EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0591

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-8 ta' Mejju 2014.
Bimbo SA vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Appell - Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali BIMBO DOUGHNUTS - Trade mark verbali Spanjola preċedenti DOGHNUTS - Raġunijiet relattivi għal rifjut - Regolament (KE) Nru 40/94 -Artikolu 8(1)(b) - Evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni - Pożizzjoni distintiva awtonoma ta’ element ta’ trade mark verbali komposta.
Kawża C-591/12 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:305

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Mejju 2014 ( *1 )

“Appell — Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali BIMBO DOUGHNUTS — Trade mark verbali Spanjola preċedenti DOGHNUTS — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikolu 8(1)(b) — Evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni — Pożizzjoni distintiva awtonoma ta’ element ta’ trade mark verbali komposta”

Fil-Kawża C‑591/12 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-10 ta’ Diċembru 2012,

Bimbo SA, stabbilita f’Barcelona (Spanja), irrappreżentata minn C. Prat, avukat, u minn R. Ciullo, barrister,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral u J. Crespo Carrillo, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Panrico SA, stabbilita f’Esplugues de Llobregat (Spanja), irrappreżentata minn D. Pellisé Urquiza, avukat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Novembru 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Bimbo SA (iktar ’il quddiem “Bimbo”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Bimbo vs UASI – Panrico (BIMBO DOUGHNUTS) (T‑569/10, EU:T:2012:535, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha intiż, prinċipalment, għall-bidla jew, sussidjarjament, għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tas-7 ta’ Ottubru 2010 (Każ R 838/2009-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Panrico SA (iktar ’il quddiem “Panrico”) u Bimbo (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), ġie abrogat u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1). Dan ir-regolament tal-aħħar daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009.

3

Taħt it-titolu “Raġunijiet relattivi għal rifjut”, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 kien jipprovdi:

“Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

[...]

b)

jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

4

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma miġbura fil-qosor kif ġej fil-punti 1 sa 14 tas-sentenza appellata:

“1

Fil-25 ta’ Mejju 2006, [Bimbo] ppreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja quddiem [l-UASI], abbażi tar-Regolament [Nru 40/94] kif emendat [issostitwit bir-Regolament [Nru 207/2009]].

2

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali ‘BIMBO DOUGHNUTS’.

3

Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom jaqgħu taħt il-klassi 30 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: ‘prodotti tal-għaġina u tal-ħami, b’mod partikolari, bomboloni’.

4

L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 42/2006 tas-16 ta’ Ottubru 2006.

5

Fis-16 ta’ Jannar 2007, [Panrico] ressqet oppożizzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009) għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6

L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza preċedenti ta’ diversi trade marks, nazzjonali u internazzjonali, kemm verbali kif ukoll figurattivi. Hija kienet ibbażata b’mod partikolari, fuq it-trade mark verbali Spanjola DOGHNUTS, irreġistrata fit-18 ta’ Ġunju 1994 taħt in-Nru 1288926 għal prodotti li jaqgħu fil-klassi 30 u korrispondenti għad-deskrizzjoni li ġejja: ‘prodotti u preparazzjonijiet ta’ ħelu u tal-għaġina u prodotti u preparazzjonijiet għal prodotti taz-zokkor u ħelu ta’ kull tip; zokkor, ċikkulata, te, kawkaw, kafè u s-sostituti tagħhom; vanilla, essenzi u prodotti u preparazzjonijiet għall-krema karamella u kejkijiet, prodotti li jittieklu magħmula minn ċikkulata u zokkor, ġelati, zokkor-kandju, ċikkulati, bomboloni ta’ forma tonda, chewing gum u gallettini’.

7

Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, u fl-Artikolu 8(5) tal-istess regolament.

8

Fis-25 ta’ Mejju 2009, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni.

9

Fl-24 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

10

Permezz [tad-deċiżjoni kkontestata], ir-Raba’ Bord tal-Appell [(iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”)] ċaħad l-appell. L-istess bħad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell illimita ruħu, sabiex iqabbel it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mat-trade mark preċedenti verbali Spanjola DOGHNUTS (iktar ’il quddiem it-‘trade mark preċedenti’) u huwa kkonkluda li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq din il-bażi.

