EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0375

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Szpunar - 3 ta' Settembru 2014.
Harald Kolassa vs Barclays Bank plc.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Handelsgericht Wien - l-Awstrija.
Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja - Regolament (KE) Nru 44/2001 - Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali - Kuntratti konklużi mill-konsumaturi - Konsumatur, domiċiljat fi Stat Membru, li xtara titoli, maħruġa minn bank stabbilit fi Stat Membru ieħor, mingħand intermedjarju stabbilit fit-tielet Stat Membru - Ġurisdizzjoni għar-rikorsi diretti kontra l-bank li ħareġ it-titoli msemmija.
Kawża C-375/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2135

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2014 ( 1 )

Kawża C‑375/13

Harald Kolassa

vs

Barclays Bank plc

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Kuntratti konklużi mill-konsumaturi — Konsumatur, domiċiljat fi Stat Membru, li xtara mis-suq sekondarju, mingħand intermedjarju stabbilit fi Stat Membru ieħor, titoli maħruġa minn bank stabbilit fit-tielet Stat Membru — Ġurisdizzjoni għar-rikorsi diretti kontra l-bank li ħareġ it-titoli msemmija”

I – Introduzzjoni

1.

Bank stabbilit fir-Renju Unit u li ħareġ ċertifikati fis-suq primarju fil-Ġermanja jista’ jkun responsabbli kuntrattwalment jew delittwalment quddiem il-qorti Awstrijaka tal-post tad-domiċilju ta’ investitur li sofra dannu, li xtara tali ċertifikati mis-suq sekondarju? Din il-problema hija l-qofol ta’ dan ir-rinviju preliminari. H. Kolassa u Barclays Bank plc (iktar ’il quddiem “Barclays Bank”) huma l-partijiet fil-kawża prinċipali.

2.

Il-Handelsgericht Wien (qorti tal-kummerċ ta’ Vjenna, l-Awstrija) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5(1)(a) u (3), kif ukoll 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 2 ).

3.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nikkwota diversi drabi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), peress li, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dik tal-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ekwivalenti ( 4 ).

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

4.

Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi:

“Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.”

5.

Il-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament (Artikoli 2 sa 31) jittrattaw ir-regoli tal-ġurisdizzjoni. It-Taqsima 1 tal-imsemmi Kapitolu II (Artikoli 2 sa 4) hija intitolata “Disposizzjonijiet ġenerali”. L-Artikolu 2(1) tar-regolament imsemmi jipprovdi li “[b]la preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

6.

It-Taqsima 2 tal-Kapitolu II (Artikoli 5 sa 7) tar-regolament imsemmi hija intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”. Skont l-Artikolu 5 tiegħu:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)

a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)

għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

ċ)

jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

[…]

3)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

7.

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II (Artikoli 15 sa 17) tiegħu, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ’l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu [4] u punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:

a)

ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti bin-nifs b’termini ta’ kreditu; jew

b)

ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew

(ċ)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.”

8.

Konsumatur jista’ jistitwixxi proċedimenti kontra l-parti l-oħra f’kuntratt fil-qrati tal-Istat marbut b’din il-Konvenzjoni li fih dik il-parti tkun domiċiljata jew fil-qrati tal-post fejn il-konsumatur ikun domiċiljat. L-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “[k]onsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur”.

9.

L-Artikolu 24 tar-regolament imsemmi, li jifforma parti mit-Taqsima 7 tal-Kapitolu II tiegħu, jipprovdi:

“Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex ikun ikkontestat il-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22.”

10.

It-Taqsima 8 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, intitolata “Eżami dwar ġurisdizzjoni u ammisibilità”, hija komposta mill-Artikoli 25 u 26, li huma mfassla b’dan il-mod:

“Artikolu 25

Meta qorti ta’ Stat Membru jkollha quddiemha talba li tkun prinċipalment konċernata b’ materja li dwarha l-qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22, din għandha tiddikjara b’inizjattiva tagħha li m’ għandhiex ġurisdizzjoni.

Artikolu 26

1.   Meta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed ikun infittex f’qorti ta’ Stat Membru ieħor u li ma jidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tiddikjara bl-inizjattiva tagħha stess li m’ għandhiex ġurisdizzjoni sa kemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-qorti għandha twaqqaf il-proċedimenti sa kemm ma jkunx jidher li dak il-konvenut seta’ rċieva d-dokument li jiftħu l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu jew li jkunu ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dan il-għan.

[…]”

B – Id-dritt Awstrijak

11.

L-Artikolu 11 tal-Liġi tas-suq tal-kapital (Kapitalmarktgesetz), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprevedi b’mod partikolari l-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà ta’ min joħroġ prospett f’dak li jikkonċerna d-dannu subit minn investitur li bbaża ruħu fuq l-informazzjoni li tinsab f’dan il-prospett.

12.

L-Artikolu 26 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ investiment (Investmentfondsgesetz), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi b’mod partikolari li, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, ix-xerrej ta’ ishma ta’ fondi komuni ta’ investiment barranin għandu jirċievi mingħajr ħlas id-dispożizzjonijiet relattivi għall-fondi u/jew il-memorandum tal-kumpannija ta’ investiment, prospett tal-kumpannija ta’ investiment barranija kif ukoll kopja tat-talba għall-konklużjoni tal-kuntratt u li l-prospett għandu jinkludi fih l-informazzjoni kollha li, fil-mument tat-talba, ikollha importanza partikolari għall-evalwazzjoni tal-ishma ta’ fondi komuni ta’ investiment barranin.

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13.

Barclays Bank, bank stabbilit f’Londra (ir-Renju Unit) u li għandu wkoll fergħa fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), ħareġ ċertifikati u biegħhom lil investituri istituzzjonali, fost oħrajn, lil DAB Bank AG, stabbilita f’München (il-Ġermanja). Ma seħħ ebda bejgħ lil individwi.

14.

Iċ-ċertifikati nħarġu abbażi ta’ prospett bażiku tat-22 ta’ Settembru 2005 u tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-20 ta’ Diċembru 2005 (annessi inklużi). Fuq talba ta’ Barclays Bank, dan il-prospett bażiku ġie nnotifikat ukoll fl-Awstrija. Iċ-ċertifikati nħarġu fl-2006. Ir-rimbors jiskadi fl-2016.

