Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0362

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fit-23 ta’ Settembru 2015.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:627

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-23 ta’ Settembru 2015 ( 1 )

Kawża C‑362/14

Maximillian Schrems

vs

Data Protection Commissioner

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Ireland (qorti għolja tal-ġustizzja tal-Irlanda)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Data personali — Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 7, 8 u 47 — Direttiva 95/46/KE — Artikolu 25 — Deċiżjoni 2000/520/KE — Trasferiment ta’ data personali lejn l-Istati Uniti — Evalwazzjoni tan-natura adegwata jew le tal-livell ta’ protezzjoni — Ilment ta’ persuna fiżika li d-data tagħha ġiet ittrasferita lejn pajjiż terz — Awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni — Setgħat”

I – Introduzzjoni

1.

Bħalma kkonstatat il-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha tas-27 ta’ Novembru 2013 ( 2 ), “[i]t-trasferimenti ta’ dejta personali huma element importanti u meħtieġ tar-relazzjonijiet Trans-Atlantiċi. Dawn jiffurmaw parti integrali mill-iskambji kummerċjali min-naħa għall-oħra tal-Atlantiku inkluż għan-negozji diġitali ġodda li qed jikbru, bħall-midja soċjali jew il-cloud computing, b’ammonti kbar ta’ dejta li mill-UE jmorru lejn l-Istati Uniti” ( 3 ).

2.

L-iskambji kummerċjali huma s-suġġett tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE, tas-26 ta’ Lulju 2000, skont id-Direttiva 95/46/EC [KE] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv u li tirrigwarda mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA ( 4 ). Din id-deċiżjoni tipprovdi bażi legali għat-trasferiment tad-data personali tal-Unjoni lejn impriżi stabbiliti fl-Istati Uniti li josservaw il-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv.

3.

L-imsemmija deċiżjoni llum qiegħda tiffaċċja sfida li tikkonsisti mill-possibbiltà tal-flussi ta’ data bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti filwaqt li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni għal din id-data, bħalma jeżiġi d-dritt tal-Unjoni.

4.

Fil-fatt, reċentement għadd ta’ rivelazzjonijiet żvelaw l-eżistenza ta’ programmi Amerikani ta’ ġbir ta’ informazzjoni fuq skala kbira. Dawn ir-rivelazzjonijiet ħolqu konfużjoni dwar l-osservanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni matul it-trasferimenti ta’ data personali lejn impriżi stabbiliti fl-Istati Uniti u dwar id-dgħufijiet tas-sistema tal-port salv.

5.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża liema pożizzjoni għandhom jadottaw l-awtoritajiet nazzjonali ta’ stħarriġ u l-Kummissjoni meta dawn jiffaċċjaw nuqqasijiet fl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/520.

6.

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data ( 5 ), tipprevedi, fil-Kapitolu IV tagħha, regoli dwar it-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi.

7.

Fi ħdan dan il-kapitolu, il-prinċipju stipulat fl-Artikolu 25(1) ta’ din id-direttiva huwa dak li skontu t-trasferiment lejn pajjiż terz ta’ data personali li tkun qed tiġi pproċessata jew li tkun maħsuba sabiex tiġi pproċessata wara t-trasferiment tagħha, jista’ jsir biss jekk il-pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni ta’ tali data.

8.

Min-naħa l-oħra, bħalma jindika l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 57 tal-imsemmija direttiva, ma għandux jitħalla jsir it-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz li ma jiżgurax livell tajjeb ta’ protezzjoni.

9.

Skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46, “[j]ekk il-livell ta’ protezzjoni mogħti minn pajjiż terz ikunx adekwat għandu jiġi eżaminat fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha li jkollhom x’jaqsmu ma’ operazzjoni ta’ trasferiment ta’ data jew sett ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ data; għandu jittieħed kont partikolarment tan-natura tad-data, l-għan u t-tul ta’ żmien ta’ l-operazzjoni jew operazzjonijiet proposti ta’ l-ipproċessar, il-pajjiż ta’ oriġini u l-pajjiż tad-destinazzjoni finali, ir-regoli tal-liġi, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, fis-seħħ fil-pajjiż terz in kwistjoni u r-regoli professjonali u l-miżuri ta’ sigurtà li jitħarsu f’dak il-pajjiż”.

10.

Skont l-Artikolu 25(6) ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li pajjiż terz ikun qed jiżgura, permezz tal-leġiżlazzjoni domestika tiegħu jew tal-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom, livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali. Malli l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni f’dan is-sens, ikun jista’ jseħħ it-trasferiment ta’ data personali lejn il-pajjiż terz ikkonċernat.

11.

Bl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2000/520. Mill-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li “il-Prinċipji ta’ Privatezza ta’ Port Salv”, implementati b’konformità mal-linji ta’ gwida pprovduti minn “mistoqsijiet magħmula ta’ spiss” ( 6 ), huma meqjusa bħala prinċipji li jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali ttrasferita mill-Unjoni lejn impriżi stabbiliti fl-Istati Uniti.

12.

Konsegwentement, id-Deċiżjoni 2000/520 tawtorizza t-trasferiment ta’ data personali mill-Istati Membri lejn impriżi stabbiliti fl-Istati Uniti li ħadu l-impenn li josservaw il-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv.

13.

Fl-Anness I tagħha, id-Deċiżjoni 2000/520 tistabbilixxi għadd ta’ prinċipji li l-impriżi jistgħu josservaw b’mod volontarju, flimkien ma’ limiti u sistema ta’ stħarriġ speċifika. In-numru ta’ impriżi li josservaw dak li jista’ jissejjaħ bħala l-“kodiċi ta’ kondotta” kien jaqbeż it-3 200 fl-2013.

14.

Is-sistema tal-privatezza ta’ port salv tibbaża fuq soluzzjoni li tikkombina l-awtoċertifikazzjoni kif ukoll l-awtoevalwazzjoni mill-impriżi privati u l-intervent tas-setgħa pubblika.

15.

Il-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv kienu ġew żviluppati “b’konsultazzjoni ma’ l-industrija u l-pubbliku ġenerali biex jiffaċilita negozju u kummerċ bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni […]. Dawn huma intenzjonati għall-użu uniku ta’ organizzazzjonijiet tal-USA li [jirċievu] data personali mill-Unjoni […] għall-iskop li jikkwalifikaw għal port salv u l-preżunzjoni ta’ ‘adegwatezza’ li [dan joħloq]” ( 7 ).

16.

Il-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv, li jinsabu fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/520, jipprevedu, b’mod partikolari:

obbligu ta’ informazzjoni li skontu “[kull] organizzazzjoni għandha tinforma individwi dwar l-iskopijiet li dwarhom tiġbor u tuża informazzjoni dwarhom, kif jikkuntattjaw l-organizzazzjoni b’xi inkjesti jew ilmenti, it-tip ta’ partijiet terzi li lihom tiżvela l-informazzjoni, u l-għażliet u l-mezzi li l-organizzazzjoni toffri lill-individwi biex tillimita l-użu u l-iżvelar tagħhom. Dan l-avviż għandu jkun ipprovdut […] meta individwi jkunu l-ewwel mitluba li jipprovdu informazzjoni personali lejn l-organizzazzjoni jew malajr wara kemm jista’ jkun prattikabbli, imma fi kwalunkwe każ qabel ma l-organizzazzjoni tuża dik l-informazzjoni għal skop apparti minn dak li dwaru tkun oriġinarjament ġabret jew ipproċessat mill-organizzazzjoni li tittrasferixxi jew tiżvela għall-ewwel darba lejn parti terza” ( 8 );

obbligu għall-organizzazzjonijiet li joffru lill-individwi l-possibbiltà li jagħżlu jekk id-data personali tagħhom għandhiex tkun żvelata lil parti terza jew tintuża għal skop li ma huwiex kompatibbli mal-iskopijiet li għalihom oriġinarjament kienet inġabret jew għal skop sussegwentement awtorizzat mill-individwu. Fir-rigward tad-data sensittiva, kull individwu “għandu jingħata l-għażla affermattiva jew espliċita (li jidħol) [li jagħti l-kunsens tiegħu) jekk l-informazzjoni [data] li għandha tkun żvelata lill-parti terza jew użata għal skop apparti minn dak li għalih kienet oriġinarjament miġbura jew sussegwentament [awtorizzat] mill-individwu permezz ta’ l-eżerċizzju ta’ [kunsens]” ( 9 );

regoli dwar it-trasferiment ulterjuri ta’ data. Għalhekk, “[b]iex jiżvelaw informazzjoni lejn parti terza, organizzazzjonijiet għandhom japplikaw il-Prinċipji ta’ Avviż [notifika] u Għażla” ( 10 );

fir-rigward tas-sigurtà tad-data, obbligu għall-“[o]rganizzazzjonijiet li joħolqu, iżommu jew jiddiseminaw informazzjoni [data] personali [li] jieħdu prekawzjonijiet raġjonevoli biex jipproteġuha minn telf, użu ħażin u aċċess mhux awtorizzat, żvelar, alterazzjonijiet jew qerda” ( 11 );

fir-rigward tal-integrità tad-data, obbligu għall-organizzazzjonijiet li “[jieħdu] l-passi raġjonevoli biex [jiżguraw] li d-data disponibbli għal l-użu intenzjonat, [tkun eżatta, sħiħa] u kurrenti” ( 12 );

li individwu li d-data tiegħu tkun miżmuma minn organizzazzjoni, bħala prinċipju, għandu “[jkollu aċċess] u [….] jkun jista’ jikkorreġi, jemenda, jew iħassar dik l-informazzjoni meta din ma tkunx eżatta” ( 13 );

obbligu li jiġu previsti “mekkaniżmi biex jassiguraw konformità mal-prinċipji, aċċess għall-individwi li dwarhom jirrigwardjaw id-data effetwati b’nuqqas ta’ konformità mal-prinċipji, u konsegwenzi għall-organizzazzjoni meta l-prinċipji ma jkunux imwettqa” ( 14 ).

17.

Organizzazzjoni Amerikana li tixtieq tosserva l-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv hija marbuta tistipula, fil-politika tagħha ta’ protezzjoni tal-ħajja privata, li hija tiżvela pubblikament il-fatt li hija tosserva dawn il-prinċipji u tikkonforma magħhom b’mod effettiv u li tawtoċertifika ruħha billi tiddikjara lid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti li hija tikkonforma mal-imsemmija prinċipji ( 15 ).

18.

L-organizzazzjonijiet għandhom diversi mezzi biex jikkonformaw mal-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv. Għalhekk, dawn jistgħu, pereżempju, “[jissieħbu] fi programm ta’ privatezza li jirregola [lilu] nnifsu li jimxi mal-Prinċipji, [jew] jiżviluppaw l-istrateġija tagħhom ta’ privatezza li jirregolaw lilhom infushom iżda dawn iridu jkunu konformi mal-Prinċipji. […] B’żieda, organizzazzjonijiet suġġetti għal liġi statutorja, regolatorja, amministrattiva jew korp ieħor tal-liġi (jew ta’ regoli) li effettivament jipproteġi l-privatezza personali, jista’ wkoll jikkwalifika għal benefiċċji ta’ post salv [port salv]” ( 16 ).

19.

Jeżistu diversi mekkaniżmi, li jikkombinaw l-arbitraġġ privat u l-istħarriġ mill-awtoritajiet pubbliċi, biex jivverifikaw l-osservanza tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ port salv. L-istħarriġ għalhekk jista’ jiġi żgurat permezz ta’ sistema ta’ regolazzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim minn terz indipendenti. Barra minn hekk, l-impriżi jistgħu jieħdu l-impenn li jikkooperaw mal-grupp tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ (Federal Trade Commission, iktar ’il quddiem l-“FTC”), fuq il-bażi ta’ setgħat li ngħatawlha skont it-Taqsima 5 tal-Liġi dwar il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ (Federal Trade Commission Act), u d-Dipartiment tat-Trasport (Department of Transportation), fuq il-bażi tas-setgħat li ngħatawlu skont it-Taqsima 41712 tal-Kodiċi tal-Istati Uniti (United States Code) li jinsabu taħt it-Titolu 49 tiegħu, huma kompetenti għall-indirizzar tal-ilmenti.

20.

Skont ir-raba’ paragrafu tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/520, l-osservanza tal-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv, tista’ tkun limitata, b’mod partikolari, mill-“ħtiġiet ta’ sigurtà, l-interess pubbliku, jew tal-liġi [tal-Istati Uniti]” u minn “statut, regolament governattiv, jew deċiżjonijiet tal-qrati li joħolqu obbligazzjonijiet konflinġenti jew awtorizzazzjonijiet espliċiti, basta li, bl-eżerċitar ta’ xi awtorizzazzjoni bħal din, organizzazzjoni tkun tista’ turi li n-nuqqas ta’ konformità tagħha mal-Prinċipji hija llimitata għal-limiti meħtieġa biex tilħaq l-interessi leġittimi ġenerali imħeġġa b’awtorizzazzjoni bħal din” ( 17 ).

21.

Barra minn hekk, il-possibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jissospendu l-flussi ta’ data hija suġġetta għal diversi kundizzjonijiet li huma previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2000/520.

22.

Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari tixtieq issir taf fuq il-portata tad-Deċiżjoni 2000/520, fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikoli 25(6) u 28 tad-Direttiva 95/46. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Schrems u d-Data Protection Commissioner (Kummissarju għall-protezzjoni tad-data, iktar ’il quddiem il-“Kummissarju”) fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jistħarreġ dwar ilment imressaq minn M. Schrems minħabba l-fatt li Facebook Ireland Ltd (iktar ’il quddiem “Facebook Ireland”) iżżomm id-data personali tal-abbonati tagħha fuq servers li jinsabu fl-Istati Uniti.

23.

M. Schrems huwa ċittadin Awstrijak u jgħix l-Awstrija. Huwa ilu abbonat fin-netwerk soċjali Facebook mis-sena 2008.

24.

L-abbonati ta’ Facebook kollha li jgħixu fit-territorju tal-Unjoni huma mitluba jiffirmaw kuntratt ma’ Facebook Ireland li hija sussidjarja tal-kumpannija parent Facebook Inc., stabbilita fl-Istati Uniti (iktar ’il quddiem “Facebook USA”). Id-data tal-abbonati ta’ Facebook Ireland li jgħixu fit-territorju tal-Unjoni tiġi, għalkollox jew parzjalment, ittrasferita fuq servers ta’ Facebook USA, li jinsabu fit-territorju tal-Istati Uniti, fejn din tinżamm.

25.

Fil-25 ta’ Ġunju 2013, M. Schrems ressaq ilment quddiem il-Kummissarju li bih sostna, essenzjalment, li d-dritt u l-prassi tal-Istati Uniti ma joffru l-ebda protezzjoni reali għad-data miżmuma fit-territorju tal-Istati Uniti kontra s-sorveljanza tal-Istat. Dan jirriżulta mir-rivelazzjonijiet magħmula minn E. Snowden mix-xahar ta’ Mejju 2013 dwar l-attivitajiet tas-servizzi tal-informazzjoni Amerikani, u, b’mod partikolari, dawk tan-National Security Agency (iktar ’il quddiem l-“NSA”).

26.

B’mod partikolari, minn dawn ir-rivelazzjonijiet jirriżulta li l-NSA kienet stabbilixxiet programm imsejjaħ “PRISM” li fil-kuntest tiegħu din l-aġenzija kienet kisbet aċċess liberu għad-data tal-massa maħżuna fuq servers li jinsabu fl-Istati Uniti, fil-pussess jew taħt il-kontroll ta’ għadd ta’ kumpanniji attivi fil-qasam tal-internet u tat-teknoloġija bħal Facebook USA.

27.

Il-Kummissarju qies li huwa ma kienx obbligat jinvestiga l-ilment, sa fejn dan kien nieqes minn bażi legali valida. Huwa qies li ma kinux jeżistu provi li l-NSA kienet aċċessat data ta’ M. Schrems. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħu, l-ilment kellu jiġi miċħud minħabba d-Deċiżjoni 2000/520 li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat li l-Istati Uniti jiżguraw, fil-kuntest tas-sistema tal-privatezza ta’ port salv, livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali ttrasferita. Kull kwistjoni dwar in-natura adegwata tal-protezzjoni ta’ din id-data fl-Istati Uniti għandha tiġi deċiża f’konformità ma’ din id-deċiżjoni li tipprekludi l-eżami tal-problema mqajma mill-ilment.

28.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li wasslet sabiex il-Kummissarju jiċħad l-ilment hija din li ġejja.

29.

