EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0137

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fl-21 ta’ Mejju 2015.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:344

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil- 21 ta’ Mejju 2015 ( 1 )

Kawża C‑137/14

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2011/92/UE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Artikolu 11 — Direttiva 2010/75/UE — Emissjonijiet industrijali (prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis) — Artikolu 25 — Aċċess għall-ġustizzja”

I –Introduzzjoni

1.

Permezz tar-rikors tagħha tal-21 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent ( 2 ), u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) ( 3 ).

2.

Bħal fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C-115/09, EU:C:2011:289) u Gemeinde Altrip et (C-72/12, EU:C:2013:712), il-kawża preżenti tikkonċerna l-aċċess għall-ġustizzja u iktar preċiżament il-portata tad-dritt li jiġi ppreżentat rikors quddiem istanza ġudizzjarja jew korp ieħor li huwa indipendenti u imparzjali għall-kontestazzjoni tal-legalità ta’ deċiżjonijiet, ta’ atti jew ta’ ommissjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 jipprovdi kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:

a)

li jkollhom interess suffiċjenti, jew alternattivament,

b)

li jsostnu l-ksur ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,

ikollhom aċċess għal rivista quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi għal biex jisfida l-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.

3.   Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u l-ksur ta’ dritt għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-objettiv li jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja lill-pubbliku kkonċernat. Għal dak il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jitqies suffiċjenti għall-għan tal-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Tali organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jinkisru għall-għan tal-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ stħarriġ preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma għandhomx jaffettwaw ir-rekwiżit tal-eżawriment tal-proċeduri ta’ stħarriġ amministrattiv qabel ir-rikors għall-proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju, meta jeżisti tali rekwiżit taħt il-liġi nazzjonali.

Kull proċedura bħal din għandha tkun ġusta, retta, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.

5.   Sabiex iżidu l-effettività tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitpoġġew għad-disponibbiltà tal-pubbliku tagħrif prattiku dwar l-aċċess għall-proċeduri ta’ stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju.”

4.

L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2010/75/UE huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku interessat jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jippartieċipa fil-proċeduri li ġejjin:

a)

il-ħruġ ta’ permess għal installazzjonijiet ġodda;

b)

il-ħruġ ta’ permess għal kwalunkwe bidla sostanzjali;

ċ)

il-ħruġ jew l-aġġornament ta’ permess għal installazzjoni fejn l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 (4) hija proposta;

d)

l-aġġornament ta’ permess jew il-kondizzjonijiet għal permess għal installazzjoni skont il-punt (a) tal-Artikolu 21(5).

[…]

2.   Meta tkun ittieħdet deċiżjoni dwar il-ħruġ, il-konsiderazzjoni mill-ġdid jew l-aġġornament ta’ permess, l-awtorità kompetenti għandha tagħmel disponibbli lill-pubbliku, inkluż permezz tal-Internet fir-rigward tal-punti (a), (b) u (f), l-informazzjoni li ġejja:

a)

il-kontenut tad-deċiżjoni, inkluża kopja tal-permess u ta’ kwalunkwe aġġornament sussegwenti;

b)

ir-raġunijiet li fuqhom tkun imsejsa d-deċiżjoni;

ċ)

ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet li saru qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni u spjegazzjoni ta’ kif tqiesu f’dik id-deċiżjoni;

d)

it-titolu tad-dokumenti ta’ referenza tal-BAT rilevanti għall-installazzjoni jew l-attività kkonċernata;

e)

kif il-kondizzjonijiet għal permess imsemmija fl-Artikolu 14, inklużi l-valuri limitu tal-emissjonijiet ikunu ġew determinati f’relazzjoni mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli u l-livelli tal-emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli;

f)

meta tingħata deroga skont l-Artikolu 15(4), ir-raġunijiet speċifiċi għal dik id-deroga bbażati fuq il-kriterji stabbiliti f’dak il-paragrafu u l-kondizzjonijiet imposti.

3.   l-awtorità kompetenti għandha wkoll tagħmel disponibbli għall-pubbliku, inkluż permezz tal-Internet u mill-inqas fir-rigward tal-punt (a):

a)

informazzjoni rilevanti dwar il-miżuri meħudin mill-operatur mal-waqfien definittiv tal-attivitajiet f’konformità mal-Artikolu 22;

b)

ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet kif meħtieġ skont il-kondizzjonijiet għal permess u miżmumin mill-awtorità kompetenti.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw suġġett għar-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2003/4/KE.”

5.

L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75 jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessati jkollhom aċċess għal proċedura ta’ reviżjoni quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi biex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali ta’ deċiżjonijiet, atti jew omissjonijiet suġġetti għall-Artikolu 24 meta titwettaq waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

ikollhom interess suffiċjenti;

b)

iżommu t-tnaqqir ta’ dritt [isostnu l-ksur tad-dritt], meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala prekondizzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.

3.   Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u tnaqqir ta’ dritt [ksur tad-dritt] għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-għan li jingħata aċċess għall-ġustizzja lill-pubbliku interessat.

Għal dan il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tippromwovi l-ħarsien ambjentali u li tissodisfa kwalunkwe rekwiżit skont il-liġi nazzjonali għandu jitqies biżżejjed għall-għan tal-punt (a) tal-paragrafu 1.

Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li huma kapaċi li jiġu mnaqqra [miksura] għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 m’għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ reviżjoni preliminari quddiem awtorità amministrattiva u m’għandhomx jaffettwaw ir-rekwiżit tal-eżawriment tal-proċeduri tar-reviżjoni amministrattiva qabel ir-rikors għall-proċeduri tar-reviżjoni ġudizzjarja, meta jeżisti dan ir-rekwiżit taħt il-liġi nazzjonali.

Kwalunkwe proċedura bħal din għandha tkun ġusta, ekwa, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni prattika ssir disponibbli lill-pubbliku dwar l-aċċess għall-proċeduri amministrativi u ġudizzjarji tar-reviżjoni.”

6.

L-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75 jirriflettu r-rekwiżiti tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali tal-25 ta’ Ġunju 1998, approvata f’isem il-Kummissjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 124, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”) ( 4 ).

7.

Il-Komunità Ewropa iffirmat il-Konvenzjoni ta’ Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998, u rratifikatha fis-17 ta’ Frar 2005. L-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprevedi l-aċċess għall-proċeduri ġudizzjarji jew proċeduri oħra li jippermettu l-kontestazzjoni tal-legalità, kemm fil-mertu kif ukoll proċeduralment, ta’ deċiżjonijiet, ta’ atti jew ta’ ommissjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tal-konvenzjoni, relatati mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

8.

Id-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja ( 5 ), ġiet adottata għall-allineament tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, fid-dawl tar-ratifikazzjoni ulterjuri ta’ din tal-aħħar mill-Komunità. Hija emendat, minn naħa, id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, ( 6 ) billi introduċiet hawnhekk l-Artikolu 10a u, min-naħa l-oħra, id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis ( 7 ), billi introduċiet hawnhekk l-Artikolu 15a, sabiex ikunu kompatibbli mal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

9.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/35/KE jipprovdi li l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi mal-imsemmija Direttiva sa mhux iktar tard mill-25 ta’ Ġunju 2005.

10.

Id-Direttiva 85/337/KEE ġiet imħassra, ikkodifikata u ssostitwita permezz tad-Direttiva 2011/92. Id-Direttiva 96/61/KE ġiet imħassra, ikkodifikata u ssostitwita permezz tad-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis ( 8 ), li sussegwentement ġiet imħassra permezz tad-Direttiva 2010/75. Madankollu, l-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75 għandhom, għal dak li għandu x’jaqsam mal-effetti tagħhom, l-istess kontenut bħall-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE u l-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61/KE. It-terminu għat-traspożizzjoni tal-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75 baqa’ stabbilit għall-25 ta’ Ġunju 2005.

B – Id-dritt Ġermaniż

11.

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi (Verwaltungsgerichtsordnung, iktar ’il quddiem il-“VwGO”) huma stabbiliti fil-punti li ġejjin:

12.

L-Artikolu 42 tal-VwGO jipprovdi:

“1.   Jista’ jiġi ppreżentat rikors bl-għan li jinkiseb l-annullament ta’ att amministrattiv, jew li tinkiseb il-kundanna tal-amministrazzjoni li twettaq att li hija rrifjutat li teżegwixxi jew li naqset milli twettaq.

2.   Kemm-il darba l-liġi ma tipprovdix xorta oħra, ir-rikors mhux ammissibbli jekk ir-rikorrent ma jurix li d-drittijiet tiegħu ġew miksura permezz tal-att amministrattiv inkwistjoni, jew mir-rifjut jew l-astensjoni li jitwettaq dan l-att.”

13.

L-Artikolu 113 tal-VwGO

“1.   Kemm-il darba l-att amministrattiv ikun illegali jew id-drittijiet tar-rikorrent ikunu, permezz tiegħu, ġew miksura, il-qorti għandha tannulla l-att amministrattiv u jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni, wara li jkun ġie ppreżentat rikors għal dan il-għan. [...]”

14.

Id-dispożizzjonijiet segwenti tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva (Verwaltungsverfahrensgesetz, iktar ’il quddiem il-“VwVfG”) stabbiliti fil-punti li ġejjin huma rilevanti għall-kawża preżenti:

15.

L-Artikolu 44 tal-VwVfG huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-att amministrattiv huwa null jekk ikollu difett partikolarment gravi u jekk dan tal-aħħar jidher li jkun manifest fil-kuntest ta’ evalwazzjoni raġonevoli taċ-ċirkustanzi kollha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

2.   Mingħajr il-ħtieġa għall-konkorrenza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, għandu jitqies bħala null, l-att amministrattiv

1)

li ġie adottat bil-miktub jew b’mod elettroniku mingħajr ma l-awtorità li adottatu kienet maħtura li tagħmel dan b’mod rikonoxxibbli;

2)

li, skont xi dispożizzjoni legali, ma jistax jiġi adottat ħlief permezz tal-kunsinna ta’ xi dokument, iżda li ma jissodisfax dan ir-rekwiżit formali;

3)

li ġie adottat minn awtorità li eċċediet il-kompetenza tagħha kif iddefinita fl-ewwel punt tal-Artikolu 3(1), mingħajr ma kienet awtorizzata tagħmel dan;

4)

li, għal raġunijiet materjali, ħadd ma jista’ jeżegwixxi;

5)

li jirrikjedi l-għemil ta’ att illegali li jikkostitwixxi reat jew iwassal għal multa;

6)

li jmur kontra l-moralità.

[...]”

16.

L-Artikolu 46 tal-VwVfG jipprovdi:

“L-annullament ta’ att amministrattiv li mhux null u bla effett skont l-Artikolu 44, ma jistax jintalab biss għar-raġuni li dan twettaq bi ksur tar-regoli proċedurali, sostantivi jew ta’ kompetenza [territorjali], meta huwa manifest li l-ksur ma kellux effett fuq id-deċiżjoni sostantiva.”

17.

L-Artikolu 73 tal-VwVfG jipprovdi:

“1.   Il-persuna responsabbli għal proġett għandha tissottometti l-pjan lill-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni, fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-proċedura tal-investigazzjoni. [...]

2.   Matul ix-xahar ta’ wara li jintbagħat il-pjan komplut, l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni għandha tordna lill-awtoritajiet, li s-settur tal-attribuzzjonijiet tagħhom huwa milqut mill-proġett, sabiex jieħdu pożizzjoni u taċċerta li l-pjan jiġi ddepożitat għall-konsultazzjoni fil-komuni fejn il-proġett ser ikollu effett.

3.   Il-muniċipalitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiddepożitaw il-pjan għall-konsultazzjoni fi żmien tliet ġimgħat minn meta dawn ikunu rċevewh, għal perijodu ta’ xahar. Jista’ jkun hemm ir-rinunzja tad-depożitu għall-konsultazzjoni, jekk iċ-ċirku tal-persuni interessati jkun magħruf u tkun ingħatatilhom il-possibbiltà li jikkonsultaw il-pjan f’terminu adegwat.

[...]

