EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0166

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Wathelet - 25 ta' Ġunju 2014.
Sophie Mukarubega vs Préfet de police u Préfet de la Seine-Saint-Denis.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal administratif de Melun - Franza.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Viżi, ażil, immigrazzjoni, u politiki oħra marbuta mal-moviment liberu tal-persuni - Direttiva 2008/115/KE - Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment - Proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn - Prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża - Dritt ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari li jinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li għandha mnejn taffettwa l-interessi tiegħu - Rifjut tal-amministrazzjoni li tagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari permess ta’ residenza abbażi tal-ażil, akkumpanjat minn obbligu ta’ tluq mit-territorju - Dritt għal smigħ qabel ma tingħata d-deċiżjoni ta’ ritorn.
Kawża C-166/13.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2031

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil-25 ta’ Ġunju 2014 ( 1 )

Kawża C‑166/13

Sophie Mukarubega

vs

Préfet de police,

Préfet de la Seine-Saint-Denis

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal administratif de Melun (Franza)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment — Proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn — Prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża — Rifjut tal-amministrazzjoni li tagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari permess ta’ residenza abbażi tal-ażil, akkumpanjat minn obbligu ta’ tluq mit-territorju — Dritt għal smigħ qabel il-ħruġ tad-deċiżjoni ta’ ritorn — Riskju ta’ ħarba — Effett tal-eżistenza ta’ appell sospensiv fid-dritt intern li jippermetti lill-barrani jinstema’ a posteriori”

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa fir-Reġistru tal‑Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2013 mill-qorti amministrattiva ta’ Melun (Franza), tirrigwarda n-natura u l-portata tad-dritt għal smigħ previst fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 2 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn S. Mukarubega u l-préfet de police (il‑Kummissarju tal-Pulizija) u l-préfet de la Seine‑Saint‑Denis (il-prefett tas-Seine‑Saint‑Denis). S. Mukarubega titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tas-26 ta’ Ottubru 2012 li permezz tagħhom il-Kummissarju tal-Pulizija ċaħad it‑talba tagħha għal permess ta’ residenza u akkumpanja r-rifjut tiegħu b’obbligu ta’ tluq mit-territorju kif ukoll l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-5 ta’ Marzu 2013, li permezz tagħhom il-prefett tas‑Seine‑Saint‑Denis obbligaha titlaq mit-territorju Franċiż, irrifjuta li jagħtiha terminu għal tluq volontarju, stabbilixxa l-pajjiż destinatarju li fih hija setgħet tintbagħat u poġġiha taħt detenzjoni amministrattiva.

3.

F’dawn il-konklużjonijiet, se jkun meħtieġ li jinstab il-bilanċ ġust bejn id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u l‑ħtieġa li l-proċedura ta’ ritorn ma tiġix imtawla inutilment, jew saħansitra abbużivament, bir-riskju li titpoġġa fil-perikolu l-ġlieda kontra l‑immigrazzjoni klandestina.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-Direttiva 2008/115

4.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 intitolat “Definizzjonijiet” jistipula:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

4)

‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

[...]”

5.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Non-refoulement, l-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja u l-istat tas-saħħa”, jipprovdi:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

a)

l-aħjar interessi tat-tfal,

b)

il-ħajja familjari,

c)

l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u,

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

6.

L-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn”, jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment [irregolarment] fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

[…]

4.   L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F’dan il-każ m’għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta’ ritorn. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess ta’ residenza jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn.

[…]

6.   Din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta’ soġġorn legali flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn u/jew deċiżjoni dwar tneħħija u/jew projbizzjoni fuq id-dħul f’deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju […].”

B – Id-dritt Franċiż

7.

L-Artikolu L. 313-11 tal-code de l’entrée et du séjour des étrangers et du droit d’asile (il-Kodiċi dwar id-dħul u r-residenza tal‑persuni barranin u d-dritt għall-ażil) (iktar ’il quddiem iċ‑“Ceseda”) jipprovdi:

“Ħlief jekk ikun jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, il‑permess ta’ residenza temporanja għal raġunijiet ta’ ‘ħajja privata u familjari’ għandu jingħata bi dritt:

[…]

Lil barrani li ma jgħix fi stat ta’ poligamija, li ma jaqax taħt il‑kategoriji preċedenti jew f’dawk li jagħtu dritt għal riunifikazzjoni tal‑familja, li r-rabtiet personali u familjari tiegħu fi Franza, evalwati b’mod partikolari fir-rigward tal-intensità, it-tul u l-istabbilità tagħhom, tal-kundizzjonijiet tal-għixien tal-persuna kkonċernata, l-integrazzjoni tagħha fis-soċjetà Franċiża kif ukoll in-natura tar-rabtiet tagħha mal‑familja li baqgħet fil-pajjiż tal-oriġini, huma tali li r-rifjut ta’ permess ta’ residenza jikkawża preġudizzju sproporzjonat lid-dritt għar‑rispett tal-ħajja privata u familjari tiegħu meta mqabbel mar‑raġunijiet ta’ rifjut, mingħajr ma tintalab il-kundizzjoni prevista fl‑Artikolu L. 311-7. L-integrazzjoni tal-barrani fis-soċjetà Franċiża hija evalwata fid-dawl tal-konoxxenza tiegħu tal-valuri tar-Repubblika;

[…]

11°

Lil barrani abitwalment residenti fi Franza li l-istat ta’ saħħa tiegħu jeħtieġ kopertura medika li n-nuqqas tagħha jista’ jwassal sabiex ikollu konsegwenzi ta’ gravità eċċezzjonali, bil-kundizzjoni li jkun hemm nuqqas ta’ trattament xieraq fil-pajjiż li minnu joriġina, ħlief f’ċirkustanzi umanitarji eċċezzjonali evalwati mill-awtorità amministrattiva wara parir tad-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Reġjonali tas-Saħħa, mingħajr ma tintalab il-kundizzjoni prevista fl‑Artikolu L. 311-7. Id-deċiżjoni li jingħata permess ta’ residenza tittieħed mill-awtorità amministrattiva, fuq parir tat-tabib tal-Aġenzija Reġjonali tas-Saħħa tar-reġjun ta’ residenza tal-persuna kkonċernata, innominat mid-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija, jew, f’Pariġi, tat-tabib, Kap tas-Servizz Mediku tal-prefettura tal-pulizija. It-tabib tal-Aġenzija Reġjonali tas-Saħħa jew, f’Pariġi, il-Kap tas-Servizz Mediku tal-prefettura tal-pulizija jista’ jsejjaħ lill-applikant għal viżta medika quddiem Kummissjoni medika reġjonali li l-kompożizzjoni tagħha hija stabbilita b’digriet tal-Conseil d’Etat.”

8.

L-Artikolu L. 313-14 taċ-Ceseda jipprovdi:

“Il-permess ta’ residenza temporanja msemmi fl-Artikolu L. 313-11 […] jista’ jingħata, ħlief jekk jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, lill-barrani li ma jgħix fi stat ta’ poligamija u li l‑ammissjoni għar‑residenza tiegħu tissodisfa kunsiderazzjonijiet umanitarji jew hija ġġustifikata fid-dawl tar-raġunijiet eċċezzjonali li huwa jsostni, mingħajr ma tittieħed azzjoni dwar il-kundizzjoni prevista fl‑Artikolu L 311-7.

[…]”

9.

L-Artikolu L. 511‑1 taċ-Ceseda jipprovdi:

“I.

L-awtorità amministrattiva tista’ tobbliga sabiex jitlaq mit-territorju Franċiż barrani li mhux ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, ta’ Stat ieħor firmatarju tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3),] jew tal-Konfederazzjoni Svizzera u li mhux membru tal-familja ta’ tali ċittadin […], meta jkun f’sitwazzjoni minn dawn li ġejjin:

[…]

3° Jekk l-għoti jew it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza ġie rrifjutat lill‑barrani jew jekk il-permess ta’ residenza li kien mogħti lilu ġie rtirat […].”

10.

L-Artikolu L. 742-7 taċ-Ceseda jipprovdi:

“Il-barrani li ma ngħatax b’mod definittiv ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jew il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja u li ma jistax jiġi awtorizzat jibqa’ fit-territorju b’xi titolu ieħor, għandu jitlaq mit‑territorju Franċiż, taħt piena li jkun is-suġġett ta’ miżura ta’ tneħħija kif prevista fit-Titolu I tal-Ktieb V u, jekk ikun il-każ, tal-penali stipulati fil-Kapitolu I tat-Titolu II tal-Ktieb VI.”

III – It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11.

S. Mukarubega, ċittadina Rwandiża mwielda fit-12 ta’ Marzu 1986, daħlet fi Franza fl-10 ta’ Settembru 2009 bil-passaport tagħha li kellu viża.

12.

Fl-4 ta’ Diċembru 2009, hija talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex tiġi awtorizzata tirrisjedi fi Franza bis-saħħa tal-ażil. Matul il‑proċedura tal-ażil tagħha, S. Mukarubega bbenefikat minn awtorizzazzjoni provviżorja sabiex tirrisjedi fi Franza.

