EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0012

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Ottubru 2014.
Gérard Buono et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Politika komuni tas-sajd – Kwoti tas-sajd – Miżuri urġenti adottati mill-Kummissjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE – Kundizzjonijiet – Dannu reali u ċert.
Kawżi magħquda C‑12/13 P u C‑13/13 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2284

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

“Appell — Politika komuni tas-sajd — Kwoti tas-sajd — Miżuri urġenti adottati mill-Kummissjoni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni — It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE — Kundizzjonijiet — Dannu reali u ċert”

Fil-Kawżi magħquda C-12/13 P u C-13/13 P,

Li għandhom bħala suġġett żewġ appelli abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fl-4 ta’ Jannar 2013,

Gérard Buono, residenti f’Agde (Franza),

Jean-Luc Buono, residenti f’Agde,

Roger Del Ponte, residenti f’Balaruc-les-Bains (Franza),

Serge Antoine Di Rocco, residenti f’Sète (Franza),

Jean Gérald Lubrano, residenti f’Balaruc-les-Bains,

Jean Lubrano, residenti f’Port-Vendres (Franza),

Jean Lucien Lubrano, residenti f’Saleilles (Franza),

Fabrice Marin, residenti f’Frontignan (Franza),

Robert Marin, residenti f’Balaruc-les-Bains,

irrappreżentati minn A. Arnaud u P.-O. Koubi-Flotte, avukati (C‑12/13 P),

u

Syndicat des thoniers méditerranéens, stabbilit f’Marseille (Franza),

Marc Carreno, residenti f’Sète (Franza),

Jean Louis Donnarel, residenti f’Lourmarin (Franza),

Jean-François Flores, residenti f’Sète,

Gérald Jean Lubrano, residenti f’Balaruc-les-Bains,

Hervé Marin, residenti f’Balaruc-le-Vieux (Franza),

Nicolas Marin, residenti f’Frontignan,

Sébastien Marin, residenti f’Bouzigues (Franza),

Serge Antoine José Perez, residenti f’Sorède (Franza),

irrappreżentati minn C. Bonnefoi, avukat (C‑13/13 P),

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet u D. Nardi, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, A. Borg Barthet u J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, J. Malenovský, E. Levits (Relatur), C. Vajda, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Marzu 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bl-appell tagħhom, Gérard Buono, Jean-Luc Buono, Roger Del Ponte, Serge Antoine Di Rocco, Jean Gérald Lubrano, Jean Lubrano, Jean Lucien Lubrano, Fabrice Marin u Robert Marin (Kawża C-12/13 P) kif ukoll is-Syndicat des thoniers méditerranéens (iktar ’il quddiem is-“STM”), Marc Carreno, Jean-Louis Donnarel, Jean-François Flores, Gérald Jean Lubrano, Hervé Marin, Nicolas Marin, Sébastien Marin u Serge Antoine José Perez (Kawża C-13/13 P) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Syndicat des thoniers méditerranéens et vs Il-Kummissjoni (T‑574/08, EU:T:2012:583, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-ksib tad-danni allegatament subiti minħabba l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 530/2008, tat-12 ta’ Ġunju 2008, li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fir-rigward ta’ bastimenti bil-purse seines li jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran (ĠU L 155, p. 9).

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, tal-20 ta’ Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 5, p. 460), għandu l-għan li jistabbilixxi approċċ fuq medda ta’ snin ta’ amministrazzjoni tas-sajd biex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul ta’ dan is-settur.

3

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2371/2002, intitolat “Miżuri ta’ emerġenza tal-Kummissjoni”, jipprovdi:

“1.   Jekk ikun jidher li hemm xi theddida serja għall-konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin, jew għall-eko-sistema tal-baħar b’riżultat ta’ attivitajiet tas-sajd u jkun hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata, il-Kummissjoni, fuq it-talba sostanzjata ta’ Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tista’ tiddeċiedi fuq xi miżuri ta’ emerġenza li m’għandhomx ikunu għal aktar minn sitt xhur. Il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni ġdida biex ittawwal iż-żmien dwar il-miżuri ta’ emerġenza b’mhux aktar minn sitt xhur.

2.   L-Istat Membru għandu jgħaddi t-talba fl-istess ħin lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali konċernati. Jistgħu jibagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub lill-Kummissjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol wara li tkun waslet it-talba.

Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien ħmistax-il ġurnata wara l-wasla tat-talba msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Il-miżuri ta’ emerġenza għandhom jibdew iseħħu minnufih. Għandhom jiġu notifikati lill-Istati Membri konċernati, u pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

4.   L-Istati Membri konċernati jistgħu jirreferu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill fi żmien 10 ġranet mill-wasla tan-notifikazzjoni.

5.   Il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq maġġoranza kwalifikata, jista’ jieħu deċiżjoni differenti fi żmien xahar mill-wasla tat-talba riferita lilu.”

4

L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2371/2002, intitolat “Allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd”, jipprovdi:

“1.   Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar il-limiti ta’ qbid u/jew opportunitajiet tas-sajd u dwar l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif ukoll dwar il-kondizzjonijiet assoċjati ma’ dawk il-limiti. Opportunitajiet tas-sajd għandhom jitqassmu bejn l-Istati Membri b’mod li jassigura lil kull Stat Membru stabbilità relattiva ta’ attivitajiet tas-sajd għal kull ħażna jew żona tas-sajd.

2.   Meta l-Komunità tistabbilixxi opportunitajiet tas-sajd ġodda il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni ta’ dawk l-opportunitajiet, waqt li jqis l-interessi ta’ kull Stat Membru.

3.   Kull Stat Membru għandu jiddeċiedi, għal bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, dwar il-metodu kif jiġu allokati opportunitajiet tas-sajd assenjati lil dak l-Istat Membru skond il-liġi tal-Komunità. Għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-metodu ta’ allokazzjoni.

4.   Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal pajjiżi terzi f’ilmijiet tal-Komunità u jalloka dawk l-opportunitajiet lil kull pajjiż terz.

5.   L-Istati Membri jistgħu, wara li javżaw lill-Kummissjoni, ibiddlu l-opportunitajiet kollha jew parti minnhom li jkunu allokati lilhom.”

5

F’dan il-kuntest, jidħol ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/2008, tas-16 ta’ Jannar 2008, li jistabbilixxi għall-2008 l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kondizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità u, għal bastimenti Komunitarji f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta’ qbid (ĠU L 19, p. 1).

6

Dawn il-limiti u kwantitajiet ġew emendati bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 446/2008, tat-22 ta’ Mejju 2008, li jadatta ċerti kwoti tat-tonn fl-2008 skond l-Artikolu 21(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (ĠU L 134, p. 11).

7

B’applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2371/2002, il-Kummissjoni adottat, fit-12 ta’ Ġunju 2008, ir-Regolament Nru 530/2008.

8

Il-premessa 6 tar-Regolament Nru 530/2008 tiddikjara li:

“Id-dejta li għandha, kif ukoll it-tagħrif miksub mill-ispetturi tal-Kummissjoni matul il-missjonijiet tagħhom fl-Istati Membri kkonċernati, juru li l-opportunitajiet ta’ sajd tat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran allokati lil bastimenti li jistadu bil-purse seines li jtajru l-bandiera tal-Greċja, ta’ Franza, ta’ l-Italja, ta’ Ċipru u ta’ Malta jew li huma rreġistrati fihom se jitqiesu li ġew eżawriti fis-16 ta’ Ġunju 2008 u li l-opportunitajiet ta’ sajd għall-istess stokk allokati lil bastimenti li jistadu bil-purse seines li jtajru l-bandiera ta’ Spanja jew li huma rreġistrati fiha se jitqiesu li ġew eżawriti fit-23 ta’ Ġunju 2008.”

9

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil-purse seines u li jtajru l-bandiera tal-Greċja, ta’ Franza, ta’ l-Italja, ta’ Ċipru u ta’ Malta jew li huma rreġistrati fihom għandu jiġi pprojbit mis-16 ta’ Ġunju 2008.

Għandu jiġi pprojbit ukoll, li stokk ta’ dan it-tip jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, u t-trażbord jew il-ħatt l-art minn dawk il-bastimenti minn dik id-data.”

10

L-Artikolu 2 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil-purse seines u li jtajru l-bandiera ta’ Spanja jew li huma rreġistrati fiha għandu jiġi pprojbit mit-23 ta’ Ġunju 2008.

Għandu jiġi pprojbit ukoll, li stokk ta’ dan it-tip jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, u t-trażbord jew il-ħatt l-art minn dawk il-bastimenti minn dik id-data.”

11

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 530/2008 jipprovdi:

“1.   Skond it-tieni paragrafu, mis-16 ta’ Ġunju 2008, operaturi Komunitarji ma għandhomx jaċċettaw il-ħatt l-art, it-tqegħid f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jew it-trażbordi f’ilmijiet jew f’portijiet tal-Komunità ta’ tonn maqbud fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil-purse seines.

