EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0314

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-27 ta’ Marzu 2014.
UPC Telekabel Wien GmbH vs Constantin Film Verleih GmbH u Wega Filmproduktionsgesellschaft mbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Soċjetà tal-informazzjoni — Direttiva 2001/29/KE — Sit internet li jqiegħed xogħlijiet ċinematografiċi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr il-kunsens tad-detenturi ta’ dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur — Artikolu 8(3) — Kunċett ta’ ‘intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat’ — Fornitur tal-aċċess għall-internet — Digriet indirizzat lil fornitur tal-aċċess għall-internet li jipprojbih milli jipprovdi lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal sit internet — Ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali.
Kawża C‑314/12.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:192

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

27 ta’ Marzu 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminary — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Soċjetà tal-informazzjoni — Direttiva 2001/29/KE — Sit internet li jqiegħed xogħlijiet ċinematografiċi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr il-kunsens tad-detenturi ta’ dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur — Artikolu 8(3) — Kunċett ta’ ‘intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat’ — Fornitur tal-aċċess għall-internet — Digriet indirizzat lil fornitur tal-aċċess għall-internet li jipprojbih milli jipprovdi lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal sit internet — Ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali”

Fil-Kawża C‑314/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura

UPC Telekabel Wien GmbH

vs

Constantin Film Verleih GmbH,

Wega Filmproduktionsgesellschaft mbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, M. Safjan, J. Malenovský (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal UPC Telekabel Wien GmbH, minn M. Bulgarini u T. Höhne, avukat,

għal Constantin Film Verleih GmbH u Wega Filmproduktionsgesellschaft mbH, minn A. Manak u N. Kraft, avukati,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Schillemans u C. Wissels, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn S. Malynicz, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u F. W. Bulst, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Novembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5(1) u (2)(b) u 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), kif ukoll ta’ ċerti drittijiet fundamentali stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, UPC Telekabel Wien GmbH (iktar ’il quddiem “UPC Telekabel”) u, min-naħa l-oħra, Constantin Film Verleih GmbH (iktar ’il quddiem “Constantin Film”) u Wega Filmproduktionsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Wega”) dwar talba intiża sabiex UPC Telekabel tiġi ordnata tibblokka l-aċċess tal-klijenti tagħha għal sit internet li jqiegħed ċerti films ta’ dawn tal-aħħar għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr il-kunsens tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Fil-premessi 9 u 59 tad-Direttiva 2001/29 jingħad:

“(9)

Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. [...] Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

[...]

(59)

Fl-ambitu diġitali, b’mod partikolari, is-servizzi ta’ intermedjarji jistgħu jintużaw dejjem aktar minn partijiet terzi għal attivitajiet illegali. F’ħafna każi dawn l-intermedjarji jinsabu fl-aħjar posizzjoni biex itemmu dawn l-attivitajiet illegali. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għal kull sanzjoni u rimedji oħra disponibbli, detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom il-possibbiltà li japplikaw għal inġunzjoni kontra intermedjarju li jibgħat f’network illegalità minn terza parti ta’ xogħol protett jew suġġett [oġġett] ieħor. [...] Il-kondizzjonijiet u l-modalitajiet relatati dwar dawn l-inġunzjonijiet għandhom jitħallew skont il-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri.”

4

L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, mingħajr enfasi partikolari fuq is-soċjetà ta’ informazzjoni.”

5

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

[...]

(ċ)

għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

[...]”

6

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Sanzjonijiet u Rimedji”, jistabbilixxi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.”

Id-dritt Awstrijak

7

L-Artikolu 18a(1) tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur (Urheberrechtsgesetz) tad-9 ta’ April 1936 (BGBl. 111/1936), kif emendata bil-Liġi l-ġdida tal-2003 dwar id-drittijiet tal-awtur (Urheberrechtsgesetz-Novelle 2003, BGBl. I, 32/2003 (iktar ’il quddiem l-“UrhG”) huwa fformulat hekk:

“L-awtur għandu d-dritt esklużiv li jqiegħed ix-xogħol tiegħu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li jippermetti lil kulħadd ikollu aċċess għalih fil-post u fil-ħin tal-għażla tagħhom.”

