EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0394

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-10 ta’ Diċembru 2013.
Shamso Abdullahi vs Bundesasylamt.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Asylgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema Ewropea komuni dwar l-ażil – Regolament (KE) Nru 343/2003 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ talba għal ażil – Stħarriġ tal-osservanza tal-kriterji ta’ responsabbiltà għall-eżami ta’ talba għal ażil – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju.
Kawża C‑394/12.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:813

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sistema Ewropea komuni dwar l-ażil — Regolament (KE) Nru 343/2003 — Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ talba għal ażil — Stħarriġ tal-osservanza tal-kriterji ta’ responsabbiltà għall-eżami ta’ talba għal ażil — Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju”

Fil-Kawża C‑394/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Asylgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Awwissu 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Awwissu 2012, fil-proċedura

Shamso Abdullahi

vs

Bundesasylamt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi-President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, E. Juhász, A. Borg Barthet, C. G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça Presidenti tal-Awla, A. Rosas (Relatur), G. Arestis, J. Malenovský, A. Prechal, E. Jarašiūnas, A. Prechal u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Mejju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Shamso Abdullahi, minn E. Daigneault u R. Seidler, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Gvern Elleniku, minn G. Papagianni, L. Kotroni u M. Michelogiannaki, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn S. Menez, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér u G. Koós kif ukoll minn K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Beeko, bħala aġent, assistita minn S. Lee, barrister,

għall-Gvern Svizzeru, minn M.D. Klingele, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u M. Condou-Durande, bħala aġenti,

għall-Konfederazzjoni Svizzera, minn D. Klingele, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10, 16, 18 u 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun determinat l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-ażil depożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Shamso Abdullahi, ċittadina Somaljana u l-Bundesasylamt (Uffiċċju federali fil-qasam tal-ażil), dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-imsemmija talba għal ażil ippreżentata minn din tal-aħħar quddiem dan l-Uffiċċju.

Il-kuntest ġuridiku

Il-konvenzjoni ta’ Genève

3

Il-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954) iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Din il-konvenzjoni kienet ikkompletata bil-Protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati tal-31 ta’ Jannar 1967 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll tal-1967”), li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967.

4

L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti fil-Konvenzjoni ta’ Genève u fil-Protokoll tal-1967, bħalma huma wkoll ir-Repubblika tal-Islanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein. L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti la fil-konvenzjoni ta’ Genève u lanqas fil-protokoll tal-1967, iżda l-Artikoli 78 TFUE u 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprovdu li d-dritt għall-ażil għandu jiġi żgurat, b’mod partikolari, bl-osservanza ta’ din il-konvenzjoni u ta’ dan il-protokoll.

Id-dritt tal-Unjoni

5

Sabiex jilħqu l-għan, stabbilit mill-Kunsill Ewropew ta’ Strasbourg tat-8 u tad-9 ta’ Diċembru 1989, li jarmonizzaw il-politiki tal-ażil tagħhom, l-Istati Membri ffirmaw f’Dublin, fil-15 ta’ Ġunju 1990, il-Konvenzjoni dwar id-determinazzjoni tal-Istat responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 1997, C 254, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Dublin”). Din il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1997 għat-tnax-il firmatarju inizjali, fl-1 ta’ Ottubru 1997 għar-Repubblika tal-Awstrija u għar-Renju tal-Isvezja, u fl-1 ta’ Jannar 1998 għar-Repubblika tal-Finlandja.

6

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999 kienu jipprevedu, b’mod partikolari, l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ ażil Ewropea komuni.

7

It-Trattat ta’ Amsterdam tat-2 ta’ Ottubru 1997 introduċa l-Artikolu 63 fit-Trattat KE, li kien jagħti kompetenza lill-Komunità Ewropea sabiex tadotta l-miżuri rrakkomandati mill-Kunsill Ewropew ta’ Tampere. L-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ppermettiet, b’mod partikolari, is-sostituzzjoni, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Konvenzjoni ta’ Dublin bir-Regolament Nru 343/2003, li daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 2003.

8

Kien ukoll fuq l-istess bażi legali li ġew adottati diversi direttivi, fosthom:

id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96), din id-direttiva ġiet sostitwita bid-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, p. 9);

id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 168), din id-direttiva ġiet issostitwita mid-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, p. 60).

Ir-Regolament Nru 343/2003

9

Il-premessi 3 u 4 tar-Regolament Nru 343/2003 huma redatti kif ġej:

“(3)

Il-konklużjonijiet ta’ Tampere ddikjaraw ukoll li din is-sistema għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil.

(4)

Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. Huwa għandu, b’mod partikolari, jagħmel possibbli li jkun iddeterminat bil-ħeffa l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri li jiddeterminaw l-istatus ta’ refuġjat u ma jkunx kompromess l-għan ta’ l-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-ażil.”

10

Skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 343/2003 jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina talba għal ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz.

11

L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ kull pajjiż terz li japplika fil-konfini jew fit-territorju tagħhom lil kull wieħed minnhom għall-ażil. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III juru li huwa responsabbli.”

12

Bil-għan li jiġi ddeterminat l-“Istat Membru responsabbli” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 343/2003, l-Artikoli 6 sa 14 ta’ dan ir-regolament, inklużi fil-Kapitolu III ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Ġerarkija ta’ kriterji”, jistabbilixxu assjem ta’ kriterji oġġettivi u f’ordni ġerarkiku inkonnessjoni mal-minorenni mhux akkumpanjati, l-unità tal-familji, l-għoti ta’ permess ta’ residenza jew ta’ viża, id-dħul jew ir-residenza irregolari fi Stat Membru, id-dħul regolari fi Stat Membru u t-talbiet ippreżentati fiż-żona ta’ tranżitu internazzjonali ta’ ajruport.

13

L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

“1.   Fejn ikun stabbilit, fuq il-bażi ta’ prova jew xhieda ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 18(3), inklużi d-data li jirreferi għalihom il-Kapitolu III tar-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000, tal-11 ta’ Diċembru 2000, dwar l-istabbiliment ta’ Eurodac għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 26)], li persuna tfittex l-ażil tkun qasmet b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li tkun ġiet minn pajjiż terz, l-Istat Membru hekk ippenetrat għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil. Din ir-responsabbilità għandha tieqaf 12-il xahar wara d-data li fiha il-qsim irregolari tal-konfini ikun ġara.

