EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0111

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Frar 2013.
Ministero per i beni e le attività culturali et vs Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato.
Direttiva 85/384/KEE — Rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki formali fil-qasam tal-arkitettura — Artikoli 10 u 11(g) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikonoxxi l-ekwivalenza tal-kwalifiki ta’ perit u ta’ inġinier ċivili, iżda li tirriżerva lill-periti x-xogħol fuq binjiet ikklassifikati bħala patrimonju artistiku — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Sitwazzjoni purament interna ta’ Stat Membru.
Kawża C‑111/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:100

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Frar 2013 ( *1 )

“Direttiva 85/384/KEE — Rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki formali fil-qasam tal-arkitettura — Artikoli 10 u 11(g) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikonoxxi l-ekwivalenza tal-kwalifiki ta’ perit u ta’ inġinier ċivili, iżda li tirriżerva lill-periti x-xogħol fuq binjiet ikklassifikati bħala patrimonju artistiku — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Sitwazzjoni purament interna ta’ Stat Membru”

Fil-Kawża C-111/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Frar 2012, fil-proċedura

Ministero per i beni e le attività culturali,

Ordine degli Ingegneri della Provincia di Venezia,

Ordine degli Ingegneri della Provincia di Padova,

Ordine degli Ingegneri della Provincia di Treviso,

Ordine degli Ingegneri della Provincia di Vicenza,

Ordine degli Ingegneri della Provincia di Verona,

Ordine degli Ingegneri della Provincia di Rovigo,

Ordine degli Ingegneri della Provincia di Belluno

vs

Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia,

Consiglio Nazionale degli Ingegneri,

Consiglio Nazionale degli Architetti, Pianificatori, Paesaggisti e Conservatori,

Ordine degli Architetti, Pianificatori, Paesaggisti e Conservatori della Provincia di Verona,

Alessandro Mosconi,

Comune di San Martino Buon Albergo,

Istituzione di Ricovero e di Educazione di Venezia (IRE),

Ordine degli Architetti della Provincia di Venezia,

fil-preżenza ta’:

Faccio Engineering Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia u għal A. Mosconi, minn L. Manzi, G. Sardos Albertini u P. Piva, avukati,

għall-Consiglio Nazionale degli Ingegneri, minn B. Nascimbene, avukat,

għall-Consiglio Nazionale degli Architetti, Pianificatori, Paesaggisti e Conservatori u għall-Ordine degli Architetti, Pianificatori, Paesaggisti e Conservatori della Provincia di Verona, minn F. Vanni, avukat,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Støvlbæk u E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/384/KEE, tal-10 ta’ Ġunju 1985, dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta’ xhieda oħra ta’ kwalifiki formali fl-arkitettura, inklużi miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti; Kapitolu 6, Vol. 1, p. 118).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi dwar jekk l-inġiniera ċivili humiex ikkwalifikati sabiex jingħataw il-missjoni ta’ tmexxja ta’ xogħol fuq bini li huwa ta’ interess storiku u artistiku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-għaxar premessa tad-Direttiva 85/384 tipprovdi:

“Billi, fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri, ix-xogħol fil-qasam ta’ l-arkitettura huwa segwit, bil-liġi jew fil-fatt, minn persuni li għandhom it-titolu ta’ perit, sewwa jekk waħdu u sewwa jekk flimkien ma’ titolu ieħor, mingħajr ma dawn il-persuni għandhom il-monopolju li jsegwu dan ix-xogħol għajr fejn hemm liġijiet għall-kuntrarju; billi x-xogħol imsemmi hawn fuq, jew xi parti minnu, jista’ wkoll isir minn membri ta’ professjonijiet oħra, partikolarment mill-inġiniera li jkunu ħadu taħriġ speċjali fl-inġinerija tal-kostruzzjoni jew tal-bini”.

4

Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet fil-qasam ta’ l-arkitettura.

2.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, l-attivitajiet fil-qasam ta’ l-arkitettura għandhom ikunu dawk l-attivitajiet li s-soltu jsiru taħt it-titolu professjonali ta’ perit.”

5

L-Artikoli 2 sa 9 tad-Direttiva 85/384 jagħmlu parti mill-Kapitolu II tagħha, intitolat “Id-diplomi, iċ-ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki formali li jgħinu lill-pussessur tagħhom jidħol għal xogħol fil-qasam ta’ l-arkitettura bit-titolu professjonali ta’ perit”.

6

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi li “[k]ull wieħed mill-Istati Membri għandu jirrikonoxxi d-diplomi, iċ-ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki formali miksuba b’riżultat ta’ edukazzjoni u taħriġ li jħarsu l-ħtiġiet ta’ l-Artikoli 3 u 4 u konferiti fuq ċittadini nazzjonali ta’ Stati Membri minn Stati Membri oħra”.

7

Inkonformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, id-diplomi, iċ-ċertifikati u kwalifiki formali oħra li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikoli 3 u 4 tagħha huma msemmija fuq il-listi u l-aġġornamenti ppubblikati mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għal informazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

8

L-Artikoli 10 sa 15 tal-istess direttiva jagħmlu parti mill-Kapitolu III tagħha, intitolat “Id-diplomi, iċ-ċertifikati u x-xhieda l-oħra ta’ kwalifiki formali li jgħinu lill-pussessur li jibda xogħol fil-qasam ta’ l-arkitettura bis-saħħa tad-drittijiet stabbiliti jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti”.

9

Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 85/384, “[k]ull Stat Membru għandu jirrikonoxxi d-diplomi, iċ-ċertifikati jew ix-xhieda l-oħra ta’ kwalifiki formali dikjarati fl-Artikolu 11, konferiti mill-Istati Membri l-oħra liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, fejn dawn iċ-ċittadini jkunu diġà fil-pussess ta’ dawn il-kwalifiki fil-waqt tan-notifika ta’ din id-Direttiva jew li l-istudji tagħhom li jwassluhom għad-diplomi, iċ-ċertifikati jew xhieda oħra ta’ kwalifiki formali jkunu nbdew matul mhux iktar tard mit-tielet sena akkademika wara din in-notifika, ukoll jekk dawn il-kwalifiki ma jħarsux il-ħtiġiet minimi preskritti fil-Kapitolu II”.

10

Fost il-kwalifiki formali li jibbenefikaw mill-iskema tranżitorja jissemmew, għar-Repubblika Taljana, fl-Artikolu 11(g), tal-imsemmija direttiva:

“[...]

id-diplomi ta’ ‘laurea in architettura’ konferiti mill-universitajiet, l-istituti politekniċi u l-istituti għoljin ta’ l-arkitettura ta’ Venezja u Reggio Calabria, akkumpanjati bid-diploma li tintitola d-detentur li jissokta l-professjoni ta’ perit indipendentament, konferita mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni wara li l-kandidat ikun għadda, quddiem bord kompetenti, mill-eżami Statali li jintitolah li jeżerċita independentement il-professjoni ta’ perit (dott. Architetto);

id-diplomi ta’ ‘laurea in ingegneria’ fil-kostruzzjoni tal-bini/ inġinerija ċivili (‘sezione costenzione civile’) konferiti mill-universitajiet u l-istituti politekniċi, akkumpajnjati bid-diploma li tintitola d-detentur li jissokta xogħol fil-qasam ta’ l-arkitettura indipendentement, mogħti mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni wara li l-kandidat ikun għadda, quddiem bord kompetenti, mill-eżami Statali li jinitolah li jissokta indipendentement il-professjoni (dott. Ing. Architetto jew dott. Ing. in ingegneria civile)”.

