Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0218

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Ottubru 2013.
Lokman Emrek vs Vlado Sabranovic.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Saarbrücken.
Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 15(1)(ċ) — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi — Possibbiltà li din il-ġurisdizzjoni tiġi limitata għall-kuntratti li jsiru mill-bogħod — Rabta kawżali bejn l-attività kummerċjali jew professjonali diretta lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur permezz tal-internet u l-konklużjoni tal-kuntratt.
Kawża C‑218/12.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:666

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 15(1)(ċ) — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi — Possibbiltà li din il-ġurisdizzjoni tiġi limitata għall-kuntratti li jsiru mill-bogħod — Rabta kawżali bejn l-attività kummerċjali jew professjonali diretta lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur permezz tal-internet u l-konklużjoni tal-kuntratt”

Fil-Kawża C‑218/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Saarbrücken (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ April 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Mejju 2012, fil-proċedura

Lokman Emrek

vs

Vlado Sabranovic,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ April 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Emrek, minn M. Kurt, avukat,

għal M. Sabranovic, minn M. Mauer, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u J. C. Halleux, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn B. Beaupère-Manokha, bħala aġent,

għall-Gvern Lussemburgiż, minn P. Frantzen u C. Schiltz, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Lulju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-intepretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Emrek u M. Sabranovic u li għandha bħala suġġett talbiet fil-qasam tal-garanzija wara l-konklużjoni ta’ kuntratt tal-bejgħ ta’ karrozza użata.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont il-premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001, “[i]r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

4

Skont il-premessa 13 tal-imsemmi regolament, fil-qasam ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, ta’ konsum u ta’ xogħol, għandha tiġi protetta l-parti l-iktar debboli permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi tagħha mir-regoli ġenerali.

5

L-Artikolu 2(1) tal-istess regolament jipprovdi l-prinċipju li jgħid li, indipendentament miċ-ċittadinanza tagħhom, il-persuni ddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom jiġu mħarrka fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

6

Fil-qasam kuntrattwali, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi, fil-punt 1(a) tiegħu, li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik tal-post fejn l-obbligu li huwa l-bażi tat-talba twettaq jew għandu jiġi mwettaq.

7

L-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi kif ġej:

“1.   F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ’l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu 4 u punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:

[...]

ċ)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi mezzi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.”

8

L-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“1.   Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.

2.   Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, L. Emrek, domiċiljat f’Saarbrücken (il-Ġermanja), kien qiegħed ifittex vettura użata.

10

V. Sabranovic imexxi fi Spicheren (Franza), belt li tinsab qrib il-fruntiera Ġermaniża, taħt l-isem kummerċjali Vlado Automobiles Import-Export, impriża ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ vetturi użati. Fl-imsemmija data, huwa kellu sit internet li kien jinkludi d-dettalji kollha tal-impriża tiegħu, inkluż numri tat-telefon Franċiżi u numru tat-telefon ċellulari Ġermaniż, flimkien mal-kodiċi internazzjonali rispettivi.

11

Billi sema’ mingħand konoxxenzi tiegħu u mhux mis-sit internet li seta’ jsib tali vettura mingħand l-impriża ta’ V. Sabranovic, L. Emrek mar fis-sede ta’ din l-impriża fi Spicheren.

12

Għalhekk, fit-13 ta’ Settembru 2010, L. Emrek, bħala konsumatur, ikkonkluda ma’ V. Sabranovic, fl-istabbiliment tiegħu, kuntratt ta’ bejgħ ta’ karrozza użata.

13

Permezz ta’ azzjoni mressqa sussegwentement quddiem l-Amtsgericht Saarbrücken (il-Ġermanja), L. Emrek ippreżenta t-talbiet tiegħu kontra V. Sabranovic fir-rigward tal-garanzija. Huwa kkunsidra li, skont l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, din il-qorti kellha ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tagħti deċiżjoni fuq tali azzjoni. Fil-fatt, mis-sit Internet ta’ V. Sabranovic jirriżulta li din l-attività kummerċjali hija wkoll immirata lejn il-Ġermanja.

14

L-imsemmija qorti ddeċidiet li t-talba ta’ L. Emrek kienet inammissibbli u ċaħditha filwaqt li kkunsidrat li, fil-kawża ineżami, l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 ma huwiex applikabbli peress li V. Sabranovic ma kienx immira l-attività kummerċjali tiegħu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, lejn il-Ġermanja.