2.   Il-ħatt l-art, it-tqegħid fil-gaġeġ għat-tismin u għat-trobbija u t-trażbord f’ilmijiet jew f’portijiet tal-Komunità, ta’ tonn maqbud fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil-purse seines u li jtajru l-bandiera ta’ Spanja jew li huma rreġistrati fiha, għandhom ikunu konċessi sat-23 ta’ Ġunju 2008.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

12

L-appellanti fil-Kawża C-12/13 P kif ukoll Marc Carreno, Jean-Louis Donnarel, Jean-François Flores, Gérald Jean Lubrano, Hervé Marin, Nicolas Marin, Sébastien Marin u Serge Antoine José Perez, appellanti fil-Kawża C-13/13 P, huma sidien ta’ bastimenti u/jew azzjonisti f’bastimenti li jistadu bil-purse seines li jtajru l-bandiera Franċiża u li joperaw fil-Mediterran. Dawn huma kollha membri tas-STM.

13

Is-STM, li huwa appellant ukoll fil-Kawża C-13/13 P, huwa sindakat professjonali rregolat mill-Ktieb IV tal-Kodiċi tax-Xogħol Franċiż, li jistgħu jissieħbu miegħu biss il-ħaddiema ta’ fuq il-baħar marbuta mas-sajd tat-tonn.

14

L-appellanti kollha minbarra s-STM kellhom, għall-2008, liċenzja tas-sajd speċjali, li kienet tawtorizzahom jaqbdu, iżommu, jittrażbordaw, jittrasferixxu, iħottu, jittrasportaw, jaħżnu u jbigħu tonn tal-Mediterran, fil-limiti tal-opportunitajiet ta’ sajd għad-dispożizzjoni tagħhom taħt forma ta’ kwoti individwali. L-awtorizzazzjoni, li nħarġet mill-awtoritajiet Franċiżi, kienet tippermetti s-sajd għall-perijodu mill-1 ta’ April 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2008.

15

Wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 530/2008, li pprekluda s-sajd tat-tonn fil-Mediterran, il-kampanja ta’ sajd għat-tonn ġiet interrotta fis-16 ta’ Ġunju 2008 u l-liċenzji tas-sajd tal-appellanti minbarra s-STM ġew irtirati.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

16

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Diċembru 2008, ifformat kollettivament mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, awturi tal-appell fil-Kawżi C-12/13 P u C-13/13 P, dawn tal-aħħar ippreżentaw rikors għal kumpens intiż biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea mingħajr ħtija minħabba l-adozzjoni tar-Regolament Nru 530/2008.

17

B’digriet tal-25 ta’ Marzu 2010, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ġiet sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ttemm l-istanza fil-Kawża C-221/09, AJD Tuna, u d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà fil-Kawżi T‑532/08, Norilsk Nickel Harjavalta u Umicore vs Il-Kummissjoni, kif ukoll T‑539/08, Etimine u Etiproducts vs Il-Kummissjoni.

18

Bis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna (C-221/09, EU:C:2011:153), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament Nru 530/2008 kien invalidu sa fejn, peress li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2371/2002, il-preklużjonijiet stabbiliti minnu kienu jidħlu fis-seħħ mit-23 ta’ Ġunju 2008 f’dak li jikkonċerna l-bastimenti li jistadu bil-purse seines li jtajru l-bandiera Spanjola jew irreġistrati f’dan l-Istat Membru u l-operaturi Komunitarji li kkonkludew kuntratti magħhom filwaqt li dawn il-preklużjonijiet kienu jidħlu fis-seħħ mis-16 ta’ Ġunju 2008 għall-bastimenti li jistadu bil-purse seines li kienu jtajru l-bandiera Griega, Franċiża, Taljana, ta’ Ċipru kif ukoll ta’ Malta, jew irreġistrati f’dawn l-Istati Membri u l-operaturi Komunitarji li kkonkludew kuntratti magħhom, mingħajr ma din id-differenza fit-trattament ma kienet iġġustifikata oġġettivament.