13.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2011, id-Direttur tal‑Office français de protection des réfugiés et apatrides (Uffiċċju għall-protezzjoni tar-refuġjati u ta’ persuni mingħajr stat) (iktar ’il quddiem l-“OFPRA”) irrifjuta li jagħti l-istatus ta’ refuġjat lil S. Mukarubega. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata b’deċiżjoni tal-qorti nazzjonali tad-dritt għall-ażil (iktar ’il quddiem iċ-“CNDA”) fit-30 ta’ Awwissu 2012 li ġiet innotifikata lilha fl-10 ta’ Settembru 2012.

14.

Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissarju tal-Pulizija rrifjuta li jagħti lil S. Mukarubega permess għal residenza abbażi tal-ażil u akkumpanja dan ir-rifjut b’obbligu li hija titlaq mit‑territorju Franċiż (iktar ’il quddiem “l-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn”). Il-pajjiż destinatarju ġie stabbilit bħala l-Irwanda u ngħatalha terminu ta’ tluq volontarju ta’ 30 jum.

15.

Minkejja din id-deċiżjoni ta’ ritorn, S. Mukarubega baqgħet b’mod irregolari fi Franza sal-bidu tax-xahar ta’ Marzu 2013 meta hija pprovat tmur il-Kanada permezz ta’ passaport Belġjan falz. Hija nqabdet mill-Pulizija Franċiża u fl-4 ta’ Marzu 2013 tpoġġiet taħt arrest preventiv minħabba użu frawdolenti minn dokument amministrattiv.

16.

Matul dan l-arrest preventiv, S. Mukarubega ġiet interrogata u mismugħa dwar is-sitwazzjoni personali u familjari tagħha, il-ħajja tagħha, it-talba tagħha għar-residenza fi Franza u l-eventwali ritorn tagħha fl-Irwanda.

17.

Il-prefett tas-Seine-Saint-Denis, permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fil-5 ta’ Marzu 2013, obbliga lil S. Mukarubega sabiex titlaq minn Franza, irrifjuta li jagħtiha terminu għal tluq volontarju u stabbilixxa l‑Irwanda bħala l-pajjiż destinatarju (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni ta’ ritorn”). Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fl-istess ġurnata, huwa ddeċieda li jżomm lil S. Mukarubega taħt arrest.

18.

Fis-6 ta’ Marzu 2013, S. Mukarubega ppreżentat rikors għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn quddiem il-qorti amministrattiva ta’ Pariġi. Fl-istess ħin, hija ppreżentat appell kontra t-tieni deċiżjoni ta’ ritorn quddiem il-qorti amministrattiva ta’ Melun. Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, il-qorti amministrattiva ta’ Pariġi rreferiet it-talba mressqa minn S. Mukarubega lill-qorti amministrattiva ta’ Melun.

19.

Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2013, il-maġistrat delegat mill-President tal-qorti amministrattiva ta’ Melun annulla d-deċiżjoni li poġġiet lil S. Mukarubega taħt arrest minħabba l-fatt li din id-deċiżjoni kienet ġiet innotifikata qabel it-tieni deċiżjoni ta’ ritorn u għalhekk ma kellhiex bażi legali.

20.

S. Mukarubega ressqet quddiem il-qorti amministrattiva ta’ Melun motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ tagħha fil-proċeduri kollha, peress li hija ma tpoġġietx f’pożizzjoni li tippreżenta osservazzjonijiet speċifiċi dwar is-sitwazzjoni personali tagħha qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn tas-26 ta’ Ottubru 2012, liema deċiżjoni ngħatat fl-istess ħin mar-rifjut tal‑permess ta’ residenza li ġie nnotifikat lilha. Hija ssostni li l-istess prinċipju nkiser fit-tieni deċiżjoni ta’ rifjut, jiġifieri d-deċiżjoni tal-prefett tas-Seine-Saint-Denis tal-5 ta’ Marzu 2013.

21.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li skont l-Artikolu L. 511-1 taċ‑Ceseda, barrani li jkun ressaq talba għal permess ta’ residenza jista’, fil-mument li jinħareġ ir-rifjut tal-permess ta’ residenza, ikun obbligat li jitlaq mit-territorju Franċiż. Skont din il-qorti, il-barrani jista’ jsostni kwalunkwe punt relatat mas-sitwazzjoni personali tiegħu quddiem l-amministrazzjoni li ma hijiex obbligata tieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija fil-konfront tiegħu.

22.

Madankollu, hija ssostni li d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ permess ta’ residenza tista’ tingħata, bħal fil-każ inkwistjoni, mingħajr ma l‑persuna kkonċernata tkun informata u fi tmiem ta’ perijodu twil, wara li tkun tressqet it-talba għal permess ta’ residenza, b’tali mod li s-sitwazzjoni tal-barrani setgħet inbidlet wara li tkun tressqet it-talba.

23.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-risposta għall-motivi mqajma minn S. Mukarubega jiddependu mill-kwistjoni dwar jekk id-dritt għal smigħ fil-proċeduri kollha għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-amministrazzjoni — meta tikkunsidra li tieħu deċiżjoni ta’ ritorn għal barrani f’sitwazzjoni irregolari — kemm jekk din id-deċiżjoni ta’ ritorn tkunx sussegwenti jew le għal rifjut ta’ permess għal residenza, u b’mod partikolari, f’sitwazzjoni fejn jeżisti riskju ta’ ħarba, tagħti lill-persuna kkonċernata l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Skont din il-qorti, barrani f’sitwazzjoni irregolari, li huwa obbligat jitlaq mit-territorju Franċiż, jista’ jressaq quddiem il-qorti amministrattiva rikors dwar eċċess ta’ poter u l-preżentata ta’ tali rikors għandha l-għan li tissospendi n-natura eżekuttiva tal-miżura ta’ tneħħija. Hija tqis li r-risposta għall-motivi hawn fuq imsemmija tiddependi wkoll mill-kwistjoni dwar jekk in-natura sospensiva tal‑proċedura kontenzjuża quddiem il-qorti amministrattiva tippermettix li ssir deroga mill-possibbiltà a priori ta’ barrani f’sitwazzjoni irregolari li jippreżenta l-opinjoni tiegħu dwar il-miżura ta’ tneħħija sfavorevoli li hija prevista fir-rigward tiegħu.

24.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti amministrattiva ta’ Melun iddeċidiet, għall-finijiet tad-deċiżjoni ta’ din il-kawża, li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)

Id-dritt għal smigħ fil-proċeduri kollha, li jagħmel parti integrali mill-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u li barra minn hekk, huwa stabbilit fl-Artikolu 41 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi lill-amministrazzjoni, meta jkollha l-intenzjoni tadotta deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ barrani f’sitwazzjoni irregolari, indipendentement minn jekk din id-deċiżjoni ta’ ritorn tiġix jew le adottata wara r-rifjut ta’ permess ta’ residenza, u b’mod partikolari f’sitwazzjoni fejn hemm riskju ta’ ħarba, tagħti l-possibbiltà lill-persuna kkonċernata tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha?

2)

L-effett ta’ sospensjoni tal-proċedura kontenzjuża quddiem il‑qorti amministrattiva jippermetti li ssir deroga mill-possibbiltà a priori ta’ barrani f’sitwazzjoni irregolari li jippreżenta l-opinjoni tiegħu dwar il-miżura ta’ tneħħija sfavorevoli li hija prevista fir-rigward tiegħu?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.

Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn S. Mukarubega, mill-Gvern Franċiż, dak Grieg u dak Olandiż u mill-Kummissjoni Ewropea. S. Mukarubega, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni għamlu osservazzjonijiet orali waqt is-seduta tat-8 ta’ Mejju 2014.

V – Analiżi

A – Argumentazzjoni

26.

S. Mukarubega tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tapplika l‑Artikolu 41 tal-Karta għad-deċiżjonijiet ta’ ritorn peress li, wara s‑sentenza Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 19 sa 21), id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta għandhom ikunu rrispettati meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Skont S. Mukarubega, id-deċiżjonijiet ta’ ritorn meħuda kontra barranin f’sitwazzjoni irregolari jikkostitwixxu “implementazzjoni” tad-dritt tal-Unjoni mill-amministrazzjoni prefettorali.

27.

S. Mukarubega tikkunsidra li d-dritt għal smigħ jitlob, qabel kollox, informazzjoni minn qabel, ċara u rilevanti dwar il-miżuri li qed jiġu kkunsidrati b’tali mod li d-deċiżjoni amministrattiva ma tkunx waħda totalment mhux mistennija. Hija tħoss li, lil hinn mill-obbligu ta’ informazzjoni, id-dritt għal smigħ għandu wkoll jimponi fuq l‑amministrazzjoni l-obbligu li tivverifika mal-barrani l-informazzjoni rilevanti kollha dwar is-sitwazzjoni tiegħu qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn.

28.

F’dan ir-rigward, S. Mukarubega tirrileva li l-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn ittieħdet sempliċement abbażi tal-konstatazzjoni tar-rifjut tat-talba tagħha għall-ażil miċ-CNDA, iktar minn 33 xahar wara l-preżentata tal-fajl tagħha, mingħajr ma ġiet analizzata s-sitwazzjoni personali tagħha, li kienet inbidlet, fid-data meta ttieħdet id-deċiżjoni.