15.

Kumpannija stabbilita fi Frankfurt am Main kienet inkarigata bl-amministrazzjoni tax-xiri bħala clearing house. Huwa wkoll f’din il-kumpannija li jinżamm iċ-ċertifikat globali.

16.

DAB Bank AG ittrasferixxiet iċ-ċertifikati lis-sussidjarja tagħha fl-Awstrija, direktanlage.at AG, li reġgħet biegħethom lil individwi, fosthom H. Kolassa, domiċiljat fl-Awstrija, li investa ċertu ammont f’dawn iċ-ċertifikati.

17.

Kull darba, l-ordnijiet għaddew u ġew eżegwiti f’isem il-kumpanniji kkonċernati. B’mod konformi mal-kundizzjonijiet ġenerali tagħha, direktanlage.at AG eżegwiet l-ordni ta’ H. Kolassa bħala “depożitarja”, jiġifieri li hija, bħala hedge fund, iżżomm iċ-ċertifikati fi München f’isimha stess u għall-klijent tagħha. H. Kolassa seta’ biss jitlob il-kunsinna taċ-ċertifikati sal-ammont tas-sehem miżmum fil-hedge fund, filwaqt li kien mifhum li ċ-ċertifikati ma setgħux jiġu ttrasferiti f’ismu.

18.

Fil-fatt, iċ-ċertifikat jirrappreżenta s-self ta’ impriża taħt forma ta’ obbligazzjoni lill-portatur. L-ammont li għandu jiġi rrimborsat u, għalhekk, il-valur taċ-ċertifikat jiġu ddeterminati abbażi ta’ indiċi fformat minn portafoll ta’ diversi fondi speċifiċi, biex b’hekk il-valur taċ-ċertifikat ikun direttament fl-indiċi ta’ dan il-portafoll. Il-portafoll kellu jinħoloq u jiġi amministrat minn kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fil-Ġermanja.

19.

L-amministratur ta’ din il-kumpannija uża l-influwenza tiegħu fi ħdan il-kumpannija msemmija biex iżid kapital ġdid fis-sistema kbira tiegħu ta’ frodi piramidali. Dan ġie kkundannat fil-Ġermanja, fl-2011, għal piena ta’ priġunerija ta’ għaxar snin u tmien xhur għal frodi, falsifikazzjoni u evażjoni tat-taxxa.

20.

Fil-preżent, il-valur taċ-ċertifikati huwa stmat għal EUR 0.

21.

Għalhekk, H. Kolassa ppreżenta kawża quddiem il-Handelsgericht Wien kontra Barclays Bank li fiha huwa jinvoka drittijiet kemm ta’ natura kuntrattwali (drittijiet ibbażati fuq il-kuntratt ta’ self, ix-xiri tas-self u l-ksur tal-obbligi prekuntrattwali ta’ protezzjoni u ta’ informazzjoni) u delittwali (drittijiet ibbażati fuq l-irregolaritajiet fil-prospett u fil-kontroll, b’mod partikolari bi ksur tal-Liġi dwar is-suq tal-kapital u tal-Liġi dwar il-fondi ta’ investiment). H. Kolassa jsostni li l-qorti li tressqet il-kawża quddiemha hija kompetenti, primarjament, abbażi tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 jew, sussidjarjament, abbażi tal-Artikolu 5(1)(a) u (3), tar-regolament imsemmi.

22.

Barclays Bank tikkontesta l-ilmenti ta’ H. Kolassa kif ukoll il-ġurisdizzjoni tal-qorti li tressqet il-kawża quddiemha.

23.

Fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet u tan-numru kbir ta’ proċeduri paralleli pendenti, il-Handelsgericht Wien qieset li kien neċessarju u xieraq li tiġi sospiża l-proċedura u li jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)

(a)

L-espressjoni ‘F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ’l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu’, li tinsab fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament [Nru 44/2001], għandha tiġi interpretata fis-sens li

(i)

rikorrent li, inkwantu konsumatur, ikun akkwista bond anonimu fis-suq sekondarju u li issa jinvoka drittijiet kontra l-persuna li ħarġet il-bond abbażi tal-kundizzjonijiet tas-self, għall-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kontroll u tar-responsabbiltà li daħlet għaliha l-persuna li ħarġet il-bond skont il-prospett jista’ jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, meta, bix-xiri tat-titolu minn terz, huwa ssurroga ruħu għall-persuna li ssottoskriviet ruħha inizjalment għas-self fil-kuntest tal-kuntratt konkluż mal-persuna li ħarġet il-bond?

(ii)

[fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda (a)(i)] ir-rikorrent jista’ wkoll jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament [Nru 44/2001] meta t-terz li mingħandu akkwista l-bond huwa nnifsu akkwistaha għal użu li jista’ jitqies li jaqa’ taħt l-attività professjonali tiegħu, jiġifieri meta r-rikorrent ikun akkwista l-bond mingħand persuna li ma hijiex il-konsumatur?

(iii)

[fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda (a)(i) u (ii)] ir-rikorrent jista’ wkoll jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament [Nru 44/2001] meta d-detentur tal-bond ma huwiex ir-rikorrent innifsu, iżda t-terz inkarigat li jikseb it-titolu għar-rikorrent, peress li, skont il-modalitajiet miftiehma, dan it-terz, li ma huwiex huwa nnifsu konsumatur, iżomm it-titolu f’ismu u għan-nom tar-rikorrent, u dan tal-aħħar jista’ biss jitlob il-kunsinna tiegħu skont id-dritt kuntrattwali?

b)

[fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda (a)(i)] il-qorti mitluba tiddeċiedi fil-qasam kuntrattwali fuq id-drittijiet ibbażati fuq l-akkwist ta’ self tista’ titqies li għandha ġurisdizzjoni anċillari, skont l-Artikolu 15(1), tar-Regolament [Nru 44/2001], sabiex tiddeċiedi f’materja delittwali fuq dan l-istess akkwist?