11

L-Artikolu 16 tal-istess direttiva, li jikkostitwixxi l-Kapitolu IV tagħha, intitolat “L-użu tat-titolu akkademiku”, jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23, l-Istati Membri ospitanti għandhom jiżguraw illi ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu II jew il-Kapitolu III għandhom id-dritt li jġibu t-titolu akkademiku legali tagħhom u, fejn xieraq, it-taqsira ta’ dan li tinħareġ mill-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru minn fejn jiġu, fl-ilsien ta’ dawn l-Istati. L-Istati Membri ospitanti jistgħu jeħtieġu li dan it-titolu jġib warajh l-isem u l-post ta’ l-istituzzjoni jew tal-bord ta’ l-eżami li jkunu konferewh.

2.   Jekk it-titolu akkademiku użat fl-Istat Membru ta’ l-oriġini, jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin ta’ nazzjonalità barranija, jista’ jkun konfuż fl-Istat Membru ospitanti ma’ titolu li, f’dan l-Istat, jeħtieġ edukazzjoni jew taħriġ addizzjonali li l-persuna interessata ma tkunx ħadet, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li din il-persuna ġġib [tuża] it-titolu użat fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew ta’ l-Istat Membru minn fejn tiġi f’għamla xierqa li għandha tiġi speċifikata mill-Istat Membru ospitanti.”

Id-dritt Taljan

12

Id-Direttiva 85/384 kienet ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku intern Taljan permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 129, tas-27 ta’ Jannar 1992 (GURI Nru 41, tad-19 ta’ Frar 1992, p. 18).

13

L-Artikolu 1(2) tad-Digriet Leġiżlattiv jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju fl-Italja tal-attivitajiet [fil-qasam tal-arkitettura] tal-persuni li għandhom fil-pussess tagħhom kwalifiki formali professjonali adegwati għandhom ikomplu japplikaw, f’konformità mar-regoli eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet.”

14

L-Artikolu 51 tad-Digriet Irjali Nru 2537, tat-23 ta’ Ottubru 1925, li jirrigwarda l-approvazzjoni tar-regolament dwar il-professjonijiet ta’ inġinier u ta’ perit (GURI Nru 37, tal-15 ta’ Frar 1925, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali Nru 2537/25”), jipprovdi:

“Jaqgħu taħt il-professjoni ta’ inġinier l-ippjanar, it-twettiq u l-evalwazzjoni tax-xogħlijiet dwar l-estrazzjoni, it-trasformazzjoni u l-użu tal-materjali direttament u indirettament meħtieġa għall-kostruzzjonijiet jew għall-industriji, xogħlijiet dwar ir-rotot għaċ-ċirkulazzjoni u l-mezzi ta’ trasport, il-mogħdija tal-ilma u l-komunikazzjoni, il-kostruzzjonijiet ta’ kwalunkwe tip, il-makkinarju u l-installazzjonijiet industrijali, kif ukoll, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni tal-fiżika, il-qari ġeometriku u l-operazzjonijiet ta’ evalwazzjoni.”

15

Skont l-Artikolu 52 tad-Digriet Irjali Nru 2537/25:

“Jaqgħu kemm taħt il-professjoni ta’ inġinier kif ukoll taħt il-professjoni ta’ perit ix-xogħlijiet fil-qasam tal-kostruzzjoni ċivili, kif ukoll il-qari ġeometriku u l-operazzjonijiet ta’ evalwazzjoni rilevanti.

Madankollu, ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ċivili li jkunu ta’ natura artistika qawwija, kif ukoll ir-restawrazzjoni u r-riabilitazzjoni tal-bini msemmi fil-Liġi Nru 364, tal-20 ta’ Ġunju 1909 dwar l-antikitajiet u l-arti, jaqgħu taħt il-professjoni ta’ perit; madankollu, il-parti teknika taqa’ fil-kompetenza kemm tal-periti kif ukoll tal-inġiniera.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

16

Il-kawżi prinċipali għandhom, bħala oriġini, regola tad-dritt Taljan, jiġifieri t-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Digriet Irjali Nru 2537/25, li tipprovdi li l-inġiniera ċivili li jkunu kisbu l-kwalifiki formali tagħhom fl-Italja huma esklużi mix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ċivili li jkunu ta’ natura artistika qawwija jew li jkunu jikkonċernaw ir-restawrazzjoni u r-riabilitazzjoni ta’ bini ta’ interess kulturali.

17

L-inġiniera ċivili li kisbu l-kwalifiki formali tagħhom fl-Italja ilhom għal żmien twil jipprovaw jikkontestaw din il-limitazzjoni għall-kamp tal-attivitajiet tagħhom billi jistrieħu, b’mod partikolari, fuq id-Direttiva 85/384.

18

F’dan il-każ, ġew imressqa quddiem il-Consiglio di Stato żewġ appelli kontra żewġ sentenzi kontradittorji tat-Tribunale amministrativo regionale del Veneto.

19

L-ewwel appell għandu bħala oriġini d-deċiżjoni impliċita tas-Soprintendenza per i beni ambientali e architettonici di Verona (Dipartiment tal-patrimonju ambjentali u tal-arkitettura ta’ Verona) li twaqqaf lil A. Mosconi milli jmexxi x-xogħlijiet fuq bini ta’ interess storiku u artistiku. A. Mosconi u l-Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia ppreżentaw rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Veneto fejn sostnew li l-esklużjoni tal-inġiniera ċivili minn xogħol bħal dan imur kontra d-Direttiva 85/384.

20

Fl-2002, l-imsemmija qorti ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari sabiex issir taf jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-Direttiva 85/384, kellux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

21

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet permezz tad-digriet tal-5 ta’ April 2004, Mosconi u Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia (C-3/02), li, peress li kienet involuta sitwazzjoni purament interna, la d-Direttiva 85/384 u lanqas il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikonoxxi, bħala prinċipju, l-ekwivalenza tal-kwalifika formali ta’ perit u ta’ inġinier ċivili, iżda li tirriżerva lill-periti biss ix-xogħol li jikkonċerna partikolarment binjiet ikklassifikati bħala patrimonju artistiku.

22

F’dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li diskriminazzjoni bil-kontra tista’ tirriżulta mill-fatt li l-inġiniera ċivili li kisbu l-kwalifiki formali tagħhom fl-Italja ma għandhomx aċċess f’dan l-Istat Membru għall-attività msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Digriet Irjali Nru 2537/25, filwaqt li dan l-aċċess ma jistax jiġi rrifjutat lil persuni li għandhom diploma ta’ inġinier ċivili mogħtija minn Stat Membru ieħor u msemmija fil-lista stabbilita inkonformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 85/384 jew f’dik li tidher fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, peress li kienet involuta sitwazzjoni purament interna, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit mid-dritt tal-Unjoni ma setax jiġi invokat, iżda l-qorti tar-rinviju kellha tevalwa jekk teżistix diskriminazzjoni li hija pprojbita mid-dritt nazzjonali u, jekk ikun il-każ, kellha tiddetermina kif kienet ser telimina din id-diskriminazzjoni.

23

Wara l-imsemmi digriet, it-Tribunale amministrativo regionale del Veneto rrinvija lill-Corte constituzionale d-domanda dwar il-legalità kostituzzjonali tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Digriet Irjali Nru 2537/25. Permezz tad-Digriet Nru 130, tas-16 sad-19 ta’ April 2007, il-Corte constituzionale ddikjarat id-domanda manifestament inammissibbli, peress li d-dispożizzjonijiet ikkontestati kienu ta’ natura regolatorja u mhux leġiżlattiva.

24

Permezz tas-Sentenza Nru 3630, tal-15 ta’ Novembru 2007, it-Tribunale amministrativo regionale del Veneto laqa’ r-rikors billi kkunsidra li kellha tiġi eskluża l-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Digriet Irjali Nru 2537/25 minħabba li din id-dispożizzjoni hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament hekk kif interpretat mill-Corte constituzionale, u dan minħabba l-fatt li l-professjonisti nazzjonali ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod diskriminatorju meta mqabbla mal-professjonisti li ġejjin minn Stati Membri oħra.

