EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0143

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-26 ta’ Frar 2015.
Bogdan Matei u Ioana Ofelia Matei vs SC Volksbank România SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Specializat Cluj.
Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn negozjant u konsumatur — Artikolu 4(2) — Evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali — Esklużjoni tal-klawżoli dwar l-għan prinċipali tal-kuntratt jew l-adegwatezza tal-prezz jew tar-remunerazzjoni sakemm dawn ikunu redatti b’mod ċar u komprensibbli — Klawżoli li jinkludu ‘kummissjoni għal riskju’ miġbura mill-persuna li ssellef u li tawtorizza lil din tal-aħħar, f’ċertu ċirkustanzi, li tbiddel unilateralment ir-rata tal-interessi.
Kawża C-143/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:127

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

26 ta’ Frar 2015 ( *1 )

“Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn negozjant u konsumatur — Artikolu 4(2) — Evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali — Esklużjoni tal-klawżoli dwar l-għan prinċipali tal-kuntratt jew l-adegwatezza tal-prezz jew tar-remunerazzjoni sakemm dawn ikunu redatti b’mod ċar u komprensibbli — Klawżoli li jinkludu ‘kummissjoni għal riskju’ miġbura mill-persuna li ssellef u li tawtorizza lil din tal-aħħar, f’ċertu ċirkustanzi, li tbiddel unilateralment ir-rata tal-interessi”

Fil-Kawża C‑143/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Specializat Cluj (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

Bogdan Matei,

Ioana Ofelia Matei

vs

SC Volksbank România SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, M. Safjan u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Novembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SC Volksbank România SA, minn D. Ciubotariu, G. Murgulescu u G. Vintilă, kif ukoll minn M. Clough, QC, u B. Papandopol, avukat,

għall-Gvern Rumen, minn R.-H. Radu u I.-R. Haţieganu, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Gheorghiu u M. Owsiany-Hornung, kif ukoll minn M. van Beek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn B. u I.O Matei (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“persuni li jissellfu” u SC Volksbank România SA (iktar ’il quddiem “Volksbank”) dwar in-natura allegatament inġusta ta’ klawżoli inklużi f’kuntratti ta’ kreditu għall-konsum li jipprevedu, minn naħa, “kummissjoni għal riskju” miġbura minn Volksbank u li jawtorizzaw, min-naħa l-oħra, lil din tal-aħħar, f’ċertu ċirkustanzi, tbiddel unilateralment ir-rata tal-interessi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 93/13

3

It-tnax, id-dsatax u l-għoxrin premessi tad-Direttiva 93/13 jiddikjaraw li:

“Billi, [...], kif inhuma bħalissa, il-liġijiet nazzjonali jippermettu li tiġi kkunsidrata biss armonizzazzjoni parzjali; billi b’mod partikolari, din id-Direttiva tkopri biss klawżoli kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment; billi l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla b’konsiderazzjoni xierqa tat-Trattat [KEE], li joffru lill-konsumaturi livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ disposizzjonijiet nazzjonali li jkunu aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva;

[...]

Billi, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, m’għandhiex issir stima [evalwazzjoni] ta’ karattru inġust ta’ klawżoli li jiddeskrivu l-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas il-proporzjon bejn kwalità/il-prezz tal-merkanzija jew is-servizzi pprovduti; billi l-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u l-proporzjon bejn kwalità/prezz jistgħu madankollu jiġu kkunsidrati meta tkun qiegħda ssir l-istima dwar jekk klawżoli oħra jkunux ġusti; [...]

Billi l-kuntratti għandhom jiġu abbozzati f’lingwa ċara, li tiftiehem [komprensibbli], il-konsumatur għandu fil-fatt jingħata opportunità biex jeżamina l-klawżoli kollha [...]”.

4

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.”

5

Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

[...]

3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

6

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 huwa redatt kif ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija [oġġetti] jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

2.   L-istima [evalwazzjoni] tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt] u lanqas mas-suffiċjenza [mal-adegwatezza] tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra [meta mqabbla ma]s-servizzi jew l-merkanzija [mal-oġġetti p]provduti bi tpartit [inkambju], fuq in-naħa l-oħra, safejn [sakemm] dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar [redatti b’mod ċar u komprensibbli].”

7

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. [...]”

8

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu, fil-qasam kopert [mid-] Direttiva, dispożizzjonijiet aktar stretti kompatibbli mat-Trattat, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur.”

9

L-Anness tal-istess direttiva, marbut mal-klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3) ta’ din tal-aħħar, jinkludi, fil-punt 1 tiegħu, lista mhux limitattiva tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati li huma inġusti. F’dan il-punt 1(j), hemm inklużi l-klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li “jawtorizzaw lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jibdel il-klawżoli ta’ kuntratt minn naħa waħda biss mingħajr raġuni valida li tkun speċifikata fil-kuntratt”. Fl-imsemmi punt 1(l), hemm inklużi dawk li għandhom l-għan jew l-effett “li jipprovdu [...] lil fornitur ta’ servizzi jżid il-prezz [tiegħu] mingħajr ma’ jagħti lill-konsumatur [...] id-dritt korrispondenti li jikkanċella l-kuntratt jekk l-aħħar prezz ikun għoli wisq f’relazzjoni mal-prezz miftiehem meta l-kuntratt ikun ġie konkluż”.