(2)

(a)

L-espressjoni “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” li tinsab fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandha tiġi interpretata fis-sens li

(i)

rikorrent li, inkwantu konsumatur, akkwista bond anonimu fis-suq sekondarju u li issa jinvoka drittijiet kontra l-persuna li ħarġet il-bond abbażi tal-kundizzjonijiet tas-self, għall-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kontroll u tar-responsabbiltà li daħlet għaliha l-persuna li ħarġet il-bond skont il-prospett jista’ jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, meta, bix-xiri tat-titolu minn terz, huwa ssurroga ruħu għall-persuna li ssottoskriviet ruħha inizjalment għas-self fil-kuntest tal-kuntratt konkluż mal-persuna li ħarġet il-bond?

(ii)

[fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda (a)(i)] ir-rikorrent jista’ wkoll jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament [Nru 44/2001] meta d-detentur tal-bond ma huwiex ir-rikorrent innifsu, iżda t-terz inkarigat li jikseb it-titolu għar-rikorrent, peress li, skont il-modalitajiet miftiehma, dan it-terz iżomm it-titolu f’ismu u għan-nom tar-rikorrent, u dan tal-aħħar jista’ biss jitlob il-kunsinna tiegħu skont id-dritt tal-obbligi?

b)

[fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda (a)(i)] il-qorti mitluba tiddeċiedi fil-qasam kuntrattwali fuq id-drittijiet ibbażati fuq l-akkwist ta’ self għandha wkoll ġurisdizzjoni anċillari, skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament [Nru 44/2001], sabiex tiddeċiedi f’materja delittwali?

(3)

(a)

Fil-kuntest tal-ħruġ ta’ bond anonimu, id-drittijiet ibbażati fuq ir-responsabbiltà li daħlet għaliha l-persuna li ħarġet il-bond skont il-prospett kif ukoll fuq il-ksur tal-obbligi ta’ protezzjoni u ta’ informazzjoni jistgħu jitqiesu bħala drittijiet f’materja delittwali jew ta’ kważi-delittwali fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001]?

[fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda (a)(1)], dan jgħodd ukoll meta persuna li ma hijiex hija nfisha d-detentur tal-bond, iżda li għandha biss dritt għal ħlas lura kontra l-persuna li żżomm it-titolu f’isimha tinvoka tali drittijiet kontra l-persuna li tkun ħarġet il-bond?

(b)

L-espressjoni ‘post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq’ li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ li titolu ġie akkwistat abbażi ta’ informazzjoni żbaljata intenzjonalment,

(i)

il-post tal-effett tal-ħsara jistqies li jinsab fid-domiċilju tal-vittma inkwantu ċ-ċentru tal-patrimonju tagħha?

(ii)

[fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda (b)(i)] Dan jgħodd ukoll meta l-ordni tax-xiri u l-ħlas tal-valur jistgħu jiġu rrevokati sat-twettiq tat-tranżazzjoni u meta l-imsemmija tranżazzjoni twettqet fi Stat Membru ieħor ċertu żmien wara li sar il-ħlas mill-kont tal-vittma?

(4)

Fil-kuntest tal-verifika tal-ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament [Nru 44/2001], il-qorti adita għandha tipproċedi bil-produzzjoni dettaljata tal-prova f’dak li jirrigwarda l-fatti inkwistjoni li huma kemm rilevanti għall-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni kif ukoll għall-eżistenza tad-dritt invokat (‘fatti rilevanti b’mod doppju’) jew inkella tista’ tqis, għall-finijiet tad-deċiżjoni fuq il-ġurisdizzjoni, li l-allegazzjonijiet tal-parti rikorrenti huma korretti?”

IV – Analiżi

24.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li hija ma waslitx biex tikkonstata l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali “diretta” bejn il-partijiet. Hija għandha bżonn tkun taf l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddetermina f’liema kategorija awtonoma tar-Regolament Nru 44/2001 (qasam kuntrattwali jew delittwali) għandhom jiġu kklassifikati d-drittijiet invokati minn H. Kolassa.

A – Fuq l-ewwel domanda

25.

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001, liema ħaġa jkollha l-konsegwenza li H. Kolassa jkun jista’, abbażi tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001, jippreżenta kawża fl-Awstrija kontra Barclays Bank.

26.

Għandhom jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet biex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament. L-ewwel nett, għandu jkun hemm konsumatur, jiġifieri persuna mhux involuta f’attività kummerċjali jew professjonali ( 5 ), it-tieni nett, id-dritt ta’ azzjoni għandu jkun marbut ma kuntratt ta’ konsum konkluż bejn il-konsumaturi u persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali; finalment, it-tielet nett, tali kuntratt għandu jidħol taħt waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (ċ) tal-imsemmi Artikolu 15.

27.

Il-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax liema mit-tliet għażliet tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 tista’ tkun applikabbli [(a), (b) jew (ċ)]. Fil-fehma tiegħu, tista’ tapplika biss l-għażla li tinsab fl-imsemmi punt (ċ), skont liema l-persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali għandha teżerċitahom fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’kull mezz, tidderiġi tali attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati, inkluż dak l-Istat Membru, u l-kuntratt għandu jidħol fl-ambitu ta’ dawn l-attivitajiet. L-applikazzjoni tar-regoli tal-ġurisdizzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 15(1)(a) (bejgħ ta’ oġġetti bin-nifs b’termini ta’ kreditu) u (b) (kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti), tar-Regolament Nru 44/2001 għandha tiġi eskluża għas-sempliċi raġuni li ċ-ċertifikati ma jikkostitwixxux oġġett, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 15(1)(a) jew (b).

28.

Jidher li f’dan il-każ l-ewwel u t-tielet kundizzjonijiet ġew sodisfatti. H. Kolassa aġixxa bħala konsumatur għaliex it-tranżazzjoni inkwistjoni ma tifformax parti mill-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu. Barra minn hekk, il-prospett relattiv għaċ-ċertifikat inkwistjoni ġie ppubblikat fl-Awstrija u għalhekk Barclays Bank idderiġiet l-attività tagħha lejn dan l-Istat Membru fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001.

29.

Madankollu hemm “kuntratt konkluż minn […] konsumatur”? Dan huwa l-qofol tal-ewwel domanda.

30.

