EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0308

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Cruz Villalón, ippreżentati fis-6 ta’ Ottubru 2015.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 4 – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-aċċess għal benefiċċji tas-sigurtà soċjali – Dritt ta’ residenza – Direttiva 2004/38/KE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta l-għoti ta’ ċerti allowances tal-familja jew ta’ kreditu ta’ taxxa għall-ulied liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra mingħajr dritt ta’ residenza legali.
Kawża C-308/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:666

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fis-6 ta’ Ottubru 2015 ( 1 )

Kawża C‑308/14

Il-Kummissjoni Ewropeavs

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

[rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressaq mill-Kummissjoni kontra r‑Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq]

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali — Regolament (KE) Nru 883/2004 — Artikolu 4 — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-aċċess għal benefiċċji tas-sigurtà soċjali — Benefiċċji tal-familja — Dritt ta’ residenza — Direttiva 2004/38/KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiċħad l-allowance għall-ulied dipendenti u l-kreditu ta’ taxxa għall-ulied dipendenti lil min ma għandux dritt ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat”

1. 

Il-Kummissjoni tallega li r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-Regolament Nru 883/2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali ( 2 ), minħabba l-impożizzjoni tar-rekwiżit ta’ “test tad-dritt ta’ residenza” fuq l-applikanti għal ċerti benefiċċji soċjali, filwaqt li ssostni li dan it-“test” ma huwiex konformi mat-tifsira tal-imsemmi regolament u, fl-istess ħin, huwa diskriminatorju.

2. 

F’dawn it-termini, mill-ġdid u bħal fil-każijiet reċenti Brey ( 3 ), Dano ( 4 ) u Alimanovic ( 5 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha l-kwistjoni tar-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 883/2004 u d-Direttiva Nru 2004/38 ( 6 ). U hawnhekk ukoll titqajjem il-kwistjoni tal-leġittimità tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-legalità tar-residenza fl-imsemmi kuntest tal-għoti ta’ benefiċċji soċjali, għalkemm b’differenzi importanti. Għalhekk, dik li f’dawk id-domandi preliminari kienet problema ta’ interpretazzjoni tal-imsemmija direttiva, b’ċertu livell ta’ involviment tar-Regolament Nru 883/2004, issa hija problema ta’ konformità ta’ dak ir-regolament li fiha tiġi diskussa r-rilevanza nnifisha tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

3. 

L-allegazzjoni, finalment prevalenti, ta’ trattament diskriminatorju magħmula kontra r-Renju Unit se ser teħtieġ, essenzjalment, li ssir distinzjoni bażika bejn żewġ kwistjonijiet: minn naħa, il-kwistjoni tal-prinċipju ta’ jekk l-applikabbiltà tal-imsemmi regolament għandhiex tħalli fil-parentesi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 li jirregolaw il-legalità tar-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru differenti minn tiegħu stess; min-naħa l-oħra, il-kwistjoni, fiha nfisha differenti, relatata maċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom, fejn xieraq, il-verifika ta’ din is-sitwazzjoni ta’ residenza legali hija kompatibbli mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Dritt tal-Unjoni

1. Regolament Nru 883/2004

4.

Skont l-Artikolu 1(j) u (z) tar-Regolament Nru 883/2004:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

j)

‘residenza’ tfisser il-post fejn persuna għandha r-residenza abitwali tagħha;

[…]

z)

‘benefiċċju marbut mal-familja’ tfisser il-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija u ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I.”

5.

Skont l-Artikolu 3(1)(j) tal-imsemmi regolament:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[…]

j)

benefiċċji marbuta mal-familja.”

6.

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Trattament ugwali”, jistabbilixxi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

7.

L-Artikolu 11(1) u (3)(e) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi kif ġej:

“1.   Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

[…]

3.   Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

[…]

e)

kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha: dan iżda mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra.”

8.

L-Artikolu 67 ta’ dan l-istess regolament jistabbilixxi kif ġej:

“Persuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti. […]”

2. Direttiva 2004/38

9.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi kif ġej:

“1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

ċ)

miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

d)

membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

[…]

3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

a)

il-persuna kkonċernata ma tistax taħdem għal żmien temporanju minħabba mard jew inċident;

b)

il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti;

ċ)

il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

d)

il-persuna kkonċernata tibda taħriġ professjonali. Sakemm ma tispiċċax involontarjament bla xogħol, iż-żamma ta’ l-istatus ta’ ħaddiem teħtieġ li t-taħriġ ikun jirrelata max-xogħol preċedenti.”

10.

Skont l-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva:

“1.   Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

2.   Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

F’każijiet speċifiċi fejn hemm dubju raġonevoli dwar jekk ċittadin ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jissoddisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 12 u 13, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu verifika ta’ dan. Din il-verika m’għandhiex titwettaq sistematikament.

3.   Miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun konsegwenza awtomatika meta ċittadin ta’ l-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu jirrikorru għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

[…]”

11.

Skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2004/38, “il-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika”.

12.

L-Artikolu 24 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Trattament ugwali”, jipprevedi:

“1.   Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

B – Id-dritt nazzjonali

13.

Il-leġiżlazzjoni Brittanika rilevanti ser tiġi ppreżentata tul dawn il-konklużjonijiet.

II – Il-proċedura prekontenzjuża

14.

Matul l-2008, il-Kummissjoni rċeviet numru ta’ lmenti minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu fir-Renju Unit, fejn sostnew li l-awtoritajiet kompetenti Brittaniċi ċaħħduhom minn ċerti benefiċċji soċjali minħabba li ma kellhomx dritt ta’ residenza f’dan l-Istat.

15.

Il-Kummissjoni bagħtet talba għal kjarifika lill-imsemmi Stat Membru li, permezz ta’ żewġ ittri tal-1 ta’ Ottubru 2008 u tal-20 ta’ Jannar 2009, irrisponda li, skont il-leġiżlazzjoni Brittanika, filwaqt li d-dritt ta’ residenza fir-Renju Unit jingħata liċ-ċittadini Brittaniċi kollha, jitqies li ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, f’ċerti kundizzjonijiet, ma jgawdux dritt ta’ residenza. Skont il-Gvern Brittaniku, din ir-restrizzjoni hija bbażata fuq il-kunċett tad-dritt ta’ residenza kif previst fid-Direttiva 2004/38 u fil-limiti li din tistabbilixxi għall-imsemmi dritt, partikolarment skont ir-rekwiżit li persuna mhux attiva ekonomikament ikollha riżorsi suffiċjenti sabiex ma ssirx piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

16.

Fl-4 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju Unit li fiha indikat id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tiegħu li jipprevedu li, sabiex ikunu jistgħu jgawdu ċerti benefiċċji, l-applikanti għandu jkollhom dritt ta’ residenza f’dan l-Istat bħala prerekwiżit sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li huma residenti abitwali fir-Renju Unit.

17.

Fit-30 ta’ Lulju 2010, il-Gvern tar-Renju Unit irrisponda din l-ittra ta’ intimazzjoni billi sostna li s-sistema nazzjonali tiegħu ma kinitx diskriminatorja u li r-rekwiżit tad-dritt ta’ residenza huwa ġġustifikat bħala miżura proporzjonata sabiex jiġi żgurat li l-benefiċċji jingħataw lil persuni li huma integrati biżżejjed fir-Renju Unit.

18.

Fid-29 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li għaliha r-Renju Unit wieġeb b’ittra tad-29 ta’ Novembru 2011.

19.

Mhux issodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Brey ( 7 ), mogħtija f’Settembru 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita r-rikors tagħha għall-benefiċċji tal-familja msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri allowances għall-ulied dipendenti u kreditu ta’ taxxa għall-ulied dipendenti, bl-esklużjoni tal-“benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus” li kienu wkoll is-suġġett tal-opinjoni motivata u li, skont is-sentenza Brey, jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A – Ir-rikors tal-Kummissjoni

1. L-ilment prinċipali

20.

L-ilment prinċipali magħmul mill-Kummissjoni kontra r-Renju Unit jikkonsisti fil-fatt li, billi jirrikjedi li l-applikant għall-allowance għall-ulied dipendenti jew għal kreditu ta’ taxxa għall-ulied dipendenti jkollu dritt ta’ residenza fir-Renju Unit bħala rekwiżit sabiex jiġi ttrattat bħala residenti abitwali ( 8 ) f’dak l-Istat Membru, ir-Renju Unit żied rekwiżit li ma huwiex inkluż fir-Regolament Nru 883/2004 u li jċaħħad lill-persuni li ma jissodisfawhx mill-kopertura tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ wħud mill-Istat Membru, kopertura li dan ir-regolament huwa intiż li jiżgura.

21.

Skont il-Kummissjoni, id-definizzjoni ta’ “residenza” fl-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 883/2004 tipprevedi li, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, ir-residenza hija “l-post fejn persuna għandha r-residenza abitwali tagħha” ( 9 ). Għall-Kummissjoni, dan il-post huwa ddeterminat skont aspetti purament fattwali, b’mod partikolari fejn dik il-persuna jkollha ċ-ċentru tal-interessi tagħha, u din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi influwenzata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38. Hija żżid li l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxi sistema ta’ regoli ta’ kunflitt sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru li għal-leġiżlazzjoni tiegħu huma suġġetti l-persuni li għalihom japplika r-Regolament Nru 883/2004. Barra minn hekk, dejjem skont il-Kummissjoni, ir-rekwiżit tad-“dritt ta’ residenza” stabbilit mir-Renju Unit “iħalli mhux applikati” r-regoli tal-imsemmi regolament li jiddeterminaw il-liġi applikabbli, b’tali mod li ebda Stat Membru ma jkun obbligat iħallas ċerti benefiċċji tal-familja lill-persuni kkonċernati, minkejja li dawn ikunu jgħixu fi Stat Membru u li jkollhom ulied dipendenti fuqhom.

2. L-ilment sussidjarju

22.

Alternattivament, il-Kummissjoni tallega li r-Renju Unit, billi impona rekwiżit sabiex persuna jkollha d-dritt tikseb ċerti benefiċċji tas-sigurtà soċjali, rekwiżit li ċ-ċittadini tar-Renju Unit jissodisfaw awtomatikament, ħoloq sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta kontra ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, u għalhekk kiser l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004.

23.

Skont il-Kummissjoni, matul il-proċedura prekontenzjuża, ir-Renju Unit bidel il-pożizzjoni tiegħu billi għall-ewwel kien iqis li l-kriterju tad-“dritt ta’ residenza” kien element wieħed tat-“test” ta’ residenza abitwali ( 10 ) u wara dan beda jqis li dan kien rekwiżit separat, li għalkemm huwa diskriminatorju huwa ġġustifikat. Il-Kummissjoni – filwaqt li tagħmel riferiment għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Bressol et ( 11 ) – tqis li r-rekwiżit tad-dritt ta’ residenza jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta minħabba n-nazzjonalità. Dan huwa rekwiżit li japplika biss għall-barranin, minħabba li ċ-ċittadini Brittaniċi li jgħixu fir-Renju Unit jissodisfaw dan l-obbligu awtomatikament, u li, fil-fehma tagħha, jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004. Peress li din hija diskriminazzjoni diretta, il-Kummissjoni tenfasizza li ma tistax tiġi ġġustifikata.

24.

