EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0650

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Cruz Villalón, ippreżentati l-4 ta’ Ġunju 2015.
Thierry Delvigne vs Commune de Lesparre Médoc u Préfet de la Gironde.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal d'instance de Bordeaux.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 39 u 49 – Il-Parlament Ewropew – Elezzjonijiet – Dritt tal-vot – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Retroattività tal-liġi kriminali l-inqas severa – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi projbizzjoni tad-dritt tal-vot fil-każ ta’ kundanna kriminali mogħtija fl-aħħar istanza qabel l-1 ta’ Marzu 1994.
Kawża C-650/13.

Court reports – general ; Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:363

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fl-4 ta’ Ġunju 2015 ( 1 )

Kawża C‑650/13

Thierry Delvigne

vs

Commune de Lesparre Médoc

u

Préfet de la Gironde

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal d’instance de Bordeaux (Franza)]

“Artikoli 10 u 14(3) TUE — Artikolu 20(2)(b) TFUE — Artikolu 223(1) TFUE — Artikoli 39 u 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Att li jirrigwarda l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Demokrazija rappreżentattiva — Rappreżentazzjoni diretta — Parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni — Il-Parlament Ewropew — Drittijiet tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew — Limitazzjoni ta’ dritt fundamentali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ċaħda perpetwa tad-drittijiet ċivili u politiċi — Leġiżlazzjoni kriminali inqas ħarxa mhux applikabbli għal dawk ikkundannati fl-aħħar istanza qabel id-dħul fis-seħħ tagħha — Trattament ugwali bejn ċittadini tal-Istati Membri — Inammissibbiltà”

1. 

Fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja li l-għan tagħha hu li jiġi eskluż mir-reġistru elettorali ċittadin privat u d-dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura tiegħu b’mod indefinit bħala konsegwenza addizzjonali ta’ kundanna għal reat ta’ qtil, qegħdin jiġu magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti din is-sitwazzjoni mad-dritt tal-Unjoni, b’invokazzjoni speċifika ta’ kull artikolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) li huma relatati ma’ drittijiet fundamentali oħra: id-dritt għall-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-inqas ħarxa (it-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1)) u d-dritt tal-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (Artikolu 39(2)). ( 2 )

2. 

Kif spiss huwa l-każ kull meta titressaq l-applikazzjoni possibbli għal azzjoni ta’ awtorità pubblika nazzjonali tad-dispożizzjonijiet tal-Karta (Artikolu 51(1)), anki f’dan il-każ hija meħtieġa, b’appoġġ essenzjali fil-ġurisprudenza stabbilita f’Åkerberg Fransson ( 3 ), l-eżaminazzjoni tal-imsemmija kwistjoni preliminari dwar jekk dawn humiex dispożizzjonijiet legali nazzjonali implimentati skont id-dritt tal-Unjoni.

3. 

Ser nipproponi risposta separata għal din id-domanda preliminari, li tippermettili nittratta sussegwentement, b’mod esklużiv, it-tieni domanda preliminari magħmula, jiġifieri, l-osservanza mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tad-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, bl-għajnuna importanti, din id-darba, tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Liġi Internazzjonali

4.

L-Artikolu 3 tal-Protokoll addizzjonali Nru 1 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jipprovdi li:

“Il-Partijiet Għolja Kontraenti jobbligaw ruħhom li jżommu elezzjonijiet liberi f’intervalli xierqa b’votazzjoni sigrieta, taħt kundizzjonijiet li jiżguraw l-espressjoni libera ta’ l-opinjoni tal-poplu fl-għażla tal-leġiżlatura.”

B – Id-dritt tal-Unjoni

1. It-Trattat tal-Unjoni Ewropea

5.

L-Artikolu 10 TUE jipprovdi li ġej:

“1.   Il-funzjonament ta’ l-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva.

2.   Fil-livell ta’ l-Unjoni, iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew.

[…]

3.   Kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika ta’ l-Unjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin.

[…]”

6.

Fir-rigward tal-Artikolu 14(3) TUE, “[i]l-membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti għal mandat ta’ ħames snin b’vot universali dirett, liberu u sigriet.”

2. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

7.

L-Artikolu 20 TFUE jipprovdi kif ġej:

“1.   Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.

2.   Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:

[…]

b)

id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huma jirrisjedu, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ- ċittadini ta’ dak l-Istat;

[…]

Dawn id-drittijiet għandhom ikunu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom.”

8.

B’mod konformi mal-Artikolu 22(2) TFUE, “[m]ingħajr ħsara għall-Artikolu 223 u għad-dispożizzjonijiet adottati għall-implimentazzjoni tiegħu, kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza, ikollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew; dawn l-arranġamenti jistgħu jipprovdu għal derogi fejn ikun meħtieġ minħabba fi problemi speċifiċi għal xi Stat Membru.”

3. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

9.

L-Artikolu 39 tal-Karta jipprovdi kif ġej:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn jirrisjedi, bl-istess kondizzjonijiet applikabbli għaċ- ċittadini ta’ dak l-Istat.

2.   Il-membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti b’vot dirett universali li hu liberu u sigriet.”

10.

Skont l-Artikolu 49(1) tal-Karta, “[l]-ebda persuna m’għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali. Lanqas m’għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Jekk wara li twettaq ir-reat, il-liġi tipprovdi għal piena inqas, dik il-piena għandha tkun applikabbli.”

11.

L-Artikolu 51 tal-Karta jaqra kif ġej:

“1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u firrispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

2.   Il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta’ l-Unjoni u ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati.”

12.

L-Artikolu 52 tal-Karta jipprovdi li:

“1.   Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

2.   Id-drittijiet rikonoxxuti minn din il-Karta li għalihom hemm dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fihom.

3.   Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.

[…]”

4. Att li jittratta l-elezzjoni tal-Membri għall-Parlament Ewropew ( 4 )

13.

L-Artikolu 1 tal-Att tal-1976 jistipula li ġej:

“1.   F’kull Stat Membru, membri tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu eletti fuq il-bażi ta’ rapreżentanza proporzjonali, bl-użu tas-sistema ta’ lista jew tal-vot wieħed trasferibbli.

[…]

3.   L-elezzjonijiet għandhom ikunu b’vot dirett universali u għandhom ikunu ħielsa u sigrieti”

14.

Skont l-Artikolu 8 tal-Att tal-1976, “[s]uġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, il-proċedura elettorali għandha tkun irregolata f’kull Stat Membru permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu […]”.

C – Id-dritt Franċiż

15.

B’mod konformi mal-Artikolu 28 tal-Kodiċi Kriminali stabbilit mil-Liġi Nru 1810-02-12, tat-12 ta’ Frar 1810 (iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi Kriminali ta’ qabel”), il-kundanna ta’ piena kriminali tinvolvi d-degradazzjoni ċivika, li jfisser, skont l-Artikolu 34 tal-Kodiċi Kriminali ta’ qabel, iċ-ċaħda mid-dritt tal-vot, mill-kandidatura, mill-eliġibbiltà u, b’mod ġenerali, mid-drittijiet ċiviċi u politiċi kollha.

16.

Il-Kodiċi Kriminali ta’ qabel kien imħassr b’effett mill-1 ta’ Marzu 1994 bil-Liġi Nru 92-1336, tas-16 ta’ Diċembru 1992, dwar id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Kriminali l-ġdid u l-emenda ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali u tal-proċedura kriminali.

17.

L-Artikolu 370 tal-Liġi tas-16 ta’ Diċembru 1992 (iktar ’il quddiem, il-“Liġi tal-1992”), kif ġie emendat bl-Artikolu 13 tal-Liġi Nru 94-89, tal-1 ta’ Frar 1994, jipprovdi li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 702-1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, għandhom jinżammu l-pieni taċ-ċaħda tad-drittijiet ċiviċi, ċivili u tal-familja, kif ukoll il-projbizzjoni li wieħed iservi bħala ġurat bħala riżultat ta’ kundanna penali mogħtija fl-aħħar istanza qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dik il-liġi.

18.

L-Artikolu 702-1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, kif ġie emendat bil-Liġi°2009-1436, tal-24 ta’ Novembru 2009, penitenzjarja, jipprovdi li kull persuna affettwata minn ċaħda, projbizzjoni jew inkapaċità li tirriżulta minn kundanna penali prinċipali jew aċċessorja tista’ titlob lill-ġurisdizzjoni tissospendiha b’mod sħiħ jew parzjalment.

19.

Il-Liġi Nru 77-729, tas-7 ta’ Lulju 1977, dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew, tistabbilixxi fl-Artikolu 2 tagħha li ser tkun irregolata mill-Kodiċi Elettorali.

20.

Il-Kapitolu 1 tat-Titolu I tal-Ktieb I tal-Kodiċi Elettorali, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet meħtieġa biex wieħed ikun eliġibbli għall-vot, jipprovdi fl-Artikolu L 2 tiegħu li l-votanti huma l-Franċiżi li għandhom iktar minn 18-il sena li jgawdu mid-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom u li ma humiex affettwati minn xi nuqqas ta’ kapaċità skont il-liġi.

21.

Skont l-Artikolu L 6 tal-Kodiċi Elettorali, matul iż-żmien stabbilit fis-sentenza, dawk li kienu mċaħħda mid-dritt tal-vot mill-qrati permezz tal-applikazzjoni tal-liġijiet, ma jistgħux jirreġistraw lilhom infushom fir-reġistru.

II – Il-fatti

22.

It-talba għal deċiżjoni preliminari toriġina minn proċedura legali mibdija minn Thierry Delvigne kontra d-deċiżjoni amministrattiva li l-eskludietu mir-reġistru elettorali bħala konsegwenza tal-piena taċ-ċaħda tad-dritt tal-vot addizzjonali għall-kundanna finali tiegħu għal tnax-il sena priġunerija għar-reat ta’ qtil.

23.

Fiż-żmien tal-kundanna finali ta’ Thierry Delvigne, fit-30 ta’ Marzu 1988, il-Kodiċi Kriminali Franċiż ta’ qabel kien jipprovdi għaċ-ċaħda perpetwa mid-dritt tal-vot ta’ dawk li jiġu kkundannati għal piena kriminali. Il-Liġi tal-1992 neħħa n-natura awtomatika u indefinita ta’ din il-piena addizzjonali, iżda biss għall-kundanni mogħtija wara d-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi l-ġdid.

24.

Thierry Delvigne appella quddiem it-Tribunal d’instance de Bordeaux l-esklużjoni tiegħu mir-reġistru elettorali, fejn talab li ssir domanda preliminari peress li jsostni l-liġi nazzjonali applikata timplika trattament diskriminatorju li jmur kontra l-Karta. It-Tribunal d’instance laqgħet din it-talba, li wasslet għal din il-proċedura.

III – Id-domanda magħmula

25.

