EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0527

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ppreżentati fid-9 ta’ Ottubru 2014.
Lourdes Cachaldora Fernández vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS).
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tas-sigurtà soċjali — Direttiva 79/7/KEE — Artikolu 4 — Direttiva 97/81/KE — Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC — Kalkolu tal-benefiċċji — Sistema ta’ integrazzjoni ta’ lakuni ta’ kontribuzzjoni — Ħaddiema part-time u ħaddiema full-time.
Kawża C-527/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2278

Opinion of the Advocate-General

Opinion of the Advocate-General

1. It-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna n-natura possibbilment diskriminatorja tal-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ pensjoni tal-invalidità permanenti fir-rigward ta’ ħaddiema li, matul il-perjodu immedjatament qabel l-interruzzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-iskema ta’ sigurtà soċjali, eżerċitaw attività part-time u, b’mod partikolari, fir-rigward tan-nisa.

2. It-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Qorti superjuri ta’ Galizja, Spanja) titlob, għalhekk, lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-kompatibbiltà ta’ dawn il-modalitajiet fid-dawl tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali, jiġifieri, minn naħa, l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (2), u, min-naħa l-oħra, il-Klawżola 5(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (3) .

3. Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-kawża bejn, minn naħa, L. Cachaldora Fernández u, min-naħa l-oħra, l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) (Istitut nazzjonali tas-sigurtà soċjali) u t-Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS) (it-Teżor ġenerali tas-sigurtà soċjali) dwar id-determinazzjoni tal-bażi għall-kalkolu tal-pensjoni tagħha tal-invalidità permanenti totali.

4. Biex jikkalkolaw din il-pensjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti integraw il-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata ma kkontribwixxietx għall-iskema ta’ sigurtà soċjali, billi sejsu ruħhom fuq bażijiet imnaqqsa ta’ kontribuzzjoni, peress li din tal-aħħar kienet wettqet attività part-time matul il-perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet. Fil-kawża preżenti, il-persuna kkonċernata qegħda tikkontesta din il-metodoloġija, inkwantu din twassal sabiex tnaqqas l-ammont dovut fir-rigward tal-pensjoni tagħha tal-invalidità, u dan minkejja li hija wettqet attività full-time għal parti sostanzjali tal-karriera professjonali tagħha u għalhekk kkontribwixxiet għas-sistema ta’ sigurtà soċjali.

5. F’dawn il-konklużjonijiet ser nesponi r-raġunijiet li għalihom din il-leġiżlazzjoni tintroduċi, fl-opinjoni tiegħi, diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess li tmur kontra l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7. Ser nispjega wkoll għaliex ir-raġuni invokata mill-awtoritajiet Spanjoli, imsejsa fuq in-natura kontributorja tal-iskema ta’ sigurtà soċjali u l-osservanza mandatorja tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tiġġustifika din id-diskriminazzjoni.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 79/7

6. Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 79/7, din id-direttiva tapplika għall-popolazzjoni li taħdem, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tieqaf għal xi żmien minħabba mard, inċident jew qgħad involontarju u persuni li qed ifittxu impjieg, kif ukoll għall-ħaddiema irtirati jew invalidi u persuni li jaħdmu għal rashom.

7. Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 79/7, hija tapplika, b’mod partikolari, għall-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra l-invalidità.

8. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 jipprovdi kif ġej:

“Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

– l-għan ta’ l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom,

– l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet,

– il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żidiet rigward konjugi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.”

2. Id-Direttiva 97/81

9. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 97/81 jispeċifika li l-iskop ta’ din id-direttiva huwa li timplimenta l-Ftehim qafas fuq ix-xogħol part-time konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997 bejn organizzazzjonijiet interprofessjonali ġenerali, jiġifieri l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta’ min Iħaddem Ewropea (UNICE), Iċ-Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi (CEEP) u Il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (CES), anness ma’ din id-direttiva (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”).

10. Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas li huma rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali huma s-segwenti:

“Preambolu

[...]

Dan il-Ftehim għandu x’jaqsam ma’ kondizzjonijiet ta’ impjieg għal ħaddiema part-time waqt li jiġi rikonoxxut illi l-kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà soċjali jeħtieġu deċiżjoni mill-Istati Membri. Fil-kuntest tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, il-partijiet għal dan il-Ftehim innutaw li d-Dikjarazzjoni ta’ l-Impjieg tal-Kunsill Ewropew ta’ Dublin ta’ Diċembru 1996, fejn il-Kunsill inter alia enfasizza l-bżonn li s-sistemi għal sigurtà soċjali isiru iktar favorevoli għall-impjieg billi jiżviluppa sistemi ta’ protezzjoni soċjali li jkunu kapaċi li jadattaw irwieħhom għal mudelli differenti ta’ xogħol u li jipprovdu protezzjoni lil persuni li jkunu jagħmlu dan ix-xogħol. Il-partijiet għal dan il-Ftehim jikkunsidraw li din id-Dikjarazzjoni għandha tingħata effett.

[...]

Il-Klawżola 1 : L-iskop

L-iskop ta’ dan il-Ftehim Qafas hu:

a) li jipprovdi għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time u li jtejjeb il-kwalità ta’ xogħol part-time;

[...]

Il-Klawżola 2 : L-Iskop

1. Dal-Ftehim japplika għal ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew skond il-prattika fis-seħħ f'kull Stat Membru.

[...]

Il-Klawżola 4: Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni

1. Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol [ta’ impjieg], ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.

[...]

Il-Klawżola 5: Opportunitajiet għal xogħol part-time

1. Fil-kuntest tal-Klawżola 1 ta’ dan il-Ftehim u tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni bejn ħaddiema part-time u full-time:

a) L-Istati Membri, wara konsultazzjonijiet ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali jew prattika, għandhom jidentifikaw u jirrevedu ostakoli ta’ natura legali jew amministrattiva li jistgħu jillimitaw l-oportunitajiet għal xogħol part-time u, meta approprjat, jeliminawhom;

[...]”

B – Il-leġiżlazzjoni Spanjola

11. L-Artikolu 140(1)(a) tal-Liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali (ley general de la seguridad social) (4) jispeċifika li l-bażi għall-kalkolu tal-pensjonijiet tal-invalidità permanenti li tirriżulta minn marda għajr mard ikkaġunat mix-xogħol, hija stabbilita permezz tad-diviżjoni b’112 tal-bażijiet tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuna kkonċernata matul is-96 xahar immedjatament qabel dak tal-fatt ġenerattiv.

12. L-Artikolu 140(4) ta’ din il-liġi jispeċifika l-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-mekkaniżmu korrettiv li jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-kalkolu ta’ pensjoni tal-invalidità, il-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata ma kinitx obbligata tikkontribwixxi għall-iskema ta’ sigurtà soċjali. Din id-dispożizzjoni hija redatta kif ġej:

“Jekk, matul il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-bażi, hemm xhur li matulhom ma kienx hemm l-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ewwel tmienja u erbgħin ħlas mensili abbażi tal-inqas bażi ta’ kontribuzzjoni għolja applikabbli fil-mument partikolari, u l-bqija tal-ħlasijiet mensili abbażi ta’ 50 % ta’ din il-bażi minima [...]”.

13. Is-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-ħaddiema part-time.

14. It-tielet regola tagħha tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-mekkaniżmu korrettiv li jippermetti li jiġu integrati, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-pensjoni tal-invalidità, il-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata ma kkontribwixxietx. Din tipprovdi kif ġej:

“b) Għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjonijiet tal-irtirar u tal-invalidità permanenti li jirriżultaw minn mard mhux ikkaġunat mix-xogħol, il-perijodi li matulhom ma kien hemm l-ebda obbligu ta’ kontribuzzjoni għandhom jiġu integrati billi tintuża l-bażi minima ta’ kontribuzzjoni minn fost il-bażijiet applikabbli għal kull perijodu, korrispondenti għan-numru ta’ sigħat imwettqa fl-aħħar lok.”

15. Din id-dispożizzjoni ġiet implementata fl-Artikolu 7(2) tad-Digriet Irjali Nru 1131/2002, tal-31 ta’ Ottubru 2002, li jirregola s-sigurtà soċjali tal-ħaddiema part-time u l-irtirar parzjali (5) . Din tal-aħħar tistabbilixxi kif ġej:

“Għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjonijiet tal-irtirar u tal-invalidità permanenti li jirriżultaw minn mard mhux ikkaġunat mix-xogħol jew minn inċident mhux ikkaġunat mix-xogħol, il-perijodi li matulhom ma kien hemm l-ebda obbligu ta’ kontribuzzjoni għandhom jiġu integrati billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-bażi minima ta’ kontribuzzjoni minn fost dawk applikabbli għal kull perijodu, korrispondenti għan-numru ta’ sigħat imwettqa skont il-kuntratt fid-data meta dan l-obbligu ta’ kontribuzzjoni ġie interrott jew intemm.”

II – Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16. Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li L. Cachaldora Fernández ikkontribwixxiet għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Spanjola mill-15 ta’ Settembru 1971 sal-25 ta’ April 2010, jiġifieri total ta’ 5 523 jum li matulhom wettqet xogħol full-time, ħlief bejn l-1 ta’ Settembru 1998 u t-23 ta’ Jannar 2002, meta din tal-aħħar kienet impjegata part-time. Mill-banda l-oħra, L. Cachaldora Fernández ma wettqet l-ebda attività professjonali bejn it- 23 ta’ Jannar 2002 u t-30 ta’ Novembru 2005 u għalhekk ma ħallset l-ebda kontribuzzjoni lill-iskema ta’ sigurtà soċjali matul dan il-perijodu.

17. Fil-21 ta’ April 2010, L. Cachaldora Fernández talbet lill-INSS il-benefiċċju ta’ pensjoni tal-invalidità.

18. Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2010, ingħatatilha din il-pensjoni minħabba inkapaċità totali permanenti li twettaq ħidma abitwali. Il-persuna kkonċernata għalhekk kisbet pensjoni tal-invalidità permanenti li tammonta għal 55 % tal-ammont bażiku mensili, jiġifieri EUR 347.03.

19. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ammont ta’ din il-pensjoni ġie kkalkolat abbażi tal-kontribuzzjonijiet li l-persuna kkonċernata ħallset matul it-tmien snin qabel id-data tal-fatt ġenerattiv, jiġifieri mix-xahar ta’ Marzu 2002 sax-xahar ta’ Frar 2010. Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, matul il-perijodu mix-xahar ta’ Marzu 2002 sax-xahar ta’ Novembru 2005, l-awtoritajiet kompetenti għalhekk ħadu inkunsiderazzjoni l-bażijiet minimi tal-kontribuzzjonijiet imħallsa matul il-perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni tal-ħlas tagħhom, li għalihom applikaw il-koeffiċjent relatat max-xogħol part-time.

20. L. Cachaldora Fernández ressqet ilment amministrattiv kontra din id-deċiżjoni fejn sostniet li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni tagħha, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Marzu 2002 u x-xahar ta’ Novembru 2005, l-ammont sħiħ tal-bażijiet minimi ta’ kontribuzzjoni għal kull sena u mhux l-ammont imnaqqas tagħhom li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-koeffiċjent relatat max-xogħol part-time. Skont dan il-metodu ta’ kalkolu, l-ammont bażiku tal-pensjoni tagħha — li ma huwiex ikkontestat mill-INSS — jammonta għal EUR 763.76.

21. L-INSS ċaħdet dan l-ilment għar-raġuni li l-metodu ta’ kalkolu propost ma huwiex konformi mal-Artikolu 7(2) tad-Digriet Irjali Nru 1131/2002. Għalhekk, Cachaldora Fernández ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Juzgado de lo Social n° 2 de Ourense. Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2010, din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha u kkonfermat id-deċiżjoni amministrattiva tal- INSS abbażi tat-test tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS kif ukoll tal-Artikolu 7(2) tad-Digriet Irjali Nru 1131/2002.

22. L. Cachaldora Fernández, għalhekk, appellat minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia. Peress li għandha d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1) Regola interna [bħall-punt (b) tat-tielet regola tal-paragrafu 1 tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS] li tikkonċerna fil-parti l-kbira tagħha kategorija femminili u li tgħid li l-kopertura tal-interruzzjonijiet tal-kontribuzzjoni fil-perijodu ta’ referenza ta’ pensjoni ta’ invalidità permanenti kontributtiva u posterjuri għal xogħol part-time hija kkalkulata skont bażijiet minimi ta’ kontribuzzjoni fis-seħħ imnaqqsa [skont il-]koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat max-xogħol part-time ta’ dan l-impjieg li jippreċedi l-interruzzjoni tal-kontribuzzjoni, filwaqt li, kieku dan kien xogħol full-time ma kienx ikun hemm tnaqqis, hija kuntrarja għall-Artikolu 4 tad-Direttiva [79/7]?

2) Regola interna [bħall-punt (b) tat-tielet regola tal-paragrafu 1 tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS] li tikkonċerna fil-parti l-kbira tagħha kategorija femminili u li tgħid li l-kopertura tal-interruzzjonijiet tal-kontribuzzjoni inklużi fil-perijodu ta’ referenza ta’ pensjoni ta’ invalidità permanenti kontributtiva u posterjuri għal xogħol part-time hija kkalkulata skont bażijiet minimi ta’ kontribuzzjoni fis-seħħ imnaqqsa [skont il-]koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat max-xogħol part-time ta’ dan l-impjieg li jippreċedi l-interruzzjoni ta’ kontribuzzjoni, filwaqt li, kieku dan kien xogħol full-time ma kienx ikun hemm tnaqqis, hija kuntrarja għall-Klawżola 5(1)(a) tad-Direttiva [97/81]?”

23. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni Ewropea.

III – Osservazzjonijiet preliminari

24. F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-kompatibbiltà tal-punt (b) tat-tielet regola tal-paragrafu 1 tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS, minn naħa, fid-dawl tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7, li jagħti lok għall-ewwel domanda preliminari, u min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-Klawżola 5(1)(a) tad-Direttiva 97/81, li hija s-suġġett tat-tieni domanda preliminari tagħha.

25. Qed nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi biss għall-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ domandi.

26. Fil-fatt, bħall-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża, inqis li sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 97/81.

27. Skont it-termini tal-Klawżola 1(a) tal-Ftehim qafas anness ma’ din id-direttiva, dan tal-aħħar għandu bħala għan, b’mod partikolari, “li jipprovdi għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time u li jtejjeb il-kwalità ta’ xogħol part-time”. Il-Klawżola 4(1) tiegħu tfittex għalhekk li tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għal dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ ħaddiema part-time, il-qafas ta’ dan il-ftehim (6) .

28. Min-naħa tagħha, il-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas tistieden lill-Istati Membri jidentifikaw u jirrevedu ostakoli ta’ natura legali jew amministrattiva li jistgħu jillimitaw l-opportunitajiet għal xogħol part-time u, jekk ikun il-każ, jeliminawhom. Kif jispeċifika espressament il-leġiżlatur tal-Unjoni, din il-klawżola tidħol “[f]il-kuntest tal-Klawżola 1 [tal-Ftehim qafas] u tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni bejn ħaddiema part-time u full-time” previst fil-Klawżola 4(1) ta’ dan il-ftehim. Kif għadni kif sħaqt, il-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas tirrigwarda speċifikament il-“kondizzjonijiet tax-xogħol [ta’ impjieg]”.

29. Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi l-mekkaniżmu korrettiv applikabbli għall-kalkolu tal-drittijiet ta’ pensjoni tal-invalidità permanenti, ma tikkostitwixxix “kondizzjoni tax-xogħol [ta’ impjieg]” fis-sens ta’ din il-klawżola.

30. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza Bruno et (C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329), li “jiffurmaw parti mill-kunċett ta’ ‘kondizzjonijiet ta’ l-impjieg’ skont il-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dawk il-pensjonijiet li jiddependu fuq relazzjoni ta’ impjieg bejn il-ħaddiem u min jimpjegah, bl-esklużjoni tal-pensjonijiet legali ta’ sigurtà soċjali, li jkunu iktar jiddependu fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali milli fuq tali relazzjoni ta’ impjieg” (7) . Issa l-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija intiża li tkopri riskju ddeterminat, jiġifieri l-invalidità, taqa’ taħt l-iskema legali ta’ protezzjoni Spanjola.

31. Barra minn hekk, wieħed ma jridx jinsa li, skont it-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas, il-partijiet intrabtu li “l-kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà soċjali jeħtieġu deċiżjoni mill-Istati Membri”. Il-partijiet riedu jeskludu, għalhekk, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas, kwistjonijiet bħal dawk relatati mal-kalkolu tad-drittijiet dovuti abbażi ta’ pensjoni tal-invalidità permanenti.

32. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis għalhekk li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/81 u li għalhekk ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari.

33. Min-naħa l-oħra, tali pensjoni taqa’ taħt id-Direttiva 79/7, inkwantu tidħol fil-qafas ta’ skema legali ta’ protezzjoni kontra wieħed mir-riskji elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-invalidità, u hija direttament u effettivament marbuta mal-protezzjoni kontra dan ir-riskju (8) . Huwa meħtieġ għalhekk li tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-punt (b) tat-tielet regola tal-paragrafu 1 tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS fid-dawl ta’ dan it-test.

IV – Dwar l-ewwel domanda

34. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu din tal-aħħar, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ħaddiema li wettqu attività part-time matul il-perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tagħhom tas-sigurtà soċjali, twassal biex tnaqqas l-ammont tad-drittijiet dovuti abbażi ta’ pensjoni tal-invalidità permanenti.

35. Il-qorti tar-rinviju ssostni li din il-leġiżlazzjoni twassal sabiex tintroduċi distinzjoni mhux ġustifikata fl-ammont tad-drittijiet dovuti bejn il-kategorija ta’ ħaddiema part-time, komposta fil-maġġoranza tagħha minn nisa, u dik ta’ ħaddiema full-time.

36. Huwa meħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġi eżaminat jekk il-metodoloġija stabbilita permezz tad-dispożizzjoni inkwistjoni tistax effettivament twassal sabiex tpoġġi fi żvantaġġ, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kategorija ta’ ħaddiema part-time.

A – Dwar l-eżistenza ta’ żvantaġġ għad-detriment ta’ ħaddiema part-time

37. Skont l-Artikolu 140(1) tal-LGSS, li jistabbilixxi regola applikabbli għal kategorija ġenerali ta’ ħaddiema, l-ammont tal-pensjoni tal-invalidità permanenti jiġi kkalkolat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bażijiet ta’ kontribuzzjonijiet (9) li jkunu tħallsu matul it-tmien snin qabel ma seħħ il-fatt ġenerattiv (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ referenza”).

38. Meta, matul dan il-perijodu ta’ referenza, ikun hemm xhur li matulhom il-persuna kkonċernata ma tkunx kkontribwixxiet għall-iskema ta’ sigurtà soċjali, il-leġiżlatur stabbilixxa, fl-Artikolu 140(4) tal-LGSS, mekkaniżmu korrettiv li jippermetti li jiġu integrati dawn il-perijodi fil-bażi għall-kalkolu tal-pensjoni tal-invalidità. L-awtoritajiet kompetenti għalhekk jieħdu inkunsiderazzjoni bażijiet ta’ kontribuzzjonijiet imsejħa “fittizji”. Għall-kategorija ta’ ħaddiema full-time, dawn il-bażijiet jikkorrispondu għall-bażi ta’ kontribuzzjoni l-inqas għolja, applikabbli fuq l-ewwel erba’ snin u, għal dak li għandu x’jaqsam mal-aħħar erbgħa, 50 % ta’ din il-bażi minima.

39. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għal ħaddiema part-time.

40. Fil-fatt, il-leġiżlatur introduċa mekkaniżmu korrettiv li huwa distint u speċifiku għal din il-kategorija ta’ ħaddiema, fil-qafas tal-punt (b) tat-tielet regola tal-paragrafu 1 tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS, li l-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi evalwat hawnhekk. Infakkar li din id-dispożizzjoni ġiet implementata permezz tal-Artikolu 7(2) tad-Digriet Irjali Nru 1131/2002.

41. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, jekk jeżistu, matul il-perijodu ta’ referenza, perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata ma kinitx marbuta tikkontribwixxi, l-awtoritajiet kompetenti jintegraw dawn il-perijodi billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-bażi ta’ kontribuzzjoni l-inqas għolja, korrispondenti għan-numru ta’ sigħat kuntrattwalment previsti fid-data li fiha l-obbligu ta’ kontribuzzjoni ġie interrott jew intemm.

42. Għaldaqstant, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ‘il fuq, tiddependi, għalhekk, min-natura tal-aħħar kuntratt qabel l-interruzzjoni tal-kontribuzzjonijiet.

43. Bl-istess mod, kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata ma kkontribwixxietx jiġu meqjusa u integrati bl-istess mod bħall-perijodu immedjatament qabel il-waqfien tal-attività professjonali.

44. Fi kliem ieħor, meta l-persuna kkonċernata tkun waqqfet l-attività professjonali tagħha immedjatament wara perijodu ta’ attività full-time, l-awtoritajiet kompetenti jieħdu inkunsiderazzjoni l-bażi ta’ kontribuzzjoni applikabbli għall-perijodi ta’ xogħol full-time.

45. Min-naħa l-oħra, meta l-persuna kkonċernata tkun ħadmet part-time matul il-perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, l-integrazzjoni tal-perijodi li matulhom din tal-aħħar ma kkontribwixxietx tiġi kkalkolata skont bażi ta’ kontribuzzjoni mnaqqsa. Fil-fatt, sakemm il-ħaddiem part-time jirċievi ammont ta’ salarju iktar baxx minħabba tnaqqis fil-ħin tax-xogħol tiegħu, il-kontribuzzjonijiet, li jikkostitwixxi perċentwali tas-salarju, jitnaqqsu wkoll.

46. Għaldaqstant, minn dan tirriżulta differenza fl-ammont tad-drittijiet għal pensjoni tal-invalidità bejn il-ħaddiema li wettqu attività part-time matul il-perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni tal-kontribuzzjonijiet u dawk li wettqu attività full-time u li għalihom l-integrazzjoni ta’ dawn il-perijodi tiġi kkalkolata skont bażi ta’ kontribuzzjoni sħiħa.

47. Għalhekk, għal dak li għandu x’jaqsam mal-integrazzjoni tal-perijodi li matulhom il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta’ L. Fernández ġie interrott, jiġifieri bejn ix-xahar ta’ Marzu 2002 u x-xahar ta’ Novembru 2005, l-awtoritajiet kompetenti rreferew għal bażijiet ta’ kontribuzzjoni mnaqqsa, affettwati mill-koeffiċjent relatat ma’ impjieg part-time (10), inkwantu l-persuna kkonċernata kellha xogħol part-time fid-data li fiha l-obbligu ta’ kontribuzzjoni ġie interrott.

48. Fi kliem ieħor, l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni wasslet sabiex il-perijodu li matulu l-persuna kkonċernata interrompiet il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tagħha jiġi integrat fil-kalkolu tal-pensjoni tagħha tal-invalidità skont bażijiet ta’ kontribuzzjoni mnaqqsa b’waħda fi tmienja, minkejja li, għall-parti l-kbira mill-karriera professjonali tagħha, din tal-aħħar wettqet attività full-time u kkontribwixxiet għalhekk għall-iskema ta’ sigurtà soċjali.

49. F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan il-metodu ta’ kalkolu wassal, effettivament, sabiex inaqqas l-ammont tad-drittijiet dovuti abbażi tal-pensjoni tal-invalidità tal-persuna kkonċernata b’mod sproporzjonat, meta wieħed iqis il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn din tal-aħħar matul il-karriera professjonali tagħha u kkostitwixxa żvantaġġ fir-rigward ta’ din tal-aħħar.

50. Kif sostniet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din l-analiżi.

51. Din tal-aħħar issostni li, f’ħafna każijiet, il-metodoloġija stabbilita permezz tad-dispożizzjoni inkwistjoni tista’ twassal biex tkun favorevoli ħafna għall-ħaddiema part-time, meta l-aħħar kuntratt ta’ qabel il-perijodu ta’ inattività professjonali huwa kuntratt full-time.

52. Il-Kummissjoni ssejjes l-analiżi tagħha fuq l-eżempju ta’ mara li, matul il-perijodu ta’ referenza, tkun ħadmet għal erba’ snin fuq bażi part-time, imbagħad full-time għal sitt xhur, imbagħad tkun waqqfet l-attività professjonali tagħha għal tliet snin, u fl-aħħar nett, tkun reġgħat bdiet taħdem full-time għal sitt xhur. Matul dawn it-tmien snin, din il-persuna tkun għalhekk ħadmet part-time għal erba’ snin u sena full-time. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tisħaq li l-perijodu ta’ inattività professjonali jiġi ekwiparat mas-sitwazzjoni fejn il-persuna kkonċernata ħadmet full-time, bl-awtoritajiet kompetenti jqisu, għalhekk, erba’ snin abbażi ta’ kontribuzzjoni full-time, filwaqt li l-persuna kkonċernata tkunx ħadmet biss għal sena taħt dan it-tip ta’ kuntratt.

53. Ma naqbilx mal-opinjoni tal-Kummissjoni.

54. Fil-fatt, ġie stabbilit, fil-punti 42 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tiddependi min-natura tal-aħħar kuntratt qabel l-interruzzjoni tal-kontribuzzjonijiet. Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni stess indikat li l-perijodi ta’ inattività professjonali jiġu ekwiparati mal-perijodu immedjatament qabel, daqslikieku dawn kienu l-kuntest ta’ benefiċċji ekwivalenti. Konsegwentement, jidhirli li f’sitwazzjoni bħal dik prevista mill-Kummissjoni, fejn il-persuna kkonċernata wettqet attività full-time matul il-perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet, huma biss ir-regoli ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 140(1) u (4) tal-LGSS li huma applikabbli, bl-esklużjoni tar-regoli speċjali previsti fid-dispożizzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, naħseb li huwa diffiċli li jiġi sostnut li din tal-aħħar tista’ tirriżulta li hija favorevoli ħafna, inkwantu ma hijiex applikabbli.

55. F’dan l-istadju tal-analiżi tiegħi, jiena tal-opinjoni, għalhekk, li l-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-punt (b) tat-tielet regola tal-paragrafu 1 tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS iwassal sabiex tiżvantaġġa lil dawk il-ħaddiema li wettqu attività part-time matul il-perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-iskema ta’ sigurtà soċjali.

56. Il-kwistjoni li issa tinħtieġ risposta hija dik li jiġi stabbilit jekk dan il-metodu ta’ kalkolu jwassalx ukoll sabiex jintroduċi diskriminazzjoni għad-detriment tan-nisa, bi ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7.

B – Dwar in-natura diskriminatorja tad-dispożizzjoni inkwistjoni

57. Nikkonstata li d-dispożizzjoni inkwistjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema rġiel u għall-ħaddiema nisa, b’mod li ma tistabbilixxi l-ebda diskriminazzjoni bbażata direttament fuq is-sess.

58. Jidher madankollu li tintroduċi diskriminazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, inkwantu, fid-dawl tad-data statistika li tikkaratterizza s-sitwazzjoni tal-ħaddiema fi Spanja, tista’ twassal sabiex tiżvantaġġa, fil-fatt, lil numru ħafna ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel (11) .

59. Preliminarjament, nispeċifika immedjatament li din il-konklużjoni ma timpinġix fuq is-setgħa diskrezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi unikament lill-qorti nazzjonali. Jirriżulta, fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita, li huwa unikament il-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta u li teżamina jekk id-data statistika li fuqha tasal biex tibbaża ruħha hijiex biżżejjed għas-soluzzjoni tal-kawża u hijiex valida (12) . Dan jippresupponi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li din l-informazzjoni tkun tikkonċerna numru suffiċjenti ta’ individwi u tidher, b’mod ġenerali, sinjifikattiva u ma tirriżultax minn fenomeni purament aċċidentali jew okkażjonali.

60. Fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq id-data statistika stabbilita mill-Instituto Nacional de Estadistica (Istitut nazzjonali tal-istatistika). Skont din id-data, iktar minn 80 % tal-kategorija ta’ ħaddiema part-time kienet komposta min-nisa, fiż-żmien ta l-fatt ġenerattiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Jekk is-sena 2013 tidher li hija kkaratterizzata minn dħul sostanzjali ta’ ħaddiema rġiel f’din il-kategorija, din l-istatistika turi li l-perċentwali ta’ ħaddiema nisa li jaqgħu f’din il-kategorija baqa’ madankollu 73 %.

61. Din id-data tindika li hemm perċentwali kunsiderevolment iktar sinjifikattiva ta’ ħaddiema nisa milli ta’ ħaddiema rġiel li jistgħu jintlaqtu mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Din tindika, barra minn hekk, l-eżistenza ta’ fenomenu persistenti u kostanti fuq tliet snin, li ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jiġi kkwalifikat bħala wieħed aċċidentali jew sempliċement okkażjonali, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, jekk id-data statistika tas-sena 2013 turi li hemm tnaqqis fil-qasma bejn il-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa li jikkomponu l-kategorija tal-ħaddiema part-time, jibqa’ l-fatt li din il-qasma bejn ir-rappreżentanza tan-nisa u tal-irġiel tibqa’, ċertament, kbira ħafna. Barra minn hekk, u kif jirriżulta mid-diskussjonijiet waqt is-seduta, huwa possibbli ferm li fid-data meta seħħ il-fatt ġenerattiv, li fiha Spanja ma kinitx għaddejja mill-kriżi ekonomika li għaddejja minnha bħalissa, il-proporzjon tal-irġiel li jaħdmu part-time kienet ħafna iktar baxxa.

62. Din id-data tikkostitwixxi, fl-opinjoni tiegħi, indizju affidabbli u sinjifikattiv li jippermetti li tiġġustifika l-konklużjoni — li madankollu tista’ biss tiġi stabbilita mill-qorti tar-rinviju — li hemm perċentwali kunsiderevolment iktar sinjifikattiva ta’ ħaddiema nisa milli ta’ ħaddiema rġiel li tista’ effettivament tiġi żvantaġġata permezz tal-implementazzjoni tal-mekkaniżmu korrettiv inkwistjoni.

