EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0434

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) tat-12 ta' Settembru 2013.
Slancheva sila EOOD vs Izpalnitelen direktor na Darzhaven fond «Zemedelie» Razplashtatelna agentsia.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Administrativen sad Sofia-grad - il-Bulgarija.
Politika Agrikola Komuni - FAEŻR - Regolament (UE) Nru 65/2011 - Sostenn għall-iżvilupp rurali - Għajnuna għall-ħolqien u għall-iżvilupp tal-mikroimpriżi - Kunċett ta’ ‘kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment’ - Prattiki abbużivi - Provi.
Kawża C-434/12.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:546

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

12 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

“Politika Agrikola Komuni — FAEŻR — Regolament (UE) Nru 65/2011 — Sostenn għall-iżvilupp rurali — Għajnuna għall-ħolqien u għall-iżvilupp tal-mikroimpriżi — Kunċett ta’ ‘kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment’ — Prattiki abbużivi — Provi”

Fil-Kawża C‑434/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Settembru 2012, fil-proċedura

Slancheva sila EOOD

vs

Izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie” Razplashtatelna agentsia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Berger, President tal-Awla, E. Levits (Relatur) u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: p. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie” Razplashtatelna agentsia, minn R. Porozhanov u D. Petrova, avukati,

għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u D. Drambozova, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Petrova u G. von Rintelen, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(8) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011, tas-27 ta’ Jannar 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali (ĠU L 25, p. 8).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Slancheva sila EOOD (iktar ’il quddiem “Slancheva sila”) u Izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie” Razplashtatelna agentsia (direttur eżekuttiv tal-Fond Nazzjonali tal-Agrikoltura – Aġenzija tal-ħlas, iktar ’il quddiem id-“DFZ-RA”), fir-rigward taċ-ċaħda minn dan tal-aħħar tat-talba għal finanzjament abbażi tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) favur proġett ta’ park fotovoltajku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 286M, p. 26), jistabbilixxi r-regoli ta’ applikazzjoni ta’ dan il-fond. Id-dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jinsabu fir-Regolament Nru 65/2011.

4

Skont l-iskema ta’ għajnuna tal-assi 3, dwar il-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali, l-Artikolu 52(a)(ii) tar-Regolament Nru 1698/2005 jipprovdi:

“[L]-appoġġ għall-ħolqien u l-iżvilupp ta’ mikro-intrapriżi bil-ħsieb li tiġi promossa l-intraprenditorija u tiġi żviluppata n-nisġa ekonomika”.

5

L-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011 huwa mfassal b’dan il-mod:

“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi, l-ebda pagament m’għandu jsir lill-benefiċjarji li għalihom jiġi stabbilit li ħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ tali pagamenti bil-għan li jiksbu vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-iskema ta’ appoġġ.”

Id-dritt Bulgaru

6

Ir-Regolament Nru 29, tal-11 ta’ Awwissu 2008, dwar il-kundizzjonijiet u l-metodi għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja mhux rimborsabbli fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna “sostenn għall-ħolqien u għall-iżvilupp tal-mikroimpriżi” tal-programm ta’ żvilupp rurali għall-perijodu 2007-2013 (DV Nru 76, tad-29 ta’ Awwissu 2008), fil-verżjoni tiegħu tal-20 ta’ Lulju 2010 li kienet applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-każ, jippreċiża, fl-Artikolu 2 tiegħu:

“Jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna l-proġetti li jikkontribwixxu biex jinkisbu l-għanijiet tal-iskema ta’ sostenn. L-għanijiet tal-iskema ta’ sostenn huma:

is-sostenn għall-iżvilupp u għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda f’mikroimpriżi mhux agrikoli fiż-żoni rurali;

il-promozzjoni tal-imprenditorija fiż-żoni rurali;

is-sostenn għall-iżvilupp ta’ turiżmu integrat fiż-żoni rurali.”

