EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CC0166
Opinion of Advocate General Kokott delivered on 21 May 2015.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fil-21 ta’ Mejju 2015.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fil-21 ta’ Mejju 2015.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:348
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fil-21 ta’ Mejju 2015 ( 1 )
Kawża C‑166/14
MedEval – Qualitäts-, Leistungs- und Struktur-Evaluierung im Gesundheitswesen GmbH
vs
Bundesvergabeamt
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija)]
“Kuntratti pubbliċi — Direttivi 89/665/KEE u 2007/66/KE — Proċeduri ta’ reviżjoni — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Kumpens għad-danni — Termini ta’ dekadenza”
I – Introduzzjoni
1. |
Huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li kumpannija, li tqis li ġiet leża minħabba l-għoti allegatament illegali ta’ kuntratt pubbliku, ma tistax tinvoka talba għad-danni kontra l-awtorità kontraenti, wara l-iskadenza ta’ sitt xhur meta matul dan il-perijodu, kien għadha ma kellhiex għarfien dwar il-konklużjoni tal-kuntratt u, għalhekk, tad-dannu possibbli li hija ġarrbet? Din hija essenzjalment id-domanda li hija adita biha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
2. |
Din id-domanda tqum fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku li ngħata fil-qasam tas-saħħa pubblika fl-Awstrija. Awtorità kontraenti kkonkludiet kuntratt dwar il-provvista ta’ ċerti servizzi fis-settur tas-saħħa, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, jiġifieri permezz ta’ “għoti dirett” (imsejjaħ ukoll “kuntratt bilaterali”). Terz, li sar jaf b’dan il-proċess biss sussegwentement, issa jitlob kumpens għad-danni, li madankollu qiegħed jiġi rrifjutat minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza strett ta’ sitt xhur, applikabbli għar-reviżjoni tal-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratti. |
3. |
Fil-każ preżenti, il-kwistjoni dwar jekk tali terminu ta’ dekadenza strett u qasir għal talbiet għal reviżjoni f’dan il-qasam, li huma intiżi sabiex jinkiseb kumpens għal dannu, huwiex kompatibbli mad-Direttiva 89/665/KEE ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni” kif ġiet emendata l-aħħar bid-Direttiva 2007/66/KE ( 3 ), għandha tiġi kkjarifikata b’kunsiderazzjoni debita għall-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni. Dan jitlob bilanċ ġust bejn l-interessi kunfliġġenti taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Fid-diskussjoni tiegħi dwar l-aspetti speċifiċi ta’ din il-kwistjoni, ser nirreferi għall-konklużjonijiet preċedenti tiegħi fil-kawżi Pressetext Nachrichtenagentur ( 4 ) u Uniplex (UK) ( 5 ) kif ukoll għal sentenzi iktar bikrija tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
4. |
Il-kuntest ġuridiku fid-dritt tal-Unjoni tal-proċedura preżenti huwa magħmul mid-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni, fil-verżjoni emendata permezz tad-Direttiva 2007/66. |
5. |
It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/18/KE [ ( 6 ) ], id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam tal-appalti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.” |
6. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni jirrigwarda r-rekwiżiti tal-proċeduri ta’ reviżjoni u jistabbilixxi: “(1) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li: […]
[…] (6) L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li fil-każ fejn jiġu mitluba danni minħabba li deċiżjoni kienet meħuda illegalment, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-ewwel titwarrab minn korp li jkollu s-setgħat neċessarji. […]” |
7. |
L-Artikolu 2d tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni, intitolat “Ineffettività” jipprovdi: “(1) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każi li ġejjin:
[…]” |
8. |
L-Artikolu 2f tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni, intitolat “Termini ta’ żmien”, jipprovdi kif ġej: “(1) L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-applikazzjoni għal reviżjoni skond l-Artikolu 2d(1) għandha ssir […]