11

Il-Bord tal-Appell irrileva li ‘doughnut’ kienet kelma Ingliża, li tfisser “[...] kejk artab żgħir f’għamla ta’ ċirku oħxon magħmul mill-għaġina”. Skont il-Bord tal-Appell, din il-kelma ma teżistix fl-Ispanjol, lingwa li fiha l-ekwivalenti tagħha huma ‘dónut’ jew ‘rosquilla’. Il-Bord tal-Appell qies li, għall-konsumatur medju Spanjol (bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jitkellmu bl-Ingliż), il-kelma ‘doughnut’ la tiddeskrivi l-prodotti inkwistjoni u lanqas il-kwalitajiet tagħhom u għaldaqstant ma għandha l-ebda konnotazzjoni partikolari fir-rigward tagħhom. Skont il-Bord tal-Appell, is-sinjal preċedenti, l-istess bħas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, huwa pperċepit bħala kelma barranija jew fantażjuża mill-maġġoranza tal-konsumaturi.

12

Il-Bord tal-Appell, barra minn hekk, qies li s-sinjali inkwistjoni kienu simili, inkwantu t-trade mark preċedenti ġiet inkorporata, kważi b’mod identiku, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. It-trade marks inkwistjoni huma ta’ grad medju ta’ xebh viżiv u fonetiku. Paragun kunċettwali ma huwiex possibbli.

13

Il-prodotti msemmija mit-trade marks kunfliġġenti huma identiċi. Il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huwa medju.

14

Il-Bord tal-Appell ikkonkluda li, fid-dawl tal-karattru distintiv medju tat-trade mark preċedenti, f’evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, minħabba l-grad medju ta’ xebh viżiv u fonetiku bejn is-sinjali, kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni għall-konsumaturi rilevanti għall-prodotti kollha kkontestati, li ġew iġġudikati identiċi.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

5

Bimbo ippreżentat rikors intiż, prinċipalment, għall-bidla tad-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, l-annullament tagħha.

6

Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, Bimbo qajmet żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 75 u 76 tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

7

Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat inammissibbli t-talba intiża biex tikseb il-bidla tad-deċiżjoni kkontestata u ċaħdet il-motivi intiżi għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

It-talbiet tal-partijiet

8

Bimbo titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

9

L-UASI jitlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil Bimbo għall-ispejjeż.

10

Panrico titlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara r-risposta tagħha bħala ammissibbli u fondata, tikkonferma s-sentenza appellata u tikkundanna lil Bimbo għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

11

Insostenn tal-appell tagħha, Bimbo tqajjem aggravju wieħed biss, li huwa maqsum f’żewġ partijiet u li huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

12

Issa, peress li, f’dan il-każ, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja kkontestata ġiet ippreżentata fil-25 ta’ Mejju 2006 u li din id-data hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli (ara, f’dan is-sens, id-digrieti Shah vs Three-N-Products Private, C‑14/12 P, EU:C:2013:349, punt 2, u DMK vs UASI, C‑346/12 P, EU:C:2013:397, punt 2), din il-kawża hija rregolata, minn naħa, mid-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament Nru 207/2009 u, min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 40/94.

Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku

L-argumenti tal-partijiet

13

Qabelxejn, Bimbo ssostni li, permezz tar-raġunament li jidher fil-punt 97 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħawdet il-kunċetti ta’ “karattru distintiv” u ta’ “element nieqes minn kwalunkwe sinjifikat” minn naħa, u ta’ “pożizzjoni distintiva awtonoma” min-naħa l-oħra. Issa, la l-karattru distintiv intrinsiku u lanqas il-grad ta’ sinjifikat ta’ element ta’ trade mark komposta ma jistgħu jiġu konfużi mal-pożizzjoni distintiva ta’ dan tal-aħħar f’din it-trade mark. Il-kelma “pożizzjoni” tissuġġerixxi li hemm involut kunċett li għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ elementi oħra li jikkostitwixxu s-sinjal ikkonċernat.

14

Sussegwentement, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jimplika, skont Bimbo, li kull trade mark magħmul minn żewġ elementi, li wieħed minnhom huwa trade mark li għandha reputazzjoni u l-ieħor trade mark li għandha karattru distintiv medju u mingħajr sinjifikat partikolari għall-pubbliku rilevanti, titqies bħala magħmula minn żewġ elementi f’pożizzjoni distintiva awtonoma. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, normalment, konsumatur medju jipperċepixxi trade mark bħala unità u huwa biss f’każijiet partikolari li kienet aċċettat li ma setax jiġi eskluż li element ta’ trade mark komposta jista’ jżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sinjal kompost ikkonċernat.

15

Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet, fil-punt 38 tas-sentenza Becker vs Harman International Industries (C‑51/09 P, EU:C:2010:368) li, fi trade mark komposta, kunjom ma jzommx f’kull każ pożizzjoni distintiva awtonoma biss minħabba li hija ser tiġi pperċepita bħala kunjom. Il-konstatazzjoni ta’ tali pożizzjoni tista’ tiġi bbażata biss fuq eżami tal-fatturi kollha rilevanti tal-każ.

