EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CP0383

Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Wathelet ippreżentata fid-23 ta’ Awwissu 2013.
M. G. u N. R. vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Raad van State - il-Pajjizi l-Baxxi.
Visas, asile, immigration et autres politiques liées à la libre circulation des personnes - Politique d’immigration - Immigration clandestine et séjour irrégulier - Rapatriement des personnes en séjour irrégulier - Direttiva 2008/115/CE - Retour des ressortissants de pays tiers en séjour irrégulier - Procédure d’éloignement - Mesure de rétention - Prolongation de la rétention - Artikolu 15, paragraphes 2 et 6 - Droits de la défense - Droit d’être entendu - Violation - Conséquences.
Kawża C-383/13 PPU.

Digital reports (Court Reports - general) ; Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:553

OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

MELCHIOR WATHELET

ippreżentata fit-23 ta’ Awwissu 2013 ( 1 )

Kawża C‑383/13 PPU

M. G.,

N. R.

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Direttiva 2008/115/KE — Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment — Proċedura ta’ tneħħija — Artikolu 15(6) — Miżuri ta’ detenzjoni — Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża — Id-dritt għal smigħ”

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-5 ta’ Lulju 2013, saret fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, G. u R., żewġ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qegħdin jirrisjedu irregolarment fil-Pajjiżi l-Baxxi u, min-naħa l-oħra, l-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (iktar ’il quddiem l-“iStaatssecretaris”), dwar il-legalità tal-miżuri ta’ estensjoni tad-detenzjoni tagħhom meħuda skont l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2008/115”), fid-dawl tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2.

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kundizzjonijiet sostantivi dwar l-estensjoni tal-miżuri ta’ detenzjoni ta’ G. u R. kienu ssodisfatti peress li dawn il-miżuri kienu bbażati fuq l-assenza ta’ kollaborazzjoni min-naħa ta’ G. u ta’ R. bil-għan li jiġu akkumpanjati mal-fruntiera u fuq il-fatt li d-dokumenti meħtieġa għal dan il-għan provenjenti minn pajjiżi terzi kienu għadhom ma nkisbux.

3.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li d-drittijiet tad-difiża ta’ G. u ta’ R. ma kinux irrispettati fil-proċess tat-tfassil ta’ dawn il-miżuri.

4.

Il-kwistjoni mqajma minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-portata tad-dritt għal smigħ ta’ kull persuna qabel ma tittieħed kontriha miżura individwali li taffettwaha b’mod negattiv, dritt irrikonoxxut fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, u, b’mod iktar partikolari, il-konsegwenzi legali ta’ ksur ta’ dan id-dritt.

5.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubju, fl-ewwel lok, dwar jekk il-ksur, mill-amministrazzjoni nazzjonali, tal-prinċipju ġenerali ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, imwettaq fil-proċess tat-tfassil ta’ miżura ta’ estensjoni tad-detenzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115, jimplikax, awtomatikament u f’kull każ, ir-revoka tad-detenzjoni u, fit-tieni lok, dwar l-eventwali possibbiltà li jiġu bbilanċjati, minn naħa, il-preġudizzji għall-interessi tal-persuna kkonċernata li jirriżultaw minn dan il-ksur u, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-Istat Membru protetti bil-miżura ta’ estensjoni tad-detenzjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Il-Karta

6.

L-Artikolu 41 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.

2.   Dan id-dritt jinkludi:

a)

id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;

[...]”

7.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li “[k]ull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu”. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkonċerna d-dritt ta’ kull persuna għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti u imparzjali, li tkun stabbilita minn qabel bil-liġi. Dan l-artikolu jispeċifika li kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata. Skont l-Artikolu 48(2) tal-Karta, għandu jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.

8.

L-Artikolu 51 tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.”

2. Id-Direttiva 2008/115

9.

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, li jinsab fil-Kapitolu dwar id-detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

(a)

jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

(b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

2.   Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji.

Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub bir-raġunijiet fil-fatt u fid-dritt.

Meta d-detenzjoni tkun ġiet ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jew jipprovdu reviżjoni ġudizzjarja rapida tal-legalità tad-detenzjoni li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun mill-bidu tad-detenzjoni,

(b)

jew jagħtu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat id-dritt li jieħu proċedimenti li permezz tagħhom il-legalità tad-detenzjoni għandha tkun soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja rapida li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun wara l-bidu tal-proċedimenti rilevanti. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat dwar il-possibbiltà li jieħu tali proċedimenti.

Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jiġi rilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali.

3.   F’kull każ, id-detenzjoni għandha tiġi riveduta f’intervalli raġonevoli ta’ żmien jew b’applikazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio. Fil-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, ir-reviżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja.

4.   Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.   Id-detenzjoni għandha titkompla [sakemm] il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 [ikunu] sodisfatti u [sakemm ikun meħtieġ sabiex] tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.   L-Istati Membri [ma jistgħux jestendu] il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

(a)

nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew a) du manque de coopération du ressortissant concerné d’un pays tiers, ou

(b)

dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.”

B – Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

10.

Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 2:1 tal-Liġi ġenerali fil-qasam amministrattiv (Algemene wet bestuursrecht), kull persuna tista’ tqabbad mandatarju sabiex jassistiha jew jirrappreżentaha sabiex tiddefendi l-interessi tagħha fir-relazzjonijiet tagħha mal-amministrazzjoni.

11.

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 4:8 tal-istess liġi jipprovdi li, qabel ma tieħu deċiżjoni li probabbilment tikkawża preġudizzju lil persuna kkonċernata li ma tkunx talbet din id-deċiżjoni, l-amministrazzjoni għandha tagħti lil din il-persuna l-opportunità li tesprimi l-pożizzjoni tagħha jekk:

“(a)

id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq elementi marbuta ma’ fatti u ma’ interessi li jikkonċernaw lill-persuna kkonċernata u

(b)

dawn l-elementi ma jkunux ġew ikkomunikati mill-persuna kkonċernata stess.”

12.

Skont il-parti introduttorja u l-punt (a) tal-Artikolu 59(1) tal-Liġi tal-2000 dwar il-barranin (Vreemdelingenwet 2000, iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”), persuna barranija li r-residenza tagħha ma tkunx regolari tista’, jekk dan ikun meħtieġ fl-interess tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali, titqiegħed f’detenzjoni mill-iStaatssecretaris sabiex tiġi akkumpanjata lejn il-fruntiera. Skont l-Artikolu 59(5) tal-istess liġi, id-detenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma tistax tkun għal iktar minn sitt xhur. Skont l-Artikolu 59(6) tal-istess liġi, il-perijodu msemmi fl-Artikolu 59(5) jista’ jiġi estiż għal perijodu supplimentari ta’ tnax-il xahar jekk, minkejja l-isforzi raġonevoli kollha, ikun probabbli li ser ikun meħtieġ iktar żmien sabiex il-persuna barranija tiġi akkumpanjata lejn il-fruntiera, u dan minħabba li l-persuna barranija ma tkunx qiegħda tikkoopera jew minħabba li d-dokumenti provenjenti minn pajjiżi terzi meħtieġa għal dan il-għan ikunu għadhom ma nkisbux.

13.