(2) Fil-każi l-oħra kollha […] l-iskadenzi għall-applikazzjoni għal reviżjoni għandhom ikunu ddeterminati mil-liġi nazzjonali […]” |
B – Id-dritt nazzjonali
9. |
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ rimedji ċċitati iktar ’il fuq ġew trasposti fl-ordinament ġuridiku Awstrijak permezz tal-Bundesvergabegesetz tal-2006 ( 7 ) (iktar ’il quddiem il-“BVergG 2006”). Fil-verżjoni tagħha applikabbli meta seħħew il-fatti inkwistjoni ( 8 ), din kienet tipprovdi proċedura għal deċiżjoni deklaratorja quddiem il-Bundesvergabeamt (Awtorità Federali għall-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi). |
10. |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 331 tal-BVergG 2006 jipprovdi: “1. Imprenditur li kellu interess fil-konklużjoni ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Liġi Federali jista’, sa fejn il-ksur tad-dritt invokat ikun ikkawżalu dannu jew ikun hemm il-possibbiltà li jikkawżalu dannu, jitlob li jiġi kkonstatat li: […] 2. il-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel [...] kienet illegali […] […]” |
11. |
L-Artikolu 332 tal-BVergG 2006 jirregola l-ammissibbiltà tat-talba għal dikjarazzjoni. Il-paragrafu 3 tiegħu jipprovdi: “It-talbiet skont il-punt 2 tal-Artikolu 331(1) […] għandhom jitressqu fi żmien sitt xhur mill-jum li jsegwi dak tal-għoti tal-kġuntratt. […]” […]” |
12. |
Skont l-Artikolu 334(2) tal-BVergG 2006, il-Bundesvergabeamt, meta jikkonstata li kuntratt ikun ngħata illegalment minħabba nuqqas ta’ pubblikazzjoni minn qabel, jista’ jannulla l-kuntratt. |
13. |
L-Artikolu 341 tal-BVergG 2006 jistabbilixxi regoli proċedurali dwar it-talbiet għad-danni. Il-paragrafu 2 tiegħu jistabbilixxi: “Azzjoni għad-danni tkun ammissibbli biss jekk l-awtorità kontraenti tal-għoti tal-kuntratti kompetenti tkun ikkonstatat minn qabel li: […]
[…]” |
III – Il-fatti tal-kawża u d-domanda preliminari
14. |
Din il-kawża toriġina minn tilwima bejn MedEval – Qualitäts-, Leistungs- und Struktur-Evaluierung im Gesundheitswesen GmbH (iktar ’il quddiem “MedEval”) u l-Hauptverband der österreichischen Sozialversicherungsträger (Assoċjazzjoni Ċentrali tal-Istituzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali Awstrijaċi, iktar ’il quddiem il-“Hauptverband”). Din tal-aħħar hija organizzazzjoni ċentrali tal-iskemi tas-sigurtà soċjali kollha fl-Awstrija u hija organu rregolat mid-dritt pubbliku. |
15. |
Fl-10 ta’ Awwissu 2010, il-Hauptverband ikkonkludiet kuntratt, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel, dwar l-eżekuzzjoni ta’ proġett għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-pazjenti (“eMedikation”) mal-Pharmazeutischen Gehaltskasse, li hija wkoll organu rregolat mid-dritt pubbliku, li l-kompiti tiegħu jinkludu, fost l-oħrajn, l-irkupru tal-ispejjeż tar-riċetti għall-ispiżeriji mingħand l-entitajiet tal-assigurazzjoni individwali. |
16. |
Fil-fehma ta’ MedEval, dan kien jikkostitwixxi kuntratt bilaterali illegali. Għaldaqstant, fl-1 ta’ Marzu 2011, talbet lill-Bundesvergabeamt Awstrijaka tikkonstata l-illegalità tal-proċedura tal-Hauptverband, skont il-punt 2 tal-Artikolu 331(1) tal-BVergG 2006. |
17. |
B’deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2011, il-Bundesvergabeamt ċaħdet din it-talba peress li ma kinitx tressqet fit-terminu ta’ sitt xhur mill-għoti tal-kuntratt, jiġifieri f’dan il-każ, mill-konklużjoni tal-kuntratt, kif stabbilit fl-Artikolu 332(3) tal-BVergG 2006. |
18. |
Il-Verwaltungsgerichtshof, li fil-frattemp ġiet adita bil-kawża, issostni li skont id-dritt Awstrijak, it-terminu għall-preżentata ta’ talba għal deċiżjoni deklaratorja dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jibda jiddekorri mill-konklużjoni tal-kuntratt irrispettivament mill-għarfien tal-applikant. Madankollu, sa fejn dan tal-aħħar għandu jressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ ksur tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mhux biss sabiex jikseb l-annullament tal-kuntratt, iżda wkoll sabiex iressaq talba għad-danni, il-Verwaltungsgerichtshof tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dan it-terminu mad-dritt tal-Unjoni. |
19. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, b’digriet tal-25 ta’ Marzu 2014, li wasal il-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ April 2014, il-Verwaltungsgerichtshof għamlet id-domanda għal deċiżjoni preliminari segwenti: Id-dritt tal-Unjoni Ewropea – b’mod partikolari l-prinċipji ġenerali ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE – għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sitwazzjoni ġuridika nazzjonali fejn talba għal dikjarazzjoni ta’ ksur tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandha ssir fi żmien sitt xhur mill-konklużjoni tal-kuntratt, jekk id-dikjarazzjoni ta’ ksur tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tkun prerekwiżit mhux biss biex jiġi annullat il-kuntratt iżda wkoll sabiex titressaq talba għad-danni? |
20. |
Fil-proċeduri ta’ deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, MedEval, il-Hauptverband, il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. MedEval, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta tat-22 ta’ April 2014. |
IV – Analiżi legali
21. |
Bid-domanda tagħha, il-Verwaltungsgerichtshof tistaqsi, essenzjalment, jekk dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li proċeduri ta’ reviżjoni għad-dikjarazzjoni tal-illegalità tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti jistgħu biss jitressqu f’terminu ta’ dekadenza ta’ sitt xhur, anki jekk id-dikjarazzjoni tal-illegalità hija sempliċiment meħtieġa bħala prerekwiżit għal talba għad-danni, hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
22. |
Il-kuntest għal din id-domanda huwa kkostitwit mill-istruttura partikolari tal-protezzjoni legali fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti fl-Awstrija, li l-bażi tagħha fil-fażi ta’ wara l-għoti tal-kuntratt, hija proċedura li l-għan tagħha huwa, inizjalment, li tiġi sempliċement iddikjarata l-illegalità tal-għoti tal-kuntratt. Għaldaqstant, tali dikjarazzjoni topera bħala prerekwiżit mhux biss għal kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt konkluż mill-awtorità kontraenti, iżda wkoll bħala sempliċi dikjarazzjoni ta’ talba għad-danni minn terzi bħal MedEval. |
23. |
Kif jidher mit-talba għal deċiżjoni preliminari, fil-kawża preżenti, il-Verwaltungsgerichtshof titlob esklużivament kjarifika dwar l-ammissibbiltà tat-terminu ta’ dekadenza ta’ sitt xhur stabbilit fir-rigward ta’ talbiet għad-danni minn persuni li jqisu lilhom infushom leżi minħabba l-għoti ta’ kuntratt. A contrario, il-kwistjoni ma tikkonċernax liema termini għandhom ikunu marbuta ma’ talbiet għal dikjarazzjoni bil-għan li tiġi kkonstatata l-invalidità tal-kuntratt. |
24. |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda preliminari għandha tiġi eżaminata, l-ewwel nett, id-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni (Taqsima A iktar ’il quddiem) u, sussegwentement, il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni (Taqsima B iktar ’il quddiem). Il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ regola dwar it-termini bħal dik Awstrijaka tippresupponi, fil-fatt, li din mhux biss hija kompatibbli mat-test tad-direttiva, iżda wkoll mal-intenzjoni tagħha, kif tirriżulta mill-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Sa fejn id-direttiva tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, dawn għandhom jagħmlu użu minnha b’osservazzjoni tal-imsemmija prinċipji. |
A – Fuq id-Direttiva dwar il-proċeduri ta ’ reviżjoni
25. |
Id-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni tistabbilixxi regoli fid-dettall intiżi li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ individwi kontra deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi tal-awtoritajiet kontraenti ( 9 ). Din id-direttiva tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri xierqa li jippermettu r-reviżjoni tal-għoti tal-kuntratt mill-awtoritajiet kontraenti (“proċeduri ta’ reviżjoni”). Skont l-Artikolu 2(1) tad-direttiva, dawn il-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom jippermettu, inter alia, l-annullament ta’ deċiżjonijiet illegali (punt b) kif ukoll l-għoti ta’ kumpens lil persuni li jkunu ġarrbu danni. |