63. Il-Gvern Spanjol ma jikkondividix din l-opinjoni u jikkontesta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta billi jirreferi għad-data f’ċifri kkomunikata mill-INSS (13) .

64. Din id-data tindika li l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu korrettiv inkwistjoni jikkonċerna, fir-realtà, numru kemxejn ogħla ta’ rġiel milli ta’ nisa. B’hekk, fl-2010, 5 657 raġel intlaqtu mill-implementazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu filwaqt li n-numru ta’ nisa li kien is-suġġett tiegħu kien ta’ 5 237; fl-2011, iċ-ċifri kienu ta’ 5 566 raġel u 5 129 mara; fl-2012, 5 568 raġel u 4 830 mara u, fl-aħħar nett, fl-2013, 5 935 raġel u 5 066 mara.

65. M’iniex tal-opinjoni li din id-data tista’ tqiegħed fid-dubju l-istatistika li fuqha jibbażaw ruħhom il-qorti tar-rinviju u l-konklużjonijiet li qed nipproponi li nislet.

66. Fil-fatt, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li ma huwiex biżżejjed li jitqies biss in-numru ta’ ħaddiema rġiel u nisa milquta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (14) . Il-kwistjoni hija waħda ta’ data relattiva, li tiddependi min-numru ta’ ħaddiema attivi fl-Istat Membru u ma tippermettix li jiġu evalwati l-proporzjonijiet rispettivi ta’ rġiel u nisa li jikkomponu l-kategorija ta’ ħaddiema part-time.

67. Għalhekk u minkejja d-data kkomunikata mill-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet tiegħu, nippersisti fil-fehma tiegħi li d-dispożizzjoni inkwistjoni tista’ tiżvantaġġa lil numru ħafna iktar għoli ta’ nisa milli ta’ rġiel, u għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta li tmur kontra l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7.

68. Il-kwistjoni issa hija dik li jiġi stabbilit jekk il-motivi invokati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħux jiġġustifikaw din id-diskriminazzjoni.

C – Dwar l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni

69. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għal dak li għandu x’jaqsam mal-għażla tal-miżuri li jistgħu jwettqu l-għanijiet tal-politika soċjali u tal-impjieg tagħhom. Għaldaqstant, meta dawn tal-aħħar jadottaw leġiżlazzjoni li hija preżunta bħala waħda diskriminatorja, huma marbuta juru li din tal-aħħar tista’ tiġi ġġustifikata minn fatturi oġġettivi u li ma huma relatati mal-ebda tip ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (15) .

70. Dawn tal-aħħar għalhekk għandhom jistabbilixxu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tissodisfa għan leġittimu tal-politika soċjali tagħhom. Għandhom juru, barra minn hekk, li l-mezzi magħżula għal dan il-għan huma xierqa biex jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan il-għan u li huma implementati b’mod koerenti u sistematiku (16) .

71. Fil-kawża preżenti, il-Gvern Spanjol isostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi, skont l-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni Spanjola, skema pubblika ta’ pensjonijiet ġusta, ekwilibrata u solidali, filwaqt li jiġu żgurati l-vijabbiltà u l-ekwilibriju finanzjarju tal-iskema ta’ sigurtà soċjali.

72. Kif kienet diġà sostniet l-INSS quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Gvern Spanjol jibbaża ruħu fuq in-natura kontributorja tal-iskema u fuq il-ħtieġa tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk, il-protezzjoni li toffri din l-iskema ma tista’ qatt teċċedi l-kontribuzzjoni mħallsa qabel lil din tal-aħħar, peress li l-persuni kkonċernati jirċievu pensjoni li għandha tkun proporzjonata għall-kontribuzzjoni tagħhom lill-iskema. Huwa għalhekk b’applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju li teżisti differenza ġġustifikata bejn l-ammont tal-benefiċċji mogħtija lil ħaddiem full-time u dawk mogħtija lil ħaddiem li jwettaq attività part-time.

73. Huwa wkoll skont dan il-prinċipju li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jintegraw il-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata interrompiet il-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet immedjatament wara li waqfet taħdem part-time. B’hekk, il-Gvern Spanjol iqis li, mill-mument meta l-persuna kkonċernata tħallas kontribuzzjoni li hija proporzjonata għall-ħin maħdum u li tikkorrispondi għal perijodu ta’ attività part-time, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu korrettiv, il-kontribuzzjoni li din tal-aħħar kienet tkun ħallset li kieku l-obbligu tal-kontribuzzjoni ma ġiex interrott.

74. Inqis, għall-istess raġunijiet invokati mill-qorti tar-rinviju, li dawn il-motivi ma jippermettux li tiġi ġġustifikata d-diskriminazzjoni indiretta, li minnha ġiet milquta l-persuna kkonċernata.

75. Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li L. Cachaldora Fernández ikkontribwixxiet għall-iskema ta’ sigurtà soċjali mill-15 ta’ Settembru 1971 sal-25 ta’ April 2010, jiġifieri total ta’ 5 523 jum li matulhom eżerċitat professjoni fuq bażi full-time, ħlief għall-perijodi segwenti: mill-1 ta’ Settembru 1998 sat-28 ta’ Frar 1999, imbagħad mill-1 ta’ Marzu 1999 sat-23 ta’ Marzu 2001, u, fl-aħħar nett, mill-24 ta’ Marzu 2001 sat-23 ta’ Jannar 2002. Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, L. Cachaldora Fernández ħadmet part-time għal tliet snin u għaxar xhur, perijodu li jirrappreżenta parti minima mill-karriera professjonali tagħha li hija wettqet għal madwar 39 sena.

76. Id-dispożizzjoni inkwistjoni twassal sabiex il-perijodu li matulu din tal-aħħar interrompiet il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tagħha lill-iskema ta’ sigurtà soċjali jiġi integrat fil-kalkolu tal-pensjoni tagħha tal-invalidità, skont il-bażijiet ta’ kontribuzzjoni mnaqqsa b’waħda fi tmienja, u dan minkejja li hija wettqet attività full-time għal parti sostanzjali tal-karriera professjonali tagħha u kkontribwixxiet, għalhekk, għall-iskema ta’ sigurtà soċjali bħala ħaddiema full-time.

77. Għalkemm, fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Spanjol isostni li din il-metodoloġija tippermetti r-rabta diretta bejn l-ammont tal-pensjoni u l-isforz ta’ kontribuzzjoni magħmul mill-ħaddiem, il-ħsieb tiegħi, min-naħa l-oħra, huwa li din il-metodoloġija twassal sabiex il-pensjoni tal-invalidità permanenti tiġi kkalkolata abbażi tal-kontribuzzjonijiet imħallsa f’“mument T” tal-karriera tal-persuna kkonċernata, li mhux bilfors jirrappreżenta l-isforz ta’ kontribuzzjoni ta’ din tal-aħħar.

78. Konsegwentement, jidhirli li din il-metodoloġija twassal, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tnaqqas l-ammont tad-drittijiet dovuti abbażi ta’ pensjoni tal-invalidità permanenti, b’mod sproporzjonat meta wieħed iqis il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuna kkonċernata matul il-karriera professjonali tagħha kollha u għalhekk ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi ta’ fattur oġġettiv li jirriżulta min-natura kontributorja tal-iskema ta’ sigurtà soċjali u mill-ħtieġa tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

79. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena tal-opinjoni, għalhekk, li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu din tal-aħħar, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ħaddiema li wettqu attività part-time għal perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, twassal biex tnaqqas l-ammont tad-drittijiet dovuti abbażi ta’ pensjoni tal-invalidità permanenti.

V – Konklużjoni

80. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia:

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu din tal-aħħar, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ħaddiema li wettqu attività part-time għal perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, twassal biex tnaqqas l-ammont tad-drittijiet dovuti abbażi ta’ pensjoni tal-invalidità permanenti.

(1) .

(2) – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215.

(3) – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267.

(4)  – Liġi approvata permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1/94, tal-20 ta’ Ġunju 1994, BOE Nru 154, tad-29 ta’ Ġunju 1994, p. 20658, iktar ’il quddiem il-“LGSS”.

(5)  – BOE Nru 284, tas-27 ta’ Novembru 2002, p. 41643.

(6)  – Ara t-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Anness tad-Direttiva 97/81.

(7)  – Ara l-punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza Elbal Moreno (C‑385/11, EU:C:2012:746, punt 21).

(8)  – Ara s-sentenza Elbal Moreno (EU:C:2012:746, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(9)  – Skont l-Artikolu 109(1) tal-LGSS, il-bażi ta’ kontribuzzjoni għar-riskji kollha u għas-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu fl-ambitu tal-iskema ġenerali hija kkostitwita minn remunerazzjoni totali, indipendentement mill-forma u mid-denominazzjoni tagħha, li l-ħaddiem għandu dritt jirċievi jew darba fix-xahar jew permezz ta’ dak li effettivament jirċievi, jekk hija ogħla, fir-rigward tax-xogħol li jwettaq bħala impjegat.

(10)  – Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li peress li dan il-koeffiċjent huwa ta’ 125, il-bażijiet ta’ kontribuzzjoni ġew immultiplikati b’0.125, li jammonta għad-diviżjoni tagħhom bi 8.

(11)  – Ara s-sentenza Elbal Moreno (EU:C:2012:746, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(12)  – Ara s-sentenza Seymour-Smith u Perez (C‑167/97, EU:C:1999:60, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(13) Mill-osservazzjonijiet orali espressi waqt is-seduta mill-INSS jirriżulta li d-data dwar il-perijodu li matulu seħħ il-fatt ġenerattiv ma hijiex disponibbli.

(14)  – Ara s-sentenza Seymour-Smith u Perez (EU:C:1999:60, punt 59).