10

Il-punt 2 ta’ dan l-anness huwa marbut mal-portata tal-punt 1(g), (j) u (l) ta’ dan tal-aħħar. Dan il-punt 2(b) jindika b’mod partikolari li l-punt 1(j) “huwa mingħajr xkiel għal klawżoli li taħthom fornitur ta’ servizzi finanzjarji jirriserva d-dritt li jibdel ir-rata ta’ imgħaxijiet pagabbli mill-konsumatur jew dovuti lilu, jew l-ammont ta’ imposti oħra għal servizzi finanzjarji bla avviż fejn ikun hemm raġuni valida, sakemm dak il-fornitur ikun meħtieġ jinforma lil parti jew partijiet kontraenti oħra tagħhom fl-opportunità l-aktar kmieni u li dawn ta’ l-aħħar ikunu liberi li jxolju l-kuntratt immedjatament”. Il-punt 2(d) tal-istess anness jiddikjara li l-punt 1(l) ta’ dan tal-aħħar “huwa mingħajr xkiel għal klawsoli ta’l-indiċjar tal-prezzijiet, fejn legali, sakemm il-metodu li bih ivarjaw il-prezzijiet jiġi deskritt b’mod espliċitu”.

Id-Direttiva 2008/48/KE

11

Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66, u rettifiki ĠU L 207, p. 14, ĠU L 199, p.40 u ĠU L 234, p. 46), tistabbilixxi obbligu ġenerali għall-persuna li ssellef sabiex tindika lill-konsumatur, fl-istadju prekuntrattwali kif ukoll fil-kuntratt ta’ self, ċerta informazzjoni li tinkludi r-rata annwali effettiva globali (iktar ’il quddiem l-“APR”). L-Anness I ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-metodu ta’ kalkolu armonizzat tal-APR.

12

Skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva Nru 2008/48:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:

a)

ftehim [kuntratti] ta’ kreditu li huma [g]garantiti b’ipoteka jew b’garanzija komparabbli oħra użata komunament fi Stat Membru fuq proprjetà immobbli jew garantiti bi dritt relatat ma’ proprjetà immobbli;

[...]”

13

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[...]

g)

‘l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ tfisser l-ispejjeż kollha, inklużi interessi, kummissjonijiet, taxxi, u kwalunkwe tip ta’ onorarji oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim [kuntratt] ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur ħlief spejjeż notarili; l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari fir-rigward tal-ftehim [kuntratt] ta’ kreditu, b’mod partikolari ħlasijiet obbligatorji ta’ assigurazzjoni, huma inklużi wkoll jekk, barra minn hekk, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizz huwa obbligatorju biex jinkiseb il-kreditu jew biex jinkiseb il-kreditu skond it-termini u l-kondizzjonijiet kummerċjalizzati;

[...]

i)

‘[APR]’ tfisser l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur espressa bħala perċentwali annwali ta’ l-ammont totali ta’ kreditu [...]

[...]”

Id-dritt Rumen

Il-Liġi Nru 193/2000

14

Il-Liġi Nru 193/2000 dwar il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn negozjanti u konsumaturi, fil-verżjoni tagħha ppubblikata mill-ġdid (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 305 tat-18 ta’ April 2008, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 193/2000”), hija intiża li tittraspona d-Direttiva 93/13 fid-dritt intern.

15

L-Artikolu 1(3) tal-Liġi Nru 193/2000 jipprovdi:

“In-negozjanti huma pprojbiti milli jinkludu klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi.”

16

L-Artikolu 4 ta’ din il-liġi jipprovdi li:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma ġietx innegozzjata direttament mal-konsumatur hija kkunsidrata li hija inġusta jekk, ikkunsidrata b’mod iżolat jew flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-kuntratt, toħloq, bi ħsara għall-konsumatur jew b’mod kuntrarju għar-rekwiżiti ta’ bona fede, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet.

2.   Klawżola kuntrattwali hija kkunsidrata li hija ma ġietx innegozzjata direttament mal-konsumatur jekk din tkun ġiet stabbilita fejn il-konsumatur ma kellux il-possibbiltà li jinfluwenza n-natura tagħha, bħal fil-każ ta’ kuntratti standard jew ta’ kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ użati min-negozjati li joperaw fis-suq tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat.

3.   Il-fatt li ċerti elementi tal-klawżoli kuntrattwali jew waħda biss minn dawn il-klawżoli jkunu s-suġġett ta’ negozjati diretti mal-konsumatur ma jeskludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi għall-kumplament tal-kuntratt jekk l-evalwazzjoni globali tal-kuntratt turi li dan tal-aħħar ġie stabbilit minn qabel unilateralment min-negozjant. Jekk negozjant jallega li klawżola standard ġiet innegozjata direttament mal-konsumatur, huwa għandu l-oneru li jipproduċi provi f’dan is-sens.

4.   L-Anness, li jifforma parti integrali minn din il-liġi, jinkludi, bħala eżempju, lista ta’ klawżoli kkunsidrati li huma inġusti.

5.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata skont:

a)

in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi li huma s-suġġetti tal-kuntratt fil-mument tal-konklużjoni tiegħu;

b)

il-fatturi kollha li wasslu għall-konklużjoni tal-kuntratt;

ċ)

klawżoli oħra tal-kuntratt jew ta’ kuntratti oħra li dan jiddependi fuqhom.

6.   L-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas mal-adegwatezza tal-prezz jew tar-remunerazzjoni, minn naħa, meta mqabbla mas-servizzi jew mal-oġġetti pprovduti inkambju, sakemm dawn il-klawżoli jkunu redatti b’mod ċar u komprensibbli”.

17

Il-punt 1(a) tal-Anness imsemmi fl-Artikolu 4(4) tal-Liġi Nru 193/2000 jirriproduċi b’mod litterali l-punti 1(j) u 2(b) tal-anness tad-Direttiva 93/13.

Id-DUG Nru 50/2010

18

Id-digriet ta’ urġenza tal-Gvern Nru 50/2010 dwar il-kuntratti ta’ kreditu lill-konsumaturi (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 389, tal-11 ta’ Ġunju 2010, iktar ’il quddiem id-“DUG Nru 50/2010”) huwa intiż li jittrasponi d-Direttiva 2008/48 fid-dritt intern.