8

L-Artikolu 81(1) u (1a) tal-UrhG jistabbilixxi:

“1.   Kull persuna li d-dritt esklużiv tagħha mogħti mil-liġi preżenti jiġi miksur jew li taħseb li jista’ jkun hemm tali ksur tista’ tagħmel rikors għal mandat ta’ inibizzjoni. Jistgħu wkoll jittieħdu passi legali wkoll kontra l-proprjetarju ta’ impriża jekk il-ksur twettaq, jew hemm ir-riskju li jitwettaq, matul l-attività tal-impriża tiegħu minn wieħed mill-impjegati tiegħu jew minn mandatarju; l-Artikolu 81(1a) għandu japplika mutatis mutandis.

1a.   Jekk l-awtur ta’ tali ksur, jew il-persuna li probabbilment tista’ twettaq dan il-ksur, jużaw għal dan l-iskop is-servizzi ta’ intermedjarju, jista’ jiġi ppreżentat ukoll rikors għal mandat ta’ inibizzjoni kontra dan tal-aħħar skont il-paragrafu 1. [...]”

9

L-Artikolu 355(1) tal-Kodiċi dwar il-proċeduri ta’ infurzar jipprovdi:

“Il-proċedura ta’ infurzar kontra l-persuna obbligata li tieqaf minn aġir jew li tittollera aġir tistabbilixxi li, għal kull ksur magħmul wara li l-obbligu jkun kiseb forza eżekuttiva, il-qorti li tkun adita bl-infurzar, meta takkordah, għandha timponi, wara talba, sanzjoni pekunjarja. Għal kull ksur ulterjuri, il-qorti adita bl-infurzar għandha timponi, wara talba, sanzjoni pekunjarja addizzjonali jew piena ta’ ħabs għal perijodu totali ta’ żmien ta’ mhux iktar minn sena. [...]”

10

Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fl-istadju tal-proċedura ta’ infurzar, id-destinatarju tal-projbizzjoni jista’ jsostni, sabiex jeżonera ruħu mir-responsabbiltà, li huwa ħa l-miżuri kollha li wieħed jista’ jistenna minnu sabiex jimpedixxi r-riżultat ipprojbit.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Constantin Film u Wega, żewġ kumpanniji ta’ produzzjoni ċinematografika, wara li kkonstataw li sit internet kien qiegħed joffri, mingħajr il-kunsens tagħhom, jew li wieħed jiskarika, jew li wieħed jara permezz ta’ “streaming” ċerti films li pproduċew huma, ressqu azzjoni quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji bil-għan li jiksbu, abbażi tal-Artikolu 81(1a) tal-UrhG, il-ħruġ ta’ digriet li jordna lil UPC Telekabel, fornitur tal-aċċess għall-internet, sabiex tibblokka l-aċċess tal-klijenti tagħha għas-sit internet inkwistjoni, sa fejn dan is-sit iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr il-kunsens tagħhom, xogħlijiet ċinematografiċi li fuqhom huma għandhom drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur.

12

Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Mejju 2011, il-Handelsgericht Wien (l-Awstrija) ipprojbixxiet lil UPC Telekabel milli tipprovdi lill-klijenti tagħha l-aċċess għas-sit internet ikkontestat, u din il-projbizzjoni kellha titwettaq b’mod partikolari billi jiġi bblokkat l-isem tad-dominju u l-indirizz IP (“Internet Protocol”) attwali ta’ dan is-sit kif ukoll l-indirizzi IP l-oħrajn kollha ta’ dan tal-aħħar li din il-kumpannija setgħet tkun taf dwarhom.

13

Fix-xahar ta’ Ġunju 2011, is-sit internet ikkontestat waqqaf l-attività tiegħu wara azzjoni mill-pulizija Ġermaniża kontra dawn l-operaturi.

