EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0242

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-17 ta’ Settembru 2014.
Commerz Nederland NV vs Havenbedrijf Rotterdam NV.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Kunċett ta’ ‘għajnuna’ – Garanziji mogħtija minn impriża pubblika lil bank sabiex jagħti kreditu lil persuni li qiegħdin jissellfu – Garanziji mogħtija deliberatament mid-direttur ta’ din l-impriża pubblika bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-istatut tagħha – Preżunzjoni ta’ oppożizzjoni mill-entità pubblika proprjetarja tal-imsemmija impriża – Imputabbiltà tal-garanziji lill-Istat.
Kawża C‑242/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2224

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

17 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kompetizzjoni — Għajnuna mill-Istat — Artikolu 107(1) TFUE — Kunċett ta’ “għajnuna” — Garanziji mogħtija minn impriża pubblika lil bank sabiex jagħti kreditu lil persuni li qiegħdin jissellfu — Garanziji mogħtija deliberatament mid-direttur ta’ din l-impriża pubblika bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-istatut tagħha — Preżunzjoni ta’ oppożizzjoni mill-entità pubblika proprjetarja tal-imsemmija impriża — Imputabbiltà tal-garanziji lill-Istat”

Fil-Kawża C‑242/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ April 2013, fil-proċedura

Commerz Nederland NV

vs

Havenbedrijf Rotterdam NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Marzu 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Commerz Nederland NV, minn R. Wesseling, avukat,

għal Havenbedrijf Rotterdam NV, minn E. Pijnacker Hordijk u A. Kleinhout, avukat,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort u M. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P.-J. Loewenthal u S. Noë, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Commerz Nederland NV (iktar ’il quddiem “Commerz Nederland”) u Havenbedrijf Rotterdam NV (iktar ’il quddiem “Havenbedrijf Rotterdam”), impriża portwarja li hija fl-intier tagħha l-proprjetà tal-Komun ta’ Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), rigward, b’mod partikolari, il-validità ta’ garanziji mogħtija f’isem Havenbedrijf Rotterdam, bi ksur tal-istatuti ta’ din l-impriża, mill-amministratur waħdieni tagħha, lil Commerz Nederland, sabiex din tal-aħħar tqiegħed linja ta’ kreditu għad-dispożizzjoni ta’ persuni terzi li qegħdin jissellfu.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

3

Permezz ta’ kuntratt tal-5 ta’ Novembru 2003, Commerz Nederland qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ RDM Vehicles BV (iktar ’il quddiem “RDM Vehicles”) linja ta’ kreditu li tammonta għal EUR 25 miljun intiżi għall-finanzjament tal-produzzjoni ta’ vettura blindata. Fl-istess ġurnata, id-direttur ta’ Gemeentelijk Havenbedrijf Rotterdam (iktar ’il quddiem “GHR”), impriża portwarja li tikkostitwixxi servizz tal-Komun ta’ Rotterdam, ta garanzija li permezz tagħha GHR ikkostitwiet ruħha bħala garanti għall-ħlas fir-rigward ta’ Commerz Nederland għat-twettiq min-naħa ta’ RDM Vehicles tal-obbligi tagħha abbażi tal-kreditu mogħti.

4

Fl-1 ta’ Jannar 2004, l-operat portwali ġie integrat f’Havenbedrijf Rotterdam, li tagħha l-Komun ta’ Rotterdam kien, fid-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, l-uniku azzjonarju.

5

Fl-4 ta’ Ġunju 2004, l-ex direttur ta’ GHR u l-amministratur waħdieni ta’ Havenbedrijf Rotterdam ta, f’isem din tal-aħħar, garanzija lil Commerz Nederland, fir-rigward tal-kreditu mogħti lil RDM Vehicules. Inkambju ta’ dan l-għoti, Commerz Nederland irrinunzjat għad-drittijiet li hija kellha taħt il-garanzija mogħtija minn GHR.

6

Commerz Nederland irċeviet opinjonijiet ġuridiċi, fl-10 ta’ Novembru 2003 u fl-4 ta’ Ġunju 2004, mingħand uffiċċju ta’ avukati, li kienu jipprovdu li l-garanziji mogħtija f’isem GHR u Havenbedrijf Rotterdam, fir-rigward tal-kreditu mogħti lil RDM Vehicules, kienu jikkostitwixxu “obbligi validi, vinkolanti u li jistgħu jiġu eżegwiti” fir-rigward tal-garanti.