29.

Skont il-persuna kkonċernata, id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza ttieħdet sempliċement fid-dawl tal-elementi li kienu jinsabu fil-fajl tat-talba għal residenza u d-deċiżjoni ta’ ritorn ma ġietx adottata b’riferiment għal dan il-fajl, minkejja li din id-deċiżjoni setgħet tittieħed mill‑Kummissarju tal-Pulizija biss fid-dawl tal-elementi li ma tqajmux mill-amministrazzjoni jew li ġew ikkomunikati b’mod spontanju mill‑barrani. S. Mukarubega tqis għalhekk li d-deċiżjoni ta’ ritorn ma hijiex il-konsegwenza loġika, neċessarja u esklużiva tar-rifjut ta’ residenza.

30.

F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, jekk l-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2008/115 jipprovdi, fil-prinċipju, li “l-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom”, din ir-regola tapplika “bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5”. Dawn l-eċċezzjonijiet jagħtu lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna fir-rigward tan-natura opportuna tad-deċiżjoni tar-ritorn.

31.

S. Mukarubega tirrileva wkoll li t-tieni deċiżjoni ta’ ritorn ittieħdet wara interrogazzjoni tal-pulizija li damet 50 minuta u li kienet essenzjalment tirrigwarda l-“vjaġġ”, ir-reat ta’ falsità u ta’ użu minn dokument amministrattiv falz u b’mod ġenerali s-sitwazzjoni amministrattiva tagħha. Hija tispjega li, fl-ebda mument matul l-arrest preventiv tagħha, ma ġiet informata dwar il-fatt li hija setgħet tkun suġġetta għal deċiżjoni oħra ta’ ritorn. Barra minn hekk, hija lanqas ma ntalbet, a fortiori, tesponi l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan il‑punt.

32.

S. Mukarubega finalment targumenta li d-dritt għal smigħ huwa intiż sabiex effettivament jiġi implementat, inkluż meta jkun hemm riskju ta’ ħarba. Deroga minn tali prinċipju ma tistax tiġi ammessa ħlief fil-każ ta’ riskju eċċezzjonali li jolqot is-sigurtà interna jew interess fundamentali tal-Istat. L-effett sospensiv tal-proċedura kontenzjuża quddiem il-qorti amministrattiva ma jippermettix li ssir deroga mid-dritt ta’ barrani f’sitwazzjoni irregolari li jippreżenta minn qabel l-opinjoni tiegħu dwar il-miżura ta’ tneħħija sfavorevoli li hija prevista fir-rigward tiegħu.

33.

Il-Gvern Franċiż jikkunsidra li mill-kliem stess tal‑Artikolu 41 tal-Karta jirriżulta li dan huwa indirizzat mhux lejn l-Istati Membri, iżda unikament lejn l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni ( 3 ). Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal smigħ jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li mhux biss jifforma parti mid-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl‑Artikolu 41 tal-Karta, iżda jaqa’ wkoll taħt ir-rispett tad-drittijiet tad‑difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq li huma ggarantiti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta. Skont dan l-istess gvern, ir-rispett tad-dritt għal smigħ għalhekk ma huwiex impost biss fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, skont l-Artikolu 41 tal-Karta, iżda wkoll, peress li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fuq l-amministrazzjonijiet ta’ kull Stat Membru meta jadottaw deċiżjonijiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u dan anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espressament tali formalità ( 4 ).

34.

Il-Gvern Franċiż iqis li, bis-saħħa tad-Direttiva 2008/115, deċiżjoni ta’ ritorn tirriżulta direttament u neċessarjament mill‑konstatazzjoni ta’ residenza irregolari tal-persuna kkonċernata. Fil‑fatt, ladarba jiġi stabbilit li r-residenza hija irregolari, il-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn huwa obbligu għall-Istati Membri. Skont dan l-istess gvern, l‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 jobbliga lill-Istati Membri sabiex jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn kontra kull ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu residenza irregolari fit-territorju tagħhom, ħlief fil-każijiet speċifiċi msemmija fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-artikolu. Fl-opinjoni tiegħu, minn dan jirriżulta li, meta ċittadin ta’ pajjiż terz ikun instema’ fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tad-dritt tiegħu ta’ residenza, huwa ma għandux dritt li jerġa’ jinstema’ mill-ġdid qabel il‑ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn.

35.

Il-Gvern Franċiż iżid li, fid-dawl tan-numru ta’ talbiet għal permess ta’ residenza kkunsidrati kull sena mill-amministrazzjoni, il-piż li jirriżulta minn smigħ mill-ġdid tal-persuna kkonċernata qabel il-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, jirriskja li jostakola jerġa’ iktar il-preparazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fondata, mingħajr ma l-protezzjoni tal-barrani kkonċernat tiżdied b’mod sinjifikattiv, kif ukoll li jtellef il‑proċedura ta’ ritorn stess filwaqt li jpoġġi lill-Istati Membri f’sitwazzjoni impossibbli li jevitaw li persuna li tinsab f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari taħrab.

36.

Il-Gvern Franċiż jirrileva li, fil-kawża prinċipali, S. Mukarubega, li t-talba għall-ażil tagħha kienet ġiet definittivament miċħuda, kienet perfettament informata li r-residenza tagħha fit-territorju Franċiż kienet irregolari u li kienet f’riskju li tkun suġġetta għal miżura ta’ tneħħija. Huwa josserva li barra minn hekk, mill-verbal tal-interrogazzjoni tagħha taħt arrest preventiv jirriżulta li hija kienet totalment konxja minn dan ir-riskju.

37.

Huwa jenfasizza wkoll li ċittadin ta’ pajjiż terz li ma ngħatax il‑permess ta’ residenza jista’ f’kull ħin jippreżenta ruħu fil-prefettura biex jerġa’ jinstema’ mill-ġdid, sabiex isostni xi elementi ġodda bil-għan li jirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu.

38.

Fir-rigward tat-tieni deċiżjoni ta’ ritorn, il-Gvern Franċiż jirrileva li S. Mukarubega tpoġġiet taħt arrest preventiv abbażi tal-Artikolu 62-2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. F’dan il-kuntest, hija ġiet interrogata mill-pulizija dwar is-sitwazzjoni tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt ta’ residenza. Skont dan il-gvern, fil-kuntest tal‑arrest preventiv, il‑barrani jibbenefika minn salvagwardji proċedurali, u partikolarment mid-dritt li jkun assistit minn avukat, kif ukoll minn interpretu.

39.

Il-Gvern Franċiż jipproponi, sussidjarjament, li r-risposta għat‑tieni domanda tkun li d-Direttiva 2008/115 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-possibbiltà għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jeżerċita appell sospensiv quddiem qorti kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn indirizzata lejh u li jressaq quddiem il-qorti l-punti kollha rilevanti dwar is-sitwazzjoni personali tiegħu tippermetti li jkunu kkumpensati l‑eventwali limitazzjonijiet tad-dritt għal smigħ ikkonstatati qabel il‑ħruġ ta’ din id-deċiżjoni.

40.

Il-Gvern Olandiż jikkunsidra li l-prinċipju tad-dritt tad-difiża, kif riprodott fil-preżent fl-Artikolu 41 tal-Karta, jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tiġi adottata deċiżjoni li tista’ tkun sfavorevoli fil-konfront tagħha. Skont dan il-gvern, il‑konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju tad-dritt tad-difiża ma tistax isseħħ ħlief wara analiżi tal-aspetti u tar-rabtiet kollha tal-proċedura kollha, għaliex ksur bħal dan ma jistax, bħala regola, jirriżulta minn irregolaritajiet ta’ forma meta dawn jiġu “rrimedjati” matul il‑proċedura kkunsidrata kollha kemm hi, jekk ma kienx hemm preġudizzju effettiv għall-persuna kkonċernata.

41.

Fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fil-konfront ta’ S. Mukarubega, il-Gvern Olandiż jikkunsidra li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju tad-dritt tad-difiża. Huwa jqis li d-dritt għal smigħ ma jistax jiġi evalwat ħlief fir-rigward tal-punti sfavorevoli ta’ deċiżjoni ta’ ritorn. Skont il-Gvern Olandiż, kemm il-konstatazzjoni ta’ residenza irregolari, diġà stabbilita bl-assenza ta’ permess ta’ residenza validu, kif ukoll l-obbligu ta’ ritorn, li jirriżulta mill-fatt li l-barrani ma għandux permess ta’ residenza validu, ma humiex sfavorevoli. Min-naħa l-oħra, il-fatt li jiġi stabbilit terminu li fih il-barrani għandu jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru huwa sfavorevoli u dan iġib miegħu l-obbligu li tinstema’ l-persuna kkonċernata dwar dan l‑element tad-deċiżjoni ta’ ritorn, b’mod partikolari meta t-terminu ta’ massimu ta’ 30 jum ikun jista’ jitnaqqas. Madankollu, skont il-Gvern Olandiż, jekk ikun hemm il-possibbiltà għall-persuna kkonċernata li tippreżenta appell sospensiv quddiem qorti amministrattiva dwar il‑legalità tad-deċiżjoni ta’ ritorn, il-fatt li hija ma tkunx instemgħet minn qabel mill-awtorità amministrattiva ma jikkostitwixxix żvantaġġ sproporzjonat jew li jikkawża preġudizzju lill-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, huwa jikkunsidra li l-prinċipju tad-dritt tad-difiża ma jistax ikun applikat mingħajr limitazzjonijiet taħt piena li jippreġudikaw l-għan tad-Direttiva 2008/115.