7

L-Artikolu 4(2)(10) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li ebda għajnuna finanzjarja ma għandha tingħata għall-produzzjoni u għall-bejgħ ta’ enerġija provenjenti minn sorsi rinnovabbli u derivanti minn impjant li jiġġenera l-elettriku li l-kapaċità tiegħu hija superjuri għal 1 megawatt.

8

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 29 :

“[…].

2.   L-għajnuna finanzjarja għall-proġetti ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ ta’ enerġija provenjenti minn sorsi rinnovabbli tirrappreżenta 80 % tal-infiq approvat, iżda ma tistax teċċedi l-ekwivalenti f’BGN ta’ EUR 200 000

[…]”

9

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 29 huwa mfassal b’dan il-mod:

“Ma għandha tingħata ebda għajnuna finanzjarja lil kandidati/utenti tal-għajnuna meta jkun stabbilit li dawn ma jkollhomx awtonomija funzjonali u/jew li dawn ikunu ħolqu b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jibbenefikaw mill-għajnuna u b’hekk jiksbu vantaġġ mhux konformi mal-għanijiet tas-sistema ta’ għajnuna”

10

Il-punti 30 u 31 tad-dispożizzjonijiet kumplimentari tar-Regolament Nru 29 jippreċiżaw:

“30.

It-terminu ‘ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet’ jestendi għal kull kundizzjoni stabbilita fis-sens tal-Artikolu 4(8) tar-Regolament […] Nru 65/2011 […].

31.

It-terminu ‘nuqqas ta’ awtonomija funzjonali’ jirreferi għad-diviżjoni artifiċjali tal-proċess ta’ manifattura u tal-proċessi teknoloġiċi fi proġetti differenti jew il-konstatazzjoni tal-użu ta’ infrastruttura komuni ffinanzjata mill-Programm ta’ Żvilupp Rurali, biex jinkiseb benefiċċju mhux konformi mal-għanijiet tal-iskema ta’ sostenn fil-kuntest tal-Programm ta’ Żvilupp Rurali”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna “Għajnuna għall-ħolqien u għall-iżvilupp tal-mikroimpriżi” tal-programm ta’ żvilupp rurali, Slancheva sila ppreżentat quddiem id-DFZ-RA, fit-13 ta’ Mejju 2009, applikazzjoni għall-finanzjament ta’ proġett fir-rigward tal-kostruzzjoni ta’ ċentrali fotovoltajka.

12

Il-mandatarju ta’ Slancheva sila huwa s-Sur Mitsov, filwaqt li l-imsieħba unika u l-amministratriċi ta’ din il-kumpannija hija s-Sinjura Mitsova. Dawn iż-żewġ persuni huma miżżewġin ċivilment.

13

L-applikazzjoni għal finanzjament ippreżentata minn Slancheva sila fiha, l-ewwel nett, il-kuntratt ta’ kiri tal-art li fuqha għandha tinbena ċ-ċentrali fotovoltajka, konkluż bejn Slancheva sila u l-proprjetarji tal-art imsemmija, jiġifieri s-Sur Mitsov u s-Sinjura Mitsova. It-tieni nett, din l-applikazzjoni fiha l-att li jbigħ dritt reali ta’ kostruzzjoni bejn Korina Export EOOD, li l-imsieħeb uniku u l-amministratur tagħha huwa s-Sur Mitsov, u Slancheva sila.

14

Matul l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta’ Slancheva sila, id-DFZ-RA kkonstatat li l-art ikkonċernata kienet tmiss ma’ żewġ artijiet oħra li għalihom kienet saret applikazzjoni għal għajnuna taħt l-istess programm għal żewġ proġetti identiċi għal dak ta’ Slancheva sila. Is-Sur Mitsov u s-Sinjura Mitsova huma l-proprjetarji ta’ dawn iż-żewġ artijiet l-oħra. Id-drittijiet ta’ kostruzzjoni, fir-rigward ta’ dawn l-aħħar artijiet, ukoll inbiegħu minn Korina Export EOOD.

15

It-twettiq tat-tliet proġetti ġie fdat lill-istess kumpannija waħdanija, 3 K AD.

