This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013CJ0361
Judgment of the Court (First Chamber) of 16 September 2015.#European Commission v Slovak Republic.#Failure of a Member State to fulfil obligations — Regulation (EC) No 883/2004 — Article 7 — Old-age benefit — Christmas bonus — Residence requirement.#Case C-361/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Settembru 2015.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tas-Slovakja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 7 – Benefiċċju tax-xjuħija – Bonus tal-Milied – Klawżola ta’ residenza.
Kawża C-361/13.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Settembru 2015.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tas-Slovakja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 7 – Benefiċċju tax-xjuħija – Bonus tal-Milied – Klawżola ta’ residenza.
Kawża C-361/13.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:601
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
16 ta’ Settembru 2015 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Regolament (KE) Nru 883/2004 — Artikolu 7 — Benefiċċju tax-xjuħija — Bonus tal-Milied — Klawżola ta’ residenza”
Fil-Kawża C‑361/13,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis-26 ta’ Ġunju 2013,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Tokár, D. Martin u F. Schatz, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi rrifjutat li tagħti lill-benefiċjarji residenti fi Stat Membru minbarra fir-Repubblika Slovakka il-bonus tal-Milied previst mil-liġi Nru 592/2006 marbuta mal-għoti ta’ bonus tal-Milied lil ċerti benefiċjarji ta’ pensjonijiet u li tikkompleta ċerti liġijiet, kif emendata l-aħħar (iktar ’il quddiem il-“liġi Nru 592/2006”), ir-Repubblika Slovakka naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikoli 45 u 48 TFUE, kif ukoll 7 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72, u rettifika ĠU L 200, p. 1) kif immodifikata bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU L 284, p. 43, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
2 |
Il-premessa 16 tar-Regolament Nru 883/2004 tiddikjara: “Fil-Komunità, bħala prinċipju, ma teżistix ġustifikazzjoni biex drittijiet ta’ sigurtà soċjali jsiru dipendenti fuq il-post ta’ residenza tal-persuna konċernata; madanakollu, f’każijiet speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ benefiċċji marbuta mal-kuntest ekonomiku u soċjali tal-persuna involuta, il-post ta’ residenza jista’ jittieħed in konsiderazzjoni.” |
3 |
Il-premessa 37 ta’ dan ir-regolament hija fformulata kif ġej: “Kif stqarret diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, disposizzjonijiet li joħolqu derogi mill-prinċipju ta’ l-esportabilità ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali għandhom ikunu interpretati b’mod strett. Dan ifisser li dawn jistgħu jkunu applikati biss għal benefiċċji li jissodisfaw l-kondizzjonijiet speċifikati. Għaldaqstant, il-Kapitolu 9 tat-Titolu III ta’ dan ir-Regolament japplika biss għal dawk il-benefiċċji li huma benefiċċji speċjali u benefiċċji mhux kontributorji u li huma mniżżla fl-Anness X ta’ dan ir-Regolament.” |
4 |
L-Artikolu 1(w) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament: [...]
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Oqsma koperti” jipprovdi: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha rigward il-friegħi tas-sigurtà soċjali li ġejjin: [...]
[...] 2. Sakemm l-Anness XI ma jgħidx mod ieħor, dan ir-Regolament għandu japplika għal skemi ġenerali u speċjali ta’ sigurtà soċjali, kemm jekk kontributorji u kemm jekk le, u għal skemi marbutin ma’ l-obbligi ta’ min iħaddem jew ta’ sid il-vapur. 3. Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70. [...] 5. Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:
[...]” |
6 |
Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Rinunzja ta’ regoli dwar ir-residenza”: “Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, benefiċċji fi flus mogħtija taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed jew taħt dan ir-Regolament, ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi riduzzjoni, bidla, sospensjoni, waqfa jew sekwestru minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jew il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha jkollhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor u mhux fl-Istat Membru fejn tinstab l-istituzzjoni responsabbli għall-għoti ta’ benefiċċji.” |