Skont il-Gvern Olandiż, mill-fatti deskritti mill-qorti tar-rinviju jista’ jiġi dedott li H. Kolassa u Barclays Bank effettivament ftiehmu fuq obbligi reċiproċi. B’mod iktar preċiż, l-argumentazzjoni tal-Gvern Olandiż hija strutturata b’dan il-mod, jiġifieri li Barclays Bank għandha l-obbligu, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-metodi ta’ kalkolu deskritti fil-prospett, li tirrimborsa s-self obbligatorju lil H. Kolassa. Dan tal-aħħar għandu l-obbligu li jħallas il-prezz tal-obbligazzjoni. Ċertament, H. Kolassa ma jingħatax iċ-ċertifikat mit-trustee u jikseb biss dritt għall-għoti tal-effett lill-portatur, iżda dan iċ-ċertifikat xorta jirrappreżenta dritt għall-ħlas minn Barclays Bank ta’ ammont determinat lill-konsumatur. B’hekk, Barclays Bank għandha dejn fil-konfront ta’ dak li xtara l-obbligu, anki jekk iċ-ċertifikat, b’mod konformi mal-kundizzjonijiet ġenerali tat-trustee, jibqa’ ddepożitat għand din. Dan ifisser li H. Kolassa għandu f’kull każ jitqies li huwa d-detentur tal-obbligu fis-sens ekonomiku tat-terminu.

31.

Min-naħa tiegħu, H. Kolassa jżid li, peress li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa intiż biex jipproteġi lill-konsumatur, għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa lil dan l-artikolu.

32.

Jiena mhux konvint minn din il-linja ta’ argumentazzjoni.

33.

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċetti użati mir-Regolament Nru 44/2001, u b’mod partikolari dawk li jinsabu fl-Artikolu 15(1) tiegħu għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, prinċipalment b’riferiment għas-sistema u għall-għanijiet tar-regolament imsemmi, bil-għan li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha ( 6 ). Issa, il-kunċett ta’ “kuntratt konkluż minn […] konsumatur” huwa indipendenti mill-kwalifiki tal-liġi nazzjonali.

34.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-formulazzjoni kemm tal-parti introduttiva tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll tal-Artikolu 15(1)(ċ), huwa meħtieġ li “kuntratt” jiġi “konkluż” mill-konsumatur ma’ persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali ( 7 ). Din il-konstatazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mit-titolu tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, li fih jinsab l-Artikolu 15, li tirrigwarda l-“Ġurisdizzjoni fuq kuntratti [konklużi ( 8 ) m]al-konsumatur” ( 9 ).

35.

Jiena tal-fehma li ma kienx hemm konklużjoni ta’ kuntratt fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u li, għalhekk, dan l-artikolu ma japplikax għal każ bħal dak f’din il-kawża.

36.

Ċertament, H. Kolassa, bħala konsumatur Awstrijak, kellu l-intenzjoni li jipparteċipa fl-operazzjoni ta’ investiment implementata minn Barclays Bank bħala kumpannija emettriċi Ingliża, li kienet is-suġġett ta’ reklamar fl-Awstrija permezz ta’ prospett speċifiku. Huwa jallega li l-bank li kien għamel kuntratt miegħu, direktanlage.at AG, ma kien jassumi ebda riskju ekonomiku.

37.

Madankollu, tali konstatazzjoni ma tistax tibbaża l-konklużjoni li tgħid li kien jeżisti kuntratt bejn H. Kolassa u Barclays Bank.

38.

L-uniku kuntratt konkluż minn H. Kolassa kien kuntratt konkluż ma’ direktanlage.at AG. Ma neskludix li, abbażi tal-liġi nazzjonali applikabbli, Barclays Bank għandha ċerti obbligi lejn H. Kolassa ( 10 ). Madankollu, dawn l-obbligi ma jirriżultawx mill-konklużjoni ta’ kuntratt bejn H. Kolassa u direktanlage.at AG.

39.

Lanqas ma nara għalfejn għandha tiġi adottata interpretazzjoni iktar wiesgħa jew “ekonomika” tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001, li tmur kontra l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni għar-raġuni li huwa neċessarju li jiġi protett il-konsumatur bħala l-parti l-iktar dgħajfa.

40.

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jikkostitwixxi deroga kemm għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-konvenut ikun iddomiċiljat, kif ukoll għar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-kuntratti, stabbilita fl-Artikolu 5(1) ta’ dan l-istess regolament, li bih il-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik tal-post fejn obbligazzjoni li hija l-bażi tat-talba kienet jew għandha tiġi eżegwita ( 11 ).

41.

F’dan ir-rigward, huwa minnu li, għalkemm l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa intiż biex jipproteġi lill-konsumaturi, dan ma jimplikax li din il-protezzjoni hija assoluta ( 12 ). Din id-dispożizzjoni hija mfassla b’mod ċar u tibbilanċja l-interessi tal-konsumatur u dawk tal-persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali. Peress li tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali, din id-dispożizzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta ( 13 ).

42.

L-għan prinċipali tar-Regolament Nru 44/2001 huwa li jiżgura ċ-ċertezza legali fil-qasam tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati fis-suq intern. B’hekk, il-premessa 11 tar-Regolament tipprovdi li r-regoli tal-ġurisdizzjoni għandu jkollhom livell għoli ta’ prevedibbiltà.

43.

Jekk tiġi aċċettata l-ġurisdizzjoni tal-forum tal-konsumatur f’sitwazzjoni bħal dik ta’ dan il-każ tkun qed tiġi miċħuda tali prevedibbiltà.

44.

Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li ma tissagrifikax il-kliem ċar tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll l-iskop tiegħu fl-istruttura tar-regolament imsemmi sabiex tadotta approċċ “ekonomiku” bil-għan li tipproteġi lil konsumatur. Huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li jkollu jaġixxi f’dan is-sens kieku kellu jikkonstata bżonn li jaġixxi ( 14 ).

45.

Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għall-ewwel domanda li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi l-konklużjoni ta’ kuntratt bejn il-partijiet fil-kwistjoni. Meta konsumatur ikun akkwista ċertifikat li jirrappreżenta s-self ta’ impriża taħt forma ta’ obbligazzjoni lill-portatur mhux mingħand l-emettur ta’ dan iċ-ċertifikat iżda mingħand terz li huwa stess kisbu mingħand l-emettur, ma jkunx ġie konkluż kuntratt bejn il-konsumatur u l-emettur taċ-ċertifikat.