(15)  – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Elbal Moreno (EU:C:2012:746, punt 32) u Brachner (C‑123/10, EU:C:2011:675, punti 70 sa 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(16)  – Is-sentenza Brachner (EU:C:2011:675, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Top

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fid-9 ta’ Ottubru 2014 ( 1 )

Kawża C‑527/13

Lourdes Cachaldora Fernández

vs

Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS),

Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Spanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 79/7/KEE — Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali — Kalkolu tad-drittijiet dovuti abbażi ta’ pensjoni tal-invalidità permanenti — Integrazzjoni tal-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata ma kkontribwixxietx għall-iskema ta’ sigurtà soċjali — Dispożizzjoni speċifika għal ħaddiema part-time — Diskriminazzjoni indiretta fir-rigward tan-nisa — Ġustifikazzjoni oġġettiva”

1. 

It-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna n-natura possibbilment diskriminatorja tal-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ pensjoni tal-invalidità permanenti fir-rigward ta’ ħaddiema li, matul il-perjodu immedjatament qabel l-interruzzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-iskema ta’ sigurtà soċjali, eżerċitaw attività part-time u, b’mod partikolari, fir-rigward tan-nisa.

2. 

It-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Qorti superjuri ta’ Galizja, Spanja) titlob, għalhekk, lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-kompatibbiltà ta’ dawn il-modalitajiet fid-dawl tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali, jiġifieri, minn naħa, l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali ( 2 ), u, min-naħa l-oħra, il-Klawżola 5(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC ( 3 ).

3. 

Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-kawża bejn, minn naħa, L. Cachaldora Fernández u, min-naħa l-oħra, l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) (Istitut nazzjonali tas-sigurtà soċjali) u t-Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS) (it-Teżor ġenerali tas-sigurtà soċjali) dwar id-determinazzjoni tal-bażi għall-kalkolu tal-pensjoni tagħha tal-invalidità permanenti totali.

4. 

Biex jikkalkolaw din il-pensjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti integraw il-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata ma kkontribwixxietx għall-iskema ta’ sigurtà soċjali, billi sejsu ruħhom fuq bażijiet imnaqqsa ta’ kontribuzzjoni, peress li din tal-aħħar kienet wettqet attività part-time matul il-perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet. Fil-kawża preżenti, il-persuna kkonċernata qegħda tikkontesta din il-metodoloġija, inkwantu din twassal sabiex tnaqqas l-ammont dovut fir-rigward tal-pensjoni tagħha tal-invalidità, u dan minkejja li hija wettqet attività full-time għal parti sostanzjali tal-karriera professjonali tagħha u għalhekk kkontribwixxiet għas-sistema ta’ sigurtà soċjali.

5. 

F’dawn il-konklużjonijiet ser nesponi r-raġunijiet li għalihom din il-leġiżlazzjoni tintroduċi, fl-opinjoni tiegħi, diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess li tmur kontra l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7. Ser nispjega wkoll għaliex ir-raġuni invokata mill-awtoritajiet Spanjoli, imsejsa fuq in-natura kontributorja tal-iskema ta’ sigurtà soċjali u l-osservanza mandatorja tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tiġġustifika din id-diskriminazzjoni.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 79/7

6.

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 79/7, din id-direttiva tapplika għall-popolazzjoni li taħdem, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tieqaf għal xi żmien minħabba mard, inċident jew qgħad involontarju u persuni li qed ifittxu impjieg, kif ukoll għall-ħaddiema irtirati jew invalidi u persuni li jaħdmu għal rashom.

7.

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 79/7, hija tapplika, b’mod partikolari, għall-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra l-invalidità.

8.

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 jipprovdi kif ġej:

“Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

l-għan ta’ l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom,

l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet,

il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żidiet rigward konjugi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.”

2. Id-Direttiva 97/81

9.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 97/81 jispeċifika li l-iskop ta’ din id-direttiva huwa li timplimenta l-Ftehim qafas fuq ix-xogħol part-time konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997 bejn organizzazzjonijiet interprofessjonali ġenerali, jiġifieri l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta’ min Iħaddem Ewropea (UNICE), Iċ-Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi (CEEP) u Il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (CES), anness ma’ din id-direttiva (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”).

10.

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas li huma rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali huma s-segwenti:

“Preambolu

[...]

Dan il-Ftehim għandu x’jaqsam ma’ kondizzjonijiet ta’ impjieg għal ħaddiema part-time waqt li jiġi rikonoxxut illi l-kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà soċjali jeħtieġu deċiżjoni mill-Istati Membri. Fil-kuntest tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, il-partijiet għal dan il-Ftehim innutaw li d-Dikjarazzjoni ta’ l-Impjieg tal-Kunsill Ewropew ta’ Dublin ta’ Diċembru 1996, fejn il-Kunsill inter alia enfasizza l-bżonn li s-sistemi għal sigurtà soċjali isiru iktar favorevoli għall-impjieg billi jiżviluppa sistemi ta’ protezzjoni soċjali li jkunu kapaċi li jadattaw irwieħhom għal mudelli differenti ta’ xogħol u li jipprovdu protezzjoni lil persuni li jkunu jagħmlu dan ix-xogħol. Il-partijiet għal dan il-Ftehim jikkunsidraw li din id-Dikjarazzjoni għandha tingħata effett.

[...]

Il-Klawżola 1: L-iskop

L-iskop ta’ dan il-Ftehim Qafas hu:

a)

li jipprovdi għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time u li jtejjeb il-kwalità ta’ xogħol part-time;

[...]

Il-Klawżola 2: L-Iskop

1.

Dal-Ftehim japplika għal ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew skond il-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru.

[...]

Il-Klawżola 4: Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni

1.

Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol [ta’ impjieg], ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.

[...]

Il-Klawżola 5: Opportunitajiet għal xogħol part-time

1.

Fil-kuntest tal-Klawżola 1 ta’ dan il-Ftehim u tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni bejn ħaddiema part-time u full-time:

a)

L-Istati Membri, wara konsultazzjonijiet ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali jew prattika, għandhom jidentifikaw u jirrevedu ostakoli ta’ natura legali jew amministrattiva li jistgħu jillimitaw l-oportunitajiet għal xogħol part-time u, meta approprjat, jeliminawhom;

[...]”

B – Il-leġiżlazzjoni Spanjola

11.

L-Artikolu 140(1)(a) tal-Liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali (ley general de la seguridad social) ( 4 ) jispeċifika li l-bażi għall-kalkolu tal-pensjonijiet tal-invalidità permanenti li tirriżulta minn marda għajr mard ikkaġunat mix-xogħol, hija stabbilita permezz tad-diviżjoni b’112 tal-bażijiet tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuna kkonċernata matul is-96 xahar immedjatament qabel dak tal-fatt ġenerattiv.

12.

L-Artikolu 140(4) ta’ din il-liġi jispeċifika l-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-mekkaniżmu korrettiv li jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-kalkolu ta’ pensjoni tal-invalidità, il-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata ma kinitx obbligata tikkontribwixxi għall-iskema ta’ sigurtà soċjali. Din id-dispożizzjoni hija redatta kif ġej:

“Jekk, matul il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-bażi, hemm xhur li matulhom ma kienx hemm l-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ewwel tmienja u erbgħin ħlas mensili abbażi tal-inqas bażi ta’ kontribuzzjoni għolja applikabbli fil-mument partikolari, u l-bqija tal-ħlasijiet mensili abbażi ta’ 50 % ta’ din il-bażi minima [...]”.

13.

Is-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-ħaddiema part-time.

14.

It-tielet regola tagħha tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-mekkaniżmu korrettiv li jippermetti li jiġu integrati, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-pensjoni tal-invalidità, il-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata ma kkontribwixxietx. Din tipprovdi kif ġej:

“b)

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjonijiet tal-irtirar u tal-invalidità permanenti li jirriżultaw minn mard mhux ikkaġunat mix-xogħol, il-perijodi li matulhom ma kien hemm l-ebda obbligu ta’ kontribuzzjoni għandhom jiġu integrati billi tintuża l-bażi minima ta’ kontribuzzjoni minn fost il-bażijiet applikabbli għal kull perijodu, korrispondenti għan-numru ta’ sigħat imwettqa fl-aħħar lok.”

15.

Din id-dispożizzjoni ġiet implementata fl-Artikolu 7(2) tad-Digriet Irjali Nru 1131/2002, tal-31 ta’ Ottubru 2002, li jirregola s-sigurtà soċjali tal-ħaddiema part-time u l-irtirar parzjali ( 5 ). Din tal-aħħar tistabbilixxi kif ġej:

“Għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjonijiet tal-irtirar u tal-invalidità permanenti li jirriżultaw minn mard mhux ikkaġunat mix-xogħol jew minn inċident mhux ikkaġunat mix-xogħol, il-perijodi li matulhom ma kien hemm l-ebda obbligu ta’ kontribuzzjoni għandhom jiġu integrati billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-bażi minima ta’ kontribuzzjoni minn fost dawk applikabbli għal kull perijodu, korrispondenti għan-numru ta’ sigħat imwettqa skont il-kuntratt fid-data meta dan l-obbligu ta’ kontribuzzjoni ġie interrott jew intemm.”

II – Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16.

Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li L. Cachaldora Fernández ikkontribwixxiet għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Spanjola mill-15 ta’ Settembru 1971 sal-25 ta’ April 2010, jiġifieri total ta’ 5523 jum li matulhom wettqet xogħol full-time, ħlief bejn l-1 ta’ Settembru 1998 u t-23 ta’ Jannar 2002, meta din tal-aħħar kienet impjegata part-time. Mill-banda l-oħra, L. Cachaldora Fernández ma wettqet l-ebda attività professjonali bejn it- 23 ta’ Jannar 2002 u t-30 ta’ Novembru 2005 u għalhekk ma ħallset l-ebda kontribuzzjoni lill-iskema ta’ sigurtà soċjali matul dan il-perijodu.

17.

Fil-21 ta’ April 2010, L. Cachaldora Fernández talbet lill-INSS il-benefiċċju ta’ pensjoni tal-invalidità.

18.

Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2010, ingħatatilha din il-pensjoni minħabba inkapaċità totali permanenti li twettaq ħidma abitwali. Il-persuna kkonċernata għalhekk kisbet pensjoni tal-invalidità permanenti li tammonta għal 55 % tal-ammont bażiku mensili, jiġifieri EUR 347.03.

19.

Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ammont ta’ din il-pensjoni ġie kkalkolat abbażi tal-kontribuzzjonijiet li l-persuna kkonċernata ħallset matul it-tmien snin qabel id-data tal-fatt ġenerattiv, jiġifieri mix-xahar ta’ Marzu 2002 sax-xahar ta’ Frar 2010. Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, matul il-perijodu mix-xahar ta’ Marzu 2002 sax-xahar ta’ Novembru 2005, l-awtoritajiet kompetenti għalhekk ħadu inkunsiderazzjoni l-bażijiet minimi tal-kontribuzzjonijiet imħallsa matul il-perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni tal-ħlas tagħhom, li għalihom applikaw il-koeffiċjent relatat max-xogħol part-time.

20.

L. Cachaldora Fernández ressqet ilment amministrattiv kontra din id-deċiżjoni fejn sostniet li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni tagħha, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Marzu 2002 u x-xahar ta’ Novembru 2005, l-ammont sħiħ tal-bażijiet minimi ta’ kontribuzzjoni għal kull sena u mhux l-ammont imnaqqas tagħhom li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-koeffiċjent relatat max-xogħol part-time. Skont dan il-metodu ta’ kalkolu, l-ammont bażiku tal-pensjoni tagħha — li ma huwiex ikkontestat mill-INSS — jammonta għal EUR 763.76.

21.

L-INSS ċaħdet dan l-ilment għar-raġuni li l-metodu ta’ kalkolu propost ma huwiex konformi mal-Artikolu 7(2) tad-Digriet Irjali Nru 1131/2002. Għalhekk, Cachaldora Fernández ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Juzgado de lo Social no 2 de Ourense. Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2010, din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha u kkonfermat id-deċiżjoni amministrattiva tal- INSS abbażi tat-test tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS kif ukoll tal-Artikolu 7(2) tad-Digriet Irjali Nru 1131/2002.

22.

L. Cachaldora Fernández, għalhekk, appellat minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia. Peress li għandha d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Regola interna [bħall-punt (b) tat-tielet regola tal-paragrafu 1 tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS] li tikkonċerna fil-parti l-kbira tagħha kategorija femminili u li tgħid li l-kopertura tal-interruzzjonijiet tal-kontribuzzjoni fil-perijodu ta’ referenza ta’ pensjoni ta’ invalidità permanenti kontributtiva u posterjuri għal xogħol part-time hija kkalkulata skont bażijiet minimi ta’ kontribuzzjoni fis-seħħ imnaqqsa [skont il-]koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat max-xogħol part-time ta’ dan l-impjieg li jippreċedi l-interruzzjoni tal-kontribuzzjoni, filwaqt li, kieku dan kien xogħol full-time ma kienx ikun hemm tnaqqis, hija kuntrarja għall-Artikolu 4 tad-Direttiva [79/7]?

2)

Regola interna [bħall-punt (b) tat-tielet regola tal-paragrafu 1 tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS] li tikkonċerna fil-parti l-kbira tagħha kategorija femminili u li tgħid li l-kopertura tal-interruzzjonijiet tal-kontribuzzjoni inklużi fil-perijodu ta’ referenza ta’ pensjoni ta’ invalidità permanenti kontributtiva u posterjuri għal xogħol part-time hija kkalkulata skont bażijiet minimi ta’ kontribuzzjoni fis-seħħ imnaqqsa [skont il-]koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat max-xogħol part-time ta’ dan l-impjieg li jippreċedi l-interruzzjoni ta’ kontribuzzjoni, filwaqt li, kieku dan kien xogħol full-time ma kienx ikun hemm tnaqqis, hija kuntrarja għall-Klawżola 5(1)(a) tad-Direttiva [97/81]?”

23.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni Ewropea.

III – Osservazzjonijiet preliminari

24.

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-kompatibbiltà tal-punt (b) tat-tielet regola tal-paragrafu 1 tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS, minn naħa, fid-dawl tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7, li jagħti lok għall-ewwel domanda preliminari, u min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-Klawżola 5(1)(a) tad-Direttiva 97/81, li hija s-suġġett tat-tieni domanda preliminari tagħha.

25.

Qed nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi biss għall-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ domandi.

26.

Fil-fatt, bħall-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża, inqis li sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 97/81.

27.

Skont it-termini tal-Klawżola 1(a) tal-Ftehim qafas anness ma’ din id-direttiva, dan tal-aħħar għandu bħala għan, b’mod partikolari, “li jipprovdi għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time u li jtejjeb il-kwalità ta’ xogħol part-time”. Il-Klawżola 4(1) tiegħu tfittex għalhekk li tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għal dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ ħaddiema part-time, il-qafas ta’ dan il-ftehim ( 6 ).

28.

Min-naħa tagħha, il-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas tistieden lill-Istati Membri jidentifikaw u jirrevedu ostakoli ta’ natura legali jew amministrattiva li jistgħu jillimitaw l-opportunitajiet għal xogħol part-time u, jekk ikun il-każ, jeliminawhom. Kif jispeċifika espressament il-leġiżlatur tal-Unjoni, din il-klawżola tidħol “[f]il-kuntest tal-Klawżola 1 [tal-Ftehim qafas] u tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni bejn ħaddiema part-time u full-time” previst fil-Klawżola 4(1) ta’ dan il-ftehim. Kif għadni kif sħaqt, il-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas tirrigwarda speċifikament il-“kondizzjonijiet tax-xogħol [ta’ impjieg]”.

29.

Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi l-mekkaniżmu korrettiv applikabbli għall-kalkolu tal-drittijiet ta’ pensjoni tal-invalidità permanenti, ma tikkostitwixxix “kondizzjoni tax-xogħol [ta’ impjieg]” fis-sens ta’ din il-klawżola.

30.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza Bruno et (C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329), li “jiffurmaw parti mill-kunċett ta’ ‘kondizzjonijiet ta’ l-impjieg’ skont il-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dawk il-pensjonijiet li jiddependu fuq relazzjoni ta’ impjieg bejn il-ħaddiem u min jimpjegah, bl-esklużjoni tal-pensjonijiet legali ta’ sigurtà soċjali, li jkunu iktar jiddependu fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali milli fuq tali relazzjoni ta’ impjieg” ( 7 ). Issa l-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija intiża li tkopri riskju ddeterminat, jiġifieri l-invalidità, taqa’ taħt l-iskema legali ta’ protezzjoni Spanjola.

31.

Barra minn hekk, wieħed ma jridx jinsa li, skont it-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas, il-partijiet intrabtu li “l-kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà soċjali jeħtieġu deċiżjoni mill-Istati Membri”. Il-partijiet riedu jeskludu, għalhekk, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas, kwistjonijiet bħal dawk relatati mal-kalkolu tad-drittijiet dovuti abbażi ta’ pensjoni tal-invalidità permanenti.

32.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis għalhekk li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/81 u li għalhekk ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari.

33.

Min-naħa l-oħra, tali pensjoni taqa’ taħt id-Direttiva 79/7, inkwantu tidħol fil-qafas ta’ skema legali ta’ protezzjoni kontra wieħed mir-riskji elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-invalidità, u hija direttament u effettivament marbuta mal-protezzjoni kontra dan ir-riskju ( 8 ). Huwa meħtieġ għalhekk li tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-punt (b) tat-tielet regola tal-paragrafu 1 tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS fid-dawl ta’ dan it-test.

IV – Dwar l-ewwel domanda

34.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu din tal-aħħar, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ħaddiema li wettqu attività part-time matul il-perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tagħhom tas-sigurtà soċjali, twassal biex tnaqqas l-ammont tad-drittijiet dovuti abbażi ta’ pensjoni tal-invalidità permanenti.

35.

Il-qorti tar-rinviju ssostni li din il-leġiżlazzjoni twassal sabiex tintroduċi distinzjoni mhux ġustifikata fl-ammont tad-drittijiet dovuti bejn il-kategorija ta’ ħaddiema part-time, komposta fil-maġġoranza tagħha minn nisa, u dik ta’ ħaddiema full-time.

36.

Huwa meħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġi eżaminat jekk il-metodoloġija stabbilita permezz tad-dispożizzjoni inkwistjoni tistax effettivament twassal sabiex tpoġġi fi żvantaġġ, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kategorija ta’ ħaddiema part-time.

A – Dwar l-eżistenza ta ’ żvantaġġ għad-detriment ta ’ ħaddiema part-time

37.

Skont l-Artikolu 140(1) tal-LGSS, li jistabbilixxi regola applikabbli għal kategorija ġenerali ta’ ħaddiema, l-ammont tal-pensjoni tal-invalidità permanenti jiġi kkalkolat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bażijiet ta’ kontribuzzjonijiet ( 9 ) li jkunu tħallsu matul it-tmien snin qabel ma seħħ il-fatt ġenerattiv (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ referenza”).

38.

Meta, matul dan il-perijodu ta’ referenza, ikun hemm xhur li matulhom il-persuna kkonċernata ma tkunx kkontribwixxiet għall-iskema ta’ sigurtà soċjali, il-leġiżlatur stabbilixxa, fl-Artikolu 140(4) tal-LGSS, mekkaniżmu korrettiv li jippermetti li jiġu integrati dawn il-perijodi fil-bażi għall-kalkolu tal-pensjoni tal-invalidità. L-awtoritajiet kompetenti għalhekk jieħdu inkunsiderazzjoni bażijiet ta’ kontribuzzjonijiet imsejħa “fittizji”. Għall-kategorija ta’ ħaddiema full-time, dawn il-bażijiet jikkorrispondu għall-bażi ta’ kontribuzzjoni l-inqas għolja, applikabbli fuq l-ewwel erba’ snin u, għal dak li għandu x’jaqsam mal-aħħar erbgħa, 50 % ta’ din il-bażi minima.

39.

Madankollu, din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għal ħaddiema part-time.

40.

Fil-fatt, il-leġiżlatur introduċa mekkaniżmu korrettiv li huwa distint u speċifiku għal din il-kategorija ta’ ħaddiema, fil-qafas tal-punt (b) tat-tielet regola tal-paragrafu 1 tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS, li l-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi evalwat hawnhekk. Infakkar li din id-dispożizzjoni ġiet implementata permezz tal-Artikolu 7(2) tad-Digriet Irjali Nru 1131/2002.

41.

