EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0166

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-5 ta’ Novembru 2014.
Sophie Mukarubega vs Préfet de police u Préfet de la Seine-Saint-Denis.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-qorti amministrattiva ta’ Melun.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Viżi, ażil, immigrazzjoni, u politiki oħra marbuta mal-moviment liberu tal-persuni – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn – Prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża – Dritt ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari li jinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li għandha mnejn taffettwa l-interessi tiegħu – Rifjut tal-amministrazzjoni li tagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari permess ta’ residenza abbażi tal-ażil, akkumpanjat minn obbligu ta’ tluq mit-territorju – Dritt għal smigħ qabel ma tingħata d-deċiżjoni ta’ ritorn.
Kawża C‑166/13.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2336

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

5 ta’ Novembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Viżi, ażil, immigrazzjoni, u politiki oħra marbuta mal-moviment liberu tal-persuni — Direttiva 2008/115/KE — Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment — Proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn — Prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża — Dritt ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari li jinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li għandha mnejn taffettwa l-interessi tiegħu — Rifjut tal-amministrazzjoni li tagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari permess ta’ residenza abbażi tal-ażil, akkumpanjat minn obbligu ta’ tluq mit-territorju — Dritt għal smigħ qabel ma tingħata d-deċiżjoni ta’ ritorn”

Fil-Kawża C‑166/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-qorti amministrattiva ta’ Melun (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2013, fil-proċedura

Sophie Mukarubega

vs

Préfet de police,

Préfet de la Seine-Saint-Denis,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur), E. Juhász, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Mejju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal S. Mukarubega, minn B. Vinay, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas u F.‑X. Bréchot, kif ukoll minn B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki u L. Kotroni, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer u M. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u D. Maidani, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98) kif ukoll tad-dritt għal smigħ fil-proċeduri kollha.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, S. Mukarubega, ċittadina Rwandiża, u, min-naħa l-oħra, il-préfet de police (il‑Kummissarju tal-Pulizija) u l-préfet de la Seine‑Saint‑Denis (il-prefett tas-Seine‑Saint‑Denis), rigward deċiżjonijiet li jiċħdu t-talba tagħha għal permess ta’ residenza bħala refuġjata u li jobbligawha titlaq mit-territorju Franċiż.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 4, 6 u 24 tad-Direttiva 2008/115 huma fformulati kif ġej:

“(4)

Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.

[...]

(6)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tmiem ta’ soġġorn illegali [irregolari] ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitwettaq permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti. Skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi ta’ l-UE, deċiżjonijiet meħuda skond din id-Direttiva għandhom jiġu adottati fuq bażi ta’ każ b’każ u abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jimplika li l-konsiderazzjoni għandha tmur lil hinn mis-sempliċi fatt ta’ soġġorn illegali [...]

[...]

(24)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem, il-‘Karta’].”

4

L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment [irregolarment], skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

5

L-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment [irregolarment] fit-territorju ta’ Stat Membru.”

6

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

2)

‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet [...] għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

[...]

4)

‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

5)

‘tneħħija’ tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru;

[...]

7)

‘riskju ta’ ħarba’ tfisser l-eżistenza ta’ raġunijiet f’każ individwali li huma bbażati fuq kriterji oġġettivi definiti bil-liġi nazzjonali biex wieħed jemmen li ċittadin ta’ pajjiż terz li hu soġġett għal proċeduri ta’ ritorn jista’ jaħrab;

[...]”

7

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn” jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment [irregolarment] fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

[...]

4.   L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F’dan il-każ m’għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta’ ritorn. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess ta’ residenza jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn.

[...]

6.   Din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta’ soġġorn legali flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn u/jew deċiżjoni dwar tneħħija u/jew projbizzjoni fuq id-dħul f’deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju wieħed kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji proċedurali disponibbli taħt il-Kapitolu III u taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta’ liġi Komunitarja u nazzjonali.”

8

L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Tluq volontarju” jipprevedi:

“1.   Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4.

[...]

4.   Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali [regolari] tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem.”

9

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Forma”, jipprevedi fl-ewwel subparagrafu tal-ewwel paragrafu tiegħu:

“Deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u deċiżjonijiet ta’ tneħħija, għandhom jinħarġu bil-miktub u jagħtu raġunijiet fil-fatt u fid-dritt kif ukoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli.”

10

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Rimedji” jipprevedi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza.

[...]

3.   Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jkollu l-possibbiltà li jikseb parir legali, rappreżentanza u, fejn meħtieġ, assistenza lingwistika.”

Id-dritt Franċiż

11

Skont l-Artikolu L. 511‑1 tal-code de l’entrée et du séjour des étrangers et du droit d’asile (il-Kodiċi dwar id-dħul u r-residenza tal persuni barranin u d-dritt għall-ażil), kif emendat bil-Liġi Nru 2011‑672, tas-16 ta’ Ġunju 2011, dwar l-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u n-nazzjonalità (JORF tas-17 ta’ Ġunju 2011, p. 10290, iktar ’il quddiem iċ-“Ceseda”),

“I.

L-awtorità amministrattiva tista’ tobbliga sabiex jitlaq mit-territorju Franċiż barrani li mhux ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea [...] u li mhux membru tal-familja ta’ tali ċittadin fis-sens tas-subparagrafi 4 u 5 tal-Artikolu L. 121‑1, meta jkun f’sitwazzjoni minn dawn li ġejjin:

[...]

3

Jekk l-għoti jew it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza ġie rrifjutat lill‑barrani jew jekk il-permess ta’ residenza li kien mogħti lilu ġie rtirat;

[...]

5

Jekk l-irċevuta tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew l-awtorizzazzjoni provviżorja ta’ residenza li ngħatat lill-barrani tkun ġiet irtirata jew jekk it-tiġdid ta’ dawn id-dokumenti jkun ġie rrifjutat.