16

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi u tal-fatt li t-tliet proġetti ta’ ċentrali fotovoltajka jindikaw l-istess uffiċċju reġistrat, id-direttur eżekuttiv ta’ DFZ-RA ċaħad, b’deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2011, li jikkofinanzja l-proġett ta’ investiment ta’ Slancheva sila, billi qies li kienet ġiet stabbilita l-assenza ta’ awtonomija funzjonali jew il-ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet meħtieġa għall-benefiċċju tal-għajnuna, u l-intenzjoni li jinkiseb vantaġġ mhux konformi mal-għanijiet tal-iskema ta’ għajnuna.

17

B’mod partikolari, id-direttur eżekuttiv ta’ DFZ-RA qies li l-proġett ta’ Slancheva sila kien intiż sabiex jevadi l-limitu ta’ finanzjament massimu għal proġett, jiġifieri l-ekwivalent f’lev Bulgari ta’ EUR 200 000.

18

Slancheva sila talbet l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tad-DFZ-RA quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad.

19

Din il-qorti qieset li s-soluzzjoni tal-kawża li tressqet quddiemha tiddependi mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011.

20

Hija tenfasizza li l-amministrazzjoni Bulgara tapplika dan il-kunċett b’mod wiesgħa abbażi tal-ħjiel segwenti: ir-rabta legali u l-identiċità tal-persuni kkonċernati, kif ukoll l-identiċità tal-proġetti u tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji inkwistjoni.

21

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li mill-prattika deċiżjonali tagħha tirriżulta applikazzjoni iktar stretta tal-kunċett ta’ ħolqien artifiċjali. Skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi eżistenza ta’ ċirkustanzi komuni ma hijiex biżżejjed sabiex tipprova n-natura artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ħlas ta’ għajnuna. Fil-fatt, din teħtieġ li d-DFZ-RA tipprova koordinazzjoni intenzjonali bejn il-persuni ġuridiċi u/jew ma’ terz sabiex jiksbu vantaġġ mhux konformi mal-għanijiet tal-iskema ta’ sostenn.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ ‘ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet’ fis-sens tal-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011?

2)

L-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 29 […] li jipprovdi li ebda għajnuna finanzjarja ma tingħata lill-kandidati/utenti meta huwa stabbilit li huma ħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jibbenefikaw mill-għajnuna u għalhekk jiksbu vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-iskema ta’ appoġġ?

3)

L-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ġurisprudenza Bulgara, li tgħid li hemm ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet sabiex jinkiseb vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-iskema ta’ appoġġ meta jkun hemm rabta ġuridika bejn il-kandidati għall-għajnuna?

4)

L-użu minn kandidati differenti, li huma entitajiet legali separati, ta’ art indipendenti fil-qrib li, qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal għajnuna, kienet tikkostitwixxi proprjetà waħda u d-determinazzjoni ta’ rabta effettiva, bħal li l-kandidati għandhom l-istess mandatarji, offerenti, impriżi, sedi u indirizzi postali, jikkostitwixxu ‘ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet’?

5)

Huwa neċessarju li tiġi kkonstatata koordinazzjoni intenzjonali bejn il-persuni ġuridiċi kandidati u/jew ma’ terzi bil-għan li jinkiseb vantaġġ favur kandidat speċifiku?

6)

X’jikkostitwixxi l-vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011, b’mod partikolari, dan għandu jiġi intiż li jkopri l-ħolqien ta’ diversi proġetti ta’ investiment iżgħar, bil-għan li kandidat partikolari jikseb l-ammont massimu ta’ finanzjament ta’ EUR 200000 għal kull proġett, anki jekk dawn ġew ippreżentati minn kandidati differenti?

7)

L-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ġurisprudenza Bulgara, li tgħid li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma kkostitwiti minn tliet elementi kumulattivi: [l-ewwel nett] l-assenza ta’ awtonomija funzjonali u/jew il-ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet għall-ksib tal-għajnuna, [it-tieni nett] li din is-sitwazzjoni għandha l-għan li jinkiseb vantaġġ, u [it-tiele nett] li dan b’mod mhux konformi mal-għanijiet tal-miżura?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

23

Id-domandi preliminari jirrigwardaw, minn naħa, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011 u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mil-leġiżlazzjoni u mill-qrati Bulgari.