2.   Meta Stat Membru ma jistax jew ma jkunx jista’ jinżamm responsabbli skont il-paragrafu 1, u fejn ikun stabbilit, fuq il-bażi ta’ prova jew xhieda ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 18(3), li l-persuna tfittex l-ażil - li tkun daħlet fit-territorji tal-Istati Membri b’mod irregolari jew li ċ-ċirkostanzi tad-dħul tagħha ma jistgħux ikunu stabbiliti - fiż-żmien li tkun iddepożitat l-applikazzjoni kienet toqgħod minn qabel għal perjodu kontinwu ta’ għall-inqas ħames xhur fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil.

Jekk l-applikant kien joqgħod għal perjodi ta’ żmien ta’ għall-inqas ħames xhur fi Stati Membri diversi, l-Istat Membru fejn dan kien l-aktar reċentement il-każ għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni.”

14

L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament jipprovdi li, meta fuq il-bażi tal-ġerarkija tal-kriterji ma jkun jista’ jintgħażel ebda Stat Membru, l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tat-talba għal ażil għandu jkun awtomatikament l-ewwel Stat Membru li lilu tkun ġiet ippreżentata t-talba.

15

Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 343/2003:

“1.   L-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

a)

jieħu inkarigu, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 17 sa 19, ta’ persuna tfittex l-ażil li tkun iddepożitat applikazzjoni fi Stat Membru differenti;

b)

itemmu l-eżami ta’ l-applikazzjoni għall-ażil;

[...]

2.   Fejn Stat Membru joħroġ dokument ta’ residenza lill-applikant, l-obbligi speċifikati fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ttrasferiti lil dak l-Istat Membru.

3.   L-obbligi speċifikati fil-paragrafu 1 għandhom jieqfu fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ħalla t-territorju tal-Istati Membri għall-inqas għal tliet xhur, sakemm iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu maħruġ mill-Istat Membru responsabbli.

[...]”

16

Skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, fejn Stat Membru li għandu kienet ippreżentata talba għal ażil iqis li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina t-talba, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha t-talba kienet ippreżentata fit-tifsira tal-Artikolu 4(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jassumi r-responsabbiltà fir-rigward ta’ din it-talba.

17

L-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament huwa redatt kif ġej:

“1.   L-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa, u għandu jagħti deċiżjoni fuq it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant fi żmien xahrejn mid-data li fiha t-talba kienet irċevuta.

2.   Fil-proċedura biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil stabbilita f’dan ir-[regolament, għandhom jintużaw] elementi ta’ prova u xhieda ċirkostanzjali [...].

3.   Skont il-proċedura li jirreferi għaliha l-Artikolu 27(2) żewġ listi għandhom ikunu stabbiliti u perjodikament irriveduti, li juru l-elementi ta’ prova u xhieda ċirkostanzjali skont il-kriterji li ġejjin:.

a)

Prova

i)

Dan jirreferi għal prova formali li tiddetermina r-responsabbilta skont dan ir-Regolament, sakemm ma tkunx irrifjutata bi prova għal kuntrarju.

ii)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kumitat previst fl-Artikolu 27 mudelli ta’ tipi differenti ta’ dokumenti amministrattivi, skont it-tipoloġija stabbilita fil-lista ta’ provi formali;

b)

Xhieda ċirkostanzjali

i)

Dan jirreferi għal elementi indikattivi li filwaqt li jistgħu jkunu konfutati jistgħu jkunu suffiċjenti, f’ċerti każijiet, skont il-valur evidenzjarju [probatorju] li jingħatalhom.

ii)

Il-valur evidenzjarju [probatorju] tagħhom, f’relazzjoni mar-responsabbilta biex tkun eżaminata l-applikazzjoni għall-ażil għandu jkun evalwat fuq bażi ta’ każ każ.

4.   Ir-rekwiżit ta’ prova m’għandux jeċċedi dak li hu meħtieġ għall-applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament.

5.   Jekk m’hemmx prova formali, l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jirrikonoxxi r-responsabbiltà tiegħu jekk ix-xhieda ċirkostanzjali tkun koerenti, verifikabbli u ddettaljata suffiċjentement biex tistabbilixxi responsabbilta.

[...]

7.   Nuqqas ta’ azzjoni fi żmien il-perjodu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1 u l-perjodu ta’ xahar imsemmi fil-paragrafu 6 għandu jkollu effett ugwali ta’ riċeviment tat-talba, u jinvolvi l-obbligu li tittieħed inkarigu l-persuna, inklużi l-provvedimenti għal arranġamenti xierqa għal wasla.”

18

L-Artikolu 19(1) sa (4) tar-Regolament Nru 343/2003 huwa redatt kif ġej:

“1.   Fejn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jaċċetta li hu għandu jieħu l-inkarigu ta’ l-applikant, l-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni li l-applikazzjoni m’għandhiex tkun eżaminata, u bl-obbligu li jittrasferixxi l-applikant lill-Istat Membru responsabbli.

2.   Id-deċiżjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata. Hija għandu jkun fiha d-dettalji tal-limitu ta’ żmien biex ikun eżegwit it-trasferiment u, jekk meħtieġ, għandu jkun fiha informazzjoni dwar il-post u d-data li fihom l-applikant għandu jidher, jekk ser jivvjaġġa lejn l-Istat Membru responsabbli bil-mezzi tiegħu stess. Din id-deċiżjoni hija suġġetta għal appell jew reviżjoni. Appell jew reviżjoni dwar din id-deċiżjoni m’għandux jissospendi l-implimentazzjoni tat-trasferiment ħlief meta l-qrati jew il-korpi kompetenti jiddeċiedu li jsir hekk fuq il-bażi ta’ każ b’każ jekk il-leġislazzjoni nazzjonali tippermetti dan.

