EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0487

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-18 ta’ Settembru 2014.
Vueling Airlines SA vs Instituto Galego de Consumo de la Xunta de Galicia.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso‑Administrativo nº 1 de Ourense.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fl-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1008/2008 – Libertà tal-ipprezzar – Reġistrazzjoni tal-bagalji – Suppliment tal-prezz – Kunċett ta’ ‘nollijiet ta’ l-ajru’ – Protezzjoni tal-konsumaturi – Impożizzjoni ta’ multa fuq it-trasportatur minħabba klawżola kuntrattwali inġusta – Regola tad-dritt nazzjonali li skontha t-trasport tal-passiġġier u r-reġistrazzjoni ta’ bagalja għandhom ikunu inklużi fil-prezz bażiku tal-biljett tal-ajru – Kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni.
Kawża C‑487/12.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2232

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

18 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trasport bl-ajru — Regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fl-Unjoni Ewropea — Regolament (KE) Nru 1008/2008 — Libertà tal-ipprezzar — Reġistrazzjoni tal-bagalji — Suppliment tal-prezz — Kunċett ta’ ‘nollijiet ta’ l-ajru’ — Protezzjoni tal-konsumaturi — Impożizzjoni ta’ multa fuq it-trasportatur minħabba klawżola kuntrattwali inġusta — Regola tad-dritt nazzjonali li skontha t-trasport tal-passiġġier u r-reġistrazzjoni ta’ bagalja għandhom ikunu inklużi fil-prezz bażiku tal-biljett tal-ajru — Kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑487/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 1 de Ourense (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Novembru 2012, fil-proċedura

Vueling Airlines SA

vs

Instituto Galego de Consumo de la Xunta de Galicia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas (Relatur), D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Jannar 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Vueling Airlines SA, minn J. M. Rodríguez Cárcamo u B. García Gómez, abogados,

għall-Instituto Galego de Consumo de la Xunta de Galicia, minn O. Peñas González u I. Torralba Mena,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Rius u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, p. 3).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Vueling Airlines SA (iktar ’il quddiem “Vueling Airlines”) u l-Instituto Galego de Consumo de la Xunta de Galicia (Istitut Galizjan tal-Konsum, tal-Gvern Reġjonali ta’ Galicia, iktar ’il quddiem l-“Instituto Galego de Consumo”), dwar l-impożizzjoni fuq Vueling Airlines, minn dan tal-aħħar, ta’ multa li tissanzjona l-kontenut tal-kuntratti tat-trasport bl-ajru ta’ din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999, ġiet iffirmata mill-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 u approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”).

4

L-Artikoli 17 sa 37 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jifformaw il-Kapitolu III tagħha, li huwa intitolat “Ir-Responsabbiltà tat-trasportatur u l-estent tal-kumpens għad-danni”.

5

L-Artikolu 17 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “[...] dannu lill-bagalji”, jistipula:

“[...]

2.   It-trasportatur huwa responsabbli għad-danni sofferti fil-każ ta’ distruzzjoni jew telf ta’ jew dannu lil bagalji kkontrollati [rreġistrati] sakemm biss il-każ li kkawża d-distruzzjoni, it-telf jew id-dannu seħħ abbord l-inġenju ta’ l-ajru jew tul kwalunkwe perijodu li fih il-bagalji kkontrollati [rreġistrati] kienu fil-kura tat-trasportatur. Madanakollu, it-trasportatur mhuwiex responsabbli jekk, u sa fejn, il-ħsara li tirriżulta mid-difett inerenti, mill-kwalità jew problema tal-bagalja. Fil-każ ta’ bagalji mhux ivverifikati [mhux irreġistrati], inklużi oġġetti personali, it-trasportatur huwa responsabbli jekk id-dannu rriżulta mit-tort tiegħu jew tas-servjenti jew l-aġenti tiegħu.

3.   Jekk it-trasportatur jammetti telf tal-bagalji kkontrollati [rreġistrati], jew jekk il-bagalji kkontrollati [rreġistrati] ma waslux fl-iskadenza ta’ 21 jum mid-data li fiha suppost waslu, il-passiġġier huwa intitolat li jġib fis-seħħ kontra t-trasportatur id-drittijiet li jemanu mill-kuntratt tat-trasport.

4.   Sakemm mhux speċifikat xort’oħra, f’din il-Konvenzjoni t-terminu “bagalji” jfisser kemm bagalji kkontrollati [rreġistrati] kif ukoll bagalji mhux ikkontrollati [mhux irreġistrati].”

Id-dritt tal-Unjoni

6

Ir-Regolament Nru 1008/2008 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 80(2) KE, li jikkorrispondi għall-Artikolu 100(2) TFUE, li jaqa’ taħt it-Titolu VI tat-Trattat FUE, intitolat “It-Trasport”, u li jippermetti l-istabbiliment tad-dispożizzjonijiet xierqa f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-ivvjaġġar bl-ajru. Dan ir-regolament iwettaq riformulazzjoni ta’ diversi regolamenti, fosthom ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2409/92, tat-23 ta’ Lulju 1992, dwar [nollijiet] u rati għal servizzi tal-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 427).

