EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0290

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-28 ta’ April 2015.
Proċeduri kriminali kontra Skerdjan Celaj.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Tribunale di Firenze.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Deċiżjoni li tordna r-ritorn flimkien ma’ projbizzjoni fuq id-dħul għal tliet snin – Ksur tal-projbizzjoni fuq id-dħul – Ċittadin ta’ pajjiż terz li kien tneħħa preċedentement – Piena ta’ priġunerija f’każ ta’ dħul mill-ġdid illegali fit-territorju nazzjonali – Kompatibbiltà.
Kawża C-290/14.

Digital reports (Court Reports - general) ; Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:285

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-28 ta’ April 2015 ( 1 )

Kawża C‑290/14

Skerdjan Celaj

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Firenze (l‑Italja)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment — Artikoli 15 u 16 — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi piena ta’ priġunerija għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fil-każ ta’ dħul mill-ġdid — Kompatibbiltà”

Introduzzjoni

1.

“Huwa reat li tkun barrani? Aħna ma aħniex ta’ dak il-parir.”

2.

Dan huwa l-kliem finali ta’ “Opinjoni komuni parzjalment dissenzjenti” ta’ sitt Imħallfin tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) fil-kawża determinanti Saadi vs Ir‑Renju Unit ( 2 ).

3.

B’mod simili, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali temmen li “s-sempliċi fatt li persuna tkun migrant illegali qatt ma għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti għad-detenzjoni” ( 3 ).

4.

Il-prosekuzzjoni u l-issanzjonar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru huwa s-suġġett ta’ dibattitu jaħraq. Anki korpi li għandhom il-funzjoni li jwettqu evalwazzjonijiet fir-rigward tar-regoli tad-dritt spiss ma jistgħux jirreżistu għat-tentazzjoni li jsemmu punti ta’ politika legali fl-argumenti tagħhom, hekk kif iż-żewġ eżempji msemmija iktar ’il fuq jipprovaw juru.

5.

Din il-kawża tirrigwarda ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru wara dħul mill-ġdid fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, bi ksur ta’ projbizzjoni fuq id-dħul, adottata flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115/KE ( 4 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tiddeċiedi dwar jekk id-Direttiva 2008/115 tipprekludix l-għoti ta’ piena ta’ priġunerija lil din il-persuna.

6.

Nipproponi ( 5 ) li l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża u tikkjarifika l-ġurisprudenza tagħha li bdiet bis-sentenza El Dridi ( 6 ) u li kompliet bis-sentenzi Achughbabian ( 7 ) u Sagor ( 8 ), billi tirrikorri għall-għan prinċipali tad-direttiva, jiġifieri r-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li tali sanzjoni kriminali hija pprojbita mid-Direttiva 2008/115, mhux għal kunsiderazzjonijiet ta’ politika bħal dawk imsemmija iktar ’il fuq, iżda fl-interess tal-effikaċja tad-Direttiva 2008/115.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

7.

L-għan tad-Direttiva 2008/115 huwa ddefinit kif ġej fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Suġġett”:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

8.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi li:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

(a)

huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skond l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru;

(b)

huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.

[…]”

9.

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni [Direttiva] […]:

[…]

(2)

‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet […] għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

(3)

‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz — kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat — għal:

il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

(4)

‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

(5)

‘tneħħija’ tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru;

(6)

‘projbizzjoni fuq id-dħul’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]”

10.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 intitolat “Dritt ta’ ħruġ” jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.”

11.

Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Tneħħija”, “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7”.

12.

L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva huwa intitolat “Projbizzjoni fuq id-dħul” u huwa fformulat kif ġej:

“1.   Deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:

(a)

jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew,

(b)

jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat.

F’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

2.   It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b’kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u fil-prinċipju ma għandux jeċċedi il-ħames snin. Hu jista’ madankollu jeċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul meta ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jista’ juri li jkun ħalla jew ħalliet it-territorju ta’ Stat Membru f’konformità sħiħa ma’ deċiżjoni ta’ ritorn.

Vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li jkunu ngħataw permess ta’ residenza skond id-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar il-permess ta’ residenza mogħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkunu vittmi ta’ traffikar tal-bniedem jew li kienu suġġett ta’ azzjoni li tiffaċilita l-immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti [ ( 9 )], m’għandhomx ikunu s-suġġett ta’ projbizzjoni fuq id-dħul mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, punt (b), u dment li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma jirrappreżentax theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali.

L-Istati Membri jistgħu ma joħorġux, jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni fuq id-dħul f’każijiet individwali għal raġunijiet umanitarji.

L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni ta’ dħul f’każijiet individwali jew f’ċerti kategoriji ta’ każijiet għal raġunijiet oħrajn.

4.   Meta Stat Membru jikkunsidra l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn lil ċittadin ta’ pajjiż terz li hu suġġett għal projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa minn Stat Membru ieħor, huwa għandu l-ewwel jikkonsulta l-Istat Membru li jkun ħareġ il-projbizzjoni fuq id-dħul u għandu jieħu kont ta’ l-interessi tiegħu skond l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen [ ( 10 )].

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dritt għal protezzjoni internazzjonali, kif definit fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija [ ( 11 )] fl-Istati Membri.”

13.

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi li:

“Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

(a)

jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

(b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.”

Id-dritt Taljan

14.

