Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0342

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-30 ta’ Mejju 2013.
Worten — Equipamentos para o Lar SA vs Autoridade para as Condições de Trabalho (ACT).
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal do Trabalho de Viseu.
Ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46/KE — Artikolu 2 — Kunċett ta’ ‘data personali’ — Artikoli 6 u 7 — Prinċipji dwar il-kwalità tad-data u l-kriterji biex l-ipproċessar tad-data jkun leġittimu — Artikolu 17 — Sigurtà tal-ipproċessar — Ħin tax-xogħol tal-ħaddiema — Reġistru tal-ħin tax-xogħol — Aċċess tal-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-sorveljanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol — Obbligu tal-persuna li timpjega li tagħmel disponibbli r-reġistru tal-ħin tax-xogħol b’mod li tippermetti li wieħed jikkonsultah b’mod immedjat.
Kawża C‑342/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:355

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

30 ta’ Mejju 2013 ( *1 )

“Ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46/KE — Artikolu 2 — Kunċett ta’ ‘data personali’ — Artikoli 6 u 7 — Prinċipji dwar il-kwalità tad-data u l-kriterji biex l-ipproċessar tad-data jkun leġittimu — Artikolu 17 — Sigurtà tal-ipproċessar — Ħin tax-xogħol tal-ħaddiema — Registru tal-ħin tax-xogħol — Aċċess tal-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-sorveljanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol — Obbligu tal-persuna li timpjega li tagħmel disponibbli r-reġistru tal-ħin tax-xogħol b’mod li tippermetti li wieħed jikkonsultah b’mod immedjat”

Fil-Kawża C‑342/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal do trabalho de Viseu (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Lulju 2012, fil-proċedura

Worten – Equipamentos para o Lar SA

vs

Autoridade para as Condições de Trabalho (ACT),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Worten – Equipamentos para o Lar SA, minn D. Abrunhosa e Sousa u J. Cruz Ribeiro, avukati,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u C. Vieira Guerra, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér kif ukoll minn K. Szíjjártó u Á. Szilágyi, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Costa de Oliveira u B. Martenczuk, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 17(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Worten – Equipamentos para o Lar SA (iktar ’il quddiem “Worten”), kumpannija li għandha s-sede tagħha f’Viseu (il-Portugall), u l-Autoridade para as Condições de Trabalho (awtorità ta’ sorveljanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, iktar ’il quddiem l-“ACT”), dwar it-talba għal aċċess ta’ din tal-aħħar għar-reġistru tal-ħin tax-xogħol ta’ din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 95/46

3

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

(b)

‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[...]”

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika.”

5

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, li jikkonċerna l-prinċipji dwar il-kwalità tad-data, jipprovdi:

“1.   Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:

[...]

(b)

miġbur għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessat aktar b’mod li ma jkunx kompatibbli ma dawk il-finijiet. Ippoċessar iktar ta’ data għal finijiet storiċi, ta’ statistika jew xjentifiċi m’għandux jitqies bħala inkompatibbli sakemm dak l-Istat Membru jagħti protezzjoni xierqa;

(ċ)

adekwat, rilevanti u mhux eċċessiv għall-finijiet li għalih jinġab u/jew jiġi iktar ipproċessat;

[...]

2.   Għandu jkun il-kontrollur li jassigura konformità mal-paragrafu 1.”

6

L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, li jirrigwarda l-prinċipji dwar il-kriterji biex l-ipproċessar tad-data jkun leġittimu, jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

[...]

(ċ)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur; jew

[...]

(e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data

[...]”

7

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Sigurtà ta’ l-ipproċessar”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jagħtu protezzjoni lil data personali kontra distruzzjoni aċċidentali jew illegali jew telf aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, partikolarment meta l-ipproċessar ikollu x’jaqsam mat-trasmissjoni ta’ data fuq network, u kontra kull forma oħra illegali ta’ ipproċessar.

Meħud kont ta’ l-iktar teknika avvanzata u n-nefqa biex ikunu implimentati, dawn il-miżuri għandhom jassiguraw livell xieraq ta’ sigurtà kontra r-riskji li l-ipproċessar u n-natura tad-data li għandha tkun protetta iġibu magħhom.

[...]”

Id-Direttiva 2003/88/KE

8

Bit-titolu “Għan u skop”, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.   Din id-Diretiva tapplika għal:

(a)

il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa [...]

[...]”

9

Bit-titolu “Ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa”, l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, skond il-ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:

[...]

