EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0325

Kawża C-325/12: Rikors ippreżentat fl- 10 ta’ Lulju 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża

OJ C 287, 22.9.2012, p. 22–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/22


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża

(Kawża C-325/12)

2012/C 287/41

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Hetsch, P. Guerra e Andrade u L. Nicolae, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża

Talbiet

tikkonstata li r-Repubblika Portugiza, billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma mad-Direttiva 2009/136/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, u, fi kwalunkwe każ, billi ma nnotifikatx lill-Kummissjoni b’tali dispożizzjonijiet, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/136/KE;

tikkundanna lir-Repubblika Portugiża, skont l-Artikolu 260(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għall-pagament ta’ penalità għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tinnotifika l-miżuri kollha ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/136/KE, għal somma ta’ EUR 22 014,72 kuljum, dekorribbli mid-data tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-Istat Portugiż ma adottax il-miżuri neċessarji kollha sabiex jeżegwixxi d-Direttiva 2009/136/KE u, fi kwalunkwe każ, ma nnotifikax lill-Kummissjoni bihom.

L-Istat Portugiż ried biss jittrasponi fid-dritt nazzjonali d-Direttiva 2009/136/KE f’dak li jirrigwarda l-emendi magħmula għad-Direttiva 2002/22/KE.

Huwa ma ttrasponiex il-parti tad-Direttiva 2009/136/KE li emendat id-Direttiva 2002/58/KE (privatezza u komunikazzjoni elettronika).

Skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, li l-Istat Membru kkonċernat jiġi kkundannat għall-ħlas ta’ somma f’daqqa jew pagamenti ta’ penalità, fis-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq mill-Istat Membru tal-obbligu li jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ Direttiva adottata skont proċedura leġiżlattiva.

Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE (2), il-pagamenti ta’ penalità proposti mill-Kummissjoni huma kkalkulati skont il-metodu espost fil-komunikazzjoni tal-emenda fuq l-implementazzjoni tal-Artikolu 228 tat-Trattat KE.

Konsegwentement, id-determinazzjoni tas-sanzjoni tibbaża ruħha fuq il-kriterji tal-gravità u tat-tul tal-ksur u tan-neċessità li tiġi ggarantita l-effikaċità disswasiva tas-sanzjoni.

Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi stabbilit il-koeffiċjent ta’ gravità n-numru 8, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-importanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li nkisru u tal-konsegwenzi ta’ dan il-ksur fir-rigward tal-interessi ġenerali u partikolari.


(1)  ĠU L 337, p. 11.

(2)  ĠU 2011 C 12, p. 1.


Top