Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0021

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fl-10 ta’ April 2014.
Simon, Evers & Co. GmbH vs Hauptzollamt Hamburg-Hafen.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika kummerċjali — Dazji antidumping — Regolament (KE) Nru 499/2009 — Validità — Importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw miċ-Ċina — Importazzjoni tal-istess prodotti mibgħuta mit-Tajlandja — Evażjoni — Prova — Rifjut ta’ kooperazzjoni.
Kawża C‑21/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:261

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-10 ta’ April 2014 ( 1 )

Kawża C‑21/13

Simon, Evers & Co. GmbH

vs

Hauptzollamt Hamburg-Hafen

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja)]

“Politika kummerċjali — Regolament (KE) Nru 384/96 — Dazji antidumping — Evażjoni — Regolament (KE) Nru 499/2009 — Estensjoni tad-dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn li joriġinaw miċ-Ċina għall-importazzjonijiet tal-istess prodotti mibgħuta mit-Tajlandja — Validità”

1. 

Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il‑Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja) jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 499/2009, tal‑11 ta’ Ġunju 2009, li jestendi d-dazju definittiv anti-dumping impost bir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 fuq l-importazzjonijiet tal-pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir‑Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinnati mit-Tajlandja, kemm jekk ikun iddikjarat li oriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le ( 2 ), wara investigazzjoni dwar evażjoni fis-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l‑importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 3 ), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004, tat-8 ta’ Marzu 2004 ( 4 ).

2. 

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Simon, Evers & Co. GmbH ( 5 ) u l-Hauptzollamt Hamburg-Hafen (uffiċċju prinċipali doganali tal-port ta’ Hambourg) ( 6 ), dwar deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jimponi fuq SECO l-ħlas ta’ dazji antidumping.

3. 

Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tispeċifika r-rekwiżiti relatati man-natura u mal-prova tal-elementi li jikkostitwixxu evażjoni tad-dazji antidumping, b’mod partikolari fil-każ fejn istituzzjonijiet tal-Unjoni jiltaqgħu ma’ rifjut ta’ kooperazzjoni mill-partijiet ikkonċernati.

4. 

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nuri li, għalkemm huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom l-obbligu, meta jiddeċiedu li jestendu d-dazji antidumping, li jistabbilixxu li l-elementi kollha li jikkostitwixxu evażjoni ta’ dawn id-dazji huma preżenti, ir-rifjut ta’ kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati jawtorizza lil dawn l-istituzzjonijiet sabiex jibbażaw ruħhom biss fuq l-informazzjoni disponibbli u sabiex minn din l-informazzjoni jiddeduċu preżunzjonijiet li jistrieħu fuq probabbiltà raġonevoli.

5. 

Barra minn hekk, ser nispjega li, fil-każ ta’ rifjut ta’ kooperazzjoni mill-partijiet ikkonċernati, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni dwar id-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jkun limitat għal verifika tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fl‑għażla u fl-użu tal-informazzjoni disponibbli u fil-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta loġika u probabbli bejn il-fatti stabbiliti abbażi ta’ din l-informazzjoni u l-fatti preżunti.

6. 

F’dan il-każ, ser insostni li, wara li ġiet ikkonstatata żieda esponenzjali ta’ importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn li joriġinaw mit‑Tajlandja wara l-introduzzjoni ta’ dazji antidumping fuq l-istess prodotti li joriġinaw miċ-Ċina, il-Kunsill ma kkommettix żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeduċa l-eżistenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi terzi kkonċernati u l-Unjoni Ewropea, fis-sens tal‑Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku, filwaqt li l-konstatazzjoni ta’ żieda fl-istess ħin ta’ importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina ma hijiex tali li tikkontesta din l-evalwazzjoni, peress li, b’mod partikolari, din iż-żieda ma kinitx proporzjonali ma’ dik tal-importazzjonijiet li joriġinaw mit-Tajlandja.

7. 

Ser insostni wkoll li l-koinċidenza fiż-żmien ikkonstatata bejn il-bidla fix-xejra tal-kummerċ u l-introduzzjoni tad-dazji antidumping kif ukoll l-assenza ta’ kwalunkwe prova tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ produzzjoni tal-prodott li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni fil-pajjiż terz ikkonċernat wasslu għall-probabbiltà raġonevoli tal-eżistenza ta’ prattiki, proċessi jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għajr dik tal-impożizzjoni tad-dazju antidumping.

8. 

Minn dan ser nikkonkludi li l-eżami tar-regolament ikkontestat, fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, ma weriex l-eżistenza ta’ elementi li jistgħu jaffettwaw il-validità tiegħu.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Il-leġiżlazzjoni bażika kontra l-evażjoni

9.

L-ewwel miżura Komunitarja fil-qasam tal-leġiżlazzjoni kontra l‑evażjoni kienet ir-Regolament (KEE) Nru 1761/87 ( 7 ). Sabiex jiġġieled kontra l-prattika li l-esportazzjoni ta’ prodotti finali tiġi ssostitwita bl‑esportazzjoni ta’ partijiet separati li jiġu magħquda sussegwentement fit-territorju ta’ Stat Membru f’“fabbriki turnaviti”, l-Artikolu 1 tar‑Regolament Nru 1761/87 inkorpora, fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 2176/84 ( 8 ), il-paragrafu 10 li jistipula, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-introduzzjoni ta’ dazju antidumping definittiv għall‑prodotti introdotti fis-suq tal-Komunità Ewropea wara li jkunu ġew magħquda jew iffabbrikati fil-Komunità. Din id-dispożizzjoni ġiet ripetuta b’mod identiku fir-Regolament (KEE) Nru 2423/88 ( 9 ), li ssostitwixxa r-Regolament Nru 2176/84.

10.

Sussegwentement, il-kwistjoni tal-evażjoni ġiet diskussa fil-kuntest tan-negozjati ta’ qabel il-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (OMC-GATT 1994) 1994 ( 10 ), iżda peress li ma ntlaħaq l-ebda qbil ( 11 ), il-Kodiċi antidumping tal-1994 finalment ma fih l-ebda dispożizzjoni dwar dan il-punt ( 12 ).

11.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Komunità ddeċidiet li tadotta unilateralment miżuri ġodda, li jiddistingwu ruħhom minn ta’ qabilhom, inkwantu, minn naħa, jestendu għal forom oħra ta’ evażjoni differenti mill-evażjoni hekk imsejħa “klassika”, ikkostitwita mill-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ u, min-naħa l-oħra, li jkopru, fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, kemm dawk magħmula fil-pajjiżi terzi kif ukoll dawk magħmula fi Stat Membru.

12.

Id-dispożizzjonijiet kontra l-evażjoni kienu stipulati fl‑Artikolu 13 tar-regolament bażiku, li jipprovdi:

“1.   Id-dazji ta’ kontra d-dumping imposti skond dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, ta’ prodotti simili […] mill-pajjiż li hu soġġett għall-miżuri; jew għal partijiet minnhom, meta jkun qed isir ħelsien mir-restrizzjonijiet tal-miżuri fis‑seħħ. […] Ħelsien mir-restrizzjonijiet għandu jiġi mfisser bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Komunità jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għall-miżuri u l-Komunità, li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom hemm raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika insuffiċjenti ħlief l-imposizzjoni ta’ dazju, u fejn ikun hemm xiedha ta’ ħsara jew li l-effetti tad-dazju biex iġibu rimedju qiegħdin jiddgħajfu fir-rigward tal-prezzijiet u/jew il‑kwantitajiet ta’ prodott simili, u fejn ikun hemm xiedha ta’ dumping rigward il-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili, jekk ikun neċessarju skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2.

[...]

2.   Operazzjoni ta’ assembleġġ fil-Komunità jew pajjiż terz għandha tiġi kkunsidrata li tevadi il-miżuri fis-seħħ meta:

a)

l-operazzjoni bdiet jew żdiedet sostanzjalment minn meta, jew eżatt qabel, il-bidu ta’ l-investigazzjoni kontra l-bejgħ taħt il‑prezz u l-partijiet konċernati huma mill-pajjiż soġġett għall‑miżuri;

[...]

u

c)

l-effetti ta’ rimedju tad-dazju ma jkunux qegħdin jiġu kkunsidrati fejn jidħlu l-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet tal-prodott simili mibni u hemm evidenza ta’ bejgħ taħt il-prezz fejn għandhom x’jaqsmu l-valuri normali qabel stabbiliti għal prodotti simili jew bħalhom.