It-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa fid-9 ta’ Diċembru 2013, hija kif ġej:

“1)

L-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi li artikolu tal-liġi nazzjonali jżomm fis-seħħ projbizzjoni, li barra minn hekk hija indefinita u sproporzjonata, li persuni kkundannati qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi kriminali inqas ħarxa Nru 94-89 tal-1 ta’ Frar 1994 jibbenefikaw minn piena inqas severa?

2)

L-Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għandu jiġi interpretat bħala li jimponi fuq l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea l-obbligu li ma jipprevedux projbizzjoni ġenerali, indefinita u awtomatika mill-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u politiċi, bil-għan li ma tinħoloqx inugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26.

Dehru fil-proċedura, billi ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub, Thierry Delvigne, il-commune de Lesparre-Médoc, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Ingliż, il-Gvern Spanjol u l-Gvern Franċiż, kif ukoll il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni. Dawn kollha dehru fis-seduta pubblika, li nżammet fl-20 ta’ Jannar 2015. Fiha, u b’mod konformi mal-Artikolu 61(1) u (2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet ġew mistiedna jirrispondu diversi domandi: 1) Jekk l-Artikolu 370 tal-Liġi tal-1992 jikkostitwixxix preżunzjoni ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. 2) Liema huma l-“għanijiet ta’ interess ġenerali”, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jittieħdu bħala bażi għar-restrizzjonijiet fuq id-dritt tal-vot li jirriżultaw minn kundanna kriminali. 3) Bħala domanda indirizzata b’mod partikolari lejn il-Gvern Franċiż, liema persuni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 370 tal-Liġi tal-1992 u taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jiksbu revoka, totali jew parzjali, taċ-ċaħda mid-dritt. 4) B’mod partikolari għal Thierry Delvigne, jekk talabx revoka, totali jew parzjali, taċ-ċaħda mid-dritt tal-vot u, jekk applikabbli, x’riżultati kien hemm.

V – L-argumenti

A – Dwar l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

27.

Il-Gvern Franċiż isostni, primarjament, li d-digriet tar-rinviju huwa manifestament inammissibbli peress li ma jagħtix indikazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għaliex id-domandi magħmula huma neċessarji biex tiġi riżolta t-tilwima inkwistjoni, u lanqas ma jiddefinixxi fih b’mod suffiċjenti l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li huma magħmula fih dawn id-domandi.

28.

Il-Gvern Spanjol u l-Gvern Franċiż jikkunsidraw li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni biex tirrispondi għad-domandi magħmula. Għall-Gvern Franċiż, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, peress li d-dispożizzjoni involuta għandha n-natura ta’ regola tal-liġi kriminali tranżitorja li ssegwi għanijiet li ma humiex koperti mir-regoli tal-Unjoni. Il-Gvern Spanjol jindika l-kompetenza tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-persuni intitolati biex jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

29.

Il-Gvern Ġermaniż, min-naħa tiegħu, isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq l-ewwel domanda peress li l-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda element li jwassal biex jiġi kkunsidrat li s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ regola tal-Unjoni differenti minn dawk li jinsabu fil-Karta.

30.

Kemm Thierry Delvigne kif ukoll il-Kummissjoni u, f’dak li jirrigwarda t-tieni domanda biss, il-Parlament Ewropew jiddefendu l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont il-Kummissjoni, l-Istati Membri japplikaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, meta jadottaw dispożizzjonijiet ta’ portata ġenerali jew individwali bil-għan li jiddeterminaw min huma l-benefiċjarji tad-dritt tal-vot għall-Parlament Ewropew. Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tal-Att tal-1976, jobbligahom jużaw il-kompetenza tagħhom biex jagħmlu dan, u f’dan is-sens ikunu marbuta mid-drittijiet rikonoxxuti fil-Karta.

31.

Il-Parlament Ewropew jemmen li l-Karta hija applikabbli u li, konsegwentement, huwa xieraq li tingħata risposta għat-tieni domanda. Fl-opinjoni tiegħu, fid-dawl tal-Artikolu 14(3) TUE, tal-Artikolu 223(1) TFUE u l-Artikoli 1(3) u 8 tal-Att tal-1976, Franza applikat id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Karta, meta adottat dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-dritt tal-vot għall-Parlament Ewropew. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni differenti mill-Karta u, f’dan ir-rigward, Franza tirrispondi għal obbligu speċifiku li ġej mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, li tiżgura l-elezzjoni b’vot universali tal-Membri tal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, bi tweġiba għall-Artikolu 8 tal-Att tal-1976, għalkemm il-proċedura elettorali hija rregolata permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, dawn jaqgħu fi ħdan id-dritt tal-Unjoni. Il-fatt li d-dritt Franċiż jirregola l-proċedura elettorali għall-Parlament Ewropew b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Elettorali applikabbli għall-elezzjonijiet l-oħra li jinżammu fi Franza ma jfissirx li l-iżvolġiment tal-elezzjonijiet Ewropej jikkorrispondi għal kompetenza li ma hijiex attribwita lill-Unjoni.

B – Dwar l-ewwel domanda

32.

Thierry Delvigne jqis li l-Artikolu 49 tal-Karta jmur kontra dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 370 tal-Liġi 1992, li timpedixxi effett retroattiv determinat għal liġi kriminali inqas ħarxa, u b’hekk tinħoloq sitwazzjoni ta’ inugwaljanza bejn il-persuni kkundannati qabel l-1994 u dawk ikkundannati wara din id-data.

33.

Il-commune de Lesparre-Médoc, il-Gvern Brittaniku u l-Gvern Franċiż – sussidjarjament – u l-Kummissjoni jsostnu li l-Artikolu 49(1) tal-Karta ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm fil-mument meta Thierry Delvigne kien definittivament ikkundannat ma kinitx fis-seħħ liġi inqas ħarxa. Għalhekk, dan jirriżulta kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 49(1) tal-Karta kif ukoll skont mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

C – Dwar it-tieni domanda

34.

Thierry Delvigne jsostni li l-Artikolu 39 tal-Karta jipprekludi wkoll dak previst fl-Artikolu 370 tal-Liġi tal-1992 fejn joħloq inugwaljanza f’termini tan-nazzjonalità, billi jinvoka f’dan ir-rigward il-ksur tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB.

35.

Il-commune de Lesparre-Médoc iqis li ma hemm ebda inugwaljanza fit-trattament peress li l-piena pprovduta fil-Kodiċi Elettorali qabel il-Liġi tal-1992 kienet applikabbli, taħt l-istess kundizzjonijiet, għal kull ċittadin tal-Unjoni li xtaq jivvota fi Franza.

36.

Il-Gvern Franċiż jipproponi li, sussidjarjament, tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 39 tal-Karta ma jipprojbixxix li l-Istati Membri jimponu ċaħda indefinita tal-eżerċizzju tad-dritt tal-vot fil-każ ta’ kundanna għal delitt serju, suġġett għall-kontemplazzjoni ta’ possibbiltà ta’ tneħħija tagħha. L-ewwel nett, il-Gvern Franċiż jispjega li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdix ċaħda ġenerali u indefinita. Minn naħa waħda, iċ-ċaħda taffettwa lil dawk li, bħal Thierry Delvigne, ġew ikkundannati għal piena ta’ priġunerija ta’ bejn ħames snin u għomor il-ħabs; din ma hijiex piena awtomatika u indipendenti mit-tul tas-sentenza jew il-gravità tad-delitt. Min-naħa l-oħra, il-persuna affettwata miċ-ċaħda tista’ titlob ir-revoka tagħha, li ma tidhirx li saret minn Thierry Delvigne.

37.

It-tieni nett, il-Gvern Franċiż isostni li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jawtorizza lill-Istati Membri jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti fil-Karta nnifisha sakemm jiġu ssodisfatti kundizzjonijiet li, skont dan il-Gvern, jiġu milħuqa fil-każ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

38.

Il-Gvern Ġermaniż jipproponi li tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 39(2), tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju tal-vot universali jippermetti ċ-ċaħda tad-dritt tal-vot għal raġunijiet serji bħall-iżgurar li r-rappreżentazzjoni tal-korp elettorali ma tiġix fdata lil persuni li ngħataw kundanna definittiva. Raġuni bħal din tiġġustifika ċ-ċaħda tad-dritt tal-vot fil-każ ta’ kundanna kriminali definittiva, sakemm ir-regola tagħmel distinzjoni b’mod suffiċjenti skont il-gravità tal-piena u t-tul taċ-ċaħda, li taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali biex tiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni applikata tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

39.

Il-Gvern tar-Renju Unit iqis li l-Artikolu 39 tal-Karta ma jimpedixxix lill-Istati Membri milli jadottaw miżura li, bħal dik applikata fil-kawża prinċipali, ma tiddiskriminax bejn ċittadini tal-Istati Membri. Fil-fehma tiegħu, huwa ċar li d-dritt tal-Unjoni ma jirrikonoxxix dritt tal-vot suxxettibbli li jiġi invokat kontra din il-miżura għal raġuni li ma hijiex waħda ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-determinazzjoni tad-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet Ewropej taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri u l-Artikolu 39 tal-Karta ma jistax jiġi interpretat b’mod ieħor li ma jinvolvix ir-riskju li jestendi l-kompetenzi tal-Unjoni bi ksur tal-Artikolu 6(1) TUE. It-tieni nett, Thierry Delvigne ma jistax jinvoka l-Artikolu 39(1) tal-Karta peress li huwa ċittadin Franċiż u ma eżerċitax il-libertà ta’ moviment bħala ċittadin Ewropew. L-Artikolu 39 jirrifletti d-drittijiet mogħtija mill-Artikoli 20 u 22 TFUE u japplika fil-limiti u bil-kundizzjonijiet previsti taħt dawk id-dispożizzjonijiet. Għalhekk, id-dritt rikonoxxut fl-Artikolu 39 tal-Karta huwa rriżervat għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li ma huwiex dak tan-nazzjonalità tagħhom. Il-fatt li, f’każijiet eċċezzjonali, iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jinvokaw iċ-ċittadinanza tagħhom tal-Unjoni quddiem l-Istat Membru tan-nazzjonalità tagħhom ma jaffettwax il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fil-qasam tad-dritt tal-vot.

40.

Il-Parlament Ewropew isostni li l-Artikolu 39 tal-Karta fih drittijiet suġġettivi stabbiliti għall-benefiċċju tal-individwi. Fil-fehma tiegħu, id-dritt tal-vot rikonoxxut fih ma huwiex iggarantit biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jivvutaw fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tagħhom, iżda wkoll għaċ-ċittadini tal-Istat Membru tal-votazzjoni.

41.

F’dan ir-rigward il-Parlament Ewropew isostni, l-ewwel nett, li, kif jirriżulta minn dak previst u mill-ispjegazzjonijiet tal-Karta, l-Artikolu 39 jinkludi żewġ drittijiet fundamentali differenti, jiġifieri, id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ċittadini tal-Istat Membru tar-residenza tagħhom biex jivvutaw f’dan tal-aħħar fl-elezzjonijiet Ewropej (paragrafu 1) u, ukoll, dritt għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, liberu u sigriet (paragrafu 2).