3.   It-trasferiment tal-applikant mill-Istat Membru li fih applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għall-Istat Membru responsabbli għandu jkun eżegwit skont il-liġi nazzjonali tal-ewwel Stat Membru, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, kemm jista’ malajr ikun prattiku, u sal-iktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba li jittieħed inkarigu jew mid-deċiżjoni fuq appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv.

[...]

4.   Fejn it-trasferiment ma jsirx il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur, ir-responsabbilta għandha tkun ta’ l-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna tfittex l-ażil jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna tfittex l-ażil tkun ħarbet.”

19

Ir-Regolament Nru 343/2003 ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, p. 31).

Ir-Regolament (KE) Nru 1560/2003

20

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003, tat-2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200), intitolat “Tipproċessa talbiet biex tieħu l-inkarigu” huwa redatt kif ġej:

“1.   L-argumenti ta’ liġi u ta’ fatt imniżżla fit-talba għandhom ikunu eżaminati fid-dawl tad-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 343/2003 u l-listi tal-provi u evidenza ċirkostanzjali li huma mniżżla fl-Anness II tar-Regolament preżenti.

2.   Ikunu x’ikunu l-kriterji u d-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 343/2003 li jkunu bbażati fuqhom, l-Istat Membru mitlub għandu, saż-żmien permess mill-Artikolu 18(1) u (6) ta’ dak ir-Regolament, jiċċekkja b’mod eżawrjenti u oġġettivament, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni kollha direttament jew indirettament disponibbli għalih, jekk ir-responsabbiltà tiegħu biex jeżamina l-applikazzjoni għall-asil hix stabbilita. Jekk il-kontrolli magħmula mill-Istat Membru mitlub juru li huwa responsabbli mill-inqas taħt wieħed mill-kriterji ta’ dak ir-Regolament, għandu jirrikonoxxi r-responsabbiltà tiegħu.”

21

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1560/2003, intitolat “Proċessar ta’ talbiet biex tieħu lura” jipprovdi:

“Fejn talba biex tieħu lura hija bbażata fuq data provduta mill-Unità Ċentrali tal-Eurodac u ċċekkjata mill-Istat Membru li qed jagħmel it-talba, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 2725/2000, l-Istat Membru mitlub għandu jirrikonoxxi r-responsabbiltà tiegħu ħlief jekk il-kontrolli mwettqa’ juru li l-obbligazzjonijiet tiegħu taħt it-tieni sub-paragrafu tal-Artikolu 4(5) jew taħt l-Artikolu 16(2), (3) jew (4) tar-Regolament (KE) Nru 343/2003 ntemmu. Il-fatt li obbligazzjonijiet intemmu fuq il-bażi ta’ dawk id-disposizzjonijiet jista’ jiġi bbażat fuqu biss fuq il-bażi ta’ evidenza materjali jew stqarrijiet sostanzjati u verifikati mill-persuna li qed tfittex asil.”

22

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Risposta negattiva”, jipprovdi:

“1.   Fejn, wara li kontrolli jiġu mwettqa’, l-Istat Membru mitlub jistabbilixxi li l-evidenza mogħtija ma tistabbilixxiex ir-responsabbiltà tiegħu, ir-risposta negattiva li jibgħat lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba għandha tistqarr raġunijiet sħaħ u dettaljati għaċ-ċaħda tiegħu.

2.   Fejn l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba jħoss li din iċ-ċaħda hija bbażata fuq apprezzament żbaljat, jew fejn għandu provi addizzjonali x’jipprovdi, jista’ jitlob li t-talba tiegħu tiġi mistħarrġa mill-ġdid. Din l-għażla trid tiġi eżerċitata fi żmien tliet ġimgħat wara li jirċievi r-risposta negattiva. L-Istat Membru mitlub għandu jagħmel l-għalmu tiegħu biex jirrispondi fi żmien ġimgħatejn. F’kull każ, din il-proċedura addizzjonali m’għandhiex testendi l-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 18(1) u (6) u l-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 343/2003.”

23

L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat “Konċiljazzjoni” huwa redatt kif ġej:

“1.   Fejn l-Istati Membri ma jistgħux isolvu tilwima, jew dwar il-bżonn li jitwettaq trasferiment, jew biex jinġiebu qraba flimkien fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 343/2003, jew dwar l-Istat Membru li fih il-persuni konċernati għandhom jingħaqdu mill-ġdid, jistgħu jirrikorru għall-proċedura ta’ konċiljazzjoni prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-proċedura ta’ konċiljazzjoni għandha tinbeda b’talba minn wieħed mill-Istati Membri fit-tilwima lill-President tal-Kumitat imwaqqaf mill-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 343/2003. Meta jaqblu li jużaw il-proċedura ta’ konċiljazzjoni, l-Istati Membri konċernati jintrabtu li jagħtu l-għola konsiderazzjoni lis-soluzzjoni proposta.

Il-President tal-Kumitat għandu jaħtar tliet membri tal-Kumitat li jirrappreżentaw tliet Stati Membri mhux konnessi ma’ l-affari. Għandhom jirċievu l-argumenti tal-partijiet jew bil-miktub jew verbalment u, wara deliberazzjoni, għandhom jipproponu soluzzjoni fi żmien xahar, fejn meħtieġ wara vot.

Il-President tal-Kumitat, jew id-Deputat tiegħu, għandu jippresjedi d-diskussjoni. Jista’ jressaq l-opinjoni tiegħu imma ma jistax jivvota.

Tkunx adottata jew miċħuda mill-partijiet, is-soluzzjoni proposata għandha tkun finali u irrevokabbli.”

24

Dan l-Artikolu 14 ġie mħassar mir-Regolament Nru 604/2013 iżda l-kontenut tiegħu huwa riprodott mill-Artikolu 37 ta’ dan tal-aħħar.

Id-Direttiva 2005/85

25

Il-premessa 29 ta’ din id-direttiva tipprovdi:

“Din id-Direttiva ma tittrattax dwar dawk il-proċeduri li huma regolati mir-[Regolament Nru 343/2003].”