Id-dritt Slovakk
7 |
L-Artikolu 1 tal-liġi Nru 592/2006 jipprevedi: “1) Bla ħsara għal xi dispożizzjoni kuntrarja f’din il-liġi, il-benefiċjarji ta’ pensjoni tax-xjuħija, ta’ pensjoni antiċipata tax-xjuħija, ta’ pensjoni tal-invalidità, ta’ pensjoni soċjali, ta’ pensjoni tar-romol jew ta’ pensjoni tal-orfni skont leġiżlazzjoni partikolari li għandhom dritt għall-ħlas tal-imsemmija pensjoni f’Diċembru tas-sena ċivili u li jirrisjedu fit-territorju tar-Repubblika Slovakka għandhom jirċievu mill-assigurazzjoni soċjali bonus tal-Milied li jikkostitwixxi benefiċċju soċjali tal-Istat, sa fejn l-ammont tal-pensjoni mħallas f’Diċembru tas-sena ċivili ma jkunx jeċċedi 60 % tas-salarju mensili medju fir-Repubblika Slovakka, kif ikkomunikat mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika għas-sena ċivili ta’ qabel il-ħlas tal-bonus tal-Milied. 2) Il-benefiċjarji ta’ pensjoni tal-irtirar minn korp militari u tal-pulizija, ta’ pensjoni tal-invalidità minn korp militari u tal-pulizija, ta’ pensjoni tar-romol minn korp militari u tal-pulizija jew ta’ pensjoni tal-orfni minn korp militari u tal-pulizija skont leġiżlazzjoni partikolari li l-pensjoni tagħhom kienet inizjalment ikklassifikata fost il-pensjonijiet tax-xjuħija, pensjonijiet tal-invalidità, pensjonijiet tal-invalidità parzjali, pensjonijiet għas-snin ta’ servizz, pensjonijiet tar-romol jew pensjonijiet tal-orfni, mogħtija skont il-leġiżlazzjoni ġenerali fil-qasam tas-sigurtà soċjali, li kienu operattivi sat-30 ta’ April 1998 u li saru benefiċċji tal-assigurazzjoni tal-korp militari u tal-pulizija skont il-leġiżlazzjoni viġenti mill-1 ta’ Mejju 1998, jew anki li kienu operattivi sat-30 ta’ Ġunju 2002 u li saru benefiċċji tal-assigurazzjoni ta’ korp militari u tal-pulizija skont leġiżlazzjoni partikolari, u l-benefiċjarji ta’ pensjoni tar-romol ta’ korp militari u tal-pulizija jew ta’ pensjoni tal-orfni tal-korp militari u tal-pulizija mħallsa mill-ġdid wara l-mewt ta’ persuna intitolata għall-pensjoni tax-xjuħija kklassifikata mill-ġdid, għal pensjoni tal-invalidità kklassifikata mill-ġdid, għal pensjoni ta’ invalidità parzjali kklassifikata mill-ġdid jew għal pensjoni għas-snin ta’ servizz kklassifikata mill-ġdid li għandhom dritt għall-ħlas tal-imsemmija pensjoni f’Diċembru tas-sena ċivili u li jirrisjedu fit-territorju tar-Repubblika Slovakka għandhom jirċievu mid-dipartiment tal-assigurazzjoni soċjali tal-ministeru tal-intern, mill-ministeru tal-ġustizzja, mid-dipartiment tal-informazzjoni, mill-uffiċċju tas-sigurtà nazzjonali, mill-ministeru tat-trasport, tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet, mill-ministeru tal-finanzi u mill-Uffiċċju militari tas-sigurtà soċjali (iktar ’il quddiem, l-‘awtoritajiet’) bonus tal-Milied li jikkostitwixxi benefiċċju soċjali mill-Istat, sa fejn l-ammont tal-pensjoni mħallas f’Diċembru tas-sena ċivili ma jkunx jeċċedi l-ammont ikkalkulat skont il-paragrafu 1. [...] 5) Il-benefiċjarji ta’ pensjoni tax-xjuħija jew ta’ pensjoni tal-invalidità li jirċievu simultanjament pensjoni soċjali għandhom jirċievu l-bonus tal-Milied darba biss imsemmi fil-paragrafu 1, sa fejn it-total tal-ammonti tal-pensjoni tax-xjuħija u tal-pensjoni soċjali, jew tal-pensjoni tal-invalidità u tal-pensjoni soċjali, imħallsa f’Diċembru tas-sena ċivili ma jeċċedix l-ammont ikkalkulat skont il-paragrafu 1. Il-benefiċjarji ta’ pensjoni tax-xjuħija, ta’ pensjoni antiċipata tax-xjuħija, ta’ pensjoni tal-invalidità, ta’ pensjoni soċjali, ta’ pensjoni tal-irtitar minn korp militari u tal-pulizija jew ta’ pensjoni tal-invalidità tal-korp militari jew tal-pulizija msemmija fil-paragrafi 1 sa 3, li jirċievu simultanjament pensjoni tar-romol, pensjoni tal-orfni, pensjoni tar-romol mill-korp militari u tal-pulizija jew pensjoni tal-orfni mill-korp militari u tal-pulizija għandhom jirċievu il-bonus tal-Milied sa fejn it-total tal-ammonti tal-pensjonijiet imħallas f’Diċembru għas-sena ċivili ma jeċċedix l-ammont ikkalkulat skont il-paragrafu 1. Jekk il-benefiċjarji ta’ pensjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 jirċievu pensjoni simultanjament mill-assigurazzjoni soċjali u mill-awtoritajiet u sa fejn is-somma ta’ dawn il-pensjonijiet imħallsa f’Diċembru tas-sena ċivili ma jeċċedux l-ammont ikkalkulat skont il-paragrafu 1, il-bonus tal-Milied għandu jiżdied mal-pensjoni li l-ammont tagħha huwa l-għola. [...] 8) L-ammont tal-bonus tal-Milied