15

L. Emrek ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju billi sostna li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 ma kienx jeżiġi li tiġi stabbilita rabta kawżali bejn l-attività kummerċjali immirata lejn l-Istat Membru tal-konsumatur u l-konklużjoni tal-kuntratt. Din id-dispożizzjoni lanqas ma teħtieġ li l-kuntratt jiġi konkluż mill-bogħod.

16

Il-Landgericht Saarbrücken ikkunsidrat li, fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-attività kummerċjali ta’ V. Sabranovic kienet immirata lejn il-Ġermanja. B’mod partikolari, l-indikazzjoni tal-kodiċi internazzjonali tat-telefon ta’ Franza kif ukoll tan-numru tat-telefon ċellulari fil-Ġermanja kienu jagħtu l-impressjoni li n-negozjant ifittex ukoll li jattira lil klijenti stabbiliti barra minn Franza, b’mod partikolari dawk li jinsabu fiż-żona tal-fruntiera fil-Ġermanja.

17

Skont l-imsemmija qorti, anki jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 għandha titqies li ma hijiex suġġetta għall-konklużjoni ta’ kuntratt konkluż mill-bogħod, sabiex tiġi evitata estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, is-sit internet tan-negozjant għandha tkun minn tal-inqas is-sors tal-konklużjoni effettiva ta-kuntratt mal-konsumatur. Għalhekk, hija tikkunsidra li l-imsemmija dispożizzjoni ma għandhiex tiġi applikata meta konsumatur jikkonkludi “b’mod fortuwitu” kuntratt ma’ “negozjant”.

18

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Landgericht Saarbrücken iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Fil-każijiet fejn is-sit internet ta’ imprenditur huwa “dirett” lejn l-Istat Membru tal-konsumatur, l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 jimplika, bħala kundizzjoni supplementari mhux miktuba, li l-konsumatur ikun ġie mħajjar jikkonkludi l-kuntratt permezz tas-sit internet tal-imprenditur u, għaldaqstant, li s-sit internet ikollu rabta kawżali mal-konklużjoni tal-kuntratt?

2)

Jekk għandha teżisti rabta kawżali bejn l-attività li hija diretta lejn l-Istat Membru tal-konsumatur u l-konklużjoni tal-kuntratt, l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 jeżiġi, barra minn hekk, li l-kuntratt ikun ġie konkluż mill-bogħod?”

Fuq id-domandi preliminari

19

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2012, Mühlleitner (C‑190/11), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-kawża preżenti, fejn ikkonstatat li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix li kuntratt bejn il-konsumatur u n-negozjant jiġi konkluż mill-bogħod.

20

Konsegwentement, għandha tiġi eżaminata biss l-ewwel domanda, li permezz tagħha l-imsemmija qorti essenzjalment titlob jekk l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-metodu użat sabiex l-attività kummerċjali jew professjonali tiġi diretta lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, jiġifieri sit internet, u l-konklużjoni ta’ kuntratt mal-konsumatur tiegħu.

21

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li skont l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex espliċitament suġġetta għall-eżistenza ta’ tali rabta kawżali.

22

Fil-fatt, mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li din tapplika biss meta jkunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet speċifiċi. Minn naħa, huwa neċessarju li n-negozjant jeżerċita l-attivitajiet tiegħu kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru fejn il-konsumatur huwa domiċiljat jew li, b’kull mod, huwa jimmira dawn l-attivitajiet tiegħu lejn dan l-Istat Membru jew lejn diversi Stati, fosthom dan l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, li l-kuntratt inkwistjoni jaqa’ fil-kuntest ta’ tali attivitajiet.

23

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kundizzjoni essenzjali li għaliha ġiet suġġetta l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 hija dik tal-attività kummerċjali jew professjonali diretta lejn l-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur (sentenza Mühlleitner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44) u, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li din il-kundizzjoni hija sodisfatta.

24

It-tieni nett, fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi osservat li ż-żieda tal-imsemmija kundizzjoni mhux miktuba li tikkonċerna l-eżistenza ta’ rabta kawżali bħal dik imsemmija fil-punt 20 tas-sentenza preżenti tmur kontra l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri dak tal-protezzjoni tal-konsumaturi, li huma kkunsidrati bħala l-partijiet dgħajfa fil-kuntratti konklużi minn dawn tal-aħħar ma’ negozjant.