14

Permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Ottubru 2011, l-Oberlandesgericht Wien (l-Awstrija), bħala qorti tal-appell, irriformat parzjalment id-digriet tal-qorti tal-ewwel istanza billi din kienet speċifikat b’mod żbaljat il-mezzi li UPC Telekabel kellha timplementa sabiex twettaq l-ibblokkar tas-sit internet ikkontestat u għalhekk tinforza d-digriet ta’ ordni. Sabiex tilħaq din il-konklużjoni, l-Oberlandesgericht Wien l-ewwel nett ikkunsidrat li l-Artikolu 81(1a) tal-UrhG għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29. Sussegwentement, hija kkunsidrat li bl-għoti ta’ aċċess lill-klijenti tagħha għall-kontenut imtella’ online b’mod illegali, UPC Telekabel kellha tiġi kkunsidrata bħala intermedjarja li s-servizzi tagħha kienu qed jintużaw sabiex jinkisru drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur b’mod li Constantin Film u Wega kellhom dritt li jitolbu li tinħareġ ordni kontra din il-kumpannija. Madankollu, fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, l-Oberlandesgericht Wien ikkunsidrat li UPC Telekabel setgħet biss tkun obbligata, taħt forma ta’ obbligu ta’ riżultat, li tipprojbixxi lill-klijenti tagħha l-aċċess għas-sit internet ikkontestat, iżda li kellha tibqa’ libera li tiddeċiedi dwar il-mezzi ta’ implementazzjoni.

15

UPC Telekabel appellat fuq punti ta’ liġi (“Revision”) quddiem l-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija).

16

Insostenn tal-appell tagħha, UPC Telekabel sostniet b’mod partikolari li s-servizzi tagħha ma setgħux jiġu kkunsidrati li jiksru d-drittijiet tal-awtur jew dritt relatat fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, għaliex hija ma kellha ebda relazzjoni kummerċjali mal-operaturi tas-sit internet ikkontestat u ma ġiex ipprovat li l-klijenti tagħha kienu aġixxew b’mod illegali. Fi kwalunkwe każ, UPC Telekabel issostni li d-diversi miżuri ta’ bblokkar li jistgħu jiġu implementati jistgħu jiġu teknikament evitati kollha u xi wħud minnhom huma eċċessivament għalja.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tqiegħed oġġetti protetti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet [fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29] tkun qed tuża s-servizzi tal-fornitur tal-aċċess [għall-internet] ta’ persuni li jaċċedu għal dawn l-oġġetti?

2)

F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: riproduzzjoni magħmula għal użu personali [fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29] u riproduzzjoni temporanja jew inċidentali [fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29] huma permissibbli biss jekk il-kopja li serviet għar-riproduzzjoni tkun ġiet riprodotta, iddistribwita jew magħmula disponibbli għall-pubbliku legalment?

3)

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda, jiġifieri, fil-każ fejn ordni ta’ restrizzjoni jkollu jingħata kontra l-fornitur tal-aċċess [għall-internet] skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29: huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mal-bilanċ meħtieġ tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet ikkonċernati li jiġi pprojbiet lill-fornitur tal-aċċess [għall-internet] f’termini ġenerali ħafna (jiġifieri, mingħajr ma jiġu preskritti miżuri konkreti) li jipprovdi lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal sit tal-internet li l-kontenut tiegħu kollu kemm hu jew f’parti sostanzjali minnu ma jkunx ġie awtorizzat mid detentur tad-drittijiet meta l-fornitur tal-aċċess jista’ jevita l-pagamenti ta’ penalità intiżi sabiex jippenalizzaw ksur ta’ din il projbizzjoni billi jipprova li hu jkun ħa l-miżuri kollha raġonevoli?

4)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tielet domanda: huwa konformi mad-dritt tal Unjoni u b’mod partikolari mal-bilanċ meħtieġ tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet ikkonċernati li jiġu imposti fuq fornitur tal-aċċess [għall-internet] miżuri konkreti intiżi sabiex jagħmluha iktar diffiċli għall-klijenti tiegħu biex ikollhom aċċess għal sit tal-internet li l-kontenut tiegħu jkun ġie mqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ utenti illegalment meta dawn il-miżuri, li jirrikjedu spejjeż li ma humiex negliġibbli, jistgħu faċilment jiġu evitati mingħajr għarfien tekniku speċifiku?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

18

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li s-sit internet inkwistjoni fil-kawża prinċipali temm l-attività tiegħu ma jirrendix id-domandi preliminari inammissibbli.