Id-deċiżjoni li tiddikjara l-obbligu ta’ tluq mit-territorju Franċiż għandha tkun immotivata.

Ma huwiex meħtieġ li tkun is-suġġett ta’ motivazzjoni distinta minn dik tad-deċiżjoni dwar ir-residenza fil-każijiet previsti fis-subparagrafi 3 u 5 hawn fuq, mingħajr preġudizzju, jekk ikun il-każ, għall-indikazzjoni tal-motivi sabiex jiġu applikati s-sezzjonijiet II u III.

L-obbligu ta’ tluq mit-territorju Franċiż għandu jiffissa l-pajjiż li lejh għandu jiġi rritornat il-barrani fil-każ ta’ tneħħija forzata.

II.

Sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu impost fuqu li jitlaq mit-territorju Franċiż, il-barrani għandu jkollu perijodu ta’ tletin jum li jibdew jgħoddu min-notifika tal-obbligu u jista’ jitlob, għal dan l-għan, assistenza sabiex jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Skont is-sitwazzjoni personali tal-barrani, l-awtorità amministrattiva tista’ tagħti, fuq bażi eċċezzjonali, terminu għal tluq volontarju ta’ iktar minn tletin jum.

Madankollu, l-awtorità amministrattiva tista’, b’deċiżjoni mmotivata, tiddeċiedi li l-barrani huwa obbligat jitlaq mingħajr dewmien mit-territorju Franċiż:

[...]

3

Jekk ikun hemm riskju li l-barrani jevadi dan l-obbligu. Dan ir-riskju huwa meqjus stabbilit, sakemm ma jeżistux ċirkustanzi partikolari, fil-każijiet li ġejjin:

[...]

d)

Jekk il-barrani evada l-inforzar ta’ miżura preċedenti ta’ tneħħija;

e)

Jekk il-barrani ffalsifika jew ħoloq taħt isem differenti minn tiegħu permess ta’ residenza jew dokument ta’ identità jew tal-ivvjaġġar;

[...]

L-awtorità amministrattiva tista’ tapplika t-tieni paragrafu hawn fuq meta l-motiv jidher matul il-perijodu mogħti taħt l-ewwel paragrafu.

[...]”.

12

L-Artikolu L. 512‑1 taċ-Ceseda jipprevedi:

“I.

Il-barrani li jiġi obbligat jitlaq mit-territorju Franċiż u li jkollu t-terminu għal tluq volontarju msemmi fl-ewwel paragrafu tas-sezzjoni II tal-Artikolu L. 511‑1 jista’, f’terminu ta’ [30] jum min-notifika tal-obbligu, jitlob mill-qorti amministrattiva l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni dwar ir-residenza, tad-deċiżjoni li ssemmi l-pajjiż ta’ destinazzjoni u tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ ritorn fit-territorju Franċiż li eventwalment jakkumpanjawha. Il-barrani li jiġi impost il-projbizzjoni ta’ ritorn prevista fit-tielet paragrafu tas-sezzjoni III tal-istess Artikolu L. 511‑1 jista’, fi żmien tletin jum min-notifika tagħha, jitlob l-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

Il-barrani jista’ jitlob li jibbenefika mill-għajnuna legali mhux iktar tard mill-preżentata tar-rikors tiegħu għal annullament. Il-qorti amministrattiva għandha tiddeċiedi f’terminu ta’ tliet xhur li jibdew jgħoddu minn meta l-kawża titressaq quddiemha.

Madankollu, jekk il-barrani jitqiegħed taħt arrest skont l-Artikolu L. 551‑1 [...], għandha tittieħed deċiżjoni skont il-proċedura u fit-terminu previsti fis-sezzjoni III ta’ dan l-artikolu.

II.

Il-barrani li jiġi obbligat jitlaq mit-territorju mingħajr dewmien jista’, fit-[48] siegħa min-notifika tal-imsemmi obbligu bi proċedura amministrattiva, jitlob lill-President tal-qorti amministrattiva l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni dwar ir-residenza, tad-deċiżjoni li tirrifjuta terminu għal tluq volontarju, tad-deċiżjoni li ssemmi l-pajjiż ta’ destinazzjoni u tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ ritorn fit-territorju Franċiż li eventwalment jakkumpanjawha.

Id-deċiżjoni fuq dan ir-rikors għanda tittieħed skont il-proċedura u fit-termini previsti fis-sezzjoni I.

Madankollu, jekk il-barrani jitqiegħed taħt arrest skont l-Artikolu L. 551‑1 [...], għandha tittieħed deċiżjoni skont il-proċedura u fit-terminu previsti fis-sezzjoni III ta’ dan l-artikolu.

III.

Fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ tqegħid taħt arrest [...], il-barrani jista’ jitlob lill-President tal-qorti amministrattiva l-annullament ta’ din id-deċiżjoni fit-[48] siegħa min-notifika tagħha. Meta l-barrani ġie obbligat jitlaq mit-territorju Franċiż, l-istess rikors għal annullament jista’ jiġi dirett ukoll kontra l-obbligu ta’ tluq mit-territorju Franċiż u kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta terminu għal tluq volontarju, id-deċiżjoni li ssemmi l-pajjiż ta’ destinazzjoni u d-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ ritorn fit-territorju Franċiż li eventwalment jakkumpanjawha, meta dawn id-deċiżjonijiet jiġu nnotifikati mad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt arrest jew ta’ arrest domiċiljari [...]

[...]”

13

L-Artikolu L. 512‑3 taċ-Ceseda jipprevedi:

“L-Artikoli L. 551‑1 u L. 561‑2 huma applikabbli għall-barrani li jiġi impost l-obbligu li jitlaq mit-territorju Franċiż mal-iskadenza tat-terminu għal tluq volontarju mogħti lilu jew, jekk ma jkun ingħata l-ebda terminu, min-notifika tal-obbligu ta’ tluq mit-territorju Franċiż.