25

Din is-sentenza kienet is-suġġett ta’ appell quddiem il-qorti tar-rinviju mill-Ministero per i beni e le attività culturali.

26

It-tieni appell, li tressaq quddiem il-Consiglio di Stato, għandu bħala oriġini sejħa għal offerti mfassla mill-Istituzioni di Ricovero e di Educazione di Venezia fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratt għal servizz ta’ tmexxija tax-xogħlijiet u ta’ koordinazzjoni tas-sigurtà għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ restawr u ta’ riabilitazzjoni tal-Palazzo Contarini del Bovolo f’Venezia.

27

L-ordnijiet provinċjali tal-Veneto tal-inġiniera kkontestaw, quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Veneto, dan l-avviż ta’ sejħa għal offerti kif ukoll l-atti dwar l-għoti tal-kuntratt, sa fejn l-awtorità kontraenti rriżervat l-attivitajiet professjonali li huma s-suġġett tal-għoti ta’ kuntratt unikament għall-periti.

28

Permezz tas-Sentenza Nru 3651, tal-25 ta’ Novembru 2008, it-Tribunale amministrativo regionale del Veneto ċaħad ir-rikors peress li qies li, skont l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 85/384 tirreferi għar-rikonoxximent reċiproku tat-taħriġ u ma tikkonċernax il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-diversi professjonijiet, u għaldaqstant ma timplikax l-assimilazzjoni kompleta tal-kwalifika formali “laurea in ingegneria” ma’ dik ta’ “laurea in architettura”.

29

L-ordnijiet provinċjali tal-inġiniera ppreżentaw appell minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato.

30

Il-Consiglio di Stato jiddikjara li jkun imur kontra l-prinċipji tad-dritt nazzjonali hekk kif ikkonfermati mill-ġurisprudenza kostituzzjonali jekk l-inġiniera ċivili li kisbu l-kwalifiki formali tagħhom fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Taljana jiġu awtorizzati sabiex jeżerċitaw f’dan l-aħħar Stat Membru l-attività professjonali tagħhom fil-kuntest ta’ interventi fuq bini ta’ interess kulturali mingħajr ma jiġu awtorizzati bl-istess mod inġiniera ċivili li kisbu l-kwalifiki formali tagħhom fl-Italja.

31

Huwa jistaqsi jekk il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit mid-Direttiva 85/384 għandux effettivament jinftiehem fis-sens li l-inġiniera ċivili li jkunu kisbu l-kwalifiki formali tagħhom fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Taljana jistgħu jeżerċitaw f’dan l-aħħar Stat Membru l-attivitajiet irriżervati mid-Digriet Irjali Nru 2537/25 esklużivament għall-periti jew jekk ir-Repubblika Taljana tistax teżiġi li l-persuni li għandhom kwalifika formali li tippermettilhom jeżerċitaw attivitajiet li jaqgħu taħt il-qasam tal-arkitettura jissuġġettaw ruħhom, għal dak li jirrigwarda l-attivitajiet irriżervati minn dan id-digriet irjali esklużivament għall-periti, għal verifika partikolari tal-kapaċità professjonali tagħhom.

32

Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-Direttiva [85/384], fil-parti li fiha taċċetta (Artikoli 10 u 11), b’mod tranżitorju, fl-eżerċizzju tal-attivitajiet fis-settur tal-arkitettura persuni migranti li għandhom it-titoli speċifikament indikati, ma tipprekludix li fl-Italja tkun meqjusa leġittima prassi amministrattiva, li għandha bħala bażi ġuridika l-Artikolu 52(2)(i) [tad-Digriet Irjali] Nru 2537 [...], li tirriżerva b’mod speċifiku ċerti interventi fuq binjiet ta’ interess artistiku esklużivament għall-kandidati li għandhom titolu ta’ ‘perit’ jew kandidati li juru li għandhom rekwiżiti kurrikulari partikolari, speċifiċi fis-settur tal-patrimonju kulturali u oħrajn fir-rigward ta’ dak li b’mod ġeneriku jippermetti l-aċċess għall-attivitajiet li jaqgħu taħt l-arkitettura skont id-direttiva ċċitata?

2)

B’mod partikolari, din il-prassi tista’ twassal sabiex anke l-professjonisti li joriġinaw minn Stati Membri differenti mir-[Repubblika Taljana], anke jekk ikollhom titolu li hu xieraq b’mod astratt għall-eżerċizzju tal-attivitajiet li jidħlu fil-qasam tal-arkitettura, ikunu soġġetti għall-verifika speċifika tal-kapaċità professjonali (dik li tirriżulta anke għall-professjonisti Taljani abbażi ta’ eżami ta’ kompetenza professjonali fl-arkitettura) għall-fini limitati tal-aċċess għall-attivitajiet professjonali kif jinsabu fl-Artikolu 52(2)(i) [tad-Digriet Irjali] Nru 2537/25 [...]?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

33

Il-Gvern Spanjol isostni, essenzjalment, li, peress li l-kawżi prinċipali jirrigwardaw sitwazzjonijiet purament interni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari.

34

Madankollu, anki jekk huwa paċifiku li l-kawżi prinċipali jirrigwardaw sitwazzjonijiet purament interni, li għalihom id-Direttiva 85/384 ma tapplikax (ara, f’dan ir-rigward, id-digriet Mosconi u Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia, iċċitat iktar ’il fuq, punt 51), mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li jkun kontra l-prinċipji tad-dritt nazzjonali hekk kif ikkonfermati mill-ġurisprudenza kostituzzjonali jekk tkun permessa diskriminazzjoni bil-kontra billi l-inġiniera ċivili li kisbu l-kwalifiki formali tagħhom fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Taljana, u mhux l-inġiniera ċivili li kisbu l-kwalifiki formali tagħhom fl-Italja, jiġu awtorizzati sabiex jeżerċitaw f’dan l-aħħar Stat Membru l-attivitajiet li jirrigwardaw bini ta’ interess kulturali.

35

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal domanda magħmula meta jkun ċar li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija sottomessa għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi applikata, bħal pereżempju fis-sitwazzjonijiet purament interni. Madankollu, anki f’sitwazzjoni bħal din, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipproċedi għall-interpretazzjoni mitluba meta d-dritt nazzjonali jimponi fuq il-qorti tar-rinviju, fi proċeduri bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tagħti lil ċittadini nazzjonali l-istess drittijiet bħal dawk li jibbenefika minnhom ċittadin li ġej minn Stat Membru ieħor, fl-istess sitwazzjoni, abbażi tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C-570/07 u C-571/07, Ġabra p. I-4629, punt 39; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Omalet, C-245/09, Ġabra p. I-13771, punt 15, kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2012, Susisalo et, C-84/11, punti 17 u 20). Għalhekk, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għal interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni.

36

Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari.

Fuq id-domandi preliminari

37

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 85/384 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuni, li għandhom kwalifika formali mogħtija minn Stat Membru minbarra l-Istat Membru ospitanti li tagħtihom aċċess għall-attivitajiet fil-qasam tal-arkitettura u li tissemma espressament fl-imsemmi Artikolu 11, ma jistgħux jeżerċitaw, f’dan l-aħħar Stat, attivitajiet li jirrigwardaw bini ta’ interess artistiku sakemm ma jurux, jekk ikun il-każ fil-kuntest ta’ verifika speċifika tal-kapaċità professjonali, li għandhom kwalifiki partikolari fil-qasam tal-patrimonju kulturali.

38

Fir-rigward ta’ regola tad-dritt intern li tiżgura li l-persuni li għandhom kwalifika formali li taqa’ fil-qasam tal-arkitettura mogħtija mir-Repubblika Taljana u li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fl-Italja ma jsofrux minn diskriminazzjoni bil-kontra meta mqabbla mal-persuni li kisbu tali kwalifika formali minn Stat Membru ieħor, għandha tiġi eżaminata, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, il-portata tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 85/384 fir-rigward tar-rikonoxximent, mill-Istat Membru ospitanti, ta’ dawn l-aħħar kwalifiki formali.

