Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0604

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-8 ta’ Mejju 2014.
H. N. vs Minister for Justice, Equality and Law Reform et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda).
Direttiva 2004/83/KE — Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2005/85/KE — Livelli minimi dwar il-proċedura għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri — Regola ta’ proċedura nazzjonali li tissuġġetta l-eżami tat-talba għal protezzjoni sussidjarja għaċ-ċaħda preċedenti tat-talba għall-istatus ta’ refuġjat — Ammissibbiltà — Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri — Prinċipju ta’ effettività — Dritt għal amministrazzjoni tajba — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 41 — Imparzjalità u veloċità tal-proċedura.
Kawża C‑604/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:302

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

8 ta’ Mejju 2014 ( *1 )

“Direttiva 2004/83/KE — Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2005/85/KE — Livelli minimi dwar il-proċedura għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri — Regola ta’ proċedura nazzjonali li tissuġġetta l-eżami tat-talba għal protezzjoni sussidjarja għaċ-ċaħda preċedenti tat-talba għall-istatus ta’ refuġjat — Ammissibbiltà — Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri — Prinċipju ta’ effettività — Dritt għal amministrazzjoni tajba — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 41 — Imparzjalità u veloċità tal-proċedura”

Fil-Kawża C‑604/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Diċembru 2012, fil-proċedura

H. N.

vs

Minister for Justice, Equality and Law Reform,

Ireland,

Attorney General,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, M. Safjan, J. Malenovský u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Ottubru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal H. N., minn T. Coughlan, solicitor, J. O’Reilly, SC, u M. McGrath, BL,

għall-Minister for Justice, Equality and Law Reform, minn E. Creedon, bħala aġent,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Novembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li inkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96), kif ukoll l-Artikolu 41 Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn H. N., ċittadin Pakistani, u l-Minister for Justice, Equality and Law Reform (iktar ’il quddiem il-“Minister”), l-Irlanda u l-Attorney General dwar ir-rifjut tal-Minister li jeżamina t-talba tar-rikorrent intiża sabiex jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fl-assenza ta’ talba preċedenti intiża li jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/83

3

Skont il-premessi 5, 6 u 24 tad-Direttiva 2004/83:

“(5)

Il-konklużjonijiet ta’ Tampere jipprovdu wkoll li regoli rigward l-istat tar-refuġjati għandhom jiġu kumplimentati b’miżuri dwar forom sussidjarji ta’ protezzjoni, li joffru stat xieraq lil kull persuna fil-bżonn ta’ din il-protezzjoni.

(6)

L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, mill-banda waħda, li jiżgura li Stati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, mill-banda l-oħra biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawn il-persuni fl-Istati Membri kollha.

[...]

(24)

Livelli stabbiliti minimi għad-definizzjoni u l-kontenut ta’ stat ta’ protezzjoni sussidjara għandhom jiġu preskritti wkoll. Protezzjoni sussidjarja għandha tkun kumplimentari u addizzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati inkwadrata fil-[Konvenzjoni dwar l-istatus tar-rifuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954), li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954, (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”)]”.

4

L-Artikolu 2(a), (ċ), (e) u (f) tal-imsemmija direttiva, jipprovdi d-definizzjonijiet segwenti:

“a)

‘protezzjoni internazzjonali’ tfisser l-istat ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f’(d) u (f);

[...]

ċ)

‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalita, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalita u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħed barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma jistax jew, minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx jirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għalih

[...]

e)

‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz [...] li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu [...] jiffaċċja riskju veru li jsofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15 [...];

f)

‘stat ta’ protezzjoni sussidjarja’ ifisser l-għarfien minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja.”

5

Fil-Kapitolu V, bit-titolu “Kwalifika għal protezzjoni sussidjarja”, l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva 2004/83, jistabbilixxi, taħt it-titolu “Periklu serju”, liema huma dawn il-perikoli:

“ċ)

theddida serja u individwali għal ħajja ta’ pajżan jew persuna minħabba fi vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

6

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/83 jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu stat ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V.”

Id-Direttiva 2005/85/KE

7

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, p. 168), tistabbilixxi fl-Artikolu 3(3) u (4) tagħha:

“3.   Fejn Stati Membri jużaw jew jintroduċu proċedura li fiha l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu eżaminati kemm bħala applikazzjonijiet abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra kif ukoll bħala applikazzjonijiet għal tipi oħra ta’ protezzjoni internazzjonali mogħtija taħt iċ-ċirkostanzi definiti mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83/KE, dawn għandhom japplikaw din id-Direttiva matul il-proċedura kollha tagħhom.