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 5.1a tad-Digriet tal-2000 dwar il-barranin (Vreemdelingenbesluit 2000) jipprovdi li persuna barranija li r-residenza tagħha ma tkunx regolari tista’, jekk dan ikun meħtieġ fl-interess tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali, titqiegħed f’detenzjoni jekk:

“(a)

ikun hemm riskju li l-persuna barranija taħrab, jew

(b)

il-persuna barranija tevita jew tfixkel it-tħejjija tar-ritorn jew tal-proċedura ta’ akkumpanjament mal-fruntiera.”

14.

L-Artikolu 94(4) tal-Vw 2000 jipprovdi li r-Rechtbank għandha tiddikjara fondat ir-rikors kontra miżura ta’ detenzjoni jekk tikkonkludi li l-implementazzjoni tagħha hija kuntrarja għall-Vw 2000 jew jekk, wara li tibbilanċja l-interessi inkwistjoni kollha, tikkonkludi li din il-miżura ma tkunx raġonevolment ġustifikata. F’dan il-każ, ir-Rechtbank għandha tordna r-revoka tal-miżura. L-Artikolu 106(1) tal-Vw 2000 jippermetti lir-Rechtbank tagħti kumpens lill-persuna barranija, bl-ispejjeż għall-Istat, jekk tordna r-revoka ta’ miżura ta’ detenzjoni jew jekk id-detenzjoni tkun diġà twaqqfet qabel l-eżami tat-talba għar-revoka ta’ din il-miżura. L-Artikolu 106(2) tal-istess liġi jipprovdi li l-Artikolu 106(1) japplika mutatis mutandis jekk ir-revoka tal-miżura ta’ detenzjoni tkun ordnata mit-taqsima tal-kontenzjuż amministrattiv tar-Raad van State.

III – Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

15.

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-24 ta’ Ottubru u tal-11 ta’ Novembru 2012, G. u R. tqiegħdu rispettivament taħt detenzjoni skont il-parti introduttorja u l-punt (a) tal-Artikolu 59(1) tal-Vw 2000.

16.

Permezz ta’ deċiżjonijiet tad-19 u tad-29 ta’ April 2013, it-tul tal-miżuri ta’ detenzjoni imposti rispettivament fuq G. u R. ġie estiż skont l-Artikolu 59(6) tal-Vw 2000 għal perijodu ta’ mhux iktar minn tnax-il xahar (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenjużi”). Dawn id-deċiżjonijiet kienu bbażati fuq l-assenza ta’ kollaborazzjoni min-naħa ta’ G. u ta’ R. bil-għan li jiġu akkumpanjati mal-fruntiera u fuq il-fatt li d-dokumenti meħtieġa għal dan il-għan provenjenti minn pajjiżi terzi kienu għadhom ma nkisbux.

17.

Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Mejju 2013 u permezz ta’ sentenza mogħtija oralment fl-24 ta’ Mejju 2013, ir-Rechtbank Den Haag iddikjarat li r-rikorsi ppreżentati rispettivament minn G. u R. kontra d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma kinux fondati u ċaħdet it-talbiet għal kumpens tagħhom.

18.

Ir-Rechtbank Den Haag ikkunsidrat li G. ma kienx ġarrab preġudizzju sa punt tali li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni ta’ estensjoni tad-detenzjoni tiegħu. F’dan id-dawl, dik il-qorti kkunsidrat li, mir-rendikont ta’ laqgħa dwar ir-ritorn li nżammet ma’ G. fil-5 ta’ April 2013, jirriżulta li G. kien ġie informat li l-iStaatssecretaris kellu l-intenzjoni jestendi d-detenzjoni għal perijodu ta’ mhux iktar minn tnax-il xahar u li G. kellu l-possibbiltà jikkuntattja lill-mandatarju tiegħu. Fir-rigward ta’ R., ir-Rechtbank Den Haag ikkunsidrat ukoll li dan ma kienx ġarrab preġudizzju sa punt tali li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni ta’ estensjoni. Skont dik il-qorti, R. u l-konsulent tiegħu kienu jafu suffiċjentement ir-raġunijiet għaliex R. inżamm taħt detenzjoni kif ukoll dak li kien mistenni mingħandu sabiex it-tul tad-detenzjoni tiegħu jkun kemm jista’ jkun qasir.

19.

G. u R. appellaw minn dawn is-sentenzi u, barra minn hekk, ressqu talba għal kumpens quddiem it-taqsima tal-kontenzjuż amministrattiv tar-Raad van State. Dawn iż-żewġ kawżi ġew magħquda minħabba l-konnessjoni bejniethom fuq il-livell tal-mertu tagħhom.

20.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-kundizzjonijiet sostantivi dwar l-estensjoni tal-miżuri ta’ detenzjoni huma ssodisfatti fir-rigward ta’ G. u R. Hija żżid li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha stess, jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfatti, miżura ta’ detenzjoni tkun awtomatikament ivvizzjata b’irregolarità, bil-konsegwenza li tkun ordnata r-revoka tal-miżura.

21.

Fil-kawżi prinċipali huwa paċifiku li l-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża ma kienx osservat fil-proċess tat-tfassil tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u r-Raad van State ikkunsidrat dan il-punt bħala stabbilit fil-kuntest tal-eżami tal-appelli u, barra minn hekk, fir-rinviju tagħha għal deċiżjoni preliminari.

22.

Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, l-irregolaritajiet imwettqa fil-proċess tat-tfassil tad-deċiżjoni li jkollha bħala s-suġġett tagħha d-detenzjoni jew l-estensjoni tagħha ma jwasslux awtomatikament għall-konklużjoni li l-miżura ta’ detenzjoni hija illegali u, għaldaqstant, lanqas ma jwasslu għar-revoka immedjata ta’ din il-miżura. Fil-fatt, f’tali każijiet, isir ibbilanċjar tal-interessi, b’mod partikolari, bejn, minn naħa, l-interess protetti mid-detenzjoni u, min-naħa l-oħra, il-portata tal-preġudizzju li l-irregolarità tikkawża lill-persuni miżmuma taħt detenzjoni. Fi kliem ieħor, jekk il-kundizzjonijiet sostantivi kollha stabbiliti fil-Vw 2000 f’dan ir-rigward ikunu ssodisfatti, tali irregolaritajiet ma jagħmlux illegali d-detenzjoni jew l-estensjoni tagħha ħlief jekk l-interessi protetti minn dawn il-miżuri ma jkunux raġonevolment proporzjonati mal-portata tal-irregolarità u mal-interessi ppreġudikati minn din l-irregolarità.

23.

Fl-aħħar nett, skont il-qorti tar-rinviju, wara annullament ta’ deċiżjoni minħabba l-irregolaritajiet ikkonstatati fil-proċess tal-preparazzjoni u tat-tfassil tagħha, l-amministrazzjoni normalment ikollha l-possibbiltà li tirrimedja dawn in-nuqqasijiet billi tadotta deċiżjoni korretta dwar l-istess kwistjoni. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fil-każijiet ta’ detenzjoni bħal dawk ineżami, id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jagħtix din il-possibbiltà lill-iStaatssecretaris.

24.

Filwaqt li tindika li hija qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biss dwar il-konsegwenzi legali li, skont id-dritt tal-Unjoni, jirriżultaw minn ksur tad-drittijiet tad-difiża, ir-Raad van State iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Ksur, mill-amministrazzjoni nazzjonali, tal-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, stabbilit ukoll fl-Artikolu 41(2) tal-Karta [...], li jseħħ waqt it-tfassil ta’ deċiżjoni ta’ estensjoni fis-sens tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115[...], jimplika awtomatikament u fil-każijiet kollha li d-detenzjoni għandha tiġi revokata?