42.

It-tieni nett, il-Parlament Ewropew isostni li l-portata tal-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu ma hijiex limitata mill-espressjoni “bl-istess kondizzjonijiet applikabbli bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat”, peress li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li huwa marbut magħha dan id-dritt, timplika statut li l-effetti legali tiegħu huma applikati anki fin-nuqqas ta’ element transkonfinali.

43.

It-tielet nett, il-Parlament Ewropew jemmen li biex jingħata effett utli lill-Artikolu 39(2) tal-Karta, din id-dispożizzjoni għandha titqies bħala li tinkludi dritt suġġettiv li jikkomplementa l-Artikolu 14(3) TUE. F’dan is-sens, il-vot universali, li huwa l-kunċett ċentrali biex tiġi ddefinita s-sustanza ta’ dan id-dritt, jimplika dritt ratione personae, fil-prinċipju, ġenerali, li jinvolvi protezzjoni inkundizzjonata mhux biss taċ-ċittadini tal-Unjoni li jivvutaw fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, iżda wkoll taċ-ċittadini tal-Istat Membru tal-post tal-votazzjoni.

44.

Għall-Parlament Ewropew, kwalunkwe restrizzjoni tad-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet Ewropej tikkostitwixxi ndħil fid-dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni għad-dritt tal-vot universali ggarantit mill-Karta u, skont l-Artikolu 52(1) tal-istess Karta u l-ġurisprudenza, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw dritt biss jekk jirrispettaw ċerti kundizzjonijiet. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Parlament Ewropew jemmen li r-restrizzjoni tkun sproporzjonata jekk tkun kumulattiva, ġenerali, awtomatika u mhux iddifferenzjata fir-rigward tal-gravità tar-reat imwettaq. Għall-kuntrarju, din tista’ tiġi kkunsidrata bħala proporzjonali jekk tiġi applikata għal ċerti reati differenzjati biżżejjed u jekk ikun possibbli li tiġi rriveduta, fejn hija l-qorti nazzjonali dik li għandha tivverifika tali eżaminazzjoni tal-proporzjonalità fid-dawl ta’ kif intużat din il-possibbiltà.

45.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota, l-ewwel nett, li, kuntrarjament għal dak li tikkunsidra l-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-esklużjoni ta’ Thierry Delvigne mir-reġistru elettorali ma jinvolvux trattament differenti bejn iċ-ċittadini ta’ Stati Membri differenti, iżda trattament differenti bejn il-kategoriji differenti ta’ votanti. Din id-differenza għandha titqies fir-rigward tal-ħtieġa ta’ vot universali għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.

46.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tħoss li għandha tirrispondi d-domanda fl-istess sens bħall-Parlament Ewropew.

VI – Evalwazzjoni

47.

Din id-domanda preliminari kienet suġġett ta’ oġġezzjonijiet ta’ ammissibbiltà minn żewġ perspettivi differenti ħafna. Minn naħa waħda, kif jirriżulta, b’intensità differenti, min-naħa tal-intervjenenti, id-digriet tar-rinviju huwa fformulat f’termini tant dgħajfa li diffiċli jiġi aċċettat li jissodisfa r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza rigward l-espożizzjoni korretta tal-kuntest fattwali u regolatorju li fih huma magħmula d-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u rigward il-merti tar-raġunijiet li jeħtieġu r-risposta biex tiġi riżolta l-kawża prinċipali.

48.

Barra minn hekk, u, fl-opinjoni tiegħi, b’mod ħafna iktar rilevanti, inħolqot ukoll problema ta’ ġurisdizzjoni minn din l-istess perspettiva tal-ammissibbiltà. Fil-fatt, huwa diskuss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tistax tagħti risposta għad-domandi li tagħmlilha l-qorti tar-rinviju u li jirrigwardaw ir-rispett minn Stat Membru għal diversi drittijiet fundamentali li jinsabu fil-Karta. Huwa diskuss sa fejn – huwa osservat minn uħud mill-partijiet – ma jkunux involuti atti adottati fl-applikazzjoni tad-Dritt tal-Unjoni, bil-konsegwenzi loġiċi li jirriżultaw minn dan fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn iż-żewġ domandi għandhom jiġu kkunsidrati separatament minn qabel.

A – Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

49.

Kif għadu kif ġie diskuss, il-Gvern Franċiż isostni li, fit-termini li saret fihom, din id-domanda preliminari hija manifestament inammissibbli. Fil-fehma tiegħu, l-ispjegazzjoni mhux adegwata tal-qafas fattwali u regolatorju li fih jiġu magħmula d-domandi tal-qorti tar-rinviju ma tippermettix li jinftiehmu eżattament it-termini tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li, apparti li jimpedixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun f’pożizzjoni li tagħti risposta utli għar-riżoluzzjoni ta’ din it-tilwima, iċaħħad lill-Istati Membri u lil partijiet interessati oħra mill-possibbiltà li jissottomettu osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

50.

Apparti l-partijiet fil-kawża prinċipali, l-intervenjenti kollha f’dan il-proċess jaqblu, ftit jew wisq, mal-kritika tal-Gvern Franċiż, għalkemm mhux sal-punt li jitolbu l-inammissibbiltà tat-talba għal dik ir-raġuni.

51.

Bi tweġiba għal dawn l-oġġezzjonijiet, għandu l-ewwel nett jingħad li rarament seħħ il-fatt fejn domanda preliminari waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’argumenti tant dgħajfa, filwaqt li fl-istess ħin, tant espressivi rigward il-problema ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li speċifikament tqajjem.

52.

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju llimitat ruħha biss biex tittrażmetti lill-Qorti tal-Ġustizzja skont it-termini li qajjem Thierry Delvigne, fil-proċess a quo, id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-każ mal-Artikoli 39 u 49 tal-Karta, b’mod notevolment fil-qosor u kważi mingħajr ebda żvilupp ta’ argument. Minn din il-perspettiva biss, għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala ġġustifikati wħud mill-kritiki li saru rigward id-digriet tar-rinviju ta’ din id-domanda preliminari.

53.

Madankollu, fl-istess ħin, minkejja t-termini dgħajfa li ġew esposti bihom, iż-żewġ domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja huma, finalment, tant sempliċi u espressivi fihom infushom li ma hemmx bżonn ħafna immaġinazzjoni biex “jiġu rikostitwiti” b’mod suffiċjenti, għall-inqas għall-finijiet tal-għoti ta’ risposta lill-qorti tar-rinviju, il-kwistjonijiet tad-drittijiet fundamentali li huma kkontestati hawnhekk. L-argumenti tal-Gvern tar-Renju Unit fil-paragrafu 2 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu juru li, fil-fatt, ma huwiex diffiċli li tittieħed idea ċara tal-problema fundamentali mqajma mit-Tribunal d’instance.

54.

Barra minn hekk, fil-każ preżenti, il-problema fuq il-merti mqajma fil-proċess inkwistjoni, rigward id-drittijiet fundamentali, tidher li diġà ġiet iċċarata mill-perspettiva u permezz tal-istrumenti proċedurali offruti mid-dritt nazzjonali. Issa hija l-Karta, f’żewġ dispożizzjonijiet tagħha, li qed tiġi invokata kontra l-azzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat sa fejn, impliċitament u b’riferiment għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, huma meqjusa bħala applikati skont id-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u għalhekk mingħajr ma jiġu skużati n-nuqqasijiet tad-digriet tar-rinviju, inqis li għandu jiġi eżaminat b’attenzjoni partikolari jekk in-nuqqasijiet imsemmija hawn fuq fil-fatt jimpedixxux lill-Qorti tal-Ġustizzja jew le milli tirrispondi d-domandi magħmula. Għalhekk, ma rridux ninsew kif, skont ġurisprudenza stabbilita sew, għandha tiġi rrifjutata risposta għal domanda preliminari biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jsirulha ( 5 ).

55.

F’dan is-sens, nemmen li l-informazzjoni u l-kunsiderazzjonijiet li tipprovdi l-qorti tar-rinviju huma suffiċjenti biex tiġi identifikata l-problema ta’ kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni mqajma fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, u b’mod iktar speċifiku mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 370 tal-Liġi tal-1992.

56.

Fir-rigward tal-ewwel domanda, it-Tribunal d’instance stqarret li dan “l-Artikolu pprovda għall-iskwalifika perpetwa tal-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili bħala riżultat ta’ kundanna kriminali mogħtija fl-aħħar istanza qabel l-1 ta’ Marzu 1994”, filwaqt li ddikjarat ukoll li Thierry Delvigne – f’evalwazzjoni tal-qorti fejn iddikjarat li “tikkunsidra t-talba [tiegħu]” tat-tqegħid ta’ domanda preliminari ( 6 ) – “tqis li dan l-artikolu jikser diversi dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u [dawk ta’] l-Artikolu 3 [tal-Protokoll addizzjonali Nru ] tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali”.

57.

Din ma hijiex dikjarazzjoni mingħajr argument, peress li l-qorti tar-rinviju tispjega li din tinvolvi “primarjament l-inugwaljanza fit-trattament li tirriżulta minn dan fir-rigward tal-persuni kkundannati wara l-1 ta’ Marzu 1994 u li jibbenefikaw minn liġi inqas ħarxa, fejn hu stess ġie kkundannat għal sentenza fl-aħħar istanza fit-30 ta’ Marzu 1988, u l-kontradizzjoni [li tirriżulta minn dan] [...] bejn il-liġi Franċiża u l-liġi Komunitarja.”

58.

Id-“dispożizzjonijiet differenti tal-Karta” li invoka b’mod ġeneriku Thierry Delvigne ġew limitati mit-Tribunal d’instance de Bordeaux għall-Artikolu 49 biex tiġi fformulata l-ewwel domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens ta’ jekk dak l-Artikolu partikolari “jipprekludi[x] li artikolu tal-liġi nazzjonali jżomm fis-seħħ projbizzjoni, li barra minn hekk hija indefinita u sproporzjonata, li persuni kkundannati qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi kriminali inqas ħarxa Nru 94-89 tal-1 ta’ Frar 1994 jibbenefikaw minn piena inqas severa.”

59.

Id-digriet tar-rinvju ma huwiex wisq iktar espressiv, iżda pjuttost l-oppost, fit-tieni domanda tiegħu. Madankollu, mhux għalhekk, li l-kunsiderazzjonijiet tiegħu huma kompletament inkapaċi li jesprimu l-problema legali li għandha tingħata risposta għaliha fil-kawża prinċipali. Għalhekk, ftit qabel ifformulat iż-żewġ domandi tagħha, il-qorti ddikjarat li “tqis li għandhom jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ż-żewġ domandi preliminari [...], waħda dwar kriterju ta’ żmien u l-oħra li tikkonċerna kriterju ta’ nazzjonalità.” Ċertament, il-“kriterju ta’ nazzjonalità” isir viżibbli biss fil-kliem tat-tieni domanda, fejn jiġi mistoqsi jekk “l-Artikolu 39 tal-Karta [...], applikabbli għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, [ ...] jimponi[x] fuq l-Istati Membri [...] li ma jipprevedux projbizzjoni ġenerali, indefinita u awtomatika mill-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u politiċi, bil-għan li ma tinħoloqx inugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri”.