19

L-Artikolu 2(1) tad-DUG Nru 50/2010 jistabbilixxi li:

“Dan id-digriet ta’ urġenza japplika għall-kuntratti ta’ kreditu, inklużi l-kuntratti ta’ kreditu ggarantiti permezz ta’ ipoteka jew permezz ta’ dritt fuq immobbli, kif ukoll il-kuntratti ta’ kreditu li s-suġġett tagħhom huwa l-akkwist jew iż-żamma ta’ drittijiet għall-proprjetà fuq immobbli eżistenti jew ipproġettati, jew ir-rinnovazzjoni, l-iżvilupp, il-konsolidazzjoni, ir-riabilitazzjoni, l-estenzjoni jew il-valorizzazzjoni ta’ immobbli, irrispettivament mill-ammont totali tal-kreditu.”

20

L-Artikolu 36 tad-DUG Nru 50/2010 jipprovdi li:

“Għall-kreditu mogħti, il-kreditur jista’ jirċievi biss il-kummissjoni għall-ipproċessar tal-fajl, il-kummissjoni għall-amministrazzjoni tal-kreditu jew il-kummissjoni għall-amministrazzjoni tal-kont kurrenti, il-kumpens fil-każ ta’ rimbors antiċipat, l-ispejjeż marbuta mal-assigurazzjoni, u jekk ikun il-każ, il-penalitajiet, kif ukoll kummissjoni waħda għas-servizzi pprovduti fuq talba tal-konsumaturi”.

21

L-Artikolu 95 tad-DUG Nru 50/2010 jipprovdi li:

“1.   Fir-rigward ta’ kuntratti fi stadju ta’ eżekuzzjoni, il-kredituri għandhom, f’terminu ta’ 90 jum wara d-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet ta’ urġenza, jiggarantixxu l-konformità tal-kuntratt mad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet ta’ urġenza.

2.   L-emenda ta’ kuntratti fi stadju ta’ eżekuzzjoni għandha ssir permezz ta’ addendum, f’terminu ta’ 90 jum wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet ta’ urġenza.

[...]”

Il-Liġi Nru 288/2010

22

Skont il-punt 39 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu I tal-Liġi Nru 288/2010 dwar l-approvazzjoni tad-digriet ta’ urġenza tal-Gvern Nru 50/2010 dwar kuntratti ta’ kreditu mal-konsumaturi (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 888, tat-30 ta’ Diċembru 2010):

“L-Artikolu 95 [tad-DUG Nru 50/2010] huwa emendat kif ġej:

Artikolu 95 – Id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet ta’ urġenza ma humiex applikabbli għall-kuntratti viġenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet ta’ urġenza, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37a, tal-Artikoli 66 sa 69 [...], tal-Artikoli 50 sa 55, 56(2), 57(1) u (2) u 66 sa 71.”

23

L-Artikolu II tal-Liġi Nru 288/2010 jipprovdi li:

“1.   L-addendum konklużi u ffirmati sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi sabiex tiġi ggarantita l-konformità tal-kuntratti mad-dispożizzjonijiet tad-[DUG Nru 50/2010] għandhom jipproduċu l-effetti tagħhom skont it-termini tal-kuntratt stabbiliti mill-partijiet.

2.   L-addendum mhux iffirmati mill-konsumaturi, ikkunsidrati li huma aċċettati taċitament sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, għandhom jipproduċu l-effetti tagħhom skont it-termini li huma redatti fihom, mingħajr ħsara għal notifika kuntrarja tal-konsumatur jew tal-persuna li ssellef f’terminu ta’ 60 jum li jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

24

Il-persuni li ssellfu kkonkludew żewġ kuntratti ta’ kreditu ma’ Volksbank. L-ewwel kuntratt, konkluż fl-4 ta’ Marzu 2008 li kien intiż li jkopri spejjeż kurrenti personali, kien jirrigwarda kreditu fl-ammont ta’ EUR 8 000. Dan il-kreditu, li għandu jiġi rrimborsat fuq perijodu ta’ ħames snin, ingħata b’rata ta’ interessi annwali attwali fissa ta’ 9 % u b’APR ta’ 20.49 %.

25

It-tieni kuntratt, konkluż fis-7 ta’ Marzu 2008, jirrigwarda kreditu fl-ammont ta’ CHF 103 709. 18 li kien intiż sabiex jiffinanzja x-xiri ta’ proprjetà immobbli u li huwa ggarantit b’ipoteka fuq din il-proprjetà. Peress li dan il-kreditu kellu jitħallas lura fuq perijodu ta’ 25 sena, ir-rata ta’ interessi annwali attwali hija ta’ 3.99 % u l-APR tiegħu hija ta’ 19.55 %.

26

Skont il-klawżola 3(d) tal-kundizzjonijiet partikolari ta’ dawn iż-żewġ kuntratti, marbuta man-natura varjabbli tar-rata tal-interessi, “il-bank jirriżerva d-dritt li jirrevedi r-rata ta’ interessi attwali f’każ li jseħħ tibdil sinjifikattiv fis-suq monetarju, ir-rata l-ġdida tal-interessi tiġi kkomunikata lill-persuna li tissellef; ir-rata tal-interessi hekk mibdula għandha tapplika mid-data tal-komunikazzjoni”.

27

Il-klawżola 3.5 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intitolata “kummissjoni għal riskju”, tipprovdi li, sabiex jingħata l-kreditu, il-persuna li tissellef tista’ tkun suġġetta, fir-rigward tal-bank, għal kummissjoni għal riskju, ikkalkolata fuq l-ammont tal-kreditu, li hija tħallas fix-xahar matul il-perijodu kollu tal-kreditu.

28

Il-klawżola 5 tal-kundizzjonijiet partikolari tal-imsemmija kuntratti, intitolata wkoll “kummissjoni għal riskju”, tispeċifika li din il-kummissjoni tekwivali għall-bilanċ tal-kreditu mmultiplikat b’ 0.74 % għall-kreditu mogħti f’euro u b’0.22 % għall-kreditu mogħti fi franki Svizzeri. L-ammont totali dovut abbażi ta’ din il-kummissjoni jammonta għal EUR 397.17 għall-kreditu mogħti f’euro u għal CHF 39 955.98 għall-kreditu mogħti fi franki Svizzeri.