|
8 |
Il-formula inkluża fl-Anness tal-Liġi Nru 592/2006 tipprevedi li, sa fejn l-ammont tal-pensjoni jew it-total tal-ammonti tal-pensjonijiet jeċċedi d-dħul minimu għall-għajxien ta’ persuna anzjana, l-ammont tal-bonus tal-Milied għandu jitnaqqas progressivament. |
Il-proċedura prekontenzjuża
9 |
Wara li rċeviet ilment minn diversi rtirati Slovakki u wara li kkomunikat dwar dan is-suġġett mar-Repubblika Slovakka, il-Kummissjoni, fit-28 ta’ Frar 2012, bagħtet lil dan l-Istat Membru ittra ta’ intimazzjoni, fejn sostniet li l-bonus tal-Milied previst mil-Liġi Nru 592/2006 kellu jiġi kkunsidrat bħala “benefiċċju” fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004. Konsegwentement, skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, il-ħlas tiegħu ma setax ikun issuġġettat għall-post ta’ residenza tal-benefiċjarju. |
10 |
Ir-Repubblika Slovakka wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittra tas-17 ta’ April 2012, billi sostniet li l-bonus tal-Milied huwa benefiċċju soċjali tal-Istat speċifiku li għandu karatteristiċi ta’ benefiċċji speċjali f’dan il-każ ta’ natura mhux kontributorji msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004 u li, konsegwentement, id-dritt li jirregola l-għoti ta’ dan il-bonus tal-Milied la jikser l-imsemmi regolament u lanqas l-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE. |
11 |
Billi ma kinitx issodisfatta bil-ġustifikazzjonijiet ippreżentati mir-Repubblika Slovakka, il-Kummissjoni, fit-22 ta’ Novembru 2012, bagħtet opinjoni motivata li biha stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu magħha fi żmien xahrejn minn meta jirċeviha. F’din l-opinjoni, il-Kummissjoni sostniet li l-bonus tal-Milied għandu jiġi kkunsidrat bħala “benefiċċju tax-xjuħija” fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004 u mhux “benefiċċju speċjali f’dan il-każ ta’ natura mhux kontributorja” fis-sens tal-Artikolu 70(2) tal-imsemmi regolament u li r-Repubblika Slovakka għandha, għaldaqstant, tħallas din il-kontribuzzjoni wkoll lill-benefiċjarji li ma jirrisjedux fit-territorju Slovakk. |
12 |
Ir-Repubblika Slovakka wieġbet għal din l-opinjoni motivata permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Jannar 2013, billi sostniet li l-bonus tal-Milied jikkostitwixxi benefiċċju ta’ assistenza soċjali li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004. |
13 |
Peress li ma kinitx konvinta mill-argumenti tar-Repubblika Slovakka, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors. |
Fuq ir-rikors
Fuq il-portata tar-rikors
L-argumenti tal-partijiet
14 |
Ir-Repubblika Slovakka ssostni, kemm fir-risposta tagħha kif ukoll fir-replika, fl-ewwel lok, li, sa fejn ir-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq id-dikjarazzjoni li l-bonus tal-Milied huwa “benefiċċju tax-xjuħija” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004, dan ma jista’ jindirizza l-ebda rifjut tal-għoti tal-imsemmi bonus lil benefiċjarji tal-pensjonijiet li jkopru riskji oħra minbarra dak tat-telf ta’ dħul minħabba l-eta’, bħall-pensjoni tal-invalidità, il-pensjoni tar-romol, il-pensjoni tal-orfni jew il-pensjoni soċjali, li ma jkunux jirrisjedu fis-Slovakkja. |
15 |
Konsegwentement, ir-Repubblika tas-Slovakkja tikkunsidra li, bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tallega biss ir-rifjut tal-għoti tal-bonus tal-Milied lill-benefiċjarji ta’ pensjoni tax-xjuħija, ta’ pensjoni antiċipata tax-xjuħija jew ta’ pensjoni tal-irtirar minn korp militari u tal-pulizija li ma jirrisjedux fis-Slovakkja. |
16 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tippreżenta l-ebda osservazzjoni. |
17 |
Fit-tieni lok, ir-Repubblika tas-Slovakkja ssostni li r-rikors huma inammissibbli fir-rigward tal-ksur allegat tal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE, sa fejn ir-rikors ma jinkludi ebda motivazzjoni b’mod konformi mal-Artikolu 120(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ksur allegat tal-imsemmija artikoli. |