42.

Finalment, dan il-gvern jikkunsidra li t-tieni deċiżjoni ta’ ritorn ma għandhiex tkun ikkunsidrata bħal dik fis-sens tad-Direttiva 2008/115 u, għalhekk ma għandhiex tkun eżaminata fid-dawl tal-prinċipju tad‑dritt tad-difiża, peress li l-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn kienet diġà kkonstatat li S. Mukarubega kienet residenti illegalment fi Franza u tatha terminu sabiex titlaq minn Franza. Għalhekk, il-proċedura ta’ ritorn fis-sens tad-Direttiva 2008/115 kienet inbdiet sa mill-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn u eventwali miżuri ta’ koerċizzjoni ulterjuri, bħat-tieni deċiżjoni ta’ ritorn, għandhom jitqiesu li huma atti intervenjenti fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn diġà meħuda.

43.

Il-Gvern Grieg iqis li d-dritt għal smigħ minn qabel huwa dritt li ma jistax jiġi affettwat mill-eżistenza ta’ rikors amministrattiv jew ġudizzjarju. Madankollu huwa jirrileva li f’ħafna każijiet, bħal f’din il‑kawża, id-deċiżjoni ta’ ritorn hija marbuta mill-qrib ma’ proċedura diġà eżistenti ta’ talba għal status ta’ protezzjoni internazzjonali, peress li l-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn f’din il-kawża kellha l-konsegwenza diretta ta’ rifjut ta’ talba għall-ażil kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni istanza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jiġi rrispettat peress li l-persuna kkonċernata tkun ingħatat il-fakultà li tesponi b’mod effettiv l-opinjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tat-talba għall-ażil tagħha.

44.

Skont dan l-istess gvern, il-fatt li ċertu żmien ikun għadda bejn id-deċiżjoni li tkun irrifjutat it-talba għall-ażil u d-deċiżjoni ta’ ritorn ma jibdel xejn, peress li intervall ta’ xahrejn u disat ijiem ma setax biddel il-punti deċiżivi tal-kawża. Huwa jikkunsidra, ukoll, li l-persuna kkonċernata ma tistax sempliċement tinvoka l-ksur tad‑dritt għal smigħ tagħha minn qabel b’mod astratt. Għall-kuntrarju għandha tistabbilixxi, b’mod speċifiku u preċiż, l-eżistenza tal-punti kollha deċiżivi li ma setgħux jiġu kkunsidrati mill-amministrazzjoni u li setgħu jwasslu għal riżultat differenti.

45.

Il-Kummissjoni tosserva li d-dritt għal smigħ fil-proċeduri kollha huwa stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta. Skont il-Kummissjoni, minkejja li huwa speċifikat li dan l-artikolu tal-Karta ma japplikax ħlief għall‑istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fis-sentenza M. (EU:C:2012:744), li “għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-kliem tagħha stess, din id-dispożizzjoni hija ta’ applikazzjoni ġenerali” ( 5 ). Hija tqis li, meta l-Istati Membri jadottaw deċiżjonijiet ta’ ritorn, huma jimplementaw id-dritt tal-Unjoni u għalhekk huma marbuta bl-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-Karta ( 6 ).

46.

Il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jisimgħu lill-persuna kkonċernata, filwaqt li jikkunsidraw l-għan tad‑Direttiva 2008/115 li hija intiża sabiex timplementa proċedura effettiva li tiżgura bl-iktar mod veloċi possibbli r-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Skont il-Kummissjoni, id-dritt għal smigħ għandu jippermetti lill‑amministrazzjoni li tistudja l-fajl b’mod li tieħu deċiżjoni informata u li timmotivaha b’mod xieraq, sabiex, jekk ikun il-każ, il-persuna kkonċernata tkun tista’ teżerċita d-dritt ta’ appell tagħha b’mod validu. Madankollu hija tqis li dan id-dritt ma jistax jippermetti “li terġa’ tinfetaħ b’mod indefinit il-proċedura amministrattiva”.

47.

Fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-possibbiltà li teżisti fid-dritt Franċiż li tittieħed deċiżjoni waħda li, fl-istess waqt, tirrifjuta r-residenza abbażi tal-ażil u tordna lill-barrani jitlaq mit-territorju hija konformi mad‑Direttiva 2008/115. Din l-ekonomija ta’ proċedura hija ġġustifikata għaliex l-obbligu li titlaq mit-territorju huwa l-konsegwenza loġika ta’ rifjut ta’ permess ta’ residenza. Hija tqis li sa fejn ir-raġunijiet li għalihom il-persuna kkonċernata tkun talbet permess ta’ residenza jkunu ġew eżaminati fil-kuntest ta’ osservazzjonijiet magħmula fit-talba tagħha għall-ażil u matul il-proċedura ta’ appell kontra r-rifjut ta’ din it‑talba, jista’ jkun ikkunsidrat li d-dritt għal smigħ, qabel id-deċiżjoni ta’ ritorn, ġie rrispettat, u dan iktar u iktar għaliex f’din il-kawża, id-deċiżjoni ta’ ritorn tidher li ġiet ikkomunikata lill-persuna kkonċernata inqas minn xahrejn wara r-rifjut tat-talba tagħha għall-ażil.

48.

Skont il-Kummissjoni, meta, bejn is-smigħ tal-persuna kkonċernata matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-fajl tagħha u t-teħid tad-deċiżjoni, jgħaddi perijodu ta’ żmien sinjifikattiv, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika jekk il-persuna kkonċernata kellhiex l-opportunità li tikkomunika kull punt ta’ fatt ġdid li jkunx seta’ ġie kkunsidrat matul il‑proċedura.

49.

Fir-rigward tat-tieni deċiżjoni ta’ ritorn, il-Kummissjoni tqis li ma jistax ikun hemm deroga tad-dritt għal smigħ la minħabba l‑eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ ritorn preċedenti u lanqas minħabba riskju ta’ ħarba, peress li l-persuna kkonċernata tista’, jekk ikun il-każ, tinstema’ matul l-arrest tagħha għall-verifika tad-dritt ta’ residenza.

50.

Finalment, hija tqis li l-eżistenza ta’ appell kontenzjuż sospensiv quddiem qorti amministrattiva ma tippermettix li jkun hemm deroga mir-rispett tad-dritt ta’ barrani f’sitwazzjoni irregolari li jinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn.

B – Evalwazzjoni

1. Osservazzjonijiet preliminari

51.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, għal dak li jirrigwarda l‑azzjoni ta’ Stati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lejn l-Istati Membri biss meta huma jimplementaw id-dritt tal-Unjoni.

52.

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 51 “tal-Karta jikkonferma l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-punt sa liema l-azzjoni tal-Istati Membri għandha tkun konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali żgurati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni” ( 7 ).

53.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli, fil-punt 19 tas-sentenza Åkerberg Fransson (EU:C:2013:105) u fil-punt 33 tas-sentenza Pfleger et (EU:C:2014:281), li “jirriżulta essenzjalment, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-drittijiet fundamentali żgurati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet. Huwa minħabba f’hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diġà li hija ma tistax tevalwa, fid-dawl tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tifformax parti mill-qafas tad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, ġaladarba tali leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan id-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’domanda preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali, li hija tiżgura r-rispett lejhom”.

54.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fil-punt 21 tas-sentenza Åkerberg Fransson (EU:C:2013:105) u fil-punt 34 tas-sentenza Pfleger et (EU:C:2014:281) li, “[p]eress li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta għandhom, konsegwentement, jiġu rrispettati meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax ikun hemm każ li jkun għalhekk jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jkunu applikabbli l-imsemmija drittijiet fundamentali. L-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni timplika dik tad-drittijiet fundamentali ggarantiti permezz tal-Karta”.

55.

Huwa veru li minkejja l-Artikolu 51 tal-Karta, li jiddefinixxi kemm fir‑rigward tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din taħt it-Titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-karta”, l-Artikolu 41 tal-Karta jsemmi d-dritt għal smigħ biss fir-rigward tal-“istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni” ( 8 ) kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza tagħha Cicala (EU:C:2011:868, punt 28), iċċitata mill-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ( 9 ), iżda madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ma użatx dan bħala argument determinanti għad-deċiżjoni li hija tat f’din l-istess sentenza.

56.