(b)

il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perjodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma tkunx teċċedi it-48 siegħa.”

10

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmija direttiva:

“Stat Membru għandu jkollu l-għażla li ma japplikax l-Artikolu 6, waqt li jirrispetta l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema, u basta li hu jieħu l-miżuri meħtieġa ħalli jassigura li:

(a)

li min jimpjega ma jkunx jeħtieġ li ħaddiem jaħdem aktar minn 48 siegħa matul perjodu ta’ sebat ijiem [...] sakemm ma jkunx l-ewwel akkwista l-ftehim tal-ħaddiem ħalli jwettaq xogħol bħal dak;

[...]

(ċ)

min jimpjega iżomm rekords [reġistri] aġġornati tal-ħaddiema kollha li jwettqu xogħol bħal dak;

(d)

li r-rekords [reġistri] jitqiegħdu għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu, għal raġunijiet konnessi mas-sigurtà u/jew is-saħħa tal-ħaddiema, jipprojbixxu jew jirristrinġu l-possibbiltà li jkunu misbuqa s-sigħat massimi ta’ xogħol matul ġimgħa;

[…]”

Il-leġiżlazzjoni Portugiża

11

L-Artikolu 202 tal-Kodiċi tax-Xogħol (codigo do trabalho), approvat bil-Liġi Nru 7/2009, tat-12 ta’ Frar 2009, bit-titolu “Reġistru tal-ħin tax-xogħol” jipprovdi:

“1)

Il-persuna li timpjega għandha żżomm reġistru tal-ħinijiet tax-xogħol – anki għall-ħaddiema li ma humiex marbuta bi skeda tal-ħin – f’post aċċessibbli u b’mod li jippermetti l-konsultazzjoni immedjata tiegħu.

2)

Ir-reġistru għandu jindika l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tax-xogħol, bl-interruzzjonijiet jew il-pawżi li ma jagħmlux parti mill-ħin maħdum, b’mod li jkun jista’ jiġi ddeterminat in-numru ta’ sigħat tax-xogħol mogħtija mill-ħaddiem, f’kull jum u f’kull ġimgħa [...]

[...]

5)

Il-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jikkostitwixxi ksur amministrattiv serju.”

12

Il-Liġi Nru 107/2009, tal-14 ta’ Settembru 2009 tinkludi, b’mod partikolari, id-dispożizzjoni li ġejja:

“Artikolu 10 –

Proċeduri ta’ spezzjoni

1.   Fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, l-ispettur tax-xogħol għandu jwettaq, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni partikolari, il-proċeduri li ġejjin:

a)

jitlob, b’effett immedjat jew bl-għan ta’ preżentazzjoni lid-dipartimenti deċentralizzati tad-dipartiment ta’ spezzjoni tal-Ministeru tax-Xogħol, jeżamina u jikkopja d-dokumenti u reġistri oħra utli sabiex jiġu ddeterminati r-relazzjonijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol;

[...]

2.   Fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, l-ispettur tas-sigurtà soċjali għandu jwettaq, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni partikolari, il-proċeduri li ġejjin:

a)

jitlob u jikkopja, b’effett immedjat, għall-eżaminazzjoni, konsultazzjoni jew għaż-żieda ma’ proċessi verbali, il-kotba, dokumenti, reġistri, arkivji u elementi oħra rilevanti li jappartjenu għall-entitajiet li l-attività tagħhom hija suġġetta għall-ispezzjoni u huma utli għall-verifika tal-fatti li tagħhom issir spezzjoni;

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Fid-9 ta’ Marzu 2010, l-ACT wettqet spezzjoni tal-istabbiliment ta’ Worten li jinsab f’Viseu, u fi tmiemha għamlet proċess verbali li jikkonstata li:

f’dan l-istabbiliment din il-kumpannija kienet timpjega erba’ impjegati li jaħdmu bix-shift;

ir-reġistru tal-ħin tax-xogħol, fejn għandhom jidhru l-perijodi ta’ xogħol ta’ kull jum, il-mistrieħ ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa kif ukoll il-kalkolu tas-sigħat tax-xogħol ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa għall-ħaddiema, ma kienx disponibbli għal konsultazzjoni immedjata;

il-ħaddiema kienu jirreġistraw il-ħin tax-xogħol tagħhom billi jdaħħlu kard manjetika f’arloġġ li jirreġistra l-ħin imqiegħed fil-bini ta’ ħanut li jinsab maġenb l-imsemmi stabbiliment;