16

Finalment, Bimbo tirrileva li, fil-fehma tagħha, il-kunċetti ta’ “totalità unitarja” jew “unità loġika”, użati mill-Qorti Ġenerali, ma jidhrux fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalkemm, b’dawn il-kunċetti, il-Qorti Ġenerali riedet tfisser li t-trade mark komposta tinkludi diversi elementi “awtonomi”, dan il-fatt ma jimplikax li dawn tal-aħħar jokkupaw pożizzjoni distintiva awtonoma.

17

L-UASI u Panrico jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti ta’ Bimbo. B’mod partikolari, l-UASI jsostni li l-ewwel parti tal-aggravju uniku invokat hija inammissibbli, ladarba jirriżulta mill-punt 97 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li teżamina s-sinjifikat konkret tas-sinjal li saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu u li għalhekk hija wettqet evalwazzjoni tal-fatti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

18

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel parti tal-aggravju uniku invokat, għandu jiġi rrilevat li Bimbo tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ħawdet ċerti kunċetti tad-dritt, li kisret ir-regola li l-pożizzjoni distintiva awtonoma ta’ element ta’ trade mark komposta tista’ tiġi kkonstatata biss b’mod eċċezzjonali u li użat terminoloġija barranija għall-ġurisprudenza fil-qasam. B’konsegwenza, b’mod kuntrarju għal dak li jallega l-UASI, Bimbo ma llimitatx ruħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-fatti, iżda tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi. B’hekk jirriżulta li din il-parti hija ammissibbli.

19

F’dak li jirrigwarda l-mertu, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, skont il-każ, minn impriżi relatati ekonomikament, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (ara s-sentenzi UASI vs Shaker, C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 33, u Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, EU:C:2007:539, punt 32).

20

L-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku għandha tiġi evalwata b’mod globali filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi SABEL, C‑251/95, EU:C:1997:528, punt 22; UASI vs Shaker, EU:C:2007:333, punt 34, u Nestlé vs UASI, EU:C:2007:539, punt 33).

21

L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, tas-smigħ jew kunċettwali tat-trade marks kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġlobali prodotta minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks mill-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark b’mod sħiħ u ma jwettaqx eżami tad-diversi dettalji tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi SABEL, EU:C:1997:528, punt 23; UASI vs Shaker, EU:C:2007:333, punt 35, u Nestlé vs UASI, EU:C:2007:539, punt 34).

22

L-evalwazzjoni tax-xebh bejn iż-żewġ trade marks ma tistax tillimita ruħha għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ komponent wieħed biss ta’ trade mark kumplessa u għat-tqabbil ma’ trade mark oħra. Minflok, huwa meħtieġ li jsir paragun waqt li jiġu eżaminati t-trade marks ikkonċernati, fejn kull waħda tiġi kkunsidrata fil-kumpless tagħha (sentenza OHMI vs Shaker, EU:C:2007:333, punt 41).

23

L-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tiġi ddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha. Madankollu, huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi biss tal-element dominanti (sentenzi UASI vs Shaker, EU:C:2007:333, punti 41 u 42, kif ukoll Nestlé vs UASI, EU:C:2007:539, punti 42 u 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ma huwiex eskluż li trade mark preċedenti, użata minn terz f’sinjal kompost li jinkludi d-denominazzjoni tal-impriża ta’ dan it-terz, iżżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sinjal kompost. Għaldaqstant, għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, huwa suffiċjenti li, minħabba l-pożizzjoni distintiva awtonoma miżmuma mit-trade mark preċedenti, il-pubbliku xorta jattribwixxi lill-proprjetarju ta’ dan it-trade mark l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mis-sinjal kompost (sentenza Medion, C‑120/04, EU:C:2005:594, punti 30 u 36, kif ukoll id-digriet Perfetti Van Melle vs UASI, C‑353/09 P, EU:C:2011:73, punt 36).

25

Madankollu, element ta’ sinjal kompost ma jżommx pożizzjoni distintiva awtonoma jekk dan l-element jifforma flimkien mal-element jew l-elementi l-oħra tas-sinjal, meħudin flimkien, unità li għandha sens differenti fil-konfront tas-sens tal-imsemmija elementi meħudin separatament (ara, f’dan is-sens, id-digriet ecoblue vs UASI u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑23/09 P, EU:C:2010:35, punt 47; sentenza Becker vs Harman International Industries, EU:C:2010:368, punti 37 u 38, kif ukoll id-digriet Perfetti Van Melle vs UASI, EU:C:2011:73, punti 36 u 37).