3.   L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew skond dan l-Artikolu fuq l‑inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta’ l-Istati Membri jew xi parti interessata fuq il-bażi ta’ xiedha suffiċjenti rigward il-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-bidu ta’ l-investigazzjonijiet għandu jsir, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, permezz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jista’ ukoll jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jagħmlu l-importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew li jitolbu garanziji. L-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, li tista’ tkun assistita minn awtoritajiet doganali u għandhom jintemmu fi żmien disa’ xhur. Meta l‑fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill‑Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. […]

[...]”

13.

Barra minn hekk, l-Artikolu 14 tar-regolament bażiku, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 6 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull xahar, bil-kummerċ ta’ l-importazzjoni fil-prodotti soġġetti għal investigazzjoni u għal miżuri, u dwar l-ammont ta’ dazji miġbura skond dan id-Regolament.”

14.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 18 tar-regolament bażiku, intitolat “Nuqqas ta’ koperazzjoni”, jipprovdi:

“1.   F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta aċċess għal, jew inkella ma tagħtix informazzjoni neċessarja fi żmien il-limiti ta’ żmien mogħtija f’dan ir-Regolament, jew timpedixxi l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet proviżjonali jew finali, affirmattivi jew negattivi, jistgħu jiġu magħmula fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. Fejn jinstab li parti interessata tkun forniet informazzjoni falza jew qarrieqa, l‑informazzjoni għandha tiġi injorata u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli. Partijiet interessati għandhom jiġu magħmula konxji mill‑konsegwenzi ta’ nuqqas [rifjut] ta’ koperazzjoni.

[...]

5.   Jekk it-tisjib, inklużi dawk li għandhom x’jaqsmu mal-valur normali, jkunu bbażati fuq id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, inkluża l-informazzjoni fornita fl-ilment, għandhom, fejn prattikabbli u b’qies dovut għal-limiti ta’ żmien ta’ l-investigazzjoni, jiġu mfittxa b’referenza għall-informazzjoni minn sorsi oħra indipendenti li jistgħu ikunu disponibbli [...]

6.   Jekk parti interessata ma tikkoperax, jew tikkopera biss parzjalment, sabiex informazzjoni rilevanti tiġi b’hekk miżmuma, ir-riżultat jista jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku kienet ikkoperat.”

B – Il-leġiżlazzjoni antidumping dwar l-importazzjonijiet ta ’ pallet trucks tal-idejn miċ-Ċina

15.

Wara lment imressaq minn ċerti produtturi Komunitarji u wara investigazzjoni preliminari li kienet tkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ April 2003 u l-31 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni, fid-29 ta’ April 2004, ippubblikat notifika tal-bidu ta’ proċedura antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ( 13 ).

16.

Fi tmiem din il-proċedura, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 128/2005, tas-27 ta’ Jannar 2005, li jimponi dazju provviżorju ta’ anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ makkinarju ta’ ġarr ta’ pallets bl-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li ġejjin mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ( 14 ).

17.

Sussegwentement, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1174/2005 ( 15 ), li stabbilixxa dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażi u l-idrawlika, taħt il-kodiċi NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00 (kodiċi TARIC 8427 90 00 10 u 8431 20 00 10) li joriġinaw miċ-Ċina ( 16 ).

18.

Il-Kunsill sussegwentement adotta r-Regolament (KE) Nru 684/2008, tas-17 ta’ Lulju 2008, li jiċċara l-ambitu tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 ( 17 ).

C – L-estensjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-importazzjonijiet tal-pallet trucks tal-idejn mibgħuta mit-Tajlandja

19.

Abbażi ta’ provi li, skont il-Kummissjoni, kienu jindikaw, mal‑ewwel daqqa ta’ għajn, li l-miżuri antidumping applikati għall‑importazzjonijiet tal-pallet trucks tal-idejn li joriġinaw miċ-Ċina kienu qed jiġu evitati permezz ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ tal‑prodott inkwistjoni fit-Tajlandja, din l-istituzzjoni adottat ir‑Regolament (KE) Nru 923/2008 ( 18 ).

20.

Wara l-investigazzjoni li saret fuq din l-allegata evażjoni, li kienet tkopri l-perijodu mill-1 ta’ Settembru 2007 sal-31 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill l-adozzjoni tar‑regolament ikkontestat, li estenda d-dazju antidumping definittiv stabbilit bir-Regolament Nru 1174/2005 għall-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom mibgħuta mit‑Tajlandja, irrispettivament minn jekk kinux iddikjarati bħala li joriġinaw minn dan il-pajjiż jew le.

21.

Fir-rigward tal-proċeduri u tal-investigazzjoni, il-premessi 6 sa 9 tar-regolament ikkontestat jindikaw:

“(6)

Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lill-awtoritajiet tar-RPĊ, u tat-Tajlandja, lill-produtturi/esportaturi fir-RPĊ u fit-Tajlandja, l‑importaturi fil-Komunità magħrufin li huma kkonċernati u l-industrija tal-Komunità bil-bidu tal-investigazzjoni. Il-kwestjonarji ntbagħtu lill‑produtturi/esportaturi magħrufin fir-RPĊ u fit-Tajlandja kif ukoll lill-importaturi fil-Komunità magħrufin mill-Kummissjoni mill‑investigazzjoni oriġinali u lill-partijiet li kienu ppreżentaw rwieħhom fi żmien l-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 923/2008]. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l‑opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat f’[dan] ir-Regolament [...]. Il-partijiet kollha ġew informati li n-nuqqas [l-assenza] ta’ kooperazzjoni tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar‑Regolament bażiku u li s-sejbiet isiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

(7)

Ma ntbagħtu ebda risposti għall-kwestjonarji mill‑esportaturi/produtturi fit-Tajlandja, u l-Kummissjoni ma rċeviet ebda kummenti mill-awtoritajiet Tajlandiżi. Kien hemm biss esportatur/importatur wieħed Tajlandiż ta’ [pallet trucks tal-idejn u l‑partijiet essenzjali tagħhom] li, skont l-informazzjoni li kellha l‑Kummissjoni fiż-żmien tal-bidu, kien esporta [pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom] lejn il-Komunità fiż-żmien ta’ bejn l‑2005 u l-[perijodu ta’ investigazzjoni] (kif definit fil-premessa (10)) u kellu attivitajiet tal-immuntar ta’ [pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom] fit-Tajlandja, dan ressaq li kien ġie llikwidat sa minn April 2008.

(8)

Produttur esportatur wieħed Ċiniż irrisponda għall-kwestjonarju billi ddikjara l-bejgħ tiegħu fl-esportazzjoni lejn il-KE u ammont żgħir ħafna ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn it-Tajlandja. L‑awtoritajiet Ċiniżi ma bagħtu l-ebda kumment.

(9)

Fl-aħħar nett, disa’ importaturi mill-Komunità bagħtu r-risposti għall-kwestjonarju fejn irrappurtaw l-importazzjonijiet tagħhom miċ-Ċina u t-Tajlandja. Mir-risposti tagħhom, b’mod ġenerali, ġie konkluż li kien hemm żieda fl-importazzjoni mit-Tajlandja u tnaqqis f’daqqa fl‑importazzjoni mir-[Repubblika Popolari taċ-Ċina] fl-2006, li kienet is-sena wara li daħal fis-seħħ id-dazju definittiv anti-dumping. Fis-snin ta’ wara, l-importazzjoni mir-[Repubblika Popolari taċ-Ċina] reġgħet żdiedet, u fl-istess ħin naqset daqsxejn l-importazzjoni mit-Tajlandja imma baqgħet f’livelli sew ogħla milli kienet fl-2005.”

22.