L-Artikolu 10(1) tal-Liġi tal-1988 dwar il-Protezzjoni tad-Data (Data Protection Act 1988), kif emendata bil-Liġi tal-2003 dwar il-Protezzjoni tad-Data [Data Protection (Amendment) Act 2003, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data”] jagħtih is-setgħa li jeżamina l-ilmenti u jistabbilixxi:

“a)

Il-Kummissarju jista’ jeżamina jew jitlob li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi ġewx, humiex jew jirriskjawx li jiġu miksura fil-konfront ta’ persuna speċifika, kemm jekk din il-persuna tilmenta quddiemu dwar ksur ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll jekk il-Kummissarju iqis li jista’ jeżisti tali ksur.

b)

Meta persuna tilmenta quddiem il-Kummissarju skont il-punt a) ta’ dan il-paragrafu, il-Kummissarju:

i)

jinvestiga jew jitlob li jiġi investigat l-ilment, ħlief jekk jikkonkludi li dan huwa fieragħ jew vessatorju, u,

ii)

jekk huwa, fi żmien raġonevoli, ma jkunx jista’ jikseb ftehim bonarju mill-partijiet ikkonċernati dwar l-ilment, jinnotifika bil-miktub lil-lanjant bid-deċiżjoni li jieħu dwar dan billi jindika li, jekk din id-deċiżjoni tikkawżalu preġudizzju, il-lanjant jista’ jippreżenta azzjoni ġudizzjarja skont l-Artikolu 26 ta’ din il-liġi, fi żmien 21 ġurnata mill-wasla tan-notifika.”

30.

F’dan il-każ, il-Kummissarju kkonkluda li l-ilment ta’ M. Schrems kien “fieragħ jew vessatorju” fis-sens li dan ma setax jirnexxi minħabba li kien nieqes minn bażi legali. Huwa għal din ir-raġuni li rrifjuta l-investigazzjoni ta’ dan l-ilment.

31.

L-Artikolu 11 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data jirregola t-trasferiment tad-data personali ’l barra mit-territorju nazzjonali. L-Artikolu 11(2)(a) tagħha jipprevedi:

“Meta, f’kull proċedura rregolata minn din il-liġi, issir mistoqsija:

i)

biex jiġi ddeterminat jekk il-livell adegwat ta’ protezzjoni ppreċiżat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huwiex żgurat minn pajjiż jew territorju ’l barra miż-Żona Ekonomika Ewropea [(ŻEE)] li lejh se tiġi ttrasferita d-data personali, u

ii)

tkun saret konstatazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tat-tip ta’ trasferimenti inkwistjoni,

il-mistoqsija tiġi ttrattata f’konformità ma’ din il-konstatazzjoni.”

32.

L-Artikolu 11(2)(b) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data jiddefinixxi l-kunċett ta’ konstatazzjoni tal-Unjoni bil-mod li ġej:

“Fil-punt a) ta’ dan il-paragrafu, ‘konstatazzjoni tal-Unjoni’ tfisser konstatazzjoni li l-Kummissjoni […] tkun għamlet għall-finijiet tal-Artikolu 25(4) jew (6) tad-Direttiva [95/46], fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 31(2) tagħha bl-għan li jiġi ddeterminat jekk il-livell adegwat ta’ protezzjoni ppreċiżat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huwiex żgurat minn pajjiż jew territorju ’l barra miż-[ŻEE].”

33.

Il-Kummissarju osserva li d-Deċiżjoni 2000/520 kienet “konstatazzjoni tal-Unjoni” għall-finijiet tal-Artikolu 11(2)(a) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data, b’mod li, skont din il-liġi, kull mistoqsija dwar in-natura adegwata tal-protezzjoni tad-data fil-pajjiż terz fejn ġiet ittrasferita din għandha tiġi ttrattata f’konformità ma’ din il-konstatazzjoni. Sa fejn jirrigwarda s-sustanza tal-ilment ta’ M. Schrems, jiġifieri li d-data personali ġiet ittrasferita lejn pajjiż terz li, fil-prattika, ma jiżgurax livell adegwat ta’ protezzjoni, il-Kummissarju qies li n-natura u l-eżistenza nnifisha tad-Deċiżjoni 2000/520 jipprekluduh milli jeżamina din il-mistoqsija.

34.

M. Schrems ippreżenta rikors quddiem il-High Court kontra d-deċiżjoni tal-Kummissarju li jiċħad l-ilment tiegħu. Wara li eżaminat il-provi prodotti fil-proċedura prinċipali, din il-qorti kkonstatat li s-sorveljanza elettronika u l-interċettazzjoni tad-data personali jissodisfaw l-għanijiet meħtieġa u indispensabbli għall-interess pubbliku, jiġifieri ż-żamma tas-sigurtà nazzjonali u l-prevenzjoni tar-reati gravi. Il-High Court indikat, f’dan ir-rigward, li s-sorveljanza u l-interċettazzjoni tad-data personali ttrasferita mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti jsegwu skopijiet leġittimi marbuta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

35.

Skont din l-istess qorti, ir-rivelazzjonijiet magħmula minn E. Snowden madankollu wrew li l-NSA u korpi simili oħra wettqu abbuż kunsiderevoli. Jekk il-Foreign Intelligence Surveillance Court (iktar ’il quddiem il-“FISC”), li tintervjeni fil-kuntest tal-Liġi tal-1978 dwar is-Sorveljanza tas-Servizzi tal-Informazzjoni Barranin (Foreign Intelligence Surveillance Act of 1978) ( 18 ), teżerċita superviżjoni, il-proċedura quddiemha madankollu tkun sigrieta u mhux kontradittorja. Barra minn hekk, minbarra l-fatt li d-deċiżjonijiet dwar l-aċċess għad-data personali jkunu ttieħdu fuq il-bażi tad-dritt Amerikan, iċ-ċittadini tal-Unjoni ma għandhom l-ebda dritt effettiv li jinstemgħu dwar il-kwistjoni tas-sorveljanza u tal-interċettazzjoni tad-data tagħhom.

36.

Mid-dokumenti voluminużi li jakkumpanjaw id-dikjarazzjonijiet solenni prodotti fil-kawża prinċipali jirriżulta b’mod ċar li ma tqajjimx dubju dwar l-eżattezza ta’ numru kbir ta’ rivelazzjonijiet ta’ E. Snowden. Il-High Court, barra minn hekk, ikkonkludiet li, ladarba d-data personali tiġi ttrasferita lejn l-Istati Uniti, l-NSA kif ukoll aġenziji tas-sigurtà Amerikani oħra bħall-Federal Bureau of Investigation (FBI) jistgħu jaċċessawha fil-kuntest tas-sorveljanza u tal-interċettazzjonijiet fuq skala kbira u mingħajr distinzjoni.

37.

Il-High Court tikkonstata li, fid-dritt Irlandiż, l-importanza tad-drittijiet kostituzzjonali għall-ħajja privata u għall-invjolabbiltà tad-domiċilju teżiġi li kull indħil f’dawn id-drittijiet ikun konformi mar-rekwiżiti previsti mil-liġi u proporzjonat. L-aċċess fuq skala kbira u mingħajr distinzjoni għad-data personali bl-ebda mod ma jissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità u għandu għalhekk jitqies bħala li jmur kontra l-Kostituzzjoni Irlandiża ( 19 ).

38.

Il-High Court tinnota li, sabiex l-interċettazzjonijiet tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jkunu jistgħu jitqiesu bħala kostituzzjonali, irid jintwera li l-interċettazzjonijiet speċifiċi tal-komunikazzjonijiet u s-sorveljanza ta’ ċerti persuni jew ċerti gruppi ta’ persuni jkunu oġġettivament iġġustifikati fl-interess tas-sigurtà nazzjonali u tar-repressjoni tal-kriminalità u li jeżistu garanziji adegwati u verifikabbli.

39.

Konsegwentement, il-High Court tindika li, jekk din il-kawża għandha titqies biss fuq il-bażi tad-dritt Irlandiż, tqum problema kunsiderevoli fir-rigward ta’ jekk l-Istati Uniti “jiżgurawx livell adegwat ta’ protezzjoni tal-ħajja privata kif ukoll tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali”, fis-sens tal-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data. Jirriżulta li, fuq il-bażi tad-dritt Irlandiż, u b’mod partikolari tar-rekwiżiti kostituzzjonali tiegħu, il-Kummissarju ma setax jiċħad l-ilment ta’ M. Schrems, iżda kellu jeżamina din il-kwistjoni.

40.

Madankollu, il-High Court tikkonstata li l-kawża li hija adita biha tikkonċerna l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’mod li l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissarju għandha tiġi evalwata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni.

41.

Il-problema li kellu jiffaċċja l-Kummissarju hija spjegata bil-mod li ġej mill-High Court. Skont l-Artikolu 11(2)(a) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data, il-Kummissarju huwa marbut jiddeċiedi dwar il-kwistjoni tan-natura adegwata tal-protezzjoni fil-pajjiż terz “f’konformità” ma’ konstatazzjoni tal-Unjoni magħmula mill-Kummissjoni bl-applikazzjoni tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46. Minn dan jirriżulta li l-Kummissarju ma jistax jitbiegħed minn tali konstatazzjoni. Wara li l-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni 2000/520 tagħha, ikkonstatat li l-Istati Uniti jiggarantixxu livell adegwat ta’ protezzjoni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data minn kumpanniji li josservaw il-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv, ilment li jsemmi n-natura inadegwata ta’ tali protezzjoni għandu neċessarjament jiġi miċħud mill-Kummissarju.

42.

Filwaqt li kkonstatat li l-Kummissarju wera fedeltà skrupluża għal kull kelma tad-Direttiva 95/46 u tad-Deċiżjoni 2000/520, il-High Court tinnota li M. Schrems fir-realtà iktar oġġezzjona għat-termini tas-sistema tal-privatezza ta’ port salv innifisha milli għall-mod kif applikaha l-Kummissarju, filwaqt li enfasizza li huwa ma kkontestax direttament il-validità tad-Direttiva 95/46 u lanqas dik tad-Deċiżjoni 2000/520.

43.

Skont il-High Court, il-kwistjoni essenzjali għalhekk għandha tkun dik dwar jekk, fir-rigward tal-Unjoni u b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tad-dħul fis-seħħ sussegwenti tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, il-Kummissarju huwiex assolutament marbut mill-konstatazzjoni tal-Kummissjoni stabbilita fid-Deċiżjoni 2000/520 dwar in-natura adegwata tad-dritt u tal-prassi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali fl-Istati Uniti.

44.

Il-High Court tippreċiża, barra minn hekk, li, fir-rikors ippreżentat quddiemha, ma tressaq l-ebda lment kontra l-azzjonijiet ta’ Facebook Ireland u ta’ Facebook USA bħala tali. Madankollu, l-Artikolu 3(1)(b) tad-Deċiżjoni 2000/520, li jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jordnaw lil impriża tissospendi l-flussi ta’ data lejn pajjiż terz, japplika biss, skont din il-qorti, f’ċirkustanzi fejn l-ilment ikun ippreżentat kontra l-aġir tal-impriża kkonċernata, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

45.

Konsegwentement il-High Court tenfasizza li l-oġġezzjoni reali ma hijiex għall-aġir ta’ Facebook USA bħala tali, iżda iktar kontra l-fatt li l-Kummissjoni qieset li d-dritt u l-prassi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data fl-Istati Uniti jiggarantixxu protezzjoni adegwata, filwaqt li r-rivelazzjonijiet ta’ E. Snowden juru b’mod ċar li l-awtoritajiet Amerikani jistgħu jaċċessaw fuq skala kbira u bl-istess mod id-data personali tal-popolazzjoni li tgħix fit-territorju tal-Unjoni ( 20 ).

46.

Fuq dan il-punt, il-High Court tqis li huwa diffiċli li jiġi previst kif id-Deċiżjoni 2000/520 tista’, fil-prattika, tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, a fortiori jekk wieħed iqis il-prinċipji fformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Digital Rights Ireland et ( 21 ). B’mod partikolari, il-garanzija prevista fl-Artikolu 7 tal-Karta u mill-valuri essenzjali kondiviżi mit-tradizzjonijiet tal-Istati Membri tkun kompromessa jekk ikun possibbli għall-awtoritajiet pubbliċi li jkollhom aċċess għall-komunikazzjonijiet elettroniċi b’mod aleatorju u ġġeneralizzat mingħajr l-obbligu li jipprovdu motivazzjoni oġġettiva bbażata fuq raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ prevenzjoni tal-kriminalità marbuta b’mod speċifiku mal-individwi kkonċernati u mingħajr ebda garanzija adegwata u verifikabbli. Peress li r-rikors ta’ M. Schrems issuġġerixxa li d-Deċiżjoni 2000/520 tista’, in abstracto, tkun inkompatibbli mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis li huwa possibbli li d-Direttiva 95/46, u b’mod partikolari l-Artikolu 25(6) tagħha, kif ukoll id-Deċiżjoni 2000/520 jiġu interpretati f’sens li jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom sabiex jistabbilixxu jekk it-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 7 u 8 tal-Karta.

47.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-High Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta […] u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE, il-Kummissarju indipendenti responsabbli għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data li quddiemu jkun tressaq ilment dwar it-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz (f’dan il-każ l-Istati Uniti tal-Amerika) li d-dritt u l-prattiki tiegħu, kif isostni l-lanjant, ma joffrux protezzjoni adegwata lill-persuna kkonċernata, huwa assolutament marbut bil-konstatazzjoni kuntrarja tal-Unjoni li tinsab fid-[Deċiżjoni 2000/520]?

Fil-każ kuntrarju, jista’ jew għandu l-Kummissarju jwettaq l-investigazzjoni tiegħu fid-dawl tal-mod kif żviluppaw il-fatti minn mindu d-[Deċiżjoni 2000/520] ġiet ippubblikata għall-ewwel darba?”

II – L-analiżi tiegħi

48.

Iż-żewġ domandi magħmula mill-High Court jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża s-setgħat li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni meta jitressaq ilment quddiemhom dwar it-trasferiment ta’ data personali lejn impriża stabbilita f’pajjiż terz u meta huwa allegat, b’appoġġ għal dan l-ilment, li dan il-pajjiż terz ma jiggarantixxix livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data ttrasferita, minkejja li l-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46 adottat deċiżjoni li tirrikonoxxi n-natura adegwata tal-livell ta’ protezzjoni żgurat minn dan l-istess pajjiż terz.

49.

Jien nosserva li l-ilment imressaq minn M. Schrems quddiem il-Kummissarju għandu dimensjoni doppja. Dan għandu l-għan li jikkontesta t-trasferiment tad-data personali ta’ Facebook Ireland għal Facebook USA. M. Schrems jitlob li jintemm dan it-trasferiment sakemm, fil-fehma tiegħu, l-Istati Uniti ma jiżgurawx livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali li tiġi ttrasferita fil-kuntest tas-sistema ta’ privatezza ta’ port salv. B’mod iktar preċiż, dan jakkuża lil dan il-pajjiż terz li implementa l-programm PRISM li jippermetti lill-NSA taċċessa b’mod liberu d-data tal-massa maħżuna fuq servers li jinsabu fl-Istati Uniti. Għalhekk, l-ilment jikkonċerna b’mod speċifiku t-trasferimenti tad-data personali minn Facebook Ireland għal Facebook USA filwaqt li jikkontesta b’mod iktar ġenerali l-livell ta’ protezzjoni żgurat għal tali data fil-kuntest tas-sistema ta’ privatezza ta’ port salv.

50.

Il-Kummissarju qies li l-eżistenza nnifisha ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrikonoxxi li l-Istati Uniti jiżguraw, fil-kuntest tas-sistema ta’ privatezza ta’ port salv, livell adegwat ta’ protezzjoni, tipprekludih milli jinvestiga l-ilment.

51.

Għalhekk għandhom jiġu eżaminati flimkien iż-żewġ domandi li għandhom l-għan, essenzjalment, li jsir magħruf jekk l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 25(6) ta’ din l-istess direttiva, għandhiex l-effett li tipprekludi lil awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni milli tinvestiga lment li jallega li pajjiż terz ma jiżgurax livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali ttrasferita u, jekk ikun il-każ, milli tissospendi t-trasferiment ta’ din id-data kkontestata.

52.

L-Artikolu 7 tal-Karta jiggarantixxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, filwaqt li l-Artikolu 8 tagħha jiddikjara espressament id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-aħħar artikolu jippreċiżaw li din id-data għandha tiġi pproċessata b’mod ġust għal finijiet iddeterminati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi, u li kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha u li l-osservanza ta’ dawn ir-regoli għandha tkun suġġetta għas-superviżjoni ta’ awtorità indipendenti.