L-obbligu ta’ tluq mit-territorju Franċiż ma jistax ikun is-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata la qabel l-iskadenza tat-terminu għal tluq volontarju jew, jekk ma jkun ingħata l-ebda terminu, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ [48] siegħa min-notifika tiegħu bi proċedura amministrattiva, u lanqas qabel ma l-qorti amministrattiva tkun iddeċidiet jekk il-kawża tkun tressqet quddiemha. Il-barrani jiġi informat b’dan permezz tan-notifika bil-miktub tal-obbligu ta’ tluq mit-territorju Franċiż.”

14

L-Artikolu L. 742-7 taċ-Ceseda jipprevedi:

“Il-barrani li ma ngħatax b’mod definittiv ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jew il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja u li ma jistax jiġi awtorizzat jibqa’ fit-territorju b’xi titolu ieħor, għandu jitlaq mit‑territorju Franċiż, taħt piena li jkun is-suġġett ta’ miżura ta’ tneħħija kif prevista fit-Titolu I tal-Ktieb V u, jekk ikun il-każ, tal-penali stipulati fil-Kapitolu I tat-Titolu II tal-Ktieb VI.”

15

L-Artikolu 24 tal-Liġi Nru 2000‑321, tat-12 ta’ April 2000, dwar id-drittijiet taċ‑ċittadini fir-rigward tar-relazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet amministrattivi (JORF tat-13 ta’ April 2000, p. 5646), jipprevedi:

“Bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn tittieħed deċiżjoni fuq talba, id-deċiżjonijiet individwali li għandhom jiġu mmotivati skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi Nru 79‑587 tal-11 ta’ Lulju 1979 dwar ir-rekwiżiti li tingħata motivazzjoni għal atti amministrattivi u dwar it-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet amministrattivi u l-pubbliku għandhom isiru biss wara li l-persuna kkonċernata tkun ingħatat l-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub u, fejn xieraq, fuq talba min-naħa tagħha, osservazzjonijiet orali. Din il-persuna tista’ tiġi assistita minn kunsillier jew irrappreżentata minn aġent tal-għażla tagħha. L-awtorità amministrattiva ma hijiex marbuta tilqa’ t-talbiet għal smigħ li jkunu abbużivi, b’mod partikolari fin-numru tagħhom, u fin-natura repetittiva jew sistematika tagħhom.

Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma humiex applikabbli:

[...]

3

għad-deċiżjonijiet li għalihom miżuri leġiżlattivi stabbilixxew proċedura kontradittorja partikolari.”

16

Skont id-deċiżjoni li jsir rinviju, il-Conseil d’État qies, f’opinjoni fi proċedura kontenzjuża tad-19 ta’ Ottubru 2007, li, skont l-Artikolu 24(3) tal-Liġi Nru 2000‑321, tat-12 ta’ April 2000, dwar id-drittijiet taċ‑ċittadini fir-rigward tar-relazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet amministrattivi, l-Artikolu 24 ta’ din il-liġi ma għandux jiġi applikat għad-deċiżjonijiet rigward obbligu ta’ tluq mit-territorju Franċiż, sa fejn il-leġiżlatur, billi ppreveda fiċ-Ceseda garanziji proċedurali speċifiċi, kellu l-intenzjoni li jiddetermina r-regoli kollha ta’ proċedura amministrattiva u kontenzjuża li għalihom huma suġġetti l-adozzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

S. Mukarubega, imwielda fit-12 ta’ Marzu 1986 u ċittadina Rwandiża, daħlet fi Franza fl-10 ta’ Settembru 2009 bil-passaport tagħha li kellu viża.

18

Hija talbet sabiex tiġi awtorizzata tirrisjedi fi Franza bis-saħħa tal-ażil. Matul il‑proċedura tal-eżami tat-talba tagħha, S. Mukarubega bbenefikat minn awtorizzazzjoni provviżorja sabiex tirrisjedi fi Franza, li ġiet imġedda regolarment.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2011, mogħtija wara li nstemgħet il-persuna kkonċernata, id-Direttur tal‑Office français de protection des réfugiés et apatrides (Uffiċċju għall-protezzjoni tar-refuġjati u ta’ persuni mingħajr stat) (iktar ’il quddiem l-“OFPRA”) ċaħad it-talba tagħha għal ażil.

20

S. Mukarubega ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti nazzjonali tad-dritt għall-ażil (iktar ’il quddiem iċ-“CNDA”). Waqt is-seduta quddiem din il-qorti, S. Mukarubega, assistita minn avukat, instemgħet bl-għajnuna ta’ interpretu.

21

B’deċiżjoni tat-30 ta’ Awwissu 2012, innotifikata lil S. Mukarubega fl-10 ta’ Settembru ta’ wara, iċ-CNDA ċaħdet dan ir-rikors.

22

Fid-dawl tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-OFPRA u miċ-CNDA, permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissarju tal-Pulizija rrifjuta li jagħti lil S. Mukarubega permess għal residenza bħala refuġjata u ħa deċiżjoni li tobbliga lil din tal-aħħar titlaq mit‑territorju Franċiż, flimkien mal-istabbiliment ta’ terminu għal tluq volontarju ta’ 30 jum u ssemmiet l-Irwanda bħala pajjiż li lejh kellha mnejn tinbagħat S. Mukarubega.

23

Madankollu, S. Mukarubega baqgħet b’mod irregolari fit-territorju Franċiż.

24

Fil-bidu tax-xahar ta’ Marzu 2013, hija pprovat tmur il-Kanada taħt identità falza billi għamlet użu minn passaport Belġjan miksub b’mod frawdolenti. Hija nqabdet mill-pulizija u fl-4 ta’ Marzu 2013 tpoġġiet taħt arrest preventiv minħabba “użu frawdolenti minn dokument amministrattiv”, ksur ikkundannat bl-Artikoli 441‑2 u 441‑3 tal-Kodiċi Penali.