18 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika fir-replika tagħha li l-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE kif ukoll ir-Regolament Nru 883/2004 jifformaw kwadru legali uniku, idoenu f’dan il-każ, u li, billi ma ħallsitx il-bonus tal-Milied lill-benefiċjarji li jirrisjedu barra t-territorju tagħha, ir-Repubblika Slovakka kisret kemm ir-Regolament Nru 883/2004, kemm il-prinċipju tal-esportabbiltà tal-benefiċċji ddikjarati fl-Artikolu 48 TFUE kif ukoll id-dritt għall-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-Unjoni sanċit fl-Artikolu 45 TFUE. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
19 |
Jeħtieġ li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, sabiex jiġu evalwati l-effetti li, fid-dawl taċ-ċirku ta’ benefiċjarji tal-bonus tal-Milied, jirriżultaw mid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-bonus tal-Milied huwa benefiċċju tax-xjuħija, jeħtieġ li titwettaq il-klassifikazzjoni tal-bonus tal-Milied fir-rigward tar-Regolament Nru 883/2004, u b’mod partikolari tal-Artikolu 3(1)(d) ta’ dan tal-aħħar, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
20 |
Tali evalwazzjoni tikkostitwixxi kwistjoni marbuta mal-mertu u għandha titwettaq waqt l-eżami tal-fondatezza tar-rikors. |
21 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 120(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza relatata ma’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll sunt tal-motivi, u li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess, u li t-talbiet ta’ din tal-aħħar għandhom ikunu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑343/08, EU:C:2010:14, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑360/11, EU:C:2013:17, punt 26). |
22 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-Kummissjoni tindika, fir-rikors tagħha, li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004, li ġie allegat li nkiser mir-Repubblika Slovakka, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 48 TFUE, ir-rikors ma jinkludi l-ebda argument speċifikament insostenn tal-ilmenti marbuta mal-ksur allegat tal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE. |
23 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ilmenti marbuta mal-ksur tal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE għandhom jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli u jeħtieġ li tiġi evalwata l-fondatezza tar-rikors tal-Kummissjoni sempliċiment fid-dawl tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004. |
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
24 |
Il-Kummissjoni tiddikjara li l-bonus tal-Milied huwa “benefiċċju tax-xjuħija” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004 u għandu, għaldaqstant, jitħallas ukoll lill-benefiċjarji li ma jirrisjedux fis-Slovakkja. Billi tipprevedi li huma biss il-benefiċjarji li jirrisjedu f’dak l-Istat Membru li jistgħu jirċievu dan il-bonus, ir-Repubblika tas-Slovakka tikser l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004. |
25 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-bonus tal-Milied jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet iddefiniti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippermetti li benefiċċju partikolari jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004. |
26 |
Għalhekk, fl-ewwel lok, il-bonus tal-Milied jingħata lill-benefiċjarji indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, abbażi ta’ sitwazzjoni ddefinita. Fil-fatt, il-bonus tal-Milied jingħata lill-persuni kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri li jkollhom dritt għal wieħed mit-tipi ta’ pensjonijiet iddefiniti mil-liġi u jirċievu, abbażi tal-pensjonijiet imħallsa fix-xahar ta’ Diċembru tas-sena ċivili dħul li l-ammont tiegħu ma jeċċedix 60 % tas-salarju mensili medju fis-Slovakkja. Dawn il-kundizzjonijiet huma ta’ natura ġenerali u vinkolanti u ma jittollerawx la trattament individwali u lanqas evalwazzjoni diskrezzjonali min-naħa tal-awtoritajiet Slovakki. |
27 |