60.

Id-digriet tar-rinviju, għalhekk, jippermetti b’mod suffiċjenti, l-identifikazzjoni taż-żewġ problemi legali rilevanti li fuqhom hija mitluba l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex it-Tribunal d’instance tkun tista’ tiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-proċess inkwistjoni hijiex kompatibbli jew le mad-dritt tal-Unjoni. Minn naħa waħda, jekk, skont l-Artikolu 49 tal-Karta, għandhiex tiġi eskluża, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, l-applikazzjoni retroattiva ta’ liġi kriminali inqas ħarxa. Min-naħa l-oħra, jekk, skont l-Artikolu 39 tal-Karta, hijiex possibbli ċ-ċaħda indefinita tad-dritt tal-vot bħala piena addizzjonali.

61.

Konsegwentement, nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tifhem, b’ħila minima, il-problema li għandha tiġi riżolta mill-qorti tar-rinviju dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali involuta fil-proċess primarju mad-dritt tal-Unjoni u, f’dan ir-rigward, tiffaċilita r-riżoluzzjoni ta’ dik il-kwistjoni billi tipprovdi interpretazzjoni rilevanti ta’ dak id-dritt.

62.

Id-domanda preliminari, għalhekk, fil-fehma tiegħi, tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun ammissibbli mill-perspettiva tan-nuqqas allegat tad-digriet tar-rinviju fir-rigward tar-rekwiżiti formali tagħha. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta l-oġġezzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tagħha.

B – Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja: Il-portata tal-applikazzjoni tal-Karta fiċ-ċirkustanzi tal-każ

63.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-partijiet kienu numerużi u varjati wkoll fir-rigward jekk l-azzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali saritx “skont id-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1), tal-Karta, bl-impatt konsegwenti fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi lill-qorti tar-rinviju. F’xi każijiet, bħal dak tal-Gvern Ġermaniż, ir-risposta għal din id-domanda għamlet distinzjoni bejn id-drittijiet fundamentali invokati, id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (l-Artikolu 39 tal-Karta) u d-dritt għal piena sussegwenti l-inqas ħarxa (l-Artikolu 49(1), it-tielet sentenza, tal-Karta). Nemmen li, għar-raġunijiet li se nispjega, din l-analiżi differenti tad-domanda magħmula hija imposta fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Iżda, qabel, għandha tiġi mfakkra fil-qosor l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-klawżola inkwistjoni.

1. Fuq il-portata tal-klawżola skont liema l-Karta tindirizza lill-Istati Membri “biss meta huma jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni” (l-Artikolu 51(1) tal-Karta). Digriet

64.

Id-dikjarazzjoni li għadni kif ikkwotajt ħolqot problemi ta’ interpretazzjoni ta’ prinċipju, li wassal għal dibattitu importanti dottrinali ( 7 ), magħmul parzjalment minn ċerta tensjoni li kien mixtieq li tiġi nnotata bejn il-ġurisprudenza preċedenti u l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ( 8 ).

65.

Is-sentenza msemmija fil-kawża Åkerberg Fransson ( 9 ) iddikjarat, b’konferma tad-duttrina preċedenti msemmija, li “essenzjalment, [...] [i]d-drittijiet fundamentali żgurati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet. Huwa minħabba f’hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diġà li hija ma tistax tevalwa, fid-dawl tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tifformax parti mill-qafas tad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, ġaladarba tali leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’domanda preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali, li hija tiżgura r-rispett tagħhom” ( 10 ).

66.

Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza li, peress li “d-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta għandhom, konsegwentement, jiġu rrispettati meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax ikun hemm każ li jkun għalhekk jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jkunu applikabbli l-imsemmija drittijiet fundamentali. L-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni timplika l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta.”

67.

Fl-aħħar nett, bħala proklamazzjoni ugwalment ta’ prinċipju, il-punt 29 tas-sentenza jipprovdi li fil-każ ta’ sitwazzjonijiet irregolati mil-Liġi nazzjonali “ma [humiex iddeterminati] interament mid-dritt tal-Unjoni”. F’dak il-każ, l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali jistgħu leġittimament “japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ġaladarba din l-applikazzjoni ma tippreġudikax il-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni” ( 11 ).

68.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fuq dan il-punt il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għas-sentenza Melloni, li fil-punt 60 tagħha, b’riferiment għall-Artikolu 53 tal-Karta u, għaldaqstant, b’riferiment għall-possibbiltà li l-Istati Membri jipprovdu standards ta’ protezzjoni superjuri, tipprovdi li “l-Artikolu 53 tal-Karta jikkonferma li, fejn att tad-dritt tal-Unjoni jirrikjedi miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jistgħu japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, sakemm din l-applikazzjoni ma tikkompromettix il-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni” ( 12 ).

69.

Il-“kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, għalhekk, huwa ddefinit bħala dak li fih is-“sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni”. Fl-istess ħin, l-implimentazzjoni tal-Karta ma tistax twassal għal estensjoni tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni mit-Trattati, u għalhekk, kif ġie mfakkar fis-sentenza Åkerberg Fransson ( 13 ) stess, skont l-Artikolu 6(1) TUE, “[i]d-dispożizzjonijiet tal-Karta bl-ebda mod ma jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif inhuma ddefiniti fit-Trattati. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 51(2) tal-Karta, din tal-aħħar ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni u lanqas ma tistabbilixxi xi kompetenza jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fit-Trattat” ( 14 ).

70.

Għalhekk, minn hawn, irridu niddeterminaw jekk fil-każ tagħna għandniex “sitwazzjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni”.

2. Fuq il-ħtieġa ta’ analiżi separata ta’ din id-domanda

71.

Kif għadni kif indikajt, nikkunsidra li d-domanda dwar jekk l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali saritx “skont id-dritt tal-Unjoni” għandha tingħata risposta differenti skont kull wieħed miż-żewġ drittjiet fundamentali invokati.

72.

Il-proposta tiegħi f’dan ir-rigward għandha tiġi spjegata. Fil-fatt, jista’ ma jkunx ċar li sitwazzjoni partikolari maħluqa fi Stat Membru tkun analizzabbli u mhux analizzabbli fl-istess ħin mill-perspettiva tal-Karta, skont id-dispożizzjoni invokata.

73.

Madankollu, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ tinħoloq sitwazzjoni partikolari, li tinsab fl-oriġini tat-talba magħmula fil-kawża prinċipali. Is-sitwazzjoni kkontestata minn Thierry Delvigne tista’, fil-fatt, tiġi riżolta b’żewġ modi differenti u, fuq il-merti, alternattivi: Minn naħa waħda permezz tal-evalwazzjoni ta’ jekk il-liġi kriminali li ġiet – u li tkompli tiġi – applikata għalih effettivament tiksirx id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (l-Artikolu 39 tal-Karta). Min-naħa l-oħra, permezz tal-evalwazzjoni alternattiva li, fi kwalunkwe każ, il-liġi kriminali sussegwenti, li ma ġietx applikata lilu, kellha tiġi applikata b’mod konformi mal-garanzija inkorporata fl-Artikolu 49 tal-Karta (dritt għar-retroattività tal-liġi kriminali l-inqas ħarxa). Iż-żewġ modi, kif se jintwera, eventwalment jistgħu jwasslu għall-istess riżultat.

74.

Wara dak li ntqal, il-problemi maħluqa mill-analiżi ta’ jekk għandniex każ ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma ppreżentati b’mod differenti ħafna skont jekk it-talba tkunx waħda jew oħra: jiġifieri, skont jekk it-talba tikkonsistix f’li jiġi ddikjarat li l-liġi li ġiet applikata tiksirx – essenzjalment – id-dritt tal-vot, jew jekk it-talba tikkonsistix f’applikazzjoni retroattiva partikolari tal-liġi kriminali li ma ġietx applikata għalih.

75.

Għalhekk, ser nindirizza, separatament u fl-ordni magħmula mill-qorti nazzjonali, id-domanda ta’ jekk huwiex il-każ tal-liġi nazzjonali ppromulgata b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

3. Fuq jekk id-dritt għall-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-inqas ħarxa rrikonoxxut fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta jistax jopponi b’mod validu l-kundanna kriminali mogħtija fiċ-ċirkustanzi tal-każ

76.

Għandu jitfakkar kif, f’dan il-każ, kien hemm bidla f’emenda leġiżlattiva fil-liġi kriminali nazzjonali, li tista’ tiġi kkwalifikata mingħajr dubju bħala każ ta’ reformatio in mitius, li madankollu ġie eskluż li jista’ jaffettwa lil kundanni mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi. Madankollu, qabel ma eventwalment tiġi analizzata l-portata tal-garanzija rrikonoxxuta fil-Karta, u b’mod partikolari jekk din testendix ukoll għal kundanni definittivi li diġà ngħataw fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-riforma msemmija, jirriżulta li hu meħtieġ li jiġi eżaminat, kif għadni kif iddikjarajt, jekk il-kundanna kriminali inkwistjoni saritx “b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”. Fil-każ ta’ konklużjoni opposta, huwa ċar li ma hemmx għalfejn jiġu eżaminati d-domandi differenti possibbli relatati mal-portata sostantiva ta’ dan id-dritt fundamentali ( 15 ).

77.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, nista’ ngħid minn issa, tippermetti li jiġi konkluż mingħajr diffikultà li dan ma kienx il-każ hawnhekk. Infakkru kif fl-imsemmija sentenza Åkerberg Fransson, fir-rigward ta’ problema li għandha xebh innegabbli ma’ dik ta’ din il-kawża, u b’mod partikolari fl-eżaminazzjoni ta’ jekk garanzija tal-liġi kriminali bħal ma hu l-prinċipju ta’ ne bis in idem, irregolatx kundanna imposta f’każ ta’ ksur tal-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat il-preżenza ta’ każ ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fiċ-ċirkustanza fejn l-azzjoni kriminali inkwistjoni kienet dovuta “parzjalment [għal] nuqqasijiet fir-rigward tal-obbligi dikjarattivi [...] fil-qasam tal-VAT” ( 16 ).

78.

F’dan l-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik l-okkażjoni ddeċidiet li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali kienet irregolata minn liġi ppromulgata b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sa fejn dan tal-aħħar jimponi obbligu fuq l-Istati Membri “li jadotta l-liġijiet u l-miżuri amministrattivi neċessarji sabiex jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorju tiegħu u sabiex tiġi miġġielda l-frodi” ( 17 ), kif jirriżulta, minn naħa waħda, mill-Artikolu 4(3) TUE, u, min-naħa l-oħra, mid-Direttiva 2006/112 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u mis-Sitt Direttiva.