ir-reġistru tal-ħin tax-xogħol mhux biss ma kienx aċċessibbli għal kull ħaddiem tal-impriża u tal-istabbiliment fejn huwa kien jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, iżda wkoll, barra minn dan, l-aċċess għalih kien riżervat għall-persuna li għandha aċċess permezz tal-informatika, jiġifieri l-persuna responsabbli reġjonali ta’ Worten, li matul l-imsemmija spezzjoni kien assenti, u f’tali każ, l-istruttura ċentrali tar-riżorsi umani ta’ Worten biss setgħet tipprovdi l-informazzjoni li tinsab fl-imsemmi reġistru.

14

Fil-15 ta’ Marzu 2010, fuq ordni sabiex din l-informazzjoni tiġi ppreżentata, ir-reġistru tal-ħin tax-xogħol li jinkludi l-elementi meħtieġa legalment intbagħat lill-ACT.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2012, l-ACT qieset li Worten kienet ħatja ta’ ksur amministrattiv serju tal-liġi tax-xogħol, billi kisret ir-regoli dwar ir-reġistru tal-ħin tax-xogħol previsti fl-Artikolu 202(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol, sa fejn din il-kumpannija ma ppermettietx li l-ACT tkun tista’ twettaq konsultazzjoni immedjata, fl-istabbiliment ikkonċernat, tar-reġistru tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema assenjati f’dan l-istabbiliment. Il-gravità tal-ksur tinsab fil-fatt li r-reġistru tal-ħin tax-xogħol jippermetti li b’mod dirett u rapidu tiġi ddeterminata l-konformità tal-organizzazzjoni tal-attività ta’ impriża mal-leġiżlazzjoni dwar il-ħin tax-xogħol. Konsegwentement, l-ACT imponiet fuq Worten multa ta’ EUR 2 000.

16

Worten ippreżentat rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni, quddiem it-tribunal do trabalho de Viseu.

17

F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tribunal do trabalho de Viseu ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol, jiġifieri l-indikazzjoni, għal kull ħaddiem, tal-ħin tal-bidu u tat-tmiem tax-xogħol, kif ukoll tal-interruzzjonijiet [waqfiet] jew tal-pawsi korrispondenti, hija inkluża fil-kunċett ta’ data personali?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 95/46 [...], l-Istat Portugiż huwa obbligat jipprovdi miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa li jipproteġu d-data personali kontra distruzzjoni aċċidentali jew illegali[,] telf aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, partikolarment meta l-ipproċessar jikkonċerna t-trażmissjoni ta’ data fuq netwerk?

3)

Bl-istess mod, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, meta l-Istat Membru ma jadotta l-ebda miżura skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 95/46 [...] u meta l-entità li tħaddem [il-persuna li timpjega], li hija responsabbli għall-ipproċessar [l-kontrollur] ta’ tali data, tadotta sistema ta’ aċċess ristrett għal data bħal din, li ma tippermettix aċċess awtomatiku għal tali data mill-awtorità nazzjonali responsabbli għas-superviżjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jissanzjona lill-imsemmija entità li tħaddem [il-persuna li timpjega] għal dan l-aġir?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

18

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li reġistru tal-ħin tax-xogħol, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkludi l-indikazzjoni, għal kull ħaddiem, tal-ħin tal-bidu u tat-tmiem tax-xogħol, kif ukoll tal-waqfiet jew pawżi korrispondenti, jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “data personali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

19

F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, hekk kif sostnew il-persuni kkonċernati kollha li ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub, id-data li tinsab f’reġistru tal-ħin tax-xogħol bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonċerna l-perijodu ta’ xogħol ta’ kull jum kif ukoll il-perijodi ta’ mistrieħ għal kull ħaddiem, tikkostitwixxi data personali, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, peress li din hija “data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali [fiżika] identifikata jew identifikabbli” (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C-465/00, C-138/01 u C-139/01, Ġabra p. I-4989, punt 64; tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber, C-524/06, Ġabra p. I-9705, punt 43, kif ukoll tas-7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer, C-553/07, Ġabra p. I-3889, punt 42).

20

Il-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, il-konservazzjoni, il-konsultazzjoni, l-użu ta’ tali data minn persuna li timpjega kif ukoll it-trażmissjoni tagħha minn din tal-aħħar lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-sorveljanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għaldaqstant għandhom in-natura ta’ “pproċessar ta’ data personali”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/76 (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Österreichischer Rundfunk et, punt 64, kif ukoll Huber, punt 43).