L-Artikolu 13(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286, tal-25 ta’ Lulju 1998, jipprevedi li: “[i]ċ-ċittadin barrani li lilu hija indirizzata ordni ta’ tneħħija mit-territorju ma jistax jiġi lura fit-territorju nazzjonali mingħajr awtorizzazzjoni speċjali tal-Ministru tal-Intern. Fil-każ ta’ ksur ta’ din ir-regola, iċ-ċittadin barrani għandu jiġi ssanzjonat b’piena ta’ priġunerija minn sena għal erba’ snin u għandu jitneħħa mill-ġdid permezz ta’ akkumpanjament lejn il-fruntiera”.

Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

15.

S. Celaj, ċittadin Albaniż, daħal fit-territorju Taljan f’data mhux magħrufa. Fis-26 ta’ Awwissu 2011, huwa ġie arrestat mill-awtoritajiet Taljani għal tentattiv ta’ serq, għal liema reat huwa ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ sena (piena sospiża) u multa ta’ EUR 400. Din is-sentenza saret definittiva fil-15 ta’ Marzu 2012.

16.

Fis-17 ta’ April 2012, inħarġet ordni ta’ akkumpanjament lejn il-fruntiera mill-Prefett ta’ Firenze u nħarġet ordni ta’ tneħħija mill-Kwestur ta’ Firenze, flimkien ma’ projbizzjoni fuq id-dħul mill-ġdid fl-Italja għal tliet snin. Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kwestur ta’ Firenze indika li kellha tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ ritorn volontarju, għaliex iċ-ċirkustanzi tal-kawża kienu jitolbu l-akkumpanjament immedjat lejn il-fruntiera ta’ S. Celaj. Fil-fatt, dan tal-aħħar ma kienx talab sabiex jibbenefika minn terminu għat-tluq volontarju u kien jeżisti riskju li jaħrab, peress li ma kien hemm l-ebda dokument li juri li huwa kellu post fejn joqgħod.

17.

Peress li l-ebda trasportatur bl-ajru ma kien disponibbli u li ma kienx possibbli li S. Celaj jitqiegħed f’ċentru ta’ detenzjoni, dan tal-aħħar ma ġiex akkumpanjat lejn il-fruntiera bil-forza u l-Kwestur ta’ Firenze ordnalu jitlaq mit-territorju nazzjonali taħt piena tas-sanzjonijiet previsti mil-liġi.

18.

S. Celaj baqa’ sussegwentement fl-Italja. Huwa ġie identifikat fi tliet istanzi fi tliet postijiet differenti bejn is-27 ta’ Lulju 2012 u t-30 ta’ Awwissu 2012 u ġie akkużat f’dawn l-istanzi b’konnessjoni mal-istatus tiegħu ta’ immigrant illegali u bil-koltivazzjoni ta’ drogi narkotiċi.

19.

Fl-4 ta’ Settembru 2012, S. Celaj mar, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, l-istazzjon tal-pulizija tal-fruntiera fi Brindisi u telaq volontarjament mit-territorju nazzjonali.

20.

Sussegwentement, S. Celaj daħal mill-ġdid fit-territorju Taljan. Fl-14 ta’ Frar 2014 huwa ġie arrestat għal ksur tal-Artikolu 13(13) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286 tal-1998 mill-carabinieri tal-istazzjon ta’ San Piero a Sieve li wettqu kontrolli fl-istazzjon tal-ferrovija lokali.

21.

Il-prosekutur pubbliku fetaħ proċeduri kriminali kontrih quddiem it-Tribunale di Firenze (qorti tal-ewwel istanza ta’ Firenze) u talab li jingħata piena ta’ priġunerija ta’ tmien xhur abbażi tal-Artikolu 13(13) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286 tal-1998.

22.

Huwa fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri li, permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Mejju 2014, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ġunju 2014, it-Tribunale di Firenze għamel id-domanda preliminari segwenti:

“Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 jipprekludu l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri li jipprevedu piena ta’ priġunerija sa erba’ snin għal ċittadin ta’ pajjiż terz li, wara li jkun intbagħat lura fil-pajjiż tiegħu mhux abbażi ta’ sanzjoni kriminali u lanqas bħala konsegwenza ta’ sanzjoni kriminali, jidħol mill-ġdid fit-territorju nazzjonali bi ksur ta’ projbizzjoni legali ta’ dħul mill-ġdid, mingħajr ma jkun ġie preliminarjament issuġġettat għall-miżuri koerċitivi previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115 għall-finijiet tat-tneħħija rapida u effikaċi tiegħu?”

23.

Il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, tal-Ġermanja, tal-Greċja, tal-Italja, tan-Norveġja u tal-Isvizzera ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, l-istess kif għamlet il-Kummissjoni.

Evalwazzjoni

24.

Għal darb’oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ sanzjoni prevista mil-liġi kriminali nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115. Din id-darba, il-kwistjoni tirrigwarda sanzjoni prevista mil-liġi kriminali nazzjonali fil-forma ta’ priġunerija imposta fuq ċittadin ta’ pajjiż terz għar-raġuni biss li, wara li rritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu minn Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn preċedenti, huwa daħal mill-ġdid fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

25.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diversi drabi li għalkemm, bħala prinċipju, il-leġiżlazzjoni kriminali u r-regoli tal-proċedura kriminali jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u għalkemm la d-Direttiva 2008/115 u lanqas il-bażi legali tagħha ( 12 ) ma jeskludu l-kompetenza kriminali tal-Istati Membri fil-qasam tal-immigrazzjoni illegali u tar-residenza irregolari, l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw leġiżlazzjoni kriminali li tista’ tipperikola r-realizzazzjoni tal-għanijiet li d-Direttiva 2008/115 tipprova tilħaq, u b’hekk iċaħħduha mill-effettività tagħha ( 13 ).

26.