26. |
Filwaqt li l-verżjoni oriġinali tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni ma kinitx għadha tinkludi dispożizzjoni espliċita dwar it-termini li fihom għandhom jitressqu l-proċeduri ta’ reviżjoni, id-Direttiva issa tinkludi, permezz tal-Artikolu 2f tagħha, dispożizzjoni speċifika għal dan il-għan. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 2f(1)(b), l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu terminu ta’ dekadenza ta’ (mill-inqas) sitt xhur li jibda jiddekorri mill-jum li jsegwi dak tal-konklużjoni tal-kuntratt. |
27. |
Madankollu, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li dan it-terminu ta’ dekadenza ma japplikax għal reviżjonijiet “skond l-Artikolu 2d(1)” tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni, jiġifieri r-reviżjonijiet li huma intiżi sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità tal-kuntratt konkluż mill-awtorità kontraenti. |
28. |
Kuntrarjament għall-osservazzjonijiet sottomestti mill-Awstrija, il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 2f(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni li jiġi stabbilit terminu ta’ dekadenza ta’ sitt xhur ma hijiex effettivament marbuta mat-tressiq tat-talbiet għad-danni. Dawn tal-aħħar huma pjuttost koperti mill-Artikolu 2f(2) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni, li jipprovdi li “fil-każi l-oħra kollha” it-terminu għall-applikazzjoni għal reviżjoni huwa rregolat mid-dritt nazzjonali. Dan ġie korrettement sostnut mill-Kummissjoni. |
29. |
Din il-konklużjoni tirriżulta mhux biss mill-kliem tal-Artikolu 2f tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni iżda hija wkoll ikkorroborata mill-għanijiet li kellu l-leġiżlatur meta emenda d-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni. Kif fil-fatt jispjega fil-premessa 13 tad-Direttiva 2007/66, kuntratti konklużi fil-kuntest ta’ għoti dirett illegali għandhom fil-prinċipju jitqiesu li huma invalidi. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li tali għotjiet għandhom jitqiesu li huma l-iktar ksur serju tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti ( 10 ), iżda, fl-istess waqt, fil-premessa 25 tad-Direttiva 2007/66, huwa jżid li, minħabba raġunijiet ta’ ċertezza legali, għandhom ikunu previsti “perijodi [...] ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni]” għall-preżentazzjoni ta’ proċeduri ta’ reviżjoni intiżi sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità tal-kuntratti. Dan huwa l-kuntest li fih tinsab id-dispożizzjoni dwar it-terminu ta’ dekadenza ta’ sitt xhur stabbilita fl-Artikolu 2f(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni. |
30. |
Il-preżentazzjoni tat-talba għad-danni bħal dik inkwistjoni fil-każ ineżami ġeneralment ma timplikax li l-kuntratt, li jkun irriżulta mill-għoti dirett illegali, jiġi ddikjarat invalidu ( 11 ). Għaldaqstant, l-interessi inkwistjoni fil-każijiet ta’ talbiet għad-danni huma għalhekk differenti mill-interessi fil-każijiet ta’ proċeduri ta’ reviżjoni, intiżi sabiex jiġu ddikjarati invalidi kuntratti diġà konklużi. In-neċessità ta’ ċertezza legali hija inqas eżiġenti fir-rigward ta’ sempliċi proċeduri ta’ kumpens għad-danni milli fir-rigward ta’ proċeduri li permezz tagħhom tiġi kkontestata l-validità ta’ kuntratti ( 12 ). |
31. |
Huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-interessi partikolari fil-każ ta’ talbiet għad-danni. Skont l-Artikolu 2f(2) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni, huma għandhom is-setgħa, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom, li jistabbilixxu t-termini li fihom il-partijiet fil-kawża għandhom iressqu proċeduri sabiex ikunu jistgħu jinvokaw id-dritt tagħhom għad-danni minħabba l-għoti allegatament illegali ta’ kuntratt ( 13 ). |