B – Fuq it-tieni domanda

46.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tressaq, essenzjalment, l-istess domandi bħal dawk eżaminati sa issa, iżda din id-darba b’riferenza għar-regola tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, li tgħid li, “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, persuna tista’ titressaq quddiem il-qorti tal-post fejn l-obbligu ġie jew għandu jiġi eżegwit.

47.

Fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tidher li titlaq mill-ħsieb li l-persuna li sofriet id-dannu ssurrogat ruħha għas-sottoskrivent inizjali tas-self fil-kuntest tal-kuntratt konkluż mal-emettur. Kieku l-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li H. Kolassa ssurroga ruħu għas-sottoskrivent imsemmi fis-sens li akkwista d-drittijiet u l-obbligi kollha tal-kumpannija direktanlage.at AG u, minħabba f’hekk, sar parti kontraenti għall-kuntratt konkluż ma’ Barclays Bank, din tkun, fil-fehma tiegħu, “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001. L-iżviluppi li jsegwu jippresupponu li dan ma huwiex il-każ, peress li l-qorti tar-rinviju stess tikkonstata, fil-kunsiderazzjonijiet tagħha stess li jsostnu r-rinviju, li H. Kolassa ma huwiex marbut kuntrattwalment ma’ Barclays Bank skont ir-regoli ġenerali tal-liġi ċivili tal-Awstrija.

48.

Kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll id-duttrina ( 15 ) jinterpretaw b’mod differenti l-kunċetti ta’ kuntratt fil-kuntest rispettivament tal-Artikoli 15 u 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

49.

Fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 5(1), il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta, b’mod awtonomu u wiesa’, il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” ( 16 ). B’mod partikolari, dan l-artikolu ma jeħtieġx, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konklużjoni ta’ kuntratt ( 17 ). L-identifikazzjoni ta’ obbligu kuntrattwali hija madankollu indispensabbli għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija, peress li l-ġurisdizzjoni tal-qrati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni hija stabbilita skont il-post fejn l-obbligu kuntrattwali li jservi bħala bażi għat-talba ġie jew għandu jiġi eżegwit.

50.

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza Handte ( 18 ), it-termini “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ( 19 ), ma jistgħux jinftiehmu bħala li jirrigwardaw sitwazzjoni li fiha ma hemm ebda impenn liberalment assunt minn parti fil-konfront ta’ oħra. F’din il-kawża, kien hemm sensiela ta’ kuntratti internazzjonali ta’ merkanzija li fiha l-obbligi kuntrattwali tal-partijiet kienu jvarjaw minn kuntratt għal ieħor, b’tali mod li d-drittijiet kuntrattwali li s-sotto akkwirent seta’ jinvoka kontra l-bejjiegħ immedjat tiegħu ma kinux neċessarjament l-istess bħal dawk li l-manifattur kien assuma fir-relazzjonijiet tiegħu mal-ewwel xerrej ( 20 ).

51.

F’dan il-każ, it-tranżazzjonijiet bejn id-diversi partijiet huma iktar diffiċli li jiġu kategorizzati. Madankollu, bħal fil-każ li wassal għas-sentenza Handte (EU:C:1992:268), ninsabu fil-preżenza ta’ sensiela ta’ kuntratti u ma jistax jitqies li jeżisti, bejn H. Kolassa u Barclays Bank, “impenn liberalment assunt minn parti fil-konfront ta’ oħra”.

52.

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, bejn H. Kolassa u Barclays Bank, ma hemmx rabta kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

53.

Nixtieq nirrepeti li, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli, Barclays Bank għandha ċerti obbligi lejn H. Kolassa. Madankollu, dawn l-obbligi ma humiex ta’ natura kuntrattwali fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq.

54.

Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għat-tieni domanda li l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi relazzjoni kuntrattwali fis-sens ta’ impenn liberalment assunt minn parti fil-konfront ta’ oħra. Tali relazzjoni ma teżistix f’sitwazzjoni li fiha individwu akkwista ċertifikat, li jirrappreżenta s-self ta’ impriża taħt forma ta’ obbligazzjoni lill-portatur, mhux mingħand l-emettur ta’ dan iċ-ċertifikat iżda mingħand terz li huwa stess kisbu mingħand l-emettur.

C – Fuq it-tielet domanda

55.

It-tielet domanda għandha bħala suġġett ir-regola tal-ġurisdizzjoni speċjali stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk azzjoni bbażata fuq in-natura allegatament inkompleta jew ftit ċara tal-prospett ta’ informazzjoni fuq it-tranżazzjoni, kif ukoll fuq in-nuqqas preżunt ta’ kontroll tal-ġestjoni tal-fondi li fuqhom iċ-ċertifikati kienu indiċizzati, tistax tiġi kkwalifikata bħala azzjoni fil-kamp delittwali jew kważi-delittwali fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-regolament imsemmi.

56.

Ir-raġuni prinċipali tar-regola tal-ġurisdizzjoni speċjali stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 hija, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ fattur ta’ konnessjoni partikolarment strett bejn il-kontestazzjoni u l-qorti tal-post fejn seħħ il-fatt li kkawża preġudizzju, liema ħaġa tiġġustifika attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lil din tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni utli tal-proċeduri ( 21 ). Fil-fatt, il-qorti tal-post fejn seħħ il-fatt li kkawża preġudizzju hija normalment l-iktar waħda adatta biex tiddeċiedi, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ prossimità tal-kwistjoni u ta’ faċilità ta’ amministrazzjoni tal-provi ( 22 ).

57.

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-kuntest tal-emissjoni ta’ obbligazzjoni lill-portatur, id-drittijiet ibbażati fuq ir-responsabbiltà tal-emettur abbażi tal-prospett kif ukoll fuq il-ksur tal-obbligi ta’ protezzjoni u ta’ informazzjoni jistgħux jitqiesu li huma “drittijiet ta’ natura ta’ tort, delitt jew kwasi delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

58.

Ir-risposta għal din id-domanda sussidjarja hija kjarament fl-affermattiv. Qabel kollox, dan il-kunċett — awtonomu — jinkludi fih kull talba intiża biex tiskatta r-responsabbiltà tal-konvenut u li ma hijiex konnessa mal-qasam kuntrattwali fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ( 23 ). Issa, l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament minnu nnifsu ma jeskludix ċerti oqsma. Dan huwa kkonfermat mid-duttrina, li tenfasizza li dan l-artikolu huwa, fil-prinċipju, applikabbli għad-danni subiti minn investituri ( 24 ) u, b’mod partikolari, għar-responsabbiltà li tiskatta abbażi tal-prospett ( 25 ).