Ma jidhirlix li huwa koerenti u lanqas konformi mal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 10 ) li l-kliem tal-Artikolu 41 tal-Karta jista’ b’dan il-mod jintroduċi eċċezzjoni għar-regola stabbilita bl‑Artikolu 51 ta’ din, li jippermetti lill-Istati Membri li ma japplikawx artikolu tal-Karta, anki jekk ikunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, jiena nuri l-preferenza ċara tiegħi għall-applikabbiltà tal‑Artikolu 41 tal-Karta għall-Istati Membri meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni iżda, xorta, kif jirrileva l-Gvern Franċiż, id-dritt għal smigħ jikkostitwixxi, skont ġurisprudenza stabbilita, prinċipju ġenerali tad‑dritt tal-Unjoni li “mhux biss jifforma parti mid-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, iżda jaqa’ wkoll taħt ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq li huma ggarantiti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta” ( 11 ). Ir-rispett ta’ dan id‑dritt huwa għalhekk impost b’dan il-mod tal-inqas għall-awtoritajiet “ta’ kull Stat Membru meta jadottaw deċiżjonijiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” ( 12 ).

57.

Kif indikajt fil-punt 49 tal-pożizzjoni tiegħi fil-Kawża G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:553, punt 49), “[g]ħalkemm l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali li jirrispettaw id-dritt għal smigħ qabel l‑adozzjoni ta’ deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod negattiv l-interessi ta’ persuna ilu rrikonoxxut mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja (11), l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jikkonferma dan l-obbligu (12) u jgħollih għal-livell kostituzzjonali”.

58.

F’dan il-każ, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn minn Stat Membru tikkostitwixxi implementazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2008/115 u, għalhekk, tad-dritt tal-Unjoni, skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 51(1) tal-Karta. Minn dan jirriżulta li f’tali sitwazzjoni, irregolata mid-dritt tal-Unjoni, l‑Istati Membri għandhom japplikaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u fosthom, id-dritt għal smigħ meta l-awtorità nazzjonali jkollha l-intenzjoni li tadotta, fil-konfront ta’ persuna, att li jikkawżalha preġudizzju ( 13 ).

59.

Deċiżjoni ta’ ritorn simili, bħal dik iddefinita fl-Artikolu 3(4) u msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 tikkostitwixxi, kuntrarjament għall-osservazzjonijiet tal-Gvern Olandiż ( 14 ), deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lid-destinatarju tagħha. Permezz ta’ din id‑deċiżjoni, Stat Membru jiddikjara illegali r-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u jimponi jew iħabbar obbligu ta’ ritorn ( 15 ).

60.

Il-premessa 6 tad-Direttiva 2008/115 tispeċifika li meta l-Istati Membri jadottaw id-deċiżjonijiet ta’ ritorn, huma għandhom jirrispettaw proċedura ekwa u trasparenti.

61.

Madankollu, id-Direttiva 2008/115 ma tipprovdix għal proċedura speċifika sabiex barrani jinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ( 16 ). Is-salvagwardji proċedurali stipulati fil-Kapitolu III tad‑Direttiva 2008/115 jikkonċernaw biss il-forma tad-deċiżjoni ta’ ritorn (Artikolu 12) ( 17 ), ir-rimedji (Artikolu 13) u s-salvagwardji sakemm iseħħ ir-ritorn (Artikolu 14).

62.

Minkejja dan, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, ir-rispett tad-dritt għal smigħ huwa imperattiv anki meta l‑leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprovdix espressament għal tali formalità ( 18 ).

63.

Minn dan jirriżulta li l-kundizzjonijiet li fihom għandhom jiġu żgurati r-rispett tad-drittijiet tad-difiża taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni irregolari u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ rispett ta’ dawn id-drittijiet għandhom jiġu ddeterminati mid-dritt nazzjonali, sakemm il-miżuri adottati f’dan ir-rigward ma jkunux iktar sfavorevoli minn dawk li minnhom jibbenefikaw l-individwi f’sitwazzjonijiet komparabbli rregolati mid-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 19 ).

64.

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza M. (EU:C:2012:744, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata), “[i]d-dritt li wieħed jinstema’ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha”. Il-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess sentenza żżid li “[l]-imsemmi dritt jimplika wkoll li l-amministrazzjoni għandha tagħti kull attenzjoni meħtieġa għall-osservazzjonijiet magħmula mill-persuna kkonċernata billi teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, il-punti kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni u billi timmotiva d-deċiżjoni tagħha fid-dettall” ( 20 ).

65.

Konsegwentement, l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri marbuta mal-assenza ta’ proċedura speċifika fid-Direttiva 2008/115, ma jistax ikollha l-effett li ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi mċaħħad mid-dritt għal smigħ mill-awtorità nazzjonali kompetenti qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn.

66.

Madankollu l-Artikolu 52(1) tal-Karta jistipula xi limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti minnha, sakemm il-limitazzjoni kkonċernata tkun stabbilita b’liġi, tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni u, bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din tkun neċessarja u tissodisfa effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea ( 21 ). Minn dan jirriżulta li d‑drittijiet tad-difiża ma jidhrux bħala prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jwasslu għal xi restrizzjonijiet f’ċerti ċirkustanzi ( 22 ).

67.

Qabel ma tiġi eżaminata b’mod iktar konkret l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għall-fatti fil-kawża prinċipali, inqis li huwa utli li nfakkar li l-għan tad-dritt għal smigħ stabbilit mill‑Artikolu 41(2)(a) tal-Karta huwa, minn naħa waħda, li jippermetti l-istudju tal-fajl u li jiġu stabbiliti l-fatti bl-iktar mod preċiż u korrett possibbli, u min-naħa l-oħra, li tiġi żgurata protezzjoni effettiva lill‑persuna kkonċernata ( 23 ). Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tiżgura li kull deċiżjoni li taffettwa b’mod sfavorevoli lil persuna tittieħed b’mod informat.

2. Fuq l-ewwel domanda preliminari

a) Ir-riflessjonijiet ġenerali fuq id-deċiżjoni ta’ ritorn

68.

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-Direttiva 2008/115 tirrigwarda biss ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li qed jirrisjedu b’mod irregolari u għalhekk ma għandhiex l-għan li tarmonizza l-leġiżlazzjoni kollha tal‑Istati Membri dwar ir-residenza tal-barranin ( 24 ). Madankollu, ladarba jkun ikkonstatat li r-residenza hija irregolari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva u mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet stipulati bl-Artikolu 6(2) sa (5) ta’ din jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn ( 25 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 6(6) tad‑Direttiva 2008/115 jippermetti lill-Istati Membri “jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta’ soġġorn legali flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn” ( 26 ).

69.

Kif jirrileva korrettament il-Gvern Franċiż ( 27 ), l-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2008/115 jimponi għalhekk lil Stat Membru li ma għażilx li jagħti permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jieħu deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu. Konsegwentement u mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(2) sa (5) tal-imsemmija direttiva, jiena naqbel mad‑dikjarazzjoni tal-Gvern Franċiż ( 28 ) u tal-Gvern Grieg ( 29 ) kif ukoll tal‑Kummissjoni ( 30 ) li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn tirriżulta neċessarjament minn dik li tikkonstata li r-residenza tal-persuna kkonċernata hija irregolari u hija l-konsegwenza loġika tagħha.

70.

Għalhekk jiena nikkunsidra li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxu proċedura speċifika sabiex jiżguraw liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari d-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta ma għandux ikun interpretat fis-sens li, meta l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha l-ħsieb li tadotta deċiżjoni li tikkonstata residenza irregolari u deċiżjoni ta’ ritorn fl-istess ħin ( 31 ) din l-awtorità għandha neċessarjament ( 32 ) tinforma minn qabel jew “twissi” ( 33 ) lill-persuna kkonċernata b’tali mod li tippermettilha tippreżenta l-opinjoni tagħha fuq din tal-aħħar ( 34 ).

71.

Madankollu, sabiex il-proċedura tkun ekwa u trasparenti, għall-osservanza tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 huwa neċessarju li, minn naħa waħda, id-dritt nazzjonali jistabbilixxi, b’mod espliċitu u mingħajr ekwivoki, l-obbligu ta’ tluq mit-territorju f’każ ta’ residenza irregolari u, min-naħa l-oħra, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiżguraw li l-persuna kkonċernata tinstema’ b’mod validu fil-kuntest tal-proċedura dwar it-talba tagħha għal residenza jew, jekk ikun il-każ, dwar l-irregolarità tar-residenza tagħha. F’dan il-każ, l-obbligu li l-persuna kkonċernata terġa’ tinstema’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn ikun żejjed u sproporzjonat.

72.

F’dan ir-rigward, jiena naqbel perfettament mal-osservazzjoni tal-Kummissjoni li d-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ma jistax jiġi strumentalizzat sabiex “terġa’ tinfetaħ b’mod indefinit il-proċedura amministrattiva” ( 35 ). Fil-fatt huwa neċessarju li l‑proċedura ma tkomplix titgħabba jew tittawwal inutilment, mingħajr ma tiżdied il-protezzjoni tal-persuna kkonċernata ( 36 ), u dan sabiex jiġi ppreżervat l-ekwilibriju bejn id-dritt fundamentali tal-persuna kkonċernata għal smigħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju u l-obbligu tal-Istati Membri li jiġġieldu kontra l-immigrazzjoni illegali.

b) Applikazzjoni għall-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn

73.