B – Fuq il-prinċipji ta ’ ekwivalenza u ta ’ effettività
32. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw ir-regoli proċedurali li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet individwali li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dawn ir-regoli ma għandhomx ikunu inqas favorevoli mir-regoli li jirregolaw sitwazzjonijiet nazzjonali simili (prinċipju ta’ ekwivalenza), u ma għandhomx irendu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) ( 14 ). |
33. |
B’mod partikolari, ir-regoli proċedurali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lil persuni leżi mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti, ma jistgħux jippreġudikaw l-effettività prattika tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni ( 15 ). |
1. Il-prinċipju ta’ effettività
34. |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, tqum il-kwistjoni dwar jekk terminu ta’ dekadenza bħat-terminu ta’ sitt xhur applikabbli fl-Awstrija skont l-Artikolu 332(3) tal-BVergG 2006 jrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli għall-partijiet ikkonċernati li jinvokaw id-dritt għal kumpens għad-danni stabbilit fl-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni. |
35. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istabbiliment ta’ termini ta’ dekadenza raġonevoli ma huwiex, fil-prinċipju, konfutabbli peress li tali termini jservu r-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali ( 16 ). Il-kunċett innifsu ta’ ċertezza legali huwa rifless ukoll fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni, li jipprovdi li r-reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ għoti għandha titwettaq “malajr kemm jista’ jkun”. Fl-istess waqt, madankollu, l-istess dispożizzjoni teżiġi li l-għotjiet tal-kuntratti jkunu jistgħu jiġu riveduti “b’mod effettiv”, jiġifieri b’enfażi mhux biss fuq iċ-ċertezza legali iżda wkoll fuq l-eżiġenza li tiġi ggarantita rotezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara wkoll, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali). |
36. |
Dawn iż-żewġ fatturi, iċ-ċertezza legali u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-termini ta’ dekadenza fi proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Għal dan il-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-konsegwenzi legali tar-rimedju legali inkwistjoni kif ukoll id-drittijiet u l-interessi inkwistjoni tal-partijiet fil-kawża ( 17 ). |
37. |
Għaldaqstant, fil-każ preżenti tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kunsiderazzjonijiet li jimmilitaw favur l-applikazzjoni ta’ termini ta’ dekadenza partikolarment stretti u qosra jistgħux jiġu applikati għal talbiet għad-danni. |
38. |
Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għandha tkun fin-negattiv peress li, kif diġà ġie indikat, l-interessi inkwistjoni huma differenti fiż-żewġ każijiet. |
39. |
L-awtorità kontraenti u l-kokontraenti huma marbuta bl-eżiġenza ċara, li timmerita protezzjoni, ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-kuntratt konkluż bejniethom. Dikjarazzjoni retroattiva fir-rigward tal-ineffettività ta’ dan il-kuntratt tirrappreżenta konsegwenza legali partikolarment serja u drastika. Huwa proprju għal din ir-raġuni li l-proċeduri ta’ reviżjoni intiżi li jċaħħdu lil kuntratti mill-effetti tagħhom (protezzjoni legali primarja) għandhom jitfasslu b’mod restrittiv. Għaldaqstant, għall-finijiet ta’ tali proċeduri, huwa raġonevoli, u possibbli, skont l-Artikolu 2f(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni, li jiġi stabbilit terminu ta’ dekadenza assolut ta’ sitt xhur li jista’ jibda jiddekorri irrispettivament minn jekk il-persuna kkonċernata jkollhiex għarfien dwar l-allegat ksur tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 18 ). |
40. |