39

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, hemm lok li jitfakkar li d-Direttiva 85/384 tipprovdi għal rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifiki oħra fil-qasam tal-arkitettura li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ iffissati fl-imsemmija direttiva (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-43/06, punt 24).

40

L-għan essenzjali ta’ dan ir-rikonoxximent reċiproku huwa spjegat fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/384 li jipprovdi li kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi d-diplomi, iċ-ċertifikati u kwalifiki formali oħra miksuba b’riżultat ta’ edukazzjoni u taħriġ li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifikati fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva, ikkonferiti fuq iċ-ċittadini ta’ Stati Membri minn Stati Membri oħra, u għandu jagħti lil dawn id-diplomi, ċertifikati u kwalifiki formali oħra, fir-rigward tal-aċċess għall-attivitajiet normalment eżerċitati bis-saħħa tal-kwalifika professjonali ta’ perit, l-istess effett fit-territorju tiegħu bħal dawk ikkonferiti mill-Istat Membru nnifsu. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva jestendi, b’mod tranżitorju, dan ir-rikonoxximent għal ċerti diplomi oħra li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti msemmija fil-Kapitolu II tal-istess direttiva, inklużi dawk ippreċiżati fl-Artikoli 3 u 4 tagħha (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Id-domandi magħmula jirrigwardaw għaldaqstant il-portata tal-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku tad-diplomi stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 85/384 u l-possibbiltà għall-Istat Membru ospitanti li jeżiġi mill-persuni li għandhom diplomi mogħtija minn Stat Membru ieħor u li jissemmew fil-lista stabbilita fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/384 li juru li għandhom kwalifiki partikolari fil-qasam tal-patrimonju kulturali sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw attivitajiet li jikkonċernaw bini li huwa ta’ interess artistiku.

42

F’dan id-dawl, ċertament, id-Direttiva 85/384 ma hijiex intiża sabiex tirregola l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-professjoni ta’ perit u lanqas sabiex tiddefinixxi n-natura tal-attivitajiet li għandhom jiġu eżerċitati mill-membri ta’ din il-professjoni. Fil-fatt, mid-disa’ premessa ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Artikolu 1(2) tagħha ma jippruvax jagħti definizzjoni legali tal-attivitajiet fil-qasam tal-arkitettura. Għaldaqstant, hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti li għandha tiddefinixxi l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-imsemmi qasam (digriet Mosconi u Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia, iċċitat iktar ’il fuq, punt 45).

43

Madankollu, għall-kuntrarju tat-teżi sostnuta mill-Consiglio Nazionale degli Architetti, Pianificatori, Paesaggisti e Conservatori u mill-Ordine degli Architetti, Pianificatori, Paesaggisti e Conservatori della Provincia di Verona, minn din il-kompetenza tal-Istat Membru ospitanti ma jistax jiġi dedott li d-Direttiva 85/384 tippermetti lill-imsemmi Stat Membru jissuġġetta l-eżerċizzju tal-attivitajiet dwar il-bini ta’ interess artistiku għall-verifika tal-kwalifiki tal-persuni kkonċernati f’dan il-qasam.

44

Fil-fatt, fl-ewwel lok, jekk jiġi rikonoxxut li l-Istat Membru ospitanti għandu tali possibbiltà, ikun ifisser li dan ikun qiegħed jitħalla jitlob provi supplimentari, u dan jipperikola r-rikonoxximent awtomatiku tad-diplomi u għaldaqstant ikun, kif ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 28 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, imur kontra d-Direttiva 85/384.

45

Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-punt 37 tas-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-421/98, Ġabra p. I-10375), skont l-Artikoli 2 u 10 tad-Direttiva 85/384, meta attività tkun abitwalment eżerċitata mill-periti li jkollhom diploma mogħtija mill-Istat Membru ospitanti, perit migrant li jkollu diploma, ċertifikat jew kwalifika formali oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandu wkoll ikollu aċċess għal tali attività, anki jekk id-diplomi, ċertifikati jew kwalifiki formali oħra tiegħu ma jfissrux neċessarjament ekwivalenza materjali għal dak li jirrigwarda t-taħriġ riċevut.

46

F’dan id-dawl, id-Direttiva 85/384 tipprovdi għall-miżuri li għandhom jittieħdu meta ma teżistix ekwivalenza materjali bejn it-taħriġ riċevut fl-Istat Membru tal-oriġini jew tal-provenjenza u t-taħriġ mogħti fl-Istat Membru ospitanti (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

47

Fil-fatt, skont it-termini tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 85/384, meta t-titolu akkademiku tal-Istat Membru tal-oriġini jew tal-provenjenza jkun jista’ jiġi konfuż fl-Istat Membru ospitanti ma’ kwalifika formali li teżiġi, f’dan l-Istat Membru, taħriġ addizzjonali li l-benefiċjarju ta’ din id-direttiva ma jkunx kiseb, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeżiġi li dan tal-aħħar għandu juża t-titolu akkademiku tiegħu f’għamla xierqa li għandha tiġi speċifikata mill-Istat Membru ospitanti (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

48

Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti li għandha tiddefinixxi l-qasam tal-attivitajiet tal-professjoni tal-perit, meta attività tiġi kkunsidrata minn Stat Membru bħala li tagħmel parti mill-imsemmi qasam, ir-rekwiżit tar-rikonoxximent reċiproku jimplika li l-periti migranti għandhom ukoll ikollhom aċċess għal din l-attività (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

49

Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li l-attivitajiet li jirrigwardaw bini ta’ interess artistiku jaqgħu fil-qasam tal-attivitajiet tal-professjoni ta’ perit u jaqgħu għaldaqstant taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/384.

50

Fl-aħħar lok, konklużjoni fis-sens li l-Istat Membru ospitanti ma jistax jimponi, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/384, kundizzjonijiet supplimentari, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-eżerċizzju tal-attivitajiet li jaqgħu fil-qasam tal-professjoni ta’ perit, hija barra minn hekk ikkonfermata mill-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 52 tad-digriet Mosconi u Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia, iċċitat iktar ’il fuq.

51

Fil-fatt, skont dan il-punt, l-aċċess għall-attivitajiet imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Digriet Irjali Nru 2537/25, jiġifieri l-attivitajiet li jirrigwardaw bini ta’ interess artistiku, ma jistax jiġi rrifjutat lill-persuni li għandhom diploma ta’ inġinier ċivili jew kwalifika formali simili mogħtija fi Stat Membru ieħor minbarra r-Repubblika Taljana, meta din id-diploma jew kwalifika formali tkun imniżżla fil-lista stabbilita inkonformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 85/384 jew f’dik li tinsab fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva.