19

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq it-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għall-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, punt 34).

20

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad‑domandi li jkunu sarulha (is-sentenza Aziz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

21

Madankollu, dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali, peress li jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li, skont id-dritt Awstrijak, il-qorti tar-rinviju għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha abbażi tal-fatti li jkunu ġew esposti fid-deċiżjoni tal-ewwel istanza, jiġifieri f’mument meta s-sit internet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien għadu aċċessibbli.

22

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

23

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(3) Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna li tqiegħed oġġetti protetti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq sit internet mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet, fis-sens tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, tkun qed tuża s-servizzi tal-fornitur tal-aċċess għall-internet tal-persuni li jikkonsultaw dawn l-oġġetti, li għandu jiġi kkunsidrat bħala intermedjarju fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29.

24

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li oġġetti protetti tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ utenti ta’ sit internet mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 3(2).

25

Peress li, skont din id-dispożizzjoni, id-detenturi tad-drittijiet igawdu mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kwalunkwe att ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, għandu jiġi kkonstatat li att ta’ tqegħid ta’ oġġett protett għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq sit internet magħmul mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet jikser id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati.

26

Sabiex tiġi rrimedjata tali sitwazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet inkwistjoni, l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi l-possibbiltà, għad-detenturi tad-drittijiet, li jitolbu li jinħareġ digriet ta’ restrizzjoni kontra l-intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw minn terzi biex jiksru xi wieħed mid-drittijiet tagħhom.

27

Fil-fatt, kif tindika wkoll il-premessa 59 tad-Direttiva 2001/29, peress li s-servizzi ta’ intermedjarji qegħdin jintużaw dejjem iktar sabiex jiksru d-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, f’ħafna każijiet, dawn l-intermedjarji jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex itemmu dan il-ksur.

28

F’dan il-każ, il-Handelsgericht Wien, u sussegwentement l-Oberlandesgericht Wien, ordnaw lil UPC Telekabel, fornitur tal-aċċess għall-internet ikkonċernat mill-ordni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ttemm il-ksur tad-drittijiet ta’ Constantin Film u ta’ Wega.

29

Madankollu, UPC Telekabel tikkontesta l-possibbiltà li tiġi kklassifikata, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, bħala intermedjarja li s-servizzi tagħha jintużaw biex jinkisru drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati.

30

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-premessa 59 tad-Direttiva 2001/29 li t-terminu “intermedjarju”, użat mill-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva, japplika għal kull persuna li tittrażmetti f’netwerk illegalità mwettqa minn terz kontra xogħol protett jew oġġett protett ieħor.

31

Fid-dawl tal-għan li d-Direttiva 2001/29 tfittex li tilħaq, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 9 tagħha, li huwa li d-detenturi tad-drittijiet jiġu ggarantiti livell għoli ta’ protezzjoni, il-kunċett ta’ illegalità hekk użat għandu jinftiehem li jinkludi s-sitwazzjoni fejn oġġett protett jitqiegħed fuq l-internet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet inkwistjoni.

32

Konsegwentement, billi l-fornitur tal-aċċess għall-internet huwa operatur li huwa responsabbli għal kull trażmissjoni fuq l-internet ta’ illegalità bejn wieħed mill-klijenti tiegħu u terz, peress li, bl-għoti tal-aċċess għan-netwerk, huwa jirrendi din it-trażmissjoni possibbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Frar 2009, LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten, C-557/07, Ġabra p. I-1227, punt 44), għandu jiġi kkunsidrat li fornitur tal-aċċess għall-internet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jippermetti lill-klijenti tiegħu li jkollhom aċċess għal oġġetti protetti mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet minn terz, huwa intermedjarju li s-servizzi tiegħu jintużaw biex jinkisru drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29.

33

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-għan li d-Direttiva 2001/29 tfittex li tilħaq. Fil-fatt, l-esklużjoni tal-fornituri tal-aċċess għall-internet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 tnaqqas sostanzjalment il-protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, mixtieqa minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, id-digriet LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten, iċċitat iktar ’il fuq, punt 45).