26

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 79 u 81 tas-sentenza appellata, li, anki jekk l-element “bimbo” kien jokkupa pożizzjoni dominanti fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, l-element “doughnuts” ma kienx negliġibbli fl-impressjoni globali prodotta minn din it-trade mark u kellu, għaldaqstant, jitqies fil-paragun tat-trade marks kunfliġġenti.

27

Fil-punt 97 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, peress li l-element “doughnuts” huwa mingħajr ebda sinjifikat għall-pubbliku rilevanti, dan l-element ma kienx jifforma flimkien mal-element l-ieħor tas-sinjal, meħudin flimkien, unità li għandha sens differenti fil-konfront tas-sens tal-imsemmija elementi meħudin separatament. B’hekk hija kkonkludiet li l-element “doughnuts” kien iżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fi ħdan it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u kellha, għaldaqstant, titqies fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

28

Fil-punt 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġġudikat li, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha ta’ dan il-każ, l-evalwazzjoni globali kienet tikkonferma l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni.

29

B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma kkonkludietx li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni mill-uniku konstatazzjoni li l-element “doughnuts” jokkupa, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, pożizzjoni distintiva awtonoma, imma ddeduċietha minn evalwazzjoni globali li tinkludi l-istadji varji tal-analiżi li jirriżultaw mill-ġurisprudenza indikata fil-punti 19 sa 25 ta’ din is-sentenza u fil-kuntest ta’ liema hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti f’dan il-każ. B’hekk hija għamlet applikazzjoni eżatta tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

30

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumenti l-oħrajn mressqa minn Bimbo.

31

Sa fejn Bimbo tikkritika lill-Qorti Ġenerali, qabelxejn, li użat, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, il-kunċetti ta’ “karattru distintiv” u ta’ “element li ma għandu ebda sinjifikat”, jeħtieġ sempliċement li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, f’dan il-punt, li tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ Bimbo, intiżi li jistabbilixxu li, minħabba l-fatt li l-element “doughnuts” ma għandux karattru distintiv, dan tal-aħħar ma kellux jitqies fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

32

B’hekk il-Qorti Ġenerali lestiet l-evalwazzjoni tagħha li tidher fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li l-imsemmi element ma kienx negliġibbli fl-impressjoni globali prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u kellu, għaldaqstant, jitqies fil-paragun tat-trade marks kunfliġġenti. B’dan il-mod, hija ma ħawdet bl-ebda mod il-kunċetti inkwistjoni.

33

Sussegwentement, sa fejn Bimbo ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret ir-regola li l-konstatazzjoni ta’ pożizzjoni distintiva awtonoma ta’ element ta’ sinjal kompost tikkostitwixxi eċċezzjoni li għandha tiġi debitament iġġustifikata fil-konfront tar-regola ġenerali li l-konsumatur normalment jipperċepixxi trade mark b’mod sħiħ, għandu jiġi rrilevat li l-analiżi tal-eżistenza jew le ta’ pożizzjoni distintiva awtonoma ta’ wieħed mill-elementi ta’ sinjal kompost huwa intiż li jiddetermina dawk mill-imsemmija elementi li ser jiġu pperċepiti mill-pubbliku msemmi.

34

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 25 u 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm lok, f’kull każ individwali, li jiġi ddeterminat, permezz ta’, b’mod partikolari, l-analiżi tal-komponenti ta’ sinjal u tal-piż tagħhom fil-perċezzjoni tal-pubbliku msemmi, l-impressjoni ġenerali li jipproduċi s-sinjal, li qed issir l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu, fil-memorja tal-imsemmi pubbliku u li wieħed jiddetermina sussegwentement, fid-dawl ta’ din l-impressjoni tal-fatturi rilevanti kollha flimkien tal-każ inkwistjoni, għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

35

Issa, minn naħa, id-determinazzjoni tal-elementi ta’ sinjal kompost li jikkontribwixxu għall-impressjoni globali li jipproduċi dan is-sinjal fil-memorja tal-imsemmi pubbliku msemmi ssir qabel l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni tas-sinjali inkwistjoni. Tali evalwazzjoni għandha tiġi bbażata fuq l-impressjoni globali prodotta mit-trade marks kunfliġġenti, peress li l-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark b’mod sħiħ u ma jwettaqx eżami tad-diversi dettalji tagħha, kif tfakkar fil-punt 21 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li din hija eċċezzjoni li għandha tiġi debitament iġġustifikata fil-konfront ta’ din ir-regola ġenerali.