79.

Ma’ dawn id-dispożizzjonijiet jiġi miżjud l-“Artikolu 325 TFUE [li] jobbliga lill-Istati Membri sabiex jiġġieldu l-attivitajiet illegali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi u b’mod partikolari, tobbligahom jadottaw l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħal dawk li huma jadottaw sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tagħhom stess” ( 18 ).

80.

Għall-Qorti tal-Ġustizzja, “peress li r-riżorsi proprji tal-Unjoni jinkludu, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE [...] dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej [...],id-dħul provenjenti mill-applikazzjoni ta’ taxxa uniformi fuq bażi armonizzata tal-VAT iddeterminata skont ir-regoli tal-Unjoni, hemm rabta diretta bejn il-ġbir tad-dħul mill-VAT skont id-dritt tal-Unjoni applikabbli u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni tar-riżorsi korrispondenti mill-VAT, peress li kull [nuqqas li jista’ jirriżulta] fil-ġbir ta’ dawn tal-ewwel [jista’ potenzjalment jikkawża] tnaqqis fit-tieni” ( 19 ).

81.

Finalment, Åkerberg Fransson kien jinvolvi każ fejn Stat Membru kellu jadotta l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi neċessarji biex jikkonforma ma’ obbligu impost mid-dritt tal-Unjoni.

82.

B’kuntrast ċar mas-sitwazzjoni preċedenti, f’dan il-każ ma jeżistux – u ċertament ma ġewx invokati – dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li, b’mod simili għal dawk li tqajmu f’dak il-każ, setgħu jkunu ta’ bażi u jattivaw l-awtorità penali tal-Istat Membru. Għall-kuntrarju, l-eżerċizzju tal-ius puniendi tal-Istat Membru seħħ fi kwistjoni kompletament barra mill-ġurisdizzjoni tal-Unjoni, speċifikament fir-rigward tal-infurzar ta’ liġi ta’ delitt ta’ qtil. Għalhekk, f’dan il-każ, ma hemmx applikazzjoni ta’ dritt tal-Unjoni li jippermetti li jiġi stabbilit li l-piena kriminali ngħatat skont dan.

83.

Minn din il-perspettiva jonqos biss li nżid ngħid li l-fatt li l-interpretazzjoni differenti tal-portata tad-dritt għar-reformatio in mitius, fit-termini sostnuti minn Thierry Delvigne, setgħet tirriżulta li tiġi applikata għalih ir-riforma leġiżlattiva wara l-kundanna tiegħu, b’konsegwenzi, finalment, li jgawdi mid-dritt tal-vot ma huwiex biżżejjed biex ibiddel il-konklużjoni preċedenti.

84.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi impatt indirett ta’ suġġett inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex biżżejjed biex titqies bħala rregolata minn dan id-dritt is-sitwazzjoni li tapplika għaliha l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi tali impatt ( 20 ).

85.

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li “l-kunċett ta’ ‘implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni’, fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, jeħtieġ l-eżistenza ta’ rabta ta’ ċertu grad, li tmur lil hinn mill-affinità bejn l-oqsma meħuda inkunsiderazzjoni u l-effetti indiretti ta’ qasam fuq l-ieħor” ( 21 ). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li “[s]abiex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, hemm lok li jiġi vverifikat, fost elementi oħra, jekk hija għandhiex bħala għan li timplementa dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni u jekk hija ssegwix għanijiet differenti minn dawk koperti mid-dritt tal-Unjoni, anki jekk hija tista’ taffettwa indirettament lil din tal-aħħar, kif ukoll, jekk teżistix leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika fil-qasam jew li tista’ taffettwah” ( 22 ).

86.

Finalment, u b’mod konformi ma’ dan, il-fatt li effett retroattiv ta’ tali riforma seta’ kellu l-effett sekondarju, u sa ċertu punt aleatorju, tal-irkupru tad-dritt għall-vot ma jippermettix li jiġi stabbilit li t-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta “jirregola” din is-sitwazzjoni; finalment, li l-azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali saret b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

87.

Nemmen, għaldaqstant, li dispożizzjoni nazzjonali bħal dik f’dan il-każ, li teskludi ċertu effett retroattiv rigward leġiżlazzjoni kriminali li ma ġietx ippromulgata skont id-dritt tal-Unjoni, lanqas ma għandha n-natura ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ppromulgata b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

88.

Bħala konklużjoni, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata mit-Tribunal d’instance mad-dritt irrikonoxxut fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

4. Fuq jekk id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, kif irrikonoxxut fl-Artikolu 39(2) tal-Karta, jistax jiġi oppost fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni kriminali nazzjonali li timponi telf definittiv tad-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

89.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, it-Tribunal de Bordeaux jikkontesta l-kompatibbiltà mal-Karta taċ-ċaħda definittiva tad-dritt tal-vot li ġie oriġinarjament impost fuq Thierry Delvigne – u li tkompli “tiġi infurzata” – b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni kriminali fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti delittwali li ġie kkundannat għalihom l-awtur.

90.

Għal darb’oħra għandha titqajjem il-kwistjoni tal-każ li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta għandu jiddetermina r-rabta tal-azzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri mal-mandati tagħha. Għal darb’oħra tqum, essenzjalment, il-kwistjoni ta’ jekk għandux jiġi ddikjarat li ninsabu fil-preżenza ta’ dritt tal-Unjoni li rregola jew iddetermina l-applikazzjoni tal-liġi kriminali inkwistjoni.

91.

Il-konklużjoni li għandha tintlaħaq fil-każ preżenti hija manifestament differenti. Is-sitwazzjoni ta’ telf tad-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jinsab fiha Thierry Delvigne, tirriżulta bħala konsegwenza tal-leġiżlazzjoni Franċiża li, kif se naraw, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, tirregola l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew – b’riferiment għal-leġiżlazzjoni elettorali ġenerali nazzjonali (l-Artikolu 2 tal-Liġi 77-729, tas-7 ta’ Lulju 1977), u riferiment, min-naħa l-oħra, ta’ din tal-aħħar għal-leġiżlazzjoni kriminali tagħha (l-Artikolu L 2 tal-Kodiċi Elettorali) –, hija konsegwenza ta’ leġiżlazzjoni stabbilita skont id-dritt tal-Unjoni.

92.

Nemmen li f’dan il-każ hemm rabta ċara bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata u d-dritt tal-Unjoni. Din ir-rabta tirriżulta primarjament mis-suppożizzjoni min-naħa tal-liġi primarja ta’ ġurisdizzjoni għall-istabbiliment tad-dispożizzjonijiet neċessarji biex issir possibbli l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew “skont il-proċedura uniformi fl-Istati Membri kollha jew skond il-prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha.” Skont l-Artikolu 223(1) TFUE, b’mod konformi – ċertament b’xi sfumaturi – mal-predeċessur immedjat tiegħu, jiġifieri, l-Artikolu 190 KE, filwaqt li l-Parlament Ewropew għandu jħejji “proposta bil-ħsieb li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet meħtieġa” sabiex jippermettu dak il-għan, huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi dispożizzjonijiet bħal dawn “b’mod unanimu skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew”, filwaqt li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom biss “jidħlu fis-seħħ wara l-approvazzjoni tagħhom mill-Istati Membri, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom” ( 23 ).

93.

Din id-dispożizzjoni tal-Artikolu 223(1) TFUE, tfisser li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jirregola l-elezzjoni tal-Membri tiegħu skont żewġ għażliet: jew billi tiġi stabbilita proċedura uniformi jew inkella fuq il-bażi ta’ prinċipji komuni. Irrispettivament mid-differenzi bejn għażla jew oħra, dak li huwa importanti, għall-każ li jirrigwarda lilna, huwa li t-tnejn li huma għandhom bħala għan suġġett li huwa inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat tal-Unjoni, li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni, u huwa l-inqas li jista’ jingħad, il-kundizzjoni ta’ “koleġiżlatur” f’dik il-kwistjoni.

94.

Huwa ċar li, kemm jekk biex tiġi stabbilita proċedura għall-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew, jew jekk biex jiġu pprovduti l-prinċipji komuni li fuq il-bażi tagħhom għandha ssir din l-elezzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni jipparteċipa fl-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni partikolari li forsi tista’ tiġi deskritta bħala “kondiviża”, iżda li fi kwalunkwe każ jinvolviha direttament. Il-kompetenza inkwistjoni tidher bħala “kondiviża” b’żewġ modi: fl-ewwel sens, sa fejn, filwaqt li l-inizjattiva u l-iżvilupp tad-dispożizzjonijiet regolatorji ta’ din il-proċedura jew, fejn xieraq, id-delimitazzjoni tal-prinċipji komuni li għandhom jispirawh jappartjenu esklużivament lil-leġiżlatur tal-Unjoni, id-deċiżjoni tad-“dħul fis-seħħ” ta’ dawk id-dispożizzjonijiet titħalla f’idejn l-Istati Membri. Fit-tieni sens, minħabba li, wara li tiġi stabbilita proċedura uniformi jew, alternattivament, fuq il-bażi tal-prinċipji komuni li għandhom ikunu bbażati fuqhom il-proċeduri elettorali Ewropej, dejjem se jkun hemm spazju għall-eżerċizzju tas-setgħat proprji tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda r-regolamentazzjoni tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

95.

L-ewwel konklużjoni li għandha ssir mill-kunsiderazzjoni preċedenti hija li skont it-TFUE diġà teżisti kompetenza partikolari għal-leġiżlatur tal-Unjoni li tippermettilu jirrifjuta l-kritika li l-implementazzjoni tal-Karta tista’ twassal għal modifika fil-kompetenzi tal-Unjoni fis-sens ipprojbit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(1) TUE. Din il-konklużjoni ma tinbidilx minħabba l-fatt li, kif hu magħruf, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 223(1) TFUE ma tkunx laħqet saret realtà.

96.

Il-proċedura mixtieqa mill-Artikolu 223(1) TFUE fil-fatt, għadha ma saritx ( 24 ). Iżda l-mandat li jinsab f’dan l-artikolu, għalkemm għadu ma ġiex milħuq, juri r-rieda tal-leġiżlatur primarju biex jagħmel l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew “sitwazzjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tas-sentenza Åkerberg Fransson, għalkemm mhux esklużivament, iżda bil-parteċipazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fil-kuntest tal-proċedura uniformi stipulata mill-Unjoni jew, jekk ikun xieraq, tal-prinċipji komuni pprovduti minn tal-aħħar.

97.