F’dak li jirrigwarda l-bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi terzi u l-Komunità, il-premessi 16 sa 20 tar-regolament ikkontestat jipprovdu kif ġej:

“(16)

Minħabba li ebda kumpanija Tajlandiża ma kkooperat, il-volum u l-valur tal-esportazzjoni Tajlandiża tal-prodott ikkonċernat lejn il‑Komunità kienu ddeterminati skont l-informazzjoni disponibbli, li f’dan il-każ kienet id-dejta statistika miġbura mill-Istati Membri u kkompilata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku, u dejta tal-Eurostat. Fir-rigward tad-dejta li ngħatat fir-risposti tal-importaturi mill-Komunità, l-investigazzjoni stabbiliet li n-numru ta’ esportazzjonijiet Tajlandiżi li ġew irrappurtati mill-importaturi fi ħdan il-Komunità kien jirrapreżenta biss parti żgħira mill-esportazzjoni totali mit-Tajlandja ta’ [pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom] matul il-[perijodu ta’ investigazzjoni], jiġifieri inqas minn 5 %. F’dawn iċ-ċirkostanzi, kien maħsub li l-istatistika li għandha l-Kummissjoni iżjed turi s-sitwazzjoni preċiża fir-rigward tal-volum u l-valur tal‑esportazzjoni mit-Tajlandja minn dik l-infomazzjoni limitata li ngħatat mill-importaturi fi ħdan il-Komunità.

(17)

Wara li ġew imposti l-miżuri anti-dumping, l-importazzjoni ta’ [pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom] mit‑Tajlandja żdiedet minn 7,458 truck fl-2005 għal 64,706 truck fl-2007, u naqset għal 42,056 truck matul il-[perijodu ta’ investigazzjoni].

(18)

L-importazzjoni ta’ [pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom] miċ-Ċina lejn il-KE żdiedet minn 240,639 truck fl-2005 għal 538,271 fl-2007 u 584,786 matul il-[perijodu ta’ investigazzjoni]. Skont l-informazzjoni disponibbli, din iż-żieda hija prinċipalment attribwita għaż-żieda fl-esportazzjoni mill‑uniku esportatur produttur li għandu r-rata ta’ dazju anti‑dumping l-iżjed baxxa. Infatti, l-esportazzjoni miċ-Ċina minn din il-parti speċifika tirrappreżenta perċentaġġ kbir taż‑żieda fl-importazzjoni ta’ ta’ [pallet trucks tal-idejn u l‑partijiet essenzjali tagħhom] fil-KE mir-[Repubblika Popolari taċ-Ċina] bejn l-2005 u t-tmiem tal-[perijodu ta’ investigazzjoni].

(19)

B’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni msemmija hawn fuq, ġie konkluż li saret bidla fir-rutina tal-kummerċ bejn il-KE, ir‑[Repubblika Popolari taċ-Ċina] u t-Tajlandja. L-importazzjoni mir-[Repubblika Popolari taċ-Ċina] baqgħet tiżdied imma dan huwa attribwit direttament għall-esportazzjoni mingħand wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali u ngħatatlu l-inqas rata ta’ dazju anti-dumping. Min‑naħa l-oħra, l-importazzjoni mit-Tajlandja żdiedet b’868 % bejn l-2005 u l-2007 u stabbiliżżat ruħa matul il-[perijodu ta’ investigazzjoni] għal żieda ta’ 564 % fir-rigward tal-[meta mqabbla mal-] 2005.

(20)

B’kollox, instab li minkejja li x-xejra tal-kummerċ wriet esportazzjoni persistenti mir-[Repubblika Popolari taċ-Ċina], kien hemm ukoll żieda sinifikanti fl-esportazzjoni mit-Tajlandja. Din il-persistenza, jew iż-żieda kontinwa, minkejja li kienet ħafna iżgħar bejn l-2007 u l-[perijodu ta’ investigazzjoni] minn dik li nstabet għall-esportazzjoni mir-[Repubblika Popolari taċ‑Ċina] fl-investigazzjoni oriġinali, tispjega ruħa mill-fatt li l‑biċċa l-kbira tal-esportazzjoni hija mill-kumpanija Ċiniża li għandha l-iżjed rata baxxa ta’ dazju anti-dumping. Ix-xejra tal‑kummerċ fir-rigward tat-Tajlandja, min-naħa l-oħra, tista’ biss tkun spjegata bħala riżultat ta’ azzjonijiet li l-għan tagħhom huwa l-evażjoni tal-miżuri.”

II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

23.

Fis-6 ta’ Ottubru 2008, SECO importat pallet trucks tal-idejn mit-Tajlandja.

24.

Peress li kkunsidra li l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti kienet suġġetta għad-dazju antidumping previst mir-regolament ikkontestat, il-Hauptzollamt, permezz ta’ kont tat-12 ta’ Awwissu 2009, impona fuq SECO dazju antidumping ta’ EUR 9 666.90.

25.

Peress li permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2001, il-Hauptzollamt ċaħad bħala infondat ir-rikors ippreżentat kontra dan il-kont, SECO ressqet kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

26.

Din il-qorti tiddubita jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku dwar id-determinazzjoni ta’ evażjoni ta’ dazji antidumping humiex issodisfatti f’din il-kawża.

27.

B’mod iktar partikolari, il-Finanzgericht Hamburg tqis li kellhom jingħataw spjegazzjonijiet dwar l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet li joriġinaw mit-Tajlandja, peress li dawn, wara li żdiedu b’mod kunsiderevoli fl-2007, naqsu b’mod sinjifikattiv matul il-perijodu tal-investigazzjoni. Issa, skont il-Finanzgericht Hamburg, meta bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi terzi u l-Unjoni hija dovuta għal evażjoni ta’ miżuri antidumping, l-esportazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiż terz użat għall-evażjoni ġeneralment jiżdiedu b’mod kontinwu jew jibqgħu kostanti wara żieda sinjifikattiva.

28.

Il-qorti tar-rinviju tiddubita wkoll jekk il-bidla fix-xejra tal‑kummerċ bejn il-pajjiżi terzi u l-Unjoni tistax tkun attribwita għall-introduzzjoni tad-dazji antidumping fuq il-pallet trucks tal-idejn li joriġinaw miċ-Ċina minkejja li, matul il-perijodu ta’ referenza, l‑importazzjonijiet miċ-Ċina wkoll żdiedu kunsiderevolment. Fil-fatt, matul il-perijodu mis-sena 2005 sas-sena 2007, l-esportazzjonijiet Ċiniżi kellhom ukoll żieda qawwija, filwaqt li, matul il-perijodu tal‑investigazzjoni sussegwenti, l-esportazzjonijiet mit-Tajlandja, li kienu jirrappreżentaw biss 7.19 % tan-numru ta’ pallet trucks tal-idejn prodotti miċ-Ċina għall-esportazzjoni, naqsu b’madwar 35 %, kuntrarjament għall-esportazzjonijiet miċ-Ċina, li ma waqfux jiżdiedu.

29.

Fl-aħħar nett, il-Finanzgericht Hamburg jistaqsi liema prattiki, proċessi jew ħidma setgħu jwasslu għal bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi terzi u l-Unjoni, filwaqt li jikkonstata li ma hemm l-ebda spjegazzjoni dwar din il-kwistjoni fil-premessi tar-regolament ikkontestat.

30.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-[r]egolament [ikkontestat] huwa invalidu minħabba li l-Kummissjoni, billi naqset milli tosserva l-kundizzjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-evażjoni tal-miżuri antidumping, hekk kif jirriżultaw mill-Artikolu 13 tar-[re]golament [bażiku], ikkonkludiet li hemm evażjoni għas-sempliċi raġuni li l-volum tal-esportazzjonijiet korrispondenti mit-Tajlandja żdied b’mod kunsiderevoli wara l-introduzzjoni tal-miżuri, filwaqt li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda konstatazzjoni oħra konkreta fl-assenza ta’ kooperazzjoni mill-esportaturi Tajlandiżi?”

III – L-analiżi tiegħi

31.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-regolament ikkontestat huwiex invalidu minħabba li ma weriex b’mod suffiċjenti l-eżistenza ta’ evażjoni, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku, minħabba li naqas milli juri, minn naħa, il-bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi terzi kkonċernati u l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ prattiki, proċessi jew ħidma, li għalihom ma hemmx raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għajr dik tal-impożizzjoni tad-dazju antidumping fuq il-pallet trucks tal-idejn li joriġinaw miċ-Ċina.

A – Dwar l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta ’ illegalità tar-regolament ikkontestat

32.

Qabel ma tiġi evalwata l-validità tar-regolament ikkontestat, jidhirli neċessarju li jiġi eżaminat il-punt jekk SECO setgħetx validament tinvoka, bħala eċċezzjoni, l-illegalità tiegħu quddiem il-qorti nazzjonali.

33.