19

Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors kien inammissibbli, sa fejn dan kien ippreżentat mis-STM, u ċaħdet ir-rikors bħala infondat, sa fejn dan kien ippreżentat mir-rikorrenti l-oħra.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

20

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2013, il-Kawżi C-12/13 P u C-13/13 P ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza, skont l-Artikolu 54 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21

L-appellanti fil-Kawża C-12/13 P jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi fil-mertu billi tikkundanna lill-Kummissjoni, abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, għall-ħlas tas-somom segwenti:

lil Gérard Buono u Jean-Luc Buono, is-somma ta’ EUR 1 523 588.94,

lil Roger Del Ponte, is-somma ta’ EUR 1 068 600,

lil Serge Antoine Di Rocco, is-somma ta’ EUR 1 094 800,

lil Jean Gérald Lubrano, is-somma ta’ EUR 855 628.20,

lil Jean Lubrano u Jean Lucien Lubrano, is-somma ta’ EUR 1 523 588.94,

lil Fabrice Marin u Robert Marin, is-somma ta’ EUR 865 784.59,

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

22

L-appellanti fil-Kawża C-13/13 P jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiddikjara ammissibbli r-rikors ippreżentat mis-STM;

tannulla s-sentenza appellata;

tikkundanna lill-Kummissjoni, abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, għall-ħlas tas-somom kumpensatorji mitluba fir-rikors; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appelli;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali; u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-appelli kif ukoll għal dawk tal-ewwel istanza.

Fuq it-talba intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

24

Peress li l-proċedura orali ntemmet fl-20 ta’ Marzu 2014 wara l-preżentata tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, l-appellanti fil-Kawża C-13/13 P talbu l-ftuh mill-ġdid tal-proċedura orali b’ittra tal-24 ta’ Marzu 2014, li ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Marzu 2014.

25

B’mod partikolari, dawn tal-aħħar osservaw, minn naħa, li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali huma bbażati fuq argument li ma ġiex diskuss biżżejjed bejn il-partijiet, jiġifieri n-natura legali jew le tar-Regolament Nru 530/2008, u, min-naħa l-oħra, li jeżisti fatt ġdid, ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, marbut mal-fatt li l-Kummissjoni baqgħet inattiva u ma adottatx miżuri intiżi biex tirrimedja d-diskriminazzjoni li wasslet għall-invalidità tar-Regolament Nru 530/2008.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, abbażi tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ f’kull mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuh mill-ġdid tal-proċedura orali, b’mod partikolari jekk din tqis li ma jkollhiex biżżejjed informazzjoni jew meta parti tkun ressqet, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet jew bejn il-persuni interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenzi Pohotovosť, C-470/12, EU:C:2014:101, punt 21, u Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C-190/12, EU:C:2014:249, punt 20).

27

Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li jippreżenta fil-pubbliku, b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet immotivati dwar il-Kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżiġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hija marbuta la mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mill-motivazzjoni li abbażi tagħha huwa jasal għal dawn il-konklużjonijiet (sentenza Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C-593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li għandha biżżejjed informazzjoni biex tiddeċiedi, li dawn il-kawżi ma għandhomx bżonn li jiġu deċiżi abbażi ta’ argumenti li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet u li l-fatt il-ġdid imsemmi mill-appellanti ma huwiex tali li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

Fuq l-appelli

Fuq l-ewwel aggravju invokat fil-Kawża C-13/13 P

L-argumenti tal-partijiet

29

Bl-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti fil-Kawża C-13/13 P josservaw li, meta ddeċidiet li s-STM ma kellhiex locus standi, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi tal-proċess. Dawn iqisu li eżami komplet ta’ dawn il-provi jista’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tas-STM li jippermettilu li jitlob kumpens għad-dannu distint tiegħu.

30

Minn naħa, l-appellanti fil-Kawża C-13/13 P jikkontestaw l-eżattezza materjali tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li saret fil-punt 23 tas-sentenza appellata, li tgħid li s-STM ma pprovax id-dannu li sofra, billi rreferew għar-risposti bil-miktub tagħhom għal żewġ domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali, li minnhom jirriżulta li d-dannu morali tas-STM huwa marbut mal-ħsara lid-dehra professjonali tal-attività tal-membri tiegħu.

31

Min-naħa l-oħra, l-appellanti fil-Kawża C-13/13 P ma jikkontestawx l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, magħmula fil-punt 24 tas-sentenza appellata, li tgħid li s-STM ma rċeviex dritt għal kumpens li ġie ttrasferit mill-membri tiegħu, iżda josservaw li, konformement mal-liġi Franċiża, is-STM għandu, bħala sindakat professjonali, missjoni ta’ interess ġenerali li tikkonferilu interess ġuridiku għalih u għall-membri tiegħu.