34

L-imsemmija konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-oġġezzjoni li skontha, sabiex l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 ikun applikabbli, huwa meħtieġ li tkun teżisti rabta kuntrattwali bejn il-fornitur tal-aċċess għall-internet u l-persuna li tkun wettqet il-ksur ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati.

35

Fil-fatt, la jirriżulta mill-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 8(3), u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2001/29, li hija meħtieġa xi rabta partikolari bejn il-persuna li tikser id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati u l-intermedjarju. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit lanqas ma jista’ jiġi dedott mill-għanijiet li din id-direttiva tfittex li tilħaq peress li jekk jiġi aċċettat dan ir-rekwiżit titnaqqas il-protezzjoni legali mogħtija lid-detenturi tad-drittijiet inkwistjoni, filwaqt li l-għan tal-imsemmija direttiva, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 9 tagħha, huwa preċiżament li jiġu ggarantiti livell għoli ta’ protezzjoni.

36

Il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 30 ta’ din is-sentenza lanqas ma hija invalidata mill-affermazzjoni li, sabiex tinkiseb ordni kontra fornitur tal-aċċess għall-internet, id-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati għandhom jipprovaw li ċerti klijenti tal-imsemmi fornitur effettivament jikkonsultaw, fuq is-sit internet inkwistjoni, l-oġġetti protetti mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet.

37

Fil-fatt, id-Direttiva 2001/29 teżiġi li l-miżuri li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu sabiex jikkonformaw ruħhom magħha għandhom bħala għanijiet mhux biss li jwaqqfu l-ksur tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati, iżda wkoll li jimpedixxuh (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended, C-70/10, Ġabra p. I-11959, punt 31, u tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM, C‑360/10, punt 29).

38

Issa tali effett preventiv jippresupponi li d-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati jistgħu jaġixxu mingħajr ma jkollhom għalfejn jipprovaw li l-klijenti ta’ fornitur tal-aċċess għall-internet effettivament jikkonsultaw l-oġġetti protetti mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr il-kunsens tal-imsemmija detenturi.

39

Dan huwa partikolarment minnu peress li l-eżistenza ta’ att ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħol għall-pubbliku tippresupponi biss li l-imsemmi xogħol ikun tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr ma huwa determinanti jekk il-persuni li jikkostitwixxu dan il-pubbliku effettivament kellhomx jew le aċċess għal dan ix-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 Diċembru 2006, SGAE, C-306/05, Ġabra p. I-11519, punt 43).

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tqiegħed oġġetti protetti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq sit internet mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet, fis-sens tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, tkun qed tuża s-servizzi tal-fornitur tal-aċċess għall-internet tal-persuni li jikkonsultaw dawn l-oġġetti, li għandu jiġi kkunsidrat bħala intermedjarju fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29.

Fuq it-tieni domanda

41

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it-tielet domanda

42

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li fornitur tal-aċċess għall-internet jiġi pprojbit, permezz ta’ ordni mogħtija minn qorti, milli jipprovdi lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal sit internet li jqiegħed online oġġetti protetti mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet, meta din l-ordni ma tispeċifikax liema miżuri għandu jieħu dan il-fornitur tal-aċċess u meta dan tal-aħħar jista’ jevita l-pagamenti ta’ penalità intiżi sabiex jippenalizzaw il-ksur tal-imsemmija ordni billi jipprova li jkun ħa l-miżuri kollha raġonevoli.

43

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 59 tad-Direttiva 2001/29, il-modalitajiet tal-ordnijiet li l-Istati Membri għandhom jipprovdu skont l-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva, bħal dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li għandhom jiġi ssodisfatti u l-proċedura li għandha tiġi segwita, jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali.