4.   F’terminu ta’ ġimgħatejn mill-iskadenza taż-żmien għad-depożitu għall-konsultazzjoni, kwalunkwe persuna li l-interessi tagħha huma milquta mill-proġett, tista’, jew bil-miktub jew permezz ta’ iskrizzjoni fi proċess verbal, tippreżenta l-oġġezzjonijiet tagħha kontra l-pjan, lill-muniċipalità jew l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni. Fil-każ imsemmi fit-tieni sentenza tal-paragrafu 3, l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni għandha tistabbilixxi ż-żmien għall-preżentata tal-oġġezzjonijiet. Wara li jiskadi t-terminu għall-preżentata tal-oġġezzjonijiet, għandha teskludi kull oġġezzjoni li ma tkunx imsejsa fuq titoli partikolari tad-dritt privat. Dan għandu jissemma’ fl-avviż pubbliku tad-depożitu għall-konsultazzjoni jew fin-notifika tat-terminu għall-preżentata tal-oġġezzjonijiet.

[…]”

18.

Il-liġi dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent (Umwelt-Rechtsbehelfsgesetz), tas-7 ta’ Diċembru 2006, emendata fl-aħħar lok permezz tal-Artikolu 1 tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet addizzjonali dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent u dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-ambjent (Gesetz zur Änderung des Umwelt-Rechtsbehelfsgesetzes und anderer umweltrechtlicher Vorschriften) tal-21 ta’ Jannar 2013 (iktar ’il quddiem l-“UmwRG”), tipprevedi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tagħha li hija applikabbli għar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet fis-sens tal-Artikolu 2(3) tal-liġi dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (Gesetz über die Umweltverträglichkeitsprüfung, iktar ’il quddiem l-“UVPG”), relatati mal-legalità ta’ proġetti li fir-rigward tagħhom jista’ jkun hemm, skont l-UVPG, l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali.

19.

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmija liġi huma stabbiliti fil-punti li ġejjin:

20.

L-Artikolu 2 tal-UmwRG jipprevedi kif ġej:

“1.   Assoċjazzjoni nazzjonali jew barranija li hija rrikonoxxuta [...] tista’ tippreżenta, mingħajr il-ħtieġa li ssostni l-ksur tad-drittijiet tagħha, rikors skont il-VwGO kontra deċiżjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) jew kontra n-nuqqas ta’ deċiżjoni, jekk l-imsemmija assoċjazzjoni

1)

ssostni li d-deċiżjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) jew in-nuqqas ta’ deċiżjoni, imorru kontra d-dispożizzjonijiet legali li għandhom fil-mira tagħhom il-protezzjoni tal-ambjent u jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni,

2)

ssostni li hija affetwata mid-deċiżjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) jew in-nuqqas ta’ deċiżjoni, fil-kamp tal-attività statutorja tagħha li tippromwovi l-għanijiet tal-protezzjoni ambjentali, u

3)

kellha l-kapaċità li tipparteċipa fi proċedura stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) u esprimiet ruħha fuq il-mertu skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, jew ma ngħatatx l-opportunità li tesprimi ruħha, bi ksur tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

2.   Assoċjazzjoni li mhix rikonoxxuta [...] ma tistax tippreżenta rikors skont il-paragrafu 1 ħlief jekk, għalkemm

1)

tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent fil-mument tad-depożitu tar-rikors,

2)

ippreżentat talba għar-rikonoxximent,

għadha ma tteħditx deċiżjoni fir-rigward tar-rikonoxximent tagħha, għal raġunijiet li ma jaqgħux taħt r-responsabbiltà tagħha.

[...]

3.   Jekk l-assoċjazzjoni kellha l-okkażjoni tesprimi ruħha waqt il-proċedura msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1), hija ma tista’ tagħmel l-ebda oġġezzjoni waqt il-proċedimenti ta’ appell li ma tkunx ippreżentat jew ma tkunx ippreżentat fil-ħin skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, iżda li setgħet tippreżenta waqt il-proċedura msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1).

4.   Jekk id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) ma saritx pubblika jew ma ġietx nnotifikata lill-assoċjazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, l-oppożizzjoni jew l-appell għandhom jiġu ppreżentati fi żmien sena li għandha tibda tiddekorri mill-mument meta l-assoċjazzjoni saret taf dwar id-deċiżjoni jew setgħet saret taf dwarha. [...]

5.   Ir-rikorsi msemmija fil-paragrafu 1 huma fondati

jekk id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) jew in-nuqqas ta’ deċiżjoni, jiksru d-dispożizzjonijiet li għandhom fil-mira tagħhom il-protezzjoni tal-ambjent u huma rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni,

f’każ ta’ rikorsi relatati ma’ pjanijiet ta’ kostruzzjoni, jekk il-kontestazzjonijiet għall-pjan ta’ kostruzzjoni, li jimmotivaw il-legalità tal-proġett suġġett għall-obbligu [ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent] jiksru d-dispożizzjonijiet li għandhom fil-mira tagħhom il-protezzjoni tal-ambjent,

u meta l-ksur jaffettwa l-interessi tal-protezzjoni tal-ambjent li huma fost dawk promossi mill-assoċjazzjoni skont l-istatuti tagħha. Għad-deċiżjonijiet imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1), għandu, barra minn hekk, ikun hemm l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.”

21.

L-Artikolu 4 tal-UmwRG jistabbilixxi:

“1.   L-annullament ta’ deċiżjoni relatata mal-legalità tal-proġett, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1), jista’ jintalab meta t-twettiq:

ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew

ta’ eżami preliminari, għal kull każ partikolari, tal-ħtieġa li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent,

tirrikjedi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-[l-UVPG], [...] tħalla barra u ma sar xejn sabiex din l-ommissjoni tiġi rrimedjata. […]

[...]

3.   Is-subparagrafi 1 u 2 imsemmija iktar ’il fuq huma applikabbli b’analoġija għar-rikorsi tal-partijiet fis-sens tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 61 tal-[VwGO].”

22.

L-Artikolu 5 tal-UmwRG huwa fformulat kif ġej:

“1.   Din il-liġi tapplika għall-proċeduri fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1), li ġew istitwiti jew setgħu ġew istitwiti wara l-25 ta’ Ġunju 2005; bl-ewwel parti tas-sentenza ma tkunx applikabbli għad-deċiżjonijiet imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) li saru eżegwibbli qabel il-15 ta’ Diċembru 2006.

[...]

3.   Il-proċeduri għar-rikonoxximent li jkunu diġà ġew istitwiti skont din il-liġi għandhom jiġu ffinalizzati mill-Aġenzija federali għall-ambjent skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ sat-28 ta’ Frar 2010.

4.   Il-proċeduri ta’ deċiżjoni msemmija fl-ewwel punt tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1), il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni msemmija fit-tieni punt tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1), jew il-proċedimenti ta’ appell msemmija fl-Artikolu 2 li kienu pendenti fid-data tat-12 ta’ Mejju 2011 jew li ġew istitwiti wara din id-data u li kienu għadhom ma ġewx itterminati b’saħħa eżekuttiva fid-29 ta’ Jannar 2013, għandhom jiġu ffinalizzati skont id-dispożizzjonijiet ta’ din l-liġi fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ mid-29 ta’ Jannar 2013. B’deroga mill-ewwel sentenza, l-Artikolu 4(1) ma japplikax ħlief għall-proċeduri ta’ azzjonijiet ġudizzjarji li ġew istitwiti wara d-29 ta’ Jannar 2013.”

III – Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.

Fit-18 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni rċeviet ilment li kien jallega t-traspożizzjoni żbaljata, permezz tal-Artikolu 2 tal-UmwRG, tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, li sar l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, u l-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61/KE, li sar l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75.

24.

Wara dan l-ilment, il-Kummissjoni bagħtet, fl-1 ta’ Ottubru 2012, ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għal ksur tal-obbligi imposti fuqha skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni fit-30 ta’ Novembru 2012. Fis-26 ta’ April 2013, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Federali ta-Ġermanja li għaliha din tal-aħħar wieġbet fl-10 ta’ Lulju 2013.

25.

Il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fil-21 ta’ Marzu 2014.

26.

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

billi, fil-prinċipju, tqis li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92 u tad-Direttiva 2010/75 ma jikkonferixxux drittijiet suġġettivi u, konsegwentement, billi jeskludu ampjament l-invokazzjoni ġudizzjarja tagħhom mill-individwi (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO);

billi tillimita l-annullament tad-deċiżjonijiet għal difetti proċedurali, bl-assenza totali tal-evalwazzjoni obbligatorja tal-effetti fuq l-ambjent jew l-assenza tal-eżami preliminari obbligatorju (l-Artikolu 4(1) tal-UmwRG) u għal każijiet li fihom ir-rikorrent jistabbilixxi li d-difett proċedurali għandu rabta kawżali mar-riżultat tad-deċiżjoni (Artikolu 46 tal-VwVfG) u li dan jaffettwa l-pożizzjoni legali tar-rikorrent;

billi tillimita l-locus standi u l-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju għall-oġġezzjonijiet li diġà ġew prodotti matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni (Artikolu 2(3) tal-UmwRG u l-Artikolu 73(4) tal-VwVfG) ;

billi tillimita, fi proċeduri li ġew istitwiti wara l-25 ta’ Ġunju 2005 u tterminati qabel it-12 ta’ Mejju 2011, il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet ambjentali għad-dispożizzjonijiet tad-dritt li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi (Artikolu 2(1), moqri inkonnessjoni mal-Artikolu 5(4) tal-UmwRG);

billi tillimita, fi proċeduri li ġew istitwiti wara l-25 ta’ Ġunju 2005 u tterminati qabel it-12 ta’ Mejju 2011, il-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ rikorsi ta’ assoċjazzjonijiet ambjentali, għad-dispożizzjonijiet tad-dritt li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi (l-Artikolu 2(1) tal-UmwRG, verżjoni preċedenti, moqrija inkonnessjoni mal-Artikolu 5(4) tal-UmwRG), u

billi teskludi, b’mod ġenerali, mil-kamp tal-applikazzjoni tal- UmwRG, il-proċeduri amministrattivi li ġew istitwiti qabel il-25 ta’ Ġunju 2005 (l-Artikolu 5(4) tal-UmwRG),

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha imposti fuqha mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75.

27.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors tal-Kummissjoni u tikkundanna lil din tal-aħħar għall-ispejjeż.

28.

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Awwissu 2014, ir-Repubblika tal-Awstrija ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Hija qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29.

Waqt is-seduta tat-12 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ttrattaw il-kawża.

IV – Dwar ir-rikors

A – Fuq l-ewwel ilment, relatat mar-restrizzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju impost mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO

1. L-argumenti tal-partijiet

30.

Il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn l-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO tillimita l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet għad-dispożizzjonijiet li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi, din id-dispożizzjoni ma hijiex kompatibbli mal-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92/UE u 25 tad-Direttiva 2010/75/UE. Hija tirrileva li fil-punt 37 tas-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C-115/09, EU:C:2011:289) u fil-punt 48 tas-sentenza Gemeinde Altrip et (C-72/12, EU:C:2013:712), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, bħala prinċipju, il-pubbliku kkonċernat jista’ jinvoka kwalunkwe difett proċedurali. Il-Kummissjoni tqis li l-limitazzjoni inkwistjoni, bħal-limitazzjonijiet l-oħra fil-mira ta’ dan ir-rikors, imorru kontra l-għan tal-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja wiesgħa skont l-Artikolu 9(2) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

31.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li, fis-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C-115/09, EU:C:2011:289, punt 45), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-leġiżlatur nazzjonali jista’ jillimita d-drittijiet li l-ksur tagħhom jista’ jiġi invokat minn individwu partikolari fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni, att jew ommissjoni msemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li bl-applikazzjoni tal-Artikolu 42(2) tal-VwGO, l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament jew għal ordni, tippreżupponi li r-rikorrent individwali jsostni li ġie leż fid-“drittijiet tiegħu” permezz tal-att amministrattiv inkwistjoni jew bir-rifjut li l-imsemmi att jiġi adottat u li l-ordinament ġuridiku Ġermaniż ma jirrikonoxxix lill-individwu dritt ġenerali li jinvoka l-eżekuzzjoni tal-liġi.