32

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mill-appellanti fil-Kawża C-13/13 P insostenn tal-ewwel aggravju tagħhom. Fir-risposta tagħha, hija tinnota li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali jirrifletti l-argumentazzjoni konfuża żviluppata mis-STM.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33

Abbażi tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu, b’mod partikolari, jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jkollu t-talbiet u espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati.

34

Huwa stabbilit li, biex azzjoni għad-danni tissodisfa r-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq, ir-rikorrent għandu jindika, fir-rikors, il-motivi li jrid jinvoka insostenn tal-pretensjonijiet tiegħu u, b’mod partikolari, in-natura tad-dannu li jkun sofra kif ukoll il-fatt li wassal għal dan id-dannu (digriet TAO/AFI vs Il-Kummissjoni, C‑322/91, EU:C:1992:495, punt 13).

35

Min-naħa l-oħra, kull talba għad-danni, li s-suġġett tagħha ma huwiex ippreċiżat u li għaliha ma hemmx l-espożizzjoni tal-motivi invokati, għandha titqies inammissibbli (sentenza Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il-Kunsill, 5/71, EU:C:1971:116, punti 8 u 9).

36

Issa, ir-rikors fl-ewwel istanza ma kien fih ebda preċiżazzjoni fuq in-natura tad-dannu allegatament subit mis-STM.

37

Fil-fatt, id-dannu allegatament subit mis-STM jissemma’ biss fil-parti tar-rikors fejn jinsabu t-talbiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza u taħt il-forma ta’ talba għal ammont fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 30 000, għad-danni morali, li ser jiġi investit fi programmi ta’ informazzjoni għall-membri tas-STM.

38

Isegwi li, hekk kif qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 22 tas-sentenza appellata, fir-rikors tiegħu s-STM ma pprovda ebda preċiżazzjoni dwar, minn naħa, in-natura tad-dannu allegat fir-rigward tal-aġir ilmentat kontra l-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, anki b’mod approssimattiv, l-evalwazzjoni ta’ dan id-dannu. Barra minn hekk, l-affermazzjoni li tgħid li l-ammont ta’ EUR 30 000 ser jintuża għall-informazzjoni tal-membri tas-STM hija irrilevanti għad-determinazzjoni tan-natura jew tal-firxa tad-dannu invokat, peress li din tirrigwarda biss l-użu futur tal-kumpens u mhux il-firxa tad-dannu invokat.

39

Konsegwentement, ir-rikors għad-danni mressaq mis-STM kellu, f’kull każ, jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba li ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-punt jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ddikjarat ir-rikors inammissibbli, sa fejn dan kien tressaq mis-STM, minħabba n-nuqqas ta’ locus standi ta’ dan tal-aħħar.

Fuq it-tielet aggravju invokat fil-Kawża C-12/13 P u t-tielet u r-raba ’ aggravji invokati fil-Kawża C-13/13 P

L-argumenti tal-partijiet

40

Bit-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti fil-Kawża C-12/13 P josservaw li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx l-eżistenza, b’mod ġenerali, ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali mingħajr ħtija fil-liġi tal-Unjoni.

41

Bit-tielet u bir-raba’ aggravji tagħhom, li għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu aggravju wieħed, l-appellanti fil-Kawża C-13/13 P josservaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn din iddeċidiet, fil-punti 82 sa 88 tas-sentenza appellata, li d-dannu invokat ma kellux karattru mhux normali peress li ma kienx jaqbeż il-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti għas-settur tas-sajd.

42

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha invokati fil-kuntest tal-aggravji msemmija.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43

Huwa stabbilit li, fl-istat attwali tal-liġi tal-Unjoni, l-eżami komparattiv tas-sistemi legali tal-Istati Membri ma jippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba l-eżerċizzju legali minnha tal-attivitajiet tagħha li jidħlu fl-isfera normativa (ara s-sentenza FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punti 175 u 179).

44

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi, peress li, minn naħa, hija bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza msemmija, fil-punti 69 sa 73 tas-sentenza appellata, u, min-naħa l-oħra, peress li din qieset, fil-punt 76 tas-sentenza msemmija, li kien fid-dawl ta’ din l-istess ġurisprudenza li kellu jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni riżultanti minn att legali.

45

Isegwi li t-tielet aggravju invokat mill-appellanti fil-Kawża C-12/13 P għandu jiġi miċħud bħala infondat.