7

Skont il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1008/2008:

“Il-klijenti għandhom ikunu jistgħu jqabblu b’mod effettiv il-prezzijiet għal servizzi ta’ l-ajru bejn linja ta’ l-ajru u oħra. Għalhekk, għandu dejjem ikun indikat il-prezz finali li jrid jitħallas mill-klijent għal servizzi ta’ l-ajru li joriġinaw fil-Komunità, inklużi t-taxxi, l-ħlasijiet u d-drittijiet kollha. [...]”

8

Jagħmel parti mill-Kapitolu I ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali”, hemm l-Artikolu 1 ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Suġġett”, li fil-paragrafu (1) tiegħu jistipula:

“Dan ir-Regolament jirregola [...] l-ipprezzar tas-servizzi ta’ l-ajru intra‑Komunitarji.”

9

Jagħmel parti mill-istess kapitolu, hemm l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, li jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

[...]

4)

‘servizz ta’ l-ajru’ tfisser titjira jew serje ta’ titjiriet li jġorru passiġġieri, tagħbija u/jew posta bi ħlas u/jew b’kiri;

[...]

13)

‘servizz bl-ajru intra-Komunitarju’ tfisser servizz bl-ajru operat fi ħdan il-Komunità;

[...]

15)

‘bejgħ ta’ postijiet biss’ tfisser il-bejgħ ta’ postijiet, mingħajr xi servizz ieħor marbut miegħu, bħal ma hi l-akkomodazzjoni, direttament lill-pubbliku mit-trasportatur ta’ l-ajru jew mill-aġent awtorizzat tiegħu jew minn charterer;

[...]

18)

‘nollijiet ta’ l-ajru [tal-passiġġieri]’ tfisser il-prezzijiet espressi f’euro jew f’muniti lokali li jkollhom jitħallsu lit-trasportaturi ta’ l-ajru jew lill-aġenti tagħhom jew lil bejjiegħa oħra tal-biljetti għat-trasport ta’ passiġġieri fuq servizzi ta’ l-ajru u kwalunkwe kondizzjonijiet li taħthom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lill-aġenzija u lil servizzi awżiljarji oħra;

19)

‘rati ta’ l-ajru’ tfisser il-prezzijiet espressi f’euro jew f’muniti lokali li jkollhom jitħallsu għat-trasport ta’ merkanzija u l-kondizzjonijiet li taħthom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lill-aġenzija u lil servizzi awżiljarji oħra;

[...]”

10

Jagħmel parti mill-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1008/2008, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar l-ipprezzar”, hemm l-Artikolu 22 ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Il-libertà tal-ipprezzar”, li fil-paragrafu (1) tiegħu jistabbilixxi:

“Mingħajr preġudizzju [għall-paragrafu (1) tal-Artikolu 16, intitolat ‘Prinċipji ġenerali għall-obbligi ta’ servizz pubbliku’], it-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji u abbażi ta’ reċiproċità, it-trasportaturi ta’ l-ajru ta’ pajjiżi terżi, għandhom jistabbilixxu nollijiet ta’ l-ajru u rati ta’ l-ajru għal servizzi ta’ l-ajru intra-Komunitarji.”

11

Jagħmel parti mill-istess Kapitolu, hemm l-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Informazzjoni u non-diskriminazzjoni”, li fil-paragrafu (1) tiegħu jipprevedi:

“In-nollijiet ta’ l-ajru u r-rati ta’ l-ajru disponibbli għall-pubbliku in ġenerali għandhom jinkludu l-kondizzjonijiet applikabbli meta offruti jew pubblikati taħt kull forma, anke fuq l-Internet, għal servizzi bl-ajru minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għaliħ japplika t-Trattat. Il-prezz finali li għandu jitħallas għandu jkun indikat dejjem u għandu jinkludi n-noll jew ir-rata ta’ l-ajru applikabbli kif ukoll it-taxxi kollha applikabbli, u l-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u l-drittijiet li ma jistgħux jiġu evitati u li jkunu prevedibbli fil-ħin tal-pubblikazzjoni. Minbarra l-indikazzjoni tal-prezz finali, għandu jkun speċifikat għall-inqas dan li ġej:

a)

in-noll ta’ l-ajru jew ir-rata ta’ l-ajru;

b)

it-taxxi;

ċ)

il-ħlasijiet ta’ l-ajruport; u

d)

ħlasijiet, ħlasijiet addizzjonali jew drittijiet oħrajn, bħal dawk marbutin mas-sigurtà jew il-karburant;

fejn il-punti elenkati taħt (b), (c) u (d) jkunu żdiedu man-noll ta’ l-ajru [noll tal-passiġġieri] jew ir-rata ta’ l-ajru. Is-supplimenti tal-prezz fakultattivi għandhom jiġu komunikati b’mod ċar, trasparenti u mingħajr ambigwità fil-bidu ta’ kull proċess ta’ prenotazzjoni u l-aċċettazzjoni tagħhom mill-klijent għandha tkun fuq bażi ‘opt-in’.