Id-dritt Awstrijak

26

Il-liġi federali dwar l-ażil (liġi tal-2005 dwar l-ażil) [Bundesgesetz über die Gewährung von Asyl (Asylgesetz 2005), BGBl. I, 100/2005], tipprovdi fl-Artikolu 18(1) tagħha:

“Il-Bundesasylamt u l-Asylgerichtshof [(qorti fil-qasam tal-ażil)] għandhom jiżguraw ex officio, f’kull stadju tal-proċedura, li l-indikazzjonijiet utli għall-finijiet tad-deċiżjoni jingħataw jew inkella li jiġu rrimedjati dawk l-indikazzjonijiet fejn ikun hemm lakuna dwar iċ-ċirkustanzi invokati insostenn tat-talba, jiġu ddenominati d-dokumenti ta’ prova ta’ dawk l-indikazzjonijiet jew ikkompletati l-provi ppreżentati u, b’mod ġenerali, li tingħata l-informazzjoni kollha li tidher li hija meħtieġa biex tiġi ssostanzjata t-talba. Jekk ikun neċessarju l-provi għandhom jintalbu ex officio.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27

Shamso Abdullahi hija ċittadina tas-Somalja ta’ 22 sena. Hija daħlet fis-Sirja, bl-ajru, matul ix-xahar ta’ April 2011, u sussegwentement kienet fi tranżitu fit-Turkija fix-xahar ta’ Lulju tal-istess sena qabel ma daħlet illegalment fil-Greċja bil-baħar. Shamso Abdullahi ma ppreżenatat l-ebda talba għal ażil quddiem il-Gvern Grieg. Bl-għajnuna ta’ persuni involuti fl-immigrazzjoni illegali, hija waslet l-Awstrija, flimkien ma’ persuni oħra, billi għaddiet mill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, tas-Serbja u tal-Ungerija. Il-qsim tal-fruntieri kollha ta’ dawn il-pajjiżi sar kollu b’mod illegali. Shamso Abdullahi ġiet arrestata fl-Awstrija, qrib il-fruntiera Ungeriża, mill-uffiċjali tal-pulizija Awstrijaka li stabbilixxew l-itinerarju ta’ Shamso Abdullahi billi interrogaw ukoll parteċipanti oħra f’dan il-vjaġġ.

28

Fl-Awstrija, Shamso Abdullahi ppreżentat, fid-29 ta’ Awwissu 2011, quddiem l-awtorità kompetenti, il-Bundesasylamt, talba għal protezzjoni internazzjonali. Fis-7 ta’ Settembru 2011, il-Bundesasylamt bagħtet lill-Ungerija talba għat-teħid tal-inkarigu abbażi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 343/2003, li din tal-aħħar aċċettat permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Settembru 2011. L-Ungerija mmotivat din id-deċiżjoni billi indikat li, skont l-informazzjoni pprovduta minn Shamso Abdullahi, li kienet ġiet trażmessa lilha mir-Repubblika Awstrijaka, u l-informazzjoni ġenerali disponibbli dwar l-itinerarji segwiti mill-immigranti illegali, kien hemm biżżejjed provi li juru li l-persuna kkonċernata kienet daħlet illegalment fl-Ungerija billi għaddiet mis-Serbja u li sussegwentament daħlet direttament fl-Awstrija.

29

Permezz tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2011, il-Bundesasylamt ċaħdet bħala inammissibbli t-talba għal ażil ta’ Shamso Abdullahi fl-Awstrija u ddeċidiet li tittrasferiha lura lejn l-Ungerija.

30

Shamso Abdullahi ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni, liema rikors intlaqa’ mill-Asylgerichtshof permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2011 minħabba difetti proċedurali. Fil-fatt ir-rikors kien jinkludi kritika tas-sitwazzjoni fil-qasam tal-ażil fl-Ungerija fid-dawl tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li jipprojbixxi t-tortura kif ukoll it-trattament inuman u degradanti, u l-Bundesasylamt kienet evalwat il-kuntest prevalenti fl-Ungerija abbażi ta’ sorsi skaduti.

31

Wara din id-deċiżjoni tal-Asylgerichtshof, il-Bundesasylamt segwiet il-proċedura amministrattiva u, permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2012, ċaħdet għal darb’oħra t-talba għal ażil bħala inammissibbli u kontestwalment iddeċidiet li tittrasferixxi lil Shamso Abdullahi lejn l-Ungerija. Insostenn tad-deċiżjoni tagħha, il-Bundesasylamt, waqt li wettqet aġġornament tad-data li hija seta’ jkollha dwar l-Ungerija, ikkunsidrat b’mod partikolari li t-trasferiment ta’ Shamso Abdullahi lejn dak l-Istat ma kienx jinċidi fuq id-drittijiet tagħha skont l-Artikolu 3 tal-KEDB.

32

Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors ġdid, ippreżentat fit-13 ta’ Frar 2012 quddiem l-Asylgerichtshof, li permezz tiegħu Shamso Abdullahi sostniet għall-ewwel darba li l-Istat Membru responsabbli mit-talba tagħha għal ażil ma kinitx l-Ungerija, iżda r-Repubblika Ellenika. Madankollu, hija ssostni li dan l-aħħar Stat Membru ma kienx jirrispetta, f’ċerti aspetti, id-drittijiet tal-bniedem, b’tali mod li huma l-awtoritajiet Awstrijaċi li għandhom iwettqu l-eżami tat-talba tagħha għal ażil.

33

Dawn l-awtoritajiet la bdew proċedura ta’ konsultazzjoni mar-Repubblika Ellenika u lanqas ippreżentaw talba biex jittieħed inkarigu mill-istess Stat Membru.

34

L-Asylgerichtshof iddikjarat dan ir-rikors ta’ Shamso Abdullahi bħala infondat permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, fejn iddeċidiet li, b’mod konformi mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 343/2003, l-Ungerija kienet l-Istat Membru responsabbli sabiex jipproċessa t-talba għal ażil.