25

Matul dan l-arrest preventiv, li seħħ fl-4 ta’ Marzu bejn 12.15 u 18.45, S. Mukarubega nstemgħet dwar is-sitwazzjoni personali u familjari tagħha, il-ħajja tagħha, id-dritt tagħha għar-residenza fi Franza u l-eventwali ritorn tagħha fl-Irwanda.

26

Il-prefett tas-Seine-Saint-Denis, permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fil-5 ta’ Marzu 2013, filwaqt li kkonstata li S. Mukarubega kienet tinsab f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju Franċiż, ħa fil-konfront tagħha deċiżjoni fejn obbligaha titlaq mill-imsemmi territorju, mingħajr ma taha terminu għal tluq volontarju minħabba l-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba. Fl-istess jum, S. Mukarubega ġiet informata bil-possibbiltà li tippreżenta rikors sospensiv kontra din id-deċiżjoni.

27

B’deċiżjoni oħra tal-5 ta’ Marzu 2013, il-prefett tas-Seine-Saint-Denis, filwaqt li kkonstata li S. Mukarubega ma setgħetx titlaq immedjatament mit-territorju Franċiż fid-dawl tal-assenza ta’ mezz ta’ trasport disponibbli, li hija ma ppreżentatx garanziji suffiċjenti minħabba l-assenza ta’ dokument ta’ identità jew tal-ivvjaġġar validu u ta’ indirizz permanenti, li kien hemm riskju li hija tevadi l-miżura ta’ tneħħija li kienet ġiet adottata kontriha, qies li hija ma setgħetx titqiegħed taħt arrest domiċiljari u ordna li titqiegħed taħt detenzjoni f’bini li ma huwiex parti mill-amministrazzjoni penitenzjali għal perijodu ta’ ħamest ijiem, iż-żmien strettament neċessarju għat-tluq tagħha.

28

S. Mukarubega għaldaqstant tqiegħdet f’ċentru ta’ detenzjoni amministrattiva.

29

B’rikorsi rreġistrati fis-6 ta’ Marzu 2013, S. Mukarubega talbet l-annullament tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2012 u taż-żewġ deċiżjonijiet tal-5 ta’ Marzu 2013 kif ukoll l-għoti ta’ awtorizzazzjoni provviżorja ta’ residenza u l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tagħha.

30

Insostenn tar-rikorsi tagħha, S. Mukarubega ssostni, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2013 rigward it-tqegħid taħt detenzjoni ma għandhiex bażi legali għaliex din kienet ġiet innotifikata lilha qabel id-deċiżjoni tal-istess jum, dwar l-obbligu ta’ tluq mit-territorju Franċiż, li kienet tikkostitwixxi l-bażi tad-deċiżjoni msemmija l-ewwel.

31

S. Mukarubega ssostni, fit-tieni lok, li d-deċiżjonijiet tas-26 ta’ Ottubru 2012 u tal-5 ta’ Marzu 2013 dwar l-ordni ta’ tluq mit-territorju ttieħdu bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba msemmi fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta għaliex hija ma ngħatatx l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha qabel ma ttieħdu dawn id-deċiżjonijiet. In-natura sospensiva tar-rikors għal annullament ippreżentat kontra l-imsemmija deċiżjonijiet ma tistax titqies li teħles lill-awtoritajiet kompetenti milli japplikaw il-prinċipju ta’ amminsitrazzjoni tajba.

32

Il-qorti amministrattiva ta’ Melun annullat, fid-deċiżjoni tagħha tat-8 ta’ Marzu 2013, id-deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2013 dwar it-tqegħid ta’ S. Mukarubega taħt detenzjoni amministrattiva minħabba nuqqas ta’ bażi legali.

33

Fir-rigward tad-deċiżjonijiet tas-26 ta’ Ottubru 2012 u tal-5 ta’ Marzu 2013 dwar l-obbligu ta’ tluq mit-territorju Franċiż, il-qorti amministrattiva ta’ Melun għamlet l-osservazzjonjiet li ġejjin.

34

Din il-qorti tqis li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet jikkostitwixxu “deċiżjonijiet ta’ ritorn” fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115. Skont l-Artikolu L. 511‑1 taċ-Ceseda, bħall-Artikolu 6(6) ta’ din id-direttiva, il-barrani li jkun ressaq talba għal permess ta’ residenza jista’, fl-istess mument li jinħareġ ir-rifjut tal-permess ta’ residenza, ikun obbligat li jitlaq mit-territorju Franċiż. Skont din il-qorti, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-persuna kkonċernata ikun kellha l-possibbiltà ssostni kwalunkwe punt relatat mas-sitwazzjoni personali tagħha quddiem l-amministrazzjoni matul il-proċedura. Madankollu, hija tosserva li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal permess ta’ residenza tista’ tingħata mingħajr ma l-persuna kkonċernata tkun ġiet informata minn qabel u fi tmiem ta’ perijodu twil wara li tkun tressqet it-talba għal permess ta’ residenza, b’tali mod li s-sitwazzjoni tal-barrani setgħet inbidlet wara li tkun tressqet it-talba.

35

L-istess qorti żżid li, skont l-Artikolu 7(4) tal-imsemmija direttiva, jekk jeżisti riskju ta’ ħarba, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għal tluq volontarju u li, skont l-Artikolu L 512‑3 taċ-Ceseda, “[l]-obbligu ta’ tluq mit-territorju Franċiż ma jistax ikun is-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata la qabel l-iskadenza tat-terminu għal tluq volontarju jew, jekk ma jkun ingħata l-ebda terminu, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ [48] siegħa min-notifika tiegħu bi proċedura amministrattiva, u lanqas qabel ma l-qorti amministrattiva tkun iddeċidiet jekk il-kawża tkun tressqet quddiemha”.