32.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li n-natura u l-firxa tal-verifika li għandha titwettaq mill-qrati nazzjonali ma humiex irregolati mill-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75. Hija tirrileva wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ppronunzjatx ruħha f’mod dettaljat dwar dawn il-kwistjonijiet u tqis li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ġudizzjarju. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92/UE u 25 tad-Direttiva 2010/75 ma fihomx rekwiżiti preċiżi għal dak li għandu x’jaqsam mal-portata tal-kontroll tal-protezzjoni ġuridika iżda jimponu biss li jiġi redatt rikors li jippermetti l-kontestazzjoni tal-legalità, kemm fil-mertu kif ukoll proċeduralment, ta’ kwalunkwe deċiżjoni, ta’ kwalunkwe att jew ta’ kwalunkwe ommissjoni.

33.

Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dispożizzjoni legali bħalma hija dik tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO li tissuġġetta l-annullament tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni għall-ksur tad-drittijiet suġġettivi pubbliċi tar-rikorrent individwali, tevita l-kontradizzjonijiet fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors u tal-fondatezza tiegħu. Hija tosserva li jekk – bħal fil-każ tal-Artikolu 42(2) tal-VwGO – l-ammissibbiltà tar-rikors tiddependi fuq il-possibbiltà tas-sostenn tal-ksur tad-drittijiet tagħha, huwa meħtieġ li r-riżultat tal-evalwazzjoni jkun tali, fil-każ tar-rikorsi individwali, li l-ksur tad-dritt biss jista’ jwassal għall-konsegwenza ġuridika mixtieqa mir-rikorrent – jiġifieri l-annullament tal-awtorizzazzjoni.

34.

Ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw ir-rikors quddiem istanza ġudizzjarja, kemm għal interess ġuridiku suffiċjenti, kif ukoll għall-obbligu tas-sostenn ta’ ksur ta’ dritt partikolari, meta d-dritt amministrattiv proċedurali ta’ Stat Membru jimponi tali kundizzjoni. Hija tirrileva li l-amministrazzjoni tal-kriterji, kemm tal-interess meħtieġ għal azzjoni legali quddiem istanza ġudizzjarja, kif ukoll tal-“ksur tad-dritt”, taqa’ taħt id-dritt intern. Ir-Repubblika tal-Awstrija tisħaq li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 bl-ebda mod ma jistipula li d-dritt għal azzjoni legali għandu jingħata lill-membri kollha tal-pubbliku kkonċernat li jistgħu juru interess ġuridiku. L-Istati Membri għandhom, fil-kuntest tal-Artikolu tad-Direttiva 2011/92, marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni, li tawtorizza wkoll l-limitazzjoni biss fuq id-drittijiet suġġettivi pubbliċi ( 9 ) tad-dritt għal azzjoni legali tal-individwi.

2. Kunsiderazzjonijiet

a) Dwar l-ammissibbiltà tal-ilment preżenti

35.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni, fi kwalunkwe rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 258 TFUE, li tindika l-ilmenti preċiżi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja tkun qiegħda tintalab li tagħti deċiżjoni, kif ukoll, għall-inqas b’mod sommarju, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li fuqhom huma bbażati dawn l-ilmenti. Għalhekk ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jinkludi espożizzjoni koerenti u ddettaljata tal-motivi li wassluha għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas minn wieħed mill-obbligi imposti fuqu bit-Trattati ( 10 ).

36.

Kemm mill-argumenti tal-Kummissjoni kif ukoll mit-talba tagħha dwar dan l-ilment, li dan tal-aħħar jikkonċerna preċiżament in-nuqqas ta’ konformità tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO mal-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75. Ċertament li għalkemm ir-redazzjoni tat-talba tal-Kummissjoni dwar dan l-ilment hija waħda infeliċi, jirriżulta b’mod inekwivoku mir-rikors tal-Kummissjoni li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti amministrattivi huwa limitat sa fejn il-qorti amministrattiva ma tannullax att illegali sakemm id-drittijiet tar-rikorrent ma jkunux ġew leżi u li din il-limitazzjoni tikser l-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75.

37.

Barra minn hekk, kemm ir-risposta tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll in-nota ta’ intervent tar-Repubblika tal-Awstrija fihom osservazzjonijiet ċari u preċiżi dwar din il-kwistjoni ġuridika. Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja insistiet dwar il-fatt li l-limitazzjoni inkwistjoni, imposta permezz tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO, kienet tikkostitwixxi wieħed mill-pilastri tad-dritt amministrattiv Ġermaniż u ma kinitx tmur kontra l-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75, li jikkonferma li hija kienet fehmet perfettament il-portata tal-ilment.

38.

Hemm lok li jiġi rrilevat madankollu li kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentaw ukoll l-osservazzjonijiet dwar l-Artikolu 4(1) u (3) tal-UmwRG fil-kuntest ta’ dan l-ilment.

39.

Mill-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jirriżulta li bl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-ommissjoni ta’ evalwazzjoni rikjesta tal-effetti fuq l-ambjent, jew ta’ eżami preliminari, għal kull każ partikolari, tal-ħtieġa li titwettaq tali evalwazzjoni, tikkostitwixxi ksur li jwassal direttament għall-annullament tad-deċiżjoni kkonċernata, anki fil-każ ta’ rikorsi ppreżentati minn individwi. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu għalhekk tip ta’ lex specialis fir-rigward tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO u 46 tal-VwVfG sa fejn dawn la jirrikjedu, għall-finijiet tal-annullament tal-att f’ċerti każijiet preċiżi, li jintwera li kien hemm il-ksur ta’ dritt suġġettiv minn individwu partikolari u lanqas ir-rabta kawżali bejn l-iżball proċedurali u s-sens tad-deċiżjoni kkontestata. Huma jtaffu għalhekk ir-rekwiżiti tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO u 46 tal-VwVfG.

40.

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tallega fir-rikors tagħha u fit-trattazzjoni tagħha waqt is-seduta, li fil-Ġermanja, il-ġurisprudenza ma tapplikax jew ma tinkludix l-Artikolu 4(1)(3) tal-UmwRG fl-istess sens bħal dak ippreżentat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

41.

Dan premess, il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar dan l-ilment tikkonċerna biss l-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO. Inqis għalhekk li dan l-ilment ma jikkonċernax ħlief il-portata tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO u mhux l-Artikolu 4(1)(3) tal-UmwRG. Għalhekk, sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkritikata li kisret l-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75, permezz tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 4(1)(3) tal-UmwRG, l-ewwel ilment huwa inammissibbli.

42.

Ser nillimita għalhekk il-konklużjonijiet tiegħi dwar l-ewwel ilment għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO. Min-naħa l-oħra, it-tieni ilment ser jikkonċerna espressament il-kompatibbiltà tal-Artikolu 4(1) tal-UmwRG mad-dritt tal-Unjoni.

b) Fuq il-mertu

i) Osservazzjonijiet preliminari

43.

Hemm lok li jiġi enfasizzat li l-ilment preżenti jikkonċerna r-rikorsi ppreżentati mill-persuni fiżiċi u morali (iktar ’il quddiem l-“individwi”) li ma humiex organizzazzjonijiet mhux governattivi għall-ħarsien tal-ambjent li jibbenefikaw minn aċċess privileġġat għal ġustizzja skont l-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75 ( 11 ).

44.

Dawn l-Artikoli 11(1) tad-Direttiva 2011/92 u 25(1) tad-Direttiva 2010/75/UE jipprevedu li d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-ommissjonijiet imsemmija rispettivament fid-Direttiva 2011/92, relatati mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku jew fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2010/75 ( 12 ) għandu jkollhom il-possibbiltà li jkunu suġġetti għal rikors quddiem istanza ġudizzjarja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi sabiex “jikkontestaw il-legalità, fil-mertu, jew dik proċedurali”.

45.

Fl-assenza ta’ regoli stabbiliti f’dan il-qasam permezz tad-dritt tal-Unjoni, huwa l-kompitu ta’ kull Stat Membru li jirregola, fl-ordinament ġuridiku tiegħu, il-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi maħsuba sabiex jaċċertaw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża għandhom abbażi tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn dawn il-modalitajiet ma jkunux, skont il-prinċipju tal-ekwivalenza, inqas favorevoli minn dak li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura interna u ma jrendux, skont il-prinċipju tal-effettività, prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija permezz tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 13 ).

46.

Wieħed għandu jżid li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li riedet tassoċja mal-ħarsien, mal-protezzjoni u mat-titjib tal-kwalità tal-ambjent u mal-protezzjoni tas-saħħa umana, il-membri tal-pubbliku kkonċernat li għandhom interess ġuridiku suffiċjenti jew li jsostnu l-ksur ta’ xi dritt ( 14 ).

47.

Huwa manifest li l-għan tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni huwa li jagħti lill-pubbliku kkonċernat aċċess wiesgħa għall-ġustizzja. Dan huwa l-prinċipju gwida tagħhom u jikkostitwixxi għalhekk sors importanti ta’ interpretazzjoni. Inqis, b’mod konformi mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C-115/09, EU:C:2011:289, punt 70), li “[l]-oġġettiv li jingħata ‘aċċess wiesa’' għall-ġustizzja jagħti l-parametri li fihom tista’ tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni leġiżlattiva tal-Istati”.

ii) Il-limitazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikorsi ta’ individwi bl-applikazzjoni tal-Artikoli 11(1) tad-Direttiva 2011/92 u 25(1) tad-Direttiva 2010/75/UE

48.

L-Artikoli 11(1) tad-Direttiva 2011/92 u 25(1) tad-Direttiva 2010/75 jistabbilixxu b’mod ċar il-possibbiltà li l-Istati Membri jiddefinixxu u għalhekk jirrestrinġu l-ammissibbiltà tar-rikorsi ta’ individwi ( 15 ), bil-kundizzjoni li din il-limitazzjoni tkun konformi mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesgħa għall-ġustizzja. Għal dan il-għan, dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw lill-Istati Membri jagħżlu bejn żewġ kriterji għal-limitazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikorsi ppreżentati minn individwi.

49.

Fil-punt 38 tas-sentenza tagħha Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C-115/09, EU:C:2011:289), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li “[f]ir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors, [dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu] żewġ każijiet: l-ammissibbiltà ta’ rikors tista’ tiġi ssuġġettata għal “interess [ġuridiku] biżżejjed” jew li r-rikorrenti jsostni “indebboliment ta’ dritt” skont jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tirreferix għall-kundizzjoni waħda jew l-oħra” ( 16 ). Il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-ammissibbiltà tar-rikorsi ta’ individwi previsti fl-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75/UE jeskludu għalhekk l-introduzzjoni, minn individwi ta’ azzjonijiet mill-pubbliku sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ deċiżjonijiet amministrattivi msemmija fid-direttivi inkwistjoni ( 17 ).

iii) L-eżami fil-mertu tar-rikors

50.

Nirrileva li, għalkemm l-Artikoli 11(1) tad-Direttiva 2011/92 u 25(1) tad-Direttiva 2010/75 jistabbilixxu li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal xi kundizzjonijiet, dawn l-istess dispożizzjonijiet jistabbilixxu li d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-ommissjonijiet imsemmija fl-imsemmija artikoli għandu jkollhom il-possibbiltà li jkunu fil-mira ta’ azzjoni ġudizzjarja sabiex tiġi kkontestata l-legalità kemm fil-mertu kif ukoll proċeduralment.

51.

Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikoli 11(1) tad-Direttiva 2011/92 u 25(1) tad-Direttiva 2010/75 bl-ebda mod ma jillimitaw il-motivi li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ tali rikors ( 18 ).

iv) Il-kriterju meħud mid-dritt Ġermaniż tal-ksur ta’ dritt suġġettiv tar-rikorrent bħala bażi għad-dritt għall-annullament ta’ att illegali

– L-Artikolu 42(2) tal-VwGO u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO

52.

Huwa paċifiku li, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 42(2) tal-VwGO u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO, id-dritt Ġermaniż amministrattiv jillimita kemm l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati mill-individwi kif ukoll id-dritt tagħhom għall-annullament tal-att.

53.