Anki jekk kellu jitqies li hemm diskriminazzjoni indiretta, kif jiddikjara r-Renju Unit, skont il-Kummissjoni, dan ma invoka ebda argument li jippermetti li jitqies li t-trattament mhux ugwali inkwistjoni huwa xieraq u proporzjonat sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat li jkun hemm rabta reali bejn l-applikant għall-benefiċċju u l-Istat Membru ospitanti.

25.

Min-naħa l-oħra, ir-Renju Unit iddikjara li l-persuni ekonomikament mhux attivi ma jistgħux isiru piż fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat ospitanti, sakemm ma jkollhomx ċertu livell ta’ rabta ma’ dak l-Istat. Il-Kummissjoni taqbel li Stat Membru jkun jixtieq jiżgura li jkun hemm rabta reali bejn l-applikant għall-benefiċċju u l-Istat Membru kompetenti, iżda, fil-każ tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, huwa r-Regolament Nru 883/2004 nnifsu li jistabbilixxi kif għandha tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ din ir-rabta reali (f’dan il-każ, permezz tal-kriterju tar-residenza abitwali), u l-Istati Membri ma jistgħux jibdlu dak li huwa previst fih u jżidu rekwiżiti addizzjonali. Skont il-Kummissjoni, ir-Renju Unit lanqas biss ma pprova juri sa liema punt il-kriterju tad-dritt ta’ residenza huwa adattat sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna jkollhiex rabta suffiċjenti mar-Renju Unit fil-mument tal-għoti ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali taħt tal-imsemmi regolament.

B – Ir-risposta

26.

Fir-risposta tiegħu, ir-Renju Unit jirrifjuta l-ilment prinċipali tal-Kummissjoni billi jikkwota b’mod fundamentali s-sentenza Brey ( 12 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li rrifjutat l-istess argumenti invokati mill-Kummissjoni fil-kawża preżenti, iddikjarat li “bħala prinċipju xejn ma jipprekludi li l-għoti ta’ benefiċċji soċjali lil ċittadini ekonomikament inattivi tal-Unjoni jkun suġġett għar-rekwiżit li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti biex ikollhom dritt għal residenza legali fl-Istat Membru ospitanti” (punt 44). Hija ddikjarat ukoll li l-għan tal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 883/2004 – li jistabbilixxi, bħall-Artikolu 11, “regola ta’ kunflitt” li l-għan tagħha huwa li tevita l-applikazzjoni simultanja ta’ diversi liġijiet nazzjonali u timpedixxi li l-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament jiċċaħħdu mill-protezzjoni f’termini ta’ sigurtà soċjali fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni applikabbli – ma huwiex li jiddetermina r-rekwiżiti sostantivi sabiex ikun hemm dritt għall-benefiċċju li jittratta dak il-każ (benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jitħallsu fi flus), iżda “[b]ħala prinċipju hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina dawn ir-rekwiżiti” (punt 41). Skont ir-Renju Unit, l-istess raġunament japplika għar-regola ta’ kunflitt prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004, li għandha l-istess funzjoni bħall-Artikolu 70(4) tiegħu (din tal-aħħar tispeċifika l-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jitħallsu fi flus), meta tiġi ddeterminata l-liġi nazzjonali li jkun suġġett għaliha l-applikant.

27.

Fir-rigward tal-ilment sussidjarju tal-Kummissjoni, ir-Renju Unit jiddikjara li l-allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta tidher għall-ewwel darba fir-rikors u li ma kinitx tidher fl-opinjoni motivata li l-Kummissjoni indirizzatlu fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża. Huwa jqis li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’diversi sentenzi li huwa leġittimu li ċittadini tal-Unjoni ekonomikament mhux attivi jiġu mitluba juru li għandhom dritt ta’ residenza bħala rekwiżit sabiex ikun jista’ jkollhom aċċess ukoll għal benefiċċji tas-sigurtà soċjali u li d-Direttiva 2004/38 tirrikonoxxi espressament din il-possibbiltà wkoll, sabiex dawn iċ-ċittadini ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sanċit fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan il-prinċipju.

28.

Ir-Renju Unit jinnota li r-rekwiżit li wieħed ikollu dritt ta’ residenza huwa biss wieħed mit-tliet rekwiżiti kumulattivi li għandhom jiġu ssodisfatti mill-applikant sabiex juri li jinsab fir-Renju Unit. Il-konformità mat-tnejn l-oħra (preżenza u residenza abitwali) hija indipendenti min-nazzjonalità tal-applikant, b’tali mod li ċittadin tar-Renju Unit ma jissodisfax awtomatikament ir-rekwiżit “li jinsab fir-Renju Unit” li jagħtih id-dritt għall-benefiċċji inkwistjoni. Madankollu, ir-Renju Unit jirrikonoxxi ( 13 ) li l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti hija iktar faċli fil-każ taċ-ċittadini tiegħu milli għal ċittadini ta’ Stati Membri oħra u li din hija miżura indirettament diskriminatorja ( 14 ). Minkejja dan, skont ir-Renju Unit, il-miżura hija oġġettivament iġġustifikata – kif ikkonfermat fil-punt 44 tas-sentenza Brey ( 15 ) f’kawża simili – b’mod partikolari mill-għan ta’ protezzjoni tal-finanzi pubbliċi, fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ benefiċċji inkwistjoni ma humiex iffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-benefiċjarji iżda permezz ta’ taxxi. Barra minn hekk, ma hemm ebda indikazzjoni li din il-miżura hija sproporzjonata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, skont it-termini tas-sentenza Brey ( 16 ).

C – Ir-replika

29.

Fir-rigward tal-ilment prinċipali, fir-replika tagħha l-Kummissjoni tiddikjara li s-sentenza Brey ( 17 ) kienet tirrigwarda biss l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 fir-rigward tal-benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus, li għandhom karatteristiċi kemm ta’ sigurtà soċjali kif ukoll ta’ għajnuna soċjali, filwaqt li dan ir-rikors jikkonċerna żewġ benefiċċji tal-familja fis-sens tal-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004, jiġifieri, benefiċċji awtentiċi tas-sigurtà soċjali, li d-Direttiva 2004/38 ma tapplikax għalihom. F’dan is-sens, il-Kummissjoni tirreferi għal problema fit-traduzzjoni tas-sentenza Brey li fil-punt 44 tal-verżjoni bl-Ingliż titkellem dwar “social security benefits” filwaqt li l-verżjoni Ġermaniża (verżjoni oriġinali, peress li din kienet kawża Awstrijaka) titkellem dwar “Sozialleistungen” ( 18 ).

30.

Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, minflok ma tinkoraġġixxi l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, li huwa l-għan sottostanti tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam ta’ koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, tiskoraġġixxih, billi tintroduċi ostakolu għal din il-libertà fil-forma ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, bil-konsegwenza li persuna jista’ ma jkollhiex dritt għall-benefiċċji tal-familja inkwistjoni la fl-Istat ta’ oriġini, fejn ma jkollhiex iktar ir-residenza abitwali tagħha, u lanqas fl-Istat ospitanti jekk ma jkollhiex dritt ta’ residenza hemmhekk.

31.

Fir-rigward tal-ilment sussidjarju, fir-replika l-Kummissjoni tikkritika lir-Renju Unit talli interpreta r-regola ta’ kunflitt fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004 fis-sens li tippermetti li Stat Membru jintroduċi rekwiżit diskriminatorju sabiex persuna jkollha aċċess għal benefiċċju tas-sigurtà soċjali. Il-prinċipju li Stati Membri jistgħu jintroduċu restrizzjonijiet leġittimi sabiex jimpedixxu li ċittadin tal-Unjoni jsir piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti huwa applikabbli biss fir-rigward tal-għajnuna soċjali u ma japplikax għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali. Preċiżament minħabba li l-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali jipprovdi li l-benefiċċji tal-familja għandhom jingħataw fl-Istat Membru fejn il-persuna bi wlied dipendenti jkollha r-residenza abitwali tagħha, l-għan tal-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi li jinvoka r-Renju Unit ma huwiex skop leġittimu. Fi kwalunkwe każ, il-kriterju stabbilit mir-Renju Unit la huwa proporzjonat sabiex jintlaħaq dan l-għan (pereżempju, persuna li tkun ħallset it-taxxi fir-Renju Unit għal ħafna snin iżda li tkun ilha xi żmien mingħajr impjieg tista’ tkun tilfet id-dritt ta’ residenza tagħha f’dan l-Istat Membru u, għalhekk, id-dritt għall-benefiċċju inkwistjoni) u lanqas ma jiggarantixxi evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ kif meħtieġ fis-sentenza Brey ( 19 ).

D – Kontroreplika

32.

Fil-kontroreplika, ir-Renju Unit jinsisti li d-dritt nazzjonali tiegħu jista’ jkun applikabbli skont ir-regoli ta’ kunflitt tar-Regolament Nru 883/2004 u persuna li jkollha r-residenza abitwali tagħha fl-imsemmi Stat Membru jista’ ma jkollhiex, minkejja kollox, dritt għall-benefiċċji soċjali speċifiċi inkwistjoni.

33.

Ir-Renju Unit iqis li t-terminu “social benefits” huwa usa’ minn dak ta’ “social security benefits” u li, jekk is-sentenza Brey ( 20 ) tuża l-ewwel terminu minflok it-tieni wieħed fil-verżjoni Ġermaniża u f’dik Franċiża, fi kwalunkwe każ din iċ-ċirkustanza testendi l-portata tal-prinċipju stabbilit fil-punt 44 u tinkludi wkoll il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali. Fis-sentenza Brey imkien ma jingħad li dak li ġie ddikjarat fiha mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat esklużivament għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus. L-istess japplika għas-sentenza Dano ( 21 ).

34.

Barra minn hekk, skont ir-Renju Unit, ma huwiex conċepibbli li l-Istati Membri ma humiex obbligati li jħallsu benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus, li jiggarantixxu minimu eżistenzjali, lil ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx dritt ta’ residenza filwaqt li jkunu obbligati jħallsulhom benefiċċji bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża li jmorru ħafna lil hinn mill-garanzija ta’ dan il-minimu eżistenzjali u li, peress li jitħallsu mit-taxxi, jistgħu wkoll jispiċċaw ta’ piż mhux raġonevoli fuq il-finanzi pubbliċi f’termini tas-sentenza Brey ( 22 ). Ir-Renju Unit ikompli jgħid li ż-żewġ benefiċċji kontenzjużi f’din il-kawża għandhom, f’kull każ, karatteristiċi tal-għajnuna soċjali, għalkemm dan ma huwiex rekwiżit essenzjali sabiex il-prinċipju stabbilit fis-sentenza Brey (li jirreferi b’mod ġenerali għal “benefiċċji soċjali”) ikun japplika wkoll għal dawk inkwistjoni f’dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Skont ir-Renju Unit, fis-sentenza Dano ( 23 ) l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li huma biss iċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament mhux attivi li r-residenza tagħhom tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 li jistgħu jinvokaw id-dritt għal ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini fil-kuntest tal-aċċess għall-benefiċċji soċjali.

35.

F’dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni Brittanika ma tiżgurax evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ konkret kif meħtieġ mis-sentenza Brey ( 24 ), ir-Renju Unit jiddikjara li dan l-argument tal-aħħar jidher għall-ewwel darba fir-replika tal-Kummissjoni u ma ssemmiex matul il-proċedura prekontenzjuża, li jeskludi l-ammissibbiltà tiegħu skont l-Artikolu 127 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

36.