Qabel ma neżamina d-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, nixtieq infakkar fil-qosor, għall-finijiet ta’ din il-kawża, is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2008/115 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-sanzjonijiet kriminali fil-kuntest ta’ din id-direttiva.

Ir-ritorn, it-tneħħija u s-sistema ta ’ detenzjoni stabbilita mid-Direttiva 2008/115

27.

Il-proċedura ta’ ritorn stabbilita mid-Direttiva 2008/115 ġiet diġà deskritta ampjament mill-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi kawżi mressqa quddiemha ( 14 ). Konsegwentement, nista’ f’dan l-istadju ma nelaborax wisq u nillimita ruħi għall-elementi kruċjali għall-finijiet tal-kawża inkwistjoni.

28.

Skont it-tieni premessa tagħha, id-Direttiva 2008/115 għandha l-għan li twaqqaf politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u lejn id-dinjità tagħhom ( 15 ). Għal dan il-għan, hija tistabbilixxi proċedura ta’ ritorn li tiffoka fuq deċiżjoni ta’ ritorn u li tibda b’din id-deċiżjoni, li l-Istati Membri, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, huma obbligati ( 16 ) jadottaw fir-rigward ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qed jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom ( 17 ). Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi element prinċipali tad-direttiva ( 18 ).

29.

Il-proċedura li tirriżulta hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 19 ): għal dan il-għan, b’mod ġenerali, tneħħija, jiġifieri l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ritorn permezz tat-trasport fiżiku ’l barra mill-Istat Membru ( 20 ), hija possibbli biss jekk tluq volontarju ma huwiex possibbli jew ma jirnexxix ( 21 ) u d-detenzjoni tista’ tintuża biss bħala ultima ratio, unikament sa fejn dan ikun strettament neċessarju u fl-istennija ta’ akkumpanjament lejn il-fruntiera ( 22 ). Ir-raġuni wara dawn id-dispożizzjonijiet dwar id-detenzjoni hija li huma biss il-proċeduri ta’ ritorn u ta’ tneħħija li jiġġustifikaw ċaħda tal-libertà u li, jekk dawn il-proċeduri ma jsirux bid-diliġenza meħtieġa, id-detenzjoni ma tibqax iġġustifikata taħt dawn is-dispożizzjonijiet ( 23 ). Kif diġà enfasizzajt fl-opinjoni tiegħi fil-kawża Mahdi ( 24 ), id-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija la ma hija punittiva u lanqas kriminali u ma tikkostitwixxix piena ta’ priġunerija ( 25 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jingħata interpretazzjoni stretta għaliex id-detenzjoni forzata tikkostitwixxi, bħala ċaħda tal-libertà, eċċezzjoni għad-dritt fundamentali tal-libertà individwali ( 26 ).

Id-detenzjoni jew il-priġunerija ammissibbli lil hinn mis-sitwazzjonijiet imsemmija fid-Direttiva 2008/115

30.

Għaldaqstant, fid-Direttiva stess ma hemm l-ebda dispożizzjoni dwar il-possibbiltà għall-Istati Membri li jużaw id-detenzjoni jew il-priġunerija bħala sanzjoni kriminali b’konnessjoni ma’ residenza irregolari. Fl-opinjoni tiegħi, ir-raġuni hija evidenti: ma hemmx lok għal tali sanzjoni jekk l-għan tad-direttiva huwa li tipprevedi r-ritorn b’ħeffa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment. Kull detenzjoni jew priġunerija li ma hijiex prevista bħala parti mill-proċedura ta’ ritorn ikollha fl-aħħar mill-aħħar l-effett li ddewwem tali proċedura.

31.

Kif inhu magħruf sew u kif diġà ssemma fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, teżisti wkoll ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni. Madankollu, sal-lum, għad ma kienx hemm kawża li fiha, abbażi tal-fatti tal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-detenzjoni jew il-priġunerija bħala sanzjoni kriminali hija kompatibbli mad-Direttiva 2008/115.

Il-ġurisprudenza sal-lum: mis-sentenza El Dridi, segwita mis-sentenza Achughbabian, sas-sentenza Sagor

32.

Fil-kawża El Dridi ( 27 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tevalwa jekk id-Direttiva 2008/115 tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni f’dik il-kawża prinċipali ( 28 ), li kienet tipprevedi l-għoti ta’ piena ta’ priġunerija lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment unikament għar-raġuni li huwa baqa’, mingħajr raġuni valida, fit-territorju Taljan, u dan bi ksur ta’ ordni ta’ tluq minn dak it-territorju f’terminu speċifiku. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari l-Artikoli 15 u 16 tagħha, kienet tipprekludi tabilħaqq tali leġiżlazzjoni ( 29 ).

33.

Fil-kawża Achughbabian ( 30 ), il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet intalbet tiddetermina jekk id-Direttiva 2008/115 tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni f’dik il-kawża prinċipali ( 31 ), li kienet tipprevedi l-għoti ta’ piena ta’ priġunerija lil ċittadin ta’ pajjiż terz unikament minħabba l-irregolarità tad-dħul tiegħu u tar-residenza tiegħu fit-territorju Franċiż. Il-Qorti tal-Ġustizzja għal darb’oħra ddikjarat li d-Direttiva tipprekludi tali leġiżlazzjoni “sa fejn din tippermetti l-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li, filwaqt li jkun irrisjeda illegalment fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru u ma jkunx lest jitlaq volontarjament minn dan it-territorju, ma jkunx ġie suġġett għal miżuri restrittivi fis-sens tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva u, fil-każ ta’ detenzjoni bil-ħsieb li tiġi ppreparata u mwettqa t-tneħħija tiegħu, ma jkunx laħaq l-iskadenza tat-tul massimu ta’ tali detenzjoni” ( 32 ). Fil-kawża prinċipali, is-sitwazzjoni ta’ A. Achughbabian kienet taqa’ f’din il-kategorija.