7

Permezz ta’ kuntratti tas-27 ta’ Frar 2004, Commerz Nederland qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ RDM Finance I BV (iktar ’il quddiem “RDM Finance I”) u ta’ RDM Finance II BV (iktar ’il quddiem “RDM Finance II”) linji ta’ kreditu ta’ rispettivament EUR 7.2 miljun u ta’ EUR 6.4 miljun, intiżi għal finanzjament ta’ materjali militari ordnati mingħand RDM Technology BV.

8

Fit-2 ta’ Marzu 2004, l-amministratur ta’ Havenbedrijf Rotterdam ta garanziji li permezz tagħhom din il-kumpannija kienet qegħda tiggarantixxi, fir-rigward ta’ Commerz Nederland, it-twettiq tal-obbligi ta’ RDM Finance I u ta’ RDM Finance II, fir-rigward tal-kreditu mogħti lil dawn iż-żewġ kumpanniji tal-aħħar.

9

Fit-3 ta’ Marzu 2004, l-uffiċċju ta’ avukati msemmi fil-punt 6 ta’ din is-sentenza ta lil Commerz Nederland “opinjoni ġuridika” li hija paragunabbli għal dawk imsemmija fil-punt 6 ta’ din is-sentenza.

10

Permezz ta’ ittri tad-29 ta’ April 2004, Commerz Nederland waqfet il-faċilità ta’ kreditu mogħtija lil RDM Finance I u lil RDM Finance II u talbet ir-rimbors tal-bilanċ dovut. Fl-assenza ta’ pagament, Commerz Nederland talbet lil Havenbedrijf Rotterdam sabiex tagħtiha, skont il-garanziji mogħtija, l-ammont ta’ EUR 4 869 00 u ta’ EUR 14 538 24 rispettivament, flimkien mal-ammont ta’ dejn anċillari. Havenbedrijf Rotterdam ma laqgħetx din it-talba.

11

Permezz tal-ittra ta’ 20 ta’ Awwissu 2004, Commerz Nederland waqfet il-faċilità ta’ kreditu mogħtija lil RDM Vehicules u talbet il-pagament tal-bilanċ li kien dovut. Minħabba l-fatt li ma sar l-ebda pagament, Commerz Nederland talbet lil Havenbedrijf Rotterdam sabiex tħallasha, skont il-garanziji mogħtija, l-ammont ta’ EUR 19 843 541 80, flimkien mal-ammonti ta’ dejn anċillari. Havenbedrijf Rotterdam lanqas ma laqgħet din it-talba.

12

Fl-20 ta’ Diċembru 2004, Commerz Nederland ippreżentat rikors kontra Havenbedrijf Rotterdam quddiem ir-Rechtbank Rotterdam, li permezz tiegħu hija talbet il-ħlas tal-ammont dovut bis-saħħa tal-garanzija mogħtija minn Havenbedrijf Rotterdam għall-finijiet tal-għoti ta’ kreditu lil RDM Vehicules. Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Jannar 2007, dik il-qorti ċaħdet dan ir-rikors minħabba l-fatt li din il-garanzija kienet tikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li kellha tiġi informata biha l-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, u li, konsegwentement, l-imsemmija garanzija kienet nulla, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3:40 tal-Kodiċi Ċivili Olandiż.

13

Commerz Nederland appellat minn din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof ’s-Gravenhage u kkompletat it-talbiet tagħha billi talbet ukoll sabiex Havenbedrijf Rotterdam tiġi kkundannata tħallas l-ammonti dovuti minħabba fil-garanziji mogħtija minn din l-aħħar kumpannija għall-finijiet tal-għoti tal-faċilità ta’ kreditu lil RDM Finance I u lil RDM Finance II. Permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Frar 2011, din il-qorti kkonfermat is-sentenza tar-Rechtbank Rotterdam u ċaħdet it-talbiet ta’ Commerz Nederland, kif kienu ġew emendati fl-istadju tal-appell.