52

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 85/384 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuni, li għandhom kwalifika formali mogħtija minn Stat Membru minbarra l-Istat Membru ospitanti li tagħtihom aċċess għall-attivitajiet fil-qasam tal-arkitettura u li tissemma espressament fl-imsemmi Artikolu 11, ma jistgħux jeżerċitaw, f’dan l-aħħar Stat, attivitajiet li jirrigwardaw bini ta’ interess artistiku sakemm ma jurux, jekk ikun il-każ fil-kuntest ta’ verifika speċifika tal-kapaċità professjonali, li għandhom kwalifiki partikolari fil-qasam tal-patrimonju kulturali.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/384/KEE, tal-10 ta’ Ġunju 1985, dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta’ xhieda oħra ta’ kwalifiki formali fl-arkitettura, inklużi miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuni, li għandhom kwalifika formali mogħtija minn Stat Membru, minbarra l-Istat Membru ospitanti, li tagħtihom aċċess għal attivitajiet fil-qasam tal-arkitettura u li tissemma espressament fl-imsemmi Artikolu 11, ma jistgħux jeżerċitaw, f’dan l-aħħar Stat, attivitajiet li jirrigwardaw bini ta’ interess artistiku sakemm ma jurux, jekk ikun il-każ fil-kuntest ta’ verifika speċifika tal-kapaċità professjonali, li għandhom il-kwalifiki partikolari fil-qasam tal-patrimonju kulturali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża C-111/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Frar 2012, fil-proċedura

Ministero per i beni e le attività culturali,

Ordine degli Ingegneri della Provincia di Venezia,

Ordine degli Ingegneri della Provincia di Padova,

Ordine degli Ingegneri della Provincia di Treviso,

Ordine degli Ingegneri della Provincia di Vicenza,

Ordine degli Ingegneri della Provincia di Verona,

Ordine degli Ingegneri della Provincia di Rovigo,

Ordine degli Ingegneri della Provincia di Belluno

vs

Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia,

Consiglio Nazionale degli Ingegneri,

Consiglio Nazionale degli Architetti, Pianificatori, Paesaggisti e Conservatori,

Ordine degli Architetti, Pianificatori, Paesaggisti e Conservatori della Provincia di Verona,

Alessandro Mosconi,

Comune di San Martino Buon Albergo,

Istituzione di Ricovero e di Educazione di Venezia (IRE),

Ordine degli Architetti della Provincia di Venezia,

fil-preżenza ta’:

Faccio Engineering Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għall-Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia u għal A. Mosconi, minn L. Manzi, G. Sardos Albertini u P. Piva, avukati,

– għall-Consiglio Nazionale degli Ingegneri, minn B. Nascimbene, avukat,

– għall-Consiglio Nazionale degli Architetti, Pianificatori, Paesaggisti e Conservatori u għall-Ordine degli Architetti, Pianificatori, Paesaggisti e Conservatori della Provincia di Verona, minn F. Vanni, avukat,

– għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

– għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

– għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

– għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Støvlbæk u E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/384/KEE, tal-10 ta’ Ġunju 1985, dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta’ xhieda oħra ta’ kwalifiki formali fl-arkitettura, inklużi miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti; Kapitolu 6, Vol. 1, p. 118).

2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi dwar jekk l-inġiniera ċivili humiex ikkwalifikati sabiex jingħataw il-missjoni ta’ tmexxja ta’ xogħol fuq bini li huwa ta’ interess storiku u artistiku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3. L-għaxar premessa tad-Direttiva 85/384 tipprovdi:

“Billi, fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri, ix-xogħol fil-qasam ta’ l-arkitettura huwa segwit, bil-liġi jew fil-fatt, minn persuni li għandhom it-titolu ta’ perit, sewwa jekk waħdu u sewwa jekk flimkien ma’ titolu ieħor, mingħajr ma dawn il-persuni għandhom il-monopolju li jsegwu dan ix-xogħol għajr fejn hemm liġijiet għall-kuntrarju; billi x-xogħol imsemmi hawn fuq, jew xi parti minnu, jista’ wkoll isir minn membri ta’ professjonijiet oħra, partikolarment mill-inġiniera li jkunu ħadu taħriġ speċjali fl-inġinerija tal-kostruzzjoni jew tal-bini”.

4. Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva:

“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet fil-qasam ta’ l-arkitettura.

2. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, l-attivitajiet fil-qasam ta’ l-arkitettura għandhom ikunu dawk l-attivitajiet li s-soltu jsiru taħt it-titolu professjonali ta’ perit.”

5. L-Artikoli 2 sa 9 tad-Direttiva 85/384 jagħmlu parti mill-Kapitolu II tagħha, intitolat “Id-diplomi, iċ-ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki formali li jgħinu lill-pussessur tagħhom jidħol għal xogħol fil-qasam ta’ l-arkitettura bit-titolu professjonali ta’ perit”.

6. L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi li “[k]ull wieħed mill-Istati Membri għandu jirrikonoxxi d-diplomi, iċ-ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki formali miksuba b’riżultat ta’ edukazzjoni u taħriġ li jħarsu l-ħtiġiet ta’ l-Artikoli 3 u 4 u konferiti fuq ċittadini nazzjonali ta’ Stati Membri minn Stati Membri oħra”.

7. Inkonformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, id-diplomi, iċ-ċertifikati u kwalifiki formali oħra li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikoli 3 u 4 tagħha huma msemmija fuq il-listi u l-aġġornamenti ppubblikati mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għal informazzjoni f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej .

8. L-Artikoli 10 sa 15 tal-istess direttiva jagħmlu parti mill-Kapitolu III tagħha, intitolat “Id-diplomi, iċ-ċertifikati u x-xhieda l-oħra ta’ kwalifiki formali li jgħinu lill-pussessur li jibda xogħol fil-qasam ta’ l-arkitettura bis-saħħa tad-drittijiet stabbiliti jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti”.

9. Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 85/384, “[k]ull Stat Membru għandu jirrikonoxxi d-diplomi, iċ-ċertifikati jew ix-xhieda l-oħra ta’ kwalifiki formali dikjarati fl-Artikolu 11, konferiti mill-Istati Membri l-oħra liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, fejn dawn iċ-ċittadini jkunu diġà fil-pussess ta’ dawn il-kwalifiki fil-waqt tan-notifika ta’ din id-Direttiva jew li l-istudji tagħhom li jwassluhom għad-diplomi, iċ-ċertifikati jew xhieda oħra ta’ kwalifiki formali jkunu nbdew matul mhux iktar tard mit-tielet sena akkademika wara din in-notifika, ukoll jekk dawn il-kwalifiki ma jħarsux il-ħtiġiet minimi preskritti fil-Kapitolu II”.

10. Fost il-kwalifiki formali li jibbenefikaw mill-iskema tranżitorja jissemmew, għar-Repubblika Taljana, fl-Artikolu 11(g), tal-imsemmija direttiva:

“[...]

– id-diplomi ta’ ‘laurea in architettura’ konferiti mill-universitajiet, l-istituti politekniċi u l-istituti għoljin ta’ l-arkitettura ta’ Venezja u Reggio Calabria, akkumpanjati bid-diploma li tintitola d-detentur li jissokta l-professjoni ta’ perit indipendentament, konferita mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni wara li l-kandidat ikun għadda, quddiem bord kompetenti, mill-eżami Statali li jintitolah li jeżerċita independentement il-professjoni ta’ perit (dott. Architetto);

– id-diplomi ta’ ‘laurea in ingegneria’ fil-kostruzzjoni tal-bini/ inġinerija ċivili (‘sezione costenzione civile’) konferiti mill-universitajiet u l-istituti politekniċi, akkumpajnjati bid-diploma li tintitola d-detentur li jissokta xogħol fil-qasam ta’ l-arkitettura indipendentement, mogħti mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni wara li l-kandidat ikun għadda, quddiem bord kompetenti, mill-eżami Statali li jinitolah li jissokta indipendentement il-professjoni (dott. Ing. Architetto jew dott. Ing. in ingegneria civile)”.

11. L-Artikolu 16 tal-istess direttiva, li jikkostitwixxi l-Kapitolu IV tagħha, intitolat “L-użu tat-titolu akkademiku”, jipprovdi:

“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23, l-Istati Membri ospitanti għandhom jiżguraw illi ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu II jew il-Kapitolu III għandhom id-dritt li jġibu t-titolu akkademiku legali tagħhom u, fejn xieraq, it-taqsira ta’ dan li tinħareġ mill-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru minn fejn jiġu, fl-ilsien ta’ dawn l-Istati. L-Istati Membri ospitanti jistgħu jeħtieġu li dan it-titolu jġib warajh l-isem u l-post ta’ l-istituzzjoni jew tal-bord ta’ l-eżami li jkunu konferewh.