Fi kwalunkwe każ, ir-Renju Unit jispjega ( 25 ) kif jaħdem fil-prattika l-għoti taż-żewġ benefiċċji inkwistjoni. Id-dipartiment responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ dawn iż-żewġ benefiċċji, Her Majesty’s Revenue and Customs, jieħu inkunsiderazzjoni, inter alia, l-informazzjoni pprovduta mid-Department for Work and Pensions dwar jekk persuna tkunx applikat għall-għajnuna soċjali. Dan jippermettilu jeżamina jekk dik il-persuna għandhiex dritt ta’ residenza fir-Renju Unit u, għalhekk, jekk għandhiex dritt għaż-żewġ benefiċċji inkwistjoni. Fil-każijiet fejn ikun hemm dubju dwar jekk hemmx dan id-dritt ta’ residenza jew le, jiġu eżaminati każ b’każ iċ-ċirkustanzi personali tal-applikant, inklużi r-rekords tagħhom tal-kontribuzzjonijiet, jekk ikunx qiegħed ifittex impjieg b’mod attiv u jekk ikollux prospetti reali li jsib wieħed.

37.

Fl-4 ta’ Ġunju 2015, inżammet seduta fejn iż-żewġ partijiet irrepetew, essenzjalment, l-argumenti mqajma u rrispondew għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

IV – Evalwazzjoni

A – Introduzzjoni

38.

Kif diġà ġie osservat, permezz ta’ dan ir-rikors il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, meta stabbilixxa, bħala kundizzjoni għall-għoti tal-allowance għall-ulied dipendenti u tal-kreditu ta’ taxxa li wkoll huwa għall-ulied dipendenti, li l-applikanti jgħaddu minn verifika – jew “test” – ta’ residenza legali f’dak l-Istat Membru.

39.

Ir-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq ilment prinċipali u lment sussidjarju. Permezz tal-ilment prinċipali, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju Unit ipprova jinkorpora test ta’ residenza legali fil-kuntest tal-eżami tar-residenza abitwali previst fl-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, u b’dan il-mod ħoloq rekwiżit addizzjonali li ma jinstabx f’din id-dispożizzjoni. Sussidjarjament, madankollu, il-Kummissjoni targumenta li dan l-Istat Membru qed jistabbilixxi kundizzjoni infurzabbli biss fir-rigward ta’ dawk li ma humiex ċittadini (peress li bħala prinċipju ċ-ċittadini tar-Renju Unit jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza f’dak l-Istat Membru); u għalhekk iwettaq diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament.

40.

Għalhekk, kif iddikjarat il-Kummissjoni, bħala prinċipju jidher li ż-żewġ argumenti għandhom jiġu eżaminati f’din il-prijorità indikata: l-ewwel nett, dik tal-irregolarità li jiġi inkorporat test ta’ residenza legali li, skont l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, huwa test ta’ residenza abitwali; it-tieni nett, id-diskriminazzjoni li tirriżulta meta jkun meħtieġ li ċ-ċittadini tal-Unjoni mhux Brittaniċi jagħmlu test ta’ residenza legali li ma huwiex meħtieġ għaċ-ċittadini tar-Renju Unit. Għar-raġunijiet li ser nispjega hawn taħt, il-mod ta’ kif tingħata risposta għal dawn l-argumenti ma huwiex eżattament hekk.

41.

Fil-fatt, l-argument prinċipali tal-Kummissjoni tilef, biex ngħidu hekk, is-saħħa matul din il-proċedura. Għandu jiġi nnotat li, mill-mument tar-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata mibgħuta lilu mill-Kummissjoni, ir-Renju Unit ripetutament ċaħad li, permezz tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, kellu l-għan li jiġġustifika verifika ta’ legalità bħala parti mill-verifika ta’ residenza abitwali. Fil-fatt, ir-Renju Unit sostna, minn dak il-mument, li t-test ta’ residenza legali li japplika f’każijiet bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża huwa awtonomu mill-verifika tar-residenza abitwali ( 26 ). Għalhekk, il-punt ċentrali tal-kunflitt mexa lejn it-tieni lment, l-allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004.

42.

Konsegwentement, ser neżamina b’mod relattivament fil-qosor l-argument imressaq bħala lment prinċipali mill-Kummissjoni, u mbagħad niffoka fuq l-allegazzjoni li inizjalment ġiet ippreżentata bħala sussidjarja. Qabel kollox, madankollu, iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ jirrikjedu li nibda billi niċċara n-natura tal-benefiċċji soċjali li huma s-suġġett ta’ dan il-każ.

B – Dwar il-benefiċċji soċjali li jirreferi għalihom ir-rikors

43.

Dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirreferi għall-allowance għall-ulied dipendenti (“child benefit”) u għall-kreditu ta’ taxxa għall-ulied dipendenti (“child tax credit”), fejn iż-żewġ benefiċċji jingħataw fi flus u huma ffinanzjati mit-taxxi, u mhux mill-kontribuzzjonijiet tal-benefiċjarji, u għandhom l-għan komuni li jtaffu l-ispejjeż tal-familja. Ebda wieħed minnhom ma ġie inkluż mir-Renju Unit fl-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004, u matul din il-proċedura ma ġiex ikkontestat li dawn ma humiex benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus skont l-Artikolu 70 tiegħu.

44.

Skont l-Artikolu 141 tas-Social Security Contributions and Benefits Act 1992, “[k]ull persuna li għandha wild dipendenti jew iktar jew żagħżugħ li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni matul kwalunkwe ġimgħa għandha d-dritt, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu, għal allowances (imsemmija ‘child benefit’) fir-rigward tal-imsemmija ġimgħa, għall-wild jew l-ulied dipendenti tiegħu jew għaż-żagħżagħ li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni” ( 27 ). L-allowance għall-ulied dipendenti hija benefiċċju tal-familja maħsub essenzjalment biex ikopri parti mill-ispejjeż li, għal dawk li għandhom wild jew ulied dipendenti, jirriżultaw mill-kura ta’ dawn l-ulied. Dan huwa, bħala prinċipju benefiċċju universali, għalkemm l-applikanti bi dħul ogħla għandhom jirritornaw, meta jħallsu l-obbligi tat-taxxa tagħhom, somma minn tal-iktar ekwivalenti għal dik miksuba minn dan il-benefiċċju ( 28 ).

45.

Min-naħa tiegħu, anki l-“kreditu ta’ taxxa” għall-ulied dipendenti, li huwa rregolat fl-Artikoli 8 u 9 tat-Tax Credits Act tal-2002 ( 29 ), huwa benefiċċju li jingħata fi flus lil persuni b’ulied dipendenti u li l-ammont tiegħu jvarja skont il-livell ta’ dħul tal-familja, tan-numru ta’ wlied dipendenti, kif ukoll skont ċirkustanzi oħra, bħall-eventwali diżabbiltà ta’ wieħed mill-membri tal-familja ( 30 ). Il-kreditu ta’ taxxa għall-ulied dipendenti ssostitwixxa numru ta’ benefiċċji addizzjonali li kienu jingħataw lill-applikanti għal diversi għajnuniet ta’ manteniment (li kienu marbuta mad-dħul) għall-eżistenza ta’ wlied dipendenti, bl-għan ġenerali li jitnaqqas il-faqar fost it-tfal ( 31 ).

46.

Rigward in-natura ta’ dawn il-benefiċċji, naqbel mal-Kummissjoni li dawn huma benefiċċji tas-sigurtà soċjali għall-finijiet tar-Regolament Nru 883/2004. B’mod konkret, dawn huma benefiċċji tal-familja fis-sens tal-Artikolu 3(1)(j) moqri flimkien mal-Artikolu 1(z) tal-imsemmi regolament, sa fejn, skont il-karatteristiċi elenkati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma benefiċċji li jingħataw awtomatikament lil persuni li jissodisfaw ċerti rekwiżiti oġġettivi irrispettivament, għalhekk, minn evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, peress li huma maħsuba sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-familja ( 32 ).

47.

Barra minn hekk, naqbel ukoll mal-Kummissjoni li l-klassifikazzjoni tal-benefiċċji inkwistjoni bħala benefiċċji tas-sigurtà soċjali ma tistax tiġi kkonfutata bil-fatt li l-għoti tagħhom ma huwa suġġetta għal ebda obbligu ta’ kontribuzzjoni. Fil-fatt, il-metodu ta’ finanzjament ta’ benefiċċju huwa irrilevanti għall-finijiet tal-eventwali klassifikazzjoni tiegħu bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali, kif muri mill-fatt li, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 883/2004, il-benefiċċji mhux kontributorji ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ( 33 ).

C – Dwar il-konformità mar-regolament tat-test ta ’ residenza legali inkwantu rekwiżit addizzjonali inkorporat fl-eżami tar-residenza abitwali

48.

L-ilment prinċipali tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-fatt li r-Renju Unit jinkorpora test ta’ residenza legali fl-eżami tar-residenza abitwali previst fl-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, u b’dan il-mod ħoloq rekwiżit addizzjonali li ma jinstabx f’din id-dispożizzjoni. Skont l-imsemmija ittra e), “kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) [tal-Artikolu 11(3)] għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha”. Xi kjarifiki għandhom jipprovdu r-risposta għal din l-allegazzjoni.

49.

Għandu jitfakkar li l-għan tar-Regolament Nru 883/2004 huwa li jikkoordina s-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri, sabiex jiġi żgurat li d-dritt għall-moviment liberu tal-persuni jkun jista’ jiġi eżerċitat b’mod effettiv. F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxi sett ta’ prinċipji komuni li għandhom jiġu osservati mil-leġiżlazzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali tal-Istati Membri kollha u li jiżguraw, flimkien mas-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt li huwa jipprovdi, li l-persuni li jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom fl-Unjoni ma jkunux ippreġudikati mid-diversi sistemi nazzjonali minħabba li użaw din il-libertà ( 34 ). Wieħed minn dawn il-prinċipji komuni huwa l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, li jimplementa, għall-qasam speċifiku tas-sigurtà soċjali, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li hija sanċita, għad-dritt kollu tal-Unjoni, fl-Artikolu 18 TFUE ( 35 ).

50.

Bħala regola ta’ kunflitt ( 36 ), l-għan tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 huwa li tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għar-riċeviment tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 3(1) tiegħu (inklużi l-benefiċċji tal-familja), fil-każ tal-persuni li fir-rigward tagħhom ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 11(3)(a) sa (d), jiġifieri, prinċipalment, il-persuni ekonomikament mhux attivi. L-għan tar-regola tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 huwa kemm li tiġi evitata l-applikazzjoni simultanja ta’ diversi liġijiet nazzjonali għal sitwazzjoni partikolari u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn dan, kif ukoll li jiġi evitat li l-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jiġu mċaħħda mill-protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali minħabba n-nuqqas ta’ liġi applikabbli ( 37 ).

51.

Skont l-Artikolu 11(3), il-persuni li għalihom tapplika l-ittra (e) huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza – bla ħsara għal dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 883/2004 li jiggarantixxu benefiċċji taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar – li, kif iddefinit fl-Artikolu 1(j) tal-imsemmi regolament, huwa “l-post fejn persuna għandha r-residenza abitwali tagħha” ( 38 ).

52.