34.

Ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawk iż-żewġ kawżi kien li l-priġunerija setgħet tippreġudika r-realizzazzjoni tal-għan li d-Direttiva tipprova tilħaq u setgħet tfixkel l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115 u ddewwem l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn ( 33 ).

35.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja użat formulazzjoni kemxejn iktar wiesgħa fil-kawża Achughbabian milli dik użata fis-sentenza El Dridi: hija ppreċiżat li din il-konklużjoni kienet tapplika wkoll għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-obbligu impost mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva lill-Istati Membri li jipproċedu, fis-sitwazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-aħħar artikolu, għat-tneħħija, għandu jitwettaq mill-iktar fis possibbli. Dan ċertament ma jkunx il-każ jekk, wara li jkun ikkonstata r-residenza illegali taċ-ċittadin fil-pajjiż terz, l-Istat Membru kkonċernat jippreċedi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tar-ritorn, jew saħansitra l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni [ ( 34 )], b’prosekuzzjoni kriminali segwita, skont il-każ, b’piena ta’ priġunerija” ( 35 ).

36.

Din l-evoluzzjoni mis-sentenza El Dridi għas-sentenza Achughbabian hija importanti u ser nerġa’ nsemmiha iktar ’il quddiem ( 36 ).

37.

Barra minn hekk, huwa interessanti li jiġi osservat, għalkemm ir-raġuni ma hijiex ċara għalija, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fir-raġunament tagħha u fl-ewwel inċiż tad-dispożittiv, ma għamiltx riferiment għall-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115, kuntrarjament għal dak li għamlet fis-sentenza El Dridi ( 37 ). Ser nerġa’ nsemmi wkoll dan il-punt iktar ’il quddiem ( 38 ).

38.

Fis-sentenza Sagor, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li piena ta’ detenzjoni fid-domiċilju, mogħtija u eżegwita matul il-proċedura ta’ ritorn, “tista’ ddewwem u, għaldaqstant, tfixkel il-miżuri, bħall-ordni ta’ deportazzjoni u r-ritorn furzat permezz tal-ajru, li jikkontribwixxu għat-twettiq tat-tneħħija” ( 39 ).

39.

Iżda s-sentenza Achughbabian ( 40 ) ma spiċċatx bid-dikjarazzjoni msemmija iktar ’il fuq. Għalkemm ma kien hemm l-ebda konnessjoni mal-fatti fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi tiddikjara li d-Direttiva 2008/115 ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi sanzjonijiet kriminali għal residenza irregolari sa fejn hija “tippermetti l-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu ġiet applikata l-proċedura ta’ ritorn stabbilita [mid-Direttiva 2008/115] u li jirrisjedi illegalment fl-imsemmi territorju mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ ritorn tiegħu” ( 41 ).

40.

Għandu jiġi enfasizzat għal darb’oħra li kemm fis-sentenza El Dridi ( 42 ) kif ukoll fis-sentenza Achughbabian ( 43 ) il-fatti tal-kawża kienu tali li l-proċeduri ta’ ritorn rispettivi ma kinux ġew applikati fl-intier tagħhom ( 44 ).

41.

Sussegwentement, fis-sentenza Sagor, għal dak li jirrigwarda l-prosekuzzjoni kriminali li twassal għal multa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li tali multa ma setgħetx tostakola l-proċedura ta’ ritorn stabbilita mid-Direttiva 2008/115 ( 45 ). Hija kompliet tgħid li “l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja bl-ebda mod ma tfixkel it-teħid u l-implementazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fl-osservanza kompleta tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6 sa 8 tad-Direttiva 2008/115 u lanqas ma tippreġudika l-istandards komuni fil-qasam ta’ privazzjoni tal-libertà previsti fl-Artikoli 15 u 16 ta’ din id-direttiva” ( 46 ).

42.

L-użu tal-kelma “teħid” ( 47 ) huwa importanti, għaliex juri li l-obbligu li tittieħed ordni ta’ ritorn huwa permanenti. Huwa juri wkoll li d-distinzjoni bejn jekk proċedura ta’ ritorn tkunx għaddejja jew le hija fir-realtà artifiċjali. Anki jekk proċedura ta’ ritorn ma tkunx għaddejja u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 huma ssodisfatti, din għandha tinbeda.

Il-priġunerija bħala riżultat ta’ dħul mill-ġdid

43.

Niġu lura għall-każ ineżami.

44.

Ġie stabbilit mill-qorti tar-rinviju li S. Celaj qiegħed jirrisjedi irregolarment fit-territorju Taljan. Bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, id-Direttiva hija għalhekk applikabbli. L-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) u (3) ma hija applikabbli. B’mod partikolari, ma hemm l-ebda indikazzjoni li S. Celaj huwa s-suġġett ta’ rifjut ta’ dħul skont l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ( 48 ).

45.

Dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk, f’din il-kawża, l-awtoritajiet Taljani jistgħux jagħtu piena ta’ priġunerija lil S. Celaj.

46.