[...]”

Id-dritt Spanjol

12

L-Artikolu 97 tal-Liġi 48/1960 dwar l-ivvjaġġar bl-ajru (Ley 48/1960 sobre Navegación Aérea), tal-21 ta’ Lulju 1960 (BOE Nru 176, tat-23 ta’ Lulju 1960, p. 10291), kif emendata bil-Liġi 1/2011, li tistabbilixxi l-programm ta’ sigurtà tal-Istat dwar l-avjazzjoni ċivili u li temenda l-Liġi 21/2003, tas-7 ta’ Lulju, dwar is-sigurtà fl-ajru (Ley 1/2011 por la que se establece el Programa Estatal de Seguridad Operacional para la Aviación Civil y se modifica la Ley 21/2003, de 7 de julio, de Seguridad Aérea), tal-4 ta’ Marzu 2011 (BOE Nru 55, tal-5 ta’ Marzu 2011, p. 24995, iktar ’il quddiem il-“LNA”), jipprovdi:

“It-trasportatur huwa obbligat li jittrasporta, għall-prezz tal-biljett, lill-vjaġġatur u l-bagalji tiegħu, fil-limiti ta’ piż stabbiliti mir-regolamenti, indipendentement min-numru ta’ pakketti u mill-volum tagħhom.

L-eċċess ta’ bagalja huwa suġġett għal stipulazzjoni speċifika.

Għal dan il-għan, ma humiex ikkunsidrati bħala bagalji l-oġġetti u l-bagalji tal-idejn li l-vjaġġatur iżomm miegħu. It-trasportatur huwa obbligat li jittrasporta mingħajr ħlas fil-kabina, bħala bagalja tal-idejn, l-oġġetti u l-pakketti li l-vjaġġatur iżomm miegħu, inklużi l-oġġetti mixtrija fil-ħwienet li jinsabu fl-ajruport. Huwa biss għal raġunijiet ta’ sigurtà, ta’ piż jew ta’ daqs tal-oġġett, relattiv għall-karatteristiċi tal-inġenju tal-ajru li t-tlugħ abbord ta’ dawn l-oġġetti jew pakketti jista’ jiġi rrifjutat.”

13

Skont l-Artikolu 82, intitolat “Kunċett ta’ klawżoli inġusti”, tat-test ikkodifikat tal-Liġi Ġenerali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u tal-liġijiet l-oħra kumplimentari, adottata permezz tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007 (Real Decreto Legislativo 1/2007 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias), tas-16 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287, tat-30 ta’ Novembru 2007, p. 49181, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi”):

“1.   Għandhom jiġu kkunsidrati bħala inġusti l-klawżoli kollha ta’ kuntratt li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali kif ukoll il-prattiki kollha li ma jirriżultawx minn ftehim espress meta, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fides, joħolqu, għad-detriment tal-konsumatur u tal-utent, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.

[...]

4.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti, huma fi kwalunkwe każ inġusti l-klawżoli li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 85 sa 90:

[...]

b.

jillimitaw id-drittijiet tal-konsumatur u tal-utent,

c.

jistabbilixxu nuqqas ta’ reċiproċità fil-kuntratt,

[...]”

14

L-Artikolu 86 tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, intitolat “Klawżoli inġusti minħabba l-limitazzjoni tad-drittijiet prinċipali tal-konsumatur u tal-utent”, jipprevedi:

“Fi kwalunkwe każ, huma inġusti l-klawżoli li jillimitaw jew iċaħħdu lill-konsumatur u lill-utent mid-drittijiet irrikonoxxuti lilhom minn regoli tad-dritt mhux obbligatorji jew obbligatorji u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jipprevedu:

[...]

7.

li tiġi imposta xi rinunzja jew xi limitazzjoni li tikkonċerna d-drittijiet tal-konsumatur u tal-utent.”

15

L-Artikolu 87 ta’ din il-liġi, intitolat “Klawżoli inġusti minħabba nuqqas ta’ reċiproċità”, jistipula:

“Huma inġusti l-klawżoli li jistabbilixxu nuqqas ta’ reċiproċità fil-kuntratt, kuntrarju għall-bona fides, għad-detriment tal-konsumatur u tal-utent u, b’mod partikolari:

[...]

6.

Id-dispożizzjonijiet li jimponu ostakoli onerużi jew sproporzjonati għall-eżerċizzju tad-drittijiet irrikonoxxuti lill-konsumatur u lill-utent fil-kuntratt, b’mod partikolari l-kuntratti ta’ eżekuzzjoni suċċessiva jew kontinwa ta’ provvisti ta’ servizzi jew ta’ provvista ta’ prodotti, l-iffissar ta’ termini eċċessivi, ir-rinunzja jew l-iffissar ta’ limiti li jeskludu jew li jostakolaw l-eżerċizzju, mill-konsumatur u mill-utent, tad-dritt tagħhom li jtemmu dawn il-kuntratti, kif ukoll l-istabbiliment ta’ ostakoli għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt permezz ta’ proċedura kuntrattwali, bħalma huwa l-każ tal-klawżoli li jipprevedu formalitajiet differenti minn dawk previsti għall-konklużjoni tal-kuntratt jew it-telf tas-somom imħallsa bil-quddiem, il-ħlas ta’ somom għal servizzi mhux effettivament imwettqa, l-għoti lill-impriża ta’ fakultà ta’ eżekuzzjoni unilaterali tal-klawżoli ta’ penalità kuntrattwalment iffissati jew l-iffissar ta’ kumpensi li ma jikkorrispondux għad-danni effettivament ikkawżati.”