4.   Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw din id-Direttiva fi proċeduri sabiex jiġu deċiżi applikazzjonijiet għal kull tip ta’ protezzjoni internazzjonali.”

8

Abbażi tal-Artikolu 23(4) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jħaffu l-proċedura ta’ eżami dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat, b’mod partikolari meta l-applikant manifestament ma jkunx jista’ jitqies bħala tali.

Id-dritt Irlandiż

9

Fl-Irlanda, għall-finijiet tal-kisba ta’ protezzjoni internazzjonali, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ talbiet, jiġifieri:

it-talba għall-ażil u, fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva fir-rigward tagħha,

it-talba għal protezzjoni sussidjarja.

10

F’dan l-Istat Membru, kull waħda minn dawn iż-żewġ talbiet hija suġġetta għal proċedura speċifika li jiżvolġu waħda wara l-oħra.

11

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-ipproċessar tat-talbiet għall-ażil jinsabu essenzjalment fil-Liġi tal-1996 dwar ir-Refuġjati (Refugee Act 1996), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data li seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali.

12

L-Artikolu 3 tal-Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni (Immigration Act 1999) ta lill-Ministru s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet ta’ deportazzjoni kontra persuni u, b’mod partikolari, abbażi tal-paragrafu 2(f) tal-imsemmi Artikolu 3 kontra “persuna li t-talba tagħha għall-ażil ġiet miċħuda mill-[Ministru]”.

13

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-ipproċessar tat-talbiet għal protezzjoni sussidjarja jinsabu fid-Digriet tal-2006 dwar il-Komunitajiet Ewropej (kundizzjonijiet li jippermettu li persuna tibbenefika minn protezzjoni) [European Communities (Eligibility for Protection) Regulations 2006 (Statutory Instrument n 518/2006)] u dan għandu bħala għan, b’mod partikolari, it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/83 (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-2006”).

14

L-Artikolu 3 tad-Digriet tal-2006 jipprovdi li:

“(1)   [...] dan id-digriet japplika għad-deċiżjonijiet segwenti [...]:

[...]

c)

in-notifika ta’ intenzjoni li tittieħed deċiżjoni ta’ deportazzjoni abbażi tal-Artikolu 3(3) tal-[Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni] fir-rigward ta’ persuna msemmija fl-Artikolu 3(2)(f) [...]

[...]”

15

L-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet jipprovdi li:

“(1)(a)   In-notifika ta’ proposta abbażi tal-Artikolu 3(3) tal-[Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni] għandha tinkludi dikjarazzjoni li tipprovdi li, meta persuna msemmija fl-Artikolu 3(2)(f) tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq, tqis li tissodisfa l-kriterji sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja, hija tista’ tippreżenta osservazzjonijiet skont l-Artikolu 3(3)(b) tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq, iżda wkoll għandha tressaq talba għal protezzjoni sussidjarja quddiem il-[Minister], f’terminu ta’ 15-il jum imsemmi fin-notifika.

[...]

(2)   Il-[Minister] ma għandux l-obbligu jeżamina talba għall-protezzjoni sussidjarja mressqa minn persuna li ma hijiex imsemmija fl-Artikolu 3(2)(f) tal-[Liġi tal-1999 dwar l-Immigrazzjoni] jew li ma tressqitx permezz tal-formularju msemmi fil-paragrafu 1(b).”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

H. N. huwa ċittadin Pakistani li daħal fit-territorju Irlandiż matul is-sena 2003, b’viża li fuqha kien hemm imniżżel ir-referenza “student”.

17

Wara li żżewweġ ċittadina Irlandiża, huwa kiseb l-awtorizzazzjoni li joqgħod fl-Irlanda sal-31 ta’ Diċembru 2005.

18

Fit-23 ta’ Frar 2006, il-Minister informa lil H.N., minn naħa, li l-permess ta’ residenza tiegħu ma kienx ser jiġġedded minħabba li ma baqax joqgħod ma’ martu u, min-naħa l-oħra, bl-intenzjoni tiegħu li jordna, kif il-liġi awtorizzah li jagħmel, li jiddeportah.