36

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li barrani f’sitwazzjoni irregolari li jkun is-suġġett ta’ obbligu ta’ tluq mit-territorju jista’ jippreżenta quddiem il-qorti amministrattiva rikors minħabba eċċess ta’ poter, li l-preżentata tiegħu jkollha l-effett li tissospendi n-natura eżekuttiva tal-miżura ta’ tneħħija.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti amministrattiva ta’ Melun iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt għal smigħ fil-proċeduri kollha, li jagħmel parti integrali mill-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u li barra minn hekk, huwa stabbilit fl-Artikolu 41 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi lill-amministrazzjoni, meta jkollha l-intenzjoni tadotta deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ barrani f’sitwazzjoni irregolari, indipendentement minn jekk din id-deċiżjoni ta’ ritorn tiġix jew le adottata wara r-rifjut ta’ permess ta’ residenza, u b’mod partikolari f’sitwazzjoni fejn hemm riskju ta’ ħarba, tagħti l-possibbiltà lill-persuna kkonċernata tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha?

2)

L-effett ta’ sospensjoni tal-proċedura kontenzjuża quddiem il-qorti amministrattiva jippermetti li ssir deroga mill-possibbiltà a priori ta’ barrani f’sitwazzjoni irregolari li jippreżenta l-opinjoni tiegħu dwar il-miżura ta’ tneħħija sfavorevoli li hija prevista fir-rigward tiegħu?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

38

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt għal smigħ fil-proċeduri kollha, kif japplika fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115 u b’mod partikolari tal-Artikolu 6 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtorità nazzjonali ma tismax iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz speċifikament fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ ritorn meta, wara li tkun ikkonstatat in-natura irregolari tar-residenza tiegħu fit-territorju nazzjonali fi tmiem proċedura li matulha l-imsemmi ċittadin ikun instema’, hija tikkunsidra li tieħu kontrih tali deċiżjoni, kemm jekk din id-deċiżjoni ta’ ritorn tkun tiġi wara rifjut ta’ permess ta’ residenza, kemm jekk le.

39

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 2 tagħha, id-Direttiva 2008/115 għandha l-għan ta’ twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni għar-ritorn tal-persuni kkonċernati b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom. Kif jirriżulta kemm mit-titolu tagħha kif ukoll mill-kontentut tal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi għal dan l-għan “standards u proċeduri komuni” li għandhom jiġu applikati minn kull Stat Membru għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu f’residenza irregolari (ara s-sentenzi El Dridi, C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punti 31 u 32; Arslan, C‑534/11, EU:C:2013:343, punt 42, kif ukoll Pham, C‑474/13, EU:C:2014:2096, punt 20).

40

Taħt il-Kapitolu III tagħha, intitolat “Salvagwardji proċedurali”, id-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi r-rekwiżiti proċedurali li għalihom huma suġġetti d-deċiżjonijiet ta’ ritorn u, eventwalment, id-deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni ta’ dħul u d-deċiżjonijiet ta’ tneħħija, li normalment għandhom jingħataw bil-miktub u għandhom ikunu mmotivati, u tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu rimedji ġudizzjarji effettivi kontra dawn id-deċiżjonijiet (ara, fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ tneħħija, is-sentenza G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 29).

41

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-awturi tad-Direttiva 2008/115 kellhom l-intenzjoni, b’dan il-mod, li jipprovdu qafas iddettaljat għall-garanziji mogħtija liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ ritorn, id-deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni ta’ dħul u d-deċiżjonijiet ta’ tneħħija, huma, min-naħa l-oħra, ma ppreċiżawx jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, għandu jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt ta’ dawn iċ-ċittadini għal smigħ, u lanqas il-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti mill-ksur ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza G. u R., EU:C:2013:533, punt 31).

42

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u d-dritt għal smigħ fil-proċeduri kollha huwa parti integrali minnhom (sentenzi Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punti 33 u 36; M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 81 u 82, kif ukoll Kamino International Logistics, C‑129/13, EU:C:2014:2041, punt 28).

43

Fil-preżent, id-dritt għal smigħ fil-proċeduri kollha huwa stabbilit mhux biss permezz tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tad-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest ta’ kull proċedura ġudizzjarja, iżda wkoll permezz tal-Artikolu 41 ta’ din, li jiżgura d-dritt għal amministrazzjoni tajba. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 41 jipprevedi li dan id-dritt għal amministrazzjoni tajba jimplika, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed miżura individwali kontriha li taffettwaha b’mod sfavorevoli (sentenzi M., EU:C:2012:744, punti 82 u 83, kif ukoll Kamino International Logistics, EU:C:2014:2041, punt 29).

44

Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 67 tas-sentenza YS et (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081), mill-kliem tal-Artikolu 41 tal-Karta jirriżulta biċ-ċar li dan huwa indirizzat mhux lill-Istati Membri, iżda biss lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cicala, C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 28). Għaldaqstant, l-applikant għal permess ta’ residenza ma jistax jiddeduċi mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta dritt għal smigħ fil-proċeduri kollha marbuta mat-talba tiegħu.

45

Tali dritt huwa, min-naħa l-oħra, parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

46

Id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lill-persuni kollha l-possibbiltà li jesprimu ruħhom, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħhom matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li għandha mnejn taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza M., EU:C:2012:744, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizza, ir-regola li tipprovdi li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu jingħata l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma din tittieħed hija intiża sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni b’mod effettiv l-informazzjoni rilevanti kollha. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata, l-imsemmija regola hija intiża b’mod partikolari sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tikkoreġi żball jew tissottometti elementi marbuta mas-sitwazzjoni personali tagħha li jargumentaw fis-sens li d-deċiżjoni tittieħed, jew ma tittiħidx jew fis-sens li jkollha kontenut speċifiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sopropé, EU:C:2008:746, punt 49).