16

L-Artikolu 89 tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, intitolat “Klawżoli inġusti li jaffettwaw il-konklużjoni u l-eżekuzzjoni tal-kuntratt”, jipprovdi:

“Fi kwalunkwe każ, jitqiesu bħala klawżoli inġusti:

[...]

5.

Iż-żidiet fil-prezz għal servizzi aċċessorji, iffinanzjar, estensjonijiet tal-ħin, żidiet fil-prezz, kumpens jew penalitajiet li ma jikkorrispondux għal provvisti addizzjonali li jistgħu jiġu aċċettati jew miċħuda f’kull każ, espressi biċ-ċarezza jew bil-mod separat li huma meħtieġa.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Fix-xahar ta’ Awwissu 2010, Arias Villegas xtrat, permezz tal-internet, xi biljetti tal-ajru mingħand il-kumpannija tal-ajru Vueling Airlines. Dawn kienu erba’ biljetti bir-ritorn li jippermettulha tivvjaġġa flimkien ma’ tliet persuni oħra bejn La Coruña (Spanja) u Amsterdam (Il-Pajjiżi l-Baxxi), bit-titjiriet korrispondenti jkollhom iseħħu fit-18 u fit-23 ta’ Ottubru 2010. Billi Arias Villegas irreġistrat total ta’ żewġ bagalji għall-erba’ passiġġieri kkonċernati, Vueling Airlines żiedet b’EUR 40, jiġifieri EUR 10 għal kull bagalja u għal kull titjira, il-prezz bażiku tal-biljetti tal-ajru, li kien EUR 241.48.

18

Wara li wettqet il-vjaġġ inkwistjoni, Arias Villegas ressqet ilment kontra Vueling Airlines, fi ħdan il-kunsill muniċipali ta’ Ourense, u f’tali lment hija kkritikat lil din il-kumpannija tal-ajru tali fil-kuntratt ta’ trasport bl-ajru kkonċernat inkludiet klawżola inġusta. Skont il-persuna kkonċernata, din il-klawżola hija inkompatibbli mad-dritt Spanjol applikabbli, li jirrikonoxxi lill-passiġġier bl-ajru d-dritt li jirreġistra bagalja mingħajr spiża addizzjonali. Dan l-ilment ġie trażmess lill-Instituto Galego de Consumo, li beda, kontra Vueling Airlines, proċedura ta’ sanzjoni li fi tmiemha ġiet imposta multa ta’ EUR 3 000 fuq din il-kumpannija. Din is-sanzjoni hija motivata mill-ksur tal-Artikolu 97 tal-LNA kif ukoll minn dak ta’ ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni spanjola dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari l-Artikoli 82, 86, 87 u 89 tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi.

19

Billi, inizjalment, ippreżentat appell amministrattiv mingħajr suċċess kontra l-imsemmija sanzjoni, Vueling Airlines sussegwentement adixxiet lill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 1 de Ourense (qorti tal-proċeduri kontenzjużi amministrattivi Nru 1 ta’ Ourense). Quddiem din il-qorti, hija ssostni li d-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1008/2008, jipprevedi prinċipju ta’ ffissar liberu tal-prezzijiet, skont liema prinċipju t-trasportaturi bl-ajru jistgħu jiffissaw prezz bażiku tal-biljetti li ma jinkludix ir-reġistrazzjoni tal-bagalji u jżidu dan il-prezz, sussegwentement, fl-ipoteżi fejn il-klijent ikun jixtieq iwettaq tali reġistrazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-Instituto Galego de Consumo jsostni li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-libertà tal-ipprezzar tat-trasport bl-ajru ma tipprekludix id-dispożizzjonijiet tad-dritt Spanjol li, billi jiffissaw il-kontenut tal-kuntratt ta’ trasport bl-ajru, jirrikonoxxu lill-passiġġieri d-dritt li jinkludu, b’mod awtomatiku, fil-provvista tat-trasport, ir-reġistrazzjoni ta’ bagalja li jkollha ċerti karatteristiċi.