A – Fuq is-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali ta ’ superviżjoni f’każ ta ’ deċiżjoni dwar l-adegwatezza tal-Kummissjoni

53.

Bħalma jindika M. Schrems fl-osservazzjonijiet tiegħu, għall-finijiet tal-ilment inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni ċentrali hija dik tat-trasferiment tad-data personali minn Facebook Ireland lil Facebook USA fid-dawl tal-aċċess iġġeneralizzat mill-NSA u aġenziji oħra tas-sigurtà Amerikani għad-data maħżuna għand Facebook USA skont setgħat li tagħtih il-leġiżlazzjoni Amerikana.

54.

Adita b’ilment li għandu l-għan li jqajjem dubju fuq il-konstatazzjoni li skontha pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data ttrasferita, l-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni, fil-fehma ta’ M. Schrems, għandha s-setgħa, jekk ikollha elementi li jindikaw il-fondatezza tal-allegazzjonijiet li jinsabu f’dan l-ilment, li tissospendi t-trasferiment tad-data magħmul mill-impriża msemmija f’dan l-ilment.

55.

Meta jitqiesu l-obbligi tal-Kummissarju li jipproteġi d-drittijiet fundamentali ta’ M. Schrems, dan tal-aħħar isostni li l-Kummissarju ma għandux biss obbligu li jinvestiga, iżda wkoll, jekk l-ilment jintlaqa’, li juża s-setgħat tiegħu biex jissospendi l-flussi ta’ data bejn Facebook Ireland u Facebook USA.

56.

Madankollu, il-Kummissarju ċaħad l-ilment fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data li tistipula s-setgħat tiegħu. Din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq il-perspettiva tal-Kummissarju li huwa kien marbut mid-Deċiżjoni 2000/520.

57.

Jirriżulta li l-problema ċentrali f’din il-kawża hija dik li jsir magħruf jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura adegwata tal-livell ta’ protezzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni 2000/520 torbotx b’mod assolut lill-awtorità nazzjonali ta’ protezzjoni tad-data u tipprekludihiex milli tinvestiga allegazzjonijiet li għandhom l-għan li jqajmu dubju dwar din il-konstatazzjoni. Id-domandi preliminari għalhekk jirrigwardaw il-portata tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ protezzjoni tad-data fil-preżenza ta’ deċiżjoni dwar l-adegwatezza tal-Kummissjoni.

58.

Skont il-Kummissjoni, għandha titqies ir-rabta bejn is-setgħat tagħha u dawk tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ protezzjoni tad-data. Il-kompetenzi ta’ dawn tal-aħħar huma ffokati fuq l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar dan is-suġġett f’każijiet individwali, filwaqt li l-eżami mill-ġdid ġenerali tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/520, inkluża kull deċiżjoni li tinkludi s-sospensjoni jew it-tħassir tagħha, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni.

59.

Il-Kummissjoni ssostni li M. Schrems ma ressaqx argumenti speċifiċi li jindikaw li jinsab f’riskju imminenti li jġarrab danni gravi minħabba t-trasferiment ta’ data bejn Facebook Ireland u Facebook USA. Għall-kuntrarju, minħabba n-natura astratta u ġenerali tiegħu, it-tħassib espress minn M. Schrems fir-rigward tal-programmi ta’ sorveljanza implementati mill-aġenziji tas-sigurtà Amerikani huma identiċi għal dawk li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tibda l-eżami mill-ġdid tad-Deċiżjoni 2000/520.

60.

Skont il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni jinterferixxu mal-kompetenzi tagħha li tinnegozja mill-ġdid il-kundizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni mal-Istati Uniti jew, jekk ikun hemm bżonn, li tissospendiha, jekk dawn jieħdu miżuri fuq il-bażi ta’ lmenti li jsemmu biss tħassib strutturali u astratt.

61.

Jien ma naqbilx mal-opinjoni tal-Kummissjoni. Fil-fehma tiegħi, l-eżistenza ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46 la tista’ xxejjen u lanqas tnaqqas is-setgħat li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni skont l-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, jekk jitressqu lmenti individwali quddiem l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni, fil-fehma tiegħi din ma tipprekludihomx, skont is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom u l-indipendenza tagħhom, milli jifformaw l-opinjoni proprja tagħhom fuq il-livell ġenerali ta’ protezzjoni żgurat minn pajjiż terz u milli jfasslu l-konsegwenzi meta dawn jiddeċiedu fuq każijiet individwali.

62.

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħhom iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li huma jifformaw parti minnha ( 22 ).

63.

Mill-premessa 62 tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li “t-twaqqif fi Stati Membri ta’ awtoritajiet ta’ superviżjoni, li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’independenza sħiħa, huwa kondizzjoni essenzjali għall-protezzjoni ta’ individwi fl-ipproċessar ta’ data personali”.

64.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(1) ta’ din id-direttiva, “[k]ull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva”. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tal-imsemmija direttiva jiddisponi li “[d]awn l-awtoritajiet għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom”.

65.

L-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46 jelenka s-setgħat li għandha kull awtorità ta’ superviżjoni, jiġifieri setgħat investigattivi, setgħat effettivi ta’ intervent li jippermettulha, b’mod partikolari, li tipprojbixxi għal xi żmien jew għal dejjem li jsir ipproċessar, kif ukoll is-setgħa ta’ locus standi in judicio meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva jkunu ġew miksura jew li tirreferi dan il-ksur lill-awtoritajiet ġudizzjarji.

66.

Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(4) tad-Direttiva 95/46, “[k]ull awtorità ta’ superviżjoni għandha tisma’ talbiet maghmulin minn kull persuna […] dwar il-protezzjoni tad-drittijiet jew libertajiet tagħha fl-ipproċessar ta’ data personali”. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(4) ta’ din id-direttiva jippreċiża li “[k]ull awtorità ta’ superviżjoni għandha, partikolarment, tisma’ talbiet għal verifiki dwar il-legalità ta’ ipproċessar ta’ data mressqa minn kull persuna meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond l-Artikolu 13 [tal-imsemmija] Direttiva jkunu japplikaw”. Nippreċiża li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tippermetti lill-Istati Membri jieħdu miżuri leġiżlattivi biex jirrestrinġu l-portata ta’ diversi obbligi u drittijiet previsti fid-Direttiva 95/46, meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura meħtieġa għall-protezzjoni, b’mod partikolari tas-sigurtà nazzjonali, id-difiża, is-sigurtà pubblika kif ukoll il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali.

67.

Bħalma diġà nnotat il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit ta’ superviżjoni minn awtorità indipendenti tal-osservanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali jirriżulta wkoll mid-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 8(3) tal-Karta u l-Artikolu 16(2) TFUE ( 23 ). Hija fakkret ukoll li “[g]ħalhekk, l-istituzzjoni, fl-Istati Membri, ta’ awtoritajiet ta’ superviżjoni indipendenti tikkostitwixxi element essenzjali għall-osservanza tal-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali” ( 24 ).

68.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li “t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni kompetenti għas-sorveljanza tal-ipproċessar tad-data personali għandhom igawdu minn indipendenza li tippermettilhom li jeżerċitaw il-missjonijiet tagħhom mingħajr ma jkunu suġġetti għal influwenza esterna. Din l-indipendenza teskludi b’mod partikolari kull ordni jew kull influwenza esterna oħra fi kwalunkwe forma, indipendentement minn jekk din tkunx diretta jew indiretta, li jkunu jistgħu jorjentaw id-deċiżjonijiet tagħhom u li jkunu jistgħu jmorru kontra l-kisba, minn dawn l-awtoritajiet, tal-kompitu tagħhom li jikkonsisti f’li jiġi stabbilit ekwilibriju ġust bejn il-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja privata u l-moviment liberu tad-data personali” ( 25 ).

69.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li “[l]-garanzija ta’ indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni hija intiża sabiex tiżgura l-effiċjenza u l-affidabbiltà tas-superviżjoni tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali” ( 26 ). Din il-garanzija ta’ indipendenza ġiet stabbilita “sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tal-persuni u tal-korpi li huma kkonċernati mid-deċiżjonijiet [ta’ dawn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni]” ( 27 ).

70.

Bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 10 u mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/46, din tipprevedi li tiggarantixxi, fi ħdan l-Unjoni, “livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali […] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali” ( 28 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[l]-awtoritajiet ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46 huma għaldaqstant il-gwardjani ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet fundamentali” ( 29 ).

71.

Meta titqies l-importanza tar-rwol li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, is-setgħat ta’ intervent tagħhom għandhom jibqgħu sħaħ anki meta l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46.

72.

Ninnota f’dan ir-rigward, li ma hemm xejn li jindika li s-sistemi ta’ trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Artikolu 8(3) tal-Karta, li fl-ogħla livell tal-ġerarkija tar-regoli fid-dritt tal-Unjoni jagħti importanza lis-superviżjoni mwettqa minn awtorità indipendenti fir-rigward tal-osservanza tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali.

73.

Jekk l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni jkunu marbuta b’mod assolut mid-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni, dan ikun jillimita b’mod inevitabbli l-indipendenza sħiħa tagħhom. F’konformità mar-rwol tagħhom ta’ gwardjani tad-drittijiet fundamentali, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni għandhom ikunu jistgħu jinvestigaw, b’indipendenza sħiħa, l-ilmenti mressqa quddiemhom, fl-interess superjuri tal-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

74.

Barra minn hekk, bħalma nnotaw ġustament il-Gvern Belġjan u l-Parlament Ewropew matul is-seduta, ma teżisti l-ebda rabta ġerarkika bejn il-Kapitolu IV tad-Direttiva 95/46 dwar it-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi u l-Kapitolu VI tagħha li huwa ddedikat, b’mod partikolari, għar-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni. Ma hemm xejn fil-Kapitolu VI li jissuġġerixxi li d-dispożizzjonijiet dwar l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni huma subordinati b’xi mod għad-dispożizzjonijiet separati fuq it-trasferimenti stabbiliti fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 95/46.

75.

Għall-kuntrarju, mill-Artikolu 25(1) ta’ din id-direttiva, li jinsab fil-Kapitolu IV tagħha, jirriżulta espressament li l-awtorizzazzjoni tat-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz li jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tgħodd biss bla ħsara għall-konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmija direttiva.

76.

F’dan ir-rigward infakkar li, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom għandhom jipprevedu li t-trasferiment lejn pajjiż terz ta’ data personali li tkun qed tiġi pproċessata jew li tkun maħsuba li tiġi pproċessata li tiġi ttrasferita jista’ jsir biss jekk, bla ħsara għall-konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 95/46, il-pajjiż terz inkwistjoni jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni.

77.

F’konformità mal-Artikolu 28(1) ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni huma responsabbli mis-sorveljanza tal-applikazzjoni, fit-territorju ta’ kull Stat Membru, tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri b’applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

78.

L-approssimazzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tippermetti li jitqies li r-regola stabbilita fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46, li skontha t-trasferiment ta’ data personali jista’ jsir biss jekk il-pajjiż terz destinatarju jiżguralha livell adegwat ta’ protezzjoni, tagħmel parti mir-regoli li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni għandhom jissorveljaw l-applikazzjoni tagħhom.

79.

Is-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni li jinvestigaw b’indipendenza sħiħa mill-ilmenti mressqa quddiemhom skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46 jeħtieġ li jiġu interpretati b’mod wiesa’, f’konformità mal-Artikolu 8(3) tal-Karta. Dawn is-setgħat għalhekk ma jistgħux jiġu limitati mis-setgħat mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 25(6) ta’ din id-direttiva, sabiex tikkonstata n-natura adegwata tal-livell ta’ protezzjoni offrut minn pajjiż terz.

80.

Fir-rigward tar-rwol essenzjali tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni għandhom ikunu jistgħu jinvestigaw meta jitressaq ilment quddiemhom li jsemmi elementi li jistgħu jkunu ta’ natura li jitqajjem mill-ġdid dubju dwar il-livell ta’ protezzjoni żgurat minn pajjiż terz, inkluż meta l-Kummissjoni tkun ikkonstatat, f’deċiżjoni meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, li l-pajjiż terz ikkonċernat jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni.

81.

Jekk, skont l-investigazzjonijiet li huma mmexxija minn awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni, din tqis li t-trasferiment ta’ data kkontestata jippreġudika l-protezzjoni li għandhom jibbenefikaw minnha ċ-ċittadini tal-Unjoni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tagħhom, din għandha s-setgħa li tissospendi t-trasferiment tad-data inkwistjoni, u dan irrispettivament mill-evalwazzjoni ġenerali magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha.

82.

Fil-fatt, skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46, huwa stabbilit li n-natura adegwata tal-livell ta’ protezzjoni offrut minn pajjiż terz jiġi evalwat fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha kemm fattwali kif ukoll ġuridiċi. Jekk waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi tiżviluppa jew tidher bħala li għandha natura li tqajjem dubju dwar in-natura adegwata tal-livell ta’ protezzjoni offrut minn pajjiż terz, l-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni li jkollha quddiemha lment għandha tkun tista’ tislet il-konsegwenzi b’rabta mat-trasferiment ikkontestat.

83.

Ċertament, bħalma nnotat l-Irlanda, il-Kummissarju, bħall-awtoritajiet tal-Istat l-oħra, huwa marbut bid-Deċiżjoni 2000/520. Fil-fatt, mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE jirriżulta li deċiżjoni meħuda minn istituzzjoni tal-Unjoni għandha torbot fl-intier tagħha. Konsegwentement, id-Deċiżjoni 2000/520 toħloq obbligu għall-Istati Membri li hija indirizzata lilhom.

84.

Ninnota, f’dan ir-rigward, li d-Deċiżjoni 2000/520 nnifisha tiddisponi, fl-Artikolu 5 tagħha, li l-“[Istati] Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex ikunu konformi [magħha] l-aktar tard fit-tmiem ta’ perjodu ta’ 90 jum mid-data tan-notifika tagħha lill-Istati Membri”. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni jikkonferma li “[din] hija indirizzata lill-Istati Membri”.

85.

Madankollu, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 95/46 u tal-Karta, inqis li l-effett obbligatorju tad-Deċiżjoni 2000/520 ma huwiex ta’ natura li teskludi kull investigazzjoni tal-Kummissarju dwar l-ilmenti li jallegaw li t-trasferimenti ta’ data personali mwettqa lejn l-Istati Uniti fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni ma jippreżentawx il-garanziji meħtieġa ta’ protezzjoni mitluba mid-dritt tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, tali effett restrittiv ma huwiex ta’ natura li jeżiġi li kull ilment ta’ dan it-tip għandu jiġi miċħud b’mod sommarju, jiġifieri immedjatament u mingħajr l-ebda eżami tal-fondatezza tiegħu.

86.

Inżid ngħid li, barra minn hekk, mill-istruttura tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li l-konstatazzjoni li skontha pajjiż terz jiżgura jew ma jiżgurax livell adegwat ta’ protezzjoni tista’ ssir kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni. Għalhekk hija kwistjoni ta’ kompetenza kondiviża.

87.

Mill-Artikolu 25(6) ta’ din id-direttiva jirriżulta li, malli l-Kummissjoni tikkonstata li pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni, fis-sens tal-Artikolu 25(2) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

88.

Peress li tali deċiżjoni għandha l-konsegwenza li tippermetti t-trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiż terz fejn il-livell ta’ protezzjoni huwa meqjus mill-Kummissjoni bħala adegwat, l-Istati Membri għandhom għalhekk, bħala prinċipju, jippermettu li jitwettqu tali trasferimenti mill-impriżi stabbiliti fit-territorju tagħhom.

89.

Madankollu, l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46 ma jagħtix lill-Kummissjoni l-esklużività fil-qasam tal-konstatazzjoni tal-livell adegwat jew le ta’ protezzjoni tad-data personali ttrasferita. L-istruttura ta’ dan l-artikolu turi li l-Istati Membri wkoll għandhom rwol f’dan il-qasam. Deċiżjoni tal-Kummissjoni, ċertament, għandha rwol importanti fl-istandardizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ trasferiment validi fi ħdan l-Istati Membri. Madankollu, din l-istandardizzazzjoni tibqa’ tapplika biss jekk ma jitqajjimx dubju fuq din il-konstatazzjoni.

90.