48

L-imsemmi dritt jimplika wkoll li l-amministrazzjoni għandha tagħti l-attenzjoni kollha dovuta lill-osservazzjonijiet sottomessi b’dan il-mod mill-persuna kkonċernata filwaqt li teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u tagħti motivazzjoni ddettaljata għad-deċiżjoni tagħha (ara s-sentenzi Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14, u Sopropé, EU:C:2008:746, punt 50), u l-obbligu li timmotiva deċiżjoni b’mod suffiċjentement speċifiku u konkret sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata tifhem ir-raġunijiet għalfejn it-talba tagħha qed tiġi miċħuda jikkostitwixxi għalhekk il-korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża (sentenza M., EU:C:2012:744, punt 88).

49

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett tad-dritt għal smigħ japplika wkoll meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix b’mod espliċitu tali rekwiżit proċedurali (ara s-sentenzi Sopropé, EU:C:2008:746, punt 38; M., EU:C:2012:744, punt 86, kif ukoll G. u R., EU:C:2013:533, punt 32).

50

L-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod kunsiderevoli l-interessi tagħhom huwa għaldaqstant, fil-prinċipju, fuq l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri meta huma jadottaw miżuri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza G. u R., EU:C:2013:533, punt 35).

51

Meta, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, la l-kundizzjonijiet li fihom għandu jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari, u lanqas il-konsegwenzi tal-ksur ta’ dawn id-drittijiet ma jkunu stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, dawn il-kundizzjonijiet u dawn il-konsegwenzi jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali sakemm il-miżuri adottati f’dan is-sens ikunu tal-istess natura bħal dawk li minnhom jibbenefikaw l-individwi f’sitwazzjonijiet ġuridiċi ta’ dritt nazzjonali komparabbli (prinċipju ta’ ekwivalenza) u sakemm ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Sopropé, EU:C:2008:746, punt 38; Iaia et, C‑452/09, EU:C:2011:323, punt 16, kif ukoll G. u R., EU:C:2013:533, punt 35).

52

Dawn ir-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jesprimu l-obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni ta’ regoli proċedurali ddettaljati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alassini et, C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 49).

53

Madankollu, skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja daqstant stabbilita, id-drittijiet fundamentali, bħal dawk tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma jidhrux bħala prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jinvolvu restrizzjonijiet, sakemm dawn jikkorrispondu b’mod effettiv għal għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti permezz tal-miżura inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan segwit, interferenza sproporzjonata u intollerabbli li tippreġudika s-sustanza nnifisha tad-drittijiet iggarantiti b’dan il-mod (sentenzi Alassini et, C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 63; G. u R., EU:C:2013:533, punt 33, kif ukoll Texdata Software, C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 84).

54

Minbarra dan, l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ konkret (ara, f’dan is-sens, sentenza Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑110/10 P, EU:C:2011:687, punt 63), b’mod partikolari n-natura tal-att inkwistjoni, il-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u r-regoli legali li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll G. u R., EU:C:2013:533, punt 34).

55

Huwa għaldaqstant fil-kuntest tal-ġurisprudenza kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-istruttura tad-Direttiva 2008/115 li l-Istati Membri għandhom, minn naħa, jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom għandu jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt, għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari, għal smigħ u, min-naħa l-oħra, jiddeduċu l-konsegwenzi tal-ksur ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza G. u R., EU:C:2013:533, punt 37).

56

Fil-kawża prinċipali, la d-Direttiva 2008/115 u lanqas il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma jistabbilixxu proċedura speċifika sabiex iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari jiġu ggarantiti d-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn.

57

Madankollu, fir-rigward tas-sistema tad-Direttiva 2008/115 li tirregola d-deċiżjonijiet ta’ ritorn inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li, ladarba tiġi kkonstatata l-irregolarità tar-residenza, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva u bla preġudizzju għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(2) sa (5) ta’ din, jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi El Dridi, EU:C:2011:268, punt 35, u Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 31).

58

Minbarra dan, l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115 jippermetti lill-Istati Membri jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem tar-residenza regolari fl-istess waqt ta’ deċiżjoni ta’ ritorn. Minbarra dan, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “deċiżjoni ta’ ritorn” li jinsab fl-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva tassoċja d-dikjarazzjoni ta’ residenza illegali mal-obbligu ta’ ritorn.

59

Għaldaqstant u bla preġudizzju għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(2) sa (5) tal-imsemmija direttiva, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn tirriżulta neċessarjament minn dik li tikkonstata n-natura irregolari tar-residenza tal-persuna kkonċernata.

60

B’dan il-mod, peress li d-deċiżjoni ta’ ritorn hija marbuta mill-qrib, skont id-Direttiva 2008/115, mal-konstatazzjoni tan-natura irregolari tar-residenza, id-dritt għal smigħ ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tikkunsidra li tadotta fl-istess waqt deċiżjoni li tikkonstata residenza irregolari u deċiżjoni ta’ ritorn, din l-awtorità jkollha neċessarjament tisma’ lill-persuna kkonċernata b’mod li tippermettilha tesprimi ruħha speċifikament fuq din id-deċiżjoni msemmija l-aħħar, għaliex din kellha l-possibbiltà tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha fir-rigward tal-irregolarità tar-residenza tagħha u tal-motivi li jistgħu jiġġustifikaw, skont id-dritt nazzjonali, il-fatt li l-imsemmija awtorità ma tadottax deċiżjoni ta’ ritorn.

61

Madankollu, fir-rigward tal-proċedura amministrattiva li għandha tiġi segwita, skont il-premessa 6 tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jtemmu r-residenza irregolari ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz, huma josservaw proċedura ġusta u trasparenti (sentenza Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 40).