35

Shamso Abdullahi istitwiet proċeduri quddiem il-Verfassungsgerichtshof (qorti kostituzzjonali) li fihom essenzjalment irrepetiet l-argument li l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tat-talba ma kienx l-Ungerija iżda r-Repubblika Ellenika. Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012 (U 350/12-12), il-Verfassungsgerichtshof annullat is-sentenza tal-Asylgerichtshof tal-14 ta’ Frar 2012. Din id-deċiżjoni kienet immotivata b’riferiment għal sentenza oħra, mogħtija fl-istess jum fil-kuntest ta’ kawża li kellha fatti simili (sentenza U 330/12-12). F’din l-aħħar sentenza, il-Verfassungsgerichtshof ikklassifikat bħala “dubjuża” t-teżi li abbażi tagħha l-Asylgerichtshof kienet ibbażat id-deċiżjoni tagħha li tikkonferma t-trasferiment ta’ Shamso Abdullahi lejn l-Ungerija, jiġifieri li r-responsabbiltà bbażata fuq l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 343/2003 (dik tar-Repubblika Ellenika) tisparixxi meta l-persuna tkun għexet f’pajjiż terz, anki jekk għal perijodu qasir (f’dan il-każ, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u tas-Serbja). Skont il-Verfassungsgerichtshof, għalkemm l-Asylgerichtshof iġġustifikat id-deċiżjoni tagħha fid-dawl tal-insenjament Ġermaniż u tal-insenjament Awstrijak dwar ir-Regolament Nru 343/2003 sabiex tiddeċiedi li l-Ungerija kienet l-Istat Membru responsabbli, ċerti awturi Awstrijaċi jsostnu wkoll it-teżi kuntrarja. Il-fatt li Shamso Abdullahi segwiet l-itinerarju tagħha lejn pajjiż terz kien ixxejjen l-obbligu ta’ teħid tal-inkarigu mir-Repubblika Ellenika skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 343/2003 biss li kieku l-persuna kkonċernata kienet telqet mit-territorju tal-Istati Membri għal perijodu ta’ mill-inqas tliet xhur. Barra minn hekk, ir-referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C-411/10 u C-493/10, Ġabra p.I-13905) ma hijiex rilevanti, peress li s-sitwazzjoni fattwali marbuta ma’ dik is-sentenza ma humiex kumparabbli ma’ dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

36

Billi kkunsidrat li l-kwistjoni kellha tkun is-suġġett ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Verfassungsgerichtshof annullat is-sentenza tal-Asylgerichtshof peress li dik il-qorti kisret id-dritt ta’ Shamso Abdullahi għal proċedura quddiem qorti li huwa pprovdut lilha mil-liġi (imsejjaħ il-prinċipju ta’ “qorti ġudizzjarja”).

37

Din is-sentenza tal-Verfassungsgerichtshof tas-27 ta’ Ġunju 2012 ġiet innotifikata lill-Asylgerichtshof fl-10 ta’ Lulju 2012. Il-proċedura ilha minn dakinhar pendenti quddiem l-Asylgerichtshof.

38

Peress li l-Verfassungsgerichtshof poġġiet f’dubju l-importanza mogħtija lill-aċċettazzjoni tar-responsabbiltà tagħha minn Stat Membru, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar dan is-suġġett. Hija tirrimarka li stħarriġ tar-responsabbiltà tal-Istat Membru jkun jimponi obbligu ta’ eżami wiesa’ ħafna, inkompatibbli mal-ħeffa rikjesta sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru kompetenti. Barra minn hekk, għalkemm ir-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi għad-dritt, tal-applikant għall-ażil, li jikkontesta t-trasferiment tiegħu, dan ir-regolament ma jagħtix dritt għal proċedura tal-ażil fi Stat Membru partikolari, b’għażla tal-applikant. Skont is-sistema implementata mill-imsemmi regolament, huma biss l-Istati Membri li jkollhom, bejniethom, drittijiet suġġettivi — li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors — fir-rigward tal-osservanza tal-kriterji ta’ responsabbiltà. L-Asylgerichtshof tenfasizza wkoll il-fatt li deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tindika Stat kompetenti ieħor tista’ fil-prattika tirriżulta li ma għadhiex tista’ tiġi implementata fil-konfront ta’ dak l-Istat Membru minħabba raġunijiet ta’ termini stabbiliti mill-istess regolament.

39

Fit-tieni lok, l-Asylgerichtshof tistaqsi dwar ir-responsabbiltà possibbli tar-Repubblika Ellenika f’każ li ma jittiħidx kont tal-aċċettazzjoni tal-Ungerija. Filwaqt li tirreferi għall-punti 44 u 45 tas-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Kastrati et (C‑620/10), il-qorti tar-rinviju minn dan tiddeduċi li l-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 343/2003, li jistabbilixxi li l-obbligi tal-Istat Membru responsabbli jispiċċaw meta l-persuna li tkun qegħda tfittex l-ażil tkun telqet mit-territorju tal-Istati Membri għal perijodu ta’ mill-inqas tliet xhur, ma huwiex applikabbli meta ma tkunx għada teżisti t-talba għal ażil. Barra minn hekk, hija tirrileva li din id-dispożizzjoni hija inkluża fost id-dispożizzjonijiet proċedurali ta’ dan ir-regolament u mhux taħt il-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi l-kriterji ta’ kompetenza materjali. Il-qorti tar-rinviju tirrimarka wkoll li, bl-istess mod, ir-Regolament Nru 1560/2003 jsemmi l-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 343/2003 unikament fl-Artikolu 4 tiegħu, relatat mar-rikors għall-finijiet tat-teħid lura, u mhux fl-Artikolu 3 tiegħu, li jikkonċerna r-rikors għall-finijiet tat-teħid tal-inkarigu. Fl-aħħar, dik il-qorti tenfasizza li l-fatt li għandu jiġi vverifikat l-itinerarju segwit mill-persuna li tkun qegħda tfittex l-ażil kif ukoll id-dati tiegħu ta’ dħul u ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni jista’ jieħu ż-żmien u jagħti lok għal mistoqsijiet delikati ta’ provi, li jkunu ta’ natura li jtawwlu l-proċedura kif ukoll il-fażi ta’ nuqqas ta’ ċertezza tal-persuna li tkun qegħda tfittex l-ażil.