Il-Gvern Taljan, Ċek, Ġermaniż, Grieg, Norveġiż u Svizzeru, flimkien mal-Kummissjoni, isostnu li dan huwa possibbli. Huma jqisu li l-fatti ta’ din il-kawża jistgħu jiġu distinti minn dawk fil-kawżi El Dridi u Achughbabian. Għalkemm ċerti dettalji fl-argumenti tagħhom huma differenti, huma kollha tal-opinjoni li għandha ssir distinzjoni bejn ċittadin ta’ pajjiż terz li jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru għall-ewwel darba u dħul mill-ġdid sussegwenti ta’ dan tal-aħħar, wara l-eżekuzzjoni ta’ proċedura ta’ ritorn. Fl-ewwel sitwazzjoni, Stat Membru ma għandux għażla ħlief japplika d-Direttiva 2008/115, filwaqt li fit-tieni sitwazzjoni Stat Membru jista’ jagħti piena ta’ priġunerija sabiex jiddisswadi ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz milli jidħol mill-ġdid irregolarment fit-territorju tiegħu.

47.

Il-qorti tar-rinviju, min-naħa l-oħra, tqis li l-ġudizzju ta’ valur fuq id-differenzi kunċettwali u strutturali bejn id-diversi sitwazzjonijiet li fihom ċittadin barrani jista’ jsib ruħu, skont jekk il-preżenza tiegħu fit-territorju nazzjonali huwiex ir-riżultat ta’ dħul irregolari jew ta’ dħul mill-ġdid wara deċiżjoni ta’ tneħħija preċedenti, huwa irrilevanti.

48.

Jiena naqbel mal-approċċ tal-qorti tar-rinviju u fl-opinjoni tiegħi tali approċċ huwa konformi b’mod sħiħ mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sal-lum.

49.

L-għan tad-Direttiva 2008/115, li huwa ddikjarat espressament u b’mod inekwivoku fl-Artikolu 1 tagħha, huwa r-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment. L-Istati Membri huma suġġetti għall-obbligu kostanti li jibdew proċedura ta’ ritorn billi jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn u li wara jsegwu tali proċedura, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

50.

Id-Direttiva ma tagħmel ebda distinzjoni dwar kemm il-darba ċittadin ta’ pajjiż terz jipprova jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru, u dan għal raġuni tajba: il-kwistjonijiet relatati mad-dħul irregolari jikkostitwixxu l-ewwel nett qasam li jaqa’ taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-dħul, bħall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Madankollu, ladarba ċittadin ta’ pajjiż terz jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u jiġi stabbilit li huwa jkun qed jirrisjedi hemmhekk irregolarment, huwa għandu jkun is-suġġett ta’ ritorn ( 49 ). L-obbligi li jaqgħu fuq l-Istati Membri bħala riżultat tal-Artikoli 6 et seq tad-Direttiva 2008/115 huma persistenti, kontinwi u japplikaw mingħajr interruzzjoni fis-sens li jitnisslu awtomatikament malli l-kundizzjonijiet ta’ dawn l-artikoli huma ssodisfatti. Jekk, ladarba jiġi stabbilit li ċittadin ta’ pajjiż terz jkun qed jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru, dan tal-aħħar ma jadottax deċiżjoni ta’ ritorn iżda jagħti piena ta’ priġunerija lill-persuna, huwa jkun qed jissospendi l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.

51.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tidher għalkollox konxja minn dan, hekk kif jindika r-raġunament tagħha fis-sentenza Achughbabian ( 50 ), li fiha hija ddikjarat li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn lanqas ma għandha tkun ippreċeduta minn sanzjoni kriminali.

52.

Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jingħata piena ta’ priġunerija għal raġunijiet oħra minn dawk previsti fid-Direttiva, dan ikun jammonta effettivament għal sospensjoni temporanja unilaterali tad-Direttiva mill-Istat Membru kkonċernat. Fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx lok għal tali sospensjoni tad-Direttiva.

Il-projbizzjoni fuq id-dħul

53.

Kif għandha tiġi evalwata projbizzjoni fuq id-dħul f’dan il-kuntest?

54.

Il-ġurisprudenza dwar din il-kwistjoni hija skarsa u ftit li xejn toffri gwida għal din il-kawża ( 51 ).

55.

Projbizzjoni fuq id-dħul hija ddefinita mid-Direttiva bħala deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi d-dħul u r-residenza fit-territorju tal-Istati Membri għal perijodu speċifiku ( 52 ). Hekk kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/115, projbizzjoni fuq id-dħul takkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn. Konsegwentement, din hija sempliċement anċillari għal deċiżjoni ta’ ritorn ( 53 ).

56.

Hekk kif indikajt iktar ’il fuq, id-Direttiva 2008/115 tirrigwarda r-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment. Il-kwistjonijiet ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni Ewropea jikkostitwixxu l-ewwel nett qasam li jaqa’ taħt l-acquis ta’ Schengen ( 54 ) u b’mod partikolari l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ( 55 ). Għaldaqstant, għalkemm il-politiki tal-Unjoni fil-qasam ta’ dħul u ta’ ritorn huma marbuta intrinsikament, ma għandux jintesa li dawn huma rregolati minn strumenti ġuridiċi distinti. Dan huwa ppreċiżat ukoll fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva, li jgħid li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-Direttiva fil-konfront ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul skont l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Dan jirriżulta wkoll b’mod ċar mill-fatt li hija biss premessa ( 56 ) tad-Direttiva 2008/115, u mhux dispożizzjoni ta’ din id-direttiva, li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex ikollhom aċċess malajr għall-informazzjoni dwar il-projbizzjonijiet fuq id-dħul imposti minn Stati Membri oħra u li tindika li dan l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jsir skont ir-Regolament SIS‑II ( 57 ).

57.