46

Fir-rigward tat-tielet u tar-raba’ aggravji tar-rikorrenti fil-Kawża C-13/13 P, il-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 77 sa 87 tas-sentenza appellata, l-eżami tal-karattru allegatament mhux normali u speċjali tad-dannu invokat b’mod eżawrjenti, fil-każ li l-prinċipju tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni riżultanti minn att legali kellu jiġi rikonoxxut fil-liġi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-237/98 P, EU:C:2000:321, punti 18 u 19).

47

Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest ta’ appell, meta wieħed mill-motivi kkunsidrat mill-Qorti Ġenerali jkun biżżejjed biex jiġġustifika d-dispożittiv tas-sentenza tagħha, id-difetti li jista’ jkollu motiv ieħor tas-sentenza inkwistjoni ma jistgħux jinfluwenzaw id-dispożittiv imsemmi, b’tali mod li l-aggravju li jinvokahom ikun ineffettiv u jkollu jiġi miċħud (sentenza Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, EU:C:2004:236, punt 68).

48

Isegwi li t-tielet u r-raba’ aggravji invokati mill-appellanti fil-Kawża C-13/13 P għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi, peress li huma diretti kontra motiv eżawrjenti tas-sentenza appellata.

Fuq it-tieni aggravju invokat fil-Kawża C-13/13 P

L-argumenti tal-partijiet

49

Bit-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti fil-Kawża C-13/13 P josservaw li r-Regolament Nru 530/2008 jibqa’, anki wara l-adozzjoni tas-sentenza AJD Tuna (EU:C:2011:153), att prinċipalment legali, iddikjarat invalidu biss parzjalment, jiġifieri f’dak li jikkonċerna d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu fir-rigward tal-bastimenti li jistadu bil-purse seines li jtajru l-bandiera Griega, Franċiża, Taljana, ta’ Ċipru kif ukoll ta’ Malta, jew irreġistrati f’dawn l-Istati Membri u l-operaturi tal-Unjoni li kkonkludew kuntratti magħhom.

50

Il-Kummissjoni, wara li ħadet nota tal-fatt li l-aggravju msemmi kien dirett kontra punti tas-sentenza appellata fir-rigward ta’ rikorrenti fl-ewwel istanza differenti minn dawk li ppreżentaw l-appell fil-Kawża C-13/13 P, tikkunsidra li huwa fondat u li, konsegwentement, l-adozzjoni tas-sentenza AJD Tuna (EU:C:2011:153) ma tikkostitwixxix fatt ġdid, fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

51

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat ammissibbli l-motiv ibbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni riżultanti minn att illegali, invokat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li ppreżentaw l-appel fil-Kawża C-12/13 P, peress li, hekk kif jirriżulta minn qari tas-sentenza AJD Tuna (EU:C:2011:153), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ir-Regolament Nru 530/2008 invalidu biss sa fejn il-preklużjonijiet stabbiliti minnu daħlu fis-seħħ mit-23 ta’ Ġunju 2008 għall-bastimenti li jistadu bil-purse seines li jtajru l-bandiera Spanjola jew li huma rreġistrati f’dan l-Istat Membru u l-operaturi tal-Unjoni li kkonkludew kuntratti magħhom filwaqt li dawn il-preklużjonijiet daħlu fis-seħħ mis-16 ta’ Ġunju 2008 għall-bastimenti li jistadu bil-purse seines li jtajru l-bandiera Griega, Franċiża, Taljana, ta’ Ċipru kif ukoll ta’ Malta, jew irreġistrati f’dawn l-Istati Membri u l-operaturi tal-Unjoni li kkonkludew kuntratti magħhom u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kienu b’ebda mod preklużi milli jippreżentaw rikors għad-danni minħabba preġudizzju li jirriżulta minn att illegali tal-Unjoni, anki fin-nuqqas ta’ sentenza li tiddikjara l-invalidità ta’ dan tal-aħħar.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

52

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-inammissibbiltà tat-tieni aggravju mressaq mill-appellanti fil-Kawża C-13/13 P, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta l-Qorti Ġenerali tkun għaqdet żewġ kawżi u tkun adottat sentenza unika li tirrispondi l-motivi kollha ppreżentati mill-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, kull waħda minnhom tista’ tikkritika r-raġunamenti relattivi għal motivi li, quddiem il-Qorti Ġenerali, ġew invokati biss mir-rikorrenti fil-kawża magħquda l-oħra (sentenza ISD Polska et vs Il-Kummissjoni, C-369/09 P, EU:C:2011:175, punt 85 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

F’dan il-każ, anki jekk, inizjalment, il-Qorti Ġenerali kellha quddiemha kawża waħda biss, il-fatt li, matul il-proċedura bil-miktub, l-appellanti ġew maqsuma f’żewġ gruppi, fejn wieħed minnhom, jiġifieri dak tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, li ppreżentaw l-appell fil-Kawża C-12/13 P, invoka aggravju ġdid, jippermetti l-applikazzjoni, b’analoġija, tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq.