L-argument tal-istandardizzazzjoni meħtieġa tal-kundizzjonijiet ta’ trasferiment tad-data personali lejn pajjiż terz, fil-fehma tiegħi, huwa limitat f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn mhux talli l-Kummissjoni hija informata li l-konstatazzjoni tagħha hija suġġetta għall-kritika, talli hija hija stess li tifformula tali kritika u tmexxi negozjati biex tirrimedja l-affarijiet.

91.

L-evalwazzjoni tan-natura adegwata jew mhux adegwata tal-livell tal-protezzjoni offruta minn pajjiż terz tista’ twassal ukoll għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. L-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 95/46 jipprevedi, f’dan ir-rigward li “[l]-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jgħarrfu lil xulxin b’każi fejn iqisu li pajjiż terz ma jkunx qed jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni skond it-tifsira tal-Paragrafu 2”. Bħalma josserva l-Parlament, dan juri b’mod ċar li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom rwol ekwivalenti fl-identifikazzjoni tal-każijiet li fihom pajjiż terz ma jiżgurax livell adegwat ta’ protezzjoni.

92.

Id-deċiżjoni dwar l-adegwatezza għandha l-għan li tawtorizza t-trasferiment ta’ data personali lejn il-pajjiż terz ikkonċernat. Dan ma jimplikax li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni ma jistgħux jibqgħu jittrattaw talba miċ-ċittadini tal-Unjoni bl-għan li tiġi protetta d-data personali tagħhom. F’dan ir-rigward ninnota li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(4) tad-Direttiva 95/46, li skontu “[k]ull awtorità ta’ superviżjoni għandha tisma’ talbiet maghmulin minn kull persuna […] dwar il-protezzjoni tad-drittijiet jew libertajiet tagħha fl-ipproċessar ta’ data personali”, ma jipprevedix eċċezzjoni għal dan il-prinċipju f’każ li tkun teżisti deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 25(6) ta’ din id-direttiva.

93.

Għalhekk, għalkemm deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni skont is-setgħat ta’ implementazzjoni mogħtija lilha minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha l-effett li tippermetti t-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz, tali deċiżjoni, min-naħa l-oħra, ma jistax ikollha l-effett li tneħħi kull setgħa tal-Istati Membri, u b’mod partikolari tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni tagħhom, ladarba dawn jiffaċċjaw allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali.

94.

Awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni għandha tkun tista’ teżerċita s-setgħat previsti fl-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46, fosthom dik li tipprojbixxi għal xi żmien jew għal dejjem l-ipproċessar ta’ data personali. Għalkemm is-setgħat elenkati f’din id-dispożizzjoni ma jipprevedux b’mod espliċitu setgħat b’rabta mat-trasferiment minn Stat Membru lejn pajjiż terz, tali trasferiment, fil-fehma tiegħi, għandu jammonta għal ipproċessar ta’ data ( 30 ). Bħalma jirriżulta mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, l-elenkar tas-setgħat, barra minn hekk, ma huwiex eżawrjenti. Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tar-rwol essenzjali tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni fis-sistema implementata mid-Direttiva 95/46, dawn għandu jkollhom setgħa li jissospendu trasferiment ta’ data f’każ ta’ ksur imwettaq jew riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali.

95.

Inżid ngħid li jekk l-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni tiġi mċaħħda mis-setgħat investigattivi tagħha f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, dan mhux biss ikun kontra l-prinċipju ta’ indipendenza, iżda wkoll kontra l-għan tad-Direttiva 95/46 kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tagħha.

96.

Bħalma nnotat il-Qorti tal-Ġustizzja, “[m]ill-premessi 3, 8 u 10 tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jiffaċilita l-moviment liberu ta’ data personali billi jqarreb il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri filwaqt li jipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-persuni, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata, u filwaqt li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni fl-Unjoni. L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva għalhekk jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali” ( 31 ).

97.

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 għalhekk għandhom jiġu interpretati f’konformità mal-għan tagħha li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fi ħdan l-Unjoni.

98.

L-importanza ta’ dan l-għan u r-rwol li għandhom l-Istati Membri biex dan jintlaħaq jimplikaw li, meta ċirkustanzi partikolari jqajmu dubju serju fir-rigward tal-osservanza tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta f’każ ta’ trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz, l-Istati Membri, u għalhekk, fi ħdanhom, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni, ma jistgħux ikunu marbuta b’mod assolut minn deċiżjoni dwar l-adegwatezza tal-Kummissjoni.

99.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, sa fejn jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali li tista’ tippreġudika l-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata, għandhom neċessarjament jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li, skont ġurisprudenza stabbilita, jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom u li issa jinsabu rrikonoxxuti fil-Karta” ( 32 ).

100.

Nirreferi, barra minn hekk, għall-ġurisprudenza li skontha “l-Istati Membri għandhom mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, iżda għandhom jiżguraw ukoll li ma jistriħux fuq interpretazzjoni ta’ test li jagħmel parti mid-dritt derivat li tidħol f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni” ( 33 ).

101.

Għalhekk, fis-sentenza tagħha N. S. et ( 34 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “applikazzjoni tar-Regolament [(KE)] Nru 343/2003 [ ( 35 )] fuq il-bażi ta’ preżunzjoni inkonfutabbli li d-drittijiet fundamentali tal-persuna li tkun qiegħda titlob ażil ser ikunu rrispettati fl-Istat Membru normalment responsabbli sabiex jipproċessa l-applikazzjoni tagħha hija inkompatibbli mal-obbligu tal-Istati Membri li jinterpretaw u japplikaw ir-Regolament Nru 343/2003 b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali” ( 36 ).

102.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet, fil-kuntest tal-istatus tal-Istati Membri bħala pajjiżi ta’ oriġini siguri fir-rigward ta’ oħrajn għall-finijiet legali u prattiċi marbuta mad-dritt għall-ażil, li għandu jiġi preżunt li l-ipproċessar irriżervat lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil f’kull Stat Membru huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Karta, mal-Konvenzjoni dwar l-istatus ta’ refuġjati, iffirmata f’Ġinevra fit-28 ta’ Lulju 1951 ( 37 ), kif ukoll mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 ( 38 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “ma jistax jiġi eskluż li din is-sistema tiltaqa’, fil-prattika, ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-funzjonament fi Stat Membru partikolari, b’tali mod li jkun hemm riskju serju li l-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil ikunu ttrattati, fil-każ li jiġu ttrasferiti lejn dan l-Istat Membru, b’mod li jkun inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tagħhom” ( 39 ).

103.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Istati Membri, inklużi l-qrati nazzjonali, huma meħtieġa li ma jittrasferixxux persuna li tkun qiegħda tfittex ażil lejn l-‘Istat Membru responsabbli’ fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003 meta ma jistgħux ma jkunux jafu li n-nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil f’dan l-Istat Membru jikkostitwixxu motivi serji u kkonfermati li jwasslu lil dak li jkun sabiex jemmen li l-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil ser tkun affaċċjata b’riskju reali li tkun suġġetta għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta” ( 40 ).

104.

Il-kontribut tas-sentenza N. S. et ( 41 ) jidhirli li jista’ jiġi estiż għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni li tibbaża fuq preżunzjoni inkonfutabbli li d-drittijiet fundamentali ser ikunu rrispettati – kemm jekk minn Stat Membru, mill-Kummissjoni jew minn pajjiż terz – għandha titqies bħala inkompatibbli mal-obbligu tal-Istati Membri li jinterpretaw u japplikaw il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali. L-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46 għalhekk ma jeżiġix tali preżunzjoni inkonfutabbli tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tan-natura adegwata tal-livell ta’ protezzjoni offrut minn pajjiż terz. Għall-kuntrarju, il-preżunzjoni, li fuqha hija bbażata din id-dispożizzjoni, li t-trasferiment tad-data lejn pajjiż terz jirrispetta d-drittijiet fundamentali għandha titqies bħala konfutabbli ( 42 ). Konsegwentement, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala li tqajjem dubju dwar il-garanziji li jinsabu b’mod partikolari fl-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46 u fl-Artikolu 8(3) tal-Karta, li jipprevedu l-protezzjoni u r-rispett tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

105.

Għalhekk minn din is-sentenza niddeduċi li, f’każ ta’ nuqqasijiet sistematiċi kkonstatati fil-pajjiż terz li lejh tiġi ttrasferita d-data personali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali mħarsa mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

106.

Barra minn hekk, bħalma jinnota l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni dwar l-adegwatezza ma jistax ikollha l-effett li tnaqqas il-protezzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tagħhom meta din tiġi ttrasferita lejn pajjiż terz, meta mqabbla mal-livell ta’ protezzjoni li dawn il-persuni jgawdu minnu jekk id-data tagħhom tiġi pproċessata fi ħdan l-Unjoni. L-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni, konsegwentement, għandhom ikunu jistgħu jintervjenu u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom fir-rigward ta’ trasferimenti ta’ data lejn pajjiżi terzi li jkunu suġġetti għal deċiżjoni dwar l-adegwatezza. Inkella, iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu inqas protetti minn meta d-data tagħhom tiġi pproċessata fi ħdan l-Unjoni.

107.

Għalhekk, l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46 għandha biss l-effett li tneħħi l-projbizzjoni ġenerali ta’ esportazzjoni ta’ data personali lejn pajjiżi terzi li jiggarantixxu livell ta’ protezzjoni komparabbli għal dak li toffri din id-direttiva. Fi kliem ieħor, din ma tirrigwardax il-ħolqien ta’ sistema speċjali ta’ eċċezzjoni u inqas protettiva għaċ-ċittadini tal-Unjoni fil-konfront tas-sistema ġenerali prevista mill-imsemmija direttiva għall-ipproċessar tad-data li tapplika fi ħdan l-Unjoni.

108.

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punt 63 tas-sentenza tagħha Lindqvist ( 43 ), li “[l]-Kapitolu IV tad-Direttiva 95/46, li jagħmel parti minnu l-Artikolu 25, jistabbilixxi sistema speċjali”. Madankollu, dan ma jfissirx, fil-fehma tiegħi, li tali sistema għandha tkun inqas protettiva. Għall-kuntrarju, sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tad-data stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/46, l-Artikolu 25 tagħha jistabbilixxi serje ta’ obbligi għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni ( 44 ) u dan l-Artikolu 25 jistipula l-prinċipju li skontu meta pajjiż terz ma joffrix livell adegwat ta’ protezzjoni, it-trasferiment ta’ data personali lejn dan il-pajjiż għandu jiġi pprojbit ( 45 ).

109.

Fir-rigward tas-sistema ta’ protezzjoni ta’ port salv iktar speċifikament, il-Kummissjoni tipprevedi l-intervent tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni u s-sospensjoni tal-flussi ta’ data min-naħa tagħhom biss fil-kuntest identifikat mill-Artikolu 3(1)(b) tad-Deċiżjoni 2000/520.

110.

Skont il-premessa 8 ta’ din id-deċiżjoni, “[f]l-interessi ta’ trasparenza u sabiex tkun issalvagwardjata l-abilità ta’ l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jassiguraw il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali tagħhom, huwa meħtieġ li jkun speċifikat f’din id-Deċiżjoni ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li fihom is-sospenzjoni tal-flussi tad-data speċifiċi għandhom ikunu ġġustifikati, indipendentament milli tkun instabet il-protezzjoni adegwata”.

111.

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, hija b’mod iktar partikolari l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmija deċiżjoni li ġiet diskussa. Għalhekk, skont din id-dispożizzjoni, is-sospensjoni tal-fluss ta’ data tista’ tiġi deċiża mill-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-każ fejn “hemm possibbiltà sostanzjali li l-Prinċipji jkunu qegħdin jiġu miksura; ikun hemm bażi raġjonevoli biex wieħed jemmen li l-mekkaniżmu kkonċernat ta’ infurzar ma jkun jieħu jew ma jkunx sejjer jieħu passi adegwati u f’waqthom biex isib soluzzjoni għal każ in kwistjoni; it-trasferiment kontinwu jkun joħloq riskju imminenti ta’ ħsara gravi lil suġġetti ta’ data; u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru jkunu għamlu sforzi raġjonevoli f’dawk iċ-ċirkostanzi biex jipprovdu l-organizzazzjoni b’notifika u opportunità biex twieġeb”.

112.

L-imsemmija dispożizzjoni tistipula diversi kundizzjonijiet li kienu suġġetti għal diversi interpretazzjonijiet mill-partijiet matul din il-proċedura ( 46 ). Mingħajr ma nidħol fid-dettall ta’ dawn l-interpretazzjonijiet, minnhom jirriżulta li dawn il-kundizzjonijiet jirregolaw b’mod strett is-setgħa tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni li jissospendu l-flussi ta’ data.

113.

Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 3(1)(b) tad-Deċiżjoni 2000/520 għandu jiġi interpretat f’konformità mal-għan ta’ protezzjoni tad-data personali mfittex mid-Direttiva 95/46, kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-Karta. In-neċessità li tingħata interpretazzjoni konformi mad-drittijiet fundamentali hija favur interpretazzjoni wiesgħa ta’ din id-dispożizzjoni.

114.

Jirriżulta li l-kundizzjonijiet li huma previsti fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Deċiżjoni 2000/520 ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jipprekludu lil awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni milli teżerċita, b’indipendenza sħiħa, is-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46.

115.

Bħalma essenzjalment indikaw il-gvernijiet tal-Belġju u tal-Awstrija matul is-seduta, il-possibbiltà ta’ ħruġ li jikkostitwixxi l-Artikolu 3(1)(b) tad-Deċiżjoni 2000/520 tant hija stretta li huwa diffiċli li titħaddem fil-prattika. Din teżiġi kriterji kumulattivi u tistabbilixxi miri għoljin wisq. Madankollu, fid-dawl tal-Artikolu 8(3) tal-Karta, huwa impossibbli li l-marġni ta’ manuvra tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni fir-rigward tal-prerogattivi li jirriżultaw mill-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46 ikun limitat b’tali mod li dawn ma jkunx jistgħu jiġi eżerċitati iktar.

116.

F’dan ir-rigward, il-Parlament irrimarka ġustament li huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li ddeċieda liema kienu s-setgħat li kellhom jingħataw lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni. Madankollu, is-setgħa ta’ implementazzjoni mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-Kummissjoni fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46 ma taffettwax is-setgħat mogħtija minn dan l-istess leġiżlatur lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni fl-Artikolu 28(3) ta’ din id-direttiva. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni ma għandhiex il-kompetenza li tirrestrinġi s-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni.

117.

Konsegwentement, biex jiżguraw protezzjoni xierqa tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni għandu jkollhom is-setgħa, f’każ ta’ allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet, li jwettqu investigazzjonijiet. Jekk, fi tmiem tali investigazzjonijiet, dawn l-awtoritajiet iqisu li f’pajjiż terz kopert minn deċiżjoni dwar l-adegwatezza jeżistu sinjali serji ta’ ksur tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom, dawn għandhom ikunu jistgħu jissospendu t-trasferiment ta’ data lejn id-destinatarju stabbilit f’dan il-pajjiż terz.

118.

Fi kliem ieħor, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom u, jekk ikun meħtieġ, jissospendu trasferiment ta’ data, irrispettivament mill-kundizzjonijiet restrittivi stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Deċiżjoni 2000/520.

119.

Barra minn hekk, skont is-setgħa tagħhom ta’ locus standi in judicio meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva 95/46 ikunu ġew miksura jew is-setgħa li jgħarrfu lill-awtorità ġudizzjarja dwar dan il-ksur, previsti fl-Artikolu 28(3) ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni għandhom, meta jkollhom għarfien ta’ fatti li juru li pajjiż terz ma jiżgurax livell adegwat ta’ protezzjoni, ikunu jistgħu jressqu l-kwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali, li tkun tista’ tiddeċiedi hija stess, jekk ikun meħtieġ, li tirrikorri għal rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi evalwata l-validità ta’ deċiżjoni dwar l-adegwatezza tal-Kummissjoni.

120.

Minn dawn il-punti kollha jirriżulta li l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 25(6) ta’ din id-direttiva ma għandhiex effett li tipprekludi lil awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni milli tinvestiga ilment li jallega li pajjiż terz ma jiżgurax livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali ttrasferita u, jekk ikun meħtieġ, milli tissospendi t-trasferiment ta’ din id-data.

121.

Għalkemm il-High Court tenfasizza, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, li M. Schrems fir-rikors fil-kawża prinċipali la kkontesta b’mod formali l-validità tad-Direttiva 95/46 u lanqas dik tad-Deċiżjoni 2000/520, minn din id-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kritika prinċipali fformulata minn M. Schrems għandha l-għan li tqajjem dubju dwar il-konstatazzjoni li skontha l-Istati Uniti jiżguraw, fil-kuntest tas-sistema ta’ privatezza ta’ port salv, livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali ttrasferita.