L-għan ewlieni tad-Direttiva 2008/115 ma huwiex il-prevenzjoni ta’ residenza irregolari, iżda li din tal-aħħar tintemm ( 58 ). Fid-dawl tan-natura anċillari ta’ projbizzjoni fuq id-dħul, miżuri li jissanzjonaw in-nuqqas ta’ osservanza tagħha ma jistgħux jikkompromettu dan l-għan ewlieni. Fi kliem ieħor, id-detenzjoni jew il-priġunerija sabiex tiġi eżegwita projbizzjoni fuq id-dħul ma għandhiex tikkomprometti proċedura futura ta’ ritorn.

58.

Dan bl-ebda mod ma jimplika li l-eżistenza ta’ projbizzjoni fuq id-dħul ma sservi l-ebda għan mill-perspettiva ta’ Stat Membru: billi tipprekludi persuna milli tidħol mill-ġdid fit-territorju tal-Istat Membru b’mod regolari fil-futur, hija tista’ tiddisswadi ċittadin ta’ pajjiż terz milli jidħol mill-ġdid fit-territorju b’mod irregolari. Għaldaqstant, id-Direttiva stess tipprovdi lill-Istati Membri mezzi sabiex jiddisswadu ċittadini ta’ pajjiżi terzi milli jidħlu mill-ġdid fit-territorju tagħhom b’mod irregolari.

59.

Madankollu, ladarba ċittadin ta’ pajjiż terz ikun daħal (mill-ġdid) (irregolarment) fit-territorju ta’ Stat Membru, għandhom japplikaw l-obbligi li jaqgħu fuq l-Istati Membri skont id-Direttiva.

Il-kunsiderazzjonijiet finali

60.

Irrispettivament ta’ kif tħares lejn il-kwistjoni: l-għoti ta’ piena ta’ priġunerija lil persuna fl-aħħar mill-aħħar għandu l-effett li jdewwem ritorn futur. Is-sempliċi affermazzjoni li d-Direttiva 2008/115 ma tipprekludix li d-dritt ta’ Stat Membru jikklassifika residenza irregolari bħala reat u jipprevedi sanzjonijiet kriminali sabiex jiddisswadi u jipprevjeni tali ksur tar-regoli nazzjonali fil-qasam tar-residenza ( 59 ) għandha tiġi kkunsidrata f’dan il-kuntest. Għaldaqstant, id-detenzjoni jew il-priġunerija għandhom ikunu limitati għad-detenzjoni għal reati kriminali li ma jkunux relatati mal-irregolarità tar-residenza ( 60 ), għad-detenzjoni f’sitwazzjonijiet amministrattivi rregolati mill-Kapitolu IV tad-Direttiva, u għad-detenzjoni sabiex tiġi ddeterminata n-natura irregolari jew le tar-residenza ( 61 ). Id-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu IV huma eżawrjenti għal dak li jirrigwarda d-detenzjoni jew il-priġunerija konnessi ma’ residenza li l-irregolarità tagħha tkun ġiet stabbilita. Din hija r-raġuni għaliex dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva, għandhom l-effett li jipprekludu sitwazzjonijiet oħra ta’ detenzjoni jew ta’ priġunerija.

61.

Jiena konxju perfettament tal-fatt li l-interpretazzjoni tiegħi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 twassal għal interpretazzjoni stretta tat-tieni inċiż tad-dispożittiv tas-sentenza Achughbabian ( 62 ). Madankollu, din hija l-unika interpretazzjoni li tista’ tiġi rrikonċiljata mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ( 63 ). Konsegwentement, jiena ninterpreta t-tieni inċiż tad-dispożittiv tas-sentenza Achughbabian fis-sens li tkopri biss sitwazzjonijiet li fihom proċedura ta’ ritorn tkun ġiet segwita mingħajr suċċess u l-persuna inkwistjoni tkompli tirrisjedi irregolarment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ ritorn tiegħu ( 64 ).

62.

Għandha tingħata wkoll attenzjoni għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li qorti nazzjonali għandha tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tiżgura l-effett sħiħ tagħhom, u tirrifjuta milli tapplika d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 ( 65 ). Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha tirrifjuta milli tapplika l-Artikolu 13(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 sa fejn din tipprevedi l-għoti ta’ piena ta’ priġunerija lil S. Celaj għar-raġuni biss li, wara li rritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, huwa daħal mill-ġdid fit-territorju Taljan.

Konklużjoni

63.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mit-Tribunale di Firenze (l-Italja) kif ġej:

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ 2Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, b’mod partikolari l-Artikoli 15 u 16 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-għoti ta’ piena ta’ priġunerija lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment għar-raġuni biss li dan tal-aħħar, wara li rritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn preċedenti, daħal mill-ġdid fit-territorju tal-Istat.


( 1 )   Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 )   Ara l-Opinjoni komuni parzjalment dissenzjenti tal-Imħallfin Rozakis, Tulkens, Kovler, Hajiyev, Spielmann u Hirvelä, fil-kawża Saadi vs Ir-Renju Unit [Awla Manja], Nru 13229/03, punt 65, tat-28 ta’ Jannar 2008.

( 3 )   Ara Detention of third-country nationals in return procedures, Rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 2011, p. 19, disponibbli fl-indirizz: http://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/1306-FRA-report-detention-december-2010_EN.pdf. Din id-dikjarazzjoni qed issir biss fil-kuntest ta’ detenzjoni amministrattiva, u din ir-raġuni għaliex fl-opinjoni tiegħi tapplika a fortiori fir-rigward ta’ sanzjonijiet kriminali.

( 4 )   Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008 L 348, p. 98).