20

Skont il-qorti tar-rinviju, id-dritt Spanjol jirrikonoxxi b’mod ċar lill-konsumatur id-dritt li jirreġistra, fi kwalunkwe każ, bagalja li jkollha ċerti karatteristiċi, u dan mingħajr żieda fil-prezz bażiku tal-biljett tal-ajru. Tali dritt jikkostitwixxi miżura loġika u raġonevoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, li tolqot id-dinjità stess tal-passiġġier. Peress li dan id-dritt jinsab imniżżel fid-definizzjoni legali tal-kuntratt ta’ trasport bl-ajru, fost is-servizzi li l-kumpanniji li jiddedikaw ruħhom għal din l-attività għandhom ġeneralment jiżguraw, ma huwiex kuntrarju għall-prinċipju ta’ ffissar liberu tat-tariffi tal-ajru.

21

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa l-passiġġier li għandu jiddeċiedi jekk huwa jixtieqx jirreġistra bagalja jew le u li t-trasport tal-bagalja rreġistrata għandu wkoll effett fuq l-ispejjeż tal-karburant u l-ġestjoni tat-titjira. Issa, l-istess jgħodd għall-piż speċifiku tal-vjaġġatur jew għall-użu tat-tojlit tal-ajruplan matul it-titjira, mingħajr ma l-kumpanniji tal-ajru jistgħu, madankollu, japplikaw żieda tal-prezz bażiku tal-biljett skont dawn il-fatturi, peress li tali prattika taffettwa, skont din il-qorti, id-dinjità tal-vjaġġatur u d-drittijiet tiegħu bħala konsumatur.

22

L-imsemmija qorti tesponi li, f’dan il-każ, Arias Villegas ġiet attratta mill-prezz baxx tal-biljett imħabbar fuq is-sit internet ta’ Vueling Airlines. Matul il-proċedura ta’ xiri tal-biljett, hija skopriet li l-prezz imħabbar ma kienx jinkludi l-possibbiltà li wieħed jirreġistra bagalja, minkejja li l-vjaġġ previst loġikament kien jeħtieġ tali reġistrazzjoni. B’hekk, skont il-qorti tar-rinviju, il-konsumatur kien kostrett jirrinunzja mhux biss għad-dritt irrikonoxxut mid-dritt Spanjol li wieħed jirreġistra bagalja għal kull passiġġier, iżda kien ukoll obbligat iħallas spiża addizzjonali, mhux imħabbra bil-quddiem fuq is-sit internet tal-kumpannija tal-ajru kkonċernata, għar-reġistrazzjoni tal-bagalji.

23

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no1 de Ourense ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 22(1) tar-Regolament [Nru 1008/2008], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali (l-Artikolu 97 tal-[LNA]) li tobbliga lill-kumpanniji ta’ transport bl-ajru ta’ vjaġġaturi jirrikonoxxu, fi kwalunkwe każ, lill-passiġġieri d-dritt li jirreġistraw bagalja mingħajr spiża addizzjonali jew żieda fil-prezz bażiku tal-biljett miftiehem?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jipprekludix regola tad-dritt nazzjonali li tobbliga lit-trasportaturi bl-ajru jittrasportaw, f’kull ċirkustanza, mhux biss lill-passiġġier, iżda wkoll lill-bagalji rreġistrati tiegħu, sakemm dawn il-bagalji jissodisfaw ċerti rekwiżiti relatati, b’mod partikolari, mal-piż tagħhom, għall-prezz tal-biljett tal-ajru u mingħajr ma jkun jista’ jintalab suppliment tal-prezz għat-trasport ta’ tali bagalji.

25

Preliminarjament għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Spanjol, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll fis-seduta li seħħet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sostna li l-qorti tar-rinviju tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’mod żbaljat. Skont dan il-gvern, din il-leġiżlazzjoni tirrigwarda l-kontenut tal-kuntratt ta’ trasport bl-ajru u ssemmi b’mod partikolari l-obbligu, għall-kumpanniji tal-ajru, li jiżguraw it-trasport tal-bagalji tal-passiġġieri. B’hekk, din id-dispożizzjoni ma tirregolax il-prezz tal-biljett ta’ trasport u bl-ebda mod ma tobbliga lill-kumpanniji tal-ajru jittrasportaw il-bagalji rreġistrati mingħajr ħlas.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex responsabbli li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u lanqas li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju hijiex korretta (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Corsten, C‑58/98, EU:C:2000:527, punt 24; Dynamic Medien, C‑244/06, EU:C:2008:85, punt 19; Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 48; kif ukoll Samba Diouf, C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 59).

27

F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li tiġi eżaminata t-talba għal deċiżjoni preliminari billi wieħed jitlaq mill-premessa, li hija dik tal-qorti tar-rinviju, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tobbliga lit-trasportaturi bl-ajru jittrasportaw, f’kull ċirkustanza, il-bagalji rreġistrati tal-passiġġieri, sakemm dawn il-bagalji jissodisfaw ċerti rekwiżiti relatati, b’mod partikolari, mal-piż tagħhom, għall-prezz tal-biljett tal-ajru u mingħajr ma jkun jista’ jintalab suppliment tal-prezz għal dan l-għan.