122.

Mill-osservazzjonijiet tal-Kummissarju jirriżulta wkoll li l-ilment ta’ M. Schrems għandu l-għan li jikkontesta direttament id-Deċiżjoni 2000/520. Meta ressaq dan l-ilment, dan tal-aħħar ried jattakka t-termini u l-funzjonament tas-sistema ta’ privatezza ta’ port salv bħala tali minħabba li s-sorveljanza fuq skala kbira ta’ data personali ttrasferita lejn l-Istati Uniti turi li ma teżistix protezzjoni ġenwina ta’ din id-data fid-dritt u fil-prassi fis-seħħ f’dan il-pajjiż terz.

123.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju stess tosserva li l-garanzija offruta mill-Artikolu 7 tal-Karta u mill-valuri essenzjali kondiviżi mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri tkun kompromessa jekk ikun possibbli għall-awtoritajiet pubbliċi li jkollhom aċċess għall-komunikazzjonijiet elettroniċi b’mod aleatorju u ġġeneralizzat mingħajr l-obbligu li jipprovdu raġuni oġġettiva bbażata fuq raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ prevenzjoni tal-kriminalità marbuta b’mod speċifiku mal-individwi kkonċernati u mingħajr ebda garanzija adegwata u verifikabbli ( 47 ). Il-qorti tar-rinviju għalhekk indirettament tqajjem dubji dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2000/520.

124.

L-evalwazzjoni dwar jekk l-Istati Uniti, fil-kuntest tas-sistema ta’ privatezza ta’ port salv, tiggarantixxix livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali ttrasferita għalhekk neċessarjament twassal għal eżami tal-validità ta’ din id-deċiżjoni.

125.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li fil-kuntest tal-istrument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilit mill-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk adita biss b’domanda preliminari għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, jista’ jkollha teżamina l-validità tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni sekondarja.

126.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi ddikjarat ex officio invalidu att li ntalbet tagħti biss l-interpretazzjoni tiegħu ( 48 ). Hija ddeċidiet ukoll li, “meta jkun jidher li l-għan veru tad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali huwa l-eżami tal-validità iktar milli tal-interpretazzjoni tal-atti [tal-Unjoni], hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha immedjatament lill-imsemmija qorti mingħajr ma tobbligaha tosserva formaliżmu purament dilatorju li jkun inkompatibbli man-natura nfisha tal-mekkaniżmi stabbiliti mill-Artikolu [267 TFUE]” ( 49 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, diġà qieset li d-dubji mqajma minn qorti tar-rinviju dwar il-kompatibbiltà ta’ att tal-leġiżlazzjoni sekondarja mar-regoli marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għandhom jiġu mifhuma bħala li qed jikkontestaw il-validità ta’ dan l-att fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ( 50 ).

127.

Infakkar ukoll li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-atti tal-istituzzjonijiet, tal-organi u tal-entitajiet tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ validità, u dan jimplika li dawn jipproduċu effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi b’riżultat ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità. Hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni, ġurisdizzjoni bl-għan li tiżgura ċ-ċertezza legali billi tiżgura l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità, ta’ emenda jew ta’ tħassir mill-Kummissjoni, id-deċiżjoni tibqa’ obbligatorja fl-aspetti kollha tagħha u direttament applikabbli f’kull Stat Membru ( 51 ).

128.

Sabiex tipprovdi risposta kompluta lill-qorti tar-rinviju u telimina d-dubji espressi matul din il-proċedura dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2000/520, jien tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha twettaq evalwazzjoni tal-validità ta’ din id-deċiżjoni.

129.

B’dan il-mod, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-eżami dwar jekk id-Deċiżjoni 2000/520 hijiex valida jew le għandu jiġi limitat għall-ilmenti li kienu s-suġġett ta’ dibattitu fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Fil-fatt, l-aspetti kollha dwar il-funzjonament tas-sistema ta’ privatezza ta’ port salv ma ġewx diskussi f’dan il-kuntest, u huwa għalhekk li ma jidhirlix li huwa possibbli li hawnhekk neżamina b’mod eżawrjenti n-nuqqasijiet ta’ din is-sistema.

130.

Għall-kuntrarju, il-kwistjoni dwar jekk l-aċċess iġġeneralizzat u mhux immirat tas-servizzi tal-informazzjoni Amerikani għad-data ttrasferita jistax jaffettwa l-legalità tad-Deċiżjoni 2000/520 kienet is-suġġett ta’ dibattitu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Il-validità ta’ din id-deċiżjoni tista’ għalhekk tiġi evalwata minn din il-perspettiva.

B – Fuq il-validità tad-Deċiżjoni 2000/520

1. Fuq l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-validità tad-Deċiżjoni 2000/520

131.

Għandha titfakkar il-ġurisprudenza li skontha, “fil-kuntest ta’ rikors għal annulament, il-legalità ta’ att għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi li jeżistu fid-data meta l-att ġiet adottat, bl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tista’ titħassar biss jekk din tidher żbaljata b’mod ċar fid-dawl tal-elementi li hija użat fil-mument tal-adozzjoni tal-att inkwistjoni” ( 52 ).

132.

Fis-sentenza tagħha Gaz de France – Berliner Investissement ( 53 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-prinċipju li skontu “l-evalwazzjoni tal-validità ta’ att, li għandha ssir mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandha normalment tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni li teżisti meta jiġi adottat l-att” ( 54 ). Madankollu, hija tidher li tammetti li “l-validità ta’ att tista’, f’ċerti każijiet, tiġi evalwata skont elementi ġodda li rriżultaw wara l-adozzjoni tiegħu” ( 55 ).

133.

Din il-possibbiltà kif deskritta mill-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli li hija partikolarment rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

134.

Fil-fatt, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46 għandhom karatteristiċi partikolari. Dawn huma intiżi sabiex jevalwaw jekk il-livell ta’ protezzjoni tad-data personali li huwa offrut minn pajjiż terz huwiex ta’ natura adegwata jew le. Din hija evalwazzjoni intiża sabiex tevolvi skont il-kuntest fattwali u legali li jipprevali fil-pajjiż terz.

135.

Fir-rigward tal-fatt li d-deċiżjoni dwar l-adegwatezza tikkostitwixxi tip partikolari ta’ deċiżjoni, ir-regola li skontha l-evalwazzjoni ta’ validità tagħha tista’ titwettaq biss fuq il-bażi ta’ elementi li kienu jeżistu fil-mument tal-adozzjoni tagħha għandha tiġi spjegata aħjar f’dan il-każ. Inkella, tali regola twassal biex diversi snin wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-adegwatezza, l-evalwazzjoni ta’ validità li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twettaq ma tkunx tista’ tieħu inkunsiderazzjoni avvenimenti li seħħew iktar tard, u dan minkejja li tali rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità ma jiskadix u li l-bidu tiegħu jista’ jkun preċiżament il-konsegwenza tal-fatti sussegwenti li jiżvelaw in-nuqqasijiet tal-att inkwistjoni.

136.

F’dan il-każ, iż-żamma fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2000/520 għal madwar ħmistax‑il sena tirrifletti l-konferma impliċita mill-Kummissjoni tal-evalwazzjoni tagħha magħmula fl-2000. Meta, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tasal biex tevalwa l-validità ta’ evalwazzjoni mħaddna maż-żmien mill-Kummissjoni, konsegwentement ma jkunx biss possibbli, iżda wkoll xieraq li hija tkun tista’ tqabbel din l-evalwazzjoni maċ-ċirkustanzi ġodda li seħħew mill-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-adegwatezza.

137.

Meta titqies in-natura partikolari tad-deċiżjoni dwar l-adegwatezza, din għandha tkun suġġetta għal eżami mill-ġdid regolari mill-Kummissjoni. Jekk, wara li sadanittant iseħħu avvenimenti ġodda, il-Kummissjoni ma temendax id-deċiżjoni tagħha, din tikkonferma b’mod impliċitu, iżda wkoll neċessarjament, l-evalwazzjoni mwettqa fil-bidu. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonferma mill-ġdid il-konstatazzjoni tagħha li skontha l-pajjiż terz ikkonċernat jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali ttrasferita. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina jekk din il-konstatazzjoni tibqax valida minkejja ċ-ċirkustanzi li seħħew sussegwentement.

138.

Sabiex jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju effettiv ta’ dan it-tip ta’ deċiżjoni, l-evalwazzjoni tal-validità tagħha għalhekk, fil-fehma tiegħi, għandha titwettaq filwat li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u legali attwali.

2. Fuq il-kunċett ta’ livell adegwat ta’ protezzjoni

139.

L-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46 jibbaża għalkollox fuq il-prinċipju li skontu t-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz jista’ jsir biss jekk dan il-pajjiż terz jiggarantixxi livell adegwat ta’ protezzjoni għal tali data. L-għan ta’ dan l-artikolu għalhekk huwa li jiżgura l-kontinwità tal-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva f’każ ta’ trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-imsemmija direttiva toffri livell għoli ta’ protezzjoni liċ-ċittadini tal-Unjoni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

140.

Meta jitqies ir-rwol importanti li għandha l-protezzjoni tad-data personali fir-rigward tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, tali livell għoli ta’ protezzjoni għandu għaldaqstant jiġi ggarantit anki f’każ ta’ trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz.

141.

Huwa għalhekk li jien inqis li l-Kummissjoni tista’ tikkonstata, fuq il-bażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, li pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni biss meta, fit-tmiem ta’ evalwazzjoni globali tad-dritt u tal-prassi fil-pajjiż terz inkwistjoni, din tkun tista’ tistabbilixxi li dan il-pajjiż terz joffri livell ta’ protezzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dak offrut minn din id-direttiva, anki jekk il-modalitajiet ta’ din il-protezzjoni jistgħu jkunu differenti minn dawk li ġeneralment jitħaddmu fi ħdan l-Unjoni.

142.

Għalkemm it-terminu Ingliż “adequate” jista’ jinftiehem, minn perspettiva lingwistika, bħala wieħed li jindika livell ta’ protezzjoni sempliċiment sodisfaċenti jew suffiċjenti, u li għalhekk għandu kamp semantiku differenti mit-terminu Franċiż “adéquat”, għandu jiġi osservat li l-uniku kriterju li għandu jiggwida l-interpretazzjoni ta’ dan it-terminu huwa l-għan li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif meħtieġ mid-Direttiva 95/46.

143.

L-eżami tal-livell ta’ protezzjoni offrut minn pajjiż terz għandu jikkonċerna żewġ elementi fundamentali, jiġifieri l-kontenut tar-regoli applikabbli u l-mezzi sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn ir-regoli ( 56 ).

144.

Fil-fehma tiegħi, biex jintlaħaq livell ta’ protezzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dak applikat fi ħdan l-Unjoni, is-sistema ta’ privatezza ta’ port salv, li tibbaża fil-parti l-kbira fuq l-awtoċertifikazzjoni u fuq l-awtoevalwazzjoni mill-impriżi li jipparteċipaw b’mod volontarju f’din is-sistema, għandha tkun akkumpanjata minn garanziji adegwati u mekkaniżmu ta’ stħarriġ suffiċjenti. Għalhekk it-trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi ma għandhomx jingħataw protezzjoni iktar dgħajfa minn dik mogħtija waqt l-ipproċessar li jitwettaq fi ħdan l-Unjoni.

145.

F’dan ir-rigward, ninnota qabelxejn li fi ħdan l-Unjoni, jipprevali l-kunċett li skontu mekkaniżmu ta’ stħarriġ estern fil-forma ta’ awtorità indipendenti jikkostitwixxi element meħtieġ ta’ kull sistema bl-għan li tiżgura l-osservanza ta’ regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali.

146.

Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tal-Artikolu 25(1) sa (3) tad-Direttiva 95/46, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li n-natura adegwata tal-livell ta’ protezzjoni offrut minn pajjiż terz tirrappreżenta sitwazzjoni li tevolvi, li tista’ tinbidel maż-żmien skont serje ta’ fatturi. Għaldaqstant, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom joqogħdu attenti b’mod kostanti għal kull bidla fiċ-ċirkustanzi li tista’ tirrikjedi evalwazzjoni mill-ġdid tan-natura adegwata tal-livell ta’ protezzjoni offruta minn pajjiż terz. Evalwazzjoni tan-natura adegwata ta’ dan il-livell ta’ protezzjoni ma tista’ qatt tiġi stabbilita għal mument partikolari u, wara, tinżamm b’mod indefinittiv, irrispettivament minn kull bidla fiċ-ċirkustanzi li turi li, fir-realtà, il-livell ta’ protezzjoni offrut ma għadux adegwat.

147.

L-obbligu għall-pajjiż terz li jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni għalhekk jikkostitwixxi obbligu kontinwu. Jekk l-evalwazzjoni ssir f’mument partikolari, iż-żamma fis-seħħ tad-deċiżjoni dwar l-adegwatezza tissupponi li l-ebda ċirkustanza li seħħet wara ma hija ta’ natura li tqajjem dubju fuq l-evalwazzjoni tal-bidu mwettqa mill-Kummissjoni.

148.

Fil-fatt, wieħed ma għandux jinsa li l-għan tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46 huwa li jiġi evitat li d-data personali tiġi ttrasferita lejn pajjiż terz li ma jiżgurax livell adegwat ta’ protezzjoni, bi ksur tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali ggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta.

149.

Għandu jiġi enfasizzat li s-setgħa mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-Kummissjoni, fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, li tikkonstata li pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni, hija espressament ikkundizzjonata mir-rekwiżit li dan il-pajjiż terz jiżgura tali livell, fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Jekk ċirkustanzi ġodda jkunu ta’ natura li jqajmu dubju fuq l-evalwazzjoni tal-bidu tal-Kummissjoni, din tal-aħħar għandha tadatta d-deċiżjoni tagħha skont dan.

3. L-evalwazzjoni tiegħi

150.

Infakkar li, skont l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, “[i]l-Kummissjoni tista’ tikkonkludi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2), li pajjiż terz ikun qed jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni skond it-tifsira tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, permezz tal-liġi domestika tiegħu jew ta’ l-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom, partikolarment meta jintemmu n-negozjati msemmija fil-paragrafu 5, għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-libertajiet u d-drittijiet bażiċi ta’ l-individwu”. Moqri flimkien mal-Artikolu 25(2) ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 25(6) tagħha jfisser li, biex tikkonstata li pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tar-regoli kollha tad-dritt fis-seħħ f’dan il-pajjiż terz kif ukoll tal-applikazzjoni tagħhom.

151.

Rajna kif iż-żamma mill-Kummissjoni tad-Deċiżjoni 2000/520 tagħha, minkejja li seħħew elementi fattwali u legali ġodda, għandha tinftiehem bħala rieda min-naħa tagħha li tikkonferma l-evalwazzjoni tal-bidu tagħha.

152.

Ma hijiex responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li tevalwa l-fatti li huma l-oriġini tal-kawża li wasslet lill-qorti nazzjonali sabiex tagħmel dan ir-rinviju ( 57 ).

153.

Għalhekk se nibbaża fuq il-fatti indikati mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, fatti li, wara kollox, il-Kummissjoni nnifisha ammettiet b’mod wiesa’ li huma stabbiliti ( 58 ).

154.

L-elementi li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-kontestazzjoni tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha s-sistema dwar il-privatezza ta’ port salv tiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali ttrasferita mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti jistgħu jiġu deskritti hawnhekk.

155.

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tibda miż-żewġ konstatazzjonijiet fattwali li ġejjin. Min-naħa, id-data personali ttrasferita minn impriżi bħal Facebook Ireland lill-kumpannija parent tagħhom stabbilita fl-Istati Uniti, tista’ tiġi sussegwentement ikkonsultata mill-NSA kif ukoll minn aġenziji tas-sigurtà Amerikani oħra matul attivitajiet ta’ sorveljanza u interċettazzjoni fuq skala kbira u mhux immirati. Fil-fatt, wara r-rivelazzjonijiet ta’ E. Snowden, bħalissa, ma tista’ tittieħed ebda konklużjoni plawżibbli oħra mill-provi disponibbli ( 59 ). Min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini tal-Unjoni ma għandhom l-ebda dritt effettiv li jinstemgħu dwar il-kwistjoni tas-sorveljanza u tal-interċettazzjoni tad-data tagħhom mill-NSA u minn aġenziji tas-sigurtà Amerikani oħra ( 60 ).