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza li nbdiet bis-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf ( 19 ) jirriżulta li persuna fiżika jew ġuridika ma tistax tikkontesta quddiem qorti nazzjonali, permezz ta’ eċċezzjoni, il‑legalità ta’ att tal-Unjoni meta hija setgħet tikkontesta dan l-att permezz ta’ rikors dirett għal annullament u wara li tkun ħalliet il‑perijodu mandatarju previst sabiex tagħmel dan jiskadi ( 20 ). Madankollu, dan in-nuqqas, huwa suġġett għall-konstatazzjoni li l‑ammissibbiltà tar-rikors għal annullament hija msaħħa bil-provi, lil hinn minn kull dubju ( 21 ).

34.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li r-regolamenti li jimponu dazji antidumping, minkejja li għandhom, minħabba n-natura u l-portata tagħhom, natura normattiva, peress li japplikaw b’mod ġenerali għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati, jistgħu jikkonċernaw direttament u individwalment ċerti operaturi ekonomiċi u, fost l-oħrajn, dawk l-impriżi importaturi li huma assoċjati ma’ impriżi esportaturi ta’ pajjiżi terzi u li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti tagħhom inkwistjoni ittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-prezz għall-esportazzjoni ( 22 ).

35.

Madankollu, mill-proċess ma jirriżultax li SECO, li taġixxi bħala importatur stabbilit fl-Unjoni, għandha tiġi kkunsidrata bħala direttament u individwalment ikkonċernata mir-regolament ikkontestat u li, għalhekk, ma hemmx dubju li kienet tkun ammissibbli biex tippreżenta rikors dirett għal annullament tal-imsemmi att.

36.

Konsegwentement, SECO, li hija kkonċernata mir-regolament ikkontestat biss sa fejn hija “taqa’, oġġettivament, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni” ( 23 ) tar-regoli stabbiliti minnu fil-kwalità tagħha ta’ operatur ekonomiku fis-settur inkwistjoni, hija ammissibbli biex teċepixxi, permezz ta’ eċċezzjoni, l-illegalità ta’ dan l-att quddiem il-qorti nazzjonali, li tista’, għalhekk, tiddeferixxi din il-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari.

B – Fuq il-mertu

1. L-osservazzjonijiet tal-partijiet

37.

SECO ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi fl‑affermattiv għad-domanda magħmula filwaqt li tressaq diversi motivi li jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

38.

Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar‑regolament bażiku timplika tnaqqis fl-importazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiż terz suġġett għad-dazju antidumping u żieda korrellattiva ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż tal-evażjoni, peress li tal-ewwel ġew issostitwiti mit-tieni ( 24 ). F’din il-kawża, huwa ċar li l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn miċ-Ċina ma ġewx issostitwiti mill‑importazzjonijiet korrispondenti ġejjin mit-Tajlandja, peress li tal‑ewwel irduppjaw bejn il-perijodu kopert mill-investigazzjoni inizjali u dak kopert mill-investigazzjoni kontra l-evażjoni.

39.

Bl-istess mod, l-estensjoni ta’ dazju antidumping tippresupponi li jeżisti att ta’ evażjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku u, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament huma ssodisfatti. Madankollu, ir-regolament ikkontestat ma fih l-ebda spjegazzjoni ddettaljata dwar xi att ta’ evażjoni u lanqas, f’każ li l-att ta’ evażjoni huwa kkostitwit mill-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ikkonstatati fil-mument tal-ftuħ tal-investigazzjoni, dwar il-preżenza tar-rekwiżiti kollha rikjesti mill-Artikolu 13(2) tar-regolament bażiku.

40.

Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma pprovawx li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ kienet immotivata biżżejjed jew ekonomikament iġġustifikata biss bl-impożizzjoni tad-dazju antidumping.

41.

Fl-aħħar nett, dawn l-istituzzjonijiet ma stabbilixxewx li l-effetti korrettivi tad-dazju kienu ġew kompromessi f’termini ta’ prezz u/jew ta’ kwantitajiet ta’ prodotti simili.

42.

Il-gvernijiet intervenjenti kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw li r-regolament ikkontestat huwa invalidu u jibbażaw il-pożizzjoni tagħhom fuq l-argumenti li ġejjin.

43.

Il-Gvern Elleniku jsostni li l-Artikolu 18 tar-regolament bażiku jistabbilixxi preżunzjoni bil-għan li jgħin lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fit-tmexxija tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni, b’tali mod li, fl-assenza ta’ kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jikkwalifikaw il-bidla fix-xejra tal-kummerċ li tkun seħħet immedjatament wara l-introduzzjoni tad-dazju antidumping ta’ evażjoni, ħlief jekk il-partijiet ikkonċernati jipproduċu prova kuntrarja.

44.

Il-Gvern Portugiż jikkunsidra, fl-istess sens, li l-Artikolu 13 tar‑regolament bażiku għandu jiġi interpretat b’mod flessibbli biżżejjed, meta ma jkunx hemm kooperazzjoni mill-partijiet ikkonċernati, b’tali mod li l-assenza ta’ kooperazzjoni ma tkunx tista’, waħedha, twaqqaf l-adozzjoni ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ. Fl‑opinjoni tiegħu, fid-dawl tal-preżunzjoni bbażata fuq l-assenza ta’ kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati stabbilita kemm bl-Artikolu 18 tar-regolament bażiku kif ukoll bl-Artikolu VI u l-Anness II tal-Kodiċi antidumping tal-1994, l‑evażjoni tista’ tkun dedotta miż-żieda sinjifikattiva osservata fl‑esportazzjonijiet tal-pallet trucks tal-idejn mit-Tajlandja lejn l-Unjoni u mill-koinċidenza fiż-żmien bejn din iż-żieda u d-dħul fis-seħħ tal‑miżuri antidumping applikabbli għall-esportazzjonijiet tal-istess prodotti li joriġinaw miċ-Ċina. Barra minn hekk, il-prassi ta’ applikazzjoni tar-regolament bażiku mill-Kummissjoni turi li l-indizji prinċipali tal-evażjoni jirriżultaw dejjem miż-żidiet f’daqqa u sinjifikattivi ta’ importazzjonijiet ta’ prodott partikolari minn oriġini waħda jew iktar mhux tas-soltu u minn koinċidenza fiż-żmien bejn din iż-żieda u l-applikazzjoni ta’ miżuri antidumping ( 25 ).

45.

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li, minħabba l-assenza ta’ kooperazzjoni tal-produtturi-esportaturi Tajlandiżi, il-volum u l-valur tal-esportazzjoni Tajlandiża ta’ pallet trucks tal-idejn ġew stabbiliti biss abbażi tal-informazzjoni disponibbli, jiġifieri d-data statistika miġbura mill-Istati Membri u kkompilata mill-Kummissjoni skont l‑Artikolu 14(6) tar-regolament bażiku kif ukoll d-data tal-Eurostat.

46.

Dawn l-istituzzjonijiet iqisu li stabbilixxew, wara li kkonstataw, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, bidla tax-xejra tal-kummerċ, li l‑importazzjonijiet mit-Tajlandja bdew jiżdiedu ftit wara l-introduzzjoni tad-dazji fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina u jispjegaw li ma rċevew l‑ebda prova li setgħet tispjega din iż-żieda sinjifikattiva u, b’mod partikolari, l-ebda prova li setgħet twassal għall-konklużjoni li fit‑Tajlandja kienu jeżistu verament attivitajiet ta’ fabbrikazzjoni ta’ pallet trucks tal-idejn.

47.

Fl-opinjoni tagħhom, skont l-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku, huma l-partijiet ikkonċernati li għandhom l-oneru li jipprovaw li teżisti raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika għall‑bidla fix-xejra tal-kummerċ. Barra minn hekk, il-Qorti tal‑Ġustizzja kienet ikkonfermat dan l-approċċ fis-sentenza tagħha Brother International ( 26 ).

48.

Barra minn hekk, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li r‑regolament bażiku ma jagħtihom l-ebda setgħa li tippermettilhom jobbligaw lill-impriżi involuti f’investigazzjoni sabiex jipparteċipaw fl‑investigazzjoni jew jipproduċu xi informazzjoni.

49.