36

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li l-evalwazzjoni individwali ta’ kull sinjal, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha titwettaq skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u ma tistax, għaldaqstant, tiġi kkunsidrata bħala suġġetta għal preżunzjonijiet ġenerali. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza li ġiet wara s-sentenza Medion (EU:C:2005:594), li l-Qorti tal-Ġustizzja ma introduċietx, f’din is-sentenza, deroga għall-prinċipji li jippresjedu l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

37

Finalment, fir-rigward tal-argumenti miġbura fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-espressjonijiet “totalità unitarja” u “unità loġika”, użati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 97 tas-sentenza appellata, jikkorrispondu għal dik ta’ “unità li għandha sens differenti”, użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza indikata fil-punt 25 ta’ din is-sentenza.

38

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-evalwazzjoni li wettqet il-Qorti Ġenerali ma hijiex ivvizzjata minn żbalji ta’ liġi allegati minn Bimbo u li, konsegwentement, l-ewwel parti tal-aggravju uniku invokat għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku

L-argumenti tal-partijiet

39

Bimbo tqis, qabelxejn, li l-Qorti Ġenerali bbażat il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fuq il-preżunzjoni li l-element “doughnuts” jokkupa pożizzjoni distintiva awtonoma, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi speċifiċi l-oħra kollha ta’ dan il-każ.

40

B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjonji hija kkaratterizzata mill-ewwel element tagħha, “bimbo”, trade mark li għandha reputazzjoni tajba fi Spanja għal prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark. Lanqas ma kien irrilevat li t-trade mark preċedenti ma għandhiex karattru distintiv għoli jew partikolari u li l-kelma “doghnuts” ma hijiex riprodotta b’mod identiku fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

41

Sussegwentement, Bimbo ssostni li l-forza ta’ trade mark li għandha reputazzjoni, li hija l-ewwel element tat-trade mark komposta, tippermetti normalment li jiġi evitat li l-impressjoni globali prodotta minn din it-trade mark tal-aħħar tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala li tattribwixxi l-oriġini tal-prodotti inkwistjoni lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jew lil impriżi marbuta ekonomikament.

42

Għaldaqstant, skont Bimbo, il-Qorti Ġenerali kellha, sabiex tkun tista’ tikkonstata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, tiġġustifika r-raġunijiet li għalihom, b’mod eċċezzjonali, f’dan il-każ, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, fid-dawl tal-impressjoni globali li hija tipproduċi fuq il-pubbliku rilevanti, tagħti lok għal probabbiltà ta’ konfużjoni.

43

Finalment, Bimbo tqis li, matul l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni li, kuntrarjament għall-użu fis-settur kummerċjali kkonċernat mill-kawża li tat lok għas-sentenza Medion (EU:C:2005:594), ikun ferm mhux tas-soltu, fis-settur tal-furnara, li jiġu konklużi ftehimiet kummerċjali jew li jsiru assoċjazzjonijiet biex jiġu offerti prodotti.

44

L-UASI u Panrico jikkontestaw l-argumenti ta’ Bimbo.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45

Qabelxejn, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 37 sa 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tar-raġunament li jidher b’mod partikolari fil-punti 91 sa 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ddeduċiet awtomatikament il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti mill-konstatazzjoni ta’ pożizzjoni distintiva awtonoma tal-element “doughnuts” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

46

Fil-fatt, minn dawn il-punti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u li ħadet inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, il-fatturi speċifiċi ta’ dan il-każ. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq analiżi dettaljata, fil-punti 52 sa 89 tas-sentenza appellata, tal-elementi kollha mqajma minn Bimbo u, b’mod partikolari, fuq ir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark. L-argumenti ppreżentati f’dan ir-rigward minn din il-kumpannija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja joħorġu b’hekk minn interpretazzjoni ta’ din is-sentenza b’mod żbaljat u għandhom, għal din ir-raġuni, jiġu miċħuda.

47

Sussegwentement, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li saru fil-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza, l-argumenti miġbura fil-punti 41 u 42 ta’ din tal-aħħar joħorġu minn interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza rilevanti u għandhom, għal din ir-raġuni, jiġu esklużi.

48

Finalment, fir-rigward tal-argumenti ta’ Bimbo miġburin fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li, kif sostna l-UASI korrettament, huma ġew invokati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li, għaldaqstant, b’mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

49

B’hekk jirriżulta li t-tieni parti tal-aggravju uniku invokat minn Bimbo għandu jiġi eskluż bħala, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondat.

50

Konsegwentement, l-aggravju uniku invokat insostenn tal-appell għandu jiġi miċħud u konsegwentement anki dan tal-aħħar.

Fuq l-ispejjeż

51

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn tal-aħħar, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

52

Peress li Bimbo tilfet hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-UASI kif ukoll minn Panrico.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Bimbo SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top