14

F’mod partikolari, il-Gerechtshof ’s-Gravenhage kkunsidrat li l-eżami tal-fatti fir-rigward tal-kriterji stabbiliti fis-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294) kien iwassal għall-konklużjoni li l-għoti tal-garanziji inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellu jiġi imputat lill-awtoritajiet pubbliċi Olandiżi.

15

F’dan ir-rigward, il-Gerechtshof ’s-Gravenhage sostniet l-argument tagħha abbażi taċ-ċirkustanzi li l-Komun ta’ Rotterdam kellu l-ishma kollha ta’ Havenbedrijf Rotterdam, li l-membri tat-tmexxija u tal-kunsill ta’ sorveljanza ta’ din l-impriża huma nnominati mill-assemblea ġenerali tal-azzjonisti u għalhekk minn dan il-Komun, li l-membru tal-kunsill responsabbli għall-port jippresjedi l-kunsill ta’ sorveljanza, li l-istatuti ta’ Havenbedrijf Rotterdam jeħtieġu l-approvazzjoni tal-kunsill ta’ sorveljanza għall-għoti ta’ garanziji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li l-iskop mogħti lil Havenbedrijf Rotterdam mill-istatuti tagħha ma kienx komparabbli ma’ dak ta’ sempliċi impriża kummerċjali, fid-dawl tal-importanza mogħtija lill-interess ġenerali.

16

Minn dan l-imsemmija qorti tal-appell ikkonkludiet li l-Komun ta’ Rotterdam jeżerċita, fil-fatt, influwenza qawwija fuq Havenbedrijf Rotterdam u li, għaldaqstant, il-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali huwa differenti minn dak tal-kawża li wasslet għas-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294). Din il-konklużjoni ma hijiex influwenzata mill-fatt li l-amministratur ta’ Havenbedrijf Rotterdam aġixxa b’mod arbitrarju, meta żamm deliberatament sigrieti l-garanziji mogħtija u meta naqas milli jitlob l-approvazzjoni tal-kunsill ta’ sorveljanza ta’ din l-impriża.

17

Barra minn hekk, il-Gerechtshof ’s-Gravenhage ma laqgħatx l-argument ta’ Commerz Nederland li l-garanziji inkwistjoni ma kienu jagħtu vantaġġi la lil RDM Vehicles, la lil RDM Finance I u lanqas lil RDM Finance II, peress li dawn kienu ngħataw bis-saħħa ta’ kuntratt konkluż bejn RDM Holding NV u GHR fit-28 ta’ Diċembru 2002, li permezz tiegħu RDM Holding NV kienet obbligat ruħha li ma tittrasferixxix teknoloġija rigward is-sottomarini lit-Tajwan, inkambju għall-għoti, minn GHR, ta’ garanziji lill-kredituri tal-kumpanniji tal-grupp RDM, għal ammont minimu ta’ EUR 100 miljun (iktar ’il quddiem il-“kuntratt dwar is-sottomarini”). Fil-fatt, dan l-impenn preċedenti ma jeliminax in-natura ta’ “vantaġġ”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, ta’ dawn il-garanziji.

18

Commerz Nederland titlob lill-qorti tar-rinviju sabiex tannulla s-sentenza mogħtija mill-Gerechtshof ’s-Gravenhage. Hija ssostni b’mod partikolari li ċ-ċirkustanzi meħuda inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-appell ma jistgħux jistabbilixxu l-konklużjoni li l-Komun ta’ Rotterdam kien ġie implikat fl-implementazzjoni tal-garanziji inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Commerz Nederland tfakkar ukoll li, li kieku kien ġie informat, il-Komun ta’ Rotterdam ma kienx japprova dawn il-garanziji, li l-amministratur ikkonċernat kellu jirrinunzja għall-funzjonijiet li huwa kien jeżerċita fi ħdan Havenbedrijf Rotterdam u li kien kriminalment ikkundannat minħabba l-aġir tiegħu f’din il-kawża. Fl-aħħar nett, Commerz Nederland tikkontesta l-evalwazzjoni tal-qorti tal-appell fir-rigward tal-effetti tal-kuntratt dwar is-sottomarini fuq il-klassifikazzjoni ta’ “vantaġġ” mogħtija lill-garanziji inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

