiżlattiv li jagħti tali delega. Din ir-rekwiżit jimplika li l-għoti ta’ setgħa ddelegata huwa intiż għall-adozzjoni ta’ regoli li jagħmlu parti mill-qafas regolatorju kif iddefinit mill-att leġiżlattiv bażiku (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 38). |
30 |
Fir-rigward tal-għoti ta’ setgħa ta’ implementazzjoni, l-Artikolu 291(2) TFUE jistipula li atti tal-Unjoni li huma ġuridikament vinkolanti għandhom jagħtu tali setgħa lill-Kummissjoni jew, f’każijiet speċifiċi ġġustifikati b’mod xieraq u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 TUE u 26 TUE, lill-Kunsill, meta jkunu neċessarji kundizzjonijiet uniformi ta’ implementazzjoni ta’ dawn l-atti. Fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ implementazzjoni mogħtija lilha, l-istituzzjoni kkonċernata għandha tispeċifika l-kontenut ta’ att leġiżlattiv, sabiex tiżgura l-implementazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet uniformi fl-Istati Membri kollha (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 39). |
31 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk jirriżulta li l-Kummissjoni, meta teżerċita setgħa ta’ implementazzjoni, la tista’ temenda u lanqas tissupplimenta l-att leġiżlattiv, anki fir-rigward tal-elementi mhux essenzjali tiegħu (sentenza Il-Parlament vs Il-Kummissjoni, C‑65/13, EU:C:2014:2289, punt 45). |
32 |
Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, la l-eżistenza u lanqas il-portata tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mill-att leġiżlattiv ma huma rilevanti għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk l-att li għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni jaqax taħt l-Artikolu 290 TFUE jew taħt l-Artikolu 291 TFUE. Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 290(1) TFUE jirriżulta li l-legalità tal-għażla mwettqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti setgħa ddelegata lill-Kummissjoni tiddependi biss fuq il-kwistjonijiet ta’ jekk l-atti li din l-istituzzjoni tintalab tadotta abbażi ta’ dan l-għoti humiex ta’ portata ġenerali u jekk huma jissupplimentawx jew jemendawx elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv. |
33 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, jagħtiha s-setgħa li tadotta atti ta’ portata ġenerali li jirrigwardaw biss elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv. Barra minn hekk, il-konvenuti ma jikkontestawx il-fondatezza tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li dawn l-atti ma humiex ta’ natura li jissupplimentaw l-att leġiżlattiv inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni baqax fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, imfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, meta fl-Artikolu 1(4)(f) tal-imsemmi regolament ta lill-Kummissjoni s-setgħa li “temenda”, fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE, il-kontenut normattiv tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, C‑427/12, EU:C:2014:170, punti 40 u 52). |
35 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 5 tar-Regolament Nru 539/2001, dan tal-aħħar huwa intiż li jistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ reċiproċità fil-każ fejn wieħed mill-pajjiżi terzi li jinsabu fl-Anness II ta’ dan ir-regolament jiddeċiedi li jissuġġetta għall-ħtieġa ta’ viża liċ-ċittadini ta’ Stat Membru wieħed jew iktar. Dan il-mekkaniżmu essenzjalment jinkludi tliet stadji. |
36 |
L-Artikolu 1(4)(e) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, jipprovdi, bħala l-ewwel risposta tal-Unjoni għall-azzjoni tal-pajjiż terz ikkonċernat, l-adozzjoni ta’ att ta’ implementazzjoni mill-Kummissjoni li jissospendi, għal tul ta’ sitt xhur li jistgħu jiġġeddu b’perijodi ġodda ta’ sitt xhur, l-eżenzjoni tal-viża fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat. |
37 |
L-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, jirrigwarda t-tieni stadju tal-mekkaniżmu ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ reċiproċità. Meta, minkejja s-sospensjoni selettiva tal-eżenzjoni ta’ viża li tirriżulta mill-att ta’ implementazzjoni adottat abbażi tal-Artikolu 1(4)(e) ta’ dan ir-regolament, il-pajjiż terz ikkonċernat iżomm ir-rekwiżit tiegħu ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed, l-Artikolu 1(4)(f) tal-imsemmi regolament jipprevedi l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ att iddelegat li jissospendi, fir-rigward taċ-ċittadini kollha ta’ dan il-pajjiż terz, għal perijodu ta’ tnax-il xahar, l-eżenzjoni tal-ħtieġa ta’ viża li tkun tirriżulta mit-tniżżil tiegħu fl-Anness II tal-istess regolament u jintroduċi f’dan l-Anness “nota f’qiegħ il-paġna li tindika li l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża hija sospiża rigward [l-imsemmi] pajjiż terz u li tispeċifika l-perijodu ta’ dik is-sospensjoni”. |
38 |