24

Għaldaqstant, inizjalment, għandhom jiġu eżaminati l-ewwel u r-raba’ sas-seba’ domandi flimkien u, sussegwentement, għandha tingħata risposta lit-tieni u lit-tielet domanda.

Fuq l-ewwel u r-raba ’ sas-seba ’ domandi

25

B’dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tkun taf il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011.

26

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-amministrazzjoni Bulgara rrifjutat li tikkunsidra l-proġett ta’ investiment propost minn Slancheva sila, abbażi tal-għajnuna għall-ħolqien u għall-iżvilupp tal-mikroimpriżi bil-għan tal-promozzjoni tal-imprenditorija u li tissaħħaħ in-nisġa ekonomika, minħabba li din il-kumpannija riedet tibbenefika b’mod abbużiv mill-għoti ta’ għajnuna abbażi tas-sistema ta’ għajnuna FAEŻR.

27

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri prattiki abbużivi ta’ kummerċjanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Vonk Dairy Products, C-279/05, Ġabra p. I-239, punt 31).

28

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, formalment, il-proġett ta’ investiment ta’ Slancheva sila jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà meħtieġa għall-għoti ta’ għajnuna għall-ħolqien u għall-iżvilupp tal-mikroimpriżi skont l-Artikolu 52(a)(ii) tar-Regolament Nru 1698/2005 kif ukoll skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prova ta’ prattika abbużiva min-naħa tal-benefiċjarju potenzjali ta’ tali għajnuna teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni rilevanti, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ġiex milħuq u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ksib tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Eichsfelder Schlachtbetrieb, C-515/03, Ġabra p. I-7355, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ elementi, li l-prova tagħhom għandha titressaq b’mod konformi mar-regoli tad-dritt nazzjonali, sakemm ma jkunx hemm preġudizzju fil-konfront tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke, C-110/99, Ġabra p. I-11569, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu interpretati l-kunċetti ta’ “ħolqien artifiċjali” tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-benefiċċju ta’ ħlas u ta’ “vantaġġ mhux konformi” fis-sens tal-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011.

32

L-ewwel nett, fir-rigward tal-element oġġettiv, għandu jiġi mfakkar li, skont il-premessa 46 tar-Regolament Nru 1698/2005, l-iskema ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali permezz tal-FAEŻR hija b’mod partikolari intiża sabiex tgħin “biex jiddiversifikaw l-attivitajiet ta’ biedja lejn attivitajiet non-agrikoli u jiżviluppaw setturi non-agrikoli, jippromwovu l-impjiegi […] u jagħmlu investimenti biex iż-żoni rurali jsiru iżjed attraenti sabiex jaqilbu x-xejriet lejn rigress ekonomiku u soċjali u t-tnaqqis tal-popolazzjoni fil-kampanja”.

33

B’mod partikolari, l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1698/2005, li abbażi tiegħu saret l-applikazzjoni għal għajnuna għall-proġett ta’ investiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu bħala għan is-sostenn tal-miżuri ta’ diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali u jinkludi l-għajnuna għall-ħolqien u għall-iżvilupp tal-mikroimpriżi bil-għan li jippromwovi l-imprenditorija u tissaħħaħ in-nisġa ekonomika.

34

F’dan il-kuntest, ir-Regolament Nru 29 jistabbilixxi limitazzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-finanzjament mill-FAEŻR ta’ proġetti ta’ investiment relattivi għall-produzzjoni u għad-distribuzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli li jiffurmaw parti mill-kategorija tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1698/2005. B’hekk, minn naħa, l-ammont massimu tal-finanzjament mill-FAEŻR huwa limitat għal EUR 200 000 għal kull benefiċjarju. Min-naħa l-oħra, il-finanzjament jikkonċerna biss l-impjanti li jiġġeneraw l-elettriku li l-kapaċità tagħhom hija inferjuri jew ugwali għal 1 megawatt.