40

Fit-tielet u fl-aħħar lok, f’każ li jkollu jiġi kkunsidrat li, fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Ellenika kienet l-Istat kompetenti, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, jekk it-trasferiment lejn ir-Repubblika Ellenika ma tkunx possibbli minħabba nuqqasijiet strutturali tas-sistema tal-ażil f’dak l-Istat, dan iħalli lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil il-possibbiltà li jagħżlu Stat Membru ta’ destinazzjoni li jkun materjalment responsabbli għall-implementazzjoni tal-proċedura tal-ażil, fatt li jmur kontra l-għanijiet tar-Regolament Nru 343/2003. Hija tistaqsi jekk, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-Repubblika Ellenika tistax titwarrab mill-bidu, jiġifieri mill-istadju tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli. Possibbiltà oħra hija dik li tittieħed inkunsiderazzjoni l-Ungerija waqt l-eżami tal-“kriterji ulterjuri”, frażi li tinsab fil-punt 96 tas-sentenza N.S. et, iċċitata iktar ’il fuq, u li tqajjem mistoqsijiet.

41

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-Asylgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien [tal-Artikoli 19 u 18] tar-Regolament Nru 343/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li Stat Membru jieħu inkarigu ta’ persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil ifisser li dan l-Istat Membru huwa responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni fis-sens tas-sentenza introduttorja tal-Artikolu 16(1) tar-regolament imsemmi jew il-korp nazzjonali tal-appell għandu, skont id-dritt tal-Unjoni, meta, fil-kuntest tal-eżami ta’ appell jew ta’ reviżjoni mressqa skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003, irrispettivament mill-fatt li l-Istat Membru jkun ħa dan l-inkarigu, jasal għall-konklużjoni li, skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003, huwa Stat Membru ieħor li għandu jkun l-Istat Membru responsabbli (anki meta dan l-Istat Membru l-ieħor ma tkunx saritlu talba sabiex jieħu l-inkarigu jew meta dan l-Istat Membru l-ieħor ma jaċċettax tali inkarigu), jikkonstata b’mod vinkolanti fil-kuntest tal-proċedura dwar l-eżami tal-appell jew tar-reviżjoni inkwistjoni li huwa dan l-Istat Membru l-ieħor li huwa responsabbli? F’dan id-dawl, jeżistu drittijiet suġġettivi għal kull persuna li tkun qiegħda tfittex ażil fis-sens li l-applikazzjoni tagħha għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru partikolari responsabbli inkonformità mal-kriterji ta’ kompetenza msemmija iktar ’il fuq?

2)

L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 343/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li fih persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil tkun daħlet b’mod illegali għall-ewwel darba (l-ewwel Stat Membru) għandu jaċċetta r-responsabbiltà tiegħu sabiex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz meta jkunu preżenti l-fatti segwenti. Ċittadin ta’ pajjiż terz jidħol b’mod illegali fl-ewwel Stat Membru inkwistjoni minn pajjiż terz. Dan iċ-ċittadin ma jippreżentax applikazzjoni għall-ażil f’dan l-Istat Membru u sussegwentement jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni sabiex imur f’pajjiż terz. F’inqas minn tliet xhur wara, dan iċ-ċittadin jidħol b’mod illegali fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea minn pajjiż terz (it-tieni Stat Membru). Dan iċ-ċittadin, imbagħad, imur direttament minn dan it-tieni Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (it-tielet Stat Membru) fejn jippreżenta l-ewwel applikazzjoni għall-ażil tiegħu. B’kollox, mid-dħul illegali tiegħu fl-ewwel Stat Membru, ikunu għaddew inqas minn tnax-il xahar.

3)

Irrispettivament mir-risposta għat-tieni domanda, meta l-Istat Membru deskritt f’dik id-domanda bħala l-'ewwel Stat Membru' jkun Stat Membru li s-sistema tal-ażil tiegħu hija kkaratterizzata minn nuqqasijiet strutturali ekwivalenti għal dawk deskritti fis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-21 ta’ Jannar 2011 fil-kawża M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja (rikors 30 696/09), hija meħtieġa evalwazzjoni oħra tal-Istat Membru li normalment ikun responsabbli fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003, irrispettivament mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [N.S. et, iċċitata iktar ’il fuq]? B’mod partikolari, jista’ jiġi kkunsidrat li residenza f’tali Stat Membru ma hijiex a priori element ta’ natura tali li jista’ jservi ta’ bażi għar-responsabbiltà ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 343/2003?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

42

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jobbliga l-Istati Membri li jipprevedu li persuna li tkun qegħda tfittex l-ażil għandha d-dritt li titlob, fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment abbażi tal-Artikolu 19(1) ta’ dam ir-regolament, l-istħarriġ tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, billi tinvoka applikazzjoni żbaljata tal-kriterji inklużi fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament.

Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

43

Shamso Abdullahi kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jsostnu li l-korp nazzjonali tal-appell għandu jistħarreġ l-osservanza tal-kriterji ta’ responsabbiltà. Huma jirreferu għall-premessa 4 tar-Regolament Nru 343/2003, li tiddikjara li l-metodu ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għandu jkun ibbażat “fuq kriterji oġġettivi, ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati”.

44

Skont Shamso Abdullahi, l-istabbiliment, mir-Regolament Nru 343/2003 ta’ kriterji oġġettivi tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli joħloq drittijiet suġġettivi favur il-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil, fejn dawn tal-aħħar jistgħu jitolbu li jsir stħarriġ tal-legalità tal-applikazzjoni ta’ dawk il-kriterji, inkluż taċ-ċirkustanzi fattwali li jtemmu r-responsabbiltà. Din l-interpretazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 343/2003 ma jipprevedix li tali stħarriġ tal-legalità għandu jkun ristrett, pereżempju, billi jillimitah għal stħarriġ tal-aġir arbitrarju.