Fil-fatt, l-Artikolu 42(2) tal-VwGO, jissuġġetta r-rikorsi ppreżentati minn individwi, għall-kundizzjoni li r-rikorrent jsostni li ġew leżi d-drittijiet tiegħu permezz tal-att amministrattiv inkwistjoni jew bir-rifjut li l-imsemmi att jiġi adottat. Jidhirli li din il-limitazzjoni tinsab espressament imsemmija fl-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75, u huwa ċar li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għażlet it-tieni kundizzjoni ta’ ammissibbiltà, li għaliha l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw ir-rikorsi skont dawn l-artikoli.

54.

Min-naħa l-oħra, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO, li hija l-unika dispożizzjoni fil-mira ta’ dan l-ilment ( 19 ), tikkonċerna l-mertu ta’ rikors ippreżentat minn individwu. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-qorti amministrattiva ma tannullax l-att amministrattiv illegali sakemm dan ma jkunx jikser id-dritt suġġettiv tar-rikorrent. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni anki li l-istħarriġ ta’ legalità tal-att isir qabel l-analiżi tal-ksur tad-drittijiet tar-rikorrent, permezz tal-illegalitajiet ikkonstatati. Hija żżid tgħid li l-annullament tal-att ma jseħħx ħlief meta dawn l-illegalitajiet jiksru d-drittijiet tar-rikorrent ( 20 ). Waqt is-seduta tat-12 ta’ Marzu 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ċċarat is-sottomissjonijiet orali tagħha billi spjegat li, f’ċerti każijiet, il-qrati Ġermaniżi joffru prova ta’ prattiċità ġudizzjarja u ma jivverifikawx l-illegalità tal-att amministrattiv inkwistjoni meta d-drittijiet suġġettivi ma jkunux ġew leżi.

55.

Għalhekk, bl-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO, l-annullament ta’ att amministrattiv jirrikjedi li għall-inqas l-illegalità kkonstatata mill-qorti “tikkoinċidi” mal-ksur ta’ dritt suġġettiv tar-rikorrent ( 21 ) u dan anki jekk ir-rikors tar-rikorrent huwa ammissibbli bl-applikazzjoni tal-Artikolu 42(2) tal- VwGO.

– Ksur tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92/UE u 25 tad-Direttiva 2010/75/UE

56.

Mill-Artikoli 11(1) tad-Direttiva 2011/92 u 25(1) tad-Direttiva 2010/75 jirriżulta b’mod ċar li l-kundizzjoni li r-rikorrent isostni “ksur ta’ dritt” taqa’ fl-ambitu tal-ammissibbiltà u mhux tal-mertu tar-rikors.

57.

Fil-fatt, hemm lok li wieħed ifakkar li l-Artikoli 11(1) tad-Direttiva 2011/92 u 25(1) tad-Direttiva 2010/75 bl-ebda mod ma llimitaw il-motivi li jistgħu jiġu invokati fil-mertu insostenn ta’ rikors ippreżentat bl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Issa, il-limitazzjoni għad-dritt għall-annullament ta’ att imposta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO għandha l-konsegwenza tal-limitazzjoni tal-motivi li jistgħu jiġu invokati b’mod utli fil-mertu minn individwi insostenn tar-rikors tagħhom.

58.

Fil-fatt, meta tillimita d-dritt ta’ individwi li jiksbu l-annullament ta’ att fil-każ fejn dan l-att ikun suġġett għal konstatazzjoni (minn qabel jew koinċidentali) ta’ illegalità mill-qorti amministrattiva, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO toħloq, minn barra l-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà, ostakolu supplimentari għad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja, li bl-ebda mod ma huwa previst fl-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75, li jikkomprometti b’mod kunsiderevoli l-għan aħħari u l-effikaċja ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, billi jnaqqas il-portata u l-utilità tal-istħarriġ ġudizzjarju.

59.

Nirrileva, f’dan ir-rigward li. waqt is-seduta tat-12 ta’ Marzu 2015, fuq domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-utilità li għandha s-sempliċi konstatazzjoni tal-illegalità ta’ att għal individwu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ammettiet li, għalkemm l-amministrazzjoni Ġermaniża setgħet eventwalment tirrevoka l-att illegali, ma kinitx marbuta li tagħmel dan.

60.

Anki jekk kull illegalità ( 22 ) - minima kemm hija minima – mhux bilfors li għandha twassal għall-annullament ta’ att, is-sempliċi konstatazzjoni tal-illegalità ta’ att mill-qorti amministrattiva ma għandhiex l-istess valur ġuridiku bħall-annullament ta’ dan l-att.

61.

Barra minn hekk, il-limitazzjoni fuq id-dritt tal-individwi li jiksbu l-annullament ta’ att li ġie ddikjarat bħala illegali trendi iktar diffiċli l-protezzjoni tal-ambjent peress li mill-premessa 27 tad-Direttiva 2010/75/UE jirriżulta b’mod ċar li l-membri tal-pubbliku kkonċernat għandu “jkollhom aċċess għall-ġustizzja sabiex jikkontribwixxu għall-ħarsien tad-dritt li wieħed jgħix f’ambjent li huwa xieraq għas-saħħa u l-benesseri personali ( 23 ).”

62.

Inqis għalhekk li l-ewwel ilment huwa fondat.

63.

Minn dan isegwi li billi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bl-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO, illimitat id-dritt ta’ individwi li jiksbu l-annullament tal-att, fil-każ fejn dan l-att huwa jew kien fil-mira ta’ konstatazzjoni ta’ illegalità mill-qorti amministrattiva Ġermaniża, hija naqset mill-obbligi tagħha imposti fuqha mill-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75.

B – Fuq it-tieni ilment, relatat mal-eżistenza tad-dritt li jinkiseb l-annullament ta ’ att fil-każijiet biss tal-ommissjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u tar-restrizzjoni ta ’ dan id-dritt, fil-każ fejn l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tkun twettqet iżda b’mod irregolari (l-Artikolu 4(1) tal-UmwRG), kif ukoll ir-rekwiżit ta ’ rabta kawżali bejn id-difett proċedurali u r-riżultat tad-deċiżjoni u l-assenjazzjoni tal-pożizzjoni legali ratione materiae tar-rikorrent (l-Artikolu 46 tal-VwVfG u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO)

64.

Dan l-ilment huwa maqsum, f’zewġ partijiet. L-ewwel waħda tikkonċerna l-konformità tal-Artikolu 4(1) tal- UmwRG mal-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75 u t-tieni waħda tikkonċerna l-konformità tal-Artikoli 46 tal-VwVfG u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO mal-istess artikoli.

1. Dwar l-ewwel parti – L-eżistenza tad-dritt li jinkiseb l-annullament ta’ att, fil-każijiet biss tal-ommissjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u tar-restrizzjoni ta’ dan id-dritt, fil-każ fejn l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tkun twettqet iżda b’mod irregolari (l-Artikolu 4(1) tal-UmwRG)

a) L-argumenti tal-partijiet

65.

Il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikolu 4(1) tal-UmwRG, deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ma tistax tiġi annullata mingħajr ir-rekwiżiti supplimentari imposti mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO, ħlief fil-każ ta’ assenza ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Min-naħa l-oħra, jekk din l-evalwazzjoni tkun saret, iżda ma tkunx twettqet skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2011/92, din ma tkunx tista’ tiġi kkontestata bl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali. Il-Kummissjoni tqis għalhekk li l-Artikolu 4(1) tal-UmwRG huwa konsegwentement inkompatibbli mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92/UE.

66.

Skont il-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjoni għat-traspożizzjoni ta’ direttiva għandha tkun suffiċjentement preċiża u ċara, b’mod partikolari meta hija tistabbilixxi drittijiet għall-individwi, sabiex il-benefiċjarji jkunu f’pożizzjoni li jagħrfu l-firxa tad-drittijiet tagħhom u, jekk ikun il-każ, li jipprevalixxu ruħhom minnhom quddiem il-qrati nazzjonali ( 24 ). Il-Kummissjoni ssostni li dan ma huwiex il-każ fil-Ġermanja u li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tieħu l-miżuri adegwati sabiex tagħmel dan, skont l-obbligu tal-kooperazzjoni leali.

67.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrileva li l-Artikolu 4(1) u (3) tal-UmwRG ma jirregolax ħlief il-każijiet li fihom evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew eżami li jitwettaq preliminarjament għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ikunu tħallew kompletament barra kif ukoll il-każijiet li fihom eżami li jitwettaq preliminarjament għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma josservax ir-rekwiżiti tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 3a tal-UVPG.

68.

Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għad-difetti proċedurali l-oħra kollha, inklużi l-każijiet ta’ irregolaritajiet fit-twettiq tal-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent, il-possibbiltà ta’ rikors quddiem il-qorti u d-dritt għall-annullament tal-att amministrattiv, teżisti bl-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO. Hija żżid tgħid li d-dritt għall-annullament jgħid eċċezzjonalment, meta jikkonkorru l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 46 tal-VwVfG.

b) Kunsiderazzjonijiet

69.

Għalkemm is-sinteżi ta’ din l-ewwel parti tal-ilment preżenti, kif tirriżulta mill-konklużjonijiet tar-rikors, għandha fil-mira tagħha iż-żewġ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandu mandankollu jiġi kkonstatat li l-iżviluppi ta’ din il-parti tal-ilment ma jikkonċernawx ħlief l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1) tal-UmwRG għandu biss fil-mira tiegħu l-ommissjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti jew tal-eżami preliminari, għal kull każ partikolari, tal-ħtieġa li titwettaq l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, li huwa l-għan tad-Direttiva 2011/92. Inżid ngħid ukoll li meta l-Kummissjoni stess ġiet mistoqsija f’dan ir-rigward waqt is-seduta, ma kinitx kapaċi tispjega r-rilevanza tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75, għall-ewwel parti tal-ilment preżenti. F’dawn il-kundizzjonijiet, inqis li din tal-aħħar għandha tinftiehem li hija limitata biss u unikament għall-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92.

70.

Din l-ewwel parti tat-tieni ilment tikkonċerna l-mod ta’ kif l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 ġie traspost fid-dritt Ġermaniż. Hija tikkonċerna l-fatt li l-Artikolu 4(1) tal-UmwRG huwa limitat għal każijiet li fihom evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew eżami li jsir preliminarjament għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma sarux.

71.

Fl-espożizzjoni tagħha tad-dritt nazzjonali, ir-Repubblika Federali indikat li “[l-UmwRG] fiha dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-traspożizzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva [2011/92] kif ukoll tal-Artikolu 25 tad-Direttiva [2010/75]” ( 25 ). Hija tirrileva wkoll li l-“[l]-Artikolu 4 tal-UmwRG jirregola l-konsegwenza legali tal-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (EIE) rikjesta jew ta’ eżami preliminari, għal kull każ partikolari, tal-ħtieġa li titwettaq l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Skont l-Artikolu 4(1) u (3), tali difett proċedurali jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni. Il-liġi ma fihiex dispożizzjonijiet li jikkonċernaw difetti proċedurali oħra, pereżempju, it-twettiq ħażin tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent; dawn id-difetti proċedurali għandhom jiġu evalwati skont l-Artikolu 46 tal-[VwVfG]” ( 26 ).

72.

Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-kawża li tat lok għas-sentenza Gemeinde Altrip et (C-72/12, EU:C:2013:712, punt 38), il-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) staqsiet lill-Qorti jekk l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, li għandu l-istess kontenut bħall-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 ( 27 ), kellux “jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri kellhom l-obbligu li jestendu l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni u li jirrigwardaw il-kontestazzjoni tal-legalità ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-proċedura fil-każ ta’ evalwazzjoni ambjentali li tkun saret u li madankollu tkun irregolari”.

73.

Mill-punt 63 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Gemeinde Altrip et (C-72/12, EU:C:2013:422) jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet issottomettiet “li d-dritt Ġermaniż diġà [kien] jissodisfa dawn ir-rekwiżiti billi [...] [kien] possibbli, fil-kundizzjonijiet tal-Artikolu 46 tal-VwVfG li huwa applikabbli b’mod parallel mal-Artikolu 4(1) tal-UmwRG, li jintalab l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni anki f’każ ta’ EEA irregolari.”

74.