Dan il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jippermetti li jsir ibbilanċjar tal-interessi li matulu, minbarra l-gravità tal-ksur tal-imsemmi prinċipju u l-interessi leżi tal-barrani li jirriżultaw minn tali ksur, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-Istat Membru protetti bl-estensjoni tad-detenzjoni?”

IV – Fuq il-proċedura b’urġenza

25.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha tal-5 ta’ Lulju 2013, ir-Raad van State talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26.

Il-qorti tar-rinviju mmotivat din it-talba billi sostniet li G. u R. kienu jinsabu taħt detenzjoni u li, jekk l-ewwel parti tad-domanda preliminari tagħha tingħata risposta fl-affermattiv, id-detenzjonijiet ikollhom jiġu rrevokati immedjatament. Għall-kuntrarju, skont il-qorti tar-rinviju, jekk din l-ewwel parti tingħata risposta fin-negattiv, dan ikun ifisser li jkun jista’ effettivament jitwettaq ibbilanċjar tal-interessi u li l-istess qorti jkollha twettaq dan l-ibbilanċjar billi teżamina fl-iqsar żmien possibbli jekk dan l-ibbilanċjar għandux iwassal jew le għar-revoka tad-detenzjonijiet. Il-qorti tar-rinviju osservat ukoll li hemm numru ta’ kawżi analogi pendenti quddiem diversi qrati tal-Pajjiżi l-Baxxi.

27.

Fil-11 ta’ Lulju 2013, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, iddeċidiet li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza.

V – Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

28.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn G. u R., mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn, kif ukoll il-Gvern Pollakk, ippreżentaw osservazzjonijiet orali matul is-seduta li nżammet fit-8 ta’ Awwissu 2013.

29.

G. osserva li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Dokter et ( 3 ), iddeċidiet li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika setgħet tiġġustifika li l-awtorità kompetenti tieħu miżuri adegwati mingħajr ma tkun semgħet minn qabel il-pożizzjoni tal-persuna kkonċernata. Fil-kawża li kienet wasslet għal dik is-sentenza, il-kwistjoni kienet tikkonċerna t-teħid ta’ miżuri kontra d-dehra u l-firxa tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer. Huwa josserva wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni ( 4 ), segwiet raġunament analogu. Madankollu, G. jikkunsidra li l-interessi superjuri li huma l-protezzjoni tas-saħħa pubblika jew is-sigurtà tal-Unjoni ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk għandhiex tiġi estiża miżura ta’ detenzjoni imposta għal finijiet ta’ tneħħija minħabba residenza illegali. F’dan il-każ, ma jistax jingħad li hawn sitwazzjoni eċċezzjonali li tiġġustifika ksur strutturali tad-drittijiet tad-difiża taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu irregolarament u li jinsabu taħt detenzjoni. Huwa josserva li d-dritt għal-libertà huwa wieħed mill-iktar drittijiet fundamentali tal-bniedem u li dan id-dritt jeħtieġ protezzjoni effikaċi. G. iżid li l-persuni mqiegħda taħt detenzjoni huma ġeneralment vulnerabbli. Barra minn hekk, skont G., l-awtoritajiet inkwistjoni setgħu, minn żmien twil qabel, jipprevedu l-eventwali estensjoni tal-miżura ta’ detenzjoni għal iktar mit-tul, bħala prinċipju massimu, ta’ sitt xhur. Fl-aħħar nett, huwa jqis li l-obbligu li l-proċedura tiġi organizzata b’tali mod li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni u l-mandatarju tiegħu jkollhom il-possibbiltà li jirreaġixxu b’mod adegwat għall-elementi tal-miżura kkunsidrata, ma huwiex obbligu li huwa kkomplikat sabiex jiġi osservat.

30.

R. isostni li ksur, mill-amministrazzjoni nazzjonali, tad-drittijiet tad-difiża jimplika awtomatikament u fil-każijiet kollha l-annullament tad-deċiżjoni ta’ estensjoni u r-revoka tad-detenzjoni peress li, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni regolari ta’ estensjoni, id-detenzjoni ma tistax tkun għal iktar minn sitt xhur. Huwa jqis li fl-ebda każ ma jkun impossibbli li l-persuna kkonċernata tinstema’ fil-proċess li jwassal għad-deċiżjoni ta’ estensjoni, fejn fil-kuntest ta’ dan is-smigħ l-att ikkunsidrat kif ukoll l-għan, il-portata u l-konsegwenzi legali tiegħu jiġu spjegati lil din il-persuna u fejn din tal-aħħar tingħata l-opportunità tesprimi l-pożizzjoni tagħha. Barra minn hekk, R. jikkunsidra li l-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża huwa tant fundamentali min-natura tiegħu u li l-ksur tiegħu tant ma jistax jiġi rrimedjat li l-ksur ta’ dan il-prinċipju ma jiġġustifikax li jitwettaq ibbilanċjar tal-interessi. R. isostni li bbilanċjar tal-interessi, fejn l-interessi tal-Istat Membru jkunu rilevanti fil-każ ta’ estensjoni tad-detenzjoni, iġib fix-xejn il-kontenut tad-drittijiet tad-difiża.

31.

Skont R., fl-eventwalità li jkollu jitwettaq ibbilanċjar tal-interessi, dan l-ibbilanċjar għandu jiffavorixxi lill-interess taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment, u dan minħabba li jkun inkiser il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, minħabba li dan iċ-ċittadin ikun jinsab f’pożizzjoni inferjuri u ta’ dipendenza u minħabba li r-regoli u l-proċeduri dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ilhom magħrufa mill-Istati Membri, li jistgħu jimplementawhom b’mod faċli ħafna.

32.

Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li, għalkemm id-dritt amministrattiv nazzjonali jirrikonoxxi l-possibbiltà li persuna kkonċernata tkun irrappreżentata minn mandatarju matul il-fażi amministrattiva li tippreċedi l-adozzjoni ta’ miżuri meħuda fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115, din il-possibbiltà ma hijiex obbligu li jirriżulta minn din id-direttiva jew minn xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni. Huwa jikkunsidra li ksur tad-dritt amministrattiv nazzjonali ma għandux jimplika awtomatikament il-konklużjoni li kien hemm ksur tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża taħt id-dritt tal-Unjoni.

33.

Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi josserva li fil-fatt kienu nżammu diversi intervisti ma’ G. u ma’ R. matul id-detenzjoni tagħhom. Dan ifisser li huma kienu fil-fatt jafu r-raġunijiet tad-detenzjoni u tal-estensjoni tagħha. Skont dan il-gvern, l-irregolaritajiet fit-tfassil tad-deċiżjonijiet ta’ estensjoni kienu ġew, skont il-każ, evitati jew “irrimedjati” sa fejn il-persuni kkonċernati ma kinux ġew ippreġudikati b’tali mod li jista’ jingħad li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

34.

Huwa jsostni li l-konsegwenzi legali tal-ksur tad-dritt tad-difiża f’dan il-każ għandhom jiġu ddeterminati mid-dritt nazzjonali. Tali ksur ma jimplikax, b’mod awtomatiku u fil-każijiet kollha, ir-revoka tad-detenzjoni. F’dan id-dawl, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi josserva li skont ġurisprudenza stabbilita irregolarità proċedurali ma timplikax l-annullament totali jew parzjali ta’ deċiżjoni ħlief fil-każ li jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, id-deċiżjoni kkontestata seta’ kellha kontenut differenti ( 5 ).