L-interess tal-Unjoni għall-proċedura biex jinħatru l-membri tal-Parlament Ewropew diġà għadda minn bidla kwalitattiva minn meta l-membri parlamentari Ewropej bdew jiġu eletti bil-vot dirett universali taċ-ċittadini tal-Istati Membri ( 25 ). F’din l-okkażjoni inizjalment kellu jiġi adottat l-Att tal-1976, dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew, li l-Artikolu 1(3) tiegħu, impona l-elezzjonijiet “b’vot universali dirett, liberu u sigriet”.

98.

L-Att imsemmi tal-1976, ippreveda, ċertament, ftit iktar fejn skont l-Artikolu 8 tiegħu pprovda li, “[s]uġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, il-proċedura elettorali għandha tkun irregolata f’kull Stat Membru permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu”. Iżda, fi kwalunkwe każ, l-elezzjoni b’vot dirett u universali tal-Parlament Ewropew tinvolvi l-istabbiliment ta’ din il-Kamra fl-immaġni u x-xebh tal-Parlamenti tal-Istati Membri. Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-talba tal-partit “Les Verts” fis-sentenza tagħha Los Verdes vs Il-Parlament ( 26 ) abbażi ta’ dan l-Att, fejn ikkwalifikat għall-ewwel darba t-Trattati bħala karta kostituzzjonali.

99.

Iż-żieda gradwali fil-kompetenzi tal-Parlament Ewropew u l-approssimazzjoni dejjem tikber tal-pożizzjoni istituzzjonali u politika tiegħu għal dik tal-Parlamenti nazzjonali fl-ordinamenti tal-Istati Membri għamlu iktar urġenti l-ħtieġa li l-proċedura tal-elezzjoni tagħhom tirrispetta l-kundizzjoni tagħhom bħala korp ta’ rappreżentanza tar-rieda taċ-ċittadini “tal-Unjoni”. Jekk ikun meħtieġ, fit-termini li użajt biex nesprimi ruħi fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Åkerberg Fransson, jidher ċar li dan huwa każ ta’ “interess speċifiku tal-Unjoni li dan l-eżerċizzju ta’ setgħa [min-naħa tal-Istati Membri meta japplikaw id-Dritt tal-Unjoni] jadatta ruħu għat-tifsira tagħha ta’ drittijiet fundamentali” ( 27 ).

100.

Bl-istess mod, separatament mill-formolazzjoni preċedenti inkluża fl-Artikolu 189 KE, l-Artikolu 14(2) TUE, u b’koerenza ma’ dan, l-Artikolu 39(1) tal-Karta ma jirreferux għall-Membri tal-Parlament Ewropew bħala “rappreżentanti tal-popli tal-Istati miġbura flimkien fil-Komunità”, iżda, ħafna aktar mod dirett, bħala “rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni” ( 28 ).

101.

F’din il-kundizzjoni l-ġdida ta’ Kamra b’rappreżentanza immedjata taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, huwa ċar li l-Parlament Ewropew ma jistax faċilment ikun is-sempliċi żieda tal-membri tal-Parlament eletti skont il-proċeduri elettorali nazzjonali forsi kompletament diverġenti fl-approċċi jew il-proċeduri tal-bidu tagħhom. L-unità tar-rappreżentanza taċ-ċittadini teħtieġ l-adozzjoni ta’ proċedura elettorali uniformi jew, għall-inqas, ispirata minn prinċipji komuni. Dan jidhirli li huwa s-sens tal-Artikolu 223(1) TFUE.

102.

Il-fatt li l-mandat li jinsab f’din id-dispożizzjoni ma mmaterjalizzax fis-sens li għadni kemm indikajt jagħmel neċessarju li l-Unjoni tkompli tuża l-assistenza tal-proċeduri elettorali nazzjonali, kif għadu jipprevedi l-Att tal-1976. Ċertament l-Istati Membri issa għandhom – madankollu – jiddeterminaw id-dħul fis-seħħ ta’ tali proċedura. Imma jekk dawn għandhom b’dan il-mod, jekk ikun mixtieq, il-kompetenza biex jiddeterminaw dak id-dħul fis-seħħ, ma jkunux għadhom qed iżommu il-kompetenza inkundizzjonata li kellhom qabel biex jirregolaw il-proċedura tal-elezzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej eliġibbli fil-kostitwenza tagħhom. Għalhekk, ir-riferiment prattikament komplut li llum għadu neċessarju għall-proċeduri elettorali nazzjonali ma huwiex konsegwenza tal-eżistenza ta’ kompetenza proprja tant estensiva tal-Istati Membri f’dan ir-rigward, imma r-riżultat tal-ħtieġa li jimtela l-vojt li kieku jseħħ bħala konsegwenza ta’ nuqqas ta’ konformità mal-mandat stipulat fl-Artikolu 223(1) TFUE.

103.

Fi kwalunkwe każ, u fir-rigward ta’ dan li huwa importanti għalina f’dan il-punt, minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li qed naffaċċjaw ambitu li fih hija obbligatorja l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

104.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti, għalhekk, biex tirrispondi għat-tieni domanda magħmula quddiem il-qorti tar-rinviju sa fejn japplika l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Din il-konklużjoni għandha tkun suġġetta, madankollu, għal preċiżjoni importanti li tirriżulta mill-portata limitata tal-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

105.

Fil-fatt, ma għandux jintesa dak li ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 29 tas-sentenza Åkerberg Fransson, iċċitata iktar ’il fuq: fil-każ ta’ sitwazzjonijiet irregolati mil-liġi nazzjonali li “ma hijiex iddeterminata interament mid-dritt tal-Unjoni”, l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali jistgħu leġittimament “japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ġaladarba din l-applikazzjoni ma tippreġudikax il-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni” ( 29 ).

106.

F’dan is-sens, u skont dak li esponejt, huwa ċar li l-liġi elettorali kollha li għandha tirregola l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ma hijiex “iddeterminata interament”, la fil-fatt u lanqas fid-dritt, mid-dritt tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, anki f’sitwazzjoni ta’ konformità mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 223(1) TFUE, il-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni ma tinkludix il-liġi elettorali kollha fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, iżda biss l-istabbiliment ta’ proċedura uniformi jew ta’ xi prinċipji komuni. Din is-sitwazzjoni tfisser li l-liġi nazzjonali li diġà ġiet imfassla f’dan ir-rigward ma kinitx “iddeterminata interament” mid-dritt tal-Unjoni. Din iċ-ċirkustanza hija ċerta f’sitwazzjoni fejn id-dispożizzjoni tal-Artikolu 223(1) TFUE ma saritx. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom spazju biex japplikaw standards ta’ protezzjoni differenti minn dawk stipulati fil-Karta –u b’riferiment għal Melloni ( 30 ), superjuri – dejjem, naturalment, b’konformità mal-kundizzjoni li għadni kif semmejt fl-aħħar tal-punt preċedenti.

107.

Bħala konklużjoni intermedjarja, nemmen, għalhekk, li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik ikkontestata hawnhekk, li tirregola, b’mod dirett jew permezz ta’ referenza, l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew hija leġiżlazzjoni magħmula “b’applikazzjoni” tad-dritt tal-Unjoni, irrispettivament minn jekk hijiex “iddeterminata interament” minnu, dan tal-aħħar fis-sens u skont il-konsegwenzi ddikjarati fil-punt 29 tas-sentenza Åkerberg Fransson.

C – Dwar il-mertu

1. Kunsiderazzjoni preliminari

108.

Fit-termini li saret bihom, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tidher ibbażata fuq il-paragrafu (1) tal-Artikolu 39 tal-Karta, għax huwa biss dak il-paragrafu li jirreferi għall-prinċipju tal-ugwaljanza, għalkemm biss biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru differenti minn dak taċ-ċittadinanza tagħhom jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat ta’ residenza. Madankollu, huwa ċar li l-ugwaljanza invokata minn Thierry Delvigne u li tirreferi għaliha t-Tribunal d’instance fid-digriet tar-rinviju tagħha ma hijiex dik tal-paragrafu (1) tal-Artikolu 39 tal-Karta, iżda dik tal-paragrafu (2) tal-istess artikolu.

109.

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi eżattament jekk “[l]-Artikolu 39 tal-Karta [...] applikabbli għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għandu[x] jiġi interpretat bħala li jimponi fuq l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea l-obbligu li ma jipprevedux projbizzjoni ġenerali, indefinita u awtomatika mill-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u politiċi, bil-għan li ma tinħoloqx inugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri.” Ir-riferiment għall-“projbizzjoni ġenerali, indefinita u awtomatika” tevoka immedjatament, kif ser naraw, id-duttrina tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem b’konnessjoni maċ-ċaħda tad-dritt tal-vot f’kuntesti purament domestiċi ( 31 ), jiġifieri, fir-rigward tad-definizzjoni stess tad-dritt tal-vot bħala dritt politiku. Għaldaqstant, meta t-Tribunal d’instance ssemmi “inugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri”, nemmen li tirreferi esklużivament għaċ-ċittadini Franċiżi u mhux għal dawn f’relazzjoni maċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn.

110.

Għalhekk, għandha tingħata attenzjoni lill-paragrafu 2 tal-Artikolu 39 tal-Karta, jiġifieri, l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot f’sens strett, peress li l-kwistjoni dwar id-drittijiet fundamentali mqajma fil-każ ta’ Thierry Delvigne ma hijiex eżattament jekk, fl-istess ċirkustanzi tiegħu, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn jistgħux jipparteċipaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, kemm jekk fi Franza jew fi Stati Membri oħrajn. Il-kwistjoni hija jekk, bħala ċittadin tal-Unjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikata hijiex kompatibbli ma’ dritt fundamentali rrikonoxxut fil-Karta liċ-ċittadini Ewropej kollha anki fil-każ li jkollhom jeżerċitawh fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom.

111.

Definita b’dan il-mod, għandu jitfakkar li d-domanda toriġina minn proċedura li għandha l-għan li teskludi lil Thierry Delvigne mir-reġistru elettorali minħabba li kien ikkundannat fl-1988 għal sentenza prinċipali ta’ priġunerija għal 12-il sena, flimkien ma’ ċaħda perpetwa tad-dritt tal-vot. Thierry Delvigne huwa interessat biex fil-kawża inkwistjoni tiġi applikata b’mod retroattiv il-liġi kriminali li fl-1992 neħħiet in-natura awtomatika u indefinita ta’ din il-piena addizzjonali, iżda biss għall-kundanni imposti wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni.

2. Fuq ir-rispett mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tad-dritt tal-vot għall-Parlament Ewropew (l-Artikolu 39(2) tal-Karta)

112.

F’dan il-każ għandna sitwazzjoni ta’ ineliġibbiltà definittiva marbuta mal-kundizzjoni li persuna kienet suġġetta għal kundanna ddeterminata. Dan huwa, b’mod partikolari, każ li għandu jiġi deskritt bħala “limitazzjoni” tal-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Skont din id-dispożizzjoni, tali limitazzjoni hija ammissibbli biss fil-każ li “tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza” tad-dritt ikkonċernat, u għandha tkun, fi kwalunkwe każ, limitazzjoni li tirrispetta l-“prinċipju ta’ proporzjonalità” u li, apparti milli tkun “meħtieġa”, “[tilħaq] l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

113.