19

F’dan ir-rigward, il-Hoge Raad der Nederlanden tqis li l-qorti tal-appell ġustament iddeċidiet li l-għoti ta’ garanzija huwa att ġuridiku awtonomu, anki jekk jitwettaq bil-ħsieb li jiġi implementat obbligu kuntrattwali. Tali dikjarazzjoni hija korretta, b’mod partikolari, peress li l-kuntratt dwar is-sottomarini ma jispeċifikax la l-kumpanniji li favur tagħhom kellhom jingħataw il-garanziji u lanqas l-ammont li kellu jiġi kopert.

20

Fir-rigward tal-imputabbiltà ta’ dawn il-garanziji lill-Istat, il-qorti tar-rinviju tqis li s-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294) tista’ tiġi interpretata fis-sens li din l-imputabbiltà tiddependi minn jekk jistax jiġi dedott minn serje ta’ indizji li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma involuti fl-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni, dejjem jekk dan l-involviment ikun reali u effettiv. Fil-każ ineżami, din l-interpretazzjoni twassal għall-konklużjoni li l-għoti tal-imsemmija garanziji ma jistax jiġi imputat lill-Komun ta’ Rotterdam.

21

Madankollu, is-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (EU:C:2002:294) tista’ tiġi interpretata wkoll fis-sens li, sabiex jiġi kkonstatat l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fl-adozzjoni tal-miżura kkonċernata, huwa biżżejjed li jkun jista’ jiġi dedott minn serje ta’ indizji li dawn l-awtoritajiet jiddeterminaw bħala regola ġenerali l-proċess deċiżjonali li jseħħ fi ħdan l-impriża pubblika meta jiġu adottati miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew jeżerċitaw effettivament influwenza qawwija u dominanti fuq dan il-proċess. Il-fatt li, fil-każ ineżami, l-amministratur tal-impriża pubblika ma kienx informa lill-imsemmija awtoritajiet bil-miżura rilevanti u li l-istatuti kienu ġew miksura deliberatament, b’tali mod li l-garanziji kienu ġew pprovduti kontra r-rieda tal-organi ta’ supervizjoni kif ukoll tal-Komun ta’ Rotterdam u tal-Istat, ma jikkostitwixxix għaldaqstant neċessarjament xkiel għall-imputabbiltà tal-imsemmija miżuri lill-awtoritajiet pubbliċi.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-imputabbiltà lill-awtoritajiet pubbliċi — meħtieġa sabiex għajnuna tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikoli 107 [TFUE] u 108 TFUE — ta’ garanzija mogħtija minn impriża pubblika hija neċessarjament eskluża f’sitwazzjoni fejn din il-garanzija ngħatat, bħal f’dan il-każ, mill-amministratur (waħdieni) tal-impriża pubblika, li, ċertament kien awtorizzat jagħmel dan skont id-dritt ċivili, iżda li aġixxa b’mod arbitrarju, deliberatament żamm sigriet l-għoti tal-garanzija u injora l-istatuti tal-impriża pubblika billi ma talabx l-approvazzjoni tal-Kunsill ta’ Sorveljanza, u fejn, barra minn hekk, hemm lok li wieħed jippreżumi li l-entità pubblika inkwistjoni (f’dan il-każ il-Komun [ta’ Rotterdam]) ma riditxx li l-garanzija tingħata?

2)

Jekk iċ-ċirkustanzi msemmija hawn fuq ma jeskludux neċessarjament l-imputabbiltà lill-awtoritajiet pubbliċi, allura dawn huma irrilevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-għoti tal-garanzija jistax jiġi imputat lill-awtoritajiet pubbliċi, jew il-qorti għandha għaldaqstant twettaq evalwazzjoni fid-dawl tal-indizji l-oħra li huma favur jew kontra l-imputabbiltà lill-awtoritajiet pubbliċi?”