35.

Skont il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, jekk l-inqas irregolarità, tkun kemm tkun marġinali, fit-tfassil ta’ deċiżjoni ta’ estensjoni, li permezz tagħha jiġu affettwati d-drittijiet tad-difiża, twassal għar-revoka tad-detenzjoni, dan ikun ta’ preġudizzju għall-effettività tad-Direttiva 2008/115 u, għaldaqstant, għall-implementazzjoni ta’ politika ta’ ritorn effettiva.

36.

Huwa jqis li, għalhekk, id-determinazzjoni tal-konsegwenzi tal-ksur tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża tħalli marġni għal ibbilanċjar tal-interessi, b’mod partikolari jekk l-effettività tal-miżura ta’ estensjoni tad-detenzjoni tkun tista’ tiġi affettwata b’mod irrimedjabbli. Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi josserva li għandha tiġi eżaminata n-natura tal-ksur kif ukoll l-effetti tiegħu għall-persuna kkonċernata. Huwa jikkunsidra li, fil-kawżi prinċipali, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża kien limitat u li s-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ G. u R. ma kinux ġew aggravati peress li fiż-żewġ każijiet kien legalment stabbilit li l-kundizzjonijiet sostantivi meħtieġa għad-detenzjoni kienu ssodisfatti. Barra minn hekk, skont il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interess ġenerali u, b’mod partikolari, il-ġlieda meħtieġa kontra l-immigrazzjoni klandestina kif ukoll l-għan tad-Direttiva 2008/115 li tiġi implementata “politika ta’ ritorn effettiva”.

37.

Matul is-seduta, il-Gvern Pollakk sostna li l-konsegwenzi li għandhom jinstiltu minn ksur tad-dritt għal smigħ, skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, fil-proċess tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ estensjoni tad-detenzjoni skont l‑Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115, ma humiex stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet iżda għandhom jiġu stabbiliti mid-dritt nazzjonali skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali. Soluzzjoni differenti tkun tmur kontra l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità. Skont dan il-gvern, l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxi biss il-kundizzjonijiet neċessarji għall-estensjoni tad-detenzjoni kif ukoll it-tul massimu tagħha u jirreferi direttament għad-dritt nazzjonali fir-rigward tal-kumplament, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effikaċità u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fir-rigward tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ garanziji proċedurali, hija, skont il-Gvern Pollakk, il-qorti nazzjonali li għandha tevalwahom fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li jkollha quddiemha. Għaldaqstant, il-qorti nazzjonali ma tistax tkun obbligata tannulla awtomatikament deċiżjoni adottata bi ksur tad-drittijiet tad-difiża u għandha tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra, bħall-impatt ta’ dan il-ksur fuq l-eżitu tal-proċedura.

38.

Il-Kummissjoni tenfasizza, l-ewwel nett, li ċ-ċaħda ta’ libertà fil-kuntest ta’ miżuri ta’ detenzjoni skont id-Direttiva 2008/115, tkun kemm tkun radikali għall-persuna kkonċernata, ma għandhiex natura kriminali. Hija tikkunsidra, it-tieni nett, li l-Istati Membri huma obbligati, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ proċedura ta’ ritorn, u b’mod partikolari fil-każ tal-estensjoni ta’ detenzjoni, li jisimgħu minn qabel lill-persuni kkonċernati, għalkemm tikkunsidra li mill-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115 ma jirriżultax li ksur tad-dritt għal smigħ minn qabel jimplika li l-persuna kkonċernata għandha tinħeles immedjatament. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, għandu jkun possibbli li jitwettaq ibbilanċjar tal-interessi. Fil-fatt, dejjem skont il-Kummissjoni, id-drittijiet tad-difiża ma humiex prerogattivi assoluti u jistgħu jkunu suġġetti għal restrizzjonijiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li, sabiex jiġu ddeterminati l-konsegwenzi ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ minn qabel, il-qorti nazzjonali għandha tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-kawża.

39.

Għal dan il-għan, il-qorti għandha tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-gravità tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża u l-possibbiltà li l-ksur jiġi rrimedjat, jekk ikun il-każ, permezz ta’ deċiżjoni ġdida u, min-naħa l-oħra, l-interess ġenerali protett bil-waqfien tar-residenza illegali u politika ta’ ritorn effettiva skont il-premessi 4 u 6 tad-Direttiva 2008/115. Skont il-Kummissjoni, risposta fl-affermattiv, mingħajr kundizzjonijiet, għall-ewwel parti tad-domanda preliminari tkun tfisser, għalhekk, li persuna kkonċernata, li tkun għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għal detenzjoni previsti fl-Artikolu 15(1) u (4) tad-Direttiva 2008/115, ikollha tinħeles awtomatikament, anki fil-każ ta’ ksur, possibbilment limitat ħafna, tad-drittijiet tad-difiża. Fid-dawl tan-natura tal-kundizzjonijiet meħtieġa għal detenzjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115, huwa probabbli li r-rimedju tal-ksur permezz ta’ deċiżjoni ġdida ta’ detenzjoni, deċiżjoni li din id-darba tkun korretta, ma jkunx rimedju effikaċi ħafna minħabba li sadanittant il-persuna kkonċernata tista’ tkun laħqet ħarbet u b’hekk tevita r-ritorn.

40.

Għall-kuntrarju, skont il-Kummissjoni, risposta negattiva għal din l-ewwel parti tad-domanda preliminari tħalli lill-qorti nazzjonali marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa kompletament il-gravità tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża. Il-qorti nazzjonali tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-eventwali possibbiltà li l-ksur jiġi rrimedjat permezz ta’ deċiżjoni ġdida jew tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-interess ġenerali li titwaqqaf ir-residenza illegali u li tiġi żgurata politika ta’ ritorn effettiva.

41.

Skont il-Kummissjoni, l-ibbilanċjar tal-interessi f’ebda każ ma jista’ jwassal sabiex l-interess ġenerali jkun dejjem superjuri fil-kuntest tad-detenzjoni u tar-ritorn. Il-qorti nazzjonali għandha, in concreto, tevalwa globalment l-interessi kollha fil-konfront ta’ xulxin. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni konkreta, il-qorti nazzjonali ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni biss, b’mod partikolari, il-gravità tal-ksur, iżda għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-elementi rilevanti li l-persuna kkonċernata kienet tkun tista’ tressaq fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u l-probabbiltà li dawn l-elementi setgħu jinfluwenzaw l-eżitu tal-proċedura amministrattiva. Tali approċċ jista’ jkun ibbażat, mutatis mutandis, fuq l-approċċ segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Distillers Company vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni tqis li, fiċ-ċirkustanzi ineżami, fejn il-persuni kkonċernati kienu nstemgħu, iżda b’mod inkorrett, u fejn ma jidhirx li hemm elementi li setgħu jinfluwenzaw l-eżitu tal-proċedura amministrattiva, il-qorti nazzjonali tista’ xxaqqleb l-ibbilanċjar in concreto favur l-interess ġenerali.

VI – Analiżi

A – L-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għal smigħ

42.