29

Wara t-22 ta’ Ġunju 2010, data tad-dħul fis-seħħ tad-DUG Nru 50/2010, Volksbank adottat miżuri sabiex il-kuntratti ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet. Għaldaqstant dan il-bank ippropona li jissostitwixxi, fl-abbozzi tal-addendum għal dawn il-kuntratti ta’ kreditu, l-isem tal-klawżoli dwar il-“kummissjoni għal riskju” b’dak ta’ “kummissjoni għall-amministrazzjoni tal-kreditu”, peress li l-ġbir ta’ din il-kummissjoni kienet awtorizzata espressament mill-Artikolu 36 tal-imsemmi digriet, mingħajr ma jbiddel il-kontentut ta’ dawn il-klawżoli. Il-persuni li ssellfu opponew din il-proposta u, konsegwentement, irrifjutaw li jiffirmaw dawn l-addenda.

30

Peress li qiesu li l-klawżoli kollha tal-kuntratti ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fosthom hemm il-klawżoli dwar in-natura varjabbli tar-rata tal-interessi u l-“kummissjoni għar-riskju” kienu ta’ natura inġusta fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 193/2000, il-persuni li ssellfu, wara li indirizzaw lill-Awtorità nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumaturi li ma laqgħetx it-talba tagħhom, ippreżentaw kawża quddiem il-Judecătoria Cluj-Napoca (qorti tal-ewwel istanza ta’ Cluj-Napoca), bil-għan li din tal-aħħar tikkonstata n-natura inġusta tal-klawżoli kkonċernati u għaldaqstant in-nullità tagħhom.

31

Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2011, din il-qorti laqgħet parzjalment ir-rikors tal-persuni li ssellfu.

32

Din il-qorti ddeċidiet li ċerti klawżoli huma ta’ natura inġusta u għandhom konsegwentement jiġu kkunsidrati li huma nulli. Dan għandu jgħodd ukoll, skont l-istess qorti, għall-klawżola dwar in-natura varjabbli tar-rata tal-interessi peress li, il-kunċett ta’ “tibdil sinjifikattiv fis-suq monetarju” kien wisq vag, sa fejn dan tal-aħħar kien jippermetti lill-bank ibiddel ir-rata tal-interessi b’mod diskrezzjonali.

33

Għall-kuntrarju, din il-qorti kkunsidrat li l-klawżoli dwar il-“kummissjoni għal riskju” kif ukoll il-proposta ta’ klawżola dwar il-“kummissjoni għall-amministrazzjoni tal-kreditu” ma jistgħux jiġu kklassifikati li huma inġusti, peress li, b’mod partikolari, ma huwiex kompitu tagħha li tevalwa r-riskju konkret assunt mill-bank u lanqas l-effikaċja tal-garanziji kuntrattwali.

34

Adita b’appell minn din is-sentenza, kemm min-naħa tal-persuni li ssellfu kif ukoll min-naħa ta’ Volksbank, it-Tribunalul Specializat Cluj jirrileva li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni dwar jekk klawżoli kuntrattwali bħal dawk li jirrigwardaw l-“kummissjoni għal riskju” inkwistjoni fil-kawża prinċipali jifformawx parti mill-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett [mis-suġġett prinċipali]” u/jew mill-“prezz”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, ċerti qrati Rumeni diġà ddeċidew li tali klawżoli ma jaqgħux taħt l-imsemmija kunċetti, kif inklużi fl-Artikolu 4(6) tal-liġi Nru 193/2000, peress li din id-dispożizzjoni tirriproduċi b’mod litterali it-termini tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, b’tali mod li dawn il-klawżoli ma humiex esklużi minn evalwazzjoni tan-natura inġusta possibbli tagħhom.

35

Dawn il-qrati kkunsidraw li din l-esklużjoni ma tapplikax għal tali klawżoli, peress li, b’mod partikolari, l-persuna li ssellef ma tipprovdi ebda servizz li jikkostitwixxi korrispettiv li jiġġustifika l-ġbir ta’ din il-kummissjoni u li, barra minn hekk, ir-redazzjoni ta’ dawn il-klawżoli ma hijiex ċara biżżejjed.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Specializat Cluj a ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, l-evalwazzjoni tan-natura abbużiva [inġusta] tal-klawżoli ma tirrigwarda la d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas l-adegwatezza tal-prezz u tar-remunerazzjoni, minn naħa, meta mqabbla mas-servizzi jew mal-prodotti [oġġetti] pprovduti inkambju, min-naħa l-oħra, sakemm dawn il-klawżoli jkunu redatti b’mod ċar u li jinftiehem [komprensibbli], u peress li, skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/48, id-definizzjoni li l-Artikolu 3(g) ta’ din l-istess direttiva jagħti tal-kunċett tal-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur, li tinkludi l-kummissjonijiet kollha li l-konsumatur għandu jħallas għall-kuntratt ta’ kreditu lill-konsumaturi, ma hijiex applikabbli sabiex jiġi ddeterminat is-suġġett ta’ kuntratt ta’ kreditu ggarantit permezz ta’ ipoteka, b’hekk il-kunċetti ta’ ‘suġġett [prinċipali]’ u/jew ta’ ‘prezz’ li għalihom jirreferi l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13/KEE jistgħu jiġu interpretati fis-sens li dawn il-kunċetti - is-‘suġġett [prinċipali]’ u/jew il-‘prezz’ ta’ kuntratt ta’ kreditu ggarantit permezz ta’ ipoteka - jinkludu wkoll, fost l-elementi li jiffurmaw il-korrispettiv dovut għall-istabbiliment tal-kreditu, l-[APR] ta’ dan il-kuntratt ta’ kreditu ggarantit permezz ta’ ipoteka, iffurmat b’mod partikolari mir-rata ta’ interessi fissa jew varjabbli, mill-kummissjonijiet bankarji u mill-ispejjeż l-oħra inklużi u ddefiniti fil-kuntratt ta’ kreditu?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

37

Volksbank issostni li l-kawża bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali ġiet riżolta minħabba l-konklużjoni ta’ tranżazzjoni mal-persuni li ssellfu. Għaldaqstant peress li ma baqa’ l-ebda kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, ma hijiex neċessarja risposta għad-domanda preliminari u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata, skont l-Artikolu 100(2) tar-Regoli tal-Proċeduri tagħha, li l-kundizzjonijiet tal-ġurisdizzjoni tagħha ma humiex issodisfatti.