35

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-proġett taċ-ċentrali fotovoltajka ta’ Slancheva sila ma ntgħażilx għal finanzjament mill-FAEŻR minħabba li l-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti kienet tqis, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li din il-kumpannija kellha l-intenzjoni li tevadi l-limitazzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, billi kienet ftehmet ma’ terzi, li huma stess kienu kandidati għall-għajnuna abbażi tal-iskema ta’ sostenn tal-FAEŻR ikkonċernata, sabiex issir id-diviżjoni artifiċjali ta’ proġett uniku fi tliet proġetti ta’ daqs inferjuri.

36

Madankollu, tali ċirkustanza minnha nnifisha ma tippermettix li jiġi eskluż li l-proġett ta’ investiment ippreżentat minn Slancheva sila jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa mir-Regolament Nru 1698/2005.

37

F’dan ir-rigward, għalkemm huwa lmentat li Slancheva sila trid tevadi r-restrizzjonijiet relattivi mad-daqs tal-proġetti eliġibbli kif ukoll mal-ammont massimu tal-għajnuna għal kull benefiċjarju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk din ir-rieda għandhiex il-konsegwenza li l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 52(a)(ii) tar-Regolament Nru 1698/2005 ma jkunux jistgħu jintlaħqu.

38

F’dan il-kuntest, din il-qorti għandha, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni d-definizzjoni tal-mikroimpriża, li l-ħolqien u l-iżvilupp tagħha huma s-suġġett tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1698/2005, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2(3) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, tas-6 ta’ Mejju 2003, dwar id-definizzjoni ta’ mikroimpriżi, impriżi żgħar u medji (ĠU L 124, p. 36).

39

It-tieni nett, abbażi tal-element suġġettiv, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-kontenut u t-tifsira reali tal-applikazzjoni għal finanzjament inkwistjoni (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2006, Halifax et, C-255/02, Ġabra p. I-1609, punt 81).

40

B’dan il-mod, ir-rabtiet ta’ natura legali, ekonomika u/jew personali bejn il-persuni involuti fl-operazzjoni ta’ investiment ikkonċernata jiffurmaw parti mill-elementi ta’ fatt li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti msemmija biex tistabbilixxi n-natura artifiċjali tal-ħolqien tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-benefiċċju ta’ ħlas abbażi tal-FAEŻR (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

41

L-eżistenza ta’ dan l-element suġġettiv tista’ wkoll tkun imsaħħa mill-prova ta’ ftehim, li jista’ jieħu l-forma ta’ koordinazzjoni deliberata, bejn id-diversi investituri kandidati għal għajnuna abbażi ta’ skema ta’ sostenn tal-FAEŻR, b’mod partikolari meta l-proġetti ta’ investiment ikunu identiċi u meta tkun teżisti rabta ġeografika, ekonomika, funzjonali, legali u/jew personali bejn dawn il-proġetti (ara, b’analoġija, is-sentenza Vonk Dairy Products, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

42

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma setax jiġi miċħud il-finanzjament ta’ proġett meta l-investiment inkwistjoni jkun jista’ jkollu ġustifikazzjoni differenti mis-sempliċi ħlas abbażi tal-iskema ta’ sostenn tal-FAEŻR (ara, b’analoġija, is-sentenza Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75).

43

Għalhekk, l-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu jeħtieġu l-preżenza ta’ element oġġettiv u ta’ element suġġettiv. Skont l-ewwel minn dawn l-elementi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-każ inkwistjoni li jippermettu li jiġi konkluż li ma jistax jintlaħaq l-għan imfittex mill-iskema ta’ sostenn tal-FAEŻR. Skont it-tieni element, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkunsidra l-provi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li, bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-benefiċċju tal-ħlas abbażi tal-iskema ta’ sostenn tal-FAEŻR, il-kandidat għal tali ħlas kellu esklużivament l-għan li jikseb vantaġġ mhux konformi mal-għanijiet ta’ din l-iskema. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tista’ tibbaża ruħha mhux biss fuq provi bħar-rabtiet legali, ekonomiċi u/jew personali bejn il-persuni involuti fi proġetti ta’ investiment simili, iżda wkoll fuq ħjiel li juri l-eżistenza ta’ koordinazzjoni deliberata bejn dawn il-persuni.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