Filwaqt li jirrikonoxxu li, f’mudell klassiku, l-evażjoni hija kkaratterizzata minn tnaqqis ta’ esportazzjonijiet mill-pajjiż suġġett għall-miżuri antidumping u minn żieda korrispondenti ta’ esportazzjonijiet mill-pajjiż inkluż fil-proċedura ta’ evażjoni, dawn l‑istituzzjonijiet isostnu li tali mudell ma jikkostitwixxix kundizzjoni indispensabbli sabiex jiġu introdotti miżuri sabiex jiġġieldu kontra l‑evażjoni, peress li la l-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku u lanqas il‑ġurisprudenza ma jeżiġu l-prova ta’ sostituzzjoni.

50.

Il-Kummissjoni tippreċiża li hija kellha statistika kummerċjali uffiċjali mingħand il-Gvern Tajlandiż li minnha kien joħroġ li l‑importazzjonijiet ta’ elementi essenzjali ta’ pallet trucks tal-idejn miċ‑Ċina lejn it-Tajlandja kienu żdiedu b’mod sinjifikattiv matul il‑perijodu bejn is-sena 2005 u s-sena 2007, jiġifieri li kienu għaddew minn 77 tunnellata matul il-perijodu tax-xahar ta’ Awwissu sa Diċembru 2004 għal 1 271 tunnellata matul il-perijodu mix-xahar ta’ Awwissu sa Diċembru 2007.

51.

Hija żżid li, fid-dawl tal-assenza ta’ kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati, kien impossibbli għaliha li tikseb informazzjoni iktar preċiża dwar il-mod li permezz tiegħu l-partijiet essenzjali tal-pallet trucks kienu jsiru pallet trucks tal-idejn kompleti fit-Tajlandja.

52.

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li t-termini “prattika”, “proċess” jew “ħidma” li jinsabu fl-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku ma jikkostitwixxux kriterju awtonomu tal-evażjoni, mill-inqas fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, u li huma l-esportaturi Tajlandiżi li għandhom juru li ż-żieda għal għarrieda tal-importazzjonijiet ta’ partijiet essenzjali miċ‑Ċina u ż-żieda parallela għal għarrieda tal-esportazzjonijiet ta’ pallet trucks lejn l-Unjoni kienet spjegabbli permezz ta’ raġuni tajba jew b’ġustifikazzjoni ekonomika minbarra l-impożizzjoni tad‑dazju antidumping. Din ir-reogla relatata mal-oneru tal-prova hija, barra minn hekk, ikkorroborata mis-sentenza Brother International ( 27 ), anki jekk il-Kummissjoni tenfasizza li din is-sentenza ma tirrigwardax il-legalità ta’ regolament ta’ estensjoni ta’ dazji antidumping.

2. L-evalwazzjoni tiegħi

a) Fuq il-portata tal-evalwazzjoni tal-validità

53.

Għandu jiġi rrilevat li, bid-domanda tiegħu, il-Finanzgericht Hamburg ikkunsidra li huwa biss neċessarju, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-validità tar‑regolament ikkontestat fir-rigward ta’ tnejn mill-erba’ elementi li jikkostitwixxu l-evażjoni, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku, jiġifieri, minn naħa, il-bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi terzi u l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ prattiki, proċessi jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għajr dik tal-impożizzjoni tad-dazju antidumping. SECO madankollu tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex testendi l-istħarriġ tagħha għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbilixxewx li l-effetti korrettivi tad-dazju kienu ġew kompromessi f’termini ta’ prezz u/jew ta’ kwantitajiet ta’ prodotti simili.

54.

Skont ġurisprudenza stabbilita, ibbażata fuq il-prinċipju li jgħid li hija biss il‑qorti nazzjonali, li tkun adita bil-kawża u li għandha tassumi r‑responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha, fid-dawl tal‑partikolaritajiet tal-kawża, teżamina kemm il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir‑rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżami tal-validità ta’ att tal-Unjoni ma għandux jiġi estiż fir-rigward ta’ motivi mhux imsemmija mill-qorti tar-rinviju, bħal dawk imqajma mill-partijiet fil-kawża prinċipali ( 28 ).

55.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-qorti nazzjonali tillimita l-motivi li dwarhom hija għandha l-intenzjoni li tissottometti dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għal stħarriġ ta’ validità, l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari sabiex tevalwa l-validità għandu jiġi limitat għall-eżami ta’ dawn il-motivi, ħlief jekk eventwalment jitqajjem motiv ta’ ordni pubbliku ex officio.

56.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa l-motivi ta’ invalidità tar-regolament ikkontestat, invokati minn SECO fl-osservazzjonijiet tagħha, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, biss jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jonqsu milli juru li l-effetti korrettivi tad-dazju antidumping impost fuq importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina kienu kompromessi f’termini ta’ prezz u/jew ta’ kwantitajiet mill-importazzjonijiet mit-Tajlandja.

b) Fuq il-validità tar-regolament ikkontestat

i) Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-konsegwenzi ta’ rifjut ta’ kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati

57.

Qabel ma nibda nitratta f’iktar dettall il-motivi li għalihom il-qorti tar‑rinviju tiddubita l-validità tar-regolament ikkontestat, għandu jiġi mistoqsi x’konsegwenzi jistgħu jirriżultaw min-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, kwistjoni li fuqha kemm il-Gvern Grieg u dak Portugiż kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jibbażaw l-argumenti tagħhom sabiex isostnu, b’mod partikolari, li tista’ tintuża biss l-informazzjoni disponibbli u li l-elementi li jikkostitwixxu l-evażjoni rikjesti mill‑Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku għandhom, f’dan il-każ, jingħataw interpretazzjoni iktar flessibbli.

58.

Ir-regolament bażiku jiddedika artikolu speċifiku għan-nuqqas ta’ kooperazzjoni, jiġifieri l-Artikolu 18, li huwa t-traspożizzjoni fid‑dritt tal-Unjoni tal-kontenut tal-punt 6.8 u tal-kontenut tal-Anness II tal-Kodiċi antidumping tal-1994. Dan l-artikolu għandu, sa fejn possibbli, jiġi interpretat fid-dawl ta dawn il-kontenuti ( 29 ).

59.

L-Artikolu 18 tar-regolament bażiku fih sitt paragrafi li jittrattaw, rispettivament, każijiet li fihom l-informazzjoni disponibbli tista’ tintuża, fin-nuqqas ta’ informazzjoni mogħtija minn waħda jew iktar mill‑partijiet ikkonċernati, fl-assenza ta’ għoti ta’ risposta kompjuterizzata, każijiet fejn l-informazzjoni ingħatat, iżda ma hijiex l-aħjar f’kull aspett, każijiet li fihom elementi mill-informazzjoni kkomunikata minn parti ma humiex aċċettati, verifiki neċessarji meta l‑konklużjonijiet huma bbażati fuq l-informazzjoni disponibbli, u fl‑aħħar nett, fil-każ fejn parti kkonċernata ma tikkooperax.

60.

Għandha tingħata attenzjoni iktar partikolari lil żewġ paragrafi.

61.

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku jistipula espressament li meta parti kkonċernata tirrifjuta aċċess għal, jew inkella ma tagħtix, informazzjoni neċessarja fit-termini previsti, jew timpedixxi l-investigazzjoni b’mod sinjifikattiv, il-konklużjonijiet preliminari jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jiġu stabbiliti abbażi tal‑informazzjoni disponibbli.

62.

Fit-tieni lok, l-Artikolu 18(6) tar-regolament bażiku jipprovdi li jekk parti kkonċernata ma tikkooperax, jew tikkoopera biss parzjalment, u li minħabba f’hekk tiġi miżmuma xi informazzjoni rilevanti, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kienet ikkooperat.

63.

Għalkemm l-ewwel dispożizzjoni tagħti soluzzjoni ċara, huwa iktar diffiċli li tingħata interpretazzjoni univoka lit-tieni. Fl-opinjoni tiegħi, skont dawn id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien, jistgħu jinġibdu tliet konsegwenzi mir-rifjut ta’ kooperazzjoni tal-partijiet interessati jew ikkonċernati. L-ewwel waħda tirrigwarda l-possibbiltà li l‑istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbażaw ruħhom fuq l-informazzjoni disponibbli biss, filwaqt li t-tieni tirrigwarda l-possibbiltà li minn din l-informazzjoni l‑imsemmija istituzzjonijiet jiddeduċu preżunzjonijiet ibbażati fuq probabbiltà raġonevoli. Fl-aħħar nett, it-tielet konsegwenza li tista’ tiġi dedotta mir-rifjut ta’ kooperazzjoni tirrigwarda l‑limitazzjoni tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju.