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

23

Il-proċedura orali ngħalqet fit-8 ta’ Mejju 2014 wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

24

Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Lulju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, Commerz Nederland talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

25

Insostenn ta’ din it-talba, qiegħed jingħad li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, l-ewwel nett, indikaw espożizzjoni insuffiċjenti tal-fatti, it-tieni nett, taw indikazzjoni insuffiċjenti dwar il-konsegwenzi ta’ waħda mill-interpretazzjonijiet alternattivi proposti mill-qorti tar-rinviju u, fl-aħħar nett, huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet legali li fir-rigward tagħhom il-partijiet fil-proċedura ma kellhomx biżżejjed opportunità sabiex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, inkonformità mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C‑431/11, EU:C:2013:589, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula u li dawn l-elementi kienu ġew diskussi quddiemha.

28

Għaldaqstant, it-talba ta’ Commerz Nederland għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

Fuq id-domandi preliminari

29

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-garanziji mogħtija minn impriża pubblika humiex jew le imputabbli lill-awtorità pubblika li għandha l-kontroll tagħha, huma rilevanti ċ-ċirkustanzi li, minn naħa, l-amministratur waħdieni tal-imsemmija impriża li ta dawn il-garanziji aġixxa b’mod arbitrarju, deliberatament żamm sigriet l-għoti tagħhom u kiser l-istatuti tal-impriża tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija awtorità pubblika kienet topponi għall-għoti ta’ dawn il-garanziji li kieku kienet ġiet informata dwarhom. Il-qorti tar-rinviju tixtieq, barra minn hekk, tkun taf jekk dawn iċ-ċirkustanzi humiex ta’ natura li jeskludu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tali imputabbiltà.

30

Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li huwa paċifiku li, fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-għoti ta’ garanziji minn Havenbedrijf Rotterdam li jkopru l-faċilità ta’ krediti mogħtija lil RDM Véhicles, lil RDM Finance I u lil RDM Finance II jimplika l-impenn tar-riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li dawn il-garanziji jinvolvu riskju ekonomiku suffiċjentement konkret li jista’ jinvolvi spejjeż għal Havenbedrijf Rotterdam u peress li din tal-aħħar kienet miżmuma fl-intier tagħha, fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, mill-Komun ta’ Rotterdam.

31

Fir-rigward tal-imputabbiltà lill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tal-għoti ta’ dawn il-garanziji, għandu jitfakkar li l-imputabbiltà ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li dawn tal-aħħar kienu ngħataw minn impriża pubblika kkontrollata mill-Istat. Fil-fatt, anki jekk l-Istat ikun f’pożizzjoni li jikkontrolla impriża pubblika u li jeżerċita influwenza determinanti fuq l-operazzjonijiet tagħha, ma jistax ikun hemm il-preżunzjoni awtomatika li dan il-kontroll ġie effettivament użat f’każ partikolari. Ikun għadu neċessarju li jiġi eżaminat jekk għandux jitqies li l-awtoritajiet pubbliċi kienu involuti, b’mod jew ieħor, fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, EU:C:2002:294, punti 50 sa 52).

32

F’dan ir-rigward, ma jistax ikun meħtieġ li jintwera, fuq il-bażi ta’ istruzzjoni preċiża, li l-awtoritajiet pubbliċi ħeġġew b’mod konkret lill-impriża pubblika sabiex tieħu l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża pubblika tista’ tiġi dedotta minn serje ta’ indizji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih seħħet din il-miżura (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, EU:C:2002:294, punti 53 u 55).

33

B’mod partikolari, huma rilevanti l-indizji kollha li juru, fil-każ konkret, jew, minn naħa, l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi jew l-improbabbiltà ta’ nuqqas ta’ involviment fl-adozzjoni ta’ miżura, fid-dawl ukoll tal-portata tagħha, tal-kontenut tagħha jew tal-kundizzjonijiet li din tinvolvi, jew, min-naħa l-oħra, l-assenza tal-involviment tal-imsemmija awtoritajiet fl-adozzjoni tal-imsemmija miżura (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, EU:C:2002:294, punti 56 u 57).

34

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk, fil-każ ineżami, l-imputabbiltà lill-Istat tal-garanziji mogħtija minn Havenbedrijf Rotterdam tistax tiġi dedotta mis-serje ta’ indizji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u mill-kuntest li fih seħħew dawn il-garanziji. Għal dan il-għan, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn l-indizji jippermettux li jiġu stabbiliti, fil-każ ineżami, l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi jew l-improbabbiltà ta’ nuqqas ta’ involviment tagħhom fl-għoti ta’ dawn il-garanziji.