62

Għaldaqstant, mill-obbligu li tittieħed, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari fit-territorju tagħhom, deċiżjoni ta’ ritorn, mitluba permezz tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, wara proċedura ġusta u trasparenti, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom, minn naħa, jipprevedu b’mod espliċitu fid-dritt nazzjonali tagħhom l-obbligu ta’ tluq mit-territorju fil-każ ta’ residenza irregolari u, min-naħa l-oħra, jiżguraw li l-persuna kkonċernata tinstema’ b’mod validu fil-kuntest tal-proċedura marbuta mat-talba tagħha għal residenza jew, fejn xieraq, fuq l-irregolarità tar-residenza tagħha.

63

Fir-rigward, minn naħa, tar-rekwiżit li jiġi previst, fid-dritt nazzjonali, l-obbligu ta’ tluq mit-territorju fil-każ ta’ residenza irregolari, għandu jiġi osservat li l-Artikolu L. 511-1, I, 3, taċ-Ceseda jipprevedi b’mod espliċitu li l-awtorità Franċiża kompetenti tista’ tobbliga jitlaq mit-territorju Franċiż barrani li ma jkunx ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni, ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew mill-Konfederazzjoni tal-Isvizzera u li ma huwiex membru tal-familja ta’ tali ċittadin, jekk l-għoti jew it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza ġie rrifjutat fil-konfront tiegħu jew jekk il-permess ta’ residenza li kien mogħti lilu ġie rtirat.

64

Barra minn hekk, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu L.742‑7 taċ-Ceseda jispeċifika li l-barrani li ma ngħatax status ta’ refuġjat jew li l-protezzjoni sussidjarja ġiet definittivament irrifjutata fil-konfront tiegħu u li ma jistax jiġi awtorizzat jibqa’ fit-territorju b’xi mod ieħor għandu jitlaq mit-territorju Franċiż, u fin-nuqqas ta’ dan ikun suġġett għal miżura ta’ tneħħija.

65

Għaldaqstant, l-obbligu ta’ tluq mit-territorju fil-każ ta’ residenza irregolari huwa previst b’mod espliċitu fid-dritt nazzjonali.

66

Dwar, min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-dritt għal smigħ fir-rigward tat-talba għal residenza u, fejn xieraq, fir-rigward tal-irregolarità tar-residenza, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li, bl-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri d-deċiżjoni bid-data tas-26 ta’ Ottubru 2012, adottata inqas minn xahrejn wara n-notifika lil S. Mukarubega tad-deċiżjoni taċ-CNDA li tikkonferma dik tal-OFPRA li hija tiġi rrifjutata l-istatus ta’ refuġjat, l-awtoritajiet Franċiżi rrifjutaw li jirrikonoxxu għal S. Mukarubega dritt ta’ residenza abbażi tal-ażil u obbligawha, fl-istess waqt, titlaq mit-territorju Franċiż.

67

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn ittieħdet wara li ngħalqet il-proċedura ta’ eżami tad-dritt ta’ residenza ta’ S. Mukarubega abbażi tal-ażil, proċedura li fil-kuntest tagħha hija kienet f’pożizzjoni li tesponi b’mod eżawrjenti l-motivi kollha tat-talba tagħha għal ażil, u wara li kienet eżawrixxiet ir-rimedji ġudizzjarji kollha previsti mid-dritt nazzjonali rigward iċ-ċaħda ta’ din it-talba.

68

Mill-bqija, S. Mukarubega ma kkontestatx li hija kienet instemgħet fuq it-talba tagħha għal ażil, minn naħa, mill-OFPRA u, min-naħa l-oħra, miċ-CNDA b’mod utli u effettiv u f’kundizzjonijiet li kienu ppermettewlha tesponi l-motivi kollha tat-talba tagħha. Il-kritika ta’ S. Mukarubega fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti hija li ma semgħuhiex dwar il-bdil fis-sitwazzjoni personali tagħha bejn id-data tat-talba tagħha għal ażil u d-data tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn, jiġifieri matul perijodu ta’ 33 xahar.

69

Għandu jiġi osservat li tali argument ma huwiex rilevanti għaliex S. Mukarubega nstemgħet għat-tieni darba fuq it-talba tagħha għal ażil fis-17 ta’ Lulju 2012 miċ-CNDA, jiġifieri sitt ġimgħat qabel id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tirrifjutalha l-ażil u ftit iktar minn tliet xhur qabel l-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn.

70

B’dan il-mod, S. Mukarubega setgħet tippreżenta, b’mod utli u effettiv, l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-irregolarità tar-residenza tagħha. Għaldaqstant, l-obbligu li hija tinstema’ speċifikament dwar id-deċiżjoni ta’ ritorn qabel ma tiġi adottata l-imsemmija deċiżjoni jtawwal il-proċedura amministrattiva inutilment, mingħajr ma jżid il-protezzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata.

71

F’dan ir-rigward, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konkluzjonijiet tiegħu, għandu jiġi osservat li d-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ma jistax jiġi strumentalizzat sabiex terġa’ tinfetaħ b’mod indefinit il-proċedura amministrattiva u dan sabiex jiġi ppreżervat l-ekwilibriju bejn id-dritt fundamentali tal-persuna kkonċernata għal smigħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju u l-obbligu tal-Istati Membri li jiġġieldu kontra l-immigrazzjoni illegali.

72

Minn dan jirriżulta li, f’tali ċirkustanzi, l-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn adottata fil-konfront ta’ S. Mukarubega, wara l-proċedura li wasslet sabiex hija tiġi rrifjutata l-istatus ta’ refuġjat u sabiex tiġi stabbilita b’dan il-mod in-natura irregolari tar-residenza tagħha, hija l-konsegwenza loġika u neċessarja tal-imsemmija proċedura fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 u ġiet adottata b’mod konformi mad-dritt għal smigħ.