– Il-possibbiltà li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbażaw ruħhom fuq l-informazzjoni disponibbli biss

64.

Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm, bis-saħħa tad-dispożizzjoni kontra l-evażjoni stipulata fl-Artikolu 13(3) tar-regolament bażiku, hija l-Kummissjoni li għandha tibda, imbagħad twettaq, f’terminu ta’ disa’ xhur, investigazzjoni sabiex tistabbilixxi jekk il-fatti allegati fl-ilment humiex definittivament stabbiliti, ir-regolament bażiku ma jagħti lill-Kummissjoni ebda setgħa ta’ investigazzjoni li tippermettilha tobbliga lill-produtturi jew lill-esportaturi msemmija fl-ilment jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew jipproduċu informazzjoni, b’tali mod li l-Kunsill u l-Kummissjoni jiddependu fuq il-kooperazzjoni volontarja tal-impriżi kkonċernati sabiex jagħtuhom l-informazzjoni neċessarja fit-termini stabbiliti ( 30 ).

65.

F’dan il-kuntest, billi jawtorizza li jistgħu jintlaħqu konklużjonijiet abbażi tal-informazzjoni disponibbli, l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku juri mingħajr dubju l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jissimplifika l-ħidma probatorja tal-Kunsill u tal-Kummissjoni meta jiltaqgħu ma’ ostakoli materjali dovuti għall-intenzjoni ħażina tal‑impriżi kkonċernati.

66.

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltà li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jużaw informazzjoni disponibbli meta impriża tirrifjuta li tikkoopera jew meta tagħti informazzjoni falza jew qarrieqa hija kkwalifikata mill-obbligu, previst fl-Artikolu 18(5) tar-regolament bażiku, li jivverifikaw din l-informazzjoni billi jirreferu għal sorsi oħra ta’ informazzjoni disponibbli.

67.

Dan ir-rekwiżit ta’ kawtela fl-użu ta’ din l-informazzjoni, li jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jirriżulta mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ( 31 ), huwa iktar u iktar importanti meta fl-opinjoni tiegħi r-rifjut ta’ kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati donnu mhux biss jawtorizza lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jagħmlu konstatazzjonijiet fattwali abbażi ta’ informazzjoni inkompleta, iżda wkoll li minn dawn il-konstatazzjonijiet jiddeduċu preżunzjonijiet ta’ fatt li jippermettu li tiġi stabbilita l-materjalità tal-fatti li jikkostitwixxu evażjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku.

– Il-possibbiltà li mill-informazzjoni disponibbli l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiddeduċu preżunzjonijiet ibbażati fuq probabbiltà raġonevoli

68.

Mit-termini stess tal-Artikolu 18 tar-regolament bażiku jirriżulta mingħajr dubju li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jistabbilixxi preżunzjoni legali li tippermetti li min-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-partijiet interessati jew ikkonċernati tiġi dedotta direttament l-eżistenza ta’ evażjoni u, għalhekk, jeħles lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni minn kull obbligu ta’ prova.

69.

Madankollu, fid-dawl tal-possibbiltà li jiġu stabbiliti konklużjonijiet, anki definittivi, abbażi tal-informazzjoni disponibbli u li l-parti li ma tikkooperax jew li tikkoopera biss parzjalment tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kieku kienet ikkooperat, fl‑opinjoni tiegħi huwa daqstant evidenti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma awtorizzati li mill-prova diretta tal-fatti li huma setgħu jistabbilixxu mill-informazzjoni fil-pussess tagħhom jiddeduċu l-prova indiretta tal-fatti li jibqgħu mhux magħrufa minħabba nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-partijiet. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 18 tar-regolament bażiku jippermetti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbażaw ruħhom fuq preżunzjonijiet, meta teżisti rabta loġika u raġonevoli bejn il-fatti stabbiliti u l-fatti li jibqgħu mhux magħrufa. Jekk l-imsemmija istituzzjonijiet jiġu pprojbiti milli jużaw tali preżunzjonijiet, dan ikun jammonta għall-ħolqien ta’ ostakolu impenetrabbli għall-adozzjoni ta’ miżuri kontra l-evażjoni meta l-impriżi kkonċernati mill-investigazzjoni jirrifjutaw li jikkooperaw.

70.

Il-prassi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jibbażaw ruħhom fuq preżunzjonijiet fil-każ ta’ rifjut ta’ kooperazzjoni tal-partijiet interessati jew ikkonċernati jidhirli għalhekk li hija perfettament konformi mal-leġiżlazzjoni.

71.

Din il-prassi hija eżerċitata, naturalment, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, anki jekk dan l-istħarriġ jinvolvi ċerti limiti.

– Il-limitazzjoni tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju fuq l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni

72.

Din it-talba għall-evalwazzjoni ta’ validità timponi fuq il-Qorti tal-Ġustizzja n-neċessità li tistħarreġ il-legalità tar-regolament ikkontestat fir-rigward tal-motivi msemmija mill-qorti tar-rinviju, u dan jagħti lok għal mistoqsija dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri antidumping adottati mill-Kunsill u, b’mod iktar partikolari, dwar ir-regolamenti ta’ estensjoni.

73.

F’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm żewġ raġunijiet li jiġġustifikaw limitazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju.

74.

L-ewwel limitazzjoni tirrigwarda s-suġġett ikkonċernat.

75.

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom janalizzaw. Għalhekk, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjonijiet magħmula minn dawn l-istituzzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ abbuż ta’ poter ( 32 ).

76.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-għażla bejn diversi metodi ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping jew tad-dazju antidumping ( 33 ), l-evalwazzjoni tal-valur normali ta’ prodott jew l-għażla tal-pajjiż ta’ referenza li għandu jservi għad-determinazzjoni ta’ dan il-valur meta l-prodotti jkunu ġejjin minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq ( 34 ), l-evalwazzjoni tal-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ( 35 ), id-determinazzjoni tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konstatazzjoni tad-dannu ( 36 ), kif ukoll il-kwistjoni ta’ jekk l-interessi tal-Unjoni jeħtiġux azzjoni tal-Unjoni ( 37 ), jippresupponu l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

77.

It-tieni limitazzjoni tirriżulta mill-aġir tal-partijiet ikkonċernati.

78.

Fl-opinjoni tiegħi, fil-preżenza ta’ rifjut ta’ kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni dwar id-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill għandu jkun limitat għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-għażla u fl-użu tal-informazzjoni disponibbli u fl-użu ta’ preżunzjonijiet ibbażati fuq probabbiltà raġonevoli.

79.

Fi kliem ieħor, ir-rifjut ta’ kooperazzjoni li jawtorizza lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fin-nuqqas ta’ ċertezza reali, li hija impossibbli li tintlaħaq, jibbażaw ruħhom fuq probabbiltà qawwija, jirriżulta f’bidla fis-suġġett tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jirrigwarda n-natura probabbli tal-preżunzjonijiet li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni siltu mill-informazzjoni fil-pussess tagħhom.

80.

Skont il-ġurisprudenza klassika tagħha li tgħid li preżunzjoni, anki waħda li diffiċilment tista’ tiġi kkonfutata, tibqa’ fil-limiti tal-aċċettabbli sakemm din tkun proporzjonata meta mqabbla mal-għan leġittimu mfittex, sakemm ikun hemm il-possibbiltà li tiġi prodotta l-prova kuntrarja u sakemm id-drittijiet tad-difiża jkunu ggarantiti ( 38 ), il-qorti tal-Unjoni għandha, fl-aħħar mill-aħħar, tistħarreġ il-proporzjonalità ta’ użu raġonevoli ta’ preżunzjonijiet.

81.

Dan huwa l-istħarriġ li jien nipproponi li jiġi eżerċitat fuq ir-regolament ikkontestat fir-rigward tal-motivi ta’ invalidità rrilevati mill-qorti tar-rinviju.

ii) L-eżami tal-motivi ta’ invalidità

82.

Għandu jiġi vverifikat jekk il-Kunsill ikkommettix żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrileva l-eżistenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi terzi u l-Unjoni, li tirriżulta minn prattiki, proċessi jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għajr dik tal-impożizzjoni tad-dazju antidumping.