Madankollu, fil-punt 37 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li “[i]d-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ [...] [l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE] ma humiex intiżi sabiex jillimitaw l-applikabbiltà tagħhom fil-każ biss fejn il-kontestazzjoni tal-legalità tagħha tistrieħ fuq il-motiv li jirriżulta mill-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effett fuq l-ambjent. Li teskludi din l-applikabbiltà fil-każ fejn, wara li tkun saret evalwazzjoni tal-effett fuq l-ambjent li tkun ivvizzjata b’difett, anki gravi, iċċaħħad id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/337 dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku mill-effettività essenzjali tagħhom. Tali esklużjoni għalhekk tkun kuntrarja għall-għan li jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-qrati kif imsemmi fl-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva”.

75.

Għaldaqstant, mis-sentenza Gemeinde Altrip et (C-72/12, EU:C:2013:712, punt 32) jirriżulta b’mod ċar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt Ġermaniż la kien jagħmel tajjeb u lanqas jikkumpensa għall-insuffiċjenzi tal-Artikolu 4(1) tal-UmwRG fit-traspożizzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE (u għalhekk tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92).

76.

Peress li ma nara l-ebda raġuni għalfejn għandha terġa’ titqajjem kwistjoni dwar din il-ġurisprudenza, inqis li l-ewwel parti tat-tieni ilment huwa fondat ( 28 ).

77.

Minn dan isegwi li billi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja llimitat il-portata tal-Artikolu 4(1) tal-UmwRG, għall-annullament ta’ deċiżjonijiet minħabba difetti proċedurali, f’każijiet tal-assenza totali tal-evalwazzjoni obbligatorja tal-effetti fuq l-ambjent jew tal-assenza tal-eżami preliminari obbligatorju, hija naqset mill-obbligi imposti fuqha mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92.

2. Dwar it-tieni parti: Ir-rekwiżit ta’ rabta kawżali u tal-assenjazzjoni ta’ pożizzjoni ġuridika ratione materiae

a) L-argumenti tal-partijiet

78.

Il-Kummissjoni ssostni li, skont ġurisprudenza stabbilita fil-Ġermanja dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 46 tal-VwVfG, il-kontestazzjoni minn individwu ta’ difett proċedurali li jikkonċerna deċiżjoni relatata ma’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma tistax twassal għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni, ħlief jekk ikun hemm il-possibbiltà konkreta li din kienet tkun differenti mingħajr dan id-difett (“rekwiżit ta’ rabta kawżali”).

79.

Barra minn hekk, ġeneralment huwa l-kompitu tar-rikorrent li jistabbilixxi r-rabta kawżali eventwali.

80.

Il-Kummissjoni tissoleva li, għal dak li għandu x’jaqsam mal-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/92, l-eżitu tal-proċedura deċiżjonali ma huwiex l-aspett l-iktar importanti. Hija tqis li d-Direttiva 2011/92 għandha essenzjalment taċċerta li l-effetti kollha, diretti u indiretti, ta’ proġett li jista’ jkollu effetti rimarkabbli fuq l-ambjent, ser jiġu eżaminati, li l-pubbliku ser jiġi informat dwar il-proġett li hemm ippjanat u li ser ikollu l-possibbiltà li jipparteċipa fil-proċedura deċiżjonali. Il-kontroll tal-osservanza tar-regoli proċedurali f’dan il-qasam huwa għalhekk ta’ importanza partikolari. Id-dritt nazzjonali għandu għalhekk jipprevedi l-annullament tad-deċiżjoni f’każ ta’ difett gravi fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti proċedurali, mingħajr ma r-rikorrent ikollu bżonn jipprova rabta kawżali mal-eżitu tad-deċiżjoni. Għal dak li għandu x’jaqsam mad-Direttiva 2011/92, għall-inqas il-ksur tad-dritt għall-informazzjoni u tad-dritt ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku għandhom għall-inqas jitqiesu bħala difetti proċedurali gravi.

81.

Skont il-Kummissjoni, mis-sentenza Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 52) jirriżulta li, fil-Ġermanja, kemm il-kondiviżjoni tal-oneru tal-prova kif ukoll l-istħarriġ ġudizzjarju, ma jissodisfawx il-kriterji tad-Direttiva 2011/92. Hija tirrileva wkoll li l-kumitat għall-eżami tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jikkondividi l-istess perspettiva rigward id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-imsemmija konvenzjoni ( 29 ).

82.

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, skont ġurisprudenza stabbilita fil-Ġermanja, abbażi tal-ewwel parti tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO, difett proċedurali li jikkonċerna deċiżjoni relatata ma’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, ma tistax twassal għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni, ħlief jekk id-difett proċedurali jikser xi dritt suġġettiv tar-rikorrent. Hija tqis li din il-kundizzjoni tikser l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 Il-Kummissjoni tqis li, kemm-il darba rikors ikun ammissibbli, il-qorti ma tistax tinjora d-difetti proċedurali, anki jekk dawn tal-aħħar ma jiksrux xi dritt suġġettiv tar-rikorrent.

83.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tallega, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 46 tal-VwVfG huwa kompatibbli mal-Artikolu 11 Direttiva 2011/92. Ir-rekwiżit tar-rabta kawżali ma jaffetwax, fil-prinċipju, it-twettiq tal-għanijiet ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 46 tal-VwVfG ma japplikax ħlief fil-każ tal-ksur ta’ dispożizzjonijiet proċedurali li ma jaqgħux fl-ambitu tal-Artikolu 4(1) u (3) tal-UmwRG.

84.

Hija tirrileva wkoll li l-Artikolu 46 tal-VwVfG huwa strutturat bħala norma ta’ difiża li jippermetti lill-awtorità tiddefendi lilha nnifisha kontra d-dritt għall-annullament tal-att amministrattiv. Bħala norma ta’ difiża, l-Artikolu 46 tal-VwVfG jiġi eżaminat mill-qorti fil-kuntest tal-fondatezza tar-rikors.

85.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, skont l-Artikolu 46 tal-VwVfG, evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, imwettqa b’mod irregolari dejjem tista’ tiġi invokata u dejjem twassal għal dritt għall-annullament favur ir-rikorrent, kemm-il darba d-difett proċedurali ma jkunx manifestament imxejjen mir-rilevanza għar-riżultat tad-deċiżjoni. Hija tqis, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Gemeinde Altrip et (C-72/12, EU:C:2013:712, punt 49), li restrizzjoni prudenti tal-firxa tal-eżami, fil-każ ta’ difetti proċedurali, ma tipperikolax it-twettiq tal-għanijiet tad-direttiva dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent meta din tikkonċerna difetti li mhux bilfors ikollhom konsegwenzi ta’ natura li jaffetwaw id-deċiżjoni.

86.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis fl-aħħar nett li s-suppożizzjoni li huwa l-kompitu tar-rikorrent li jipproduċi l-prova ta’ ksur tad-dritt tiegħu, ma hijiex, fiha nnifisha, rilevanti fir-rigward tal-istat tad-dritt fis-seħħ.

87.

Hija tindika, madankollu, li fil-kuntest tar-reviżjoni tal-UmwRG, hemm previst l-adozzjoni ta’ dispożizzjoni li tikkjarifika t-traspożizzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92.

b) Kunsiderazzjonijiet

88.

Għandu jiġi nnutat, preliminarjament, li l-argument tal-Kummissjoni jikkonċerna l-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO u tal-Artikolu 46 tal-VwVfG għad-difetti proċedurali.

89.

Huwa paċifiku li hija biss l-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew ta’ eżami preliminari, f’kull każ partikolari, tal-ħtieġa li titwettaq tali evalwazzjoni, li hija fil-mira tal-Artikolu 4(1) tal-UmwRG u mhux it-twettiq żbaljat jew irregolari tagħhom. F’dan l-aħħar każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tiġix annullata ħlief jekk id-difett proċedurali jissodisfa kemm il-kundizzjoni ta’ ksur ta’ dritt suġġettiv tar-rikorrent, bl-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO, kif ukoll tal-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 46 tal-VwVfG.

90.

Konformement mal-konklużjonijiet tiegħi dwar l-ewwel ilment, inqis li, għal dak li għandu x’jaqsam mat-twettiq żbaljat ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew ta’ eżami preliminari, f’kull każ partikolari, tal-ħtieġa li titwettaq tali evalwazzjoni, ir-restrizzjonijiet imposti mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO sabiex jiġi fondat dritt għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jikser l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92.

91.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-Artikolu 46 tal-VwVfG li jikkonċerna d-difetti proċedurali, mill-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta ċar li din timponi kriterju ta’ rabta kawżali bejn id-difett proċedurali invokat u s-sens tad-deċiżjoni finali kkontestata (iktar ’il quddiem il-“kriterju ta’ kawżalità”) ( 30 ).

92.

Fil-punti 47 u 48 tas-sentenza Gemeinde Altrip et (C-72/12, EU:C:2013:712), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux “[…] l-intenzjoni li jorbot il-possibbiltà li jiġi invokat difett proċedurali għall-kundizzjoni li dan kellu effett fuq is-sens tad-deċiżjoni finali kkontestata. [...] Barra minn hekk, peress li din id-direttiva għandha, b’mod partikolari, l-għan li jiġu ffissati garanziji proċedurali li, b’mod partikolari, jippermettu informazzjoni aħjar u parteċipazzjoni mill-pubbliku fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti pubbliċi u privati li x’aktarx għandhom effett sinjifikattiv fuq dan l-ambjent, il-konformità mar-regoli tal-proċedura f’dan il-qasam huma ta’ importanza partikolari. B’mod konformi mal-għan intiż li jagħti aċċess wiesa’ għall-ġustizzja, il-pubbliku kkonċernat għandu għalhekk ikun kapaċi, bħala prinċipju, jinvoka kull difett proċedurali insostenn ta’ rikors li jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjonijiet taħt din id-direttiva”.

93.

Għalhekk, ir-rabta kawżali hija, fil-prinċipju, eskluża mill-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92.

94.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat din l-evalwazzjoni fil-punt 49 tal-istess sentenza billi qieset li kwalunkwe difett proċedurali mhux bilfors jaffetwa s-sens tad-deċiżjoni finali kkontestata u, għalhekk mhux neċessarjament iwassal għall-ksur ta’ xi dritt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt tal-Istat Membru jista’ jipprevedi li r-rikors mhux ammissibbli.

95.

Fl-opinjoni tiegħi din il-kjarifika għandha tapplika mhux biss għall-ammissibbiltà tar-rikors iżda wkoll għall-fondatezza tiegħu, bil-kundizzjoni madankollu li d-difett proċedurali inkwistjoni jkun minimu u għalhekk xorta jippermetti “informazzjoni aħjar u parteċipazzjoni mill-pubbliku fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti pubbliċi u privati”.

96.

Peress li d-dritt għall-aqwa informazzjoni u għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku, jikkostitwixxi, evidentement, wieħed mis-sisien tad-Direttiva 2011/92 ( 31 ) u r-raġuni għall-eżistenza tal-istess Artikolu 11 tagħha, naqbel mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Gemeinde Altrip et (C-72/12, EU:C:2013:422, punt 106), meta jqis li “[f]ir-rigward tad-dispożizzjonijiet proċedurali li jkollhom importanza partikolari, għandu jiġi rrinunzjat b’mod pur u sempliċi r-rekwiżit ta’ kwalunkwe rabta kawżali bejn l-irregolarità allegata u l-eżitu tal-proċedura.”

97.

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, bl-eċċezzjoni tad-difetti l-Artikoli 44 tal-VwVfG ( 32 ) u 4(1) tal-UmwRG, id-dritt Ġermaniż, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 46 tal-VwVfG, jirrikjedi, fi kwalunkwe każ, jiġifieri anki għal difetti proċedurali relatati mal-informazzjoni u mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku, rabta kawżali bejn id-difett invokat u s-sens tad-deċiżjoni finali kkontestata, sabiex l-annullament ta’ din tal-aħħar ikun jista’ jiġi fondat.

98.

Fl-opinjoni tiegħi, indipendentement mill-kwistjoni tal-oneru tal-prova f’dan ir-rigward, dan ir-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 46 tal-VwVfG, irendi l-eżerċizzju tad-drittijiet għal azzjoni legali u tal-aċċess għall-ġustizzja tal-individwi diffiċli wisq u għalhekk jikser l-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75.

99.