54

Isegwi li t-tieni aggravju ppreżentat mill-appellanti fil-Kawża C-13/13 P, dirett kontra r-risposta li ngħatat mill-Qorti Ġenerali għal motiv invokat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li ppreżentaw l-appell fil-Kawża C-12/13 P, huwa ammissibbli.

55

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fondatezza tat-tieni aggravju ppreżentat mill-appellanti fil-Kawża C-13/13 P, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura.

56

F’dan il-każ, hekk kif tfakkar fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza AJD Tuna (EU:C:2011:153), li r-Regolament Nru 530/2008 kien invalidu, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet fil-kawża biex jadottaw pożizzjoni bil-miktub fuq il-konsegwenzi li kellhom jinsiltu mis-sentenza msemmija. Fir-risposta tagħhom, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li ppreżentaw l-appell fil-Kawża C-12/13 P, ifformulaw motiv ibbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni riżultanti minn att illegali. B’mod partikolari, dawn tal-aħħar osservaw li l-permess mogħti lill-bastimenti li jistadu bil-purse seines li jtajru l-bandiera Spanjola li jistadu sat-23 ta’ Ġunju 2008, filwaqt li l-bastimenti li jistadu bil-purse seines li jtajru l-bandiera Griega, Franċiża, Taljana, ta’ Ċipru kif ukoll ta’ Malta kellhom jinterrompu s-sajd tagħhom fis-16 ta’ Ġunju 2008, ikkawżalhom dannu li għandu natura reali u ċerta u li jikkonsisti fil-parti li ma nqabditx u li ma nbiegħetx tal-kwota tagħhom għall-2008.

57

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li fil-punti 48 u 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza, li ppreżentaw l-appell fil-Kawża C-12/13 P, kienu fformulaw motiv li ma kienx issemma fir-rikors promotur u li, konsegwentement, kien jikkostitwixxi motiv ġdid, fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

58

F’dan ir-rigward, dwar l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv, fil-punti 53 u 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-sentenza AJD Tuna (EU:C:2011:153), deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja f’data li ġiet wara dik tal-preżentata tar-rikors, kellha titqies li hija element li jippermetti l-preżentata ta’ motiv ġdid, peress li s-sentenza msemmija bidlet is-sitwazzjoni legali eżistenti waqt il-preżentata tar-rikors. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, wara s-sentenza AJD Tuna (EU:C:2011:153), ir-Regolament Nru 530/2008 ġie invalidat b’mod sħiħ billi ma baqax joħloq effetti legali bl-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ legalità.

59

Issa, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jibda minn qari żbaljat tas-sentenza AJD Tuna (EU:C:2011:153). B’mod partikolari, mill-punti 105 sa 108 tas-sentenza msemmija jirriżulta li, billi ddifferiet sat-23 ta’ Ġunju 2008 id-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta’ projbizzjoni tas-sajd għall-bastimenti li jistadu bil-purse seines li jtajru l-bandiera Spanjola biss, mingħajr ma dan it-terminu supplimentari ma kien oġġettivament iġġustifikat, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. B’hekk, minn din l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, billi ċaħdet il-motivi l-oħra kollha intiżi biex jistabbilixxu l-invalidità tar-Regolament Nru 530/2008, is-sentenza AJD Tuna (EU:C:2011:153) iddikjarat lil dan ir-Regolament invalidu biss sa fejn il-bastimenti li jistadu bil-purse seines li jtajru l-bandiera Spanjola bbenefikaw minn ġimgħa supplimentari ta’ sajd, filwaqt li żammet il-validità tad-data ta’ projbizzjoni ffissata għall-bastimenti li jistadu bil-purse seines l-oħra, jiġifieri s-16 ta’ Ġunju 2008.