44

Dan premess, dawn ir-regoli nazzjonali, bl-istess mod bħall-applikazzjoni tagħhom mill-qrati nazzjonali, għandhom josservaw il-limitazzjonijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2001/29 kif ukoll mis-sorsi legali li l-premessa 3 ta’ din tal-aħħar tirreferi għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ ordni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottata abbażi tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, għandhom għaldaqstant jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali applikabbli, u dan f’konformità mal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

46

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta jkun hemm diversi drittijiet fundamentali li jkunu f’kunflitt, huma l-Istati Membri li, meta jittrasponu direttiva, għandhom jiżguraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni tagħha li tippermetti li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali applikabbli, protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Sussegwentement, meta jiġu implementati l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri għandhom mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konsistenti mal-imsemmija direttiva, iżda għandhom jiżguraw ukoll li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni tagħha li tkun f’kunflitt mal-imsemmija drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C-275/06, Ġabra p. I-271, punt 68).

47

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li ordni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meħuda abbażi tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, prinċipalment tqiegħed kontra xulxin, l-ewwel nett, id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati li jifformaw parti mid-dritt ta’ proprjetà intellettwali u huma għalhekk protetti skont l-Artikolu 17(2) tal-Karta, it-tieni nett, il-libertà tal-intrapriża li minnha jibbenefikaw l-operaturi ekonomiċi, bħall-fornituri tal-aċċess għall-internet, skont l-Artikolu 16 tal-Karta, u t-tielet nett, il-libertà ta’ informazzjoni tal-utenti tal-internet, li l-protezzjoni tagħha hija ggarantita mill-Artikolu 11 tal- Karta.

48

Fir-rigward tal-libertà tal-intrapriża, għandu jiġi kkonstatat li l-adozzjoni ta’ ordni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirrestrinġi din l-libertà.

49

Fil-fatt, id-dritt għal-libertà tal-intrapriża jinkludi b’mod partikolari d-dritt, għal kull impriża, li tkun tista’ tiddisponi liberament, fil-limiti tar-responsabbiltà li tinkorri għall-atti tagħha stess, mir-riżorsi ekonomiċi, tekniċi u finanzjarji li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha.

50

Issa ordni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali timponi limitazzjoni fuq id-destinatarju tagħha li tirrestrinġi l-użu liberu tar-riżorsi għad-dispożizzjoni tagħha, peress li tobbligaha tieħu miżuri li jistgħu jinvolvu spiża sinjifikattiva għaliha, li jista’ jkollhom impatt kunsiderevoli fuq l-organizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha jew li jistgħu jeħtieġu soluzzjonijiet tekniċi diffiċli u kumplessi.

51

Madankollu, tali ordni ma tidhirx li tikser is-sustanza nfisha tad-dritt għal-libertà tal-intrapriża ta’ fornitur tal-aċċess għall-internet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

52

Minn naħa, ordni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tħalli f’idejn id-destinatarju tagħha l-obbligu li jiddetermina l-miżuri konkreti li għandhom jittieħdu sabiex jinkiseb ir-riżultat mistenni b’tali mod li huwa jkun jista’ jagħżel li jimplementa miżuri li jkunu l-iktar adattati għar-riżorsi u għall-kapaċitajiet li huwa jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu u li jkunu kompatibbli mal-obbligi u l-isfidi l-oħra li jkollu jaffaċċja fl-eżerċizzju tal-attività tiegħu.

53

Min-naħa l-oħra, tali ordni tippermetti lid-destinatarju tagħha li jeżonera ruħu mir-responsabbiltà tiegħu billi jipprova li huwa ħa l-miżuri kollha raġonevoli. Issa din il-possibbiltà li jeżonera ruħu ovvjament għandha l-effett li d-destinatarju ta’ din l-ordni li ma jkunx obbligat li jagħmel sagrifiċċji insopportabbli, ħaġa li tidher li hija ġġustifikata speċjalment fid-dawl tal-fatt li dan tal-aħħar ma huwiex l-awtur tal-ksur tad-dritt fundamentali tal-proprjetà intellettwali li jkun instiga l-adozzjoni tal-imsemmija ordni.