19

Fis-16 ta’ Ġunju 2009, mingħajr ma preċedentement ressaq talba għall-ażil, H. N. talab li l-Minister jeżamina t-talba tiegħu għal protezzjoni sussidjarja, billi prinċipalment sostna li, mingħajr ma qed jibża’ li jiġi ppersegwitat, huwa mbeżża’ mir-ritorn tiegħu fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu minħabba r-riskju li hemm “periklu serju” fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83.

20

Fit-23 ta’ Ġunju 2009, il-Minister informa lil H. N. bl-impossibbiltà li jsir eżami tat-talba tiegħu għal protezzjoni sussidjarja, billi indikalu li l-possibbiltà li jressaq talba intiża li jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja kienet suġġetta, skont id-dritt Irlandiż, għaċ-ċaħda ta’ talba intiża li jibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat.

21

Sussegwentement għal azzjonijiet meħuda minn H. N. intiżi biex it-talba tiegħu għal protezzjoni sussidjarja tiġi eżaminata, il-Minister, b’ittra tas-27 ta’ Lulju 2009, reġa’ sostna r-raġuni għar-rifjut tiegħu li jeżamina din it-talba.

22

Fit-12 ta’ Ottubru 2009, H. N. ippreżenta quddiem il-High Court azzjoni għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Minister, billi qies li d-dritt nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva 2004/83 għandu jagħtih id-dritt li jressaq talba “awtonoma” għal protezzjoni sussidjarja.

23

Peress li din l-azzjoni għal annullament ġiet miċħuda, M. N. ippreżenta appell quddiem is-Supreme Court.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-Direttiva [2004/83/KE], interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, kif ipprovdut fl-Artikolu 41 tal-Karta [...], tippermetti lil Stat Membru li jipprovdi fil-liġi tiegħu li applikazzjoni għall-istat ta’ protezzjoni sussidjarja tista’ titqies biss jekk l-applikant ikun applika għal u ġie rrifjutat l-istat ta’ refuġjat skont il-liġi nazzjonali?”

Fuq id-domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2004/83, kif ukoll id-dritt għal amministrazzjoni tajba, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikkaratterizzata bl-eżistenza ta’ żewġ proċeduri separati u suċċessivi għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tat-talba għall-ażil u tat-talba għal protezzjoni sussidjarja, li tissuġġetta l-eżami tat-talba għal protezzjoni sussidjarja għaċ-ċaħda preċedenti tat-talba intiża għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat.

26

Għandu qabelxejn jitfakkar li d-Direttiva 2004/83, fil-kuntest tal-kunċett ta’ “protezzjoni internazzjonali”, tirregola żewġ sistemi distinti ta’ protezzjoni, jiġifieri, minn naħa, l-istatus ta’ refuġjat u, min-naħa l-oħra, dak mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessi 3, 16 u 17 tad-Direttiva 2004/83, il-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema legali internazzjonali tal-protezzjoni tar-refuġjati, peress li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ġew adottati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex japplikaw din il-konvenzjoni abbażi ta’ kunċetti u kriterji komuni (sentenza X et, C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva għandha, għaldaqstant, issir fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tagħha, billi jiġu osservati l-imsemmija konvenzjoni u t-Trattati l-oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE (sentenza Abed El Karem El Kott et, C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 43, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kliem tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83 jiddefinixxi lill-persuna li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja bħal kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz jew kwalunkwe persuna mingħajr stat li ma tistax titqies bħala refuġjat.

30

L-użu tal-kliem “sussidjarja”, kif ukoll il-kliem ta’ dan l-artikolu, jindikaw li l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jirrigwarda liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jibbenefikaw mill-istatus ta’ refuġjat.

31

Barra minn hekk, mill-premessi 5, 6 u 24 tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta li l-kriterji minimi għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja għandhom jippermettu li tissaħħaħ il-protezzjoni tar-refuġjati stabbilita bil-Konvenzjoni ta’ Genève, billi jiġu identifikati l-persuni li verament għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali u billi jiġi offrut lilhom status xieraq (sentenza Diakité, C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 33).

32

Minn dawn il-punti jirriżulta li l-protezzjoni sussidjarja prevista bid-Direttiva 2004/83 tikkostitwixxi fattur addizzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati stabbilita bil-Konvenzjoni ta’ Genève.

33

Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija konformi mal-għanijiet stabbiliti bl-Artikolu 78(2)(a) u (b) TFUE, li jipprovdi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom jadottaw il-miżuri dwar sistema Ewropea Komuni għall-Ażil li tinkludi, b’mod partikolari, “status uniformi ta’ protezzjoni sussidjarja għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li mingħajr ma jiksbu asil Ewropew, jeħtieġu protezzjoni internazzjonali”.