44

Bit-tieni u t-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, minn naħa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ċ-ċħid ta’ ħlas ta’ għajnuna abbażi tal-iskema ta’ sostenn tal-FAEŻR, meta proġett ta’ investiment ma jkollux awtonomija funzjonali u, min-naħa l-oħra, ġurisprudenza ta’ qrati nazzjonali li tirrikonoxxi l-ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet meħtieġa għall-benefiċċju ta’ ħlas meta tkun teżisti rabta legali bejn il-kandidati għal tali ħlas.

45

Hekk kif jirriżulta mill-punt 29 ta’ din is-sentenza jirriżulta, l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011 jippresupponi l-għaqda ta’ żewġ elementi, wieħed oġġettiv, l-ieħor suġġettiv.

46

F’dan il-kuntest, għalkemm huwa minnu li l-konstatazzjoni mill-qorti tar-rinviju ta’ ċirkustanzi relatati mal-eżistenza ta’ rabta legali bejn il-kandidati għal għajnuna, u saħansitra l-assenza ta’ awtonomija funzjonali bejn id-diversi proġetti ta’ investiment ikkonċernati, jikkostitwixxu ħjiel li jista’ jwassal għall-konklużjoni ta’ ħolqien artifiċjali ta’ kundizzjonijiet meħtieġa għall-benefiċċju ta’ ħlas fis-sens tal-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011, xorta jibqa’ l-fatt li din l-evalwazzjoni għandha ssir fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

47

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura li mill-elementi oġġettivi kollha tal-kawża prinċipali jirriżulta li l-għan essenzjali tal-għażla tal-metodi relattivi għall-proġetti ta’ investiment inkwistjoni huwa l-ħlas tal-għajnuna abbażi tal-iskema ta’ sostenn, bl-esklużjoni ta’ kull ġustifikazzjoni b’rabta mal-għanijiet tal-iskema msemmija.

48

Għalhekk, l-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li applikazzjoni għal ħlas abbażi tal-iskema ta’ sostenn tal-FAEŻR tiġi miċħuda għall-unika raġuni li proġett ta’ investiment, kandidat sabiex jibbenefika minn għajnuna taħt din l-iskema, ma jkollux awtonomija funzjonali jew li tkun teżisti rabta legali bejn il-kandidati għal tali għajnuna, mingħajr madankollu ma jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi oġġettivi l-oħra tal-każ.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4(8) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011, tas-27 ta’ Jannar 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu jeħtieġu l-preżenza ta’ element oġġettiv u ta’ element suġġettiv. Skont l-ewwel minn dawn l-elementi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-każ inkwistjoni li jippermettu li jiġi konkluż li ma jistax jintlaħaq l-għan imfittex mill-iskema ta’ sostenn tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Skont it-tieni element, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkunsidra l-provi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li, bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-benefiċċju tal-ħlas abbażi tal-iskema ta’ sostenn tal-FAEŻR, il-kandidat għal tali ħlas kellu esklużivament l-għan li jikseb vantaġġ mhux konformi mal-għanijiet ta’ din l-iskema. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tista’ tibbaża ruħha mhux biss fuq provi bħar-rabtiet legali, ekonomiċi u/jew personali bejn il-persuni involuti fi proġetti ta’ investiment simili, iżda wkoll fuq ħjiel li juri l-eżistenza ta’ koordinazzjoni deliberata bejn dawn il-persuni.

 

2)

L-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 65/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li applikazzjoni għal ħlas abbażi tal-iskema ta’ sostenn tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) tiġi miċħuda għall-unika raġuni li proġett ta’ investiment, kandidat sabiex jibbenefika minn għajnuna taħt din l-iskema, ma jkollux awtonomija funzjonali jew li tkun teżisti rabta legali bejn il-kandidati għal tali għajnuna, mingħajr madankollu ma jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi oġġettivi l-oħra tal-każ.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top