28

Għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1008/2008 jirregola, b’mod partikolari, l-ipprezzar tas-servizzi tal-ajru mwettqa fi ħdan l-Unjoni. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament, it-trasportaturi bl-ajru għandhom jistabbilixxu, b’mod liberu, in-“nollijiet ta’ l-ajru”, li huma ddefiniti fl-Artikolu 2, punt 18 tiegħu, bħala li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-prezzijiet li għandhom jitħallsu lit-trasportaturi bl-ajru għat-trasport tal-passiġġiera fuq servizzi tal-ajru kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-prezzijiet. L-imsemmi regolament għaldaqstant jipprevedi, b’mod espliċitu, il-libertà fl-iffissar tan-nollijiet f’dak li jikkonċerna t-trasport tal-passiġġieri, mingħajr madankollu ma jittratta b’mod espress l-ipprezzar tas-servizz tat-trasport tal-bagalji rreġistrati tagħhom.

29

Issa, fir-rigward tal-frażi “nollijiet ta’ l-ajru”, li tinsab fl-Artikolu 2, punt 18 tar-Regolament Nru 1008/2008, għandu jiġi kkonstatat li teżisti ċertu diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni. Minkejja li, bħal fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża jissemmew in-“nollijiet tal-passiġġiera” b’mod partikolari bil-lingwa Svediża (“passagerarpriser”), jissemmew in-“nollijiet ta’ l-ajru” fil-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“tarifas aéreas”) u Ingliża (“air fares”), in-“nollijiet tat-titjiriet” fil-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża (“Flugpreise”) u Finlandiża (“lentohinnat”), jew saħansitra “nollijiet tal-biljetti”, fil-verżjonijiet bil-lingwa Daniża (“flybilletpriser”) u Estonjana (“piletihinnad”) tal-imsemmi regolament.

30

F’dan ir-rigward għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li n-neċessità ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni teskludi li, fil-każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jitqies b’mod iżolat f’waħda minn dawn il-verżjonijiet, iżda għall-kuntrarju teħtieġ li din tiġi interpretata u applikata fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi uffiċjali l-oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Stauder, 29/69, EU:C:1969:57, punt 3; EMU Tabac et, C‑296/95, EU:C:1998:152, punt 36; u Profisa, C‑63/06, EU:C:2007:233, punt 13).

31

Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara b’mod partikolari, is-sentenzi Bouchereau, 30/77, EU:C:1977:172, punt 14; L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑482/98, EU:C:2000:672, punt 49; kif ukoll Eleftheri tileorasi u Giannikos, C‑52/10, EU:C:2011:374, punt 24).

32

F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, fil-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1008/2008, iddedikat għad-dispożizzjonijiet dwar l-ipprezzar, l-Artikolu 22(1), dwar il-libertà tal-ipprezzar huwa kkompletat bl-Artikolu 23(1), li huwa intiż li jiggarantixxi, b’mod partikolari, l-informazzjoni u t-trasparenza tal-prezzijiet tas-servizzi tal-ajru minn ajruport li jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u li jikkontribwixxi, għaldaqstant, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-klijent li jagħmel użu minn dawn is-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ebookers.com Deutschland, C‑112/11, EU:C:2012:487, punt 13). F’dan ir-rigward, din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi obbligi ta’ informazzjoni u ta’ trasparenza f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet applikabbli għan-nollijiet tal-ajru, il-prezz definittiv li għandu jitħallas, in-noll tal-ajru u l-elementi tal-prezz inevitabbli u prevedibbli li jiżdiedu man-noll, kif ukoll is-supplimenti fakultattivi relatati ma’ servizzi li jikkompletaw is-servizz tal-ajru fih innifsu.

33

Minkejja l-fatt li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 ma jirrigwardax b’mod espress l-ipprezzar tat-trasport tal-bagalji, għandu jitqies li l-obbligi previsti f’din id-dispożizzjoni jkopru wkoll dan l-ipprezzar, b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-għan ta’ paragunabbiltà tal-prezzijiet tas-servizzi tal-ajru msemmija fil-premessa 16 ta’ dan ir-regolament.

34

Barra minn hekk, hekk kif l-Avukat Ġenerali enfasizza, b’mod partikolari, fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi rrilevat li s-suppliment tal-prezz marbut mar-reġistrazzjoni ta’ bagalja jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-prezz li għandu jitħallas lit-trasportatur bl-ajru għat-trasport ta’ passiġġiera fuq servizzi tal-ajru, fis-sens tal-Artikolu 2, punt 18 tar-Regolament Nru 1008/2008.

35

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li r-Regolament Nru 1008/2008 japplika għall-iffissar tan-nollijiet li jirrigwardaw it-trasport tal-bagalji.

36

Fir-rigward tal-mod kif dawn in-nollijiet għandhom jiġu stabbiliti, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jeħtieġ b’mod partikolari, minn naħa, li l-elementi inevitabbli u prevedibbli tal-prezz tas-servizz tal-ajru jkunu dejjem ippreċiżati bħala komponenti tal-prezz definittiv li għandu jitħallas u, min-naħa l-oħra, li s-supplimenti tal-prezz, li jirrigwardaw servizz li la huwa obbligatorju u lanqas ma huwa indispensabbli għas-servizz tal-ajru fih innifsu, jiġu kkomunikati b’mod ċar, trasparenti u mhux ekwivoku fil-bidu ta’ kull proċedura ta’ reżervazzjoni u li dawn tal-aħħar għandhom jiġu aċċettati mill-klijent fuq bażi “opt-in” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ebookers.com Deutschland, EU:C:2012:487, punt 14).