Għandu jiġi osservat qabel kollox li l-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi biss dwar il-kwistjoni tal-effetti legali, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tal-ksur li hija kkonstatat fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża ta’ G. u R.

43.

Għaldaqstant, id-dubji mqajma f’dan ir-rigward mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ( 6 ) ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fuq il-bażi tal-kuntest leġiżlattiv u fattwali kif iddefinit, taħt ir-responsabbiltà tagħha, mill-qorti tar-rinviju ( 7 ).

B – Id-dritt għal smigħ fid-dritt tal-Unjoni

44.

Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, u d-dritt għal smigħ f’kull proċedura jifforma parti integrali minn dawn id-drittijiet. Id-dritt għal smigħ ma huwiex irrikonoxxut biss mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll id-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest ta’ kull proċedura ġudizzjarja, iżda wkoll mill-Artikolu 41 tagħha, li jiggarantixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba ( 8 ). Id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tressaq, b’mod utli u effettiv, il-pożizzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod negattiv l-interessi tagħha ( 9 ).

45.

Matul is-seduta, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi indika li d-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi kien jipprevedi stħarriġ ġudizzjarja mħaffef tal-legalità tal-miżuri ta’ detenzjoni ( 10 ), għalkemm, fil-verità, f’din il-kawża l-kwistjoni ma tikkonċernax id-dritt ta’ aċċess għal qorti. Barra minn hekk, nosserva li, meta l-miżuri ta’ detenzjoni jew ta’ estensjoni tad-detenzjoni jkunu ordnati mill-awtoritajiet ġudizzjarji, l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta ma japplikax. Madankollu, fil-kawżi prinċipali, il-miżuri ta’ estensjoni tad-detenzjoni kienu ġew ordnati mill-iStaatssecretaris, awtorità amministrattiva.

46.

Minkejja l-fatt li l-espressjoni ġenerika “drittijiet tad-difiża” tista’ (għalkemm mhux neċessarjament) tkopri d-drittijiet irrikonoxxuti mill-Artikoli 41 u 47 tal-Karta, fil-fehma tiegħi d-drittijiet irrikonoxxuti minn dawn id-dispożizzjonijiet huma fil-fatt distinti u japplikaw f’kuntesti differenti, jiġifieri, tal-ewwel, f’kuntest amministrattiv prekontenzjuż u, tat-tieni, f’kuntest ta’ kontenzjuż ġudizzjarju. Minn dan isegwi li d-drittijiet inkwistjoni ma jistgħux jiġu uniti f’wieħed bir-riskju li “jitwarrab” id-dritt ta’ individwu għal smigħ f’sitwazzjoni fejn l-amministrazzjoni tkun qiegħda tikkunsidra li tadotta, fil-konfront tiegħu, att li jikkawżalu preġudizzju.

47.

Ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipproteġi lill-persuna suġġetti għall-amministrazzjoni matul il-proċedura kollha tirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta. Dawn iż-żewġ drittijiet, li huma ferm distinti, ma jistgħux jiġu amalgamati għaliex jinħoloq ir-riskju li tiġi introdotta qatgħa fil-kontinwità tas-sistema tad-drittijiet tad-difiża kif iggarantita mill-Karta.

48.

Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-qorti nazzjonali tiddeċiedi, skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115, dwar il-legalità tad-detenzjoni ordnata mill-awtoritajiet amministrattivi ma jistax ikopri retroattivament in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 41 tal-Karta min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet. Ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta mwettaq meta ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ estenzjoni tad-detenzjoni mill-awtoritajiet amministrattivi ma jistax jiġi rregolarizzat permezz tas-sempliċi fatt li sussegwentement ikun hemm stħarriġ ġudizzjarju.

49.

Għalkemm l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali li jirrispettaw id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod negattiv l-interessi ta’ persuna ilu rrikonoxxut mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 11 ), l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jikkonferma dan l-obbligu ( 12 ) u jgħollih għal-livell kostituzzjonali.

50.

B’hekk, l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jiggarantixxi lil “kull persuna”, inklużi għalhekk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu irregolarment, id-dritt li tinstema’ qabel ma tittieħed fil-konfront tagħha miżura individwali li taffettwaha b’mod negattiv.

51.

Għalhekk, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din hija dispożizzjoni li tapplika b’mod ġenerali u li tapplika għal kull proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tapplika anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espliċitament tali formalità ( 13 ).

52.

Huwa evidenti li, skont l-Artikolu 51 tal-Karta, l-Artikolu 41(2)(a) tagħha japplika għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti meta jkunu qegħdin jimplementaw id-Direttiva 2008/115 ( 14 ). Fil-fehma tiegħi, b’mod partikolari mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Dokter et u M., kif ukoll mis-sentenza Honeywell Aerospace ( 15 ), ma jirriżultax biss li l-amministrazzjonijiet nazzjonali huma obbligati jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża meta jkunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll li, sabiex jiġi evitat li dawn id-drittijiet ikunu biss sempliċi kliem jew formalità, il-persuni kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jinvokawhom direttament quddiem il-qrati nazzjonali.

53.

Id-dritt għal smigħ irrikonoxxut permezz tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta japplika neċessarjament għal miżuri ta’ estensjoni tad-detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu irregolarment meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 ( 16 ). Ma hemm ebda dubju li tali miżuri, li jċaħħdu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li jkunu qegħdin jirrisjedu irregolarment, mil-libertà tagħhom, jikkawżawlhom preġudizzju.

54.

Għalkemm il-Kummissjoni indikat b’mod korrett li l-miżuri ta’ detenzjoni meħuda skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 ma għandhomx natura kriminali ( 17 ) u ma jikkostitwixxux pieni ta’ priġunerija, għandu jitfakkar li, fis-sentenza El Dridi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-użu ta’ miżura ta’ detenzjoni jikkostitwixxi l-iktar miżura gravi li tillimita l-libertà permessa mid-Direttiva 2008/115 fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija bil-forza ( 18 ). Huwa għalhekk li miżura ta’ detenzjoni li, għalkemm ma għandhiex natura kriminali, xorta waħda timplika ċaħda kompleta tal-libertà hija maħsuba bħala miżura li għandha tintuża fl-aħħar lok u dan biss meta jkun hemm ir-riskju li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn fil-forma ta’ tneħħija tiġi kompromessa minħabba l-aġir tal-persuna kkonċernata. Il-kuntest fejn tista’ tintuża din il-miżura huwa stabbilit b’mod strett, skont l-Artikoli 15 u 16 tad-direttiva msemmija, b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati ( 19 ). Id-Direttiva 2008/115, sa fejn għandha l-għan li tiġi implementata politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni bbażata fuq standards komuni, tiżgura li r-ripatrijazzjoni tal-persuni kkonċernati ssir b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħhom kif ukoll tad-dinjità tagħhom ( 20 ).

55.