156.

Il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula b’dan il-mod mill-High Court huma appoġġati mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni nnifisha.

157.

Għalhekk, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Funzjonament tal-Isfera ta’ Sikurezza [privatezza ta’ port salv] mill-Perspettiva taċ-ċittadini tal-UE u tal-kumpanniji stabbiliti fl-UE, imsemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni bdiet bil-konstatazzjoni li, matul l-2013, l-informazzjoni dwar l-iskala u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-programmi ta’ sorveljanza Amerikani qajmet tħassib fuq il-kontinwità tal-protezzjoni tad-data personali li tkun ġiet ittrasferita legalment fl-Istati Uniti taħt l-iskema tal-privatezza ta’ port salv. Hija nnotat li l-kumpanniji kollha involuti fil-programm PRISM, u li jagħtu aċċess lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għad-data maħżuna u pproċessata fl-Istati Uniti, jidhru li huma ċċertifikati fil-kuntest tal-port salv. Fil-fehma tagħha, il-port salv għalhekk sar wieħed mill-mezzi li permezz tagħhom jingħata l-aċċess lill-awtoritajiet tal-informazzjoni tal-Istati Uniti biex jiġbru data personali inizjalment ipproċessata fl-UE ( 61 ).

158.

Minn dawn l-elementi jirriżulta li d-dritt u l-prassi tal-Istati Uniti jippermettu l-ġbir, fuq skala kbira, tad-data personali ta’ ċittadini tal-Unjoni li ġiet ittrasferita fil-kuntest tas-sistema ta’ privatezza tal-port salv, mingħajr ma dawn tal-aħħar jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

159.

Dawn il-konstatazzjonijiet fattwali juru, fil-fehma tiegħi, li d-Deċiżjoni 2000/520 ma tinkludix biżżejjed garanziji. Minħabba dan in-nuqqas ta’ garanziji, din id-deċiżjoni ġiet implementata b’mod li ma jissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa mill-Karta kif ukoll mid-Direttiva 95/46.

160.

Madankollu, deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva għandha l-għan li tikkonstata li pajjiż terz “jassigura [jiżgura]” livell adegwat ta’ protezzjoni. It-terminu “jassigura [jiżgura]”, ikkonjugat fil-preżent, jimplika li, biex tkun tista’ tibqa’ applikabbli, tali deċiżjoni għandha tikkonċerna pajjiż li jibqa’ jiggarantixxi livell adegwat ta’ protezzjoni wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

161.

Fir-realtà, ir-rivelazzjonijiet li jissemmew dwar l-aġir tal-NSA li tuża data ttrasferita fil-kuntest tas-sistema tal-privatezza ta’ port salv jitfgħu dawl fuq id-dgħufijiet tal-bażi legali li tikkostitwixxi d-Deċiżjoni 2000/520.

162.

In-nuqqasijiet li ġew enfasizzati matul din il-proċedura jidhru b’mod iktar partikolari fir-raba’ paragrafu tal-Anness I ta’ din id-deċiżjoni.

163.

Infakkar li, skont din id-dispożizzjoni, “[l-o]sservanza [ta’] dawn il-Prinċipji [ta’ privatezza ta’ port salv] tista’ tkun illimitata: (a) għal-limitu meħtieġ biex jintlaħaqu l-ħtiġiet ta’ sigurtà, l-interess pubbliku, jew tal-liġi; (b) bi statut, regolament governattiv, jew deċiżjonijiet tal-qrati li joħolqu obbligazzjonijiet konflinġenti jew awtorizzazzjonijiet espliċiti, basta li, bl-eżerċitar ta’ xi awtorizzazzjoni bħal din, organizzazzjoni tkun tista’ turi li n-nuqqas ta’ konformità tagħha mal-Prinċipji hija llimitata għal-limiti meħtieġa biex tilħaq l-interessi leġittimi ġenerali imħeġġa b’awtorizzazzjoni bħal din”.

164.

Il-problema essenzjalment tirriżulta mill-użu li jagħmlu l-awtoritajiet Amerikani mid-derogi previsti mill-imsemmija dispożizzjoni. Minħabba l-formulazzjoni tagħhom li hija wisq ġenerali, l-implementazzjoni ta’ dawn id-derogi minn dawn l-awtoritajiet ma hijiex limitata għal dik li hu strettament meħtieġ.

165.

Ma’ din il-formulazzjoni ġenerali wisq, tiżdied iċ-ċirkustanza li ċ-ċittadini tal-Unjoni ma għandhomx rimedju adatt kontra l-ipproċessar tad-data personali tagħhom għal skopijiet differenti minn dawk li għalihom fil-bidu tkun ġiet miġbura, u mbagħad ittrasferita lejn l-Istati Uniti.

166.

Id-derogi previsti mid-Deċiżjoni 2000/520 għall-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv, b’mod partikolari għar-rekwiżiti ta’ sigurtà nazzjonali, għandhom ikunu akkumpanjati mill-implementazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ stħarriġ indipendenti xieraq biex jiġi evitat il-ksur ikkonstatat tad-dritt għall-ħajja privata.

167.

Għalhekk, ir-rivelazzjonijiet dwar il-prassi tas-servizzi tal-informazzjoni Amerikani fir-rigward tas-sorveljanza ġġeneralizzata tad-data ttrasferita fil-kuntest tal-privatezza ta’ port salv ġew żvelati ċerti nuqqasijiet marbuta mad-Deċiżjoni 2000/520.

168.

L-allegazzjonijiet li jissemmew fil-kuntest ta’ din il-kawża ma jikkostitwixxux ksur minn Facebook tal-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv. Għalkemm impriża ċċertifikata, bħal Facebook USA, tagħti lill-awtoritajiet Amerikani aċċess għad-data li ġiet ittrasferita lilha minn Stat Membru, jista’ jitqies li hija għamlet dan biex tikkonforma mal-leġiżlazzjoni Amerikana. Fir-rigward tal-fatt li tali sitwazzjoni hija espressament permessa mid-Deċiżjoni 2000/520, minħabba l-formulazzjoni wiesgħa tad-derogi li fiha, fir-realtà, hija l-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ tali derogi mad-dritt primarju tal-Unjoni li titqajjem fil-kuntest ta’ din il-kawża.

169.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxi kundizzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni u li ma jistgħux jiġu aċċettati fl-Unjoni miżuri inkompatibbli mar-rispett tagħhom ( 62 ).

170.

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-komunikazzjoni ta’ data personali miġbura lil terzi, pubbliċi jew privati, tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata “indipendentement mill-użu ulterjuri ta’ l-informazzjoni kkomunikata b’dan il-mod” ( 63 ). Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha Digital Rights Ireland et ( 64 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiġu awtorizzati jaċċessaw tali data jikkostitwixxi ksur supplimentari ta’ dan id-dritt fundamentali ( 65 ). Barra minn hekk, kull forma ta’ pproċessar tad-data personali hija msemmija fl-Artikolu 8 tal-Karta u tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għall-protezzjoni ta’ tali data ( 66 ). L-aċċess li għandhom is-servizzi tal-informazzjoni Amerikani għad-data ttrasferita għalhekk jikkostitwixxi wkoll indħil fid-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali ggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta, peress li tali aċċess jikkostitwixxi pproċessar ta’ din id-data.

171.

Bħalma kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, l-indħil identifikat hawnhekk għandu portata wiesgħa u għandu jitqies bħala partikolarment gravi, fir-rigward tal-għadd sinjifikattiv ta’ utenti kkonċernati u tal-kwantitajiet ta’ data ttrasferita. Dawn l-elementi, assoċjati man-natura sigrieta tal-aċċess mill-awtoritajiet Amerikani għad-data personali ttrasferita lejn l-impriżi stabbiliti fl-Istati Uniti, jagħmlu l-indħil estremament serju.

172.

Ma’ dan tiżdied iċ-ċirkustanza li ċ-ċittadini tal-Unjoni, li huma utenti ta’ Facebook, ma humiex informati bil-fatt li d-data personali tagħhom se tkun aċċessibbli b’mod ġenerali għall-aġenziji tas-sigurtà Amerikani.

173.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll il-fatt li l-qorti tar-rinviju kkonstatat li, fl-Istati Uniti, iċ-ċittadini tal-Unjoni ma għandhom l-ebda dritt effettiv li jinstemgħu fuq il-kwistjoni tas-sorveljanza u tal-interċettazzjoni tad-data tagħhom. Il-FISC teżerċita superviżjoni, iżda l-proċedura quddiemha hija sigrieta u mhux kontradittorja ( 67 ). Jien inqis li hawnhekk hawn indħil fid-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għal rimedju effettiv li huwa mħares mill-Artikolu 47 tal-Karta.

174.

Għalhekk l-indħil li jippermettu d-derogi għall-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv li jinsabu fir-raba’ paragrafu tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/520 fid-drittijiet fundamentali protetti mill-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta huwa stabbilit.

175.

Issa, hemm lok li jiġi vverifikat jekk dan l-indħil huwiex iġġustifikat jew le.

176.

F’konformità mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti minnha għandha tkun prevista mil-liġi, u għandha tirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet. B’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet u libertajiet biss jekk ikunu meħtieġa u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew għall-bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

177.

Fid-dawl tal-kundizzjonijiet stipulati b’dan il-mod biex ikunu jistgħu jiġu permessi l-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet protetti mill-Karta, jien niddubita bil-kbir li l-limitazzjonijiet li huma inkwistjoni f’din il-kawża jistgħu jitqiesu bħala li josservaw il-kontenut essenzjali tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Fil-fatt, l-aċċess tas-servizzi tal-informazzjoni Amerikani għad-data ttrasferita jidher li huwa estiż għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, li jippreġudika l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tad-drittijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-Karta. Barra minn hekk, sa fejn il-formulazzjoni wiesgħa tal-limitazzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/520 tista’ tippermetti li tiġi injorata l-applikazzjoni tal-prinċipji kollha tal-privatezza ta’ port salv, jista’ jitqies li dawn il-limitazzjonijiet jippreġudikaw il-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali ( 68 ).

178.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-indħil ikkonstatat jissodisfax għan ta’ interess ġenerali, l-ewwel nett infakkar li, skont il-punt b tar-raba’ paragrafu tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/520, l-osservanza tal-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv tista’ tkun limitata minn “statut, regolament governattiv, jew deċiżjonijiet tal-qrati li joħolqu obbligazzjonijiet konflinġenti jew awtorizzazzjonijiet espliċiti, basta li, bl-eżerċitar ta’ xi awtorizzazzjoni bħal din, organizzazzjoni tkun tista’ turi li n-nuqqas ta’ konformità tagħha mal-Prinċipji hija llimitata għal-limiti meħtieġa biex tilħaq l-interessi leġittimi ġenerali imħeġġa b’awtorizzazzjoni bħal din”.

179.

Bilfors irid jiġi kkonstatat li l-“interessi leġittimi” li jissemmew f’din id-dispożizzjoni ma humiex ippreċiżati. Minn dan tirriżulta inċertezza fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, potenzjalment estremament wiesa’, ta’ din id-deroga għall-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv mill-impriżi aderenti.

180.

Il-qari tal-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-punt B tal-Anness IV tad-Deċiżjoni 2000/520, intitolat “Awtorizzazzjonijiet Legali Espliċiti”, jikkonferma din l-impressjoni, b’mod partikolari l-affermazzjoni li skontha “[k]jarament, meta liġi tal-U.S. [l-Istati Uniti] timponi obbligazzjonijiet konflinġenti, organizzazzjonijiet tal-U.S., sew jekk fil-port salv jew le, għandhom ikunu konformi mal-liġi”. Barra minn hekk, fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet espliċiti, huwa indikat li “waqt li l-prinċipji ta’ port salv huma intenzjonati li jressqu lejn xulxin id-differenzi bejn il-U.S. [l-Istati Uniti] u r-regolamenti Ewropej għal protezzjoni ta’ privatezza, aħna għandna nirrispettaw il-prerogattivi leġislattivi [tal-leġiżlaturi] elett[i] tagħna”.

181.

Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li din id-deroga tikser l-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta sa fejn din ma tfittixx għan ta’ interess ġenerali ddefinit b’mod preċiż biżżejjed.

182.

Fi kwalunkwe każ, il-faċilità u l-mod ġenerali li bihom id-Deċiżjoni 2000/520 innifisha, fil-punt b tar-raba’ paragrafu tal-Anness I tagħha u fil-punt B tal-Anness IV tagħha, tipprevedi li l-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv jistgħu jiġu injorati fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt Amerikan, huma inkompatibbli mal-kundizzjoni li skontha d-derogi għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali għandhom jiġu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ. Ċertament tissemma’ l-kundizzjoni ta’ neċessità iżda, minbarra li l-prova ta’ din il-kundizzjoni hija r-responsabbiltà tal-impriża ikkonċernata, jien ma narax kif tali impriża tista’ twarrab obbligu li teskludi l-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv li jirriżulta mir-regoli tad-dritt li hija marbuta tapplika.

183.

Għaldaqstant, jien tal-fehma li d-Deċiżjoni 2000/520 għandha tiġi ddikjarata invalida sa fejn l-eżistenza ta’ deroga li tippermetti b’mod daqshekk ġenerali u impreċiż li jitwarrbu l-prinċipji ta’ sistema ta’ privatezza ta’ port salv waħedha xxekkel lil dak li jkun milli jqis li din is-sistema tiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali li tiġi ttrasferita lejn l-Istati Uniti mill-Unjoni.

184.

Issa, fir-rigward tal-ewwel kategorija ta’ limiti previsti fil-punt a tar-raba’ paragrafu tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/520 minħabba rekwiżiti dwar is-sigurtà nazzjonali, ta’ interess pubbliku u l-osservanza tal-liġijiet Amerikani, l-ewwel għan biss jidhirli li huwa preċiż biżżejjed biex jitqies bħala għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

185.

Hemm lok li f’dan il-punt tiġi vverifikata l-proporzjonalità tal-indħil kkonstatat.

186.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li “l-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu idonei sabiex jiksbu l-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li hu xieraq u neċessarju għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet” ( 69 ).

187.

Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, “ġaladarba jinsabu inkwistjoni inġerenzi [ndħil] fi drittijiet fundamentali, il-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni tista’ tirriżulta li hija limitata skont ċertu numru ta’ elementi, fosthom, b’mod partikolari, il-qasam ikkonċernat, in-natura tad-dritt inkwistjoni ggarantit mill-Karta, in-natura u l-gravità tal-inġerenza kif ukoll l-għan tagħha” ( 70 ).

188.

Jien tal-fehma li d-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tadotta fuq il-bażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46 ikunu suġġetti għall-istħarriġ komplet mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-proporzjonalità tal-evalwazzjoni mwettqa minn din l-istituzzjoni dwar in-natura adegwata tal-livell ta’ protezzjoni offruta minn pajjiż terz permezz “tal-liġi domestika tiegħu jew ta’ l-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom”.

189.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, fis-sentenza tagħha Digital Rights Ireland et ( 71 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “fid-dawl, minn naħa, tar-rwol importanti li għandha l-protezzjoni tad-data ta’ natura personali fir-rigward tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u, min-naħa l-oħra, tad-daqs u tal-gravità tal-inġerenza [indħil] f’dan id-dritt li għandha d-Direttiva [inkwistjoni], is-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni tirriżulta mnaqqsa b’tali mod li jkun meħtieġ li jsir stħarriġ strett” ( 72 ).

190.

Tali ndħil għandu jkun adegwat sabiex jinkiseb l-għan imfittex mill-att tal-Unjoni inkwistjoni u huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan.

191.

F’dan ir-rigward, “[f]ir-rigward tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, il-protezzjoni ta’ dan id-dritt fundamentali tirrikjedi, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja […], li d-derogi għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom isiru fil-limiti tal-minimu neċessarju” ( 73 ).

192.

Fl-istħarriġ tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis ukoll iċ-ċirkustanza li “l-protezzjoni tad-data ta’ natura personali, li tirriżulta mill-obbligu espliċitu previst fl-Artikolu 8(1) tal-Karta, għandha importanza partikolari għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata stabbilita fl-Artikolu 7 tagħha” ( 74 ).

193.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, “il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu minimu ta’ rekwiżiti b’tali mod li l-persuni, li tagħhom tkun inżammet id-data, ikollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li tiġi protetta effikaċjement id-data ta’ natura personali tagħhom kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess u kull użu illegali ta’ din id-data” ( 75 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li “[l]-ħtieġa li wieħed ikollu tali garanziji tkun wisq iżjed importanti meta […] id-data ta’ natura personali tkun suġġetta għal ipproċessar awtomatiku u meta jeżisti riskju kbir ta’ aċċess illegali għal din id-data” ( 76 ).