21

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, peress li fil-kawża prinċipali huwa paċifiku li dan l-ipproċessar ta’ data personali huwa awtomatiku u ebda waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 ma hija applikabbli, l-imsemmi pproċessar jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

22

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li reġistru tal-ħin tax-xogħol, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkludi l-indikazzjoni tal-ħin tal-bidu u tat-tmiem tax-xogħol għal kull ħaddiem, kif ukoll il-waqfiet u l-pawżi korrispondenti, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “data personali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

23

Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li kull Stat Membru għandu l-obbligu li jipprovdi miżuri tekniċi u miżuri ta’ organizzazzjoni xierqa sabiex jipproteġi d-data personali kontra d-distruzzjoni aċċidentali jew illegali, it-telf aċċidentali, it-tibdil, l-iżvelar jew l-aċċess mhux awtorizzat, u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk Stat Membru li ma jkunx adotta tali miżuri għandux dritt jimponi sanzjoni fuq persuna li timpjega li, bħala l-kontrollur tal-imsemmija data, adottat sistema ta’ aċċess ristrett li ma tippermettix aċċess immedjat lill-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-sorveljanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għal din id-data.

24

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 95/46, dwar is-sigurtà tal-ipproċessar, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur ta’ data personali għandu jimplementa miżuri tekniċi u ta’ organizzazzjoni xierqa biex jiżguraw livell ta’ sigurtà xieraq fid-dawl tar-riskji ppreżentati mill-imsemmi pproċessar u min-natura tad-data li għandha tiġi protetta, b’kunsiderazzjoni tal-iktar teknika avvanzata u n-nefqa biex jiġu implementati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rijkeboer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

25

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għall-premessa li fuqha huma bbażati t-tieni u t-tielet domandi, l-imsemmi Artikolu 17(1) ma jimponix fuq l-Istati Membri, ħlief meta jkollhom il-kwalità ta’ kontrollur, li jadottaw dawn il-miżuri tekniċi u ta’ organizzazzjoni, liema obbligu huwa responsabbiltà biss tal-kontrollur, jiġifieri, f’dan il-każ, il-persuna li timpjega. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li fl-ordinament ġuridiku tagħhom jadottaw dispożizzjoni li tipprovdi għal dan l-obbligu.

26

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju bl-ebda mod ma jirriżulta li d-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet is-suġġett ta’ distruzzjoni aċċidentali jew illegali, telf aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, jew forma oħra ta’ pproċessar illegali, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 95/46. Għall-kuntrarju, mill-elementi li jinsabu fil-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha, jirriżulta li huwa paċifiku li, f’din il-kawża, l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-sorveljanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għal din id-data huwa awtorizzat mid-dritt nazzjonali.

27

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Worten madankollu ssostni li l-obbligu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tar-reġistru tal-ħin tax-xogħol sabiex jippermetti l-konsultazzjoni immedjata tiegħu, previst fl-Artikolu 202(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol, fil-prattika huwa inkompatibbli mal-obbligu li tiġi stabbilita sistema ta’ protezzjoni xierqa tad-data personali li tinsab f’dan ir-reġistru. Fil-fatt, tali obbligu huwa ekwivalenti għal li jiġi ammess li kull impjegat tal-impriża kkonċernata jista’ jibbenefika minn aċċess għal tali data, u dan bi ksur tal-obbligu, previst fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 95/46, li tiġi żgurata s-sigurtà ta’ din id-data. Tali aċċess daqstant wiesa’ għaldaqstant ineħħi kull effettività ta’ din id-dispożizzjoni.

28

Tali argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, kuntrarjament għall-ewwel premessa li fuqha dan jinsab ibbażat, l-obbligu ta’ persuna li timpjega, bħala l-kontrollur ta’ data personali, li tipprovdi aċċess immedjat għar-reġistru tal-ħin tax-xogħol lill-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-sorveljanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol bl-ebda mod ma jfisser li d-data personali li tinsab f’dan ir-reġistru għandha bilfors, minħabba dan il-fatt waħdu, issir aċċessibbli għal persuni mhux awtorizzati għal dan l-għan. Hekk kif il-Gvern Portugiż sostna ġustament, fil-fatt huwa kull kontrollur ta’ data personali, skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 95/46, li għandu l-obbligu jadotta l-miżuri tekniċi u ta’ organizzazzjoni neċessarji sabiex jiżgura ruħu li persuni debitament awtorizzati jaċċedu għad-data personali kkonċernata biss ikollhom id-dritt li jissodisfaw talba għal aċċess li toriġina minn terz.