59.

F’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-post fejn seħħ jew hemm ir-riskju li jseħħ il-fatt li jikkawża preġudizzju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-post fejn seħħ il-preġudizzju jitqiesx li jinsab fid-domiċilju tal-vittma bħala ċ-ċentru tal-patrimonju tagħha, jiġifieri fl-Awstrija.

60.

Hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-każ fejn il-post fejn iseħħ il-fatt li jista’ jiskatta r-responsabbiltà delittwali jew kważi-delittwali u l-post fejn dan il-fatt ikkawża preġudizzju ma humiex identiċi, l-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” tista’ tinkludi żewġ postijiet differenti, jiġifieri l-post fejn seħħ il-preġudizzju ( 26 ) u dak tal-avveniment kawżali ( 27 ) li jwassal għal dan il-preġudizzju ( 28 ).

61.

Barra minn hekk, fis-sentenza Kronhofer (EU:C:2004:364), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell kellu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ” ma tirreferix għal post fejn ir-rikorrent huwa domiċiljat jew fejn “il-beni tiegħu huma ċentralizzati”, minħabba r-raġuni unika li huwa ġarrab dannu finanzjarju hemmhekk li rriżulta fit-telf ta’ partijiet mill-beni tiegħu li sar u kien imġarrab fi Stat Kontraenti ieħor ( 29 ). F’dak li jikkonċerna din il-kompetenza speċjali tal-imsemmi Artikolu 5(3), il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet lill-Avukat Ġenerali Léger, li kien irrileva, fil-konklużjonijiet tiegħu f’din il-kawża, li xejn ma kien jiġġustifika li tingħata attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Stat Kontraenti differenti minn dak li fuq it-territorju tiegħu jinsabu l-fatt li kkawża l-preġudizzju u l-materjalizzazzjoni tad-dannu, jiġifieri l-elementi kollha li jikkostitwixxu r-responsabbiltà ( 30 ). Tali attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni ma tissodisfa ebda bżonn oġġettiv fir-rigward tal-prova jew tal-organizzazzjoni tal-proċeduri ( 31 ).

62.

B’hekk tqum il-kwistjoni dwar liema huma, f’din il-kawża, l-elementi li jikkostitwixxu eventwali responsabbiltà.

63.

Anki jekk il-fatti msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jipprovdux indikazzjonijiet konkreti biżżejjed biex jiġi eliminat kull dubju f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-post fejn seħħ id-dannu, xorta jidher b’mod ċar li l-fatti ta’ din il-kawża ma humiex paragunabbli ma’ dawk tal-kawża li wasslet għas-sentenza Kronhofer (EU:C:2004:364). Bħala tfakkira, f’din l-aħħar kawża, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, R. Kronhofer, domiċiljat fl-Awstrija, kien ikkonkluda, permezz tat-telefon ma individwi domiċiljati fil-Ġermanja, kuntratt ta’ dritt ta’ xiri fuq ishma u kien, minħabba f’hekk, ittrasferixxa l-ammont dovut fuq kont ta’ investimenti fil-Ġermanja.

64.

Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, Barclays Bank ippubblikat prospett fl-Awstrija. Dan jikkostitwixxi indikatur ta’ fatt li jikkawża preġudizzju li jista’ jiskatta l-ġurisdizzjoni tal-qrati abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

65.

Jiena tal-fehma li, meta prospett jiġi ppubblikat fi Stat Membru wieħed jew iktar, jista’ jkun hemm f’kull ċirkustanza każ li jikkawża preġudizzju li jista’ jiskatta ġurisdizzjoni tal-qorti abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

66.

F’dan il-kuntest, jiena nxaqleb, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, li nirrikorri għas-sentenza Shevill et ( 32 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat it-termini “post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ” fis-sens li, f’każ ta’ malafama permezz ta’ artiklu tal-istampa mxandar f’diversi Stati Kontraenti, il-vittma setgħet ukoll tressaq kontra l-editur azzjoni għad-danni quddiem il-qrati ta’ kull Stat li fih il-pubblikazzjoni kienet imxandra u fejn il-vittma kienet tippretendi li sofriet preġudizzju għar-reputazzjoni tagħha, fejn din l-azzjoni hija limitata għall-preġudizzju subit fil-pajjiż tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża. Din l-idea hija kkonfermata mis-sentenza eDate Advertising et ( 33 ).

67.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi kull talba intiża biex tiskatta r-responsabbiltà tal-konvenut u li ma hijiex konnessa mal-qasam kuntrattwali fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Din l-ewwel dispożizzjoni tinkludi fiha r-responsabbiltà legali li tiskatta abbażi tal-prospett. Il-“post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-post tad-domiċilju tal-portatur ta’ ċertifikati, jekk il-pubblikazzjoni tal-prospett fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-portatur wasslet għad-dannu finanzjarju.

D – Fuq ir-raba ’ domanda

68.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-kuntest tal-verifika tal-ġurisdizzjoni, hija għandhiex twettaq amministrazzjoni dettaljata tal-prova jew inkella tqis li l-allegazzjonijiet tal-konvenut biss fil-kawża prinċipali huma korretti.

69.

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni tal-qorti hija ddeterminata mir-regoli awtonomi tar-Regolament Nru 44/2001, filwaqt li l-mertu tal-kawża għandu jiġi deċiż skont id-dritt nazzjonali applikabbli, determinat mir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet relattivi għall-obbligi kuntrattwali ( 34 ) jew mhux kuntrattwali ( 35 ).

70.

Il-qorti tar-rinviju ma tispjegax ir-raġuni għalfejn hija rreferiet għall-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fehma tiegħi, dawn l-artikoli ma humiex relatati mad-domanda magħmula. Skont il-kliem tagħha, l-imsemmi Artikolu 25 jirreferi biss għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001.

71.

Il-kwistjoni tal-firxa tal-verifika tqum fir-rigward tar-regoli tal-ġurisdizzjoni kollha tar-Regolament Nru 44/2001.