25

Fil-fatt, kif sostniet il-Kummissjoni u kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżit ta’ konsultazzjoni minn qabel ta’ sit internet mill-konsumatur jista’ jiġġenera problemi ta’ prova,, b’mod partikolari fil-każ fejn il-kuntratt, bħal fil-kawża prinċipali, ma ġiex konkluż mill-bogħod permezz ta’ dan l-istess sit. F’tali sitwazzjoni, id-diffikultajiet marbuta mal-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-metodu użat sabiex tiġi diretta attività, jiġifieri sit internet, u l-konklużjoni ta’ kuntratt, għandhom it-tendenza li jiddiswadu il-konsumaturi milli jressqu kawżi quddiem il-qrati nazzjonali skont l-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001 u jdgħajfu l-protezzjoni tal-konsumaturi mixtieqa minn dawn id-dispożizzjonijiet.

26

Madankollu, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, minkejja li l-imsemmija rabta kawżali ma hijiex kundizzjoni espressa li għaliha hija suġġetta l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 15(1)(ċ), xorta jibqa’ l-fatt li din tista’ tikkostitwixxi indizju li jista’ jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali fil-mument meta jiġi ddeterminat jekk l-attività effettivament hijiex immirata lejn l-Istat Membru li fih huwa domiċiljat il-konsumatur.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 93 u fid-dispożittiv tas-sentenza tiegħu tas-7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof (C-585/08 u C-144/09, Ġabra p. I-12527), il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat lista mhux eżawrjenti ta’ indizji li jistgħu jgħinu qorti nazzjonali tevalwa jekk il-kundizzjoni essenzjali tal-attività kummerċjali diretta lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur hijiex sodisfatta.

28

Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha Mühlleitner, iċċitata iktar ’il fuq, filwaqt li ddeċidiet li l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 15(1)(ċ) ma huwiex suġġett għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ konsum mill-bogħod, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 44 tal-istess sentenza, żiedet mal-imsemmija lista mhux eżawrjenti indizji oħra, dwar, b’mod partikolari, “il-kuntatt mill-bogħod” u “il-konklużjoni ta’ kuntratt mal-konsumatur mill-bogħod”, li jistgħu jistabbilixxu li l-kuntratt huwa marbut ma’ attività diretta lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur.

29

Sabiex tiġi evitata estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi kkonstatat li r-rabta kawżali li hija s-suġġett tal-ewwel domanda preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala indizju tal-“attività diretta” bl-istess mod bħall-kuntatt mill-bogħod li jwassal sabiex il-konsumatur ikun jinsab kuntrattwalment marbut mill-bogħod.

30

Barra minn hekk, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 sa 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li n-negozjant, bħal dak fil-kawża prinċipali, ikun stabbilit fi Stat Membru viċin il-fruntiera ma’ Stat Membru ieħor, f’konurbazzjoni li testendi għaż-żewġ naħat tagħha, u li juża numru tat-telefon attribwit mill-Istat Membru l-ieħor billi jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti potenzjali domiċiljati tiegħu f’dan l-aħħar Stat b’mod li jevita li jagħmlu telefonata internazzjonali, jista’ wkoll jikkostitwixxu indizju b’mod li juri li l-attività tiegħu hija “diretta lejn” dan l-Istat Membru l-ieħor.

31

Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi li fihom il-kuntratt ta’ konsum inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż sabiex jiġi deċiż jekk, skont l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ indizji li jinsabu jew le fuq il-lista mhux eżawrjenti bħal dik stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza rilevanti msemmija fil-punt 27 u 28 tas-sentenza preżenti, l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli.

32

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-metodu użat sabiex l-attività kummerċjali jew professjonali tiġi diretta lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, jiġifieri sit internet, u l-konklużjoni ta’ kuntratt ma’ dan il-konsumatur. Madankollu, l-eżistenza ta’ tali rabta kawżali tikkostitwixxi indizju ta’ rabta tal-kuntratt ma’ tali attività.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

 

L-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-metodu użat sabiex l-attività kummerċjali jew professjonali tiġi diretta lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, jiġifieri sit internet, u l-konklużjoni ta’ kuntratt ma’ dan il-konsumatur. Madankollu, l-eżistenza ta’ tali rabta kawżali tikkostitwixxi indizju ta’ rabta tal-kuntratt ma’ tali attività.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top