34

Barra minn hekk, kif rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 u 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma huwiex neċessarjament f’pożizzjoni li jevalwa liema tip ta’ protezzjoni japplika għat-talba tiegħu u li, barra minn hekk, l-istatus ta’ refuġjat jagħti protezzjoni iktar wiesgħa minn dik mogħtija mill-protezzjoni sussidjarja, hija bħala regola l-awtorità kompetenti li għandha tiddetermina l-istatus l-iktar xieraq għas-sitwazzjoni ta’ dan l-applikant.

35

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li talba għal protezzjoni sussidjarja għandha, bħala regola, tiġi eżaminata biss wara li l-awtorità kompetenti tkun ikkonkludiet li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

36

Minn dan isegwi li d-Direttiva 2004/83 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li għandhom jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet dwar l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat qabel l-eżami tal-kundizzjonijiet dwar il-protezzjoni sussidjarja.

37

Madankollu, għad irid jiġi eżaminat jekk regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi żewġ proċeduri separati għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tat-talba għall-ażil u tat-talba għal protezzjoni sussidjarja, fejn it-tieni tista’ tittressaq biss wara ċ-ċaħda tal-ewwel talba.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2004/83 ma tinkludix regoli ta’ proċedura li japplikaw għall-eżami ta’ talba għal protezzjoni internazzjonali. Hija d-Direttiva 2005/85 li tistabbilixxi livelli minimi li jirrigwardaw il-proċeduri ta’ eżami tat-talbiet u tispeċifika d-drittijiet tal-applikanti għall-ażil.

39

Madankollu, id-Direttiva 2005/85 tapplika għat-talbiet ta’ protezzjoni sussidjarja biss meta Stat Membru jistabbilixxi proċedura unika li fil-kuntest tagħha jeżamina applikazzjoni fid-dawl taż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali, jiġifieri dik dwar l-istatus ta’ refuġjat u dik relatata mal-protezzjoni sussidjarja (sentenza M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 79).

40

Kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, din madankollu ma hijiex is-sitwazzjoni fl-Irlanda.

41

Għalhekk, fl-assenza ta’ regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni dwar il-modalitajiet proċedurali dwar l-eżami ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja, l-Istati Membri huma kompetenti, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, li jirregolaw dawn il-modalitajiet, billi jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-effettività sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza VEBIC, C‑439/08, EU:C:2010:739, punt 64).

42

Minn dan isegwi li regola ta’ proċedura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-eżami ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja għaċ-ċaħda preċedenti ta’ talba intiża li jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat, għandha tiggarantixxi aċċess effettiv lill-persuni li jeħtieġu protezzjoni sussidjarja għad-drittijiet mogħtija lilhom mid-Direttiva 2004/83.

43

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 29 sa 35 ta’ din is-sentenza, is-sempliċi fatt li talba għal protezzjoni sussidjarja tiġi eżaminata biss wara deċiżjoni ta’ ċaħda tal-istatus ta’ refuġjat ma huwiex, bħala regola ġenerali, ta’ natura li jikkomprometti l-aċċess effettiv tal-applikanti għal protezzjoni sussidjarja għad-drittijiet mogħtija lilhom bid-Direttiva 2004/83.

44

Madankollu, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali timplika li ċittadin ta’ pajjiż terz li jixtieq jibbenefika biss mill-protezzjoni sussidjarja għandu ta’ bilfors jaffaċċja żewġ stadji proċedurali distinti, minkejja li din id-duplikazzjoni tal-proċedura għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali għandha r-riskju li ttawwal din il-proċedura u, għalhekk, li twassal għal dewmien fl-evalwazzjoni tat-talba għal protezzjoni sussidjarja.

45

Issa, l-effettività tal-aċċess għall-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja teħtieġ, minn naħa, li t-talba intiża għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat u t-talba għal protezzjoni sussidjarja jkunu jistgħu jiġu introdotti fl-istess ħin u, min-naħa l-oħra, li l-eżami tat-talba għal protezzjoni sussidjarja jitwettaq f’terminu raġonevoli, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

46

F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm it-tul tal-eżami tat-talba intiża għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat, li ġiet miċħuda, kif ukoll it-tul tal-eżami tat-talba għal protezzjoni sussidjarja.