F’din il-kawża, permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2012, jiġifieri inqas minn xahrejn wara n-notifika lil S. Mukarubega tad‑deċiżjoni taċ-CNDA (li kkonfermat dik tal-OFPRA) li rrifjutatilha l‑istatus ta’ refuġjat, l-awtoritajiet Franċiżi fl-istess waqt irrifjutaw li jagħtu permess ta’ residenza lil S. Mukarubega abbażi tal-ażil u obbligawha titlaq mit-territorju Franċiż. F’dan ir-rigward jien nirrileva li l-Artikolu L.511-1, I, 3o taċ-Ceseda jipprovdi b’mod espliċitu li l-awtorità Franċiża kompetenti tista’ tobbliga sabiex jitlaq mit-territorju Franċiż barrani li mhux ċittadin ta’ Stat Membru tal‑Unjoni Ewropea, ta’ Stat ieħor firmatarju tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew tal-Konfederazzjoni Svizzera u li ma huwiex membru tal-familja ta’ tali ċittadin, jekk l-għoti jew it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza ġie rrifjutat fil-konfront tiegħu jew jekk il-permess ta’ residenza li kien mogħti lilu ġie rtirat ( 37 ).

74.

Barra minn hekk, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu L.742‑7 taċ-Ceseda jispeċifika li l-barrani li ma ngħatax status ta’ refuġjat jew li l-protezzjoni sussidjarja ġiet definittivament irrifjutata fil-konfront tiegħu u li ma jistax jiġi awtorizzat jibqa’ fit-territorju b’xi mod ieħor għandu jitlaq mit-territorju Franċiż, u fin-nuqqas ta’ dan ikun suġġett għal miżura ta’ tneħħija.

75.

Għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn ittieħdet wara l-għeluq tal-proċedura ta’ eżami tad-dritt ta’ residenza ta’ S. Mukarubega abbażi ta’ ażil, proċedura li fiha kellha l-opportunità li tesponi b’mod eżawrjenti r-raġunijiet kollha tagħha għat-talba tagħha għall-ażil ( 38 ), u wara li hija użat ir-rimedji kollha previsti fid-dritt nazzjonali fir-rigward tar-rifjut ta’ din it-talba ( 39 ). Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat minn S. Mukarubega illi, dwar it-talba għall-ażil tagħha, hija nstemgħet, minn naħa waħda, mill-OFPRA u, min-naħa l-oħra, miċ‑CNDA b’mod utli u effettiv u f’ċirkustanzi li ppermettewlha tesponi r-raġunijiet kollha tat-talba tagħha.

76.

Madankollu, S. Mukarubega tikkritika, b’mod partikolari, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li ma semgħuhiex dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni personali tagħha bejn id-data tat-talba tagħha għall-ażil u d-data tal-adozzjoni tal‑ewwel deċiżjoni ta’ ritorn, jiġifieri perijodu ta’ 33 xahar. Dan l‑argument ma huwiex rilevanti għaliex S. Mukarubega nstemgħet it-tieni darba fuq it-talba tagħha għall-ażil fis-17 ta’ Lulju 2012 miċ-CNDA, jiġifieri sitt ġimgħat qabel id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li ma jingħatalhiex ażil u ftit iktar minn tliet xhur qabel l-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn, li ma jistax jitqies li huwa perijodu mhux raġonevoli.

77.

Fl-opinjoni tiegħi, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l‑awtoritajiet nazzjonali adottaw id-deċiżjoni ta’ ritorn b’konformità mal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta dwar id-dritt għal smigħ.

78.

Għalhekk nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta għandu jkun interpretat fis-sens li ma jimponix lil awtorità nazzjonali terġa’ tisma’ mill-ġdid liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz meta hija għandha l-intenzjoni tieħu deċiżjoni ta’ ritorn wara li tkun ikkonstatat li r-residenza tiegħu hija irregolari wara deċiżjoni li rrifjutatlu l-ażil fi tmiem proċedura li rrispettat b’mod sħiħ id-dritt għal smigħ tiegħu.

79.

Din il-konklużjoni tkopri, f’din il-kawża, biss il-proċess ippreżentat minn S. Mukarubega sabiex tikseb l-istatus ta’ refuġjat, il-proċedura li wasslet sabiex dan l-istatus ġie rrifjutat fil-konfront tagħha u ġiet stabbilita n‑natura irregolari tar-residenza tagħha, kif ukoll id-deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fil-konfront tagħha li hija l-konsegwenza loġika u neċessarja fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115.

80.

Hija tapplika għalhekk mingħajr preġudizzju għal proċess ieħor li leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti lil ċittadin ta’ pajjiż terz jippreżenta fuq bażi legali oħra, kif inhu preċiżament il-każ tal-leġiżlazzjoni Franċiża.

81.

F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż jenfasizza li, fi Franza, ċittadin ta’ pajjiż terz li ma ngħatax permess ta’ residenza jista’ f’kull ħin jippreżenta ruħu fil-prefettura sabiex jerġa’ jinstema’ mill-ġdid, sabiex isostni elementi ġodda bil-għan li jirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu.

82.

B’mod partikolari, l-Artikolu L. 313-11, 7 taċ-Ceseda jippermetti l-għoti ta’ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz għal raġunijiet ibbażati fuq ir-rispett tal-ħajja privata u familjari tiegħu, mingħajr ma tkun tista’ tiġi invokata kontrih in-natura irregolari tar-residenza tiegħu. L-istess jista’ jingħad għall-Artikolu L. 313-11, 11 taċ‑Ceseda, għal raġunijiet ibbażati fuq l-istat tas-saħħa tiegħu. Barra minn hekk, skont il-Gvern Franċiż, l-Artikolu L. 313-14 taċ-CESEDA jippermetti l-għoti ta’ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz meta dan l-għoti jissodisfa kunsiderazzjonijiet umanitarji jew meta jkun iġġustifikat minħabba raġunijiet eċċezzjonali li huwa jsostni, mingħajr bl-istess mod, ma tkun tista’ tiġi invokata kontrih in-natura irregolari tar-residenza ta’ dan iċ-ċittadin.

83.

Jidhirli li dawn id-dispożizzjonijiet Franċiżi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(b) u (c) tad-Direttiva 2008/115 u tal‑eċċezzjoni fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 prevista fil‑paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu ( 40 ). Fil-fatt, bis-saħħa tal‑Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri jistgħu jagħtu permess ta’ residenza għal raġunijiet ta’ kompassjoni, umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F’dan il-każ ma tinħareġ ebda deċiżjoni ta’ ritorn. Jekk deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà nħarġet, din tiġi annullata jew sospiża matul il-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ residenza.

84.

Huwa evidenti li, meta, bħal fi Franza, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tistipula l-possibbiltà ta’ għoti ta’ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz għal raġunijiet eċċezzjonali skont l-Artikolu 6(4) tad‑Direttiva 2008/115, ma tistax tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn kontra persuna li tkun ressqet it-talba għar-residenza tagħha bbażata fuq waħda minn dawn ir-raġunijiet mingħajr ma tinstema’ minn qabel f’dan ir-rigward. Inkella jkun hemm ir-riskju li deċiżjoni ta’ ritorn, minflok ma tkun ibbażata fuq informazzjoni preċiża u konkreta, tiġi adottata abbażi ta’ informazzjoni inkompleta jew skaduta.

85.

Jiena nikkunsidra li f’tali każ, hija l-persuna kkonċernata li għandha tagħmel talba mmotivata bbażata fuq il-motivi msemmija fil‑leġiżlazzjoni nazzjonali u li tikkompleta t-talba tagħha bl‑informazzjoni u l-provi meħtieġa.

86.

Dan jista’ jkun il-każ, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, tat-talba li, abbażi tal-Artikolu L. 313-14 taċ-Ceseda, tressqet minn S. Mukarubega fit-28 ta’ Settembru 2012, jiġifieri wara r-rifjut definittiv tat-talba tagħha għall-ażil miċ-CNDA (jiġifieri fl-10 ta’ Settembru 2012) u qabel in-notifika tal-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn (jiġifieri fis-26 ta’ Ottubru tal-istess sena).

87.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-bdil fis‑sitwazzjoni personali tar-rikorrenti minn meta ressqet it-talba għall-ażil tagħha, kif allegat f’dan it-tieni proċess minn S. Mukarubega, jikkostitwixxix raġuni li tista’ tirregolarizza s-sitwazzjoni tagħha bl-applikazzjoni tal‑Artikolu L. 313-14 taċ-Ceseda u, jekk ikun il-każ, jekk ġietx ikkunsidrata mill-awtoritajiet kompetenti qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn. Matul din il-verifika, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura li t-talba inkwistjoni tressqet in bona fede u li ma hijiex manuvra ta’ dewmien min-naħa ta’ S. Mukarubega bl-għan uniku li ttawwal, jew saħansitra li tikkomprometti, il-proċedura quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-adozzjoni eventwali ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ( 41 ).

c) Applikazzjoni għat-tieni deċiżjoni ta’ ritorn

88.