38

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jekk din tal-aħħar tikkonstata li effettivament ma jkun għad hemm l-ebda kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, b’tali mod li r-risposta għad-domanda preliminari ma jkollha l-ebda utilità għal din il-qorti sabiex tiġi riżolta kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li ma għadx hemm lok li tingħata sentenza fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Djabali, C-314/96, EU:C:1998:104, punti 16, 21 u 22; García Blanco, C-225/02, EU:C:2005:34, punti 23 u 29 sa 31, u d-digriet Mohammad Imran, C-155/11 PPU, EU:C:2011:387, punti 14 u 19 sa 21).

39

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Frar 2014, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li kien ġie konkluż kuntratt ta’ tranżazzjoni bejn Volksbank u l-persuni li ssellfu.

40

Madankollu, f’din l-istess ittra, din il-qorti indikat li hija ma kinitx ħadet kont ta’ dan il-kuntratt sa fejn dan jikkonċerna l-kwistjoni tan-natura allegatament inġusta tal-klawżoli kuntrattwali dwar il-“kummissjoni għal riskju” miġbura minn Volksbank, peress li din id-domanda għandha tiġi kkunsidrata li hija tikkostitwixxi kwistjoni ta’ ordni pubbliku li dwarha l-partijiet ma jistgħux jittranżiġu u li, konsegwentement, risposta min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula tibqa’, għall-imsemmija qorti, ta’ importanza enormi sabiex issolvi l-kawża prinċipali.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkonstatat, skont il-prinċipju stabbilit mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li effettivament ma għad hemm l-ebda kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Għall-kuntrarju, mill-indikazzjonijiet ipprovduti minn din tal-aħħar jirriżulta espressament li risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula tibqa’ mhux biss utli, iżda bl-istess mod determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

42

Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn Volksbank għandha tiġi miċħuda u għandha tingħata deċiżjoni fuq id-domanda preliminari.

Fuq il-mertu

43

Preliminarjament, hemm lok li tiġi ddeterminata l-portata tad-deċiżjoni magħmula.

44

Skont din id-domanda, din tirrigwarda l-punt dwar jekk il-kunċetti ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” u/jew ta’ “prezz”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, jistgħux jiġu interpretati fis-sens li dawn jinkludu, fost l-elementi li jifformaw il-korrispettiv dovut għall-istabbiliment ta’ kreditu, l-APR tal-kuntratt ta’ kreditu, ifformata b’mod partikolari mir-rata tal-interessi fissa jew varjabbli, minn kummissjonijiet bankarji u spejjeż oħra inklużi u ddefiniti f’dan il-kuntratt.

45

Il-kliem tal-imsemmija domanda jsemmi barra minn hekk li din tal-aħħar tirrigwarda l-inklużjoni f’dawn il-kunċetti ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” u/jew ta’ “prezz” ta’ kull klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum iggarantit b’ipoteka, li jinkludu korrispettiv dovut mill-konsumatur lill-persuna li ssellef u li jifformaw parti mill-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, kif iddefinit fl-Artikolu 3(ġ) tad-Direttiva 2008/48, u, għaldaqstant, tal-APR.

46

Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat, minn naħa, li mill-motivi kollha tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali, kif inhi pendenti fl-istadju tal-appell ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, tikkonċerna l-iktar l-iktar żewġ tipi ta’ klawżoli dwar il-korrispettiv dovut mill-konsumatur lill-persuna li ssellef u inklużi fil-kuntratti ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri klawżoli li jipprevedu “kummissjoni għal riskju” miġbura mill-persuna li ssellef u klawżoli li jawtorizzaw lil din tal-aħħar, f’ċertu ċirkustanzi, li tbiddel ir-rata tal-interessi. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, tqum il-kwistjoni dwar jekk tali klawżoli jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) tal-Liġi Nru 193/2000, li huwa intiż li jittrasponi l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 fid-dritt Rumen.

47

Min-naħa l-oħra, il-portata eżatta tal-kunċetti ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” u/jew ta’ “prezz”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, ma tistax tiġi ddeterminata permezz tal-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48.

48

Dan l-aħħar kunċett huwa, fil-fatt, iddefinit b’mod partikolarment wiesa’, b’tali mod li s-somma totali tal-ispejjeż kollha imposti fuq il-konsumatur u marbuta ma’ ħlasijiet mwettqa minn dan tal-aħħar kemm lill-persuna li ssellef kif ukoll lill-terzi jissemmew b’mod ċar fil-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum, peress li tali obbligu proċedurali jipparteċipa fl-għan prinċipali ta’ trasparenza segwit minn din id-direttiva.

49

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jeħtieġ li jingħata interpretazzjoni stretta peress li dan jistabbilixxi eċċezzjoni għall-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-fondi tal-klawżoli inġusti kif previst fil-kuntest ta’ sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi implementata minn din id-direttiva (sentenza Kásler u Káslerné Rábai, C-26/13, EU:C:2014:282, punt 42).