72.

Jidhirli li l-ġurisprudenza eżistenti diġà tagħtina diversi possibbiltajiet biex tingħata risposta għal din id-domanda, liema possibbiltajiet huma wkoll diġà indikati fid-deċiżjoni tar-rinviju.

73.

Ir-Regolament Nru 44/2001 ma jippreċiżax il-firxa tal-obbligi ta’ stħarriġ li għandha qorti nazzjonali fil-verifika tal-ġurisdizzjoni tagħha. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Brussell kellha bħala suġġett mhux li tgħaqqad ir-regoli tal-proċedura tal-Istati Kontraenti, iżda li tqassam il-ġurisdizzjoni tal-qrati għas-soluzzjoni tal-kawżi fil-qasam ċivili u kummerċjali fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Kontraenti u li tiffaċilita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji ( 36 ). Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, fir-rigward tar-regoli tal-proċedura, għandha ssir referenza għar-regoli nazzjonali applikabbli mill-qorti li titressaq il-kawża quddiemha, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma taffettwax l-effett utli tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 37 ).

74.

Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li rikorrent kien jibbenefika mill-forum tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt skont l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, anki jekk il-formazzjoni tal-kuntratt li kien is-suġġett tar-rikors kienet ikkontestata mill-partijiet ( 38 ). Din ippreċiżat ukoll li kien konformi mal-ispirtu ta’ ċertezza legali li l-qorti nazzjonali li titressaq il-kawża quddiemha tkun tista’ faċilment tippronunzja ruħha fuq il-kompetenza tagħha stess abbażi tar-regoli tal-konvenzjoni msemmija, mingħajr ma tkun imġiegħla tipproċedi għal eżami tal-każ fil-mertu ( 39 ).

75.

Iktar reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fl-istadju tal-verifika tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, il-qorti adita ma għandha tikkunsidra la l-ammissibbiltà u lanqas il-mertu tat-talba għal konstatazzjoni negattiva taħt ir-regoli tad-dritt nazzjonali, iżda għandha tidentifika biss il-fatturi ta’ konnessjoni mal-Istat tal-forum sabiex tiġġustifika l-ġurisdizzjoni tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ( 40 ). Din ikkunsidrat ukoll li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti li tressqet il-kawża quddiemha tista’ tqis stabbiliti, għall-finijiet biss li tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, l-allegazzjonijiet tar-rikorrent fir-rigward tal-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà delittwali jew kważi-delittwali ( 41 ).

76.

Għalhekk, biex tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha, il-qorti msejħa biex tiddeċiedi l-kawża ma tistax, kif tidher li tipproponi l-qorti tar-rinviju, tibbaża ruħha esklużivament fuq il-provi mressqa mill-konvenut. Sabiex tiżgura l-effett utli tar-Regolament Nru 44/2001, hija għandha tibbaża ruħha fuq il-provi kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha.

77.

F’dan il-kuntest, inqis li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 jiċċaħħad mill-valur tiegħu kieku l-konvenut ma jkollux il-possibbiltà li jippreżenta l-argumenti tiegħu fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li titressaq il-kawża quddiemha. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi espressament il-possibbiltà li l-konvenut jippreżenta l-argumentazzjoni tiegħu fir-rigward tal-ġurisdizzjoni.

78.

Madankollu, il-qorti li titressaq il-kawża quddiemha ma għandhiex iddewwem l-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni permezz ta’ amministrazzjoni tal-prova. Hija għandha twettaq evalwazzjoni prima facie tal-ġurisdizzjoni tagħha.

79.

Għalhekk jidhirli li regoli proċedurali nazzjonali bħal dawk deskritti mill-qorti tar-rinviju, li jipprevedu li l-qorti li tressqet il-kawża quddiemha għandha biss tiżgura ruħha mill-fondatezza apparenti tal-allegazzjonijiet tal-konvenut mingħajr, jekk ikun il-każ, ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi ppreżentati mill-konvenut, huma kuntrarji għall-effett utli tar-Regolament Nru 44/2001.

80.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għar-raba’ domanda fis-sens li, sabiex tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti li titressaq kawża quddiemha għandha, fil-kuntest ta’ kontroll prima facie, tevalwa l-provi kollha li jkollha quddiemha, inklużi, jekk ikun il-każ, il-provi mressqa mill-konvenut.

V – Konklużjoni

81.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Handelsgericht Wien b’dan il-mod:

1)

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi l-konklużjoni ta’ kuntratt bejn il-partijiet fil-kwistjoni. Meta konsumatur ikun akkwista ċertifikat li jirrappreżenta s-self ta’ impriża taħt forma ta’ obbligazzjoni lill-portatur mhux mingħand l-emettur ta’ dan iċ-ċertifikat iżda mingħand terz li huwa stess kisbu mingħand l-emettur, ma jkunx ġie konkluż kuntratt bejn il-konsumatur u l-emettur taċ-ċertifikat.

2)

L-Artikolu 5(1)(a), tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi relazzjoni kuntrattwali fis-sens ta’ impenn liberalment assunt minn parti fil-konfront ta’ oħra. Tali relazzjoni ma teżistix f’sitwazzjoni li fiha individwu akkwista ċertifikat, li jirrappreżenta s-self ta’ impriża taħt forma ta’ obbligazzjoni lill-portatur, mhux mingħand l-emettur ta’ dan iċ-ċertifikat iżda mingħand terz li huwa stess kisbu mingħand l-emettur.

3)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi kull talba intiża biex tiskatta r-responsabbiltà tal-konvenut u li ma hijiex konnessa mal-qasam kuntrattwali fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Din l-ewwel dispożizzjoni tinkludi fiha r-responsabbiltà legali li tiskatta abbażi tal-prospett. Il-“post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-post tad-domiċilju tal-portatur ta’ ċertifikati, jekk il-pubblikazzjoni tal-prospett fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-portatur wasslet għad-dannu finanzjarju.

4)

Sabiex tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti li titressaq kawża quddiemha għandha, fil-kuntest ta’ kontroll prima facie, tevalwa l-provi kollha li jkollha quddiemha, inklużi, jekk ikun il-każ, il-provi mressqa mill-konvenut.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42

( 3 ) ĠU 1972, L 299, p. 32. Konvenzjoni kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978, dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1, u b’rettifika, p. 77), mill-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1), mill-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1) u mill-Konvenzjoni tad-29 ta’ Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja (ĠU C 15, p. 1).