Eventwalment wieħed jista’ jistaqsi, kif għamel il-Gvern Olandiż ( 42 ), jekk l-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ ritorn kontra S. Mukarubega kinitx, f’dan il-każ, neċessarja fid-dawl tal-fatt li hija lanqas biss ma appellat ( 43 ) mill-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn qabel is-6 ta’ Marzu 2013 ( 44 ). Madankollu, dan il-punt ma huwiex rilevanti għall‑finijiet tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, jiena nikkunsidra li l‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti, peress li għażlu, huma x’inhuma r‑raġunijiet għalfejn għamlu hekk, li jadottaw tieni deċiżjoni ta’ ritorn, kienu obbligati, skont l-Artikolu 41(2(a) tal-Karta li jisimgħu lil S. Mukarubega qabel l-adozzjoni tagħha.

89.

Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, qabel l‑adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ ritorn, S. Mukarubega kienet tpoġġiet taħt arrest preventiv abbażi tal-Artikolu 62-2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Franċiż ( 45 ) minħabba l-użu frawdolenti minn dokument amministrattiv. Peress illi l-libertà ta’ S. Mukarubega kienet limitata matul l-arrest preventiv tagħha, ma kienx hemm riskju ta’ ħarba li seta’ eventwalment jiġġustifika fl-interess ġenerali, bl-applikazzjoni tal‑Artikolu 52(1) tal-Karta, limitazzjoni tad-dritt għal smigħ tagħha skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

90.

Il-verbali tal-interrogazzjoni jirrilevaw li S. Mukarubega nstemgħet, b’mod partikolari, dwar id-dritt ta’ residenza tagħha fi Franza. Hija ġiet interrogata dwar il-kwistjoni jekk kinitx taċċetta li tirritorna lura fil-pajjiż tal-oriġini tagħha u jekk kinitx tixtieq tibqa’ fi Franza. Minn dawn il-verbali jirriżulta b’mod ċar li hija kienet taf perfettament li ma kellha l-ebda dritt li tirrisjedi b’mod legali fi Franza, minkejja d‑diversi proċessi li hija kienet bdiet f’dan ir-rigward u li hija kienet taf il-konsegwenzi tas-sitwazzjoni irregolari tagħha. S. Mukarubega indikat li, minħabba l-fatt li hija ma “kellhiex dokumenti” u li ma setgħetx la “taħdem” u lanqas “tibqa’ fi Franza”, hija kisbet passaport falz Belġjan sabiex tmur il-Kanada. Nirrileva li minkejja li din l-interrogazzjoni saret primarjament f’forma ta’ mistoqsijiet u tweġibiet, S. Mukarubega ġiet mitluba, matul din l-interrogazzjoni, sabiex iżżid kwalunkwe osservazzjoni oħra li hija kienet tikkunsidra bħala rilevanti.

91.

Minn dan jirriżulta li S. Mukarubega bbenefikat mill-possibbiltà li tinstema’ fuq fatturi oħra lil hinn “mis-sempliċi fatt ta’ soġġorn illegali” ( 46 ). Fid-dawl tal-modalitajiet kollha tal-interrogazzjoni ta’ S. Mukarubega u sakemm is-salvagwardji implementati bil‑leġiżlazzjoni ( 47 ) u bil-ġurisprudenza Franċiża ( 48 ) ġew irrispettati ( 49 ) (partikolarment dwar l-assistenza ta’ avukat), ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, jiena nqis li l-fatt li din l‑interrogazzjoni damet 50 minuta fih innifsu ma jippermettix li jiġi konkluż li ma kinitx biżżejjed.

92.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inżid punt mar‑risposta tiegħi għall-ewwel domanda preliminari, jiġifieri li l-fatt li awtorità nazzjonali rrispettat id-dritt għal smigħ ta’ persuna kkonċernata, kif mitlub mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u stabbilit permezz tal-Artikolu 41(1)(a) tal-Karta, fil-kuntest ta’ proċess speċifiku (pereżempju talba għall-ażil) ma jeżentahiex milli tismagħha mill-ġdid fil-kuntest ta’ proċedura mibdija fuq bażi ġuridika differenti (pereżempju, talba sabiex tiġi rregolarizzata r-residenza għal raġunijiet umanitarji), u dan anki jekk l-għan taż-żewġ talbiet ikun sostanzjalment identiku (f’dan il-każ ir-rikonoxximent tal-legalità tar‑residenza).

3. Fuq it-tieni domanda preliminari

93.

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk id-dritt ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari li jibda, bl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, proċedura kontenzjuża ta’ natura sospensiva quddiem qorti nazzjonali ( 50 ), jippermettix lill-awtoritajiet nazzjonali amministrattivi li ma jisimgħuhx qabel l-adozzjoni tal-att li jikkawżalu preġudizzju, f’dan il-każ, deċiżjoni ta’ ritorn.

94.

Din id-domanda evidentement ma tagħmilx sens ħlief jekk jiġi kkunsidrat li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-dritt għal smigħ ma ġiex irrispettat, li ma huwiex il-każ fl-opinjoni tiegħi.

95.

Fi kwalunkwe każ, jiena nqis li d-drittijiet stabbiliti mill‑Artikoli 41 u 47 tal-Karta huma distinti ferm u japplikaw f’kuntesti differenti, jiġifieri l-ewwel f’kuntest amministrattiv pre-kontenzjuż u t‑tieni f’kuntest kontenzjuż ġudizzjarju ( 51 ). Minn dan jirriżulta li d‑drittijiet inkwistjoni ma jistgħux jiġu magħquda flimkien inkella jkun hemm ir-riskju li jitneħħa d-dritt għal smigħ ta’ individwu meta l-amministrazzjoni tipproponi li tapplika fil-konfront tiegħu att li jikkawżalu preġudizzju u meta jinbdew proċeduri ġudizzjarji kontrih. Il-volontà tal‑leġiżlatur tal-Unjoni li jipproteġi liċ-ċittadini matul il-proċedura kollha tirriżulta b’mod ċar mill-kliem tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta. Dawn iż-żewġ drittijiet distinti ferm ma jistgħux jiġu amalgamati flimkien minħabba r-riskju li tinħoloq problema fil-kontinwità tas-sistema tad-drittijiet tad-difiża protetti mill-Karta ( 52 ).

96.

Konsegwentement u bil-kundizzjoni madankollu li limitazzjonijiet permissibbli bl-Artikolu 52(1) tal-Karta ( 53 ) ma jkunux applikabbli, il-fatt li l-persuna kkonċernata li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn għandha, skont id-dritt nazzjonali, dritt għal proċedura kontenzjuża ta’ natura sospensiva kontra din id-deċiżjoni ta’ ritorn ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, ikopri retroattivament in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 41 tal-Karta mill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali.

97.

Madankollu, għandu jiġi nnotat illi, fil-punt 85 tas-sentenza Texdata Software (C‑418/11, EU:C:2013:588), il-Qorti tal‑Ġustizzja ddikjarat illi “l-applikazzjoni ta’ sanzjoni inizjali ta’ EUR 700 [fuq kumpannija li ma ppreżentatx il-kontijiet annwali tagħha fil-ġurisdizzjoni kompetenti] mingħajr intimazzjoni minn qabel jew possibbiltà ta’ smigħ qabel l-impożizzjoni tal-multa ma tidhirx li taffettwa l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni, peress li l-preżentazzjoni tar-rikors motivat kontra d-deċiżjoni li timponi l-multa trendi tali deċiżjoni inapplikabbli u tagħti bidu għall proċedura ordinarja li fil-kuntest tagħha hemm dritt għal smigħ”.

98.

Il-konklużjonijiet li għalihom waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza tagħha fil-Kawża Texdata Software (EU:C:2013:588) ma humiex, fl-opinjoni tiegħi, trasponibbli f’din il-kawża. Din il-kawża kienet tirrigwarda sanzjoni purament monetarja, filwaqt li d‑deċiżjonijiet ta’ ritorn inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq il-ħajja stess ta’ bniedem. Konsegwentement, jiena ma narax, iktar u iktar fin-nuqqas ta’ riskju ta’ ħarba, ir-raġunijiet li jistgħu jiġu invokati bħala għan ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ smigħ minn qabel ( 54 ) fil-kawża prinċipali.

VI – Konklużjoni

99.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill‑qorti amministrattiva ta’ Melun:

1)

Meta awtorità nazzjonali tkun ikkonstatat in-natura irregolari tar‑residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz wara deċiżjoni li rrifjutatlu l-ażil fi tmiem proċedura li rrispettat id-dritt tal-Unjoni għal smigħ tiegħu kif mitlub mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u stabbilit permezz tal‑Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea, id-dritt tal-Unjoni ma jimponilhiex li terġa’ tisimgħu mill-ġdid qabel ma tieħu deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu.

Il-fatt li awtorità nazzjonali, fil-kuntest ta’ proċess speċifiku (pereżempju talba għall-ażil), tkun irrispettat id-dritt għal smigħ ta’ persuna kkonċernata, kif mitlub mill-prinċipji ġenerali tad‑dritt tal-Unjoni Ewropea u stabbilit permezz tal‑Artikolu 41(1)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni, ma jeżentahiex milli tismagħha mill-ġdid fil‑kuntest ta’ proċedura mibdija fuq bażi legali differenti (pereżempju, talba sabiex tiġi rregolarizzata r-residenza għal raġunijiet umanitarji) u dan, anki jekk l-għan taż-żewġ talbiet ikun sostanzjalment identiku (f’dan il-każ ir-rikonoxximent tar-regolarità tar-residenza).