( 5 )   Fid-dawl ta’ dan, ser nagħmel l-almu tiegħi sabiex niffoka fuq l-argumenti legali relatati mad-Direttiva 2008/115 minflok fuq kunsiderazzjonijiet ta’ politika bħal dawk iċċitati fil-punti 1 u 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 6 )   Sentenza El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268).

( 7 )   Sentenza Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807).

( 8 )   Sentenza Sagor (C‑430/11, EU:C:2012:777).

( 9 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 69.

( 10 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9.

( 11 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96.

( 12 )   Artikolu 63(3)(b) tat-Trattat KE, riprodott fl-Artikolu 79(2)(ċ) TFUE. Dwar il-proċedura leġiżlattiva, ara l-opinjoni tiegħi fil-kawża Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1936, punt 45 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12).

( 13 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 33).

( 14 )   Ara, pereżempju, is-sentenza El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 34 et seq).

( 15 )   Għal iktar dettalji dwar is-sorsi ta’ ispirazzjoni tad-Direttiva, bħall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB u “L-Għoxrin Linja Gwida dwar ir-Ritorn Furzat”, adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fl-4 ta’ Mejju 2005, ara l-opinjoni tiegħi fil-kawża Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1936, punt 45).

( 16 )   Ara s-sentenza Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 31). It-test Ingliż tad-Direttiva juża t-terminu normattiv “shall”. Dwar in-natura vinkolanti tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115, ara wkoll Slama, S., La transposition de la directive “retour” : vecteur de renforcement ou de régression des droits des irréguliers?, fi: Dubin, L., La légalité de la lutte contre l’immigration irrégulière par l’Union européenne, Bruylant 2012, p. 289‑345, fil-paġna 330.

( 17 )   Dan l-obbligu huwa bla ħsara għal numru ta’ eċċezzjonijiet, enumerati fil-paragrafi 2 sa 5 tal-istess artikolu. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(6) jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem tar-residenza regolari flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn.

( 18 )   Ara wkoll Hörich, D., Die Rückführungsrichtlinie: Entstehungsgeschichte, Regelungsgehalt und Hauptprobleme, Zeitschrift für Ausländerrecht und Ausländerpolitik, 2011, p. 281‑286, fil-paġna 283.

( 19 )   Ara l-premessi 13 u 16 tad-Direttiva 2008/115. Ara wkoll is-sentenza El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 41).

( 20 )   Artikoli 3(5) u 8 tad-Direttiva 2008/115.

( 21 )   Ara l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/115.

( 22 )   Ara l-Kapitolu IV, intitolat “Detenzjoni għall-għan ta’ tneħħija”, Artikoli 15 sa 18 tad-Direttiva 2008/115.

( 23 )   Għal iktar dettalji, ara l-opinjoni tiegħi fil-kawża Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1936, punti 46‑55).

( 24 )   C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1936.

( 25 )   Ibid., punt 47, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi magħquda Bero u Bouzalmate (C‑473/13 u C‑514/13, EU:C:2014:295, punt 91), l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:205, punt 35), u l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:553, punt 54).

( 26 )   Ara l-opinjoni tiegħi fil-kawża Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1936, punt 47), kif ukoll l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Kadzoev (C‑357/09 PPU, EU:C:2009:691, punt 70). Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 5(1)(f) KEDB, il-Qorti EDB iddeċidiet bl-istess mod (ara, pereżempju, is-sentenzi Quinn vs Franza, punt 42, tat-22 ta’ Marzu 1995, Serje A, Nru 311, u Kaya vs Ir-Rumanija, Nru 33970/05, punt 16, tat-12 ta’ Ottubru 2006).

( 27 )   Sentenza El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268).

( 28 )   Il-kawża kienet tirrigwarda dispożizzjonijiet differenti tal-istess digriet bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża.

( 29 )   Sentenza El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 62 u d-dispożittiv).

( 30 )   Sentenza Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807).

( 31 )   Artikolu tal-code de l’entrée et du séjour des étrangers et du droit d’asile Franċiż (Ceseda).

( 32 )   Sentenza Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 50 u l-ewwel inċiż tad-dispożittiv).

( 33 )   Ara s-sentenzi El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 59) u Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 45). Numru ta’ kittieba akkademiċi tkellmu dwar ċertu paradoss f’tali raġunament. Ara, pereżempju, Spitaleri, F., Il rimpatrio dell’immigrato in condizione irregolare: il difficile equilibro tra efficienza delle procedure e garanzie in favore dello straniero nella disciplina dell’Unione europea, fi: Amadeo, S., (ed.), Le garanzie fondamentali dell’immigrato in Europa, Torino, 2015 (li għadu mhux ippubblikat), p. 17: “ricostruzioni abbastanza paradossali”; Leboeuf, L., La directive retour et la privation de liberté des étrangers. Le rappel à l’ordre de la Cour de justice dans l’arrêt El Dridi, fi: Revue du droit des étrangers, 2011, p. 181‑191, fil-paġna 191: “Paradoxalement, l’objectif de gestion efficace des flux migratoires permet à la Cour de justice de s’opposer à la pénalisation du séjour irrégulier”. Oħrajn jaraw ukoll ċertu ċiniżmu, ara Kauff-Gazin, F., La directive «retour» au secours des étrangers? : de quelques ambiguïtés de l’affaire El Dridi du 28 avril 2011, fi: Europe no 6, Ġunju 2011, p. 1‑13, fil-paġna 12: “Cet argumentaire suscite la critique à la fois par son cynisme et par son manque d’audace”. Fl-opinjoni tiegħi, jista’ jiġi pperċepit tali paradoss jekk wieħed jiffoka fuq l-interessi preżunti tal-individwi kkonċernati minflok fuq l-obbligu legali tal-Istati Membri li jirriżultaw mid-Direttiva. Madankollu, l-uniċi interessi tal-individwi kkonċernati protetti mid-Direttiva huma s-salvagwardji tad-drittijiet fundamentali tagħhom tul il-proċedura, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

( 34 )   Enfasi miżjuda minni.