Skont dawn id-dispożizzjonijiet, jekk jeżistu, matul il-perijodu ta’ referenza, perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata ma kinitx marbuta tikkontribwixxi, l-awtoritajiet kompetenti jintegraw dawn il-perijodi billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-bażi ta’ kontribuzzjoni l-inqas għolja, korrispondenti għan-numru ta’ sigħat kuntrattwalment previsti fid-data li fiha l-obbligu ta’ kontribuzzjoni ġie interrott jew intemm.

42.

Għaldaqstant, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ‘il fuq, tiddependi, għalhekk, min-natura tal-aħħar kuntratt qabel l-interruzzjoni tal-kontribuzzjonijiet.

43.

Bl-istess mod, kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata ma kkontribwixxietx jiġu meqjusa u integrati bl-istess mod bħall-perijodu immedjatament qabel il-waqfien tal-attività professjonali.

44.

Fi kliem ieħor, meta l-persuna kkonċernata tkun waqqfet l-attività professjonali tagħha immedjatament wara perijodu ta’ attività full-time, l-awtoritajiet kompetenti jieħdu inkunsiderazzjoni l-bażi ta’ kontribuzzjoni applikabbli għall-perijodi ta’ xogħol full-time.

45.

Min-naħa l-oħra, meta l-persuna kkonċernata tkun ħadmet part-time matul il-perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, l-integrazzjoni tal-perijodi li matulhom din tal-aħħar ma kkontribwixxietx tiġi kkalkolata skont bażi ta’ kontribuzzjoni mnaqqsa. Fil-fatt, sakemm il-ħaddiem part-time jirċievi ammont ta’ salarju iktar baxx minħabba tnaqqis fil-ħin tax-xogħol tiegħu, il-kontribuzzjonijiet, li jikkostitwixxi perċentwali tas-salarju, jitnaqqsu wkoll.

46.

Għaldaqstant, minn dan tirriżulta differenza fl-ammont tad-drittijiet għal pensjoni tal-invalidità bejn il-ħaddiema li wettqu attività part-time matul il-perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni tal-kontribuzzjonijiet u dawk li wettqu attività full-time u li għalihom l-integrazzjoni ta’ dawn il-perijodi tiġi kkalkolata skont bażi ta’ kontribuzzjoni sħiħa.

47.

Għalhekk, għal dak li għandu x’jaqsam mal-integrazzjoni tal-perijodi li matulhom il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta’ L. Fernández ġie interrott, jiġifieri bejn ix-xahar ta’ Marzu 2002 u x-xahar ta’ Novembru 2005, l-awtoritajiet kompetenti rreferew għal bażijiet ta’ kontribuzzjoni mnaqqsa, affettwati mill-koeffiċjent relatat ma’ impjieg part-time ( 10 ), inkwantu l-persuna kkonċernata kellha xogħol part-time fid-data li fiha l-obbligu ta’ kontribuzzjoni ġie interrott.

48.

Fi kliem ieħor, l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni wasslet sabiex il-perijodu li matulu l-persuna kkonċernata interrompiet il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tagħha jiġi integrat fil-kalkolu tal-pensjoni tagħha tal-invalidità skont bażijiet ta’ kontribuzzjoni mnaqqsa b’waħda fi tmienja, minkejja li, għall-parti l-kbira mill-karriera professjonali tagħha, din tal-aħħar wettqet attività full-time u kkontribwixxiet għalhekk għall-iskema ta’ sigurtà soċjali.

49.

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan il-metodu ta’ kalkolu wassal, effettivament, sabiex inaqqas l-ammont tad-drittijiet dovuti abbażi tal-pensjoni tal-invalidità tal-persuna kkonċernata b’mod sproporzjonat, meta wieħed iqis il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn din tal-aħħar matul il-karriera professjonali tagħha u kkostitwixxa żvantaġġ fir-rigward ta’ din tal-aħħar.

50.

Kif sostniet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din l-analiżi.

51.

Din tal-aħħar issostni li, f’ħafna każijiet, il-metodoloġija stabbilita permezz tad-dispożizzjoni inkwistjoni tista’ twassal biex tkun favorevoli ħafna għall-ħaddiema part-time, meta l-aħħar kuntratt ta’ qabel il-perijodu ta’ inattività professjonali huwa kuntratt full-time.

52.

Il-Kummissjoni ssejjes l-analiżi tagħha fuq l-eżempju ta’ mara li, matul il-perijodu ta’ referenza, tkun ħadmet għal erba’ snin fuq bażi part-time, imbagħad full-time għal sitt xhur, imbagħad tkun waqqfet l-attività professjonali tagħha għal tliet snin, u fl-aħħar nett, tkun reġgħat bdiet taħdem full-time għal sitt xhur. Matul dawn it-tmien snin, din il-persuna tkun għalhekk ħadmet part-time għal erba’ snin u sena full-time. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tisħaq li l-perijodu ta’ inattività professjonali jiġi ekwiparat mas-sitwazzjoni fejn il-persuna kkonċernata ħadmet full-time, bl-awtoritajiet kompetenti jqisu, għalhekk, erba’ snin abbażi ta’ kontribuzzjoni full-time, filwaqt li l-persuna kkonċernata tkunx ħadmet biss għal sena taħt dan it-tip ta’ kuntratt.

53.

Ma naqbilx mal-opinjoni tal-Kummissjoni.

54.

Fil-fatt, ġie stabbilit, fil-punti 42 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tiddependi min-natura tal-aħħar kuntratt qabel l-interruzzjoni tal-kontribuzzjonijiet. Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni stess indikat li l-perijodi ta’ inattività professjonali jiġu ekwiparati mal-perijodu immedjatament qabel, daqslikieku dawn kienu l-kuntest ta’ benefiċċji ekwivalenti. Konsegwentement, jidhirli li f’sitwazzjoni bħal dik prevista mill-Kummissjoni, fejn il-persuna kkonċernata wettqet attività full-time matul il-perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet, huma biss ir-regoli ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 140(1) u (4) tal-LGSS li huma applikabbli, bl-esklużjoni tar-regoli speċjali previsti fid-dispożizzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, naħseb li huwa diffiċli li jiġi sostnut li din tal-aħħar tista’ tirriżulta li hija favorevoli ħafna, inkwantu ma hijiex applikabbli.

55.

F’dan l-istadju tal-analiżi tiegħi, jiena tal-opinjoni, għalhekk, li l-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-punt (b) tat-tielet regola tal-paragrafu 1 tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS iwassal sabiex tiżvantaġġa lil dawk il-ħaddiema li wettqu attività part-time matul il-perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-iskema ta’ sigurtà soċjali.

56.

Il-kwistjoni li issa tinħtieġ risposta hija dik li jiġi stabbilit jekk dan il-metodu ta’ kalkolu jwassalx ukoll sabiex jintroduċi diskriminazzjoni għad-detriment tan-nisa, bi ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7.

B – Dwar in-natura diskriminatorja tad-dispożizzjoni inkwistjoni

57.

Nikkonstata li d-dispożizzjoni inkwistjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema rġiel u għall-ħaddiema nisa, b’mod li ma tistabbilixxi l-ebda diskriminazzjoni bbażata direttament fuq is-sess.

58.

Jidher madankollu li tintroduċi diskriminazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, inkwantu, fid-dawl tad-data statistika li tikkaratterizza s-sitwazzjoni tal-ħaddiema fi Spanja, tista’ twassal sabiex tiżvantaġġa, fil-fatt, lil numru ħafna ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel ( 11 ).

59.

Preliminarjament, nispeċifika immedjatament li din il-konklużjoni ma timpinġix fuq is-setgħa diskrezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi unikament lill-qorti nazzjonali. Jirriżulta, fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita, li huwa unikament il-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta u li teżamina jekk id-data statistika li fuqha tasal biex tibbaża ruħha hijiex biżżejjed għas-soluzzjoni tal-kawża u hijiex valida ( 12 ). Dan jippresupponi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li din l-informazzjoni tkun tikkonċerna numru suffiċjenti ta’ individwi u tidher, b’mod ġenerali, sinjifikattiva u ma tirriżultax minn fenomeni purament aċċidentali jew okkażjonali.

60.

Fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq id-data statistika stabbilita mill-Instituto Nacional de Estadistica (Istitut nazzjonali tal-istatistika). Skont din id-data, iktar minn 80 % tal-kategorija ta’ ħaddiema part-time kienet komposta min-nisa, fiż-żmien tal-fatt ġenerattiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Jekk is-sena 2013 tidher li hija kkaratterizzata minn dħul sostanzjali ta’ ħaddiema rġiel f’din il-kategorija, din l-istatistika turi li l-perċentwali ta’ ħaddiema nisa li jaqgħu f’din il-kategorija baqa’ madankollu 73 %.

61.

Din id-data tindika li hemm perċentwali kunsiderevolment iktar sinjifikattiva ta’ ħaddiema nisa milli ta’ ħaddiema rġiel li jistgħu jintlaqtu mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Din tindika, barra minn hekk, l-eżistenza ta’ fenomenu persistenti u kostanti fuq tliet snin, li ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jiġi kkwalifikat bħala wieħed aċċidentali jew sempliċement okkażjonali, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, jekk id-data statistika tas-sena 2013 turi li hemm tnaqqis fil-qasma bejn il-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa li jikkomponu l-kategorija tal-ħaddiema part-time, jibqa’ l-fatt li din il-qasma bejn ir-rappreżentanza tan-nisa u tal-irġiel tibqa’, ċertament, kbira ħafna. Barra minn hekk, u kif jirriżulta mid-diskussjonijiet waqt is-seduta, huwa possibbli ferm li fid-data meta seħħ il-fatt ġenerattiv, li fiha Spanja ma kinitx għaddejja mill-kriżi ekonomika li għaddejja minnha bħalissa, il-proporzjon tal-irġiel li jaħdmu part-time kienet ħafna iktar baxxa.

62.

Din id-data tikkostitwixxi, fl-opinjoni tiegħi, indizju affidabbli u sinjifikattiv li jippermetti li tiġġustifika l-konklużjoni — li madankollu tista’ biss tiġi stabbilita mill-qorti tar-rinviju — li hemm perċentwali kunsiderevolment iktar sinjifikattiva ta’ ħaddiema nisa milli ta’ ħaddiema rġiel li tista’ effettivament tiġi żvantaġġata permezz tal-implementazzjoni tal-mekkaniżmu korrettiv inkwistjoni.