29

F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jidhirx li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 95/46 hija rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

30

Madankollu, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi dwar il-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew magħmula lilha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-missjoni li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid‑domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2007, Campina, C-45/06, Ġabra p. I-2089, punti 30 u 31, kif ukoll tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C-243/09, Ġabra p. I-9849, punt 39).

31

Konsegwentement, anki jekk formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tad‑Direttiva 95/46 biss, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara s-sentenza Fuß, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

32

F’dan il-każ, mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li l-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq il-persuna li timpjega l-obbligu li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-sorveljanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ir-reġistru tal-ħin tax-xogħol b’mod li tippermetti l-konsultazzjoni immedjata tiegħu. Hekk kif jirriżulta mill-punt 15 ta’ din is-sentenza, fil-fatt huwa minħabba l-ksur ta’ dan l-obbligu previst fl-Artikolu 202(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol li ġiet imposta sanzjoni pekunjarja fuq Worten.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46, intitolat “Regoli ġenerali dwar il-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali”, bla ħsara għad-derogi aċċettati taħt l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, kull ipproċessar ta’ data personali għandu, minn naħa, jikkonforma mal-prinċipji dwar il-kwalità tad-data elenkati fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva u, min-naħa l-oħra, jissodisfa wieħed mill-prinċipji sabiex l-ipproċessar ta’ data jkun leġittimu, li huma elenkati fl-Artikolu 7 tal-istess direttiva (is-sentenzi Österreichischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65; Huber, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48, kif ukoll tal-24 ta’ Novembru 2011, ASNEF u FECEMD, C-468/10 u C-469/10, Ġabra p. I-12181, punt 26).

34

B’mod partikolari, id-data għandha, skont l-Artikolu 6(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 95/46, “[tinġabar] għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi”, kif ukoll għandha tkun “adekwat[a], rilevanti u mhux eċċessiv[a]” fir-rigward tal-imsemmija għanijiet. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(ċ) u (e) tal-istess direttiva, l-ipproċessar tad-data personali huwa legali jekk “ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur” jew jekk “ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data” rispettivament (sentenza Österreichischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

35

Dan jidher li huwa l-każ f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, peress li jidher - u din hija xi ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika - minn naħa, li d-data personali li tinsab fir-reġistru tal-ħin tax-xogħol tinġabar sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-leġiżlazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, li l-ipproċessar ta’ din id-data personali huwa meħtieġ sabiex jiġi osservat obbligu legali li għalih hija suġġetta l-persuna li timpjega, kif ukoll sabiex il-missjonijiet ta’ kontroll fdati lill-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-sorveljanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jitwettqu.

36

Fir-rigward tal-modalitajiet konkreti tal-organizzazzjoni tal-aċċess ta’ din l-awtorità nazzjonali għal din id-data personali sabiex tiżgura l-missjonijiet tagħha ta’ sorveljanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, għandu jitfakkar li huwa biss l-għoti ta’ aċċess lil awtoritajiet li għandhom kompetenza f’dan il-qasam jista’ jitqies bħala meħtieġ, fis-sens tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Huber, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

37

F’dak li jikkonċerna l-obbligu tal-persuna li timpjega li tipprovdi lill-imsemmija awtorità nazzjonali aċċess immedjat għar-reġistru tal-ħin tax-xogħol, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali obbligu jista’ jkun meħtieġ, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk huwa jikkontribwixxi għal applikazzjoni iktar effikaċi tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol (ara, b’analoġija, is-sentenza Huber, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 2003/88 huwa li tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għixien u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar, b’mod partikolari, il-ħinijiet tax-xogħol, u dan billi tiżgura li dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ mistrieħ – b’mod partikolari ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa – kif ukoll minn perijodi ta’ pawża xierqa, u billi tipprovdi limitu massimu għall-ħin ta’ xogħol fil-ġimgħa (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 76, kif ukoll tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C-429/09, Ġabra p. I-12167, punt 43).

39

F’din il-perspettiva, l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 jobbliga lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-“miżuri meħtieġa” sabiex, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma tkunx teċċedi t-48 siegħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Pfeiffer et, punt 100, kif ukoll tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, punt 33).