Fit-tieni lok, il-bonus tal-Milied huwa marbut mal-kategoriji ta’ riskju msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004. B’mod konkret, l-Artikolu 3(1)(d) ta’ dan ir-regolament jelenka l-benefiċċji tax-xjuħija bħala li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament Nru 883/2004. Dan tal-aħħar jikkorrispondi għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi Nru 592/2006, li jipprovdi li l-bonus tal-Milied jingħata lill-benefiċjarji ta’ pensjoni tax-xjuħija jew ta’ pensjoni antiċipata tax-xjuħija, ta’ pensjoni tal-invalidità, ta’ pensjoni tar-romol jew ta’ pensjoni tal-orfni, jew anki ta’ pensjoni soċjali. |
28 |
Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li l-bonus tal-Milied ma jippermettix bħala tali li jiġu koperti l-bżonnijiet bażiċi tal-benefiċjarju ma topponix il-klassifikazzjoni tiegħu bħala “benefiċċju tax-xjuħija”, peress li dan jieħu l-forma ta’ “żieda tad-dħul tal-pensjonanti” fis-sens tal-Artikolu 1(w) tar-Regolament Nru 883/2004. |
29 |
Il-finalità tal-bonus tal-Milied huwa żieda tad-dħul tal-benefiċjarji ta’ pensjoni, fatt li jikkonferma l-klassifikazzjoni tiegħu fost il-benefiċċji tax-xjuħija msemmija fl-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004 u fost il-benefiċċji rregolati, b’mod partikolari, mill-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. |
30 |
F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-bonus tal-Milied ma huwiex iffinanzjat bl-istess mod bħall-pensjoni nnifisha, peress li tali rekwiżit huwa kuntrarju għall-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 883/2004, idgħajjef b’mod kunsiderevoli l-effett utli tal-imsemmi regolament u lanqas ma jista’ jiġi dedott mis-sentenza Noteboom (C‑101/04, EU:C:2005:51, punt 27) peress li l-użu tat-terminu adverbjali “addizzjonalment” sabiex jiġi indikat il-metodu ta’ finanzjament adegwat tal-benefiċċji kkonċernati juri li dan l-element ma kienx indispensabbli għall-argument tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
31 |
Iċ-ċirkustanza li s-suġġett fil-kawża li tat lok għas-sentenza Noteboom (C‑101/04, EU:C:2005:51), kien benefiċċju ta’ natura kontributorja mħallas lil persuni ntitolati għal pensjoni ma tnaqqasx mir-rilevanza tal-imsemmija sentenza għal kawża odjerna. Il-fatt li l-bonus tal-Milied jitħallas biss lil ċertu ċirku ta’ persuni ntitolati għall-pensjoni tkun rilevanti biss kieku l-appartenenza fl-imsemmi ċirku kienet tiddependi fuq evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali, li ma huwiex il-każ peress li l-bonus jitħallas lil kull persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi. |
32 |
Bħala benefiċċju tax-xjuħija, il-bonus tal-Milied huwa, għaldaqstant, previst mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004. Dan l-artikolum, li għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 48 TFUE jobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw li l-benefiċċji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ma jiġux suġġetti għal xi “riduzzjoni, bidla, sospensjoni, waqfa jew sekwestru minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jew il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha jkollhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor u mhux fl-Istat Membru fejn tinstab l-istituzzjoni responsabbli għall-għoti ta’ benefiċċji”. Minn dan l-artikolu jirriżulta li l-eċċezzjonijiet għal din ir-regola għandhom jkunu previsti mill-imsemmi regolament innifsu. Għaldaqstant, ir-Repubblika Slovakka ma tistax tirrifjuta l-ħlas ta’ bonus tal-Milied lil persuni li jirrisjedu barra t-territorju Slovakk, peress li la r-Regolament Nru 883/2004 u l-ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni ma jagħtuha din il-possibbiltà. |
33 |
Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li l-bonus tal-Milied ma jikkostitwixxix “benefiċċju speċjali f’dan il-każ ta’ natura mhux kontributorja” fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, sa fejn dan huwa “benefiċċju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament. |
34 |
Ir-Repubblika Slovakka tiddikjara, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li l-bonus tal-Milied ma huwiex “benefiċċju speċjali f’dan il-każ ta’ natura mhux kontributorja”, fis-sens tal-Artikoli 3(3) u 70 tar-Regolament Nru 883/2004. |
35 |
Madankollu, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni l-Kummissjoni, skont dak l-Istat Membru, il-bonus tal-Milied ma jaqax taħt ir-Regolament Nru 883/2004, peress li dan jissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiġi kklassifikat bħala “benefiċċju ta’ għajnuna soċjali”, espressament eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004. |