45

Filwaqt li wkoll tagħmel riferiment għall-Artikolu 47 tal-Karta, il-Kummissjoni ssostni li l-prinċipju tal-effettività tar-rikors, previst fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003, jimplika li l-persuna li tkun qegħda tfittex l-ażil tista’ titlob stħarriġ tal-legalità tat-trasferiment tagħha lejn l-Istat Membru rikjest, li jkun jinkludi l-kwistjoni dwar jekk ġewx osservati l-ġerarkija tal-kriterji jew it-termini stabbiliti mir-Regolament Nru 343/2003. Il-persuna li tkun qegħda tfittex l-ażil tista’ wkoll tesponi r-raġunijiet li jġegħluha temmen li fl-Istat li fih ser tiġi ttrasferita, tista’ tiġi ssuġġettata għal trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. Jekk il-korp tal-appell jasal għall-konklużjoni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex legali, huwa jkollu jemendaha jew jannullaha, u jindika huwa stess l-Istat Membru li huwa jikkunsidra responsabbli mill-eżami tat-talba għal ażil. Konsegwentement, l-Istat Membru li fih tiġi ppreżentata t-talba għal ażil ikollu mill-ġdid jagħti bidu għall-proċedura prevista fl-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 343/2003.

46

Għall-kuntrarju, il-Gvern Elleniku, Ungeriż, tar-Renju Unit u Svizzeru jikkunsidraw li, b’mod konformi mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 343/2003, ir-rikors jista’ jkun jikkonċerna biss id-deċiżjoni li ma tiġix eżaminata t-talba u l-obbligu ta’ trasferiment. Dan jista’ jkun ibbażat biss fuq ksur ta’ drittijiet konkreti, bħall-ksur tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru ta’ trasferiment, jew il-protezzjoni tal-unità tal-familja. Il-Gvern Elleniku u Ungeriż kif ukoll tar-Renju Unit jenfasizzaw id-dewmien li jkun jirriżulta mir-riċerki relatati mal-Istat Membru responsabbli jew mill-konsultazzjonijiet ta’ Stat Membru ieħor meta r-Regolament Nru 343/2003 jinsisti fuq il-ħeffa tal-ipproċessar tat-talbiet għal ażil. Tali riċerki ma jkunux iġġustifikati, peress li, permezz tal-aċċettazzjoni ta’ Stat Membru, ikun ġie milħuq l-għan tar-Regolament Nru 343/2003, jiġifieri d-determinazzjoni ta’ Stat responsabbli għall-ipproċessar tat-talba għal ażil.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

47

Id-domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 u d-drittijiet tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil li jirriżultaw minn dan ir-regolament, li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil adottata mill-Unjoni Ewropea.

48

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, regolament, li huwa att li għandu applikazzjoni ġenerali, jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, minħabba n-natura stess u l-funzjoni tiegħu fis-sistema ta’ sorsi tad-dritt tal-Unjoni, huwa kapaċi jipprovdi lill-individwi bi drittijiet li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jipproteġu (sentenzi tal-10 ta’ Ottubru 1973, Variola, 34/73, Ġabra p. 981, punt 8; tas-17 ta’ Settembru 2002, Muñoz u Superior Fruiticola, C-253/00, Ġabra p. I-7289, punt 27, kif ukoll tal-14 ta’ Lulju 2011, Bureau national interprofessionnel du Cognac, C-4/10 u C-27/10, Ġabra p. I-6131, punt 40).

49

Jeħtieġ li jiġi vverifikat sa fejn id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003 effettivament jipprovdu lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil bi drittijiet li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jipproteġu.

50

Qabel xejn, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi biss għal rikors wieħed skont l-Artikolu 19(2) tiegħu. Din id-dispożizzjoni tipprevedi l-possibbiltà, tal-persuna li tkun qegħda tfittex l-ażil, li tippreżenta rikors jew talba għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni li t-talba ma tiġix eżaminata jew kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment tagħha lejn l-Istat Membru responsabbli. Barra minn hekk, id-Direttiva 2005/85, li tiddeskrivi b’mod partikolari, fil-Kapitolu V tagħha, il-proċeduri ta’ rikors fil-kuntest tal-eżami tat-talbiet għal ażil, tindika, fil-premessa 29 tagħha, li hija ma tapplikax għall-proċeduri rregolati mir-Regolament Nru 343/2003.

51

Fir-rigward tal-portata tar-rikors previst fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003, hemm lok li dan ir-regolament jiġi interpretat mhux biss fid-dawl tal-kliem tad-dispożizzjonijiet li jikkomponuh, iżda wkoll fid-dawl tal-istruttura ġenerali tiegħu, tal-għanijiet tiegħu u tal-kuntest tiegħu, partikolarment tal-evoluzzjoni li għadda minnha b’konnessjoni mas-sistema li jaqa’ fiha.

52

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar, minn naħa, li s-sistema Ewropea komuni tal-ażil ġiet żviluppata f’kuntest li jippermetti li jitqies li l-Istati kollha li ser jipparteċipaw fiha, kemm jekk Stati Membri u kemm jekk Stati terzi, ser jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet li l-bażi tagħhom tinsab fil-Konvenzjoni ta’ Genève u fil-Protokoll tal-1967, kif ukoll fil-KEDB, u li l-Istati Membri jistgħu juru fiduċja reċiproka f’dan ir-rigward (sentenza N.S. et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).

53

Huwa preċiżament minħabba dan il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament Nru 343/2003 bil-għan li jiġi rrazzjonalizzat l-ipproċessar tat-talbiet għal ażil u li jiġi evitat xogħol żejjed għas-sistema minħabba l-obbligu tal-awtoritajiet statali li jipproċessaw talbiet multipli ppreżentati mill-istess persuna li tkun qegħda tfittex l-ażil, u bil-għan li tiżdied iċ-ċertezza legali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-Istat responsabbli għall-ipproċessar tat-talba għal ażil u b’hekk li jiġi evitat “forum shopping”, u dan kollu fid-dawl tal-għan prinċipali li jitħaffef l-ipproċessar tat-talbiet fl-interess kemm tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil u kif ukoll fl-interess tal-Istati parteċipanti (sentenza N.S. et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79).

54

Min-naħa l-oħra, ir-regoli applikabbli għat-talbiet għal ażil ġew, fil-parti l-kbira tagħhom, armonizzati fil-livell tal-Unjoni, partikolarment u finalment, mid-Direttivi 2011/95 u 2013/32.