Għaldaqstant, fid-determinazzjoni ta’ fejn tinstab ir-residenza “abitwali” ta’ persuna koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 għall-finijiet tal-Artikolu 11(3)(e), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi purament fattwali. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 39 ) żviluppat lista mhux eżawrjenti ta’ elementi (kollha fattwali) li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-post tar-residenza abitwali ta’ persuna – lista li bħalissa hija elaborata fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 987/2009 ( 40 ) – sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit liema hu l-Istat Membru li l-liġi tiegħu għandha tapplika għal sitwazzjoni speċifika fil-kuntest tar-Regolament Nru 883/2004. Fuq in-natura fattwali tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” jidher li finalment hemm qbil bejn iż-żewġ partijiet.

53.

B’kunsiderazzjoni ta’ dan, jidher li l-oriġini tal-problema hija t-termini użati fil-leġiżlazzjoni Brittanika, li tuża tip ta’ fizzjoni legali meta tiddikjara li “ma jinstabux” fit-territorju tar-Renju Unit dawk li ma jkunux legalment f’dak l-Istat skont id-dritt tal-Unjoni ( 41 ). Permezz ta’ dan, il-leġiżlazzjoni nazzjonali qed tħallat mingħajr bżonn żewġ kategoriji, dik tar-“residenza legali” u dik tar-“residenza abitwali”, li, kif iddikjarat ġustament il-Kummissjoni, ma għandhomx jiġu konfużjoni ma’ xulxin. Barra minn hekk, interpretazzjoni strettament marbuta mal-kliem użat fil-liġi tista’ saħansitra twassalna biex naqblu mal-Kummissjoni meta tgħid li r-Renju Unit daħħal element addizzjonali fit-test ta’ residenza abitwali, dak tar-residenza legali, li huwa kompletament indipendenti minnu, li, b’ċertu mod, “jiżnaturah”, u twassalna sabiex, għal din ir-raġuni biss, inqisu li r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-Regolament Nru 883/2004.

54.

Madankollu, dan il-mod ta’ raġunament jkun eċċessivament simplifikattiv u finalment, fil-fehma tiegħi, żbaljat. Huwa ċar li, indipendentement minn formulazzjoni jew mil-lingwaġġ ċertament ambigwu, dak li l-leġiżlatur nazzjonali qiegħed jagħmel f’dan il-każ ma huwiex li “jiżnatura” t-test ta’ residenza abitwali, billi juża n-natura legali tar-residenza bħala mod kif tiġi evalwata l-abitwalità ta’ din ir-residenza ( 42 ). Fil-fatt, kif ġie nnotat iktar ’il fuq, mir-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, ir-Renju Unit tbiegħed minn difiża tat-test ta’ residenza legali li huwa marbut mal-verifika tar-residenza abitwali tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004. Dak li effettivament jixtieq jagħmel ir-Renju Unit, indipendentement mill-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 – tar-regolament fl-intier tiegħu – huwa li jeżamina l-legalità tar-residenza skont id-dritt tal-Unjoni (u, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2004/38) fil-kuntest tal-għoti ta’ ċerti benefiċċji soċjali.

55.

Il-Kummissjoni nnifisha ħadet nota ta’ din il-bidla fl-argument tar-Renju Unit, billi fformulat l-ilment sussidjarju tagħha fis-sens li, jekk ma jkunx inkorporat test ta’ residenza legali fl-eżami tar-residenza abitwali, iżda tiġi kkontrollata l-legalità tar-residenza b’mod indipendenti, ikun hemm inevitabbilment diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament. Jista’ jingħad li l-Kummissjoni kienet taf mill-bidu li l-qofol tal-problema tinsab fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004. Fil-fatt, għalkemm iffokat l-argumenti kollha tagħha dwar l-ilment prinċipali fuq l-eżaminazzjoni tar-residenza (abitwali) bħala kriterju ta’ konnessjoni użat fir-regola ta’ kunflitt tal-Artikolu 11(3)(e) tiegħu, fir-realtà, tikkritika lir-Renju Unit biss minħabba ksur tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament.

56.

Abbażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ilment prinċipali tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud, sa fejn it-test ta’ residenza legali introdott mil-liġi Brittanika fih innifsu ma jaffettwax id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004.

D – Dwar id-diskriminazzjoni li seta ’ wettaq ir-Renju Unit bi ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 meta wettaq verifika tal-legalità tar-residenza tal-applikant matul l-ipproċessar ta ’ benefiċċji soċjali speċifiċi

1. Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

57.

Skont il-Kummissjoni, anki li kieku kellu jitqies li t-test ta’ residenza legali seta’ kien indipendenti mill-eżami tar-residenza abitwali previst fl-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, ir-Renju Unit xorta jikser l-imsemmi regolament. Skont il-Kummissjoni, l-eżami tal-legalità tar-residenza fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ benefiċċju tas-sigurtà soċjali huwa diskriminatorju u jmur kontra l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, meta jistabbilixxi rekwiżit li japplika biss għal dawk li ma humiex ċittadini, peress li ċ-ċittadini tar-Renju Unit bħala prinċipju jgawdu minn dritt ta’ residenza f’dak l-Istat Membru. L-imsemmi Artikolu 4, fil-fatt, jimponi ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-benefiċċji u tal-obbligi previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Dan l-argument jeħtieġ risposta kemxejn iktar kumplessa minn dik ippreżentata mill-Kummissjoni.

58.

L-ewwel nett, għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ prinċipju dwar jekk Stat Membru huwiex obbligat li jagħti benefiċċji soċjali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti, li jagħti liċ-ċittadini tiegħu u liċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom residenza legali fih, lil ċittadin tal-Unjoni li r-residenza tiegħu fit-territorju tiegħu ma hijiex legali (jiġifieri, ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti, b’mod partikolari, fid-Direttiva 2004/38). Skont ir-risposta li tingħata għal din id-domanda jirriżulta jekk huwiex fih innifsu diskriminatorju, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, il-fatt li Stat Membru jiddeċiedi li jagħti benefiċċji soċjali speċifiċi biss lil dawk li jirrisjedu legalment fit-territorju tiegħu.

59.

It-tieni nett, ladarba l-problema preċedenti tiġi ċċarata, għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni iktar speċifika, iżda wkoll ta’ prinċipju, ta’ jekk l-Istat Membru li minn għandu jintalab benefiċċju soċjali partikolari bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ jistax leġittimament jivverifika r-regolarità tar-residenza tal-applikant fl-istess ħin li jivverifika l-abitwalità tar-residenza tiegħu.

60.

Fl-aħħar nett, ladarba d-diffikultà indirizzata fit-tieni lok tiġi ċċarata wkoll, jifdal li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ jekk din is-setgħa tal-Istat Membru hijiex, biex ngħidu hekk, assoluta, jew jekk, għall-kuntrarju, hijiex biss leġittima taħt ċerti kundizzjonijiet partikolari. Kif ser naraw, din id-dimensjoni tal-problema tidher biss fil-mument finali, u fil-qosor, speċifikament fir-replika tal-Kummissjoni, u huwa għalhekk li r-Renju Unit iqis li din l-allegazzjoni hija inammissibbli għax tardiva. Għalhekk għandha tiġi indirizzata, jekk ikun il-każ, l-eventwali inammissibbiltà ta’ din l-allegazzjoni, irrispettivament minn liema raġunijiet ta’ opportunità jistgħu jwassluni biex nipproponi risposta għaliha.

2. Relazzjoni mal-ġurisprudenza li tinsab fis-sentenzi Brey u Dano

61.

Madankollu, qabel is-sekwenza esposta, hawnhekk għandu jsir riferiment għall-eventwali rilevanza li l-ġurisprudenza li tinsab fis-sentenzi Brey ( 43 ) u Dano ( 44 ), li għalihom il-partijiet jirreferu kontinwament matul din il-proċedura, jista’ jkollha għall-każ preżenti ( 45 ).

62.

L-ewwel nett, huwa ċar li l-ġurisprudenza li tinsab fis-sentenzi Brey ( 46 ) u Dano ( 47 ) hija rilevanti għal dan il-każ, sa fejn f’dawn is-sentenzi tiġi indirizzata l-leġittimità tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-legalità tar-residenza fil-kuntest tal-għoti minn Stat Membru ta’ benefiċċju soċjali lil ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fit-territorju tiegħu.

63.

Madankollu, filwaqt li fil-każijiet Brey u Dano l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi, fil-kuntest taż-żewġ proċeduri preliminari, dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, li r-rilevanza tiegħu ma kinitx ikkontestata, f’dan il-każ, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettaq ta’ obbligu, qed jiġi diskuss jekk huwiex rilevanti li tiġi applikata l-imsemmija direttiva, b’mod partikolari d-dispożizzjoni kkwotata, fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 ( 48 ).

64.

Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għall-każ preżenti, is-suġġett tal-imsemmija sentenzi, l-istess bħas-sentenza Alimanovic ( 49 ), kienu benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus, irregolati fl-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004 u kkunsidrati bħala benefiċċji ta’ għajnuna soċjali għall-finijiet tad-Direttiva 2004/38 ( 50 ). F’dan ir-rigward, filwaqt li d-Direttiva 2004/38 tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li ssir applikazzjoni għal benefiċċji ta’ għajnuna soċjali fil-kuntest tal-legalità tar-residenza ( 51 ), din hija siekta fir-rigward tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti.

65.

B’kunsiderazzjoni ta’ dan, ir-riferimenti rilevanti għal din il-ġurisprudenza ser jiġu evalwati fl-iżvolġiment tal-argumenti tiegħi.

3. Dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu benefiċċji soċjali, fir-rigward tan-natura legali tar-residenza, u l-konsegwenzi tagħha għall-imputazzjoni ta’ trattament diskriminatorju

66.

L-ewwel domanda li għandha tiġi indirizzata, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, hija jekk Stat Membru huwiex obbligat biss li jagħti lil ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fit-territorju tiegħu l-benefiċċji soċjali li jagħti liċ-ċittadini tiegħu stess meta r-residenza tiegħu tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti, b’mod partikolari, fid-Direttiva 2004/38. Kif diġà semmejt, il-konklużjoni li tintlaħaq ser ikollha konsegwenzi fuq id-domanda dwar jekk, il-fatt li Stat Membru ma jagħtix benefiċċji soċjali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti lil dawk li ma jirrisjedux legalment fit-territorju tiegħu, huwiex diskriminatorju, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004.

67.

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda għandna nibdew mill-bażi, skont dak imfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dano ( 52 ), li l-Artikolu 20(1) TFUE jagħti l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni lil kull persuna li jkollha ċittadinanza ta’ Stat Membru. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja f’ħafna okkażjonijiet, dan l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri u li permezz tiegħu dawk fosthom li jinsabu fl-istess sitwazzjoni jistgħu jiksbu l-istess trattament ġuridiku, fil-kuntest ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat FUE, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward ( 53 ).

68.

Kull ċittadin tal-Unjoni jista’ għalhekk jinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità stabbilita fl-Artikolu 18 TFUE fis-sitwazzjonijiet kollha li jifformaw parti mill-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni. Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu dawk relatati mal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri sanċita fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikoli 20(2) TFUE u 21 TFUE ( 54 ).

69.

F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jiġi indikat, skont dak iddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dano ( 55 ), li skont l-Artikolu 18(1) TFUE, kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità hija pprojbita “[f]il-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm”. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE jippreċiża espressament li d-drittijiet li dan l-artikolu jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom jiġu eżerċitati “skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom”. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) TFUE jipprevedi wkoll li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, “salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq” ( 56 ). Dan ir-riferiment għan-natura limitata tal-imsemmija libertà jinsab ukoll fl-ispjegazzjoni dwar l-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jissanċixxi l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza, meta jiddikjara li “d-dritt iggarantit bil-paragrafu 1 huwa d-dritt iggarantit bl-Artikolu 20(2)(a) tat-[TFUE] […]. Skond l-Artikolu 52(2), dawk id-drittijiet għandhom japplikaw skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti previsti fit-Trattati” ( 57 ).