2. Jekk it-titolu akkademiku użat fl-Istat Membru ta’ l-oriġini, jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin ta’ nazzjonalità barranija, jista’ jkun konfuż fl-Istat Membru ospitanti ma’ titolu li, f’dan l-Istat, jeħtieġ edukazzjoni jew taħriġ addizzjonali li l-persuna interessata ma tkunx ħadet, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li din il-persuna ġġib [tuża] it-titolu użat fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew ta’ l-Istat Membru minn fejn tiġi f’għamla xierqa li għandha tiġi speċifikata mill-Istat Membru ospitanti.”

Id-dritt Taljan

12. Id-Direttiva 85/384 kienet ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku intern Taljan permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 129, tas-27 ta’ Jannar 1992 (GURI Nru 41, tad-19 ta’ Frar 1992, p. 18).

13. L-Artikolu 1(2) tad-Digriet Leġiżlattiv jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju fl-Italja tal-attivitajiet [fil-qasam tal-arkitettura] tal-persuni li għandhom fil-pussess tagħhom kwalifiki formali professjonali adegwati għandhom ikomplu japplikaw, f’konformità mar-regoli eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet.”

14. L-Artikolu 51 tad-Digriet Irjali Nru 2537, tat-23 ta’ Ottubru 1925, li jirrigwarda l-approvazzjoni tar-regolament dwar il-professjonijiet ta’ inġinier u ta’ perit (GURI Nru 37, tal-15 ta’ Frar 1925, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali Nru 2537/25”), jipprovdi:

“Jaqgħu taħt il-professjoni ta’ inġinier l-ippjanar, it-twettiq u l-evalwazzjoni tax-xogħlijiet dwar l-estrazzjoni, it-trasformazzjoni u l-użu tal-materjali direttament u indirettament meħtieġa għall-kostruzzjonijiet jew għall-industriji, xogħlijiet dwar ir-rotot għaċ-ċirkulazzjoni u l-mezzi ta’ trasport, il-mogħdija tal-ilma u l-komunikazzjoni, il-kostruzzjonijiet ta’ kwalunkwe tip, il-makkinarju u l-installazzjonijiet industrijali, kif ukoll, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni tal-fiżika, il-qari ġeometriku u l-operazzjonijiet ta’ evalwazzjoni.”

15. Skont l-Artikolu 52 tad-Digriet Irjali Nru 2537/25:

“Jaqgħu kemm taħt il-professjoni ta’ inġinier kif ukoll taħt il-professjoni ta’ perit ix-xogħlijiet fil-qasam tal-kostruzzjoni ċivili, kif ukoll il-qari ġeometriku u l-operazzjonijiet ta’ evalwazzjoni rilevanti.

Madankollu, ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ċivili li jkunu ta’ natura artistika qawwija, kif ukoll ir-restawrazzjoni u r-riabilitazzjoni tal-bini msemmi fil-Liġi Nru 364, tal-20 ta’ Ġunju 1909 dwar l-antikitajiet u l-arti, jaqgħu taħt il-professjoni ta’ perit; madankollu, il-parti teknika taqa’ fil-kompetenza kemm tal-periti kif ukoll tal-inġiniera.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

16. Il-kawżi prinċipali għandhom, bħala oriġini, regola tad-dritt Taljan, jiġifieri t-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Digriet Irjali Nru 2537/25, li tipprovdi li l-inġiniera ċivili li jkunu kisbu l-kwalifiki formali tagħhom fl-Italja huma esklużi mix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ċivili li jkunu ta’ natura artistika qawwija jew li jkunu jikkonċernaw ir-restawrazzjoni u r-riabilitazzjoni ta’ bini ta’ interess kulturali.

17. L-inġiniera ċivili li kisbu l-kwalifiki formali tagħhom fl-Italja ilhom għal żmien twil jipprovaw jikkontestaw din il-limitazzjoni għall-kamp tal-attivitajiet tagħhom billi jistrieħu, b’mod partikolari, fuq id-Direttiva 85/384.

18. F’dan il-każ, ġew imressqa quddiem il-Consiglio di Stato żewġ appelli kontra żewġ sentenzi kontradittorji tat-Tribunale amministrativo regionale del Veneto.

19. L-ewwel appell għandu bħala oriġini d-deċiżjoni impliċita tas-Soprintendenza per i beni ambientali e architettonici di Verona (Dipartiment tal-patrimonju ambjentali u tal-arkitettura ta’ Verona) li twaqqaf lil A. Mosconi milli jmexxi x-xogħlijiet fuq bini ta’ interess storiku u artistiku. A. Mosconi u l-Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia ppreżentaw rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Veneto fejn sostnew li l-esklużjoni tal-inġiniera ċivili minn xogħol bħal dan imur kontra d-Direttiva 85/384.

20. Fl-2002, l-imsemmija qorti ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari sabiex issir taf jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-Direttiva 85/384, kellux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

21. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet permezz tad-digriet tal-5 ta’ April 2004, Mosconi u Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia (C-3/02), li, peress li kienet involuta sitwazzjoni purament interna, la d-Direttiva 85/384 u lanqas il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikonoxxi, bħala prinċipju, l-ekwivalenza tal-kwalifika formali ta’ perit u ta’ inġinier ċivili, iżda li tirriżerva lill-periti biss ix-xogħol li jikkonċerna partikolarment binjiet ikklassifikati bħala patrimonju artistiku.

22. F’dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li diskriminazzjoni bil-kontra tista’ tirriżulta mill-fatt li l-inġiniera ċivili li kisbu l-kwalifi ki formali tagħhom fl-Italja ma għandhomx aċċess f’dan l-Istat Membru għall-attività msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Digriet Irjali Nru 2537/25, filwaqt li dan l-aċċess ma jistax jiġi rrifjutat lil persuni li għandhom diploma ta’ inġinier ċivili mogħtija minn Stat Membru ieħor u msemmija fil-lista stabbilita inkonformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 85/384 jew f’dik li tidher fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, peress li kienet involuta sitwazzjoni purament interna, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit mid-dritt tal-Unjoni ma setax jiġi invokat, iżda l-qorti tar-rinviju kellha tevalwa jekk teżistix diskriminazzjoni li hija pprojbita mid-dritt nazzjonali u, jekk ikun il-każ, kellha tiddetermina kif kienet ser telimina din id-diskriminazzjoni.

23. Wara l-imsemmi digriet, it-Tribunale amministrativo regionale del Veneto rrinvija lill-Corte constituzionale d-domanda dwar il-legalità kostituzzjonali tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Digriet Irjali Nru 2537/25. Permezz tad-Digriet Nru 130, tas-16 sad-19 ta’ April 2007, il-Corte constituzionale ddikjarat id-domanda manifestament inammissibbli, peress li d-dispożizzjonijiet ikkontestati kienu ta’ natura regolatorja u mhux leġiżlattiva.

24. Permezz tas-Sentenza Nru 3630, tal-15 ta’ Novembru 2007, it-Tribunale amministrativo regionale del Veneto laqa’ r-rikors billi kkunsidra li kellha tiġi eskluża l-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Digriet Irjali Nru 2537/25 minħabba li din id-dispożizzjoni hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament hekk kif interpretat mill-Corte constituzionale, u dan minħabba l-fatt li l-professjonisti nazzjonali ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod diskriminatorju meta mqabbla mal-professjonisti li ġejjin minn Stati Membri oħra.

25. Din is-sentenza kienet is-suġġett ta’ appell quddiem il-qorti tar-rinviju mill-Ministero per i beni e le attività culturali.

26. It-tieni appell, li tressaq quddiem il-Consiglio di Stato, għandu bħala oriġini sejħa għal offerti mfassla mill-Istituzioni di Ricovero e di Educazione di Venezia fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratt għal servizz ta’ tmexxija tax-xogħlijiet u ta’ koordinazzjoni tas-sigurtà għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ restawr u ta’ riabilitazzjoni tal-Palazzo Contarini del Bovolo f’Venezia.

