EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CA0421

Kawża C-421/14: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Jannar 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de Primera Instancia – Spanja) – Banco Primus SA vs Jesús Gutiérrez García (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Kuntratti konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumaturi — Klawżoli inġusti — Kuntratti ta’ self ipotekarju — Proċedura ta’ sekwestru ta’ proprjetà ipotekata — Terminu ta’ dekadenza — Funzjoni tal-qrati nazzjonali — Awtorità ta’ res judicata)

OJ C 104, 3.4.2017, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 104/9


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Jannar 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de Primera Instancia – Spanja) – Banco Primus SA vs Jesús Gutiérrez García

(Kawża C-421/14) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 93/13/KEE - Kuntratti konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumaturi - Klawżoli inġusti - Kuntratti ta’ self ipotekarju - Proċedura ta’ sekwestru ta’ proprjetà ipotekata - Terminu ta’ dekadenza - Funzjoni tal-qrati nazzjonali - Awtorità ta’ res judicata))

(2017/C 104/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia no 2 de Santander

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Banco Primus SA

Konvenuta: Jesús Gutiérrez García

Dispożittiv

1)

L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, bħar-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tal-Ley 1/2013, de medidas para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de deuda y alquiler social (Liġi 1/2013, dwar miżuri intiżi sabiex isaħħu l-protezzjoni tad-debituri ipotekarji, ir-ristrutturazzjoni tad-dejn u l-kirjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali), tal-14 ta’ Mejju 2013, li tissuġġetta l-eżerċizzju mill-konsumaturi, li fir-rigward tagħhom tkun infetħet proċedura ta’ sekwestru ipotekarju li iżda ma tkunx ingħalqet qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ tal-liġi li tkopri lil din id-dispożizzjoni, tad-dritt tagħhom ta’ oppożizzjoni għal din il-proċedura fuq il-bażi tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali, għal terminu ta’ dekadenza ta’ xahar, li jibda mill-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni ta’ din il-liġi.

2)

Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix regola nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 207 tal-Ley 1/2000, de Enjuiciamiento Civil (Liġi 1/2000 dwar il-kodiċi ta’ proċedura ċivili), tas-7 ta’ Jannar 2000, kif emendat bil-Ley 1/2013, de medidas para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de deuda y alquiler social (Liġi 1/2013, dwar miżuri intiżi sabiex isaħħu l-protezzjoni tad-debituri ipotekarji, ir-ristrutturazzjoni tad-dejn u l-kirjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali), tal-14 ta’ Mejju 2013, u sussegwentement mir-Real Decreto-Ley 7/2013, de medidas urgentes de naturaleza tributaria, presupuestaria y de fomento de la investigación, el desarrollo y la innovación (Digriet Liġi 7/2013, dwar miżuri ta’ natura fiskali u baġitarji urġenti u li jippromwovi r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni), tat-28 ta’ Ġunju 2013, sussegwentement mir-Real Decreto-ley 11/2014, de medidas urgentes en materia concursal (Digriet Liġi 11/2014, dwar miżuri urġenti fil-qasam ta’ falliment), tal-5 ta’ Settembru 2014, li tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali milli teżamina mill-ġdid ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt, meta diġà tkun ingħatat deċiżjoni dwar il-legalità tal-klawżoli kollha ta’ dan il-kuntratt fid-dawl ta’ din id-direttiva permezz ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata.

Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ klawżola waħda jew diversi klawżoli kuntrattwali li n-natura possibbilment inġusta tagħhom ma tkunx ġiet eżaminata waqt stħarriġ ġudizzjarju preċedenti tal-kuntratt kontenzjuż magħluq permezz ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata, id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qorti nazzjonali, regolarment adita mill-konsumatur permezz ta’ oppożizzjoni inċidentali, hija obbligata tevalwa, fuq talba tal-partijiet jew ex officio, in-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli, sakemm ikollha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan.

3)

L-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

l-eżami tan-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur jimplika d-determinazzjoni ta’ jekk din toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għall-kuntratt. Dan l-eżami għandu jsir fid-dawl tar-regoli nazzjonali li, fl-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet, isiru applikabbli, tal-mezzi li l-konsumatur għandu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex iwaqqaf l-użu ta’ dan it-tip ta’ klawżoli, tan-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni kif ukoll taċ-ċirkustanzi kollha tal-konklużjoni tiegħu;

meta l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li klawżola kuntrattwali dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-interessi ordinarji, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma ġietx redatta b’mod ċar u li tinftiehem fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, hija għandha teżamina jekk din il-klawżola hijiex inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-qorti tar-rinviju għandha b’mod partikolari tqabbel il-metodu ta’ kalkolu tar-rati tal-interessi ordinarji previsti minn din il-klawżola u l-ammont effettiv li jirriżulta minn din ir-rata flimkien mal-metodi ta’ kalkolu normalment adottati u r-rata ta’ interessi legali kif ukoll ir-rati ta’ interessi applikati fis-suq fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal self ta’ ammont u ta’ terminu ekwivalenti għal dawk tal-kuntratt ta’ self ikkunsidrat, u

fir-rigward tal-evalwazzjoni minn qorti nazzjonali tan-natura possibbilment inġusta tal-klawżola dwar l-iskadenza tat-terminu minħabba nuqqasijiet tad-debitur li jwettaq l-obbligi tiegħu matul perijodu limitat, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk il-possibbiltà mogħtija lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jiddikjara eżiġibbli l-ammont kollu tas-somma mislufa tiddependix min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni min-naħa tal-konsumatur ta’ obbligu li jkun ta’ natura essenzjali fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, jekk din il-possibbiltà hijiex prevista għall-każijiet fejn tali nuqqas ta’ eżekuzzjoni jkun ta’ natura suffiċjentement gravi meta kkunsidrat fir-rigward tat-tul u tal-ammont tas-self, jekk din il-possibbiltà tidderogax mir-regoli ta’ dritt komuni applikabbli f’dan il-qasam fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi u jekk id-dritt nazzjonali jipprevedix mezzi adegwati u effettivi li permezz tagħhom il-konsumatur, suġġett għall-applikazzjoni ta’ tali klawżola, ikun jista’ jirrimedja għall-effetti tal-imsemmija eżiġibbiltà tas-self.

4)

Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tirregola l-klawżoli ta’ skadenza tat-terminu tal-kuntratti ta’ self, bħall-Artikolu 693(2) tal-Liġi 1/2000, kif emendata bid-Digriet Liġi 7/2013, li tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali li kkonstatat in-natura inġusta ta’ tali klawżola kuntrattwali milli tiddikjaraha nulla u milli tiskartaha meta, fil-fatt, il-bejjiegħ jew fornitur ma kienx applikaha, iżda kkonforma ruħu mal-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali.


(1)  ĠU C 421, 24.11.2014


Top