70.

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-għan tar-Regolament Nru 883/2004 huma marbut mill-qrib mal-għan tad-dritt fundamentali għal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni, peress li ġie adottat sabiex jiffaċilita u jiżgura l-implementazzjoni effettiva tiegħu permezz tal-koordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali ( 58 ). Fil-fatt, kif diġà ntqal iktar ’il fuq, l-għan tar-Regolament Nru 883/2004 huwa li jiġu kkordinati s-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri, sabiex – kif enfasizzat fil-premessi tiegħu – “jiggarantixxu li d-dritt ta’ moviment liberu ta’ persuni jkun jista’ jiġi eżerċitat b’mod effettiv” (premessa 45) u, għalhekk, “jikkontribwixxu għat-titjib tal-livell ta’ għajxien tagħhom u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” ta’ dawk li jiċċaqilqu fl-Unjoni (premessa 1). Għaldaqstant, id-drittijiet irrikonoxxuti fir-Regolament Nru 883/2004 huma drittijiet maħsuba biex jiggarantixxu l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni, fil-kundizzjonijiet legali li fihom dik il-libertà hija rrikonoxxuta ( 59 ).

71.

Uħud mill-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet li l-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE jimponu fuq l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi ħdan l-Unjoni – inkwantu libertà mhux assoluta ( 60 ) iżda “regolata” – huma stabbiliti fid-Direttiva 2004/38 ( 61 ). Din id-direttiva – li l-konformità tagħha mat-Trattati la ġiet ikkontestata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Brey ( 62 ), Dano ( 63 ), u Alimanovic ( 64 ) u lanqas ma ġiet diskussa matul din il-proċedura – ġiet adottata, skont il-premessa 4 tagħha, sabiex jingħeleb l-approċċ settorjali u frammentarju li kien jirregola, sa dakinhar, id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza u sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

72.

Għalhekk, għandna nibdew mill-premessa li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 li jirregolaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jibqgħu kompletament effettivi anki fil-kuntest ta’ regolament bħal dan inkwistjoni, li fl-aħħar mill-aħħar għandu l-għan li jiżgura l-effettività tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza fl-Unjoni, u ma jistgħux jitqiesu ineffettivi f’dan il-kuntest. F’dan ir-rigward, ma naqbilx mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni ( 65 ) li “l-kunċett ta’ residenza fir-Regolament Nru 883/2004 [...] ma huwa suġġett għal ebda rekwiżit legali preliminari” ( 66 ).

73.

F’dan ir-rigward ma huwiex superfluwu li jitfakkar li l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni diffiċilment jista’ jkun magħmula minn pluralità ta’ kompartimenti separati. Dan jgħodd speċjalment fil-każ ta’ żewġ regoli tad-dritt tal-Unjoni relatati tant mill-qrib bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ ( 67 ). Jekk, kif għadu kif ġie nnotat, id-dritt tal-Unjoni jissuġġetta l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza għal ċerti limitazzjonijiet u kundizzjonijiet, stabbiliti b’mod partikolari fid-Direttiva 2004/38, jidher ċar li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004 ma jistgħux jiġu interpretati b’tali mod li jwassal biex jinnewtralizza l-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet li jakkumpanjaw ir-rikonoxximent u l-proklamazzjoni tal-imsemmija libertà ( 68 ). Fl-aħħar mill-aħħar, għandha tinstab interpretazzjoni li tippromwovi bl-iktar mod possibbli l-istatus taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni, filwaqt li fl-istess ħin tirrispetta l-għanijiet imfittxija miż-żewġ regoli u r-regolamenti li jinsabu fihom.

74.

Barra minn hekk, il-pożizzjoni esposta iktar ’il fuq fl-opinjoni tiegħi hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tradizzjonalment assoċjat l-aċċess għal benefiċċji soċjali taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti mal-fatt li l-applikant ikun qiegħed jirrisjedi “legalment” fit-territorju ta’ dak l-Istat ( 69 ). Barra minn hekk, ġiet ikkonfermata wkoll reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Brey, fejn iddikjarat li “xejn ma jipprekludi li l-għoti ta’ benefiċċji soċjali lil ċittadini ekonomikament inattivi tal-Unjoni jkun suġġett għar-rekwiżit li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti biex ikollhom dritt għal residenza legali fl-Istat Membru ospitanti” ( 70 ), u fis-sentenza Dano fejn iddikjarat li “ċittadin tal-Unjoni, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal benefiċċji soċjali [...] jista’ biss jinvoka ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti jekk ir-residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti tosserva l-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38” ( 71 ). Fil-fehma tiegħi, ma hemm xejn fis-sentenzi msemmija li jippermetti li jiġi dedott li tali dikjarazzjonijiet japplikaw esklużivament għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali jew għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus suġġetti ta’ dawk il-proċeduri, u mhux għal benefiċċji soċjali oħra ( 72 ).

75.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax jiċħad li l-premessa ta’ nuqqas ta’ irregolarità tar-residenza tal-applikant għal benefiċċju soċjali bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża tista’ wkoll titqies li hija trattament differenti bejn iċ-ċittadini tar-Renju Unit u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Madankollu, din id-differenza fit-trattament fir-rigward tad-dritt ta’ residenza, jekk wieħed jixtieq jaraha hekk, hija inerenti fis-sistema u, sa ċertu punt, preċedenti ( 73 ): b’definizzjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ma jistax jiġi miċħud id-dritt ta’ residenza fih.

76.

Fi kliem ieħor, id-differenza li tirriżulta bejn iċ-ċittadini Brittaniċi u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra tinsab fin-natura stess tas-sistema, fis-sens li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-appartenenza fi Stat Membru jew ieħor ma hijiex irrilevanti meta tiġi eżerċitata l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza.

77.

Fil-qosor, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, inqis li r-Regolament Nru 883/2004 jimponi fuq Stat biss l-obbligu li jagħti benefiċċji soċjali bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża lil ċittadin tal-Unjoni li jkun qiegħed jeżerċita l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tiegħu fit-territorju tiegħu regolarment, jiġifieri, b’mod partikolari, b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/38. F’dan is-sens, id-differenza bejn ċittadini Brittaniċi u ċittadini ta’ Stati Membri kienet teżisti fi stadju qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, mingħajr ma taffettwa, konsegwentement, l-applikabbiltà tiegħu.

4. Dwar il-verifika tar-regolarità tar-residenza tal-applikant matul l-ipproċessar ta’ ċerti benefiċċji soċjali

78.

Wara li din il-kwistjoni ta’ prinċipju ġiet solvuta, għandu jiġi indirizzat it-tieni aspett li nemmen li jolqot l-argument tal-Kummissjoni b’mod iktar dirett: id-domanda dwar jekk, fuq il-bażi ta’ dak li ntqal preċedentement, Stat Membru jistax, mingħajr ma jikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni li tinsab fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, jivverifika r-regolarità tar-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor preċiżament matul l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal benefiċċju soċjali bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża.

79.

Ippreżentata b’dan il-mod, id-domanda issa ser tiffoka prinċipalment fuq jekk l-Istat Membru jintroduċix inugwaljanza fl-“obbligi”, skont kliem l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, minħabba l-fatt, li diffiċilment jista’ jiġi kkontestat, li jkunu ċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex Brittaniċi li, iktar miċ-ċittadini Brittaniċi, jgħaddu mill-iskumdità li jkunu suġġetti għal – u, fejn applikabbli, jissuperaw – proċess ta’ verifika mill-awtoritajiet Brittaniċi tar-regolarità tar-residenza tagħhom matul l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-kisba ta’ benefiċċju bħall-allowance jew il-kreditu ta’ taxxa għall-ulied dipendenti. Mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-Renju Unit matul is-seduta, jirriżulta li l-intensità tal-verifika tiddependi f’kull każ fuq iċ-ċirkustanzi partikolari taċ-ċittadin ikkonċernat, fejn x’aktarx ikunu ċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament mhux attivi li jsofru l-ikbar inkonvenjenzi.

80.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi antiċipat li din il-kumplessità addizzjonali fil-proċess ta’ għoti ta’ dawn il-benefiċċji prattikament tista’ tiġi evitata peress li d-Direttiva 2004/38 tipprevedi mekkaniżmi (speċifikament, fl-Artikolu 8 tagħha) ( 74 ) li jippermettu li r-regolarità tar-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni mhux ċittadin tal-Istat Membru ospitanti tintwera permezz ta’ ċertifikat li l-ħruġ tiegħu jattesta li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru vverifikaw li kien hemm konformità b’mod partikolari mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva. Jekk l-applikant ikollu dan iċ-ċertifikat, l-iskumdità tal-proċess għal applikazzjoni għal benefiċċju soċjali tkun waħda minima jew, saħansitra, ineżistenti: l-applikant ikollu sempliċement juri, jekk jintalab jagħmel dan, id-dokument li juri li l-Istat Membru jikkunsidra li r-residenza tiegħu fit-territorju tiegħu hija regolari.

81.

Madankollu, ir-Renju Unit waqt is-seduta nnota li, għalkemm iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom il-possibbiltà li jitolbu lill-awtoritajiet Brittaniċi dokument li jiċċertifika li dawn ikollhom dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru (li, ovvjament, jiffaċilita l-prova ta’ din iċ-ċirkustanza), ma huwiex obbligatorju li wieħed ikollu dokument bħal dan. Fil-fatt, fil-maġġoranza tal-każijiet huwa normali li l-applikant ma jkollux ċertifikat li juri r-regolarità tar-residenza tiegħu fir-Renju Unit.

82.

Madankollu, il-possibbiltà li Stat Membru jista’ jipprevedi li l-ħruġ ta’ tali dokumenti jkun obbligatorju, ma teskludix il-vijabbiltà ta’ sistema bħal dik tar-Renju Unit li, fl-assenza, fil-maġġoranza tal-każijiet, ta’ rikonoxximent minn qabel kif deskritt iktar ’il fuq, japplika test ta’ residenza legali fil-kuntest tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal benefiċċji soċjali.

83.

Naturalment, hawnhekk wieħed għandu jammetti li teżisti differenza fit-trattament, li għandha tiġi kklassifikata bħala diskriminazzjoni indiretta peress li huma ċ-ċittadini tal-Unjoni u mhux dawk Brittaniċi (speċjalment, dawk ekonomikament mhux attivi) li ser ikunu affettwati fil-parti l-kbira mill-iskumditajiet u l-inkonvenjenzi li jġib miegħu dan il-proċess.

84.

F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni ta’ jekk din id-diskriminazzjoni indiretta tistax tiġi ġġustifikata. Il-Kummissjoni temmen li din ma tistax tiġi ġġustifikata. F’dan is-sens, u mingħajr ma jkun meħtieġ żvilupp ulterjuri fl-argument, inqis li l-ħtieġa li jitħarsu l-finanzi tal-Istat Membru ospitanti ( 75 ), li huwa l-argument invokat mir-Renju Unit ( 76 ), bħala prinċipju tiġġustifika biżżejjed il-possibbiltà li fl-istess ħin tal-ipproċessar tal-applikazzjoni tiġi vverifikata r-regolarità tar-residenza. Fil-qosor, l-imsemmi proċess ta’ verifika huwa l-mezz li għandu l-Istat Membru ospitanti sabiex jiżgura ruħu li ma jagħtix benefiċċji soċjali bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ lil persuni li, għar-raġunijiet esposti fit-taqsima preċedenti, ma humiex intitolati għalihom.