It-tielet stadju tal-mekkaniżmu ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ reċiproċità jikkonċerna l-istabbiliment mill-ġdid permanenti tal-ħtieġa ta’ viża, u għaldaqstant it-trasferiment tar-referenza għall-pajjiż terz ikkonċernat mill-Anness II tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, għall-Anness I tiegħu, li jimplika l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Huwa għalhekk li l-Artikolu 1(4)(h) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, jekk fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tal-att iddelegat il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta leġiżlattiva biex temenda dan ir-regolament sabiex tali trasferiment iseħħ. Jekk tali inizjattiva tittieħed mill-Kummissjoni, il-perijodu ta’ sospensjoni li jirriżulta minn att adottat abbażi tal-Artikolu 1(4)(f) tal-istess regolament jiġi estiż b’sitt xhur. |
39 |
Il-mekkaniżmu ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ reċiproċità għaldaqstant huwa kkaratterizzat minn miżuri ta’ gravità u ta’ sensittività politika li dejjem qegħdin jikbru, li għalihom jikkorrispondu strumenti ta’ natura differenti. |
40 |
Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-fatt li l-att adottat fil-kuntest tal-ewwel stadju tal-mekkaniżmu ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ reċiproċità jiġi kkwalifikat bħala miżura ta’ implementazzjoni ma jistax, bħala tali, ikollu l-konsegwenza li l-att adottat fil-kuntest tat-tieni stadju tiegħu wkoll jiġi kkwalifikat bħala att ta’ implementazzjoni. |
41 |
Fit-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, jagħtix is-setgħa lill-Kummissjoni li temenda, fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE, dan ir-regolament, għandu jitfakkar li, skont l-hjArtikolu 1(1) tar-Regolament Nru 539/2001, iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi elenkati fil-lista tal-Anness I għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom il-pussess ta’ viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu fil-lista tal-Anness II tal-istess regolament għandhom ikunu eżentati minn tali ħtieġa għas-soġġorni ta’ mhux iktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum. |
42 |
Issa, att adottat abbażi tal-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, għandu l-effett li jintroduċi mill-ġdid, għal perijodu ta’ tnax-il xahar jew ta’ tmintax-il xahar, ħtieġa ta’ viża fir-rigward taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz li jkun jinsab fil-lista tal-Anness II ta’ dan ir-regolament, għas-soġġorni li, skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament, huma eżentati minn tali ħtieġa. Għal dawn iċ-ċittadini kollha, l-att adottat abbażi tal-Artikolu 1(4)(f) tal-istess regolament għaldaqstant għandu l-effett li jemenda, anki jekk temporanjament, il-kontenut normattiv tal-att leġiżlattiv meqjus. Fil-fatt, b’eċċezzjoni għan-natura temporanja tagħhom, l-effetti tal-att adottat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni huma identiċi, fuq il-punti kollha, għal dawk li jirriżultaw mit-trasferiment formali tat-tismija tal-pajjiż terz inkwistjoni mill-Anness II tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, għall-Anness I tiegħu. |
43 |
L-introduzzjoni, fl-Anness II tal-imsemmi regolament, ta’ nota’ ta’ qiegħ il-paġna ħdejn isem il-pajjiż terz ikkonċernat, prevista mill-imsemmija dispożizzjoni, tikkonferma, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jdaħħal l-att adottat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni fit-test stess tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat. |
44 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni ta lill-Kummissjoni s-setgħa li temenda l-kontenut normattiv tal-imsemmi att leġiżlattiv fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE. |
45 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kummissjoni dwar id-diffikultajiet eventwali li jirriżultaw mill-ħtieġa ta’ aġġustament ulterjuri tan-nota ta’ qiegħ il-paġna mdaħħla fl-Anness II tar-Regolament Nru 539/2001 jew li jirriżultaw mill-karatteristiċi proprji ta’ delega ta’ setgħa, bħalma huma t-tul limitat tagħha, il-possibbiltà ta’ revoka u s-setgħa ta’ oġġezzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill. |
46 |
Fil-fatt, tali diffikultajiet huma irrilevanti għall-kwistjoni ta’ jekk is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni fl-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat, hijiex intiża li temenda l-kontenut normattiv ta’ dan l-att leġiżlattiv fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE, emenda li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, tista’ biss titwettaq fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ setgħa ddelegata. |
47 |
Il-motiv waħdieni invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha konsegwentement għandu jitwarrab bħala infondat. |
48 |
Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
49 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament u mill-Kunsill. Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, għandu jiġi deċiż li r-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.