B’kuntrast ma’ dan, ir-rimedji legali li huma intiżi għall-kumpens (protezzjoni legali sekondarja) fil-prinċipju ma humiex rilevanti għall-validità ta’ kuntratti diġà konklużi. L-interessi tal-kokontraenti huma sostanzjalment inqas ippreġudikati bit-talbiet għall-kumpens għad-danni milli jkunu fil-każ ta’ annullament tal-kuntratt. Dan jimplika li, fir-rikorsi għad-danni, il-bilanċ bejn il-kunsiderazzjonijiet ta’ ċertezza legali u r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja ma jistax jiġi żgurat bl-istess mod bħal fi proċeduri ta’ reviżjoni li huma intiżi sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità ta’ kuntratti. Għall-kuntrarju, fi proċeduri li huma intiżi sabiex jinkiseb kumpens għad-danni, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeħtieġ li tingħatalhom importanza kunsiderevolment ikbar, u ma jkunx iġġustifikat li r-regoli li jirregolaw tali rimedji legali jitfasslu b’mod daqstant strett bħal fil-każ tal-annullament tal-kuntratti ( 19 ). |
41. |
F’dan ir-rigward, l-argument tal-Awstrija li t-talbiet għad-danni ta’ terzi jimplikaw ukoll inċertezza legali inaċċettabbli għall-awtoritajiet pubbliċi għaliex tali talbiet fil-konfront tagħhom “b’mod regolari juru li hemm rabta mad-dispożizzjonijiet statali tal-amministrazzjoni” u li d-disponibbiltà tar-riżorsi baġitarji hija ristretta, ma jistax jintlaqa’. Għall-kuntrarju, huma l-awtoritajiet kontraenti stess li għandhom jipprekludu kwalunkwe talba għad-danni possibbli mill-bidu nett permezz tal-osservanza stretta tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
42. |
Barra minn hekk, ir-riferiment li jagħmlu l-Awstrija u l-Italja għall-Artikolu 2(6) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni ma jwassalx għal konklużjoni differenti. Huwa minnu li, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jingħataw is-setgħa li jipprovdu sistema li tinkludi żewġ stadji, li permezz tagħha l-preżentazzjoni tat-talbiet għad-danni, li huma bbażati fuq l-illegalità ta’ deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku hija marbuta mal-“annullament” preċedenti ta’ din l-istess deċiżjoni. Madankollu, b’ebda mod ma jsegwi minn din il-possibbiltà ta’ kundizzjonalità li t-termini ta’ dekadenza applikabbli għat-talbiet intiżi li jiġi kkonstatat ksur tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, speċifikament bil-għan li jingħata kumpens għad-danni, għandhom jitfasslu bl-istess mod bħal dawk għal talbiet intiżi sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità ta’ kuntratti diġà konklużi. |
43. |
Għall-kuntrarju, kwalunkwe termini ta’ dekadenza previsti fid-dritt nazzjonali fir-rigward ta’ talbiet għal reviżjoni b’rabta mal-preżentazzjoni ta’ talbiet għad-danni, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ effettività. Dawn it-termini ma għandhomx neċessarjament ikunu itwal minn dawk previsti fir-rigward ta’ talbiet intiżi sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità ta’ kuntratti. Dak li huwa l-iktar importanti huwa l-bidu tad-dekorrenza ta’ dawn it-termini: il-preżentazzjoni effettiva ta’ talba għad-danni tirrikjedi li t-termini għall-preżentazzjoni tal-proċeduri sottostanti għal reviżjoni tal-allegat ksur tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li magħhom hija marbuta t-talba għal kumpens għad-danni, jibdew jiddekorru biss fil-mument li fih il-parti kkonċernata tkun saret taf bil-ksur rispettiv jew li fih kellha tkun taf dwar dan il-ksur ( 20 ), pereżempju permezz ta’ komunikazzjoni kif previst fl-Artikolu 35(4) tad-Direttiva 2004/18. |
44. |
Fil-fatt, il-Kummissjoni ġustament issostni li, b’mod partikolari fil-każ ta’ allegazzjoni dwar l-għoti dirett illegali, għandu jiġi preżunt li l-partijiet ikkonċernati żvantaġġati ma jistgħux jinfurmaw ruħhom faċilment dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt. Li kieku t-terminu ta’ preżentazzjoni ta’ kwalunkwe reviżjoni kien jibda jiddekorri biss mill-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti la tkun esposta għar-riskju ta’ annullament tal-kuntratt u lanqas għal dak tat-talbiet għad-danni, jekk din tostor għal żmien suffiċjentement twil il-konklużjoni tal-kuntratt. Madankollu, dan ikun jipprekludi l-għan tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni, li jipprovdi li l-partijiet ikkonċernati għandhom ikunu pprovduti b’rimedju effettiv kontra l-għotjiet diretti illegali ( 21 ). |