Fi kwalunkwe każ, għal dak li għandu x’jaqsam mal-oneru tal-prova, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fil-punt 52 tas-sentenza Gemeinde Altrip et (C-072/12, EU:C:2013:712) li fil-Ġermanja, “jidher li ġeneralment huwa l-applikant, li sabiex jiġi stabbilit ksur ta’ liġi, għandu jiġġustifika ċ-ċirkustanzi tal-kawża li jagħmluha possibbli li d-deċiżjoni kkontestata kienet tkun differenti mingħajr id-difett proċedurali invokat. Madankollu, din id-devoluzzjoni tal-oneru tal-prova fuq l-applikant, għall-implementazzjoni ta’ kriterju ta’ kawżalità, huwa ta’ natura li jagħmel eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva 85/337, partikolarment minħabba il-kumplessità tal-proċeduri inkwistjoni jew tal-element tekniku tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.”

100.

Nirrileva li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha l-ħsieb tadotta dispożizzjoni ta’ kjarifika dwar l-oneru tal-prova relatat mal-kriterju ta’ kawżalità ( 33 ).

101.

Għalhekk, billi imponiet, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 46 tal-VwVfG, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-difetti proċedurali relatati mal-informazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku u s-sens tad-deċiżjoni finali kkontestata, sabiex l-annullament ta’ din tal-aħħar ikun jista’ jiġi fondat, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha imposti fuqha mill-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75.

C – Fuq it-tielet ilment, relatat mal-projbizzjoni li jiġu prodotti l-oġġezzjonijiet (l-Artikolu 2(3) tal-UmwRG u l-Artikolu 73(4) tal-VwVfG)

1. L-argumenti tal-partijiet

102.

Il-Kummissjoni tqis li l-limitazzjoni, fir-rigward tal-oġġezzjonijiet magħmula waqt il-proċedura amministrattiva, tad-dritt li jiġi ppreżentat rikors, imsemmija fl-Artikolu 2(3) tal-UmwRG, fl-Artikolu 73(4) tal-VwVfG u fil-ġurisprudenza Ġermaniża, tmur kontra l-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75. Hija tirrileva li dawn ir-regoli ta’ esklużjoni jikkumplikaw b’mod eċċessiv id-dritt tal-pubbliku kkonċernat li jikkontesta l-legalità tad-deċiżjonijiet, jostakolaw l-aċċess wiesa’ għall-ġustizzja rikjest mid-Direttivi 2011/92 u 2010/75 kif ukoll mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus u jillimitaw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-pubbliku kkonċernat.

103.

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-proċedura ġudizzjarja hija proċedura awtonoma, li matulha għandu jkun hemm il-possibbiltà tal-eżami komplet tal-legalità ta’ deċiżjoni, kemm proċeduralment u kif ukoll fil-mertu u l-motivi tar-rikors li huma ammissibbli ma jistgħux jiġu limitati għall-motivi li diġà ġew prodotti fiż-żmien qasir li huwa konċess għall-formulazzjoni tal-oġġezzjonijiet waqt il-proċedura amministrattiva.

104.

Il-Kummissjoni ma tikkondividix l-opinjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li r-regoli Ġermaniżi relatati mal-esklużjoni ta’ ċerti oġġezzjonijiet huma meħtieġa għal raġunijiet taċ-ċertezza legali u tal-effikaċja tal-proċedura. Għall-Kummissjoni, it-termini ta’ dekadenza għall-kontestazzjoni ġudizzjarja tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi huma biżżejjed għall-garanzija taċ-ċertezza legali u tal-effikaċja tal-proċeduri.

105.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) tal-UmwRG u l-Artikolu 73(4) tal-VwVfG huma kompatibbli mal-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75.

106.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li jeżistu dispożizzjonijiet simili li jipprojbixxu l-produzzjoni ta’ oġġezzjonijiet u li jagħmlu parti integrali mis-sistema ġuridika nazzjonali. Hija tqis li l-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75 jippermettu lill-Istati Membri jikkonservaw l-istrumenti tas-sistema ġudizzjarja tagħhom fil-qasam ikkunsidrat.

107.

Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, id-dekadenza hija msejsa fuq l-idea tal-preskrizzjoni, bil-funzjoni tagħha tkun, fuq kollox, li taċċerta li l-interessi opposti fir-rigward ta’ proġett partikolari jkunu, kemm jista’ jkun possibbli, ikkonċijati fi stadju bikri tal-proċedura amministrattiva. Għalhekk, ir-regoli ta’ dekadenza għandhom importanza partikolari fil-kuntest tar-relazzjonijiet ġuridiċi multipolari bejn l-isferi ġuridiċi protetti ta’ min ser iwettaq il-proġett, minn naħa, u ta’ terzi li eventwalment isiru kkonċernati mill-imsemmi proġett, min-naħa l-oħra.

108.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li d-dekadenza ma trendix dan l-istħarriġ iktar diffiċli, ossija impossibbli, iżda tiggarantixxi min-naħa l-oħra, li wieħed jissottometti, għall-istħarriġ tal-qorti, fatti ċċarati bl-iktar mod eżawrjenti possibbli, li jiġbor fih l-aspetti kollha rilevanti u eżaminati b’mod iddettaljat. Hija tirrileva li huma biss iċ-ċirkustanzi li, b’mod kundannabbli, ir-rikorrent ikun naqas milli jinvoka fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li huma fil-mira tad-dekadenza.

109.

Ir-Repubblika tal-Awstrija hija tal-opinjoni li r-redazzjoni tar-regoli konkreti għal limitazzjoni tad-dritt għal azzjoni legali, jagħmlu parti mill-amministrazzjoni tal-proċedura nazzjonali. Għalhekk fil-każijiet kollha, din taqa’ fl-ambitu tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

110.

Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, huwa prinċipju fundamentali tad-dritt amministrattiv Awstrijak u Ġermaniż u tal-proċeduri rispettivi tagħhom għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, li l-persuni ma jistgħux isostnu d-drittijiet tagħhom fi proċedura amministrattiva sakemm ma jkunux qed jipparteċipaw f’din il-proċedura.

111.

Ir-Repubblika tal-Awstrija tirrileva li r-regola tal-esklużjoni hija strument importanti li jiggarantixxi proċedura amministrattiva rapida u effikaċi. Hija tqis li, f’każ kuntrarju, wieħed ikun jista’ jtawwal, skont il-volontà tiegħu, id-deċiżjoni li tkun trid tittieħed fi proċedura partikolari, billi jqajjem oġġezzjonijiet ġodda dwar suġġetti totalment ġodda, jew li jkunu ġejjin minn persuni li ma jkunux, sa dak l-istadju, għadhom ipparteċipaw fil-proċedura. Dan imur għal kollox kontra ċ-ċertezza legali inġenerali u mod partikolari kontra l-interess tal-iżviluppatur tal-proġett għal deċiżjoni f’termini raġonevoli.

2. Kunsiderazzjonijiet

112.

L-Istati Membri għandhom, ċertament, bis-saħħa tal-awtonomija proċedurali tagħhom u b’riżerva għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, marġni ta’ manuvra fl-implementazzjoni tal-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75 ( 34 ).

113.

Madankollu, hemm lok li jitfakkar li skont dawn l-artikoli, id-deċiżjonijiet, l-atti jew l-ommissjonijiet imsemmija fid-Direttiva 2011/92 relatati mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku jew mill-Artikolu 24 tad-Direttiva2010/75, għandhom jistgħu jkunu fil-mira ta’ rikors quddiem istanza ġudizzjarja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi għall-kontestazzjoni tal-legalità tagħhom, kemm proċeduralment kif ukoll fil-mertu, mingħajr ma jiġu llimitati bl-ebda mod il-motivi li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ tali rikors ( 35 ).

114.

Issa, l-Artikolu 2(3) tal-UmwRG u l-Artikolu 73(4) tal-VwVfG jillimitaw b’mod ċar l-motivi li jistgħu jiġu invokati mir-rikorrent insostenn ta’ azzjoni ġudizzjarja.

115.

Għalkemm l-Artikoli 11(4) tad-Direttiva 2011/92 u 25(4) tad-Direttiva 2010/75 ma jeskludux il-possibbiltà ta’ azzjoni preliminari quddiem awtorità amministrattiva u bl-ebda mod ma jeskludu l-obbligu li jiġu eżawriti r-rimedji ġudizzjarji amministrattivi kollha qabel ma jiġu istitwiti l-proċeduri għal azzjoni ġudizzjarja, kemm-il darba l-liġi nazzjonali tipprevedi tali obbligu, dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jippermettu li jiġu limitati l-motivi li jistgħu jiġu invokati mir-rikorrent insostenn ta’ azzjoni ġudizzjarja ulterjuri.

116.

Għandu jiġi kkonstatat, konformement mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, li l-azzjonijiet ġudizzjarji huma awtonomi u distinti mill-proċedura amministrattiva u mill-azzjonijiet amministrattivi.

117.

Għalhekk, inqis li r-regoli nazzjonali inkwistjoni jistabbilixxu ostakolu supplimentari għall-aċċess għal ġustizzja li ma huwiex previst fl-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75.

118.

Fl-opinjoni tiegħi, dan l-ostakolu supplimentari ma jistax jiġġustifika ruħu għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, peress li t-termini ta’ dekadenza għall-kontestazzjoni ġudizzjarja ta’ deċiżjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi huwa biżżejjed f’dan ir-rigward.

119.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-argument dwar l-effikaċja tal-proċeduri amministrattivi, għalkemm huwa minnu li l-possibbiltà tal-formulazzjoni tal-“oġġezzjonijiet” għall-ewwel darba waqt azzjoni ġudizzjarja tista’ tkun “problematika”, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-għan fil-mira tal-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75 huwa li jiggarantixxu aċċess wiesa’ għall-istanzi ġudizzjarji. Dan l-għan ġie privileġġat b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta mqabbel mal-effikaċja tal-proċeduri amministrattivi, sabiex jikkontribwixxi għall-ħarsien, għall-protezzjoni u għat-titjib fil-kwalità tal-ambjent u tas-saħħa umana ( 36 ).

120.

Għalhekk, billi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, illimitat, permezz tal-Artikoli 2(3) tal-UmwRG u 73(4) tal-VwVfG, il-locus standi u l-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju, għal oġġezzjonijiet li jkunu diġà ġew prodotti fit-terminu previst mill-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni, hija naqset mill-obbligi imposti fuqha mill-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75.

D – Fuq ir-raba ’ u l-ħames ilmenti, relatati mal-limitazzjonijiet ratione temporis tal-applikazzjoni tal-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75

1. L-argumenti tal-partijiet

a) Dwar ir-raba’ ilment

121.

Il-Kummissjoni tfakkar li l-verżjoni inizjali tal-Artikolu 2(1) tal-UmwRG ma kinitx kompatibbli mal-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75, sa fejn din il-verżjoni kienet, b’mod partikolari, tillimita l-locus standi tal-assoċjazzjonijiet ambjentali għad-dispożizzjonijiet ġuridiċi li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi. Hija tirrileva li, fit-8 ta’ Novembru 2012, wara s-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289), il-Bundestag adotta emenda tal-UmwRG, li daħlet fis-seħħ fid-29 ta’ Jannar 2013 u li ħassret il-kliem “jikkonferixxu drittijiet lil individwi” tal-Artikolu 2(1) tal-UmwRG sabiex jiġi rrimedjat il-ksur tad-dritt li kien jeżisti sa dak iż-żmien.

122.

Il-Kummissjoni tqis madankollu li l-verżjoni l-ġdida tal- UmwRG ma għandhiex ħlief validità mnaqqsa ratione temporis, peress li l Artikolu 5(4) tal-UmwRG, kif emendat, jipprevedi li huma biss il-proċeduri li kienu għadhom pendenti fit-12 ta’ Mejju 2011 [data tas-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C-115/09, EU:C:2011:289)] jew li ġew istitwiti wara din id-data, iżda li fid-29 ta’ Jannar 2013 ma kinux ġew terminati b’saħħa eżekuttiva (data tad-dħul fis-seħħ tal-verżjoni emendata tal-UmwRG) li għandhom jiġu tterminati skont il-verżjoni l-ġdida tal-UmwRG.

123.