F’dan l-istadju, nixtieq nenfasizza kemm nista’ li, għall-kuntrarju tal-argumenti tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ( 21 ) u tal-Kummissjoni ( 22 ), ksur ikkonstatat tad-dritt għal smigħ fil-proċess tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ estensjoni tad-detenzjoni skont l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 f’ebda każ ma jista’ jitqies bħala ksur “marġinali” jew “limitat” ta’ dan id-dritt. Kif josserva G. ( 23 ), nikkunsidra li d-dritt għal-libertà huwa wieħed mill-iktar drittijiet fundamentali tal-bniedem ( 24 ). Għalkemm dan id-dritt ma huwiex assolut u huwa suġġett għal ċerti limitazzjonijiet, b’mod partikolari fil-qasam tal-immigrazzjoni klandestina, bħal fil-każijiet ineżami, kull deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi bbażata fuq dawn il-limitazzjonijiet għandha tosserva b’mod strett il-kundizzjonijiet legali marbuta ma’ dawn il-limitazzjonijiet.

56.

Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ( 25 ) u l-Kummissjoni ( 26 ), nikkunsidra li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 26 tas-sentenza Distillers Company vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fis-sens li irregolarità proċedurali timplika l-annullament totali jew parzjali ta’ deċiżjoni biss jekk jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, id-deċiżjoni seta’ kellha kontenut differenti, ma jistax jiġi applikat, b’analoġija, fil-kuntest ta’ miżuri daqstant restrittivi għal-libertà tal-persuna bħalma hija d-detenzjoni.

57.

Bħala prinċipju, it-teżi fis-sens li s-smigħ tal-persuni kkonċernati ma setax jinfluwenza l-eżitu tal-proċedura inkwistjoni ma tistax tiġi aċċettata għaliex inkella tkun qiegħda tiġi ppreġudikata s-sustanza stess tad-drittijiet tad-difiża, u dan iktar u iktar meta tali teżi ma tkun issostanzjata b’ebda mod.

C – Fuq l-effetti ta’ ksur tad-dritt għal smigħ

1. Analiżi prinċipali

58.

B’dan premess, anki jekk wieħed ma jibqax jitkellem dwar ksur marġinali, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-konsgwenzi legali tan-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża huma rregolati mid-dritt nazzjonali ( 27 ). Skont dan il-gvern, id-Direttiva 2008/115 ma tinkludix dispożizzjoni li tippreċiża l-konsegwenzi legali li l-qorti nazzjonali għandha tislet mill-ksur tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża fil-proċess tat-tfassil ta’ miżura ta’ estensjoni fis-sens tal-Artikolu 15(6) ta’ din id-direttiva. Huwa jqis li mill-punt 38 tas-sentenza Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li, fl-assenza ta’ regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti nazzjonali li għandha tippreċiża l-konsegwenzi legali li għandhom jirriżultaw mill-ksur tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża, b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

59.

Jiena ma naqbilx ma’ din l-analiżi.

60.

Kif jirriżulta b’mod inekwivoku mill-punt 38 tas-sentenza Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali japplika biss meta d-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxix il-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni, f’liema każ, għaldaqstant, ikollhom jiġu stabbiliti mill-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri ( 28 ).

61.

Għalkemm dan huwa wieħed mill-ftit każijiet fejn id-dritt tal-Unjoni jipprevedi huwa stess is-sanzjoni ta’ illegalità ( 29 ), jidhirli li, f’din il-kawża, il-konsegwenzi legali li l-qorti nazzjonali għandha tislet minn ksur tad-dritt għal smigħ, irrikonoxxut fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, fil-kuntest tal-estensjoni tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment huma stabbiliti mill-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115.

62.

Fil-fatt, l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi b’mod espliċitu u ċar li ċ-“ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jiġi rilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali”.

63.

Din id-dispożizzjoni vinkolanti ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri u tirrifletti r-rieda espressa mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura li ebda ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment ma jkun jista’ jiġi mċaħħad mil-libertà tiegħu fin-nuqqas tal-osservanza tal-liġi.

64.

Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115 ma jistax jipprevedi l-konsegwenzi legali ta’ ksur tad-dritt għal smigħ fil-proċess tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ estensjoni, u dan minħabba li din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss il-kundizzjonijiet sostantivi ( 30 ) li għandhom ikunu ssodisfatti sabiex jiġu ordnati d-detenzjoni jew l-estensjoni tagħha, “u mhux id-deċiżjoni li twassal għaliha”. Jiena ma nistax naqbel ma’ tali interpretazzjoni tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115, interpretazzjoni li teskludi r-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-kwistjoni ta’ jekk teżistix jew le “detenzjoni legali”. Barra minn hekk, mhux nifhem id-distinzjoni li għamlet il-Kummissjoni matul is-seduta bejn il-legalità tad-detenzjoni u l-legalità tad-deċiżjoni li tordna d-detenzjoni. Ma nistax nimmaġina kif detenzjoni tista’ tibqa’ legali meta d-deċiżjoni li tordnaha ma tkunx legali.

65.

Jiena għalhekk nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari fis-sens li ksur, mill-amministrazzjoni nazzjonali, tal-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża [f’dan il-każ, tad-dritt għal smigħ, kif previst fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta] fil-proċess tat-tfassil ta’ miżura ta’ estensjoni tad-detenzjoni, fis-sens tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115, jimplika l-annullament ta’ din il-miżura u l-ħelsien immedjat tal-persuna kkonċernata skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115.

2. Analiżi sussidjarja

66.

Fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, ser nanalizza l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi li għandhom jinstiltu minn ksur ikkonstatat tad-drittijiet tad-difiża, u b’mod iktar partikolari tad-dritt għal smigħ fi proċedura amministrattiva nazzjonali li timplementa d-dritt tal-Unjoni, bl-iskop li jiġu ddeterminati d-drittijiet li l-vittma ta’ dan il-ksur tista’ tislet minnu.

67.

Fl-analiżi tiegħi mhux ser nirreferi għal ibbilanċjar tal-interessi, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, kif irriżulta mir-riflessjonijiet tal-Imħallef Relatur matul is-seduta, dan il-kunċett joħloq ċerta perplessità, b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi jew tal-interessi li għandhom jiġu pparagunati, punt dan li ma ġiex ikkjarifikat matul is-seduta.

68.

Għalkemm, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola ġenerali hija verament l-annullament dirett tad-deċiżjonijiet kontenzjużi ( 31 ), minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li r-rispett tad-dritt għal smigħ ma huwiex rekwiżit assolut u jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-miżura inkwistjoni u bil-kundizzjoni li ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-kontenut essenzjali stess tad-drittijiet hekk iggarantiti ( 32 ).

69.

B’hekk, f’każijiet ta’ urġenza kbira u meta jkun meħtieġ minħabba raġunijiet imperattivi, l-awtoritajiet kemm nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni jistgħu jadottaw miżuri individwali li jaffettwaw b’mod negattiv lil individwi mingħajr ma jkunu semgħu minn qabel il-pożizzjoni tagħhom.

70.

F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li restrizzjoni tad-dritt għal smigħ tista’ tkun iġġustifikata u għalhekk ittollerata meta s-saħħa pubbliku kienet mhedda mill-marda tal-ilsien u d-dwiefer jew meta s-sigurtà pubblika kienet mhedda mit-terroriżmu.

71.