54

F’dan ir-rigward, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, id-destinatarju ta’ ordni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jkollu l-possibbiltà li jsostni quddiem il-qorti, malli jsiru magħrufa l-miżuri ta’ implementazzjoni li jkun ħa u qabel ma tiġi adottata, jekk ikun il-każ, deċiżjoni li timponi sanzjoni fuqu, li l-miżuri meħuda kienu tabilħaqq dawk li setgħu jkunu mistennija minnu sabiex jimpedixxu r-riżultat ipprojbit.

55

Dan premess, meta d-destinatarju ta’ ordni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jagħżel il-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex jikkonforma ruħu magħha, huwa għandu jiżgura li jiġi osservat id-dritt fundamentali għal-libertà tal-informazzjoni tal-utenti tal-internet.

56

F’dan ir-rigward, il-miżuri li huma adottati mill-fornitur tal-aċċess għall-internet għandhom ikunu mmirati b’mod strett, fis-sens li għandhom iservu biex itemmu l-ksur, magħmul minn terz, tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati, mingħajr ma l-utenti tal-internet, li jużaw is-servizzi ta’ dan il-fornitur sabiex ikollhom aċċess b’mod leġittimu għal informazzjoni, jisfaw affettwati. Fin-nuqqas ta’ dan, l-interferenza tal-imsemmi fornitur fil-libertà ta’ informazzjoni tal-imsemmija utenti ma tkunx iġġustifikata fid-dawl tal-għan mixtieq.

57

Il-qrati nazzjonali għandu jkollhom il-possibbiltà li jivverifikaw li dan huwa l-każ. Issa fil-każ ta’ ordni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, jekk il-fornitur tal-aċċess għall-internet jadotta miżuri li jippermettulu jwettaq il-projbizzjoni ordnata, il-qrati nazzjonali ma jkollhomx il-possibbiltà li jwettqu tali stħarriġ fl-istadju tal-proċedura ta’ infurzar, fl-assenza ta’ kontestazzjoni f’dan ir-rigward. Konsegwentement, sabiex id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ ordni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa meħtieġ li r-regoli nazzjonali tal-proċedura jipprovdu għall-possibbiltà għall-utenti tal-internet li jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem il-qorti malli jsiru magħrufa l-miżuri ta’ implementazzjoni meħuda mill-fornitur tal-aċċess għall-internet.

58

F’dak li jikkonċerna d-dritt tal-proprjetà intellettwali, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li ma huwiex eskluż li l-infurzar ta’ ordni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jwassalx għal waqfien sħiħ tal-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali tal-persuni kkonċernati.

59

Fil-fatt, minn naħa, kif ġie kkonstatat, id-destinatarju ta’ tali ordni għandu l-possibbiltà li jeżonera ruħu mir-responsabbiltà u għalhekk li ma jadottax ċerti miżuri li eventwalment jistgħu jitwettqu, meta ma jkunux jistgħu jiġu kkunsidrati raġonevoli.

60

Min-naħa l-oħra, ma huwiex eskluż li ma teżisti jew li fil-prattika ma tista’ titwettaq ebda teknika li tippermetti t-tmiem sħiħ tal-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, ħaġa li jkollha bħala konsegwenza li ċerti miżuri meħuda jkunu, skont il-każ, evitabbli b’mod jew ieħor.

61

Għandu jiġi rrilevat li bl-ebda mod ma jirriżulta mill-Artikolu 17(2) tal-Karta li d-dritt tal-proprjetà intellettwali huwa invjolabbli u li, għaldaqstant, il-protezzjoni tiegħu għandha neċessarjament tkun ggarantita b’mod assolut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

62

Dan premess, il-miżuri li jittieħdu mid-destinatarju ta’ ordni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta tiġi implementata, għandhom ikunu effikaċi biżżejjed sabiex jiggarantixxu protezzjoni effettiva tad-dritt fundamentali inkwistjoni, jiġifieri għandu jkollhom bħala effett li jipprekludu jew, tal-inqas, li jirrendu diffiċli t-twettiq tal-konsultazzjoni mhux awtorizzata ta’ oġġetti protetti u li jiskoraġġixxu serjament lill-utenti tal-internet li jużaw is-servizzi tad-destinatarju ta’ din l-ordni milli jikkonsultaw dawn l-oġġetti mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom bi ksur tal-imsemmi dritt fundamentali.