50

Barra minn hekk, it-termini “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” u “suffiċjenza [adegwatezza] tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra [meta mqabbla ma]s-servizzi jew il-merkanzija [mal-oġġetti p]provduti bi tpartit [inkambju], fuq in-naħa l-oħra”, li jinsabu fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, għandhom jingħataw normalment, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kásler u Káslerné Rábai, EU:C:2014:282, punti 37 u 38).

51

Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk żviluppat kriterji għall-interpretazzjoni tal-imsemmija kunċetti, li jieħdu preċiżament inkunsiderazzjoni l-għan proprju tad-Direttiva 93/13, jiġifieri dak intiż sabiex l-Istati Membri jkunu obbligati jipprovdu għal mekkaniżmu li jiżgura li n-natura possibbilment inġusta ta’ kull klawżola kuntrattwali li ma kinitx ġiet innegozzjata individwalment tkun tista’ tistħarreġ għall-finijiet tal-protezzjoni li għandha tingħata lill-konsumatur minħabba l-fatt li dan jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tan-negozjant kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjati kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kásler u Káslerné Rábai, EU:C:2014:282, punti 39 u 40).

52

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-termini “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” u “suffiċjenza [adegwatezza] tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra [meta mqabbla ma]s-servizzi jew [mal-oġġetti p]provduti bi tpartit [inkambju], fuq in-naħa l-oħra” jkopru tipi ta’ klawżoli inklużi f’kuntratti ta’ kreditu konklużi bejn negozjant u konsumaturi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, jippermettu, f’ċertu ċirkustanzi, lill-persuna li ssellef li tbiddel unilateralment ir-rata tal-interessi, u, min-naħa l-oħra, jipprovdu għal “kummissjoni għal riskju” miġbura minn din tal-aħħar.

53

F’dan ir-rigward, għalkemm hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli skont iċ-ċirkustanzi proprji tal-każ quddiemha, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tislet mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, f’dan il-każ dawk tal-Artikolu 4(2), il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika waqt l-eżami tal-klawżoli kuntrattwali fid-dawl ta’ dawn tal-aħħar (sentenza Kásler u Káslerné Rábai, EU:C:2014:282, punt 45).

54

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-klawżoli kuntrattwali li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġetttal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, għandhom jinftiehmu li huma dawk li jistabbilixxu l-elementi essenzjali ta’ dan il-kuntratt u li, bħala tali, jikkaratterizzawh. Għall-kuntrarju, il-klawżoli li huma ta’ natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza anki tar-relazzjoni kuntrattwali ma jistgħux jaqgħu taħt l-imsemmi kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]”. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tan-natura, l-istruttura ġenerali u l-istipulazzjonijiet tal-kuntratt ta’ self ikkonċernat kif ukoll fil-kuntest legali u fattwali li jkun fih dan tal-aħħar, jekk il-klawżola kkonċernata tikkostitwixxix element essenzjali tal-obbligu tad-debitur li jikkonsisti fir-rimbors tal-ammont ipprovdut lilu mill-persuna li ssellef (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kásler u Káslerné Rábai, EU:C:2014:282, punti 49 sa 51).

55

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li mit-termini tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li t-tieni kategorija ta’ klawżoli li fir-rigward tagħhom ma tistax issir evalwazzjoni tan-natura possibbilment inġusta tagħhom, għandha portata mnaqqsa, peress li din l-esklużjoni tikkonċerna biss l-adegwatezza bejn il-prezz jew ir-remunerazzjoni prevista u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, u din l-esklużjoni hija spjegata mill-fatt li ma teżisti ebda skala jew kriterju legali li jista’ jappoġġa u jiggwida l-istħarriġ ta’ din l-adegwatezza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kásler u Káslerné Rábai, EU:C:2014:282, punti 54 u 55).

56

Għaldaqstant, il-klawżoli dwar il-korrispettiv dovut mill-konsumatur lill-persuna li ssellef jew li jinċidu fuq il-prezz effettiv li għandu jitħallas lil dan tal-aħħar mill-konsumatur, fil-prinċipju, ma jaqgħux taħt din it-tieni kategoriji ta’ klawżoli, ħlief fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-ammont tal-korrispettiv jew tal-prezz kif stabbilit fil-kuntratt ikunx adegwat għas-servizz ipprovdut bħala korrispettiv mill-persuna li ssellef.

57

Fir-rigward b’mod partikolari tal-klassifikazzjoni, fid-dawl tal-kriterji mfakkra fil-punti 54 sa 56 ta’ din is-sentenza, tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 u, fl-ewwel lok, tal-klawżoli li jippermettu lill-persuna li ssellef, f’ċertu ċirkustanzi, tbiddel unilateralment ir-rata ta’ interess, diversi elementi għandhom tendenza jindikaw li dawn tal-aħħar ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-esklużjoni prevista minn din id-dispożizzjoni.

58

Fil-fatt, jeħtieġ, qabel xejn, li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li klawżola simili, li tirrigwarda mekkaniżmu ta’ tibdil tal-ispejjeż tas-servizzi li jiġu pprovduti lill-konsumatur, ma taqax taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 (sentenza Invitel, C-472/10, EU:C:2012:242, punt 23).

59

Sussegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-klawżoli li jippermettu lill-persuna li ssellef li tbiddel unilateralment ir-rata tal-interessi tinsab espressament fil-punt 1(j) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 li, skont l-Artikolu 3(3) ta’ din tal-aħħar, jinkludi lista indikattiva, u mhux eżawrjenti, ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti. Il-punt 2(b) ta’ dan l-anness jippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom l-imsemmi punt 1(j) ma jipprekludix tali klawżoli.