55

Isegwi li t-talba ta’ persuna li tkun qegħda tfittex l-ażil tiġi eżaminata, ġeneralment, skont l-istess regoli, ikun liema jkun l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ dik it-talba skont ir-Regolament Nru 343/2003.

56

Barra minn hekk, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 343/2003 u 1560/2003 jikkonfermaw l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jistabbilixxi, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ talba għal ażil, regoli organizzazzjonali li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, bħall-Konvenzjoni ta’ Dublin (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2013, Unanimes et, C‑671/11 sa C‑676/11, punt 28, kif ukoll Syndicat OP 84, C‑3/12, punt 29).

57

Għalhekk, l-Artikolu 3(2) (klawżola msejħa “ta’ sovranità”), u l-Artikolu 15(1), (klawżola umanitarja), tar-Regolament Nru 343/2003 huma intiżi sabiex jippreservaw il-prerogattivi tal-Istati Membri fl-eżerċizzju tad-dritt tal-għoti tal-ażil, indipendentement mill-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ talba b’applikazzjoni tal-kriterji definiti minn dan ir-regolament. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet fakultattivi, huma jagħtu setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi N.S. et iċċitati iktar ’il fuq, punt 65, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2012, K, C‑245/11, punt 27).

58

Bl-istess mod, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 343/2003 jippermetti lill-Istati Membri li jistabbilixxu bejniethom, fuq bażi bilaterali, arranġamenti amministrattivi relatati mal-modalitajiet prattiċi ta’ implementazzjoni ta’ dan ir-regolament li jistgħu, b’mod partikolari, jirriżultaw f’simplifikazzjoni tal-proċeduri u fi tqassir tat-termini applikabbli għat-trażmissjoni u l-eżami ta’ talbiet ta’ teħid tal-inkarigu u ta’ teħid lura ta’ persuni li jkunu qiegħdin ifittxu l-ażil. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1560/2003 – attwalment l-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 604/2013 – jipprevedi li, f’diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ qbil dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003, l-Istati Membri jistgħu jirrikorru għal proċedura ta’ konċiljazzjoni li fiha jipparteċipaw membri ta’ kumitat li jirrappreżenta tliet Stati Membri mhux involuti fil-każ, iżda li fil-kuntest tagħha ma huwiex previst is-smigħ tal-persuna li tkun qegħda tfittex l-ażil.

59

Fl-aħħar, wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 343/2003 huwa, kif jirriżulta mill-premessi 3 u 4 ta’ dan tal-aħħar, l-istabbiliment ta’ metodu ċar u effikaċi li jippermetti d-determinazzjoni b’ħeffa tal-Istat Membru responsabbli mill-ipproċessar ta’ talba għal ażil bil-għan li jiġi żgurat aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ determinazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat u li ma jiġix ippreġudikat l-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar tat-talbiet.

60

F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata hija dik tal-Istat Membru li fih tressqet it-talba għal ażil mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li ma tiġix eżaminata l-imsemmija talba u li tittrasferixxi din il-persuna lejn Stat Membru ieħor. Dan it-tieni Stat Membru aċċetta t-teħid tal-inkarigu tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali b’applikazzjoni tal-kriterju li jinsab fl-Artikolu 10(1) tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003, jiġifieri, bħala l-Istat Membru tal-ewwel dħul tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fit-territorju tal-Unjoni. F’tali sitwazzjoni, fejn l-Istat Membru jaċċetta t-teħid tal-inkarigu, u fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, il-persuna li tkun qegħda tfittex l-ażil tista’ tikkontesta l-għażla ta’ dan il-kriterju biss billi tinvoka l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi tal-proċedura tal-ażil u tal-kundizzjonijiet ta’ riċeviment tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil f’dak l-Istat Membru li jikkostitwixxu raġunijiet serji u vverifikati li jwasslu għall-konvinzjoni li din il-persuna li qegħda tfittex l-ażil ser tassumi riskju reali li tiġi ssuġġettata għal trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi N.S. et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 94 u 106, kif ukoll tal-14 ta’ Novembru 2013, Puid, C-4/11, punt 30).

61

Issa, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemm l-ebda indizju li jippermetti li jiġi kkunsidrat li dan huwa l-każ fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi fejn Stat Membru jkun aċċetta l-inkarigu ta’ persuna li tkun qegħda tfittex l-ażil b’applikazzjoni tal-kriterju inkluż fl-Artikolu 10(1) tal-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, jiġifieri, bħala l-Istat Membru tal-ewwel dħul tal-persuna li tkun qegħda tfittex l-ażil fit-territorju tal-Unjoni, din il-persuna tista’ tikkontesta l-għażla ta’ dan il-kriterju biss billi tinvoka l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi tal-proċedura tal-ażil u tal-kundizzjonijiet ta’ riċeviment tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil f’dak l-Istat Membru li jikkostitwixxu raġunijiet serji u verifikati li jwasslu għall-konvinzjoni li din il-persuna li qegħda tfittex l-ażil ser tassumi riskju reali li tiġi ssuġġettata għal trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

63

Peress li ż-żewġ domandi preliminari l-oħra saru f’każ li jkun ġie deċiż li l-persuna li qegħda tfittex l-ażil kellha dritt titlob l-istħarriġ tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-applikazzjoni tagħha għall-ażil, ma hemmx lok li tingħata risposta għalihom.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 19(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun determinat l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-ażil depożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi fejn Stat Membru jkun aċċetta l-inkarigu ta’ persuna li tkun qegħda tfittex l-ażil b’applikazzjoni tal-kriterju inkluż fl-Artikolu 10(1) tal-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, jiġifieri, bħala l-Istat Membru tal-ewwel dħul tal-persuna li tkun qegħda tfittex l-ażil fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, din il-persuna tista’ tikkontesta l-għażla ta’ dan il-kriterju biss billi tinvoka l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi tal-proċedura tal-ażil u tal-kundizzjonijiet ta’ riċeviment tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil f’dak l-Istat Membru li jikkostitwixxu raġunijiet serji u vverifikati li jwasslu għall-konvinzjoni li l-imsemmija persuna ser tassumi riskju reali li tiġi ssuġġettata għal trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top