85.

Bħala konklużjoni, inqis li, f’termini ta’ prinċipju, l-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt li, jekk ikun meħtieġ, jiżgura ruħu li ċittadin tal-Unjoni ma jkunx fit-territorju tiegħu b’mod illegali – jiġifieri, li fundamentalment jkun jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/38 – fl-okkażjoni u fil-mument tal-ipproċessar ta’ benefiċċji soċjali bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, mingħajr ma t-trattament differenti bejn iċ-ċittadini Brittaniċi u ċ-ċittadini l-oħra tal-Unjoni li tali verifika tinvolvi ma jkun jammonta għal diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, sa fejn dan huwa ġġustifikat skont it-termini li għadni kif esponejt.

5. Dwar ir-rekwiżiti li għalihom hija suġġetta l-verifika tar-regolarità tar-residenza fl-Istat Membru ospitanti

86.

Fl-opinjoni tiegħi, l-argumenti esposti iktar ’il fuq huma suffiċjenti sabiex jiġu miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ leġittimità, ifformulata f’termini ta’ prinċipju, tat-test ta’ residenza legali previst fil-liġi Brittanika. Wieħed għandu jiftakar, madankollu, li din il-konklużjoni ma tfissirx li jista’ jiġi aċċettat kwalsiasi metodu li bih tista’ ssir il-verifika tar-regolarità tar-residenza. Għall-kuntrarju nemmen li, sabiex ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmi proċess ta’ verifika għandu josserva numru ta’ rekwiżiti, mill-perspettiva proċedurali, u anki sostantiva, li ser niddiskuti hawn taħt.

87.

Wieħed ma għandux jinsa, fil-fatt, li l-proċess ta’ verifika inkwistjoni, sa fejn jista’ jaffettwa l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza li tifforma parti mill-istatus ta’ ċittadinanza, għandu jiġi interpretat b’mod konformi ma’ dan id-dritt fundamentali u għandu jiġi eżerċitat bl-inqas mod intrużiv possibbli.

88.

Madankollu, għandu jerġa’ jiġi nnotat li l-għan tar-rikors tal-Kummissjoni ma kienx li jiddiskuti kif ir-Renju Unit iwettaq tali verifika. Ċertament il-Kummissjoni akkużat lir-Renju Unit li l-eżami li huwa jwettaq tal-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 ma jiggarantixxix evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ konkret, kif meħtieġ mis-sentenza Brey ( 77 ). Madankollu, dan l-argument jidher għall-ewwel darba fir-replika tal-Kummissjoni, mingħajr ma ssemma’ la matul il-proċedura prekontenzjuża u lanqas fir-rikors innifsu. Matul is-seduta l-Kummissjoni nnotat li dan l-aspett ma huwiex motiv ġdid, iżda sempliċement element ieħor fost dawk li għandhom jiġu evalwati fil-ħin tal-verifika ta’ jekk it-test ta’ residenza legali, inkwantu miżura diskriminatorja, huwiex adattat sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija. Madankollu, naqbel mar-Renju Unit li dan huwa motiv ġdid li ġie invokat fi stadju tal-proċedura fejn ma jistax jiġi aċċettat skont l-Artikolu 127 tar-Regoli tal-Proċedura.

89.

Il-qofol tar-rikors tal-Kummissjoni huwa li, fil-qafas tal-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-għoti ta’ benefiċċji soċjali bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, Stat Membru ma jistax jeżiġi li l-applikanti għal dawn il-benefiċċji ma jkunux illegalment fit-territorju tiegħu u jivverifika dan il-każ, u mhux fuq kif l-awtoritajiet Brittaniċi, kemm mil-lat proċedurali kif ukoll materjali, jeżaminaw jekk ċittadin tal-Unjoni jissodisfax jew le r-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/38.

90.

Minkejja dan, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha teżamina dan l-argument fil-mertu, u peress li r-Renju Unit ta xi elementi ta’ risposta għalih fil-kontroreplika u matul is-seduta, issa ser nagħmel, b’mod mhux eżawrjenti, serje ta’ kunsiderazzjonijiet f’dan ir-rigward.

91.

Mill-perspettiva proċedurali, id-differenza fit-trattament rigward iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru li tirriżulta mis-setgħa ta’ verifika tal-awtoritajiet nazzjonali msemmija iktar ’il fuq tkun kompatibbli mal-istatus taċ-ċittadinanza Ewropea u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza biss sakemm din issir b’osservanza stretta tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri, b’mod adegwat skont l-għan imfittex, bl-inqas mod intrużiv possibbli u sa fejn hu strettament meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi.

92.

Min-naħa l-oħra, il-verifika mill-awtoritajiet nazzjonali, fil-kuntest tal-għoti tal-benefiċċji soċjali inkwistjoni, ta’ jekk l-applikant ikunx illegalment fit-territorju tiegħu, għandha tiġi evalwata bħala każ ta’ kontroll tar-regolarità tar-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni skont id-Direttiva 2004/38 li għalih jagħmel riferiment it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tagħha u, għalhekk, għandha tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti tiegħu ( 78 ).

93.

Kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni tar-Renju Unit waqt is-seduta, il-kontroll ta’ jekk applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2004/38 sabiex ikollu dritt ta’ residenza ma jsirx f’kull każ, prassi li nemmen li hija pprojbita mill-Artikolu 14(2) tal-imsemmija direttiva ( 79 ): għalkemm l-applikanti kollha għall-benefiċċji soċjali inkwistjoni ( 80 ) għandhom jindikaw fil-formula rilevanti l-informazzjoni li turi jekk ikollhomx dritt ta’ residenza f’dak l-Istat Membru, huwa biss f’każ ta’ dubju li l-awtoritajiet Brittaniċi jwettqu, skont kif indika r-Renju Unit fil-punt 21 tal-kontroreplika u kif ikkonferma matul is-seduta, il-kontrolli meħtieġa sabiex jiġi vverifikat jekk l-applikant jissodisfax jew le r-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/38 (b’mod partikolari l-Artikolu 7), jiġifieri, jekk għandux dritt ta’ residenza skont l-imsemmija direttiva.

94.

Mid-dikjarazzjonijiet tar-Renju Unit lanqas ma jidher li jista’ jiġi dedott, fil-fehma tiegħi, li l-imsemmi Stat Membru jippreżumi li l-persuna li titlob il-benefiċċji inkwistjoni f’din il-kawża tinsab fit-territorju tiegħu b’mod illegali, ħaġa li tkun tmur kontra l-Artikolu 20(2) TFUE, u l-Artikolu 21 TFUE, li jirrikonoxxu d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u jirrisjedu b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri. Fil-fatt, l-istatus taċ-ċittadinanza Ewropea u, b’mod partikolari, il-proklamazzjoni tal-prinċipju li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt li jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni, jipprekludi lir-regoli nazzjonali milli jużaw approċċ li jista’ jammonta għal preżunzjoni li dan iċ-ċittadin, wara li jgħaddu l-ewwel tliet xhur ta’ residenza u qabel il-kisba tar-residenza permanenti, jinsab f’dak it-territorju b’mod irregolari b’tali mod li sistematikament ikun hu li jkollu l-oneru li jipprova li dan ma huwiex minnu. Bħala prinċipju, il-preżunzjoni għandha tkun pjuttost l-oppost.

95.

Barra minn hekk, billi l-verifika leġittima tar-regolarità tal-preżenza tal-applikant fir-Renju Unit hija prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/38, l-eventwali konstatazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni ma għandux dritt ta’ residenza skont l-imsemmija direttiva minħabba li ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fiha – irrispettivament minn jekk ikunx hemm ukoll miżura ta’ tkeċċija jew le u minkejja n-natura purament dikjaratorja tagħha ( 81 ) – hija “[deċiżjoni] li [tillimita l-]moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva ( 82 ), li, kif huwa pprovdut f’dik id-dispożizzjoni, għandha l-effett li tattiva l-garanziji tal-Artikoli 30 u 31 tagħha.

96.

Dan ifisser, fil-fehma tiegħi, li f’tali ċirkustanzi l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jillimitaw ruħhom li sempliċement jiċħdu l-benefiċċju mitlub, iżda għandhom, barra minn hekk, skont l-imsemmi Artikolu 30, jekk jikkonstataw li ma hemmx dritt ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38, jinformaw lill-persuna kkonċernata, “preċiżament u bi sħiħ” u “b’tali mod li tkun tista’ tifhem il-kontenut u l-effetti tagħha” bir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-imsemmija konstatazzjoni, filwaqt li jindikaw ukoll il-qorti jew l-awtorità amministrattiva li quddiemha l-persuna kkonċernata tista’ tippreżenta appell, kif ukoll it-terminu għall-appell. Barra minn hekk, jiġu attivati l-garanziji proċedurali tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2004/38, li għandu jippermetti li l-persuna kkonċernata titlob il-verifika (amministrattiva u/jew ġudizzjarja) tal-legalità tal-evalwazzjoni tal-amministrazzjoni.

97.

Fl-aħħar nett, mill-perspettiva sostantiva, għandu fundamentalment jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-każ speċifiku taċ-ċittadini ekonomikament mhux attivi, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jeżaminaw, skont l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, jekk dawn għandhomx, għalihom infushom u għall-membri tal-familja tagħhom, “biżżejjed riżorsi [...] biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti” matul il-perijodu tagħhom ta’ residenza, kif ukoll li jkollhom assigurazzjoni għall-mard. Għandu jitfakkar f’dan il-punt li s-sempliċi fatt li ċittadin tal-Unjoni jkun applika għal għajnuna soċjali fl-Istat Membru ospitanti ma huwiex biżżejjed sabiex jinċaħadlu d-dritt ta’ residenza ( 83 ), iżda jkun meħtieġ għal dan l-iskop li jkun sar piż mhux raġonevoli għas-sistema tal-għajnuna soċjali ta’ dak l-Istat. Fl-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom josservaw ir-regoli stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ konkret imsemmi fis-sentenza Brey ( 84 ), u jinformaw kif xieraq lill-applikant dwar ir-riżultat negattiv tal-evalwazzjoni tiegħu fit-termini previsti fl-Artikolu 30 tal-imsemmija direttiva.

98.

B’kunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal preċedentement, u jekk jitqies li l-legalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata għandha tiġi eżaminata minn din il-perspettiva, nemmen li l-Kummissjoni ma wrietx li r-Renju Unit ma huwiex qiegħed josserva r-rekwiżiti proċedurali u sostantivi li għadhom kif ġew indikati, b’tali mod li lanqas minn din il-perspettiva ma għandu jiġi milqugħ ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

6. Rikapitulazzjoni

99.

Bħala konklużjoni, inqis li l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li, matul l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-għoti ta’ benefiċċji soċjali bħall-allowance għall-ulied dipendenti jew il-kreditu ta’ taxxa għall-ulied dipendenti, l-awtoritajiet tal-Istat Membru jistgħu jwettqu l-kontrolli neċessarji sabiex jiżguraw ir-regolarità tar-residenza fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li japplikaw għal dawn il-benefiċċji, ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004. Madankollu, għal dan il-għan, mill-perspettiva proċedurali, l-awtoritajiet responsabbli għat-twettiq ta’ tali kontrolli għandhom fi kwalunkwe każ josservaw il-prinċipji esposti, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) u tal-Artikoli 15(1), 30 u 31 tad-Direttiva 2004/38.