83.

Fl-ewwel lok, inqis li l-Kunsill la kiser l-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku u lanqas ma kkommetta żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrileva l-eżistenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi terzi kkonċernati u l-Unjoni.

84.

Mill-informazzjoni disponibbli jirriżulta li l-importazzjonijiet tal‑pallet trucks tal-idejn li joriġinaw mit-Tajlandja kienu żdiedu minn 7 458 fl‑2005 għal 64 706 fl-2007, li jirrappreżenta żieda ta’ 868 %, qabel ma reġgħu naqsu għal 42 056 matul il-proċedura tal-investigazzjoni, li jirrappreżenta żieda ta’ 564 % meta mqabbla mal-2005.

85.

Għalhekk, inqis li l-Kunsill ikkaratterizza l-bidla fix-xejra tal-kummerċ biss abbażi tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ żieda esponenzjali tal-importazzjonijiet li joriġinaw mit-Tajlandja wara l-impożizzjoni tad-dazji antidumping, li baqgħet matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, anki jekk f’livell inqas, peress li n-numru ta’ pallet trucks tal-idejn importati mit-Tajlandja baqa’, matul dan il-perijodu, ogħla min-numru ta’ pallet trucks tal-idejn importati qabel l-impożizzjoni tad-dazji.

86.

Ma naħsibx li l-konstatazzjoni ta’ żieda fl-istess ħin tal-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn li joriġinaw miċ-Ċina hija tali li tikkonfuta din l-evalwazzjoni. Għalkemm, kif korrettament tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-konstatazzjoni, li tinsab fil-premessa 20 tar-regolament ikkontestat, ta’ “persisten[za]” ta’ esportazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina tidher ineżatta, peress li dawn l-esportazzjoni kienu, għall-kuntrarju, żdiedu bejn is-sena 2005 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din iż-żieda, għalkemm sinjifikattiva, ma kinitx komparabbli maż-żieda esponenzjali li kien hemm fl-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn li joriġinaw mit-Tajlandja immedjatament wara l-impożizzjoni tad-dazji antidumping.

87.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-definizzjoni ta’ evażjoni hija fformulata fl-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku f’termini ġenerali li jħallu marġni ta’ manuvrar wiesa’ lill‑istituzzjonijiet tal-Unjoni u li, b’mod partikolari, ma tingħata l-ebda preċiżjoni fir-rigward tan-natura u tal-modalitajiet “tal-bidla tax-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi terzi u [l-Unjoni]” ( 39 ). Kif jirrilevaw korrettament il-Kunsill u l-Kummissjoni, din id-definizzjoni wiesgħa ma tfissirx li kien hemm sostituzzjoni tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiż suġġett għad-dazju antidumping bl-importazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiż imsemmi fil-proċedura kontra l-evażjoni.

88.

Fit-tieni lok, nikkunsidra li, fl-assenza ta’ kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, il-koinċidenza fiż-żmien ikkonstatata bejn il-bidla fix-xejra tal-kummerċ u l-introduzzjoni tad-dazji antidumping kif ukoll l-assenza ta’ kwalunkwe prova tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ produzzjoni tal-prodott li huwa s‑suġġett tal-investigazzjoni fil-pajjiż terz ikkonċernat wasslu b’mod raġonevoli għall-probabbiltà tal-eżistenza ta’ prattiki, proċessi jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għajr dik tal-impożizzjoni tad-dazju antidumping.

89.

Din il-koinċidenza fiż-żmien tagħti lok, waħedha, għal preżunzjoni, b’tali mod li l-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat talli ma kkaratterizzax b’iktar preċiżjoni l-prattiki, l-proċessi jew il-ħidma li kienu wasslu għal bidla fix-xejra tal-kummerċ, għalkemm huwa lamentabbli li dan ma rriproduċix, fil-motivi tar-regolament ikkontestat, ċerta informazzjoni disponibbli dwar, b’mod partikolari, l-importazzjonijiet ta’ partijiet essenzjali ta’ pallet trucks tal-idejn mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina lejn it-Tajlandja ( 40 ).

90.

Għalkemm is-sentenza Brother International ( 41 ) tikkonċerna qasam differenti minn dak tal-miżuri ta’ kontra l-evażjoni tad-dazji antidumping, jidhirli li r-raġunament li qed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja huwa kkonfermat mill-approċċ adottat f’dik is-sentenza, u minn dan jista’ jiġi dedott, a contrario, li t-trasferiment tal-assemblaġġ mill-pajjiż ta’ produzzjoni tal-partijiet lejn pajjiż ieħor huwa suffiċjenti, waħdu, sabiex jiġġustifika l-preżunzjoni li tgħid li l-uniku għan ta’ dan it-trasferiment kien li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet applikabbli, peress li hemm koinċidenza fiż-żmien bejn id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni rilevanti u t-trasferiment tal-assemblaġġ ( 42 ).

91.

Fuq kollox, kuntrarjament għal dak li ssostni SECO, ma naħsibx li l-Kunsill jista’ jiġi kkritikat talli rrileva l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ mingħajr ma kkonstata li dawn kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13(2) tar-regolament bażiku. Għalkemm fil-premessi 4 u 21 tar-regolament ikkontestat jitfakkar li, fil-mument tal-ftuħ tal-investigazzjoni, l-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni kienet tidher li tindika li ammont kunsiderevoli ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ kien iseħħ fit-Tajlandja, huwa speċifikat, fil-premessa 11 tar‑regolament ikkontestat, li, minħabba r-rifjut ta’ kooperazzjoni tal‑esportaturi-produtturi Tajlandiżi ta’ pallet trucks tal-idejn, il‑Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina n-natura tal‑importazzjonijiet mibgħuta mit-Tajlandja. Għalhekk, l-ipoteżi inizjali, dwar operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, ma setgħetx tiġi vverifikata. Jekk jitqies li din l-ipoteżi seħħet, xorta jibqa’ l-fatt li l-impossibbiltà li jiġu stabbiliti l-fatti minħabba r-rifjut ta’ kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati tiġġustifika, f’kull każ, l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni dwar il-fatt li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 13(2) tar-regolament bażiku kienu sodisfatti ( 43 ).

92.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirlix li l-Kunsill, meta adotta r-regolament ikkontestat, wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti.

93.

Għandu wkoll jintqal li xejn ma jindika li l-istituzzjonijiet tal‑Unjoni naqsu mill-obbligi proċedurali imposti fuqhom fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ evażjoni tad-dazji antidumping.

94.

B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tat lill-partijiet ikkonċernati l-possibbiltà li jesponu l-perspettiva tagħhom bil‑miktub u li jitolbu li jinstemgħu u li l-partijiet kollha ġew informati bil-fatt li l-assenza ta’ kooperazzjoni setgħet twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-regolament bażiku u li setgħu jintlaħqu konklużjonijiet abbażi tal-informazzjoni disponibbli.

95.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha għal provi li kellha mal-ewwel daqqa ta’ għajn fil-mument tal-bidu tal-investigazzjoni inizjali. Hija ħadet inkunsiderazzjoni wkoll kemm l-istatistika miġbura mill-Istat Membri u li hija kkompilat skont l-Artikolu 14(6) tar-regolament bażiku u kif ukoll l-istatistika tal-Eurostat.

96.

Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi l-eżami tar-regolament ikkontestat, fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, ma rrivelax l-eżistenza ta’ elementi li jistgħu jaffettwaw il-validità tiegħu.

IV – Konklużjoni

97.

Għar-raġunijiet hawn fuq esposti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula mill-Finanzgericht Hamburg għandha tkun kif ġej:

L-eżami tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 499/2009, tal-11 ta’ Ġunju 2009, li jestendi d-dazju definittiv anti-dumping impost bir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 fuq l-importazzjonijiet tal-pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinnati mit-Tajlandja, kemm jekk ikun iddikjarat li oriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, ma rrivelax l-eżistenza ta’ elementi li jistgħu jaffettwaw il-validità tiegħu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU L 151, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45.