37

Għaldaqstant, sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni ta’ jekk ir-Regolament Nru 1008/2008 jippermettix il-ħlas ta’ prezz separat għas-servizz ta’ trasport tal-bagalji rreġistrati, għandu jiġi ddeterminat jekk il-prezz li għandu jitħallas għat-trasport ta’ tali bagalji jikkostitwixxix element inevitabbli u prevedibbli tal-prezz tas-servizz tal-ajru jew jekk dan jirrappreżentax suppliment tal-prezz fakultattiv, li jirrigwarda servizz addizzjonali.

38

F’dan ir-rigward, il-prassi kummerċjali tal-kumpanniji tal-ajru tradizzjonalment kienet tikkonsisti li tippermetti lill-passiġġiera jirreġistraw bagalji mingħajr ma jħallsu spejjeż addizzjonali. Issa, peress li l-mudelli kummerċjali tal-kumpanniji tal-ajru evolvew b’mod kunsiderevoli minħabba l-użu iktar ġeneralizzat tat-trasport bl-ajru, għandu jiġi kkonstatat li, attwalment, ċerti kumpanniji jsegwu mudell kummerċjali li jikkonsisti fl-offerta ta’ servizzi tal-ajru bl-irħas prezz. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ispiża marbuta mat-trasport tal-bagalji, bħala komponent tal-prezz ta’ tali servizzi, għandha, relattivament, iktar importanza minn qabel u, għaldaqstant, it-trasportaturi bl-ajru kkonċernati jistgħu jixtiequ jeħtieġu l-ħlas ta’ suppliment tal-prezz għal dan l-għan. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li ċerti passiġġieri bl-ajru jippreferu jivvjaġġaw mingħajr bagalji rreġistrati, bil-kundizzjoni li tali proċedura tnaqqas il-prezz tal-biljett ta’ trasport tagħhom.

39

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-prezz li għandu jitħallas għat-trasport tal-bagalji rreġistrati tal-passiġġieri bl-ajru jista’ jikkostitwixxi suppliment tal-prezz fakultattiv, fis-sens tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, peress li tali servizz ma jistax jitqies li huwa obbligatorju jew indispensabbli għat-trasport ta’ dawn il-passiġġieri.

40

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-bagalji mhux irreġistrati, jiġifieri l-bagalji tal-idejn, għandu jiġi rrilevat, sabiex tingħata risposta kompleta lill-qorti tar-rinviju, li dawn il-bagalji għandhom jitqiesu, bħala prinċipju, li jikkostitwixxu element indispensabbli tat-trasport tal-passiġġieri u li, konsegwentement, it-trasport tagħhom ma jistax ikun suġġett għal suppliment tal-prezz, bil-kundizzjoni li tali bagalji jissodisfaw rekwiżiti raġonevoli f’termini ta’ piż u ta’ dimensjonijiet u jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli fil-qasam tas-sigurtà.

41

Fil-fatt, għandhom jitfakkru, hekk kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 u 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-differenzi li jeżistu bejn il-karatteristiċi tas-servizz ta’ trasport tal-bagalji rreġistrati, minn naħa, u dawk tas-servizz ta’ trasport tal-bagalji tal-idejn, min-naħa l-oħra. F’dan ir-rigward, meta l-bagalji rreġistrati jiġu fdati lit-trasportatur bl-ajru, dan jieħu r-responsabbiltà li jiżgura t-trattament u l-kustodja tagħhom, li jista’ jikkawżaw, għalih, spejjeż addizzjonali. Issa, dan ma huwiex il-każ tat-trasport ta’ bagalji mhux irreġistrati, b’mod partikolari l-oġġetti personali li l-passiġġier iżomm miegħu.

42

Din id-distinzjoni bejn it-trasport tal-bagalji rreġistrati u dak tal-bagalji tal-idejn barra minn hekk tirriżulta fil-leġiżlazzjoni dwar ir-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru għal dannu kkawżat lill-bagalji, kif tirriżulta mill-istipulazzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, li l-Unjoni hija parti kontraenti tagħha. Skont l-Artikolu 17(2) ta’ din il-konvenzjoni, it-trasportatur bl-ajru huwa responsabbli għad-danni kkawżati lill-bagalji rreġistrati, sakemm il-fatt li kkawża d-dan id-dannu seħħ abbord l-inġenju tal-ajru jew tul il-perijodu li fih il-bagalji rreġistrati kienu taħt il-kustodja tat-trasportatur, filwaqt li, f’dak li jikkonċerna l-bagalji mhux irreġistrati, it-trasportatur ikun responsabbli biss jekk id-dannu jirriżulta minn nuqqas min-naħa tiegħu jew minn nuqqas tas-servjenti jew l-aġenti tiegħu.