36 |
Fil-fatt, il-bonus tal-Milied ma għandux l-għan sempliċiment li jżid id-dħul tal-persuni eliġibbli għalihom, iżda li jtaffi s-sitwazzjoni soċjali diffiċli tal-persuni eliġibbli bi dħul baxx, billi jagħmel distinzjoni skont l-ammont tad-dħul tagħhom. Bħala benefiċċju soċjali speċjali li ma huwiex iffinanzjat sistematikament minn riżorsi meħuda mill-baġit tal-Istat, dan il-bonus jikkostitwixxi ġest ta’ solidarità min-naħa tas-soċjetà kollha fir-rigward ta’ grupp ta’ persuni eliġibbli bi dħul baxx, bil-għan li dawn jiġu żgurati dħul minimu matul perijodu li fih huma jistgħu jħossu personalment it-toqol ekonomiku u soċjali tad-dħul baxx tagħhom. |
37 |
L-għoti u l-kalkolu tal-ammont tal-bonus tal-Milied jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tal-benefiċjarju, peress li l-bonus jingħata biss lill-persuni eliġibbli għalih li jirċievu dħul totali li ma jeċċedix 60 % tas-salarju mensili medju fis-Slovakkja, u l-ammont tiegħu jitnaqqas progressivament sa fejn it-total tal-benefiċċji tagħhom jissupera d-dħul minimu għall-għajxien ta’ persuna fiżika anzjana f’dan l-Istat Membru. |
38 |
Fid-dawl tan-natura unika u dgħajfa ta’ dan il-bonus, il-kunsiderazzjoni iktar fid-dettall tas-sitwazzjoni individwali ta’ kull benefiċjarju, inkluża d-determinazzjoni tal-ammont preċiż tal-patrimonju tiegħu u ta’ dħul ieħor tiegħu, ikun jirrappreżenta oneru amministrattiv sproporzjonat għall-assigurazzjoni soċjali li tħallas il-bonus tal-Milied. |
39 |
L-għoti u l-ammont tal-bonus tal-Milied huma indipendenti mill-perijodi ta’ impjieg, ta’ affiljazzjoni jew ta’ kontribuzzjoni tal-benefiċjarji. Issa, il-modalitajiet ta’ finanzjament mhux kontributorji tal-bonus tal-Milied, minkejja li ma humiex fihom nfushom determinanti sabiex jiġi stabbilit jekk hijiex kwistjoni ta’ benefiċċju soċjali jew le, meħuda flimkien mal-għan u l-kundizzjonijiet tal-għoti jikkonfermaw in-natura ta’ benefiċċju ta’ għajnuna soċjali ta’ dan il-bonus. |
40 |
Fl-aħħar, il-bonus tal-Milied ma jissodisfa l-ebda waħda miż-żewġ kundizzjonijiet sabiex jiġi kklassifikat bħala “benefiċċju tas-sigurtà soċjali” li jaqa’ taħt ir-Regolament Nru 883/2004, sa fejn il-benefiċjarji ma għandhom l-ebda dritt legali għal dan il-bonus u sa fejn dan tal-aħħar ma huwiex marbut mal-kategoriji tar-riskji msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004. |
41 |
Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, ir-Repubblika Slovakka ssostni li l-bonus tal-milied la huwa “benefiċċju tax-xjuħija” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004, u lanqas “pensjoni” bħala tali fis-sens tal-Artikolu 1(w) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, ħlief f’dak li jirrigwarda l-ammont dgħajjef u n-natura unika ta’ dan il-bonus, il-finalità ta’ dan tal-aħħar ma hijiex li jiżgura mezzi suffiċjenti sabiex jiġu koperti l-bżonnijiet tal-għajxien tal-persuni li, wara li jkunu leħqu l-età tal-pensjoni, ikunu rtiraw mix-xogħol tagħhom. |
42 |
Il-bonus tal-Milied lanqas ma jikkorrispondi ma’ xi wieħed mill-benefiċċju speċifiċi l-oħra msemmija fl-Artikolu 1(w) tar-Regolament Nru 883/2004, li għandhom jiġi kklassifikati bħala “pensjonijiet” u lanqas, b’mod partikolari, ma’ allowance addizzjonali, peress li l-bonus tal-Milied huwa ffinanzjat b’mod mhux kontributorju, direttament mill-Istat Membru u b’mod totalment indipendenti mill-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni fuq benefiċċji oħra mħallsa mill-uffiċċju tas-sigurtà soċjali. |
43 |
Fi kwalunkwe każ, ir-rifjut tan-natura esportabbli tal-benefiċċju inkwistjoni ma huwiex arbitrarju, iżda jirriżulta miċ-ċirkustanzi marbuta mas-sitwazzjoni speċifika fis-Slovakkja. Dawn iċ-ċirkustanzi jirriflettu ruħhom fil-kundizzjonijiet tal-għoti tal-bonus tal-Milied u fil-kalkolu tal-ammont tiegħu permezz tal-parametri marbuta mas-salarju medju u d-dħul minimu għall-għajxien fis-Slovakkja. In-natura esportabbli ta’ tali benefiċċju tikkontradixxi kompletament ir-rabta tiegħu mas-sitwazzjoni soċjali interna. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
44 |
Jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza tal-allegat nuqqas. Hija l-Kummissjoni li, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni, għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, 96/81, EU:C:1982:192, punt 6; Il-Kummissjoni vs Spanja, C-404/00, EU:C:2003:373, punt 26, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-135/05, EU:C:2007:250, punt 26; u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-305/06, EU:C:2008:486, punt 41). |
45 |
F’dan il-każ, bil-għan li tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan ir-rikors, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-bonus tal-Milied jikkostitwixxix “benefiċċju tas-sigurtà soċjali” fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004, li għalih tapplika d-deroga tal-klawżoli ta’ residenza prevista fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. |
46 |
Jeħtieġ li jitfakkar li d-distinzjoni bejn il-benefiċċji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u dawk li huma esklużi minnu ma hijiex ibbażata fuq il-fatt li benefiċċju huwa kklassifikat jew le bħala “benefiċċju tas-sigurtà soċjali” minn leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda essenzjalment fuq l-elementi kostituttivi ta’ kull benefiċċju, b’mod partikolari l-finalitajiet tagħha u l-kundizzjonijiet tal-għoti tagħha (sentenza Molenaar, C‑160/96, EU:C:1998:84, punt 19). |
47 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, benefiċċju jista’ jitqies li huwa benefiċċju tas-sigurtà soċjali fil-każ fejn huwa jingħata lill-benefiċjarji indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita, u fejn huwa relatat ma’ wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 (ara, b’mod partikolari, is-sentenza da Silva Martins, C‑388/09, EU:C:2011:439, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
Mid-dispożizzjonijiet marbuta mal-għoti tal-bonus tal-Milied jirriżulta, qabel xejn, li dan tal-aħħar jingħata lil persuni eliġibbli għal wieħed mit-tipi ta’ pensjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) u (2) tal-liġi Nru 592/2006, li għandhom dritt għall-ħlas tal-imsemmija pensjoni fix-xahar ta’ Diċembru tas-sena ċivili inkwistjoni, li jirrisjedu fis-Slovakkja u li l-ammont tad-dħul tagħhom tal-pensjoni legali huwa ma jeċċedix jew jekwivali għal 60 % tas-salarju mensili medju fis-Slovakkja matul il-perijodu ta’ riferiment. |
49 |
Sussegwentement, l-Artikolu 1(5) tal-liġi Nru 592/2006 jistabbilixxi r-regoli li skonthom il-persuni li jibbenefikaw minn diversi pensjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu 1, jistgħu jibbenefikaw mill-bonus tal-Milied. |
50 |
Fl-aħħar l-Artikolu 1(8) tal-liġi Nru 592/2006 kif ukoll l-anness ta’ din il-liġi jistabbilixxu r-regoli li abbażi tagħhom għandu jiġi kkalkulat l-ammont tal-bonus. |
51 |
Isegwi li, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni marbuta mal-għoti tal-benefiċċju indipendentement minn kull evalwazzjoni diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, l-għoti tal-bonus tal-Milied huwa suġġett għall-kundizzjonijiet iddikjarati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 tal-liġi Nru 592/2006, b’mod li l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ dan l-għoti. |
52 |
Ċertament il-bonus tal-Milied jingħata jew jiġi miċħud u l-ammont tiegħu jiġi kkalkulat b’kunsiderazzjoni tal-ammont tad-dħul tal-pensjonijiet tal-benefiċjarju. Madankollu, dan huwa kriterju oġġettiv u ddefinit legalment li jiftaħ id-dritt għal dan il-bonus b’tali mod li l-awtorità kompetenti ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra. Għaldaqstant, l-għoti tal-bonus tal-Milied ma jiddependix fuq evalwazzjoni individwali tal-bżonnijiet personali tal-applikant, li hija karatteristika tal-assistenza soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hughes, C-78/91, EU:C:1992:331, punt 17; Sentenzi Maruko (C-66/92, EU:C:1993:341, punt 15) u Römer (C-406/04, EU:C:2006:491, punt 23). Acciardi, C-66/92, EU:C:1993:341, punt 15, u De Cuyper, C-406/04, EU:C:2006:491, punt 23). |
53 |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-Kummissjoni, il-bonus tal-Milied għandu jiġi kklassifikat bħala “benefiċċju tax-xjuħija” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004 u jieħu l-forma ta’ “żieda tad-dħul tal-pensjonanti” fis-sens tal-Artikolu 1(w) ta’ dan ir-Regolament. |
54 |
Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk il-bonus tal-Milied jistax jiġi kklassifikat bħala “benefiċċju tax-xjuħija” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004, jeħtieġ għalhekk li jiġu evalwati l-elementi li jikkostitwixxu dan il-bonus, b’mod partikolari l-finalità tiegħu u l-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu. |
55 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-benefiċċji tax-xjuħija msemmija fl-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004, huma kkaratterizzati essenzjalment mill-fatt li dawn huma intiżi li jiżguraw il-mezzi tal-għajxien tal-persuni li, meta jilħqu ċerta età, jirtiraw mix-xogħol u ma jibqgħux obbligati li jirrendu ruħhom disponibbli għall-awtorità tal-impjieg (ara s-sentenza Valentini, 171/82, EU:C:1983:189, punt 14). |
56 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tista’ tiġi kklassifikata bħala “benefiċċju tax-xjuħija” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004, imħallsa bħala allowance addizzjonali, b’mod partikolari allowance li titħallas esklużivament lill-benefiċjarji ta’ pensjoni tal-irtirar jew tas-superstiti, li s-sorsi ta’ finanzjament tagħha jkunu l-istess bħal dawk previsti għall-finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar u tas-superstiti u li jakkumpanjaw il-pensjoni tal-irtirar, billi tippermetti lill-benefiċjarji li jissusidjaw il-bżonnijiet tagħhom billi tiggarantilhom għajnuna finanzjarja li tippermettilhom possibbilment li jieħdu xi btala (sentenza Noteboom, C‑101/04, EU:C:2005:51, punti 25 sa 29). |
57 |
F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-bonus tal-Milied ma jitħallasx esklużivament lill-benefiċjarji ta’ pensjoni tax-xjuħija, ta’ pensjoni antiċipata tax-xjuħija jew ta’ pensjoni tal-irtirar tal-korp militari jew tal-pulizija, iżda ċ-ċirku tal-benefiċjarji tiegħu jinkludi wkoll il-benefiċjarji ta’ tipi oħra ta’ pensjonijiet, b’mod partikolari ta’ pensjoni tal-invalidità, ta’ pensjoni soċjali, ta’ pensjoni tar-romol jew ta’ pensjoni tal-orfni. |
58 |
Issa, il-Kummissjoni ma tindikax ir-raġunijiet li abbażi tagħhom, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni personali ddefinit b’mod pjuttost estensiv, hija tikkunsidra li l-bonus tal-Milied għandu jiġi kklassifikat bħala “benefiċċju tax-xjuħija” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004. |
59 |
Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-finalità tal-bonus tal-Milied hija li jipprovdi għajnuna finanzjarja lill-benefiċjarji ta’ dawn il-pensjonijiet legali differenti li d-dħul tagħhom ma jeċċedix il-limitu ddefinit mil-liġi. |
60 |
Sa fejn il-bonus tal-Milied jitħallas lill-benefiċjarji tal-pensjonijiet tal-irtirar jew tal-pensjonijiet assimilati mal-pensjonijiet tal-irtirar, dan il-bonus għandu l-effett li jikkompleta l-mezzi tal-għajxien tal-persuni li jkunu laħqu ċerta età. Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat madankollu li l-finalità tal-bonus tal-Milied tiddependi fuq it-tip ta’ pensjoni li dan ikun intiż li jikkompleta. |
61 |
Fil-fatt, minn naħa, kif issostni r-Repubblika Slovakka, l-għajnuna finanzjarja, imħallsa fil-forma ta’ bonus tal-Milied, għandha l-għan li ttaffi s-sitwazzjoni soċjali diffiċli tal-persuni eliġibbli bi dħul baxx matul perijodu li fih huma jistgħu jħossu personalment it-toqol ekonomiku u soċjali tad-dħul baxx tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-finalità propja tal-bonus tal-Milied tirriżulta wkoll mir-regoli previsti fl-Artikolu 1(5) tal-Liġi Nru 592/2006 marbut mal-ġbir ta’ dan il-bonus meta l-benefiċjarju ikun jirċievi diversi pensjonijiet. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta, essenzjalment, li l-benefiċjarji ta’ diversi pensjonijiet legali jirċievu l-bonus tal-Milied darba biss u sakemm it-total tal-ammonti tal-pensjonijiet ma jeċċedix il-limitu stabbilit. |
62 |
Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-elementi li jikkostitwixxu l-bonus tal-Milied jippermettu li dan tal-aħħar jiġi kklassifikat bħala “benefiċċju tax-xjuħija” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004. |
63 |
Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
64 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-Repubblika Slovakka. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.