35

F’dan ir-rigward, kif sostnew b’mod partikolari Havenbedrijf Rotterdam u l-Kummissjoni u kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punti 78 u 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżistenza, fil-każ ineżami, ta’ rabtiet organiċi bejn Havenbedrijf Rotterdam u l-Komun ta’ Rotterdam, kif deskritti fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, hija ta’ natura li tistabbilixxi, bħala prinċipju, involviment tal-awtoritajiet pubbliċi jew improbabbiltà ta’ assenza tal-involviment tagħhom fl-għoti ta’ tali garanziji.

36

Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li ċ-ċirkustanza li l-amministratur waħdieni tal-impriża pubblika kien aġixxa b’mod irregolari ma hijiex ta’ natura, fiha nnifisha, li teskludi tali involviment. Fil-fatt, kif innotaw il-qorti tar-rinviju stess u l-Avukat Ġenerali fil-punti 90 u 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-effettività tar-regoli fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat tista’ tiddgħajjef b’mod kunsiderevoli jekk l-applikazzjoni tagħhom tkun tista’ tiġi evitata għas-sempliċi raġuni li l-amministratur ta’ impriża pubblika kiser l-istatuti ta’ din tal-aħħar.

37

F’dan il-kuntest, fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-amministratur waħdieni ta’ Havenbedrijf Rotterdam mhux biss aġixxa b’mod irregolari u kiser l-istatuti ta’ din l-impriża, iżda wkoll deliberatament żamm sigriet l-għoti tal-garanziji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba l-fatt b’mod partikolari li hemm lok li jiġi preżunt li l-awtorità pubblika kkonċernata, jiġifieri l-Komun ta’ Rotterdam, kienet ser topponi għall-għoti ta’ dawn il-garanziji li kieku kienet ġiet informata dwarhom. Skont il-qorti tar-rinviju, dawn l-elementi huma ta’ natura li juru li dawn il-garanziji kienu ngħataw mingħajr l-involviment tal-Komun ta’ Rotterdam.

38

Hija dik il-qorti li għandha tevalwa jekk l-imsemmija elementi humiex, fid-dawl tal-indizji rilevanti kollha, ta’ natura li jistabbilixxu jew li jeskludu l-involviment tal-Komun ta’ Rotterdam fl-għoti tal-imsemmija garanziji.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-garanziji mogħtija minn impriża pubblika humiex jew le imputabbli lill-awtorità pubblika li għandha l-kontroll tagħha, huma rilevanti, flimkien mal-indizji kollha li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u mill-kuntest li fih seħħew dawn il-garanziji, iċ-ċirkustanzi li, minn naħa, l-amministratur waħdieni tal-imsemmija impriża li ta dawn il-garanziji aġixxa b’mod arbitrarju, deliberatament żamm sigriet l-għoti tagħhom u kiser l-istatuti tal-impriża tiegħu u, min-naħa l-oħra, din l-awtorità pubblika kienet topponi għall-għoti tal-imsemija garanziji li kieku kienet ġiet informata dwarhom. Dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex madankollu, fihom innifishom, ta’ natura li jeskludu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tali imputabbiltà.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-garanziji mogħtija minn impriża pubblika humiex jew le imputabbli lill-awtorità pubblika li għandha l-kontroll tagħha, huma rilevanti, flimkien mal-indizji kollha li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u mill-kuntest li fih seħħew, iċ-ċirkustanzi li, minn naħa, l-amministratur waħdieni tal-imsemmija impriża li ta dawn il-garanziji aġixxa b’mod arbitrarju, deliberatament żamm sigriet l-għoti tagħhom u kiser l-istatuti tal-impriża tiegħu u, min-naħa l-oħra, din l-awtorità pubblika kienet topponi għall-għoti tal-imsemmija garanziji li kieku kienet ġiet informata dwarhom. Dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex madankollu, fihom innifishom, ta’ natura li jeskludu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tali imputabbiltà.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top