45. |
Għaldaqstant, kollox ma’ kollox, il-prinċipju ta’ effettività jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li talba għal dikjarazzjoni ta’ ksur tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ sitt xhur mill-konklużjoni tal-kuntratt, saħansitra anki jekk din id-dikjarazzjoni tkun sempliċement meħtieġa bħala prerekwiżit għal rikors sussegwenti għad-danni. Għall-kuntrarju, it-terminu ta’ dekadenza għal talba għal dikjarazzjoni intiża sabiex tiġi ppreżentata talba għad-danni ma jistax jibda jiddekorri qabel ma l-parti li ġġarrab il-ħsara tkun taf, jew kellha tkun taf, bil-ksur allegat tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
46. |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, u meta, MedEval kellhiex għarfien jew kellu jkollha għarfien tal-informazzjoni fil-każ preżenti. |
2. Il-prinċipju ta’ ekwivalenza
47. |
Għal raġunijiet ta’ kompletezza biss, jonqos, fl-aħħar nett, li jiġi diskuss fil-qosor jekk id-dispożizzjoni Awstrijaka inkwistjoni tinsabx ukoll f’kunflitt mal-prinċipju ta’ ekwivalenza. |
48. |
Il-Verwaltungsgerichtshof issostni li fl-Awstrija, skont id-dispożizzjonijiet ċivili ġenerali, it-talbiet għad-danni fil-prinċipju jiġu preskritti wara tliet snin b’effett minn meta l-parti leża jkollha għarfien tad-dannu jew tal-identità tal-persuna li tkun wettqithu. Prima facie, din ir-regola tindika li r-regoli proċedurali għall-preżentazzjoni tat-talbiet għad-danni minħabba ksur tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, kif stabbilita fil-BVergG 2006, għandha titqies li hija l-inqas favorevoli, u għalhekk bħala ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, peress li, skont dawn ir-regoli, ir-rikors għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ dekadenza assolut ta’ sitt xhur dekorribbli mill-konklużjoni tal-kuntratt. |
49. |
Madankollu, dan huwa differenti fil-kuntest tal-karatteristiċi speċifiċi tal-protezzjoni ġudizzjarja fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Kif fil-fatt diġà ntqal, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni jenfasizza b’mod espliċitu l-aspett tar-reviżjoni “malajr kemm jista’ jkun” tad-deċiżjonijiet ta’ għoti. Iċ-ċertezza legali għandha tkun stabbilita mill-iktar fis possibbli. Għaldaqstant, il-fatt li għal talbiet għal reviżjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, anki għal dawk li huma intiżi biss sabiex jinkiseb kumpens għad-danni, japplikaw termini iktar qosra minn dawk għall-preżentazzjoni ta’ talbiet għad-danni skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ portata ġenerali, ma huwiex konfutabbli ( 22 ). |
50. |
Konsegwentement, il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jipprekludix l-istabbiliment ta’ terminu ta’ dekadenza speċjali għal talbiet għal dikjarazzjoni li huma intiżi sabiex jinkiseb kumpens għad-danni minħabba ksur tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, anki jekk il-perijodu ta’ preskrizzjoni ġenerali għal talbiet għad-danni huwa itwal skont id-dritt nazzjonali. |
V – Konklużjoni
51. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għat-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Verwaltungsgerichtshof Awstrijaka: Fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, l-Artikolu 2f(2) tad-Direttiva 89/665/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 89/555/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246).
( 3 ) Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU L 335, p. 31). L-emendi addizzjonali li saru permezz tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, p. 1) ma humiex rilevanti għall-każ preżenti.
( 4 ) C-454/06, EU:C:2008:167.
( 5 ) C-406/08, EU:C:2009:676.
( 6 ) Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132, korretta permezz ta’ ĠU L 351, p. 44).
( 7 ) Liġi Federali dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (Bundesvergabegesetz 2006 – BVergG 2006), BGBl. I Nru 17/2006.