Għandu jiġi eżaminat jekk, b’mod konformi mal-ġurisprudenza dwar is-suġġett, fiċ-ċirkustanzi tal-każ jeżistux il-kundizzjonijiet meħtieġa biex il-limitazzjoni inkwistjoni titqies bħala kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Karta.

114.

Ma hemmx dubju li din il-limitazzjoni ġiet stabbilita bil-liġi, peress li tirriżulta mill-applikazzjoni konġunta tal-Kodiċi Kriminali, il-Liġi tal-1992 u l-Kodiċi Elettorali. Il-kwistjoni hija jekk, barra minn hekk, tirrispettax il-kontenut essenzjali tad-dritt tal-vot, bi qbil mal-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjoni tiegħu li ċaħda “mekkanika u dejjiema” tad-dritt tal-vot attiv jew id-dritt tal-kandidatura f’każ li kundanna kriminali tmur kontra l-kontenut essenzjali tal-vot universali, u għalhekk tagħmel impossibbli l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għal ċerti ċittadini tal-Unjoni ( 32 ).

115.

Fil-fatt, fil-kuntest tal-Karta, ir-rispett tal-kontenut essenzjali tad-drittijiet irrikonoxxuti fiha jaġixxi bħala limitu finali u assolut fuq kwalunkwe limitazzjoni potenzjali fuq l-eżerċizzju ta’ tali drittijiet, bħala “limitu tal-limiti” ( 33 ). Finalment, in-nuqqas ta’ rispett ta’ dak il-kontenut essenzjali jwassal biex id-dritt fundamentali kkonċernat “ma jkunx rikonoxxibbli bħala tali”, b’tali mod li ma hemmx għalfejn għalhekk tiġi diskussa “limitazzjoni” tal-eżerċizzju ta’ dritt, iżda, purament u sempliċement, ta’ “soppressjoni” tiegħu.

116.

Wara li ntweriet il-kunsiderazzjoni preċedenti dwar il-każ inkwistjoni, u minħabba n-natura stess tal-limitazzjoni inkwistjoni, għandu jiġi ddeterminat, finalment, jekk din hijiex proporzjonali, fis-sens li, jekk ma kinitx proporzjonali, ma tkunx irrikonoxxiet il-limitu li imponiet il-Karta fuq kull limitazzjoni possibbli tad-drittijiet fundamentali, jiġifieri, il-kontenut essenzjali tagħha.

117.

Sabiex tiġi evalwata n-natura proporzjonali jew sproporzjonali tal-limitazzjoni eżaminata, jeħtieġ li nibdew mid-diversità kbira li teżisti f’dan il-qasam bejn il-liġijiet nazzjonali differenti, tant differenti li mid-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi nnotifikat biss il-minimu kondiviż mill-Istati Membri u, konsegwentement, għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward l-Artikolu 3 tal-Protokoll addizzjonali Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea.

118.

L-eżaminazzjoni tad-dritt komparattiv turi, fil-fatt, diversità kbira fil-liġijiet tal-Istati Membri rigward iċ-ċaħda tad-dritt tal-vot bħala riżultat ta’ piena kriminali ( 34 ), fejn kienet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li stabbiliet bħala d-denominatur komuni minimu ammissibbli fil-kuntest tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 għall-Konvenzjoni Ewropea l-possibbiltà ta’ ċaħda perpetwa tad-dritt tal-vot sakemm tali ċaħda ma tkunx riżultat ta’ sistema li tissodisfa l-kriterji ġenerali, awtomatiċi u ta’ applikazzjoni mhux iddifferenzjata. Għall-Qorti Ewropea, fil-fatt, tmur kontra dik id-dispożizzjoni dik il-leġiżlazzjoni li ċċaħħad, “mingħajr kwalifiki”, mid-dritt tal-vot lil numru kbir ta’ individwi “mingħajr distinzjoni” u “awtomatikament [...], tkun xi tkun it-tul tas-sentenza u irrispettivament min-natura jew mill-gravità tar-reat mwettaq u mis-sitwazzjoni personali tagħhom” bil-konklużjoni li “restrizzjoni ġenerali, awtomatika u mingħajr distinzjoni ta’ dritt stabbilit fil-Konvenzjoni u ta’ importanza kruċjali jaqbeż marġni ta’ evalwazzjoni aċċettabbli, minkejja li hi wiesgħa, u huwa inkompatibbli mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1” ( 35 ).

119.

B’mod partikolari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tapprezza b’mod speċjali l-possibbiltà li l-miżura ta’ ċaħda tkun suġġetta għal reviżjoni, wara li kkunsidrat li ma għandhiex riġidità eċċessiva, inkompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Ruma, sistema nazzjonali li tippermetti li jinkiseb ir-restawr tad-dritt tal-vot permezz ta’ applikazzjoni ppreżentata wara li jiddekorru tliet snin mill-implementazzjoni tal-kundanna prinċipali u sakemm ikun hemm prova ta’ kondotta tajba effettiva u konsistenti ( 36 ).

120.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nemmen li, mingħajr ma jkun hemm inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw il-kawżi ta’ ċaħda tad-dritt tal-vot f’każ ta’ kundanna kriminali, iżda biss fit-termini li tali ċaħda tkun aċċettabbli skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għalhekk, jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li dejjem fakkret, f’konformità ma’ dik id-duttrina, li “l-Istati kontraenti jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ biex jimponu kundizzjonijiet għad-dritt għall-vot. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux inaqqsu d-drittijiet in kwistjoni sal-punt li jintlaqtu fis-sustanza tagħhom u li jiġu miċħuda mill-effettività tagħhom [,] [g]ħandhom isegwu għan leġittimu u r-raġunijiet għalihom ma jistgħux ikunu sproporzjonati” ( 37 ).

121.

Fl-opinjoni tiegħi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali involuta fil-kawża prinċipali ma hijiex, fil-prinċipju, inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għax, għalkemm l-effettività tal-possibbiltà ta’ reviżjoni ġiet ikkontestata serjament waqt is-seduta pubblika, id-dritt Franċiż jipprovdi għall-possibbiltà ta’ reviżjoni taċ-ċaħda perpetwa tad-dritt tal-vot. Hekk jidher li jipprovdi l-Artikolu 702-1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, kif emendat bil-Liġi°2009-1436, tal-24 ta’ 'Novembru 2009, penitenzjarja, skont liema kull persuna affettwata minn ċaħda, projbizzjoni jew inkapaċità li jirriżultaw minn kundanna penali prinċipali jew addizzjonali tista’ titlob lill-ġurisdizzjoni għas-sospensjoni totali jew parzjali tagħha.

122.

Dan il-fatt waħdu, flimkien mal-fatt li ma huwiex ċert li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandha karatteristiċi ġenerali, awtomatiċi u ta’ applikazzjoni mhux iddifferenzjata ċċensurati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, peress li ma tidhirx li tapplika għad-delitti kollha, iżda biss għal dawk ta’ ċertu serjetà, jista’ jeskludi, fil-prinċipju, l-inkompatibbiltà ta’ dik il-leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni, dejjem suġġett għall-istħarriġ tal-organu ġudizzjarju.

123.

Finalment, u skont dak li ntqal qabel, hija l-qorti tar-rinviju li għandha finalment tiddetermina jekk il-possibbiltajiet ta’ reviżjoni offruti mid-dritt nazzjonali jintwerewx, fil-prattika, li huma vijabbli biżżejjed sabiex jeskludu, fil-fatt, li ċ-ċaħda tad-dritt tal-vot tispiċċa tkun inevitabbilment dejjiema, bil-konsegwenza li jġarrbu b’mod sproporzjonat u, finalment, ksur tal-kontenut essenzjali tad-dritt. F’dan ir-rigward, jistgħu jikkostitwixxu elementi ta’ ġudizzju relatati mad-diffikultà kbira jew żgħira reali tal-proċedura ta’ reviżjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-bidu tagħha, ir-raġonevolezza tal-ispejjeż, b’attenzjoni partikolari għall-possibbiltà li, jekk tkun meħtieġa assistenza jew rappreżentanza legali, japplika l-benefiċċju tal-ġustizzja mingħajr ħlas, kif ukoll il-prattika segwita mill-awtoritajiet li għandhom jiddeċiedu dwar it-talba għal reviżjoni fir-rigward tal-gravità tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex tingħata.

124.

Bħala konklużjoni, nikkunsidra li l-Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jmurx kontra leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali dejjem sakemm ma jkunx hemm ċaħda tad-dritt tal-vot ta’ natura ġenerali, indefinita u awtomatika, mingħajr biżżejjed possibbiltà vijabbli ta’ reviżjoni, liema kwistjoni tal-aħħar għandha tiġi ddeterminata mill-qorti nazzjonali.

VII – Konklużjoni

125.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula kif ġej:

1.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, biex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata mit-Tribunal d’instance mad-dritt irrikonoxxut fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2.

L-Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni ma jmurx kontra leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali dejjem sakemm ma jkunx hemm ċaħda tad-dritt tal-vot ta’ natura ġenerali, indefinita u awtomatika, mingħajr possibbiltà suffiċjentement vijabbli ta’ reviżjoni, u din l-aħħar kwistjoni għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali.


( 1 )   Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 )   Għall-kumdità, iktar ’il quddiem id-“dritt tal-vot”.

( 3 )   Kawża C‑617/10, EU:C:2013:105.

( 4 )   L-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta’ Settembru 1976, dwar l-elezzjoni tar-rapreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali (ĠU L 278, p. 1), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom, tal-25 ta’ Ġunju 2002 u tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU L 283, p. 1). Iktar ’il quddiem, l-“Att tal-1976”.

( 5 )   Ara, s-sentenzi Rüffler, C‑544/07, EU:C:2009:258, punt 38; Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 29; u Di Donna, C‑492/11, EU:C:2013:428, punt 25.

( 6 )   Din l-istqarrija tidher, fl-opinjoni tiegħi, li hi biżżejjed biex tneħħi d-dubju espress mill-Kummissjoni fil-punt 20 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fejn tindika li l-formulazzjoni tad-domandi magħmula hija identika għal dik proposta minn ThierryDelvigne, minn fejn jirriżulta li xi rimarki dwar id-dritt Franċiż ma jirriflettux l-“opinjoni finali tal-qorti tar-rinviju” dwar il-kwistjoni individwali. Fil-fehma tiegħi, sa fejn din il-ġurisdizzjoni tgħid “tevalwa” it-talba ta’ Thierry Delvigne, għandu jiġi mifhum li din tassumi r-raġunijiet mogħtija minn dik il-parti insostenn tat-talba tagħha għar-rinviju tad-domanda preliminari u, sa dak il-punt dawn ir-raġunijiet saru wkoll tagħha.