2)

Fl-assenza tal-applikabbiltà tal-limitazzjonijiet permessi fl‑Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari li jibda proċedura kontenzjuża ta’ natura sospensiva quddiem qorti nazzjonali ma jeżentax lill-awtoritajiet nazzjonali amministrattivi milli jisimgħuh qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU L 348, p. 98.

( 3 ) Sentenza Cicala (C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 28).

( 4 ) Sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 82 sa 86).

( 5 ) Punt 84.

( 6 ) Sentenza Åkerberg Fransson (EU:C:2013:105, punt 21).

( 7 ) Sentenzi Åkerberg Fransson (EU:C:2013:105, punt 18) kif ukoll Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 32).

( 8 ) Il-portata attwali tal-Artikolu 41 tal-Karta ġiet diskussa fi ħdan il-presidju tal‑Konvenzjoni li żviluppat il-Karta. Xi emendi intiżi, minn naħa, sabiex jestendu u, min-naħa l-oħra, sabiex jikkjarifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ġew proposti iżda ma ġewx aċċettati. Ara l-abbozz tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Sinteżi ta’ emendi ppreżentata mill-presidju. Karta 4284/00 CONVENT 37.

( 9 ) Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 10 ) Ara s-sentenza N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 49 u 50).

( 11 ) Ara l-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 12 ) Idem.

( 13 ) Sentenza Sopropé (C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 36).

( 14 ) Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) Ara l-Artikoli 3(4) u 6(1) tad-Direttiva 2008/115.

( 16 ) Wieħed ma jistax ma jkunx sorpriż bl-assenza ta’ tali proċedura speċifika fid-Direttiva 2008/115 fid-dawl tal-impatt sinjifikattiv li deċiżjoni ta’ ritorn jista’ jkollha fuq il-ħajja ta’ bniedem, minkejja li proċedura simili ġiet żviluppata sabiex tiżgura r-rispett tad-dritt għas-smigħ fil-qasam tad-dazji doganali u tad-dritt tal-kompetizzjoni! Dwar id-dazji doganali ara l-Artikolu 22(6) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Ottubru 2013, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 269 p. 1, u rettifika ĠU 2013, L 287, p. 90), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Kamino International Logistics u Datema Hellman Worldwide Logistics (C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:94, punti 51 sa 57). Dwar id-dritt tal-kompetizzjoni, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) li jipprovdi li “[q]abel ma jiġu meħuda d-deċiżjonijiet kif previsti mil-Artikoli 7, 8, 23 u l-Artikolu 24(2), il-Kummissjoni ħa tagħti l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li huma suġġetti għal proċeduri kondotti mil-Kummissjoni l-opportunità li jiġu msemma’ fuq matterji li l-Kummissjoni kellha oġġezzjoni fuqhom. Il-Kummissjoni ħa tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq l-oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati kienu kapaċi jikkummentaw fuqhom. L-ilmenti ħa jkunu assoċjati mil-viċin mal-proċeduri”. Enfasi miżjuda minni.

( 17 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi li “[d]eċiżjonijiet ta’ ritorn […] għandhom jinħarġu bil-miktub u jagħtu raġunijiet fil-fatt u fid-dritt kif ukoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli”.

( 18 ) Ara s-sentenza M. (EU:C:2012:744, punt 86).

( 19 ) Ara s-sentenza G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 35). L-obbligu tal-Istati Membri li josservaw il-prinċipju ta’ effettività huwa kkonfermat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) li jipprovdi li dawn għandhom “jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”.

( 20 ) Sentenza M. (EU:C:2012:744, punt 88 u ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 101) kif ukoll Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 34).

( 22 ) Ara s-sentenza Dokter et (C‑28/05, EU:C:2006:408, punt 75). Ara, ukoll, is-sentenza G. u R. (EU:C:2013:533, punt 36) fejn il-Qorti ddeċidiet li għalkemm l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti irregolari skont l-istess modalitajiet bħal dawk magħżula sabiex jiġu rregolati s-sitwazzjonijiet interni, dawn il-modalitajiet għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ma għandhomx idgħajfu l-effettività tad-Direttiva 2008/115.

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża M. (C‑277/11, EU:C:2012:253, punti 35 u 36).

( 24 ) Ara s-sentenzi Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 28) u Sagor (C‑430/11, EU:C:2012:777, punt 31).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 35) u Achughbabian (EU:C:2011:807, punt 31).

( 26 ) Ara, ukoll, id-definizzjoni stess ta’ deċiżjoni ta’ ritorn kif stipulata fl-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva li tassoċja dikjarazzjoni ta’ residenza illegali u l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ ritorn.

( 27 ) Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Idem.

( 29 ) Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Dan tista’ tagħmlu skont l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115.

( 32 ) Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri jistgħu madankollu jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika din id-direttiva, bil-kundizzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli mal-imsemmija direttiva.

( 33 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza M. (EU:C:2012:744, punt 95).

( 35 ) Ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Sabou (C‑276/12, EU:C:2013:370, punt 57).

( 37 ) Ara, ukoll, il-punti 9 u 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Artikoli 12 u 13(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi bħala refuġjati jew bħala persuni li għal raġunijiet oħra jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni li tingħata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96, u rettifika ĠU 2005, L 204, p. 24) jistipulaw, fost l-oħrajn, intervista personali mal-persuna kkonċernata dwar it-talba tagħha f’ċirkustanzi li jippermettulha tesponi r-raġunijiet kollha tat-talba tagħha u dan qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni.

( 39 ) Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) Fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma hemm l-ebda indikazzjoni li d‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 ma ġewx irrispettati fl-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn.

( 41 ) Ara s-sentenza Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343, punt 57).

( 42 ) Ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Ara l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115.

( 44 ) S. Mukarubega ppreżentat quddiem il-qorti amministrattiva ta’ Pariġi rikors għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni ta’ ritorn fis-6 ta’ Marzu 2013, jiġifieri, għalhekk, wara l-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ ritorn.

( 45 ) Skont din id-dispożizzjoni, “[l]-arrest preventiv huwa miżura restrittiva deċiża minn uffiċjal tal-pulizija, taħt il-kontroll ta’ awtorità ġudizzjarja, li permezz tagħha persuna li fir-rigward tagħha hemm raġuni jew raġunijiet plawżibbli li jiġi ssuspettat li hija wettqet jew ippruvat twettaq reat ikkundannat b’piena ta’ priġunerija tinżamm għad-dispożizzjoni tal-investigaturi”.

( 46 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 6 tad-Direttiva 2008/115.

( 47 ) Ara l-Artikoli 63-3-1, 63-4, 63-4-1 u 63-4-2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Franċiż dwar id-dritt ta’ persuna taħt arrest preventiv sabiex tkun assistita minn avukat u l-modalitajiet u l-limitazzjonijiet ta’ dan id-dritt.

( 48 ) Ara, partikolarment, is-sede kriminali tal-Qorti ta’ Kassazzjoni, appell tas-7 ta’ Frar 2012, Nru 11-83676, dwar l-annullament tal-verbal tal-interrogazzjoni tal-arrest preventiv minħabba l-fatt li l-avukat tal-persuna taħt arrest preventiv ma ppreżentax ruħu.

( 49 ) Matul l-arrest preventiv tagħha, S. Mukarubega ġiet informata bid-dritt tagħha li tkun assistita minn avukat. Skont il-verbal tan-notifika tagħha li qed titpoġġa taħt arrest preventiv, S. Mukarubega esprimiet ix-xewqa tagħha li “tkun assistita minn avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Kuruna ta’ Seine Saint Denis” u x-xewqa tagħha li tibbenefika mill-assistenza tal-avukat tagħha fl-interrogazzjonijiet u fil-konfrontazzjonijiet tagħha, liema xewqa ġiet ikkomunikata lill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Kuruna mill-Pulizija. Fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-avukat ta’ S. Mukarubega indika, mingħajr ma ġie kontradett f’dan ir-rigward mir-rappreżentant tal-Gvern Franċiż, li “minħabba raġunijiet loġistiċi” marbuta man-nuqqas ta’ riżorsi umani fl-Uffiċċju tal-Avukat tal-Kuruna ta’ Saint-Seine-Denis, l-ebda avukat ma kien preżenti fl-interrogazzjoni tal-4 ta’ Marzu 2013.

( 50 ) Ara l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 li jipprovdi rimedji iktar diversi.

( 51 ) Ara l-pożizzjoni meħuda minni fil-Kawża G. u R. (EU:C:2013:553, punt 47) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Kamino International Logistics u Datema Hellman Worldwide Logistics (EU:C:2014:94, punt 69).

( 52 ) Ara l-pożizzjoni meħuda minni fil-Kawża G. u R. (EU:C:2013:553, punti 47 u 48).

( 53 ) Ara l-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Kamino International Logistics u Datema Hellman Worldwide Logistics (EU:C:2014:94, punt 72).

Top