Fis-sentenza Dokter et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minħabba li l-marda tal-ilsien u d-dwiefer kienet tittieħed ħafna u minħabba li kien meħtieġ li din it-theddida tiġi miġġielda b’mod rapidu u effikaċi sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika, l-awtorità kompetenti setgħet tadotta l-miżuri adegwati f’dan ir-rigward mingħajr ma l-persuni li setgħu potenzjalment ikunu kkonċernati ma jkunu informati minn qabel dwar il-fatti u d-dokumenti li fuqhom kienu bbażati dawn il-miżuri u mingħajr ma jkunu ħadu pożizzjoni fuq tali fatti u dokumenti. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali restrizzjoni tista’ tikkostitwixxi intervent sproporzjonat biss jekk il-persuni kkonċernati jkunu mċaħħda mill-possibbiltà li jikkontestaw il-miżuri msemmija fi proċedura ulterjuri u li jsostnu b’mod effettiv il-pożizzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ din il-proċedura ( 33 ).

72.

Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran ( 34 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li eċċezzjoni għad-dritt fundamentali għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tista’ tiġi aċċettata fir-rigward tad-deċiżjonijiet inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi meħuda kontra persuni u entitajiet marbuta ma’ networks terroristiċi.

73.

Fil-fatt, dawn il-miżuri, meħuda mingħajr smigħ minn qabel tal-persuni kkonċernati, huma ġġustifikati mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-effikaċità tal-miżuri ta’ ffriżar u, fl-aħħar mill-aħħar, minn kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà jew mal-mod kif l-Unjoni u l-Istati Membri tagħhom imexxu r-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom ( 35 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn l-awtoritajiet kellhom jikkomunikaw lill-persuni kkonċernati l-elementi li jiġġustifikaw dawn il-miżuri u kellhom jisimgħu lil dawn il-persuni, jew fl-istess ħin li jiġu adottati l-miżuri jew inkella immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom ( 36 ).

74.

Jekk naċċetta, kif isostni l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-argument li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, nikkunsidra, bħal G. ( 37 ), li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, ikkaratterizzati minn urġenza gravi u estrema, li kien hemm fil-kuntest tas-sentenzi msemmija iktar ’il fuq Kadi I u Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, fir-rigward tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, jew fil-kuntest tas-sentenza Dokter et, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, u li kienu ġġustifikaw restrizzjonijiet tad-dritt għal smigħ huma kompletament assenti fil-kawżi prinċipali.

75.

L-ewwel nett, it-theddida globali tat-terroriżmu, li teżiġi l-adozzjoni urġenti ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, u r-riskju gravi għas-saħħa pubblika li tirrappreżenta l-marda tal-ilsien u d-dwiefer, ma għandhomx l-istess livell ta’ gravità u ta’ interess pubbliku bħar-riskju li jaħrab ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment.

76.

Barra minn hekk, kif jindika R., ma kien hemm xejn xi jwaqqaf lill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi milli jwettqu smigħ effettiv minn qabel tal-persuni kkonċernati fid-dawl tal-adozzjoni tal-miżuri ta’ estensjoni tad-detenzjoni, garanzija proċedurali li ma kienx diffiċli li tiġi żgurata, u dan iktar u iktar minħabba li ma kien hemm ebda urġenza sa fejn il-persuni kkonċernati kienu diġà miżmuma taħt detenzjoni u għalhekk ma kien hemm ebda riskju li jaħarbu ( 38 ).

77.

Fl-aħħar lok, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’ebda mod ma jirriżulta li G. u R. kienu pprovaw jabbużaw mill-proċeduri implementati permezz tad-Direttiva 2008/115, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar miżuri ta’ detenzjoni, bil-għan li jwasslu għal ksur tad-drittijiet tagħhom inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

78.

It-tieni nett, ir-restrizzjonijiet għad-dritt patrimonjali inkwistjoni fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Dokter et, Kadi I kif ukoll Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran ma humiex paragunabbli ma’ miżura estrema, jew “radikali” ( 39 ) skont il-Kummissjoni, bħalma hija l-estensjoni għal perijodu ta’ tnax-il xahar taċ-ċaħda tal-libertà taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jirrisjedu irregolarment.

79.

It-tielet nett, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri meħuda bi ksur tad-dritt għal smigħ għandha tiġi vverifikata meta jiġu adottati tali miżuri, u mhux sussegwentement.

80.

Fil-fatt, fil-fehma tiegħi aġġustament tal-konsegwenzi ta’ ksur ta’ dritt fundamentali ma jistax iwassal sabiex jiġi rrimedjat sussegwentement tali ksur fl-assenza ta’ raġunijiet imperattivi li kienu eżistenti meta ġiet adottata l-miżura kontenzjuża.

81.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, il-ksur tad-dritt għal smigħ jista’ jagħti lok biss għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u għall-ħelsien mid-detenzjoni tal-persuni kkonċernati.

D – Alternattiva?

82.

Minbarra l-konsegwenzi kkunsidrati mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi segwit mill-ħelsien tal-persuni kkonċernati jew iż-żamma ta’ dawn id-deċiżjonijiet u għalhekk tad-detenzjonijiet, matul is-seduta ġiet ikkunsidrata possibbiltà oħra, jiġifieri l-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u l-adozzjoni fl-istess ħin ta’ deċiżjonijiet legali ġodda (jew l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet amministrattivi legali ġodda qabel l-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi).

83.

Fis-sentenza Kadi I tagħha, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja stess irrikonoxxiet il-possibbiltà li jiġu mmoderati l-konsegwenzi legali ta’ deċiżjoni li tikser id-dritt għal smigħ.

84.

Fil-fatt, fil-punti 373 sa 376 tas-sentenza Kadi I, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-effetti serji u irrimedjabbli tal-annullament tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fuq l-effikaċità ta’ dawn il-miżuri restrittivi, żammet fis-seħħ l-effetti tal-miżuri adottati bi ksur tad-dritt għal smigħ għal perijodu qasir sabiex tagħti lill-awtoritajiet l-opportunità li jirrimedjaw il-ksur ikkonstatat.

85.

Nosserva, qabelxejn, li din is-soluzzjoni kienet tikkonċerna deċiżjonijiet inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi fejn l-effett ta’ sorpriża kien neċessarju, sitwazzjoni li ma tirriżultax fil-kawżi ineżami. Madankollu, nosserva fuq kollox li, kif ġie kkonfermat matul is-seduta u kif indikat il-qorti tar-rinviju, l-iStaatssecretaris ma għandux din il-possibbiltà fid-dritt nazzjonali, la fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ detenzjoni u lanqas fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ estensjoni tad-detenzjoni ( 40 ).

VII – Konklużjoni

86.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domanda preliminari magħmula mir-Raad van State:

Prinċipalment, ksur, mill-amministrazzjoni nazzjonali, tad-dritt ta’ kull persuna għal smigħ qabel ma tittieħed fil-konfront tagħha miżura individwali li taffettwaha b’mod negattiv, irrikonoxxut fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, imwettaq fil-proċess tat-tfassil ta’ miżura ta’ estensjoni tad-detenzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, jimplika l-annullament ta’ din il-miżura u l-ħelsien immedjat tal-persuna kkonċernata, skont l-Artikolu 15(2) ta’ din id-direttiva.

Sussidjarjament, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw, skont id-dritt tal-Unjoni, minn ksur tad-dritt għal smigħ timplika, f’każijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi ta’ estensjoni tad-detenzjoni u l-ħelsien taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi miżmuma taħt detenzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU L 348, p. 98.

( 3 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006 (C-28/05, Ġabra p. I-5431).

( 4 ) Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008 (C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi I”).