63.

Il-Gvern Spanjol ma jikkondividix din l-opinjoni u jikkontesta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta billi jirreferi għad-data f’ċifri kkomunikata mill-INSS ( 13 ).

64.

Din id-data tindika li l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu korrettiv inkwistjoni jikkonċerna, fir-realtà, numru kemxejn ogħla ta’ rġiel milli ta’ nisa. B’hekk, fl-2010, 5657 raġel intlaqtu mill-implementazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu filwaqt li n-numru ta’ nisa li kien is-suġġett tiegħu kien ta’ 5237; fl-2011, iċ-ċifri kienu ta’ 5566 raġel u 5129 mara; fl-2012, 5568 raġel u 4830 mara u, fl-aħħar nett, fl-2013, 5935 raġel u 5066 mara.

65.

M’iniex tal-opinjoni li din id-data tista’ tqiegħed fid-dubju l-istatistika li fuqha jibbażaw ruħhom il-qorti tar-rinviju u l-konklużjonijiet li qed nipproponi li nislet.

66.

Fil-fatt, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li ma huwiex biżżejjed li jitqies biss in-numru ta’ ħaddiema rġiel u nisa milquta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 14 ). Il-kwistjoni hija waħda ta’ data relattiva, li tiddependi min-numru ta’ ħaddiema attivi fl-Istat Membru u ma tippermettix li jiġu evalwati l-proporzjonijiet rispettivi ta’ rġiel u nisa li jikkomponu l-kategorija ta’ ħaddiema part-time.

67.

Għalhekk u minkejja d-data kkomunikata mill-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet tiegħu, nippersisti fil-fehma tiegħi li d-dispożizzjoni inkwistjoni tista’ tiżvantaġġa lil numru ħafna iktar għoli ta’ nisa milli ta’ rġiel, u għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta li tmur kontra l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7.

68.

Il-kwistjoni issa hija dik li jiġi stabbilit jekk il-motivi invokati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħux jiġġustifikaw din id-diskriminazzjoni.

C – Dwar l-eżistenza ta ’ ġustifikazzjoni

69.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għal dak li għandu x’jaqsam mal-għażla tal-miżuri li jistgħu jwettqu l-għanijiet tal-politika soċjali u tal-impjieg tagħhom. Għaldaqstant, meta dawn tal-aħħar jadottaw leġiżlazzjoni li hija preżunta bħala waħda diskriminatorja, huma marbuta juru li din tal-aħħar tista’ tiġi ġġustifikata minn fatturi oġġettivi u li ma huma relatati mal-ebda tip ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess ( 15 ).

70.

Dawn tal-aħħar għalhekk għandhom jistabbilixxu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tissodisfa għan leġittimu tal-politika soċjali tagħhom. Għandhom juru, barra minn hekk, li l-mezzi magħżula għal dan il-għan huma xierqa biex jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan il-għan u li huma implementati b’mod koerenti u sistematiku ( 16 ).

71.

Fil-kawża preżenti, il-Gvern Spanjol isostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi, skont l-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni Spanjola, skema pubblika ta’ pensjonijiet ġusta, ekwilibrata u solidali, filwaqt li jiġu żgurati l-vijabbiltà u l-ekwilibriju finanzjarju tal-iskema ta’ sigurtà soċjali.

72.

Kif kienet diġà sostniet l-INSS quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Gvern Spanjol jibbaża ruħu fuq in-natura kontributorja tal-iskema u fuq il-ħtieġa tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk, il-protezzjoni li toffri din l-iskema ma tista’ qatt teċċedi l-kontribuzzjoni mħallsa qabel lil din tal-aħħar, peress li l-persuni kkonċernati jirċievu pensjoni li għandha tkun proporzjonata għall-kontribuzzjoni tagħhom lill-iskema. Huwa għalhekk b’applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju li teżisti differenza ġġustifikata bejn l-ammont tal-benefiċċji mogħtija lil ħaddiem full-time u dawk mogħtija lil ħaddiem li jwettaq attività part-time.

73.

Huwa wkoll skont dan il-prinċipju li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jintegraw il-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata interrompiet il-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet immedjatament wara li waqfet taħdem part-time. B’hekk, il-Gvern Spanjol iqis li, mill-mument meta l-persuna kkonċernata tħallas kontribuzzjoni li hija proporzjonata għall-ħin maħdum u li tikkorrispondi għal perijodu ta’ attività part-time, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu korrettiv, il-kontribuzzjoni li din tal-aħħar kienet tkun ħallset li kieku l-obbligu tal-kontribuzzjoni ma ġiex interrott.

74.

Inqis, għall-istess raġunijiet invokati mill-qorti tar-rinviju, li dawn il-motivi ma jippermettux li tiġi ġġustifikata d-diskriminazzjoni indiretta, li minnha ġiet milquta l-persuna kkonċernata.

75.

Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li L. Cachaldora Fernández ikkontribwixxiet għall-iskema ta’ sigurtà soċjali mill-15 ta’ Settembru 1971 sal-25 ta’ April 2010, jiġifieri total ta’ 5523 jum li matulhom eżerċitat professjoni fuq bażi full-time, ħlief għall-perijodi segwenti: mill-1 ta’ Settembru 1998 sat-28 ta’ Frar 1999, imbagħad mill-1 ta’ Marzu 1999 sat-23 ta’ Marzu 2001, u, fl-aħħar nett, mill-24 ta’ Marzu 2001 sat-23 ta’ Jannar 2002. Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, L. Cachaldora Fernández ħadmet part-time għal tliet snin u għaxar xhur, perijodu li jirrappreżenta parti minima mill-karriera professjonali tagħha li hija wettqet għal madwar 39 sena.

76.

Id-dispożizzjoni inkwistjoni twassal sabiex il-perijodu li matulu din tal-aħħar interrompiet il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tagħha lill-iskema ta’ sigurtà soċjali jiġi integrat fil-kalkolu tal-pensjoni tagħha tal-invalidità, skont il-bażijiet ta’ kontribuzzjoni mnaqqsa b’waħda fi tmienja, u dan minkejja li hija wettqet attività full-time għal parti sostanzjali tal-karriera professjonali tagħha u kkontribwixxiet, għalhekk, għall-iskema ta’ sigurtà soċjali bħala ħaddiema full-time.

77.

Għalkemm, fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Spanjol isostni li din il-metodoloġija tippermetti r-rabta diretta bejn l-ammont tal-pensjoni u l-isforz ta’ kontribuzzjoni magħmul mill-ħaddiem, il-ħsieb tiegħi, min-naħa l-oħra, huwa li din il-metodoloġija twassal sabiex il-pensjoni tal-invalidità permanenti tiġi kkalkolata abbażi tal-kontribuzzjonijiet imħallsa f’“mument T” tal-karriera tal-persuna kkonċernata, li mhux bilfors jirrappreżenta l-isforz ta’ kontribuzzjoni ta’ din tal-aħħar.

78.

Konsegwentement, jidhirli li din il-metodoloġija twassal, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tnaqqas l-ammont tad-drittijiet dovuti abbażi ta’ pensjoni tal-invalidità permanenti, b’mod sproporzjonat meta wieħed iqis il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuna kkonċernata matul il-karriera professjonali tagħha kollha u għalhekk ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi ta’ fattur oġġettiv li jirriżulta min-natura kontributorja tal-iskema ta’ sigurtà soċjali u mill-ħtieġa tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

79.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena tal-opinjoni, għalhekk, li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu din tal-aħħar, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ħaddiema li wettqu attività part-time għal perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, twassal biex tnaqqas l-ammont tad-drittijiet dovuti abbażi ta’ pensjoni tal-invalidità permanenti.

V – Konklużjoni

80.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia:

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu din tal-aħħar, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ħaddiema li wettqu attività part-time għal perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, twassal biex tnaqqas l-ammont tad-drittijiet dovuti abbażi ta’ pensjoni tal-invalidità permanenti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267.

( 4 ) Liġi approvata permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1/94, tal-20 ta’ Ġunju 1994, BOE Nru 154, tad-29 ta’ Ġunju 1994, p. 20658, iktar ’il quddiem il-“LGSS”.

( 5 ) BOE Nru 284, tas-27 ta’ Novembru 2002, p. 41643.

( 6 ) Ara t-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Anness tad-Direttiva 97/81.

( 7 ) Ara l-punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza Elbal Moreno (C‑385/11, EU:C:2012:746, punt 21).

( 8 ) Ara s-sentenza Elbal Moreno (EU:C:2012:746, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Skont l-Artikolu 109(1) tal-LGSS, il-bażi ta’ kontribuzzjoni għar-riskji kollha u għas-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu fl-ambitu tal-iskema ġenerali hija kkostitwita minn remunerazzjoni totali, indipendentement mill-forma u mid-denominazzjoni tagħha, li l-ħaddiem għandu dritt jirċievi jew darba fix-xahar jew permezz ta’ dak li effettivament jirċievi, jekk hija ogħla, fir-rigward tax-xogħol li jwettaq bħala impjegat.

( 10 ) Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li peress li dan il-koeffiċjent huwa ta’ 125, il-bażijiet ta’ kontribuzzjoni ġew immultiplikati b’0.125, li jammonta għad-diviżjoni tagħhom bi 8.

( 11 ) Ara s-sentenza Elbal Moreno (EU:C:2012:746, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara s-sentenza Seymour-Smith u Perez (C‑167/97, EU:C:1999:60, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Mill-osservazzjonijiet orali espressi waqt is-seduta mill-INSS jirriżulta li d-data dwar il-perijodu li matulu seħħ il-fatt ġenerattiv ma hijiex disponibbli.

( 14 ) Ara s-sentenza Seymour-Smith u Perez (EU:C:1999:60, punt 59).

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Elbal Moreno (EU:C:2012:746, punt 32) u Brachner (C‑123/10, EU:C:2011:675, punti 70 sa 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Is-sentenza Brachner (EU:C:2011:675, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Top