43

Fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lit-trasportaturi bl-ajru jittrasportaw, f’kull ċirkustanza, mhux biss lill-passiġġier, iżda wkoll lill-bagalji rreġistrati tiegħu, sakemm dawn tal-aħħar jissodisfaw ċerti rekwiżiti relatati, b’mod partikolari, mal-piż tagħhom, għall-prezz tal-biljett tal-ajru u mingħajr ma jkun jista’ jintalab suppliment tal-prezz għat-trasport ta’ tali bagalji, għandu jiġi kkonstatat li tali leġiżlazzjoni, b’mod manifest, ma tippermettix lit-trasportaturi bl-ajru li jiffatturaw b’mod separat tali suppliment għat-trasport tal-bagalji rreġistrati u, għaldaqstant, li jistabbilixxu b’mod liberu prezz għat-trasport tal-passiġġieri.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bla ħsara għall-applikazzjoni, b’mod partikolari, tar-regoli stabbiliti fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ebookers.com Deutschland, EU:C:2012:487, punt 17), li l-Istati Membri jirregolaw aspetti li jirrigwardaw il-kuntratt ta’ trasport bl-ajru, b’mod partikolari, għall-finijiet li jipproteġu lill-konsumaturi minn prattiki inġusti. Madankollu, tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tikkontesta d-dispożizzjonijiet tariffarji tar-Regolament Nru 1008/2008.

45

Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ li l-prezz li għandu jitħallas għat-trasport tal-bagalji rreġistrati jiġi, f’kull ċirkustanza, inkluż fil-prezz bażiku tal-biljett tal-ajru tipprojbixxi kull iffissar ta’ prezz differenti għal biljett ta’ trasport li jinkludi d-dritt li wieħed jirreġistra bagalji u għal biljett ta’ trasport li ma joffrix tali possibbiltà. Għalhekk, hija tikser mhux biss id-dritt tat-trasportaturi bl-ajru li jiffissaw b’mod liberu l-prezzijiet li għandhom jitħallsu għat-trasport tal-passiġġieri fuq servizzi tal-ajru kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-prezzijiet, skont l-Artikoli 2, punt 18, u 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, iżda tista’ wkoll tikkontesta, b’mod partikolari, l-għan ta’ dan ir-regolament, li jikkonsisti li jrendi possibbli t-tqabbil effettiv ta’ tali prezzijiet, fis-sens li t-trasportaturi bl-ajru kkonċernati minn tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma jkunux awtorizzati jindikaw noll separat għas-servizz ta’ trasport tal-bagalji rreġistrati, filwaqt li l-kumpanniji tal-ajru suġġetti għal leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor ikunu awtorizzati jagħmlu dan.

46

Barra minn hekk, billi t-twettiq tal-għan li jikkonsisti f’li jrendi possibbli t-tqabbil effettiv tal-prezzijiet tas-servizzi tal-ajru jippreżupponi l-osservanza stretta tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, għandu jitfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-osservanza effettiva tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ trasparenza li taqa’ fuq Vueling Airlines skont din id-dispożizzjoni, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jivverifikaw, jekk ikun il-każ, jekk dawn l-obbligi humiex rispettati.

47

Fl-aħħar nett, hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħti lil-liġi nazzjonali li hija għandha tapplika, sa fejn ikun possibbli, interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi Engelbrecht, C‑262/97, EU:C:2000:492, punt 39; ČEZ, C‑115/08, EU:C:2009:660, punt 138; u Wall, C‑91/08, EU:C:2010:182, punt 70).

48

Sa fejn ir-riżultat intiż mid-dritt tal-Unjoni ma jistax jintlaħaq skont interpretazzjoni konformi mad-dritt intern, il-qorti nazzjonali għandha, b’mod partikolari, l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni billi ma tapplikax, fejn huwa neċessarju, fuq awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 24; Berlusconi et, C‑387/02, C-391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punt 72; Pupino, C‑105/03, EU:C:2005:386, punt 43; kif ukoll Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 43).

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lit-trasportaturi bl-ajru, f’kull ċirkustanza, jittrasportaw mhux biss lill-passiġġier, iżda wkoll lill-bagalji rreġistrati tiegħu, sakemm dawn il-bagalji jissodisfaw ċerti rekwiżiti relatati, b’mod partikolari, mal-piż tagħhom, għall-prezz tal-biljett tal-ajru u mingħajr ma jkun jista’ jintalab suppliment tal-prezz għat-trasport ta’ tali bagalji.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lit-trasportaturi bl-ajru, f’kull ċirkustanza, jittrasportaw mhux biss lill-passiġġier, iżda wkoll lill-bagalji rreġistrati tiegħu, sakemm dawn il-bagalji jissodisfaw ċerti rekwiżiti relatati, b’mod partikolari, mal-piż tagħhom, għall-prezz tal-biljett tal-ajru u mingħajr ma jkun jista’ jintalab suppliment tal-prezz għat-trasport ta’ tali bagalji.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top