60

Isegwi li, kuntrarjament għall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, peress li r-Regolament Nru 530/2008 ġie ddikjarat invalidu biss sa fejn jagħti trattament iktar favorevoli lill-bastimenti li jistadu bil-purse seines li jtajru l-bandiera Spanjola, l-adozzjoni tas-sentenza AJD Tuna (EU:C:2011:153) ma tikkostitwixxix element ta’ liġi ġdid li deher matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, peress li l-projbizzjoni ta’ sajd stabbilita għall-bastimenti li jistadu bil-purse seines li jtajru l-bandiera Griega, Franċiża, Taljana, ta’ Ċipru kif ukoll ta’ Malta, baqgħet valida, is-sentenza msemmija ma għamlet xejn ħlief ikkonfermat sitwazzjoni ta’ liġi li r-rikorrenti fl-ewwel istanza, li ppreżentaw appell fil-Kawża C-12/13 P, kienu jafu fil-mument meta huma ppreżentaw ir-rikors tagħhom.

61

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-adozzjoni tas-sentenza AJD Tuna (EU:C:2011:153) kienet tikkostitwixxi element ta’ liġi ġdid, li jippermetti l-preżentata ta’ motiv ġdid matul l-istanza.

62

Madankollu, għandu jitfakkar li, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jirrilevaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda li d-dispożittiv jidher fondat għal motivi oħra ta’ liġi, tali ksur ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, EU:C:2008:476, punt 187, kif ukoll Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C-465/09 P sa C-470/09 P, EU:C:2011:372, punt 171).

63

F’dan il-każ, għalkemm il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat ammissibbli l-motiv ibbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni riżultanti minn att illegali, invokat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li ppreżentaw l-appell fil-Kawża C-12/13 P, dan l-iżball ma huwiex tali li jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali, f’kull każ, ċaħdet il-motiv imsemmi bħala infondat fil-punti 55 sa 66 tas-sentenza appellata.

64

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tieni aggravju invokat mill-appellanti fil-Kawża C-13/13 P, għalkemm fondat, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ojha vs Il-Kummissjoni, C-294/95 P, EU:C:1996:434, punt 52, kif ukoll FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, EU:C:2008:476, punt 189).

Fuq l-ewwel u t-tieni aggravji invokati fil-Kawża C-12/13 P

L-argumenti tal-partijiet

65

Bl-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti fil-Kawża C-12/13 P josservaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-kuntest tal-eżami tal-attivazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni riżultanti minn att illegali, sa fejn din iddeċidiet, fil-punti 61 sa 66 tas-sentenza appellata, li d-dannu invokat ma kellux natura reali u ċerta.

66

Bit-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti fil-Kawża C-12/13 P josservaw li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball fl-evalwazzjoni tagħha tal-karattru reali u ċert tad-dannu invokat, sa fejn din ma kkonstatatx li dan tal-aħħar jirriżulta mill-ksur li sar tad-drittijiet ta’ proprjetà u tal-libertà tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali.

67

Il-Kummissjoni tosserva li dawn l-aggravji għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli u, f’kull każ, bħala infondati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68

Għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punt 64 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat ammissibbli l-motiv ibbażat fuq l-attivazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni riżultanti minn att illegali, invokat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li ppreżentaw l-appell fil-Kawża C-12/13 P, matul il-proċedura fl-ewwel istanza.

69

Isegwi li, peress li l-motiv imsemmi kellu jiġi ddikjarat inammissibbli, l-ewwel u t-tieni aggravji invokati mill-appellanti fil-Kawża C-12/13 P għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi sa fejn dawn jirrigwardaw l-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali dwar l-eżami fil-mertu tal-istess motiv.

70

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, l-appelli ppreżentati mill-appellanti fil-Kawżi C-12/13 P u C-13/13 P għandhom jiġu miċħuda b’mod sħiħ.

Fuq l-ispejjeż

71

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi għall-Kawżi C-12/13 P u C-13/13 P, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli ppreżentati fil-Kawżi C-12/13 P u C-13/13 P huma miċħuda.

 

2)

Gérard Buono, Jean-Luc Buono, Roger Del Ponte, Serge Antoine Di Rocco, Jean Gérald Lubrano, Jean Lubrano, Jean Lucien Lubrano, Fabrice Marin u Robert Marin huma kkundannati għall-ispejjeż fil-Kawża C-12/13 P u s-Syndicat des thoniers méditerranéens, Marc Carreno, Jean-Louis Donnarel, Jean-François Flores, Gérald Jean Lubrano, Hervé Marin, Nicolas Marin, Sébastien Marin u Serge Antoine José Perez huma kkundannati għall-ispejjeż fil-Kawża C-13/13 P.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top