27. L-ordnijiet provinċjali tal-Veneto tal-inġiniera kkontestaw, quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Veneto, dan l-avviż ta’ sejħa għal offerti kif ukoll l-atti dwar l-għoti tal-kuntratt, sa fejn l-awtorità kontraenti rriżervat l-attivitajiet professjonali li huma s-suġġett tal-għoti ta’ kuntratt unikament għall-periti.

28. Permezz tas-Sentenza Nru 3651, tal-25 ta’ Novembru 2008, it-Tribunale amministrativo regionale del Veneto ċaħad ir-rikors peress li qies li, skont l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 85/384 tirreferi għar-rikonoxximent reċiproku tat-taħriġ u ma tikkonċernax il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-diversi professjonijiet, u għaldaqstant ma timplikax l-assimilazzjoni kompleta tal-kwalifika formali “laurea in ingegneria” ma’ dik ta’ “laurea in architettura”.

29. L-ordnijiet provinċjali tal-inġiniera ppreżentaw appell minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato.

30. Il-Consiglio di Stato jiddikjara li jkun imur kontra l-prinċipji tad-dritt nazzjonali hekk kif ikkonfermati mill-ġurisprudenza kostituzzjonali jekk l-inġiniera ċivili li kisbu l-kwalifiki formali tagħhom fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Taljana jiġu awtorizzati sabiex jeżerċitaw f’dan l-aħħar Stat Membru l-attività professjonali tagħhom fil-kuntest ta’ interventi fuq bini ta’ interess kulturali mingħajr ma jiġu awtorizzati bl-istess mod inġiniera ċivili li kisbu l-kwalifiki formali tagħhom fl-Italja.

31. Huwa jistaqsi jekk il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit mid-Direttiva 85/384  għandux effettivament jinftiehem fis-sens li l-inġiniera ċivili li jkunu kisbu l-kwalifiki formali tagħhom fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Taljana jistgħu jeżerċitaw f’dan l-aħħar Stat Membru l-attivitajiet irriżervati mid-Digriet Irjali Nru 2537/25 esklużivament għall-periti jew jekk ir-Repubblika Taljana tistax teżiġi li l-persuni li għandhom kwalifika formali li tippermettilhom jeżerċitaw attivitajiet li jaqgħu taħt il-qasam tal-arkitettura jissuġġettaw ruħhom, għal dak li jirrigwarda l-attivitajiet irriżervati minn dan id-digriet irjali esklużivament għall-periti, għal verifika partikolari tal-kapaċità professjonali tagħhom.

32. Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1) Id-Direttiva [85/384], fil-parti li fiha taċċetta (Artikoli 10 u 11), b’mod tranżitorju, fl-eżerċizzju tal-attivitajiet fis-settur tal-arkitettura persuni migranti li għandhom it-titoli speċifikament indikati, ma tipprekludix li fl-Italja tkun meqjusa leġittima prassi amministrattiva, li għandha bħala bażi ġuridika l-Artikolu 52(2)(i) [tad-Digriet Irjali] Nru 2537 [...], li tirriżerva b’mod speċifiku ċerti interventi fuq binjiet ta’ interess artistiku esklużivament għall-kandidati li għandhom titolu ta’ ‘perit’ jew kandidati li juru li għandhom rekwiżiti kurrikulari partikolari, speċifiċi fis-settur tal-patrimonju kulturali u oħrajn fir-rigward ta’ dak li b’mod ġeneriku jippermetti l-aċċess għall-attivitajiet li jaqgħu taħt l-arkitettura skont id-direttiva ċċitata?

2) B’mod partikolari, din il-prassi tista’ twassal sabiex anke l-professjonisti li joriġinaw minn Stati Membri differenti mir-[Repubblika Taljana], anke jekk ikollhom titolu li hu xieraq b’mod astratt għall-eżerċizzju tal-attivitajiet li jidħlu fil-qasam tal-arkitettura, ikunu soġġetti għall-verifika speċifika tal-kapaċità professjonali (dik li tirriżulta anke għall-professjonisti Taljani abbażi ta’ eżami ta’ kompetenza professjonali fl-arkitettura) għall-fini limitati tal-aċċess għall-attivitajiet professjonali kif jinsabu fl-Artikolu 52(2)(i) [tad-Digriet Irjali] Nru 2537/25 [...]?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

33. Il-Gvern Spanjol isostni, essenzjalment, li, peress li l-kawżi prinċipali jirrigwardaw sitwazzjonijiet purament interni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari.

34. Madankollu, anki jekk huwa paċifiku li l-kawżi prinċipali jirrigwardaw sitwazzjonijiet purament interni, li għalihom id-Direttiva 85/384 ma tapplikax (ara, f’dan ir-rigward, id-digriet Mosconi u Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia, iċċitat iktar ’il fuq, punt 51), mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li jkun kontra l-prinċipji tad-dritt nazzjonali hekk kif ikkonfermati mill-ġurisprudenza kostituzzjonali jekk tkun permessa diskriminazzjoni bil-kontra billi l-inġiniera ċivili li kisbu l-kwalifiki formali tagħhom fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Taljana, u mhux l-inġiniera ċivili li kisbu l-kwalifiki formali tagħhom fl-Italja, jiġu awtorizzati sabiex jeżerċitaw f’dan l-aħħar Stat Membru l-attivitajiet li jirrigwardaw bini ta’ interess kulturali.

35. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal domanda magħmula meta jkun ċar li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija sottomessa għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi applikata, bħal pereżempju fis-sitwazzjonijiet purament interni. Madankollu, anki f’sitwazzjoni bħal din, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipproċedi għall-interpretazzjoni mitluba meta d-dritt nazzjonali jimponi fuq il-qorti tar-rinviju, fi proċeduri bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tagħti lil ċittadini nazzjonali l-istess drittijiet bħal dawk li jibbenefika minnhom ċittadin li ġej minn Stat Membru ieħor, fl-istess sitwazzjoni, abbażi tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C-570/07 u C-571/07, Ġabra p. I-4629, punt 39; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Omalet, C-245/09, Ġabra p. I-13771, punt 15, kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2012, Susisalo et , C-84/11, punti 17 u 20). Għalhekk, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għal interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni.

36. Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari.

Fuq id-domandi preliminari

37. Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 85/384 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuni, li għandhom kwalifika formali mogħtija minn Stat Membru minbarra l-Istat Membru ospitanti li tagħtihom aċċess għall-attivitajiet fil-qasam tal-arkitettura u li tissemma espressament fl-imsemmi Artikolu 11, ma jistgħux jeżerċitaw, f’dan l-aħħar Stat, attivitajiet li jirrigwardaw bini ta’ interess artistiku sakemm ma jurux, jekk ikun il-każ fil-kuntest ta’ verifika speċifika tal-kapaċità professjonali, li għandhom kwalifiki partikolari fil-qasam tal-patrimonju kulturali.

38. Fir-rigward ta’ regola tad-dritt intern li tiżgura li l-persuni li għandhom kwalifika formali li taqa’ fil-qasam tal-arkitettura mogħtija mir-Repubblika Taljana u li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fl-Italja ma jsofrux minn diskriminazzjoni bil-kontra meta mqabbla mal-persuni li kisbu tali kwalifika formali minn Stat Membru ieħor, għandha tiġi eżaminata, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, il-portata tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 85/384 fir-rigward tar-rikonoxximent, mill-Istat Membru ospitanti, ta’ dawn l-aħħar kwalifiki formali.

39. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, hemm lok li jitfakkar li d-Direttiva 85/384 tipprovdi għal rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifiki oħra fil-qasam tal-arkitettura li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ iffissati fl-imsemmija direttiva (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-43/06, punt 24).