60

Fid-dawl tal-għan segwit mill-Anness tad-Direttiva 93/13, jiġifieri li tingħata “lista griża” ta’ klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati li huma inġusti, l-inklużjoni f’din tal-aħħar ta’ klawżoli bħal dawk li jippermettu lill-persuna li ssellef li tbiddel unilateralment ir-rata tal-interessi tkun fil-parti l-kbira tagħha inutli jekk dawn tal-aħħar huma qabel xejn esklużi minn evalwazzjoni tan-natura inġusta possibbli tagħhom, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

61

Dan jgħodd ukoll għal-leġiżlazzjoni Rumena applikabbli u, b’mod partikolari, għall-Artikolu 4(4) tal-Liġi Nru 193/2000 li huwa intiż li jittrasponi l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13 u l-Anness imsemmi minn din id-dispożizzjoni, permezz ta’ mekkaniżmu li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ “lista sewda” ta’ klawżoli li għandhom jiġu kkunsidrati bħala inġusti. Barra minn hekk, tali mekkaniżmu jaqa’ taħt dispożizzjonijiet iktar stretti li l-Istati Membri jistgħu, f’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, jadottaw jew iżommu, fil-qasam irregolat mid-Direttiva 93/13, sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni ogħla għall-konsumatur, skont l-Artikolu 8 ta’ din tal-aħħar.

62

Barra minn hekk, jista’ wkoll jikkostitwixxi indizju tan-natura aċċessorja ta’ tali klawżoli ċ-ċirkustanza li dawn tal-aħħar, peress li jinkludu essenzjalment mekkaniżmu ta’ aġġustament li jippermetti lill-persuna li ssellef li tbiddel il-klawżola li tistabbilixxi r-rata tal-interessi, ma jidhrux madankollu li jistgħu jiġu sseparati minn din il-klawżola li tista’ tifforma parti mill-għan prinċipali tal-kuntratt.

63

Fl-aħħar, dawn il-klawżoli jidhru wkoll li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, peress li, b’riżerva għal verifika min-naħa tal-qorti tar-rinviju, jidher li jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, li n-natura inġusta hija invokata mhux minħabba allegata inadegwatezza bejn il-livell tar-rata mibdula u kwalunkwe korrispettiv ipprovdut inkambju għal din il-bidla, iżda minħabba kundizzjonijiet u kriterji li jippermettu lill-persuna li ssellef li twettaq din il-bidla, b’mod partikolari minħabba raġuni bbażata fuq it-“tibdil sinifikattiv fis-suq monetarju”.

64

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-klawżoli li jipprevedu “kummissjoni għal riskju” miġbura mill-persuna li ssellef, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, diversi elementi jippermettu li jiġi kkunsidrat li dawn tal-aħħar ma jaqgħux taħt waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

65

Qabelxejn, tqum il-kwistjoni dwar jekk tali klawżoli jistgħux jaqgħu taħt l-esklużjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 4(2) peress li jiġi kkunsidrat, fatt li għandu jiġi vverifikat, kif diġà ntqal fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, mill-qorti tar-rinviju, li dawn jifformaw parti minn klawżoli kuntrattwali li jiddefinixxu l-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett [is-suġġett prinċipali]” tal-kuntratt.

66

Għalhekk, hija din il-qorti li għandha tevalwa jekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punt 54, dawn il-klawżoli jistabbilixxux wieħed mill-elementi essenzjali previsti mill-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew jekk dawn tal-aħħar humiex pjuttost ta’ natura aċċessorja meta mqabbla mal-klawżoli, li jiddefinixxu l-essenza stess tar-relazzjoni kuntrattwali.

67

Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-imsemmija qorti għandha b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni l-għan essenzjali segwit mill-“kummissjoni għal riskju” li tikkonsisti fil-garanzija tar-rimbors tas-self, li jikkostitwixxi manifestament obbligu essenzjali impost fuq il-konsumatur bħala korrispettiv għall-provvista tal-ammont misluf.

68

Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li għandu jiggwida l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, imfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, il-fatt biss li l-“kummissjoni għal riskju” tista’ tiġi kkunsidrata li hija tirrappreżenta parti relattivament sinjifikattiva mill-APR u għaldaqstant mid-dħul tal-persuna li ssellef mill-kuntratti ta’ kreditu kkonċernati huwa fil-prinċipju irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali li jipprovdu għal din il-kummissjoni jiddefinixxux il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett [suġġett prinċipali]” tal-kuntratt.

69

Sussegwentement, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina l-punt dwar jekk il-klawżoli li jipprevedu “kummissjoni għal riskju” miġbura mill-persuna li ssellef, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħux ikunu koperti mit-tieni kategorija ta’ esklużjonijiet msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Issa ċerti elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jindikaw pjuttost li dan ma huwiex il-każ.

70

Fil-fatt, dejjem b’riżerva għall-verifika minn din il-qorti, uħud mill-imsemmija elementi jidhru li jindikaw li s-suġġett tal-kawża prinċipali ma jirrigwardax l-adegwatezza bejn l-ammont ta’ din il-kummissjoni u kwalunkwe servizz ipprovdut mill-persuna li ssellef, peress li huwa sostnut li l-persuna li ssellef ma tipprovdi l-ebda servizz effettiv li jista’ jikkostitwixxi l-korrispettiv għal din il-kummissjoni, b’tali mod li l-kwistjoni tal-adegwatezza ta’ din il-kummissjoni ma tistax tqum (ara, b’analoġija, is-sentenza Kásler u Káslerné Rábai, EU:C:2014:282, punt 58).

71

Għall-kuntrarju, l-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidhru li jindikaw li l-vertenza fil-kawża prinċipali hija ċċentrata fuq il-kwistjoni tar-raġunijiet li jiġġustifikaw il-klawżoli kkonċernati, u b’mod partikolari fuq dik dwar jekk, sa fejn dawn jimponu fuq il-konsumatur il-ħlas ta’ kummissjoni f’ammont sinjifikattiv maħsuba sabiex jiżgura r-rimbors tas-self, meta huwa sostnut li dan ir-riskju huwa diġà ggarantit minn ipoteka u li, inkambju għal din il-kummissjoni, il-bank ma jipprovdi l-ebda servizz reali lill-konsumatur, fl-interess waħdieni ta’ dan tal-aħħar, dawn il-klawżoli għandhomx jiġu kkunsidrati li huma inġusti, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13.