63

Konsegwentement, minkejja li l-miżuri meħuda sabiex tiġi implementata ordni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux iwasslu, skont il-każ, għal waqfien sħiħ tal-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, huma ma jistgħux madankollu jiġu kkunsidrati inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ bilanċ ġust li għandu jinstab, skont l-Artikolu 52(1) in fine tal-Karta, bejn id-drittijiet fundamentali kollha applikabbli, bil-kundizzjoni madankollu li, minn naħa, ma jċaħħdux inutilment lill-utenti tal-internet mill-possibbiltà li jkollhom aċċess b’mod leġittimu għall-informazzjoni disponibbli u, min-naħa l-oħra, li jkollhom bħala effett li jipprekludu jew, tal-inqas, li jirrendu diffiċli t-twettiq tal-konsultazzjoni mhux awtorizzata ta’ oġġetti protetti u li jiskoraġġixxu serjament lill-utenti tal-internet li jużaw is-servizzi tad-destinatarju ta’ din l-ordni milli jikkonsultaw dawn l-oġġetti mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom bi ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali.

64

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li d-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li fornitur tal-aċċess għall-internet jiġi pprojbit, permezz ta’ ordni mogħtija minn qorti, milli jipprovdi lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal sit internet li jqiegħed online oġġetti protetti mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet, meta din l-ordni ma tispeċifikax liema miżuri għandu jieħu dan il-fornitur tal-aċċess u meta dan tal-aħħar jista’ jevita l-pagamenti ta’ penalità intiżi sabiex jippenalizzaw il-ksur tal-imsemmija ordni billi jipprova li jkun ħa l-miżuri kollha raġonevoli, bil-kundizzjoni madankollu li, minn naħa, il-miżuri meħuda ma jċaħħdux inutilment lill-utenti tal-internet mill-possibbiltà li jkollhom aċċess b’mod leġittimu għall-informazzjoni disponibbli u, min-naħa l-oħra, li dawn il-miżuri jkollhom bħala effett li jipprekludu jew, tal-inqas, li jirrendu diffiċli t-twettiq tal-konsultazzjoni mhux awtorizzata ta’ oġġetti protetti u li jiskoraġġixxu serjament lill-utenti tal-internet li jużaw is-servizzi tad-destinatarju ta’ din l-istess ordni milli jikkonsultaw dawn l-oġġetti mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom bi ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-awtoritajiet u mill-qrati nazzjonali.

Fuq ir-raba’ domanda

65

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tqiegħed oġġetti protetti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq sit internet mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet, fis-sens tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, tkun qed tuża s-servizzi tal-fornitur tal-aċċess għall-internet tal-persuni li jikkonsultaw dawn l-oġġetti, li għandu jiġi kkunsidrat bħala intermedjarju fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29.

 

2)

Id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li fornitur tal-aċċess għall-internet jiġi pprojbit, permezz ta’ ordni mogħtija minn qorti, milli jipprovdi lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal sit internet li jqiegħed online oġġetti protetti mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet, meta din l-ordni ma tispeċifikax liema miżuri għandu jieħu dan il-fornitur tal-aċċess u meta dan tal-aħħar jista’ jevita l-pagamenti ta’ penalità intiżi biex jippenalizzaw il-ksur tal-imsemmija ordni billi jipprova li jkun ħa l-miżuri kollha raġonevoli, bil-kundizzjoni madankollu li, minn naħa, il-miżuri meħuda ma jċaħħdux inutilment lill-utenti tal-internet mill-possibbiltà li jkollhom aċċess b’mod leġittimu għall-informazzjoni disponibbli u, min-naħa l-oħra, li dawn il-miżuri jkollhom bħala effett li jipprekludu jew, tal-inqas, li jirrendu diffiċli t-twettiq tal-konsultazzjoni mhux awtorizzata ta’ oġġetti protetti u li jiskoraġġixxu serjament lill-utenti tal-internet li jużaw is-servizzi tad-destinatarju ta’ din l-istess ordni milli jikkonsultaw dawn l-oġġetti mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom bi ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-awtoritajiet u mill-qrati nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top