194.

Fil-fehma tiegħi, teżisti analoġija bejn il-punt a tar-raba’ paragrafu tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/520 u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46. Fl-ewwel dispożizzjoni, hemm indikat li l-osservanza tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ port salv tista’ tkun limitata “għal-limitu meħtieġ biex jintlaħaqu l-ħtiġiet ta’ sigurtà, l-interess pubbliku, jew tal-liġi”. Fit-tieni waħda, huwa previst li l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri leġiżlattivi biex jirrestrinġu l-portata tal-obbligi u tad-drittijiet previsti fl-Artikoli 6(1), 10, 11(1), 12 u 21 ta’ din id-direttiva, meta din il-limitazzjoni tikkostitwixxi miżura meħtieġa għall-protezzjoni, b’mod partikolari, tas-sigurtà nazzjonali, id-difiża, is-sigurtà pubblika kif ukoll il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali.

195.

Bħalma tinnota l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha IPI ( 77 ), mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-miżuri previsti f’din id-dispożizzjoni biss meta jkunu meħtieġa. In-natura “meħtieġa” tal-miżuri għalhekk tikkundizzjona l-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri mill-imsemmija dispożizzjoni ( 78 ). Għall-ipproċessar ta’ data personali fi ħdan l-Unjoni, il-limiti previsti fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva għandhom jinftiehmu bħala li huma ristretti għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imfittex. Fil-fehma tiegħi, l-istess għandu japplika fir-rigward tal-limiti għall-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv li huma previsti fir-raba’ paragrafu tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/520.

196.

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi kollha ma ssemmi l-kriterju ta’ neċessità fil-formulazzjoni tal-punt a tar-raba’ paragrafu tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/520. Dan japplika b’mod partikolari għall-verżjoni fil-lingwa Franċiża li tindika li “[l]’adhésion aux principes peut être limitée par […] les exigences relatives à la sécurité nationale, l’intérêt public et le respect des lois aux États-Unis”, filwaqt li, pereżempju, il-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola, dik Ġermaniża u dik Ingliża jindikaw li l-limitazzjonijiet stabbiliti għandhom ikunu meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq.

197.

Fi kwalunkwe każ, l-elementi fattwali prodotti mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-Kummissjoni fil-komunikazzjonijiet tagħha msemmija iktar ’il fuq juru b’mod ċar li, fil-prattika, l-implementazzjoni ta’ din il-limitazzjoni ma hijiex ristretta għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet previsti.

198.

Jien nosserva, f’dan ir-rigward, li l-aċċess għad-data personali ttrasferita li għandhom għad-dispożizzjoni s-servizzi tal-informazzjoni Amerikani jkopri b’mod iġġeneralizzat lil kull persuna u l-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika kif ukoll id-data kollha ttrasferita, inkluż il-kontenut tal-komunikazzjonijiet, mingħajr ma ssir ebda differenzjazzjoni, limitazzjoni jew eċċezzjoni fid-dawl tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex ( 79 ).

199.

Fil-fatt, l-aċċess tas-servizzi tal-informazzjoni Amerikani għad-data ttrasferita jikkonċerna b’mod globali l-persuni kollha li jużaw servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-persuni kkonċernati jippreżentaw theddida għas-sigurtà nazzjonali ( 80 ).

200.

Tali sorveljanza fuq skala kbira u mhux immirata hija sproporzjonata fiha nnifisha u tikkostitwixxi ndħil mhux iġġustifikat fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

201.

Bħalma nnota ġustament il-Parlament fl-osservazzjonijiet tiegħu, peress li huwa impossibbli għal-leġiżlatur tal-Unjoni jew għall-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet leġiżlattivi li, bi ksur tal-Karta, jipprevedu sorveljanza fuq skala kbira u mhux immirata, jirriżulta neċessarjament li, a fortiori, pajjiżi terzi fl-ebda każ ma jistgħu jitqiesu li jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali taċ-ċittadini tal-Unjoni jekk il-leġiżlazzjoni tagħhom tawtorizza effettivament is-sorveljanza u l-interċettazzjoni fuq skala kbira u mhux immirati ta’ data ta’ dan it-tip.

202.

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li s-sistema tal-privatezza ta’ port salv kif iddefinita mid-Deċiżjoni 2000/520 ma fihiex garanziji xierqa biex jiġi evitat aċċess fuq skala kbira u ġġeneralizzat għad-data ttrasferita.

203.

F’dan ir-rigward nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza fis-sentenza tagħha Digital Rights Ireland et ( 81 ), l-importanza li jiġu previsti “regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata tal-inġerenza [tal-indħil] fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta” ( 82 ). Tali ndħil, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jkun “preċiżament [irregolat] minn dispożizzjonijiet li jippermettu li jiġi ggarantit li [huwa] effettivament [limitat] għall-minimu neċessarju” ( 83 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’din is-sentenza, saħqet ukoll fuq in-neċessità li jiġu previsti “garanziji suffiċjenti, hekk kif inhu meħtieġ mill-Artikolu 8 tal-Karta, li jippermettu li tiġi żgurata protezzjoni effikaċi tad-data [personali] miżmuma kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess u kull użu illegali ta’ din id-data” ( 84 ).

204.

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-mekkaniżmi ta’ arbitraġġ privat u l-FTC, permezz tar-rwol tagħhom limitat għat-tilwim ta’ natura kummerċjali, ma jikkostitwixxux mezzi biex jiġi kkontestat l-aċċess tas-servizzi tal-informazzjoni Amerikani għad-data personali ttrasferita mill-Unjoni.

205.

Il-kompetenza tal-FTC tkopri l-azzjonijiet u l-prassi inġusti jew qarrieqa fil-qasam tal-kummerċ u għalhekk ma hijiex estiża għall-ġbir u għall-użu ta’ informazzjoni personali għal skopijiet mhux kummerċjali ( 85 ). Il-qasam tal-kompetenza limitat tal-FTC jirrestrinġi d-dritt tal-individwi għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom. L-FTC ġiet implementata mhux biex tiżgura, bħalma huwa l-każ fi ħdan l-Unjoni għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni, il-protezzjoni tad-dritt individwali għall-ħajja privata, iżda biex tiggarantixxi kummerċ leali u affidabbli għall-konsumaturi, li jillimita, de facto, l-kapaċitajiet tagħha li tintervjeni fil-qasam b’rabta mal-protezzjoni tad-data personali. L-FTC għalhekk ma għandhiex rwol komparabbli għal dak tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni previsti fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46.

206.

Iċ-ċittadini tal-Unjoni li d-data tagħhom ġiet ittrasferita jistgħu jindirizzaw lill-organi ta’ arbitraġġ speċjalizzati stabbiliti fl-Istati Uniti bħal TRUSTe u BBBOnline biex jitolbu preċiżazzjonijiet dwar jekk l-impriża li żżomm id-data personali tagħhom tiksirx il-kundizzjonijiet tas-sistema tal-awtoċertifikazzjoni. L-arbitraġġ privat żgurat minn organi bħal TRUSTe ma jistax jittratta ksur tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li jitwettaq minn organi jew awtoritajiet oħra li ma humiex impriżi awtoċertifikati. Dawn l-organi ta’ arbitraġġ ma għandhom l-ebda kompetenza biex jiddeċiedu dwar il-legalità tal-attivitajiet tal-aġenziji tas-sigurtà Amerikani.

207.

Għaldaqstant, la l-FTC u lanqas l-organi ta’ arbitraġġ privat ma għandhom il-kompetenza li jistħarrġu dwar il-ksur possibbli tal-prinċipji ta’ protezzjoni tad-data personali mwettaq minn atturi pubbliċi bħall-aġenziji tas-sigurtà Amerikani. Tali kompetenza, madankollu, tkun essenzjali biex jiġi ggarantit bis-sħiħ id-dritt għall-protezzjoni effettiva tad-data. Il-Kummissjoni għalhekk ma setgħetx tikkonstata, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2000/520 u biż-żamma tagħha fis-seħħ, li għad-data personali kollha li tiġi ttrasferita lejn l-Istati Uniti hemm protezzjoni adegwata tad-dritt mogħti mill-Artikolu 8(3) tal-Karta, jiġifieri li awtorità indipendenti teżerċita stħarriġ effettiv tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà ta’ din id-data.

208.

Konsegwentement, hemm lok li tiġi kkonstatata l-assenza, fi ħdan is-sistema tal-protezzjoni ta’ port salv prevista mid-Deċiżjoni 2000/520, ta’ awtorità indipendenti li tista’ tistħarreġ li l-implementazzjoni tad-derogi għall-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv hija limitata għal dak strettament meħtieġ. Madankollu rajna li tali stħarriġ minn awtorità indipendenti jikkostitwixxi, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, element essenzjali tar-rispett tal-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali ( 86 ).

209.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ir-rwol, fis-sistema ta’ protezzjoni tad-data personali fis-seħħ fi ħdan l-Unjoni, li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni biex jistħarrġu l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(4) ta’ din id-direttiva, “[k]ull awtorità ta’ superviżjoni għandha, partikolarment, tisma’ talbiet għal verifiki dwar il-legalità ta’ ipproċessar ta’ data mressqa minn kull persuna meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond l-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva jkunu japplikaw”. B’mod simili, jien inqis li r-riferiment għal limiti għall-applikazzjoni ta’ prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv fir-raba’ paragrafu tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/520 għandu jkun akkumpanjat mill-implementazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ stħarriġ żgurat minn awtorità indipendenti speċjalizzata fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali.

210.

L-intervent tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni indipendenti huwa, fil-fatt, fil-qalba tas-sistema Ewropea ta’ protezzjoni tad-data personali. Huwa għalhekk naturali li l-eżistenza ta’ tali awtoritajiet titqies qabelxejn bħala waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi kkonstatata l-adegwatezza tal-livell ta’ protezzjoni offruta mill-pajjiż terz. Din tirrigwarda kundizzjoni sabiex il-flussi ta’ data mit-territorju tal-Istati Membri lejn dak ta’ pajjiż terz ma jkunux ipprojbiti f’konformità mal-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46 ( 87 ). Bħalma jinnota d-dokument ta’ diskussjoni adottat mill-grupp ta’ ħidma stabbilit mill-Artikolu 29 tad-Direttiva, fl-Ewropa jeżisti qbil kbir li skontu “mekkaniżmu ta’ ‘stħarriġ estern’, fil-forma ta’ awtorità indipendenti, jikkostitwixxi element meħtieġ ta’ kull sistema li tipprevedi l-iżgurar tal-osservanza ta’ regoli dwar il-protezzjoni tad-data” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 88 ).

211.

Ninnota, barra minn hekk, li l-FISC ma toffrix azzjoni ġudizzjarja effettiva liċ-ċittadini tal-Unjoni meta d-data personali tiġi ttrasferita lejn l-Istati Uniti. Fil-fatt, is-salvagwardji kontra s-sorveljanza mis-servizzi governattivi fil-kuntest tat-Taqsima 702 tal-Liġi tal-1978 dwar is-sorveljanza tas-servizzi tal-informazzjoni barranin japplikaw biss għaċ-ċittadini Amerikani kif ukoll għaċ-ċittadini barranin li jgħixu legalment u b’mod permanenti fl-Istati Uniti. Bħalma nnotat il-Kummissjoni stess, l-istħarriġ tal-programmi Amerikani ta’ ġbir ta’ informazzjoni jista’ jitjieb billi jissaħħaħ ir-rwol tal-FISC u bl-introduzzjoni ta’ rimedji ġudizzjarji għall-individwi. Dawn il-mekkaniżmi jistgħu jnaqqsu l-ipproċessar ta’ data personali taċ-ċittadini tal-Unjoni li ma hijiex rilevanti għal għanijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ( 89 ).

212.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess indikat li ċ-ċittadini tal-Unjoni ma għandhom l-ebda possibbiltà li jiksbu aċċess, rettifika jew tħassir tad-data, jew rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju fir-rigward tal-ġbir u l-ipproċessar ulterjuri tad-data personali tagħhom li jitwettqu fil-kuntest tal-programmi ta’ sorveljanza Amerikani ( 90 ).

213.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi msemmi li r-regoli Amerikani dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata jistgħu jkunu suġġetti għal applikazzjoni diverġenti skont ikunux ċittadini Amerikani jew ċittadini barranin ( 91 ).

214.

Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li d-Deċiżjoni 2000/520 ma tipprevedix regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata tal-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni u l-applikazzjoni tagħha jinkludu ndħil f’dawn id-drittijiet fundamentali ta’ portata wiesgħa u ta’ gravità partikolari mingħajr ma tali ndħil huwa preċiżament irregolat minn dispożizzjonijiet li jippermettu li jiġi ggarantit li huwa effettivament limitat għal dak strettament meħtieġ.

215.

Bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2000/520, u mbagħad biż-żamma tagħha fis-seħħ, il-Kummissjoni għalhekk marret lil hinn mil-limiti li teżiġi l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta. Ma’ dan tiżdied il-konstatazzjoni ta’ ndħil mhux iġġustifikat fid-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għal rimedju effettiv protett mill-Artikolu 47 tal-Karta.

216.

Din id-deċiżjoni, konsegwentement, għandha tiġi ddikjarata invalida sa fejn, minħabba l-ksur tad-drittijiet fundamentali deskritti preċedentement, ma jistax jitqies li s-sistema tal-privatezza ta’ port salv li din tistabbilixxi tiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali li tiġi ttrasferita mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti fil-kuntest ta’ din is-sistema.

217.

Fid-dawl ta’ tali konstatazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni, inqis li l-Kummissjoni għandha tissospendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/520.

218.

Din id-deċiżjoni hija għal żmien indeterminat. Madankollu, din il-kawża turi li n-natura adegwata tal-livell ta’ protezzjoni offrut minn pajjiż terz jista’ jevolvi maż-żmien skont il-bidla fiċ-ċirkustanzi kemm fattwali kif ukoll ġuridiċi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni.

219.

Ninnota li d-Deċiżjoni 2000/520 stess fiha dispożizzjonijiet li jipprevedu l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tadattaha skont iċ-ċirkustanzi.

220.

Għalhekk, mill-premessa 9 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li “[l]-‘port salv’ maħluq bil-Prinċipji u tal-FAQs, jista’ jkun irrivedut fid-dawl ta’ esperjenza, ta’ żviluppi li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-privatezza f’ċirkostanzi li fihom it-teknoloġija tkun kontinwament tagħmel aktar faċli t-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data personali u fid-dawl ta’ rapporti dwar l-implimentazzjoni b’inforzament mill-awtoritajiet involuti”.

221.

Bl-istess mod, skont l-Artikolu 3(4) tal-imsemmija deċiżjoni, “[j]ekk l-informazzjoni miġbura permezz ta’ paragrafi 1, 2 u 3 tipprovdi evidenza li xi korp responsabbli biex jassigura konformità mal-Prinċipji implimentati bi qbil mal-FAQs fl-Istati Uniti ma jkunx effettivament qed iwettaq l-irwol tiegħu, il-Kummissjoni għandha tinforma lid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA u, fejn meħtieġ, tippreżenta abbozz ta’ miżuri […] bil-għan li treġġa’ lura jew tissospendi d-Deċiżjoni preżenti jew tillimita l-firxa ta’ applikazzjoni tagħha”.

222.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2000/520, din “tista’ tkun addattata fi kwalunkwe żmien fid-dawl ta’ esperjenza dwar l-implimentazzjoni tagħha u/jew jekk il-livell ta’ protezzjoni ipprovduta mill-Prinċipji u l-FAQs tkun misbuqa bil-ħtiġiet tal-leġislazzjoni tal-USA. Il-Kummissjoni għandha fi kwalunkwe każ tagħmel evalwazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni preżenti fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli tliet snin wara n-notifikazzjoni tagħha lill-Istati Membri u tirraporta xi sejbiet pertinenti li l-Kumitat stabbilit permezz ta’ l-Artikolu 31 ta’ Direttiva 95/46/[…], inkluża xi evidenza li tista’ teffettwa l-evalwazzjoni [li skontha d-dispożizzjonijiet] stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni jkunu jipprovdu protezzjoni adegwata fil-qofol tat-tifsira tal-Artikolu 25 ta’ Direttiva 95/46/KE”. Skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2000/520, “[i]l-Kummissjoni għandha, jekk meħtieġ, tippreżenta abbozz ta’ miżuri bi qbil mal-proċedura li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 31 ta’ Direttiva 95/46”.