( 35 )   Ara s-sentenza Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 45).

( 36 )   Fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 )   Sentenza El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment, sussegwentement, fis-sentenza Sagor (C‑430/11, EU:C:2012:777, punt 36), l-istess bħal fid-digriet Mbaye (C‑522/11, EU:C:2013:190, punt 28), għall-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115 bħala parti mir-raġunament tagħha.

( 38 )   Fil-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 )   Sentenza Sagor (C‑430/11, EU:C:2012:777, punt 45).

( 40 )   Sentenza Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807).

( 41 )   Ibid., punti 48, 50 u t-tieni inċiż tad-dispożittiv. Fl-opinjoni tiegħi, għalkemm din is-silta tagħmel parti wkoll mid-dispożittiv tas-sentenza, hija għandha b’mod ċar in-natura ta’ obiter dictum, peress li ma għandha l-ebda rabta mal-fatti tal-kawża inkwistjoni u tirrigwarda sitwazzjoni ipotetika.

( 42 )   Sentenza El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268).

( 43 )   Sentenza Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807).

( 44 )   Dan il-punt jitqajjem ukoll minn Piccichè, F., Il reato di ingresso e soggiorno illegale nel territorio dello stato alla luce della Direttiva 2008/115/CE, fi: Rivista penale 7-8-2012, p. 712‑715, fil-paġna 715.

( 45 )   Sentenza Sagor (C‑430/11, EU:C:2012:777, punt 36).

( 46 )   Ibid., punt 36.

( 47 )   [Tirrigwarda unikament il-verżjoni Ingliża ta’ dawn il-konklużjonijiet].

( 48 )   Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006 L 105, p. 1).

( 49 )   Bla ħsara, ovvjament, għall-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 2008/115.

( 50 )   Ara s-sentenza Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 45), iċċitata fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 51 )   Sal-lum, id-domandi li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondi kienu jiffokaw fuq il-limitazzjoni tat-tul ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u d-data ta’ implementazzjoni tad-Direttiva: ara s-sentenza Filev u Osmani (C‑297/12, EU:C:2013:569).

( 52 )   Ara l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2008/115. Għandu jiġi osservat li dan ikopri biss l-Istati Membri li jipparteċipaw fis-sistema Schengen (ara wkoll il-premessi 25 u 26 tad-Direttiva 2008/115).

( 53 )   Ara wkoll Martucci, F., “La directive ‘retour’ : la politique européenne d’immigration face à ses paradoxes”, fi: Revue trimestrielle du droit européeen, 2009, p. 47‑67, fil-paġna 50.

( 54 )   Għal ħarsa fil-qosor, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Zh. u O (C‑554/13, EU:C:2015:94, punt 3 et seq). Ara wkoll Peers, S., EU Justice and Home Affairs Law, 3rd ed., Oxford, OUP 2011, p. 136 et seq.

( 55 )   Huwa dan il-Kodiċi li jispeċifika l-kategoriji ta’ persuni li lilhom għandu jiġi rrifjutat id-dħul u jagħti lill-gwardji tal-fruntieri l-kompitu li jipprevjenu d-dħul irregolari ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz (ara l-Artikolu 13 tal-Kodiċi). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li dan il-Kodiċi jirreferi diversi drabi għal dak li jissejjaħ “allert SIS” (SIS = Schengen Information System). Ir-relazzjoni ġuridika bejn rifjut ta’ dħul wara tali allert u projbizzjoni fuq id-dħul skont id-Direttiva 2008/115 ma hijiex ċara ħafna. Ara wkoll Boeles, P., Entry Bans and SIS-alerts, fi: Zwaan, K., (ed), The Returns Directive: central themes, problem issues and implementation in selected Member States, WLP, Nijmegen, 2011, p. 39‑45, fil-paġna 44.

( 56 )   Ara l-premessa 18 tad-Direttiva 2008/115.

( 57 )   Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU 2006 L 381, p. 4).

( 58 )   Ara wkoll Brunessen, B., La Cour de justice et la directive Retour: la stratégie du Roseau, fi: Revue des affaires européennes, 2011/4, p. 845‑858, fil-paġna 854.

( 59 )   Ara s-sentenza Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 28).

( 60 )   Tali reati jaqgħu manifestament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

( 61 )   Ara s-sentenza Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 29). B’mod simili, għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti tal-Artikolu 5(1)(f) KEDB, ara s-sentenza Saadi vs Ir-Renju Unit [Awla Manja], Nru 13229/03, punt 65, tad-29 ta’ Jannar 2008.

( 62 )   Sentenza Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807).

( 63 )   Huwa dejjem iktar diffiċli li tiġi ddeterminata l-portata eżatta ta’ motiv ta’ sentenza meta ma jkunx relatat direttament mal-fatti tal-kawża.

( 64 )   Pereżempju, jekk il-persuna inkwistjoni tkun ippreġudikat b’mod attiv il-proċedura ta’ ritorn sabiex ma tirnexxix, billi taħrab jew b’kull mezz ieħor, u tkompli tirrisjedi irregolarment, dan l-Istat Membru jista’ effettivament jiftaħ proċeduri kriminali kontriha u jimponi fuqha sanzjoni kriminali.

( 65 )   Ara s-sentenza El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

Top