73

Fir-rigward tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ S. Mukarubega fil-5 ta’ Marzu 2013, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, S. Mukarubega kienet tpoġġiet taħt arrest preventiv abbażi tal-Artikolu 62-2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Franċiż minħabba l-użu frawdolenti minn dokument amministrattiv.

74

Is-smigħ ta’ S. Mukarubega seħħ fl-4 ta’ Marzu 2013, mit-15.30 sal-16.20. Mill-verbali ta’ din l-interrogazzjoni jirriżulta li S. Mukarubega nstemgħet fost l-oħrajn fuq id-dritt tagħha għal residenza fi Franza. Hija ġiet interrogata fuq il-punt dwar jekk hija kinitx taċċetta li tirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha u jekk hija kinitx tixtieq tibqa’ fi Franza.

75

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tiegħu, minkejja li din l-interrogazzjoni saret primarjament f’forma ta’ mistoqsijiet u tweġibiet, S. Mukarubega ġiet mitluba, matul din l-interrogazzjoni, sabiex iżżid kwalunkwe osservazzjoni oħra li hija kienet tikkunsidra bħala rilevanti.

76

Jirriżulta biċ-ċar minn dan il-verbali li S. Mukarubega kienet taf li ma kellha l-ebda dritt li tirrisjedi b’mod legali fi Franza, minkejja d diversi proċessi li hija kienet bdiet f’dan ir-rigward u li hija kienet taf il-konsegwenzi tas-sitwazzjoni irregolari tagħha. S. Mukarubega indikat li, minħabba l-fatt li kienet tinsab f’sitwazzjoni irregolari u li ma setgħetx la taħdem u lanqas tibqa’ fi Franza, hija kienet kisbet passaport falz Belġjan sabiex tmur il-Kanada.

77

Fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, il-Gvern Franċiż jindika li, waqt l-arrest preventiv, S. Mukarubega “ġiet interrogata mill-pulizija dwar is-sitwazzjoni tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt ta’ residenza”, li, “b’dan il-mod, hija indikat li pprovat titlaq it-territorju Franċiż biex tmur il-Kanada permezz ta’ passaport miksub b’mod frawdolenti fil-Belġju”, li “hija ma pprovdiet l-ebda element rigward ir-raġunijiet għall-preżenza tagħha fit-territorju Franċiż li jistgħu jiġġustifikaw eventwali dritt ta’ residenza fi Franza”, u li “b’mod partikolari, hija ma ddikjaratx intenzjoni li tippreżenta talba ġdida għal protezzjoni internazzjonali”.

78

Il-Gvern Franċiż iżid li, waqt l-arrest preventiv li ppreċeda t-tieni deċiżjoni ta’ ritorn, S. Mukarubega ma pprovatx issosti li s-sitwazzjoni eċċezzjonali tagħha kienet tali li tippermetti li tiġi rregolarizzata r-residenza tagħha fi Franza.

79

Għaldaqstant S. Mukarubega bbenefikat mill-possibbiltà li tinstema’ fuq fatturi oħra minbarra s-“sempliċi fatt ta’ soġġorn illegali” fis-sens tal-premessa 6 tad-Direttiva 2008/115.

80

Fid-dawl tal-modalitajiet tal-interrogazzjoni ta’ S. Mukarubega u sakemm is-salvagwardji implementati bil-leġiżlazzjoni u bil-ġurisprudenza Franċiża ġew irrispettati, il-fatt li din l-interrogazzjoni damet 50 minuta fih innifsu ma jippermettix li jiġi konkluż li ma kinitx biżżejjed.

81

Peress li t-tieni deċiżjoni ta’ ritorn ittieħdet ftit wara l-interrogazzjoni ta’ S. Mukarubega rigward l-irregolarità tar-residenza tagħha u peress li din setgħet tippreżenta, b’mod utli u effettiv, l-osservazzjonijiet tagħha fuq dan is-suġġett, mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 70 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali adottaw it-tieni deċiżjoni ta’ ritorn b’mod konformi mad-dritt għal smigħ.

82

Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt għal smigħ fil-proċeduri kollha, kif japplika fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115 u, b’mod partikolari tal-Artikolu 6 ta’ din, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li awtorità nazzjonali ma tismax iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz speċifikament fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ ritorn meta, wara li tkun ikkonstatat in-natura irregolari tar-residenza tiegħu fit-territorju nazzjonali fi tmiem proċedura li tkun irrispettat b’mod sħiħ id-dritt għal smigħ tiegħu, hija tikkunsidra li tieħu kontrih tali deċiżjoni, kemm jekk din id-deċiżjoni ta’ ritorn tkun tiġi wara rifjut ta’ permess ta’ residenza, kemm jekk le.

Fuq it-tieni domanda

83

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari li jibda, bl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, proċedura kontenzjuża ta’ natura sospensiva quddiem qorti nazzjonali, jippermettix lill-awtoritajiet nazzjonali amministrattivi li ma jisimgħuhx qabel l-adozzjoni ta’ att li jikkawżalu preġudizzju, f’dan il-każ, deċiżjoni ta’ ritorn.

84

Din id-domanda saret fil-każ li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt għal smigħ ma jkunx ġie rrispettat. Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

85

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt għal smigħ fil-proċeduri kollha, kif japplika fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6 ta’ din, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li awtorità nazzjonali ma tismax iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz speċifikament fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ ritorn meta, wara li tkun ikkonstatat in-natura irregolari tar-residenza tiegħu fit-territorju nazzjonali fi tmiem proċedura li tkun irrispettat b’mod sħiħ id-dritt għal smigħ tiegħu, hija tikkunsidra li tieħu kontrih tali deċiżjoni, kemm jekk din id-deċiżjoni ta’ ritorn tkun tiġi wara rifjut ta’ permess ta’ residenza, kemm jekk le.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top