223.

Il-Kummissjoni kkonstatat fl-osservazzjonijiet tagħha li teżisti “probabbiltà kbira […] li l-osservanza tal-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv hija limitata b’mod li ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet strettament delimitati tal-eżenzjoni prevista fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 92 ). Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li “[r]-rivelazzjonijiet inkwistjoni jindikaw grad ta’ sorveljanza mingħajr distinzjoni fuq skala kbira li la huwa kompatibbli mal-kriterju ta’ neċessità previst minn din l-eżenzjoni u lanqas, b’mod iktar ġenerali, mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta” ( 93 ). Il-Kummissjoni, barra minn hekk, ikkonstatat hija stess li “[l]-ilħiq ta’ […] programmi ta’ sorveljanza, flimkien mat-trattament mhux ugwali taċ-ċittadini tal-[Unjoni], ipoġġu f’dubju l-livell ta’ protezzjoni mogħti mill-arranġament tal-Protezzjoni Xierqa [port salv]” ( 94 ).

224.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet espressament, matul is-seduta, li, fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2000/520, kif applikata bħalissa, ma hemmx garanzija li d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-data tagħhom se jkun żgurat. Madankollu, fil-fehma tagħha, din il-konstatazzjoni ma hijiex ta’ natura li tagħmel din id-deċiżjoni invalida. Għalkemm il-Kummissjoni taqbel mal-affermazzjoni li skontha hija għandha taġixxi fil-konfront ta’ ċirkustanzi ġodda, hija tqis li hija ħadet miżuri li huma xierqa u proporzjonati bil-ftuħ ta’ negozjati mal-Istati Uniti għar-riforma tas-sistema tal-privatezza ta’ port salv.

225.

Jien ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni. Fil-fatt, sadanittant, it-trasferimenti ta’ data personali lejn l-Istati Uniti għandu jkun jista’ jiġi sospiż fuq l-inizjattiva tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni jew wara lmenti mressqa quddiemhom.

226.

Għaldaqstant inqis li, fid-dawl ta’ tali konstatazzjonijiet, il-Kummissjoni kellha tissospendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/520. Fil-fatt, l-għan ta’ protezzjoni tad-data personali li jfittxu d-Direttiva 95/46 kif ukoll l-Artikolu 8 tal-Karta jeżiġi obbligi mhux fuq l-Istati Membri biss, iżda wkoll fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 51(1) tal-Karta.

227.

Fl-evalwazzjoni tagħha tal-livell ta’ protezzjoni offrut minn pajjiż terz, il-Kummissjoni ma għandhiex teżamina biss il-leġiżlazzjoni domestika u l-impenji internazzjonali ta’ dan il-pajjiż terz, iżda wkoll il-mod li bih tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali fil-prattika. Jekk l-eżami tal-prassi jiżvela funzjonament ħażin, il-Kummissjoni għandha tirreaġixxi u, jekk ikun il-każ, tissospendi u/jew tadatta d-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien.

228.

Bħalma rajna fl-argumenti preċedenti tiegħi, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri jikkonsisti prinċipalment fl-iżgurar, permezz ta’ azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni tagħhom, tal-osservanza tar-regoli previsti mid-Direttiva 95/46.

229.

L-obbligu impost fuq il-Kummissjoni huwa li tissospendi l-applikazzjoni ta’ deċiżjoni li hija tkun adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 25(6) ta’ din id-direttiva f’każ ta’ nuqqasijiet ipprovati min-naħa tal-pajjiż terz ikkonċernat u waqt li tmexxi negozjati ma’ dan il-pajjiż terz bl-għan li jintemmu dawn in-nuqqasijiet.

230.

Infakkar li deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tikkonstata li pajjiż terz “jassigura [jiżgura]” livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali li tkun suġġetta għal trasferiment lejn dan il-pajjiż terz. It-terminu “jassigura [jiżgura]”, ikkonjugat fil-preżent jimplika li, biex tkun tista’ tibqa’ tapplika, tali deċiżjoni għandha tkun tikkonċerna pajjiż li jibqa’ jiggarantixxi livell adegwat ta’ protezzjoni wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

231.

Skont il-premessa 57 tad-Direttiva 95/46, “m’għandux jitħalla jsir it-trasferiment ta’ data personali lil pajjiż terz li ma jassigurax livell tajjeb ta’ protezzjoni”.

232.

Skont l-Artikolu 25(4) ta’ din id-direttiva, “[m]eta l-Kummissjoni ssib, skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 31(2), li pajjiż terz ma jkunx qed jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni skond it-tifsira tal-Paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ma jħallux li jsir trasferiment ta’ data ta’ l-istess tip lill-pajjiż terz in kwistjoni”. Barra minn hekk, l-Artikolu 25(5) ta’ din id-direttiva jiddisponi li “[m]eta jkun jaqbel, il-Kummissjoni għandha tidħol f’negozjati bil-għan li ssib rimedju għas-sitwazzjoni li tirriżulta minn dak li tkun sabet skond il-Paragrafu 4”.

233.

Minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar jirriżulta li, fis-sistema implementata mill-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46, in-negozjati miftuħa ma’ pajjiż terz għandhom l-għan li jirrimedjaw għall-assenza ta’ livell adegwat ta’ protezzjoni kkonstatat f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 31(2) ta’ din id-direttiva. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kkonstatatx formalment, f’konformità ma’ din il-proċedura, li s-sistema tal-privatezza ta’ port salv ma għadhiex tiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni. Għaldaqstant, jekk il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ negozjati mal-Istati Uniti, dan huwa minħabba l-fatt li, minn qabel, hija qieset li l-livell ta’ protezzjoni żgurat minn dan il-pajjiż terz ma għadux adegwat.

234.

Għalkemm kienet konxja tal-funzjonament ħażin fl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/520, il-Kummissjoni la ssospendiet u lanqas adattat din tal-aħħar, u b’hekk kompla għaddej il-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li d-data personali tagħhom ġiet u għadha qiegħda tiġi ttrasferita fil-kuntest tas-sistema ta’ privatezza ta’ port salv.

235.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, ċertament f’kuntest ieħor, li hija l-Kummissjoni li hija responsabbli sabiex tadatta l-leġiżlazzjoni għal fatturi ġodda ( 95 ).

236.

Tali nuqqas ta’ aġir min-naħa tal-Kummissjoni, li jippreġudika direttament id-drittijiet fundamentali protetti mill-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta, jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, motiv supplimentari biex id-Deċiżjoni 2000/520 tiġi ddikjarata invalida fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ( 96 ).

III – Konklużjoni

237.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati iktar ’il fuq, jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-High Court bil-mod segwenti:

L-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea fuq il-bażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46 ma għandhiex effett li tipprekludi lil awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni milli tinvestiga lment li jallega li pajjiż terz ma jiżgurax livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali u, jekk ikun il-każ, milli tissospendi t-trasferiment ta’ din id-data.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520, tas-26 ta’ Lulju 2000, skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv u li tirrigwarda mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti tal-Amerika, hija invalida.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “Il-Bini mill-Ġdid tal-Fiduċja fil-Flussi tad-Dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti” [COM(2013) 846 finali].

( 3 )   Paġna 2.

( 4 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 119.

( 5 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 95/46”).

( 6 )   Frequently asked questions, iktar ’il quddiem il-“FAQ”.

( 7 )   It-tieni paragrafu tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/520.

( 8 )   Ara l-Anness I, taħt “Notifika”.

( 9 )   Ara l-Anness I, taħt “Għażla”.

( 10 )   Ara l-Anness I, taħt “Trasferiment ’il quddiem [ulterjuri]”.

( 11 )   Ara l-Anness I, taħt “Sigurtà”.

( 12 )   Ara l-Anness 1, taħt “Integrità tad-data”.

( 13 )   Ara l-Anness 1, taħt “Aċċess”.

( 14 )   Ara l-Anness 1, taħt “Infurzar”.

( 15 )   Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2000/520. Ara, ukoll, l-Anness II, FAQ 6.

( 16 )   Tielet paragrafu tal-Anness I.

( 17 )   Ara wkoll il-punt B tal-Anness IV.

( 18 )   Ara t-Taqsima 702 ta’ din il-liġi, kif emendata bil-Liġi tal-2008 (Foreign Intelligence Surveillance Act of 2008). Huwa bl-applikazzjoni ta’ din it-taqsima li l-NSA żżomm database magħrufa bl-isem ta’ “PRISM” (ara report on the Findings by the EU Co-chairs of the ad hoc EU-US Working Group on Data Protection tas-27 ta’ Novembru 2013).

( 19 )   Il-High Court tirreferi, b’mod partikolari, għar-rispett tad-dinjità tal-bniedem u għal-libertà tal-persuna (preambolu), għall-awtonomija personali [l-Artikolu 40(3)(1) u (2)], għall-invjolabbiltà tad-domiċilju [l-Artikolu 40(5)] u għall-protezzjoni tal-ħajja tal-familja (l-Artikolu 41).

( 20 )   Il-High Court tindika, f’dan ir-rigward, li l-motiv prinċipali invokat minn M. Schrems quddiemha kien jikkonsisti fl-affermazzjoni li, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rivelazzjonijiet reċenti ta’ E. Snowden u l-fatt li d-data personali tqiegħdet għad-dispożizzjoni tas-servizzi tal-informazzjoni tal-Istati Uniti fuq skala kbira, il-Kummissarju ma setax jikkonkludi b’mod validu li jeżisti, f’dan il-pajjiż terz, livell adegwat ta’ protezzjoni ta’ din id-data.

( 21 )   C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 65 sa 69.

( 22 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Koushkaki (C‑84/12, EU:C:2013:862, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 )   Ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑614/10, EU:C:2012:631, punt 36) u Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑288/12, EU:C:2014:237, punt 47).

( 24 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑288/12, EU:C:2014:237, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑288/12, EU:C:2014:237, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 )   Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑518/07, EU:C:2010:125, punt 25).

( 27 )   Idem.

( 28 )   Ibidem (punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 )   Ibidem (punt 23). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑614/10, EU:C:2012:631, punt 52) u Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑288/12, EU:C:2014:237, punt 53).

( 30 )   Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑317/04, EU:C:2005:710, punti 92 sa 95). Ara, ukoll, is-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346, punt 56).

( 31 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza IPI (C‑473/12, EU:C:2013:715, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 34 )   C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865.

( 35 )   Regolament tal-Kunsill, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).

( 36 )   Punt 99 ta’ din is-sentenza.

( 37 )   Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954).

( 38 )   Ara s-sentenza N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 80).

( 39 )   Ibidem (punt 81).

( 40 )   Ibidem (punt 94).

( 41 )   C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865.

( 42 )   Punt 104 ta’ din is-sentenza.

( 43 )   C‑101/01, EU:C:2003:596.

( 44 )   Punt 65.

( 45 )   Punt 64.

( 46 )   Fil-fehma ta’ M. Schrems, l-ewwel kundizzjoni, li skontha “hemm possibbiltà sostanzjali li l-Prinċipji jkunu qegħdin jiġu miksura”, ma hijiex issodisfatta. Madankollu ma huwiex allegat li Facebook USA, bħala korp awtoċertifikat li d-data tiġi ttrasferita lilu, kisret hija stess il-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv minħabba l-aċċess fuq skala kbira u mingħajr distinzjoni mill-awtoritajiet Amerikani għad-data li hija żżomm. Fil-fatt, il-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv huma limitati b’mod espliċitu mid-dritt Amerikan, li r-raba’ paragrafu tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/520 jiddefinixxi billi jirreferi għal statuti, regolamenti governattivi, jew deċiżjonijiet tal-qrati.

( 47 )   Punt 24 tad-deċiżjoni ta’ rinviju.

( 48 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Strehl (62/76, EU:C:1977:18, punti 10 sa 17); Roquette Frères (145/79, EU:C:1980:234, punt 6), kif ukoll Schutzverband der Spirituosen-Industrie (C‑457/05, EU:C:2007:576, punti 32 sa 39).

( 49 )   Sentenza Schwarze (16/65, EU:C:1965:117, p. 1094).

( 50 )   Ara s-sentenza Hauer (44/79, EU:C:1979:290, punt 16).

( 51 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza CIVAD (C‑533/10, EU:C:2012:347, punti 39 sa 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 52 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza BVGD vs Il‑Kummissjoni (T‑104/07 u T‑339/08, EU:T:2013:366, punt 291), li tirreferi għas-sentenza IECC vs Il‑Kummissjoni (C‑449/98 P, EU:C:2001:275, punt 87).

( 53 )   C‑247/08, EU:C:2009:600.

( 54 )   Punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 55 )   Punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara, f’dan is-sens, Lenaerts, K., Maselis, I., u Gutman, K., EU Procedural Law, Oxford University Press, 2014, li jiddikjaraw li, “in certain cases, the validity of the particular Union measure can be assessed by reference to new factors arising after that measure was adopted, depending on the determination of the Court” (punt 10.16, p. 471).

( 56 )   Ara p. 5 tad-Dokument ta’ Ħidma WP 12 tal-Kummissjoni, intitolat “Transferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi: Applikazzjoni tal-Artikoli 25 u 26 tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-data”, adottat mill-Grupp ta’ Ħidma għall-Protezzjoni ta’ Individwi fl-Ipproċessar ta’ Data Personali fl-24 ta’ Lulju 1998.

( 57 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑140/09, EU:C:2010:335, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 58 )   Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Funzjonament tal-Isfera ta’ Sikurezza [privatezza ta’ port salv] mill-Perspettiva taċ-ċittadini tal-UE u tal-kumpaniji stabbiliti fl-UE [COM(2013) 847 finali].

( 59 )   Punt 7(c) tad-deċiżjoni ta’ rinviju.

( 60 )   Punt 7(b) tad-deċiżjoni ta’ rinviju.

( 61 )   Paġna 19 tal-komunikazzjoni tagħha.

( 62 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 284, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 63 )   Sentenza Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 74).

( 64 )   C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238.

( 65 )   Punt 35.

( 66 )   Punt 36.

( 67 )   Punt 7(b) tad-deċiżjoni ta’ rinviju.

( 68 )   Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 3940).

( 69 )   Sentenza Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 46, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 70 )   Ibidem (punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 71 )   C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238.

( 72 )   Punt 48.

( 73 )   Sentenza Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 52, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

( 74 )   Ibidem (punt 53).

( 75 )   Ibidem (punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 76 )   Ibidem (punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 77 )   C‑473/12, EU:C:2013:715.

( 78 )   Punt 32.

( 79 )   Ara, b’analoġija, is-sentenza Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 80 )   Ibidem (punti 58 u 59).

( 81 )   C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238.

( 82 )   Punt 65.

( 83 )   Idem.

( 84 )   Ibidem (punt 66).

( 85 )   Ara, f’dan ir-rigward, l-Anness II, FAQ 11, tad-Deċiżjoni 2000/520, taħt “Azzjoni FTC”, u l-Annessi III, V u VII tagħha.

( 86 )   Ara s-sentenza Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 68, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 87 )   Ara Poullet, Y., “L’autorité de contrôle: ‘vues’ de Bruxelles”, Revue française d’administration publique, Nru 89, Jannar-Marzu 1999, p. 69, b’mod speċjali p. 71.

( 88 )   Ara p. 7 tad-Dokument ta’ Ħidma WP 12 tal-Kummissjoni, imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56.

( 89 )   Paġni 10 u 11 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

( 90 )   Ara l-punt 7.2, p. 20, tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 58.

( 91 )   Ara, dwar din il-kwistjoni, Kuner, C., “Foreign Nationals and Data Protection Law: A Transatlantic Analysis”, Data Protection Anno 2014: How To Restore Trust? Intersentia, Cambridge, 2014, p. 213, b’mod speċjali p. 216 et seq.

( 92 )   Punt 44.

( 93 )   Idem.

( 94 )   Ara p. 5 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

( 95 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Agrarproduktion Staebelow (C‑504/04, EU:C:2006:30, punt 40).

( 96 )   Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha T. Port (C‑68/95, EU:C:1996:452), li “t-Trattat ma pprevediex il-possibbiltà ta’ rinviju li permezz tiegħu qorti nazzjonali tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata b’mod preliminari n-nuqqas ta’ istituzzjoni” (punt 53), jidher li hija adottat pożizzjoni iktar favorevoli għal din il-possibbiltà fis-sentenza tagħha Ten Kate Holding Musselkanaal et (C‑511/03, EU:C:2005:625, punt 29).

Top