( 4 ) Sentenza TNT Express Nederland (C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 5 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Engler (C‑27/02, EU:C:2005:33, punt 33); Pammer u Hotel Alpenhof (C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740, punt 55); Mühlleitner (C‑190/11, EU:C:2012:542, punt 28); kif ukoll Česká spořitelna (EU:C:2013:165, punt 25).

( 7 ) Sentenza Ilsinger (C‑180/06, EU:C:2009:303, punt 53).

( 8 ) Enfasi miżjuda minni.

( 9 ) Sentenza Ilsinger (EU:C:2009:303, punt 53).

( 10 ) Ir-rappreżentant ta’ Barclays Bank sostna waqt is-seduta li ċ-ċertifikat inkwistjoni jidħol taħt il-liġi ċivili Ġermaniża. Dan huwa titolu tal-portatur, skont ir-regoli tal-Artikoli 793 u s-segwenti tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż. Jirriżultaw ċerti drittijiet minn dan it-titolu għal H. Kolassa, bħad-dritt għar-rimbors mal-maturità. Dawn id-drittijiet huma ddeterminati mil-liġi u ma jirriżultawx minn relazzjoni kuntrattwali.

( 11 ) Sentenzi Pammer u Hotel Alpenhof (EU:C:2010:740, punt 53) kif ukoll Mühlleitner (EU:C:2012:542, punt 26).

( 12 ) Sentenzi Pammer u Hotel Alpenhof (EU:C:2010:740, punt 70) kif ukoll Mühlleitner (EU:C:2012:542, punt 33).

( 13 ) Ara s-sentenza Mühlleitner (EU:C:2012:542, punt 27).

( 14 ) Għal tentattivi ta’ rinfurzar tal-protezzjoni tal-investitur (konsumatur), ara von Hein, J., “Verstärkung des Kapitalanlegerschutzes: Das Europäische Zivilprozessrecht auf dem Prüfstand”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht (2011), p. 369 sa 373, u, b’mod partikolari, p. 372.

( 15 ) Ara, pereżempju, Kropholler, J., u von Hein, J., Europäisches Zivilprozessrecht, 9e éd., Verlag Recht und Wirtschaft, Frankfurt am Main 2011, Artikolu 5, EuGVO punt 6; Geimer, R., Europäisches Zivilverfahrensrecht, 3e éd., Verlag C.H. Beck, München 2010, Artikolu 5, EuGVVO punt 24 u Bach, I., “Was ist wo Vertrag und was wo nicht?”, Internationales Handelsrecht (2010), p. 17 sa 25 u, b’mod partikolari, p. 23.

( 16 ) Sentenza Engler (EU:C:2005:33, punti 33 u 48). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs, li jgħidu li tali approċċ jidher li jirrifletti l-intenzjoni impliċita tat-termini użati fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni, termini li huma kjarament usa’ minn dawk tal-Artikoli 15 tar-Regolament Nru 44/2001. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza Engler (C‑27/02, EU:C:2004:414, punt 38).

( 17 ) Sentenzi Tacconi (C‑334/00, EU:C:2002:499, punt 22) kif ukoll Česká spořitelna (EU:C:2013:165, punt 46).

( 18 ) C‑26/91, EU:C:1992:268, punt 15. Ara, ukoll, is-sentenza OTP Bank (C‑519/12, EU:C:2013:674, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Irrid nippreċiża li fis-sentenza Handte (EU:C:1992:268), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

( 20 ) Sentenza Handte (EU:C:1992:268, punt 17).

( 21 ) Ara s-sentenza Zuid-Chemie (C‑189/08, EU:C:2009:475, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Ibidem (punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara s-sentenzi Kalfelis (189/87, EU:C:1988:459, punti 17 u 18) kif ukoll Engler (EU:C:2005:33, punt 29).

( 24 ) Sentenza Kronhofer (C‑168/02, EU:C:2004:364).

( 25 ) Ara, b’mod partikolari, Bachmann, G., “Die internationale Zuständigkeit für Klagen wegen fehlerhafter Kapitalmarktinformation”, Praxis des Internationalen Privat- und Verfahrensrechts, Vol. 27, 2007, p. 77 sa 86, u b’mod partikolari, p. 81; Kropholler, J., u von Hein, J., op. cit. punt 74.

( 26 ) Imsejjaħ “Erfolgsort” skont id-duttrina Ġermaniża u “miejsce wystąpienia szkody” skont id-duttrina Pollakka.

( 27 ) Imsejjaħ “Handlungsort” skont id-duttrina Ġermaniża u “miejsce powstania zdarzenia powodującego szkodę” skont id-duttrina Pollakka.

( 28 ) Ara s-sentenzi Bier (21/76, EU:C:1976:166, punt 24); Zuid-Chemie (EU:C:2009:475, punt 23); u Kainz (C‑45/13, EU:C:2014:7, punt 23).

( 29 ) Sentenza Kronhofer (EU:C:2004:364, punt 21).

( 30 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Kronhofer (C‑168/02, EU:C:2004:24, punt 46).

( 31 ) Sentenza Kronhofer (EU:C:2004:364, punt 18).

( 32 ) C‑68/93, EU:C:1995:61, punt 33.

( 33 ) C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 52.

( 34 ) Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6).

( 35 ) Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU L 199, p. 40).

( 36 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Shevill et (EU:C:1995:61, punt 35); Italian Leather (C‑80/00, EU:C:2002:342, punt 43); kif ukoll DFDS Torline (C‑18/02, EU:C:2004:74, punt 23).

( 37 ) Sentenzi Hagen (C‑365/88, EU:C:1990:203, punti 19 u 20) kif ukoll Shevill et (EU:C:1995:61, punt 36).

( 38 ) Sentenza Effer (38/81, EU:C:1982:79, punt 8).

( 39 ) Sentenza Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 27).

( 40 ) Sentenza Folien Fischer u Fofitec (C‑133/11, EU:C:2012:664, punt 50).

( 41 ) Sentenza Hi Hotel HCF (C‑387/12, EU:C:2014:215, punt 20).

Top