( 8 ) BGBl. I Nru 15/2010.
( 9 ) Din tirrigwarda kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi pubbliċi. Ara wkoll id-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315).
( 10 ) Ara l-punt 37 tas-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau (C‑26/03, EU:C:2005:5), li fil-verżjoni Ġermaniża jirreferi għal “einem ganz beträchtlichen Verstoß […] gegen das Gemeinschaftsrecht über das öffentliche Auftragswesen” (“il-ksur [l-iktar gravi tal-]liġi komunitarja [...] fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi”). Il-formulazzjoni fil-verżjoni Franċiża u Ingliża ta’ din is-sentenza hija “la violation la plus importante du droit communautaire en matière de marchés publics” u “the most serious breach of Community law in the field of public procurement” rispettivament.
( 11 ) Ara l-Artikolu 2(7) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni, li jipprovdi li, minbarra l-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2d sa 2f, l-effetti tad-deċiżjonijiet ta’ reviżjoni fuq kuntratt konkluż wara d-deċiżjoni dwar l-għoti tiegħu, għandhom jiġu ddeterminati mid-dritt nazzjonali.
( 12 ) Ara l-punti 39 u 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il quddiem, kif ukoll il-punt 165 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pressetext Nachrichtenagentur (C‑454/06, EU:C:2008:167) u l-punti 33 u 34 tal-konklużjonijiet tiegħi Uniplex (UK) (C‑406/08, EU:C:2009:676).
( 13 ) Ara s-sentenzi Universale-Bau et (C‑470/99, EU:C:2002:746, punt 71) u Uniplex (UK) (C‑406/08, EU:C:2010:45, punt 26).
( 14 ) Ara s-sentenzi Rewe (33/76, EU:C:1976:188, punt 5), Peterbroeck (C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 12), van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punt 28) u Gruber (C‑570/13, EU:C:2015:231, punt 37).
( 15 ) Ara s-sentenzi Universale-Bau et (C‑470/99, EU:C:2002:746, punt 72), Uniplex (UK) (C‑406/08, EU:C:2010:45, punt 27) u eVigilo (C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 40).
( 16 ) Ara s-sentenzi Rewe (33/76, EU:C:1976:188, punt 5), Aprile (C‑228/96, EU:C:1998:544, punt 19) u Bulicke (C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 36), kif ukoll speċifikament dwar id-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni s-sentenzi Universale-Bau et (C‑470/99, EU:C:2002:746, punt 76), Santex (C‑327/00, EU:C:2003:109, punt 52), Lämmerzahl (C‑241/06, EU:C:2007:597, punti 50 u 51) u eVigilo (C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 51).
( 17 ) Ara l-punt 161 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pressetext Nachrichtenagentur (C‑454/06, EU:C:2008:167).
( 18 ) Ara l-punt 162 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pressetext Nachrichtenagentur (C‑454/06, EU:C:2008:167) u l-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Uniplex (UK) (C‑406/08, EU:C:2009:676).
( 19 ) Ara l-punti 163 sa 167 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pressetext Nachrichtenagentur (C‑454/06, EU:C:2008:167) u l-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħi Uniplex (UK) (C‑406/08, EU:C:2009:676). Din id-distinzjoni bejn il-protezzjoni tad-dritt primarju u d-dritt sekondarju hija riflessa wkoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħal pereżempju fis-sentenza Idrodinamica Spurgo Velox et (C‑161/13, EU:C:2014:307, punti 45 u 46).
( 20 ) Ara s-sentenzi Universale-Bau et (C‑470/99, EU:C:2002:746, punt 78), Uniplex (UK) (C‑406/08, EU:C:2010:45, punt 32), Idrodinamica Spurgo Velox et (C‑161/13, EU:C:2014:307, punt 37) u eVigilo (C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 52).
( 21 ) Ara l-premessa 6 tad-Direttiva dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni, li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jimplementaw proċeduri xierqa li jippermettu l-annullament ta’ deċiżjonijiet illegali u ta’ danni ta’ persuni leżi bi ksur.
( 22 ) Ara l-punt 157 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pressetext Nachrichtenagentur (C‑454/06, EU:C:2008:167).