72

Fl-aħħar, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, għalkemm il-qorti tar-rinviju għandha tikkonkludi, fid-dawl tal-elementi prodotti mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għad-domanda magħmula, li l-klawżoli kkonċernati jifformaw parti madankollu mill-għan prinċipali tal-kuntratt jew li huma fil-fatt ikkontestati inkonnessjoni mal-adegwatezza tal-prezz jew tar-remunerazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dawn il-klawżoli għandhom, fi kwalunkwe każ, ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta possibbli tagħhom, f’każ li kellu jiġi kkonstatat, għal darba oħra kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, li dawn ma humiex redatti b’mod ċar u komprensibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kásler u Káslerné Rábai, EU:C:2014:282, punt 61).

73

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li r-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali msemmi fl-Artikoli 4(2) u (5) tad-Direttiva 93/13, dispożizzjonijiet li għandhom barra minn hekk, portata identika, ma jistax jitnaqqas għan-natura komprensibbli biss ta’ dawn tal-aħħar fuq il-livelli formali u grammatikali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kásler u Káslerné Rábai, EU:C:2014:282, punti 69 u 71).

74

Mill-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 93/13 kif ukoll mill-punti 1(j) u (l), u 2(b) u (d) tal-anness ta’ din id-direttiva jirriżulta li huwa ta’ importanza sinjifikattiva għall-finijiet tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza, il-punt dwar jekk il-kuntratt ta’ self jesponix b’mod trasparenti r-raġunijiet u l-partikolaritajiet tal-mekkaniżmu ta’ tibdil tar-rata tal-interessi u r-relazzjoni bejn din il-klawżola u klawżoli oħra dwar ir-remunerazzjoni tal-persuna li ssellef, b’tali mod li konsumatur informat ikun jista’ jipprevedi, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kásler u Káslerné Rábai, EU:C:2014:282, punt 73).

75

Din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-elementi ta’ fatt rilevanti, fosthom ir-reklamar u l-informazzjoni pprovduta mill-persuna li ssellef fil-kuntest tan-negozjati ta’ kuntratt ta’ self, u b’kunsiderazzjoni tal-livell ta’ attenzjoni li jista’ jiġi mistenni minn konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kásler u Káslerné Rábai, EU:C:2014:282, punt 74).

76

Issa, fir-rigward tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, fl-ewwel lok, ta’ dawk li jippermettu lill-persuna li ssellef tbiddel unilateralment ir-rata tal-interessi, jeħtieġ li titqajjem id-domanda dwar il-prevedibbiltà tal-konsumatur fir-rigward taż-żidiet ta’ din ir-rata li jistgħu jitwettqu mill-persuna li ssellef skont il-kriterju, prima facie mhux tant trasparenti, marbut mat-“tibdil sinjifikattiv fis-suq monetarju”, anki jekk din l-aħħar imsemmija formulazzjoni hija fiha nnifisha grammatikament ċara u komprensibbli.

77

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-klawżoli li jipprovdu għall-“kummissjoni għal riskju”, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kuntratt ta’ self ikkonċernat jesponix b’mod trasparenti r-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-remunerazzjoni li tikkorrispondi ma’ din il-kummissjoni, peress li huwa kkontestat li l-persuna li ssellef hija obbligata li tipprovdi korrispettiv reali għall-finijiet tal-kisba tal-imsemmija kummissjoni, minbarra l-fatt li tassumi riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas lura, li huwa sostnut li huwa diġà ggarantit permezz ta’ ipoteka. In-nuqqas ta’ trasparenza tal-inklużjoni, fil-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tal-motivi li jiġġustifikaw dawn il-klawżoli jidher, barra minn hekk, li huwa kkonfermat mill-fatt, imfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, li, f’dan il-każ, il-persuna li silfet ipproponiet lill-persuni li ssellfu li l-isem tal-imsemmija klawżoli jinbidel b’dak ta’ “kummissjoni għall-amministrazzjoni tal-kreditu”, mingħajr ma jinbidel il-kontentut ta’ dawn tal-aħħar.

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, t-termini “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” u “suffiċjenza [adegwatezza] tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra [meta mqabbla ma]s-servizzi jew il-merkanzija [mal-oġġetti p]provduti [bħala korrispettiv], fuq in-naħa l-oħra” ma jkoprux, fil-prinċipju, tipi ta’ klawżoli inklużi f’kuntratti ta’ kreditu konklużi bejn negozjant u konsumaturi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-persuna li ssellef li tbiddel unilateralment ir-rata tal-interessi, u, min-naħa l-oħra, jipprovdu għal “kummissjoni għal risku” miġbura minn din tal-aħħar. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika din il-klassifikazzjoni tal-imsemmija klawżoli kuntrattwali fid-dawl tan-natura, tal-istruttura ġenerali u tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratti kkonċernati kif ukoll tal-kuntest legali u fattwali li jkunu fih.

Fuq l-ispejjeż

79

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-termini “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali ta’ kuntratt]” u “suffiċjenza [adegwatezza] tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra [meta mqabbla ma]s-servizzi jew il-merkanzija [mal-oġġetti p]provduti [bħala korrispettiv], fuq in-naħa l-oħra” ma jkoprux, fil-prinċipju, tipi ta’ klawżoli inklużi f’kuntratti ta’ kreditu konklużi bejn negozjant u konsumaturi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-persuna li ssellef li tbiddel unilateralment ir-rata tal-interessi u, min-naħa l-oħra, jipprovdu għal “kummissjoni għal risku” miġbura minn din tal-aħħar. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika din il-klassifikazzjoni tal-imsemmija klawżoli kuntrattwali fid-dawl tan-natura, tal-istruttura ġenerali u tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratti kkonċernati kif ukoll tal-kuntest legali u fattwali li jkunu fih.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top