40. L-għan essenzjali ta’ dan ir-rikonoxximent reċiproku huwa spjegat fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/384 li jipprovdi li kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi d-diplomi, iċ-ċertifikati u kwalifiki formali oħra miksuba b’riżultat ta’ edukazzjoni u taħriġ li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifikati fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva, ikkonferiti fuq iċ-ċittadini ta’ Stati Membri minn Stati Membri oħra, u għandu jagħti lil dawn id-diplomi, ċertifikati u kwalifiki formali oħra, fir-rigward tal-aċċess għall-attivitajiet normalment eżerċitati bis-saħħa tal-kwalifika professjonali ta’ perit, l-istess effett fit-territorju tiegħu bħal dawk ikkonferiti mill-Istat Membru nnifsu. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva jestendi, b’mod tranżitorju, dan ir-rikonoxximent għal ċerti diplomi oħra li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti msemmija fil-Kapitolu II tal-istess direttiva, inklużi dawk ippreċiżati fl-Artikoli 3 u 4 tagħha (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41. Id-domandi magħmula jirrigwardaw għaldaqstant il-portata tal-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku tad-diplomi stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 85/384 u l-possibbiltà għall-Istat Membru ospitanti li jeżiġi mill-persuni li għandhom diplomi mogħtija minn Stat Membru ieħor u li jissemmew fil-lista stabbilita fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/384 li juru li għandhom kwalifiki partikolari fil-qasam tal-patrimonju kulturali sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw attivitajiet li jikkonċernaw bini li huwa ta’ interess artistiku.

42. F’dan id-dawl, ċertament, id-Direttiva 85/384 ma hijiex intiża sabiex tirregola l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-professjoni ta’ perit u lanqas sabiex tiddefinixxi n-natura tal-attivitajiet li għandhom jiġu eżerċitati mill-membri ta’ din il-professjoni. Fil-fatt, mid-disa’ premessa ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Artikolu 1(2) tagħha ma jippruvax jagħti definizzjoni legali tal-attivitajiet fil-qasam tal-arkitettura. Għaldaqstant, hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti li għandha tiddefinixxi l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-imsemmi qasam (digriet Mosconi u Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia, iċċitat iktar ’il fuq, punt 45).

43. Madankollu, għall-kuntrarju tat-teżi sostnuta mill-Consiglio Nazionale degli Architetti, Pianificatori, Paesaggisti e Conservatori u mill-Ordine degli Architetti, Pianificatori, Paesaggisti e Conservatori della Provincia di Verona, minn din il-kompetenza tal-Istat Membru ospitanti ma jistax jiġi dedott li d-Direttiva 85/384 tippermetti lill-imsemmi Stat Membru jissuġġetta l-eżerċizzju tal-attivitajiet dwar il-bini ta’ interess artistiku għall-verifika tal-kwalifiki tal-persuni kkonċernati f’dan il-qasam.

44. Fil-fatt, fl-ewwel lok, jekk jiġi rikonoxxut li l-Istat Membru ospitanti għandu tali possibbiltà, ikun ifisser li dan ikun qiegħed jitħalla jitlob provi supplimentari, u dan jipperikola r-rikonoxximent awtomatiku tad-diplomi u għaldaqstant ikun, kif ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 28 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, imur kontra d-Direttiva 85/384.

45. Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-punt 37 tas-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-421/98, Ġabra p. I-10375), skont l-Artikoli 2 u 10 tad-Direttiva 85/384, meta attività tkun abitwalment eżerċitata mill-periti li jkollhom diploma mogħtija mill-Istat Membru ospitanti, perit migrant li jkollu diploma, ċertifikat jew kwalifika formali oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandu wkoll ikollu aċċess għal tali attività, anki jekk id-diplomi, ċertifikati jew kwalifiki formali oħra tiegħu ma jfissrux neċessarjament ekwivalenza materjali għal dak li jirrigwarda t-taħriġ riċevut.

46. F’dan id-dawl, id-Direttiva 85/384 tipprovdi għall-miżuri li għandhom jittieħdu meta ma teżistix ekwivalenza materjali bejn it-taħriġ riċevut fl-Istat Membru tal-oriġini jew tal-provenjenza u t-taħriġ mogħti fl-Istat Membru ospitanti (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

47. Fil-fatt, skont it-termini tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 85/384, meta t-titolu akkademiku tal-Istat Membru tal-oriġini jew tal-provenjenza jkun jista’ jiġi konfuż fl-Istat Membru ospitanti ma’ kwalifika formali li teżiġi, f’dan l-Istat Membru, taħriġ addizzjonali li l-benefiċjarju ta’ din id-direttiva ma jkunx kiseb, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeżiġi li dan tal-aħħar għandu juża t-titolu akkademiku tiegħu f’għamla xierqa li għandha tiġi speċifikata mill-Istat Membru ospitanti (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

48. Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti li għandha tiddefinixxi l-qasam tal-attivitajiet tal-professjoni tal-perit, meta attività tiġi kkunsidrata minn Stat Membru bħala li tagħmel parti mill-imsemmi qasam, ir-rekwiżit tar-rikonoxximent reċiproku jimplika li l-periti migranti għandhom ukoll ikollhom aċċess għal din l-attività (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

49. Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li l-attivitajiet li jirrigwardaw bini ta’ interess artistiku jaqgħu fil-qasam tal-attivitajiet tal-professjoni ta’ perit u jaqgħu għaldaqstant taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/384.

50. Fl-aħħar lok, konklużjoni fis-sens li l-Istat Membru ospitanti ma jistax jimponi, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/384, kundizzjonijiet supplimentari, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-eżerċizzju tal-attivitajiet li jaqgħu fil-qasam tal-professjoni ta’ perit, hija barra minn hekk ikkonfermata mill-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 52 tad-digriet Mosconi u Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia, iċċitat iktar ’il fuq.

51. Fil-fatt, skont dan il-punt, l-aċċess għall-attivitajiet imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Digriet Irjali Nru 2537/25, jiġifieri l-attivitajiet li jirrigwardaw bini ta’ interess artistiku, ma jistax jiġi rrifjutat lill-persuni li għandhom diploma ta’ inġinier ċivili jew kwalifika formali simili mogħtija fi Stat Membru ieħor minbarra r-Repubblika Taljana, meta din id-diploma jew kwalifika formali tkun imniżżla fil-lista stabbilita inkonformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 85/384 jew f’dik li tinsab fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva.

52. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 85/384 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuni, li għandhom kwalifika formali mogħtija minn Stat Membru minbarra l-Istat Membru ospitanti li tagħtihom aċċess għall-attivitajiet fil-qasam tal-arkitettura u li tissemma espressament fl-imsemmi Artikolu 11, ma jistgħux jeżerċitaw, f’dan l-aħħar Stat, attivitajiet li jirrigwardaw bini ta’ interess artistiku sakemm ma jurux, jekk ikun il-każ fil-kuntest ta’ verifika speċifika tal-kapaċità professjonali, li għandhom kwalifiki partikolari fil-qasam tal-patrimonju kulturali.

Fuq l-ispejjeż

53. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/384/KEE, tal-10 ta’ Ġunju 1985, dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta’ xhieda oħra ta’ kwalifiki formali fl-arkitettura, inklużi miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuni, li għandhom kwalifika formali mogħtija minn Stat Membru, minbarra l-Istat Membru ospitanti, li tagħtihom aċċess għal attivitajiet fil-qasam tal-arkitettura u li tissemma espressament fl-imsemmi Artikolu 11, ma jistgħux jeżerċitaw, f’dan l-aħħar Stat, attivitajiet li jirrigwardaw bini ta’ interess artistiku sakemm ma jurux, jekk ikun il-każ fil-kuntest ta’ verifika speċifika tal-kapaċità professjonali, li għandhom il-kwalifiki partikolari fil-qasam tal-patrimonju kulturali.

Top