( 7 )   Bħala eżempju, Groussot, X., Pech, L., u Petursson, G.T.: “The Scope of Application of EU Fundamental Rights on Member States’ Action: In Search of Certainty in EU Adjudication”, Eric Stein Working Paper 1/2011. Nusser, J.: Die Bindung der Mitgliedstaaten an die Unionsgrundrechte, Ed. Mohr Siebeck, Tubinga, 2011, p. 54 u sussegwenti; Kokott, J., u Sobotta, C.: “The Charter of Fundamental Rights of the European Union after Lisbon”, EUI Working Papers, Academy of European Law, Nru 6, 2010; Alonso García, R.: “The General Provisions of the Charter of Fundamental Rights of the European Union”, European Law Journal, Nru 8, 2002; Eeckhout, P.: “The EU Charter of Fundamental Rights and the federal question”, 39 Common Market Law Review, 2002; Jacqué, J.P., “La Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne: aspects juridiques généraux”, REDP, vol. 14, Nru 1, 2002; Egger, A.: “EU-Fundamental Rights in the National Legal Order: The Obligations of Member States Revisited”, Yearbook of European Law, vol. 25, 2006; Rosas, A., u Kaila, H.: “L’application de la Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne par la Cour de justice – un premier bilan”, Il Diritto dell’Unione Europea, 1/2011, u Weiler, J., u Lockhart, N.: “‘Taking rights seriously’ seriously: The European Court and its Fundamental Rights Jurisprudence – Part I” no 32, Common Market Law Review, 1995.

( 8 )   Ara, minn naħa waħda, is-sentenzi Wachauf, C‑5/88, EU:C:1989:321, u Bostock, C‑2/92, EU:C:1994:116, u min-naħa l-oħra, is-sentenzi ERT, C‑260/89, EU:C:1991:254, u Familiapress, C‑368/95, EU:C:1997:325, b’kuntrast mas-sentenzi Maurin, C‑144/95, EU:C:1996:235, Kremzow,C‑299/95, EU:C:1997:254, u Annibaldi, C‑309/96, EU:C:1997:631.

( 9 )   Kawża C‑617/10, EU:C:2013:105.

( 10 )   Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19. Il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli billi tikkwota s-sentenzi ERT (C‑260/89, EU:C:1991:254) punt 42; Kremzow (C‑299/95, EU:C:1997:254), punt 15; Annibaldi (C‑309/96, EU:C:1997:631), punt 13; Roquette Frères (C‑94/00, EU:C:2002:603), punt 25; Sopropé (C‑349/07, EU:C:2008:746), punt 34; Dereci u oħrajn (C‑256/11, EU:C:2011:734), punt 72, u Vinkov (C‑27/11, EU:C:2012:326), punt 58.

( 11 )   Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 29.

( 12 )   Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107.

( 13 )   Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 23.

( 14 )   F’dan l-aħħar rigward, fl-istess sens, Dereci u oħrajn, C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 71.

( 15 )   – B’mod ġenerali, Lascuraín Sánchez, J.A.: Sobre la retroactividad penal favorable, Civitas, Madrid, 2000.

( 16 )   Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 24.

( 17 )   Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 25.

( 18 )   Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 26.

( 19 )   Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 26.

( 20 )   Annibaldi, C‑309/96, EU:C:1997:631, punti 21 sa 23.

( 21 )   Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 24.

( 22 )   Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 25, b’riferiment għal Annibaldi,C‑309/96, EU:C:1997:631, punti 21 sa 23; Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 79; u Ymeraga et al, C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 41.

( 23 )   B’mod ġenerali, dwar l-Artikolu 190 KE u l-Artikolu 223(1) TFUE, González Alonso, L.N. : “El Parlamento Europeo ante las elecciones de junio de 2009: reflexiones a la luz del Tratado de Lisboa”, Revista Unión Europea Aranzadi, Mejju 2009, p. 7-13.

( 24 )   Ma naqsux it-tentattivi tal-Parlament Ewropew li jwettaq dan il-mandat. Għandu jiġi nnotat l-ewwel rapport dwar il-Proposta għall-emenda tal-Att tal-1976, magħmul mill-membru tal-Parlament Andrew Duff fit-28 ta’ April 2011 (PE 440.210v04-00) fejn ġie propost il-ħolqien ta’ listi elettorali pan-Ewropej, fejn huwa ssuġġerit il-ħolqien ta’ distrett elettorali uniku għat-territorju kollu tal-Unjoni u l-obbligu li tiġi żgurata rappreżentanza tan-nisa fil-listi, kif ukoll l-allokazzjoni tas-siġġijiet skont is-sistema proporzjonali kkoreġuta d’Hondt, liema proposta, minħabba li ma laħqitx maġġoranza sodisfaċenti fil-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, wasslet għat-tieni rapport mill-istess membru tal-Parlament tat-2 ta’ Frar 2012, li lanqas ma laħaq maġġoranza sodisfaċenti fil-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u, konsegwentement, ma ġiex ikkunsidrat fis-sessjoni plenarja. Wara dawn it-tentattivi falluti, ġiet approvata Riżoluzzjoni tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014 (P7_TA(2012)0462, rapport mill-membru tal-Parlament Carlo Casini). Permezz ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament adotta d-Direttiva tal-Kunsill 2013/1/UE, tal-20 ta’ Diċembru 2012, li temenda d-Direttiva 93/109/KE dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (ĠU L 26, p. 27). Din ir-riforma tiffoka fuq it-titjib tal-arranġamenti ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll dawk tar-reġistrazzjoni fir-reġistru taċ-ċittadini Ewropej mhux nazzjonali. Bl-istess mod, fl-10 ta’ Ġunju 2013, il-Parlament Ewropew adotta Rakkomandazzjoni li tapprova l-proposta tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (PE 513.240v01-00), proposta min-naħa tagħha hija bbażata fuq Riżoluzzjoni oħra tal-Parlament adottata mis-sessjoni plenarja fit-13 ta’ Marzu 2013 (P7_TA(2013)0082). Iktar tard, f’Lulju 2013, il-Parlament adotta wkoll Riżoluzzjoni dwar it-titjib tal-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet tal-2014 (P7_TA(2013)0323), li tipprovdi għal żieda fil-poteri tal-Parlament għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni.

( 25 )   Dwar is-sinjifikat li l-duttrina ta’ dak iż-żmien kienet tat lil din in-novità, tista’ tara, pereżempju, Lodge, J.: “The significance of direct elections for the European Parliament’s role in the European Community and the drafting of a common electoral law”, Common Market Law Review 16, 1979, p. 195 sa 208. Paulin, B., u Forman, J.: “L’élection du Parlement Européen au suffrage universal direct”, Cahiers de Droit Européen 5-6, 1976, p. 506 sa 536. Charpentier, J., et al.: La signification politique de l’élection du parlement européen au suffrage universel direct, Centre Européen Universitaire de Nancy, Nancy, 1978.

( 26 )   Kawża 294/83, EU:C:1986:166, punt 23.

( 27 )   Konklużjonijiet Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2012:340, punt 40. Enfasi miżjuda.

( 28 )   Fuq dan il-punt l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għamel progress sinjifikanti billi “huwa intiż [...] [li jsir] l-istatus fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri u b’hekk jippermetti lil dawk fosthom li jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni jiksbu, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku”, kif sostnut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Spanja vs Ir-Renju UnitC‑145/04, EU:C:2006:543, punt 74. Barra minn hekk, kif stabbilixxa l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-Konklużjonijiet tiegħu f’dan l-istess każ (C‑145/04, EU:C:2006:231, punt 68) billi kien ċert li ebda dispożizzjoni Komunitarja ma kienet tistabbilixxi għaldaqstant “b’mod ċar u dirett[a] li [d-dritt tal-vot għall-elezzjonijiet Ewropej] [kien] inkluż fost dawk li huma intitolati għalihom iċ-ċittadini tal-Unjoni skont l-Artikolu 17(2) KE [,] [m]adankollu, jista’ jiġi nnotat li l-Artikolu 19(2) KE, sabiex jippermetti liċ-ċittadini ta’ Stat Membru jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej fi Stat Membru ieħor fejn joqogħdu taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat, jiżgura ċertu mod ta’ attribuzzjoni ta’ dan id-dritt liċ-ċittadini tal-Unjoni. U jista’ jiġi argumentat ukoll fl-istess sens fuq il-bażi tal-Artikoli 189 KE u 190 KE, li jipprovdu li l-Parlament Ewropew huwa magħmul minn rappreżentanti tal-‘popli’, u għalhekk (mill-inqas) minn ċittadini, ‘tal-Istati miġbura flimkien fil-Komunità’”.

( 29 )   Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 29.

( 30 )   Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 60.

( 31 )   Kawżi Hirst c. Ir-Renju Unit (Nru 2) [GC] Nru 74026/01, 2005-IX; Frodl c. L-Awstrija, Nru 20201/04; Scoppola c. L-Italja (Nruo 3) [GC], Nru 126/05; Greens y MT c. Ir-Renju Unit, Nru 60041/08 u 60054/08.

( 32 )   Punt 31 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.

( 33 )   Dwar il-kunċett, De Otto, I.: “La regulación del ejercicio de los derechos fundamentales. La garantía de su contenido esencial en el artículo 53.1 de la Constitución”, Obras Completas, Universidad de Oviedo y Centro de Estudios Políticos y Constitucionales, Oviedo, 2010, p. 1471 sa 1513. Fil-ġurisprudenza Ġermaniża, responsabbli għall-kunċett inkwistjoni, għal kollox, Häberle, P.: Die Wesensgehaltsgarantie des Art. 19 Abs. 2 GG, 3a ed., C.F. Müller, Karlsruhe, 1983, u Schneider, L.: Der Schutz des Wesensgehalts von Grundrechten nach Art. 19 Abs. 2 GG, Duncker & Humblot, Berlin, 1983.

( 34 )   Din id-diversità diġà ġiet osservata fl-1993 fil-proposta tal-Kummissjoni li twassal għad-Direttiva 93/109/KE tas-6 ta’ Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap. 20, Vol. 1, p. 7). Fil-ġurisprudenza, pereżempju, Rottinghaus, B.: Incarceration and Enfranchisement: International Practices, Impact and Recommendations for Reform, International Foundation for Election Systems, Washington DC 2003; Ewald, A., u Rottinghaus, B.: Criminal Disenfranchisement in an International Perspective, Cambridge University Press, 2009.

( 35 )   Kawżi Hirst c. Ir-Renju Unit (Nru 2) [GC] Nru 74026/01, 2005-IX, punt 82; Frodl c. L-Awstrija, Nru 20201/04, punt 25; Scoppola c. L-Italja (Nru 3) [GC], Nru 126/05, punt 96.

( 36 )   Kawża Scoppola c. L-Italja (Nru 3) [GC], Nru 126/05, punt 109.

( 37 )   Kawża Spanja vs Ir-Renju Unit, C‑145/04, EU:C:2006:543, punt 94.

Top