47

Għandu wkoll jiġi rrilevat li, meta ċittadin ta’ Stat terz iressaq talba għal protezzjoni internazzjonali li ma jkollha l-ebda element li jippermetti li jiġi kkonstatat li huwa qed biża’ li ser jiġi ppersegwitat, hija l-awtorità kompetenti li għandha tikkonstatat, fl-aħjar termini, li dan ma huwiex persuna li għandha tingħata l-istatus ta’ refuġjat, sabiex tkun tista’ tipproċedi fi żmien utli għall-eżami tat-talba għal protezzjoni sussidjarja.

48

L-awtoritajiet responsabbli mill-eżami tat-talbiet għal protezzjoni internazzjonali għandhom b’mod partikolari l-possibbiltà li jħaffu l-proċedura ta’ eżami dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat, skont l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2005/85, meta l-applikant manifestament ma jkunx jista’ jitqies bħala “refuġjat” fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83.

49

Fir-rigward tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, għandu jitfakkar li dan id-dritt jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

50

Għalhekk, peress li, fil-kawża prinċipali, Stat Membru qed jimplementa d-dritt tal-Unjoni, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari d-dritt li kull persuna jkollha l-kawżi tagħha meqjusa b’mod imparzjali u f’terminu raġonevoli, japplikaw fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, immexxija mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

51

Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk id-dritt għal amministrazzjoni tajba jipprekludix li Stat Membru jistabbilixxi fid-dritt nazzjonali tiegħu modalità proċedurali li tipprovdi li t-talba għal protezzjoni sussidjarja għandha tkun is-suġġett ta’ proċedura distinta li bilfors għandha tiġi wara ċ-ċaħda ta’ talba għall-ażil.

52

Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tar-rekwiżit ta’ imparzjalità, dan ikopri, b’mod partikolari, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-awtorità nazzjonali għandha toffri garanziji suffiċjenti biex jiġi eskluż kull dubju leġittimu ta’ preġudizzju eventwali (ara, b’analoġija, is-sentenza Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 155).

53

Għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-awtorità nazzjonali, qabel ma tibda l-eżami ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja, tinforma lill-applikant ta’ din il-protezzjoni bl-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni ta’ deportazzjoni ma jistax, inkwantu tali, iwassal għal nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva ta’ din l-awtorità.

54

Fil-fatt, huwa paċifiku li din l-intenzjoni tal-awtorità kompetenti hija mmotivata mill-fatt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jingħata l-istatus ta’ refuġjat. Dan il-fatt ma jimplikax għalhekk li l-awtorità kompetenti tkun diġà ħadet pożizzjoni dwar il-kwistjoni jekk dan iċ-ċittadin jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja.

55

Għalhekk, ir-regola proċedurali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tiksirx ir-rekwiżit ta’ imparzjalità li jirriżulta mid-dritt għal amministrazzjoni tajba.

56

Min-naħa l-oħra, dan id-dritt jiggarantixxi, kif jiggarantixxu wkoll ir-rekwiżiti stabbiliti mill-prinċipju ta’ effettività msemmija fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza, li t-tul tal-integralità tal-proċedura ta’ eżami tat-talba għal protezzjoni internazzjonali ma jeċċedix terminu raġonevoli, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2004/83 kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività u d-dritt għal amministrazzjoni tajba ma jipprekludux regola ta’ proċedura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-eżami ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja għaċ-ċaħda preċedenti ta’ talba intiża li jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat, kemm-il darba, minn naħa, it-talba intiża għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat u t-talba għal protezzjoni sussidjarja jkunu jistgħu jitressqu fl-istess ħin, u, min-naħa l-oħra, din ir-regola ta’ proċedura nazzjonali ma twassalx biex l-eżami tat-talba għal protezzjoni sussidjarja jitwettaq f’terminu irraġonevoli, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li inkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività u d-dritt għal amministrazzjoni tajba ma jipprekludux regola ta’ proċedura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-eżami ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja għaċ-ċaħda preċedenti ta’ talba intiża li jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat, kemm-il darba, minn naħa, it-talba intiża għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat u t-talba għal protezzjoni sussidjarja jkunu jistgħu jitressqu fl-istess ħin, u, min-naħa l-oħra, din ir-regola ta’ proċedura nazzjonali ma twassalx biex l-eżami tat‑talba għal protezzjoni sussidjarja jitwettaq f’terminu irraġonevoli, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top