Skont il-Kummissjoni, fil-proċeduri istitwiti qabel il-25 ta’ Ġunju 2005 u tterminati qabel il-25 ta’ Mejju 2011, il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet ambjentali jibqa’ għalhekk limitat għad-dispożizzjonijiet li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi. Hija tqis li, fid-dawl tal-parallelliżmu fid-dritt amministrattiv Ġermaniż bejn l-ammissibbiltà tar-rikors u l-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju waqt l-eżami fil-mertu, din il-limitazzjoni ratione temporis għandha wkoll influwenza fuq il-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju.

124.

Għall-Kummissjoni, id-dispożizzjoni tranżitorja misjuba fl-Artikolu 5(4) tal-UmwRG ittawwal, għar-rikorsi tal-assoċjazzjonijiet ambjentali, sitwazzjoni ġuridika li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, sa fejn hija tkompli teskludi ampjament, għar-rikorsi inkwistjoni l-istħarriġ ġudizzjarju tar-regoli proċedurali. Għalhekk, hija tqis li, ratione temporis, fid-dawl tal-proċeduri esklużi bl-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tranżitorja tal-Artikoli 5(1) u (4) u 2(5) tal-UmwRG, din id-dispożizzjoni tikser l-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75.

125.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Artikolu 5(4) tal-UmwRG huwa ta’ natura purament dikjaratorja u ma għandu l-ebda valur regolatorju. L-għan aħħari tiegħu huwa biss li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-UmwRG għall-istanza inkarigata mill-applikazzjoni tiegħu. Skont l-Artikolu 5(4) tal-UmwRG, il-proċeduri ta’ reviżjoni li ma kinux ġew itterminati b’saħħa eżekuttiva għandhom jitkomplew skont id-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-UmwRG fis-seħħ sa mid-29 ta’ Jannar 2013. Min-naħa l-oħra, l-emenda leġiżlattiva ma għandha l-ebda impatt fuq il-proċeduri ta’ reviżjoni li ġew itterminati b’saħħa eżekuttiva qabel l-adozzjoni tas-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C-115/09, EU:C:2011:289). Hija tqis li, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 37 ), dawn il-proċeduri ma għandhomx jerġgħu jiġu eżaminati.

b) Dwar il-ħames ilment

126.

Il-Kummissjoni ssostni li l-esklużjoni, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) u mill-Artikolu 5(4) tal-UmwRG, tal-proċeduri amministrattivi li ġew istitwiti qabel il-25 ta’ Ġunju 2005, tikser l-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75. Hija tirrileva li l-eżistenza ta’ dan il-ksur ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 30 tas-sentenza Gemeinde Altrip et (C-72/12, EU:C:2013:712). Hija tqis ukoll li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-UmwRG, li jeskludi mill-kamp tal-applikazzjoni tal-UmwRG id-deċiżjonijiet li saru eżekuttivi qabel il-15 ta’ Diċembru 2006 (id-data tad-dħul fis-seħħ tal-UmwRG) jikser l-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75.

127.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiddikjara li qed tħejji emenda fir-rigward tal-UmwRG li ser tittrasponi l-punt 31 tas-sentenza Gemeinde Altrip et (C-72/12, EU:C:2013:712), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, il-proċeduri istitwiti qabel il-25 ta’ Ġunju 2005 ma setgħux jiġu esklużi mill-kamp tal-applikazzjoni tal-UmwRG. Għal dak li għandu x’jaqsam mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-UmwRG, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li din id-dispożizzjoni teskludi, mill-kamp tal-applikazzjoni tagħha, proċeduri li saru eżekuttivi fil-mument tad-dħul tagħha fis-seħħ, skont il-prinċipju tal-awtorità tar-res judicata. Hija tqis li sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi, kif ukoll amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru finali wara li ġew eżawriti r-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għal dawn ir-rimedji, ma jkunux jistgħu jerġgħu jiġu eżaminati. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Stat Membru mhux marbut jerġa’ jeżamina deċiżjoni ġudizzjarja li tkun saret res judicata u li jannullha, meta jkun jidher li din tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ( 38 ). Hija tqis li dan jgħodd ukoll għall-proċeduri amministrattivi li jkunu ngħalqu, li wasslu għal deċiżjoni li lanqas kienet fil-mira ta’ rikors u li minħabba f’hekk saru eżekuttivi u għalhekk ma jistgħux jiġu attakkati.

2. Kunsiderazzjonijiet

a) Osservazzjonijiet preliminari

128.

It-terminu għat-traspożizzjoni tal-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75 kien stabbilit għall-25 ta’ Ġunju 2005.

129.

Issa, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li l-UmwRG, li tittrasponi dawn id-dispożizzjonijiet fid-dritt Ġermaniż, fiha bosta dispożizzjonijiet, jiġifieri l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 5(4) tal-UmwRG, li llimitaw, fuq ċerti punti, l-applikazzjoni ta’ din il-liġi għal wara l-perijodu tal-25 ta’ Ġunju 2005.

130.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tisħaq fuq il-prinċipju tal-awtorità tar-res judicata sabiex tiġġustifika dawn il-limitazzjonijiet.

131.

Għalkemm huwa minnu li l-prinċipju tal-awtorità tar-res judicata għandu importanza kunsiderevoli, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi d-diffikultajiet interni jew id-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu, anki kostituzzjonali, sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi jew tat-termini li jirriżultaw mid-direttivi tal-Unjoni ( 39 ).

132.

Ċertament li sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji kollha disponibbli, jew wara li jkunu skadew it-termini previsti għal dawn ir-rimedji, ma jkunux jistgħu jerġgħu jiġu kkontestati. Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali li twarrab l-applikazzjoni, fir-rigward ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ta’ regoli proċedurali interni li jikkonferixxu l-awtorità tar-res judicata, anki jekk dan ikun jippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali li hija inkompatibbli ma’ dan id-dritt ( 40 ).

133.

Madankollu, fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, wara l-konstatazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (l-uniku kompitu mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan l-artikolu), huwa d-dover tal-Istat Membru partikolari li jieħu, skont l-Artikolu 260(1) TFUE, il-miżuri li ġġib magħha l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bil-kwistjoni tkun waħda li jiġi stabbilit liema huma dawk li miżuri li ma humiex fil-mira ta’ sentenza mogħtija skont l-Artikolu 258 TFUE ( 41 ).

134.

Li kieku ċ-ċirkustanza invokata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-limitazzjonijiet ratione temporis tal-applikazzjoni tal-UmwRG miġjuba mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) u mill-Artikolu 5(4) tal-UmwRG kienu meħtieġa għall-osservanza tal-prinċipju tal-awtorità tar-res judicata u, b’analoġija, għall-istabbiltà tal-proċeduri amministrattivi li saru eżekuttivi, kellha tiġi preżupposta bħala waħda stabbilita, tkun taqa’ b’hekk, fi kwalunkwe każ u jekk ikun il-każ, fl-ambitu tal-eżekuzzjoni tas-sentenza li tistabbilixxi n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu u ma jista’ jkollha l-ebda influwenza fuq il-konstatazzjoni tan-nuqqas tat-twettiq tal-obbligu fil-kuntest ta’ dawn l-ilmenti.

135.

Premessi dawn ir-rimarki, ser neżamina l-ewwel nett il-ħames ilment.

b) Fuq il-ħames ilment, relatat mal-posponiment tal-applikazzjoni ratione temporis inġenerali

136.

Fil-punt 31 tas-sentenza Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li “billi tipprovdi li din għandha tiġi trasposta sa mhux iktar tard mill-25 ta’ Ġunju 2005, id-Direttiva 2003/35, li żiedet l-Artikolu 10a fid-Direttiva 85/337, għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati għat-traspożizzjoni ta’ dan l-artikolu għandhom japplikaw ukoll għall-proċeduri amministrattivi ta’ awtorizzazzjoni mibdija qabel il-25 ta’ Ġunju 2005, anki jekk dawn wasslu għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni wara din id-data ( 42 ).”

137.

Issa, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-UmwRG jistabbilixxi li din il-liġi ma tapplikax ħlief għall-proċeduri amministrattivi li ġew istitwiti jew kellhom jiġu istitwiti wara l-25 ta’ Ġunju 2005.

138.

Għalhekk, inqis li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bl-esklużjoni, permezz tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-UmwRG, tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi għal proċeduri kollha amministrattivi istitwiti qabel il-25 ta’ Ġunju 2005, anki dawk li wasslu għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni wara din id-data, naqset mill-obbligi imposti fuqha mill-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75.

139.

Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-UmwRG jistabbilixxi li l-ewwel subparagrafu tiegħu ma japplikax għall-proċeduri amministrattivi li saru eżekuttivi qabel il-15 ta’ Diċembru 2006, li hija d-data tad-dħul fis-seħħ tal-UmwRG.

140.

Jirriżulta li din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali teskludi mill-applikazzjoni tal-UmwRG il-proċeduri amministrattivi li wasslu għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni bejn il-25 ta’ Ġunju 2005 (skadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni) u l-15 ta’ Diċembru 2006.

141.

Għalhekk, inqis li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, billi eskludiet, bl-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tagħha, l-applikazzjoni tal-UmwRG għall-proċeduri amministrattivi li saru eżekuttivi qabel il-15 ta’ Diċembru 2006, hija naqset mill-obbligi imposti fuqha mill-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75.

c) Fuq ir-raba’ ilment, relatat mal-limitazzjoni ratione temporis tal-applikazzjoni tar-regoli relatati mar-rikorsi ppreżentati minn assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent

142.

Bl-applikazzjoni tal-Artikoli 11(3) tad-Direttiva 2011/92/11 u 25(3) tad-Direttiva 2010/75, l-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent huma meqjusa li għandhom kemm interess suffiċjenti, kif ukoll drittijiet li jistgħu jinkisru, li abbażi tagħhom il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tirrikjedi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi ( 43 ). Għalhekk dawn l-assoċjazzjonijiet igawdu minn aċċess privileġġat għall-ġustizzja bl-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli sa mid-dħul tagħhom fis-seħħ fil-25 ta’ Ġunju 2005.

143.

Madankollu, fis-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C-115/09, EU:C:2011:289, punt 36), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-dritt Ġermaniż kien jissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjoni, introdotta minn assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-ambjent, għaċ-ċirkustanza tas-sostenn, minn din l-assoċjazzjoni, li d-deċiżjoni amministrattiva kkontestata kienet tikser dritt individwali, li seta’ jiġi kkwalifikat taħt id-dritt nazzjonali bħala dritt suġġettiv pubbliku. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “għalkemm il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jillimita d-drittijiet li l-ksur tagħhom jista’ jiġi invokat minn individwu partikolari fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra waħda mid-deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet previsti fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, għal drittijiet suġġettivi pubbliċi biss, tali limitazzjoni ma tistax tapplika bħala tali għal assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent ħlief billi jiġu interpretati b’mod żbaljat l-għanijiet tal-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu [subparagrafu] tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 ( 44 )”. L-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent bilfors li għandhom ikunu kapaċi jsostnu, ġudizzjarjament, ir-regoli tad-dritt nazzjonali li jimplementaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent li għandhom effett dirett ( 45 ).

144.

Għalkemm, sabiex tirrimedja l-ksur tad-dritt tal-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent għal aċċess privileġġat għall-ġustizzja, ir- Repubblika Federali tal-Ġermanja emendat l-UmwRG, peress li l-verżjoni l-ġdida tal-UmwRG daħlet fis-seħħ fid-29 ta’ Jannar 2013, din l-emenda għandha portata limitata ratione temporis. Fil-fatt, hija limitata, skont l-Artikolu 5(4) tal-UmwRG, għall-proċeduri amministrattivi, għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u għall-proċeduri ta’ reviżjoni li kienu pendenti fit-12 ta’ Mejju 2011, jew li ġew istitwiti wara din id-data u li ma kinux għadhom ġew terminati b’saħħa eżekuttiva fid-29 ta’ Jannar 2013.

145.

Jirriżulta li, skont l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-proċeduri l-oħra li ma humiex koperti minn dawn l-emendi, baqgħu jaqgħu taħt l-applikazzjoni tal-verżjoni preċedenti tal-UmwRG.

146.