40

Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu ma japplikawx id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li, permezz tal-miżuri meħtieġa meħuda għal dan l-għan, huma jiżguraw li l-persuna li timpjega żżomm reġistri aġġornati tal-ħaddiema kkonċernati kollha [il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmija direttiva] u li dawn ir-reġistri jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jistgħu jipprojbixxu jew jirrestrinġu, għal raġunijiet ta’ sigurtà u/jew ta’ saħħa tal-ħaddiema, il-possibbiltà li l-limitu massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa jinqabeż [il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-istess direttiva].

41

Skont il-Kummissjoni Ewropea, minkejja li d-Direttiva 2003/88 ma timponix, b’mod espliċitu, l-obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jadottaw leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jibqa’ l-fatt li l-kontroll tal-osservanza tal-obbligi imposti minn din id-direttiva jista’ jinkludi, bħala “miżuri meħtieġa” għat-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintleħqu minnha, l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ sorveljanza. Issa, l-obbligu tal-persuna li timpjega li tippermetti konsultazzjoni immedjata tar-reġistru tal-ħin tax-xogħol huwa ta’ natura li jevita kull possibbiltà ta’ tibdil tad-data matul l-intervall li jissepara ż-żjara ta’ spezzjoni mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-kontroll effettiv tal-imsemmija data minn dawn l-awtoritajiet.

42

Għall-kuntrarju, Worten issostni li dan l-obbligu huwa eċċessiv, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-interferenza li dan jimplika fil-ħajja privata tal-ħaddiema. Fil-fatt, minn naħa, ir-reġistru tal-ħin tax-xogħol huwa maħsub li jagħti lill-ħaddiem mezz ta’ kif ikollu prova għall-finijiet tal-verifika tal-ħin effettivament maħdum. Issa, l-awtentiċità ta’ dan ir-reġistru ma ġietx ikkontestata fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi reġistru jippermetti li titwettaq evalwazzjoni tal-medja tal-ħinijiet ta’ xogħol imwettqa, għal finijiet ta’ kontroll, b’mod partikolari tal-eżenzjonijiet mill-ħin tax-xogħol. Għal dan l-għan, id-disponibbiltà immedjata ta’ dawn ir-reġistri ma għandha ebda valur miżjud. Barra minn hekk, l-informazzjoni li tinsab fl-istess reġistru tista’ tintbagħat iktar tard.

43

F’din il-kawża, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk l-obbligu, tal-persuna li timpjega, li tipprovdi lill-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-sorveljanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol aċċess għar-reġistru tal-ħin tax-xogħol b’mod li tippermetti li dan jiġi kkonsultat b’mod immedjat, jistax jitqies bħala meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq, minn din l-awtorità, tal-missjoni tagħha ta’ sorveljanza, billi jikkontribwixxi għal applikazzjoni iktar effikaċi tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-ħin tax-xogħol.

44

F’dan ir-rigward madankollu għandu jiġi ppreċiżat li, fi kwalunkwe każ, sa fejn tali obbligu huwa meqjus bħala meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq, is-sanzjonijiet imposti sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 2003/88 għandhom ukoll josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li hija wkoll xi ħaġa li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C-101/01, Ġabra p. I-12971, punt 88).

45

F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-risposta għat-tieni u t-tielet domandi għandha tkun li l-Artikoli 6(1)(b) u (ċ), kif ukoll 7(ċ) u (e) tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq il-persuna li timpjega l-obbligu li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-sorveljanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ir-reġistru tal-ħin tax-xogħol sabiex tippermetti l-konsultazzjoni immedjata tiegħu, sa fejn dan l-obbligu jkun meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq, minn din l-awtorità, tal-missjonijiet tagħha ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, u b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-ħin tax-xogħol.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li reġistru tal-ħin tax-xogħol, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkludi l-indikazzjoni tal-ħin tal-bidu u tat-tmiem tax-xogħol għal kull ħaddiem, kif ukoll il-waqfiet u l-pawżi korrispondenti, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “data personali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

L-Artikoli 6(1)(b) u (ċ) kif ukoll l-Artikolu 7(ċ) u (e) tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq il-persuna li timpjega l-obbligu li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-sorveljanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ir-reġistru tal-ħin tax-xogħol sabiex tippermetti l-konsultazzjoni immedjata tiegħu, sa fejn dan l-obbligu jkun meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq, minn din l-awtorità, tal-missjonijiet tagħha ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, u b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-ħin tax-xogħol.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Top