V – Spejjeż

100.

Peress li nipproponi li r-rikors jiġi miċħud, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

VI – Konklużjoni

101.

Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li:

1)

tiċħad ir-rikors.

2)

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE), tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

( 3 ) C‑140/12, EU:C:2013:565.

( 4 ) C‑333/13, EU:C:2014:2358.

( 5 ) C‑67/14, EU:C:2015:597. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet ippreżentati fil-kawża García-Nieto et, C‑299/14, EU:C:2015:366.

( 6 ) Id-Direttiva 2004/38/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

( 7 ) C‑140/12, EU:C:2013:565.

( 8 ) Fil-fatt, kif jindika r-Renju Unit, it-test tar-residenza abitwali (li japplika għall-benefiċċji soċjali l-oħra li huma s-suġġett tal-opinjoni motivata, iżda li ma humiex indirizzati mir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu) ma huwiex applikat fil-każ tal-benefiċċji inkwistjoni f’din il-kawża, fejn dak li huwa meħtieġ huwa li l-applikant “jinsab fir-Renju Unit”. Wieħed mir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jitqies li “jinsab fir-Renju Unit” huwa, minbarra li jkun fiżikament hemm u li jkollu r-residenza abitwali tiegħu f’dak l-Istat Membru, li jkollu dritt ta’ residenza fih.

( 9 ) Għall-kuntrarju ta’ “żjara”, li, skont l-Artikolu 1(k) tar-Regolament Nru 883/2004, hija “residenza temporanja”.

( 10 ) Fir-realtà, għat-“test” sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jinsabx fir-Renju Unit, ara n-nota 8.

( 11 ) C‑73/08, EU:C:2009:396. Ir-raġunament tal-Avukat Ġenerali ma ġiex aċċettat fis-sentenza Bressol et, (C‑73/08, EU:C:2010:181), fejn ġie deċiż li t-trattament mhux ugwali inkwistjoni kien jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta (punt 47).

( 12 ) C‑140/12, EU:C:2013:565. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li s-“suppliment kumpensatorju intiż sabiex jikkompleta l-pensjoni tal-irtirar” Awstrijak suġġett ta’ dik il-kawża kellu jitqies kemm li huwa “benefiċċju speċjali li ma huwiex kontributorju u li jingħata fi flus” fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll li huwa “benefiċċju ta’ għajnuna soċjali” fis-sens tad-Direttiva 2004/38. Għal din ir-raġuni, il-fatt li d-dritt li persuna tirċievi tali suppliment kumpensatorju ġie suġġett, fil-każ taċ-ċittadini tal-Unjoni, għat-turija ta’ “dritt ta’ residenza legali” fl-Awstrija, sabiex jiġi żgurat li r-riċeviment ta’ dan il-benefiċċju miċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament mhux attivi ma toħloqx piż mhux raġonevoli fuq il-finanzi Awstrijaċi, ġie bħala prinċipju ddikjarat konformi mad-dritt tal-Unjoni. Iżda, fi kwalunkwe każ, tqies li kellhom jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ konkret sabiex wieħed ikun jaf jekk l-għoti tal-benefiċċju inkwistjoni lil persuna fis-sitwazzjoni ta’ P. Brey jistax jirrappreżenta piż mhux raġonevoli fuq is-sistema nazzjonali ta’ għajnuna soċjali.

( 13 ) Punt 35 tar-risposta.

( 14 ) Punt 36 tar-risposta.

( 15 ) C‑140/12, EU:C:2013:565.

( 16 ) C‑140/12, EU:C:2013:565, punti 71 sa 78.

( 17 ) C‑140/12, EU:C:2013:565.

( 18 ) Bil-Franċiż “prestations sociales”, li huwa ekwivalenti għal “social benefits”; bl-Ispanjol, “prestaciones sociales”.

( 19 ) C‑140/12, EU:C:2013:565, punti 63 sa 80.

( 20 ) C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 44.

( 21 ) C‑333/13, EU:C:2014:2358.

( 22 ) C‑140/12, EU:C:2013:565.

( 23 ) C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 73.

( 24 ) C‑140/12, EU:C:2013:565, punti 63 sa 80.

( 25 ) Punt 21 tal-kontroreplika.

( 26 ) Ara, b’mod partikolari, il-paġna 3 tar-risposta tar-Renju Unit għall-opinjoni motivata.

( 27 ) F’dak li jirrigwarda l-allowance għall-ulied dipendenti, ara, għall-Gran Brittanja l-Artikolu 146 tas-Social Security Contributions and Benefits Act tal-1992 u l-Artikolu 23 taċ-Child Benefit (General) Regulations tal-2006 [fil-verżjoni emendata biċ-Child Benefit (General) and the Tax Credits (Residence) (Amendment) Regulations 2014], kif ukoll, għall-Irlanda ta’ Fuq, l-Artikolu 142 tas-Social Security Contributions and Benefits (Northern Ireland) Act 1992 u l-Artikolu 27 taċ-Child Benefit (General) Regulations imsemmija (fil-verżjoni emendata tagħhom).

( 28 ) Ara d-dettalji fuq https://www.gov.uk/child-benefit, is-sit tal-Gvern tar-Renju Unit fejn jiġi spjegat il-funzjonament ta’ din l-allowance. Skont l-informazzjoni li tinsab f’dan is-sit, l-allowance għall-ulied dipendenti bħalissa titla’ sa 20.70 GBP fil-ġimgħa għall-ewwel wild u sa 13.70 GBP fil-ġimgħa għal kull wild sussegwenti. Ara wkoll is-sit https://www.citizensadvice.org.uk/benefits/children-and-young-people/benefits-for-families-and-children/#h-child-benefit, fejn jingħataw dettalji prattiċi dwar l-applikazzjoni u l-kisba ta’ din l-allowance.

( 29 ) Rigward ir-rekwiżit ta’ residenza fil-każ ta’ kreditu tat-taxxa għall-ulied dipendenti, ara l-Artikolu 3 tat-Tax Credits (Residence) Regulations 2003 [fil-verżjoni emendata biċ-Child Benefit (General) and the Tax Credits (Residence) (Amendment) Regulations 2014].

( 30 ) Minkejja ismu, il-kreditu tat-taxxa għall-ulied dipendenti huwa ammont li l-Awtorità kompetenti ddaħħal perjodikament fil-kont bankarju tal-benefiċjarji u li jidher li huwa assoċjat mal-istatus ta’ persuna taxxabbli ta’ dawn il-benefiċjarji. Fuq is-sit https://www.gov.uk/child-tax-credit/what-youll-get ma jiġix stabbilit ammont konkret minħabba li dan jiddependi fuq ċerti sitwazzjoni personali u tal-familja. Tista’ ssib iktar dettalji dwar il-funzjonament ta’ dan il-kreditu tat-taxxa fuq https://www.citizensadvice.org.uk/benefits/children-and-young-people/benefits-for-families-and-children/#h-child-benefit.

( 31 ) Punt 6 tar-risposta tar-Renju Unit.

( 32 ) Sentenza Hoever u Zachow, (C‑245/94 u C‑312/94, EU:C:1996:379), punt 27. Ara wkoll is-sentenza Hughes, (C‑78/91, EU:C:1992:331), punt 22. Ċertament, l-ammont tal-kreditu tat-taxxa għall-ulied dipendenti jiddependi fuq il-livell ta’ dħul tal-familja u n-numru ta’ tfal u ma jibqax jingħata meta dan id-dħul jaqbeż ċertu livell, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenza Hughes, (C‑78/91, EU:C:1992:331), punt 17, li dan ma jfissirx li l-għoti ta’ tali benefiċċju huwa dipendenti fuq evalwazzjoni individwali tal-bżonnijiet personali tal-applikant, karatteristika tal-għajnuna soċjali, peress li dawn huma kriterji oġġettivi u ddefiniti b’mod legali li, malli jseħħu, jagħtu lok għad-dritt għall-benefiċċju inkwistjoni, mingħajr ma l-awtorità kompetenti ma tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra.

( 33 ) Ara s-sentenza Hughes, (C‑78/91, EU:C:1992:331), punt 21.

( 34 ) Ara, f’dan ir-rigward, Lenaerts, K., u van Nuffel, P., European Union Law, 3 ed., Londra: Sweet & Maxwell, 2011, p. 269, u Eichenhofer, E., Sozialrecht der Europäischen Union, 3 ed., Berlin: Erich Schmidt, 2006, p. 49, 50 u 68 et seq.

( 35 ) Dwar il-kontenut tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità fil-kuntest speċifiku tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, ara Husmann, M., “Diskriminierungsverbot und Gleichbehandlungsgebot des Art. 3 VO 1408/71 und der Artt. 4 und 5 VO 883/2004”. Zeitschrift für europäisches Sozial- und Arbeitsrecht no 3, 2010, p. 97 et seq, u Bokeloh, A., “Die Gleichbehandlung der Staatsangehörigen in der Europäischen Sozialrechtskoordinierung”. Zeitschrift für europäisches Sozial- und Arbeitsrecht Nru 10, 2013, p. 398 et seq, kif ukoll Eichenhofer, E., Sozialrecht der Europäischen Union, 3 ed. Berlin: Erich Schmidt, 2006, p. 82 et seq u l-letteratura u l-ġurisprudenzi kkwotati fih.

( 36 ) Is-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt li tinsab fir-Regolament Nru 883/2004 hija effettivament ikkaratterizzata mit-tneħħija tal-kompetenza tal-leġiżlatur ta’ kull Stat Membru sabiex jiddetermina l-portata u r-rekwiżiti ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, f’dak li jirrigwarda l-individwi li huma suġġetti għaliha bħat-territorju li fih id-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhom effett (sentenza Ten Holder, 302/84, EU:C:1986:242, punt 21).

( 37 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Brey, (C‑140/12, EU:C:2013:565), punti 38 et seq.

( 38 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li t-terminu “residenza” għal dan il-għan ifisser ir-“residenza abitwali”, jiġifieri, il-post fejn il-persuni kkonċernati jgħixu abitwalment u fejn jinsab ukoll iċ-ċentru abitwali tal-interessi tagħhom, u għalhekk jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni stess (sentenzi B., C‑394/13, EU:C:2014:2199, punt 26, u Swaddling, C‑90/97, EU:C:1999:96, punti 28 u 29).

( 39 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Swaddling, (C‑90/97, EU:C:1999:96, punt 29, u Wencel, (C‑589/10, EU:C:2013:303), punti 45 et seq.

( 40 ) Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, p. 1).

( 41 ) Kemm fil-każ ta’ allowance għall-ulied dipendenti kif ukoll fil-każ ta’ kreditu tat-taxxa għall-ulied dipendenti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti teħtieġ, sabiex l-applikant ikollu dritt għal dawn il-benefiċċji, li hu jkun “jinsab fir-Renju Unit” (litteralment, “is in Great Britain” jew fl-Irlanda ta’ Fuq). Issa, iktar ’il quddiem jiġi speċifikat li dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfatt biss jekk l-applikant (a) jinsab fiżikament fir-Renju Unit, (b) ikollu r-residenza abitwali tiegħu fir-Renju Unit, u (ċ) għandu dritt ta’ residenza fir-Renju Unit. Għalhekk, l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji huwa eskluż jekk l-applikant ma jkollux dritt ta’ residenza fir-Renju Unit minħabba li, f’dan il-każ, l-Artikolu (4) taċ-Child Benefit (General) Regulations 2006 u l-Artikolu 3(5) tat-Tax Credits (Residence) Regulations 2003, moqri flimkien mal-Artikolu 146 tas-Social Security Contributions and Benefits Act tal-1992, jikkunsidraw li dik il-persuna “ma tinsabx” fir-Renju Unit.