Peress li l-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent ilhom, mill-25 ta’ Ġunju 2005, igawdu minn aċċess privileġġat għall-ġustizzja u peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni ta’ dan l-artikolu kellhom ukoll japplikaw għall-proċeduri amministrattivi istitwiti qabel il-25 ta’ Ġunju 2005, minħabba li wasslu għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni wara din id-data, inqis li peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, illimitat, skont il-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 5(4) tal-UmwRG, l-applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent, għal aċċess privileġġat għall-ġustizzja, naqset mill-obbligi imposti fuqha mill-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75.

V – Dwar l-ispejjeż

147.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni ma talbitx għall-ħlas tal-ispejjeż mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

148.

Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli, li jipprovdi li l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

VI – Konklużjoni

149.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti, u billi nikkwota l-ewwel nett l-ilmenti li jolqtu ż-żewġ direttivi kkonċernati u nispiċċa b’dak li ma jikkonċernax ħlief id-Direttiva 2011/92, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja:

billi illimitat, bl-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi (Verwaltungsgerichtsordnung), id-dritt tal-individwi li jiksbu l-annullament ta’ att, fil-każ fejn dan l-att huwa jew kien fil-mira ta’ konstatazzjoni ta’ illegalità minn qorti amministrattiva Ġermaniża;

billi imponiet, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 46 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva (Verwaltungsverfahrensgesetz), l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-difetti proċedurali relatati mal-informazzjoni u mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku u s-sens tad-deċiżjoni finali kkontestata, sabiex l-annullament ta’ din tal-aħħar ikun jista’ jiġi fondat;

billi illimitat, permezz tal-Artikoli 2(3) tal-liġi dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent (Umwelt-Rechtsbehelfsgesetz) u 73(4) tal-liġi dwar rikorsi fil-qasam tal-ambjent il-locus standi u l-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju, għal oġġezzjonijiet li jkunu diġà ġew prodotti fiż-żmien previst mill-proċedura amministrattiva, li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni;

billi eskludiet, bl-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tagħha, l-applikazzjoni tal-liġi dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent (Umwelt-Rechtsbehelfsgesetz) għall-proċeduri amministrattivi li saru eżekuttivi qabel il-15 ta’ Diċembru 2006; u

billi illimitat, skont il-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 5(4) tal-liġi dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent (Umwelt-Rechtsbehelfsgesetz), l-applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent, għal aċċess privileġġat għall-ġustizzja,

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi imposti fuqha mill-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, u 25 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis).

2)

Billi llimitat il-portata tal-Artikolu 4(1) tal-liġi dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent (Umwelt-Rechtsbehelfsgesetz), għall-annullament ta’ deċiżjonijiet minħabba difetti proċedurali, f’każijiet tal-assenza totali tal-evalwazzjoni obbligatorja tal-effetti fuq l-ambjent jew tal-assenza ta’ eżami preliminari obbligatorju, hija naqset mill-obbligi imposti fuqha mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92.

3)

Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   ĠU L 26 2012, p. 1.

( 3 )   ĠU L 334, p. 17.

( 4 )   L-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi:

“Kull parti għandha taċċerta, fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, li l-membri tal-pubbliku kkonċernat

a)

li għandhom interess ġuridiku suffiċjenti li jaġixxu, jew inkella,

b)

li jsostnu l-ksur ta’ xi dritt, fejn il-kodiċi tal-proċedura amministrattiva tal-parti timponi tali kundizzjoni, jistgħu jippreżentaw rikors quddiem istanza ġudizzjarja u/jew korp ieħor li huwa indipendenti u imparzjali, stabbilit mil-liġi għall-kontestazzjoni tal-legalità fil-mertu u proċedurali ta’ kwanunkwe deċiżjoni, att jew ommissjoni li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 6 u, jekk id-dritt intern jipprevedi dan u mingħajr preġudizzju għat-tielet subparagrafu iktar ’il quddiem, tad-dispożizzjonijiet l-oħra rilevanti ta’ din il-konvenzjoni.

Dak li jikkostitwixxi interess ġuridiku suffiċjenti u ksur tad-dritt, għandu jiġi stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern u skont l-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesgħa għall-ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni. [...]

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma jeskludux il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors preliminari quddiem l-awtorità amministrattiva u ma jiddispensawx mill-obbligu li jiġu eżawriti r-rimedji ġudizzjarji amministrattivi qabel ma tiġi istitwita l-proċedura ġudizzjarja, meta dan l-obbligu huwa previst fid-dritt intern.”

( 5 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466.

( 6 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Vol. 1, p. 40.

( 7 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Vol. 3 p. 80.

( 8 )   ĠU L 24, p. 8.

( 9 )   Fis-sens tad-drittijiet suġġettivi mogħtija lill-individwi permezz tad-dispożizzjoni tad-dritt pubbliku.

( 10 )   Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑508/10, EU:C:2012:243, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).

( 11 )   Fil-punt 45 tas-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C-115/09, EU:C:2011:289), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li “għalkemm il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jillimita d-drittijiet li l-ksur tagħhom jista’ jiġi invokat minn individwu partikolari fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra waħda mid-deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet previsti fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, għal drittijiet suġġettivi pubbliċi biss, tali limitazzjoni ma tistax tapplika bħala tali għal assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent ħlief billi jiġu interpretati b’mod żbaljat l-għanijiet tal-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu [subparagrafu] tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337”.

( 12 )   Intitolat “Aċċess għal informazzjoni u parteċipazzjoni pubblika fil-proċedura għal permess”.

( 13 )   Ara, is-sentenzi Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 43) u Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 28). Ma huwiex qed jiġi allegat mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma tosservax il-prinċipju tal-ekwivalenza. L-ilment preżenti jikkonċerna għalhekk il-prinċipju ta’ effettività. Ngħid li ż-żewġ sentenzi ċċitati jikkonċernaw l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337. Madankollu, infakkar li l-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75 għandhom, għal dak li għandu x’jaqsam mal-effetti tagħhom, l-istess kontenut bħall-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE. Għalhekk, il-ġurisprudenza relatata ma’ dan l-artikolu hija applikabbli mutatis mutandis għad-dispożizzjonijiet inkwistjoni f’dan ir-rikors. Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 )   Ara s-sentenzi Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 41) u Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 45).

( 15 )   L-Artikoli 11(3) tad-Direttiva 2011/92 u 25(3) tad-Direttiva 2010/75 jistabbilixxu, kuntrarjament, li l-interess ġuridiku ta’ ċerti organizzazzjonijiet mhux governattivi huwa meqjus li huwa biżżejjed. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 )   L-Artikoli 11 tad-Direttiva 2011/92 u 25 tad-Direttiva 2010/75 iħallu marġni wiesgħa ta’ manuvra lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw dak li jikkostitwixxi ksur tad-dritt [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 55) u Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 50)].

( 17 )   Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289) li fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tagħha tiddikjara li “[i]d-dispożizzjoni dwar l-actio popularis tal-Konvenzjoni ta’ Århus hija l-Artikolu 9(3), li għadu ma ġiex inkorporat fid-dritt tal-Unjoni [...]. Konsegwentement, sa issa ma hemm ebda obbligu għall-Istati Membri taħt id-dritt tal-Unjoni biex jippermettu actio popularis.”

( 18 )   Ara s-sentenzi Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 37) u Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 36).

( 19 )   Ara l-punti 38 sa 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 )   Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tgħid li “[s]kont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO, il-qorti tannulla l-att amministrattiv u, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni, fejn ikun hemm rikors għal dan il-għan, jekk l-att amministrattiv huwa illegali u fejn id-drittijiet tar-rikorrent ġew, minħabba f’hekk, leżi. […] Id-dispożizzjoni tirregola l-mument meta l-qorti għandha tannulla l-att amministrattiv fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. L-istħarriġ ġudizzjarju jsir sussegwentement f’żewġ stadji. Matul l-ewwel stadju, il-qorti teżamina fid-dettall jekk l-att amministrattiv huwiex illegali, jiġifieri jekk huwiex mittiefes minn xi żball tad-dritt. Fit-tieni stadju, il-qorti teżamina jekk ir-rikorrent ġiex leż fid-drittijiet “tiegħu” b’ “dawn”, jiġifieri permezz tal-iżbalji ta’ dritt ikkonstatati. L-enfasi hija tiegħi. Ara l-punt 40 tar-risposta tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

( 21 )   Fil-kawża Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712), il-qorti tar-rinviju (il- Bundesverwaltungsgericht, il-Ġermanja) staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-legalità, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ dan ir-rekwiżit ta “koinċidenza” jew ta’ “parallelliżmu”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma weġbitx għal din id-domanda peress li qieset li “l-qorti tar-rinviju stess ma [kienet] ressqet l-ebda preċiżazzjoni oħra fuq l-elementi konstituttivi tiegħu u li l-ebda wieħed mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju ma jippermettu[lha] li jiġi ddeterminat jekk eżami ta’ dan il-kriterju jista’ jkun utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.” (ara l-punt 55).

( 22 )   Proċedurali jew fil-mertu.

( 23 )   Naqbel, f’dan ir-rigward, mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:422, punti 92 sa 101), meta jqis li fil-kuntest tal-mertu, l-obbligu stess tal-individwu li jsostni dritt suġġettiv ma huwiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività u ma jittrasponix id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni.

( 24 )   Sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑530/11, EU:C:2014:67, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 )   L-enfasi hija tiegħi. Ara l-punt 6 tar-risposta.

( 26 )   Ara l-punt 8 tar-risposta.

( 27 )   Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 )   Din l-ewwel parti tat-tieni ilment torbot loġikament mal-ewwel ilment. L-Artikolu 4(1) tal-UmwRG ma jistax jaċċerta traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE (u għalhekk tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92/UE), minħabba li dan ma japplikax fil-każ tal-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent li huma irregolari, peress li dawn tal-aħħar huma, kuntrarjament, regolati mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO, li kienet fil-mira tal-ewwel ilment, li pproponejt lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara bħala wieħed fondat.

( 29 )   Fil-punt 83 tar-rapport tiegħu tal-20 ta’ Diċembru 2013, il-kumitat ta’ eżami jagħmel, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet segwenti: “[g]ħalhekk, mhux kompatibbli mal-konvenzjoni, li l-pubbliku jkun jista’ jikkontesta, fit-teorija, l-legalità proċedurali tad-deċiżjonijiet suġġetti għall-Artikolu 6 tal-konvenzjoni, meta fil-prattika dawn l-azzjonijiet huma sistematikament miċħuda bħala inammissibbli jew infondati mill-qrati, għar-raġuni li d-difetti proċedurali allegati ma humiex rilevanti għad-deċiżjoni (jiġifieri li d-deċiżjoni ma kinitx ser tkun differenti li kieku ma kienx hemm dan id-difett)”.

( 30 )   Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 46 tal-VwVfG jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha biss fil-mira tagħha d-difetti proċedurali imsejħa “relattivi”, jiġifieri, dawk li jivvizjaw att li “mhux null u bla effett” bl-applikazzjoni tal-Artikolu 44 tal- VwVfG (id-difetti imsejħa “assoluti”).

( 31 )   U d-Direttiva 2010/75/UE.

( 32 )   Mill-formulazzjoni tiegħu jirriżulta li l-Artikolu 44 tal-VwVfG għandu biss fil-mira tiegħu difetti “partikolarment gravi”. Barra minn hekk, id-difetti msemmija fl-Artikolu 44(2) tal-VwVfG ma humiex verament difetti relatati mal-informazzjoni u mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti pubbliċi jew privati.

( 33 )   Ara, il-punt 69 tar-risposta.

( 34 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 30).

( 35 )   Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 )   Ara, b’analoġija, is-sentenza Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punti 27 sa 29).

( 37 )   Ara s-sentenzi Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513); Kapferer (C‑234/04, EU:C:2006:178), u Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506).

( 38 )   Ara, s-sentenzi Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513); Kapferer (C‑234/04, EU:C:2006:178), u Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506).

( 39 )   Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (100/77, EU:C:1978:78, punt 21).

( 40 )   Sentenza Impresa Pizzarotti (C‑213/13, EU:C:2014:2067, punti 58 u 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑288/12, EU:C:2014:237, punti 33 u 34 l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 )   L-enfasi hija tiegħi.

( 43 )   Ara s-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 40).

( 44 )   Sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 45).

( 45 )   Ibidem (punt 48).

Top