( 5 ) Sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1980, Distillers Company vs Il-Kummissjoni (30/78, Ġabra p. 2229, punt 26) (kawża fil-qasam tal-kompetizzjoni); tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-142/87, Ġabra p. I-959, punt 48) (kawża fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat), u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni (C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 31) (kawża fil-qasam tal-kompetizzjoni).

( 6 ) Minkejja li, matul is-seduta, dan il-gvern irrikonoxxa ċerti żbalji min-naħa tal-amministrazzjoni fit-tfassil tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

( 7 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Ioannis Katsivardas – Nikolaos Tsitsikas (C-160/09, Ġabra p. I-4591, punt 27).

( 8 ) Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C-277/11, punt 82).

( 9 ) Ibidem (punt 87).

( 10 ) Fil-kawżi prinċipali, G. u R. ressqu l-każ tagħhom quddiem ir-Rechtbank Den Haag, li ddeċidiet dwar il-legalità tal-estensjoni tad-detenzjoni tagħhom f’terminu ta’ madwar xahar. Ara l-punti 16 u 17 ta’ din l-opinjoni.

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (C-32/95 P, Ġabra p. I-5373, punt 21); tat-28 ta’ Marzu 2000, Krombach (C-7/98, Ġabra p. I-1935, punt 42); tal-21 ta’ Settembru 2000, Mediocurso vs Il-Kummissjoni (C-462/98 P, Ġabra p. I-7183, punt 36); tad-9 ta’ Ġunju 2005, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-287/02, Ġabra p. I-5093, punt 37), u tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé (C-349/07, Ġabra p. I-10369, punt 37).

( 12 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi (C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, punt 99).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza M., iċċitata iktar ’il fuq (punti 84 u 86).

( 14 ) Ara l-Artikolu 1 u l-premessa 24 tad-Direttiva 2008/115.

( 15 ) Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005 (C-300/03, Ġabra p. I-689).

( 16 ) Fil-fehma tiegħi, il-kliem “skond il-liġi nazzjonali” li jinsabu fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 jirreferu biss għall-possibbiltà tal-Istati Membri li jistabbilixxu t-tul ta’ eventwali estensjoni tad-detenzjoni b’mhux iktar minn tnax-il xahar.

( 17 ) Ara l-punt 38 ta’ din l-opinjoni. Ara, f’dan is-sens, l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Mázak fil-kawża El Dridi (sentenza tat-28 ta’ April 2011, C-61/11 PPU, Ġabra p. I-3015, punt 35).

( 18 ) Punt 42 tas-sentenza msemmija. Fil-fatt, bħala prinċipju tingħata prijorità lill-eżekuzzjoni volontarja ta’ deċiżjoni ta’ ritorn adottata skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115. L-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva jipprovdi li din id-deċiżjoni għandha tipprevedi terminu adegwat ta’ bejn sebgħa u tletin jum għat-tluq volontarju. F’sitwazzjoni fejn l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie osservat fit-terminu mogħtija għat-tluq volontarju, mill-Artikolu 8(1) u (4) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li, sabiex tiġi żgurata l-effikaċità tal-proċeduri ta’ ritorn, dawn id-dispożizzjonijiet jimponu fuq l-Istat Membru, li jkun adotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment, l-obbligu li jipproċedi bit-tneħħija billi jieħu l-miżuri kollha neċessarji, inkluż, jekk ikun il-każ, miżuri koersivi, u dan b’mod proporzjonat u b’rispett, b’mod partikolari, tad-drittijiet fundamentali. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza El Dridi, iċċitata iktar ’il fuq (punti 36 sa 38).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza El Dridi, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42).

( 20 ) Ara s-sentenza El Dridi, iċċitata iktar ’il fuq (punt 31), u l-premessa 2 tad-Direttiva 2008/115.

( 21 ) Ara l-punti 35 u 36 ta’ din l-opinjoni.

( 22 ) Ara l-punt 39 ta’ din l-opinjoni.

( 23 ) Ara l-punt 29 ta’ din l-opinjoni.

( 24 ) Ara l-Artikolu 6 tal-Karta. Barra minn hekk, intitolat “Dritt għal-libertà u għas-sigurtà”, l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jipprovdi:

“1.   Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-persuna. Ħadd ma għandu jiġi ipprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skond il-proċedura preskritta bil-liġi:

[...]

(f)

l-arrest jew id-detenzjoni skond il-liġi ta’ persuna biex jiġi evitat li tidħol mingħajr awtorità fil-pajjiż jew ta’ persuna li kontra tagħha tkun qed issir kawża għad-deportazzjoni jew għall-estradizzjoni.

[...]”

( 25 ) Ara l-punt 34 ta’ din l-opinjoni.

( 26 ) Ara l-punt 41 ta’ din l-opinjoni.

( 27 ) Ara l-punt 34 ta’ din l-opinjoni.

( 28 ) Fil-fatt, fil-punt 38 tas-sentenza Sopropé, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “[f]ir-rigward tal-implementazzjoni [tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża] u, b’mod iktar partikolari, tat-termini sabiex jiġu eżerċitati d-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi speċifikat li, meta dawn ma jkunux stabbiliti mid-dritt Komunitarju, bħal fil-kawża prinċipali, huma jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali kemm-il darba, minn naħa, ikunu tal-istess natura bħal dawk li minnhom jibbenefikaw l-individwi jew l-impriżi f’sitwazzjonijiet komparabbli rregolati bid-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, ma jirrendux l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża mogħtija bis-sistema legali Komunitarja prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli”.

( 29 ) Fil-punt 47 tas-sentenza El Dridi, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-“Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115 [...] huma inkondizzjonati u biżżejjed preċiżi b’mod li ma jeħtiġux elementi partikolari oħra sabiex jiġu implementati mill-Istati Membri”.

( 30 ) Jiġifieri l-kundizzjonijiet materjali stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115, bħar-riskju li l-persuna kkonċernata taħrab jew it-tfixkil għall-proċess tar-ritorn jew għall-proċedura ta’ tneħħija.

( 31 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Lisrestal, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45); Mediocurso vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 50), u tad-29 ta’ Ġunju 1994, Fiskano vs Il-Kummissjoni (C-135/92, Ġabra p. I-2885, punt 44).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dokter et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Ibidem (punt 76).

( 34 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011 (C-27/09 P, Ġabra p. I-13427, punti 61 sa 67).

( 35 ) Sentenzi Kadi I (punt 342) u Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, iċċitata iktar ’il fuq (punt 67).

( 36 ) Sentenzi Kadi I (punt 345) u Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, iċċitata iktar ’il fuq (punt 61).

( 37 ) Ara l-punt 29 ta’ din l-opinjoni.

( 38 ) F’dan id-dawl, nosserva, bħala analoġija, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-każ ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi li permezz tagħha jinżammu l-miżuri meħuda fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità (deċiżjoni paragunabbli ma’ deċiżjoni ta’ estensjoni ta’ detenzjoni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali), li l-effett ta’ sorpriża ma jkunx għadu neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effikaċità tal-miżuri, b’tali mod li l-adozzjoni ta’ tali miżuri għandha, bħala prinċipju, tkun ippreċeduta minn komunikazzjoni tal-elementi kkunsidrati kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata kif ukoll mill-għoti tal-opportunità ta’ smigħ lil din il-persuna jew lil din l-entità (sentenza Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

( 39 ) Ara l-punt 38 ta’ din l-opinjoni.

( 40 ) Ara l-punt 23 ta’ din l-opinjoni.

Top