( 42 ) Dan kien espressament rikonoxxut mir-Renju Unit fil-punt 32 tar-risposta u fil-punt 7 tal-kontroreplika.

( 43 ) C‑140/12, EU:C:2013:565.

( 44 ) C‑333/13, EU:C:2014:2358.

( 45 ) Ara, ukoll, is-sentenza reċenti Alimanovic (C-67/14, EU:C:2015:597), li ma ssemmietx mill-partijiet għaliex ingħatat wara ż-żamma tas-seduta f’din il-kawża.

( 46 ) C‑140/12, EU:C:2013:565.

( 47 ) C‑333/13, EU:C:2014:2358.

( 48 ) Għandu jiġi nnotat il-fatt li huwa fid-Direttiva 2004/38 – fil-każ taċ-ċittadini ekonomikament mhux attivi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 7(1)(b) – li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li l-Istat Membru ospitanti għandu jivverifika sabiex jiddetermina jekk l-applikant għall-benefiċċji soċjali fil-każ preżenti (inklużi fl-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 883/2004) huwiex regolarment fit-territorju tiegħu.

( 49 ) C-67/14, EU:C:2015:597, punt 43.

( 50 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Brey, (C‑140/12, EU:C:2013:565), punt 58 et seq.

( 51 ) Fejn jiġi inevitabbilment stabbilit, kif osserva l-Avukat Ġenerali Wathelet fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża Dano, (C‑333/13, EU:C:2014:341), “possibbiltà ta’ inugwaljanza fit-trattament fl-għoti tal-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, bejn iċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti u ċ-ċittadini l-oħra tal-Unjoni”.

( 52 ) C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 57.

( 53 ) Sentenzi Grzelczyk, (C‑184/99, EU:C:2001:458), punt 31; D’Hoop, C‑224/98, EU:C:2002:432, punt 28; u N. (C‑46/12, EU:C:2013:9725), punt 27.

( 54 ) Sentenzi Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358), punt 59, u N. (C‑46/12, EU:C:2013:97), punt 28, fost ħafna oħrajn.

( 55 ) C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 60.

( 56 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493), punti 84 et seq; Trojani (C‑456/02, EU:C:2004:488), punti 31 et seq; u Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565), punti 4647.

( 57 ) Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ĠU 2007, C 303, p. 17.

( 58 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Wencel (C‑589/10, EU:C:2013:303): il-prinċipji li jsostnu r-regoli ta’ koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali jikkorrispondu għal dawk inerenti għall-qasam tal-moviment liberu tal-persuni, li l-prinċipju fundamentali tiegħu huwa dak li jipprovdi li l-azzjoni tal-Unjoni tinvolvi, b’mod partikolari, it-tneħħija, bejn l-Istati Membri, tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni (punt 39).

( 59 ) Ir-Regolament Nru 883/2004 ma jarmonizzax ir-regoli legali tal-Istati Membri relatati mas-sigurtà soċjali, b’tali mod li jibqa’ f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeċiedu liema benefiċċji jagħtu u lil min u taħt liema kundizzjonijiet, u kif jiffinanzjaw is-sistemi soċjali tagħhom. L-imsemmi regolament ma jippreġudikax, bħala prinċipju, il-kundizzjonijiet sostantivi li jistabbilixxi kull Stat Membru sabiex jipprovdi l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali suġġetti għal koordinazzjoni li huwa jipprevedi, sakemm dawn josservaw il-prinċipji komuni stabbiliti fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565), punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 60 ) Kif il-Kummissjoni nnifisha rrikonoxxiet waqt is-seduta.

( 61 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet ippreżentati fil-kawża Dano (C‑333/13, EU:C:2014:341), punt 90.

( 62 ) C‑140/12, EU:C:2013:565, punti 4647.

( 63 ) C‑333/13, EU:C:2014:2358, punti 60 et seq.

( 64 ) C‑67/14, EU:C:2015:597.

( 65 ) Ara l-punt 33 tar-rikors tagħha.

( 66 ) Punt 32 tar-rikors.

( 67 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat f’diversi okkażjonijiet ir-relazzjoni bejn il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu ekonomikament mhux attivi jew li jkunu qed ifittxu impjieg u l-aċċess tagħhom għal benefiċċji soċjali ta’ diversi tipi. Ara, b’mod partikolari, fost ħafna oħrajn, is-sentenzi Martínez Sala, C‑85/96, EU:C:1998:217; Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458; D’Hoop, C‑224/98, EU:C:2002:432; Collins, C‑138/02, EU:C:2004:172; Trojani, C‑456/02, EU:C:2004:488; Bidar, C‑209/03, EU:C:2005:169; Vatsouras u Koupatantze, C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, u s-sentenzi Brey, C‑140/12, EU:C:2013:565; Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358; u Alimanovic, C-67/14, EU:C:2015:597.

( 68 ) F’dan ir-rigward, ma nistax naqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-punt 18 tar-replika, li tgħid li, fir-rigward tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, it-“test” ta’ residenza legali jintroduċi limitazzjoni fuq il-libertà ta’ moviment li ma tkunx teżisti jekk jiġi applikat biss it-test ta’ residenza abitwali.

( 69 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Martínez Sala (C‑85/96, EU:C:1998:217), punt 63 [“ċittadin tal-Unjoni Ewropea li (…) jirrisjedi legalment fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jista’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 6 tat-Trattat fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt Komunitarju” (enfasi miżjuda minni)], din id-dikjarazzjoni hija ripetuta letteralment fis-sentenzi Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 32, u Bidar, C‑209/03, EU:C:2005:169, punt 32, li l-punt 46 tagħha jipprevedi li “l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/96 ma jipprekludix li ċittadin ta’ Stat Membru li, skont l-Artikolu 18 KE u d-Direttiva 90/364, jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fejn huwa għandu l-ħsieb li jibda jew li jsegwi studji terzjarji jinvoka, matul din ir-residenza, il-prinċipju funamentali ta’ ugwaljanza fit-trattament imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12 KE” (enfasi miżjuda minni). Ara wkoll is-sentenza Trojani (C‑456/02, EU:C:2004:488), fejn, qabel ma ġew eżaminati l-effetti tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-każ ta’ M. Trojani, ġie enfasizzat li dan “huwa residenti b’mod legali fil-Belġju” (punt 37).

( 70 ) C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 44, is-suġġett ta’ diskussjoni intensiva bejn il-partijiet matul din il-proċedura.

( 71 ) C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 69.

( 72 ) Indipendentement mill-fatt li s-sentenza Alimanovic (C-67/14, EU:C:2015:597), li tiċċita l-punt 69 tas-sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358), hija iktar preċiża fit-termini użati meta tagħmel riferiment għall-“aċċess għal benefiċċji tal-assistenza soċjali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali” (punt 49).

( 73 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358): “l-eżistenza eventwali ta’ inugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni li użaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom u ċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-għoti tal-benefiċċji soċjali hija konsegwenza inevitabbli tad-Direttiva 2004/38” (punt 77), li tikkwota l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet ippreżentati f’din l-istess kawża (C‑333/13, EU:C:2014:341), punti 9396.

( 74 ) Ara wkoll l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/38 f’dak li jirrigwarda r-residenza permanenti.

( 75 ) Għan rikonoxxut bħala leġittimu mill-Qorti tal-Ġustizzja sa mis-sentenzi Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458), punt 44. Innota li l-għan li jiġu protetti l-finanzi pubbliċi ma huwiex strettament ta’ natura ekonomika, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja tassoċjah mal-għan indirett ta’ preżervazzjoni tal-livell globali tal-għajnuna li tista’ tingħata minn dak l-Istat (sentenzi Bidar, C‑209/03, EU:C:2005:169, punt 56; Brey, C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 61, u Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 63).

( 76 ) Punt 37 tar-replika.

( 77 ) C‑140/12, EU:C:2013:565, speċjalment il-punt 69.

( 78 ) Ftakar li, skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/38, “ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom. F’każijiet speċifiċi fejn hemm dubju raġonevoli dwar jekk ċittadin ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jissoddisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 12 u 13, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu verifika ta’ dan. Din il-verika m’għandhiex titwettaq sistematikament”.

( 79 ) Kif iddikjarat mir-Renju Unit, din il-verifika ssir kif ġej: l-applikant għandu jindika, fil-formola tal-applikazzjoni, serje ta’ informazzjoni li minnha jista’ jiġi ddeterminat jekk għandux dritt ta’ residenza fir-Renju Unit; wara li jirċievu l-formola, l-awtoritajiet kompetenti li jiddeċiedu dwar l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji jivverifikaw il-każ; f’każijiet konkreti, l-awtoritajiet jitolbu lill-applikanti sabiex jipprovdu evidenza li turi jekk effettivament għandhomx id-dritt ta’ residenza li jirriżulta mill-informazzjoni mogħtija fil-formola.

( 80 ) Innota li din il-proċedura ma tapplikax biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni, iżda wkoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma eliġibbli għall-benefiċċji tal-familja inkwistjoni jekk ikollhom dritt ta’ residenza fir-Renju Unit u jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ preżenza u ta’ residenza abitwali f’dan l-Istat.

( 81 ) It-telf tad-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti skont id-Direttiva 2004/38 huwa konsegwenza awtomatika tan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti mniżżla fiha.

( 82 ) L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxi li “l-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika”. Kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali Wahl fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Brey (C‑140/12, EU:C:2013:337), “bla dubju jgawdu mill-garanziji proċedurali li jsir riferiment għalihom fl-Artikolu 15 tad-Direttiva, li ma jistgħux jiġu evitati permezz ta’ proċeduri li jittrattaw mhux biss id-dritt ta’ dik il-persuna għall-benefiċċju, imma anki d-dritt għal residenza tiegħu għal kollox” (punt 93).

( 83 ) Minkejja li dak li donnha tissuġġerixxi l-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmija direttiva; ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl ippreżentati fil-kawża Brey (C‑140/12, EU:C:2013:337), punti 74 et seq.

( 84 ) C‑140/12, EU:C:2013:565, punti 64 et seq. Naqbel ukoll mal-fehma tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawżi Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:210), punti 107 et seq, u García Nieto (C‑299/14, EU:C:2015:366), punti 85 et seq, fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iqisu wkoll, f’dan ir-rigward, elementi rappreżentattivi oħra li jagħtu prova tal-eżistenza ta’ rabta reali bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-Istat Membru ospitanti (fil-qosor, li jkunu integrati soċjalment u ekonomikament fih, li huwa dak li r-Renju Unit isostni li jrid jiżgura finalment), bħal ma jista’ jkun it-twettiq ta’ impjieg fil-passat, storja preċedenti ta’ kontribuzzjonijiet f’dak l-Istat, l-edukazzjoni ta’ wlied dipendenti (ara dak stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ibrahim, C‑310/08, EU:C:2010:80) jew l-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib ta’ natura personali mal-Istat Membru inkwistjoni (ara f’dan ir-rigward is-sentenzi Prete, C‑367/11, EU:C:2012:668, punt 50, u Stewart, C‑503/09, EU:C:2011:500, punt 100).

Top