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 150, iktar ’il quddiem ir‑“regolament bażiku”. Dan ir-regolament bażiku ġie ssostitwit u kkodifikat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, u rettifika fil-ĠU 2010, L 7, p. 22). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-kawża għandha tiġi eżaminata abbażi tar-regolament bażiku. Għandu jiġi rrilevat li, jekk il-qorti tar-rinviju ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, l-emendi magħmula għad-definizzjoni ta’ evażjoni bir-Regolament Nru 461/2004, dawn l-emendi ma jaffettwawx ir-risposta għad-domanda magħmula.

( 5 ) Iktar ’il quddiem “SECO”.

( 6 ) Iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”.

( 7 ) Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1987, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2176/84 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 167, p. 9).

( 8 ) Regolament tal-Kunsill, tat-23 ta’ Lulju 1984, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 201, p. 1).

( 9 ) Regolament tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 1988 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 209, p. 1).

( 10 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi antidumping tal-1994”.

( 11 ) Din il-kwistjoni kienet ukoll suġġett ċentrali fid-diskussjonijiet fil-kuntest tan-negozjati multilaterali fl-Urugwaj. Ara, f’dan is-sens, S. Holmes, “Anti-circumvention under the European Union’s new anti-dumping rules”, Journal of World Trade, 1995, p. 161.

( 12 ) In-negozjati wasslu biss għall-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni ministerjali intitolata “Deċiżjoni Kontra T-Taqriq Bil-Liġi”, li permezz tagħha l-ministri, “[k]onxji dwar ix-xewqa dwar l-applikabilità ta’ regoli uniformi f[il]-qasam [tal-evażjoni tal-miżuri antidumping] malajr kemm jista’ jkun, jiddeċiedu li jirreferu din il-kwistjoni lill-Kumitat dwar Prattiċi ta’ l-Anti-Dumping”.

( 13 ) ĠU 2004, C 103, p. 85.

( 14 ) ĠU L 275 M 2006, p 103.

( 15 ) Regolament tat-18 ta’ Lulju 2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ Ċina (ĠU L 334 M 2008, p. 164)

( 16 ) Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1174/2005.

( 17 ) ĠU L 192, p. 1. Minkejja li l-prodotti kkonċernati fl-investigazzjoni inizjali kienu, mingħajr iktar dettall, il-“pallet trucks ta’ l-idejn, li ma jaħdmux waħidhom, użati għat-tqandil ta’ materjali li normalment jitpoġġew fuq il-pallets, u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri xażi u ħajdroliks” (premessa 9 tar-Regolament Nru 684/2008), dan ir-regolament speċifika dak li għandu jinftiehem b’“pallet trucks ta’ l-idejn”. Dawn huma “trakkijiet b’roti li jirfdu l-lifting fork arms għat‑tqandil tal-pallets, iddisinjati biex jiġu mbuttati, miġbuda u mmexxija bl-idejn, fuq wiċċ lixx, invell u iebes, minn operatur pedonali bl-użu ta’ laċċ artikulat”. (Artikolu 1 tal-imsemmi regolament). Huwa spjegat li dawn il-pallet trucks tal‑idejn “huma ddisinjati biss biex jgħollu t-tagħbija, billi jippompjaw il-laċċ, sa għoli biżżejjed għall-ġarr u ma għandhom l-ebda funzjoni jew użu addizzjonali” (idem).

( 18 ) Regolament tat-12 ta’ Settembru 2008 li jagħti bidu għal investigazzjoni dwar l‑evażjoni possibbli ta’ miżuri anti-dumping imposti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 684/2008, dwar importazzjonijiet ta’ trakkijiet tal-palits tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina b’importazzjoni ta’ trakkijiet tal-palits tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom kkunsinnati mit‑Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja u kemm jekk le u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet suġġetti għal reġistrazzjoni (ĠU L 252, p. 3).

( 19 ) C‑188/92, EU:C:1994:90.

( 20 ) Punti 17 u 18.

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punti 41 u 42).

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 21).

( 23 ) Din l-espressjoni hija meħuda mis-sentenza Allied Corporation et vs Il‑Kummissjoni (239/82 u 275/82, EU:C:1984:68, punt 15).

( 24 ) SECO tiċċita, insostenn tal-argument tagħha, diversi regolamenti li jirrigwardaw estensjoni ta’ dazji antidumping, li fihom l-eżistenza ta’ sostituzzjoni hija kkonstatata.

( 25 ) Il-Gvern Portugiż jirreferi, bħala eżempju, għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 14/2012, tad- 9 ta’ Jannar 2012, li jestendi dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 511/2010 fuq l‑importazzjonijiet ta’ ċerti fili tal-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti fili tal-molibdenu kkonsenjati mill‑Malasja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw fil-Malasja u l-Isvizzera u sew jekk le u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet konsenjati mill-Isvizzera (ĠU L 8, p. 22).

( 26 ) C‑26/88, EU:C:1989:637.

( 27 ) EU:C:1989:637.

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ordre des barreaux francophones et germanophones et (C‑305/05, EU:C:2007:383, punti 17 sa 19); Nuova Agricast (C‑390/06, EU:C:2008:224, punti 3 u 44), u Hoesch Metals and Alloys (C‑373/08, EU:C:2010:68, punti 59 u 60). Din il-limitazzjoni tal-istħarriġ ta’ validità hija spjegabbli mhux biss mill-għan stess tas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, iżda wkoll, kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:292), mill-osservanza tal-funzjoni eżerċitata bħala qorti tal-Unjoni mill-qorti nazzjonali, li għandha s-setgħa li teżamina l-legalità ta’ atti tal-Unjoni, filwaqt li hija biss il-konstatazzjoni tal-invalidità li hija rriżervata lill-Qorti tal-Ġustizzja.

( 29 ) Ara, dwar din ir-regola ta’ interpretazzjoni, b’mod partikolari, is-sentenza Petrotub u Republica (C‑76/00 P, EU:C:2003:4, punt 56). Ara wkoll, għal applikazzjoni ta’ din ir-regola fil-każ partikolari tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Sun Sang Kong Yuen Shoes Factory vs Il-Kunsill (T‑409/06, EU:T:2010:69, punt 103).

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il-Kunsill (T‑192/08, EU:T:2011:619, punt 272).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, C. Stanbrook, u P. Bentley, “Dumping and subsidies — The Law and Procedures Governing the Imposition of Anti-dumping and Countervailing Duties in the European Community”, it-tielet edizzjoni, Kluwer Law International, Londra, 1996, p. 168.

( 32 ) Ara s-sentenza Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Ara s-sentenza Minolta Camera vs Il‑Kunsill (C‑178/87, EU:C:1992:112, punt 41).

( 34 ) Ara s-sentenza Nölle (C‑16/90, EU:C:1991:402, punt 11).

( 35 ) Ara s-sentenza Ikea Wholesale (C‑351/04, EU:C:2007:547, punti 61 sa 63).

( 36 ) Ara s-sentenza Nakajima vs Il‑Kunsill (C‑69/89, EU:C:1991:186, punt 86).

( 37 ) Ara s-sentenza Sharp Corporation vs Il‑Kunsill (C‑179/87, EU:C:1992:113, punt 58).

( 38 ) Ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata)

( 39 ) Diversi kummentaturi enfasizzaw n-natura partikolarment wiesgħa tat-termini tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku. Ara, b’mod partikolari, Van Bael & Bellis, “Anti-Dumping and other Trade Protection Laws of the EC”, ir-raba’ edizzjoni, Kluwer Law International, La Haye, 2004, li rrimarkaw li din id-dispożizzjoni qui “is intended to catch all forms of circumvention” (p. 485). Ara, wkoll, Y. Yu, “Circumvention and anti-circumvention measures – The impact on anti-dumping practise in international trade”, Kluwer Law International, 2008, li jikkwalifika d-definizzjoni ta’ evażjoni fid-dritt tal-Unjoni bħala “catchall definition” (p. 22).

( 40 ) Ara l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni (punt 12 u l-Anness K.1).

( 41 ) EU:C:1989:637.

( 42 ) Punt 28.

( 43 ) Ara, għal applikazzjoni ta’ tali preżunzjoni, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2005, tas-6 ta’ Ġunju 2005, li jestendi l-miżuri antidumping definittivi stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1470/2001 fuq l-importazzjonijiet ta’ bozoz florexxenti kumpatti li għandhom saborra eletronika integrata (CFL-i) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet tal-istess prodott mibgħut mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, mir-Repubblika Islamika tal-Pakistan u mir-Repubblika tal-Filippini (ĠU L 145, p. 1).

Top